Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2204(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0382/2017

Testi mressqa :

A8-0382/2017

Dibattiti :

PV 12/12/2017 - 18
CRE 12/12/2017 - 18

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2017 - 13.7
CRE 13/12/2017 - 13.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0495

Testi adottati
PDF 302kWORD 56k
L-Erbgħa, 13 ta' Diċembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina
P8_TA(2017)0495A8-0382/2017

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar Hong Kong, 20 sena wara li għadda f'idejn iċ-Ċina (2017/2204(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, adottata fl-4 ta' April 1990, u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1997,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Gvern tar-Renju Unit u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Kwistjoni ta' Hong Kong tad-19 ta' Diċembru 1984, magħrufa wkoll bħala d-Dikjarazzjni Konġunta Sino-Brittanika,

–  wara li kkunsidra r-rapporti konġunti tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-26 ta' April 2017 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong – Rapport Annwali 2016 (JOIN(2017)0016), tal-25 ta' April 2016 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong – Rapport Annwali 2015 (JOIN(2016)0010), tal-24 ta' April 2015 dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong – Rapport Annwali 2014 (JOIN(2015)0012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin tat-22 ta' Ġunju 2016 dwar elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina (JOIN(2016)0030), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Kummerċ għal kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” (COM(2015)0497), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra l-politika tal-UE ta' "Ċina Waħda",

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u Hong Kong, iċ-Ċina, dwar kooperazzjoni u għajnuna amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali tal-1999(1),

–  wara li kkunsidra d-dħul mingħajr viża fiż-żona Schengen(2) u fil-bqija tal-Unjoni Ewropea għal detenturi ta' passaporti tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u viċi versa,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li tnieda fl-1995,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar Hong Kong, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina(3), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ tal-pubblikaturi tal-kotba neqsin f'Hong Kong(4), tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet u f'Hong Kong(5), tat-8 ta' April 2003 dwar it-Tielet u r-Raba' Rapport Annwali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong(6), tad-19 ta' Diċembru 2002 dwar Hong Kong(7), tas-26 ta' Ottubru 2000 dwar l-Ewwel u t-Tieni Rapport Annwali tal-Kummissjoni dwar ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong(8), tat-8 ta' Ottubru 1998, dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-Unjoni Ewropea u Hong Kong: Lil hinn mill-1997(9), u tal-10 ta' April 1997 dwar is-sitwazzjoni f'Hong Kong(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment dawk tas-16 ta' Diċembru 2015(11) u tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0382/2017),

A.  billi fl-1 ta' Lulju 1997, is-sovranità fuq Hong Kong għaddiet mir-Renju Unit lejn ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

B.  billi d-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika tal-1984 iggarantiet, u l-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong (SAR) tal-1990 tipprevedi, li Hong Kong se jżomm l-awtonomija u l-indipendenza tal-eżekuttiv, tal-leġiżlatura u tal-ġudikatura għal 50 sena wara t-trasferiment tas-sovranità;

C.  billi l-UE u l-Parlament Ewropew jibqgħu sostenituri qawwija tal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" u ta' livell għoli ta' awtonomija għal Hong Kong taħt iċ-Ċina;

D.  billi l-UE u Hong Kong jorgnizzaw laqgħa annwali ta' livell għoli, imsejħa Djalogu Strutturat, li bdiet fl-2005; billi l-10 Djalogu Strutturat annwali sar fi Brussell fis-17 ta' Novembru 2016;

E.  billi r-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u Hong Kong għadhom jikbru b'saħħithom; billi l-UE hija t-tieni l-akbar sħab kummerċjali ta' Hong Kong wara ċ-Ċina kontinentali, u l-Hong Kong huwa l-14 l-akbar sħab kummerċjali tal-UE fi prodotti, u huwa sħab ewlieni għal kummerċ fis-servizzi; billi relazzjonijiet bilaterali fil-futur għandhom jibbenefikaw mill-ħtieġa ta' Hong Kong għal aktar diversifikazzjoni ekonomika, rabtiet mill-qrib mar-Rotta tal-Ħarir il-Ġdida u integrazzjoni akbar mar-reġjun tad-Delta tax-Xmara Pearl; billi skont il-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), il-Hong Kong huwa t-tieni l-akbar suq fil-mira għall-investiment dirett barrani;

F.  billi d-difiża u l-affarijiet barranin ta' Hong Kong jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

G.  billi l-Liġi Bażika tagħti lil Hong Kong SAR id-dritt li jorganizza r-relazzjonijiet ekonomiċi esterni tiegħu stess u li jsir membru ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

H.  billi anke wara l-1 ta' Lulju 1997, komplew japplikaw ftehimiet dwar id-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali u ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi ċ-Ċina iffirmat u rratifikat ukoll ftehimiet internazzjonali li jiggarantixxu dawn id-drittijiet, u b'hekk irrikonoxxiet l-importanza u l-universalità tad-drittijiet tal-bniedem; billi ċ-Ċina stabbiliet fora għal djalogu mal-UE u ma' sħab internazzjonali oħrajn dwar kwistjonijiet marbuta mal-istat tad-dritt;

I.  billi Hong Kong huwa membru jew membru assoċjat ta' aktar minn 20 organizzazzjoni internazzjonali inkluż l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-Kooperazzjoni Ekonomika Asja-Paċifiku (APEC), l-Interpol, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI), il-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB), il-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB), il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, il-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ (KIK) u l-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdjunjins;

J.  billi Hong Kong huwa parti għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

K.  billi l-Liġi Bażika tistabbilixxi dispożizzjonijiet li jipprovdu protezzjoni għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet individwali;

L.  billi l-Artikolu 27 tal-Liġi Bażika jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni, libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, ta' parteċipazzjoni f'purċissjoni u dimostrazzjoni;

M.  billi l-Artikoli 45 u 68 tal-Liġi Bażika jipprevedu li l-Kap tal-Eżekuttiv u l-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv għandhom finalment jiġu eletti b'suffraġju universali;

N.  billi l-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ppubblika white paper dwar il-prattika tal-politika ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" f'Hong Kong fl-10 ta' Ġunju 2014, li tenfasizza li l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong hi finalment soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-gvern ċentrali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina;

O.  billi s-soċjetà tradizzjonalment miftuħa ta' Hong Kong wittiet it-triq għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina u indipendenti li b'mod attiv u kostruttiv tipparteċipa fil-ħajja pubblika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali;

P.  billi s-soċjetà ċivili ta' Hong Kong żiedet is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar id-drittijiet ċivili u politiċi, ir-reliġjon, il-kura tas-saħħa, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-parteċipazzjoni politika tan-nisa, id-drittijiet tal-ħaddiema domestiċi, id-drittijiet LGBTI, u l-libertajiet akkademiċi u kulturali;

Q.  billi Hong Kong igawdi minn sistema multipartitika dinamika; billi, tul is-snin, in-nies ta' Hong Kong għexu dimostrazzjonijiet tal-massa favur id-demokrazija u l-implimentazzjoni sħiħa tal-Liġi Bażika, inklużi l-protesti tal-2014 mill-hekk imsejjaħ "Moviment Umbrella", kif ukoll dwar il-libertajiet tal-midja, u, fost l-oħrajn, kontra l-għajbien tal-bejjiegħa tal-kotba ta' Hong Kong;

R.  billi, matul l-aħħar għoxrin sena, xi ġurnalisti u ħaddiema oħrajn fil-midja, li spiss kienu sostenituri tad-demokrazija u esprimew fehmiet ta' kritika, ġew imġiegħla jirriżenjaw, ġew trasferiti biex ikopru oqsma anqas sensittivi u, f'xi każijiet, saħansitra kienu mhedda bi vjolenza;

S.  billi, fi tmiem l-2015, erba' residenti ta' Hong Kong u persuna mhux residenti, li kienu assoċjati mad-dar ta' pubblikazzjoni "Mighty Current" u mal-ħanut tal-kotba tagħha, għebu u xhur wara ħarġet informazzjoni li huma kienu detenuti fiċ-Ċina kontinentali f'postijiet mhux magħrufa, u billi wieħed mill-bejjiegħa tal-kotba rilaxxati ddikjara li l-konfessjoni tiegħu ta' għemil ħażin kienet furzata;

T.  billi, matul dawn l-aħħar snin, ġiet osservata żieda fl-awtoċensura tal-midja ta' Hong Kong fi kwistjonijiet li jikkonċernaw iċ-Ċina kontinentali, kif ikkonfermat ukoll minn stħarriġ u rapporti mill-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti ta' Hong Kong;

U.  billi Hong Kong joffri l-possibbiltà li wieħed isegwi taħriġ ta' livell għoli u jilħaq livell akkademiku għoli, madankollu, il-libertà akkademika tinsab f'riskju minħabb interferenzi ripetuti min-naħa tal-gvern ċentrali taċ-Ċina, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħatriet tal-kunsill universitarju;

V.  billi sar stħarriġ f'intervalli regolari mill-programm ta' analiżi tal-opinjoni pubblika tal-Università ta' Hong Kong li juri tnaqqis fit-tul tas-sentiment ta' identifikazzjoni maċ-Ċina;

W.  billi f'Jannar 2017, l-Uffiċċju tal-Ambjent ta' Hong Kong ippubblika il-"Pjan ta' Azzjoni ta' Hong Kong dwar il-Klima 2030+", pjan transsettorjali bbażat fuq il-Ftehim ta' Pariġi, li jistabbilixxi miri ġodda għal emissjonijiet tal-karbonju, jiġifieri tnaqqis b'żewġ terzi tal-intensità tal-karbonu u b'terz tal-emissjonijiet assoluti tal-karbonju sal-2030 meta mqabbla mal-valuri ta' referenza tal-2005;

X.  wara li kkunsidra l-importanza tal-port ta' Hong Kong għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u għall-kummerċ internazzjonali;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

   (a) li jenfasizzaw mal-awtoritajiet tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li bl-istess mod li l-politika tal-UE "Ċina Waħda" hija element essenzjali tal-impenn tal-UE, ir-rispett sħiħ tal-Liġi Bażika tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u tal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", huwa ta' importanza ewlenija għall-iżvilupp u għal aktar tisħiħ u espansjoni tar-relazzjonijiet attwali u futuri mal-UE, u li l-intervent fl-affarijiet interni ta' Hong Kong għandu l-potenzjal li jimmina dan il-prinċipju u għaldaqstant għandu jiġi evitat;
   (b) li jikkundannaw l-interferenza kontinwa tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fl-affarijiet interni ta' Hong Kong, li tista' tippreġudika l-vijabbiltà fit-tul tal-mudell "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";
   (c) li jirrinforzaw id-djalogu bilaterali mal-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong, b'mod partikolari permezz tad-Djalogu Strutturat annwali bejn l-UE u Hong Kong, fuq firxa wiesgħa ta' suġġetti u oqsma ta' politika, bħalma huma d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-kummerċ, l-investiment, is-servizzi finanzjarji, id-dwana, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, ir-riċerka u l-edukazzjoni, li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi", u li jkompli r-rapportar annwali mill-VP/RGħ u mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi f'Hong Kong;
   (d) li jirrikonoxxu li, tul iż-żmien, Hong Kong żviluppa f'soċjetà miftuħa fejn iċ-ċittadini jgawdu minn drittijiet tal-bniedem, libertajiet, standards għolja ta' saħħa pubblika u ta' sigurtà, trasparenza, u għandu ġudikatura li hija fdata, u fejn jipprevalu l-istat tad-dritt u livelli baxxi ta' korruzzjoni, u li l-poplu ta' Hong Kong għandu d-dritt leġittimu li jitħalla jkompli jgawdi minn dan l-istil ta' ħajja u minn dawn id-drittijiet u valuri bi grad għoli ta' awtonomja;
   (e) li jenfasizzaw li r-rispett tal-awtonomija ta' Hong Kong hu essenzjali biex jitkompla l-iżvilupp pożittiv tiegħu kif ukoll biex jinżammu relazzjonijiet favorevoli maċ-Ċina kontinentali, kif ukoll għat-tkompli tad-djalogi maċ-Ċina kontinentali u mat-Tajwan;
   (f) li jieħdu impenn favur l-appoġġ tal-awtonomija u l-prosperità ta' Hong Kong u d-drittijiet u l-libertajiet tal-poplu tiegħu, u li jesprimu appoġġ qawwi għat-tnedija ta' proċess ta' riforma politika f'konformità mal-istandards internazzjonali u mal-Liġi Bażika, li jagħti lill-poplu tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali d-dritt li jeleġġi u li jiġi elett fi proċess ta' għażla għall-ogħla karigi ta' tmexxija, u li jirrifletti l-pożizzjoni tal-maġġoranza fi ħdan l-opinjoni pubblika ta' Hong Kong;
   (g) li jistiednu, f'dan il-kuntest, lill-Gvernijiet ta' Hong Kong u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex jikkonfermaw l-impenn tagħhom u jagħtu spinta ġdida għal riforma tas-suffraġju universali fl-elezzjoni li jmiss tal-Kap tal-Eżekuttiv u tal-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv f'Hong Kong, sabiex ikun hemm sistem elettorali li hija demokratika, ġusta, miftuħa u trasparenti;
   (h) li jsibu mezzi ta' appoġġ għall-ikkonsolidar tad-demokrazija f'Hong Kong u tas-sistema multipartitika tiegħu, u li jesprimu tħassib għaż-żieda fl-intimidazzjoni tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u għar-rifjut tar-Reġistru tal-Kumpaniji li jirreġistra għadd ta' gruppi prodemokratiċi;
   (i) li jilqgħu b'mod pożittiv ir-rekord ta' parteċipazzjoni fl-aħħar elezzjonijiet għall-Kunsill Leġiżlattiv tal-2016, filwaqt li jiddispjaċihom li, fl-2016, l-awtoritajiet ta' Hong Kong irrifjutaw li jirreġistraw partit politiku ġdid favur l-indipendenza għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Leġiżlattiv u skwalifikaw sitt kandidati b'fehmiet favur il-promozzjoni ta' awtonomija akbar għal Hong Kong;
   (j) li jikkundannaw it-theddid għas-sikurezza personali tal-politiċi prodemokratiċi, inkluż il-ħtif u l-vjolenza fiżika, kif irraportat minn xi leġiżlaturi;
   (k) li jilqgħu l-ħelsien fuq pleġġ tat-tliet mexxejja tal-moviment prodemokratiku, Joshua Wong, Nathan Law u Alex Chow, li reċentement ġew ikkundanti għal priġunerija ta' bejn sitt u tmien xhur għal raġuni ta' "għaqda illegali", wara li s-sena l-oħra ġew ikkundannati għal pieni mingħajr kustodja, inkluż servizz komunitarju, għal parteċipazzjoni tagħhom fi protesti paċifiċi; li jħeġġu lill-Qorti tal-Appell Finali ta' Hong Kong biex tikkunsidra l-każijiet tas-Sinjuri Wong, Law u Chow f'konformità mal-obbligi ta' Hong Kong skont id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u li jħeġġu lill-Gvern ta' Hong Kong biex jirrevedi l-Ordinanza dwar l-Ordni Pubbliku biex din tinġieb f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
   (l) li jiġbdu l-attenzjoni taċ-Ċina li, anke jekk il-Liġi Bażika, id-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Britannika u l-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi" huma ġeneralment irrispettati, hemm tħassib dejjem akbar u mifrux li l-grad għoli ta' awtonomija miftiehem ta' Hong Kong, jew il-valur ġuridiku, jew l-ispirtu tad-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika ġew ikkontestati;
   (m) li jesprimu tħassib serju dwar il-fatt li l-Kumitat Permanenti tal-Kungress Nazzjonali tal-Poplu, qabel il-ħruġ ta' sentenzi mill-qorti, qiegħed joħroġ interpretazzjonijiet, kemm jekk mitluba u kemm jekk le, dwar il-Liġi Bażika, li jissuġġerixxu li l-leġiżlaturi eletti demokratikament għandhom jiġu diskwalifikati, u b'hekk qiegħed jimmina l-fiduċja fl-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura f'każijiet individwali partikolari; li jfakkru li s-sistema ġudizzjarja u l-proċess ġudizzjarju normali ta' Hong Kong għandu jkun l-istrument ewlieni għar-riżulozzjoni tat-tilwim;
   (n) li jenfasizzaw li t-trattament tal-każ tal-ħames bejjiegħa tal-kotba li għebu qajjem dubji spjaċevoli dwar l-awtonomija tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali, kif iddikjarat fil-Liġi Bażika, u dwar in-nuqqas ta' ċarezza rigward ir-rwol tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi taċ-Ċina kontinentali f'Hong Kong;
   (o) li jesprimu tħassib dwar l-allegazzjonijiet li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi taċ-Ċina qegħdin joperaw f'Hong Kong, li jkun jikkostitwixxi ksur tal-Liġi Bażika u jkun inkonsistenti mal-prinċipju "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";
   (p) li jissottolinjaw li l-libertà tal-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni ġeneralment ġew rispettati, filwaqt li jesprimu tħassib dwar id-deterjorament kostanti tal-libertà tal-istampa f'Hong Kong, bi pressjoni dejjem tiżdied fuq il-midja, kemm dik stampata u kemm dik elettronika, biż-żieda fl-awtoċensura, b'mod partikolari rigward kwistjonijiet sensittivi dwar iċ-Ċina kontinentali jew dwar il-Gvern ta' Hong Kong, u bl-issikkar tal-kontroll fuq il-bejgħ ta' kotba politiċi sensittivi permezz tal-monopolju tas-sjieda ta' kważi l-ħwienet tal-kotba kollha;
   (q) li jkomplu d-djalogu bilaterali mal-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong dwar diversi oqsma ta' politika kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' "pajjiż wieħed, żewġ sistemi";
   (r) li jtennu li kwalunkwe leġiżlazzjoni introdotta skont il-Liġi Bażika, inkluża kwalunkwe leġiżlazzjoni li se tiġi proposta abbażi tal-Artikolu 23 tal-Liġi Bażika, bħall-possibbiltà ta' Abbozz dwar is-Sigurtà Nazzjonali, ma tridx tinterferixxi fl-indipendenza u l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-ġudikatura ta' Hong Kong, u m'għandhiex tippreġudika l-obbligi meħuda skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), u lanqas ma għandha xxekkel il-libertajiet bħal-libertà tal-kelma, il-libertajiet tal-midja, il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-libertà ta' parteċipazzjoni f'dimostrazzjonijiet, il-libertà li jiġu ffurmati trade unions, u li jsiru strajkijiet, u l-libertà tar-riċerka akkademika u tal-espressjoni kulturali u artistika, u m'għandhiex tintuża kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-kritiċi tal-gvern;
   (s) biex fil-futur qarib jiġu ppreżentati quddiem il-Parlament proposti dwar l-iżvilupp tal-kooperazzjoni, flimkien mal-awtoritajiet ta' Hong Kong fil-qasam tat-trasparenza fiskali, inkluż dwar Skambju Awtomatiku ta' Informazzjoni (AEOI), dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri mitluba mill-OECD fil-pakkett dwar l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt (BEPS);
   (t) li jħeġġu u jappoġġaw il-movimenti prodemokratiċi kkoordinati fuq livell reġjonali, bħala għodda prinċipali biex titrawwem il-kooperazzjoni Asjatika dwar kwistjonijiet relatati mad-demokrazija u mad-drittijiet tal-bniedem;
   (u) biex il-Gvern ta' Hong Kong jiġi mħeġġeġ jieħu miżuri aktar effikaċi kontra l-evażjoni fiskali u l-frodi fiskali, u biex jieħu l-miżuri sabiex jimmonitorja u jissanzjona l-impriżi li jiffaċilitaw l-evażjoni fiskali u l-frodi permezz tas-sussidjarji tagħhom f'Hong Kong;
   (v) li jsibu mezzi ta' appoġġ għas-soċjetà ċivili f'Hong Kong, b'mod partikolari fir-rigward ta' organizzazzjonijiet favur il-valuri universali u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u li jappoġġaw l-indipendenza tal-ġudikatura u l-libertà tal-istampa; li jenfasizzaw li huma biss forom ta' protesta mhux vjolenti u d-djalogu li jistgħu jkunu mezz ta' involviment f'każ ta' tilwim;
   (w) li jirrakkomandaw lill-Kunsill Leġiżlattiv ta' Hong Kong li jeżamina bir-reqqa l-leġiżlazzjoni futura dwar tal-ferroviji ta' veloċità għolja b'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini u ċ-ċittadini ta' Hong Kong;
   (x) li jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet akkademiċi ta' Hong Kong biex iżommu l-istandards għoljin tal-kurrikuli u r-riċerka tagħhom, u biex jippreservaw il-libertajiet akkademiċi, iżda li jesprimu tħassib, f'dan ir-rigward, dwar il-proċedura għall-ħatra tal-kunsilli tal-università u l-interferenzi esterni bl-għan li jimmodifikaw il-kurrikuli skolastiċi, li jistgħu jdgħajfu l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja; li jippromwovu t-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi Ewropej u ta' Hong Kong;
   (y) li jitolbu l-adozzjoni f'waqtha ta' liġi kontra d-diskriminazzjoni;
   (z) li jfakkru li s-soċjetà ta' Hong Kong u l-poplu tiegħu kienu influwenzati bil-kbir mill-immigrazzjoni, inkluż ir-refuġjati, u li jistiednu lill-Gvern ta' Hong Kong biex jallinja l-politika tiegħu dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati f'konformità mal-istandards internazzjonali, b'mod partikalori fir-rigward ta' refuġjati minorenni mhux akkumpanjati;
   (aa) li jirrimarkaw li, għalkemm stħarriġ riċenti juri li ħafna abitanti ta' Hong Kong għandhom ix-xewqa li jemigraw, tkun qagħda infeliċi jekk Hong Kong ma jkunx jista' jżomm l-aħjar imħuħ milli jemigraw u tkun ukoll qagħda preokkupanti jekk ħafna, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, jitilfu kull tama fil-ġejjieni;
   (ab) li josservaw bi tħassib li l-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar il-Korea ta' Fuq stabbilixxa fir-rapporti tiegħu li Hong Kong hija waħda miż-żewġ ġurisdizzjonijiet kummerċjali li fihom topera l-parti l-kbira tal-kumpaniji kkontrollati mill-Korea ta' Fuq; li jfakkru li impriżi konġunti internazzjonali mal-Korea ta' Fuq huma fi ksur tar-riżoluzzjoni l-aktar reċenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2388 (2017) u li jħeġġu lill-awtoritajiet ta' Hong Kong biex jindirizzaw it-tħassib tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar il-Korea ta' Fuq;
   (ac) li jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet ta' Hong Kong għall-fatt li, skont studju, l-iskart muniċipali f'Hong Kong żdied bi 80 % f'dawn l-aħħar għaxar snin, jiġifieri aktar mid-doppju tar-rata ta' tkabbir tal-popolazzjoni, u li jassistuhom fl-iżvilupp ta' politika effettiva għat-tnaqqis tal-iskart, fil-promozzjoni tar-riċiklaġġ u forom oħra ta' ekonomija ċirkolari, u fis-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar konsum responsabbli;
   (ad) li jissottolinjaw lill-awtoritajiet Ċiniżi li r-rispett sħiħ lejn l-awtonomija ta' Hong Kong jista' jipprovdi l-mudell għal proċess ta' riformi demokratiċi politiċi profondi fiċ-Ċina u l-liberalizzazzjoni u l-ftuħ gradwali tas-soċjetà Ċiniża;
   (ae) li jissottolinjaw l-impenn tal-UE għat-tisħiħ tad-demokrazija, inkluż l-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura, id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, it-trasparenza, u l-libertà ta' informazzjoni u ta' espressjoni f'Hong Kong;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Gvern tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta' Hong Kong u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) ĠU L 151, 18.6.1999, p. 20.
(2) ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0444.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0045.
(5) ĠU C 286 E, 23.11.2006, p. 523.
(6) ĠU C 64 E, 12.3.2004, p. 130.
(7) ĠU C 31 E, 5.2.2004, p. 261.
(8) ĠU C 197, 12.7.2001, p. 387.
(9) ĠU C 328, 26.10.1998, p. 186.
(10) ĠU C 132, 28.4.1997, p. 222.
(11) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.
(12) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 126.

Avviż legali - Politika tal-privatezza