Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (2017/2029(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-prinċipji minquxa fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-promozzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u ż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (1)(minn hawn 'il quddiem il-"Pożizzjoni Komuni"),
– wara li kkunsidra s-17(2) u t-18(3) ir-Rapport Annwali tal-UE, imfassla f'konformità mal-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2309 tal-10 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni tal-armi(4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/915 tad-29 ta' Mejju 2017 dwar attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni tal-Unjoni b'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi(5),
– wara li kkunsidra l-Lista Militari Komuni aġġornata tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fis-6 ta' Marzu 2017(6),
– wara li kkunsidra l-Gwida għall-Utent għall-Pożizzjoni Komuni li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari,
– wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-25 ta' Ġunju 2012 u l-punt 11(e) tiegħu, u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019), tal-20 ta' Lulju 2015, u l-punt 21(d) tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) li ġie adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' April 2013(7), u li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2014,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/768/PESK tas-16 ta' Diċembru 2013 dwar l-attivitajiet tal-UE f'appoġġ għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà(8),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(9),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju(10), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 599/2014 tas-16 ta' April 2014, u l-lista ta' oġġetti b'użu doppju u t-teknoloġija fl-Anness I tagħha (minn hawn 'il quddiem "Regolament dwar l-Użu Doppju"),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/2134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar dan is-suġġett, b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Diċembru 2015(12) dwar l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen(13), tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(14), u tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kumpaniji tas-sigurtà privati(16),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0264/2017),
A. billi d-dritt inerenti għall-awtodifiża individwali jew kollettiva huwa stabbilit fl-Artikolu 51 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;
B. billi l-aħħar data(17) turi li t-trasferimenti internazzjonali ta' armi kbar bejn l-2012 u l-2016 laħqu l-ogħla volum tagħhom għal kwalunkwe perjodu ta' ħames snin minn tmiem il-Gwerra Bierda, u kienu 8,4 % ogħla miċ-ċifra għall-perjodu 2007-2011;
C. billi l-esportazzjoni u t-trasferimenti tal-armi għandhom impatt fuq is-sigurtà tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-governanza tajba u l-iżvilupp soċjoekonomiku; billi l-esportazzjoni tal-armi tikkontribwixxi wkoll għal ċirkostanzi li jwasslu biex in-nies jaħarbu minn pajjiżhom; billi dan jitlob li jkun hemm sistema ta' kontroll tal-armi stretta, trasparenti, effikaċi u aċċettata u definita b'mod komuni;
D. billi l-aħħar ċifri(18) juru li l-esportazzjonijiet mill-UE28 kienu jammontaw għal 26 % tat-total globali fl-2012-2016, li jagħmlu lill-UE28 kollettivament it-tieni l-akbar fornitur tal-armi fid-dinja, wara l-Istati Uniti tal-Amerka (33 %) u segwita mir-Russja (23 %); billi, skont l-aktar rapport riċenti mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali, il-pajjiżi tal-UE kienu ngħataw liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi b'valur totali ta' EUR 94,40 biljun fl-2014;
E. billi l-aħħar ċifri(19) juru li l-esportazzjoni tal-armi lejn il-Lvant Nofsani żdiedet b'86 % u ammontat għal 29 % tal-esportazzjonijiet globali bejn l-2012-2016;
F. billi l-aħħar data uffiċjali tal-UE tindika li fl-2015, il-Lvant Nofsani kien l-aktar reġjun sinifikanti f'termini ta' esportazzjoni tal-armi għall-UE-28, b'total ta' EUR 78,8 biljun f'liċenzji awtorizzati tal-esportazzjoni tal-armi;
G. billi ċerti trasferimenti ta' armi minn Stati Membri tal-UE lejn reġjuni u pajjiżi mhux stabbli u suxxettibbli għall-kriżijiet intużaw f'kunflitti armati jew għar-repressjoni interna; billi ġie rrappurtat li xi wħud minn dawn it-trasferimenti ġew iddevjati f'idejn gruppi terroristiċi, pereżempju fis-Sirja u fl-Iraq; billi, f'xi każijiet, l-armi esportati lejn ċerti pajjiżi, pereżempju, l-Arabja Sawdija, intużaw f'kunflitti bħal dak fil-Jemen; billi tali esportazzjonijiet jiksru b'mod ċar il-Pożizzjoni Komuni u għaldaqstant jenfasizzaw il-ħtieġa għal skrutinju u trasparenza aħjar;
H. billi ma teżisti l-ebda sistema standardizzata ta' verifika u rappurtar li tagħti tagħrif dwar jekk l-esportazzjonijiet ta' Stati Membri individwali humiex jiksru t-tmien kriterji u sa liema punt qed jagħmlu dan, u fin-nuqqas, barra dan, ta' mekkaniżmi ta' sanzjoni fil-każ ta' prattika ta' esportazzjoni min-naħa ta' Stat Membru li biċ-ċar ma tikkonformax mat-tmien kriterji;
I. billi investigazzjonijiet li saru miċ-Ċentru Internazzjonali ta' Bonn għall-Konverżjoni (BICC) urew li fil-Ġermanja biss fl-2015, inħarġu 4 256 liċenzja għall-esportazzjoni tal-armi fi 83 pajjiż li kienu meqjusa bħala problematiċi fir-rigward tal-Pożizzjoni Komuni(20);
J. billi kemm l-ambjent tas-sigurtà globali kif ukoll dak reġjonali nbidel b'mod drammatiku, speċjalment fir-rigward tal-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Unjoni, u dan jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jitjiebu metodoloġiji fir-rigward tal-produzzjoni tal-informazzjoni għall-valutazzjoni tar-riskju tal-liċenzjar tal-esportazzjoni u sabiex isiru aktar sikuri;
K. billi xi Stati Membri reċentement iffirmaw ftehimiet strateġiċi dwar il-kooperazzjoni militari, inklużi t-trasferimenti ta' kwantitajiet kbar ta' teknoloġija militari ta' kwalità għolja, ma' pajjiżi mhux demokratiċi fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Afrika ta' Fuq;
L. billi, skont it-Trattat ta' Lisbona, il-qerda tal-faqar hija l-għan ewlieni tal-politika tal-iżvilupp tal-UE, u billi hija wkoll waħda mill-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-UE biex tfittex tibni dinja aktar stabbli u għanja; billi l-provvista ta' armi lil pajjiżi f'kunflitt, kif ukoll il-fatt li huwa possibbli li tinxtered il-vjolenza, inaqqsu l-potenzjal li dawn il-pajjiżi jiżviluppaw;
M. billi x-xena industrijali tad-difiża fl-Ewropa hija settur ta' importanza ewlenija u, fl-istess ħin, hija kkaratterizzata minn kapaċitajiet żejda, duplikazzjoni u frammentazzjoni, li taġixxi bħala trażżin tal-kompetittività tal-industrija tad-difiża u li wasslet għal politiki dwar l-esportazzjoni li qed jespandu;
N. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen appellat lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) biex tniedi inizjattiva sabiex jiġi impost embargo tal-armi tal-UE fuq l-Arabja Sawdija;
O. billi s-sitwazzjoni fil-Jemen kompliet tmur għall-agħar ukoll minħabba l-azzjoni militari mwettqa mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija; billi xi Stati Membri waqfu jipprovdu armi lill-Arabja Sawdija minħabba l-azzjonijiet tagħha fil-Jemen, filwaqt li oħrajn komplew jipprovdu teknoloġija militari u dan imur kontra l-kriterji 2, 4, 6, 7 u 8;
P. billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015 enfasizzat li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu prijorità, u appellat lill-Istati Membri biex jaqblu li jimxu lejn politika tal-esportazzjoni aktar moderna, flessibbli u bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fir-rigward ta' pajjiżi b'rekord ippruvat ta' repressjoni interna vjolenti u ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
Q. billi l-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà għandha sservi biex tittejjeb il-koerenza tal-politika dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi;
1. Jinnota li l-Istati għandhom id-dritt leġittimu li jakkwistaw teknoloġija militari għal skopijiet ta' awtodifiża; jissottolinja li l-fatt li tinżamm industrija tad-difiża jservi bħala parti mill-awtodifiża tal-Istati Membri; ifakkar li waħda mill-motivazzjonijiet wara l-istabbiliment tal-Pożizzjoni Komuni kienet li jiġi evitat l-użu tal-armi Ewropej kontra l-forzi armati tal-Istati Membri kif ukoll sabiex jiġu evitati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u li jiġu estiżi l-kunflitti armati; itenni li l-Pożizzjoni Komuni hija qafas legalment vinkolanti li tistabbilixxi rekwiżiti minimi li l-Istati Membri jridu japplikaw fil-qasam tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi, u li dan jinkludi l-obbligu li tiġi eżaminata talba għal liċenzja tal-esportazzjoni kontra kull wieħed mit-tmien kriterji elenkati fih;
2. Jinnota li l-iżvilupp tat-tagħmir għad-difiża huwa għodda importanti għall-industrija tad-difiża u li l-Bażi Teknoloġika u Industrijali ta' Difiża Ewropea kompetittiva u innovattiva li għad trid tiġi żviluppata għandha sservi ta' strument biex tiżgura s-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri, taċ-ċittadini tal-Unjoni u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u b'mod partikolari l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK); jistieden lill-Istati Membri jegħlbu n-nuqqas attwali ta' effiċjenza fl-infiq għad-difiża minħabba d-duplikazzjoni, il-frammentazzjoni, in-nuqqas ta' interoperabbiltà, u biex ikollhom l-għan li l-UE ssir fornitur tas-sigurtà, anke permezz ta' kontroll aħjar tal-esportazzjoni tal-armi; itenni li l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jsostni li kunsiderazzjonijiet ta' interessi ekonomiċi, kummerċjali u industrijali mill-Istati Membri ma jridux jaffettwaw l-applikazzjoni tat-tmien kriterji li jirregolaw l-esportazzjoni tal-armi;
3. Jinnota, madankollu, li t-teknoloġija militari xi drabi tilħaq destinazzjonijiet u utenti finali li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni; jinsab imħasseb li l-proliferazzjoni tas-sistemi tal-armi, fi żmien ta' gwerra u f'sitwazzjonijiet ta' tensjoni politika sinifikanti, tista' taffettwa b'mod sproporzjonat lil persuni ċivili; jinsab allarmat dwar it-tlielaq globali għall-armi u l-approċċi fil-livell militari għas-soluzzjoni tal-kunflitti u t-taqlib politiku; jissottolinja li l-kunflitti għandhom jiġu solvuti permezz ta' mezzi diplomatiċi bħala prijorità;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) itejbu b'mod sinifikanti l-konsistenza tal-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni sabiex isaħħu s-sigurtà tal-popolazzjoni ċivili li qed ibatu minħabba kunflitti u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi, is-sigurtà tal-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha, u joħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li implimentazzjoni konsistenti tal-Pożizzjoni Komuni hija essenzjali għall-kredibbiltà tal-UE bħala attur globali bbażata fuq il-valuri;
5. Iħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi li jinsabu fil-proċess li jiksbu l-istatus ta' kandidat, jew pajjiżi oħra li jixtiequ jimpenjaw ruħhom fit-triq lejn l-adeżjoni fl-UE, biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Pożizzjoni Komuni; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kanada, il-Georgia, l-Iżlanda, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u n-Norveġja allinjaw ruħhom mal-kriterji u mal-prinċipji tal-Pożizzjoni Komuni u b'hekk qed isegwu wkoll allinjament ulterjuri mal-PESK u mal-PSDK; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib ma' pajjiżi terzi li għandhom impenn formali biex iħarsu l-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, speċjalment bil-ħsieb li jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni u biex tkun żgurata trasparenza akbar fl-għoti ta' liċenzji; jistieden barra minn hekk lis-SEAE jħeġġeġ partikolarment lill-pajjiżi Ewropej sabiex jallinjaw ruħhom mal-Pożizzjoni Komuni biex b'hekk jiżguraw żona Ewropea usa' u aktar sikura;
6. Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jikkooperaw mill-qrib sabiex jiġu evitati r-riskji li jirriżultaw mid-devjazzjoni u mill-ħżin tal-armi, bħalma huma t-traffikar u l-kuntrabandu ta' armi illegali; jenfasizza r-riskju tal-armi esportati lejn pajjiżi terzi li jidħlu lura fl-UE permezz tal-kuntrabandu u tat-traffikar tal-armi;
7. Jinnota l-livell għoli ta' responsabbiltà għall-Unjoni f'termini ta' riskju għas-sigurtà min-nuqqas ta' appoġġ u impenn aktar b'saħħtu min-naħa tal-UE dwar id-dekummissjonar tal-bosta ħażniet tal-armi li għadhom jeżistu fil-Bożnija-Ħerzegovina, fl-Albanija u fl-Ukrajna;
8. Jemmen li l-metodoloġija tal-valutazzjoni tar-riskju tal-liċenzjar tal-esportazzjoni għandha tinkorpora prinċipju ta' prekawzjoni u li l-Istati Membri, minbarra li jiffokaw fuq jekk it-teknoloġija militari speċifika tistax tintuża għal repressjoni interna jew għal skopijiet oħrajn mhux mixtieqa (l-approċċ funzjonali), għandhom ukoll jivvalutaw ir-riskji bbażati fuq is-sitwazzjoni ġenerali fil-pajjiż ta' destinazzjoni (l-approċċ bi prinċipju);
9. Jinnota li fil-kuntest tal-Brexit, ikun importanti għar-Renju Unit li jibqa' marbut mal-Pożizzjoni Komuni u li japplika dispożizzjonijiet operattivi kif jagħmlu pajjiżi terzi Ewropej oħrajn;
10. Jitlob lill-Istati Membri u lis-SEAE jiżviluppaw strateġija dedikata biex jipprovdu protezzjoni formali lill-informaturi li jirrappurtaw prattiki minn organizzazzjonijiet u kumpaniji fl-industrija tal-armi li jiksru l-kriterji u l-prinċipji stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni;
11. Jenfasizza l-importanza tal-koerenza bejn ir-reġimi għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kriterji ta' kontroll; itenni, barra dan, l-importanza ta' koerenza bejn il-kontroll tal-esportazzjoni u strumenti oħrajn tal-politika barranija, kif ukoll strumenti kummerċjali, bħalma huma s-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi u r-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt;
12. Itenni l-effett negattiv li l-esportazzjoni bla rażan ta' teknoloġiji ta' sorveljanza ċibernetika minn kumpaniji tal-UE jista' jkollha fuq is-sigurtà għall-infrastruttura diġitali tal-UE u fuq id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' aġġornament rapidu, effikaċi u komprensiv tar-Regolament tal-UE dwar l-Użu Doppju u jistieden lill-Kunsill jadotta skeda ta' żmien ambizzjuża dwar din il-kwistjoni;
13. Jisħaq fuq l-importanza li effettivament tiġi limitata l-esportazzjoni tal-armi lil kumpaniji tas-sigurtà privati bħala utent finali, u li kwalunkwe liċenzja bħal din tingħata biss meta, wara kontrolli ta' diliġenza bir-reqqa, jiġi determinat li l-kumpanija tas-sigurtà privata inkwistjoni ma tkunx ipparteċipat fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-mekkaniżmi ta' responsabbiltà jridu jiġu implimentati sabiex jiżguraw l-użu responsabbli ta' armi minn kumpaniji privati tas-sigurtà;
L-implimentazzjoni tal-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni
14. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 1 ġie invokat 81 darba għal ċaħdiet fl-2014 u 109 darbiet fl-2015;
15. Itenni t-talba tiegħu lir-RGħ/VP biex tniedi inizjattiva mmirata sabiex jiġi impost embargo tal-armi tal-UE fuq il-pajjiżi li jiġu akkużati bi ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali, partikolarment fir-rigward tat-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' infrastruttura ċivili; jenfasizza għal darb'oħra li l-fatt li qed ikompli jiġi liċenzjat il-bejgħ ta' armi lejn dawn il-pajjiżi jirrappreżenta ksur tal-Pożizzjoni Komuni;
16. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 2 ġie invokat 72 darba għal ċaħdiet fl-2014 u 89 darba fl-2015; jiddeplora l-fatt li d-data turi n-nuqqas ta' approċċ komuni dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fl-Iraq u fil-Jemen, b'mod partikolari; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-SEAE jagħtu bidu għal diskussjoni dwar l-estensjoni tal-kriterju 2 sabiex jinkludi indikaturi tal-governanza demokratika, peress li tali kriterji ta' valutazzjoni jistgħu jgħinu jistabbilixxu aktar salvagwardji kontra l-konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati tal-esportazzjonijiet; jemmen, barra minn hekk, li approċċ bi prinċipju għall-valutazzjoni tar-riskju jkun jiffoka fuq ir-rispett ġenerali tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem mir-riċevitur;
17. Jemmen li l-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija lanqas ma jikkonformaw għall-inqas mal-kriterju 2 rigward l-involviment tal-pajjiż fi ksur serju tad-dritt umanitarju, kif stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tan-NU; itenni t-talba tiegħu mis-26 ta' Frar 2016 dwar il-bżonn urġenti li jiġi impost embargo fuq l-armi lill-Arabja Sawdija;
18. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 3 ġie invokat 99 darba għal ċaħdiet fl-2014 u 139 darba fl-2015; fi ħdan il-kuntest tal-kriterju 3, jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu vvalutati t-trasferimenti tal-armi riċenti mill-Istati Membri għal atturi mhux statali, inkluż l-għoti ta' assistenza teknika u taħriġ, fid-dawl tal-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni destabbilizzanti u t-tixrid ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW);
19. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 4 ġie invokat 57 darba għal ċaħdiet fl-2014 u 85 darba fl-2015; jiddeplora l-fatt li fil-kunflitt tal-Jemen qed tiġi użata teknoloġija militari esportata mill-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw mal-Pożizzjoni Komuni b'mod konsistenti abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju bir-reqqa fuq medda twila ta' żmien;
20. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 5 ġie invokat 7 darbiet għal ċaħdiet fl-2014 u 16-il darba fl-2015; ifakkar li dan il-kriterju jirreferi għall-interessi tas-sigurtà tal-Istati Membri u n-nazzjonijiet alleati, filwaqt li jirrikonoxxi li dawn l-interessi ma jistgħux jaffettwaw il-kunsiderazzjonijiet tal-kriterji dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;
21. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 6 ġie invokat 6 darbiet għal ċaħdiet fl-2014 filwaqt li l-ebda ċaħda ma ġiet innotifikata fl-2015; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti ta' devjazzjoni tal-esportazzjoni tal-armi mill-Istati Membri għal atturi mhux statali, inklużi gruppi terroristiċi, u jwissi li dawn l-armi jistgħu jintużaw kontra l-persuni ċivili, kemm fit-territorju tal-UE kif ukoll barra minnu; itenni l-importanza ta' kontrolli iktar stretti fuq l-esportazzjoni tal-armi sabiex jiġu onorati l-impenji internazzjonali li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;
22. Jinsab imħasseb dwar id-devjazzjonijiet possibbli tal-esportazzjonijiet lejn l-Arabja Sawdija u l-Qatar għal atturi armati mhux statali fis-Sirja li jikkommettu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, u jistieden lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali jindirizza din il-kwistjoni b'mod urġenti; jirrikonoxxi li l-parti l-kbira tal-armi f'idejn ribelli u gruppi terroristiċi ġew minn sorsi li m'humiex Ewropej;
23. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 7 ġie invokat 117-il darba għal ċaħdiet fl-2014 u 149 darba fl-2015; jesprimi t-tħassib tiegħu, inter alia, dwar l-allegati devjazzjonijiet tal-esportazzjonijiet ta' SALW minn pajjiżi Ewropej għal ċerti destinazzjonijiet li minnhom ġew iddevjati dawn l-esportazzjonijiet sabiex atturi mhux statali u utenti finali oħra mhux konformi jingħataw il-Pożizzjoni Komuni f'pajjiżi bħas-Sirja, l-Iraq, il-Jemen u s-Sudan t'Isfel; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti biex il-valutazzjonijiet tar-riskju ta' devjazzjoni jiġu bbażati fuq aktar minn sempliċi aċċettazzjoni ta' impenji li jieħu pajjiż destinatarju f'ċertifikat ta' utent finali; jenfasizza l-ħtieġa għal mekkaniżmi effikaċi ta' kontrolli ta' wara t-trasportazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-armi ma jkunux qed jiġu esportati mill-ġdid lejn utenti finali mhux awtorizzati; jenfasizza r-rwol potenzjali li s-SEAE jista' jiżvolġi fl-appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam;
24. Jinnota li skont ir-Rapporti Annwali, il-kriterju 8 ġie invokat darba għal ċaħdiet fl-2014, filwaqt li l-ebda ċaħda ma ġiet innotifikata fl-2015; jirrikonoxxi li implimentazzjoni aħjar tal-kriterju 8 tikkostitwixxi kontribut deċiżiv għall-għanijiet tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tal-UE u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU, b'mod partikolari l-SDG 16.4; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jaġġornaw il-Gwida għall-Utent fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK f'dan ir-rigward u biex jiffokaw fuq il-fatt li l-użu tal-armi jista' jħalli dannu fuq l-iżvilupp;
25. Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jżidu kriterju ġdid mal-Pożizzjoni Komuni sabiex jiġi żgurat li, meta jingħataw l-awtorizzazzjonijiet, jitqies ir-riskju ta' korruzzjoni dwar l-esportazzjonijiet rilevanti;
It-tisħiħ tal-iskambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri
26. Jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jtejbu l-konsistenza fl-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni u jsaħħu l-mekkaniżmi għall-iskambju tal-informazzjoni billi jagħmlu disponibbli, b'mod kwalitattiv u kwantitattiv, informazzjoni aħjar għall-valutazzjonijiet tar-riskju tal-liċenzjar tal-esportazzjoni bbażati fuq diġitalizzazzjoni sigura u estensiva tas-sistema attwali, kif ġej:
a)
jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-liċenzji tal-esportazzjoni u l-esportazzjonijiet attwali maqsuma b'mod sistematiku u f'waqtu, inkluż dwar utenti finali ta' tħassib, każijiet ta' devjazzjoni, ċertifikati tal-utenti finali foloz jew inkella ta' tħassib, u sensara jew kumpaniji tat-trasport suspettati, skont il-liġijiet domestiċi;
b)
iżommu lista ta' entitajiet u individwi li nstabu ħatja ta' ksur tal-leġiżlazzjoni marbuta mal-esportazzjoni tal-armi, ta' każijiet ta' devjazzjoni identifikata, u ta' persuni li huma magħrufa jew suspettati li huma involuti f'kummerċ tal-armi illegali jew f'attivitajiet li huma ta' theddida għas-sigurtà internazzjonali u nazzjonali;
ibiddlu r-Rapport Annwali tal-UE f'database online li wieħed jista' jfittex minn tmiem l-2018, b'format ġdid li għandu jiġi applikat għad-data tal-2016;
f)
jippromwovu proċeduri ta' kooperazzjoni ċari, stabbiliti sew bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tal-fruntieri, ibbażati fuq il-kondiviżjoni ta' informazzjoni, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u l-qerda tan-negozjar illegali tal-armi, li huwa ta' riskju għas-sigurtà tal-UE u taċ-ċittadini tagħha;
27. Jilqa' l-intenzjoni tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali li jinvolvi lis-SEAE aktar sistematikament meta jħejji diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni f'pajjiżi ta' destinazzjoni u utenti finali potenzjali; jinsisti dwar l-importanza ta' konsultazzjoni regolari mal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'dan il-proċess;
28. Jinnota li skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni effikaċi jirrikjedu wkoll laqgħat ma' persunal responsabbli għat-tfassil tal-politika, il-liċenzjar u l-infurzar u jħeġġeġ id-dispożizzjonijiet ta' riżorsi suffiċjenti għal dan l-għan; jemmen li fattur kruċjali għat-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni huwa li jespandu l-kapaċitajiet rilevanti tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jżidu l-għadd ta' persunal li jaħdem fuq kwistjonijiet relatati mal-esportazzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE; iħeġġeġ li l-istabbiliment ta' fondi tal-UE jintuża fil-bini tal-kapaċità fost l-uffiċjali tal-liċenzjar u l-infurzar fl-Istati Membri;
29. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ biex jindirizza sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jagħmlu interpretazzjoni differenti tat-8 kriterji tal-Pożizzjoni Komuni għall-esportazzjonijiet ta' prodotti li huma essenzjalment simili, għal destinazzjonijiet u utenti finali simili, sabiex jiġu preservati l-kundizzjonijiet ekwi u l-kredibbiltà tal-UE barra mit-territorju tagħha; jemmen li wasal ukoll iż-żmien li jitqies rwol aktar b'saħħtu għall-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-proċess tal-liċenzjar fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward ta' tali sitwazzjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħolqien ta' korp ta' sorveljanza għall-kontroll tal-armi taħt l-awspiċi tal-VP/RGħ; iqis li għandha tiġi ppubblikata opinjoni lill-Istati Membri li qed jippjanaw li joħorġu liċenzja li ġiet rifjutata minn Stat Membru jew Stati Membri oħrajn;
30. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jissaħħaħ ir-rwol tad-Delegazzjonijiet tal-UE biex jassistu lill-Istati Membri u lis-SEAE bil-valutazzjoni tar-riskju tal-liċenzjar tal-esportazzjoni u l-implimentazzjoni ta' kontrolli fuq l-utent finali, kontrolli ta' wara t-trasportazzjoni u spezzjonijiet fuq il-post;
31. Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu dispożizzjoni fil-Pożizzjoni Komuni sabiex jiżguraw li l-embargo tal-UE kontra pajjiż terz jirrevoka awtomatikament liċenzji li kienu diġà ngħataw għal merkanzija koperta mill-embargo;
32. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jkomplu jagħtu assistenza lil pajjiżi mhux tal-UE fl-abbozzar, fl-aġġornament u fl-implimentazzjoni, fejn xieraq, ta' miżuri leġiżlattivi u amministrattivi sabiex jiżguraw li tiġi stabbilita sistema ta' kontroll tal-esportazzjoni ta' armi u teknoloġija militari;
It-tisħiħ tal-konformità mal-obbligi ta' rapportar
33. Jiddispjaċih għall-pubblikazzjoni tard ħafna tas-17-il Rapport Annwali tal-UE, li saret mill-inqas 17-il xahar wara li nħarġu l-liċenzji, jew wara li saru l-esportazzjonijiet; jiddispjaċih, barra minn hekk, għall-fatt li t-18-il Rapport Annwali tal-UE sar biss pubbliku f'Marzu 2017;
34. Jikkritika l-ksur tat-tmien kriterji mill-Istati Membri; iqis li għandha tiġi promossa applikazzjoni uniformi u konsistenti tat-tmien kriterji; jinnota n-nuqqas ta' dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet għall-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mat-tmien kriterji għall-għoti ta' liċenzji u jagħti parir lill-Istati Membri biex jipprevedu arranġamenti sabiex iwettqu kontrolli indipendenti; jemmen li wasal iż-żmien li jitnieda proċess li jwassal għal mekkaniżmu li jissanzjona lil dawk l-Istati Membri li ma jikkonformawx mal-Pożizzjoni Komuni;
35. Ifakkar li skont l-Artikolu 8(2) tal-Pożizzjoni Komuni, l-Istati Membri kollha huma obbligati li jirrapportaw dwar l-esportazzjoni tal-armi tagħhom, u jistieden lill-Istati Membri kollha jikkonformaw mal-obbligi tagħhom; jiddispjaċih li, għas-17-il Rapport Annwali, 21 Stat Membru għamlu osservazzjonijiet sħaħ għar-Rapport Annwali tal-UE permezz ta' data diżaggregata dwar il-liċenzji u l-esportazzjonijiet attwali u kienu biss 20 Stat Membru li għamlu dan għat-18-il Rapport; jitlob lill-Istati Membri kollha, inklużi t-tliet Stati Membri ewlenin li jesportaw l-armi, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit, li ma għamlux osservazzjonijiet sħaħ, biex jipprovdu sett sħiħ ta' data dwar l-esportazzjonijiet tal-passat tagħhom għar-rapport annwali li jmiss;
36. Jappella biex tiġi garantita proċedura ta' rapportar u sottomissjoni aktar standardizzata u f'waqtha, pereżempju billi tiġi stabbilita skadenza stretta għat-tressiq tad-data sa mhux aktar tard minn Jannar wara s-sena li fiha jkunu saru l-esportazzjonijiet, u billi tiġi stabbilita data tal-pubblikazzjoni fissa sa mhux aktar tard minn Marzu wara s-sena tal-esportazzjonijiet;
37. Huwa tal-fehma li l-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi akkumpanjata minn lista aġġornata regolarment u disponibbli għall-pubbliku flimkien ma' ġustifikazzjoni estensiva li titfa' dawl fuq kemm l-esportazzjoni lejn pajjiżi benefiċjarji partikolari hija konformi mat-tmien kriterji;
38. Iqis li għandha tiġi stabbilita sistema standardizzata ta' verifika u rappurtar li titfa' dawl fuq il-fatt jekk l-esportazzjonijiet ta' Stati Membri individwali tal-UE jiksrux it-tmien kriterji u sa liema punt qed jagħmlu dan;
39. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkonformaw b'mod sħiħ mal-obbligi tagħhom ta' rappurtar stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni; jenfasizza li data ta' kwalità għolja dwar il-kunsinni effettivi hija essenzjali biex wieħed jifhem kif huma applikati t-tmien kriterji; jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jesploraw kif jistgħu jużaw id-data ġġenerata mill-awtoritajiet doganali, inkluż billi jinħolqu kodiċi doganali speċifiċi għal oġġetti militari;
40. Jirrikonoxxi li l-Istati Membri kollha tal-UE huma firmatarji għat-TKA; jitlob li t-TKA jiġi universalizzat u li ssir aktar enfasi fuq dawk il-pajjiżi li mhumiex firmatarji, inklużi r-Russja u ċ-Ċina; ifaħħar ukoll l-isforzi ta' sensibilizzazzjoni rigward it-TKA u jappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tiegħu;
L-immodernizzar ta' għodod relatati
41. Iħeġġeġ ir-reviżjoni tal-Lista Militari Komuni u l-listi annessi mar-Regolament dwar l-Użu Doppju, b'tali mod li tkun żgurata kopertura sħiħa tas-sistemi mingħajr ekwipaġġ rilevanti kollha; ifakkar fir-riżoluzzjoni tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati, u b'mod partikolari, il-paragrafu 2(c) li appella biex id-drones armati jiġu inklużi f'reġimi rilevanti għall-kontroll tal-armi;
42. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu eżami aktar dettaljat ta' produzzjoni liċenzjata minn pajjiżi terzi u jiżguraw li jkun hemm salvagwardji aktar b'saħħithom kontra użi mhux mixtieqa; jitlob l-applikazzjoni stretta tal-Pożizzjoni Komuni rigward produzzjoni liċenzjata f'pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-attitudni u l-istatus tal-pajjiż terz fir-rigward tat-TKA meta jiddeċiedu dwar it-trasferimenti li jkunu jistgħu jtejbu l-manifattura u/jew il-kapaċità ta' esportazzjoni ta' dak il-pajjiż fir-rigward tat-tagħmir militari;
43. Iqis li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/43/KE dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità għandha tkun konsistenti mal-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, inklużi l-parts tal-bdil u l-komponenti; jinnota li l-Pożizzjoni Komuni mhijiex restrittiva fil-kamp ta' applikazzjoni u, għaldaqstant, it-tmien kriterji japplikaw ukoll għal esportazzjonijiet fi ħdan l-UE;
44. Jinsab imħasseb dwar l-isfidi taċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari l-iżviluppi fil-metodi tal-hacking użati għall-aċċess ta' informazzjoni u data tal-awtoritajiet nazzjonali tal-liċenzji; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestu biżżejjed fondi fl-oqsma tat-teknoloġija u tar-riżorsi umani biex individwi jitħarrġu fi programmi u metodi speċifiċi dwar iċ-ċibersigurtà u sabiex jiġu evitati u indirizzati dawn l-isfidi taċ-ċibersigurtà;
Ir-rwol tal-parlamenti u l-opinjoni pubblika
45. Jinnota li mhux il-parlamenti nazzjonali kollha tal-UE jiskrutinizzaw id-deċiżjonijiet governattivi tal-liċenzjar billi, inter alia, jipproduċu rapporti annwali dwar l-esportazzjoni tal-armi, u f'dan ir-rigward, jappella għal żieda ġenerali fis-sorveljanza parlamentari u pubblika; jiġbed l-attenzjoni lejn ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew, li jipprevedu l-possibbiltà ta' rispons regolari għar-Rapporti Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi;
46. Jilqa' l-konsultazzjonijiet regolari mal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija u s-soċjetà ċivili bħala ċentrali għal trasparenza sinifikanti; jistieden lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali, lill-Istati Membri kollha u lis-SEAE biex isaħħu d-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-konsultazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali u mal-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni tal-armi; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali, lis-soċjetà ċivili u lill-akkademja jeżerċitaw skrutinju indipendenti tal-kummerċ tal-armi, u jistieden lill-Istati Membri u lis-SEAE jappoġġaw dawn l-attivitajiet, inkluż b'mezzi finanzjarji;
o o o
47. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal- Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
Rapport tal-2016 dwar l-esportazzjoni tal-armi, Gemeinsame Konferenz Kirche und Entwicklung (GKKE) (Konferenza Konġunta dwar il-Knisja u l-Iżvilupp), p. 54.