Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2229(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0367/2017

Testi mressqa :

A8-0367/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 30/11/2017 - 8.5

Testi adottati :

P8_TA(2017)0456

Testi adottati
PDF 358kWORD 53k
Il-Ħamis, 30 ta' Novembru 2017 - Brussell
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - applikazzjoni EGF/2017/003 GR/Attica retail
P8_TA(2017)0456A8-0367/2017
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Greċja – EGF/2017/003 GR/Attica retail) (COM(2017)0613 – C8-0360/2017 – 2017/2229(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0613 – C8-0360/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 7/2013 tal-Qorti tal-Awdituri li l-FEG wassal valur miżjud tal-UE meta ntuża għall-kofinanzjament ta' servizzi għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jew benefiċċji li normalment ma jeżistux taħt is-sistemi ta' benefiċċji tal-qgħad tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu adottati minn Jannar 2007 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond, inklużi l-kummenti tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali dwar l-applikazzjonijiet rispettivi,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0367/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-Greċja ressqet l-applikazzjoni EGF/2017/003 GR/Attica retail bil-għan li tikseb kontribuzzjoni finanzjarja tal-Fond wara 725 sensja f'disa' impriżi, li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu fis-settur ekonomiku rilevanti tal-bejgħ bl-imnut fir-reġjun ta' Attica u f'għaxar reġjuni oħra(4);

C.  billi l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent previsti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG;

D.  billi sabiex tistabbilixxi rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija, il-Greċja ssostni li l-ekonomija tagħha għaddiet minn reċessjoni gravi matul sitt snin konsekuttivi (2008-2013); billi bejn l-2008 u l-2016, il-PDG Grieg naqas b'26,2 % u l-konsum pubbliku fil-Greċja naqas bi 22,8 %, filwaqt li hemm 700 000 persuna aktar li huma qiegħda fil-pajjiż; billi sa mill-2008, biex jindirizzaw il-ħlasijiet lura tad-dejn barrani, il-Gvernijiet Griegi għollew ir-rati tat-taxxa b'mod sinifikanti, irrazzjonalizzaw in-nefqa pubblika u naqqsu l-pagi fis-settur pubbliku, b'mod partikolari l-pensjonijiet, filwaqt li l-pagi tas-settur privat naqsu wkoll bħala konsegwenza tal-kombinament tal-politiki applikati; billi t-tnaqqis fl-introjtu ġie rifless fi tnaqqis fil-konsum, li affettwa bil-qawwa s-settur tal-bejgħ bl-imnut;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li l-Greċja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 949 150 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 4 915 250;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni rrispettat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Griegi, sakemm iffinalizzat il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja, fit-23 ta' Ottubru 2017, u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata;

3.  Jinnota li d-disa' impriżi kkonċernati għandhom ħwienet u supermarkets li jbiegħu prodotti ta' konsum li ġejjin mill-bejgħ bl-imnut; jiddeplora l-fatt li l-bejgħ bl-imnut naqas bejn l-2008 u l-2015, li jvarja minn 60 % għall-ħwienet tal-apparat domestiku għal 30 % għall-bejgħ bl-imnut tal-ikel u 23 % għas-supermarkets;

4.  Jirrikonoxxi li dawn is-sensji huma direttament marbuta ma' tnaqqis fis-settur tal-bejgħ sa mill-2008; jinnota li bejn l-2008 u l-2015 intilfu 164 000 impjieg fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut, tal-manifattura u tal-kostruzzjoni u dawn jammontaw għal 64,2 % tal-impjiegi kollha li ntilfu;

5.  Jirrimarka li mill-2008 il-kriżi ekonomika poġġiet pressjoni sinifikanti 'l isfel fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-familji Griegi; jiddikjara li t-tnaqqis drastiku tas-self għall-impriżi u għall-individwi kellu impatt fuq il-bejjiegħa bl-imnut; jiddeplora li l-kombinament ta' dawn iż-żewġ fatturi wassal għal tnaqqis fil-fatturat globali tas-settur tal-bejgħ bl-imnut, li naqas b'aktar minn 63 % matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2016; jirrimarka li l-miżuri ta' awsterità applikati mill-2008, b'mod partikolari t-tnaqqis fil-pagi, in-negozjar mill-ġdid tal-kirjiet u s-sospensjoni tad-data tal-maturità tal-kontijiet wasslu biex is-sitwazzjoni tiddeterjora; jindika li dan il-każ juri li l-miżuri applikati ma jistgħux jindirizzaw il-kriżi ekonomika b'mod effikaċi u fuq medda twila ta' żmien;

6.  Jenfasizza bi tħassib li r-reġjun ta' Attica, fejn huma kkonċentrati aktar minn 70 % tas-sensji, għandu rata ta' qgħad ta' 22,9 %, filwaqt li fl-10 reġjuni l-oħra r-rata tvarja minn 19,5 % fir-reġjun tal-Eġew għal 26,8 % fir-reġjuni ta' Epirus u tal-Maċedonja tal-Punent; jinsab imħasseb bil-fatt li dawn is-sensji jistgħu jaggravaw aktar is-sitwazzjoni tal-qgħad li dawn ir-reġjuni ilhom iħabbtu wiċċhom magħha mill-bidu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja; jinnota b'mod partikolari li 31,8 % tal-popolazzjoni ta' Attica tinsab f'sitwazzjoni ta' riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali;

7.  Jinnota li l-Greċja qiegħda tippjana ħames tipi ta' miżuri: (i) gwida okkupazzjonali, (ii) taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali, (iii) kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju, (iv) benefiċċju għat-tiftix ta' impjieg u benefiċċju għat-taħriġ, u (v) sussidju għall-ħolqien ta' impjiegi;

8.  Jinnota li 85,2 % tal-benefiċjarji fil-mira huma persuni ta' aktar minn 55 sena, li 24,8 % minnhom għandhom aktar minn 64 sena; jissottolinja li hija ħasra li ma kienx possibbli li tinstab soluzzjoni vijabbli sabiex jiġu evitati s-sensji, speċjalment meta wieħed iqis il-fatt li l-età hija fattur aggravanti meta persuna tfittex impjieg; jilqa' d-deċiżjoni tal-Greċja li tipprovdi korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali lill-ħaddiema li jikkorrispondu ma' bżonnijiethom, speċjalment dawk tal-benefiċjarji anzjani, u l-bżonnijiet attwali fis-suq tax-xogħol.

9.  Jinnota u jilqa' l-fatt li l-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati ġie mfassal b'konsultazzjoni mas-Segretarju Ġenerali u r-rappreżentanti tal-Istitut tax-Xogħol tal-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Ħaddiema Helleniċi (GSEE); ifakkar li djalogu soċjali sod, ibbażat fuq fiduċja reċiproka u responsabbiltà konġunta, huwa l-aħjar strument sabiex jinstabu soluzzjonijiet ta' qbil u metodi komuni sabiex jantiċipaw, jipprevjenu u jiġġestixxu l-proċessi tar-ristrutturar; jissottolinja li dan id-djalogu jista' jgħin biex jipprevjeni t-telf ta' impjiegi u għalhekk, każijiet tal-FEG;

10.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jikkostitwixxu 34,72 % tal-pakkett globali ta' miżuri personalizzati, ftit inqas mill-massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament, u perċentwal ħafna aktar ogħla minn dak propost għal każijiet reċenti oħra; ifakkar li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet tat-tfittxija għall-impjieg jew tat-taħriġ;

11.  Jissottolinja li l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċievu l-ebda assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;

12.  Ifakkar li t-tfassil tal-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG għandu jkun orjentat lejn inizjattivi li jikkontribwixxu għall-impjiegi, għall-kompetenzi tal-ħaddiema, għall-valorizzazzjoni tal-karrieri tagħhom bil-għan li jersqu lejn il-komunità tan-negozju, inklużi l-kooperattivi, u għandu jkun koordinat mal-programmi eżistenti tal-Unjoni, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew; jinsab konvint li strateġija koerenti tkun waħda li tnaqqas ir-riskju ta' delokalizzazzjoni u li toħloq il-kundizzjonijiet favorevoli għar-riallokazzjoni tal-produzzjoni industrijali fl-Unjoni; jinsisti fuq il-fatt li politika serja ta' prevenzjoni u ta' antiċipazzjoni tar-ristrutturar għandha tieħu preċedenza fuq kull użu tal-FEG; jenfasizza wkoll l-importanza ta' politika industrijali reali fil-livell tal-Unjoni li ġġib magħha tkabbir sostenibbli u inklużiv;

13.  Ifakkar li huwa diġà esprima tħassib dwar id-diverġenza bejn ir-riżorsi mitluba mill-FEG u l-ammonti rimborżati mill-Istati Membri fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-attivitajiet, l-impatt u l-valur miżjud tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bejn l-2007 u l-2014(5); jistieden lill-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu previżjonijiet aktar realistiċi tal-ispejjeż mistennija, sabiex tiġi minimizzata l-ħtieġa li sussegwentement jiġu rkuprati fondi;

14.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

15.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

16.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

17.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-Anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Il-Maċedonja tal-Lvant, Traċja (EL11), il-Maċedonja Ċentrali (EL12), il-Maċedonja tal-Punent (EL13), Tessalija (EL14), Epirus (EL21), il-Greċja tal-Punent (EL23), il-Greċja Ċentrali (EL24), Peloponnese (EL25), in-Nofsinhar tal-Eġew (EL42) u Kreta (EL43).
(5) Test adottat, P8_TA(2016)0361.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Greċja - EGF/2017/003 GR/Attica retail

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2018/6.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza