Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Indja (2017/2025(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Indja, li ġiet stabbilita fl-2004, u l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt għal Sħubija Strateġika UE-Indja tas-7 ta' Settembru 2005,
– wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Azzjoni UE-Indja 2020, li ġiet adottata waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indja, kif ukoll id-Dikjarazzjoni Konġunta ta' dak is-summit,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2001 dwar l-Ewropa u l-Asja: qafas strateġiku għal sħubijiet imsaħħa (COM(2001)0469),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi(1),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2004 lill-Kunsill dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja: Sħubija Strateġika(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-tħejjija għas-Samit bejn l-UE u l-Indja (Marsilja, 29 ta' Settembru 2008)(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Indja, inklużi dawk dwar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar l-UE f'ambjent globali jinbidel - dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar il-piraterija marittima(7),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni(8),
– wara li kkunsidra l-missjoni li l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu għamel fl-Indja fil-21-22 ta' Frar 2017,
– wara li kkunsidra l-Ħdax-il Summit Asja-Ewropa (ASEM) li sar f'Ulan Bator fil-15-16 ta' Lulju 2016, u d-Disa' laqgħa tas-Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP), li saret f'Ulan Bator fil-21-22 ta' April 2016, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet rispettivi li ġew adottati minn dawn iż-żewġ laqgħat,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0242/2017),
A. billi l-UE u l-Indja huma l-akbar żewġ demokraziji fid-dinja, li t-tnejn li huma għandhom storja kulturali profonda tirfidhom u ħadu impenji qawwija b'mod konġunt favur il-promozzjoni tal-paċi, l-istabilità, is-sigurtà, il-prosperità, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġustizzja soċjali, kif ukoll favur ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għal-libertajiet fundamentali, għall-istat tad-dritt u għal governanza tajba;
B. billi, tul dawn l-aħħar żewġ deċennji, l-UE u l-Indja bnew Sħubija Strateġika msejsa fuq valuri u interessi kondiviżi, minħabba l-fatt li huma sħab naturali u fatturi ta' stabilità f'din id-dinja multipolari; billi din is-Sħubija Strateġika jmissha tiġi approfondita, peress li għandha potenzjal kbir biex twassal għal dinamika ġdida fil-livell internazzjonali, inkluż f'dak tan-NU, u biex tindirizza kwistjonijiet bħall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jew il-kuntatti interpersonali;
C. billi, waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indija, li sar fit-30 ta' Marzu 2016 wara pawża ta' erba' snin, ġie adottat pjan direzzjonali ġdid għas-Sħubija Strateġika għall-ħames snin li jmiss;
D. billi għadd ta' Dikjarazzjonijiet Konġunti ġew adottati waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indja: dik dwar aġenda komuni dwar il-migrazzjoni u l-mobilità, dik dwar sħubija dwar l-ilma bejn l-UE u l-Indja, dik dwar sħubija dwar l-enerġija nadifa u l-klima u dik dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
E. billi l-UE u l-Indja, bħala sħab importanti fl-oqsma ekonomiċi u kummerċjali u fl-investiment, u bir-rwol tal-UE bħala l-aktar sieħba kummerċjali importanti tal-Indja, ilhom mill-2007 involuti f'negozjati għal ftehim ambizzjuż ta' kummerċ ħieles u investiment, li suppost se jiġi konkluż kemm jista' jkun malajr; billi l-Aġenda għall-Azzjoni UE-Indja 2020 tafferma mill-ġdid l-impenn taż-żewġ partijiet biex jistabbilixxu klima ekonomika stabbli li tiffavorixxi l-espansjoni tal-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika;
F. billi żieda fil-koordinament bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tar-relazzjoni tagħhom mal-Indja kieku tippermetti li s-Sħubija Strateġika tissaħħaħ ulterjorment;
G. billi l-Indja hija demokrazija vibranti u soċjetà miftuħa bi stampa libera u soċjetà ċivili attiva; billi l-UE u l-Indja kellhom skambju regolari tal-aħjar prattiki fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, inkluż dwar kwistjonijiet relatati mal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni u mal-istat tad-dritt, kif ukoll dwar it-trattament tal-migranti, ir-rispett għall-minoranzi u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, hekk kif impenjat ruħha li tagħmel l-UE;
Is-sisien solidi ta' sħubija siewja
1. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għal sħubija aktar b'saħħitha u profonda bejn l-UE u l-Indja, b'għeruq fil-kollegamenti politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali qawwija bejniethom u msejsa fuq il-valuri kondiviżi tad-demokrazija u l-pluraliżmu, kif ukoll fuq ir-rispett reċiproku u l-interessi komuni;
2. Jikkunsidra li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet politiċi bejn iż-żewġ sħab jista' jikkontribwixxi b'mod pożittiv għat-trawwim tal-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali f'dinja li qed taffaċċja bosta sfidi fil-livell globali, bħat-tensjonijiet fil-qasam tas-sigurtà, in-nuqqas ta' rispett lejn id-dritt internazzjonali, it-terroriżmu, l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fil-livell transnazzjonali, il-migrazzjoni mhux regolata u t-traffikar ta' bnedmin, l-effetti tat-tibdil fil-klima, il-faqar, l-inugwaljanza u n-nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-populiżmu li qiegħed jikber;
3. Jirrileva l-fatt li, fir-rwol tagħhom bħala l-akbar żewġ demokraziji fid-dinja, l-UE u l-Indja għandhom responsabilità komuni li jippromwovu l-kawża tal-paċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, anke permezz tal-kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-livell tan-NU;
4. Jemmen li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Indja kibret b'mod sinifikanti fil-kwalità u fl-ambitu minn mindu ġiet adottata d-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-1993; jirrileva l-importanza tas-Sħubija Strateġika UE-Indja li ġiet stabbilita fl-2004 u li kienet intenzjonata biex tirrikonoxxi r-rabtiet stretti bejniethom u biex tieħu lir-relazzjonijiet tagħhom f'livell ogħla u aktar intensiv;
5. Jirrileva l-fatt li s-sħubija bejn l-UE u l-Indja għadha ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha; jikkunsidra li hemm bżonn ta' impenn politiku aktar qawwi fuq iż-żewġ naħat biex ir-relazzjoni ssir waħda aktar dinamika u siewja għall-isfidi li ż-żewġ sħab qed jaffaċċjaw fil-livell reġjonali u f'dak internazzjonali; jappella biex jiġi intensifikat l-investiment fit-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-UE 27 u l-Indja; jissottolinja l-importanza li ssir valutazzjoni sħiħa tal-funzjonament tas-sħubija strateġika fil-ġenerazzjoni ta' ideat dwar il-modi possibbli biex isir progress fir-rigward tagħha;
Sħubija aktar b'saħħitha għall-benefiċċju reċiproku tal-UE u l-Indja
6. Jilqa' l-fatt li t-Tlettax-il Summit UE-Indja sar fi Brussell nhar it-30 ta' Marzu 2016; iħeġġeġ lill-UE u lill-Indja jorganizzaw summits fuq bażi annwali, kif impenjaw ruħhom li jagħmlu, peress li tali laqgħat ta' livell għoli jikkontribwixxu biex iżidu l-kooperazzjoni, il-fehim reċiproku u l-viżibilità reċiproka;
7. Jilqa' l-fatt li ġiet adottata l-Aġenda għall-Azzjoni UE-Indja 2020, li tikkostitwixxi pjan direzzjonali għall-intensifikazzjoni tas-Sħubija Strateġika tul il-ħames snin li ġejjin; jieħu nota pożittiva tad-diversi oqsma ta' kooperazzjoni li tnedew mill-ġdid fl-2016, bħas-sigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-migrazzjoni u l-mobilità, il-kummerċ, it-trasferiment tat-teknoloġija u tal-kultura, it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp, l-enerġija u l-ilma; jappella favur l-implimentazzjoni effikaċi tal-Aġenda bi stadji u skadenzi ċari;
8. Itenni l-appoġġ tiegħu biex jiġi stabbilit ftehim ta' kummerċ ħieles ambizzjuż u komprensiv bejn l-UE u l-Indja, li suppost se jkun ekonomikament, soċjalment u politikament siewi għaż-żewġ naħat; ifakkar li l-UE hija l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja u li l-Indja għandha waħda mill-ogħla rati ta' tkabbir tal-PDG fid-dinja kollha kemm hi; ifakkar ukoll li l-UE hija s-sieħba ewlenija tal-Indja f'dak li għandu x'jaqsam mal-kummerċ u mal-investiment, u li l-flussi ta' importazzjoni u ta' esportazzjoni bejniethom it-tnejn huma relattivament ekwilibrati;
9. Jieħu nota pożittiva tal-fatt li l-UE u l-Indja qegħdin jerġgħu jinvolvu ruħhom f'diskussjoni dwar il-modi kif jipproċedu bin-negozjati rigward Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, magħruf ukoll bħala Ftehim ta' Kummerċ u Investiment b'Bażi Wiesgħa; iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex, bil-ħsieb li jikkonkludu kemm jista' jkun malajr il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, ikomplu bin-negozjati bi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju għal xulxin u filwaqt li jqisu l-istandards internazzjonali li ż-żewġ naħat impenjaw ruħhom li jirrispettaw, inklużi dawk stabbiliti fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), kif ukoll il-prinċipju tar-responsabilità soċjali korporattiva; jirrikonoxxi li tali ftehim, jekk ikun ibbilanċjat biex iqis bl-istess mod il-kwistjonijiet li jikkonċernaw liż-żewġ naħat, jista' jiżgura li l-miżuri jkunu ta' benefiċċju kemm għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għal dawk Indjani, anke billi jiġġieldu l-faqar u jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
10. Jirrakkomanda li, fil-livell tal-UE, tiġi adottata strateġija konsistenti għar-relazzjonijiet tagħha mal-Indja, bi prijoritajiet ċari; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li kemm l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll l-Istati Membri jimplimentaw tali strateġija b'mod koerenti u koordinat; jikkunsidra li l-prijoritajiet tal-UE għall-Indja jistgħu jiġu definiti wkoll fi strateġija aġġornata għar-relazzjonijiet UE-Asja;
11. Jilqa' l-impenn li ħa l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jrawwem l-investiment fuq żmien twil ġol-Indja fl-infrastruttura li tkun essenzjali għal żvilupp ekonomiku u soċjali li jkun sostenibbli għall-ambjent; jappella lill-BEI biex jimplimenta dan l-impenn u jqawwi l-appoġġ tiegħu favur l-iżvilupp sostenibbli ġol-Indja;
12. Jirrileva l-importanza ta' djalogu strutturat interparlamentari għall-funzjonament tas-Sħubija Strateġika; jinkoraġġixxi lill-iSpeaker tal-parlament Indjan biex jgħaqqad Grupp ta' Ħbiberija Indja-Ewropa li jkun jinkludi lil deputati miż-żewġt ikmamar tal-parlament Indjan, il-Lok Sabha u r-Rajya Sabha, u jservi ta' kontroparti għad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-Relazzjonijiet mar-Repubblika tal-Indja;
Aġenda estensiva għall-kooperazzjoni rigward il-politika estera u ta' sigurtà
13. Itenni li, fl-ambjent internazzjonali tal-ġurnata tal-lum, kemm l-UE kif ukoll l-Indja qed jaffaċċjaw sfidi urġenti fil-qasam tas-sigurtà, li jirrikjedu rispons diplomatiku flimkien ma' deterrent aktar qawwi, ir-rispett għad-dritt internazzjonali u kooperazzjoni fost l-istati demokratiċi;
14. Jenfasizza l-potenzjal sinifikanti biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn l-UE u l-Indja fir-rigward tal-politika estera u ta' sigurtà; jinsab konvint li djalogu regolari u konsistenti jista' jwitti t-triq għal fehim reċiproku u, għaldaqstant, għal aktar koordinament bejn l-aġendi fil-qasam tal-affarijiet barranin tal-UE u l-Indja fil-livell reġjonali u f'dak internazzjonali, inkluż dwar kwistjonijiet li jkunu ġew adottati approċċi differenti fir-rigward tagħhom fl-imgħoddi;
15. Jilqa' l-impenn li ttieħed fl-Aġenda għall-Azzjoni UE–Indja 2020 biex jitwaqqfu forums għall-Konsultazzjonijiet fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà; jissottolinja l-valur miżjud li ġġib magħha żieda fil-frekwenza u fl-importanza tal-iskambji ta' livell għoli fil-qasam tal-affarijiet barranin u s-sigurtà;
16. Jappella biex l-UE, flimkien mal-Istati Membri, u l-Indja jkomplu u jqawwu l-isforzi tagħhom fil-promozzjoni ta' multilateraliżmu effikaċi u bbażat fuq ir-regoli fil-livell globali; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kunsill biex isostnu r-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża t-talba tal-Indja biex issir Membru Permanenti; jinkoraġġixxi lill-UE u l-Indja jikkoordinaw kemm jista' jkun il-pożizzjonijiet u l-inizjattivi tagħhom fil-livell tan-NU rigward il-kwistjonijiet fejn il-kooperazzjoni bejniethom tista' tagħmel differenza, kif ukoll fil-forums internazzjonali l-oħra, bħad-WTO;
17. Jirrikonoxxi l-iskambji siewja u intensifikati rigward il-kwistjonijiet ta' tħassib globali li qed iseħħu fil-qafas tal-Laqgħa Asja-Ewropa – forum għal kooperazzjoni multilaterali fejn huma inklużi kemm l-UE u kemm l-Indja; jappoġġa l-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali li qed iseħħu fl-Asja, kemm f'livell politiku, kif ukoll f'wieħed ekonomiku, peress li jistgħu jagħtu kontribut pożittiv għat-tnaqqis tal-għadd ta' kunflitti u għall-prosperità tar-reġjun;
18. Jenfasizza l-valur miżjud sinifikanti tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indja fl-appoġġ għall-proċessi demokratiċi fl-Asja; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li l-UE u l-Indja jikkoordinaw bejniethom l-għajnuna umanitarja u l-politiki tal-iżvilupp tagħhom, minħabba l-livell għoli ta' attività fil-qasam tal-iżvilupp li ż-żewġ naħat qed iwettqu fl-Asja, b'mod li jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-proċessi politiċi, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi kkonċernati, inkluż għall-minoranzi u l-apolidi, bħall-poplu Rohingya; jappella biex id-djalogu, għal dan l-għan, jiġi intensifikat;
19. Jinnota d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn l-UE u l-Indja dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tat-30 ta' Marzu 2016 li hija mmirata biex tqawwi l-kooperazzjoni fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu; jissottolinja l-importanza li l-kooperazzjoni bejn is-servizzi ta' sigurtà u s-servizzi għall-inforzar tal-liġi tal-UE u tal-Indja titkompla taħt l-arranġament eżistenti fi ħdan l-Europol; jirrakkomanda li jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki u ta' informazzjoni bejn l-Indja u l-UE, inkluż mal-Istati Membri tagħha; jinkoraġġixxi liż-żewġ naħat biex, flimkien, jippromwovu l-adozzjoni tal-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali fil-livell tan-NU, kif ukoll iż-żieda tal-effikaċja ta' deżinjazzjoni ta' organizzazzjoni bħala entità terroristika min-naħa tan-NU;
20. Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni aktar profonda bejn l-UE u l-Indja fir-rigward tal-Afganistan, speċifikament biex tikkontribwixxi għal proċess ta' paċi u rikonċiljazzjoni li jkun immexxi mill-poplu Afgan u jappartjeni għalih, għall-kostruzzjoni ta' istituzzjonijiet stabbli u ta' stat li jiffunzjona, u għall-ħolqien ta' ambjent politiku u ekonomiku li jippermetti li l-paċi u s-sigurtà jiġu kkonsolidati; jinkoraġġixxi, b'mod partikolari, it-tisħiħ tal-koordinament politiku rigward il-kwistjonijiet fil-qasam tas-sigurtà u f'dak militari, l-appoġġ għall-iżvilupp u l-miżuri biex jiġi indirizzat il-kuntest reġjonali; jenfasizza li l-Proċess tal-Qalba tal-Asja jirrappreżenta forum importanti għall-bini tal-fiduċja reġjonali u l-kooperazzjoni politika;
21. Jappella biex tingħata ħajja ġdida għall-isforzi ta' riavvicinament u biex jerġgħu jiġu stabbiliti r-relazzjonijiet ta' bon viċinat bejn l-Indja u l-Pakistan permezz ta' djalogu komprensiv u possibbilment approċċ gradwali, li jibda b'diskussjoni dwar il-kwistjonijiet tekniċi u l-miżuri għall-bini tal-fiduċja u li, finalment, iwassal biex isiru laqgħat politiċi ta' livell għoli; jissottolinja l-importanza tad-dimensjoni bilaterali fil-ħidma biex tiġi stabbilita paċi u kooperazzjoni dejjiema bejn l-Indja u l-Pakistan, li kieku jikkontribwixxu b'mod pożittiv għas-sigurtà u l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun; jissottolinja, barra minn hekk, ir-responsabilità fil-konfront tal-paċi li hija d-dmir taż-żewġt istati fir-rwol tagħhom bħala potenzi nukleari; jappella biex l-UE tinkoraġġixxi u ssostni l-proċess ta' rikonċiljazzjoni bejn l-Indja u l-Pakistan; jisħaq fuq l-importanza enormi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu, inkluż it-terroriżmu sponsorjat minn stati;
22. Jirrakkomanda li jkun hemm kooperazzjoni ulterjuri fir-rigward tad-diżarm universali, tan-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva u tas-sigurtà nukleari, li huma objettivi li kemm l-UE u kemm l-Indja impenjaw ruħhom favurihom; jappella, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri kollha biex isostnu t-talba tal-Indja biex ikollha aċċess għal skemi għall-kontroll tal-esportazzjoni bħall-Grupp ta' Fornituri Nukleari, is-Sistema ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili, il-Ftehim ta' Wassenaar u l-Grupp Awstralja; jilqa' l-fatt li l-Indja rratifikat il-Protokoll Addizzjonali tal-IAEA;
23. Jilqa' l-pożizzjoni soda li ħadu kemm l-Indja kif ukoll l-UE fir-rigward tal-programmi ta' missili ballistiċi u nukleari illegali tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, li jikkostitwixxu theddida għall-paċi reġjonali u internazzjonali, u jinkoraġġixxi kooperazzjoni ulterjuri biex tiġi żgurata implimentazzjoni estensiva tas-sanzjonijiet tan-NU kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea;
24. Jieħu nota tat-tħassib tal-Indja rigward iċ-Ċina, b'mod partikolari minħabba l-politika assertiva ta' din tal-aħħar fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, il-modernizzazzjoni militari sostanzjali tagħha, ir-relazzjoni strateġika tagħha mal-Pakistan u l-kwistjonijiet relatati mal-fruntieri li għadhom iridu jiġu riżolti; jikkunsidra li djalogu ġenwin ibbażat fuq il-prinċipji tad-dritt internazzjonali biss jista' jikkontribwixxi biex jingħelbu dawn id-differenzi u biex tinbena l-fiduċja;
25. Jieħu nota pożittiva tal-appoġġ li esprimew iż-żewġ naħat waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indja favur l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Minsk mill-partijiet kollha fir-rigward tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna; ifakkar li l-UE kkundannat b'mod qawwi l-azzjonijiet aggressivi min-naħa tar-Russja u li l-politika tal-UE hija li ma tirrikonoxxix l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sebastopli; jittama li, permezz tad-djalogu, l-UE u l-Indja jistgħu jallinjaw ulterjorment il-pożizzjonijiet tagħhom;
26. Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Indja jkomplu bl-iskambju ta' fehmiet, kemm matul is-summits kif ukoll matul il-konsultazzjonijiet regolari tagħhom fl-oqsma tal-affarijiet barranin u s-sigurtà, rigward is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u rigward l-oqsma ta' kooperazzjoni possibbli li jistgħu jtejbu l-istabilizzazzjoni tar-reġjun, anke permezz ta' miżuri fil-livell internazzjonali; jiġbed l-attenzjoni, b'mod partikolari, għall-importanza tal-kooperazzjoni biex tiġi żgurata soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja skont il-qafas eżistenti li ntlaħaq ftehim dwaru fi ħdan in-NU bi qbil mal-Komunikat ta' Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012, u biex jingħata appoġġ għar-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni ta' wara l-ftehim, ladarba tkun qed tiġri tranżizzjoni politika kredibbli li tkun immexxija mill-poplu Sirjan u li tappartjeni għalih;
27. Jisħaq li l-UE u l-Indja jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejniethom fir-rigward tal-pajjiżi Afrikani biex jiżguraw li l-isforzi tagħhom fil-qasam tal-iżvilupp ikunu komplementari;
28. Jisħaq fuq il-benefiċċji reċiproċi sinifikanti li l-UE u l-Indja jistgħu jisiltu jekk jintensifikaw il-kooperazzjoni bejniethom fl-oqsma bħas-sigurtà marittima, iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll il-migrazzjoni u l-mobilità;
29. Jissottolinja l-fatt li l-UE u l-Indja jikkondividu interessi vitali u jisħaq li jmisshom jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-piraterija, iżda anke fir-rigward tal-preżervazzjoni tal-paċi u tal-istabilità u l-iżgurar tar-rotot ta' komunikazzjoni fuq il-baħar fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u l-Oċean Indjan; jirrakkomanda għalhekk li jiġu żviluppati proċeduri operattivi standard b'mod konġunt fil-qasam tas-sigurtà marittima u l-ġlieda kontra l-piraterija, kif ukoll li jiġi żviluppat fehim komuni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar li jqis il-libertà ta' navigazzjoni, isolvi l-kwistjonijiet pendenti kollha u jidentifika dawk il-miżuri konġunti l-aktar xierqa għall-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tal-konvenzjoni;
30. Jilqa' l-fatt li, waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indja f'Marzu 2016, l-UE u l-Indja adottaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar sħubija dwar l-enerġija nadifa u l-klima; jissottolinja l-impatt pożittiv tal-Indja u l-UE fuq in-negozjati rigward il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima u t-tmexxija globali taż-żewġ sħab; iħeġġeġ liż-żewġ sħab jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-firmatarji kollha jimplimentaw il-ftehim; jappella f'dan ir-rigward biex tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Indja fil-qasam tal-enerġija, u fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli b'mod partikolari;
31. Jinnota b'interess il-fatt li, waqt it-Tlettax-il Summit UE-Indja f'Marzu 2016, l-UE u l-Indja adottaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar sħubija dwar l-ilma; jappella biex l-Unjoni, għaldaqstant, issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha mal-Indja u tintensifika l-appoġġ tagħha għall-proġetti Indjani għall-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma bħall-proġett "Clean Ganga";
32. Jieħu nota pożittiva tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar aġenda komuni dwar il-migrazzjoni u l-mobilità, li hija mmirata biex tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-promozzjoni tal-migrazzjoni regolari, il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u tat-traffikar ta' bnedmin, u l-massimizzazzjoni tal-impatt fuq l-iżvilupp tal-mobilità;
33. Jikkunsidra li jkun xieraq li l-iskambji interpersonali jkunu waħda mid-dimensjonijiet ewlenin tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja; jissottolinja b'mod partikolari l-importanza li jissaħħu l-iskambji fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura u r-riċerka xjentifika, inkluża l-informatika, u jilqa' għaldaqstant iż-żieda fl-għadd ta' skambji bejn studenti fl-ambitu tal-programm Erasmus+, li jkun tajjeb li jkompli jiġi estiż; jieħu nota pożittiva bl-istess mod tal-prospetti għal kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-ħiliet u fi ħdan il-qafas tal-inizjattiva "Make in India", kif inhuma deskritti fl-Aġenda għall-Azzjoni 2020, u jissottolinja l-importanza tagħhom għall-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali u soċjali; jappella biex, f'dawn il-programmi, jiġi inkluż għadd indaqs ta' studenti, xjenzjati, riċerkaturi u professjonisti nisa;
34. Jilqa' l-fatt li reġa' ġie affermat l-impenn favur l-intensifikazzjoni tal-iskambji rigward id-dimensjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem tas-Sħubija Strateġika UE-Indja, peress li ċ-ċittadini miż-żewġ naħat jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni msaħħa fir-rigward tal-kwistjonijiet numerużi relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq b'mod partikolari fuq il-ħtieġa li jitqawwew l-iskambju u l-koordinament bejn iż-żewġ sħab fi ħdan il-qafas tan-NU, inkluż fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jkunu saru fl-ambitu tal-Eżami Perjodiku Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jissottolinja bl-istess mod l-importanza tad-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota li ilu ma jsir skambju mill-2013 u jħeġġeġ biex isir djalogu malajr kemm jista' jkun;
35. Ifakkar li ilu żmien jopponi l-piena tal-mewt f'kull każ u f'kull ċirkostanza; itenni l-appell tiegħu għal moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijiet fl-Indja;
36. Ifakkar li l-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni huma parti integrali minn soċjetà demokratika vibranti; jifhem il-ħtieġa li jittieħdu miżuri biex tiżdied it-trasparenza tal-attivitajiet iffinanzjati minn atturi barranin li jistgħu jippreżentaw riskju għall-paċi u l-istabilità jew għas-sigurtà interna, u biex jiġu introdotti limitazzjonijiet għalihom; jesprimi tħassib madankollu rigward l-effetti fuq il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni tal-liġi Indjana attwali dwar il-parteċipazzjoni barranija fil-finanzjament tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet Barranin);
37. Jirrikonoxxi l-isforzi sinifikanti li saru mill-awtoritajiet Indjani bil-ħsieb li jiġġieldu kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta; jinnota bi tħassib li, madankollu, din id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta għadha sors ta' abbuż, u jinkoraġġixxi għalhekk lill-awtoritajiet tal-Indja biex iqawwu l-isforzi tagħhom biex jeqirdu dan il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi barra minn hekk lill-Indja biex tiżgura l-protezzjoni sħiħa tal-minoranzi, b'mod partikolari dawk reliġjużi u etniċi, u jissottolinja l-importanza li tiġi promossa t-tolleranza għad-diversità fil-prevenzjoni tal-vjolenza bejn il-komunitajiet; jilqa' l-fatt li l-Qorti Suprema tal-Indja ordnat investigazzjoni mill-ġdid tal-proċessi kontra l-vjolenza li saret fil-konfront tal-insara fl-2008 u kumpens adegwat għall-vittmi;
38. Iħeġġeġ lill-Indja tirratifika l-Konvenzjoni kontra t-Tortura flimkien mal-protokoll fakultattiv tagħha u l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat;
39. Jikkunsidra li, fil-kuntest tal-impenn li l-UE u l-Indja affermaw mill-ġdid favur it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tan-nisa jmisshom jiġu inklużi fl-aġenda tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn iż-żewġ sħab; jilqa' l-impenn li ħa l-Gvern Indjan biex itejjeb id-drittijiet tan-nisa u jintroduċi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-programmazzjoni tal-politiki, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Indjani jieħdu passi ulterjuri biex jinvestigaw u jipprevjenu l-vjolenza abbażi ta' sess u jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa', barra minn hekk, il-fatt li l-UE qed tiffinanzja proġetti fl-Indja li jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, u jirrakkomanda li dan il-finanzjament jinżamm; jappella biex jittejbu d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ u biex it-taqsima 377 tal-Kodiċi Penali tiġi revokata;
o o o
40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indja.