Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-proposta tal-Kummissjoni għat-tiġdid tal-mandat tal-President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (N8-0092/2017 – C8-0425/2017 – 2017/0901(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2017 għat-tiġdid tal-mandat tal-President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (N8-0092/2017),
– wara li kkunsidra t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 56(6) u l-Artikolu 56(7) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 122a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0393/2017),
A. billi fid-19 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill ħatar lil Elke König bħala President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) għal mandat ta' tliet snin li beda fit-23 ta' Diċembru 2014(2);
B. billi skont l-Artikolu 56(7) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-mandat tal-ewwel President tal-SRB jista' jiġġedded darba għal perjodu ta' ħames snin;
C. billi fid-29 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat proposta għat-tiġdid tal-mandat ta’ Elke König bħala President tal-SRB u bagħtet din il-proposta lill-Parlament;
D. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament imbagħad ipproċeda bl-evalwazzjoni tal-kredenzjali tal-kandidata proposta għall-kariga ta' President tal-SRB, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 56(4) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014;
E. billi fl-4 ta' Diċembru 2017, il-Kumitat organizza smigħ ta’ Elke König, li fih għamlet dikjarazzjoni tal-ftuħ u mbagħad wieġbet għall-mistoqsijiet li sarulha mill-membri tal-Kumitat;
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni għat-tiġdid tal-mandat ta’ Elke König bħala President tal-SRB;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.