Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dan il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti (COM(2016)0597 – C8-0375/2016 – 2016/0276(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2016)0597),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 172 u 173, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 182(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0375/2016),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2016(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Diċembru 2016(2),
– wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitati responsabbli fis-sens tal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-8 ta' Novembru 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0198/2017),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi/tgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Diċembru 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/... tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta' titjib tekniku għal dak il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/2396.)
ANNESS għar-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar iż-żieda ta’ EUR 225 miljun tal-programm dwar il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa”
Bis-saħħa tal-ftehim politiku bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-finanzjament tal-FEIS 2.0, se jiġi riallokat ammont ta’ EUR 275 miljun minn strumenti finanzjarji tas-CEF, li jirrappreżenta tnaqqis ta’ EUR 225 miljun meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni tikkonferma li l-ipprogrammar finanzjarju se jkun rivedut biex jirrifletti ż-żieda korrispondenti ta’ EUR 225 miljun tal-programm CEF.
Fil-qafas tal-proċeduri baġitarji annwali għas-snin 2019–2020 il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti xierqa biex tiżgura l-aħjar allokazzjoni ta’ dan l-ammont fi ħdan il-programm CEF.