Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja – EGF/2017/002 FI/Microsoft 2) (COM(2017)0322 – C8-0193/2017 – 2017/2098(BUD))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0322 – C8-0193/2017),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0278/2017),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu;
C. billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/002 FI/Microsoft 2 għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, wara 1 248 sensja minn Microsoft Mobile Oy u 11-il fornitur u produttur downstream tagħha fil-Finlandja, li joperaw fis-settur ekonomiku kklasifikat taħt ir-Reviżjoni 2 Diviżjoni 62 tan-NACE (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati);
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 3 520 080 skont dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 5 559 300;
2. Jinnota li l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni tagħha fl-1 ta' Frar 2017, u li wara informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-Finlandja, il-valutazzjoni tagħha ġiet konkluża mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2017;
3. Ifakkar li l-Microsoft akkwistat in-negozju tat-telefon ċellulari Nokia, u li l-Microsoft Mobile Oy kienet stabbilita fl-2014; jinnota li madwar 4 700 impjegat tan-Nokia ġew trasferiti għall-Microsoft Mobile Oy fil-Finlandja;
4. Jinnota li r-raġuni prinċipali għas-sensji fil-Microsoft Mobile Oy kienet il-kompetizzjoni mondajli fis-settur tat-telefonija ċellulari u t-telf tas-sehem tas-suq konsegwenti mill-Microsoft Mobile Oy u mis-sistema operazzjonali tagħha bbażata fuq il-Windows; jinnota li t-tnaqqis seħħ minkejja l-fatt li l-Microsoft Mobile Oy nediet apparat portabbli ġdid u investiet fid-disinn, il-komponenti u l-kummerċjalizzazzjoni;
5. Jirrikonoxxi, b'dispjaċir, l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-manifatturi tal-mowbajls tal-UE; iqis li jeħtieġ li jiġi offrut appoġġ xieraq b'tali mod li l-ħaddiema milquta jkunu jistgħu jitħarrġu mill-ġdid ħalli jkunu f'pożizzjoni aħjar biex isibu impjiegi f'setturi industrijali relatati jew li qed jespandu;
6. Jikkonkludi li s-sensji kellhom rabta mat-tibdil fil-manifattura ta' apparat portabbli għal pajjiżi b'rata ta' pagi inferjuri; jinnota li r-rebbieħa tal-kompetizzjoni ta' manifatturar tal-ismartphone kienu l-manifatturi bbażati fl-Istati Uniti u fl-Asja li jużaw sistema operattiva Android jew iOS;
7. Jirrikonoxxi li r-reġjuni milquta ta' Helsinki-Uusimaa, Länsi-Suomi u Etelä-Suomi diġà esperjenzaw sensji estensivi minn ditti li joperaw fis-setturi tal-elettronika u tas-softwer u li r-reġjuni ta' Länsi-Suomi u Etelä-Suomi għandhom rati ta' qgħad reġjonali għoljin (14,6 % u 17,5 % tal-forza tax-xogħol rispettivament); jinnota li 1 000 mill-1 248 ħaddiem li ngħataw is-sensja u li huma eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri;
8. Jinnota li 92,5 % tal-benefiċjarji indirizzati huma tal-età ta' bejn it-30 u l-54 sena u li bosta mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom livell ta' edukazzjoni għoli; jinnota li r-rati ta' qgħad ta' persuni b'livell ta' edukazzjoni għoli żdiedu b'mod konsiderevoli fit-tliet reġjuni kollha; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni diġà diffiċli ta' qgħad ta' persuni b'edukazzjoni u ħiliet għolja, li l-prospettivi ta' impjieg tagħhom tradizzjonalment huma tajbin;
9. Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana sitt tipi ta' miżuri: (i) miżuri ta' kkowċjar u miżuri preparatorji oħrajn, (ii) impjiegi u servizzi tan-negozju, (iii) taħriġ, (iv) għotjiet għal negozji ġodda, (v) pagi ssussidjati u (vi) allowances għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni; jinnota li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol; jinnota li ġew allokati biżżejjed fondi għall-kontroll u r-rapportar;
10. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu huma ekwivalenti għal 26,74 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, perċentwal li huwa taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ;
11. Jenfasizza l-importanza ta' miżuri attivi tas-suq tax-xogħol bl-appoġġ tal-FEG; jinnota li f'każijiet preċedenti tal-FEG is-servizz dirett għal ħaddiema li ngħataw is-sensja wera kemm huwa ferm utli;
12. Jilqa' l-fatt li s-servizz tan-netwerk EURES qed jintuża biex ir-reklami għal impjiegi barranin jiġu mgħoddija lill-Finlandiżi li qed ifittxu xogħol; jilqa' pożittivament il-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi qegħdin iħeġġu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dritt tagħhom ta' libertà ta' moviment;
13. Jifhem li l-miżuri ta' taħriġ iffinanzjati mill-FEG se jkunu komplementari għal dawk iffinanzjati minn fond stabbilit mill-kumpanija biex tgħin lill-ex impjegati jibdew negozji żgħar fis-settur tal-IT u f'setturi oħrajn; jilqa' din l-inizjattiva;
14. Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji indirizzati fit-12 ta' Lulju 2016, ferm qabel l-applikazzjoni għal appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;
15. Jilqa' l-fatt li seħħew il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, inklużi r-rappreżentanti taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku ("iċ-ċentri ELY"), tal-uffiċji tal-Impjiegi u l-Iżvilupp Ekonomiku ("l-uffiċċji TE") tar-reġjuni kkonċernati, ta' Microsoft, tal-Industriji Teknoloġiċi tal-Finlandja, tat-Trade Union Pro, tal-Unjoni tal-Inġiniera Professjonali fil-Finlandja u tal-Aġenzija Finlandiża tal-Finanzjament għall-Innovazzjoni;
16. Ifakkar li t-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG, għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;
17. Jirrikonoxxi li l-applikazzjoni attwali hija l-kontinwazzjoni ta' sensiela ta' applikazzjonijiet preċedenti mill-Finlandja, b'segwitu għad-deklin tan-Nokia (EGF/2007/003 FI/Perlos, EGF/2012/006 FI/Nokia Salo, EGF/2013/001 FI/Nokia, EGF/2015/001 FI/Broadcom, EGF/2015/005 FI/Computer Programming, EGF/2016/001 FI/Microsoft u EGF/2016/008 FI/Nokia Network Systems);
18. Jinnota li hemm għaddej intervent tal-FEG (EGF/2016/001 FI/Microsoft) immirat biex jappoġġa lill-ħaddiema li aktar kmieni ngħataw is-sensja mill-Microsoft; jisħaq li l-benefiċjarji indirizzati minn din il-proposta huma distinti mill-benefiċjarji ta' dak il-każ;
19. Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ finanzjarju minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe rduppjar ta' finanzjament se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplemantari ma' azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;
20. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett ikkoordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;
21. Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi; jinnota li l-Finlandja kkonfermat li huwa minnu li l-kontribuzzjoni mill-FEG mhijiex se tissostitwixxihom;
22. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;
23. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.