Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2017/2932(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza Internazzjonali ta' Brussell dwar l-Afganistan tal-5 ta' Ottubru 2016 kopreseduta mill-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul(1) u tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tas-16 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-14 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2210 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Riżoluzzjoni 2344 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-24 ta’ Lulju 2017 mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar "Elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan" (JOIN(2017)0031),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch tat-13 ta' Frar 2017 bit-titolu "Pakistan Coercion, UN Complicity: The Mass Forced Return of Afghan Refugees", (Il-Koerċizzjoni tal-Pakistan, il-Kompliċità tan-NU: Ir-Ritorn Furzat tal-Massa tar-Rifuġjati Afgani),
– wara li kkunsidra r-rapport trimestrali tal-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR) lill-Kungress tal-Istati Uniti tat-30 ta' Jannar 2017,
– wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'l Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE ffirmata fit-3 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp iffirmat fit-18 ta' Frar 2017,
– wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar it-Trattament ta' Detenuti b'rabta mal-konflitt fl-Afganistan April 2017,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ilhom sa mill-2001 jaħdmu mal-Afganistan u mal-komunità internazzjonali usa' sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu, filwaqt li jistinkaw ukoll biex jiksbu l-paċi u l-iżvilupp sostenibbli; billi ż-żieda fil-pressjoni kawża tar-ribelljoni u tat-terroriżmu, is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli u l-instabbiltà politika jpoġġu f'riskju dawn l-għanijiet u l-progress sostanzjali li nkisbu;
B. billi, sa mill-2002, l-UE u l-Istati Membri tagħha taw biljuni ta' euro f'għajnuna u assistenza umanitarja u għall-iżvilupp lill-Afganistan; billi l-UE hi l-akbar sieħba tal-Afganistan fir-rigward tal-iżvilupp u hi mistennija tipprovdi EUR 5 biljun mit-total ta' EUR 13.6 biljun imwiegħda lill-Afganistan għall-perjodu 2017-2020 matul il-Konferenza Internazzjonali ta' Brussell dwar l-Afganistan f'Ottubru 2016;
C. billi bil-għan li jiġi stabbilit stat stabbli u prosperu huwa essenzjali li jiġu żgurati d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba matul il-perjodu ta' tranżizzjoni fl-Afganistan u matul id-deċennju ta' trasformazzjoni tiegħu (2015-2024);
D. billi f'dawn l-aħħar 15-il sena, sa mis-sena 2001, kien hemm żidiet kbar fil-livell tal-għajxien peress li l-aċċess għall-kura tas-saħħa bażika u l-edukazzjoni u l-emanċipazzjoni tan-nisa żiedu l-PDG per capita b'ħames darbiet u l-istennija tal-għomor medja bi 15-il sena; billi skont l-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR), minn mindu waqa' r-reġim tat-Taliban fis-sena 2001, l-attendenza fl-iskejjel ġenerali kienet żdiedet minn miljun student, li l-parti l-kbira minnhom kienu subien, għal kważi disa' miljuni sal-2015, u l-istudenti nisa kienu jammontaw għal madwar 39 % tat-total;
E. billi fl-24 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppubblikaw Komunikazzjoni Konġunta dwar Stateġija tal-UE għall-Afganistan; billi l-erba' oqsma ta' prijorità għall-UE, li huma ta' importanza kritika biex jinkiseb il-progress fl-Afganistan, jikkonċernaw: (a) il-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali; (b) it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tal-governanza tajba u l-emanċipazzjoni tan-nisa; (c) l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u uman; (d) l-indirizzar tal-isfidi relatati mal-migrazzjoni;
F. billi, wara l-kriżi tal-elezzjoni presidenzjali tal-2014, il-Gvern ta' Unità Nazzjonali (NUG) esperjenza waqfien tal-progress fuq l-aġenda ta' riforma tiegħu, li rriżulta f'sitwazzjoni politika dejjem aktar instabbli; billi r-rata tal-qgħad fl-Afganistan hi ta' 39 %, u aktar minn 39 % tal-popolazzjoni tgħix fil-faqar;
G. billi l-korruzzjoni mifruxa, is-sistemi ta' klijenteliżmu stabbiliti sew u n-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-Gvern Afgan politikament imkisser biex jimxi 'l quddiem fir-rigward tar-riformi jheddu li jillimitaw il-progress jew li jreġġgħu lura l-kisbiet tal-passat;
H. billi l-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA), li kienet stabbilita fl-2002, tappoġġja lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu biex jikseb il-paċi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba; billi l-mandat tagħha jiġġedded kull sena mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u dan l-aħħar ġie estiż b'mod unanimu sal-2018;
I. billi, għalkemm f'dawn l-aħħar snin saru ċerti kisbiet soċjoekonomiċi u politiċi, il-qawmien mill-ġdid tar-reġim tat-Taliban, l-Al-Qaeda u l-Istat Iżlamiku (IS) emerġenti ġdid fl-Afganistan, bħalma hu l-bidu ta' grupp lokali fl-Afganistan (Stat Iżlamiku tal-Provinċja Khorasan (ISKP)), ilkoll jheddu li jibdlu l-instabbiltà f'kunflitt fuq skala akbar; billi r-rapport reċenti tal-UNAMA ddokumenta l-ogħla għadd ta' vittmi mill-2009, bi 11 318-il vittma ċivili fl-2016, filwaqt li minn Jannar 2017 sa Settembru 2017 il-vittmi kienu diġà ammontaw għal 8 019; billi dan wassal ukoll għal żieda fil-migrazzjoni lejn l-Ewropa;
J. billi, skont l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti għall-Afganistan u n-Nofsinhar tal-Asja, se jingħaqdu 4 000 suldat addizzjonali mal-kontinġent eżistenti tal-Istati Uniti ta' 8 400 suldat; billi l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti titlob li l-Pakistan jieqaf jospita u jappoġġja lit-terroristi u titlob li jkun hemm involviment akbar min-naħa tar-Repubblika tal-Indja fl-għajnuna għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; billi l-Missjoni ta' Appoġġ Determinat immexxija min-NATO ser iżżid il-livell attwali tat-truppi tagħha minn 13 000 għal 16 000; billi l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti se tiġi żviluppata b'mod li tiffavorixxi approċċ ibbażat fuq il-kundizzjonijiet u skont dan l-approċċ il-ftehimiet diplomatiċi u ekonomiċi se jiġu integrati fil-qafas tal-isforz militari;
K. billi l-Afganistan qed iħabbat wiċċu ma' żieda bla preċedent f'ċittadini Afgani b'dokumenti kif ukoll mingħajr dokumenti li qed jirritornaw, prinċipalment mill-Pakistan; billi madwar żewġ miljun ċittadin Afgan mingħajr dokumenti u miljun Afgan bi status ta' rifuġjat qed jgħixu fl-Iran u qed jirritornaw lejn l-Afganistan; billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni spostati internament, hemm aktar minn 1.8 miljun persuna spostata internament fl-Afganistan bħala konsegwenza tal-kunflitt, u fl-2016 kien hemm rekord ta' 650 000 persuna li ħarbu lejn żoni oħra tal-pajjiż 'il bogħod mill-periklu, ċifra li tirrappreżenta medja ta' 1 500 persuna kuljum; billi fit-tieni nofs tal-2016 kien hemm żieda eċċezzjonalment għolja għal dawn l-aħħar 10 snin, fl-għadd ta' rifuġjati Afgani li rritornaw mill-Pakistan, li żdiedu minn 55 000 fl-2015 għal 370 000;
L. billi r-Repubblika tal-Indja hija l-akbar donatur reġjonali għall-Afganistan u pprovdiet madwar USD 3 biljun f'assistenza minn mindu l-Gvern tat-Taliban tneħħa mill-poter fl-2001; billi din l-assistenza ffinanzjat, fost affarijiet oħra, il-bini ta' aktar minn 200 skola fl-Afganistan, aktar minn 1 000 borża ta' studju għal studenti Afgani, u l-possibbiltà għal madwar 16 000 Afgan li jistudjaw fl-Indja; billi l-Indja pprovdiet ukoll assistenza fil-bini ta' infrastruttura kritika, bħal pereżempju madwar 4 000 km ta' toroq fl-Afganistan, b'mod speċjali l-awtostrada Zaranj-Dilaram, id-diga Salma, il-linji tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-bini tal-parlament Afgan;
M. billi l-instabbiltà fl-Afganistan għandha riperkussjonijiet ekonomiċi u ta' sigurtà negattivi għall-Iran u r-reġjun kollu kemm hu; billi l-ekonomija tal-Afganistan tiddependi ħafna mill-produzzjoni tax-xaħxieħ, li f'dawn l-aħħar snin żdiedet b'mod sostanzjali, u dan irriżulta f'żieda qawwija fl-użu tad-drogi fil-pajjiż ġirien tal-Iran; billi t-Taliban juża dan il-kummerċ illeċitu tad-drogi biex jiffinanzja l-operazzjonijiet tiegħu; billi l-fatt li dan il-kummerċ jiġi limitat u li jinstabu alternattivi ekonomiċi jkun ta' vantaġġ reċiproku għall-Iran u l-Afganistan; billi l-oppju mill-Afganistan huwa s-sors ewlieni tal-eroina fl-UE; billi l-ħidma mal-Iran u pajjiżi oħra fil-fruntieri bħat-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan hija meħtieġa sabiex ikompli jiġi limitat il-fluss ta' opjati lejn is-swieq Russi u Ewropej;
N. billi għall-futur tal-Afganistan hija kruċjali dimensjoni ġdida li tippermetti realtà kompletament ġdida ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali għal wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja; billi programm nazzjonali ġdid għall-iżvilupp tal-infrastruttura se jattira investiment pożittiv u reġjonali li qed jikber fi ħdan il-qafas tat-Triq tal-Ħarir il-ġdida;
O. billi rapporti jindikaw li l-Afganistan għandu bejn triljun u tliet triljun dollaru f'riżervi minerali mhux żviluppati; billi l-estrazzjoni minerarja illeċita huwa problema kbira li jhedded li jbiddel xprun potenzjali għall-iżvilupp Afgan f'sors ta' kunflitt u instabbiltà; billi l-estrazzjoni minerarja hija t-tieni l-akbar sors ta' dħul għat-Taliban;
1. Jirrikonoxxi li, minkejja l-isforzi internazzjonali sostanzjali fuq perjodu twil ta' żmien, l-Afganistan għadu qed iħabbat wiċċu ma' kunflitt serju li qed ixekkel b'mod sostanzjali l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu; ifakkar li l-Afganistan ġie imtertaq minn kważi 40 sena ta' kunflitt u ta' gwerra; itenni l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni ta' governanza tajba u l-emanċipazzjoni tan-nisa, l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u tal-bniedem, u l-indirizzar tal-isfidi relatati mal-migrazzjoni;
2. Ifakkar li l-Afganistan fl-aħħar deċennju u nofs kiseb progress fl-oqsma politiċi, ta' sigurtà, ekonomiċi u ta' żvilupp; jenfasizza li l-PDG per capita żdied b'ħames darbiet, il-medja tal-istennija tal-għomor żdiedet bi kważi 15-il sena, u kien hemm żieda sinifikanti fin-numru ta' bniet li jmorru l-iskola meta mqabbla mal-2001 – iċ-ċifra llum hija madwar 40 % tat-total ta' 8 sa 9 miljun tifel u tifla; jenfasizza li xejn minn dan ma kien ikun possibbli kieku mhux għad-dedikazzjoni tal-popolazzjoni Afgana u l-impenn tal-komunità internazzjonali, u l-għoti ta' fondi, għarfien espert u persunal fuq il-post; jissottolinja l-fatt li l-progress miksub huwa ferm fraġli u riversibbli; jenfasizza li aktar progress ser jeħtieġ aktar riformi, relazzjonijiet stabbli mal-ġirien, u l-forniment kontinwu ta' livell neċessarju ta' sigurtà u stabbiltà;
3. Jirrikonoxxi l-isforzi u juri stima lejn is-sagrifiċċju tal-komunità internazzjonali li pprovdiet is-sigurtà fl-Afganistan għal aktar minn deċennju permezz tal-Operazzjoni Libertà Dejjiema u l-missjoni tal-ISAF fl-Afganistan, li fihom tilfu ħajjithom kważi 3 500 raġel u mara tas-servizz; jilqa' l-Missjoni ta' Appoġġ Determinat immexxija min-NATO li jikkontribwixxu għaliha 39 nazzjon u li ilha topera mill-1 ta' Jannar 2015, li għandha mandat biex tħarreġ, tagħti pariri u assistenza lill-forzi tas-sigurtà u lill-istituzzjonijiet Afgani; ifaħħar is-sagrifiċċju kbir tal-ANSF, li jġarrbu telf kbir kull sena fil-ġlieda tagħhom kontra r-ribelli; ifakkar il-kontribuzzjoni annwali tal-komunità internazzjonali ta' madwar USD 1 biljun biex issostni l-finanzjament tal-ANSF sal-2020;
4. Jilqa' l-impenn tal-Gvern Afgan favur strateġija nazzjonali ffukata fuq ambjent politiku, soċjali, ekonomiku u sikur li tippermetti Afganistan paċifiku, sigur u sostenibbli, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali dwar l-Afganistan fi Brussell fit-5 ta' Ottubru 2016; jitlob li l-kariga ta' Prim Ministru tiġi minquxa fil-Kostituzzjoni Afgana sabiex ikun hemm aktar stabbiltà politika fl-Afganistan; jistieden lill-Gvern Afgan jiżgura proċess elettorali trasparenti fl-2018; jistieden lill-President Afgan Ashraf Ghani jikkomplementa l-impenji pubbliċi qawwija tiegħu favur il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet b'implimentazzjoni rapida u robusta ta' leġiżlazzjoni għall-ħarsien tagħhom;
5. Jenfasizza li proċess ta' paċi mmexxi u rikonoxxut mill-Afganistan jikkostitwixxi l-unika triq 'il quddiem, bl-integrazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili kollha u tal-partijiet kollha fil-kunflitt; ifakkar lill-Gvern Afgan li sabiex ikun possibbli l-iżvilupp u jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà, irid jieqaf il-ġlied politiku intern; jistieden lill-UE tappoġġja b'mod attiv programm immexxi mill-Afganistan għad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u riintegrazzjoni tal-ex ribelli;
6. Jissottolinja l-importanza tal-Afganistan għall-istabbiltà reġjonali; jenfasizza li Afganistan sigur, stabbli, u prosperu huwa ta' importanza fundamentali għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun kollu; itenni, f'dan il-kuntest, l-importanza tas-sħab reġjonali, bħalma huma l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, l-Iran, iċ-Ċina, l-Indja u l-Pakistan; iħeġġiġhom jikkooperaw b'mod kostruttiv biex jippromwovu proċess ta' negozjati ġenwin u orjentat lejn ir-riżultati, mingħajr prekundizzjonijiet; jieħu nota tal-attivitajiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni Kwadrilaterali (QCG) dwar l-Afganistan, stabbilit f'Diċembru 2015, li jinkludi l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Afganistan u l-Pakistan;
7. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li, minkejja l-ftehim politiku wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2014, is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan marret għall-agħar u l-għadd ta' attakki terroristiċi sploda; jesprimi l-biża' tiegħu mill-espansjoni territorjali li għaddejja min-naħa tat-Talibani u t-tisħiħ reċenti tal-gruppi terroristiċi tal-IS u l-Al-Qaeda; jirrimarka li, skont l-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR), minn Jannar sa Novembru 2016 inqatlu 6 785 membru tal-forzi Afgani u ndarbu 11 777 oħra, u li l-UNAMA irrappurtat ukoll żieda ta' 3 % fil-vittmi ċivili (3 498 maqtula, 7 920 midruba) fl-2016 meta mqabbel mas-sena ta' qabel; jiddeplora l-fatt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà sejra għall-agħar u li dan qed jippermetti lill-gruppi kriminali jaħtfu ċittadini Afgani u barranin, inklużi ħaddiema umanitarji u tal-għajnuna;
8. Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-Istat Iżlamiku qed jgħolli rasu – element ulterjuri li qed jikkontribwixxi għall-fraġilità akbar tal-kuntest tas-sigurtà fl-Afganistan; jenfasizza li minbarra l-fortizza tiegħu fil-Lvant tal-pajjiż (Nangarhar) qed jipprova jasserixxi l-preżenza tiegħu fit-Tramuntana tal-pajjiż bl-għajnuna tal-Moviment Iżlamiku tal-Użbekistan (IMU); jenfasizza li, jekk dan iseħħ, jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-akkoljenza tal-militanti u l-ġellieda barranin li jkollhom jitilqu mill-Iraq u s-Sirja minħabba t-telfiet militari tal-IS f'dawk iż-żewġ pajjiżi;
9. Jenfasizza l-importanza ta' proċess ta' rikonċiljazzjoni interna ġenwin; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni, l-estremiżmu u r-reklutaġġ għall-organizzazzjonijiet terroristiċi; jissottolinja li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu hija fattur kruċjali fil-ħolqien ta' ambjent favorevoli għas-sigurtà fl-Afganistan;
10. Iwissi li l-kapaċitajiet dgħajfa tal-Forzi Afgani għad-Difiża u s-Sigurtà Nazzjonali (ANDSF) u tal-korp tal-pulizija jibqgħu waħda mill-aktar kwistjonijiet kritiċi li jikkompromettu s-sigurtà u r-rikostruzzjoni tal-Afganistan; jilqa' l-enfasi li qed tkompli tagħmel l-UE fuq it-tisħiħ tar-rwol u d-drittijiet tan-nisa Afgani u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jitħarrġu uffiċjali tal-pulizija nisa; jilqa' l-impenn tar-Repubblika tal-Indja li tassisti lill-Afganistan bl-għoti ta' tagħmir difensiv lill-forzi militari Afgani f'Diċembru 2015 u bit-taħriġ militari ta' eluf ta' membri tal-persunal tas-sigurtà Afgan, li għen biex titjieb b'mod sinifikanti l-kapaċità militari tiegħu, f'konformità mal-objettiv tal-missjoni mmexxija min-NATO magħrufa bħala "Missjoni ta' Appoġġ Determinat", li tnediet f'Jannar 2015 biex tħarreġ, tagħti pariri u tassisti lill-forzi tas-sigurtà u l-istituzzjonijiet Afgani; iqis bħala inkoraġġanti l-kooperazzjoni u x-xogħol imwettaq mir-Repubblika tal-Indja u l-Afganistan fuq proġetti ta' infrastruttura u appoġġ umanitarju;
11. Jemmen li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet governattivi Afgani trid tkun prijorità ċentrali permanenti minħabba l-impatti diretti negattivi kollha tal-korruzzjoni fuq il-kwalità tal-governanza fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Afganistan iżid l-inklużività politika, isaħħaħ ir-responsabbiltà u jiġġieled b'mod attiv il-kultura tal-korruzzjoni u n-nepotiżmu; jilqa' partikolarment, f'dan ir-rigward, it-twaqqif taċ-Ċentru tal-Ġustizzja Kontra l-Korruzzjoni f'Ġunju 2016; jinnota, barra minn hekk, l-appell tal-UNAMA biex il-komunità internazzjonali tkompli tagħti l-appoġġ u l-assistenza tagħha lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu kontra l-korruzzjoni;
12. Jistieden lill-Gvern tal-Afganistan u lis-sħab reġjonali tiegħu, b'mod partikolari l-Iran, jiġġieldu kontra t-traffikar illeċitu tad-droga u l-estrazzjoni minerarja illeċita u jikkoordinaw ma' xulxin biex jeliminaw dawn il-prattiki illegali, li huma ta' detriment għall-istabbiltà tar-reġjun; ifakkar lill-partijiet kollha li dawn huma s-sorsi prinċipali ta' finanzjament għall-organizzazzjonijiet terroristiċi fir-reġjun; jirrikonoxxi li kwalunkwe żvilupp ulterjuri fir-rigward tal-estrazzjoni minerarja jrid ikun sostenibbli u ta' benefiċċju għall-popolazzjoni ġenerali, f'konformità mal-istandards internazzjonali; jikkundanna r-ripressjoni, it-traffikar illeċitu tad-droga, il-ħtif tal-art, il-konfiska illegali u l-estorsjoni mwettqa mill-kmandanti militari; ifakkar li l-produzzjoni u t-traffikar tal-oppju fl-Afganistan għandhom konsegwenzi devastanti għall-popolazzjoni lokali u għas-sigurtà ġenerali tal-pajjiż;
13. Jilqa' s-sħubija tal-Afganistan fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi; iħeġġeġ lill-Gvern Afgan iżid it-trasparenza fis-settur tal-estrazzjoni minerarja u jistabbilixxi rekwiżiti b'saħħithom għal-liċenzji u l-monitoraġġ sabiex tiġi żgurata industrija estrattiva sostenibbli; iħeġġeġ lill-Gvern iżid l-isforzi tiegħu biex jipproteġi r-riżorsi pubbliċi essenzjali, bħall-art u l-minerali, mill-isfruttament min-naħa ta' netwerks kriminali u ribelli;
14. Jesprimi solidarjetà mal-poplu tal-Afganistan u jinsisti li l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt josservaw id-dritt umanitarju internazzjonali u jirrispettaw id-drittijiet tal-membri kollha tas-soċjetà, b'mod partikolari l-minoranzi, in-nisa u t-tfal, li huma affettwati b'mod sproporzjonat minn din is-sitwazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani jinfurzaw bis-sħiħ il-pjan ta' azzjoni ffirmat min-Nazzjonijiet Uniti u l-Afganistan f'Kabul fit-30 ta' Jannar 2011 rigward il-prattika tal-"bacha bazi" u jippermettu r-riabilitazzjoni tat-tfal vittmi ta' abbuż sesswali; jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u ċentri tas-saħħa, skejjel u operazzjonijiet umanitarji; jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-indifferenza persistenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza barbarika mwettqa mit-Taliban, l-IS u l-Al-Qaeda kontra l-poplu tal-Afganistan; jiġbed l-attenzjoni għar-riskji assoċjati mar-ritorn ta' ex kriminali tal-gwerra, b'mod partikolari Gulbuddin Hekmatyar, il-fundatur ta' Hizb-e-Islami, li kien rikonoxxut bħala terrorista mill-Istati Uniti fl-2003 u ġie assoċjat mal-preżenza akbar tal-IS fl-Afganistan;
15. Jesprimi l-biża' tiegħu miż-żieda fil-vjolenza kontra n-nisa u l-qerda tad-drittijiet tan-nisa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom f'żoni kkontrollati mit-Talibani fl-Afganistan; itenni l-appell tiegħu lill-Parlament u l-Gvern tal-Afganistan biex jirrevokaw il-liġijiet kollha li fihom elementi ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, u li jiksru t-trattati internazzjonali ffirmati mill-Afganistan; jilqa' l-enfasi fuq l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-assistenza tal-UE fl-Afganistan, b'mod partikolari l-fatt li 53 % tal-programmi tal-UE għandhom l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala objettiv sinifikanti; jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni totali tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u miżuri nazzjonali oħra għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fl-Afganistan u għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;
16. Jistieden lill-gvernijiet tas-sħab reġjonali – bħall-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, l-Iran, l-Indja, ir-Russja u l-Pakistan – jaħdmu flimkien lejn ftehim ta' paċi fl-Afganistan, żvilupp soċjoekonomiku kontinwu u aktar stabbiltà interna, kif ukoll kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u t-terroriżmu, u jħeġġeġ il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-intelligence fil-ġlieda kontra t-terroristi u l-estremisti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera; iħeġġeġ lill-atturi reġjonali Afgani kollha jimpenjaw ruħhom bla riżervi biex ikomplu b'mod trasparenti l-ġlieda kontra t-terroriżmu;
17. Itenni l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tkompli bl-impenn tagħha fl-Afganistan u tikkontribwixxi għall-bini mill-ġdid tal-pajjiż, l-iżvilupp tal-ekonomija u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jilqa' l-impenji finanzjarji kkonfermati mill-UE u l-Istati Membri fil-Konferenza ta' Brussell; jitlob, partikolarment, li jingħata appoġġ lill-inizjattivi li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati li jirritornaw;
18. Jirrikonoxxi r-responsabbiltajiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiġi rispettat id-dritt li wieħed ifittex protezzjoni internazzjonali u li jipparteċipa fi programmi ta' risistemazzjoni tal-UNHCR; jenfasizza li d-dritt u l-abbiltà li wieħed ifittex rifuġju b'modi sikuri u legali huma fatturi ta' importanza kritika għall-prevenzjoni tal-imwiet fost dawk li jfittxu asil;
19. Jinnota l-konklużjoni tal-ftehim informali ta' riammissjoni previst mit-Triq Konġunta 'l Quddiem bejn l-UE u l-Afganistan; jiddeplora n-nuqqas ta' sorveljanza parlamentari u kontroll demokratiku fuq il-konklużjoni ta' dan il-ftehim; jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun iżommu lura milli jirrimpatrijaw lill-Afgani; jirrimarka li dan jikkostitwixxi ksur dirett tad-dritt umanitarju internazzjonali u li n-numru dejjem akbar ta' rifuġjati li qed jiġu ttrattati b'dan il-mod ma jagħmilx ħlief isaħħaħ lill-gruppi terroristiċi u joħloq iżjed instabbiltà fir-reġjun; jissottolinja li r-rimpatriju lejn l-Afganistan ipoġġi f'periklu serju ħajjet il-persuni rimpatrijati, b'mod partikolari l-persuni waħedhom mingħajr netwerk ta' familja jew ħbieb fl-Afganistan, li ftit għandom ċans jibqgħu ħajjin; jissottolinja li l-assistenza u l-kooperazzjoni tal-UE jridu jkunu mfassla b'tali mod li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-tkabbir fil-pajjiżi terzi u għat-tnaqqis – u eventwalment il-qerda – tal-faqar, u mhux li l-pajjiżi terzi jingħataw inċentiv biex jikkooperaw fir-riammissjoni ta' migranti irregolari, li l-persuni jinżammu bil-forza milli jiċċaqalqu, jew li jitwaqqfu l-flussi lejn l-Ewropa (ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' April 2017 dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE(3));
20. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tinbeda investigazzjoni dwar ir-reati kontra l-umanità li possibbilment twettqu fl-Afganistan mill-2003 'l hawn;
21. Jistieden lill-awtoritajiet Afgani jikkommutaw is-sentenzi kollha tal-mewt u jerġgħu jintroduċu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb li l-piena tal-mewt titneħħa b'mod permanenti; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Afganistan jimplimenta bis-sħiħ il-Pjan Nazzjonali tiegħu għall-Eliminazzjoni tat-Tortura u jiddeplora rapporti ta' tortura u maltrattament tad-detenuti b'rabta mal-kunflitt mill-partijiet kollha fl-Afganistan;
22. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda enormi fl-għadd ta' persuni spostati internament fl-2016 – aktar minn 600 000 spostament ġdid – li jista' jwassal għal kriżi umanitarja kbira; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jieħdu ħsieb lil dawn l-Afgani vulnerabbli, u jistieden lill-Gvern Afgan jgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà Afgana; jenfasizza li, skont l-istimi tal-awtoritajiet Afgani, tal-aġenziji tan-NU u ta' aġenziji umanitarji oħra, aktar minn 9.3 miljun persuna se jkunu ġew bżonn għajnuna umanitarja sal-aħħar tal-2017;
23. Jilqa' d-dħul fis-seħħ provviżorju tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afganistan fl-1 ta' Diċembru 2017, li jirrappreżenta l-ewwel qafas legalment vinkolanti għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat; iħeġġeġ ukoll ir-ratifika rapida tal-ftehim min-naħa tal-Istati Membri tal-UE biex dan ikun jista' jidħol fis-seħħ b'mod sħiħ;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.