Ebda oġġezzjoni għal att delegat: Dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni
265k
52k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji dwar il preżentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (C(2017)01473 – 2017/2602(DEA))
– wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2017)01473) ("ir-regolament delegat rivedut"),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs) billi jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-presentazzjoni, il-kontenut, ir-rieżami u r-reviżjoni tad-dokumenti bl-informazzjoni ewlenija u l-kundizzjonijiet għas-sodisfar tar-rekwiżiti biex jiġu pprovduti dawn id-dokumenti (C(2016)03999 – 2016/2816(DEA))(1),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta' Marzu 2017, li permezz tagħha hija talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-Regolament delegat rivedut,
– wara li kkunsidra l-ittra tat-28 ta' Marzu 2017 mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni (PRIIPs)(2), u b'mod partikolari l-Artikoli 8(5), 10(2), 13(5) u 31 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/2340 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta' investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni għal dak li jirrigwarda d-data ta' applikazzjoni tiegħu(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea, EBA) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(4), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, EIOPA), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE(5), u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, ESMA) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(6),
– wara li kkunsidra l-ittra mill-Presidenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs) bid-data 22 ta' Diċembru 2016, wara t-talba tal-Kummissjoni b'ittra tal-10 ta' Novembru 2016 dwar l-intenzjoni tagħha li temenda l-abbozz ta' Standards Tekniċi Regolatorji (RTS) ippreżentat b'mod konġunt mill-EBA, l-ESMA u l-EIOPA skont l-Artikoli 8(5), 10(2) u 13(5) tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra li l-ebda oġġezzjoni ma ġiet espressa fil-perjodu previst fit-tielet u r-raba’ inċiżi tal-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li skada fl-4 ta' April 2017,
A. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016, il-Parlament oġġezzjona għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1286/2014 u stieden lill-Kummissjoni tressaq regolament delegat rivedut, li indirizza t-tħassib li esprima l-Parlament dwar it-trattament mhux ċar tal-PRIIPs b'diversi għażliet, dwar ir-rappreżentanza insuffiċjenti tal-fatt li l-investituri konsumaturi jistgħu wkoll jitilfu l-flus f'xenarji negattivi fir-rigward ta' ċerti prodotti u dwar in-nuqqas ta' gwida dettaljata rigward l-użu ta' "allert ta' komprensjoni";
B. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016, il-Parlament fakkar li l-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u t-tim ta' negozjar tal-Parlament kienu bagħtu ittra lill-Kummissjoni, fit-30 ta' Ġunju 2016, u talbuha tivvaluta jekk l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 għandhiex tiġi posposta;
C. billi d-dispożizzjonijiet tar-regolament delegat rivedut huma konsistenti mal-objettivi tal-Parlament espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 u waqt id-djalogu informali sussegwenti bħala parti mill-ħidma preparatorja għall-adozzjoni tar-regolament delegat rivedut;
D. billi r-Regolament delegat rivedut jikkjarifika li dawk li joħolqu PRIIPs b'diversi għażliet li jinkludu għażliet ta' investiment sottostanti li jkunu Impriżi għall-Investiment Kollettiv fit-Titoli Trasferibbli (UCITS) jew fondi mhux UCITS imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 mhumiex se jkunu meħtieġa li jipprovdu l-informazzjoni kollha mitluba taħt il-PRIIPs u se jkunu awtorizzati li minflok jużaw dokumenti lill-investitur bl-informazzjoni ewlenija tal-UCITS bħala mezz xieraq ta' forniment lill-investitur konsumatur b'informazzjoni prekuntrattwali aktar dettaljata;
E. billi, filwaqt li l-kalkoli sottostanti għat-tliet xenarji ta' prestazzjoni inklużi preċedentement xorta għadhom ibbażati fuq data storika, fir-Regolament delegat rivedut ġie inkluż xenarju addizzjonali tal-prestazzjoni; billi dan ix-"xenarju ta' stress" hu maħsub li jesponi l-impatti sfavorevoli sinifikanti tal-prodotti li mhumiex koperti fix-"xenarju sfavorevoli" eżistenti;
F. billi l-użu tal-allert ta' komprensjoni ġie ċċarat bl-inklużjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu ta' dawk il-PRIIPs li huma kkunsidrati bħala "prodotti kumplessi" fl-ambitu tad-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u d-Direttiva (UE) 2016/97 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni;
G. billi t-taqsima proposta "X'inhu dan il-prodott" tad-dokument bl-informazzjoni ewlenija ġiet mibdula u t-taqsima dwar "X'inhuma r-riskji u x'nista' niggwadanja" tinkludi preżentazzjoni tal-ispejjeż amministrattivi fir-rigward tal-elementi bijometriċi ta' investiment ibbażat fuq l-assigurazzjoni;
H. billi r-Regolament (UE) 2016/2340 iddeferixxa d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1286/2014 bi 12-il xahar għall-1 ta' Jannar 2018;
1. Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-Regolament delegat rivedut;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea
372k
56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar in-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li biħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea (2017/2593(RSP))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3(5), 4(3) u 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 217 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra n-notifika mogħtija mill-Prim Ministru tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar id-deċiżjoni ta' ħruġ mill-UE bħala konsegwenza tar-referendum fir-Renju Unit(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli tal-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(2), dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(3), u dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi n-notifika mill-Gvern tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew tibda l-proċess li bih ir-Renju Unit mhuwiex se jibqa' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għalih;
B. billi din se tkun ġrajja mingħajr preċedent u ta' dispjaċir, peress li qatt qabel ma seħħ li Stat Membru ħareġ mill-Unjoni Ewropea; billi l-arranġamenti għal dak il-ħruġ iridu jsiru b'mod ordinat ħalli ma jaffettwawx ħażin lill-Unjoni Ewropea, liċ-ċittadini tagħha u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;
C. billi l-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea u, matul il-proċess kollu li se jwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit, sejjer jaġixxi biex jipproteġi l-interessi tagħhom;
D. billi, minkejja li huwa d-dritt sovran ta' Stat Membru li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, huwa d-dmir tal-Istati Membri l-oħra kollha li jaġixxu b'mod unit fid-difiża tal-interessi tal-Unjoni Ewropea u tal-integrità tagħha; billi, għaldaqstant, in-negozjati sejrin isiru bejn ir-Renju Unit, minn naħa, u l-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u s-27 Stat Membru li jibqa' tagħha (UE-27), min-naħa l-oħra;
E. billi n-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea sejrin jibdew wara li l-Kunsill Ewropew jadotta linji gwida għal dawk in-negozjati; billi din ir-riżoluzzjoni tirrappreżenta l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew għal dawn il-linji gwida u sejra tkun ukoll il-bażi li fuqha l-Parlament jivvaluta l-proċess tan-negozjati u kwalunkwe ftehim li jintlaħaq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;
F. billi jeħtieġ li r-Renju Unit, sa ma joħroġ mill-Unjoni Ewropea, igawdi d-drittijiet kollha u jaqdi l-obbligi kollha li joħorġu mit-Trattati, inkluż il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
G. billi r-Renju Unit fin-notifika tiegħu tad-29 ta' Marzu 2017 iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jkun barra mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
H. billi l-Gvern tar-Renju Unit fl-istess notifika indika li r-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni Ewropea ma huma sejrin jinkludu la s-sħubija fis-suq intern u lanqas s-sħubija fl-unjoni doganali;
I. billi, madanakollu, l-issuktar tas-sħubija tar-Renju Unit fis-suq intern, fiż-Żona Ekonomika Ewropea u/jew fl-unjoni doganali kien ikun l-aħjar soluzzjoni kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-UE-27; billi dan mhuwiex possibbli dment li l-Gvern tar-Renju Unit isostni l-oġġezzjonijiet tiegħu għall-erba' libertajiet u għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirrifjuta li jagħmel kontribuzzjoni ġenerali għall-baġit tal-Unjoni u jrid li jmexxi l-politika kummerċjali proprja tiegħu;
J. billi, wara r-riżultat tar-referendum dwar ħruġ mill-Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni "dwar soluzzjoni ġdida għar-Renju Unit fi ħdan l-Unjoni Ewropea", li hija annessa mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 u d-19 ta' Frar 2016, fi kwalunkwe każ hija nulla u bla effett fid-dispożizzjonjiet kollha tagħha;
K. billi n-negozjati jridu jsiru bl-għanijiet li jipprovdu stabilità legali u jillimitaw it-tħarbit,u li jagħtu liċ-ċittadini u lill-entitajiet legali viżjoni ċara tal-ġejjieni;
L. billi jeħtieġ li revoka tan-notifika tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti mill-UE-27 kollha, b'tali mod li ma tkunx tista' tintuża bħala strument proċedurali jew inkella tiġi użata ħażin f'tentattiv biex it-termini ta' sħubija kurrenti tar-Renju Unit jittejbu;
M. billi, mingħajr ftehim ta' ħruġ, ir-Renju Unit joħroġ awtomatikament mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2019, u dan isir b'mod diżordinat;
N. billi għadd kbir ta' ċittadini tar-Renju Unit, inklużi maġġoranzi fl-Irlanda ta' Fuq u fl-Iskozja, ivvutaw biex jibqgħu fl-Unjoni Ewropea;
O. billi l-Parlament Ewropew huwa mħasseb b'mod speċjali dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea għall-Irlanda ta' Fuq u għar-relazzjonijiet futuri tagħha mal-Irlanda; billi, f'dak ir-rigward, huwa kruċjali li l-paċi tiġi salvagwardjata u għalhekk li kull parti tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tiġi ppreservata, bil-memorja li l-Unjoni kienet ħadet sehem attiv fil-medjazzjoni biex dan jintlaħaq, kif kien enfasizza l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2014 dwar il-proċess tal-paċi fl-Irlanda ta' Fuq(5);
P. billi l-ħruġ tar-Renju Unit għandu jġiegħel lill-UE-27 u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jindirizzaw aħjar l-isfidi kurrenti u jirriflettu dwar il-ġejjieni tagħhom u dwar l-isforzi tagħhom biex jagħmlu l-proġett Ewropew aktar effikaċi u demokratiku u jqarrbuh lejn iċ-ċittadini; ifakkar fil-pjan direzzjonali ta' Bratislava, kif ukoll fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar dan is-suġġett, fil-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-Futur tal-Ewropa, fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017, u fil-proposti tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji tas-17 ta' Jannar 2017, li jistgħu jservu bħala bażi għal din ir-riflessjoni;
1. Jirrikonoxxi n-notifika li l-gvern tar-Renju Unit għamel lill-Kunsill Ewropew u li tifformalizza d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea;
2. Jitlob li n-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, kif previst fl-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jibdew mill-aktar fis possibbli;
3. Itenni li huwa importanti li l-ftehim ta' ħruġ u kwalunkwe arranġament tranżizzjonali possibbli jidħlu fis-seħħ żmien sewwa qabel l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta' Mejju 2019;
4. Ifakkar li l-ftehim ta' ħruġ jista' jiġi konkluż biss bil-kunsens tal-Parlament Ewropew, kif jgħodd ukoll għal kwalunkwe ftehim futur possibbli dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, kif ukoll kwalunkwe arranġament tranżizzjonali possibbli;
Prinċipji ġenerali għan-negozjati
5. Jistenna li, biex jiżguraw li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jsir b'mod ordinat, in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit iridu jsiru b'bonafidi u bi trasparenza sħiħa; ifakkar li r-Renju Unit sejjer jibqa' jgawdi drittijietu bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea sa ma jibda jseħħ il-ftehim ta' ħruġ, u għaldaqstant sejjer ukoll jibqa' marbut bid-dmirijiet u bl-impenji tiegħu li jirriżultaw minn dan il-fatt;
6. Ifakkar li, f'dan ir-rigward, ikun kontra d-dritt tal-Unjoni li r-Renju Unit, qabel ma' joħroġ, jibda negozjati dwar ftehimiet kummerċjali possibbli ma' pajjiżi terzi; jenfasizza li azzjoni tali tkun f'kuntradizzjoni mal-prinċipju ta' kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li għandu jkollha konsegwenzi, fosthom l-esklużjoni tar-Renju Unit mill-proċeduri għal negozjati kummerċjali stipulati fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li l-istess irid japplika f'oqsma ta' politika oħra li fihom ir-Renju Unit jibqa' jsawwar il-leġiżlazzjoni, l-azzjonijiet, l-istrateġiji u l-politiki komuni tal-Unjoni b'mod li jiffavorixxi l-interessi proprji tiegħu bħala Stat Membru fi triqtu lejn il-ħruġ, u mhux l-interessi tal-Unjoni Ewropea u tal-UE-27;
7. Iwissi li kwalunkwe ftehim bilaterali bejn Stat Membru jew diversi Stati Membri u r-Renju Unit, fl-oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni Ewropea, li ma jkunx ġie maqbul mill-UE-27, bi rbit ma' kwistjonijiet inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim ta' ħruġ u/jew li jolqot ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, ukoll ikun f'kuntradizzjoni mat-Trattati; iwissi, barra minn hekk, li dan ikun il-każ b'mod speċjali għal kwalunkwe ftehim bilaterali u/jew prattika regolatorja jew superviżorja li jkunu relatati, pereżempju, ma' kwalunkwe aċċess privileġġjat għas-suq intern għal istituzzjonijiet finanzjarji bbażati fir-Renju Unit bi skaptu tal-qafas regolatorju tal-Unjoni jew tal-istatus taċ-ċittadini tal-UE-27 fir-Renju Unit jew viċeversa;
8. Jemmen li l-mandat u d-direttivi tan-negozjati li japplikaw tul il-proċess kollu tan-negozjati jridu jirriflettu bis-sħiħ il-pożizzjonijiet u l-interessi taċ-ċittadini tal-UE-27, inklużi dawk tal-Irlanda, ladarba dak l-Istat Membru sejjer jintlaqat b'mod partikolari mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea;
9. Jemmen li, b'dawn il-kundizzjonijiet, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit sejrin jistabbilixxu relazzjoni futura li tkun ġusta, kemm jista' jkun mill-qrib, u bbilanċjata f'termini ta' drittijiet u obbligi; jiddispjaċih għad-deċiżjoni tal-Gvern tar-Renju Unit li ma jiħux sehem fis-suq intern, fiż-Żona Ekonomika Ewropea u fl-unjoni doganali; iqis li stat li joħroġ mill-Unjoni ma jistax igawdi benefiċċji bħal dawk li jgawdi Stat Membru tal-Unjoni, u għaldaqstant iħabbar li mhuwiex sejjer jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe ftehim li jmur kontra dan il-prinċipju;
10. Jerġa' jafferma li s-sħubija fis-suq intern u fl-unjoni doganali tfisser neċessarjament aċċettazzjoni tal-erba' libertajiet, tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ta' kontribuzzjonijiet ġenerali għall-baġit u ta' adeżjoni mal-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni Ewropea;
11. Jenfasizza li jeħtieġ li r-Renju Unit jaqdi kull obbligu legali, finanzjarju u baġitarju tiegħu, inklużi impenji taħt il-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti li huma dovuti sad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit u warajha;
12. Jieħu nota tal-arranġamenti proposti għall-organizzazzjoni tan-negozjati mfissra fid-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tas-27 Stat Membru, kif ukoll tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea, tal-15 ta' Diċembru 2016; jilqa' n-nomina tal-Kummissjoni Ewropea bħala n-negozjatriċi f'isem l-Unjoni, u n-nomina ta' Michel Barnier min-naħa tal-Kummissjoni bħala l-kap negozjatur tagħha; jirrimarka li l-involviment sħiħ tal-Parlament Ewropew huwa prekundizzjoni neċessarja biex huwa jkun jista' jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe ftehim li jintlaħaq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit;
Is-sekwenzjar tan-negozjati
13. Jissottolinja li, f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, in-negozjati għandhom jikkonċernaw l-arranġamenti għall-ħruġ tar-Renju Unit, b’kont meħud tal-qafas tar-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea;
14. Jaqbel li, jekk isir progress sostanzjali lejn ftehim ta' ħruġ, imbagħad ikunu jistgħu jinbdew taħditiet dwar arranġamenti tranżizzjonali possibbli fuq il-bażi tal-qafas maħsub għar-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea;
15. Jinnota li ftehim dwar relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit bħala pajjiż terz jista' jiġi konkluż biss ladarba r-Renju Unit ikun ħareġ mill-Unjoni Ewropea;
Il-ftehim ta' ħruġ
16. Jiddikjara li l-ftehim ta' ħruġ irid ikun konformi mat-Trattati u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u li, jekk ma jkunx, mhuwiex se jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew;
17. Huwa tal-fehma li l-ftehim ta' ħruġ għandu jindirizza l-elementi li ġejjin:
–
l-istatus legali taċ-ċittadini tal-UE-27 li qed jgħixu jew li kienu għexu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li qed jgħixu jew li kienu għexu fi Stati Membri oħra, kif ukoll dispożizzjonijiet oħra li jikkonċernaw id-drittijiet tagħhom;
–
is-saldu tal-obbligazzjonijiet finanzjarji bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea;
–
il-fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea;
–
il-kjarifika tal-istatus tal-impenji internazzjonali li r-Renju Unit assuma bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, minħabba li l-Unjoni Ewropea ta' 27 Stat Membru se tkun is-suċċessur ġuridiku tal-Unjoni Ewropea ta' 28 Stat Membru;
–
iċ-ċertezza legali għal entitajiet ġuridiċi, inklużi kumpaniji;
–
id-deżinjazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala l-awtorità kompetenti għall-interpretazzjoni u l-infurzar tal-ftehim ta' ħruġ;
18. Jesiġi li ċ-ċittadini tal-UE-27 li qed jgħixu jew li kienu għexu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li qed jgħixu jew li kienu għexu fl-UE-27 jingħataw trattament ġust u huwa tal-fehma li d-drittijiet u l-interessi rispettivi tagħhom iridu jingħataw prijorità sħiħa fin-negozjati; jesiġi, għalhekk, li l-istatus u d-drittijiet ta' ċittadini tal-UE-27 li jirrisjedu fir-Renju Unit u ta' ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-UE-27 ikunu soġġetti għall-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simetrija u nondiskriminazzjoni, u jesiġi barra minn hekk il-protezzjoni tal-integrità tal-liġi tal-Unjoni, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-qafas ta' infurzar tagħha; jenfasizza li kwalunkwe degradazzjoni tad-drittijiet marbuta mal-libertà ta' moviment, inkluża d-diskriminazzjoni bejn ċittadini tal-UE fl-aċċess tagħhom għal drittijiet ta' residenza, qabel id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea tmur kontra l-liġi tal-Unjoni;
19. Jenfasizza li saldu finanzjarju uniku mar-Renju Unit fuq il-bażi tal-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea kif awditjati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jrid jinkludi l-obbligazzjonijiet ġuridiċi kollha tar-Renju Unit li jirriżultaw minn impenji pendenti kif ukoll jipprevedi entrati li ma jidhrux fil-karta bilanċjali, obbligazzjonijiet kontinġenti u spejjeż finanzjarji oħra li jirriżultaw direttament mill-ħruġ tiegħu;
20. Jirrikonoxxi li l-pożizzjoni unika tal-gżira tal-Irlanda u ċ-ċirkostanzi speċjali li qed tħabbat wiċċha magħhom iridu jiġu indirizzati fil-ftehim ta' ħruġ; iħeġġeġ li l-mezzi u l-miżuri kollha konsistenti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea u mal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira tal-1998 jintużaw biex itaffu l-effetti tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq il-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq; jinsisti, f’dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa assoluta li l-kontinwità u l-istabilità tal-proċess ta’ paċi fl-Irlanda ta’ Fuq ikun żgurat u li jsir dak kollu possibbli biex jiġi evitat li l-fruntiera titwebbes;
Ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit
21. Jirrikonoxxi n-notifika tad-29 ta' Marzu 2017 u l-White Paper tal-Gvern tar-Renju Unit tat-2 ta' Frar 2017 bit-titlu "The United Kingdom's exit from and new partnership with the European Union" (Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u sħubija ġdida magħha);
22. Jemmen li jeħtieġ li r-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tkun ekwilibrata u komprensiva u li sservi l-interessi taċ-ċittadini taż-żewġ partijiet, u għalhekk se teħtieġ żmien biżżejjed biex tiġi nnegozjata; jenfasizza li għandha tkopri oqsma ta' interess komuni filwaqt li tirrispetta l-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji u l-valuri fundamentali tal-Unjoni, inklużi l-integrità tas-suq intern kif ukoll il-kapaċità u l-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni; jinnota li l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 217 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi l-istabbiliment ta' "assoċjazzjoni li ġġib magħha drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċeduri speċjali", jistgħu jipprovdu qafas xieraq għal tali relazzjoni futura;
23. Jiddikjara li, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, dawn ma jistgħu jinvolvu l-ebdatpaċija bejn is-sigurtà interna u esterna, inkluża l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża, minn naħa waħda, u r-relazzjoni ekonomika futura, min-naħa l-oħra;
24. Jenfasizza li kwalunkwe ftehim futur bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jiddependi fuq l-osservanza kontinwa tar-Renju Unit tal-istandards previsti mill-obbligi internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, mil-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-Unjoni, fost l-oħrajn fl-oqsma tal-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, il-kompetizzjoni ġusta, il-kummerċ u d-drittijiet soċjali, b'mod speċjali s-salvagwardji kontra d-dumping soċjali;
25. Jopponi kwalunkwe ftehim futur bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit li jkun fih dispożizzjonijiet frammentarji jew settorjali, inkluż fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, li jagħtu lill-impriżi bbażati fir-Renju Unit aċċess preferenzjali għas-suq intern u/jew għall-unjoni doganali; jenfasizza li, wara li r-Renju Unit joħroġ, huwa se jkun irregolat mir-reġim tal-pajjiżi terzi previst fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;
26. Jinnota li, jekk ir-Renju Unit jitlob li jipparteċipa f'ċerti programmi tal-Unjoni Ewropea, jieħu sehem bħala pajjiż terz, b'mod li jinvolvi kontribuzzjonijiet baġitarji xierqa u sorveljanza mill-ġurisdizzjoni eżistenti; jilqa', f'dan il-kuntest, l-issuktar tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'għadd ta' programmi, bħall-Erasmus;
27. Jinnota li bosta ċittadini tar-Renju Unit esprimew oppożizzjoni qawwija għat-telfien tad-drittijiet li jgawdu bħalissa skont l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jipproponi li l-UE-27 teżamina kif tista' ttaffi dan fil-limiti tal-liġi primarja tal-Unjoni filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji ta' reċiproċità, ekwità, simetrija u nondiskriminazzjoni;
Arranġamenti tranżizzjonali
28. Jemmen li l-arranġamenti tranżizzjonali li jiżguraw iċ-ċertezza legali u l-kontinwità jistgħu biss jiġu miftiehma bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jekk ikun fihom bilanċ ġust ta' drittijiet u obbligi għaż-żewġ partijiet u jippreservaw l-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, bil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala l-entità responsabbli biex tiddeċiedi kwalunkwe kontestazzjoni ġuridika; jemmen, barra minn hekk, li kwalunkwe tali arranġament irid ukoll ikun strettament limitat kemm fiż-żmien – b'mod li ma jeċċedix tliet snin – kif ukoll fil-kamp ta' applikazzjoni, peress li qatt ma jista' jkun sostitut għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea;
Kwistjonijiet għall-UE-27 u għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni
29. Jitlob li jintlaħaq ftehim malajr kemm jista' jkun dwar ir-rilokazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea u tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u li l-proċess ta' rilokazzjoni jibda malli jkun fattibbli;
30. Jirrimarka li rieżami u aġġustament tal-liġi tal-Unjoni jistgħu jkunu meħtieġa biex jirriflettu l-ħruġ tar-Renju Unit;
31. Jemmen li reviżjoni li tkopri l-aħħar sentejn tal-qafas finanzjarju pluriennali kurrenti mhijiex meħtieġa iżda li l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit għandu jiġi indirizzat permezz tal-proċedura baġitarja annwali; jissottolinja li l-ħidma fuq qafas finanzjarju pluriennali ġdid, inkluża l-kwistjoni tar-riżorsi proprji, għandha tibda immedjatament fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-UE-27;
32. Jikkommetti ruħu li jiffinalizza fil-ħin il-proċeduri leġiżlattivi dwar il-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 14(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-proċedura elettorali abbażi tal-proposta tiegħu skont l-Artikolu 223 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea annessa mar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2015 dwar ir-riforma tal-liġi elettorali tal-Unjoni Ewropea(6); jemmen, barra minn hekk, filwaqt li jqis il-Premessa P ta' din ir-riżoluzzjoni, li matul in-negozjati dwar il-ħruġ u dwar l-istabbiliment ta' relazzjoni ġdida mar-Renju Unit, jeħtieġ li s-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jibqa', flimkien mal-istituzzjonijiet tagħha, isaħħu l-Unjoni Ewropea tal-lum permezz ta' dibattitu pubbliku wiesa' u li jagħtu bidu għal riflessjoni interistituzzjonali profonda dwar il-ġejjieni tagħha;
Dispożizzjonijiet finali
33. Jirriserva d-dritt li jiċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar in-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, u, fejn ikun xieraq, li jadotta riżoluzzjonijiet ulterjuri, inkluż dwar materji speċifiċi jew kwistjonijiet settorjali, fid-dawl tal-progress li jsir jew ma jsirx f'dawk in-negozjati;
34. Jistenna li l-Kunsill Ewropew jikkunsidra din ir-riżoluzzjoni meta jadotta l-linji gwida tiegħu li jiddefinixxu l-qafas għan-negozjati u jistabbilixxi l-pożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali li l-Unjoni Ewropea se ssegwi;
35. Jiddeċiedi li jiddetermina l-pożizzjoni finali tiegħu dwar il-ftehim(iet) abbażi tal-valutazzjoni li ssir f'konformità mal-kontenut ta' din ir-riżoluzzjoni u ta' kwalunkwe riżoluzzjoni sussegwenti tal-Parlament Ewropew;
o o o
36. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Gvern tar-Renju Unit.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni) (COM(2015)0616 – C8-0388/2015 – 2015/0283(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0616),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 50(1) u (2)(g) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0388/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' April 2016(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994 dwar metodu ta' ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi(2),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 103 u 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0088/2017),
A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda tibdil sostanzjali;
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adotatta fl-ewwel qari fil-5 ta’ April 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (EU) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (kodifikazzjoni)
Ratifika u adeżjoni tal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara bl-eċċezzjoni ta' aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili ***
257k
48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri f'isem l-Unjoni mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara, bl-eċċezzjoni ta' aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili (13806/2015 – C8-0410/2015 – 2015/0135(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13806/2015),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara tal-1996 (il-"Konvenzjoni HNS 1996"),
– wara li kkunsidra l-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni HNS 1996,
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0410/2015),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/971/KE tat-18 ta' Novembru 2002 li tawtorizza lill-Istati Membri, fl-interess tal-Komunità, li jirratifikaw jew li jaderixxu mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara tal-1996 (il-Konvenzjoni HNS)(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni interim tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill(3),
– wara li kkunsidra s-segwitu tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 għar-riżoluzzjoni interim,
– wara li kkunsidra l-opinjoni f'forma ta' ittra dwar il-bażi ġuridika għall-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill imsemmi hawn fuq adottata mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali fid-19 ta' Frar 2016(4) u annessa mar-rapport interim tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0191/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0076/2017),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għar-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara, bl-eċċezzjoni tal-aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Ratifika u adeżjoni tal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni dwar is-Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara bl-eċċezzjoni ta' aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili ***
269k
50k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri, f'isem l-Unjoni, mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara, fir-rigward tal-aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili (14112/2015 – C8-0409/2015 – 2015/0136(NLE))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14112/2015),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali fuq ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara tal-1996 ("il-Konvenzjoni HNS 1996"),
– wara li kkunsidra l-Protokoll tal-2010 tal-Konvenzjoni HNS 1996,
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 81 u l-Artikolu 218(6), it-tieni paragrafu, punt (a) (v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0409/2015),
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattati,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/971/KE tat-18 ta' Novembru 2002 li tawtorizza lill-Istati Membri, fl-interess tal-Komunità, li jirratifikaw jew li jaderixxu mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara 1996 (il-Konvenzjoni HNS)(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni interim tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill(3),
– wara li kkunsidra s-segwitu tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 għar-riżoluzzjoni interim,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0078/2017),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għar-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għall-Ħsara b'Konnessjoni mat-Trasportazzjoni bil-Baħar ta' Sustanzi Perikolużi u ta' Ħsara, fir-rigward tal-aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fil-Kroazja *
245k
47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja (COM(2017)0017 – C8-0026/2017 – 2017/0011(NLE))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2017)0017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Att ta' Adeżjoni tad-9 ta' Diċembru 2011(1), skont liema Artikolu l-Kunsill ġie kkonsultat mill-Parlament (C8-0026/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0073/2017),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (10728/4/2016 – C8-0104/2017 – 2012/0266(COD))
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10728/4/2016 – C8-0104/2017),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Frar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0542),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 67a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0068/2017),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari dwar l-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar apparat mediku dijanjostiku in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (10729/4/2016 – C8-0105/2017 – 2012/0267(COD))
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10729/4/2016 – C8-0105/2017),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Frar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(2) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0541),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 67(a) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0069/2017),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet għal informazzjoni u konsulenza fil-qasam tal-ittestjar ġenetiku fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar apparat mediku dijanjostiku in vitro
Mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni tar-Regolament u fil-qafas tar-rieżami tat-tħaddim tal-Artikolu 4 previst fl-Artikolu 111 tar-Regolament, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-esperjenza tal-Istati Membri bl-implimentazzjoni tal-obbligi fl-Artikolu 4 għal informazzjoni u konsulenza fil-kuntest tal-użu ta' testijiet ġenetiċi. B'mod partikolari, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar il-prattiki differenti fis-seħħ, fid-dawl tal-għan doppju segwit mir-Regolament, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta' sikurezza tal-pazjent u jkun garantit il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ittestjar ġenetiku użat għal skopijiet ta' stil ta' ħajja u ta' benessri
Fir-rigward tat-testijiet ġenetiċi maħsuba għal skopijiet ta' benessri jew ta' stil ta' ħajja, il-Kummissjoni tenfasizza li l-apparat mingħajr ebda skop mediku, inkluż dak li huwa intenzjonat biex, direttament jew indirettament, iżomm jew itejjeb id-drawwiet sani, il-kwalità tal-ħajja u l-benessri tal-individwi, mhuwiex kopert mill-Artikolu 2 (Definizzjonijiet) tar-Regolament dwar apparat mediku dijanjostiku in vitro. Madankollu, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li twettaq monitoraġġ ta' kwistjonijiet speċifiċi ta' sikurezza li jistgħu jkunu marbuta mal-użu ta' dan l-apparat, abbażi tal-attivitajiet ta' sorveljanza tas-suq imwettqa mill-Istati Membri.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju (COM(2013)0615 – C7-0263/2013 – 2013/0306(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0615),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0263/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta’ Mejju 2014(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-10 ta' Diċembru 2013(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tas-7 ta' Diċembru 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0041/2015),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(3);
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' April 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fondi tas-suq monetarju
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ (COM(2015)0583 – C8-0375/2015 – 2015/0268(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0583),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0375/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta' Marzu 2016(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Marzu 2016(2),
– wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-20 ta' Diċembru 2016, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0238/2016),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(3);
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' April 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/...tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (14942/2016 – C8-0103/2017 – 2016/0283(APP))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (14942/2016) u r-rettifika tal-Kunsill (14942/2016 COR2),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (C8-0103/2017),
– wara li kkunsidra l-ftehim fil-prinċipju tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2017 dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' regolament(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 86, 99(1) u 4 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0110/2017);
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 kif stabbilit fl-anness ta' din ir-riżoluzzjoni;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
ANNESS
Abbozz ta’ Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/… li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, , r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2017/1123.)
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (14942/2016 – C8-0103/2017 – 2016/0283(APP) – 2017/2051(INI))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604),
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (14942/2016) u r-rettifika tal-Kunsill (14942/2016 COR2),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (C8-0103/2017),
– wara li kkunsidra l-ftehim fil-prinċipju tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2017 dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' regolament(4),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0117/2017),
1. Japprova d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
2. Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet unilaterali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
ANNESS
DIKJARAZZJONIJIET
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rinforzi ("top-ups") għall-bqija tal-perjodu tal-QFP
Fil-kuntest tal-analiżi/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ftehmu dwar it-"top-ups" kif proposti mill-Kummissjoni għall-ammonti indikati fit-tabella ta' hawn taħt, li għandhom jiġu implimentati fis-snin 2017 sa 2020(5) fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-awtorità baġitarja:
Approprjazzjonijiet ta' impenn (f'miljuni ta' EUR)
Intestatura 1a
Orizzont 2020
200
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Trasport
300
Erasmus+
100
COSME
100
Wifi4EU*
25
FEIS*
150
Total Intestatura 1a
875
Intestatura 1b (Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ)
1200**
Intestatura 3
2549
Intestatura 4*
1385
Total Intestaturi 1a, 1b, 3, 4
6009
* Dan ma jippreġudikax l-eżitu tad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar l-abbozz ta' proposti leġiżlattivi fl-Intestatura 1a u l-Intestatura 4.
** Mifruxa fuq erba' snin (2017-2020).
Fil-proċedura baġitarja annwali ser jiġu identifikati riallokazzjonijiet ta' ammont totali ta' EUR 945 miljun, li minnhom EUR 875 miljun fl-Intestatura 1a u EUR 70 miljun fl-Intestatura 4.
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-evitar tal-akkumulu ta' ammont eċċessiv ta' kontijiet mhux imħallsa
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jappellaw lill-Kummissjoni tkompli bi skrutinju mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014-2020 sabiex tiġi żgurata progressjoni ordnata tal-approprjazzjonijiet ta' pagament konsistenti mal-approprjazzjonijiet ta' impenn awtorizzati. Għal dak l-għan, jistiednu lill-Kummissjoni biex fil-mument opportun tippreżenta, matul il-bqija tal-perjodu tal-QFP attwali, ċifri aġġornati fir-rigward tal-istat attwali u stimi rigward l-approprjazzjonijiet ta' pagament. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser jieħdu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa fi żmien debitu għal ħtiġijiet ġustifikati kif mistħoqq li tipprevjeni l-akkumulu ta' ammont eċċessiv ta' kontijiet mhux imħallsa u li tiżgura li t-talbiet għall-ħlas jiġu rimborżati kif mistħoqq.
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-pagamenti għal Strumenti speċjali
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jadattaw il-proposta għall-emenda tad-Deċiżjoni (UE) 2015/435 b'mod li ma jippreġudika bl-ebda mod in-natura tal-pagamenti għal strumenti speċjali oħra b'mod ġenerali.
Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar evalwazzjoni indipendenti tar-riżultati tal-objettiv ta' tnaqqis progressiv tal-persunal b'5 % bejn l-2013 u l-2017
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jipproponu li titwettaq evalwazzjoni indipendenti tar-riżultati tal-objettiv ta' tnaqqis progressiv tal-persunal b'5 % bejn l-2013 u l-2017, li tkopri l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha kif miftiehem fil-FII tal-2013 dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba. Abbażi tal-konklużjoni tal-evalwazzjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta proposta ta' segwitu adatta.
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-dikjarazzjonijiet konġunti marbuta mar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP
Il-Parlament Ewropew ifakkar li l-erba' dikjarazzjonijiet konġunti li jakkumpanjaw ir-regolament rivedut tal-QFP huma ta' natura politika mingħajr ebda implikazzjoni legali.
Fir-rigward tad-dikjarazzjoni konġunta dwar ir-rinforzi ("top-ups") u riallokazzjonijiet għal programmi tal-Unjoni, huwa mfakkar li t-Trattati jipprovdu l-possibilità li l-awtorità baġitarja tiddetermina l-livell u l-kontenut tal-baġit tal-Unjoni permezz tal-proċedura baġitarja annwali. Il-Parlament Ewropew jenfasizza li, bħala fergħa ugwali tal-awtorità baġitarja, se jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tiegħu, li ma huma se jiġu kompromessi minn ebda dikjarazzjoni politika. Il-bżonn li jiġu rrispettati l-prerogattivi tal-awtorità baġitarja huwa rifless ukoll b'mod ċar fit-test tad-dikjarazzjoni konġunta.
Il-Parlament Ewropew jifhem, għalhekk, li l-ammonti indikati f'din id-dikjarazzjoni konġunta jirrappreżentaw ammonti ta' referenza li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi konkreti ta' kull baġit annwali. Rigward, b'mod partikolari, ir-riallokazzjonijiet proposti fl-Intestaturi 1a u 4, il-Parlament Ewropew biħsiebu jeżamina kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni fuq bażi ta' każ b'każ, sabiex jiżgura li ma jkun hemm ebda tnaqqis minn programmi ewlenin tal-Unjoni, speċjalment jekk iwasslu għat-tkabbir u l-impjiegi jew jirreaġixxu għal bżonnijiet attwali urġenti u juru rata għolja ta' implimentazzjoni.
Huwa evidenti li kwalunkwe ammonti indikati fid-dikjarazzjoni konġunta li jirrigwardaw proposti leġiżlattivi li għadhom ma ġewx adottati, ma jippreġudikaw bl-ebda mod l-eżitu ta' dawn in-negozjati leġiżlattivi.
Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar il-pagamenti għal Strumenti Speċjali
Il-Kunsill jipproponi li jinżamm l-istatus quo u li, fil-kuntest ta' din l-analiżi/reviżjoni, ma tiġix stabbilita regola ġenerali u globali fir-rigward tat-trattament tal-pagamenti għal strumenti speċjali oħra. Skont l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kunsill, ser tibqa' l-prerogattiva tal-Awtorità tal-Baġit li tiddeċiedi skont il-każ, fir-rigward ta' mobilizzazzjoni speċifika inkwistjoni, jekk il-pagamenti korrispondenti kollha, jew uħud minnhom, għandhomx jingħaddu lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP jew le.
Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u miżuri addizzjonali biex jgħinu biex jiġu indirizzati l-kriżi tal-migrazzjoni u kwistjonijiet ta' sigurtà
Jekk ix-xejra ta' tnaqqis fil-qgħad fost iż-żgħażagħ osservata mill-2013 terġa' tmur għall-agħar, għandha tiġi kkunsidrata żieda fil-finanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ lil hinn mill-ammont ta' EUR 1,2 biljun miftiehem fil-qafas tal-analiżi/reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2014-2020 billi jintużaw il-marġni disponibbli skont il-Marġni Globali għall-Impenji f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament dwar il-QFP. Għal dak l-iskop, il-Kummissjoni ser tirrapporta regolarment dwar ix-xejriet statistiċi osservati u tippreżenta Abbozz ta' Baġit Emendatorju jekk ikun xieraq.
Mingħajr preġudizzju għal dan ta' hawn fuq, għandhom jiġu kkunsidrati marġni oħrajn disponibbli, bħala kwistjoni ta' prijorità, għal investiment fiż-żgħażagħ madwar l-Ewropa u għal miżuri biex jgħinu biex jiġu indirizzati d-dimensjoni interna u dik esterna tal-kriżi tal-migrazzjoni u kwistjonijiet ta' sigurtà jekk ikun hemm ħtiġijiet ġodda li mhumiex koperti mill-finanzjament eżistenti jew miftiehem. Il-Kummissjoni ser tagħmel proposti għal dak l-għan jekk ikun xieraq filwaqt li tqis il-ħtieġa li jinżammu biżżejjed marġni għal avvenimenti mhux mistennija u l-implimentazzjoni bla xkiel ta' programmi diġà maqbula.
Parti mit-"top-ups" ġenerali diġà ġew miftiehma fil-kuntest tal-proċedura baġitarja tal-2017. B'hekk, il-baġit tal-2017 jinkludi EUR 200 miljun fl-Intestatura 1a u EUR 725 miljun fl-Intestatura 4. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jipprovdu EUR 500 miljun fl-Intestatura 1b għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2017 li għandha tiġi ffinanzjata mill-Marġni globali għall-impenji u li ser tiġi implimentata permezz ta' baġit emendatorju fl-2017. Fl-aħħar nett, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stiednu wkoll lill-Kummissjoni titlob l-approprjazzjonijiet meħtieġa f'baġit emendatorju fl-2017 sabiex jiġi pprovdut il-finanzjament tal-EFSD mill-baġit tal-UE malli tiġi adottata l-bażi ġuridika.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/435 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza (COM(2016)0607 – C8-0387/2016 – 2016/2233(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0607 – C8-0387/2016),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 6 u 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 14 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ftehim fil-prinċipju tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2017 dwar ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020(3),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/435 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza fl-2014(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: l-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(6), u tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020(7),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0104/2017),
A. billi fl-2014 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill immobilizzaw il-marġni ta' kontinġenza b'ammont ta' EUR 3 168 233 715 f'approprjazzjonijiet ta' pagament; billi ammont ta' EUR 350 miljun kien inkluż fil-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza fl-istennija ta' ftehim dwar it-trattament ta' pagamenti għal strumenti speċjali;
B. billi ġie deċiż li matul il-perjodu 2018-2020 jiġi kkumpensat l-ammont ta' EUR 2 818 233 715 u l-Kummissjoni tiġi mistiedna tippreżenta fi żmien xieraq proposta dwar l-ammont li jifdal ta' EUR 350 miljun;
C. billi, skont it-tbassir dwar il-pagamenti fuq terminu ta' żmien medju ppreżentat fil-kuntest tal-analiżi/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, hija mistennija pressjoni fuq il-limiti tal-pagamenti annwali għas-snin 2018-2020;
D. billi l-baġit għas-sena 2017 juri marġni taħt il-limitu ta' pagament ta' EUR 9,8 biljun, u dan jippermetti li jiġi kkumpensat l-ammont sħiħ mobilizzat fl-2014;
1. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu ppreżentati bħala parti mill-pakkett ta' analiżi/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP;
2. Jikkunsidra li l-kumpens ta' ammont totali ta' EUR 2 818 233 715 mobilizzat fl-2014 mill-marġni taħt il-limitu massimu għas-sena 2017 se jipprovdi aktar flessibbiltà għat-tieni parti tal-QFP u se jgħin biex tkun evitata kriżi ġdida tal-pagamenti;
3. Jenfasizza li l-esklużjoni tal-bqija tal-ammont ta' EUR 350 miljun mill-kumpens jikkonferma l-pożizzjoni li ilu jieħu l-Parlament li l-approprjazzjonijiet ta' pagament għal strumenti speċjali huma magħduda oltre l-limiti massimi tal-QFP;
4. Jilqa' pożittivament, fil-prinċipju, il-ftehim tal-Kunsill għad-deċiżjoni annessa li huwa konformi mal-interpretazzjoni tal-Parlament;
5. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNES
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/435 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2017/1331.)
L-estimi tad-dħul u tal-infiq għas-sena finanzjarja 2018 - Taqsima I - Il-Parlament Ewropew
485k
59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2018 (2017/2022(BUD))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(4),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta’ Diċembru 2016 dwar l-abbozz konġunt tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura baġitarja(7),
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau bl-għan li jitħejja l-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2018,
– wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fit-3 ta' April 2017 skont l-Artikoli 25(7) u 96(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-estimi mħejji mill-Kumitat tal-Baġits skont l-Artikolu 96(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 96 u 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0156/2017),
A. billi din il-proċedura hija t-tielet proċedura baġitarja sħiħa mwettqa fil-leġiżlatura l-ġdida u billi din hija l-ħames sena tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020;
B. billi l-baġit 2018, kif propost fir-rapport tas-Segretarju Ġenerali, qed jitħejja fil-kuntest ta' żieda fil-limitu massimu għall-intestatura V meta mqabbel ma' dak tal-2017, u dan jippermetti iżjed lok għal tkabbir u investiment, kif ukoll biex ikomplu jiġu implimentati politiki li jiksbu l-iffrankar ta' riżorsi u li jfittxu li jtejbu l-effiċjenza;
C. billi ġew proposti seba' objettivi prijoritarji mis-Segretarju Ġenerali għall-baġit 2018, speċifikament: it-tnedija ta' kampanja ta' komunikazzjoni bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2019, il-konsolidazzjoni tal-miżuri ta' sigurtà meħuda, it-tkomplija tal-proġetti ta' bini pluriennali, l-investiment fid-diġitalizzazzjoni u l-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri, it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex l-Irlandiż jiġi introdott bħala lingwa uffiċjali sħiħa, u l-analiżi tal-impatt possibbli ta' Brexit u l-inkoraġġiment ta' approċċ ekoloġiku għat-trasport;
D. billi ġie propost baġit ta' EUR 1 971 883 373 mis-Segretarju Ġenerali għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2018, li jirrappreżenta żieda kumplessiva ta' 3,26 % fuq il-baġit għall-2017 u 19,06 % tal-intestatura V tal-QFP 2014-2020;
E. billi s-Segretarju Ġenerali ppropona investimenti straordinarji addizzjonali ta' EUR 47,6 miljun biex jissaħħu l-proġetti fil-qasam tas-sigurtà, isiru l-ħlasijiet taċ-ċnus għall-proġett tal-bini ADENAUER u titnieda kampanja ta' komunikazzjoni bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2019;
F. billi kważi 68 % tal-baġit huwa nefqa indiċizzata li tirrigwarda prinċipalment ir-remunerazzjonijiet u l-allowances għall-Membri u l-persunal, kif ukoll il-bini, u li tiġi aġġustata bi qbil mar-Regolamenti tal-Persunal, skont indiċizzazzjoni speċifika għas-settur jew ir-rata tal-inflazzjoni;
G. billi r-rapport tal-Parlament intitolat "In-nisa fil-Parlament Ewropew", li nħareġ fit-8 ta' Marzu 2017 fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, juri żbilanċ bejn il-ġeneri fil-karigi maniġerjali fil-Parlament , bi 83,3 % tal-pożizzjonijiet ta' Viċi Segretarju Ġenerali u Direttur Ġenerali fil-Parlament okkupati minn irġiel u 16,7 % minn nisa, 70,2 % tal-pożizzjonijiet ta' Diretturi fil-Parlament okkupati minn irġiel u 29,8 % minn nisa, u 65,9 % tal-pożizzjonijiet ta' Kap ta' Unità fil-Parlament okkupati minn irġiel u 34,1 % minn nisa;
H. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tistabbilixxi obbligu fuq l-Unjoni biex tirrispetta d-diversità lingwistika u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-lingwa, b'mod li b'hekk tagħti d-dritt lil kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni juża kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni meta jikkorrispondi mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma obbligati jwieġbu bl-istess lingwa;
I. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016(8), il-Parlament diġà saħaq li jenħtieġ li l-baġit 2016 jiġi stabbilit fuq bażi realistika u jkun konformi mal-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba;
J. billi l-kredibilità tal-Parlament bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċità tiegħu li jżomm imrażżan l-infiq tiegħu stess;
K. billi l-kredibilità tal-Parlament tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċità tiegħu li jiżviluppa d-demokrazija fil-livell tal-Unjoni;
Il-qafas ġenerali
1. Jisħaq li huwa mistenni li sehem il-baġit tal-Parlament fl-2018 jinżamm taħt l-20 % tal-intestatura V; jinnota li l-livell tal-estimi għall-2018 jikkorrispondi għal 18,88 %, li huwa inqas minn dak li nkiseb fl-2017 (19,26 %) u l-iktar parti baxxa mill-intestatura V f'dawn l-aħħar ħmistax-il sena;
2. Jappella biex, skont il-paragrafu 15 tar-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017 u l-paragrafu 98 tar-riżoluzzjoni tiegħu msemmija iktar ‘il fuqtas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, li jirrikjedu li l-metodu biex il-baġit tal-Parlament jiġi stabbilit abbażi tal-bżonnijiet attwali u mhux abbażi ta' sistema ta' koeffiċjenti jintuża għall-ewwel darba matul il-proċedura baġitarja għas-sena finanzjarja 2018, dawk it-talbiet jiġu sodisfatti;
3. Jinnota li l-ammont riżervat għall-investimenti u n-nefqiet straordinarji fl-2018 huwa ta' EUR 47,6 miljun, fl-istess livell bħal dak tal-2017; jikkunsidra li jkun xieraq li l-kampanja ta' komunikazzjoni għall-2019 tiġi kkunsidrata bħala nefqa straordinarja;
4. Josserva li 75 % tal-approprjazzjonijiet għall-kampanja ta' komunikazzjoni bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2019 ġew inklużi fl-abbozz preliminari tal-estimi tal-2018 kif mitlub, peress li l-biċċa l-kbira tal-kuntratti se jiġu ffirmati fl-2018;
5. Jenfasizza li l-ikbar parti mill-baġit tal-Parlament hija fissa b'riżultat ta' obbligi statutorji jew kuntrattwali u soġġetta għal indiċizzazzjoni annwali;
6. Jappoġġa l-ftehim tat-28 ta' Marzu 2017 mal-Bureau rigward il-livell tal-estimi għall-2018; inaqqas il-livell tal-infiq b'EUR 18,4 miljun meta mqabbel mal-pożizzjoni inizjali tal-Bureau; jistabbilixxi livell kumplessiv ta' EUR 1 953 483 373 għall-estimi tiegħu għall-2018, li jikkorrispondi għal żieda ta' 2,3 % meta mqabbel mal-baġit 2017;
7. Jissottolinja li l-funzjonijiet fundamentali tal-Parlament huma l-leġiżlazzjoni, ir-rappreżentanza taċ-ċittadin u l-iskrutinju tal-ħidma tal-istituzzjonijiet l-oħra;
8. Jirrileva r-rwol tal-Parlament fil-kostruzzjoni ta' għarfien politiku Ewropew u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni;
9. Jisħaq li qed jiġi rikjest l-iffrankar ta' riżorsi fil-konfront tal-proposta tas-Segretarju Ġenerali u li qed jitħeġġeġ b'qawwa kull sforz li jsir fil-ħidma biex il-flejjes pubbliċi jintużaw b'mod aktar effiċjenti u trasparenti;
It-trasparenza u l-aċċessibilità
10. Jilqa' r-reazzjoni għat-talba li saret mill-Kumitat għall-Baġits, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017(9), u li tenna fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017(10), fir-rigward ta' ppjanar baġitarju fuq żmien medju u fuq żmien twil li jkun jinkludi distinzjoni ċara bejn l-investimenti u l-infiq operattiv relatat mal-funzjonament tal-Parlament, kif ukoll l-obbligi statutorji tiegħu (inkluż fuq kirjiet u akkwisti);
11. Jilqa' l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma rigward il-proċeduri biex jiġu stabbiliti l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament; jinnota li l-Parlament appella biex tingħata kunsiderazzjoni għal reviżjoni ulterjuri tar-Regoli ta' Proċedura fir-rigward tal-proċeduri baġitarji interni(11); jissottolinja l-bżonn li l-Membri tal-Bureau u tal-Kumitat għall-Baġits jirċievu l-informazzjoni rilevanti relatata mal-proċedura tal-estimi b'mod puntwali u komprensibbli u fil-livell ta' dettall meħtieġ, b'mod li jippermetti li l-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits jieħdu deċiżjonijiet filwaqt li jkollhom stampa komprensiva tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-baġit tal-Parlament;
12. Itenni l-appell tiegħu lis-Segretarju Ġenerali biex iressaq proposta sabiex il-baġit jiġi ppreżentat lill-pubbliku ġenerali b'livell xieraq ta' dettall u b'manjiera li jkun komprensibbli u faċli biex jintuża fuq is-sit tal-Parlament fuq l-internet, b'mod li jippermetti li ċ-ċittadini kollha jiżviluppaw fehim aħjar tal-attivitajiet u l-prijoritajiet tal-Parlament u t-tendenzi korrispondenti ta' nfiq tiegħu;
13. Jikkunsidra li l-gruppi ta' viżitaturi huma wieħed mill-istrumenti kruċjali biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini rigward l-attivitajiet tal-Parlament; jilqa' r-regoli riveduti għall-gruppi ta' viżitaturi u jikkunsidra li r-riskju ta' miżapproprjazzjoni ta' fondi naqas minħabba l-implimentazzjoni tar-regoli ġodda u aktar stretti; jistieden fid-dawl ta' dan lill-Bureau biex, flimkien mal-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, jirrevedi l-approprjazzjonijiet għall-gruppi ta' viżitaturi tal-Membri, filwaqt li jqis ir-rati tal-inflazzjoni fis-snin reċenti li wasslu biex tali żjarat saru jiswew iktar; jikkunsidra li, għalkemm dawk l-ammonti mhumiex intenzjonati biex ikopru l-ispejjeż kollha mġarrba mill-gruppi ta' viżitaturi, imma huma kkunsidrati aktar bħala sussidju, il-fatt li l-proporzjon tal-ispejjeż koperti se jonqos jekk l-allowance ma jiġix aġġustat skont l-inflazzjoni, ma jistax jiġi injorat; jitlob lill-Bureau jqis li din id-diskrepanza taffettwa b'mod sproporzjonat lill-gruppi ta' viżitaturi minn sfondi soċjoekonomiċi anqas għonja li l-mezzi finanzjarji proprji tagħhom ikunu ferm limitati;
Is-sigurtà u ċ-ċibersigurtà
14. Jieħu nota tal-miżuri li qed jittieħdu bħalissa biex titqawwa s-sigurtà tal-Parlament, fir-rigward tal-bini, it-tagħmir u l-persunal, iċ-ċibersigurtà u s-sigurtà tal-komunikazzjoni; jitlob lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau jissoktaw bil-Kunċett tas-Sigurtà Globali biex ikomplu jipprovdu titjib strutturali, operattiv u kulturali fil-qasam tas-sigurtà tal-Parlament; itenni l-ħtieġa li tittejjeb il-prestazzjoni tas-servizzi informatiċi li jiġu pprovduti lill-Parlament billi jsir investiment fit-taħriġ tal-persunal, iżda anke billi l-kuntratturi jintgħażlu b'mod aħjar abbażi ta' evalwazzjoni aktar b'saħħitha tas-servizzi u l-kapaċitajiet informatiċi tagħhom;
15. Jemmen li l-avvenimenti riċenti juru li l-probabilità ta' attakki ċibernetiċi żdiedet b'mod drammatiku, u t-teknoloġija wara tali attakki spiss tiżviluppa b'ritmu ferm aktar mgħaġġel mill-miżuri taċ-ċibersigurtà li jikkombattuhom; jikkunsidra li l-għodod informatiċi saru strumenti importanti għall-Membri u l-persunal biex iwettqu xogħolhom, iżda madankollu huma vulnerabbli għal attakki ta' dan it-tip; jilqa' għaldaqstant l-integrazzjoni taċ-ċibersigurtà fil-qafas ta' ġestjoni strateġika kumplessiv tal-Parlament, u jikkunsidra li dan se jippermetti lill-istituzzjoni tipproteġi aħjar l-assi u l-informazzjoni tagħha;
16. Jiddispjaċih li, minkejja l-installazzjoni tas-sistema SECure EMail (SECEM) il-Parlament ma jistax jirċievi informazzjoni kklassifikata bħala ristretta u informazzjoni mhux ikklassifikata mill-istituzzjonijiet l-oħra; jiddeplora l-fatt li l-Parlament mhuwiex f'qagħda li jiżviluppa waħdu Sistema ta' Informazzjoni Klassifikata (CIS) għalih innifsu u jinnota li attwalment qed isiru negozjati mal-istituzzjonijiet l-oħra rigward din il-kwistjoni; jistenna li dawn in-negozjati se jgħinu biex jiġu identifikati l-aħjar mezzi biex il-Parlament ikun jista' jirċievi informazzjoni kklassifikata bħala ristretta u informazzjoni mhux ikklassifikata; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits aktar informazzjoni rigward l-aħħar żviluppi ta' dawn in-negozjati, qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa tal-2017;
17. Jilqa' l-isforzi li qed isiru biex il-proċeduri jkomplu jiġu diġitalizzati u kompjuterizzati; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, l-introduzzjoni ta' aktar possibilitajiet għall-użu tal-firma diġitali sigura fil-proċeduri amministrattivi sabiex jitnaqqas l-użu tal-karti u jiġi ffrankat il-ħin;
18. Jilqa' l-fatt li ġie ffirmat Memorandum ta' Qbil bejn il-Gvern Belġjan u l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-istituzzjonijiet l-oħra bbażati fi Brussell, rigward il-verifiki tal-kontrolli tal-approvazzjoni tas-sigurtà għall-persunal tal-kuntratturi esterni kollha li jixtiequ jkollhom aċċess għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jikkunsidra jekk huwiex rakkomandabbli li tiġi estiża l-applikazzjoni ta' dan il-Memorandum ta' Qbil għall-uffiċjali, l-assistenti parlamentari u t-trainees b'mod li jkunu jistgħu jsiru l-verifiki ta' sigurtà meħtieġa qabel jiġu rreklutati;
Il-politika immobiljari
19. Ifakkar li l-aħħar strateġija immobiljari fuq żmien medju ġiet adottata mill-Bureau fl-2010; jistaqsi għaliex il-Bureau ma rnexxilux jippreżenta strateġija fuq żmien twil għall-bini tal-Parlament matul din il-leġiżlatura, minkejja r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew; jistieden lis-Segretarju Ġenerali u lill-Viċi Presidenti jippreżentaw lill-Kumitat għall-Baġits l-istrateġija immobiljari l-ġdida fuq żmien medju mill-aktar fis possibbli, qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa tal-2017;
20. Itenni l-appell tiegħu għal proċess deċiżjonali trasparenti fil-qasam tal-politika immobiljari, abbażi ta' informazzjoni bikrija, filwaqt li jitqies kif dovut l-Artikolu 203 tar-Regolament Finanzjarju; jappella, f'dan ir-rigward, għal aktar informazzjoni dwar l-estensjoni tal-crèche fil-Bini WAYENBERG;
21. Jappella għal aktar informazzjoni dwar il-proġett għar-rinnovament tal-Bini Paul Henri Spaak (PHS), speċifikament kwalunkwe opinjoni minn kuntratturi esterni indipendentirigward l-alternattivi possibbli għall-Bini PHS, li kellu tul ta' ħajja qasir ta' 25 sena; jappella biex is-Segretarju Ġenerali jippreżenta r-riżultati ta' tali studju lill-Kumitat għall-Baġits malajr kemm jista' jkun; jissottolinja l-fatt li l-bini eżistenti ma jissodisfax ir-rekwiżiti statiċi ta' bini pubbliku għal funzjonijiet parlamentari li jkollu livell ogħla ta' sigurtà u jkollu bżonn jiflaħ għax-xokkijiet esterni mingħajr ma jiġġarraf; jikkritika l-fatt li l-Bini PHS lanqas biss jissodisfa l-istandards minimi tar-rekwiżiti statiċi moderni, u jinnota li diġà kellhom jittieħdu diversi azzjonijiet biex tiġi garantita l-istabilità tiegħu; iħeġġeġ għalhekk lill-Bureau u lill-amministrazzjoni tal-Parlament biex jaħdmu fuq soluzzjonijiet futuri għall-Bini PHS li jiggarantixxu ħajjiet il-persuni preżenti u kundizzjonijiet ta' xogħol tajbin għalihom; jinnota l-livell ta' approprjazzjonijiet li s-Segretarju Ġenerali ppropona fl-2018 fir-rigward tal-istudji, il-proġetti preparatorji u x-xogħlijiet, u l-għoti ta' assistenza lit-tim għall-ġestjoni tal-proġett; jesprimi tħassib dwar il-konfużjoni possibbli fir-rigward tal-ammonti li għandhom jintefqu fuq l-istudji u r-rilokazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Bureau u lis-Segretarju Ġenerali jinformaw lill-Kumitat għall-Baġits dwar il-passi sussegwenti kollha u jipprovdu rendikont ċar tal-ispejjeż kemm jista' jkun malajr u sa mhux aktar tard minn Lulju 2017; ifakkar li, fi kwalunkwe każ, hemm bżonn tiġi implimentata arkitettura mill-aktar moderna li tuża l-enerġija b'mod effiċjenti; jappella biex issir valutazzjoni dwar kif ir-rinnovament se jkollu impatt fuq l-Unità tal-Viżitaturi u s-Seminars u fuq id-disponibilità tal-Kamra għall-plenarja, kif ukoll dik tas-swali u l-uffiċċji l-oħra;
22. Jikkunsidra li s-sena 2018 hija waħda kruċjali għall-Bini Konrad Adenauer (KAD), peress li fiha se naraw tmiem il-ħidma fuq is-sit tal-Lvant u l-bidu tal-ħidma fuq is-sit tal-Punent; jinnota bi tħassib li l-baġit allokat biex ikopri l-ġestjoni ta' dan il-proġett fuq skala kbira kellu jiġi rivedut sabiex jissaħħu t-timijiet li jissorveljaw il-progress tax-xogħlijiet; jinnota l-prattika kontinwa li jintuża "t-trasferiment ta' tlaqqit" (ramassage) ta' tmiem is-sena bħala kontribuzzjoni għall-proġetti immobiljari attwali; jikkunsidra li, waqt li din tista' tkun soluzzjoni prammatika biex jitnaqqsu r-rati tal-imgħax li jkunu jridu jitħallsu, madankollu teżisti f'kunflitt mat-trasparenza tal-proġetti immobiljari fi ħdan il-baġit tal-Parlament u tista' saħansitra tagħti inċentiv biex jiġu bbaġitjati riżorsi żejda f'ċerti oqsma;
23. Jistieden lill-Viċi Presidenti responsabbli u lis-Segretarju Ġenerali jippreżentaw rapport ta' progress u l-estimi għall-finalizzazzjoni tax-xogħlijiet fuq il-Bini KAD lill-Kumitat għall-Baġits;
L-EMAS
24. Ifakkar li l-Parlament impenja ruħu li sal-2020, għal kull ingaġġ ekwivalenti għal wieħed full-time, inaqqas bi 30 % l-emissjonijiet ta' CO2 tiegħu meta mqabbla ma' dawk tal-2006;
25. Iqis li huwa tal-akbar importanza, għalhekk, li l-Parlament jistabbilixxi objettivi ġodda, aktar impenjattivi u kwantitattivi għalih innifsu li huwa mistenni li jitkejlu regolarment mis-servizzi responsabbli;
26. Ifakkar fl-impenn li ħa l-Parlament fil-kuntest tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija li se jintrabat, "mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli tal-baġit u l-akkwist, li japplikaw l-istess rekwiżiti għall-binjiet li huma l-proprjetà tagħhom u li huma jokkupaw bħal dawk applikabbli għall-binjiet tal-gvern ċentrali tal-Istati Membri skont l-Artikoli 5 u 6" ta' dik id-Direttiva, minħabba l-viżibilità għolja tal-bini u r-rwol ta' tmexxija li jmissu jiżvolġi fir-rigward tal-prestazzjoni enerġetika tal-bini; jissottolinja l-urġenza li jkun konformi ma' din id-dikjarazzjoni, biss biss għall-kredibilità tiegħu stess fir-reviżjonijiet li għaddejjin bħalissa tal-prestazzjoni enerġetika tal-bini u d-direttivi dwar l-effiċjenza fl-enerġija;
27. Jilqa' l-fatt li nħoloq Grupp ta' Ħidma dwar il-Mobilità li huwa mistenni jaħdem b'mod inklużiv u jkollu mandat ċar; jissottolinja li l-Parlament għandu jikkonforma mal-liġijiet applikabbli reġjonali kollha fuq il-postijiet tax-xogħol, inkluż f'dak il-qasam; jargumenta favur il-promozzjoni tal-użu tal-konnessjoni ferrovjarja diretta stabbilita bejn is-sit tal-Parlament fi Brussell u l-ajruport; jistieden lis-servizzi responsabbli jevalwaw mill-ġdid il-kompożizzjoni u d-daqs tal-flotta tal-vetturi tiegħu f'dan il-kuntest; jappella lill-Bureau biex jistabbilixxi mingħajr dewmien skema ta' inċentivi li jippromwovu l-użu tar-roti għat-traġitt bejn id-dar u l-post tax-xogħol; jinnota li tali skema ġiet diġà stabbilita f'istituzzjonijiet oħra, b'mod partikolari fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;
Kampanja ta' komunikazzjoni għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2019
28. Jilqa' l-kampanja ta' komunikazzjoni bħala sforz li jservi ta' għajnuna biex jiġi spjegat l-iskop tal-Unjoni u tal-Parlament liċ-ċittadini; jissottolinja li din il-kampanja suppost se timmira li, fost affarijiet oħra, tispjega r-rwol tal-Unjoni Ewropea, is-setgħa tal-Parlament, il-funzjonijiet tiegħu, inkluża l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni, u l-impatt tiegħu fuq ħajjiet iċ-ċittadini;
29. Jinnota li l-ħidma preparatorja għall-kampanja ta' komunikazzjoni qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2019, diġà hija mistennija tibda din is-sena; jilqa' l-fatt li l-perjodu preelettorali fuq sentejn għall-kampanja ta' komunikazzjoni se jkun iqsar meta mqabbel mal-perjodu preelettorali fuq tliet snin għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014;
30. Jinnota li huwa stmat li l-ammont totali tan-nefqa għall-kampanja ta' komunikazzjoni għall-elezzjonijiet tal-2019 se jkun ta' EUR 25 miljun fl-2018 u EUR 8,33 miljun fl-2019, b'ammont ikbar ta' impenji finanzjarji rikjest fl-2018; jirrileva l-importanza ta' tali kampanji ta' komunikazzjoni, b'mod speċjali meta tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni attwali fl-Unjoni;
31. Jemmen li jkun tajjeb li d-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (DĠ COMM) jaġixxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet mill-evalwazzjoni tal-kampanja elettorali Ewropea tal-2014(12), u jagħti prijorità lill-ġbir tad-data għall-proġetti ta' kampanji, għal kull unità, abbażi ta' indikaturi ewlenin predefiniti sabiex jitkejjel l-impatt tagħhom, filwaqt li jikkunsidra bir-reqqa r-raġunijiet li kienu l-għeruq tal-fatt li n-numru tal-votanti fl-elezzjonijiet tal-2014 kien estremament baxx;
Il-kwistjonijiet relatati mal-Membri
32. Jilqa' l-ħidma li qed iwettqu s-Segretarjat tal-Parlament, is-segretarjati tal-gruppi politiċi u l-uffiċċji tal-Membri bil-għan li l-Membri jingħataw aktar riżorsi biex jeżerċitaw il-mandati tagħhom; jinkoraġġixxi biex jitkompla l-iżvilupp ta' dawk is-servizzi li jsaħħu l-kapaċità tal-Membri li jwettqu skrutinju tal-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, u li jirrappreżentaw liċ-ċittadini;
33. Jirrikonoxxi l-konsulenza u r-riċerka li jiġu pprovduti lill-Membri u lill-kumitati permezz tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) u d-dipartimenti tematiċi; ifakkar li, meta l-EPRS inħoloq fl-2013, ġiet prevista evalwazzjoni f'nofs it-terminu tal-effikaċja tal-koperazzjoni bejn l-EPRS u d-dipartimenti tematiċi; ifakkar li ġiet adottata talba biex titwettaq tali evalwazzjoni u jiġu ppreżentati r-riżultati tagħha lill-Kumitat għall-Baġits sal-votazzjoni f'seduta plenarja fl-14 ta' April 2016(13); jitlob għal darba oħra lis-Segretarju Ġenerali jwettaq tali evalwazzjoni u jippreżenta r-riżultati tiegħu lill-Kumitat għall-Baġits qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa tal-2017; ifakkar li tali evalwazzjoni jenħtieġ li tinkludi proposti dwar kif jiġi żgurat li l-appoġġ mogħti mill-EPRS jiġi artikolat aħjar mal-iżviluppi fil-kumitati tematiċi rispettivi u ma jkollux elementi li jikkoinċidu mal-attivitajiet tagħhom u lanqas ma jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni bejn servizz u ieħor; barra minn hekk, jistenna li l-evalwazzjoni tinkludi informazzjoni dettaljata dwar il-kompetenzi esterni, l-istudji esterni u l-appoġġ estern għall-attivitajiet ta' riċerka tal-Parlament inkluż in-numru u l-ispejjeż ta' studji u kompetenzi mogħtija mis-servizzi interni tal-Parlament u l-fornituri esterni; jieħu nota tal-erba' proġetti speċifiċi li qed jiġu żviluppati fuq żmien medju fil-librerija tal-Parlament Ewropew, speċifikament il-librerija diġitali, riżorsi mtejba għar-riċerka, sorsi tal-liġi komparattiva u librerija miftuħa; jikkunsidra li dawk il-proġetti huma mezz biex jittejjeb l-appoġġ kemm lill-Membri kif ukoll lill-persunal, kif ukoll biex jiffaċilita l-aċċess għall-komunità ta' riċerkaturi esterni u għaċ-ċittadini; jinnota l-importanza ta' dawk il-proġetti u l-ħtieġa li jiġu integrati fil-ħidma leġiżlattiva li ssir mill-Membri u l-persunal;
34. Ifakkar fid-deċiżjoni meħuda mill-Parlament bil-proċedura tal-baġit 2017 tal-PE, li tistabbilixxi l-ħolqien ta' servizz ta' interpretazzjoni fil-Lingwa Internazzjonali tas-Sinjali, għad-dibattiti plenarji kollha u jistieden lill-amministrazzjoni timplimenta din id-deċiżjoni mingħajr aktar dewmien;
35. Jinnota li, skont ir-reviżjoni riċenti tagħhom, ir-Regoli ta' Proċedura(14) jillimitaw lill-Membri għal mhux aktar minn tliet spjegazzjonijiet orali tal-vot għal kull sessjoni parzjali, iżda jibqa' mħasseb dwar l-ispejjeż addizzjonali rikjesti għall-interpretazzjoni kif ukoll għat-traduzzjoni tat-traskrizzjonijiet tal-ispjegazzjonijiet li jiġġeneraw; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi rendikont dettaljat tal-ispejjeż relatati mal-ispjegazzjonijiet orali tal-vot; jindika d-disponibilità ta' alternattivi bħall-ispjegazzjonijiet bil-miktub tal-vot, kif ukoll abbundanza ta' faċilitajiet għall-komunikazzjoni lill-pubbliku fil-bini tal-Parlament għall-Membri biex jispjegaw il-pożizzjonijiet tal-vot tagħhom; jappella biex, bħala miżura interim, l-ispjegazzjonijiet orali tal-vot jitqiegħdu fi tmiem l-attivitajiet ta' kuljum fuq l-aġenda plenarja, wara d-diskorsi ta' minuta u punti oħra fuq l-aġenda;
36. Ifakkar fl-obbligu li għandhom il-Membri li jinformaw lill-amministrazzjoni rigward kwalunkwe bidla fid-dikjarazzjonijiet tal-interessi tagħhom;
37. Ma jaqbilx mal-ħtieġa li tinbidel l-għamara fl-uffiċċji tal-Membri u tal-assistenti tagħhom fi Brussell; jikkunsidra li l-maġġoranza ta' din l-għamara għadha f'kundizzjoni xierqa u li għalhekk m'hemm l-ebda raġuni għaliex għandha tinbidel; jikkunsidra li l-għamara jmissha tinbidel biss meta jkun hemm raġuni ġġustifikata;
38. Jappella lis-Segretarju Ġenerali biex, bi tħejjija għad-disa' leġiżlatura, jippreżenta lill-Bureau b'lista aktar preċiża tal-ispejjeż li jistgħu jitħallsu skont l-Allowance għall-Ispejjeż Ġenerali (GEA); ifakkar fil-prinċipju tal-indipendenza tal-mandat; jissottolinja li huwa possibbli li l-Membri li jixtiequ jagħmlu dan jippubblikaw ir-rendikont ta' x'nefqu mill-GEA fuq is-siti personali tagħhom fuq l-internet; itenni l-appell għal aktar trasparenza fir-rigward tal-GEA, abbażi tal-każijiet tal-aħjar prattika mid-delegazzjonijiet nazzjonali fil-Parlament u l-Istati Membri; jemmen li l-Membri jmisshom ikunu jistgħu wkoll jipprovdu links fuq is-sit tal-Parlament fuq l-internet għall-postijiet fejn attwalment jippubblikaw ir-rendikont tal-infiq tagħhom; itenni li t-trasparenza mtejba tal-allowance għall-ispejjeż ġenerali mhux suppost tirrikjedi membri addizzjonali tal-persunal fl-amministrazzjoni tal-Parlament;
39. Jenfasizza li l-linja baġitarja attwali għall-assistenza parlamentari mhijiex adegwata u ma jmisshiex tiżdied oltre l-indiċizzazzjoni tas-salarji;
40. Ifakkar fit-talba, li ġiet adottata mill-plenarja fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tal-Parlament għall-2017, għar-reviżjoni tar-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-missjonijiet relatati ma' vjaġġi bejn it-tliet postijiet tax-xogħol tal-Parlament u mġarrba mill-assistenti parlamentari akkreditati (APAs) b'mod li jiġu allinjati mar-regoli applikabbli għall-kumplament tal-persunal, u jiddispjaċih li, sa issa, ma ttieħdet l-ebda azzjoni f'dan ir-rigward; jappella lill-Bureau biex jindirizza din il-kwistjoni mingħajr dewmien ulterjuri; jissottolinja sadanittant il-fatt li l-limiti massimi attwali għar-rimborżi tal-missjonijiet għall-assistenti parlamentari akkreditati (EUR 120/140/160) ilhom mill-2011 ma jiġu aġġustati u li d-diskrepanza bejn l-assistenti parlamentari akkreditati u l-membri l-oħra tal-persunal żdiedet ulterjorment biex laħqet tal-anqas l-40 % b'segwitu għall-introduzzjoni tal-limiti massimi ġodda li ġew approvati mill-Kunsill fid-9 ta' Settembru 2016 u li sa issa ġew applikati biss għall-uffiċjali tal-persunal, mill-10 ta' Settembru 2016; jappella għalhekk lill-Bureau biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jirrimedja għal dik l-inugwaljanza;
41. Jissottolinja li r-riżoluzzjoni ta' din id-diskrepanza fl-ispejjeż tal-missjonijiet ma tinvolvix żieda fil-linja baġitarja għall-assistenza parlamentari;
42. Jappella biex ir-rimborż tal-ispejjeż tal-vjaġġi tal-Membri jsir b'mod trasparenti u xieraq, u jirrakkomanda li jingħataw inċentivi biex tintuża l-klassi ekonomika kemm fir-rigward tat-trasport bl-ajru, kif ukoll tat-trasport ferrovjarju;
43. Jappella lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Bureau biex jikkunsidraw mill-ġdid il-possibilità li l-assistenti parlamentari akkreditati, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, jakkumpanjaw lill-Membri f'delegazzjonijiet u missjonijiet uffiċjali tal-Parlament, kif diġà mitlub minn diversi Membri; huwa tal-fehma li jkun tajjeb li l-Membri jiddeċiedu dwar jekk l-assistenti għandhomx jakkumpanjawhom f'delegazzjonijiet uffiċjali, bl-użu tal-pakkett tal-allowance għall-assistenza parlamentari tagħhom;
Il-kwistjonijiet relatati mal-persunal
44. Jirrileva li, skont il-Punt 27 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 rigward tnaqqis progressiv ta' 5 % mill-persunal li japplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha bejn l-2013 u l-2017, minħabba l-ħtiġijiet speċifiċi li rriżultaw fil-Parlament fl-2014 u fl-2016, intlaħaq ftehim mal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(15), fejn huwa previst li l-miżuri għat-tnaqqis annwali tal-persunal fil-Parlament se jkomplu sal-2019;
45. Jinnota li, filwaqt li l-gruppi politiċi ilhom mill-2014 eżentati minn dawn il-miżuri għat-tnaqqis annwali tal-persunal(16), il-ftehim ta' konċiljazzjoni dwar il-baġit 2017 wassal biex tnaqqsu l-karigi mill-organigramma tas-Segretarjat tal-Parlament minħabba l-fatt li l-Kunsill ma rrispettax il-ftehim bejn ġentlomi;
46. Ifakkar li l-livell totali ta' persunal fil-gruppi politiċi huwa eżentat mill-objettiv li l-persunal jitnaqqas b'5 %, bi qbil mad-deċiżjonijiet li ttieħdu fir-rigward tas-snin finanzjarji 2014, 2015, 2016 u 2017;
47. Iqis li t-telf ta' 136 kariga mis-Segretarjat tal-Parlament fl-2016 jista' joħloq diffikultajiet għall-għoti tas-servizzi mill-amministrazzjoni tal-Parlament; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi aktar informazzjoni dwar il-miżuri ta' tnaqqis tal-persunal tas-sena l-oħra, u jevalwa l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet baġitarji fuq il-funzjonament tal-istituzzjoni;
48. Jilqa', fid-dawl tal-miżuri għat-tnaqqis tal-persunal, il-proposta li 50 kariga permanenti fil-kategorija AST jinbidlu f'50 kariga permanenti fil-kategorija AD, li għandha impatt baġitarju negliġenti; jinnota, barra minn hekk, il-proposta biex tliet karigi temporanji fil-kategorija AST jinbidlu fi tliet karigi temporanji fil-kategorija AD fil-kabinett tal-President;
49. Jappella lill-Bureau biex jiżgura li d-drittijiet soċjali u pensjonistiċi tal-APAs jiġu rispettati u li l-mezzi finanzjarji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' dawk l-assistenti parlamentari akkreditati li jkunu ilhom impjegati minn Membri għall-aħħar żewġ leġiżlaturi parlamentari; jistieden lill-amministrazzjoni, f'dan ir-rigward, biex tressaq proposta li tqis id-deċiżjoni li ssir elezzjoni bikrija fl-2014, kif ukoll il-ħin mgħoddi fil-proċedura ta' reklutaġġ meta tkun qed tikkalkula l-perjodu ta' 10 snin ta' servizz stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal;
50. Jistieden lill-Bureau jipproponi proċedura ta' tneħħija b'kunsens reċiproku bejn il-Membri u l-assistenti parlamentari akkreditati;
51. Jemmen li, fi żmien meta r-riżorsi finanzjarji u ta' persunal disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni aktarx se jsiru dejjem aktar limitati, huwa importanti li l-istituzzjonijiet infushom ikunu kapaċi jirreklutaw u jżommu lill-persunal l-aktar kapaċi biex jindirizzaw l-isfidi kumplessi quddiemna b'mod li jkun konsistenti mal-prinċipji ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni;
52. Jikkunsidra li l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni huma essenzjali għall-funzjonament tal-Istituzzjoni, u jirrikonoxxi l-kwalità u l-valur miżjud tas-servizzi li jipprovdu l-interpreti; itenni l-pożizzjoni li esprima l-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-14 ta' April 2016 li s-Segretarju Ġenerali huwa mistenni jagħmel proposti għal razzjonalizzazzjoni ulterjuri, bħal pereżempju estensjoni tal-użu tat-traduzzjoni u tal-interpretazzjoni fuq talba, b'mod partikolari fir-rigward tal-Intergruppi tal-Parlament Ewropew, kif ukoll analiżi tat-titjib potenzjali fl-effiċjenza li jista' jinkiseb jekk jintużaw l-aktar teknoloġiji lingwistiċi riċenti, u valutazzjoni tal-impatt tal-qafas rivedut għall-interpreti li jkunu membri tal-persunal fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-produttività;
53. Jilqa' l-fatt li tkomplew il-miżuri li ħa l-Parlament biex jintroduċi l-Irlandiż bħala lingwa uffiċjali sħiħa sal-1 ta' Jannar 2021; jinnota f'dan ir-rigward li l-ebda kariga addizzjonali mhija rikjesta fl-2018; jitlob madankollu lis-Segretarju Ġenerali jkompli jikkonsulta mal-Membri Irlandiżi bl-intenzjoni li jinkisbu l-effiċjenzji possibbli fl-użu tar-riżorsi mingħajr ma jiġu kompromessi d-drittijiet garantiti tal-Membri;
54. Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jibni fuq il-ftehimiet ta' koperazzjoni li diġà jeżistu bejn il-Parlament, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bil-għan li jidentifika oqsma oħra fejn jistgħu jiġu kondiviżi l-funzjonijiet amministrattivi; jappella barra minn hekk, lis-Segretarju Ġenerali biex iwettaq studju dwar is-sinerġiji possibbli fil-funzjonijiet u s-servizzi amministrattivi li jistgħu jinkisbu wkoll bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill;
Il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej
55. Ifakkar li l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jikkontribwixxu biex jissawwar l-għarfien politiku Ewropew u jiżdied il-fehim taċ-ċittadini tal-konnessjoni bejn il-proċessi politiċi fil-livelli nazzjonali u Ewropej;
56. Jikkunsidra li l-kontroversji riċenti dwar il-finanzjament ta' ċerti partiti politiċi Ewropej u ta' ċerti fondazzjonijiet politiċi Ewropej kixfu d-dgħufijiet fis-sistemi eżistenti ta' ġestjoni u kontroll;
57. Jemmen li d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti (UE, Euratom) Nru 1141/2014(17) u (UE, Euratom) Nru 1142/2014(18) se jipprovdi mekkaniżmi ta' kontroll addizzjonali, bħar-rekwiżit li l-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej jirreġistraw mal-Awtorità; jikkunsidra, madankollu, li għad hemm lok li dawn il-miżuri jittejbu; jinnota li l-partiti u l-fondazzjonijiet se jibdew japplikaw għall-finanzjament skont ir-regoli l-ġodda fis-sena baġitarja 2018;
58. Jirrileva li ġie identifikat għadd ta' problemi fis-sistema attwali ta' kofinanzjament, fejn il-kontribuzzjonijiet u l-għotjiet mill-baġit tal-Parlament kemm għall-partiti u kemm għall-fondazzjonijiet ma jistgħux jaqbżu l-85 % tan-nefqa eliġibbli, u l-15 % li jifdal ikollhom jiġu koperti mir-riżorsi proprji; jinnota, pereżempju, li l-insuffiċjenzi fil-kontribuzzjonijiet tal-membri u d-donazzjonijiet spiss jiġu bbilanċjati b'kontribuzzjonijiet in natura;
Kwistjonijiet oħra
59. Jinnota d-djalogu kontinwu bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; jappella biex dan jissaħħaħ b'mod li jiġi żviluppat fehim aħjar tal-kontribut tal-Parlament Ewropew u tal-Unjoni fl-Istati Membri;
60. Jinnota t-talba għal studji u opinjonijiet esterni bħala appoġġ għall-ħidma tal-kumitati u l-korpi politiċi l-oħra fl-analiżi tal-impatt possibbli ta' Brexit, inklużi l-konsegwenzi baġitarji għall-Parlament; jikkontesta l-ħtieġa tal-appell għal studji u opinjonijiet esterni minflok ma jsir rikors għall-abbundanza ta' servizzi ta' riċerka fi ħdan il-Parlament; jenfasizza li, sakemm in-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jiġu konklużi, ir-Renju Unit jibqa' membru sħiħ tal-Unjoni u d-drittijiet u l-obbligi kollha ta' sħubija jibqgħu fis-seħħ; jissottolinja għaldaqstant li d-deċiżjoni tar-Renju Unit li jirtira mill-Unjoni x'aktarx mhux se jkollha impatt fuq il-baġit tal-Parlament għall-2018;
61. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2013 dwar is-siti tas-sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea(19), fejn ġie stmat li l-ispejjeż tad-dispersjoni ġeografika tal-Parlament huma bejn EUR 156 miljun u EUR 204 miljun u huma ekwivalenti għal 10 % tal-baġit tal-Parlament; jenfasizza li huwa stmat li l-impatt ambjentali tad-dispersjoni ġeografika huwa bejn il-11 000 u d-19 000 tunnellata ta' emissjonijiet ta' CO2; jissottolinja l-perċezzjoni pubblika negattiva li tikkawża din id-dispersjoni, u għalhekk itenni l-pożizzjoni tiegħu li jagħmel appell għal pjan direzzjonali favur sede unika;
62. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija iktar ‘il fuq tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2017; jitlob li tiġi implimentata kooperazzjoni mal-istazzjonijiet televiżivi, il-media soċjali u sħab oħra sabiex jiġi stabbilit ċentru medjatiku Ewropew għal skopijiet ta' taħriġ għall-ġurnalisti żgħażagħ;
63. Jappella lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau biex inisslu kultura ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni fl-amministrazzjoni tal-Parlament kollha kemm hi, bi qbil mal-approċċ ta' ġestjoni razzjonalizzata sabiex jitqawwew l-effiċjenza u l-kwalità fil-ħidma interna tal-istituzzjoni;
o o o
64. Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2018;
65. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).
Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1142/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta' Ottubru 2014, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 28).
Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2017 li jakkumpanja l-proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE biex jipprovdi assistenza lir-Renju Unit, lil Ċipru u lill-Portugall
330k
49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 1/2017 għall-baġit ġenerali tal-2017 li jakkumpanja l-proposta biex jiġi mobilizzat il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jipprovdi assistenza lir-Renju Unit, lil Ċipru u lill-Portugal (07003/2017 – C8-0130/2017 – 2017/2018(BUD))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, adottat b'mod definittiv fl-1 ta' Diċembru 2016(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3) (ir-Regolament QFP),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),
– wara li kkunsidra l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 1/2017, adottat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2017 (COM(2017)0046),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 1/2017 adottata mill-Kunsill fit-3 ta’ April 2017 u li ntbagħtet lill-Parlament fit-3 ta’ April 2017 (07003/2017 – C8-0130/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0155/2017),
A. billi l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 1/2017 huwa relatat mal-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) għal ammont ta' EUR 71 524 810 fir-rigward tal-għargħar li laqtu lir-Renju Unit tul Diċembru 2015 sa Jannar 2016, in-nixfa u n-nirien f'Ċipru bejn Ottubru 2015 u Ġunju 2016 u n-nirien fil-gżira Portugiża ta' Madeira f'Awwissu 2016,
B. billi l-għan tal-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 1/2017 huwa li jdaħħal formalment dan l-aġġustament baġitarju fil-baġit tal-Unjoni 2017,
C. billi għaldaqstant il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-baġit tal-Unjoni 2017 u żżid l-Artikolu 13 06 01 'Għajnuna għall-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali kbir b'riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija',
D. billi l-FSUE kif definit fir-Regolament dwar il-QFP huwa strument speċjali u l-approprazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament korrispondenti huma bbaġitjati lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP,
1. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi rilaxxata assistenza finanzjarja mill-FSUE għar-reġjuni affettwati minn diżastri naturali;
2. Jieħu nota tal-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2017, kif ippreżentat mill-Kummissjoni;
3. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 1/2017;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-baġit Emendatorju Nru 1/2017 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2017/000 TA 2017 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2017)0101 – C8-0097/2017 – 2017/2033(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0101 – C8-0097/2017),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2016/000 TA 2016 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0157/2017),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jenħtieġ li tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);
C. billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill li jerġa' jiġi introdott il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-kost totali stmat tal-miżuri proposti, li tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet lill-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, li l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u li jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;
D. billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG huwa ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011) u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta' dan l-ammont (jiġifieri EUR 844 620 fl-2017) jista' jsir disponibbli għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir tat-tagħrif u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' awditjar, kontroll u valutazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG;
E. billi l-Parlament Ewropew enfasizza b'mod ripetut il-ħtieġa li jittejbu l-valur miżjud, l-effiċjenza u l-impjegabilità tal-benefiċjarji tal-FEG bħala strument ta' appoġġ min-naħa tal-Unjoni lil ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;
F. billi l-ammont propost ta' EUR 310 000 jikkorrispondi għal madwar 0,18 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2017, li huwa EUR 70 000 anqas minn dak fl-2016;
1. Jaqbel li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni għandhom jiġu ffinanzjati bħala għajnuna teknika skont l-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll skont l-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;
2. Jilqa' t-tnaqqis fit-talba ta' finanzjament għal għajnuna teknika mill-FEG fl-2017 meta mqabbla ma' dik tal-2016; jikkunsidra li huwa importanti li tali talbiet jiġu vvalutati bħala perċentwal tal-ammonti annwali li ntużaw għall-FEG fis-snin preċedenti, u mhux biss jiġu kkonfrontati mal-massimu li jista' jintefaq dik is-sena;
3. Jirrikonoxxi l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir ta' data; ifakkar fl-importanza ta' serjiet statistiċi robusti miġbura fil-forma xierqa biex ikunu faċilment aċċessibbli u komprensibbli; jilqa' l-ħruġ futur tar-Rapporti Biennali tal-2017 u jitlob li dawk ir-rapporti jiġu distribwiti pubblikament u b'mod wiesa' fl-Unjoni kollha kemm hi;
4. Ifakkar fl-importanza ta' sit web apposta dwar il-FEG li jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni; jenfasizza l-importanza tal-multilingwiżmu fil-komunikazzjoni wiesgħa mal-pubbliku; jitlob li l-ambjent tal-internet isir aktar faċli għall-utent, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-valur tal-kontenut tal-pubblikazzjonijiet u tal-attivitajiet awdjoviżivi tagħha kif previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG;
5. Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC 2014), li tippermetti s-semplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet, kif ukoll rappurtar aħjar; jinnota li l-Kummissjoni ffaċilitat l-operazzjonijiet finanzjarji tal-FEG permezz tal-ħolqien ta' interfaċċja bejn l-SFC u s-sistema tal-kontabilità u tal-informazzjoni finanzjarja ABAC; jinnota li jeħtieġ biss titjib minuri ulterjuri u aġġustamenti għall-bidliet potenzjali, li jillimita l-kontribuzzjoni de facto tal-FEG għal dak it-tip ta' nfiq;
6. Jinnota li l-proċedura biex il-FEG jiġi integrat fl-SFC2014 ilha għaddejja diversi snin u li l-kosti rilevanti għall-baġit tal-FEG kienu relattivament għoljin; jilqa' t-tnaqqis fil-kosti meta mqabbla ma' dawk tas-snin preċedenti, tnaqqis li jirrifletti l-fatt li l-proġett issa laħaq l-istadju li jirrikjedi biss irfinar u aġġustamenti ulterjuri;
7. Ifakkar fl-importanza tan-networking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, b'mod li jinfirxu l-aħjar prattiki; jappoġġja, għalhekk, il-finanzjament ta' żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG u żewġ seminars għal networking rigward l-implimentazzjoni tal-FEG; jistenna li dan l-iskambju ta' informazzjoni se jikkontribwixxi wkoll għal rappurtar aħjar u aktar dettaljat rigward ir-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet fl-Istati Membri, b'mod partikolari rigward b'liema rata l-benefiċjarji jsibu impjieg ġdid;
8. Jieħu nota li l-Kummissjoni biħsiebha tinvesti EUR 70 000 mill-baġit disponibbli fl-ambitu tal-assistenza teknika billi torganizza żewġ laqgħat tal-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG; jieħu nota wkoll tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinvesti EUR 120 000 sabiex tippromwovi n-networking permezz ta' seminars bejn l-Istati Membri, il-korpi ta' implimentazzjoni tal-FEG u s-sħab soċjali; jilqa' d-disponibbiltà tal-Kummissjoni biex tistieden lill-Membri tal-Grupp ta' Ħidma tagħha dwar il-FEG jieħdu sehem fis-Seminar ta' Networking rigward il-FEG li sar f'Mons; jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tistieden lill-Parlament għal tali laqgħat u s-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(5);
9. Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi, b'mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-akbar għadd ta' sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-interazzjoni bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u li l-arranġamenti ta' komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta' informazzjoni (id-diviżjonijiet, il-kompiti u r-responsabilitajiet interni) għandhom ikunu espliċiti u maqbula bejn is-sħab kollha kkonċernati;
10. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
11. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2017/000 TA 2017 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2017/742.)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ April 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jipprovdi assistenza lir-Renju Unit, lil Ċipru u lill-Portugall (COM(2017)0045 – C8-0022/2017 – 2017/2017(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0045 – C8-0022/2017),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0154/2017),
1. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni bħala sinjal ta' solidarjetà tal-Unjoni ma’ ċittadini tal-Unjoni u mar-reġjuni milquta mid-diżastri naturali;
2. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jipprovdi assistenza lir-Renju Unit, lil Ċipru u lill-Portugall
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2017/741.)
L-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dattiloskopika fil-Latvja *
249k
47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dattiloskopika fil-Latvja, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 2014/911/EU (13521/2016 – C8-0523/2016 – 2016/0818(CNS))
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (13521/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0523/2016),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0089/2017),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
L-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar id-DNA fis-Slovakkja, il-Portugall, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, Ċipru, il-Polonja, l-Iżvezja, Malta u l-Belġju *
251k
47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar id-DNA fis-Slovakkja, il-Portugall, il-Latvja, il-Litwanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, Ċipru, il-Polonja, l-Iżvezja, Malta u l-Belġju u li tissostitwixxi d-Deċiżjonijiet 2010/689/UE, 2011/472/UE, 2011/715/UE, 2011/887/UE, 2012/58/UE, 2012/299/UE, 2012/445/UE, 2012/673/UE, 2013/3/UE, 2013/148/UE, 2013/152/UE u 2014/410/UE (13525/2016 – C8-0522/2016 – 2016/0819(CNS))
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (13525/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0522/2016),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0091/2017),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sostanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
L-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dattiloskopika fis-Slovakkja, il-Bulgarija, Franza, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, in-Netherlands, l-Ungerija, Ċipru, l-Estonja, Malta, ir-Rumanija u l-Finlandja *
252k
47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dattiloskopika fis-Slovakkja, il-Bulgarija, Franza, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, in-Netherlands, l-Ungerija, Ċipru, l-Estonja, Malta, ir-Rumanija u l-Finlandja u li tissostitwixxi d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/682/UE, 2010/758/UE, 2011/355/UE, 2011/434/UE, 2011/888/UE, 2012/46/UE, 2012/446/UE, 2012/672/UE, 2012/710/UE, 2013/153/UE, 2013/229/UE u 2013/792/UE (13526/2016 – C8-0520/2016 – 2016/0820(CNS))
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (13526/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0520/2016),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0092/2017),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
L-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Finlandja, is-Slovenja, ir-Rumanija, il-Polonja, l-Iżvezja, il-Litwanja, il-Bulgarija, is-Slovakkja u l-Ungerija *
251k
47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Finlandja, is-Slovenja, ir-Rumanija, il-Polonja, l-Iżvezja, il-Litwanja, il-Bulgarija, is-Slovakkja u l-Ungerija u li tissostitwixxi d-Deċiżjonijiet 2010/559/UE, 2011/387/UE, 2011/547/UE, 2012/236/UE, 2012/664/UE, 2012/713/UE, 2013/230/UE, 2013/692/UE u 2014/264/UE (13529/2016 – C8-0518/2016 – 2016/0821(CNS))
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (13529/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0518/2016),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0095/2017),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
L-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi f'Malta, Ċipru u l-Estonja *
250k
47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi f'Malta, Ċipru u l-Estonja, u li tissostitwixxi d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2014/731/UE, 2014/743/UE u 2014/744/UE (13499/2016 – C8-0519/2016 – 2016/0822(CNS))
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (13499/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0519/2016),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali(1), u b’mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0090/2017),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (D049280 – 2017/2624(RSP))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (UE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (D049280),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2) u 21(2) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tas-27 ta' Jannar 2017, li fiha ma ngħatat ebda opinjoni, kif ukoll il-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell tas-27 ta' Marzu 2017, fejn ukoll ma ngħatat ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-15 ta' Lulju 2016(3), li tinkludi opinjoni minoritarja, kif ukoll l-opinjonijiet preċedenti tal-EFSA dwar il-qamħirrum li fih events uniċi, Bt11 (li jesprimi l-proteini Cry1Ab u PAT), 59122 (li jesprimi l-proteini Cry34Ab1, Cry35Ab1 u PAT), MIR604 (li jesprimi l-proteini mCry3A u PMI), 1507 (li jipproduċi l-proteini Cry1F u PAT) and GA21 (li jesprimi l-proteini mEPSPS),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
L-applikazzjoni
A. billi fl-1 ta' Lulju 2011 Syngenta ressqet applikazjzoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, jikkonsistu minn jew prodotti minn qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Ġermanja bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 fi prodotti li jikkonsistu jew li fihom minn dan il-qamħirrun għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qamħirrum ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;
B. billi fil-21 ta' Frar 2014 Syngenta estendiet l-ambitu tal-applikazzjoni għas-sottokumbinazzjonijiet kollha tal-events uniċi ġenetikament modifikati li jikkonsistu f'qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, minbarra s-sottokumbinazzjoni 1507 × 59122, li diġà kienet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/432/UE(5);
C. billi fil-31 ta' Marzu 2016 Syngenta aġġornat l-ambitu tal-applikazzjoni billi eskludiet l-erba' sottokumbinazzjonijiet li ġejjin, li kienu jaqgħu fl-ambitu ta' applikazzjoni oħra: il-qamħirrun Bt11 × GA21, il-qamħirrun MIR604 × GA21, il-qamħirrun Bt11 × MIR604, u Bt11 × MIR604 × GA21(6);
D. billi m'hemm ebda data speċifika dwar kwalunkwe waħda mill-20 sottokumbinazzjoni li tressqu mill-applikant(7);
E. billi l-użi previsti għall-kumbinazzjoni ta' ħames events flimkien huma l-kontroll tal-lepidopterani u l-koleotterani, organiżmi ta' ħsara għall-qamħirrun, u biex jipprovdu tolleranza għall-erbiċida li jkun fihom il-glufosinat tal-ammonju jew il-glifosat(8); billi l-użi previsti għad-diversi sottokumbinazzjonijiet huma simili, u jiddependu fuq il-kumbinazzjonijiet;
L-opinjoni tal-EFSA
F. billi fis-26 ta' Awwissu 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat opinjoni favorevoli bi qbil mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-qamħirrun ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 u għas-sottokumbinazzjonijiet kollha koperti mill-ambitu tal-applikazzjoni; billi l-opinjoni tal-EFSA inkludiet opinjoni minoritarja;
G. billi l-EFSA tirrikonoxxi li ebda data speċifika ma tressqet għall-20 sottokumbinazzjoni, li ħafna minnhom kienu għadhom lanqas biss ġew maħluqa, u li ebda informazzjoni xjentifika dwarhom ma setgħet tinstab fi tfittxija fil-letteratura, imma madankollu tikkonkludi li l-20 sottokumbinazzjoni kollha huma "mistennija li jkunu sikuri bħall-qamħirrun tal-kumbinazzjoni tal-ħames events flimkien";
H. billi l-EFSA tqis li ma hu meħtieg ebda monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-events ġenetikament modifikati kkonċernati; billi l-EFSA sempliċement tiddikjara li r-rekwiżit ta' monitoraġġ għandu jkun ikkunsidrat fuq il-bażi ta' data provduta dwar l-espressjoni ta' proteina ġdida, jekk dawn is-sottokumbinazzjonijiet kellhom jinħolqu permezz ta' approċċi ta' għażliet immirati u importati fl-Unjoni;
Tħassib
I. billi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur l-Istati Membri ressqu mijiet ta' kummenti kritiċi(9); billi dawk il-kummenti jirreferu għal, inter alia: informazzjoni u data nieqsa, għal studji imwettqa b'mod żbaljat jew nuqqas ta' studji, nuqqas ta' evidenza li teskludi ċerti rotot ta' esponiment, bażi ta' data insuffiċjenti, eż. fir-rigward tad-diġestibilità, nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-effetti kumbinati tad-diversi proteini tat-tossina BT fil-valutazzjoni tal-potenzjal tal-allerġeniċità u tat-tossiċità, nuqqasijiet fir-rigward tad-disinn esperimentali tal-qasam tal-provi u tal-analiżi statistika, rapporti neqsin dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ, nuqqas li jiġi muri li l-prodott ma għandux effetti ħżiena fuq l-ambjent, nuqqas ta' valutazzjoni ulterjuri ta' differenzi statistikament sinifikanti, eż. fil-kompożizzjoni nutrizzjonali, u n-nuqqas li jitwettqu testijiet immunoloġiċi fir-rigward tal-potenzjal allerġeniku potenzjalment aktar għoli;
J. billi kienet espressa opinjoni minoritarja minn Jean-Michel Wal, Membru tal-Panel EFSA GMO(10), li tiddikjara: "l-ebda data speċifika dwar xi waħda minn dawk l-20 sottokumbinazzjoni ma ġiet provduta mill-applikant, li wkoll ma tax raġunament sodisfaċenti li jispjega r-raġunijiet li minħabba fihom dik id-data hi nieqsa u/jew għaliex hu jikkunsidra li mhijiex meħieġa għall-valutazzjoni tar-riskju. Din hi l-aktar raġuni importanti għall-espressjoni ta' din l-opinjoni minoritarja, li tqis li ma jistax ikun hemm żewġ tipi ta' valutazzjoni tar-riskju, waħda komprensiva bbażata fuq set komplet ta' data u oħra li għaliha ebda data speċifika mhi disponibbli u li hi bbażata fuq assunzjonijiet u kunsiderazzjonijiet indiretti dedotti mill-Panel mill-hekk imsejjaħ "approċċ tal-piż tal-evidenza" u estrapolazzjoni ta' data miksuba għal events uniċi, il-kumbinazzjoni tal-ħames events flimkien u ġabriet oħra li kienu mressqa u valutati f'applikazzjonijiet oħra. Minbarra din il-kwistjoni ta' prinċipju, fil-każ preżenti, dan jista' jwassal għal riskju mhux ikkontrollat għas-saħħa tal-bnedmin f'ċerti partijiet tal-popolazzjoni.";
K. billi, b'mod aktar speċifiku, l-opinjoni minoritarja tesprimi dubji dwar it-tip ta' estrapolazzjoni li saret biex tivvaluta effetti potenzjali ħżiena li mhijiex definita b'mod preċiż: "Il-kriterji, il-proċedura u l-livell ta' kunfidenza li għandha tintalab għal din l-estrapolazzjoni mhumiex mogħtija u mhemmx valutazzjoni kritika tal-limiti tagħha. Ebda evalwazzjoni tal-inċertezza li tirriżulta ma twettqet, eż. bl-użu ta' analiżi probabilistika, kif rakkomandat mill-Abbozz ta' Gwida dwar l-Inċertezza fil-Valutazzjoni Xjentifika tal-EFSA (Reviżjoni għat-Testijiet Interni) tal-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA; Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jinvalidaw il-konklużjoni ġenerali.";
L. billi l-opinjoni minoritarja tal-EFSA tirrimarka wkoll diversi nuqqasijiet u argumenti kontradittorji fir-rigward tal-applikazzjoni, eż. il-fatt li l-applikant minn naħa jalludi għall-fatt li s-sottokumbinazzjonijiet kollha ġew prodotti, u li l-livell ta' espressjoni tal-proteina kien analizzat(11), imma min-naħa l-oħra ma jipprovdi ebda data fuq l-ebda sottokumbinazjzoni;
M. billi l-varjetajiet ta' qamħirrum ġenetikament modifikat SYN-BTØ11-1, DAS-59122-7 and DAS-Ø15Ø7-1 involut jesprimi proteina PAT li tagħti tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju; billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018(12);
N. billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat MON-ØØØ21-9, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina mEPSPS li tagħti tolleranza għall-erbiċidi glifosati; billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – l-aġenzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa speċjalizzata fil-kanċer – ikklassifikat il-glifosat bħala x'aktarx karċinoġenu għall-bniedem fl-20 ta' Marzu 2015(13);
Il-proċedura
O. billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Jannar 2017 ma ta l-ebda opinjoni; billi huma biss 10 Stat Membru li jirrapreżentaw 38,43% biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni li vvutaw favur, filwaqt li 13-il Stat Membru vvutaw kontra, u erba' Stati Membri astjenew; billi l-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell fis-27 ta' Marzu 2017 għal darb'oħra ma tat l-ebda opinjoni;
P. billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni għall-proposta leġiżlattiva ppreżentat fit-22 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament fit-territorju tagħhom kif ukoll fil-memorandum ta' spjegazzjoni dwar il-proposta leġiżlattiva ppreżentat fl-14 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-kumitat għal opinjoni tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li hi verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjoni dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat; billi din il-prattika, f'diversi ċirkostanzi, kienet iddeplorata mill-President tal-Kummissjoni Juncker bħala li mhijiex demokratika(14);
Q. billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet irrifjutata mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015 peress li, filwaqt li l-kultivazzjoni sseħħ neċessarjament fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM jaqsam il-fruntieri, u dan ifisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" tista' tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament mhux biss irrifjuta l-proposta leġiżlattiva, iżda talab ukoll lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq waħda ġdida;
R. billi hu diġà l-każ li l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, b'mod ċar tirregola li: "Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b'mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni."(15);
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002(16), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;
3. Iqis, b'mod aktar speċifiku, li dan imur kontra l-prinċipji tal-liġi ġenerali dwar l-ikel, kif imniżżel fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, biex ikunu approvati varjetajiet li għalihom ma kienet provduta ebda data dwar is-sikurezza, lanqas biss ma ġew ittestjati, jew li lanqas biss għadhom ma ġew maħluqa;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
EFSA GMO Panel (EFSA Panel on Genetically Modified Organisms), 2016. Opinjoni Xjentifika dwar l-applikazzjoni minn Syngenta (EFSA-GMO-DE-2011-99) għat-tqegħid fis-suq ta' qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 u għoxrin sottokumbinazzjoni oħra, li ma ġewx awtorizzati minn qabel indipendentement mill-oriġini tagħhom, għall-użu bħala ikel u għalf, importazzjoni u pproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003; EFSA Journal 2016;14(8):4567 [31 pp.]; doi:10.2903/j.efsa.2016.4567
——————————— - ir-riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110),ir-riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (P8_TA(2015)0456),ir-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (P8_TA(2016)0040),ir-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (P8_TA(2016)0039),ir-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (P8_TA(2016)0038),ir-riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events (P8_TA(2016)0271),ir-riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (P8_TA(2016)0272),ir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0388),ir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0389),ir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (P8_TA(2016)0386),ir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (P8_TA(2016)0387),ir-riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (P8_TA(2016)0390).
Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/432/UE tat-28 ta' Lulju 2010 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn qamħirrum modifikat ġenetikament 1507x59122 (DAS-Ø15Ø7-1xDAS-59122-7) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, 4.8.2010, p. 11).
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1685 tas-16 ta' Settembru 2016 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jew li huma magħmula jew prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u mill-qamħirrum ġenetikament modifikat bit-tgħaqqid ta' tnejn jew tlieta mill-eventi Bt11, MIR162, MIR604 u GA21, u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2010/426/UE, 2011/892/UE, 2011/893/UE u 2011/894/UE (ĠU L 254, 20.9.2016, p. 22).
il-qamħirrum SYN-BTØ11-1 jesprimi l-proteina Cry1Ab li tagħti protezzjoni kontra ċerti organiżmi ta' ħsara lepidotterani u l-proteina PAT li tagħti t-tolleranza għall-erbiċidi tal-ammonju tal-glufosinat.Il-qamħirrum DAS-59122-7 jesprimi l-proteini Cry34Ab1 u Cry35Ab1 li jagħtu protezzjoni kontra ċerti organiżmi ta' ħsara lepidotterani u l-proteina PAT li tagħti t-tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju.Il-qamħirrum SYN-IR6Ø4-5 jesprimi l-proteina Cry3 A modifikata li tagħti protezzjoni kontra ċerti organiżmi ta' ħsara koleotterani u l-proteina PMI li tintuża bħala markatur selezjonabbli.Il-qamħirrum DAS-Ø15Ø7-1 jesprimi l-proteina CRY1F li tagħti protezzjoni kontra ċerti organiżmi ta' ħsara lepidotterani u tipproduċi l-proteina PAT, użata bħala markatur selezzjonabbli, li tagħti t-tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju.Il-qamħirrun MON-ØØØ21-9 jesprimi l-proteina mEPSPS li tikkonferixxi tolleranza għall-erbiċidi tal-glifosat.
Ara r-Reġistru ta' Mistoqsijiet tal-EFSA, Anness G għal Mistoqsija Numru EFSA-Q-2011-00894, disponibbli online fuq: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionDocumentsLoader?question=EFSA-Q-2011-00894 (l-aħħar punt).
L-applikazzjoni tiddikjara li "qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 u s-sottokumbinazzjonijiet kollha tiegħu indipendentement mill-oriġini tagħhom ġew prodotti minn taħlit ta' tnissil konvenzjonali (...) (punt ii)", u "l-analiżi tal-livell ta' espressjoni tal-proteina tikkonferma li t-taħlit tal-events uniċi tal-qamħirrun ġenetikament modifikat (...) ma jirriżulta fl-ebda interazzjoni bejniethom fil-qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 jew is-sottokumbinazzjonijiet ta' għadd minuri ta' dawn l-events indipendentement mill-oriġini tagħhom. (punt x)".
IARC Monographs Volume 112: evaluation of five organophosphate insecticides and herbicides, 20 March 2015 (http://monographs.iarc.fr/ENG/Monographs/vol112/mono112.pdf).
Eż. fid-Dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, 15 ta' Lulju 2014) jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, 14 ta' Settembru 2016).
L-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE
496k
80k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' April 2017 dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE (2015/2342(INI))
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 80, 208 u 216 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata f'Ġunju 2016,
— wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni intitolati: "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" tat-13 ta' Mejju 2015 (COM(2015)0240); "L-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp" tas-26 ta' April 2016 (COM(2016)0234); "It-twaqqif ta' Qafas ta' Sħubija ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" tas-7 ta' Ġunju 2016 (COM(2016)0385); u "It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieġ u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa" tal-14 ta' Settembru 2016 (COM(2016)0581); u lill-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà intitolat:"L-indirizzar tal-Kriżi tar-Rifuġjati fl-Ewropa: Ir-Rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE" tad-9 ta’ Settembru 2015 (JOIN(2015)0040); "Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet" tal-25 ta' Jannar 2017 (JOIN(2017)0004; u "Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" tat-18 ta' Novembru 2015 (JOIN(2015)0050),
— wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali dwar l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) tat-3 ta' Mejju 2012,
— wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-migrazzjoni tal-25-26 ta' Ġunju, tal-15 ta' Ottubru u tas-17-18 ta' Diċembru 2015 kif ukoll tas-17-18 ta' Marzu u tat-28 ta' Ġunju 2016,
— wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-migrazzjoni fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE tat-12 ta' Diċembru 2014, dwar il-migrazzjoni tat-12 ta' Ottubru 2015, dwar l-approċċ tal-UE lejn iċ-ċaqliq sfurzat u l-iżvilupp tat-12 ta' Mejju 2016 u dwar l-aspetti esterni tal-migrazzjoni tat-23 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-prijoritajiet futuri tas-sħubija u l-patti mal-Ġordan u mal-Libanu tas-17 ta' Ottubru 2016,
— wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar ir-rotta tal-Balkani tal-Punent u l-Mediterran tal-Lvant tat-8 ta' Ottubru 2015,
— wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit tal-Belt Valletta tal-11-12 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016,
— wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (9/2016) intitolat "L-infiq tal-UE fuq il-politika esterna dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-Viċinat tal-Lvant sal-2014",
— wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll relatat, u l-konvenzjonijiet internazzjonali fundamentali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom li jirregolaw il-kondotta tal-kunflitt armat u li jimmiraw li jillimitaw l-effetti tiegħu,
— wara li kkunsidra d-dokument li rriżulta mis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta' Settembru 2015 intitolat "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli",
— wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tal-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata "Address Large Movements of Refugees and Migrants" (Insibu tarf tal-ispostamenti kbar ta' rifuġjati u migranti) tad-19 ta' Settembru 2016 u l-annessi tagħha intitolati "Comprehensive refugee response framework" (Qafas ta' risposta komprensiva għar-rifuġjati) u "Towards a global compact for safe, orderly and regular migration" (Lejn patt globali għall-migrazzjoni sigura, ordinata u regolari),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, partikolarment dawk tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(1), tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE(2), tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(3), tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja(4) u tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni f'pajjiżi terzi(5),
— wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits kif ukoll tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0045/2017),
A. billi l-migrazzjoni hija dritt tal-bniedem minqux fl-Artikolu 13 tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-persuni għandu jkollhom id-dritt li jgħixu ħajjithom f'pajjiżhom u fir-reġjun fejn ikunu twieldu u trabbew u fejn għandhom l-għeruq kulturali u soċjali tagħhom;
B. billi l-mobilità umana tinsab f'livell għoli liema bħalu, b'244 miljun migrant internazzjonali, minħabba diversi raġunijiet, li jemigraw kemm volontarjament kif ukoll involontarjament; billi tali migrazzjoni internazzjonali sseħħ primarjament fi ħdan l-istess reġjun u bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), il-migranti nisa jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-migranti internazzjonali fl-Ewropa (52,4 %) u fl-Amerika ta' Fuq (51,2 %); billi l-flussi migratorji Nofsinhar-Nofsinhar baqgħu jiżdiedu meta mqabbla mal-movimenti Nofsinhar-Tramuntana: fl-2015, 90,2 miljun migrant internazzjonali mwielda fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu jirrisjedu f'pajjiżi oħrajn fin-Nofsinhar globali, mentri 85,3 miljun imwielda fin-Nofsinhar kienu jirrisjedu fil-pajjiżi tat-Tramuntana globali;
C. billi numru dejjem akbar ta' minorenni mhux akkumpanjati qiegħed jaqsam il-Mediterran, u, minkejja ż-żieda fl-operazzjonijiet ta' salvataġġ, in-numru ta' mwiet fil-Mediterran għadu qiegħed jikber (5 079 fl-2016 meta mqabbel ma' 3 777 fl-2015, skont iċ-ċifri tal-IOM);
D. billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonitajiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (l-UNHCR), fl-2015 numru rekord ta' 65,3 miljun ruħ – fosthom 40,8 miljun persuna spostata internament (IDPs) u 21,3 miljun rifuġjat – għadhom spostati b'mod furzat minħabba kunflitti, vjolenza, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u destabbilizzazzjoni; billi dan seħħ flimkien mal-każ ta' dawk spostati minħabba d-diżastri naturali, l-inugwaljanzi, il-faqar, il-prospetti soċjoekonomiċi skarsi, it-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' politiki serji u effikaċi ta' żvilupp fit-tul kif ukoll in-nuqqas ta' rieda politika biex jiġu indirizzati b'mod deċiżiv il-problemi strutturali li jirfdu dawn il-flussi migratorji; billi l-UNHCR jistma li fid-dinja hawn mill-inqas 10 miljun persuna apolida;
E. billi d-data attwalment disponibbli turi żieda fl-għadd ta' rifuġjati ta' aktar minn 50 % f'dawn l-aħħar ħames snin; billi din iż-żieda impressjonanti hija spjegata minn għadd ta' elementi, inkluż il-fatt li r-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati jinsab fil-livell l-aktar baxx mis-snin 1980, li n-numru ta' rifuġjati li jkunilhom offruti possibbiltajiet ta' integrazzjoni lokali għadu limitat u li ċ-ċifri ta' risistemazzjoni huma stabbli f'bejn wieħed u ieħor 100 000 fis-sena;
F. billi 6,7 miljun rifuġjat qegħdin jgħixu f'sitwazzjonijiet ta' spostament fit-tul - li hu stmat li jtawwal għal medja ta' 26 sena - b'nuqqas totali ta' prospettivi; billi s-soluzzjonijiet dejjiema għall-ispostament jibqgħu inaċċettabbilment baxxi, li jrendi neċessarju l-fatt li l-ispostament furzat jitqies bħala sfida politika u ta' żvilupp, mhux waħda esklużivament ta' natura umanitarja;
G. billi l-isfidi globali jirrikjedu approċċ olistiku u multilaterali bbażat fuq il-kooperazzjoni u s-sinerġiji internazzjonali, kif ukoll fuq soluzzjonijiet koordinati u konkreti, li ma għandhomx jirreaġixxu biss għal kriżijiet futuri iżda għandhom jantiċipawhom; billi 86 % tar-rifuġjati fid-dinja jgħixu f'reġjuni foqra, bil-pajjiżi l-anqas żviluppati jospitaw 26 % tat-total u li b'hekk ibatu minn kapaċitajiet sal-limitu tal-possibilitajiet tagħhom u minn destabbilizzazzjoni ulterjuri tal-koeżjoni u tal-iżvilupp soċjoekonomiċi tagħhom; billi dawn il-pajjiżi rarament ikollhom għodod ta' ħarsien tad-drittijiet tal-migranti, u lanqas għandhom għodod fil-qasam tal-asil; billi l-miljun ruħ li waslu fl-UE fl-2015 jirrappreżentaw 0,2 % tal-popolazzjoni tal-UE, meta mqabbel ma' perċentwali ferm ogħla (sa 20 %) fil-pajjiżi ġirien jew fl-Ewropa matul id-disgħinijiet;
H. billi r-rifuġjati, il-persuni spostati internament u l-migranti jirrappreżentaw kategoriji ġuridikament separati iżda fir-realtà spiss il-persuni huma parti minn spostament imħallat ta' nies fuq skala kbira li jseħħ minħabba varjetà ta' implikazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali, ta' żvilupp, umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem li jaqsmu l-fruntieri; billi d-dinjità umana tal-persuni kollha involuti f'dawn il-movimenti trid tkun fil-qalba tal-politiki Ewropej kollha f'dawn il-kwistjonijiet; billi, barra minn hekk, ir-rifuġjati u dawk li jfittxu asil jeħtiġilhom ikunu ttrattati dejjem konformement mal-istatus tagħhom u ma għandhom fl-ebda każ ikunu miċħuda mit-tgawdija tad-drittijiet li joħorġu mill-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi s-separazzjoni ġuridika bejn ir-rifuġjati u l-migranti ma għandhiex titqies li tindika li l-migrazzjoni għal raġunijiet ekonomiċi jew għal ħajja aħjar hija inqas leġittima mill-ħarba mill-persekuzzjoni; billi fil-maġġoranza tal-każijiet, kemm id-drittijiet politiċi kif ukoll dawk ekonomiċi, fost drittijiet fundamentali tal-bniedem oħrajn, jinsabu mhedda f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, instabilità jew diżordni u jibqgħu jitqiegħdu f'dubju bħala konsegwenza tal-ispostament furzat;
I. billi l-kriżi alimentari u nutrizzjonali li għadha għaddejja fis-Saħel tikkaġuna l-erożjoni tar-reżiljenza tal-persuni, aggravata mis-suċċessjoni rapida tal-kriżijiet, mill-assenza ta' servizzi ta' bażi u mill-kunflitti fir-reġjun; billi din is-sitwazzjoni se tikkawża aktar migrazzjoni;
J. billi f'kull stadju tal-vjaġġ tagħhom, il-migranti jiġu esposti għal kull tip ta' perikolu fiżiku u psikoloġiku, inkluża l-vjolenza, l-isfruttament, it-traffikar u l-abbuż sesswali u dak ibbażat fuq il-ġeneru; billi dan huwa b'mod partikolari l-każ tal-persuni vulnerabbli, bħan-nisa (pereżempju n-nisa li huma kapijiet tal-familja jew nisa tqal), tfal - kemm jekk mhux akkompanjati, separati jew akkompanjati mill-familji tagħhom - il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità, il-persuni fil-bżonn ta' kura medika urġenti u l-anzjani; billi dawn il-gruppi vulnerabbli għandhom, b'mod urġenti, jingħataw protezzjoni umanitarja u aċċess għall-protezzjoni u għal mekkaniżmi ta' referenza, għal status ta' residenza u għal servizzi bażiċi inkluża l-kura tas-saħħa, bħala parti mir-risistemazzjoni tagħhom, jew filwaqt li l-applikazzjonijiet tagħhom għall-asil qed jiġu kkunsidrati skont id-dritt applikabbli;
K. billi ż-żieda fil-mobilità umana, jekk ġestita b'mod sigur, ordinat, regolari, responsabbli u preventiv, tista' ttaffi l-espożizzjoni għall-periklu tal-migranti u tar-rifuġjati, tista' tagħti vantaġġi notevoli, kif irrikonoxxiet l-Aġenda 2030, u tista' taġixxi wkoll bħala fattur ta' tkabbir qawwi lill-pajjiżi ospitanti, inkluża l-UE; billi dawn il-vantaġġi spiss huma sottovalutati ħafna; billi l-UE jeħtiġilha tipproduċi soluzzjonijiet fattibbli, anki bl-użu ta' ħaddiema barranin, biex tilqa' bil-quddiem għall-popolazzjoni Ewropea dejjem ixjaħ, bil-għan li jkun garantit bilanċ bejn il-persuni li jinsabu f'ħidma b'rimunerazzjoni u l-popolazzjoni mhux attiva u biex jintlaqgħu l-bżonnijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol;
L. billi t-tweġiba tal-UE qanqlet mobilizzazzjoni ta' diversi strumenti interni u esterni, iżda tidher li kienet eċċessivament ikkonċentrata fuq terminu qasir jew biex tnaqqas jew twaqqaf il-movimenti; billi dan l-approċċ fuq terminu qasir la jindirizza l-kawżi tal-ispostament furzat u tal-flussi migratorji u lanqas il-bżonnijiet umanitarji tal-migranti; billi jenħtieġ aktar titjib fir-reazzjoni tal-UE dwar l-għodod fir-rigward tal-ġestjoni tal-kriżi u l-prevenzjoni tal-kunflitt, peress li l-kunflitti vjolenti jikkostitwixxu l-kawża fundamentali ewlenija tal-ispostament furzat;
M. billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri esprimiet dubji serji dwar l-effikaċja tal-infiq tal-UE fuq il-migrazzjoni esterna, inkluż dwar il-proġetti għad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti; billi l-Qorti waslet ukoll għall-konklużjoni li s-sigurtà u l-protezzjoni fil-fruntieri kienu l-element predominanti fl-infiq Ewropew għall-migrazzjoni;
N. billi l-għajnuna umanitarja msejsa fuq il-bżonnijiet u r-rispett tal-prinċipji tal-umanità, tan-newtralità, tal-imparzjalità u tal-indipendenza, kif ukoll fuq il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem previsti mill-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, trid tkun fil-qalba tal-azzjonijiet esterni kollha tal-UE; billi l-indipendenza tal-għajnuna, jiġifieri l-għajnuna li tkun ħielsa minn kwalunkwe kunsiderazzjonijiet politiċi, ekonomiċi jew ta' sigurtà jew kwalunkwe tip ta' diskriminazzjoni, għandha tipprevali;
O. billi l-implimentazzjoni b'suċċess ta' politika tal-migrazzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem tirrikjedi li nikkontestaw il-perċezzjonijiet negattivi tal-migrazzjoni u l-iżvilupp ta' narrattivi pożittivi li jpinġu l-idea tal-movimenti migratorji bħala opportunità għall-pajjiżi ospitanti, sabiex jikkumbattu l-estremiżmu u l-populiżmu;
P. billi l-UE għandha r-responsabilità li ssostni lil sħabha fl-implimentazzjoni tal-assistenza u l-protezzjoni rapidi, effikaċi u ta' kwalità għolja u hija responsabbli quddiem il-popolazzjonijiet milquta; billi, f'dan ir-rigward, is-sħab tal-UE jirrikjedu finanzjamenti puntwali u prevedibbli u d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta' fondi għall-prijoritajiet modifikati jew ġodda għandhom jippermettulhom biżżejjed ħin għall-miżuri ta' ppjanar u ta' mitigazzjoni;
Q. billi l-kooperazzjoni deċentralizzata tista' tgħin biex jinkiseb fehim aħjar tal-ħtiġijiet u l-kulturi ta' persuni spostati internament (IDPs), migranti u rifuġjati u żżid l-għarfien tal-popolazzjoni lokali dwar l-isfidi ffaċċjati mill-migranti fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; billi l-gvernijiet Ewropej lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol ewlieni biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin, permezz tal-bini ta' kapaċità;
R. billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara b'mod espliċitu li "l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha, u li tipprova tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat ta' dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali"; billi skont l-Artikolu 208 tat-Trattat ta' Lisbona, l-għajnuna għall-iżvilupp timmira għat-tnaqqis u, eventwalment, għall-qerda tal-faqar fil-pajjiżi terzi;
Azzjoni tal-UE komprensiva u bbażata fuq prinċipji bħala risposta għall-isfidi tal-mobilità
1. Jissottolinja li fid-dinja tal-lum qed nesperjenzaw livell ta' mobilità umana liema bħalu u jenfasizza li l-komunità internazzjonali, b'urġenza jeħtiġilha ssaħħaħ ir-risposta komuni biex tittratta l-isfidi u l-opportunitajiet li jirrappreżenta dan il-fenomenu; jisħaq fuq il-fatt li tali risposta trid tkun imsejsa fuq il-prinċipju ta' solidarjetà u ma għandhiex tiffoka biss fuq approċċ ibbażat fuq is-sigurtà, iżda jeħtieġ li tkun immexxija mill-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet u tad-dinjità ta' dawk kollha mġiegħla, minħabba kwalunkwe ċirkostanza, iħallu djarhom biex ifittxu ħajja aħjar u aktar sikura; jenfasizza li kwalunkwe rispons għandu jagħti attenzjoni partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli u jinkludi l-għoti ta' assistenza fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jissottolinja li, minkejja li huma ttrattati minn żewġ oqfsa ġuridiċi separati, ir-rifuġjati u l-migranti għandhom l-istess drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali universali, li għandhom ikunu salvadwardjati indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħhom; ifakkar li l-UE jeħtiġilha tirrispetta l-valuri u l-prinċipji tagħha fil-politiki komuni kollha kif ukoll tippromwovihom fir-relazzjonijiet esterni tagħha, inklużi dawk stipulati fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa ta' konsistenza fil-politiki esterni tal-UE u fil-politiki l-oħrajn b'dimensjoni esterna;
2. Jenfasizza li dan il-livell għoli ta' mobbiltà tal-bniedem joriġina minn diversi kawżi kumplessi li jirrikjedu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-provi biex jużaw l-elementi tagħha u jiżviluppaw ir-risposti ta' politika mmirati; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jqisu din ir-realtà attwali u jiżviluppaw approċċ ġdid għall-moviment tal-persuni abbażi ta' data reali u l-interessi tal-UE, billi tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-persuni permezz taż-żieda tal-aċċess tagħhom għal servizzi bażiċi, primarjament l-edukazzjoni, u l-integrazzjoni u l-kontribut tagħhom fil-kuntesti lokali billi jiġu pprovduti opportunitajiet ta' impjieg u impjieg għal rashom;
3. Jisħaq li l-migrazzjoni internazzjonali tista' tikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjoekonomiku, kif għamlet storikament , u li d-diskors narrattiv użat f'dan ir-rigward jeħtieġ ikun wieħed pożittiv, li jippromwovi fehim ġenwin u oġġettiv tal-kwistjoni u tal-benefiċċji komuni relatati sabiex jikkuntrasta mad-diskorsi ksenofobi, populisti u nazzjonalistiċi; jilqa' għalhekk il-kampanja "Together" li tnediet min-NU li għandha l-għan li tnaqqas il-perċezzjonijiet u l-attitudnijiet negattivi fil-konfront tar-rifuġjati u tal-migranti u jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkooperaw bis-sħiħ man-NU fl-appoġġ għal din il-kampanja; jenfasizza l-bżonn li jiġu adottati politiki globali, Ewropej, nazzjonali u lokali ffokati fuq terminu medju u twil u mhux biss iggwidati esklużivament mill-pressjonijiet politiċi immedjati jew mill-kunsiderazzjonijiet elettorali nazzjonali; jisħaq fuq il-fatt li dawn il-politiki jridu jkunu koerenti, sinifikanti, inklussivi u flessibbli bil-għan li jirregolaw il-migrazzjoni bħala fenomenu uman regolari u jindirizzaw it-tħassib leġittimu fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri, tal-protezzjoni soċjali għall-gruppi vulnerabbli u tal-integrazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti;
4. Jenfasizza li s-sistema tal-għajnuna umanitarja hija estremament sfruttata u li qatt mhi se tkun biżżejjed biex tirrispondi għall-kriżijiet tal-ispostamenti furzati, partikolarment fid-dawl tan-natura mtawla tal-maġġor parti tagħhom; jieħu nota għaldaqstant tal-qafas politiku l-ġdid deskritt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "L-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp" ta' April 2016, bħala pass fid-direzzjoni t-tajba u jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw il-kontenut tagħha fi ħdan il-Qafas ta' Sħubija ġdida ma' pajjiżi terzi; jikkonstata l-importanza ta' approċċ komprensiv u aktar sostenibbli għall-migrazzjoni, inkluża l-promozzjoni ta' rabtiet aktar stretti bejn il-lat umanitarju u dak ta' żvilupp, u l-bżonn ta' involviment ma' sħab differenti – atturi reġjonali, gvernijiet, awtoritajiet lokali, id-dijaspora, is-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tar-rifuġjati u tal-migranti, organizzazzjonijiet reliġjużi lokali, u l-NGOs rilevanti u s-settur privat – bil-għan li jkunu żviluppati strateġiji mmirati bbażati fuq provi biex din l-isfida tkun indirizzata, filwaqt li jiġi rikonoxxut il-fatt li l-għajnuna umanitarja mhijiex għodda ta' ġestjoni tal-kriżijiet kif iddikjarat fil-Kunsens tal-UE dwar l-Għajnuna Umanitarja;
5. Jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha tkompli tindirizza u titratta b'effikaċja l-kawżi profondi tal-ispostamenti furzati u tal-migrazzjoni - partikolarment il-kunflitt armat, il-persekuzzjoni għal kwalunkwe raġuni, il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-governanza ħażina, il-faqar, in-nuqqas ta' opportunitajiet ekonomiċi, u t-tibdil fil-klima - billi tiġi miġġielda l-fraġilità tal-istat, billi jiġu promossi l-paċi u s-sigurtà, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-proċessi ta' rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt, il-ġustizzja, u l-ekwità, u permezz tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet, tal-kapaċità amministrattiva, id-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, bi qbil mal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 16 fl-Aġenda 2030 il-ġdida u l-prinċipji stipulati fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali;
6. Jenfasizza l-bżonn li ssir enfasi fuq l-aspetti soċjoekonomiċi tal-fenomenu tal-migrazzjoni, biex jitwettqu l-analiżi meħtieġa ta' kull pajjiż dwar il-kawżi fundamentali tal-ispostar furzat u l-migrazzjoni, u biex il-pajjiżi ta' oriġini jiġu mħeġġa jadottaw u jimplimentaw miżuri u politiki li jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi diċenti u għal opportunitajiet ekonomiċi reali sabiex il-migrazzjoni ssir għażla u mhux bżonn; jistieden lill-UE tkompli il-politiki li jfittxu li jnaqqsu u fl-aħħar mill-aħħar jeqirdu l-faqar, jiġġieldu l-inugwaljanza u l-insigurtà tal-ikel, il-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tisħiħ tas-servizzi pubbliċi bażiċi; jikkonstata li politika li tirnexxi għandha tirrikonoxxi l-ħtieġa li tinħoloq reżiljenza ekonomika kemm f'pajjiżi ta' oriġini kif ukoll dawk ospitanti; jissottolinja l-ħtieġa li tittejjeb il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp (PCD);
7. Jissottolinja li l-impjiegi u l-opportunitajiet ekonomiċi huma kruċjali sabiex jittaffa l-impatt ta' vulnerabilitajiet ikkawżati mill-ispostament; jistieden lill-UE tgħin lill-migranti u lir-rifuġjati jimxu lejn postijiet li joffru dawn l-opportunitajiet, sabiex tgħin fil-ħolqien ta' opportunitajiet fil-post ta' eżilju tagħhom (inkluż billi jitneħħew ix-xkiel u l-ostakli li jimpedixxu l-aċċess għas-suq tax-xogħol) u ħalli tgħinhom jiżviluppaw ħiliet ġodda aktar adattati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali;
8. Jilqa' l-impenn tal-UE għall-għajnuna umanitarja – bħala l-ikbar donatur fid-dinja – bil-għan li ttejjeb il-kondizzjonijiet ta' għajxien tar-rifuġjati; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jwettqu l-wegħdiet li diġà għamlu u jżidu l-impenji finanzjarji tagħhom skont iż-żieda fil-ħtiġijiet umanitarji; jinnota li r-rispons umanitarju se jkun dejjem l-ewwel element ta' kwalunkwe rispons għal kriżijiet ta' spostament; jenfasizza li d-dritt internazzjonali u l-prinċipji ta' umanità, newtralità, imparzjalità u indipendenza jeħtieġu jibqgħu il-qafas ta' gwida għar-rispons umanitarju tal-UE għall-kriżijiet tar-rifuġjati u tal-ispostament furzat;
9. Jirrikonoxxi li d-drittijiet u d-dinjità ta' miljuni ta' bnedmin oħra bħalhom se jkomplu jonqsu jekk ikunu mifnija f'kampijiet tar-rifuġjati jew fil-periferiji tal-ibliet mingħajr aċċess għal ħtiġijiet bażiċi, l-għajxien u l-opportunitajiet ta' dħul ekonomiku;
10. Jisħaq fuq l-importanza li tiġi rikonoxxuta d-dimensjoni tal-ġeneri fil-qasam tal-migrazzjoni, li tinkludi mhux biss il-vulnerabilità tan-nisa għal kull tip ta' abbuż, iżda wkoll ir-raġunijiet diversi għall-migrazzjoni, ir-rwol li jiżvolġu huma u jirrispondu għall-emerġenzi, il-kontributi soċjoekonomiċi tagħhom u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fir-riżoluzzjoni u fil-prevenzjoni tal-kunflitti, kif ukoll fil-proċessi ta' wara l-kunflitti u fil-bini ta' soċjetà demokratika; jikkonstata li enfasi fuq l-emanċipazzjoni tan-nisa u fuq ir-rwol akbar tagħhom bħala dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet hija ewlenija biex jiġu indirizzati l-kawżi tal-ispostar furzat u biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tan-nisa u l-awtonomija tagħhom f'kull stadju tal-proċess ta' migrazzjoni; itenni li huwa neċessarju li tiġi applikata perspettiva tal-ġeneru u tal-età fil-politiki tal-UE dwar il-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti;
11. Jappella li jkun hemm iżjed kooperazzjoni man-NU u atturi oħra, inklużi kontribuzzjonijiet finanzjarji miżjuda għall-UNHCR u l-UNRWA; jisħaq, f'dan il-kuntest dwar il-bżonn li jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-kampijiet tar-rifuġjati, speċjalment f'termini ta' saħħa u edukazzjoni, u biex gradwalment tintemm id-dipendenza fuq l-għajnuna umanitarja f'sitwazzjonijiet ta' spostament eżistenti billi titrawwem r-reżiljenza u billi l-persuni spostati jkunu jistgħu jgħixu f'dinjità bħala kontributuri fil-pajjiżi ospitanti tagħhom, sa ma possibbilment jirritornaw b'mod volontarju jew jiġu risistemati;
12. Jenfasizza l-passi importanti meħuda mill-UE biex tindirizza d-dimensjoni esterna tal-kriżi tal-migrazzjoni, b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata li hija responsabbli għall-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin, u l-kooperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;
13. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas u li jsiru l-arranġamenti adegwati fil-pajjiżi ta' oriġini biex jirċievu b'mod dinjituż migranti li jirritornaw, li jkunu vulnerabbli u emarġinati u biex jiġu megħjuna jintegraw b'suċċess f'termini soċjokulturali;
14. Ifakkar li l-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa, il-minuri (kemm jekk akkumpanjati mill-familji tagħhom kif ukoll jekk mhux akkumpanjati), il-persuni b'diżabilità, l-anzjani, u l-persuni LGBTI, huma partikolarment esposti għal kull tip ta' abbuż, f'kull stadju tal-proċess ta' migrazzjoni; ifakkar barra minn hekk li n-nisa u t-tfajliet, jinsabu f'riskju akbar ta' vjolenza u diskriminazzjoni sesswali u abbażi tal-ġeneru, anki meta jkunu waslu f'postijiet meqjusa bla periklu; jappella li dawn il-gruppi jingħataw assistenza speċjali u protezzjoni umanitarja akbar bħala parti mill-proċess tar-risistemazzjoni jew tal-integrazzjoni tagħhom, u li jingħataw prijorità fi proċeduri ta' akkoljenza sensittivi għad-differenza bejn is-sessi b'konformità akbar ma' standards minimi, u b'dispożizzjonijiet aktar effiċjenti dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja; jappella għal aktar salvagwardji għall-persuni vulnerabbli kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni matul il-proċess tal-asil, u biex dawn jiġu pprovduti b'aċċess għal status ta' residenza u għal servizzi bażiċi, inklużi l-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, b'konformità mad-dritt applikabbli; jitlob lill-Unjoni Ewropea tiżviluppa programmi ta' taħriġ fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi relatati mal-bżonnijiet speċifiċi tar-rifuġjati u l-migranti vulnerabbli;
15. Jenfasizza li t-tfal jikkostitwixxu proporzjon sinifikanti tal-migranti u r-rifuġjati, u jridu jiġu żviluppati u implimentati proċeduri speċifiċi sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tagħhom bi qbil mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jappella lill-pajjiżi ospitanti jiżguraw li t-tfal rifuġjati jingħataw aċċess sħiħ għall-edukazzjoni, u jippromwovu kemm jista' jkun l-integrazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali; jistieden ukoll lill-komunitajiet umanitarji u tal-iżvilupp jagħtu aktar attenzjoni lill-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema, kemm fil-komunitajiet spostati kif ukoll f'dawk ospitanti, u jistieden ukoll lid-donaturi internazzjonali jagħtu prijorità lill-edukazzjoni meta jkunu qed jirrispondu għall-kriżijiet tar-rifuġjati, permezz ta' programmi li jinvolvu u jappoġġjaw psikoloġikament lit-tfal migranti, kif ukoll jippromwovu t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti bil-għan li tiġi żgurata integrazzjoni aħjar tat-tfal rifuġjati; jilqa' l-appoġġ finanzjarju intiż biex jipprovdi aktar edukazzjoni u taħriġ għat-tfal Sirjani u ż-żieda reċenti, minn 4 % għal 6 % fis-sehem ta' nfiq fuq l-edukazzjoni mill-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja, li jagħmel lill-UE mexxejja fl-appoġġ għal proġetti ta' edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza madwar id-dinja; jappella għal aktar effikaċja fl-implimentazzjoni ta' dan il-finanzjament il-ġdid;
16. Jirrikonoxxi li l-apolidija hija sfida sinifikanti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiġġieldu l-apolidija fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, b'mod partikolari billi jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-liġijiet dwar in-nazzjonalità abbażi ta' sess, reliġjon jew status minoritarju, billi jippromwovu d-dritt għal nazzjonalità tat-tfal u billi jappoġġjaw il-kampanja tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) immirata biex l-apolidija tintemm sal-2024; jikkundanna r-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet tal-persuni milli joħorġu mit-territorju jew jirritornaw fih, li huma imposti f'ċerti Stati, u l-konsegwenzi ta' apolidija f'dak li hu aċċess għad-drittijiet; jistieden lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali biex jabolixxu l-oqfsa legali punittivi li jikkaratterizzaw il-migrazzjoni bħala reat;
17. Jissottolinja li, b'konformità mal-prinċipji tal-UE, objettiv ġenerali uniku tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni esterna għandu jkun li jiġi stabbilit reġim ta' governanza multilaterali fir-rigward tal-migrazzjoni internazzjonali, u li l-Laqgħa reċenti ta' Livell Għoli tan-NU kienet l-ewwel pass f'dan ir-rigward;
18. Jesprimi tħassib qawwi dwar id-deċiżjoni reċenti mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li b'mod temporanju tipprojbixxi id-dħul ta' ċittadini minn seba' pajjiżi b'maġġoranza Musulmana milli jidħlu fl-Istati Uniti u biex b'mod temporanju tissospendi s-sistema ta' rifuġjati tal-Istati Uniti; jemmen li din it-tip ta' deċiżjoni diskriminatorja talimenta diskorsi kontra l-immigrazzjoni u dawk ksenofobiċi, tista' ma tikkonformax mal-għodod ewlenin tad-dritt internazzjonali, bħall-Konvenzjoni ta' Ġinevra, u tista' ddgħajjef serjament l-isforzi globali attwali lejn il-kondiviżjoni ġusta internazzjonali tar-responsabilitajiet għar-rifuġjati; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu pożizzjoni komuni qawwija biex jiddefendu s-sistema ta' protezzjoni internazzjonali u ta' sigurtà ġuridika tal-popolazzjonijiet kollha milquta, partikolarment iċ-ċittadini tal-UE;
19. Jilqa' l-Laqgħa ta' Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti intitolata "Address Large Movements of Refugees and Migrants" (Insibu tarf tal-ispostamenti kbar ta' rifuġjati u migranti) tad-19 ta' Settembru 2016 u l-organizzazzjoni tas-Summit tal-Mexxejja min-naħa tal-Istati Uniti, billi l-flussi migratorji huma responsabilità globali li tesiġi risposta globali effikaċi u kooperazzjoni msaħħa bejn il-partijiet interessati kollha biex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-eżitu ta' dawn is-summits bħala l-espressjoni ta' impenn politiku ġenwin ta' saħħa mingħajr preċedenti, u jittama li dawn iniedu b'urġenza t-triq lejn ir-rispons tassew globali u l-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabilitajiet f'dawk li huma rifuġjati u movimenti migratorji kbar madwar id-dinja; jiddispjaċih bil-qawwi madankollu għan-nuqqas ta' wegħdiet speċifiċi jew impenji ġuridikament vinkolanti f'termini ta' għajnuna jew riforma, neċessarji biex jingħalaq id-distakk attwali bejn ir-retorika u r-realtà; jappella lill-partijiet kollha involuti jiggarantixxu impenn politiku u kooperazzjoni kontinwi, urġenti u effikaċi, l-iskambju ta' għarfien u esperjenza mal-pajjiżi sħab, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet lokali, u finanzjamenti u atti konkreti ta' solidarjetà b'risq il-pajjiżi ospitanti; jissottolinja l-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni bejn l-UE u s-sħab internazzjonali tagħha fil-livell tan-NU biex jindirizzaw l-isfidi tal-migrazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jassumu rwol ta' tmexxija fl-isforzi internazzjonali, partikolarment billi jiżguraw li l-ftehimiet, fosthom il-patti futuri tan-NU dwar ir-rifuġjati u dwar il-migrazzjoni sigura, ordinata u regolari, jissarrfu malajr fil-prattika, u billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' segwitu kif meħtieġ;
20. Jenfasizza li l-kooperazzjoni globali dwar il-migrazzjoni u l-mobilità għandha tinbena fuq oqfsa reġjonali u subreġjonali; jistieden lill-UE ssaħħaħ il-pjanijiet ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet reġjonali bħall-Unjoni Afrikana, il-Lega tal-Istati Għarab, u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, sabiex tippromwovi wkoll il-ġestjoni ta' mobilità intrareġjonali, u jissottolinja l-bżonn li dawn l-organizzazzjonijiet reġjonali jiġu mħeġġa jipparteċipaw bis-sħiħ f'din il-kooperazzjoni; jikkonstata li l-integrazzjoni ekonomika ta' entitajiet subreġjonali, b'mod partikolari fl-Afrika, toffri mezz ulterjuri għall-promozzjoni ta' approċċ b'ġestjoni konġunta u għall-inkoraġġiment ta' inizjattivi Nofsinhar-Nofsinhar dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-mobilità; iħeġġeġ lill-UE tfittex rwol aktar b'saħħtu u kredibbli għall-Unjoni Afrikana fil-prevenzjoni ta' kriżijiet politiċi fl-Afrika;
21. Jissottolinja li l-UE tista' tibbenefika minn kooperazzjoni aktar mill-qrib u sinerġija ma' banek multilaterali tal-iżvilupp u korpi speċjalizzati tan-NU, b'mod partikolari l-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), li issa hija relatata man-NU; jieħu nota tal-ideat reċenti mressqa mill-Bank Dinji dwar is-sitwazzjoni ta' persuni spostati b'mod furzat, u jilqa' r-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki ta' mitigazzjoni u ta' asil li jappoġġjaw lill-persuni spostati b'mod furzat biex jintegraw ruħhom u, fl-istess ħin jobbligaw lill-komunitajiet ospitanti biex jilħqu l-miri tagħhom ta' żvilupp;
22. Jissottolinja li r-risistemazzjoni ta' persuni spostati b'mod furzat hija responsabilità tal-komunità internazzjonali, u li fiha l-UNHCR għandu rwol importanti; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirrispettaw bis-sħiħ il-wegħdi tagħhom stess; iqis fundamentali l-implimentazzjoni b'urġenza ta' risposta koordinata u sostenibbli li tiżgura proċeduri ġusti u aċċessibbli biex persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali jingħataw asil fl-Unjoni Ewropea u f'pajjiżi riċeventi oħrajn, minflok ma r-responsabilità titħalla primarjament fuq spallejn l-Istati l-aktar esposti jew il-pajjiżi ġirien taż-żoni f'kunflitt; jenfasizza l-fatt li s-sostenn finanzjarju huwa inferjuri għall-portata u għall-kobor tal-ispostament, fatt aggravat bin-nuqqas ta' soluzzjonijiet xierqa u effikaċi li jindirizzaw il-kawżi profondi ta' dan l-ispostament furzat;
23. Jenfasizza l-obbligi tad-dritt internazzjonali fir-rigward tar-rifuġjati u jistieden lill-pajjiżi kollha li għadhom ma għamlux dan sabiex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tar-Rifuġjati u l-Protokoll tagħha; jistieden lill-pajjiżi jwessgħu l-protezzjoni għall-persuni spostati internament, kif inhu l-każ f'mekkaniżmi bħall-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-Protezzjoni u l-Assistenza tal-Persuni Spostati Internament fl-Afrika (il-Konvenzjoni ta' Kampala);
24. Jissottolinja li l-kunċetti ta' pajjiż bla periklu u ta' pajjiż ta' oriġini bla periklu m'għandhomx jimpedixxu l-eżami individwali tal-applikazzjonijiet għall-asil; jappella biex tinġabar informazzjoni speċjalizzata, dettaljata u aġġornata regolarment dwar id-drittijiet tal-persuni, speċjalment in-nisa, it-tfal, il-persuni b'diżabilità u l-persuni LGBTI, fil-pajjiżi tal-oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil, inklużi dawk il-pajjiżi li huma meqjusa bħala bla periklu;
25. Jenfasizza li jeħtieġ isir kulma hu possibbli biex jiġi ggarantit ambjent ta' għajxien dinjituż għar-rifuġjati fl-Istati Membri u fil-kampijiet tar-rifuġjati, b'mod partikolari fir-rigward tal-kura tas-saħħa, l-opportunitajiet edukattivi, u l-opportunitajiet ta' xogħol;
26. Jissottolinja l-ħtieġa li jitjiebu l-opportunitajiet edukattivi; jappella biex ikun hemm armonizzazzjoni tal-politiki dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti u l-kopertura tas-sigurtà soċjali f'konformità mal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO; jappella biex tiġi ffirmata u ratifikata l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;
27. Iqis li protezzjoni temporanja jew sussidjarja bbażata fuq is-suppożizzjoni li r-rifuġjati jmorru lura pajjiżhom malajr kemm jista' jkun, toħloq nuqqas ta' prospetti u ta' opportunitajiet għall-integrazzjoni; ifakkar fl-importanza tar-rwol pożittiv li r-rifuġjati jistgħu jaqdu fir-rikostruzzjoni tas-soċjetajiet tagħhom meta jirritornaw lura pajjiżhom jew minn barra l-pajjiż;
28. Jikkundanna l-għadd drammatiku ta' mwiet ta' migranti fil-Baħar Mediterran u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-migranti u dawk li jkunu qed ifittxu l-asil fi triqthom lejn l-Ewropa;
29. Jesprimi tħassib serju dwar l-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati li għebu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu bażi tad-data li jkun fiha d-dettalji tal-minorenni mhux akkumpanjati li daħlu l-Istati Membri;
30. Jisħaq fuq il-bżonn li jinstabu soluzzjonijiet diplomatiċi u politiċi dejjiema għall-kunflitti vjolenti u jsir investiment f'mekkaniżmi ta' twissija bikrija u ta' prevenzjoni tal-kunflitti bil-għan li dawn jonqsu fil-ġejjieni; jitlob lill-UE, tagħti bidu għal sforzi diplomatiċi konġunti mas-sħab internazzjonali u mal-potenzi u l-organizzazzjonijiet reġjonali ewlenin sabiex tassumi rwol aktar b'saħħtu u proattiv fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tal-medjazzjoni, tar-riżoluzzjoni u tar-rikonċiljazzjoni u biex ikun żgurat id-dritt tan-nies li jibqgħu fil-pajjiżi u r-reġjuni tagħhom; jissottolinja li dan jeħtieġ li jkun fil-qalba tal-attivitajiet tas-SEAE, li għandu jiġi mgħammar bir-riżorsi u bis-setgħat meħtieġa biex jagħmel dan possibbli, inkluż f'termini ta' baġit u persunal; jirrimarka li d-delegazzjonijiet tal-UE u r-rappreżentanti speċjali għandhom rwol fundamentali x'jiżvolġu f'dan ir-rigward; jisħaq li r-risposti għall-ispostament furzat tal-popolazzjoni u għall-migrazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-esiġenzi u fuq id-drittijiet u jqisu l-vulnerabilitajiet tal-popolazzjoni u mhux limitati għall-assistenza umanitarja iżda wkoll jinvolvu lill-atturi tal-iżvilupp u tas-soċjetà ċivili;
31. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom rigward l-isfida tat-tibdil fil-klima bis-serjetà u jimplimentaw malajr il-Ftehim ta' Pariġi u jieħdu rwol ta' tmexxija fir-rikonoxximent tal-impatt tat-tibdil fil-klima fuq l-ispostament tal-massa, billi l-kobor u l-frekwenza tal-ispostamenti tal-persuni aktarx jiżdiedu; jistieden b'mod partikolari lill-UE tagħmel riżorsi suffiċjenti għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi milquta mit-tibdil fil-klima sabiex tgħinhom jadattaw għall-konsegwenzi tiegħu u jtaffu l-effetti tiegħu; jenfasizza li dan jeħtieġ ma jiġrix għad-detriment tal-kooperazzjoni tradizzjonali għall-iżvilupp li timmira lejn it-tnaqqis tal-faqar; huwa tal-fehma li l-persuni spostati mill-effetti tat-tibdil fil-klima għandhom jingħataw status speċjali ta' protezzjoni internazzjonali li jqis in-natura speċifika tas-sitwazzjoni tagħhom;
32. Ifaħħar il-ħidma, minkejja d-diffikultajiet u l-perikli kollha li jiffaċċjaw, tal-NGOs u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fl-għoti ta' assistenza urġenti lil dawk l-aktar vulnerabbli, u li f'ħafna każijiet salvatilhom ħajjithom, fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu jew ta' destinazzjoni tar-rifuġjati u tal-migranti; jirrimarka li din il-ħidma, f'ħafna każijiet, imliet il-vojt li ħallew l-Istati u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali;
33. Iqis li huwa kruċjali li tingħeleb in-narrattiva attwali dwar ir-rifuġjati li huma mpinġija biss bħala piż u jenfasizza l-kontribut pożittiv li jistgħu jagħtu, jekk jingħataw iċ-ċans, lill-komunitajiet li jilqgħuhom; jirrakkomanda l-involviment tar-rifuġjati fid-definizzjoni u t-tfassil tar-risposti politiċi li jaffettwawhom direttament, u billi jinħolqu jew jissaħħu l-programmi meħtieġa; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji Ewropej iniedu traineeships fl-amministrazzjonijiet tagħhom immirati speċifikament għar-rifuġjati żgħażagħ gradwati li huma residenti legalment fl-Unjoni Ewropea bħala mod biex imexxu bl-eżempju u juru l-benefiċċju li jsir investiment fil-ġenerazzjoni żagħżugħa;
Azzjoni esterna tal-UE u sħubijiet mal-pajjiżi terzi
34. Jisħaq fuq il-fatt li l-azzjoni esterna tal-UE għandha tkun orjentata lejn il-paċi, proattiva u tħares 'il quddiem minflok ma tkun, prinċipalment, reattiva b'objettivi li jinbidlu bħala risposta lill-kriżijiet il-ġodda; jappoġġja kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-oqsma tas-sigurtà, l-edukazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni u biex jiġu evitati kriżijiet ġodda; ifakkar li l-fenomenu tal-migrazzjoni jinbet minn sensiela kumplessa ta' kawżi bħal popolazzjoni li qed tiżdied, faqar, nuqqas ta' opportunitajiet u ħolqien insuffiċjenti ta' impjiegi, instabilità politika, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, oppressjoni politika, persekuzzjoni, kunflitti militari u forom oħra ta' vjolenza u tibdil fil-klima; ifakkar li l-indirizzar ta' dawn il-problemi jista' jnaqqas mill-ewwel il-fatturi ta' spinta li jiffavorixxu l-ispostament u l-migrazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa essenzjali li tissaħħaħ il-koerenza politika f'żewġ livelli: bejn il-politiki interni u esterni tal-UE, u – fil-qafas tal-azzjoni esterna nfisha – bejn il-politika tat-tkabbir, il-Politika Ewropea tal-Viċinat u r-relazzjonijiet bilaterali mas-sħab strateġiċi tal-UE, kif ukoll il-politiki tal-iżvilupp u tal-kummerċ; iqis li l-politika kummerċjali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun ta' benefiċċju reċiproku filwaqt li jitqiesu kif dovut id-disparitajiet ekonomiċi bejn dawn il-pajjiżi u l-UE; jenfasizza l-importanza tal-Grupp ta' Kummissarji dwar l-Azzjoni Esterna fil-koordinament tal-azzjonijiet tal-UE dwar il-migrazzjoni fl-ogħla livell politiku u fl-impetu li jista' jagħti għal politika komuni ambizzjuża tal-UE dwar il-migrazzjoni;
35. Jisħaq il-ħtieġa li jiġi stabbilit approċċ komprensiv għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni bl-immappjar tal-impatti ekonomiċi, ambjentali, soċjali, fiskali u politiċi diretti u indiretti tal-ispostament fuq il-pajjiżi terzi sabiex il-politiki tal-iżvilupp jiġu adegwati aħjar għall-ħtiġijiet tagħhom;
36. Jirrimarka li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), ippreżentat fit-18 ta' Novembru 2015, jinkludi pjanijiet biex jiġu involuti pajjiżi terzi li huma ġirien ta' pajjiżi sħab tal-viċinat tal-UE fil-kuntest ta' oqfsa ta' kooperazzjoni estiża; iħeġġeġ, għalhekk, li jiġu stabbiliti oqfsa tematiċi biex joffru kooperazzjoni bejn l-Unjoni, il-pajjiżi sħab fil-viċinat tan-Nofsinhar u atturi reġjonali ewlenin, speċjalment fl-Afrika, dwar kwistjonijiet reġjonali bħas-sigurtà, l-enerġija u l-ġestjoni tar-rifuġjati u tal-flussi migratorji;
37. Itenni l-prinċipju ta' "aktar għal aktar" bħala l-bażi tal-politika barranija tal-UE u li skontha l-UE għandha tiżviluppa sħubijiet (finanzjarji) dejjem eqreb ma' dawk il-pajjiżi li jwettqu progress fil-qasam tar-riforma demokratika; jissottolinja li l-attenzjoni fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies fil-pajjiżi terzi għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE;
38. Jistieden lill-VP/RGħ biex, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, taħdem għall-bini ta' reżiljenza tal-istat, ekonomika u soċjetali, b'mod partikolari fil-pajjiżi ġirien tal-UE u f'reġjuni usa' fil-madwar, inkluż permezz tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u strumenti oħra tal-UE;
39. Jikkundanna l-kriminalizzazzjoni li dejjem qed tiżdied tal-migrazzjoni a skapitu tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kkonċernati, kif ukoll it-trattament ħażin u d-detenzjoni arbitrarja tar-rifuġjati fil-pajjiżi terzi; jistieden lill-VP/RGħ u lis-SEAE jaffrontaw din il-kwistjoni, anki matul id-djalogi tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll fis-sottokumitati għall-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, u jiżviluppaw kapaċitajiet ta' protezzjoni fil-pajjiżi terzi ta' tranżitu;
40. Jappella għall-ħolqien ta' politika migratorja komuni Ewropea vera u proprja, ibbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà fost l-Istati Membri, kif minqux fl-Artikolu 80 TFUE, bl-iżgurar tal-fruntieri esterni tal-UE u b'kanali legali adegwati għall-migrazzjoni sigura u ordnata, inkluża l-migrazzjoni ċirkolari, bħala politika sostenibbli fit-tul għal finijiet ta' promozzjoni tat-tkabbir u tal-koeżjoni fi ħdan l-UE, bil-għan li jiġi stabbilit qafas ċar għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill isaħħu l-iskema tal-Karta Blu Ewropea biex jiġġestixxu aħjar il-migrazzjoni ekonomika; iwissi li kwalunkwe politika li tmur kontra l-valuri fundamentali tal-UE, kif minquxa fl-Artikolu 8 tat-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tkun ta' ħsara għall-kredibbiltà tal-UE u l-kapaċità tagħha li tinfluwenza l-iżviluppi internazzjonali; jinnota li l-politiki esterni tal-UE dwar il-migrazzjoni jeħtieġu li l-ftehimiet ma' pajjiżi terzi jkunu ggwidati minn objettivi fit-tul u bil-għan li jiġu stabbiliti sħubijiet dejjiema; ifakkar li kull sħubija simili għandha tkun ibbażata fuq id-djalogu, l-interessi komuni u s-sjieda reċiproka; jilqa' favorevolment il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020), li jipprevedi kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-pajjiżi terzi, iżda jissottolinja li l-implimentazzjoni ta' politika komuni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali twettaq rwol strumentali biex jitkisser il-mudell operattiv tat-traffikanti u biex jiġi miġġieled it-traffikar ta' bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni ġġib l-acquis eżistenti tal-UE kompletament konformi mal-Protokoll tan-NU dwar it-Traffikar u tiżgura protezzjoni adegwata għall-migranti li jisfaw vittmi ta' vjolenza jew abbuż;
41. Jitlob li l-ftehimiet kollha konklużi mal-pajjiżi terzi għandhom jiżguraw li d-drittijiet tal-migranti, irrispettivament mill-istatus tagħhom, ikunu konformi mad-dritt internazzjonali u jappella għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti, inkluż fir-rigward tal-asil, li tiddikjara b'mod partikolari li s-sempliċi qsim irregolari tal-fruntiera ma jistax jitqies bħala raġuni biex persuna teħel il-ħabs;
42. Ifakkar fl-importanza tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin sabiex jiġu fil-mira n-netwerks l-iktar bikrija possibbli tal-katina; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija ma' dawn il-pajjiżi sabiex jiġu identifikati u żarmati n-netwerks; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' dawn il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jħarrku u jwaħħlu pieni b'mod effikaċi lil dawk responsabbli; jitlob, għaldaqstant, li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri, l-Europol, l-Eurojust u l-pajjiżi terzi kkonċernati; jafferma mill-ġdid li l-miżuri meħuda kontra t-traffikar tal-bnedmin m'għandhomx jaffettwaw b'mod negattiv id-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar, tal-migranti, tar-rifuġjati u tal-persuni li jinsabu fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali; jitlob li tintemm immedjatament id-detenzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u tat-tfal;
43. Ifakkar li n-netwerks tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin u tat-traffikar tal-bnedmin jagħmlu użu sħiħ mill-internet biex imexxu l-attivitajiet kriminali tagħhom u li għalhekk huwa kruċjali li l-Unjoni ssaħħaħ l-azzjoni tagħha, b'mod partikolari fl-Europol u fl-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (IRU) u l-kooperazzjoni tagħha mal-pajjiżi terzi f'dan ir-rigward;
44. Ifakkar li r-rotot tat-traffikar jistgħu jużaw ir-rotot legali ta' migrazzjoni biex iġibu l-vittmi tagħhom fit-territorju Ewropew; iqis li l-kriterji li l-pajjiżi terzi għandhom jissodisfaw qabel kwalunkwe ftehim ta' liberalizzazzjoni tal-viżi mal-UE jridu jinkludu b'mod speċifiku l-kooperazzjoni ta' dawn il-pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil din il-problema kif ukoll lil dik tal-ġlieda kontra t-traffikanti fid-djalogi kollha li jsiru fil-qafas tan-negozjati ta' tali ftehimiet;
45. Jilqa' l-approċċ li l-UE għandha tiffissa għaliha nnifisha prijoritajiet ċari u objettivi li jistgħu jitkejlu għal kull politika komuni u b'mod partikolari fin-negozjati ma' pajjiżi terzi; jissottolinja li l-Parlament jeħtieġ li jieħu sehem fit-tfassil ta' dawn l-objettivi ċari; iqis li azzjoni esterna tal-UE bbażata fuq approċċ komuni se tkun l-uniku mod li jiżgura politika aktar b'saħħitha u effikaċi; jitlob li jkun hemm azzjoni tassew unifikata u kkoordinata bejn l-UE u l-Istati Membri, billi l-inizjattivi unilaterali, kemm fl-affarijiet interni kif ukoll esterni, jistgħu jdgħajfu l-fattibbiltà u s-suċċess tal-politiki u l-interessi komuni tagħna;
46. Jappella li jkun hemm protezzjoni aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE bil-għan tal-prevenzjoni tad-dħul irregolari fl-UE, tal-indirizzar tal-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' persuni u l-prevenzjoni tat-telf tal-ħajjiet fuq il-baħar; jilqa', f'dan il-kuntest, il-ħolqien tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li tibni fuq il-Frontex, peress li din tgħin biex tiġġestixxi l-migrazzjoni b'mod aktar effikaċi; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa ta' aktar għajnuna finanzjarja u teknika għall-protezzjoni tal-fruntieri għall-Istati Membri kollha tax-Xlokk tal-UE, il-pajjiżi kandidati tal-UE u pajjiżi sħab oħra f'dan ir-reġjun; jiddispjaċih b'mod partikolari għan-nuqqas ta' skrutinju parlamentari fuq l-attivitajiet esterni tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u jitlob, għalhekk li l-Aġenzija tirrapporta b'mod sistematiku lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta' ħidma tagħha u tal-operazzjonijiet konġunti tagħha ma' pajjiżi terzi b'rabta mas-soċjetà ċivili;
47. Jisħaq li l-ftuħ ta' kanali siguri u legali għal dawk li qegħdin ifittxu l-asil u l-migranti potenzjali jippermettulhom li jużaw kanali ta' dħul u ħruġ formali, biex b'hekk iċaħħdu l-attivitajiet lin-networks tat-traffikanti tal-bnedmin u tal-kriminalità organizzata assoċjata; jenfasizza li n-nuqqas ta' mezzi legali għal migrazzjoni spiss iwassal għal żieda ta' metodi irregolari ta' mobilità, li sikwit tissarraf f'vulnerabilità akbar u r-riskju ta' abbuż matul l-istadji kollha tal-fluss migratorju u tar-rifuġjati; jappella, f'dan ir-rigward, għall-istabbiliment urġenti, speċifiku u tanġibbli ta' kanali siguri u legali għall-UE kollha kemm hi, permezz ta' fost l-oħrajn, arranġamenti aktar effikaċi tal-familji u ta' programmi dwar ir-risistemazzjoni; itenni wkoll l-appelltiegħu li l-Istati Membri jużaw kwalunkwe possibilità eżistenti biex joħorġu viżi umanitarji, b'mod partikolari lill-persuni vulnerabbli u speċjalment lill-minorenni mhux akkumpanjati, fl-ambaxxati u fl-uffiċċji konsulari tal-Unjoni fil-pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu; jappella biex is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tippermetti wkoll li l-applikazzjonijiet għall-asil, kif ukoll l-ipproċessar tat-talbiet għall-asil, isiru barra mill-UE jew fil-fruntieri esterni tal-UE; jappella għal appoġġ mill-UE kollha fil-ħolqien ta' kurituri umanitarji meta ffaċċjati bi kriżijiet ta' rifuġjati u ta' spostament qawwija, bil-għan li tingħata għajnuna umanitarja u jiġu koperti l-bżonnijiet l-aktar bażiċi ta' dawk ir-rifuġjati u li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' qafas tal-UE għar-risistemazzjoni iżda jitlob li tkompli l-ħidma fil-livell tal-UE dwar il-ħolqien u t-tisħiħ ta' kanali legali li jikkomplementaw ir-risistemazzjoni;
48. Jilqa' l-approċċ fuq żewġ binarji tal-Qafas ta' Sħubija sabiex jinkludi għanijiet fuq żmien qasir bħal li jiġu salvati l-ħajjiet fil-baħar Mediterran u li tiżdied ir-rata tar-ritorn lejn il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, kif ukoll għanijiet fit-tul bħall-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispostament furzat permezz ta' appoġġ imsaħħaħ tal-UE lil pajjiżi terzi għall-bini tal-kapaċità u billi dawn javvanzaw is-sitwazzjoni politika, soċjali u ekonomika tagħhom; jenfasizza li s-suċċess tal-approċċ definit fil-komunikazzjoni ta' Ġunju 2016 jiddependi mill-kapaċità tal-UE li toffri inċentivi reali u maqbula b'mod komuni lill-pajjiżi terzi ta' tranżitu u ta' oriġini u jinsab imħasseb bl-offerta limitata prinċipalment iffukata fuq il-ġestjoni tal-fruntieri jew l-iskemi ta' ritorn volontarju assistit, li, għad li huma essenzjali u bżonnjużi, jikkostitwixxu biss risposta parzjali għal żmien qasir għal sitwazzjoni kumplessa għall-aħħar; jenfasizza li l-oqfsa ta' sħubija l-ġodda m'għandhomx isiru l-unika pilastru tal-azzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni u jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jibbilanċja u jikkomplementa din ir-risposta, b'enfasi fuq l-iżvilupp tal-ekonomiji lokali, il-kwalifika u l-mobilità reġjonali kif ukoll it-titjib tal-livelli ta' protezzjoni fil-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini;
49. Ifakkar l-importanza ta' approċċ bilanċjat fil-Qafas ta' Sħubija l-ġdid; iwissi kontra kwalunkwe approċċ kwantitattiv fil-Qafas ta' Sħubija l-ġdid u l-"patti dwar il-migrazzjoni" relatati, li jqisu ż-"żidiet [...] miżurabbli fl-għadd u r-rata ta' ritorni" bħala wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-UE; jirrimarka li l-għadd ta' ritorni jiddependi biċ-ċar min-natura tal-flussi migratorji u mis-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi ta' oriġini; jisħaq fuq il-fatt li l-objettivi f'terminu qasir tal-patti għandhom jikkonċentraw fuq l-aħjar mod kif jiġu indirizzati l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-pajjiżi terzi, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kanali legali għall-migrazzjoni, li bis-saħħa ta' dawn se jonqsu l-livelli ta' migrazzjoni irregolari kif ukoll l-għadd ta' persuni li jitilfu ħajjithom fil-Mediterran; jitlob sabiex jiżdiedu l-boroż ta' studju disponibbli għal żgħażagħ minn pajjiżi terzi; jilqa' l-fatt li l-bini tal-kapaċità u t-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini jibqgħu jingħataw appoġġ mill-programmi tal-UE dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni; jitlob li ssir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' ritorn tal-UE; jirrimarka l-ħtieġa li l-pajjiżi terzi jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet ta' riammissjoni;
50. Jenfasizza l-ħtieġa tal-bini ta' sħubija mill-qrib mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni u li jingħataw l-appoġġ u l-kooperazzjoni meħtieġa fil-ġestjoni tal-flussi migratorji fir-reġjun;
51. Jappella għal sħubijiet għall-mobilità u ftehimiet ta' migrazzjoni ċirkolari biex ikunu aġevolati l-ispostamenti taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi fost il-pajjiżi tagħhom u l-UE u biex ikun sostnut l-iżvilupp soċjoekonomiku taż-żewġ partijiet;
52. Jenfasizza li, fil-qafas tal-attivitajiet ta' taħriġ tagħha u l-iskambju tal-aħjar prattiki ma' pajjiżi terzi, l-UE għandha tiffoka fuq id-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali kif ukoll fuq il-prattiki fil-qasam, inkluż fuq id-drittijiet fundamentali, l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ, kif ukoll fuq it-titjib tal-identifikazzjoni u tal-għajnuna tal-persuni f'sitwazzjoni vulnerabbli; iqis li dan japplika b'mod partikolari għat-taħriġ relatat mal-ġestjoni tal-fruntieri, li kif previst fil-liġi internazzjonali, bl-ebda mod m'għandha tintuża bħala għodda biex il-persuni ma jitħallewx iħallu pajjiżhom;
53. Jitlob l-akbar attenzjoni għat-trattament tal-migranti li jintbagħtu lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom jew f'pajjiż terz; jemmen li kwalunkwe djalogu dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, partikolarment fil-qafas ta' ftehimiet ta' riammissjoni, għandu jinkludi b'mod sistematiku l-kwistjoni tal-integrazzjoni mill-ġdid u tar-ritorn sikur tal-migranti; jenfasizza li dawn għandhom jibbenefikaw minn sigurtà sħiħa u l-protezzjoni kontra t-trattamenti degradanti u inumani, inkluż f'ċentri ta' detenzjoni u li l-UE għandha tappoġġja programmi ta' reintegrazzjoni; jirrimarka li l-ebda persuna ma għandha titkeċċa jew tintbagħat lura bil-forza lejn pajjiżi fejn hemm riskju ta' theddid fuq ħajjitha jew il-libertà tagħha minħabba l-oriġini, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, is-sħubija tagħha fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjonijiet politiċi, jew fejn tiffaċċja riskju ta' tortura, trattament degradanti, u b'mod aktar ġenerali, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jirrimarka li l-espulsjonijiet kollettivi u r-refoulements huma pprojbiti skont id-dritt internazzjonali;
54. Iħeġġeġ lil dawk responsabbli għall-qasam tal-politika barranija u għall-iżvilupp biex jieħdu ħsieb li l-persuni li jiġu rritornati f'pajjiżhom jiġu trattati kif suppost u l-integrità tagħhom tiġi rrispettata; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu programmi ta' appoġġ li jiżguraw li fl-istati ta' oriġini jitwettqu programmi konkreti ta' assistenza li jinkludu kemm programmi ta' taħriġ professjonali kif ukoll programmi mmirati sabiex jinħolqu strutturi ekonomiċi, inklużi negozji ġodda u negozji żgħar, flimkien ma' programmi ta' skambju professjonali u akkademiku mal-Istati Membri;
55. Jissottolinja li l-ftehimiet ta' sħubija bħal sħubijiet ta' mobbiltà, għandhom jiżguraw li l-migranti jistgħu jiġu rċevuti b'mod sikur f'pajjiżi ta' tranżitu u ta' oriġini, b'mod kompletament konsistenti mad-drittijiet fundamentali tagħhom; jisħaq li l-Parlament Ewropew għandu rwol ċar fil-ftehimiet ta' riammissjoni u ta' mobilità tal-UE kif stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona (l-Artikolu 79(3) TFUE) u jenfasizza speċifikament li l-Parlament Ewropew irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu qabel il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' assoċjazzjoni u ftehimiet simili (l-Artikolu 218(6)(v) TFUE) u li jrid jiġi informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura (l-Artikolu 218(10) TFUE);
56. Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament kif espressa fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 fejn xtaq li l-ftehimiet ta' riammissjoni tal-Unjoni jkollhom prijorità fuq dawk bilaterali konklużi mill-Istati Membri ma' pajjiżi terzi; jirrimarka li reċentement tfassal dokument ġdid Ewropew dwar ir-ritorn u jenfasizza li r-rikonoxximent tiegħu għandu jitħeġġeġ b'mod sistematiku fi kwalunkwe ftehim ġdid ta' riammissjoni;
57. Japprezza d-djalogi ta' livell għoli li wettqu l-VP/RGħ u l-Kummissjoni, u f'ċerti każijiet l-Istati Membri f'isem l-UE fit-totalità tagħha, bħala prattiki tajbin u effikaċi li jrawmu l-koordinament; jisħaq fuq il-fatt li l-koordinament għandu jkun f'idejn il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE); jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżommu lill-Parlament informat regolarment b'dawn id-djalogi u jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni operattiva eżatta tal-proċessi ta' Rabat u Khartoum kif ukoll l-inizjattivi prijoritarji maqbula fl-okkażjoni tas-Summit tal-Belt Valletta; jirrimarka għal darb' oħra li sjieda kondiviża ta' sħubiji konklużi bejn l-UE u pajjiżi terzi hija prerekwiżit għas-suċċess tal-politika tal-migrazzjoni tal-UE; jiddispjaċih li l-pakketti maħsuba għall-pajjiżi prijoritarji bħala parti mill-Qafas ta' Sħubija l-ġdid, mill-Kummissjoni, mis-SEAE u mill-Istati Membri, la ġew preżentati, la diskussi u lanqas approvati mir-rappreżentanti eletti taċ-ċittadini Ewropej; jikkundanna dan in-nuqqas ta' trasparenza u jitlob l-involviment tal-Parlament Ewropew fl-iżvilupp ta' patti ta' migrazzjoni u l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tagħhom, li għandhom jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, il-liġi umanitarja internazzjonali u l-impenji tat-Trattat tal-UE dwar l-iżvilupp;
58. Josserva li t-twettiq tal-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli jirrikjedi li l-UE u l-pajjiżi sħab jintegraw id-dinamika tal-migrazzjoni ġestita sew fl-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli rispettivi tagħhom; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jgħinu lill-pajjiżi ta' tranżitu jfasslu strateġiji ta' integrazzjoni tal-immigranti u jistabbilixxu sistemi tal-asil bi standards għolja ta' protezzjoni;
59. Jissottolinja li l-assistenza u l-kooperazzjoni tal-UE jeħtieġu jkunu mfassla mill-qrib biex jinkiseb l-iżvilupp u t-tkabbir f'pajjiżi terzi - biex b'hekk jiġi promoss ukoll it-tkabbir fi ħdan l-UE, u biex bi qbil mal-Artikolu 208 tat-TFUE, jitnaqqas u eventwalment jinqered il-faqar f'pajjiżi terzi u mhux biex jiġu inċentivizzati sabiex jikkooperaw fir-riammissjoni ta' migranti irregolari jew li biex in-nies jiġu skoraġġuti bil-forza milli jiċċaqilqu, jew biex jitwaqqfu l-flussi lejn l-Ewropa; ifakkar li kemm il-pajjiżi donaturi kif ukoll il-gvernijiet ta' pajjiżi li qed jirċievu l-għajnuna għandhom jaħdmu biex itejbu l-effikaċja tal-għajnuna, jirrimarka li l-flussi migratorji huma realtà internazzjonali u ma għandhomx isiru indikatur tal-prestazzjoni tal-politiki ta' migrazzjoni esterni tal-UE, u li l-ftehimiet ma' pajjiżi terzi jeħtieġ li jiġu ggwidati minn objettivi fit-tul u billi jiġu stabbiliti sħubiji dejjiema u bir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
60. Jenfasizza l-importanza li s-soċjetà ċivili tiġi kkonsultata fil-qafas tal-politiki esterni kollha tal-UE, b'attenzjoni partikolari lill-parteċipazzjoni sħiħa, lit-trasparenza u lit-tixrid xieraq tal-informazzjoni fil-politiki kollha u l-proċessi kollha relatati mal-migrazzjoni;
61. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-NGOs u l-esperti li jaħdmu fil-pajjiżi ta' oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil sabiex jitfasslu l-aħjar modi possibbli biex jgħinu lill-individwi u lill-gruppi soċjali fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-NGOs u lill-esperti fil-pajjiżi ta' oriġini ta' dawk li jfittxu l-asil sabiex issib il-mekkaniżmu u l-għodda ta' prevenzjoni tal-kunflitti li jiffunzjonaw l-aħjar;
62. Jenfasizza li sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, jiġi mmassimizzat l-impatt u l-effettività tal-għajnuna globali u jiġi żgurat li l-attenzjoni ewlenija tkun fuq l-iżvilupp, il-Kummissjoni għandha żżomm djalogu b'saħħtu mal-NGOs lokali u internazzjonali, mas-soċjetà ċivili u mal-gvernijiet lokali fil-pajjiżi sħab kif ukoll man-NU għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni, l-ispostament u r-rifuġjati;
63. Jiġbed l-attenzjoni lejn l-intenzjoni li jiġu riveduti d-dokumenti ta' programmar ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp biex jinkisbu l-patti ġodda ta' migrazzjoni; jenfasizza li din ir-reviżjoni għandha titwettaq f'konformità ma' prinċipji tal-effettività tal-iżvilupp u fi djalogu mal-pajjiżi sħab, Ewropej u l-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili u s-settur privat; jistieden lill-Parlament ikun involut bis-sħiħ f'kull stadju tar-reviżjoni, inkluż id-dokumenti ta' programmazzjoni skont il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ); jistieden lill-Istati Membri jirriformaw f'dan is-sens l-għajnuna għall-iżvilupp tagħhom, skont l-impenn ta' 0,7 % tal-ING, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli;
64. Jappella għal diskussjoni bbilanċjata bejn l-UE u s-sħab esterni tagħha; jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri tagħha jintrabtu li jipprovdu aktar opportunitajiet ta' migrazzjoni legali lejn l-UE, kemm jekk ikunu qed ifittxu protezzjoni, impjieg kif ukoll għal għanijiet edukattivi, jew ta' riunifikazzjoni tal-familja;
65. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu t-trasferiment aktar mgħaġġel, orħos u aktar sikur tar-rimessi tal-migranti kemm fil-pajjiżi ta' oriġini kif ukoll fil-pajjiżi destinatarji, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet kif stipulat fid-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016;
66. Jinsab ferm imħasseb bil-kunflitt kontinwu fis-Sirja, li matulu l-vjolenza kontra l-persuni ċivili, l-attakki fuq infrastrutturi ċivili u fuq sptarijiet u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali f'dawn l-aħħar ħames snin wasslu għall-ispostament furzat ta' nofs il-popolazzjoni; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jtejbu l-mezzi ddedikati għall-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżi u biex jiżvolġu rwol akbar fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-viċinat tagħha u b'mod partikolari fil-kunflitt Sirjan; jesprimi s-sostenn totali tiegħu lill-pajjiżi fil-viċinat tas-Sirja, li qegħdin ikomplu juru solidarjetà straordinarja billi jilqgħu miljuni ta' rifuġjati minkejja r-riżorsi limitati; ifakkar li numru kbir minn dawn ir-rifuġjati għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet foqra mingħajr aċċess jew b'aċċess limitat għar-rikonoxximent legali, għas-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni jew is-swieq tax-xogħol; jinsab imħasseb sew dwar id-destin u s-sitwazzjoni umanitarja ta' 75 000 persuna maqbuda fuq il-fruntiera tal-Ġordan fil-kamp informali ta' Rukban; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu bil-kooperazzjoni u jżiduha flimkien mad-djalogu tagħhom mal-Libanu u l-Ġordan, u biex iżidu l-appoġġ finanzjarju tagħhom kemm permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u kanali Ewropej, kif ukoll flimkien ma' pajjiżi terzi ospitanti, biex jiżguraw li, l-ewwel nett, popolazzjonijiet ta' rifuġjati jkunu jistgħu jgawdu kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti, u l-aċċess għas-servizzi bażiċi, u jingħataw drittijiet ta' moviment liberu u ta' opportunitajiet ta' xogħol, u, it-tieni nett, li l-fondi jilħqu l-għanijiet finali tagħhom; jenfasizza li dan għandu jkun akkumpanjat minn assistenza għall-komunitajiet ospitanti sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika tagħhom;
67. Jinnota li, wara l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku milħuq mill-Istati Membri u mit-Turkija fit-18 ta' Marzu 2016, in-numru ta' persuni li jaslu fl-Istati Membri l-aktar esposti naqsu; jissottolinja t-tħassib dwar dan il-ftehim politiku kif iddikjarat pubblikament minn organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali, partikolarment fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali; jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija u l-impatt li din jista' jkollha dwar jekk titqiesx bħala pajjiż sikur; jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-viża għat-Turkija ma tridx titqies bħala premju għall-kooperazzjoni mal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni, iżda riżultat ta' osservazzjoni stretta tal-kriterji kollha stabbiliti mill-UE; iwissi kontra r-riproduzzjoni ta' dan il-mudell f'pajjiżi oħra peress li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-partikolaritajiet ta' kull pajjiż u ta' kull reġjun;
68. Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, fejn il-ksur tad-drittijiet bażiċi bħal-libertà tal-espressjoni u tal-assemblea jseħħ kostantement, fejn il-popolazzjoni tax-Xlokk tal-pajjiż hija mhedda mill-Gvern tagħha stess, fejn aktar minn 30 000 impjegat pubbliku tkeċċa għal raġunijiet politiċi, u fejn aktar minn 130 organizzazzjoni tal-midja ingħalqu mill-awtoritajiet;
69. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' konsultazzjoni u trasparenza fit-Triq Konġunta 'l Quddiem li ġiet iffirmata dan l-aħħar dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE li hija ffukata primarjament fuq riammissjonijiet u li tikkomtempla ritorni bla limitu taċ-ċittadini Afgani, kemm jekk fuq bażi volontarja jew le; jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi possibbli fuq persuni Afgani li jfittxu l-asil, li fl-2016 kienu jammontaw għat-tieni l-akbar grupp nazzjonali fl-UE ta' persuni li japplikaw għal asil; ifakkar li r-ritorni jistgħu jseħħu biss wara li jkun tqies kull każ individwali b'rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jallokaw ir-riżorsi meħtieġa biex jitħaffu l-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji attwali;
70. Jiddispjaċih ħafna li fil-qafas ta' politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u fir-rispons għall-movimenti tar-rifuġjati, l-UE u l-Istati Membri tagħha ddeċidew li jikkonkludu ftehimiet ma' pajjiżi terzi, li jevitaw l-iskrutinju parlamentari marbut mal-metodu Komunitarju; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi tal-inqas Mekkaniżmu ta' Evalwazzjoni darbtejn fis-sena ta' kwalunkwe dikjarazzjoni politika ffirmata ma' pajjiżi terzi sabiex tiġi evalwata t-tkomplija jew il-konklużjoni ta' dawn il-ftehimiet; jenfasizza l-ħtieġa għall-inklużjoni ta' salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem f'kull ftehim konkluż fil-qafas tal-politiki tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati;
71. Jenfasizza li l-politika tal-UE dwar l-Afrika hija waħda mill-elementi ewlenin għall-istabbiltà u l-iżvilupp fl-għexieren ta' snin li ġejjin; iqis li l-UE teħtieġ tibqa' tiffoka fuq il-faxxa ta' pajjiżi mir-reġjun tas-Saħel sal-Qarn tal-Afrika, kif ukoll żoni ta' instabbiltà fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar tagħha; jenfasizza r-rabta bejn l-iżvilupp, is-sigurtà u l-migrazzjoni u jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' konflitti, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-għeruq fundamentali tad-destabbilizzazzjoni, l-ispostament sfurzat u l-migrazzjoni irregolari, fil-promozzjoni tar-reżiljenza u tal-opportunitajiet ekonomiċi u indaqs u fil-prevenzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li l-UE għandha taqdi rwol ċentrali fl-istabbilizzazzjoni tal-Libja, anke bħala mezz biex jitwaqqfu l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li qed iseħħu u li jaffettwaw lil-Libjani, lir-rifuġjati u lill-migranti;
Mezzi xierqa għall-azzjoni
72. Jirrikonoxxi l-proposta tal-Kummissjoni għal Pjan ta' Investiment Estern (PIE) ġdid u ambizzjuż għall-mobilizzazzjoni tal-investimenti fil-pajjiżi tal-viċinat tal-UE u fil-pajjiżi terzi li qed jiżviluppaw, sakemm dak il-pjan jiġi implimentat b'mod kompletament trasparenti u l-investimenti jgħinu biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-pajjiżi benefiċjarji u biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u l-governanza ħażina; jikkonstata li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) propost ser ikun iffinanzjat parzjalment permezz tal-allokazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), li jikkostitwixxi l-użu ta' Fondi għall-Iżvilupp għall-promozzjoni ta' investiment mis-settur privat; iqis li s-sostenn lis-setturi privati fil-pajjiżi terzi filwaqt li jitrawwem ambjent ta' governanza u ta' prattiki ta' negozju tajbin ma għandux jiġi ppreżentat bħala miżura ġdida iżda għandu jissaħħaħ aktar; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-koerenza bejn l-istrumenti finanzjarji esterni, pereżempju d-DCI u l-FEŻ, u proġetti bil-għan li l-assistenza tal-UE tkun ikkonċentrata fuq il-prijoritajiet u jkun evitat li l-fondi u l-isforzi jkunu sparpaljati; jisħaq il-ħtieġa ta' addizzjonalità sistematika, kemm fl-għażla tal-politiki li se jingħataw appoġġ kif ukoll fl-implimentazzjoni finanzjarja tagħhom;
73. Jissottolinja li s-somma ta' EUR 3,35 biljun allokati għal Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) ġdid bħala parti mill-PIE tikkorrispondi għal aktar minn 5 % tal-fondi totali disponibbli mill-FEŻ, id-DCI u l-ENI taħt il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP); jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji dwar din l-istima, u dwar l-impatt mistenni, u tindika skont liema bażi qed tistenna li l-Istati Membri, donaturi oħra u sħab privati jikkontribwixxu sa EUR 44 biljun għaliha, meta xi Stati Membri għad iridu jikkontribwixxu għal Fondi Fiduċjarji attwali;
74. Jirrakkomanda li għandhom jiġu allokati riżorsi adegwati għal miżuri mfassla apposta għall-ħin li jqattgħu r-rifuġjati u IDPs taħt arranġamenti ta' protezzjoni temporanja, li jeħtieġ ikun perjodu mimli b'opportunitajiet għal tkabbir u taħriġ għall-ġenerazzjonijiet kollha, u li tiġi pprovduta edukazzjoni għat-tfal, taħriġ vokazzjonali għaż-żgħażagħ u impjiegi għall-adulti; jemmen li dan se jiżgura li, meta jsir possibbli għalihom li jirritornaw lejn darhom, dawn in-nies se jkunu "riġenerati" u jkunu jistgħu jagħtu spinta ġdida lil pajjiżhom, minflok ma dawn jiterrew minn snin ta' stennija mingħajr prospetti reali;
75. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-QFP, partikolarment fir-rigward tal-fatt li l-baġit tal-UE jiġi mogħni bi strumenti ta' kriżi akbar; jistenna li r-reviżjoni proposta tar-regoli finanzjarji se żżid ir-responsabbiltà u l-ġestjoni finanzjarja tajba; jenfasizza li l-indirizzar tal-kawżi profondi tal-flussi migratorji jinvolvi wkoll l-appoġġ favur il-pajjiżi terzi fil-bini tal-kapaċitajiet;
76. Jissottolinja li l-UE trid tipprovdi lilha nnifisha bil-mezzi neċessarji biex tikseb l-objettivi tagħha u twettaq il-politiki tagħha (l-Artikolu 311 TFUE), peress li mingħajr biżżejjed finanzjamenti, l-UE ma tistax taqdi l-funzjonijiet li mistennija taqdi, u lanqas ma tista' tilħaq l-aspettativi tal-poplu Ewropew; jissottolinja l-prezz uman, politiku u ekonomiku tan-nuqqas ta' azzjoni; josserva li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) – jew, l-aktar l-aktar, in-negozjati tal-QFP li jmiss – toffri opportunità neċessarja għar-reviżjoni tal-istrumenti esterni relatati mal-migrazzjoni, kif ukoll biex jiżdied il-baġit tal-UE b'tali mod u manjiera li jkun possibbli li jintemmu l-istrumenti ad hoc u terġa' tinġieb l-unità tal-baġit; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li l-Parlament jingħata rwol ta' sorveljanza ewlieni anke f'dan il-qasam; jiddispjaċih bil-kbir li l-Kummissjoni ma pproponietx żieda tal-mezzi baġitarji għal azzjoni esterna - intestatura baġitarja li diġà kienet relattivament baxxa - iżda minflok qed tirridirezzjona l-istrumenti ta' żvilupp lejn il-migrazzjoni u b'hekk tiddevjhom minn prijoritajiet oħrajn;
77. Jinnota li r-riorjentament tal-istrumenti ta' finanzjament estern lejn is-sigurtà, il-bini tal-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri kollha joħolqu sfidi ġodda fir-rigward tal-objettivi u l-prinċipji inizjali ta' dawn l-istrumenti;
78. Jissottolinja li l-indirizzar ta' diżastri u vulnerabbiltajiet ġodda u kroniċi jeħtieġ investiment prevedibbli fit-tul u l-konformità mal-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli ġdida, l-aktar billi jiġu promossi l-valutazzjoni tar-riskju, l-ippjanar u l-finanzjament konġunti bejn l-atturi impenjati fil-livell umanitarju, tal-iżvilupp, tal-bini tal-paċi u tat-tibdil fil-klima;
79. Jemmen li r-rispett tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jridu jkunu s-sisien ċentrali tal-azzjoni tal-UE fil-pajjiżi ta' oriġini; jenfasizza l-importanza li jsiru kontrolli xierqa dwar l-użu ta' finanzjament għal pajjiżi terzi, sabiex jiġi żgurat li dan jintuża għall-iskop maħsub tiegħu;
80. Jikkonstata li l-ħolqien ta' fondi fiduċjarji u strumenti finanzjarji ad hoc, filwaqt li jgħin il-ġbir tar-riżorsi neċessarji u jagħti ħeffa u flessibilità lill-azzjoni tal-UE, jista' jipperikola wkoll il-prinċipji ta' żvilupp effikaċi u jimmina l-unità tal-baġit kif ukoll l-awtorità baġitarja tal-Parlament; jappella, għalhekk, li l-Parlament jingħata rwol superviżorju akbar fl-użu ta' dawn l-istrumenti, inkluż - iżda mhux biss limitat għal - billi jipparteċipa fil-kumitati ta' tmexxija; ifakkar li l-effikaċja tal-fondi fiduċjarji tiddependi bil-kbir mill-fatt jekk l-Istati Membri humiex disposti li jikkontribwixxu u jkunu involuti bis-sħiħ; iħeġġeġ li strumenti simili jitqegħdu taħt is-superviżjoni tal-Parlament u jitlob linji gwida dwar l-inkorporazzjoni tagħhom fil-baġit tal-UE u dwar l-ambitu tas-setgħat tiegħu;
81. Jirrimarka li suppost kellhom jitħallsu EUR 3,6 biljun lill-fond fiduċjarju ta' emerġenza għall-istabilità u għall-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u tal-persuni spostati fl-Afrika, liema fond ġie mniedi fis-Summit tal-Belt Valletta; jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu ammont simili għall-ammont ta' EUR 1,8 biljun rilaxxat mill-Kummissjoni;
82. Jappella biex il-fondi fiduċjarji jsegwu l-istess regoli u regolamenti li japplikaw għal strumenti ta' finanzjament tradizzjonali tal-UE fir-rigward tat-trasparenza, it-trattament ugwali tas-sħab u l-kapaċità li jiġi pprovdut finanzjament prevedibbli u f'waqtu lis-sħab;
83. Jesprimi tħassib li l-abbozz ta' baġit tal-UE għall-2017 jipprevedi żieda fil-proċess ta' ġestjoni tal-flussi ta' migrazzjoni jew ta' inizjattivi tas-sigurtà interna għad-dannu tal-fondi ta' koeżjoni tal-UE u tal-azzjoni madwar id-dinja;
84. Jistieden lill-UE tevalwa b'attenzjoni u b'mod sistematiku l-impatt tal-azzjonijiet iffinanzjati fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-ispostament u r-rifuġjati abbażi tal-kwalità tat-twassil tal-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp;
85. Jenfasizza li appoġġ immirat ibbażat fuq is-sitwazzjoni lokali huwa element ewlieni ta' politika effiċjenti u orjentata lejn ir-riżultati, u li appoġġ simili għandu jiġi nnegozjat ma' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw objettivi ċari u li jistgħu jitkejlu li għandhom jiġu implimentati permezz ta' strumenti finanzjarji inklużi Fondi Fiduċjarji, b'mod koerenti u koordinat;
86. Jilqa' l-użu tal-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) bħall-EUCAP Sahel Niger u EUNAVFOR MED Operazzjoni Sophia, li għandhom ikomplu jissaħħu bħala mezz ta' protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, u ta' prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' migrazzjoni illegali; jappoġġja l-kooperazzjoni man-NATO u l-inizjattivi tal-UE bħat-Tim Operattiv Konġunt (TOK) Mare biex tinġabar l-informazzjoni tal-intelligence u jkunu miġġielda t-traffikanti, u jissottolinja li l-mobilità globali ma għandhiex titqies bħala theddida iżda bħala opportunità; ifakkar f'dan il-kuntest li l-fatt li jiġu salvati ħajjiet fuq il-baħar u l-iżgurar tad-drittijiet tal-migranti jridu jkunu ta' importanza ewlenija f'dawn l-operazzjonijiet kollha; jirrakkomanda l-użu tal-istrumenti tal-PSDK għat-twissija bikrija (tbassir), għall-medjazzjoni u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, filwaqt li jisħaq fuq l-importanza li jinbeda l-ippjanar mill-aktar fis possibbli ta' soluzzjonijiet dejjiema f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt;
87. Ifakkar is-Sħubija Strateġika bejn in-NU-UE dwar iż-Żamma tal-Paċi u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet u l-prijoritajiet tagħha għall-perjodu 2015-2018, kif maqbula f'Marzu 2015; iħeġġeġ aktar ħidma mill-UE sabiex tieħu kont tar-rwol ewlieni ta' organizzazzjonijiet u pajjiżi oħrajn u l-iffaċilitar tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri; jiddeplora l-fatt li 11 biss mit-28 Stat Membru ħadu impenn fis-Summit tal-Mexxejja dwar iż-Żamma tal-Paċi tat-28 ta' Settembru 2015; jappella lill-Istati Membri tal-UE sabiex iżidu b'mod sinifikanti l-kontributi militari u ta' pulizija tagħhom għall-missjonijiet taż-żamma ta' paċi tan-NU;
88. Jilqa' u jappoġġja l-inizjattivi tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex isostni r-reżiljenza ekonomika fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE u fir-reġjuni tal-Balkani tal-Punent permezz ta' proġetti li jwasslu għall-ħolqien ta' impjiegi, reżiljenza ekonomika u t-tnaqqis tal-faqar f'konformità mal-linji politiċi esterni tal-Unjoni Ewropea;
89. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipprovdu lill-Parlament u lill-pubbliku, mill-aktar fis possibbli, stampa dettaljata tad-diversi strumenti u programmi ta' finanzjament, u l-mod kif jiffunzjonaw flimkien mal-programmi tal-Istati Membri, fis-16-il pajjiż prijoritarju(6) li magħhom l-UE tipparteċipa fi djalogi ta' livell għoli dwar il-migrazzjoni, skont l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM); jinsab serjament imħasseb li fost il-pajjiżi prijoritarji hemm reġimi ripressivi li huma stess huma l-kawża prinċipali għalfejn rifuġjati jaħarbu minn pajjiżhom; ifakkar li l-GAMM għadu l-qafas ġenerali tal-politika esterna tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-asil, iżda jinnota li l-inizjattivi politiċi reċenti għamlu referenza limitata għalih u jappella għal kjarifika dwar ir-rilevanza tal-GAMM fil-kuntest attwali kif ukoll rieżami tal-GAMM skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-IOM;
90. Jilqa' l-iskjerament ta' Uffiċjali ta' Kollegament dwar il-Migrazzjoni Ewropea f'pajjiżi prijoritarji bħala l-ewwel pass biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni; jirrakkomanda t-tisħiħ tal-persunal li jittrattaw kwistjonijiet dwar il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fi ħdan id-Delegazzjonijiet tal-UE, u li jkollhom mandat ċar għall-iżvilupp tal-koordinazzjoni fi ħdan l-Istati Membri;
91. Jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ deċentralizzat minflok ma jitkompla approċċ ċentralizzat minn Brussell, billi jsir użu aħjar tad-Delegazzjonijiet tal-UE - li saru għodda ta' valur kbir f'perjodu ta' żmien qasir ħafna - u biex tiġi applikata flessibilità akbar u perjodi ta' programmar aktar qosra għall-pajjiżi li jinsabu f'riskju; jitlob għall-ħatra ta' koordinaturi reġjonali li jkollhom il-kapaċità li jmexxu l-iżvilupp u l-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet esterni sabiex jiżguraw approċċ koerenti bbażat fuq is-sitwazzjoni lokali fuq il-post;
92. Jirrakkomanda l-promozzjoni, bl-appoġġ tal-UE, ta' kampanji ta' informazzjoni fil-pajjiżi terzi li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' mobilità tagħhom u li jwissuhom dwar ir-riskji li jistgħu jiffaċċjaw matul il-vjaġġ tagħhom - b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni illegali u traffikanti - sabiex jgħinuhom jilħqu l-aktar deċiżjoni informata;
93. Jitlob li l-programmi ta' ġemellaġġ u l-azzjoni TAIEX jintużaw aħjar, mhux sempliċiment għal skambji tal-aħjar prattiki u taħriġ iżda wkoll għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni bi sforz speċjali fuq il-pajjiżi li jinsabu taħt pressjoni;
o o o
94. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tas-16-il pajjiż prijoritarju identifikat fil-Qafas ta' Sħubija l-ġdid ma' pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw migranti u rifuġjati u li jaħdmu magħhom.