Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2742(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0565/2017

Testi mressqa :

B8-0565/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 24/10/2017 - 5.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0401

Testi adottati
PDF 277kWORD 56k
It-Tlieta, 24 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu
Dokument ta' riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE
P8_TA(2017)0401B8-0565/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (2017/2742(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(3),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE tat-28 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar il-kapaċità baġitarja għaż-żona tal-euro(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jinsab konvint li ma jistax ikun hemm dibattitu dwar il-finanzjament futur tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jitqiesu t-tagħlimiet misluta mill-oqfsa finanzjarji pluriennali (QFP) preċedenti u b'mod partikolari dak tal-2014-2020; jindika n-nuqqasijiet gravi tal-QFP attwali li kellu jiġġebbed sal-limiti tiegħu biex jipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex l-Unjoni setgħet tikkonfronta għadd ta' kriżijiet serji u sfidi ġodda, kif ukoll tiffinanzja l-prijoritajiet politiċi ġodda tagħha; jisħaq fuq il-konvinzjoni tiegħu li l-livell baxx tal-QFP attwali ma rriżultax biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-ambizzjonijiet politiċi reali tal-Unjoni;

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-preżentazzjoni tal-Kummissjoni tad-Dokument ta' Riflessjoni tagħha dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE; jinnota li l-Kummissjoni ssarraf f'termini baġitarji l-ħames xenarji għall-mudell ġejjieni tal-Unjoni Ewropea, hekk kif ġew ippreżentati fil-White Paper tagħha dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa ta' Marzu 2017, filwaqt li tindirizza għadd ta' karatteristiċi u prinċipji bażiċi tal-baġit tal-UE; jaqbel mal-metodoloġija proposta u jieħu pożizzjoni pożittiva fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-QFP tal-futur irid jissejjes fuq viżjoni ċara tal-prijoritajiet tal-Ewropa; jafda li dan id-dokument jistabbilixxi struttura ċara għad-diskussjonijiet u jiftaħ dibattitu politiku meħtieġ ferm dwar l-orjentament, l-iskop u l-livell tal-baġit tal-UE fid-dawl tal-objettivi fundamentali u l-isfidi ġejjiena tal-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jikkonsultaw liċ-ċittadini u jassumu rwol attiv u kostruttiv huma u jippjanaw il-viżjoni tagħhom għall-futur tal-baġit tal-UE;

3.  Jiddispjaċih bil-fatt, madankollu, li erbgħa mill-ħames xenarji li ġew ippreżentati ("Inkomplu kif aħna", "Nagħmlu anqas flimkien", "Uħud jagħmlu iżjed" u "Tfassil radikali mill-ġdid") ifissru li effettivament kien hemm tnaqqis fl-ambizzjonijiet tal-Unjoni u jipprevedu r-riduzzjoni ta' żewġ politiki ewlenin tal-UE, u pedamenti tal-proġett Ewropew, li ilhom li ġew stabbiliti permezz tat-Trattati, jiġifieri l-politika agrikola komuni u l-politika ta' koeżjoni; jisħaq fuq il-pożizzjoni li ilu li adotta dwar il-fatt li jkun xieraq li l-prijoritajiet politiċi addizzjonali jiġu abbinati ma' mezzi finanzjarji addizzjonali u ma jiġux iffinanzjati b'detriment għall-politiki eżistenti tal-UE; jikkunsidra li l-ħames xenarju ("Flimkien isir ferm aktar") huwa punt ta' tluq pożittiv u kostruttiv għad-diskussjoni li qed issir bħalissa rigward il-futur tal-finanzi tal-UE u, konsegwentement, il-mudell ġejjieni tal-Unjoni Ewropea; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa xenarju li jqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament bil-għan li tingħata tweġiba lill-isfidi attwali u futuri kif ukoll tiġi definita ġabra ġdida ta' prijoritajiet;

4.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 311 TFUE, l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha; jemmen li n-nuqqasijiet tal-QFP attwali u l-kobor tal-prijoritajiet il-ġodda, kif ukoll l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit kollha jindikaw l-istess konklużjoni: hemm bżonn li jinqabeż il-limitu massimu għall-infiq ta' 1 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-UE u, għaldaqstant, li l-baġit tal-Unjoni jiżdied b'mod sinifikanti bil-għan li tingħata tweġiba lill-isfidi li għandna quddiemna; jopponi, f'dan il-kuntest, kwalunkwe tnaqqis nominali fil-volum tal-baġit tal-UE fil-QFP li jmiss, u jemmen għaldaqstant li l-QFP li jmiss jenħtieġ li jiffissa l-livell ta', almenu, 1,23 % tal-ING tal-UE; huwa favur diskussjoni fost l-Istati Membri dwar il-kwistjoni;

5.  Jiddispjaċih bil-fatt li l-finanzjament predominanti tal-baġit tal-UE joriġina mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq l-ING minflok minn riżorsi proprji ġenwini, kif previst fit-Trattati tal-UE; itenni l-impenn tiegħu favur riforma vera u proprja tas-sistema ta' riżorsi proprji tal-UE, bil-prinċipji tas-sempliċità, tal-ekwità u tat-trasparenza bħala prinċipji gwida, u bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji; jisħaq li kwalunkwe sistema ta' dan it-tip imissha tinkludi pakkett ibbilanċjat ta' riżorsi proprji ġodda għall-UE maħsub li jirfed l-objettivi strateġiċi tal-UE u li jkun tajjeb li jiġi introdott progressivament biex jipprovdi finanzi aktar ġusti u stabbli lill-UE; jirrileva barra minn hekk li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jipprovdi opportunità biex jintemmu l-mekkaniżmi ta' korrezzjoni kollha; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta proposti leġiżlattivi ambizzjużi għal dan l-iskop u jirrimarka li kemm in-naħa tal-infiq kif ukoll in-naħa tad-dħul tal-QFP li jmiss se jiġu ttrattati bħala pakkett wieħed fin-negozjati ġejjiena;

6.  Jinsab konvint li, sakemm il-Kunsill ma jaqbilx li jżid b'mod sinifikanti l-livell tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tiegħu għall-baġit tal-UE, l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġodda tal-UE tibqa' l-unika alternattiva biex il-QFP li jmiss jiġi ffinanzjat b'mod adegwat sa livell li jikkorrispondi għall-bżonnijiet u l-ambizzjonijiet politiċi reali tal-Unjoni; jistenna għaldaqstant li l-Kunsill jieħu pożizzjoni politika rigward din il-kwistjoni, fid-dawl tal-fatt li m'għadux konċepibbli li riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE tista' de facto tiġi mblukkata; ifakkar li, f'dan ir-rigward, ir-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji ġie adottat b'unanimità mill-membri kollha tiegħu, fosthom minn dawk il-membri maħtura mill-Kunsill;

7.  Jilqa' pożittivament l-intenzjoni tal-Kummissjoni li telabora l-baġit futur tal-UE abbażi tal-prinċipji ta' valur miżjud għall-UE, b'enfasi fuq il-prestazzjoni, l-obbligu ta' rendikont, aktar flessibilità fi ħdan qafas stabbli u regoli ssemplifikati, kif inhuma ppreżentati fid-dokument ta' riflessjoni;

8.  Jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza ta' evalwazzjoni bir-reqqa tal-effiċjenza u tal-effikaċja tal-politiki, tal-programmi u tal-istrumenti attwali tal-UE; jistenna b'interess, f'dan ir-rigward, ir-riżultati tar-rieżami tal-infiq li għaddejja bħalissa u jistenna li jitqiesu fit-tfassil tal-QFP ta' wara l-2020; jissottolinja, b'mod partikolari, il-bżonn li tiġi żgurata r-rata ta' suċċess tal-programmi tal-UE b'eċċess imdaqqas tad-domanda minn naħa, u jiġu ddeterminati r-raġunijiet għall-implimentazzjoni mhux biżżejjed, min-naħa l-oħra; iqis li huwa importanti li jinkisbu sinerġiji bejn il-baġit tal-UE u dawk nazzjonali, u li jkunu previsti l-mezzi għall-monitoraġġ tal-livell u tal-prestezzjoni tal-infiq fil-livelli nazzjonali u tal-UE;

9.  Jirrikonoxxi li r-riċerka għal valur miżjud Ewropew hija kwistjoni fundamentali li trid tiġi indirizzata, u jaqbel li l-baġit tal-Unjoni jmissu jservi, fost affarijiet oħra, ta' għodda biex jinkisbu l-objettivi tat-Trattati u jkunu pprovduti beni pubbliċi Ewropej; jindika madankollu l-fatt li l-kunċett ta' valur miżjud Ewropew intrinsikament jinkludi diversi aspetti u huwa miftuħ għal bosta interpretazzjonijiet, u jwissi kontra kwalunkwe tentattiv li din id-definizzjoni tintuża biex tiġi kkontestata r-rilevanza tal-politiki u tal-programmi tal-UE fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi purament kwantitattivi jew għal terminu qasir; jemmen li hemm valur miżjud ċar meta azzjoni fil-livell Ewropew:

   tmur oltre minn dak possibbli bl-isforzi nazzjonali, reġjonali jew lokali (effett konsegwenzjali),
   tinċentiva azzjonijiet fil-livel nazzjonali, reġjonali jew lokali biex jinkisbu l-objettivi tat-Trattat tal-UE li nkella ma jkunux jinkisbu,
   issostni l-azzjonijiet li jistgħu jkunu ffinanzjati biss bis-saħħa ta' akkomunament ta' riżorsi fil-livell tal-UE minħabba r-rekwiżiti ta' finanzjament ferm għoljin tagħhom, jew
   tikkontribwixxi għall-istabbiliment u għas-sostenn tal-paċi u tal-istabilità fil-viċinat tal-UE u lil hinn;

jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa ulterjorment il-kunċett tal-valur miżjud Ewropew filwaqt li tqis l-ispeċifiċitajiet territorjali; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi indikaturi tal-prestazzjoni għal dan il-għan;

10.  Jikkunsidra li jkun tajjeb li l-istruttura tal-QFP li jmiss trendi l-baġit tal-UE aktar faċli biex jinqara miċ-ċittadini tal-UE u aktar komprensibbli għalihom, u tippermetti preżentazzjoni aktar ċara tal-oqsma kollha tal-infiq tal-UE; ifakkar, fl-istess ħin, fil-ħtieġa li jiġu ffaċilitati kemm il-kontinwità tal-ippjanar kif ukoll il-flessibilità fi ħdan l-intestaturi; jemmen li jkun xieraq li l-istruttura kumplessiva tal-QFP tirrifletti d-dibattiti politiċi dwar il-pilastri u l-orjentament ewlenin tal-infiq tal-UE, inklużi l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir u l-innovazzjoni, it-tibdil fil-klima, is-solidarjetà, is-sigurtà u d-difiża; jinsab konvint għaldaqstant li hemm bżonn ta' aġġustament għall-intestaturi attwali tal-QFP;

11.  Jemmen li l-baġit tal-UE jrid ikun trasparenti u demokratiku; ifakkar fl-impenn sod tiegħu favur il-kunċett tal-unità tal-baġit tal-UE u jikkontesta l-ħtieġa u l-valur miżjud li jinħolqu strumenti addizzjonali barra mill-QFP; itenni l-pożizzjoni li ilu li adotta dwar il-fatt li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, flimkien mal-istrumenti l-oħra barra mill-QFP, imissu jiġi integrat fil-baġit tal-Unjoni; jisħaq fuq il-fatt li tali integrazzjoni jenħtieġ li tinvolvi ż-żieda tal-pakketti finanzjarji rispettivi ta' dawk l-istrumenti mal-limiti massimi tal-QFP attwali, bil-għan li ma jkunx kompromess il-finanzjament tal-politiki u tal-programmi l-oħrajn tal-UE;

12.  Jirrimarka li, wara li ġew eżawriti l-marġnijiet disponibbli kollha, l-awtorità baġitarja approvat il-mobilizzazzjoni sostanzjali tad-dispożizzjonijiet ta' flessibilità u l-istrumenti speċjali inklużi fir-regolament dwar il-QFP biex tiggarantixxi l-approprjazzjonijiet addizzjonali meħtieġa bħala reazzjoni għall-kriżijiet jew għall-finanzjament ta' prijoritajiet politiċi ġodda matul il-QFP attwali; jissottolinja l-fatt li waqt ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, tneħħew diversi ostakli għall-mekkaniżmi ta' flessibilità tal-QFP, b'mod li jippermetti aktar flessibilità taħt il-qafas finanzjarju attwali;

13.  Jissottolinja f'dan il-kuntest il-fatt li jkun xieraq li l-QFP li jmiss jiddisponi direttament għal-livell adegwat ta' flessibilità li jippermetti li l-Unjoni tirreaġixxi għaċ-ċirkostanzi imprevisti u tiffinanzja l-prijoritajiet politiċi tagħha huma u jevolvu; jemmen għalhekk li d-dispożizzjonijiet dwar il-flessibilità tal-QFP imisshom jippermettu li l-marġnijiet mhux allokati kollha, flimkien mal-approprjazzjonijiet diżimpenjati, jiġu riportati mingħajr ebda restrizzjoni għas-snin finanzjarji sussegwenti u jiġu mobilizzati mill-awtorità baġitarja, għal kwalunkwe skop li tqis li jkun hemm bżonn, fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali; jappella barra minn hekk favur it-tqawwija sinifikanti tal-istrumenti speċjali tal-QFP, li suppost jingħaddu oltre l-limitu massimu tal-QFP kemm għall-impenji u kemm għall-pagamenti, kif ukoll favur il-ħolqien ta' riżerva għall-kriżijiet separata li suppost tippermetti l-mobilizzazzjoni immedjata tar-riżorsi fil-każ ta' emerġenza;

14.  Huwa favur semplifikazzjoni reali u konkreta tar-regoli ta' implimentazzjoni għall-benefiċjarji kif ukoll tnaqqis tal-piż amministrattiv; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tidentifika u telimina sovrappożizzjonijiet bejn l-istrumenti offruti mill-baġit tal-UE li jimmiraw lejn objettivi simili u jservu tipi simili ta' azzjonijiet; huwa tal-opinjoni, madankollu, li jkun tajjeb li tali semplifikazzjoni ma tissarrafx fis-sostituzzjoni tal-għotjiet bi strumenti finanzjarji u ma għandhiex twassal għas-settorjalizzazzjoni tal-programmi u tal-politiki tal-UE, iżda jmissha tiggarantixxi approċċ trasversali bil-komplementarjetà fil-qalba tagħha; jitlob armonizzazzjoni wiesgħa tar-regoli, bil-għan li tinħoloq ġabra unika tar-regoli għall-istrumenti kollha tal-UE;

15.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tal-istrumenti finanzjarji bħala forma komplementari ta' finanzjament għas-sussidji u għall-għotjiet; javża, madankollu, li dawn mhumiex xierqa għal kull tip ta' azzjoni u qasam politiku, billi mhux il-politiki kollha huma totalment immexxija mis-suq; jappella lill-Kummissjoni tissemplifika r-regoli li jirregolaw l-użu tal-istrumenti finanzjarji u tinkoraġġixxi l-possibilità li diversi riżorsi tal-UE jingħaqdu taħt regoli armonizzati billi toħloq sinerġiji u tevita kwalunkwe kompetizzjoni bejn forom ta' finanzjament differenti; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-alternattiva li jkun hemm fond uniku li jintegra l-istrumenti finanzjarji fil-livell tal-UE u jipprovdi self, garanziji u strumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju fl-ambiti ta' politiki differenti, kif inhuma ppreżentati fid-dokument ta' riflessjoni f'dan il-kuntest, u se jeżamina din il-proposta bir-reqqa;

16.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li jkun xieraq li t-tul tal-QFP jiġi allinjat kemm maċ-ċiklu politiku tal-Parlament kif ukoll ma' dak tal-Kummissjoni, u li jiggarantixxi l-programmazzjoni fuq żmien twil; jisħaq li, f'dan il-kuntest, it-tul ta' żmien tal-QFP jmissu jqis b'mod adegwat il-bżonn ta' prevedibilità f'terminu itwal f'dik li hi l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fond Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FEIS) taħt ġestjoni kondiviża, li ma jistgħux joperaw mingħajr l-istabilità ta' tal-anqas impenn għal seba' snin; jipproponi, għaldaqstant, li jkun xieraq li l-qbil dwar il-QFP li jmiss ikun għal perjodu ta' 5+5 snin b'reviżjoni obbligatorja f'nofs it-terminu;

17.  Josserva t-tħabbira tal-President tal-Kummissjoni, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, ta' proposta imminenti ta' linja baġitarja ddedikata għaż-żona tal-euro; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta informazzjoni addizzjonali u f'aktar dettall f'dan ir-rigward; ifakkar li r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Frar 2017 titlob kapaċità baġitarja speċifika għaż-żona tal-euro li jmissha tkun parti mill-baġit tal-UE oltre l-limiti massimi tal-QFP attwali u ffinanzjata miż-żona tal-euro u mill-membri parteċipanti l-oħrajn permezz ta' sors ta' dħul, li għandu jkun, min-naħa tiegħu, maqbul bejn l-Istati Membri parteċipanti u kkunsidrat bħala dħul assenjat u garanziji;

18.  Jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha kemm dwar il-QFP tal-futur kif ukoll dwar ir-riżorsi proprji sa Mejju 2018; jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jippreżenta fi żmien debitu l-pożizzjoni tiegħu dwar l-aspetti relatati kollha u jistenna li l-fehmiet tal-Parlament jiġu kompletament inkorporati fil-proposti ġejjiena tal-Kummissjoni;

19.  Jesprimi r-rieda tiegħu li jinvolvi ruħu fi djalogu strutturat mal-Kummissjoni u mal-Kunsill, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil finali dwar il-QFP li jmiss qabel ma tintemm il-leġiżlatura attwali; jinsab konvint li adozzjoni bikrija tar-Regolament dwar il-QFP se tippermetti l-adozzjoni sussegwenti tal-atti leġiżlattivi settorjali kollha f'ħin utli biex il-programmi l-ġodda jkunu fis-seħħ fil-bidu tal-perjodu li jmiss; jisħaq fuq l-effetti detrimentali li jkollha t-tnedija tard tal-programmi taħt il-QFP attwali; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew, f'dan il-kuntest, jirrikorri għall-klawsola "passerelle" tal-Artikolu 312(2) tat-TFUE, li tippermetti l-vot b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill rigward il-QFP;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kkonċernati l-oħrajn, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0309.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0050.

Avviż legali - Politika tal-privatezza