Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2126(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0328/2017

Testi mressqa :

A8-0328/2017

Dibattiti :

PV 15/11/2017 - 20
CRE 15/11/2017 - 20

Votazzjonijiet :

PV 16/11/2017 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0449

Testi adottati
PDF 362kWORD 54k
Il-Ħamis, 16 ta' Novembru 2017 - Strasburgu
L-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2016
P8_TA(2017)0449A8-0328/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2017 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2016 (2017/2126(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Kondotta Amministrattiva Tajba(2) kif adottat mill-Parlament Ewropew fis-6 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni konkluż bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 220(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0328/2017),

A.  billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2016 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament fis-17 ta' Mejju 2017, u billi l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fit-30 ta' Mejju 2017;

B.  billi l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jilqa' l-ilmenti li jinvolvu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha;

C.  billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jistipula li "sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ" u "kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni"; billi l-garanzija li ċ-ċittadini tal-UE jirċievu servizzi ta' kwalità għolja u li l-amministrazzjoni tal-UE tirreaġixxi għall-bżonnijiet u l-preokupazzjonijiet tagħhom huma essenzjali sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini.

D.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jistipula li "kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi trattat b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni.";

E.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistipula li "kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju tagħha reġistrat fi Stat Membru għandhom id-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha"

F.  billi l-prijorità ewlenija tal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew hija li jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini u li d-dritt għal amministrazzjoni tajba tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-UE jirrifletti l-ogħla standards;

G.  billi fl-2016, 15 797 ċittadin talbu għall-għajnuna lis-servizzi tal-Ombudsman, li minnhom 12 646 ingħataw konsulenza permezz tal-Gwida Interattiva li tinsab fis-sit web tal-Ombudsman, filwaqt li mill-bqija, 1 271 talba ngħaddew lil ħaddieħor għal informazzjoni u 1 880 ġew trattati mill-Ombudsman bħala lmenti;

H.  billi mill-għadd totali ta' 1 880 ilment ipproċessati mill-Ombudsman, 711 kienu jidħlu fil-portata tal-mandat tiegħu filwaqt li 1 169 kienu barra l-portata tal-mandat tiegħu;

I.  billi fl-2016 l-Ombudsman fetħet 245 inkjesta, li minnhom 235 kienu bbażati fuq ilmenti u 10 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalaq 291 inkjesta (278 ibbażati fuq ilmenti u 13-il inkjesta fuq inizjattiva proprja); billi ħafna mill-inkjesti kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni Ewropea (58,8 %), segwita mill-aġenziji tal-UE (12,3 %), il-Parlament Ewropew (6,5 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (5,7 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (4,5 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (0,8 %) u istituzzjonijiet oħra (11,4 %).

J.  billi l-uffiċċju tal-Ombudsman kull sena jirċievi għadd kbir ta' lmenti minn individwi u organizzazzjonijiet dwar l-amministrazzjoni tal-UE, u billi it-tliet preokkupazzjonijiet prinċipali fl-inkjesti li ngħalqu mill-Ombudsman fl-2016 kienu: it-trasparenza u l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u għad-dokumenti (29,6 %); il-ġestjoni tajba ta' kwistjonijiet relatati mal-persunal tal-UE (28,2 %); u l-kultura ta' servizz (25,1 %); billi kwistjonijiet oħra jinkludu l-użu xieraq tad-diskrezzjoni anki matul il-proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja tajba ta' għotjiet u kuntratti tal-UE, u r-rispett għad-drittijiet proċedurali u fundamentali; billi r-rilevanza ta' dawn il-kwistjonijiet tenfasizza r-rwol ċentrali tal-Ombudsman fl-iżgurar tat-trasparenza sħiħa u l-imparzjità kompleta fil-proċessi deċiżjonali u l-amministrazzjoni fil-livell tal-UE, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini u tissaħħaħ il-fiduċja tagħhom;

K.  billi fil-ħidma strateġika tiegħu fl-2016, l-uffiċċju tal-Ombudsman għalaq 5 inkjesti strateġiċi u fetaħ 4 ġodda dwar, fost suġġetti oħrajn, kunflitti ta' interess possibbli ta' konsulenti speċjali u d-dewmien fl-ittestjar ta' kimika, u barra minn hekk, fetaħ 10 inizjattivi strateġiċi ġodda;

L.  billi l-Ombudsman nediet inkjesta strateġika wiesgħa fuq kif il-Kummissjoni taħtar il-konsulenti speċjali tagħha u twettaq il-valutazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess fir-rigward ta' dawn il-konsulenti, li spiss jaħdmu għal klijenti tas-settur privat u għall-UE fl-istess ħin;

M.  billi l-Ombudsman eżaminat il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Bord tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), filwaqt li nnota li dan ma jipprevedix l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta' interessi jew divulgazzjoni ta' interess finanzjarju;

N.  billi l-kriżi finanzjarja ġabet kriżi ekonomika u soċjali, u b'hekk dgħajfet il-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE;

O.  billi l-Ombudsman irrilevat li l-fatt li l-Kummissjoni tal-2009-2014 naqset milli tittratta ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji minn eks Kummissarju u milli tinvestiga kif xieraq il-kompatibilità tal-kuntratt tax-xogħol fis-settur privat tal-Kummissarju mal-obbligi tat-Trattat tal-UE jikkostitwixxi amministrazzjoni ħażina; billi l-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina relatati mal-attivitajiet tal-Kummissarji, inkluż il-President tal-Kummissjoni, wara t-tmiem tal-mandat tagħhom iqawwu n-nuqqas ta' fiduċja taċ-ċittadini fil-konfront tal-Kummissjoni;

P.  billi l-uffiċċju tal-Ombudsman jikkoopera wkoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, bħan-NU, u huwa parti mill-qafas tal-UE skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CPRD), inkarigat mill-protezzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE;

Q.  billi, skont l-Ewrobarometru Flash dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea ta' Marzu 2016, 9 minn 10 ċittadini tal-UE (87 %) huma konxji mill-istatus tagħhom ta' ċittadini tal-Unjoni u mid-dritt tagħhom li jressqu lment lill-Parlament, lill-Kummissjoni jew lill-Ombudsman;

1.  Japprova r-rapport annwali għall-2016 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew, u jilqa' l-preżentazzjoni ċara u faċilment leġġibbli fejn huma miġbura l-aktar fatti u ċifri importanti dwar il-ħidma tal-Ombudsman għall-2016;

2.  Jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ħidma eċċellenti tagħha fit-titjib tal-kwalità u l-aċċessibilità tas-servizzi tal-Ombudsman u għall-kooperazzjoni kollaborativa u pożittiva ta' ħidmitha mal-Parlament, b'mod partikolari mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, kif ukoll mal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji l-oħra tal-UE;

3.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-inkjesti u l-inizjattivi strateġiċi, u jappoġġja lil dawk imwettqa mill-Ombudsman fuq inizjattiva tagħha, dwar suġġetti strateġikament importanti li huma fl-interess pubbliku taċ-ċittadini Ewropej; ifaħħar l-isforzi mill-Ombudsman biex tagħmel użu aħjar mill-ħidma strateġika tagħha billi tippermetti li l-każijiet ibbażati fuq ilmenti b'kontenut simili jiġu ttrattati b'mod kollettiv;

4.  Jilqa' d-determinazzjoni tal-Ombudsman li tirreaġixxi fil-pront u b'mod effiċjenti għall-ħtiġijiet u l-preokupazzjonijiet taċ-ċittadini tal-UE, u jappoġġja l-metodi ġodda ta' ħidma u l-proċedura ssimplifikata għat-trattament ta' każijiet introdotta fl-2016, li jippermettu aktar flessibbiltà u effiċjenza u impatt akbar fuq numru ikbar ta' ċittadini;

5.  Jaqbel li l-isfidi attwali u mingħajr preċedent li qed tiffaċċja l-UE, bħalma huma l-qgħad, l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, il-kriżi tal-migrazzjoni u Brexit, iġiegħlu lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, inkluż l-Ombudsman, jaħdmu b'aktar sforz u determinazzjoni ħalli jiżguraw l-ogħla livelli ta' ġustizzja soċjali, responsabilità u trasparenza fil-livell Ewropew;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb id-djalogu soċjali;

7.  Jenfasizza li l-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet hija tal-ogħla importanza fis-sitwazzjoni ekonomika attwali;

8.  Jieħu att tal-fatt li l-uffiċċju tal-Ombudsman irreġistra t-tieni l-ogħla rata ta' konformità mad-deċiżjonijiet u/jew rakkomandazzjonijiet tiegħu s'issa; jirrakkomanda lill-Ombudsman tibqa' attenta, tidentifika r-raġunijiet għal nuqqas ta' konformità mar-rakkomandazzjonijiet tagħha u tinforma lill-Parlament dwar kwalunkwe każ ripetut ta' nuqqas ta' konformità mill-amministrazzjoni tal-UE;

9.  Jieħu att tat-tnaqqis fin-numru ta' inkjesti li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet Ewropej imwettqa mill-Ombudsman fl-2016 (245 fl-2016, 261 fl-2015); iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE biex jirrispondu u jirreaġixxu fi żmien raġonevoli għar-rimarki ta' kritika tal-Ombudsman u jtejbu r-rata ta' konformità tagħhom mar-rakkomandazzjonijiet u/jew deċiżjonijiet tal-Ombudsman;

10.  Jieħu att tal-fatt li fl-2016, il-biċċa l-kbira tal-każijiet ġestiti mill-Ombudsman ingħalqu fi żmien 12-il xahar u li ż-żmien medju meħtieġ biex tingħalaq inkjesta kien 10 xhur, u li 30 % biss tal-każijiet jingħalqu wara 12-il xahar jew aktar; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli ttejjeb il-metodi ta' ħidma tagħha u tqassar iż-żmien meħud għat-trattament tal-ilmenti, speċjalment għal każijiet li għadhom miftuħa wara 12-il xahar, mingħajr ma tikkomprometti l-effiċjenza tax-xogħol tagħha;

11.  Jieħu att tal-fatt li l-inkjesti relatati mat-trasparenza, b'mod partikolari dawk relatati ma' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-trasparenza tal-proċessi deċiżjonali, it-trasparenza tal-lobbying u l-aċċess għad-dokumenti tal-UE, għal darb'oħra jirrappreżentaw l-akbar proporzjon ta' każijiet ittrattati mill-Ombudsman, segwiti minn problemi oħra relatati ma' firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, mill-ksur tad-drittijiet fundamentali u kwistjonijiet etiċi sal-kuntratti u l-għotjiet tal-UE;

12.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tat-trasparenza, tal-amministrazzjoni tajba u tal-kontrolli u l-bilanċi istituzzjonali fil-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE; jiddispjaċih li inkjesti relatati mat-trasparenza u l-aċċess għal informazzjoni u dokumenti jikkostitwixxu, b'mod konsistenti, aktar minn 20 % tat-talbiet kollha ppreżentati lill-Ombudsman u baqgħu preokkupazzjoni importanti fost iċ-ċittadini Ewropej matul is-snin; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jippubblikaw informazzjoni u dokumenti b'mod proattiv ħalli jżidu t-trasparenza u jnaqqsu l-amministrazzjoni ħażina;

13.  Jemmen li bħala regola għandu jkun hemm livell massimu ta' trasparenza tad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet u aċċess komplut għalihom; ifakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi l-oħra tal-Unjoni u li d-derogi possibbli kif ukoll l-eċċezzjonijiet potenzjali għall-istess dritt dejjem għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tal-prinċipji ta' trasparenza u ta' demokrazija, bħala prekundizzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet demokratiċi tagħhom. iqis li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 hija meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-Ombudsman fl-iskrutinju tal-għoti ta' aċċess għal dokumenti mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza u l-aċċess għal dokumenti u informazzjoni, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċeduri pilota tal-UE fir-rigward tal-petizzjonijiet riċevuti u mal-proċeduri pilota tal-EU u proċeduri ta' ksur li diġà ngħalqu; jissottolinja l-importanza li l-Kummissjoni tiżgura segwitu regolari mal-Parlament; jinkoraġġixxi t-tkomplija tal-inkjesta strateġika tal-Ombudsman fuq it-trasparenza tal-Kummissjoni fit-trattament ta' lmenti dwar ksur fil-qafas tal-proċeduri pilota tal-UE, u jħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tinvestiga l-kwistjoni fl-2017 b'determinazzjoni u b'reqqa; iqis li dewmien mhux raġonevoli fil-ġestjoni tal-proċeduri ta' ksur u l-proċeduri pilota tal-UE mnedija, jew in-nuqqas ta' eżitu konklużiv, jista' wkoll jidħol fl-ambitu ta' amministrazzjoni ħażina;

15.  Ifaħħar id-determinazzjoni tal-Ombudsman li tikseb l-ogħla livell ta' trasparenza fil-proċess deċiżjonali tal-UE; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għat-trasparenza fit-trilogi; jappella lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippubblikaw informazzjoni rilevanti rigward id-deċiżjonijiet li jittieħdu fit-trilogi; itenni, barra minn hekk, il-ħtieġa għal trasparenza sħiħa u msaħħa fil-ftehimiet u n-negozjati kummerċjali, u jistieden lill-Ombudsman tkompli bl-isforzi tagħha fil-monitoraġġ tat-trasparenza fin-negozjati tal-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE ma' pajjiżi terzi, filwaqt li żżomm f'moħħha li dan ma għandux jimmina l-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE;

16.  Itenni l-importanza ta' trasparenza min-naħa tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE fin-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit fir-rigward tal-ħruġ ta' dan tal-aħħar mill-Unjoni mingħajr ma tiġi pperikolata l-pożizzjoni ta' negozjar tal-partijiet; jistieden lill-Ombudsman tissorvelja l-konformità mat-trasparenza fil-proċess tan-negozjati tal-ħruġ;

17.  Jappella għal trasparenza akbar fil-proċess deċiżjonali tal-UE fl-ambitu tal-ekonomija u l-finanzi, b'mod partikolari fil-qasam tas-superviżjoni bankarja mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew; jappoġġja, barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li tiżdied it-trasparenza tal-BEI u tal-Grupp tal-Euro u li jissaħħu r-regoli ta' etika interni tagħhom, filwaqt li jirrikonoxxi l-isforzi reċenti tagħha f'dan ir-rigward u l-fatt li r-Regolament (UE) Nru 1049/2001 ma japplikax għall-Grupp tal-Euro peress li dan mhuwiex istituzzjoni jew korp fis-sens tat-Trattati; jitlob konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar ir-Reviżjoni tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tal-BEI (BEI-CM) u jissottolinja l-importanza ta' mekkaniżmu tal-ilmenti indipendenti; jistieden lill-Ombudsman Ewropew tiżvolġi rwol aktar attiv sabiex tiżgura li l-BEI-CM ġdid jibqa' kredibbli u effiċjenti u jirrispetta l-prinċipji ta' indipendenza operazzjonali, trasparenza, aċċessibilità, tempesitività u riżorsi xierqa;

18.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-objettiv aħħari tal-Ombudsman, li hu li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istrutturi u l-istituzzjonijiet f'termini ta' responsabilità u trasparenza fil-livell tal-UE, u ttejjeb il-kwalità tad-demokrazija fl-Unjoni Ewropea;

19.  Jieħu att tal-konstatazzjonijiet tal-Ombudsman ta' amministrazzjoni ħażina fir-rigward tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji; jenfasizza l-importanza ta' standards morali u etiċi għolja fi ħdan l-UE, u jieħu att tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-perjodu ta' preklużjoni għal sentejn fil-każ ta' eks Kummissarji, u għal tliet snin fil-każ ta' eks Presidenti tal-Kummissjoni, iżda jemmen bil-qawwa li hemm bżonn li jiġu applikati regoli etiċi aktar stretti fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, anki kemm għall-politiċi kif ukoll għall-persunal tal-UE, bil-għan li jiġi garantit ir-rispett għad-dmir ta' mġiba b'integrità u diskrezzjoni kif ukoll ta' indipendenza totali mis-settur privat; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi pubblikazzjoni proattiva u trasparenza sħiħa fir-rigward tal-impjiegi ta' eks Kummissarji wara t-tmiem tal-mandat tagħhom; jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għal aktar reviżjoni tal-Kodiċi f'konformità mal-obbligi tat-Trattat permezz ta' regoli aktar espliċiti u faċilment applikabbli biex b'hekk jiġu żgurati l-kredibilità, l-imparzjalità u n-nuqqas ta' kunflitt ta' interess fuq bażi ta' każ b'każ; iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tkompli tissorvelja u tivvaluta l-livell ta' indipendenza tal-Kumitat tal-Etika Ad Hoc tal-Kummissjoni;

20.  Jieħu att tal-passi tal-Kummissjoni bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar kif ir-regoli tal-persunal tal-UE li jirregolaw il-fenomenu tal-hekk imsejjaħ "bieb idur" ġew implimentati, u jistenna bil-ħerqa l-inkjesta ta' segwitu tal-Ombudsman li se tivvaluta kif qed jaħdmu fil-prattika r-regoli ġodda;

21.  Jistieden lill-Ombudsman tkompli bix-xogħol tagħha biex tiżgura l-pubblikazzjoni f'waqtha tal-ismijiet tal-uffiċjali kollha tal-UE involuti f'każijiet ta' "bieb idur" u biex tiggarantixxi t-trasparenza sħiħa fir-rigward tal-informazzjoni relatata kollha;

22.  Jappoġġja l-impenn tal-Ombudsman biex ittejjeb it-trasparenza tal-lobbying fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma bis-sħiħ mas-suġġerimenti tal-Ombudsman għat-titjib fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE billi tagħmlu punt ċentrali ta' trasparenza obbligatorju għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE; jenfasizza li għandha tittieħed azzjoni ċara u koerenti u jiġu żviluppati skedi ta' xogħol effikaċi għal dan il-għan; jisħaq fuq l-importanza ta' trasparenza akbar, anki fir-rigward ta' informazzjoni dwar finanzjament, gruppi ta' interess u interessi finanzjarji;

23.  Jilqa' l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman dwar kif il-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess għall-konsulenti speċjali tagħha; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar il-proċedura għall-ħatra ta' konsulenti speċjali, il-valutazzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali qabel u wara l-ħatra tagħhom u l-provvediment ta' aċċess pubbliku u informazzjoni fir-rigward ta' dokumenti u laqgħat;

24.  Jappoġġja l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman dwar il-gruppi esperti tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Ombudsman tiżgura li l-ġestjoni ta' kunflitt ta' interess u rappreżentanza bilanċjata u ndaqs għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-partijiet soċjali interessati, jittejbu fir-regoli l-ġodda tal-Kummissjoni, inkluż l-elenkar tal-esperti kollha fir-Reġistru għat-Trasparenza tal-UE;

25.  Jieħu att tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-trasparenza tal-laqgħat tagħha mal-lobbyists tat-tabakk u l-miżuri ta' trasparenza implimentati mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa tagħha; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tbiddel il-prattika tagħha u trendi xogħolha kompletament trasparenti billi tippubblika onlajn data dwar il-laqgħat kollha mal-lobbyists jew ir-rappreżentanti legali tagħhom, kif ukoll il-minuti ta' dawn il-laqgħat, f'konformità mal-obbligi tagħha fil-qafas tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC);

26.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet prattiċi tal-Ombudsman dwar l-interazzjoni tal-uffiċjali pubbliċi mal-lobbyists; iħeġġeġ lill-Ombudsman biex iżżid is-sensibilizzazzjoni dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet fost il-membri tal-persunal fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE permezz ta' taħriġ edukattiv, seminars u miżuri ta' sostenn relatati u jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jimplimentaw il-Kodiċi ta' Kondotta Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman u l-miżuri ta' trasparenza tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC); itenni l-appell tiegħu għal aġġornament effikaċi tal-Kodiċi ta' Kondotta Amministrattiva Tajba permezz tal-adozzjoni ta' regolament vinkolanti dwar il-kwistjoni matul din il-leġiżlatura;

27.  Ifaħħar l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman fuq l-aċċess għal dokumenti relatati mal-korpi preparatorji tal-Kunsill, inklużi l-Kumitati, il-gruppi ta' ħidma u l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER) tiegħu, meta jiġu diskussi abbozzi ta' atti leġiżlattivi tal-UE; iħeġġeġ lill-Ombudsman biex titlob lill-Kunsill itejjeb it-trasparenza fir-rigward tal-laqgħat tiegħu mal-partijiet interessati u d-deċiżjonijiet adottati, jikkonforma mar-rekwiżiti ta' aċċess għal dokumenti, u jipprovdi dan l-aċċess fi żmien utli u mingħajr dewmien;

28.  Ifaħħar il-ħidma tal-Ombudsman fit-trattament ta' kwistjonijiet ta' interess pubbliku ġenerali, bħad-drittijiet fundamentali, is-sigurtà u l-effikaċja tal-mediċina, il-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa, u l-protezzjoni kontra r-riskji ambjentali; jistieden lill-Ombudsman tagħti segwitu għall-proposti tagħha lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi dwar diżinċentivi relatati mal-ittestjar fuq l-annimali meta jiġu rreġistrati fis-suq prodotti kożmetiċi ġodda u lill-EPSO dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' force majeure u t-trasparenza tal-kompetizzjonijiet tal-EPSO;

29.  Jirrikonoxxi l-esperjenza tal-Ombudsman fit-trattament ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet tal-UE marbuta mal-fastidju u l-abbuż sesswali fuq il-post tax-xogħol, kif kien il-każ rigward l-ilment 1283/2012/AN; jistieden lill-Ombudsman, fid-dawl tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-fastidju u l-abbuż sesswali fl-UE u tad-deċiżjoni tiegħu li joħloq task force ta' esperti indipendenti biex jeżamina s-sitwazzjoni tal-fastidju u l-abbuż sesswali fil-Parlament, u jeżamina wkoll is-sitwazzjoni tal-fastidju u l-abbuż sesswali fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċji u l-aġenziji tal-UE u jipprovdi rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki għall-prevenzjoni ta' każijiet ġodda fl-istituzzjonijiet tal-UE;

30.  Jappoġġja r-rwol tal-Ombudsman fit-tfassil ta' politika proattiva u trasparenti fir-rigward tal-provi kliniċi mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman rigward l-approvazzjoni ta' Humira, waħda mid-drogi li jinbigħu l-aktar l-aktar fid-dinja, li tintuża għat-trattament tal-marda ta' Crohn; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tissorvelja l-EMA biex tiżgura li din tilħaq l-ogħla standards fil-qasam tat-trasparenza u tal-aċċess għal informazzjoni dwar il-provi kliniċi, jiġifieri standards li huma fl-interess pubbliku u ta' valur għat-tobba, il-pazjenti u r-riċerkaturi;

31.  Jistieden lill-Ombudsman tkompli tinvestiga l-prattiki fi ħdan l-aġenziji tal-UE, b'enfasi partikolari fuq l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà ta' l-Ikel u l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi fir-rigward tal-Monsanto Papers u l-implikazzjonijiet possibbli f'termini ta' segretezza u kunflitt ta' interess;

32.  Jilqa' l-inkjesti tal-Ombudsman insegwitu ta' lmenti minn persuni b'diżabilità, u jinkoraġġixxi l-ħidma tagħha bħala parteċipant attiv fil-Qafas tal-UE għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u l-kontribut tagħha fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni fil-livell tal-UE;

33.  Jistieden lill-Ombudsman tiżgura li l-Kummissjoni tikkunsidra l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar ir-reviżjoni fil-futur tal-istrument tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) bil-għan li jiġi garantit li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ECI jkunu ġenwinament ċari, sempliċi, faċilment applikabbli u proporzjonati;

34.  Jistieden lill-Ombudsman tiżgura li l-Kummissjoni tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' infrastruttura li tipprovdi pariri legali fuq l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej u ta' qafas legali li jipproteġi lill-membri tal-ECI;

35.  Ifakkar li l-informaturi għandhom rwol kruċjali fl-iżvelar ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, u jappoġġja miżuri li jinkoraġġixxu l-iżvelar b'mod effikaċi u jipproteġu lill-informaturi mir-rappreżalji, u jistieden lill-Ombudsman sabiex tkompli tivvaluta l-implimentazzjoni tar-regoli interni ġodda dwar l-iżvelar fl-istituzzjonijiet tal-UE; iħeġġeġ segwitu fuq l-inkjesti tal-Ombudsman tal-2015 relatati mar-regoli interni dwar l-iżvelar tal-istituzzjonijiet tal-UE; jilqa' r-regoli tal-Ombudsman stess f'dan il-qasam u jħeġġeġ lil istituzzjonijiet tal-UE oħra biex jużawhom bħala gwida; itenni l-appell tiegħu għal leġiżlazzjoni orizzontali tal-UE dwar il-protezzjoni tal-informaturi li tistabbilixxi mezzi u proċeduri xierqa għar-rapportar tal-forom kollha ta' amministrazzjoni ħażina, kif ukoll garanziji adegwati u salvagwardji legali fil-livelli kollha għall-individwi involuti;

36.  Jipproponi reviżjoni tal-Istatut tal-Ombudsman Ewropew biex tingħata s-setgħa li tinvestiga allegazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti minn istituzzjonijiet u korpi tal-UE u biex tieħdu deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni tad-dokumenti rilevanti;

37.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Ombudsman li tidentifika l-aħjar prattiki fl-amministrazzjoni tal-UE u ġġibhom aktar għall-attenzjoni tal-pubbliku permezz tal-Premju għal Amministrazzjoni Tajba tal-Ombudsman;

38.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tikkollabora mal-ombudsmen nazzjonali permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; jappoġġja l-idea ta' konferenza annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen fi Brussell, li seħħet għall-ewwel darba fl-2016, u l-impenn tal-Kummissjoni li taħdem b'mod aktar effikaċi man-Netwerk;

39.  Qed jikkunsidra l-idea li fil-futur jiġu organizzati konferenzi annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen fil-binjiet tal-Parlament, fid-dawl tar-rabtiet diretti bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-Ombudsman;

40.  Ifakkar li n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jista' jkollu rwol importanti fid-difiża tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fin-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE;

41.  Ifaħħar lill-Ombudsman talli għamlet laqgħat ma' ombudsmen nazzjonali b'mod individwali u mas-soċjetà ċivili u ma' organizzazzjonijiet tan-negozju; iħeġġeġ lill-Ombudsman tirreplika dawk il-laqgħat fl-Istati Membri kollha u tkompli tqajjem kuxjenza dwar x'jista' jagħmel l-Uffiċċju tal-Ombudsman għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej;

42.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tal-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti simili.

(1) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(2) ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 331.

Avviż legali - Politika tal-privatezza