Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ana Gomes (2017/2096(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ana Gomes, imressqa fit-30 ta' Mejju 2017 mir-Rappreżentanza Permanenti tal-Portugall għall-Unjoni Ewropea, u ffirmata mid-Deputat Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika Portugiża fl-ambitu ta' proċedimenti kriminali pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Qorti Distrettwali ta' Peso da Régua – fid-Distrett ta' Vila Reale (ref. NUIPC 430/16.6T9LSBP), u mħabbra fis-seduta plenarja fit-12 ta' Ġunju 2017,
– wara li sema' lil Ana Gomes skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 157(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Portugiża u l-Artikolu 11 tal-Istatut tal-Membri tal-Assemblea tar-Repubblika Portugiża,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0363/2017),
A. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tal-Prosekuzzjoni tar-Repubblika Portugiża tad-Distrett ta' Vila Real, Prosekuzzjoni Ġenerali tal-Qorti Distrettwali ta' Peso de Régua, ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Ana Gomes f'konnessjoni ma' dikjarazzjonijiet magħmula mill-onorevoli Gomes f'intervista lill-gazzetta ta' kuljum Diàrio de Noticias, ippubblikata mill-istess gazzetta fuq l-internet fid-29 ta' April 2016; billi t-talba intbagħtet sabiex ikun jista' jinfetaħ proċediment kriminali kontra l-onorevoli Gomes u hi tkun tista' tinstema' fl-ambitu ta' tali proċediment;
B. billi l-artikolu fil-gazzetta rrapporta dwar perkwiżizzjonijiet fir-rigward tat-tarzni ta' Viana, u li l-onorevoli Gomes iddikjarat li "huwa sinjal li xi ħaġa qed tiċċaqlaq f'każ ta' korruzzjoni flagranti", filwaqt li għamlet referenza għall-bejgħ, skont hi "għal ftit ċenteżmi", tal-lanċa Atlântida;
C. billi l-fatti denunċjati, teoretikament, jikkostitwixxu tliet reati, mwettqa mill-onorevoli Gomes, jiġifieri r-reati ta' offiża fil-konfront ta' organizzazzjoni, ta' servizz jew ta' persuna ġuridika, previsti u sanzjonati permezz tal-Artikolu 187(1) u (2)(a), u l-Artikolu 183(2) tal-Kodiċi Kriminali fil-konfront ta' żewġ partijiet ċivili, reat punibbli b'piena ta' ħabs sa mhux aktar minn sentejn jew multa kuljum għal mhux inqas minn 120 jum;
D. billi skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom;
E. billi l-Artikolu 5 tar-regolament tal-Parlament Ewropew jistabbilixxi li fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu rigward il-privileġġi u l-immunitajiet, il-Parlament għandu jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiggarantixxi l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom;
F. billi l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet li dikjarazzjoni magħmula minn Membru barra mill-Parlament Ewropew tista' tikkostitwixxi opinjoni espressa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 meta jkun hemm valutazzjoni soġġettiva li turi rabta diretta u evidenti mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Membru stess fil-Parlament Ewropew, u b'hekk tagħti rilevanza mhux lill-post li fih id-dikjarazzjoni tkun saret, iżda lin-natura u l-kontenut tad-dikjarazzjoni nnifisha;
G. billi llum il-ġurnata id-dibattitu poliku qiegħed isir dejjem aktar 'il barra mill-awli tal-Parlament, permezz ta' mezzi ta' kommunikazzjoni li jvarjaw minn stqarrijiet għall-istampa, sa intervisti, blogs u l-internet;
H. billi d-dikjarazzjonijiet magħmula waqt l-intervista inkwistjoni tal-onorevoli Gomes saru fit-twettiq tal-funzjonijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew, u b'mod partikolari fl-ambitu tal-attribuzzjonijiet li jidderivaw mir-rwol tagħha ta' Viċi President tal-Kummissjoni ta' Investigazzjoni inkarigata biex teżamina r-rapporti ta' ksur u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ħasil tal-flus, l-evitar u l-evażjoni tat-taxxi;
I. billi l-affermazzjonijiet tal-onorevoli Gomes huma direttament marbuta mad-dikjarazzjonijiet li għamlet waqt il-programm televiżiv "TVI24- Cara a Cara - Ana Gomes versus Carlos Abreu Amorim" imxandar fid-29 ta' Novembru 2013, u li għalihom il-Parlament Ewropew iddefenda l-immunità tagħha(2);
J. billi d-dikjarazzjonijiet tal-onorevoli Gomes għalhekk jaqgħu fi ħdan l-attivitajiet tagħha fil-Parlament Ewropew;
1. Jiddeċiedi li ma jneħħix l-immunità ta' Ana Gomes ;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Portugiża u lil Ana Gomes.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.