Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-Istrateġija UE-Afrika: spinta għall-iżvilupp (2017/2083(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-"Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea - Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha", ippreżentata lill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-7 ta' Ġunju 2017 tal-Parlament, tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, u tal-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna,
– wara li kkunsidra s-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u d-dokument finali adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli)", kif ukoll is-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs),
– wara li kkunsidra l-Prinċipji għal Investiment Responsabbli fis-Sistemi Agrikoli u Alimentari li ġew żviluppati fil-Kumitat dwar is-Sigurtà Alimentari Dinjija (CFS-RAI) biex jgħinu jintlaħqu l-SDGs nri 1 u 2,
– wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp tal-2015,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima tal-2015,
– wara li kkunsidra s-Summit ta' Azzjoni għall-Afrika li sar fis-16 ta' Novembru 2016, li għaraf id-dimensjoni Afrikana tal-COP 22,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2016 dwar Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta' Organiżmi Selvaġġi (COM(2016)0087),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000(1) (il-"Ftehim ta' Cotonou"), u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u tal-2010,
– wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta UE-Afrika adottata mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern Afrikani u Ewropej fis-Summit ta' Lisbona tad-9 ta' Diċembru 2007, kif ukoll iż-żewġ pjanijiet ta' azzjoni adottati f'Akkra f'Ottubru 2007 (għall-perjodu 2008-2010) u fi Tripli f'Novembru 2010 (għall-perjodu 2011-2013),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-raba' Summit UE-Afrika li sar fi Brussell fit-2 u t-3 ta' April 2014 kif ukoll il-pjan direzzjonali għall-format tal-laqgħat (format tal-Kajr) u l-oqsma tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ kontinenti għall-perjodu 2014-2017, u d-dikjarazzjoni UE-Afrika dwar il-migrazzjoni u l-mobilità,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2063 tal-Unjoni Afrikana (UA) adottata f'Mejju 2014,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar l-abbozz ta' rakkomandazzjonijiet dwar ir-riforma istituzzjonali tal-Unjoni Afrikana, imħejji mill-E.T. Paul Kagamé, bit-titolu "L'impératif de renforcer notre Union" (L-imperattiv li nsaħħu l-Unjoni tagħna),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-tielet Forum Interkontinentali tas-Soċjetà Ċivili li sar f'Tuneż mill-11 sat-13 ta' Lulju 2017, li appella għat-tisħiħ tal-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u biex il-persuni jitpoġġew fil-qalba tal-istrateġija UE-Afrika,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2017)0021),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta' Garanzija tal-EFSD(2),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-5 ta' Lulju 2016 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (COM(2016)0447),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Sħubija mġedda mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku" (JOIN(2016)0052),
– wara li kkunsidra d-diversi komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika u b'mod partikolari dik tas-27 ta' Ġunju 2007 bit-titolu "Mill-Kajr sa Lisbona - Il-Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Afrika" (COM(2007)0357), u dik tas-17 ta' Ottubru 2008 bit-titolu "Sena wara Lisbona: Il-partenarjat bejn l-Afrika u l-UE fl-azzjoni" (COM(2008)0617) u dik tal-10 ta' Novembru 2010 dwar il-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika 1,5 biljun ruħ, 80 pajjiż, żewġ kontinenti, futur wieħed (COM(2010)0634),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tal-4 ta' Mejju 2017, Għal impetu mġedded tas-Sħubija Afrika-UE (JOIN(2017)0017) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dan is-suġġett, tad-19 ta' Ġunju 2017,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika u l-pajjiżi tal-AKP, u b'mod partikolari dik tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-futur tar-relazzjonijiet AKP-UE wara l-2020(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika: l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport tal-UE 2015 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(6),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0334/2017),
A. billi r-rabtiet li l-Unjoni Ewropea għandha mal-pajjiżi Afrikani huma storiċi, u d-destini tagħhom huma marbuta mill-qrib; billi l-UE hija s-sieħba ewlenija tal-Afrika fl-oqsma ekonomiċi u kummerċjali kif ukoll fl-oqsma tal-iżvilupp, tal-għajnuna umanitarja u tas-sigurtà;
B. billi hemm bżonn li s-sħubija UE-Afrika tingħata viżjoni ġdida li tirrifletti l-evoluzzjoni tas-sitwazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, ambjentali u soċjali taż-żewġ kontinenti; billi hemm bżonn ta' adattament għall-atturi l-ġodda fix-xena internazzjonali – fosthom iċ-Ċina – u li jsir progress lejn sħubija msaħħa, modernizzata u aktar politika, b'attenzjoni partikolari fuq id-difiża tal-interessi komuni prinċipali tagħna;
C. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika għandhom jinbnew fuq il-prinċipji ta' komprensjoni u interess reċiproċi, kif ukoll il-kondiviżjoni ta' valuri komuni fil-kuntest ta' sħubija reċiproka;
D. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-kontinent Afrikan huma bbażati fuq diversi strumenti ġuridiċi u strateġiji politiċi u billi huwa importanti li jkunu intensifikati s-sinerġiji u l-koerenza bejniethom sabiex is-sħubija ssir aktar effikaċi u sostenibbli;
E. billi l-Ftehim ta' Cotonou, li jgħaqqad 79 Stat tal-AKP, li 48 minnhom jinsabu fl-Afrika sub-Saħarjana, mal-UE, ireġi s-sħubija ewlenija bejn l-UE u l-Afrika; billi l-UE stabbiliet ukoll relazzjonijiet mal-pajjiżi Afrikani li mhumiex partijiet tal-Ftehim ta' Cotonou; billi s-sħubija UE-AKP ġiet stabbilita f'mument meta l-pajjiżi AKP kienu għadhom ma sawrux l-istrutturi ta' kooperazzjoni reġjonali u kontinentali attwali tagħhom; billi l-ħolqien tal-UA fl-2003 u tal-Istrateġija Konġunta Afrika-UE (JAES) fl-2007 jagħmilha essenzjali li jkunu razzjonalizzati d-diversi oqfsa strateġiċi bejn l-UE u l-Afrika; billi l-objettiv li l-Afrika tkun ittrattata bħala entità waħda huwa ddikjarat b'mod ċar fil-preambolu tal-JAES;
F. billi l-UE tinsab impenjata mal-pajjiżi Afrikani fi djalogu politiku u istituzzjonali avvanzat permezz tas-summits UE-Afrika, tal-organizzazzjoni intergovernattiva "Unjoni għall-Mediterran" (UgħM) u tal-organi ta' kooperazzjoni AKP-UE, fosthom fil-livell parlamentari bis-saħħa tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, tad-Delegazzjoni għall-Assemblea Parlamentari UgħM u mal-Parlament Pan-Afrikan;
G. billi l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għandu baġit ta' EUR 30,5 biljun, li minnhom EUR 900 miljun huma riservati għall-Fond għall-Paċi fl-Afrika, u billi EUR 1,4 biljun tal-FEŻ se jintużaw għall-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika; billi ntefqu aktar minn EUR 5 biljun fuq il-bżonnijiet tal-pajjiżi Afrikani fil-kuntest tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), u billi ġew allokati EUR 845 miljun għall-Programm Pan-Afrikan fl-ambitu tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) għall-implimentazzjoni tal-JAES;
H. billi s-Summit UA-UE li jmiss, li se jsir f'Abidjan mid-29 sat-30 ta' Novembru 2017 dwar it-tema "Investimenti fiż-Żgħażagħ", jirrappreżenta opportunità biex jinħolqu, ikunu sostnuti u żviluppati l-kundizzjonijiet ekonomiċi ta' parità veritiera bejn sħab li jixtiequ jiddefendu l-interessi komuni prinċipali;
I. billi l-JAES il-ġdida trid tkun inkluża fil-ftehim futur post-Cotonou;
J. billi l-UE ilha żmien twil sieħba kif ukoll garanti ewlenija tas-sigurtà tal-kontinent Afrikan, li tirrappreżenta suġġett ta' importanza enormi; billi s-sigurtà u t-tkabbir sostenibbli tal-kontinent Ewropew jiddependi b'mod strett u immedjat mill-istabbiltà u mill-iżvilupp tal-kontinent Afrikan u viċi versa;
K. billi s-sostenn kostanti favur l-implimentazzjoni effikaċi tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà u l-impenn tal-UE, tal-UA u tal-atturi internazzjonali l-oħra preżenti fl-Afrika huma essenzjali għall-iżvilupp u għall-istabbiltà tal-kontinent Afrikan;
L. billi l-migrazzjoni tokkupa post prominenti fl-istrateġija globali tal-UE fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà u tikkostitwixxi tema prijoritarja fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, inklużi r-relazzjonijiet tagħha mal-Afrika; billi l-Afrika u l-Ewropa għandhom interess u responsabbiltà komuni fejn tidħol il-migrazzjoni u l-mobilità, inkluż fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu, u billi l-ġestjoni tal-migrazzjoni titlob soluzzjonijiet globali bbażati fuq is-solidarjetà, il-qsim tar-responsabbiltà, ir-rispett tad-drittijiet tal-migrant u tad-dritt internazzjonali, kif ukoll l-użu effikaċi tal-istrumenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
M. billi aktar minn 218-il miljun persuna jgħixu f'faqar estrem fl-Afrika; billi s-sehem tal-popolazzjoni li jgħix f'faqar estrem fl-Afrika sub-Saħarjana naqas minn 56 % fl-1990 għal 43 % fl-2012; billi 33 mis-47 pajjiż l-anqas żviluppati jinsabu fil-kontinent Afrikan, u dan jagħmel is-Sħubija UE-Afrika għodda indispensabbli fit-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u b'mod partikolari l-qerda tal-faqar;
N. billi fl-Afrika, ir-rekwiżiti infrastrutturali huma stmati għal EUR 75 biljun fis-sena, il-valur tas-suq tal-konsum aktarx jilħaq l-USD 1 000 biljun fl-2020, l-investiment dirett barrani huwa mistenni li jiżdied b'mod kostanti għal madwar USD 144 biljun fl-2020 u l-popolazzjoni attwali hija ta' biljun abitant;
O. billi l-Afrika għadha tesporta l-aktar prodotti mhux ipproċessati u billi l-konċessjoni ta' preferenzi kummerċjali assorbiet parti kbira ta' dawn l-esportazzjonijiet; billi aċċess ħieles għas-suq għall-biċċa l-kbira tal-prodotti Afrikani jżid il-kapaċitajiet tal-pajjiżi Afrikani u jtejjeb il-kompetittività u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-swieq globali, meta akkumpanjat, fost affarijiet oħra, minn politiki mmirati lejn industrijalizzazzjoni sostenibbli u dejjiema u produttività rurali bħala toroq ewlenin għall-iżvilupp;
P. billi d-dinamika demografika se jkollha titqies, fil-perspettiva tal-fatt li sal-2050, skont ċerti stimi, l-Afrika x'aktarx se jkollha 2,5 biljun abitant, li l-parti l-kbira minnhom se jkunu żgħażagħ, filwaqt li l-Ewropa mistennija jkollha popolazzjoni ferm ixjaħ; billi huwa għalhekk kruċjali li jiġu ġġenerati miljuni ta' impjiegi u li l-emanċipazzjoni tan-nisa u taż-żgħażagħ tingħata għajnuna u sostenn, partikolarment permezz tal-edukazzjoni, tal-aċċess għall-assistenza għas-saħħa u tat-taħriġ fil-kontinent Afrikan;
Intensifikazzjoni tad-djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika: kundizzjoni preliminari għal sħubija strateġika mġedda
1. Jilqa' pożittivament il-komunikazzjoni bit-titolu "Impetu mġedded tas-Sħubija Afrika-UE", li għandha l-għan li tagħti impetu ġdid lis-sħubija bejn l-Afrika u l-UE bl-għan li ssaħħaħha u tapprofondiha billi tiddiriġiha lejn il-prosperità u l-istabbiltà taż-żewġ kontinenti, skont l-impenji meħuda fil-qafas tal-SDGs, tal-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp, li jservi ta' ġabra ta' linji gwida għall-politika ta' żvilupp Ewropea, tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni u tal-Aġenda 2063;
2. Ifakkar li l-Afrika hija sieħba strateġika fundamentali għall-UE u jqis li huwa essenzjali li jiġu intensifikati r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-UA permezz ta' djalogu rivedut u mwessa', li jħaddan il-prinċipji ta' trasparenza u tal-governanza tajba, bil-għan li tinħoloq sitwazzjoni vantaġġjuża għal kulħadd, kif ukoll kooperazzjoni ndaqs u sostenibbli biex tagħti risposta lill-isfidi komuni u tiżgura benefiċċji komuni, filwaqt li tiżgura l-prinċipju ta' sjieda u tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi u l-livell ta' żvilupp ta' kull pajjiż sieħeb;
3. Jistieden lis-sħubija futura tikkonċentra fuq l-oqsma prijoritarji identifikati kemm mill-UA kif ukoll mill-UE, bħal:
–
l-iżvilupp ekonomiku (permezz tal-kummerċ u tal-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE), tal-integrazzjoni reġjonali msaħħa, tad-diversifikazzjoni ekonomika, tal-industrijalizzazzjoni sostenibbli u tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità),
l-iżvilupp uman permezz tas-servizzi pubbliċi li jkopru l-bżonnijiet bażiċi, pereżempju l-edukazzjoni, is-saħħa, l-aċċess għall-ilma u għas-sanità, l-ugwaljanza tal-ġeneru, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni,
–
is-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu,
–
il-migrazzjoni u l-mobilità,
–
l-ambjent – inkluż it-tibdil fil-klima;
4. Ifakkar li l-appoġġ baġitarju huwa l-aqwa mod kif tkun attwata r-responsabbiltà, b'hekk il-gvernijiet jingħataw il-mezzi biex jiddeterminaw il-bżonnijiet u l-prijoritajiet tagħhom; ifakkar li l-appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali jippermetti s-sostenn favur il-politiki ta' żvilupp u jiżgura l-kapaċità ta' assorbiment massima;
5. Jilqa' pożittivament il-fatt li t-tema ċentrali tal-ħames Summit UA-UE li se jsir fil-Kosta tal-Avorju f'Novembru 2017, hija ż-żgħażagħ, fid-dawl tal-importanza tagħhom għall-futur taż-żewġ kontinenti;
6. Ifakkar fl-importanza u fl-effikaċja tal-kooperazzjoni AKP-UE u r-riżultati miksuba fil-qasam tal-iżvilupp; jisħaq fuq il-fatt li dan il-qafas ġuridikament vinkolanti jrid jinżamm wara l-2020; jisħaq fuq il-bżonn ta' intensifikazzjoni ta' din il-kooperazzjoni, u tkun żviluppata d-dimensjoni reġjonali tagħha, anki permezz ta' aktar kooperazzjoni mal-UA, mal-komunitajiet ekonomiċi reġjonali u mal-organizzazzjonijiet reġjonali l-oħrajn; jitlob approċċ aktar strateġiku, pragmatiku, komprensiv u strutturat għad-djalogu politiku fl-ambitu tan-negozjati għall-ftehim post-Cotonou;
7. Jappella għall-intensifikazzjoni tad-dimensjoni parlamentari tal-AKP-EU; jenfasizza li l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tirrappreżenta pjattaforma unika għall-interazzjoni u tiżvolġi rwol fundamentali fit-tisħiħ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;
8. Jenfasizza li r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) jipprovdi opportunitajiet għat-titjib fil-koordinament tal-politika tal-viċinat u tal-politika b'rabta ma' stati Afrikani oħrajn permezz tal-ħolqien ta' oqfsa ta' kooperazzjoni estiżi dwar kwistjonijiet reġjonali bħas-sigurtà, l-enerġija u anki l-migrazzjoni;
9. Itenni l-ħtieġa, fil-kuntest tas-Sħubija Afrika-UE, ta' approċċ ikkoordinat bejn l-Istati Membri tal-UE nfushom u bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha kif previst fl-Artikolu 210 tat-TFUE; ifakkar, analogament, li r-rispett tal-prinċipju tal-UE ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp huwa neċessarju kemm fil-politiki kif ukoll fl-inizjattivi Ewropej u Afrikani biex jintlaħqu l-SDGs;
10. Jitlob li l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp jiġi inkorporat għalkollox fir-relazzjoni kummerċjali tal-UE mal-Afrika, li jirrikjedi l-inklużjoni ta' klawsoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD) infurzabbli fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE mal-pajjiżi Afrikani, f'konformità mal-impenn meħud mill-Kummissjoni fl-istrateġija "Kummerċ għal kulħadd";
11. Itenni l-importanza li l-Istati Membri jonoraw l-impenn tagħhom li jiddestinaw 0,7 % tal-PDG tagħhom lill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Afrika;
12. Jaqbel mar-rieda espressa li jissaħħu l-koalizzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika dwar temi relatati mal-governanza globali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jkun intensifikat id-djalogu mal-UA u l-importanza li tiġi żgurata l-awtonomija finanzjarja tagħha, skont id-Deċiżjoni ta' Kigali dwar il-Finanzjamenti, billi titnaqqas id-dipendenza tagħha mill-finanzjamenti esterni; jieħu nota tal-proposti mressqa fir-rapport imfassal minn Paul Kagamé li jimmiraw li jsaħħu lill-UA ħalli jingħata impetu lill-proċess tal-integrazzjoni politika Afrikana;
13. Jenfasizza r-rwol li tiżvolġi s-soċjetà ċivili – inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet konfessjonali, l-organizzazzjonijiet favur id-drittijiet taż-żgħażagħ u tan-nisa, is-settur privat, it-trade unions, l-assemblej parlamentari, l-awtoritajiet lokali u d-djaspora, kull wieħed u waħda minnhom bil-karatteristiċi speċifiċi proprji tagħhom – fil-konsolidament tad-djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika biex tkun garantita sħubija ċċentrata fuq il-persuni;
14. Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija UE-Afrika bil-promozzjoni tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, speċjalment permezz tat-trasferiment tal-għarfien espert u tal-garanzija tal-involviment tagħha fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tar-riformi u tal-politiki rilevanti; iqis li l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) huwa essenzjali għall-obbligu ta' rendikont f'livell pubbliku; jappoġġa l-pjattaformi differenti introdotti biex is-soċjetà ċivili ssir attur ewlieni tas-Sħubija, u b'mod partikolari l-Forum Annwali Konġunt (JAF), li għandu l-għan li jimplimenta l-Pjan Direzzjonali UE-Afrika; jiddispjaċih, madankollu, mill-fatt li l-JAF qatt ma sar u jistieden lill-UE u lill-UA jpoġġu għad-dispożizzjoni minnufih il-mezzi finanzjarji u politiċi meħtieġa biex jiżguraw il-parteċipazzjoni sinifikanti tal-partijiet interessati kollha fis-sħubija, anki fil-qafas ta' dan il-ħames Summit UA-UE;
Bini ta' stati u soċjetajiet aktar reżiljenti għall-ġid ta' kulħadd, partikolarment għaż-żgħażagħ bl-għan li jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)
15. Iqis neċessarju li r-reżiljenza - fil-ħames dimensjonijiet tagħha - issir fattur ewlieni tal-istrateġija l-ġdida UE-Afrika;
Reżiljenza politika
16. Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu promossi l-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, iżda wkoll li jsiru sforzi favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fiż-żewġ kontinenti, peress li dawn huma elementi indispensabbli għall-iżvilupp sostenibbli;
17. Jitlob, għaldaqstant, djalogu sinċier u inklużiv, imsejjes fuq ir-rispett reċiproku, li jagħmel dawn il-valuri u l-prinċipji komponent importanti tal-kooperazzjoni, partikolarment billi l-kundizzjonalità tal-għajnuna għall-iżvilupp tkun estiża għar-rispett rigoruż tagħhom;
18. Jenfasizza li l-indirizzar tal-isfidi tal-governanza fiż-żewġ kontinenti b'determinazzjoni akbar huwa importantissmu biex jinbnew soċjetajiet aktar ġusti, aktar stabbli u aktar siguri; jissottolinja l-bżonn li jitkomplew id-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza abbażi tal-istrumenti ġuridiċi, tal-liġijiet, tal-prinċipji u tal-mekkaniżmi internazzjonali eżistenti, fosthom dawk tal-organi tal-governanza reġjonali Afrikani bħall-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-protokolli tagħha, il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, il-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Qorti Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, bil-għan li tissaħħaħ is-sjieda;
19. Ifakkar fl-importanza tar-rwol tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-indirizzar tal-impunità u fid-difiża tal-valuri li din taqdi - il-valuri tal-paċi, tas-sigurtà, tal-ugwaljanza, tal-imparzjalità, tal-ġustizzja u tar-riżarċiment; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Afrikani jkomplu jappoġġaw l-Istatut ta' Ruma u l-Qorti Kriminali Internazzjonali; iħeġġeġ lill-firmatarji kollha tal-Istatut ta' Ruma jirratifikawh mill-aktar fis possibbli;
20. Jappoġġa l-organizzazzjoni ta' konferenza konġunta ta' livell għoli UA-UE dwar il-proċessi elettorali, id-demokrazija u l-governanza fl-Afrika u fl-Ewropa, u jitlob lill-Parlament, lill-Parlament Pan-Afrikan, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (AP-UgħM) jipparteċipaw bis-sħiħ fiha; jappella għat-tisħiħ tar-rabtiet bejn id-diversi assemblej bil-għan li jitrawmu s-sinerġiji u l-konsistenza tal-miżuri konġunti;
Reżiljenza fil-qasam tas-sigurtà
21. Itenni l-interkonnessjoni stretta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn ta' integrazzjoni aħjar tal-problemi marbuta mas-sigurtà u l-għanijiet tal-iżvilupp biex jiġu ttrattati l-problemi speċifiċi tal-istati fraġli u jitrawmu stati u soċjetajiet aktar reżiljenti; josserva li dan għandu jsir permezz ta' strumenti speċifiċi u finanzjamenti addizzjonali;
22. Jappella għal kooperazzjoni aktar qawwija bejn l-UE u l-Afrika fil-qasam tas-sigurtà u tal-ġustizzja fir-rigward tal-qafas ġuridiku internazzjonali bil-għan li jittieħed approċċ olistiku fir-riżoluzzjoni tal-problemi u fil-ġlieda aħjar kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu, partikolarment fir-rigward tat-tfal, u t-terroriżmu; iqis li l-azzjonijiet tal-UE għandhom ikunu f'sinerġija mal-istrateġiji adottati mill-pajjiżi Afrikani, b'mod partikolari dawk relatati mal-paċi u mas-sigurtà espressi fl-Aġenda 2063;
23. Jisħaq fuq il-bżonn ta' kooperazzjoni bejn l-UE, l-UA, l-organizzazzjonijiet reġjonali u atturi politiċi rilevanti oħrajn fl-Afrika fil-qasam tas-sigurtà bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, ikunu riformati s-setturi tas-sigurtà tagħhom, jingħata sostenn lill-attivitajiet fil-qasam tad-diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni (DDR) tal-ex ġellieda;
24. Ifakkar li t-terroriżmu huwa theddida globali li tolqot il-paċi u l-istabbiltà reġjonali, l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà interna, li jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod koordinat mill-gvernijiet nazzjonali, mill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali u mill-Aġenziji Ewropej; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni msaħħa fi ħdan l-Istrateġija UE-Afrika mmirata biex tipprevjeni l-impunità, tippromwovi l-istat tad-dritt u tespandi l-kapaċitajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki, kif ukoll biex jiġi evitat, ikkuntrastat u miġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu u biex dan jinġieb quddiem il-ġustizzja; josserva li l-istrateġija kontra t-terroriżmu għandha tinkludi wkoll miżuri maħsuba biex jippromwovu d-djalogu interkonfessjonali u jipprevjenu r-radikalizzazzjoni fl-Afrika u fl-Ewropa, speċjalment fost iż-żgħażagħ, li twassal għall-estremiżmu vjolenti;
25. Itenni l-importanza tad-diversi missjonijiet u operazzjonijiet tal-UE stazzjonati fl-Afrika; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien tal-forza konġunta tal-G5 tas-Saħel; jappella għall-intensifikazzjoni tal-azzjonijiet favur il-paċi u s-sigurtà Ewropej f'kooperazzjoni mas-sħab Afrikani u internazzjonali u għas-sostenn biex l-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà ssir totalment operattiva; jitlob kontribut inizjali tal-UE għall-Fond tal-Paċi tal-UA għal attivitajiet li jaqgħu taħt il-"medjazzjoni u d-diplomazija";
Reżiljenza ambjentali
26. Ifakkar li l-Afrika hija partikolarment vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima; iqis bħala essenzjali li l-UE tiżviluppa approċċ strateġiku biex tinbena reżiljenza klimatika u jingħata appoġġ lill-pajjiżi Afrikani, partikolarment lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, fl-isforzi tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra u għall-adattament; jisħaq fuq l-importanza tat-tibdil fil-klima bħala multiplikatur tar-riskji għall-kunflitt, għan-nixfa, għall-karestija u għall-migrazzjoni, kif eżemplifikat mit-tifqigħa reċenti tal-karestija fis-Sudan t'Isfel, fin-Niġerja u fis-Somalja; ifakkar, f'dan il-kuntest, li hu imperattiv li jiġi promoss u rispettat l-impenn meħud f'Pariġi fl-2015 li USD 100 biljun jiġu allokati sal-2020 għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li jiġu sfruttati forom ġodda ta' kollaborazzjoni UE-Afrika bil-għan li jitbaxxew l-ostakli marbuta mal-finanzjament u mat-trasferiment tat-teknoloġiji;
27. Jenfasizza li l-Afrika għandha ambjent naturali rikk u diversifikat; jitlob li l-protezzjoni tal-bijodiversità titpoġġa fil-qalba tal-aġenda politika UA-UE; jitlob li l-istrateġija UE-Afrika taħdem flimkien għall-prijoritajiet tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar illegali ta' annimali selvaġġi u tipproteġi l-patrimonju naturali u, b'mod partikolari, il-parks naturali;
28. Jinkoraġġixxi investiment akbar fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli u tal-ekonomija ċirkolari bil-għan li jitkompla l-istimolu tal-azzjonijiet li jikkontribwixxu għar-rispett tal-ambjent u joħolqu opportunitajiet ta' xogħol; ifakkar li l-garanzija ta' aċċess sostenibbli, affidabbli u modern għall-enerġija bi prezzijiet aċċessibbli għal kulħadd hija kruċjali biex ikunu sodisfatti l-bżonnijiet umani bażiċi, hija essenzjali għal kważi t-tipi kollha ta' attività ekonomika kif ukoll fattur ewlieni għall-iżvilupp; jitlob sostenn kontinwu mill-UE għall-Inizjattiva tal-Afrika għal Enerġija Rinnovabbli (AREI), u jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni li tniedi Sħubija ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni bejn l-UE u l-Afrika dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija sostenibbli;
29. Jistieden lis-sħubija Afrika-UE tikkonċentra fuq is-sigurtà agrikola u alimentari f'perspettiva fit-tul u tippromwovi sinerġiji bejn s-sigurtà alimentari u l-miżuri fl-ambitu tal-klima; iħeġġeġ lill-UE, f'dan il-kuntest, tqawwi l-assistenza tagħha favur l-agrikoltura sostenibbli, l-agroforestrija u l-prattiki agroekoloġiċi fir-rispett tal-użu tradizzjonali tal-art, u tiżgura aċċess għall-art, għall-ilma u għaż-żrieragħ "open source"; jistieden, barra minn hekk, lill-UE tappoġġa lill-produtturi/bdiewa u lir-rgħajja ż-żgħar ħalli jilħqu s-sigurtà alimentari permezz tal-bini tal-infrastruttura u tal-investiment fiha konformement mal-Prinċipji għal Investiment Responsabbli fis-Sistemi Agrikoli u Alimentari tas-CFS, u tappoġġa l-ħolqien ta' kooperattivi; jissottolinja wkoll il-kapaċità u l-esperjenza li l-OSĊ kisbu fil-livell tal-komunità fir-rigward tal-agrikoltura sostenibbli;
30. Jilqa' favorevolment l-inizjattivi tal-UE li jesiġu ġestjoni aħjar u kummerċ aktar trasparenti tar-riżorsi naturali; jemmen li l-ġestjoni sostenibbli u l-kummerċ tar-riżorsi naturali, bħall-minerali, l-injam u l-annimali selvaġġi, tkun tippermetti lill-pajjiżi b'ħafna riżorsi, kif ukoll lill-popolazzjonijiet tagħhom, ikomplu jibbenefikaw minnhom; ifakkar fil-bżonn, skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt, li jiddaħħlu miżuri ta' akkumpanjament b'segwitu għal approċċ integrat li jinkoraġġixxi l-applikazzjoni tal-istandards internazzjonali dwar id-diliġenza dovuta, kif definit mill-Gwida tal-OECD; jitlob li titfassal karta komuni UE-Afrika dwar il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;
Reżiljenza ekonomika
31. Iqis li ambjent regolatorju u istituzzjonali stabbli u ekonomija b'saħħitha huma elementi essenzjali biex ikunu żgurati l-kompetittività, l-investimenti, il-ħolqien tal-impjiegi, standards ogħla ta' ħajja u tkabbir sostenibbli; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-bżonn li tiżdied l-aċċessibbiltà online tal-informazzjoni fil-qasam tad-dritt soċjetarju; ifakkar li t-tkabbir ekonomiku mingħajr stat imparzjali ma jiggarantix sistematikament l-iżvilupp soċjali jew il-progress u jinsisti fuq il-bżonn li jkunu assigurati r-ridistribuzzjoni tal-ġid, l-għoti tas-servizzi għaċ-ċittadini u li jitjiebu l-opportunitajiet indaqs;
32. Jappella għal aktar kooperazzjoni bejn is-setturi privati tal-Ewropa u tal-Afrika u għall-konċentrazzjoni tal-investiment, partikolarment permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati, ibbażati fuq kodiċi etiku rigoruż u fuq il-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali, f'setturi importanti bħal:
–
l-enerġija sostenibbli inkluż l-aċċess għall-elettriku għal kulħadd,
–
l-infrastruttura bażika, primarjament fis-settur tat-trasport, fostu dak marittimu,
ir-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, kemm f'suġġetti ta' interess komuni kif ukoll f'dawk li jolqtu partikolarment lil wieħed mill-kontinenti, bħal dawk marbuta mal-faqar u mal-mard traskurat;
–
id-diġitalizzazzjoni bħala fattur fundamentali biex jiżgura l-iżvilupp tal-ekonomija Afrikana, iżda wkoll il-konnessjoni tal-persuni;
33. Jisħaq fuq il-fatt li l-integrazzjoni reġjonali tmexxi lill-iżvilupp ekonomiku u hija neċessità f'dinja globalizzata; jitlob appoġġ fir-rigward tal-Kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar li jirrifletti t-trasformazzjoni gradwali tal-kontinent Afrikan; jappoġġa t-twaqqif ta' żona kontinentali ta' kummerċ ħieles fl-Afrika kif ukoll l-għan biex jiżdied il-kummerċ intra-Afrikan għal 50 % sal-2050; ifakkar ukoll fil-prospettivi ta' żvilupp offruti mill-FSE u mill-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani, li jippermettu l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, u l-kummerċ ġust u etiku; jisħaq fuq il-bżonn li jingħataw regoli tal-oriġini li jsostnu l-iżvilupp, klawsoli ta' garanzija effettiva, skedi ta' liberalizzazzjoni asimmetriċi, protezzjoni tal-industriji li għadhom kemm inħolqu, u s-semplifikazzjoni u t-trasparenza tal-proċeduri tad-dwana; ifakkar li l-FSE huma maħsuba biex jgħinu lill-pajjiżi AKP jespandu s-swieq tagħhom, jinkoraġġixxu l-kummerċ fl-oġġetti u jagħtu spinta lill-investimenti u li jantiċipaw ftuħ bil-mod, gradwali u asimmetriku tal-kummerċ fl-oġġetti bejn l-UE u l-pajjiżi AKP;
34. Jappella għal aktar trasparenza fil-ftehimiet kummerċjali u għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet interessati rilevanti kollha, inklużi s-soċjetajiet ċivili tal-pajjiżi kkonċernati, permezz ta' konsultazzjonijiet formali, f'negozjati futuri u fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet li attwalment qed jiġu negozjati;
35. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkoordinaw aħjar l-għajnuna tagħhom għall-programmi tal-kummerċ u jagħtu spinta lis-sinerġiji mal-politiki ta' investiment tagħhom għall-Afrika; jappella, barra minn hekk, għal żieda fl-impenji finanzjarji tagħhom favur l-għajnuna għall-kummerċ kif ukoll assistenza teknika u inizjattivi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet, li huma essenzjali għall-pajjiżi Afrikani, partikolarment dawk l-inqas żviluppati;
36. Ifakkar li s-settur privat, mill-impriżi mikro sa dawk żgħar u ta' daqs medju, mill-kooperattivi sal-kumpaniji multinazzjonali, għandu rwol deċiżiv fil-ħolqien tal-impjiegi u fil-proċess tal-iżvilupp, u jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' dan; jenfasizza r-rwol speċifiku tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju u tal-istabbilimenti ż-żgħar bi tmexxija familjari, u jitlob sostenn għall-inizjattiva individwali; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, li għandu jimmira li jagħti sostenn lis-settur privat fil-pajjiżi Afrikani, partikolarment l-impriżi lokali u lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju fil-pajjiżi fraġli, u b'hekk jippromwovi l-investimenti u l-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli, partikolarment għan-nisa u għaż-żgħażagħ;
37. Ifakkar fl-obbligi li s-settur privat jeħtieġlu jaqdi fl-ambitu tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Linji Gwida tal-OECD, u jtenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri tal-UE u tal-UA biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv fil-grupp ta' ħidma intergovernattiv tan-NU dwar il-kumpaniji transnazzjonali u impriżi oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, biex jaħdmu favur it-tfassil ta' trattat internazzjonali vinkolanti, ibbażat fuq il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, dwar il-mod kif il-kumpaniji jirrispettaw l-obbligi relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi fir-rigward tal-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali;
38. Jissottolinja n-neċessità li jinħolqu impjiegi dinjitużi u li dawn jintrabtu mal-investimenti, li t-tnejn li huma għandhom isiru fi ħdan il-qafas tas-sħubija Afrika-UE; jitlob il-konformità mal-istandards tal-ILO f'dan ir-rigward; jisħaq fuq l-importanza ta' interazzjoni bejn il-persuni minn kuntest soċjali, ekonomiku u istituzzjonali u jitlob li r-rwol tas-sħab soċjali jissaħħaħ billi tingħata spinta lill-effikaċja tad-djalogu soċjali fil-livelli rilevanti kollha, li jiffavorixxi n-negozjar kollettiv;
39. Jiddispjaċih li madwar USD 50 biljun kull sena joħorġu mill-Afrika fis-sura ta' flussi finanzjarji illeċiti, somma akbar mill-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) annwali u timmina l-isforzi fil-qasam tal-mobilizzazzjoni tad-dħul nazzjonali; jistieden, għaldaqstant, liż-żewġ partijiet:
–
joħolqu strumenti effikaċi għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-korruzzjoni, inkluża t-trasparenza pubblika rigward is-sjieda benefiċjarja aħħarija tal-entitajiet ġuridiċi, it-trusts u arranġamenti simili,
–
jippromwovu l-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli (PRI) appoġġati min-NU,
–
isostnu l-inizjattivi intiżi li jżidu l-effiċjenza u t-trasparenza tas-sistemi ta' ġestjoni finanzjarja pubblika;
40. Jitlob, barra minn hekk, l-implimentazzjoni effettiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar id-dejn barrani u d-drittijiet tal-bniedem u l-Prinċipji dwar il-Promozzjoni ta' Għoti u Teħid Responsabbli ta' Self Sovran tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD); jilqa' pożittivament il-ħidma tan-NU favur mekkaniżmu ta' ristrutturazzjoni tad-dejn sovran fil-livell internazzjonali;
41. Jappella għal inklużjoni finanzjarja akbar fl-Afrika, anki dik tan-nisa, permezz tal-iżvilupp tas-servizzi bankarji elettroniċi bil-għan li tkun miġġielda l-polarizzazzjoni tas-soċjetà Afrikana; ifakkar li r-rimessi jikkostitwixxu fluss ta' flus lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw akbar mill-ODA totali u jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv biex titwettaq l-Aġenda 2030; jistieden, għalhekk, lill-UE ssostni ulterjorment l-isforzi tal-UA intiżi li jtejbu l-mekkaniżmi ta' rimessa;
Reżiljenza soċjali
42. Jirrikonoxxi l-importanza tad-dinamiki demografiċi fl-Afrika, li jeħtieġu viżjoni strateġika fit-tul biex ikunu żviluppati soċjetajiet sostenibbli, inklużivi u parteċipattivi; jisħaq, analogament, fuq il-bżonn li tiġi żgurata nondiskriminazzjoni fil-konfront tal-gruppi vulnerabbli, fosthom il-persuni b'diżabbiltà u l-popolazzjonijiet indiġeni; jirrikonoxxi l-fatt li l-popolazzjoni dejjem akbar tal-Afrika hija kemm sfida għall-ekonomija lokali kif ukoll opportunità għall-kontinent; jistieden, għalhekk, lill-UE turi impenn fil-promozzjoni ta' politiki pubbliċi xierqa u investimenti fl-edukazzjoni u fis-saħħa, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, biex tiżgura li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra bil-mezzi neċessarji biex jieħdu deċiżjonijiet informati dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom, fl-ugwaljanza tal-ġeneru u fid-drittijiet tal-minorenni li mingħajrhom ir-reżiljenza soċjali, ekonomika u ambjentali ma tistax tinkiseb;
43. Jenfasizza li r-rata ta' urbanizzazzjoni fl-Afrika qiegħda tiżdied u toħloq sfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali; jitlob soluzzjonijiet biex tbatti din il-pressjoni urbana u jittaffu l-problemi tal-urbanizzazzjoni bla rażan;
44. Jistieden lill-UE u lill-UA jsaħħu s-sistemi edukattivi nazzjonali Afrikani, inkluża l-kapaċità tal-istruttura amministrattiva tagħha, billi jinvestu almenu 20 % tal-baġits nazzjonali tagħhom fl-edukazzjoni u billi jintensifikaw is-sostenn tal-UE favur il-Global Partnership for Education (GPE - Sħubija Globali għall-Edukazzjoni) u l-fond "Education Cannot Wait" (ECW - L-edukazzjoni ma tistax tistenna);
45. Jisħaq fuq il-bżonn ta' aċċess universali, inklużiv, ekwu u fit-tul għall-edukazzjoni ta' kwalità għolja fil-livelli kollha, mill-ewwel snin tat-tfulija 'l quddiem u għal kulħadd, b'attenzjoni partikolari għall-bniet, u anki f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' kriżi;
46. Jisħaq fuq il-bżonn ta' investiment fil-kapital uman u li ż-żgħażagħ ikunu konnessi mar-realtajiet globali, u li l-ħiliet ikunu jikkorrispondu għall-bżonnijiet attwali u futuri tas-suq tal-impjiegi permezz tat-tisħiħ tas-sistemi edukattivi u tat-tagħlim vokazzjonali, kemm formali kif ukoll informali, tal-impjiegi indipendenti u tal-imprenditorija;
47. Iqis li huwa importanti l-appoġġ favur il-pajjiżi Afrikani biex jistabbilixxu sistemi tas-saħħa pubblika effikaċi u jiżguraw aċċess għal servizzi tas-saħħa ta' kwalità bi prezzijiet raġonevoli għal kulħadd, u, b'mod partikolari, jinkisru l-ostakli li magħhom iħabbtu wiċċhom in-nisa u l-gruppi vulnerabbli l-oħrajn, fosthom it-tfal, il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni LGBTI;
48. Jappella għall-introduzzjoni tal-kopertura universali minima billi jinħolqu sistemi nazzjonali orizzontali tas-saħħa; jissottolinja l-bżonn li jitħarrġu miljun professjonist tas-saħħa kkwalifikat aktar minn dawk oriġinarjament ippjanati fuq il-bażi tat-tendenzi attwali biex jintlaħaq l-istandard minimu tad-WTO sal-2030;
49. Jenfasizza li l-mard infettiv joħloq theddida sinifikanti għar-reżiljenza soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi ta' kooperazzjoni xjentifika u medika bejn iż-żewġ kontinenti, bħas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw, EDCTP2, u tinvesti fix-xjenza, t-teknoloġija u l-innovazzjoni (STI) biex ikun imvinċi l-piż, li għadu enormi, tal-mard l-ieħor ittraskurat relatat mal-faqar, permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha;
50. Ifakkar fil-bżonn ta' investiment akbar fl-aċċess għall-assistenza tas-saħħa materna u ta' dik sesswali u riproduttiva biex tonqos il-mortalità materna u infantili u jinqerdu l-prattiki tradizzjonali, bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat u/jew prekoċi;
51. Jenfasizza l-importanza tal-ugwaljanza tal-ġeneru u tal-emanċipazzjoni tan-nisa fil-kooperazzjoni UE-Afrika; jisħaq fuq ir-rwol pożittiva u l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isferi politiċi u ekonomiċi, kif ukoll fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fil-bini ta' paċi sostenibbli;
52. Josserva li l-kultura hija faċilitatur kif ukoll komponent importanti tal-iżvilupp, u tista' tiffaċilita l-inklużjoni soċjali, il-libertà tal-espressjoni, il-bini tal-identità, l-awtonomizzazzjoni ċivili u l-prevenzjoni tal-kunflitti filwaqt li ssaħħaħ it-tkabbir ekonomiku; jistieden, għaldaqstant, lill-UE u lill-UA jippromwovu d-djalogu interkulturali u d-diversità kulturali u jsostnu l-istrateġiji li jħarsu l-kultura u l-patrimonju; jenfasizza li d-demokrazija hija valur universali li tista' tkun parti ta' kwalunkwe kultura; jagħraf, analogament, ir-rwol tal-isport bħala għajn u xprun tal-inklużjoni soċjali u tal-ugwaljanza tal-ġeneru;
Ħolqien ta' strateġija għall-mobilità u l-migrazzjoni li jikkontribwixxu għall-iżvilupp taż-żewġ kontinenti
53. Ifakkar li l-migrazzjoni u l-mobilità bejn u fi ħdan l-Ewropa u l-Afrika jħallu impatt ekonomiku, soċjali, ambjentali u politiku, u li din l-isfida trid tkun indirizzata b'mod koordinat u olistiku bejn iż-żewġ kontinenti u f'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni, bis-saħħa tal-massimizzazzjoni tas-sinerġiji u bl-użu tal-politiki, tal-istrumenti u tal-għodod rilevanti tal-UE, fuq il-bażi tas-solidarjetà, tal-qsim tar-responsabbiltà, tar-rispett u tad-dinjità umana; ifakkar, f'dan il-kuntest, li huwa awspikabbli li jkun intensifikat id-djalogu Afrika-UE qabel in-negozjati dwar iż-żewġ pattijiet globali dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati, rispettivament, li se jitfasslu sal-2018 taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti bil-għan li jkunu identifikati, meta possibbli, il-prijoritajiet komuni;
54. Ifakkar fil-bżonn li l-impatt pożittiv tal-migrazzjoni u tal-mobilità jitqawwa sabiex dawn il-fenomeni jitqiesu bħala strumenti ta' żvilupp reċiproku għaż-żewġ kontinenti; jenfasizza li dan jirrikjedi risposta politika mfassla bir-reqqa, ibbilanċjata, ibbażata fuq il-provi u sostenibbli bi strateġija fit-tul li tqis il-perspettivi demografiċi u l-kawżi profondi tal-migrazzjoni;
55. Jirrikonoxxi l-fatt li l-kunflitti vjolenti, il-persekuzzjoni, l-inugwaljanza, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-governanza dgħajfa, il-korruzzjoni, it-terroriżmu, ir-reġimi repressivi, id-diżastri naturali, it-tibdil fil-klima, il-qgħad u l-faqar kroniku wasslu għal mewġiet ta' ċaqliq ta' popolazzjoni u żieda fil-migrazzjoni lejn l-Ewropa f'dawn l-aħħar snin; ifakkar, madankollu, li aktar minn 85 % tal-popolazzjoni Afrikana li titlaq minn pajjiżha tibqa' fil-kontinent stess;
56. Jappoġġa l-inizjattivi differenti adottati fil-livell tal-UE biex jiġu miġġielda l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari: is-sħubiji tal-migrazzjoni, il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli; jappella biex l-implimentazzjoni tagħhom tkun żgurata u titkompla b'mod flessibbli, effiċjenti, koerenti u trasparenti filwaqt li jiżdiedu s-sinerġiji possibbli fost id-diversi strumenti, programmi u attivitajiet, kemm fl-azzjoni interna kif ukoll f'dik esterna; jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni akbar fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri;
57. Itenni l-appell tiegħu għall-promozzjoni tal-migrazzjoni legali, konformement mar-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta; jenfasizza, ukoll, li l-għajnuna għall-iżvilupp ma għandix tiddependi mill-kooperazzjoni fi kwistjonijiet tal-migrazzjoni;
58. Jistieden lill-Istati Membri joffru l-postijiet ta' risistemazzjoni tagħhom lil għadd sinifikanti ta' rifuġjati; jitlob, f'dan il-kuntest, il-ħolqien ta' qafas ta' risistemazzjoni Ewropew li fir-rigward tiegħu l-Istati Membri jistgħu jieħdu azzjoni faċilment; jistieden, barra minn hekk, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkooperaw mal-pajjiżi Afrikani li jiffaċċjaw ċaqliq ta' rifuġjati jew sitwazzjonijiet ta' kriżi fit-tul, u jipprovdulhom assistenza, bil-għan li jkabbru l-kapaċitajiet tagħhom ta' asil u s-sistema ta' protezzjoni tagħhom;
59. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom fil-fondi fiduċjarji u fl-istrumenti l-oħra bil-għan li jitrawwem tkabbir inklużiv u sostenibbli u jkun stimolat il-ħolqien ta' impjiegi b'hekk jingħata kontribut lill-indirizzar tal-kawżi profondi tal-migrazzjoni; jitlob ukoll rwol ta' skrutinju aktar b'saħħtu tal-Parlament Ewropew biex jiżgura li s-sħubijiet tal-migrazzjoni u l-istrumenti ta' finanzjament ikunu kompatibbli mal-bażi, mal-prinċipji u mal-impenji ġuridiċi tal-UE;
60. Jistieden lill-UE u lill-UA jippromwovu skambji bejn l-istudenti, l-għalliema, l-imprendituri u r-riċerkaturi bejn iż-żewġ kontinenti; jilqa' pożittivament il-proposta tal-Kummissjoni li tniedi Faċilità taż-Żgħażagħ għall-Afrika, bl-espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' Erasmus+ u faċilità tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; jitlob diskussjoni dwar ir-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, taċ-ċertifikati u tad-diplomi maħruġa mill-iskejjel u mill-universitajiet Afrikani; josserva li huwa essenzjali li l-migrazzjoni ċirkolari tkun żgurata għall-iżvilupp sostenibbli kif ukoll għall-prevenzjoni ta' eżodu ta' mħuħ mill-Afrika;
61. Jirrikonoxxi l-pożizzjoni speċjali tad-djaspora kemm fil-pajjiżi ospitanti kif ukoll f'dawk ta' oriġini biex tibgħat fondi konsiderevoli kif ukoll bħala sieħba fl-iżvilupp fil-livelli nazzjonali u reġjonali; jesprimi x-xewqa tiegħu li d-djaspora taġixxi bħala għajn ta' informazzjoni apposta biex tissodisfa il-bżonnijiet reali tal-persuni, tindirizza l-perikli marbuta mal-migrazzjoni irregolari, kif ukoll l-isfidi marbuta mal-integrazzjoni fil-pajjiżi ospitanti;
o o o
62. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrika, kif ukoll lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.