Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2301(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0269/2017

Testi mressqa :

A8-0269/2017

Dibattiti :

PV 11/09/2017 - 25
CRE 11/09/2017 - 25

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2017 - 7.15
CRE 12/09/2017 - 7.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0330

Testi adottati
PDF 210kWORD 68k
It-Tlieta, 12 ta' Settembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
L-impatt tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali
P8_TA(2017)0330A8-0269/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali (2016/2301(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabilità korporattiva(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Mejju 2017 dwar l-evalwazzjoni tal-aspetti esterni ta' prestazzjoni u l-ġestjoni doganali bħala għodda biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabilità tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar inizjattiva ewlenija tal-UE għas-settur tal-ħwejjeġ(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 dwar iż-żejt tal-palm u d-deforestazzjoni tal-foresti pluvjali(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 li tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP)(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar is-Sostenibilità fil-Bangladesh(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi l-obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina ta' provvista għall-importaturi fl-Unjoni ta' landa, tantalju u tungstenu, il-minerali tagħhom, u d-deheb li joriġina minn żoni milquta mill-kunflitt u żoni ta' riskju għoli (11)(ir-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni għall-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (COM(2003)0251) u l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji dwar il-FLEGT,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (12)(ir-Regolament dwar l-Injam),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (13)(ir-Regolament tal-SĠP),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (14)(ir-Regolament Brussell I),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (15)(id-Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju),

–  wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta tal-2007 tal-UE u tal-Istati Membri tagħha bit-titolu "Għajnuna għall-Kummerċ: It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għall-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ f'pajjiżi li qed jiżviluppaw",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' April 2017 dwar katini ta' valur tal-ħwejjeġ sostenibbli permezz ta' azzjoni tal-UE għall-iżvilupp (SWD(2017)0147),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-Rapport IV tal-105 Konferenza tal-ILO dwar xogħol deċenti fil-katini ta' provvista mondjali,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU għall-2030,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO dwar it-tħaddim tat-tfal, ix-xogħol furzat, id-diskriminazzjoni, u l-libertà ta' assoċjazzjoni u negozjar kollettiv,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-UE u dwar il-katini ta' valur mondjali responsabbli,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabilità Soċjali Korporattiva (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra l-Att tar-Renju Unit tal-2015 dwar l-Iskjavitù Moderna u l-liġi Franċiża dwar id-dover tal-kura ta' kumpaniji multinazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt mondjali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll il-ġdid tal-ILO dwar ix-Xogħol Furzat,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014, li fiha l-UNHRC ddeċieda li jistabbilixxi grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ inkarigat li jelabora strument ġuridikament vinkolanti f'livell internazzjonali dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u bosta linji gwida tal-OECD speċifiċi għas-settur (is-settur finanzjarju, agrikolu, minerali, tal-ħwejjeġ u taż-żraben),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti tal-UNCTAD dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-2013 u l-2016,

–  wara li kkunsidra l-Qafas tal-Politika tal-Investiment tal-UNCTAD tal-2015 għall-Iżvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO TBT),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tad-WTO,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-Prinċipji tad-Drittijiet tat-Tfal u tan-Negozju żviluppati mill-UNICEF, il-Patt mondjali tan-NU u Save the Children(16),

–  wara li kkunsidra sħubijiet volontarji speċifiċi għall-pajjiżi, bħall-inizjattiva tal-Patt ta' Sostenibilità fil-Bangladesh u l-inizjattiva tad-Drittijiet tax-Xogħol fil-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar it-Tħaddim tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0269/2017),

A.  billi l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-politika kummerċjali tal-UE trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE; billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta' koerenza politika għall-iżvilupp u jistabbilixxi l-eradikazzjoni tal-faqar bħala l-objettiv ewlieni; billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Kummerċ għal Kulħadd tibbaża l-politika kummerċjali tal-UE fuq tliet prinċipji ewlenin – l-effettività, it-trasparenza u l-valuri; billi din il-komunikazzjoni għandha taqsima dedikata għar-reazzjoni għaż-żieda ta' katini ta' valur mondjali u għall-ġestjoni responsabbli tal-katini ta' provvista, filwaqt li tfakkar il-kumplessità tagħha, il-ħtieġa fundamentali tal-ħsieb prospettiv, tal-involviment ta' medda wiesgħa ta' atturi pubbliċi, privati u tas-soċjetà ċivili u tal-użu ta' taħlita ta' għodod mhux vinkolanti u innovattivi u bidliet leġiżlattivi;

B.  billi dan l-aħħar il-kummerċ ħieles qed jiġi dejjem iktar taħt skrutinju tal-pubbliku u t-tħassib dwar id-distribuzzjoni inikwa tal-benefiċċji u l-piżijiet ta' kummerċ għamlu viżibbli l-fehma tal-maġġoranza li l-politika tal-kummerċ għandha bżonn tistabbilixxi valuri soċjali u ambjentali, kif ukoll it-trasparenza u r-responsabilità, fil-qalba tagħha;

C.  billi l-katini ta' valur mondjali (GVCs) huma realtà kumplessa, immexxija mit-teknoloġija li qed tinbidel b'ritmu mgħaġġel, li saru karatteristika ewlenija fl-ekonomija mondjali tal-lum u jistgħu jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jintegraw ruħhom fiha b'mod aħjar u biex inaqqsu l-faqar u joħolqu l-impjiegi, u, fl-istess ħin, iżidu l-kapaċità ta' produzzjoni; billi, minn naħa waħda, il-GVCs joffru prospettivi ġodda għat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, l-involviment tas-soċjetà ċivili, il-ħaddiema u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi, u għall-ħolqien tal-impjiegi għal kumpaniji fi ħdan il-katina tal-produzzjoni, billi jippermettulhom li jiffukaw fuq kompiti speċifiċi filwaqt li tiżdied l-interdipendenza tagħhom; billi, min-naħa l-oħra, in-natura estremament kumplessa tagħhom, in-nuqqas ta' trasparenza u d-dilwizzjoni tar-responsabilitajiet jistgħu jwasslu għal riskju akbar ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-impunità fattwali għal reati kontra l-ambjent u l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali fuq skala kbira;

D.  billi l-politika kummerċjali trid tikkontribwixxi għal proċess trasparenti ta' produzzjoni tul il-katina tal-valur kollha, kif ukoll konformità mal-istandards fundamentali fl-oqsma ambjentali, soċjali u ta' sikurezza;

E.  billi l-politika kummerċjali u ta' investiment tal-UE trid iżżomm is-sistema multilaterali bħala l-pedament tagħha u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa fil-katini ta' provvista mondjali ġusti, iżda għandha tipprovdi wkoll għodod biex jistabbilixxu regoli ċari u r-responsabilitajiet tal-gvernijiet u l-kumpaniji sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-impenji internazzjonali bħalma huma l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs); billi s-sostenibilità u t-trasparenza mhumiex biss kwistjoni ta' valuri, iżda jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala muturi reali ta' valur miżjud ulterjuri fil-kummerċ u l-investiment mondjali fil-kuntest tal-GVCs;

F.  billi l-SMEs(17) jiffurmaw parti importanti tal-GVCs u jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u l-impjiegi ta' kwalità u biex iżommu l-popolazzjonijiet lokali milli jitbiegħdu mir-reġjuni tagħhom;

G.  billi l-parteċipazzjoni fil-GVCs tagħmel ġid lill-SMEs f'termini ta' tkabbir u ta' internazzjonalizzazzjoni; billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2015 bit-titolu "Internationalisation of Small and Medium-sized Enterprises" (Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs), 31 % biss tal-SMEs fl-UE huma involuti f'negozju barra s-Suq Intern fit-tliet snin preċedenti; billi ħafna SMEs qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-GVCs ibbażati fl-UE u dawk internazzjonali; billi l-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali jistgħu jgħinu biex jingħelbu l-ostakli u l-isfidi li l-SMEs qed jiffaċċjaw fil-preżent biex jaċċedu għall-GVCs;

H.  billi d-diliġenza dovuta volontarja u l-iskemi ta' trasparenza tal-GVCs qed jintużaw u jiġu promossi madwar id-dinja minn sħab ekonomiċi u soċjali u NGOs, li jipproduċu riżultati sostanzjali u pożittivi;

I.  billi fil-konklużjonijiet ta' Mejju 2016, il-Kunsill enfasizza "l-ħtieġa li titkompla l-promozzjoni tal-adozzjoni tal-prinċipji, il-linji gwida u l-inizjattivi dwar is-CSR/RBC miftehma f'livell internazzjonali, bħal pereżempju l-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-Patt Globali tan-NU, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, inkluż f'pajjiżi li mhumiex membri tal-OECD, li tikkontribwixxi wkoll għall-isforzi kontra l-korruzzjoni billi toħloq ambjenti tan-negozju aktar liberi u trasparenti";

J.  billi ġestjoni mondjali responsabbli tal-GVCs hija essenzjali biex il-politika kummerċjali tiġi allinjata mal-valuri Ewropej minquxa fit-Trattati; billi kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri kienu fuq quddiem nett ta' dawn id-dibattiti madwar id-dinja;

K.  billi bosta konvenzjonijiet internazzjonali, linji gwida u regoli għandhom l-għan li jipprevjenu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-pajjiżi produtturi b'mod partikolari għandhom l-obbligu li jimplimentawhom u li joħolqu l-kundizzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi xierqa li fihom in-negozji jistgħu joperaw u jsibu posthom fil-katini ta' provvista mondjali; billi l-pajjiżi produtturi għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw ukoll standards u normi internazzjonali, inklużi t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni xierqa, b'mod partikolari fil-qasam tal-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

L.  billi l-UE jenħtieġ li twieġeb b'mod saħansitra aktar effettiv għad-dumping soċjali u ambjentali u għal prattiki kummerċjali u ta' kompetizzjoni inġusti, u tiżgura kondizzjonijiet ta' parità;

M.  billi l-UE hija l-akbar esportatur u importatur mondjali tal-prodotti u tas-servizzi kkalkulati f'daqqa, l-akbar investitur dirett barrani u l-iktar destinazzjoni importanti għall-investiment dirett barrani (IDB); billi l-UE jenħtieġ li tuża din is-saħħa għall-benefiċċju kemm taċ-ċittadini tagħha stess kif ukoll dawk f'partijiet oħra tad-dinja, b'mod partikolari fl-ifqar pajjiżi tad-dinja;

N.  billi l-UE żviluppat regolamenti vinkolanti fil-qasam tad-diliġenza korporattiva dovuta f'setturi speċifiċi fejn hemm riskju għoli ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma s-setturi tal-injam u l-minerali ta' kunflitt; billi xi Stati Membri żviluppaw ukoll leġiżlazzjoni, bħalma huma l-Att dwar l-Iskjavitù Moderna tar-Renju Unit, il-Liġi Franċiża dwar id-dover ta' kura ta' kumpaniji multinazzjonali (MNC), li tapplika għall-kumpaniji Franċiżi l-kbar li jħaddmu iktar minn 5 000 ruħ, u l-Abbozz ta' Liġi Netherlandiża tad-Diliġenza Dovuta dwar it-Tħaddim tat-Tfal; billi l-UE żviluppat inizjattivi biex tippromwovi d-diliġenza dovuta u diversi riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew talbu lill-UE biex tiżviluppa regoli vinkolanti dwar din il-kwistjoni;

O.  billi l-UE diġà ħadet passi importanti lejn ġestjoni iżjed responsabbli tal-GVCs madwar id-dinja bl-iżvilupp ta' sħubijiet speċifiċi, bħalma huma l-Patt għas-Sostenibilità fil-Bangladesh u l-Inizjattiva tad-Drittijiet tax-Xogħol mal-Myanmar, u dwar kwistjonijiet speċifiċi, bħall-inizjattiva dwar il-minerali ta' kunflitt, regolamenti dwar il-qtugħ illegali tas-siġar, kriterji ta' sostenibilità għall-bijokarburanti, ir-rappurtar korporattiv dwar kwistjonijiet dwar il-katina ta' provvista, it-trasparenza korporattiva dwar pagamenti li jsiru lil gvernijiet minn industriji estrattivi u tal-qtugħ tas-siġar, kif issottolinjat fil-komunikazzjoni Kummerċ għal Kulħadd;

P.  billi l-komunikazzjoni "Kummerċ għal Kulħadd" tgħid li l-Kummissjoni se tippromwovi kapitoli dwar kummerċ ambizzjuż u żvilupp sostenibbli (TSD) fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha; billi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE konklużi reċentement jinkludu kapitoli dwar it-TSD, li fihom il-partijiet tll-ftehim huma mitluba jieħdu impenji dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards soċjali u ambjentali u r-responsabilità soċjali korporattiva; billi dawn il-kapitoli wrew differenzi fil-livell tal-ambizzjoni tagħhom fi ftehimiet kummerċjali suċċessivi tal-UE; billi l-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali mhumiex limitati għal kapitoli dwar it-TSD, iżda jridu jkunu effettivi fl-oqsma kollha tal-ftehimiet kummerċjali; billi l-approċċ iffukat fuq id-djalogu ma ppreveniex ksur serju tal-libertà ta' assoċjazzjoni f'xi Ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

Q.  billi s-sitwazzjoni partikolari għaż-Żoni għall-Ipproċessar tal-Esportazzjoni (EPZs) hija tali li f'xi pajjiżi huma eżenti minn liġijiet tax-xogħol lokali u jipprojbixxu jew jillimitaw l-attività tat-trade unions, u li l-ħaddiema ma għandhom l-ebda rikors għal rimedju legali hemmhekk, fatt li jikkostitwixxi ksur ċar tal-istandards tal-ILO;

R.  billi n-nuqqas ta' mġiba etika fin-negozju huwa wkoll il-konsegwenza tan-nuqqas ta' governanza tajba, ta' impotenza jew tal-ineżistenza ta' awtoritajiet pubbliċi imparzjali li jaġixxu fl-interess ġenerali taċ-ċittadini; billi l-korruzzjoni, in-nuqqas ta' trasparenza tal-GVCs u l-eżenzjonijiet mil-liġijiet dwar ix-xogħol u t-tassazzjoni fl-EPZs, jista' jkollhom effett negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem, partikolarment billi jimminaw ix-xogħol deċenti u t-trade unions;

S.  billi skont l-ILO, 21 miljun persuna madwar id-dinja huma vittmi ta' xogħol furzat, u ħafna minnhom huma sfruttati fil-GVCs; billi x-xogħol furzat fl-ekonomija privata jiġġenera profitt illegali ta' USD 150 biljun kull sena;

T.  billi, minħabba l-mandat, il-kompetenzi u l-esperjenza mondjali tagħha, l-ILO, f'kollaborazzjoni mal-Membri tagħha, tinsab f'qagħda tajba biex tmexxi l-azzjoni mondjali għal xogħol deċenti fil-katini tal-provvista mondjali; billi l-Kumitat tal-ILO dwar Xogħol Deċenti fi katini tal-Provvista Mondjali talab valutazzjoni tan-nuqqasijiet li jwasslu għal defiċit fix-xogħol deċenti fil-katini tal-provvista mondjali u għal riflessjoni dwar l-inizjattivi u l-istandards meħtieġa għall-promozzjoni ta' xogħol deċenti u għall-faċilitazzjoni tat-tnaqqis tad-defiċits ta' xogħol deċenti fil-katini tal-provvista mondjali;

U.  billi huwa meħtieġ approċċ olistiku, mondjali u multilaterali għar-responsabilità korporattiva għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u s-sostenibilità ambjentali fil-kuntest tal-kummerċ mondjali fil-GVC; billi huwa importanti, għalhekk, li l-UE tkompli tmexxi dawn id-dibattiti madwar id-dinja; billi l-UE poġġiet lilha nfisha fuq quddiem nett f'dak li għandu x'jaqsam mar-riforma tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn investituri u stati, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' sistema ġurisdizzjonali multilaterali; billi huwa mistenni progress simili f'oqsma kritiċi oħra ta' tħassib bħal mhuma l-infurzar tal-obbligi tal-investituri b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem;

V.  billi l-produzzjoni fil-GVCs isseħħ f'diversi ġurisdizzjonijiet bi gradi differenti ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali, tax-xogħol u ambjentali; billi l-vittmi tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jinvolvu lill-kumpaniji transnazzjonali jistgħu jiffaċċjaw ħafna ostakli fl-aċċess għal rimedji ġudizzjarji;

W.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki kollha tal-UE hija stabbilita sew fl-Artikolu 8 tat-TFUE; billi l-ftehimiet ta' kummerċ u ta' investiment għandhom ħabta jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti minħabba l-inugwaljanzi strutturali bejn is-sessi; billi l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi spiss tiġi injorata fl-analiżi tal-GVCs; billi, skont l-ILO, fl-2012 21 miljun persuna fid-dinja, li 55 % minnhom kienu nisa u bniet, kienu l-vittmi ta' xogħol furzat, fejn 90 % minnhom ġew sfruttati fl-ekonomija privata minn individwi jew impriżi;

X.  billi n-nisa jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-ħaddiema f'ċerti taqsimiet tal-katini tal-provvista mondjali fis-setturi tal-ħwejjeġ, l-ortikultura, it-telefonija mobbli u t-turiżmu iżda, meta mqabbla mal-irġiel, għandhom it-tendenza li jkunu aktar ikkonċentrati f'forom ta' impjieg b'paga baxxa jew bi status baxx, u dan iwassal għal segregazzjoni bejn is-sessi fit-tipi ta' impjiegi u attivitajiet, diskrepanzi fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u restrizzjonijiet speċifiċi għas-sessi fl-aċċess għar-riżorsi produttivi, l-infrastruttura u s-servizzi;

Y.  billi skont l-Artikolu 3(3) tat-TUE, l-Unjoni għandha tipproteġi d-drittijiet tat-tfal; billi l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

Z.  billi s-servizzi qed ikollhom rwol akbar fil-GVCs, b'mod partikolari fil-produzzjoni tas-settur tal-manifattura; billi ż-żieda fl-integrazzjoni tas-servizzi fil-GVCs se teħtieġ ftehimiet li jappoġġaw l-ekonomija diġitali, inkluż il-fluss ħieles ta' data;

AA.  billi l-iżvilupp ta' katini ta' valur mondjali jikkontribwixxi wkoll għall-integrazzjoni tas-servizzi fil-produzzjoni ta' oġġetti; billi ammont sinifikanti mill-valur ta' oġġetti importati żdied permezz ta' servizzi mill-pajjiżi ta' importazzjoni;

AB.  billi l-Istati Membri tal-UE huma l-akbar esportaturi tas-servizzi finanzjarji, u s-settur għandu importanza strateġika fil-politika kummerċjali tal-UE; billi l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar is-servizzi finanzjarji fil-Ftehimiet Esterni tal-UE, inklużi l-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles, qajmet xi tħassib leġittimu dwar l-effetti negattivi potenzjali tagħhom fejn jidħol il-ħasil tal-flus u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u tenfasizza iktar l-importanza li jitqies l-użu tal-għodod li jindirizzawhom; billi l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment joffru opportunità tajba biex tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus, u l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

AC.  billi tikkettar trasparenti u informattiv jista' jkun għodda utli li tippermetti lill-konsumaturi tal-UE jagħmlu għażliet iktar infurmati u adegwati; billi, barra mill-prezz u l-oriġini ta' prodott, kriterji soċjali u ambjentali għandhom ikunu disponibbli wkoll għall-konsumaturi tal-UE; billi dawn il-kriterji jistgħu teknikament jiġu żviluppati skont il-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-proċess ta' produzzjoni biex ikun permess il-bejgħ ta' prodott;

AD.  billi r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-produzzjoni u konformità sħiħa mal-istandards tas-sikurezza tal-ikel ta' oġġetti rilaxxati f'ċirkolazzjoni ħielsa fis-suq Ewropew jenħtieġ li jiġu rrispettati kemm mill-istati kif ukoll mill-impriżi; billi l-piż tar-responsabilità jenħtieġ li ma jinġarx biss mill-konsumaturi, li l-għażla tagħhom hija limitata kemm minn riżorsi individwali (ekonomija, ħin, għarfien) kif ukoll minn elementi esterni (informazzjoni, offerti);

AE.  billi r-Regoli tal-Oriġini (RoO) saru dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-GVCs, fejn il-produzzjoni għandha t-tendenza li tkun mifruxa f'bosta pajjiżi; billi r-regoli laxki tal-oriġini jistgħu joħolqu ostakoli addizzjonali biex tiġi stabbilita trasparenza u responsabilità sħiħa tul il-katini tal-provvista;

AF.  billi li proċeduri doganali aħjar, armonizzati u aktar effiċjenti fl-Ewropa u lil hinn minnha jiffaċilitaw il-kummerċ u jissodisfaw ir-rekwiżiti rispettivi ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ, kif ukoll jgħinu biex jevitaw il-falsifikazzjonijiet u l-oġġetti illegali, mormija u kontrafatti milli jidħlu fis-suq uniku, u dan idgħajjef it-tkabbir ekonomiku tal-UE u jikkomprometti lill-konsumaturi tal-UE b'mod serju; billi l-aċċess akbar għad-data doganali dwar l-importazzjonijiet deħlin fl-UE jżid it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-GVCs;

AG.  billi f'dinja ta' netwerks ta' produzzjoni frammentati, id-distinzjoni bejn l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet hija mċajpra, peress li l-elementi produttivi importati jammontaw għal proporzjon sinifikanti ta' esportazzjonijiet, u t-tariffi huma akkumulati kull darba li l-prodotti intermedjarji jiġu negozjati min-naħa għall-oħra tal-fruntieri; billi proċeduri doganali u tal-fruntieri, effiċjenti huma partikolarment importanti f'dan il-kuntest;

AH.  billi l-inċentivi kummerċjali SĠP u l-SĠP+ jipprovdu lill-pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp b'aċċess aħjar għas-suq, u dan bi skambju għar-rispett tal-istandards tax-xogħol, ambjentali u soċjali;

AI.  billi l-SĠP+ hija strument importanti tal-politika kummerċjali tal-UE li tipprovdi aċċess aħjar għas-suq u hija akkumpanjata minn mekkaniżmu ta' monitoraġġ strett għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-governanza t-tajba fil-pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw;

AJ.  billi l-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRs) jistgħu jipprovdu għal integrazzjoni ulterjuri fil-GVCs;

Il-pożizzjoni tal-UE fil-GVCs

1.  Jenfasizza li l-politika kummerċjali u ta' investiment jenħtieġ li tipprovdi effett ta' lieva, biex toħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għan-negozji Ewropej, tippromwovi l-kompetittività Ewropea u tiffaċilita l-konverġenza 'l fuq tal-istandards; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koerenza bejn il-politiki ambjentali, tas-saħħa pubblika, kummerċjali, ta' investiment u industrijali tal-UE, u tippromwovi l-istrateġija Ewropea tar-reindustrijalizzazzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

2.  Jemmen li l-integrazzjoni ulterjuri tal-UE fil-katini tal-valur mondjali m'għandhiex tkun ta' detriment għall-mudell soċjali u regolatorju Ewropew u l-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-għarfien u l-adozzjoni ta' skemi ta' kummerċ ġust eżistenti, kif imsemmi fl-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd, kemm fi ħdan il-qafas tal-pjan tal-UE għas-sostenibilità kif ukoll il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp;

4.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw strumenti msaħħa tad-difiża tal-kummerċ sabiex jikkumbattu l-prattiki kummerċjali inġusti, b'kont meħud ta' dumping soċjali u ambjentali;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt tal-użu tal-istrumenti ta' difiża tal-kummerċ, mill-UE u minn pajjiżi terzi, dwar l-integrazzjoni effettiva ta' negozji tal-UE fil-GVCs;

6.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' regoli armonizzati u koordinament u superviżjoni msaħħa tal-UE għall-applikazzjoni ta' dazji fuq l-importazzjoni mill-Istati Membri (inklużi dazji konvenzjonali, ta' anti-dumping u dawk kompensatorji) għat-tipi kollha ta' prodotti bażiċi u merkanzija, speċjalment bl-involviment ta' dikjarazzjonijiet foloz tal-oriġini (fir-reġim preferenzjali u mhux) u s-sottovalutazzjoni u deskrizzjoni ħażina tal-merkanzija;

Il-GVCs u l-multilateraliżmu

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem b'mod attiv fi ħdan id-WTO sabiex tiżdied it-trasparenza, u biex tiddefinixxi u tippromwovi regoli multilaterali għall-kummerċ, inkluż il-ġestjoni sostenibbli tal-GVCs, li b'mod partikolari, jenħtieġ li jinkludu dan li ġej:

   rekwiżiti tad-diliġenza dovuta u tat-trasparenza obbligatorji fil-katina tal-provvista, fuq il-bażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;
   standards minimi tas-saħħa u tas-sikurezza, li jirrikonoxxu b'mod partikolari d-dritt tal-ħaddiema li jistabbilixxu kumitati tas-sikurezza,
   bażi ta' protezzjoni soċjali u rispett għall-istandards tax-xogħol tal-ILO;
   id-dritt ta' negozjar kollettiv;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-fora multilaterali kollha dwar in-negozju, il-GVC, id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li jippromwovu l-valuri Ewropej minquxa fit-Trattati u b'kont meħud tal-ħtieġa fundamentali li jiġu protetti l-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs;

9.  Jilqa' n-negozjati li għaddejjin dwar Trattat vinkolanti tan-NU għall-Kumpaniji Transnazzjonali u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv f'dawn in-negozjati u biex jieħdu sehem attiv u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' proposti konkreti, inkluż l-aċċess għal rimedji, jinvestu l-isforzi kollha tagħhom fil-ksib ta' riżultat pożittiv u t-tħeġġiġ ta' sħab kummerċjali sabiex jiġu involuti b'mod ugwali; jitlob lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tikkunsidra l-possibilità ta' diliġenza dovuta obbligatorja estensiva, inkluż fuq il-livell mondjali;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-applikazzjoni u jżidu l-effettività tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali (NAP) li jimplimentaw il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza li tmienja mit-13-il NAP li diġà ġew approvati huma minn Stati Membri tal-UE u jilqa' l-fatt li 11-il NAP tal-UE oħrajn qed jiġu abbozzati; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa u tippromwovi l-implimentazzjoni ta' dawn il-Prinċipji Gwida tan-NU;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konverġenza tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari bejn il-Prinċipji Gwida tan-NU u l-Linji Gwida tal-OECD għal Impriżi Multinazzjonali;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni integrali ta' Xogħol Deċenti u l-erba' pilastri tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO dwar l-SDGs tan-NU; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex effettivament japplikaw dawn l-istandards u biex jaħdmu fi ħdan l-ILO lejn l-adozzjoni ta' standard internazzjonali tax-xogħol għal xogħol deċenti dwar il-GVCs, li se teħtieġ, b'mod partikolari, li l-kumpaniji kollha jwettqu ġestjoni tar-riskju kontinwa tal-impatt tal-attivitajiet tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ħaddiema u tal-komunitajiet u biex jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu u jimmitigaw dawn l-attivitajiet u jipprovdu rimedju lil dawk milquta;

13.  Jappoġġa l-inizjattivi mondjali kollha kontra l-korruzzjoni, inkluża l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI), il-Proċess ta' Kimberley, il-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar (ICGLR), il-prinċipji stabbiliti fil-Patt Mondjali għan-Negozji tan-Nazzjonijiet Uniti, il-linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-impriżi multinazzjonali u l-Gwida tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta għal katini ta' provvista responsabbli tal-minerali minn żoni milquta minn kunflitt u f'żoni ta' riskju għoli; ifakkar fl-obbligu li l-pajjiżi produtturi, b'mod partikolari, jimplimentaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni xierqa, anke fil-qasam tal-istabbiliment tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

14.  Jirrimarka li, f'dan il-qasam, flimkien mal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' minerali u metalli, l-użu ta' arranġamenti trasparenti li jirregolaw id-drittijiet operattivi u d-dazji doganali hu essenzjali għall-iżvilupp ta' żoni ta' kunflitt jew b'riskju għoli; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jitfassal kompendju tal-miżuri eżistenti ta' responsabilità soċjali korporattiva li qed jiġu implimentati min-negozji Ewropej, u l-ħtieġa li jissaħħaħ il-koordinament u l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki, sabiex il-prattiki tajba jkunu jistgħu jiġu identifikati b'effikaċja u biex jingħata kontribut għall-ħolqien ta' qafas ta' azzjoni komuni fil-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-inizjattivi relatati mar-responsabilità soċjali korporattiva u d-diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista kollha;

15.  Jirrimarka li l-aċċess affidabbli għall-materja prima huwa importanti għall-kompetittività mondjali;

16.  Jenfasizza l-importanza li l-liġijiet eżistenti jiġu implimentati, infurzati u trasposti għall-GVCs fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali;

Responsabilità korporattiva

17.  Jenfasizza li l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem isaħħu lil xulxin, u li l-komunità kummerċjali għandha rwol importanti xi twettaq biex toffri inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittjiet tal-bniedem, id-demokrazija u r-responsabilità korporattiva;

18.  Jilqa' l-bosta inizjattivi promettenti meħuda mis-settur privat, bħall-kodiċijiet ta' kondotta, it-tikkettar, l-awtovalutazzjoni u awditi soċjali, li kkontribwixxew b'mod sinifikanti għal titjib reċenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-katini tal-provvista mondjali;

19.  Jinsab imħasseb sew b'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u bit-theddid għas-sostenibilità ambjentali imwettqa bħala riżultat ta' deċiżjonijiet ta' ġestjoni ta' xi kumpaniji;

20.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-eżistenza ta' regoli internazzjonali ċari dwar ir-responsabilità soċjali korporattiva (CSR), GVC u d-diliġenza dovuta; jilqa' t-taħlita intelliġenti ("smart mix") ta' azzjonijiet regolatorji u dawk volontarji, li waslet għal xi riżultati pożittivi f'dawn l-aħħar ftit snin u għenet lin-negozji jsibu triqithom lejn miżuri dinamiċi u innovattivi; jenfasizza li l-koordinament, il-qsim tal-informazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki jistgħu jikkontribwixxu biex iżidu l-effiċjenza tal-inizjattivi tal-katina tal-valur privati u pubbliċi u jiksbu riżultati pożittivi; ifakkar, madankollu, li CSRs fuq bażi volontarja jistgħu wkoll iwasslu għal kompetizzjoni inġusta għall-fornituri li jkunu għażlu li jikkonformaw ma' standards internazzjonali tax-xogħol u tal-ambjent u mhuwiex biżżejjed fih innifsu li jiġi żgurat li kumpaniji li huma kompletament konformi ma' standards u obbligi internazzjonali li tiġi implimentata l-politika tad-diliġenza dovuta; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jitfassal kompendju ta' miżuri eżistenti ta' CSR li qed jiġu implimentati min-negozji Ewropej, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati prattiki tajba b'mod aktar effettiv u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' qafas ta' azzjoni komuni fil-livell Ewropew; jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha, mingħajr dewmien, tfittex modi biex tiżviluppa strateġiji u regoli ta' trasparenza għall-GVCs, inkluż li possibbilment tiġi kkunsidrata azzjoni immedjata lejn l-iżvilupp ta' regoli vinkolanti u infurzabbli, rimedji assoċjati u mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti li jinvolvu lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lis-soċjetà ċivili; jenfasizza li tali obbligi jenħtieġ li jsegwu l-passi rikjesti mill-Prinċipji Gwida tan-NU u l-Linji Gwida tal-OECD relatati mal-identifikazzjoni proattiva tar-riskji għad-drittijiet tal-bniedem, it-tfassil ta' pjanijiet ta' azzjoni rigorużi u verifikabbli li jipprevjenu jew itaffu dawn ir-riskji, reazzjoni adegwata għall-abbużi magħrufa u t-trasparenza;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti aktar prominenza lil dawn id-dispożizzjonijiet u tippromwovi l-adozzjoni ta' linji gwida settorjali tal-OECD u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tiġi involuta b'mod formali fil-proċess ta' implimentazzjoni permezz ta' strutturi stabbiliti taħt il-kapitoli dwar it-TSD; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-ħidma ta' entitajiet ta' standardizzazzjoni internazzjonali bħalma huma l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (inkluż ISO 26000) u l-Inizjattiva Globali ta' Rappurtar, sabiex tinkoraġġixxi lin-negozji jirrapportaw dwar is-sostenibilità u l-ħolqien ta' valur tul il-katina tal-provvista kollha;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konformità tal-kumpaniji Ewropej u internazzjonali mal-linji gwida tal-OECD dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-linji gwida tal-OECD speċifiċi għas-settur bħall-gwida dwar id-diliġenza dovuta għal katini ta' provvista responsabbli ta' minerali minn żoni milquta minn kunflitt; jirrakkomanda li jissaħħaħ ir-rwol tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-OECD u l-kooperazzjoni tagħhom ma' istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem nazzjonali u reġjonali bil-għan li tkompli titjieb il-governanza tal-GVCs;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-approċċ tagħha lejn is-CSR bl-għan li ssaħħaħ l-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali u, b'mod partikolari, tinsisti fuq l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet ta' CSR fi ftehimiet kummerċjali u ta' investiment negozjati mill-UE;

24.  Jenfasizza li l-koordinament u l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki jistgħu jgħinu sabiex l-inizjattivi tal-katina tal-valur privati u pubbliċi jkunu aktar effettivi;

25.  Ifakkar li fl-2010 l-Parlament talab li l-kumpaniji jenħtieġ li jippubblikaw il-bilanċi tagħhom tas-CSR, l-introduzzjoni ta' rekwiżiti ta' diliġenza dovuta għall-impriżi kollha, kif ukoll il-konsolidazzjoni tal-kunċett CSR fuq il-bażi ta' definizzjoni armonizzata tar-relazzjonijiet bejn il-kumpaniji prinċipali sabiex tiġi stabbilita r-responsabilità legali ta' kull waħda minnhom; għalhekk jinnota b'sodisfazzjon li d-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità se tkun rikjesta minn kumpaniji kbar mill-2017, skont id-Direttiva dwar ir-Rappurtar mhux Finanzjarju; Jiddispjaċih, madankollu, li d-divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja minn kumpaniji kbar għadha ma ġietx estiża biex tkopri lill-atturi kollha li joperaw fil-GVCs;

26.  Jinnota l-inizjattiva tal-'karta ħadra' mnedija minn xi parlamenti nazzjonali wara l-adozzjoni tal-liġi Franċiża dwar id-dmir ta' diliġenza tal-MNC; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-proposti għal diliġenza dovuta korporattiva għal kumpaniji li joperaw kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE, b'kunsiderazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Franċiża dwar il-liġi Franċiża, jiġifieri dwar il-proporzjonalità tas-sanzjonijiet;

27.  Ifakkar li l-politiki CSR għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċjali tal-SMEs, u jkunu flessibbli biżżejjed biex jiġi żgurat li dawn ma jkunux soġġetti għal piżijiet sproporzjonati; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tistabbilixxi helpdesk speċifiku għall-SME, b'attenzjoni speċjali għall-intrapriżi żgħar u mikro, u biex tappoġġahom bi programmi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet imfassla apposta;

28.  Jenfasizza li GVCs ma jintemmux meta l-prodott jasal għand il-konsumatur, iżda jinkludu skart u kif dan jiġi trattat; iħeġġeġ li jitqies iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodotti u t-titwessa' l-perspettiva dwar il-GVCs biex tinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-rimi tal-iskart mingħajr ma ssir ħsara lill-persuni jew lill-ambjent; jistieden lill-UE tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni internazzjonali u l-koerenza leġiżlattiva rigward prodotti u materjali fi tmiem iċ-ċiklu ta' ħajja tagħhom u tgħin lill-pajjiżi sħab biex jiżviluppaw regolamenti nazzjonali u kapaċitajiet ta' infurzar aktar b'saħħithom; jistieden lill-UE biex tiżgura li t-traċċabilità tapplika għal dan l-ispettru tal-ħajja tal-prodotti;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġixxi malajr, f'konformità mal-proposti dettaljati li jinsabu fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar ir-responsabilità tal-kumpaniji għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi;

Il-ħolqien ta' rwol aktar prominenti għall-inizjattivi tas-settur privat

30.  Jenfasizza l-kisbiet ta' involviment tas-settur privat; jenfasizza li l-kumpaniji fis-settur privat għandhom isegwu strateġiji ta' sostenibilità, mhux biss sabiex jevitaw li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tagħhom, iżda wkoll minħabba li dan joffrilhom opportunitajiet ġodda u jnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq riżorsi skarsi;

31.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-konsumaturi (u l-effetti ta' pubbliċità ħażina); ifakkar li l-ebda konsumatur ma jrid ikompli jixtri prodotti magħmula mit-tfal jew minn irġiel u nisa sfruttati, jew prodotti li jkunu kkaġunaw ħsara ambjentali kbira;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni ssib modi ġodda biex tappoġġa l-isforzi tas-settur privat biex il-katini ta' valur mondjali jsiru aktar sostenibbli u jiġu żviluppati mudelli ta' negozju inklużivi u sħubijiet relatati b'diversi partijiet interessati mis-settur privat;

33.  Jenfasizza li taħlita intelliġenti bejn finanzjament pubbliku u privat hija meħtieġa għall-promozzjoni ta' katini ta' valur mondjali sostenibbli; jemmen li dan għandu jibni fuq strutturi u programmi eżistenti li rnexxu fil-promozzjoni ta' mġiba responsabbli fin-negozju;

34.  Jilqa' l-bosta inizjattivi promettenti meħuda mis-settur privat, bħal kodiċijiet ta' kondotta, tikkettar, awtovalutazzjoni u awditi soċjali, u jagħraf il-Patt Mondjali tan-NU, l-istandard ISO 26000 dwar ir-responsabilità soċjali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali bħala strumenti li jistgħu jimmobilizzaw ir-responsabilità fl-attivitajiet ta' negozju tal-impriżi; jistieden lill-kumpaniji, sew jekk Ewropej sew jekk mhux, japplikaw id-diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u jintegraw il-konklużjonijiet tagħhom fil-politiki u fil-proċeduri interni, billi jallokaw konsegwentement ir-riżorsi u r-responsabilitajiet u jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom; jenfasizza li dan jirrikjedi l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti; jenfasizza li t-trasparenza u l-komunikazzjoni dwar il-miżuri meħudin biex jevitaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi huma kruċjali għall-eżerċizzju ta' kontroll demokratiku xieraq u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla abbażi tal-fatti;

Il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTA) tal-UE u l-GVCs

35.  Jilqa' l-istrateġija l-ġdida tal-kummerċ u l-investiment għall-Unjoni Ewropea, il-Kummerċ għal Kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza, fil-politika kummerċjali u ta' investiment u fl-FTA tagħha, l-isfidi assoċjati maż-żieda fil-GVCs billi tqis il-miżuri li ġejjin:

   a) it-tisħiħ ex ante ta' Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummerċ għas-Sostenibilità (TSIAs), billi jiżdiedu r-rekwiżiti ta' valutazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar is-sessi, u jkunu disponibbli għall-pubbliku b'mod obbligatorju TSIAs ex post, bil-kontribut tas-soċjetà ċivili;
   b) l-implimentazzjoni bis-sħiħ tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament tal-2010 u l-2016 fir-rigward tal-kapitoli dwar it-TSD fl-FTA, li jenħtieġ li jinkludu kapitoli dwar it-TSD komprensivi, infurzabbli u ambizzjużi u jitqiesu l-aspetti li ġejjin:
   i) impenn minn kull parti biex jirratifikaw u jimplimentaw it-tmien Konvenzjonijiet ILO fundamentali u l-erba' Konvenzjonijiet ILO ta' prijorità kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali internazzjonali;
   ii) kopertura tal-klawsoli tad-drittijiet tal-bniedem u l-kapitoli dwar it-TSD mill-mekkaniżmi tas-soluzzjoni tat-tilwim ġenerali, b'kundizzjonijiet indaqs mal-partijiet l-oħra tal-ftehim;
   iii) il-possibilità ta' appell u lta' rimedju permezz ta' proċedura għall-ilmenti għas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili;
   iv) miżuri deterrenti effettivi: inkluż fil-forma ta' miżuri korrettivi pekunjarji, fil-każ ta' ksur gravi u ppruvat tad-dispożizzjonijiet dwar it-TSD;
   c) l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet infurzabbli kontra l-korruzzjoni u li jipproteġu lill-informaturi, fi ħdan il-kompetenza tal-UE, fl-FTA u l-ftehimiet ta' investiment futuri kollha; f'dan ir-rigward, jisħaq fuq il-fatt li l-partijiet firmatarji tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment jenħtieġ li jieħdu miżuri biex jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva tas-settur privat, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-gruppi konsultattivi nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-programmi u tal-klawsoli relatati mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-ftehmijiet kummerċjali u ta' investiment internazzjonali;
   d) l-inklużjoni tal-klawsoli ta' sospensjoni li jiffissaw livell minimu ta' standards soċjali, ambjentali u ta' sikurezza, inklużi s-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, fl-FTA kollha tal-UE, u b'hekk jiġi prevenut li l-partijiet inaqqsu l-istandards soċjali, ambjentali u ta' sikurezza sabiex jippromwovu l-esportazzjonijiet u jattiraw l-investimenti;
   e) l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza fiskali (inklużi l-istandards ta' trasparenza ewlenin tal-OECD) u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi fiskali u l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fl-FTA, li għandhom ikunu riflessi kif xieraq fir-rekwiżiti għall-ftuħ tas-suq għas-servizzi finanzjarji;
   f) is-suppliment għad-dispożizzjonijiet imsemmija kollha b'miżuri ta' sostenn għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-monitoraġġ rigoruż tal-implimentazzjoni tagħhom, inkluż permezz ta' kontributi mill-parlamenti nazzjonali u partijiet interessati inkluża s-soċjetà ċivili;
   g) żieda fir-rabta tal-prijoritajiet maqbula fuq livell bilaterali għall-implimentazzjoni tal-kapitoli dwar it-TSD tal-FTA u appoġġ finanzjarju mill-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE;

36.  Ifakkar fir-rwol ewlieni li jista' jkollhom l-SMEs fil-GVCs minn naħa waħda, u l-benefiċċji ta' iktar integrazzjoni tal-SMEs fil-GVCs min-naħa l-oħra; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli dwar l-SMEs fil-ftehimiet kummerċjali futuri kollha; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tevalwa l-istrutturi ta' appoġġ eżistenti li huma disponibbli għall-SMEs li jixtiequ jkollhom aċċess għall-GVCs, u biex tirrevedi u, jekk meħtieġ, taġġorna l-istrateġija "Negozju Żgħir, Dinja Kbira" mill-2011 sabiex tkompli tiffaċilita l-involviment tal-SMEs fil-GVCs;

37.  Jenfasizza li l-GVCs spiss jinkludu l-produzzjoni u s-servizzi fiż-Żoni għall-Ipproċessar tal-Esportazzjoni (EPZ), fejn l-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali huma differenti mill-bqija tal-pajjiż ikkonċernat u ta' spiss jiġu ristretti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istandards soċjali u ambjentali fl-FTA japplikaw mat-territorju kollu tas-sħab kummerċjali, inkluż f'EPZs;

It-tikkettar, it-traċċabilità u d-data doganali

38.  Jistieden lill-UE biex taħdem favur soluzzjonijiet adegwati u effiċjenti għall-introduzzjoni ta' sistema ta' tikkettar soċjalment u ambjentalment traċċabbli obbligatorja tul il-katina ta' produzzjoni kollha, f'konformità mal-Ftehim TBT tad-WTO, filwaqt li tiġi promossa azzjoni simili fuq livell internazzjonali;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni għal regoli ta' tikkettar dwar l-oriġini tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE, jew li tipproponi regoli li jiggarantixxu traċċabilità effettiva;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni u jħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu modi li bihom il-partijiet li jkollhom l-interess pubbliku involut ikollhom aċċess, soġġett għal ġustifikazzjoni xierqa u fuq talba magħmula abbażi tal-interess pubbliku, għad-data doganali miġbura minn partijiet li jinnegozjaw fi prodotti jew oġġetti importati fl-UE;

Il-ġurisdizzjoni u l-aċċess għar-rimedji

41.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati b'mod effettiv l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-kumpaniji transnazzjonali meta jidhru, u li jiġu indirizzati l-problemi ġuridiċi li ġejjin mid-dimensjoni extraterritorjali ta' kumpaniji, b'mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta' responsabilità legali konġunt tul il-katini tal-provvista; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu passi xierqa biex jindirizzaw l-ostakoli finanzjarji u proċedurali li l-vittmi jħabbtu wiċċhom magħhom fil-litigazzjoni ċivili;

42.  Itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrifletti fuq l-estensjoni tar-regoli ġuriżdizzjonali skont ir-Regolament Brussell I għall-konvenuti ta' pajjiż terz f'każijiet imressqa kontra kumpaniji b'rabta ċara ma' xi Stat Membru wieħed jew kontra kumpaniji li għalihom l-UE hija suq essenzjali u jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta malajr, jekk xieraq, proposta lill-Parlament u lill-Kunsill;

43.  Ifakkar li l-impriżi kummerċjali jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' lment fil-livell operazzjonali għall-ħaddiema milquta mill-operazzjonijiet tagħhom, inkluż fl-EPZ; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jindirizzaw l-ostakli ġuridiċi, proċedurali u istituzzjonali ffaċċjati fl-aċċess għal rimedji effettivi;

L-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tat-tfal

44.  Ifakkar li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija stabbilita sew fil-politiki kollha tal-UE kif iddikjarat fl-Artikolu 8 tat-TFUE; jiddeplora l-fatt li l-ġeneru mhuwiex imsemmi fl-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd, u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-istrateġija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-perspettiva tal-ġeneru tiġi inkluża u integrata fil-politika kummerċjali u ta' investiment, fl-istrateġija tal-Għajnuna għall-Kummerċ, u fl-FTA u l-valutazzjonijiet tal-impatt futuri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiddiskuti u tinnegozja fi ħdan id-WTO sabiex jittieħed kont tal-ġeneru fil-politika tal-kummerċ u tal-investiment tad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data diżaggregata skont il-ġeneru għal GVC, speċjalment fis-settur agrikolu, b'kont meħud tat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa li tmur lil hinn minn kwistjonijiet ta' pagi, fatturi li jwasslu għall-vjolenza kontra n-nisa, u fatturi soċjali bħalma huma l-liv tal-ġenituri u s-saħħa, bl-għan li jinħolqu forom legali biex jingħelbu l-effetti sekondarji negattivi fil-GVC; jilqa' l-fatt li l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi qed tiġi indirizzata fin-negozjati dwar l-aġġornament tal-ftehim bejn l-UE u ċ-Ċilì u ser tiġi indirizzata fil-ftehim aġġornat futur;

45.  Jitlob li ssir analiżi komprensiva tad-differenzi u l-inugwaljanzi fil-qafas tal-GVC, fir-rigward ta': (i) id-differenzi bejn is-sessi fl-użu tal-ħin, li jirriżultaw l-aktar mir-responsabilità primarja tan-nisa għax-xogħol riproduttiv; (ii) id-differenzi bejn is-sessi fl-aċċess għal fatturi u riżorsi produttivi, b'mod partikolari l-art, il-kreditu, it-taħriġ, u n-netwerks; u (iii) id-differenzi bejn is-sessi li jirriżultaw minn fallimenti u d-diskriminazzjoni fil-livell ta' swieq u istituzzjonijiet;

46.  Jisħaq fuq il-punt li n-nisa għandhom it-tendenza li jkunu dawk li jbatu l-aktar, u li spiss, fil-każ tan-nisa, it-traffikar ta' persuni jsir b'mod parallel mat-traffikar għal finijiet sesswali u l-femminiċidju;

47.  Jipproponi li fil-livell tal-kummerċ internazzjonali u tal-politiki kummerċjali tal-UE fuq GVC, jenħtieġ li tiġi żviluppata strateġija speċifika biex formalment tipproteġi lill-individwi li jiddenunzjaw prattiki bħall-femminiċidju, it-traffikar ta' persuni u t-traffikar sesswali, u biex tiddefendi lill-vittmi; jisħaq fuq il-punt li min jiddenunzja jenħtieġ li jingħata rikonoxximent u protezzjoni simili bħal kif inhu mitlub fil-każ tal-informaturi fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali u tal-UE;

48.  Ifakkar ukoll, li hemm aktar nisa jaħdmu iżda xorta jibqgħu rappreżentati żżejjed f'impjiegi b'livell baxx ta' ħiliet u b'pagi baxxi, b'nuqqas ta' aċċess għal miżuri ta' protezzjoni soċjali, inkluża l-protezzjoni tal-maternità, u spiss wisq jiġu soġġetti għal diskriminazzjoni u fastidju sesswali;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jippromwovu akkwist pubbliku sostenibbli, billi jiġu applikati rekwiżiti speċifiċi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-konformità mad-dritt internazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u r-regoli Ewropej dwar il-kompetizzjoni, kif ukoll it-trasparenza għall-fornituri u għall-katini ta' provvista internazzjonali tagħhom;

50.  Jenfasizza l-importanza tar-ratifika tal-Konvenzjonijiet tal-ILO Nru 182 dwar l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal, u Nru 138 dwar l-età minima għall-ammissjoni għal impjieg u xogħol minn dawk il-pajjiżi li għadhom m'għamlux dan; ifakkar li l-UE hija impenjata biex teqred l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal f'livell mondjali, f'konformità mal-valuri tagħha, li jinkludu l-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal fl-azzjoni esterna tal-UE kif inhi mħaddna fl-Artikolu 21 TUE; itenni t-talba tiegħu għall-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kontrolli tal-katina tal-importazzjoni u tal-provvista biex jiġi żgurat li fis-suq tal-UE jidħlu biss prodotti ħielsa mill-impjieg furzat, mit-tħaddim tat-tfal u mill-iskjavitù moderna; jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi eżistenti li jappoġġaw lill-SME u lill-organizzazzjonijiet żgħar tal-bdiewa bl-għan li jiksbu sehem ikbar ta' valur f'GVC, bħal fil-każ ta' kummerċ ġust; jenfasizza l-importanza tal-inklużjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fl-FTA kollha tal-UE, permezz ta' kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli, sabiex jiġi żgurat li dan l-objettiv huwa kondiviż minn sħab kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod vigoruż jiddefendu din il-proposta fil-fora internazzjonali kollha, inklużi l-ILO, l-OECD, in-NU u d-WTO, sabiex isir progress fil-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-objettiv ta' prodotti ħielsa mit-tħaddim tat-tfal jista' jinkiseb biss jekk dan jaħdem flimkien ma' pagi li jippermettu livell ta' għajxien minimu għall-membri tal-familja tat-tifel/tifla;

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw

51.  Jenfasizza li l-GVC jikkostitwixxu opportunità importanti għall-kumpaniji fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,b'mod partikolari l-SME, biex tiġi żviluppata rabta mal-ekonomija mondjali; jenfasizza li politiki speċifiċi u l-miżuri ta' akkumpanjament huma kruċjali sabiex jintlaħaq dan l-għan u biex jiġu estiżi l-vantaġġi potenzjali lill-ħaddiema kollha fil-pajjiżi sħab kummerċjali tagħna, b'mod partikolari l-politiki li għanhom l-għan li l-proċeduri amministrattivi jsiru iżjed effiċjenti, jew li l-kumpaniji kkonċernati jiġu mgħejuna biex jiżdied il-valur miżjud u tiġi estiża l-parteċipazzjoni tagħhom f'GVC, filwaqt li jittejbu wkoll l-istandards soċjali u ambjentali tagħhom; jirrimarka li r-rieżami tal-SĠP u l-SĠP+ jenħtieġ li jinkludi regoli vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent; jinnota li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw huma limitati fil-kapaċità tagħhom u r-riżorsi biex effettivament jinfurzaw il-konformità ma' standards u regolamenti soċjali u ambjentali; jistieden lill-UE ssaħħaħ il-bini tal-kapaċità u tipprovdi lill-gvernijiet ta' pajjiżi sħab li qed jiżviluppaw b'għajnuna teknika fejn ikun possibbli u meħtieġ;

52.  Ifakkar fl-aġenda tal-SDG 2030 u fl-approċċi tagħha rigward il-produzzjoni sostenibbli, il-konsum sostenibbli u x-xogħol deċenti, u jappella lill-Kummissjoni biex fir-rappurtar tagħha tikkomunika b'mod trasparenti r-referenza għal kull SDG ikkonċernat; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-kummerċ fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-governanza t-tajba skont il-prinċipji tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp; jenfasizza li ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE konklużi mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-SDG; itenni d-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jirregolaw l-investiment sabiex jiżguraw obbligi u dmirijiet għall-investituri kollha, inklużi l-investituri barranin, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem, l-impjieg u l-istandards ambjentali;

53.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ li, jekk implimentat sew se jissimplifika u jimmodernizza l-proċeduri doganali, li jagħmilha aktar faċli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ġeneralment ikollhom aktar limiti konfinali, biex jintegraw fis-sistema tal-kummerċ mondjali;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-parteċipazzjoni effettiva tal-SME f'GVC, billi tappoġġa t-tlaqqigħ u sħubiji bejn l-SME u l-gruppi żgħar ta' bdiewa f'pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom l-għan li jiksbu sehem akbar ta' valur għall-produtturi, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem, bħal fil-każ ta' kummerċ ġust;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem marbutin mal-preferenzi kummerċjali unilaterali mogħtija taħt il-SĠP jiġu infurzati u monitorjati effettivament, u li l-proċeduri previsti għal każijiet ta' nuqqas ta' konformità possibbli ma' dawk il-kundizzjonijiet jiġu implimentati, f'konformità sħiħa mar-Regolament SĠP;

56.  Jistenna r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-SĠP biex jiċċara d-definizzjonijiet u jipprovdi valutazzjoni komprensiva tal-iskema attwali; huwa tal-fehma li l-politika tal-kummerċ għandha tkun mod biex tinkoraġġixxi lis-sħab kummerċjali tal-UE biex jadottaw standards soċjali, tax-xogħol u tal-ambjent ogħla, li jistgħu jinkisbu permezz ta' inċentivi bħal preferenzi tariffarji addizzjonali għal oġġetti prodotti b'mod sostenibbli; jemmen li dan l-għan jeħtieġ reviżjoni tar-Regolament SĠP, u jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward li jiddaħħlu l-kondizzjonijiet tas-CSR fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-korporazzjonijiet transnazzjonali mal-obbligi legali nazzjonali u internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tax-xogħol u dawk ambjentali; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tad-drittijiet tat-trade unions fl-EPZ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-ILO, fir-rieżami tal-SĠP;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li proġetti ta' żvilupp kollha ffinanzjati mill-UE, inklużi l-proġetti ta' taħlit, mhux biss jiġu allinjati totalment mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp maqbula internazzjonalment, iżda wkoll jirrispettaw b'mod sħiħ il-prinċipju ta' kunsens liberu, minn qabel u informat kif stabbilit fil-Konvenzjoni Nru 169 tal-ILO;

Regoli tal-Oriġini (RoO)

58.  Jinnota li r-RoO simplifikati, effettivi u preferenzjali huma element ewlieni fil-kuntest tal-GVC; jirrikonoxxi li l-inflessibilità u l-kumplessità tar-RoO jistgħu jxekklu l-effiċjenza tal-flussi kummerċjali;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, sa fejn hu possibbli, tuża r-RoO multilaterali bħala RoO preferenzjali fl-FTA; jistieden lill-Kummissjoni, biex meta tfassal RoO preferenzjali speċifiċi fl-FTA, tnaqqas ir-rekwiżiti ta' valur miżjud u tippermetti bidla fis-subintestatura tariffarja u ta' 'trasformazzjoni unika' bħala r-RoO;

60.  Jitlob lill-Kummissjoni, b'mod partikolari fil-każ ta' negozjati dwar l-FTA ma' pajjiżi li bħalissa qed jibbenefikaw mill-preferenzi tal-SĠP u l-EBA, biex jiġi żgurat li d-disinn tar-RoO ma jiddevjax il-proċessi ekonomiċi;

61.  Huwa tal-fehma li iżjed akkumulazzjoni fl-FTA m'għandhiex titqies bħala għodda għal-liberazzjoni mill-bieb ta' wara, iżda, pjuttost, bħala għodda li tippermetti lill-pajjiżi biex jispeċjalizzaw f'attivitajiet ekonomiċi skont il-loġika ta' vantaġġ komparattiv;

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali u flussi ta' data

62.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tipproteġi l-ispettru sħiħ ta' DPI inklużi l-privattivi, it-trademarks, id-drittijiet tal-awtur, id-disinji, l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ), l-immarkar tal-oriġini u l-farmaċewtiċi, filwaqt li jiġi żgurat l-aċċess għal mediċini bi prezzijiet aċċessibbli, kemm fil-livell tad-WTO u permezz tal-FTA; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni ulterjuri dwar l-estensjoni possibbli tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika għal prodotti mhux agrikoli, bħalma jiġri diġà f'diversi pajjiżi terzi permezz ta' sistemi ġuridiċi differenti; jitlob għal proċess miftuħ u inklużiv għal kooperazzjoni mtejba ma' sħab terzi biex jiġu miġġielda l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' oġġetti li japprofittaw mill-fiduċja fi trademarks u ismijiet ta' ditti;

63.  Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni diġitali u l-flussi tad-data huma muturi kruċjali tal-ekonomija tas-servizzi u huma element essenzjali tal-GVC ta' kumpaniji ta' manifattura tradizzjonali, u li, għaldaqstant, rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni furzati jenħtieġ li jkunu limitati sa fejn huwa possibbli ġewwa u barra l-Ewropa, filwaqt li jkun hemm akkomodazzjoni għal eżenzjonijiet meħtieġa abbażi ta' għanijiet pubbliċi leġittimi bħall-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; ifakkar li l-protezzjoni tal-fluss tad-data u d-dritt għall-privatezza mhumiex ostakli għall-kummerċ iżda drittijiet fundamentali, kif inhuma minquxa fl-Artikolu 39 tat-TUE u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 12 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

o
o   o

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċu lill-UNCTAD.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0299.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0298.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0208.
(4) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0405.
(6) Testi adottati, P8_TA(2017)0196.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0098.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0041.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0252.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0265.
(11) ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.
(12) ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.
(13) ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.
(14) ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.
(15) ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1.
(16) http://childrenandbusiness.org
(17) ara d-definizzjoni ta' SME: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/HTML/?uri=CELEX:32003H0361&from=EN

Avviż legali - Politika tal-privatezza