Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ingeborg Gräßle (2017/2220(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ingeborg Gräßle, imressqa fis-27 ta' Lulju 2017 mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Ellwangen (Il-Ġermanja) fil-qafas tal-proċediment kriminali bir-referenza 21 Js 11263/17, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-2 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra r-rinunzja ta' Ingeborg Gräßle għad-dritt għal smiegħ tagħha skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0397/2017),
A. billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta' Ellwagen bagħat talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Ingeborg Gräßle, Membru tal-Parlament Ewropew għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, rigward ksur fis-sens tal-Artikolu 229 tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż; billi l-proċediment jikkonċerna b'mod konkret reat allegat ta' offiża involontarja fuq persuna;
B. billi fl-10 ta' Ġunju 2017, is-Sa Gräßle, waqt li kienet qed issuq karozza, għaddiet fuq l-aħmar f'salib it-toroq Brenzstrasse/Ploucquetstrasse f'Heidenheim, u kkawżat inċident li rriżulta fil-korriment fl-ispalla ta' individwu; billi tressqet kwerela bil-kostituzzjoni ta' parti ċivili;
C. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-Istat;
D. billi l-Artikolu 46 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jiddisponi li għal att li għalih hija prevista sanzjoni, membru jista' jinżamm responsabbli jew jiġi arrestat biss wara l-awtorizzazzjoni tal-Bundestag, ħlief jekk jinqabad in flagrante delicto jew l-għada tal-ġurnata li fiha ikun wettaq dan l-att;
E. billi huwa l-Parlament biss li jista' jiddeċiedi li jneħħi jew ma jneħħix l-immunità f'każ partikolari; billi l-Parlament jista' raġonevolment jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Membru biex jieħu d-deċiżjoni jekk ineħħix l-immunità tiegħu(2);
F. billi r-reat allegat la għandu rabta diretta jew evidenti mal-qadi mis-Sa Gräßle tal-funzjonijiet tagħha ta' Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mixħut fil-qadi tal-funzjonijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
G. billi fil-każ preżenti, il-Parlament ma setax jikkonstata l-eżistenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett fondat u preċiż biżżejjed li l-kawża tressqet bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Ingeborg Gräßle;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lil Ingeborg Gräßle.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, C-101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., C-149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba' Awla) tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, Kawżi magħquda C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, Kawżi magħquda T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.