Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2199(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0398/2017

Testi mressqa :

A8-0398/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2017 - 5.6

Testi adottati :

P8_TA(2017)0479

Testi adottati
PDF 254kWORD 49k
It-Tlieta, 12 ta' Diċembru 2017 - Strasburgu
Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Eleonora Forenza
P8_TA(2017)0479A8-0398/2017

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar it-talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Eleonora Forenza (2017/2199(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba ta' Gabriele Zimmer tal-20 ta' Lulju 2017, imħabbra fis-seduta plenarja fil-11 ta' Settembru 2017, fid-dawl tal-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Eleonora Forenza fir-rigward ta' inċident li din tal-aħħar ġarrbet waqt dimostrazzjoni li seħħet fil-kuntest tas-Summit tal-G20 f'Hamburg, fit-8 ta' Lulju 2017,

–  wara li sema' lil Eleonora Forenza skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0398/2017),

A.  billi Gabriele Zimmer, Membru tal-Parlament Ewropew u President tal-Grupp GUE/NGL, talbet, bis-saħħa tal-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7, il-ħarsien tal-immunità parlamentari ta' Eleonora Forenza, Membru tal-PE fl-istess grupp, li ġiet perkwiżita u mbagħad miżmuma mill-pulizija Ġermaniża flimkien ma' attivisti oħra waqt dimostrazzjoni li seħħet fil-kuntest tas-Summit tal-G20 f'Hamburg fit-8 ta' Lulju 2017; billi l-perkwiżizzjoni u l-arrest seħħew wara l-imsemmija dimostrazzjoni, meta s-Sa Forenza u l-grupp tagħha kienu fi triqthom biex jieklu flimkien;

B.  billi l-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-orjentazzjoni li jixtieq jagħti lil deċiżjoni fir-rigward ta' talba għall-ħarsien ta' immunità mressqa minn Membru(2);

C.  billi l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jeskludu lil xulxin(3); billi l-każ inkwistjoni ma jikkonċerna ebda opinjoni espressa minn Membru tal-Parlament Ewropew, iżda pjuttost imġieba meqjusa perikoluża għall-ordni pubblika (allegata parteċipazzjoni f'rewwixta); billi, għalhekk, l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 japplika b'mod ċar għal dan il-każ;

D.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' pajjiżhom u, fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċedimenti legali. billi s-Sa Forenza, bħala Membru Taljan tal-Parlament Ewropew li kienet fil-Ġermanja, għalhekk tgawdi minn din l-immunità;

E.  billi, skont it-talba għall-ħarsien tal-immunità, is-Sa Forenza, mal-ewwel kuntatti tagħha mal-pulizija Ġermaniża, iddikjarat li hija kienet Membru tal-Parlament Ewropew; billi hija immedjatament ippreżentat dokumenti li jikkonfermaw l-istatus tagħha; billi kien irnexxielha saħansitra tqiegħed lill-konslu Taljan f'Hamburg f'kuntatt mal-uffiċjal tal-pulizija responsabbli;

F.  billi, minkejja l-istatus tagħha ta' Membru tal-Parlament Ewropew, il-pulizija Ġermaniża xorta wettqet perkwiżizzjoni bir-reqqa fuq il-persuna tas-Sa Forenza u mbagħad poġġietha f'detenzjoni għal erba' siegħat;

G.  billi l-pulizija Ġermaniża, fid-dawl ta' dak kollu li ntqal hawn fuq, kienet konxja mill-fatt li hija kienet arrestat Membru tal-Parlament Ewropew; billi dan jammonta għal ksur tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tiegħu;

H.  billi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, huwa evidenti li s-Sra Forenza ma ġietx arrestata in flagrante delicto, u b'hekk l-eċċezzjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ma tapplikax, u billi s-Sa Forenza hija kompletament koperta mill-immunità tagħha.

1.  Jiddeċiedi li jħares il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Eleonora Forenza;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lil Eleonora Forenza.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
(2) Kawża T-42/06, Gollnisch vs Il-Parlament, iċċitata iktar 'il fuq, punt 101.
(3) Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, Marra/De Gregorio u Clemente, iċċitati iktar 'il fuq, punt 45.

Avviż legali - Politika tal-privatezza