Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/3003(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0695/2017

Dibattiti :

PV 14/12/2017 - 5.3
CRE 14/12/2017 - 5.3

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.3
CRE 14/12/2017 - 8.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0498

Testi adottati
PDF 363kWORD 58k
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2017 - Strasburgu
El Salvador: il-każijiet ta' nisa li ttellgħu l-qorti minħabba li kellhom korriment
P8_TA(2017)0498RC-B8-0695/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-każijiet ta' nisa li ttellgħu l-qorti f'El Salvador minħabba li kellhom korriment (2017/3003(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 8, 19, 157, 216 u 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 7 tal-Pjan ta' Azzjoni UE-CELAC (Komunità ta’ Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew) 2015-2017 dwar il-Ġeneru,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE tad-19 ta' Lulju 2017 mill-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1567/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar l-għajnuna għal strateġiji u azzjonijiet dwar ir-riproduttività u s-saħħa sesswali u d-drittijiet fil-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw(2),

–  wara li kkunsidra l-ħames Għan ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU – it-titjib tas-saħħa materna,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra r-rieżami tal-2017 tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa dwar id-drittijiet tan-nisa f'El Salvador, u l-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 24 u 39 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura, li El Salvador ilu firmatarju tagħha mill-1996,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 144 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta' El Salvador, li jiddikjara li t-trattati internazzjonali konklużi ma' stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jikkostitwixxu liġijiet tar-Repubblika, u li, f'każijiet li fihom ikun hemm kunflitt bejn it-trattat u l-liġi, it-trattat jipprevali,

–  wara li kkunsidra l-Qafas għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet permezz tal-Azzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Mejju 2015 tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-liġi u fil-prattika,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Inter-Amerikana dwar il-Prevenzjoni, l-Ikkastigar u l-Eradikazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa (il-Konvenzjoni ta' Belem do Para),

–  wara li kkunsidra d-Digriet Leġiżlattiv Nru 520 ta' El Salvador ("Liġi Komprensiva Speċjali għal Ħajja Mingħajr Vjolenza għan-Nisa"),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 133, 135 u 136 tal-Kodiċi Kriminali ta' El Salvador,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fi tmiem il-missjoni tiegħu f'El Salvador fis-17 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta' El Salvador,

–  wara li kkunsidra l-Liġi ta' El Salvador dwar l-Ugwaljanza, l-Ekwità u l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata fl-2016, il-Liġi dwar Ħajja Mingħajr Vjolenza għan-Nisa, adottata fl-2012, u l-Liġi dwar il-Protezzjoni Komprensiva tat-Tfal u l-Adoloxxenti (LEPINA), adottata f'April 2009, li tagħti mandat lill-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jipprovdi edukazzjoni dwar il-ġeneri u s-saħħa riproduttiva u biex jittratta d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-sistema tal-edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE; billi d-dritt għat-trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u għandu jiġi rispettat, promoss u applikat bis-sħiħ fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fil-ġurisprudenza u fil-ħajja ta' kuljum;

B.  billi fl-Artikoli 36 u 37 tal-osservazzjonijiet konklużivi tar-rieżami tiegħu dwar id-drittijiet tan-nisa f'El Salvador, il-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa jitlob li jitħassru l-liġijiet punittivi ta' El Salvador dwar l-abort;

C.  billi, mis-sena 2000 'l hawn, tal-anqas 120 mara f'El Salvador ittellgħu l-qorti akkużati b'abort jew omiċidju meta l-mewt tal-fetu seħħ fl-aħħar xhur tat-tqala, u billi 26 minnhom instabu ħatja ta' omiċidju u 23 minnhom instabu ħatja ta' abort, u dawk kollha li nstabu ħatja ngħataw sentenzi twal ferm, minkejja li mhumiex kriminali skont l-istandards internazzjonali; billi l-biċċa l-kbira ta' dawn in-nisa huma żgħażagħ, foqra, bi ftit edukazzjoni, u minn komunitajiet remoti; billi bħalissa hemm żewġ każijiet pendenti fl-ambitu ta' proċediment kriminali; billi, wara li l-mara inkwistjoni qattgħet l-aħħar għaxar snin il-ħabs, il-każ ta' Teodora del Carmen Vásquez ġie rieżaminat mill-Qorti tal-Appell fit-13 ta' Diċembru 2017 u l-appell tagħha ġie miċħud, filwaqt li s-sentenza ta' Evelyn Beatriz Hernandez Cruz ġiet ikkonfermata f'Ottubru 2017;

D.  billi "Las 17" kienu n-nisa li ġew ikkastigati l-aktar severament, inkwantu ġew ikkundannati għal għexieren ta' snin ħabs bejn l-2000 u l-2011; billi ftit minnhom ġew rilaxxati wara li l-qrati biddlu d-deċiżjonijiet preċedenti;

E.  billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija problema kbira f'El Salvador u li, skont id-data, mara tiġi attakkata sesswalment kull tliet sigħat, il-każijiet ta' stupru sikwit iwasslu għal tqala mhux mixtieqa, u jseħħu numru xokkanti ta' femminiċidji, li 5 % biss minnhom kienu s-suġġett ta' proċedimenti ġudizzjarji;

F.  billi l-impjegati pubbliċi ta' kwalunkwe awtorità, inklużi l-isptarijiet u l-kliniki, huma obbligati jirrappurtaw lil pazjenti li jingħataw kura ostetrika ta' emerġenza, u dan huwa ksur tad-dritt tal-pazjent għall-kunfidenzjalità u joħloq ambjent ta' stigmatizzazzjoni għan-nisa; billi l-obbligu li l-pazjenti jiġu rrappurtati jfisser li n-nisa li jkollhom kumplikazzjonijiet waqt it-tqala jagħżlu li ma jitolbux assistenza medika minħabba l-biża' li jittellgħu l-qorti u jintbagħtu l-ħabs; billi n-nuqqas li jsir rapport jitqies bħala reat gravi;

G.  billi r-rata ta' qtil abbażi tal-ġeneru ta' nisa u bniet f'El Salvador hija terribbilment għolja; billi fl-2015 u l-2016 inqatlu 1 097 mara u bejn Jannar u Ġunju 2017 inqatlu 201; billi, skont l-Organizzazzjoni tan-Nisa ta' El Salvador għall-Paċi (ORMUSA), is-sena l-oħra l-Pulizija Ċivili Nazzjonali ta' El Salvador irreġistrat 3 947 rapport ta' attakki sesswali, li minnhom 1 049 kienu każijiet ta' stupru, anke fil-familji stess, u 1 873 mill-vittmi kienu minorenni jew ikklassifikati bħala "inabilitati";

H.  billi El Salvador għandu rata għolja ta' tqala fl-età tal-adolexxenza, anke minħabba n-nuqqas ta' edukazzjoni sesswali fl-iskejjel; billi l-abbuż sesswali u l-istupru huma l-fatturi ewlenin ta' tqala prekoċi; billi, skont il-Ministeru għas-Saħħa, fl-2015 kien hemm 1 445 każ ta' bniet tqal li kellhom bejn 10 snin u 14-il sena;

I.  billi fl-1998 El Salvador ikkriminalizza l-abort f'kull ċirkustanzi, inklużi każijiet li fihom it-tqala jkollha kumplikazzjonijiet li jipperikolaw il-ħajja tal-mara jew tat-tfajla, kif ukoll f'każijiet ta' stupru, inċest jew fetu mhux vijabbli; billi, barra minn hekk, fl-1999 ġiet adottata emenda kostituzzjonali li tirrikonoxxi l-embrijun bħala bniedem mill-"mument tal-konċepiment"; billi kwalunkwe persuna li tagħmel abort jew tagħmel abort fuqha nnifsha, anke qabel l-istadju fetali, għalhekk tista' tittella' l-qorti u tingħata sentenza ta' bejn sentejn u tmien snin ħabs, iżda f'ħafna każijiet il-prosekuturi żiedu l-akkuża għal "omiċidju aggravat", li jġib miegħu sentenza ta' sa 50 sena ħabs; billi l-leġiżlazzjoni li potenzjalment tippermetti l-abort f'dawn iċ-ċirkustanzi baqgħet imwaħħla fl-Assemblea Nazzjonali minn Ottubru 2016, iżda bħalissa għaddejjin dibattiti biex isir aktar progress;

J.  billi, minħabba raġunijiet reliġjużi, kulturali u raġunijiet oħrajn, El Salvador jibqa' jiċħad lin-nisa u lill-bniet aċċess għal abort sikur u legali, u b'hekk qed jikser id-dritt tagħhom għas-saħħa, il-ħajja u l-integrità fiżika u psikoloġika;

K.  billi l-Ministeru għall-Edukazzjoni riċentement ħejja materjal sabiex jintegra s-saħħa sesswali u riproduttiva fil-kurrikulu tal-iskola nazzjonali, iżda minħabba reżistenza minn diversi forzi, il-materjal editjat finali jiffoka minflok fuq l-astinenza sesswali, minkejja l-fatt li 42 % kienu tqal qabel għalqu l-20 sena;

L.  billi fl-Amerika Latina r-riskju tal-imwiet marbuta mat-tqala huwa erba' darbiet ogħla fost l-adolexxenti taħt l-età ta' 16-il sena; billi 65 % tal-każijiet ta' fistula ostetrika jseħħu fit-tqala tal-adolexxenti, b'konsegwenzi serji għal ħajjithom, fosthom problemi gravi tas-saħħa u esklużjoni soċjali; billi t-tqala prekoċi hija perikoluża wkoll għat-tarbija, b'rata ta' mortalità 50 % ogħla mill-medja; billi sa 40 % tan-nisa fir-reġjun sfaw vittmi ta' vjolenza sesswali; billi 95 % tal-aborti mwettqa fl-Amerika Latina mhumiex sikuri;

M.  billi l-Ministeru għas-Saħħa jirrapporta li bejn l-2011 u l-2015, 14-il mara mietu minħabba kumplikazzjonijiet relatati mal-abort, 13-il mara mietu minħabba tqala ektopika u 63 mara mietu minħabba l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-abort; billi s-suwiċidju huwa l-kawża ta' 57 % tal-imwiet ta' nisa tqal li għandhom bejn l-10 snin u d-19-il sena; billi ħafna nisa jibżgħu jitolbu assistenza medika meta jkollhom kumplikazzjonijiet relatati mat-tqala, fatt li jikkawża aktar imwiet li jistgħu jiġu evitati; billi dan il-fatt jaffettwa partikolarment lin-nisa bl-anqas riżorsi ekonomiċi li m'għandhomx aċċess għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;

N.  billi l-Human Rights Watch u l-Amnesty International jinnutaw li n-nisa li kellhom korrimenti jew twelid mejjet f'El Salvador ħafna drabi jittellgħu l-qorti għax ikunu ssuspettati li wettqu abort; billi f'tali każijiet in-nisa ta' spiss jiġu rrappurtati minn persunal mediku u sussegwentement jiġu arrestati waqt li jkunu għadhom l-isptar;

O.  billi esperti tan-NU wissew li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Salvadorjani qed tirriżulta fi ksur gravi tad-dritt tan-nisa u l-bniet għall-ħajja, is-saħħa u l-integrità fiżika u mentali tagħhom, u b'hekk qed jipperikolaw l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali tagħhom;

P.  billi f'Marzu 2015, il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali talab lil El Salvador jirrevedi u jemenda l-leġiżlazzjoni tal-abort tiegħu biex jiżgura l-kompatibilità tagħha ma' drittijiet oħra bħalma huma d-dritt għas-saħħa u d-dritt għall-ħajja; billi l-vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika kontra n-nisa hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

Q.  billi El Salvador ipparteċipa b'mod attiv fil-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa; billi l-partijiet kollha għandhom ikomplu jippromwovu l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tan-NU rigward, fost elementi oħra, l-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

R.  billi korpi li jissorveljaw it-trattati tan-NU, inklużi l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) u l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), stiednu lil diversi stati tal-Amerika Latina jistabbilixxu eċċezzjonijiet għal-liġijiet restrittivi tal-abort f'każijiet fejn tqala tkun tippreżenta riskju għall-ħajja jew is-saħħa ta' mara, fejn ikun hemm indeboliment sever tal-fetu, u fejn it-tqala tkun ir-riżultat ta' stupru jew inċest;

S.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet f'El Salvador wara ż-żjara tiegħu fil-pajjiż f'Novembru 2017; billi stieden lil El Salvador jintroduċi moratorju fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 133 tal-Kodiċi Kriminali u jirrieżamina l-każijiet ta' nisa li jinsabu detenuti għal reati relatati mal-abort;

T.  billi l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) u l-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (CESCR) irrikonoxxew b'mod espliċitu r-rabta bejn l-abort illegali mhux sikur u r-rati għoljin tal-imwiet marbuta mat-tqala; billi l-Konvenzjoni kontra t-Tortura tistipula li l-istati li għandhom projbizzjoni assoluta fuq l-abort taħt kull ċirkostanza jesponu lin-nisa u l-bniet għal ċirkostanzi li fihom jiġu umiljati u ttrattati b'mod krudili;

U.  billi l-Eżami Perjodiku Universali tan-NU għamel 10 rakkomandazzjonijiet lill-Istat ta' El Salvador biex jikkonforma l-liġi tal-abort tiegħu mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li kollha kemm huma ġew rifjutati mill-Gvern;

V.  billi, skont ir-Regoli tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri Nisa u l-Miżuri Alternattivi għall-Arrest għall-Awturi Nisa ta' Reati (ir-Regoli ta' Bangkok), in-nisa li għandhom responsabbiltajiet tal-kura tat-tfal u n-nisa tqal għandhom, kull meta jkun possibbli u xieraq, jingħataw sentenzi alternattivi għall-arrest;

W.  billi fost l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) hemm il-prevenzjoni ta' tqala mhux ippjanata u t-tnaqqis fin-numru ta' każijiet ta' maternità fl-età tal-adolexxenza permezz ta' aċċess universali għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniet u n-nisa, fosthom dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, f'El Salvador u jikkundanna kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa; ifakkar li dawn jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tan-nisa u l-bniet; jenfasizza li l-Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (li El Salvador irratifika fit-3 ta' Marzu 2016), jiddefinixxi t-tqala sfurzata bħala reat kontra l-umanità u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, li tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tan-nisa u l-bniet;

2.  Jirrifjutta bil-qawwa l-għoti tas-sentenza u l-priġunerija ta' nisa u bniet li sofrew twelid mejjet jew korriment u jitlob ir-rilaxx immedjat u mhux kondizzjonat tagħhom; iqis li ħadd m'għandu jintbagħat il-ħabs minħabba dawn il-kundanni;

3.  Jikkundanna l-prosekuzzjoni tan-nisa għal abort, perjodi twal ta' arrest preventiv u pieni kriminali sproporzjonati mogħtija lin-nisa li jixtiequ jagħmlu abort, kif ukoll il-priġunerija ta' nisa eżatt wara li jkunu marru l-isptar għal kura minħabba li membri tal-persunal tas-saħħa jkunu rrappurtawhom lill-awtoritajiet għaliex jibżgħu li jiġu kkastigati huma stess;

4.  Jikkundanna l-kriminalizzazzjoni assoluta tal-abort skont l-Artikoli 133, 135 u 136 tal-Kodiċi Kriminali, u l-effetti serji u diskriminatorji fuq in-nisa li jiġu sfurzati jużaw metodi ta' abort mhux sikuri, u b'hekk jiffaċċjaw riskji serji għas-saħħa u l-ħajja; jistieden lill-Assemblea Leġiżlattiva ta' El Salvador issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa biex jitqiegħed moratorju fuq l-applikazzjoni tagħha;

5.  Jistieden lil El Salvador jiżgura li n-nisa u l-bniet ikollhom aċċess għal abort sikur u legali; jistieden lill-Assemblea Leġiżlattiva ta' El Salvador, f'dan il-kuntest, tappoġġa l-abbozz ta' liġi li jintroduċi riforma tal-Artikoli 133, 135 u 136 tal-Kodiċi Kriminali sabiex jiġi dekriminalizzat l-abort għall-inqas fil-każijiet fejn it-tqala tippreżenta riskju għall-ħajja jew is-saħħa fiżika jew mentali tal-mara jew tifla tqal, fejn ikun hemm indeboliment sever u fatali tal-fetu, u fejn it-tqala tkun ir-riżultat ta' stupru jew inċest;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet ta' El Salvador jintroduċu moratorju fuq l-infurzar tal-liġi attwali u jirrieżaminaw id-detenzjoni ta' nisa akkużati b'korriment, twelid mejjet jew reati relatati mal-abort, bl-għan li jiġi żgurat ir-rilaxx tagħhom, jiġi żgurat proċess ġust fi proċedimenti relatati mal-abort, li n-nisa akkużati jitħallew jistennew li jibda l-proċess barra l-ħabs u li tiġi garantita s-segretezza professjonali għall-persunal kollu tas-saħħa u l-kunfidenzjalità tal-pazjenti; jikkundanna l-miżuri punittivi kollha kontra n-nisa u l-bniet li jixtiequ jagħmlu abort, kif ukoll kontra l-professjonisti tal-kura tas-saħħa u oħrajn li jgħinuhom jiksbu l-abort u jwettqu l-proċedura, u jitlob l-eliminazzjoni ta' tali miżuri;

7.  Ifakkar fid-dmir tal-Gvern Salvadorjan li jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tiegħu u jippromwovi l-istat tad-dritt rigward il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, jiġifieri li l-individwi li jittellgħu l-qorti għandhom jiġu ttrattati bħala innoċenti sakemm jiġi pruvat li huma ħatja, u li l-oneru tal-provi għandhom ikunu responsabbli għalih l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni u mhux il-konvenut, skont l-Istatut ta' Ruma li ġie rratifikat minn El Salvador; jistieden lill-awtoritajiet ta' El Salvador biex jagħtu taħriġ dwar il-ġeneru lill-uffiċjali pubbliċi, inklużi l-membri tal-ġudikatura; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jiffinanzjaw u jappoġġaw tali sforzi;

8.  Jikkundanna l-kundizzjonijiet inumani fil-ħabsijiet bħat-tortura, l-iżolament u s-sospensjoni taż-żjarat mill-familjari; jistieden lill-Gvern Salvadorjan jirratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura bħala miżura għall-prevenzjoni tat-tortura u t-trattament inuman u degradanti fil-ħabsijiet u l-postijiet ta' detenzjoni kollha; jitlob li l-organizzazzjonijiet indipendenti internazzjonali jingħataw aċċess għaċ-ċentri ta' detenzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Salvadorjani jtejbu l-kundizzjonijiet tal-priġunieri nisa, anke billi jagħtuhom aċċess għal prodotti tal-iġjene u b'hekk jirrispettaw id-drittijiet umani bażiċi tagħhom;

9.  Ifakkar lill-Gvern u lill-ġudikatura li huma marbuta li jirrispettaw l-istandards internazzjonali ta' aċċess ugwali għall-ġustizzja u l-prinċipji li jiggarantixxu proċess ġust għall-individwi kollha, u li l-ħtija tista' tiġi determinata biss fuq il-bażi ta' eżami ta' provi konkreti u suffiċjenti; jitlob li l-Gvern jagħmel disponibbli fondi pubbliċi suffiċjenti biex jappoġġa r-rappreżentanza legali ta' dawk li ma jifilħux iħallsu għaliha;

10.  Jistieden lis-sistema ġudizzjarja tiżgura proċess ġust bil-garanziji kollha għal Teodora del Carmen Vásquez u Evelyn Beatriz Hernandez Cruz u tirrevoka s-sentenzi tagħhom; jesprimi solidarjetà mal-kampanja "Las 17" immexxija minn nisa li ntbagħtu l-ħabs inġustament sa 40 sena minħabba korrimenti, twelid mejjet u kumplikazzjonijiet ostetriċi oħra; jestendi s-solidarjetà tiegħu man-nisa Salvadorjani kollha li ttellgħu l-qorti minħabba raġunijiet simili jew li nstabu ħatja ta' "omiċidju aggravat"; jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jirrieżaminaw il-każijiet kollha bl-għan li jingħataw maħfra;

11.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd kbir ta' tqaliet f'età żgħira f'El Salvador; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Salvadorjani jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem billi jiżguraw li l-bniet kollha jkollhom aċċess għall-informazzjoni possibbli kollha u għas-servizzi mediċi kollha għall-immaniġġjar tat-tqaliet ta' riskju għoli li jirriżultaw minn stupru;

12.  Jiddeplora l-fatt li l-ġisem tan-nisa u l-bniet, speċifikament fir-rigward tas-saħħa sesswali u tad-drittijiet riproduttivi tagħhom, għadu jikkostitwixxu qasam ta' battalja ideoloġika, u jistieden lil El Salvador jirrikonoxxi d-drittijiet inaljenabbli tan-nisa u l-bniet għall-integrità tal-ġisem u għat-teħid ta' deċiżjonijiet awtonomu fir-rigward, inter alia, tad-dritt għall-aċċess għall-ippjanar tal-familja volontarju u għal abort sikur u legali; jemmen li l-projbizzjoni ġenerali tal-abort terapewtiku u l-abort tat-tqaliet li jirriżultaw mill-istupru u l-inċest, u r-rifjut li tingħata kopertura tas-saħħa b'xejn f'każijiet ta' stupru, jammontaw għal tortura;

13.  Ifaħħar l-adozzjoni tal-Liġi Komprensiva Speċjali għal Ħajja Mingħajr Vjolenza għan-Nisa wara votazzjoni unanima bejn il-partiti minn membri nisa tal-Assemblea Leġiżlattiva Salvadorjana u jfakkar lill-awtoritajiet Salvadorjani li jeħtieġu jimplimentawha bis-sħiħ, b'mod partikolari rigward l-impenn li n-nisa u l-bniet jiġu protetti mill-vjolenza;

14.  Jilqa' l-istabbiliment riċenti tal-politika ta' El Salvador dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u l-programm il-ġdid "Ciudad Mujer" li żviluppa servizzi għal 1,5 miljun mara madwar il-pajjiż, b'mod partikolari permezz tas-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, jappoġġa l-isforzi tiegħu u jħeġġeġ lill-Gvern ta' El Salvador biex jiżgura aċċess għal informazzjoni u servizzi moderni relatati mal-kontraċettivi u biex jagħmel sforzi biex jipprovdi edukazzjoni komprensiva dwar is-sess fl-iskejjel pubbliċi;

15.  Iħeġġeġ lill-Kunsill iħaffef il-ħidma tiegħu biex jippermetti lill-UE tirratifika u timplimenta l-Konvenzjoni ta' Istanbul, sabiex tiġi żgurata koerenza bejn l-azzjoni interna u esterna tal-UE dwar il-vjolenza kontra t-tfal, in-nisa u l-bniet;

16.  Jistieden lill-Kunsill jinkludi l-kwistjoni tal-abort sikur u legali fil-Linji Gwida tal-UE dwar l-istupru u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jenfasizza l-fatt li l-aċċess universali għas-saħħa, partikolarment għas-saħħa sesswali u riproduttiva u għad-drittijiet assoċjati, huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

17.  Jistieden lill-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-UE-CELAC fis-summit tagħhom, biex isaħħu l-kapitolu dwar il-vjolenza sessista fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE-CELAC bl-għan li jiġi stabbilit kalendarju ċar ta' azzjoni u miżuri ta' implimentazzjoni maħsuba biex jiggarantixxu diliġenza xierqa b'rabta mal-prevenzjoni u l-investigazzjoni tal-atti kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u s-sanzjonijiet għalihom u biex joffru kumpens adegwat lill-vittmi;

18.  Jilqa' l-isforzi tad-Delegazzjoni tal-UE f'El Salvador biex tiddjaloga mal-awtoritajiet nazzjonali dwar id-drittijiet tan-nisa, fosthom il-kriminalizzazzjoni tal-abort; jinsisti li din il-kwistjoni għandha titqies prijorità għolja u jistieden lis-SEAE biex jirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar l-azzjoni tiegħu f'dan il-qasam; jinsisti li d-Delegazzjoni tal-UE tipprovdi l-appoġġ kollu xieraq lin-nisa li bħalissa qegħdin il-ħabs għal reati relatati mal-abort, anke permezz ta' żjarat regolari, appoġġ lill-familjari tagħhom u l-offerta ta' assistenza legali;

19.  Ifakkar lill-UE fl-impenji tagħha skont il-Qafas għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020; jitlob lis-SEAE jsegwi mill-qrib il-każijiet ta' reviżjoni in loco u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp Ewropea ssegwi approċċ li jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, b'enfasi partikolari fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fuq il-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jżidu l-appoġġ tagħhom għad-difensuri lokali tad-drittijiet tal-bniedem u għal NGOs li qed imexxu kampanji favur id-drittijiet tan-nisa u l-bniet, speċjalment is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u l-ippjanar tal-familja f'El Salvador, inkluż il-finanzjament;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-awtoritajiet ta’ El Salvador, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, lill-Parlament tal-Amerika Latina, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0502.
(2) ĠU L 224, 6.9.2003, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza