Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Novembru 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-proporzjon ta' ingranaġġ, il-proporzjon ta' ffinanzjar stabbli nett, rekwiżiti għall-fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, riskju ta' kreditu tal-kontroparti, riskju tas-suq, skoperturi għal kontropartijiet ċentrali, skoperturi għal impriżi ta' investiment kollettiv, skoperturi kbar, rekwiżiti ta' rappurtar u divulgar u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (COM(2016)0850 – C8-0158/2017 – 2016/0360B(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2016)0850),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0158/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni motivata ppreżentata mil-Parlament Żvediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikajara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta’ Novembru 2017(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-30 ta' Marzu 2017(2),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-18 ta' Mejju 2017 li tawtorizza lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji li jaqsam il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq u li jħejji żewġ rapporti leġiżlattivi separati fuq il-bażi tagħha,
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-15 ta’ Novembru 2017 li japprova l-pożizzjoni msemmija, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0255/2017),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-30 ta’ Novembru 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar arranġamenti tranżitorji għall-mitigazzjoni tal-impatt tal-introduzzjoni tal-IFRS 9 dwar fondi proprji u għat-trattament ta’ espożizzjonijiet kbar ta’ ċerti skoperturi tas-settur pubbliku denominat f'muniti differenti minn dawk domestiċi tal-Istati Membri