Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (2017/2123(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, u tat-22 ta' Ġunju 2017,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016, tal-14 ta' Novembru 2016 u tat-18 ta' Mejju 2017, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija Globali tal-UE tas-17 ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra d-19-il laqgħa tal-Kunsill Ministerjali Franko-Ġermaniż f'Pariġi fit-13 ta' Lulju 2017,
– wara li kkunsidra l-laqgħa informali tal-ministri tad-difiża, u l-laqgħa informali tal-ministri tal-affarijiet barranin (Gymnich) f'Tallinn bejn is-6 u d-9 ta' Settembru 2017,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tad-Difiża fit-30 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar "L-istrutturi militari tal-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri"(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea ta' Difiża(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (ibbażat fuq ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni)(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar "L-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibbiltajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona"(6),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2018(7),
– wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union's Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea), ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,
– wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Implementation Plan on Security and Defence" (Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża) ippreżentat mill-VP/RGħ fl-14 ta' Novembru 2016,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-8 ta' Lulju 2016 mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni u mis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, il-ġabra komuni ta' proposti approvati min-NATO u mill-Kunsilli tal-UE tas-6 ta' Diċembru 2016 u r-rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tiegħu adottat fl-14 ta' Ġunju 2017,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Bratislava tas-16 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra l-pakkett tad-difiża l-ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017 fl-istqarrija għall-istampa "A Europe that defends: Commission opens debate on moving towards a Security and Defence Union" (Ewropa li tiddefendi: Il-Kummissjoni tiftaħ dibattitu dwar il-mixja lejn Unjoni ta' Sigurtà u Difiża),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea tas-7 ta' Ġunju 2017,
– wara li kkunsidra l-Eurobarometer 85.1 ta' Ġunju 2016, li skontu nofs iċ-ċittadini tal-UE mistħarrġa jqisu insuffiċjenti l-azzjoni tal-UE, u żewġ terzi minnhom jixtiequ jaraw parteċipazzjoni akbar tal-UE permezz ta' impenn mill-Istati Membri fi kwistjonijiet ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża,
– wara li kkunsidra l-kunċett ta' ġestjoni tal-kriżijiet tal-Kunsill għal missjoni ċivili ġdida tal-PSDK fl-Iraq tas-17 ta' Lulju 2017 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1425 tal-4 ta' Awwissu 2017 dwar azzjoni ta' stabilizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-reġjuni Maljani ta' Mopti u Segou,
– wara li kkunsidra l-Politika tal-UE dwar it-Taħriġ għall-PSDK, adottat mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-3 ta' April 2017,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda għall-Protokoll 31 għall-Ftehim ŻEE (L-Azzjoni Preparatorja tal-Unjoni fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża),
– wara li kkunsidra n-Notifika dwar Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) tat-13 ta' Novembru 2017,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-10 ta' Novembru 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-Titjib tal-Mobilità Militari tal-Unjoni Ewropea (JOIN(2017)0041),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0351/2017),
L-ambjent strateġiku tal-Unjoni
1. Jissottolinja li l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-valuri difiżi mid-demokraziji tal-Punent, kif ukoll il-paċi, il-prosperità u l-libertajiet garantiti minn dan l-ordni ta' wara t-Tieni Gwerra Dinjija u li jikkorrispondu għall-pedamenti li fuqhom hi mibnija l-Unjoni Ewropea, qegħdin jiffaċċjaw numru ta' sfidi mingħajr preċedent, konvenzjonali u ibridi, hekk kif ix-xejriet soċjetali, ekonomiċi, teknoloġiċi u ġeopolitiċi jindikaw vulnerabbiltà dejjem akbar tal-popolazzjoni dinjija għal xokkijiet u stress - bħal kunflitti bejn l-istati, diżastri naturali, avvenimenti estremi ta' temp, kriżijiet tal-ilma, kollass tal-istat u attakki ċibernetiċi - li kollha jitolbu approċċ magħqud u koordinat; ifakkar li s-sigurtà hi ta' tħassib ewlieni għaċ-ċittadini Ewropej; jiddikjara li l-azzjoni esterna tal-Unjoni hija ggwidata mill-valuri u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE;
2. Jisħaq li l-ebda Stat Membru waħdu ma jista' jindirizza kwalunkwe waħda mill-isfidi kumplessi ta' sigurtà li qegħdin niffaċċjaw illum, u sabiex l-UE tkun tista' tirrispondi għal dawn l-isfidi interni u esterni hija għandha bżonn li żżid l-isforzi tagħha lejn kooperazzjoni konkreta u qawwija fil-kuntest tal-PESK/PSDK, tkun attur globali effettiv, li jimplika l-użu ta' vuċi waħda u ħidma konġunta, kif ukoll l-iffukar tar-riżorsi tagħha fuq il-prijoritajiet strateġiċi; huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġu trattati l-kawżi ewlenin ta' instabbiltà, li huma l-faqar u l-inugwaljanza dejjem akbar, il-governanza ħażina, il-kollass tal-istat u t-tibdil fil-klima;
3. Jiddeplora l-fatt li l-organizzazzjonijiet terroristiċi u kriminali transnazzjonali qegħdin iżidu s-saħħa u d-daqs tagħhom, potenzjalment iffaċilitati bit-telfa tal-ISIS/Da'esh u l-fatt li l-ġellieda qegħdin jaħarbu, filwaqt li l-instabbiltà qiegħda fl-istess ħin tinfirex fir-reġjuni tan-nofsinhar u fil-Lvant Nofsani, hekk kif stati fraġli u li qegħdin jiddiżintegraw, bħal-Libja, qegħdin iċedu spazji kbar mhux iggvernati li huma vulnerabbli għall-forzi esterni; jesprimi t-tħassib kontinwu tiegħu dwar id-dimensjoni transnazzjonali tat-theddida terroristika fir-reġjun tas-Saħel; jiddeplora bil-qawwa li l-attivitajiet nukleari u b'rabta mal-missili ballistiċi kontinwi tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea ħolqu żieda fit-tensjoni fir-reġjun u lil hinn minnu, u qegħdin joħolqu theddida ċara għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;
4. Jenfasizza li lejn il-Lvant, għadha għaddejja l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-ftehimiet ta' Minsk, li mingħajrhom ma tista' tinstab l-ebda soluzzjoni għall-kunflitt, ma ġewx implimentati u l-annessjoni u l-militarizzazzjoni illegali tal-Krimea, kif ukoll l-impożizzjoni tas-sistemi ta' ċaħda ta' aċċess u ta' ċaħda ta' żoni għadhom għaddejjin; jinsab imħasseb ħafna li l-eżerċizzji u l-attivitajiet militari eċċessivi tar-Russja, mingħajr osservaturi internazzjonali, b'tattiċi ibridi, inkluż iċ-ċiberterroriżmu, l-aħbarijiet foloz u l-kampanji ta' diżinformazzjoni, ir-rikatti ekonomiċi u tal-enerġija qegħdin jiddestabbilizzaw il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-Balkani tal-Punent, u qegħdin jintlaqtu wkoll id-demokraziji tal-Punent, b'konsegwenza ta' tensjonijiet dejjem akbar fi ħdanhom; jinsab imħasseb dwar il-fatt li fis-snin li ġejjin l-ambjent tas-sigurtà madwar l-UE se jibqa' volatili ħafna; itenni l-importanza strateġika tal-Balkani tal-Punent għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-UE, kif ukoll il-bżonn li l-impenn politiku tal-UE lejn ir-reġjun jiġi ffokat u msaħħaħ, inkluż bit-tisħiħ tal-mandat tal-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK); jinsab fermament konvint li sabiex tingħeleb il-vulnerabbiltà tal-UE, hemm bżonn ta' integrazzjoni u ta' koordinament akbar;
5. Jiddeplora t-theddida terroristika li qed tinfirex malajr kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll lil hinn mill-konfini tagħha; iqis li r-risposta mhux kompluta fil-livell militari inevitabbilment se twassal għal theddid ta' sigurtà interna dejjem akbar; jappella b'urġenza għal patt Ewropew kontra l-Ġiħadisti li jista' jittratta dan it-theddida b'mod effettiv;
6. Jemmen li llum il-ġurnata t-terroriżmu jirrappreżenta waħda mill-isfidi ewlenin għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, u jirrikjedi azzjoni malajr, deċiża u koordinata, kemm fil-livell intern kif ukoll estern, sabiex jiġu evitati aktar attakki terroristiċi u jiġu miġġielda l-kawżi ewlenin tiegħu; jindika, b'mod partikolari, il-bżonn li tiġi evitata r-radikalizzazzjoni, biex jiġi mblukkat kwalunkwe sors ta' riżorsi finanzjarji għall-organizzazzjonijiet terroristiċi, biex tiġi trattata l-propaganda terrorista u jiġi mblukkat l-użu tal-internet u tan-netwerks soċjali għal dan il-għan, inkluż permezz ta' servizz awtonomu ta' tneħħija, u biex jitjieb il-qsim tal-intelligence bejn l-Istati Membri, kif ukoll ma' pajjiżi terzi, in-NATO u organizzazzjonijiet sħab oħrajn rilevanti; jemmen li l-mandat tal-missjonijiet tal-PSDK għandu jinkludi l-ġlieda kontra t-terroriżmu sabiex konsegwentement jikkontribwixxi aktar għall-programmi ta' deradikalizzazzjoni, partikolarment il-EULEX fil-Kosovo u l-EUFOR ALTHEA fil-Bożnja Ħerzegovina, pajjiżi li qegħdin jiffaċċjaw ir-ritorn minn barra ta' numru sinifikanti ta' ġellieda;
7. Jinsab imħasseb ħafna dwar it-theddida terroristika dejjem aktar fatali fir-reġjun tas-Saħel kif ukoll fl-espansjoni tagħha fl-Afrika Ċentrali, u l-instabbiltà fil-Lvant (is-Sirja, l-Iraq, il-Palestina); jappella lill-VP/RGħ tiżgura li jingħata mandat eżekuttiv lill-missjonijiet tal-PSDK u biex tintervjeni b'mod deċiżiv u determinat;
8. Jemmen li skont il-politika attwali ta' tkabbir tal-UE, proċess ta' adeżjoni kredibbli bbażat fuq kondizzjonalità estensiva u ġusta jibqa' għodda importanti għall-promozzjoni tas-sigurtà bit-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiżi fl-Ewropa tax-Xlokk;
9. Jemmen li f'ambjent ta' sigurtà diffiċli, u f'mument li fih l-UE u n-NATO qegħdin jistinkaw biex iwessgħu u japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom, minħabba l-Brexit l-UE se titlef parti mill-kapaċità militari tagħha u possibilment mhux se tkun tista' tibbenefika aktar mill-għarfien espert tar-Renju Unit, u viċi-versa; jinnota li l-Brexit jagħti spinta ġdida lill-inizjattivi li ilhom imblukkati għal ħafna żmien, u jista' jiftaħ il-bibien għal proposti ġodda; jisħaq dwar l-importanza li tinżamm il-kooperazzjoni fid-difiża mill-qrib bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit, inkluż f'oqsma ta' kondiviżjoni ta' intelligence u kontroterroriżmu, iżda mhux limitat għalihom; iqis, li jekk ir-Renju Unit jitlob dan, huwa jkun jista' jipparteċipa f'missjonijiet tal-PSDK bħala parti mir-relazzjoni ta' kooperazzjoni għad-difiża l-ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit;
10. Jilqa' l-impenn imġedded mill-Istati Uniti favur is-sigurtà Ewropea; jisħaq li l-UE tinsab impenjata bis-sħiħ lejn il-komunità transatlantika ta' valuri u interessi komuni; jinsab konvint fl-istess ħin li hemm bżonn ta' PESK responsabbli u kunfidenti, u li f'dan il-kuntest, l-UE għandha ssir attur kunfidenti fil-politika barranija;
Qafas istituzzjonali
11. Jemmen bil-qawwa li fejn meħtieġ, l-UE għandha tieħu azzjoni deċiżiva biex tiddetermina l-futur tagħha, peress li s-sigurtà interna u esterna qegħdin kull ma jmur isiru aktar interkonnessi, u għaliex dan għandu impatt dirett fuq iċ-ċittadini Ewropej kollha; iwissi li n-nuqqas ta' approċċ komuni jista' jwassal għal azzjoni mhux koordinata u frammentata, li tippermetti duplikazzjonijiet multipli u ineffiċjenza u bħala riżultat, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jsiru aktar vulnerabbli; hu tal-opinjoni għalhekk li l-UE għandha tkun tista' taġixxi b'mod effettiv tul l-ispettru sħiħ ta' strumenti ta' sigurtà interna-esterna, sal-livell tal-Artikolu 43(1) TUE; jisħaq li t-tfassil ta' politika ta' difiża komuni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 42(2) tat-TUE għandu l-għan li jistabbilixxi difiża komuni u jipprovdi lill-Unjoni b'awtonomija strateġika li tippermettilha tippromwovi l-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u fid-dinja; jenfasizza l-benefiċċji prattiċi u finanzjarji ta' aktar integrazzjoni tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej;
12. Jissottolinja li l-UE teħtieġ tapplika l-firxa kollha ta' strumenti ta' politika disponibbli - minn setgħa ta' persważjoni u s-setgħa ta' koerċizzjoni u minn miżuri fuq il-perjodu qasir ta' żmien għal politiki fuq il-perjodu twil ta' żmien fl-oqsma ta' politika barranija klassika, li jkun jinkludi mhux biss l-isforzi bilaterali u multilaterali fid-diplomazija, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-istrumenti ċivili u ekonomiċi, l-appoġġ għall-emerġenza, il-prevenzjoni tal-kriżijiet u l-istrateġiji ta' wara l-kunflitt, iżda wkoll żamma ta' paċi u infurzar tal-paċi, ukoll bi qbil mal-mezzi ċivili u militari deskritti fl-Artikolu 43(1) TUE - sabiex jiġu ffaċċjati l-isfidi li qegħdin dejjem jikbru; jemmen li l-PSDK għandha tkun mibnija fuq il-prinċipju li s-sigurtà ma tistax tkun garantita bis-sempliċi affidament fuq l-assi militari; iqis li l-azzjonijiet ta' politika barranija tal-UE għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-impatt tagħhom fuq l-interessi strateġiċi ffokati fuq in-nies tal-UE għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ tad-dritt internazzjonali u l-promozzjoni tal-paċi sostenibbli; jissottolinja l-bżonn li s-SEAE jżid il-kapaċitajiet tiegħu biex jantiċipa aħjar il-kriżijiet u l-isfidi ta' kontrosigurtà malli jinqalgħu; jisħaq dwar il-bżonn għal interazzjoni aktar koerenti u koordinata aħjar bejn l-atturi militari, ċivili, tal-iżvilupp u umanitarji;
13. Jilqa' l-progress viżibbli li sar fit-tfassil ta' difiża Ewropea aktar b'saħħitha sa mill-adozzjoni tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS) f'Ġunju 2016; jilqa' b'mod partikolari t-tnedija tal Fond Ewropew għad-Difiża (EDF), u ż-żieda proposta tal-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka ta' Difiża, u l-proposta leġiżlattiva għal Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP); jappella lill-Istati Membri biex iżidu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji futuri tagħhom għall-baġit tal-UE sabiex ikopru l-ispejjeż addizzjonali kollha mġarrba mill-UE b'rabta mal-EDF;
14. Jilqa' l-adeżjoni tal-EFTA għall-azzjoni preparatorja dwar ir-riċerka fid-difiża u jilqa' b'mod partikolari l-kontribut Norveġiż ta' EUR 585 000 għall-2017; jesprimi x-xewqa tiegħu li n-Norveġja tista' tkompli tipparteċipa fil-programmi ffinanzjati mill-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet għad-difiża jew li jinsabu fil-mandat għad-difiża;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ sabiex iżommu lill-Parlament informat minnufih u bis-sħiħ f'kull stadju dwar kull konklużjoni u emendar ta' ftehimiet internazzjonali li għandhom implikazzjonijiet għad-difiża jew li jinsabu fil-mandat għad-difiża; iqis li kull kontribuzzjoni finanzjarja minn pajjiż terz għandha implikazzjonijiet baġitarji importanti għall-Unjoni, peress li pajjiż terż jista' jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'tali mod li jmur lil hinn mid-daqs tal-kontribuzzjoni tiegħu billi jinżammu l-liċenzji ta' esportazzjoni meħtieġa; jisħaq li meta pajjiżi terzi jikkontribwixxu għall-programmi ffinanzjati mill-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet għad-difiża jew li jinsabu fil-mandat tad-difiża, il-Parlament jistenna li l-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jevalwaw l-impatt ta' tali parteċipazzjoni fir-rigward tal-politiki u tal-interessi strateġiċi tal-Unjoni qabel ma ssir proposta, u biex jinformaw lill-Parlament dwar din l-evalwazzjoni;
16. Jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni u numru dejjem akbar ta' Stati Membri impenjaw lilhom infushom biex iniedu l-Unjoni Ewropea tad-Difiża (EDU) u li hemm appoġġ qawwi għal dan fost iċ-ċittadini Ewropej; jisħaq li dan jikkorrispondi għad-domanda miċ-ċittadini tal-UE u mill-Parlament, partikolarment permezz ta' appelli numerużi espressi fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu; jenfasizza l-effiċjenza akbar u l-eliminazzjoni tad-duplikazzjoni u t-tnaqqis tal-ispejjeż, li se jiġu minn integrazzjoni Ewropea tad-difiża aktar b'saħħitha; jisħaq, madankollu, li t-tnedija ta' EDU reali tirrikjedi rieda u determinazzjoni politika kontinwa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom għal difiża Ewropea komuni u awtonoma, u biex jimmiraw li jiżguraw li l-baġits tad-difiża nazzjonali tagħhom ikunu jammontaw għal tal-inqas 2 % tal-PDG rispettivi tagħhom għal għaxar snin;
17. Jinsab konvint li l-uniku mod biex tiżdied l-abbiltà tal-Unjoni biex twettaq il-kompiti militari tagħha huwa li żżid l-effiċjenza b'mod sinifikanti fir-rigward tal-aspetti kollha tal-proċess li jiġġenera kapaċitajiet militari; ifakkar li, meta mqabbla mal-Istati Uniti, l-UE-28 jonfqu 40 % fuq id-difiża iżda jirnexxilhom jiġġeneraw biss 15 % tal-kapaċitajiet li l-Istati Uniti jisiltu mill-proċess, u dan jindika problema serja ħafna ta' effiċjenza;
18. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni biex jaġixxu fuq it-talbiet tal-Parlament għal Ktieb l-Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża fil-kuntest tat-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, kif mitlub fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-22 ta' Novembru 2016, tat-23 ta' Novembru 2016 u tas-16 ta' Marzu 2017; iqis li l-bini tal-Unjoni tad-Difiża, li tgħaqqad l-orjentazzjonijiet strateġiċi tagħha mal-kontribuzzjonijiet tal-UE għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u t-tfassil tal-qafas istituzzjonali Ewropew għad-difiża huma elementi li jeħtieġ li jiġu sostnuti minn ftehim interistituzzjonali; jisħaq li bi sforz komprensiv u ta' fiduċja mill-partijiet interessati kollha hu possibbli li jiżdiedu l-ambitu u l-effiċjenza tal-infiq favur id-difiża; jappella li jiġi definit rwol b'saħħtu f'dan il-proċess għal pajjiżi newtrali bħall-Awstrija u l-Iżvezja, mingħajr ma jinxteħet dubju fuq in-newtralità tal-Istati Membri individwali;
19. Jisħaq li, b'żieda mad-deskrizzjoni ta' ambjent strateġiku u ta' ambizzjonijiet strateġiċi, il-Ktieb l-Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża jinħtieġ li jidentifika, għall-QFP li jmiss, il-kapaċitajiet meħtieġa u disponibbli, kif ukoll in-nuqqasijiet ta' kapaċitajiet disponibbli fil-forma tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet tal-UE (CDP), u jinħtieġ li jiġi kkumplimentat b'deskrizzjoni wiesgħa tal-azzjonijiet previsti tal-Istat Membru u tal-Unjoni, skont il-QFP u fuq il-perjodu twil;
20. Jilqa' r-rieda politika li ntweriet dan l-aħħar sabiex il-PSDK issir aktar effettiva; jappoġġa kull sforz intiż biex jinsilet il-potenzjal sħiħ tat-Trattat ta' Lisbona biex il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tiffunzjona, u biex il-kapaċitajiet rilevanti jsiru operazzjonali għat-twettiq tal-kompiti tal-Artikolu 43(1) TUE disponibbli, permezz ta':
(a)
installazzjoni urġenti ta' fond ta' tnedija kif previst mit-Trattat sabiex jitħalla l-iskjerament rapidu tal-operazzjonijiet;
(b)
l-istabbiliment ta' kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) dwar dawk l-aspetti militari li huma neċessarji għall-implimentazzjoni tal-kompiti tal-PSDK bħall-unitajiet militari raggruppati b'mod permanenti;
(c)
ir-riforma tal-mekkaniżmu ta' finanzjament konġunt interattiv Athena, sabiex tiġi operazzjonalizzata s-solidarjetà bejn dawk l-Istati Membri li jistgħu jikkontribwixxu biss finanzjarjament u dawk li jistgħu jikkontribwixxu biss bi truppi għal operazzjonijiet tal-PSDK;
(d)
l-akkomunament u l-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet, li għandhom isiru r-regola u mhux l-eċċezzjoni, u bil-mixja lejn l-implimentazzjoni ta' maġġoranza ta' 300 proposta ppreżentata fl-2011 mit-28 Kap tad-Difiża;
(e)
il-ġbir flimkien ta' riżorsi nazzjonali fir-rigward tar-riċerka, l-iżvilupp, l-akkwist, il-manteniment u t-taħriġ;
(f)
il-koordinament tal-ippjanar tad-difiża nazzjonali (Rieżami Annwali Kkoordinat dwar id-Difiża, CARD), kif ippjanat bħalissa;
(g)
it-tnedija ta' regoli komuni għaċ-ċertifikazzjoni militari u ta' politika komuni dwar is-sigurtà tal-provvista;
(h)
l-infurzar min-naħa tal-Kummissjoni, tar-regoli tas-suq intern f'konformità mad-Direttiva dwar l-Akkwist tad-Difiża tal-2009 fir-rigward ta' proġetti ta' akkwist ta' difiża nazzjonali;
21. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi programm speċifiku għar-riċerka fil-qasam tad-difiża, b'baġit dedikat u regoli proprji, fil-qafas tal-QFP li jmiss; jisħaq li l-Istati Membri jżidu r-riżorsi disponibbli għal dak il-programm, mingħajr ma jkun hemm interferenza ma' programmi ta' qafas eżistenti dwar il-finanzjament tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' Lulju 2017; iġedded it-talbiet preċedenti tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi parteċipazzjoni tal-Unjoni fi programmi dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża u tal-iżvilupp imwettqa mill-Istati Membri, jew b'mod konġunt mal-industrija fejn xieraq, kif imsemmi fl-Artikoli 185 u 187 tat-TFUE;
22. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal EDIDP; jissottolinja li kwalunkwe azzjoni tal-Unjoni biex jiġu appoġġati, ikkoordinati jew issupplimentati l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-mandat ta' difiża jinħtieġ li jkollha l-għan li tikkontribwixxi għat-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni, kif imsemmi, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 2(4) tat-TFUE, u għalhekk li tkun tkopri l-iżvilupp komuni, l-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u ż-żamma, li twassal għal programmi ta' kooperazzjoni u għal grad ogħla ta' interoperabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-EDIDP bl-aktar mod wiesa' possibbli, u, b'mod partikolari, biex tħeġġeġ lill-SMEs biex jieħdu sehem fi proġetti konġunti u transkonfinali;
23. Iqis li l-esportazzjonijiet mill-Istati Membri ta' armi, munizzjon u oġġetti u servizzi relatati mad-difiża jiffurmaw parti integrali tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE;
24. Iħeġġeġ lill-Kunsill, bi qbil mal-Artikolu 42(2) tat-TUE, iwettaq passi konkreti lejn l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-forzi armati Ewropej sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tal-persunal tal-forzi armati taħt il-kappa tal-EDU l-ġdida, bħala pass 'il quddiem lejn it-tfassil gradwali tal-politika tad-difiża komuni tal-UE;
25. Jenfasizza li l-użu tal-possibilitajiet kollha pprovduti fit-Trattati se jtejjeb il-kompetittività u l-funzjonament tal-industrija tad-difiża fis-suq intern, jistimola aktar il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża permezz ta' inċentivi pożittivi, u jkollu fil-mira proġetti li l-Istati Membri ma jkunux kapaċi jwettqu, filwaqt li titnaqqas id-duplikazzjoni żejda u jiġi promoss użu aktar effiċjenti tal-flejjes pubbliċi; huwa tal-opinjoni li r-riżultati ta' tali programmi strateġiċi ta' kooperazzjoni għandhom potenzjal kbir bħala teknoloġiji b'użu doppju u, bħala tali, iġibu aktar valur miżjud lill-Istati Membri; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet Ewropej kif ukoll suq tad-difiża integrat;
26. Jappella għall-istabbiliment ta' linji gwida preċiżi u vinkolanti li jipprovdu qafas definit tajjeb għall-attivazzjoni u l-implimentazzjoni futura tal-Artikolu 42(7) tat-TUE;
27. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-VP/RGħ biex flimkien mal-Parlament Ewropew jipparteċipaw fi djalogu interistituzzjonali dwar it-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni; jenfasizza li skont il-QFP li jmiss jinħtieġ li jiġi stabbilit baġit tad-difiża tal-UE sħiħ u attrezzat għall-aspetti interni kollha tal-PSDK, u li jenħtieġ li tiġi żviluppata duttrina għall-implimentazzjoni tiegħu fi ħdan il-mandat tat-Trattat ta' Lisbona; jissottolinja l-bżonn għal reviżjoni tal-mekkaniżmu Athena sabiex titwessa' l-firxa ta' operazzjonijiet ikkunsidrati bħala spiża komuni u sabiex jingħata inċentiv għall-parteċipazzjoni f'missjonijiet u f'operazzjonijiet tal-PSDK;
28. Jirrimarka li dan il-baġit tad-difiża l-ġdid se jkollu jiġi ffinanzjat permezz ta' riżorsi ġodda fil-QFP li jmiss;
29. Jemmen li t-teħid ta' deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet tal-PSDK jista' jkun aktar demokratiku u trasparenti; jipproponi, għalhekk, li s-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża (SEDE) jinbidel f'kumitat parlamentari sħiħ u attrezzat, li jippermettilu jikseb setgħat ta' skrutinju u responsabbiltà akbar fuq il-PSDK u biex ikollu rwol prominenti fl-implimentazzjoni tagħha, b'mod partikolari billi jiskrutinizza l-atti legali li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà u d-difiża;
30. Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' kooperazzjoni u kondiviżjoni ta' informazzjoni fost is-servizzi tas-sigurtà u tal-intelligence fl-Ewropa; jemmen li ż-żieda fil-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-intelligence tista' tgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' sistema ta' intelligence Ewropea sħiħa u attrezzata;
Kooperazzjoni Strutturata Permanenti
31. Jilqa' n-Notifika dwar Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u l-attivazzjoni prevista tagħha abbażi tar-rieda tal-Istati Membri li jwettqu impenji vinkolanti fi ħdan il-qafas tal-PSDK, biex b'hekk jimplimentaw PESCO ambizzjuża u inkużiva, u jitlob l-implimentazzjoni rapida tagħha mill-Kunsill; jissottolinja li l-inklużjoni mixtieqa tal-parteċipazzjoni ma tridx tikkomprometti la l-impenn sħiħ għall-PSDK u lanqas livell għoli ta' ambizzjoni fost l-Istati Membri parteċipanti; jindika l-ħtieġa li jiġu stabbiliti kriterji ċari għall-parteċipazzjoni, li tħalli lill-Istati Membri l-oħra l-għażla li jingħaqdu fi stadju aktar tard; jemmen li l-attivitajiet fi ħdan il-PESCO għandhom dejjem jiġu allinjati bis-sħiħ mal-PSDK;
32. Jenfasizza li l-PESCO jinħtieġ li tiżviluppa fi ħdan il-qafas tal-UE u li jinħtieġ li tibbenefika minn appoġġ effettiv tal-Unjoni, b'rispett sħiħ tal-kompetenzi fid-difiża tal-Istati Membri; iġedded it-talba tiegħu biex jiġi pprovdut finanzjament xieraq tal-PESCO mill-baġit tal-Unjoni; iqis li l-parteċipazzjoni fl-aġenziji u fil-korpi kollha tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-PSDK, inkluż il-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD), jenħtieġ li ssir rekwiżit skont il-PESCO; itenni t-talba tiegħu biex is-Sistema ta' Grupp Tattiku tal-UE titqies bħala spiża komuni skont ir-reviżjoni tal-mekkaniżmu Athena;
33. Jisħaq li hemm bżonn li jittaffew il-proċeduri amministrattivi li qegħdin inaqqsu mingħajr bżonn il-ħeffa li biha jiġu ġġenerati l-forzi għall-missjonijiet tal-PSDK u ċ-ċaqliq transfruntier ta' forzi ta' rispons rapidu ġewwa l-UE; jappella lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema pan-Ewropea għall-koordinament tal-moviment rapidu ta' persunal, tagħmir u provvisti tal-forzi ta' difiża, għall-finijiet tal-PSDK, meta tiġi invokata l-klawżola ta' solidarjetà, u meta l-Istati Membri jkunu obbligati jagħtu għajnuna u assistenza bil-mezzi kollha disponibbli għalihom, skont l-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU; jilqa', f'dan ir-rigward, il-komunikazzjoni konġunta dwar it-titjib tal-mobilità militari; jistieden lill-Kummissjoni biex, sa Marzu 2018, tippreżenta pjan ta' azzjoni sostanzjali lill-Parlament u lill-Istati Membri li jkun kompletament koerenti mal-isforzi li għaddejjin fi ħdan in-NATO;
34. Jitlob l-istabbiliment ta' kwartieri ġenerali ċivili-militari strateġiċi tal-UE sħaħ u attrezzati taħt il-PESCO - li għandhom jinkludu l-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC), il-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC), u d-Direttorat għall-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar (CMPD) - li jipprovdu pjattaforma għal appoġġ operattiv integrat matul iċ-ċiklu kollu tal-ippjanar, mill-ewwel kunċett politiku sal-pjanijiet dettaljati;
35. Iħeġġeġ lill-Istati Membri parteċipanti fil-PESCO biex jistabbilixxu "Forza Integrata Ewropea" permanenti, magħmula minn diviżjonijiet tal-armati nazzjonali tagħhom, u biex din tkun disponibbli għall-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-PSDK, kif previst mill-Artikolu 42(3) tat-TUE;
36. Iqis li politika komuni fil-qasam taċ-ċiberdifiża għandha tkun waħda mill-ewwel elementi kostituttivi tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tiżviluppa proposti għall-istabbiliment, fi ħdan il-qafas tal-PESCO, ta' unità ta' difiża ċibernetika tal-UE;
Direttorat Ġenerali għad-Difiża
37. Jappella għal evalwazzjoni, b'koordinament mill-qrib mal-VP/RGħ, tal-opportunità li jiġi stabbilit Direttorat Ġenerali għad-Difiża fi ħdan il-Kummissjoni (DĠ Difiża), bil-għan li jixpruna l-azzjonijiet tal-Unjoni biex jiġu appoġġati, ikkoordinati jew issupplimentati l-azzjonijiet tal-Istati Membri mmirati lejn it-tfassil progressiv tal-politika tad-difiża komuni, kif previst fl-Artikolu 2 tat-TFUE;
38. Iqis li d-DĠ Difiża propost jinħtieġ li jkollu r-responsabbiltà li jiżgura fruntieri miftuħa għall-moviment liberu ta' truppi u tagħmir, bħala prerekwiżit meħtieġ biex jiżgura l-grad ta' awtonomija strateġika, l-interoperabbiltà, is-sigurtà tal-provvista, l-arranġamenti ta' standardizzazzjoni u ċertifikazzjoni militari meħtieġa għal: kontribuzzjonijiet għal programmi tal-UE taħt il-PSDK u l-PESCO; riċerka dwar id-difiża ffinanzjata mill-UE; l-awtonomija strateġika tal-Unjoni; il-kompetittività tal-industrija tad-difiża Ewropea, inklużi l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja li jifformaw il-katina tal-provvista tad-difiża Ewropea; u l-arranġamenti interistituzzjonali fl-ambitu tad-difiża, inkluż ta' Ktieb l-Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża; jenfasizza li l-proposta għal DĠ Difiża tinħtieġ li tikkontribwixxi għal koordinament aħjar ta' kompiti fost l-atturi varji bil-għan li tinkiseb aktar koerenza u konsistenza politika;
39. Jenfasizza li d-DĠ Difiża propost jenħtieġ li jaħdem f'kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA); iqis li l-EDA jenħtieġ li tkun l-aġenzija ta' implimentazzjoni għall-azzjonijiet tal-UE skont il-politika dwar il-Kapaċitajiet u l-Armamenti fl-Ewropa, fejn dan ikun previst mit-Trattat ta' Lisbona; iġedded it-talba tiegħu lill-Kunsill biex jiġi żgurat li n-nefqa amministrattiva u operattiva tal-EDA tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni; jinnota li l-ammont dejjem akbar ta' rwoli u responsabbilitajiet ġodda tal-EDA jinħtieġ li jiġi segwit b'żieda fil-baġit tagħha, filwaqt li fl-istess ħin tiġi enfasizzata l-possibbiltà li jkun stabbilit DĠ Difiża, kif ukoll sforzi mġedda biex il-PSDK issir aktar effettiva, u ma twassalx biex ir-riżorsi jiġu diretti lejn tkabbir ta' strutturi burokratiċi u strutturi duplikanti;
Reviżjonijiet annwali kkoordinati u strateġiċi ta' difiża
40. Jilqa' r-reviżjoni strateġika tal-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) tal-UE li għandu jitlesta fir-rebbiegħa 2018; jenfasizza li s-CDP se jservi biex jippromwovi l-kollaborazzjoni fost l-Istati Membri fil-mili tal-lakuni ta' kapaċità fil-kuntest tal-EDA;
41. Jilqa' l-istabbiliment tal-proċess tar-Reviżjoni Annwali Koordinata dwar id-Difiża (CARD); iqis li l-CARD tinħtieġ tikkontribwixxi għall-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-investimenti u l-kapaċitajiet tal-forzi armati nazzjonali b'mod effettiv, billi tiżgura l-awtonomija strateġika u operattiva tal-Unjoni u l-koerenza, u tippermetti lill-Istati Membri jinvestu b'mod aktar effiċjenti flimkien fid-difiża; jilqa' l-proposta biex fl-2017 titnieda prova;
42. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltà ta' akkwist konġunt tar-riżorsi tad-difiża;
43. Jenfasizza li l-CARD tinħtieġ li tkun ibbażata fuq il-Ktieb l-Abjad tal-UE għas-Sigurtà u d-Difiża u s-CDP u tinħtieġ li tindirizza l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet relatati mal-PSDK, partikolarment dawk tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-PESCO; iqis li l-CARD tinħtieġ li twassal ġabra ta' proposti konkreti biex jimtlew il-lakuni u jiġu identifikati l-punti fejn l-azzjoni tal-Unjoni tkun xierqa, għal kunsiderazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-UE għas-sena ta' wara; jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-EDA jaħdmu flimkien fit-tfassil tal-programmi ta' ħidma annwali taħt l-opportunitajiet tal-kapaċità u r-riċerka tal-EDF propost; jindika li l-EDA għandu jkollha rwol distint mhux biss fit-tfassil tal-programm, iżda wkoll fil-ġestjoni ta' proġetti ffinanzjati minn tieqa għall-kapaċitajiet;
44. Jisħaq fuq il-ħtieġa għal koordinament mill-qrib tal-attivitajiet kollha relatati mal-PSDK, partikolarment il-CARD, il-PESCO u l-EDF;
45. Iqis li l-Kummissjoni tinħtieġ li timxi fuq ir-riżultati tal-CARD u tniedi ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni u l-finanzjament tal-azzjonijiet sussegwenti tal-Unjoni; iqis li, fuq il-bażi tal-ftehim interistituzzjonali, il-Kunsill u l-Kummissjoni jinħtieġu jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa fil-mandati rispettivi tagħhom biex jawtorizzaw tali azzjonijiet; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni interparlamentari dwar id-difiża biex tiġi riveduta l-CARD, u għall-iżvilupp sussegwenti tal-kapaċitajiet tad-difiża fuq bażi regolari;
Missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK
46. Jirringrazzja lil aktar minn sitt elef mara u raġel li taw servizz tajjeb u leali fil-missjonijiet ċivili u militari tal-Unjoni fuq tliet kontinenti; japprezza ħafna dawn il-missjonijiet bħala l-kontribut komuni tal-Ewropa għall-paċi u l-istabbiltà fid-dinja; jiddispjaċih, madankollu, li l-effikaċja ta' dawn il-missjonijiet tista' tiġi mhedda minn dgħufijiet strutturali, kontribuzzjonijiet irregolari mill-Istati Membri u l-inadegwatezza tal-ambjent operattiv, filwaqt li jiddeplora b'mod partikolari l-limitazzjonijiet fil-mandat tal-missjonijiet tal-PSDK; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal effettività reali li tista' tinkiseb biss b'dispożizzjoni ta' tagħmir militari xieraq, u jħeġġeġ lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jisfruttaw għal dan il-għan il-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 41.2 tat-TUE; jilqa' ż-żieda fl-infiq għad-difiża tal-Istati Membri bħala appoġġ għall-membri tas-servizz tagħna; huwa tal-fehma li din it-tendenza jinħtieġ li tiġi sostnuta, imsaħħa u koordinata fil-livell tal-UE; jitlob li jittieħdu miżuri effikaċi biex jiġi żgurat li t-tagħlimiet u l-esperjenza miksuba fir-rigward tad-dimensjoni umana tal-missjonijiet tal-PSDK jiġu evalwati u kkunsidrati fit-tfassil ta' missjonijiet futuri tal-PSDK;
47. Jilqa' l-preżentazzjoni tal-ewwel rapport annwali dwar il-PSDK mill-VP/RGħ; jemmen, madankollu, li dan ir-rapport ma għandux ikun biss ta' natura kwantitattiva, billi jiddeskrivi kisbiet b'data statistika u b'informazzjoni dettaljata, iżda għandu fil-futur jiffoka wkoll fuq l-evalwazzjoni tal-impatt politiku tal-attivitajiet tal-PSDK fit-titjib tas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna;
48. Jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorjentaw aktar il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK lejn il-prijoritajiet tal-Istrateġija Globali tal-UE kif ukoll lejn ir-realtajiet lokali u reġjonali;
49. Jemmen fil-ħtieġa li jsir kontribut akbar lejn il-ġestjoni u l-prevenzjoni ta' kriżijiet u, speċifikament, biex tiġi pprovduta assistenza għar-rikostruzzjoni u l-istabbilizzazzjoni tal-Iraq; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill li jniedi missjoni ċivili ġdida tal-PSDK b'appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fl-Iraq, u jistenna li l-UE tassumi t-tmexxija internazzjonali f'dan il-qasam, inkluż fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fir-rikostruzzjoni ċivili; jistieden lill-UE tiżgura li din id-darba se jkun hemm koordinazzjoni aħjar fost l-Istati Membri parteċipanti, u mal-atturi reġjonali kif ukoll ma' dawk lokali;
50. Jilqa' l-attivitajiet tal-EU NAVFOR MED u jitlob lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ lill-atturi tas-sigurtà lokali fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran;
51. Jistenna li l-VP/RGħ u lill-Kunsill li l-EUBAM Libya titneda mill-ġdid fl-okkażjoni tat-tiġdid tal-mandat lokali ta' atturi tas-sigurtà fuq il-fruntieri tan-Nofsinhar tal-Libja; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jressqu ideat ġodda dwar kif għandhom jindirizzaw kwistjonijiet ta' sigurtà fiż-żona tas-Saħel, billi dawn jintrabtu ma' EUBAM Libya fi ħdan l-approċċ komprensiv u integrat tiegħu u b'appoġġ għall-inizjattiva Ġermaniża u Franċiża; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-4 ta' Awwissu 2017 dwar azzjoni għal stabbilizzazzjoni għall-Mali fir-reġjuni ta' Mopti u Segou; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-VP/RGħ tinforma lill-Parlament dwar kif din il-miżura tinteraġixxi mal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK fir-reġjun;
52. Jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess tal-Operazzjoni EUFOR ALTHEA fil-Bosnja u Ħerzegovina biex intlaħaq ir-riżultat militari aħħari; jinsab imħasseb madankollu li r-riżultat politiku aħħari, għadu ma ntlaħaqx;
53. Jilqa' l-istabbiliment reċenti ta' ċentru għal kwartieri ġenerali operattivi tal-UE permanenti, il-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC), kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013, peress li din hi prekundizzjoni għall-ippjanar, il-kmand u l-kontroll effettivi ta' operazzjonijiet komuni; jistieden lill-Istati Membri jimpjegaw persunal adegwat sabiex din issir kompletament funzjonali, u jassenjawlha l-kompitu li tippjana u tikkmanda operazzjonijiet militari eżekuttivi tal-PSDK bħall-EUFOR ALTHEA;
54. Iqis li bħala konsegwenza tat-tħabbira tar-Renju Unit li jirtira mill-Unjoni, jinħtieġ li tiġi riveduta l-opzjoni tal-kmand tal-EUNAVFOR Somalja / l-Operazzjoni Atalanta; jenfasizza s-suċċess miksub minn din l-operazzjoni, li grazzi għaliha mill-2014 'l hawn il-pirati ma rnexxielhomx jitilgħu abbord l-ebda bastiment; jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-operazzjoni sal-2018;
55. Jinnota li 75 % biss tal-pożizzjonijiet f'missjonijiet ċivili tal-PSDK huma mimlija; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li r-regolamenti tal-persunal tal-UE, li jipprovdu kundizzjonijiet aħjar kif ukoll protezzjoni għall-persunal tal-missjoni, ma japplikawx għal persuni impjegati mill-missjonijiet anki jekk dawn huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni; jinsab konvint li dan ixekkel l-effikaċja tal-missjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-pożizzjonijiet vakanti kollha fil-missjonijiet kollha jimtlew b'mod rapidu;
56. Jilqa' l-adozzjoni ta' Politika tal-UE dwar it-Taħriġ għall-PSDK u r-rwol importanti mwettaq mill-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) bħala istituzzjoni ta' taħriġ ċentrali inkorporat fi ħdan l-istrutturi tal-PSDK; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu finanzi, persunal u riżorsi infrastrutturali adegwati għall-KESD;
57. Jiddispjaċih li l-Istati Membri qed jonqsu milli jiskjeraw b'mod rapidu l-persunal meħtieġ għall-istadji preparatorji u ta' stabbiliment tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta żviluppata b'mod konġunt mis-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni għal approċċ b'diversi saffi sabiex jitħaffef l-iskjerament tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK;
58. Iħeġġeġ iktar sforzi biex titħaffef il-provvista ta' finanzjament tal-missjonijiet ċivili u militari-ċivili u biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ta' implimentazzjoni; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tintroduċi, permezz ta' atti delegati u bi qbil mal-Artikolu 210 tar-Regolament Finanzjarju, regoli speċifiċi tal-akkwist għal miżuri ta' ġestjoni tal-kriżijiet taħt il-PSDK sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvolġiment rapidu u flessibbli tal-operazzjonijiet;
59. Jilqa' l-istabbiliment ta' Pjattaforma ta' Sostenn għall-Missjonijiet (MSP) fl-2016; jiddispjaċih dwar id-daqs u l-ambitu limitati tal-MSP, u jtenni l-appell tiegħu għal progress ulterjuri lejn ċentru ta' servizzi kondiviż li jippermetti aktar kisbiet fl-effiċjenza billi jipprovdi punt ċentrali ta' koordinament għas-servizzi ta' appoġġ għall-missjonijiet kollha;
60. Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill isaħħu l-isforzi kontinwi tagħhom biex itejbu ċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari għal missjonijiet tal-PSDK, fost l-oħrajn billi jieħdu miżuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jittaffa it-theddid għall-PSDK, pereżempju bit-tisħiħ tar-reżiljenza permezz ta' edukazzjoni, taħriġ u eżerċizzji u bl-allinjament tax-xenarju edukattiv u ta' taħriġ taċ-ċiberdifiża tal-UE;
61. Jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw theddid mingħajr preċedent fil-forma ta' attakki ċibernetiċi sponsorizzati mill-istat, kif ukoll iċ-ċiberkriminalità u t-terroriżmu; jemmen li n-natura tal-attakki ċibernetiċi tagħmilhom theddida li teħtieġ rispons fil-livell Ewropew; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu assistenza reċiproka f'każ ta' ċiberattakk kontra kwalunkwe wieħed minnhom;
62. Jistieden lill-Istati Membri japplikaw il-kondiviżjoni sħiħa tal-piżijiet għall-missjonijiet militari tal-PSDK bit-tkabbir gradwali tal-finanzjament komuni lejn finanzjament komuni komplut, li jenħtieġ li jippermetti u jħeġġeġ aktar Stati Membri biex jikkontribwixxu l-kapaċitajiet u l-forzi tagħhom, jew fondi biss; jissottlinja l-importanza li jiġi rivedut il-mekkaniżmu Athena f'dan ir-rigward u li jiġu koperti l-ispejjeż kollha relatati mal-finanzjament ta' operazzjonijiet militari tal-PSDK;
63. Iħeġġeġ lill-Kunsill jaġixxi bi qbil mal-Artikolu 41(3) tat-TUE u jadotta, mingħajr dewmien, id-deċiżjoni li tistabbilixxi fond ta' tnedija għall-finanzjament urġenti tal-fażijiet inizjali tal-operazzjonijiet militari għall-kompiti msemmija fl-Artikoli 42(1) u 43 tat-TUE; iħeġġeġ lill-Kunsill biex isolvi l-problemi attwali rigward il-finanzjament ta' missjonijiet ibridi; jappella għal aktar flessibbiltà fir-regoli finanzjarji tal-UE, biex jingħata appoġġ lill-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għall-kriżijiet, u għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona eżistenti;
Kooperazzjoni UE-NATO
64. Jemmen li, fil-kuntest attwali, is-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hi fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' sigurtà li qegħdin jiffaċċjaw l-Unjoni u l-viċinat tagħha; iqis li d-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO u l-azzjoni ta' implimentazzjoni sussegwenti għandhom il-potenzjal li jmexxu l-kooperazzjoni u l-komplementarjetà f'livell ogħla u jimmarkaw fażi ġdida u sostantiva tal-isħubija strateġika; jilqa' l-ġabra komuni ta' 42 proposta, li minnha kważi 10 ifittxu li jżidu r-reżiljenza kontra t-theddid ibridu, u huma mmirati biex isaħħu kemm il-kooperazzjoni kif ukoll il-koordinament bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet; jinnota li din il-ħidma se titmexxa 'l quddiem fi spirtu ta' attitudni għalkollox miftuħa u trasparenti, b'rispett sħiħ tal-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-proċeduri taż-żewġ organizzazzjonijiet, li se tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-inklussività u r-reċiproċità mingħajr preġudizzju għan-natura speċifika tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' kwalunkwe Stat Membru. ifaħħar il-kooperazzjoni mwettqa fil-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku, l-iżvilupp ta' komunikazzjonijiet strateġiċi u l-koordinament ta' attivitajiet marittimi u eżerċizzji konġunti, u jindika l-kooperazzjoni u l-kumplimentarjetà eċċellenti tal-Operazzjoni Sophia tal-UE, u tal-Operazzjoni Sea Guardian tan-NATO; jilqa' wkoll il-pubblikazzjoni f'Ġunju 2017 tal-ewwel rapport ta' implimentazzjoni konġunta taż-żewġ organizzazzjonijiet, kif ukoll il-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta' ġabra komuni ta' proposti, u jappella għat-tkomplija tal-progress; jisħaq fuq l-impenn sħiħ tal-UE lejn il-komunità transatlantika ta' valuri u interessi komuni;
65. Jinnota li UE aktar b'saħħitha u NATO aktar b'saħħitha jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; iqis li l-Istati Membri jeħtieġ li jżidu l-isforzi tagħhom biex jaġixxu kemm fi ħdan EDU u bħala fornituri awtonomi tas-sigurtà reġjonali, u fi rwol komplementari fi ħdan in-NATO, fejn xieraq; jinnota li, kif stabbilit mill-EUGS, l-UE għandha tikkontribwixxi sabiex: (a) tirrispondi għal kriżijiet u kunflitti esterni; (b) tibni l-kapaċitajiet tas-sħab u (c) tipproteġi l-Unjoni u ċ-ċittadini tagħha. jilqa' b'sodisfazzjon il-ġabra ta' inizjattivi li qegħdin jimplimentaw il-EUGS fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, biex jiġu żviluppati relazzjonijiet aktar b'saħħithom bejn l-UE u n-NATO u biex l-Istati Membri tal-UE jitħallew jipparteċipaw fir-riċerka dwar id-difiża u jiżviluppaw b'mod konġunt kapaċitajiet ta' difiża; huwa tal-opinjoni li s-sigurtà u l-protezzjoni tal-Ewropa se jiddependu dejjem aktar fuq iż-żewġ organizzazzjonijiet li jaġixxu fi ħdan il-mandati tagħhom; jitlob li jsiru sforzi biex titjieb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu, inkluż permezz taċ-Ċentru Ewropew ta' Eċċellenza għall-Ġlieda Kontra t-Theddid Ibridu, u fl-iskambju ta' informazzjoni u intelligence;
66. Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni u integrazzjoni fiċ-ċibersigurtà, mhux biss bejn l-Istati Membri, sħab ewlenin u n-NATO, iżda wkoll bejn l-atturi differenti fis-soċjetà;
Sħubiji tal-PSDK
67. Jenfasizza li s-sħubijiet u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi li jikkondividu l-valuri tal-UE jikkontribwixxu għall-effettività u l-impatt tal-PSDK; jilqa', f'dan ir-rigward, il-kontribuzzjonijiet tal-Albanija, l-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċilì, il-Kolombja, il-Georġja, l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova, il-Montenegro, in-New Zealand, in-Norveġja, is-Serbja, l-Isvizzera, it-Turkija, l-Ukrajna u l-Istati Uniti;
68. Jilqa' l-firma tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Ftehim ta' Akkwist u Servizzi Reċiproċi (ACSA) tas-7 ta' Diċembru 2016; jistieden lill-VP/RGħ tinforma lill-Parlament dwar kif dan il-ftehim tejjeb il-kundizzjonijiet għall-persunal tal-missjonijiet tal-PSDK, u l-protezzjoni tagħhom;
69. Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu attachés militari tal-UE fid-delegazzjonijiet tal-UE li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-għanijiet strateġiċi tal-Unjoni;
70. Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) bħala appoġġ għall-azzjonijiet imwettqa taħt l-inizjattiva għat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet f'Appoġġ għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD), li ser jippermetti lill-UE tiffinanzja l-bini tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza u tgħinha ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jimplimentaw mingħajr dewmien l-inizjattiva CBSD biex titjieb l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-missjonijiet tal-PSDK, u biex jiġi pprovdut approċċ aktar flessibbli u integrat tal-UE li jisfrutta s-sinerġiji ċivili-militari;
o o o
71. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.