Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2963(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0641/2017

Dibattiti :

PV 16/11/2017 - 4.3
CRE 16/11/2017 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 16/11/2017 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0445

Testi adottati
PDF 343kWORD 55k
Il-Ħamis, 16 ta' Novembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Madagascar
P8_TA(2017)0445RC-B8-0641/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2017 dwar Madagascar (2017/2963(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Madagascar, partikolarment dawk tas-7 ta' Mejju 2009(1), tal-11 ta' Frar 2010(2) u tad-9 ta' Ġunju 2011(3), u l-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE f'Madagascar tal-10 u l-11 ta' Lulju 2010,

–  wara li kkunsidra l-informazzjoni pprovduta mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fit-2 ta' Novembru 2017 dwar it-tifqigħa riċenti tal-pesta,

–  wara li kkunsidra l-Osservazzjonijiet Konklużivi tat-22 ta' Awwissu 2017 tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar ir-raba' rapport perjodiku ta' Madagascar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU John H. Knox ta' Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni tal-missjoni tiegħu f'Madagascar,

–  wara li kkunsidra s-Summit Straordinarju dwar Madagascar tat-20 ta' Mejju 2011 tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u l-pjan direzzjonali propost mit-tim ta' medjazzjoni tal-SADC wara t-tneħħija tas-sanzjonijiet kontra Madagascar mill-UE, l-Unjoni Afrikana u l-SADC,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-26 ta' April 2017 tar-Rapporteur Speċjali dwar il-kwistjoni tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem relatati mat-tgawdija ta' ambjent sikur, nadif, san u sostenibbli, b'relazzjoni maż-żjara tiegħu f'Madagascar,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni ta' Madagascar,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Madagascar iffirma fl-1969 u rratifika fl-1971,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id--Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-120 sessjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem, li saret f'Ġinevra fl-10 u l-11 ta' Lulju 2017 u li matulha sar rieżami tar-raba' rapport perjodiku ta' Madagascar dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi wara perjodu ta' ħames snin ta' taqlib politiku li matulu d-donaturi ssospendew il-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp, f'Madagascar saru elezzjonijiet parlamentari kredibbli u demokratiċi f'Ottubru 2013 u elezzjonijiet presidenzjali f'Diċembru 2013, u dan wassal għall-ħatra ta' Hery Rajaonarimampianina bħala President; billi s-sitwazzjoni politika baqgħet volatili, minkejja li t-tkomplija tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi donaturi neħħiet ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-kooperazzjoni mal-gvern il-ġdid;

B.  billi feġġ kodiċi dwar il-komunikazzjoni ġdid, li ġie kkritikat bl-aħrax mill-ġurnalisti ta' Madagascar peress li jirreferi għall-kodiċi penali fir-rigward ta' deċiżjonijiet dwar reati tal-istampa, bil-potenzjal li dan iwassal għall-kriminalizzazzjoni tal-professjoni; billi s-sitwazzjoni kkalmat iżda ma jidhirx li sejra fid-direzzjoni t-tajba;

C.  billi, fil-prinċipju, is-sena d-dieħla għandha ssir elezzjoni presidenzjali, għalkemm s'issa ma ġietx stabbilita data fissa għaliha; billi l-President ta' Madagascar iddikjara lilu nnifsu favur riforma kostituzzjonali li tippermettilu jibqa' fil-poter matul il-perjodu elettorali u wera r-rieda li jgħawweġ l-emendi proposti għal-liġi elettorali mfassla mill-kummissjoni elettorali nazzjonali indipendenti, esperti, is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni; billi dawn id-dikjarazzjonijiet ġew ikkontestati mill-avversarji politiċi tiegħu u partijiet mis-soċjetà ċivili, li jinsabu mħassba li dan jaf ikun tentattiv biex jipposponi l-elezzjoni u jibqa' fil-poter lil hinn mill-mandat kostituzzjonali tiegħu; billi dan aktarx se jżid it-tensjonijiet f'kuntest politiku li diġà huwa fraġli;

D.  billi fl-10 ta' Lulju 2017 id-Direttur Reġjonali għan-Nofsinhar tal-Afrika ta' Amnesty International iddikjara li r-rekord tad-drittijiet tal-bniedem ta' Madagascar qed jeħżien ħafna bħala riżultat ta' nuqqas sfaċċat ta' rispett tal-istat tad-dritt; billi aktar minn 50 % tal-priġunieri kollha qed jinżammu taħt priġunerija preventiva mingħajr proċess, u qed iseħħu każijiet ta' ksur bħal eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji mill-pulizija u priġunerija ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minħabba n-nuqqas ta' aċċess ħieles u ġust għall-ġustizzja;

E.  billi Amnesty International iddokumentat ukoll rapporti dwar uffiċjali tal-infurzar tal-liġi li qed ifittxu li jivvendikaw ruħhom wara l-inċidenti fejn il-folla ħadet il-liġi b'idejha; billi, fi Frar 2017, uffiċjali tal-pulizija allegatament ħarqu ħamest irħula f'Antsakabary wara li żewġ kollegi tagħhom allegatament inqatlu minn raħħala, u mara anzjana mietet kawża tal-ħruq waqt l-attakk peress li ma setgħetx taħrab; billi l-pulizija issa qed jinvestigaw dan l-attakk, minkejja li huma involuti fih;

F.  billi l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu wiċċhom ma' intimidazzjoni u fastidju min-naħa tal-awtoritajiet f'tentattiv biex isikktuhom u jostakolaw l-investigazzjonijiet tagħhom u l-ħidma tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem; billi, wara l-elezzjonijiet tal-2013, bosta stabbilimenti tal-midja ġew imġiegħla jagħlqu u ġew iċċensurati għal raġunijiet ta' "rispett tal-istat tad-dritt" u tal-ħtieġa assoluta ta' "tindif tax-xenarju awdjoviżiv" promoss mill-Ministeru tal-Komunikazzjoni;

G.  billi, fl-2013, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) adottat pjan ta' azzjoni għal Madagascar li jirrikjedi li l-pajjiż isaħħaħ l-isforzi ta' infurzar tiegħu u jqiegħed embargo fuq l-esportazzjoni ta' kwalunkwe ħażna ta' injam; billi, minn dak iż-żmien 'l hawn, is-Segretarjat u l-Kumitat Permanenti tas-CITES stqarru ripetutament li Madagascar ma kkonformax mal-pjan ta' azzjoni; billi, skont is-Segretarjat tas-CITES, tipprevali impunità mifruxa fir-rigward tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-ksur tal-liġijiet ambjentali; billi, min-naħa l-oħra, individwi li jopponu l-qtugħ illegali tas-siġar ġew ikkundannati mill-qrati, fejn jeżisti riskju serju ta' korruzzjoni;

H.  billi Madagascar huwa wieħed mill-aktar postijiet ambjentalment eċċezzjonali tad-dinja, iżda huwa wkoll l-ifqar pajjiż bla kunflitti fid-dinja, fejn 92 % tal-popolazzjoni jgħixu b'inqas minn USD 2 kuljum, u huwa kklassifikat fil-154 pożizzjoni minn 188 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem;

I.  billi t-traffikar illegali tal-injam u ta' speċijiet ta' annimali joħloq theddida sinifikanti għall-ambjent u l-bijodiversità ta' Madagascar, kif ukoll għad-drittijiet ambjentali tal-poplu ta' din il-ġżira; billi l-impatt ambjentali tal-industriji estrattivi u n-nuqqas ta' trasparenza fil-ġestjoni tagħhom spiss jagħmlu ħsara lill-komunitajiet lokali u lill-iżvilupp sostenibbli tagħhom; billi n-netwerks tat-traffikar għandhom rabtiet allegati mal-kriminalità organizzata, u dan jhedded il-governanza demokratika fil-pajjiż; billi skont ir-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, il-qtugħ illegali tas-siġar u t-traffikar tal-injam prezzjuż, u l-konċessjonijiet għat-tħaffir fil-minjieri, huma marbuta mill-qrib mal-vjolenza kontra l-popolazzjoni lokali;

J.  billi l-attivist ambjentali Clovis Razafimalala, li ddenunzja t-traffikar u l-isfruttament illegali tal-injam tal-warda u ta' tipi oħrajn ta' injam, ilu detenut sa mis-16 ta' Settembru 2016 fuq akkużi foloz ta' ribelljoni, qerda ta' dokumenti u beni pubbliċi, u ħruq, minkejja n-nuqqas flagranti ta' provi; billi Raleva, difensur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, safa arrestat fis-27 ta' Settembru 2017 fuq akkuża ta' "użu ta' titlu falz" huwa u jqajjem dubji dwar l-operazzjonijiet ta' kumpanija tat-tħaffir għad-deheb, wara li t-tħaffir kien ġie pprojbit minħabba d-degradazzjoni tal-ambjent; billi Raleva ngħata sentenza sospiża ta' sentejn priġunerija fis-26 ta' Ottubru 2017; billi Augustin Sarovy, direttur ta' NGO attiva fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-injam tal-warda, ġie mġiegħel jaħrab lejn l-Ewropa wara li rċieva theddid ta' mewt;

K.  billi Fernand Cello, direttur ta' stazzjon radjofoniku magħruf għall-investigazzjonijiet tiegħu dwar suġġetti sensittivi bħalma huwa t-tħaffir illegali għaż-żaffir, kien suġġett ta' proċedura kriminali fis-6 ta’ Mejju 2017 fuq akkużi ta' "falsifikazzjoni u użu ta' oġġetti ffalsifikati"; billi Reporters Sans Frontières (RSF – Reporters Mingħajr Fruntieri) iddenunzjat it-trattament aħrax tad-direttur ta' Radio Jupiter mill-awtoritajiet fir-reġjun abbażi ta' allegazzjonijiet foloz imressqa minn persuni li kienu ġew implikati fl-investigazzjonijiet tiegħu;

L.  billi l-arrest ta' Claudine Razaimamonjy fuq l-inizjattiva tal-Bianco (Bureau Indépendant Anti-Corruption – Bureau Independenti Kontra l-Korruzzjoni) għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi pubbliċi f'diversi lokalitajiet saret affari statali, peress li hija alleata mill-qrib tal-Kap tal-Istat Hery Rajaonarimampianina, kif ukoll konsulenta tiegħu; billi qabel l-arrest tagħha l-ġendarmerija ressqet talba biex is-Sa Jacqueline Raharimanantsoa Saholiniaina, is-Sa Sylvie Randriantsara Linah u s-Sa Claudine Razaimamonjy jiġu sottoposti għal interrogazzjoni; billi, fil-fatt, jirriżulta li dawn it-tliet nisa huma l-istess persuna, Claudine Razaimamonjy, illi qatt ma wieġbet is-sejħa biex tiġi sottoposta għal interrogazzjoni;

M.  billi l-"każ ta' Claudine" nissel kunflitt miftuħ bejn il-gvern u l-ġudikatura, peress li l-Ministru tal-Ġustizzja kien għamel personalment appell pubbliku biex Claudine Razaimamonjy tinħeles ħalli jevita li l-arrest preventiv tagħha jiġi estiż; billi l-union tal-maġistrati ddikjarat ruħha offiża bil-pożizzjoni adottata u bl-involviment dirett tal-gvern fil-każ, filwaqt li appellat għas-separazzjoni tas-setgħat u saħqet li din il-kwistjoni ma kellha l-ebda konnessjoni mal-politika; billi din is-sena l-maġistrati għamlu tliet strajkijiet biex jikkundannaw l-intimidazzjonijiet ripetuti u l-interferenzi tal-gvern fl-attivitajiet tagħhom u biex jaffermaw mill-ġdid l-indipendenza tagħhom;

N.  billi Madagascar ilu suġġett għal epidemji ta' pesta kull sena sa mit-tmeninijiet, iżda l-aħħar tifqigħa, li bdiet f'Awwissu 2017, kienet partikolarment vjolenti u laqtet bliet kbar u żoni li mhumiex endemiċi; billi ġew irrappurtati aktar minn 1 800 każ ta' kontaminazzjoni u 127 każ ta' mewt; billi, skont id-WHO, in-natura mhux tas-soltu u t-tixrid rapidu tal-pesta din is-sena huma dovuti għal deterjorament fis-sistema tas-saħħa marbut mal-kriżi soċjopolitika li laqtet lill-pajjiż f'dawn l-aħħar snin; billi, skont l-istimi tad-WHO, għad hemm riskju għoli li t-tifqigħa tal-pesta potenzjalment tkompli tinfirex fil-livell nazzjonali;

O.  billi l-predominanza tal-liġijiet konswetudinarji fil-pajjiż iffavoriet prattiki tradizzjonali dannużi, inklużi żwiġijiet irranġati, forzati u bikrija; billi n-nisa u l-bniet għadhom ibatu minn vjolenza sesswali jew fiżika oħra, filwaqt li r-rati ta' rapportar huma baxxi u l-proċeduri kriminali huma rari; billi l-abort għadu pprojbit fil-pajjiż bis-saħħa ta' liġi li tmur lura għall-1920; billi madwar għaxar nisa kuljum imutu huma u jwelldu; billi l-projbizzjoni tal-abort taf twassal għall-interruzzjoni klandestina u perikoluża tat-tqala minn nies li m'għandhomx kwalifiki mediċi;

1.  Jilqa' l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt bl-elezzjonijiet ta' Ottubru u Diċembru 2013; ifakkar lill-awtoritajiet ta' Madagascar, u l-ewwel u qabel kollox lill-President tal-pajjiż, fir-responsabbiltà tagħhom li jiddefendu u jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom madwar il-pajjiż kollu, inkluża l-prevenzjoni tal-abbużi u r-reati kollha, u li jeżerċitaw il-missjoni tagħhom li jiggvernaw b'rispett rigoruż tal-istat tad-dritt; iħeġġiġhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom, inkluża l-libertà ta' espressjoni;

2.  Jittama li l-elezzjonijiet li ġejjin isiru f'ambjent paċifiku u seren ħalli jkunu demokratiċi u trasparenti; jinsisti li l-ordni kostituzzjonali u l-istabbiltà politika jridu jiġu ppreservati u li d-djalogu u l-bini ta' kunsens fost il-parteċipanti politiċi kollha huma l-uniċi garanziji ta' elezzjonijiet f'waqthom u kredibbli fl-2018; jistieden lill-komunità internazzjonali tieħu l-passi kollha possibbli biex tiżgura proċess elettorali ġust u ħieles għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-2018;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-prevalenza ta' każijiet fejn il-folla tieħu l-liġi b'idejha u dwar l-involviment ta' uffiċjali tal-infurzar tal-liġi f'każijiet ta' qtil extraġudizzjarju; jappella għal investigazzjoni independenti u imparzjali dwar il-ħruq ta' ħames irħula f'Antsakabary, li tkun tiggarantixxi s-sikurezza tal-vittmi minn kwalunkwe attakk ta' rappreżalja kemm-il darba jressqu provi rigward din il-kwistjoni; jistieden lill-awtoritajiet ta' Madagascar iwettqu sistematikament investigazzjonijiet imparzjali dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, iniedu proċeduri kriminali kontra l-awturi tar-reati u jiżguraw li l-familji tal-vittmi jirċievu kumpens adegwat;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet ta' Madagascar jirrispettaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mis-CITES, inkluż billi jsaħħu bil-kbir l-infurzar effettiv tal-liġijiet kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u t-traffikar illegali tal-injam;

5.  Jilqa' r-reviżjoni li għaddejja bħalissa tal-Kodiċi dwar it-Tħaffir fil-Minjieri u jistieden lill-gvern jiżgura li l-kodiċi rivedut jissodisfa r-rekwiżiti internazzjonali, bħal valutazzjoni minn qabel u konsultazzjoni mal-biċċa l-kbira tal-persuni milquta, aċċess għal rimedji u minimizzazzjoni tal-ħsara lill-ambjent; jistieden lill-gvern biex jirrevedi l-permessi għat-tħaffir fil-minjieri maħruġa mill-gvern tranżitorju u biex jissospendi dawk il-permessi li mhumiex skont id-digriet MECIE;

6.  Jiddenunzja d-detenzjoni arbitrarja ta' ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti ambjentali fuq il-bażi ta' akkużi vvintati; jappella biex il-fastidju u l-intimidazzjoni kontra tagħhom jintemmu b'mod definittiv, jiddiżapprova l-miżuri meħuda kontra l-midja qabel l-aħħar elezzjonijiet u jappella għar-restituzzjoni sħiħa tal-libertajiet individwali u kollettivi kollha; jistieden lill-Gvern ta' Madagascar jirrevoka l-elementi restrittivi fil-Kodiċi dwar il-Komunikazzjoni;

7.  Jistieden lill-Gvern ta' Madagascar iħalli l-ġustizzja ssegwi l-kors normali u indipendenti tagħha fil-"każ ta' Claudine" u fil-każijiet kollha ta' korruzzjoni attiva u passiva; jinsisti li l-politika m'għandhiex tinterferixxi mal-ġudikatura u li l-Bianco għandu jitħalla jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu dwar il-korruzzjoni liberament; jinsisti fuq ir-rispett rigoruż tal-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat u jisħaq li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura jridu jkunu ggarantiti f'kull ċirkostanza; jitlob li l-awtoritajiet ta' Madagascar jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw il-korruzzjoni u l-impunità fil-pajjiż u jiżguraw li l-każijiet kollha ta' korruzzjoni jitressqu quddiem il-ġustizzja;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-attivitajiet ta' predikaturi barranin li qed iġiegħlu lid-dixxipli tagħhom jikkonvertu għal forma estremista tal-Iżlam;

9.  Jisħaq li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jinvestu fl-għoti ta' appoġġ u protezzjoni lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħala parteċipanti ewlenin fl-iżvilupp sostenibbli, inkluż permezz ta' għotjiet urġenti bis-saħħa tal-fond ta' emerġenza tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju;

10.  Iħeġġeġ lill-kumpaniji transnazzjonali jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju ta' diliġenza dovuta kif stabbilit fil-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jistieden lill-UE toqgħod attenta biex tiżgura li t-tħejjijiet għall-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin ikunu inklużivi, trasparenti u aċċettati minn kulħadd, inkluż permezz ta' pakkett ta' appoġġ ta' sentejn għall-arranġamenti elettorali;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-Gvern ta' Madagascar, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, kif ukoll lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana.

(1) ĠU C 212E, 5.8.2010, p. 111.
(2) ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 72.
(3) ĠU C 380E, 11.12.2012, p. 129.

Avviż legali - Politika tal-privatezza