Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja - FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems) (COM(2017)0157 – C8-0131/2017 – 2017/2058(BUD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0157 – C8-0131/2017),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0196/2017),
A. billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassisti fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;
B. billi jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi utilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-"FEG");
C. billi l-Unjoni tippromwovi l-globalizzazzjoni; billi l-Unjoni tieħu ħsieb lill-individwi li, mumentanjament, ikunu soġġetti għal bidliet fis-suq globali; billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jintroduċu mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex jistabbilixxu l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-istima tal-ammont totali kemm se jiġu jiswew il-miżuri proposti, biex jestendu l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jintroduċu lill-persuni li jaħdmu għal rashom u liż-żgħażagħ, u biex jiffinanzjaw inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;
D. billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-sensji li ngħataw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 26 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi) f'Nokia Oy (Nokia Network Systems) u fi tliet fornituri u produtturi aktar 'il quddiem fil-katina ta' produzzjoni, li fil-biċċa l-kbira joperaw fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta' Helsinki-Uusimaa (Uusimaa) (FI1B), Länsi-Suomi (Pirkanmaa) (FI19) u Pohjois- ja Itä-Suomi (Pohjois-Pohjanmaa) (FI1D) u billi, mid-945 ħaddiema mogħtija s-sensja li huma eliġibbli għall-kontribuzzjoni mill-FEG, 821 huma mistennija jieħdu sehem fil-miżuri;
E. billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li minn tal-anqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jingħataw is-sensja minn fornituri u produtturi aktar 'il quddiem fil-katina ta' produzzjoni;
1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG ġew sodisfatti u li, għalhekk, il-Finlandja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 641 800 skont dak ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 4 403 000;
2. Jinnota li l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-22 ta' Novembru 2016 u li, wara li l-Finlandja prontament ipprovdiet informazzjoni addizzjonali, il-valutazzjoni tagħha ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fis-7 ta' April 2017 u ġiet innotifikata lill-Parlament dakinhar stess;
3. Ifakkar li s-settur "Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi" diġà kien is-suġġett ta' 15-il applikazzjoni għal intervent mill-FEG, li tlieta minnhom ġew ippreżentati mill-Finlandja(4), ilkoll abbażi tal-kriterji ta' globalizzazzjoni; jinnota li erbgħa minn dawn il-15-il applikazzjoni kienu jikkonċernaw kumpaniji Nokia; jinnota li r-rapporti finali għall-każ tal-2012 juru li 44 % mill-parteċipanti f'attivitajiet taħt il-FEG kienu f'impjieg sa sentejn wara d-data tal-applikazzjoni tal-Finlandja għal intervent mill-FEG u l-każ tal-2013 juri li 65 % kienu f'impjieg; jistenna li l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni, li hija mistennija sat-30 ta' Ġunju 2017(5), tinkludi informazzjoni dettaljata dwar ir-rata ta' riintegrazzjoni fuq żmien twil għal min jirċievi l-assistenza mill-FEG, skont l-appell li diġà għamel fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Settembru 2016(6);
4. Ifakkar li t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni jiżvolġu rwol strutturalment kruċjali fl-ekonomija Finlandiża; jikkunsidra li s-sensji l-aktar riċenti li ngħataw f'Nokia Oy jirriflettu tendenza li qed tolqot lill-industrija teknoloġika Finlandiża kollha kemm hi, fejn in-numri tal-impjegati f'dawn l-aħħar sentejn huma estremament instabbli b'riżultat tal-pressjoni għolja biex tiżdied l-effiċjenza u tinżamm il-kompetittività tal-prodotti;
5. Ifakkar li l-industrija tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni hija sensittiva ħafna għall-bidliet fis-suq globali; jinnota li l-kompetizzjoni fi ħdan is-settur hija waħda globali, u dan ifisser li l-parteċipanti kollha fis-suq jistgħu jikkompetu għall-istess klijenti u li l-post fejn ikun jinsab il-persunal u l-kuntest kulturali tiegħu għandhom sinifikat limitat;
6. Jinnota li s-sensji li ngħataw f'Nokia Oy huma parti mill-programm ta' trasformazzjoni dinjija tal-kumpanija li huwa meħtieġ sabiex din tkun tista' tikkompeti mar-rivali tagħha fl-Asja tal-Lvant;
7. Jindika li, b'segwitu għall-istabbiliment ta' impriża konġunta ma' Siemens fil-qasam tat-teknoloġiji tan-netwerks, Nokia Oy ħadet għadd ta' miżuri, inklużi trasferiment tar-riżorsi tagħha lejn it-teknoloġiji tal-ġejjieni u riduzzjoni tal-persunal, immirati biex tnaqqas l-ispejjeż operattivi annwali tagħha b'EUR 900 miljun sa tmiem l-2018;
8. Jinnota li l-persuni li sfaw tilfu xogħolhom minn Nokia Oy fl-2016 huma kollha persuni gradwati mill-Università (40 %) jew għandhom livell sekondarju (60 %) u kienu jaħdmu fis-settur tal-ipprogrammar u d-disinn, u li f'ħafna każijiet il-ħiliet professjonali tagħhom spiċċaw skaduti; jinnota li 21 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom aktar minn 54 sena, li hija età meta jkun notevolment diffiċli li jinstab impjieg ġdid fuq is-suq tax-xogħol; jinnota barra minn hekk li r-rati tal-qgħad ilhom ogħla mill-medja nazzjonali fi tnejn mit-tliet reġjuni kkonċernati, u li l-qgħad fost dawk b'livell għoli ta' edukazzjoni qiegħed kumplessivament fi grad għoli f'dawn ir-reġjuni, fejn is-sitwazzjoni hija partikolarment diffiċli għall-impjegati ta' aktar minn 50 sena;
9. Jirrikonoxxi l-fatt li l-Finlandja fasslet il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati f'konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, u li l-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Impjiegi laqqa' lil Grupp ta' Ħidma li jinkludi lir-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u lis-sħab soċjali, nazzjonali u reġjonali;
10. Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana seba' tipi ta' miżuri: (i) miżuri ta' tirwim u miżuri preparatorji oħra, (ii) servizzi favur l-impjiegi u l-impriżi, (iii) taħriġ, (iv) għotjiet għal negozji ġodda, (v) valutazzjonijiet minn esperti, (vi) sussidji fuq il-pagi, u (vii) allowances għall-ispejjeż ta' vjaġġar, ta' soġġorn u ta' ġarr; jinnota li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol; jinnota li dawn il-miżuri se jgħinu biex dawk il-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jsibu impjieg ġdid;
11. Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jikkostitwixxu anqas minn 13,34 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, perċentwal li huwa ferm taħt il-limitu massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG, u li dawn l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ;
12. Jilqa' l-fatt li s-servizz tan-netwerk EURES qed jintuża biex ir-reklami għal impjiegi barranin jiġu mgħoddija lill-Finlandiżi li qed ifittxu xogħol; jinnota li se jiġu organizzati avvenimenti ta' reklutaġġ internazzjonali fuq livell reġjonali b'kooperazzjoni mas-servizzi tal-FEG u tal-EURES; jilqa' dawn il-miżuri u l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi qed jinkoraġġixxu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex jisfruttaw kompletament id-dritt tagħhom ta' moviment liberu;
13. Jilqa' l-varjetà ta' taħriġ u servizzi konsultattivi li se tiġi pprovduta, flimkien mal-appoġġ għal min ikun qed ifittex xogħol barra mill-Finlandja u għan-negozji ġodda; jikkunsidra li dawn il-miżuri huma partikolarment adegwati minħabba l-profil tal-etajiet u l-ħiliet tal-ħaddiema kkonċernati;
14. Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati fit-2 ta' Ġunju 2016, ferm qabel l-applikazzjoni għal appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;
15. Ifakkar li, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, jenħtieġ li t-tfassil tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati bl-appoġġ tal-FEG jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti, u li jkun kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;
16. Jilqa' l-fatt li ġie allokat l-ammont ta' EUR 59 000 għall-informazzjoni u r-reklamar, u jisħaq fuq l-importanza tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-benefiċjarji eliġibbli jipparteċipaw fil-miżuri bl-appoġġ tal-FEG;
17. Jinnota li ġew allokati biżżejjed fondi għall-kontroll u r-rapportar; jinnota li rapportar sistematiku rigward is-servizzi li jkollhom l-appoġġ mill-FEG se jqawwi l-użu korrett tal-fondi; jilqa' l-fatt li ġie allokat ammont ta' EUR 20 000 għall-kontroll u r-rapportar
18. Jinnota li Nokia Network Systems hija konformi mal-obbligi legali tagħha u kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti;
19. Jisħaq li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni;
20. Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali nnifsu;
21. Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabilità tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi; jinnota li l-Finlandja kkonfermat li huwa minnu li l-kontribuzzjoni mill-FEG mhijiex se tissostitwixxihom;
22. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jfittxu sinerġiji mal-azzjonijiet l-oħra ffinanzjati permezz ta' fondi nazzjonali jew tal-UE, u jutilizzaw programmi oħra tal-UE apparti l-miżuri fl-ambitu tal-FEG;
23. Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti relatati mal-każijiet tal-FEG;
24. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
25. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja - FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems)
(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE)2017/951.)
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-attivitajiet, l-impatt u l-valur miżjud tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni bejn l-2007 u l-2014 (Testi adottati, P8_TA(2016)0361).
Rapport annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
337k
55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (2015/2283(INI))
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta' Diċembru 2003 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, u l-verżjoni l-aktar reċenti, il-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità,
– wara li kkunsidra l-arranġamenti prattiċi maqbula fit-22 ta' Lulju 2011 bejn is-servizzi kompetenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) f'każ ta' qbil fl-ewwel qari,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar ir-Rapporti annwali 2012-2013 dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-idoneità Regolatorja tal-UE, Sussidjarjetà u Proporzjonalità – id-19-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2011(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar it-18-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet – Applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità (2010)(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni intelliġenti(4),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni ffirmat fil-5 ta' Frar 2014 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra r-Rapport annwali 2014 tal-Kummissjoni dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (COM(2015)0315),
– wara li kkunsidra r-Rapport annwali tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Sussidjarjetà 2014,
– wara li kkunsidra r-Rapporti biennali tal-COSAC dwar l-Iżviluppi fil-Proċeduri u l-Prattiki tal-Unjoni Ewropea Rilevanti għall-Iskrutinju Parlamentari tad-19 ta' Ġunju 2014, tal-14 ta' Novembru 2014, tas-6 ta' Mejju 2015 u tal-4 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 132 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0114/2017),
A. billi fl-2014 il-Kummissjoni rċeviet 21 opinjoni motivata li kienu jindirizzaw 15-il proposta leġiżlattiva; billi l-għadd totali ta' sottomissjonijiet milqugħa kien ta' 506, inklużi s-sottomissjonijiet magħmula fil-qafas tad-djalogu politiku;
B. billi fl-2014 tliet Kmamar nazzjonali (il-Folketing Daniża, it-Tweede Kamer Netherlandiża u l-House of Lords tar-Renju Unit) ressqu rapporti bi proposti dettaljati dwar kif jista' jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet;
C. billi, fil-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni, iffirmat fil-5 ta' Frar 2014, iż-żewġ istituzzjonijiet impenjaw ruħhom li jtejbu l-leġittimità tal-Unjoni Ewropea;
D. billi, fid-19 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat pakkett ta' miżuri ta' regolamentazzjoni aħjar b'Linji Gwida ġodda integrati ta' Regolamentazzjoni Aħjar, inkluża gwida għall-valutazzjoni ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-impatt tal-inizjattivi ġodda;
E. billi fl-2014 l-Unità tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Parlament Ewropew ipproduċiet 31 valutazzjoni inizjali, żewġ valutazzjonijiet dettaljati, u tliet valutazzjonijiet tal-impatt sostituti jew komplementari għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, u valutazzjoni tal-impatt fuq l-emendi;
F. billi s-setgħat delegati fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni jingħataw fejn ikun hemm ħtieġa ta' flessibbiltà u effiċjenza, u fejn dawn ma jistgħux jitwettqu permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja; billi l-adozzjoni tar-regoli essenzjali għas-suġġett previst hija riżervata għal-leġiżlaturi;
G. billi s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma kunsiderazzjonijiet ewlenin fil-kuntest ta' evalwazzjonijiet retrospettivi, li jivvalutaw jekk l-azzjonijiet tal-UE humiex fil-verità qed jagħtu r-riżultati mistennija f'termini ta' effiċjenza, effikaċja, koerenza, rilevanza u valur miżjud tal-UE;
1. Jilqa' l-kunsiderazzjoni kontinwata tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, li skont it-Trattati, huma fost il-prinċipji ta' gwida għall-Unjoni Ewropea meta tagħżel li taġixxi u li għandhom jitqiesu bħala partijiet integrali tal-proċess tat-teħid ta' deċżjonijiet tal-UE; ifakkar li, fir-rigward ta' kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva ġdida, it-Trattat jobbliga lill-Kummissjoni teżamina jekk l-UE tkunx intitolata tieħu azzjoni u jekk din l-azzjoni tkunx ġustifikata għal raġunijiet ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, u li kull inizjattiva tkun akkumpanjata minn nota spjegattiva li tistabbilixxi, inter alia, kif l-inizjattiva tikkonforma ma' dawn il-prinċipji;
2. Jenfasizza li l-kontrolli tas-sussidjarjetà mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri huma fost l-aktar għodod importanti biex jitnaqqas l-hekk imsejjaħ "defiċit demokratiku" u għall-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali; jirrimarka li l-parlamenti nazzjonali jista' jkollhom rwol sinifikanti x'jaqdu sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell li jkun l-aktar effikaċi, u qrib kemm jista' jkun taċ-ċittadin; jenfasizza li l-adozzjoni ta' atti legali tirrikjedi l-qbil ta' maġġoranza kbira fi ħdan il-Kunsill, li jħaddan il-ministri nazzjonali tal-Istati Membri kollha, li huma politikament responsabbli quddiem il-Parlamenti nazzjonali tagħhom, u li dan huwa mod ieħor li permezz tiegħu l-principju tas-sussidjarjetà jiġi rrispettat bis-sħiħ;
3. Josserva t-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali fl-2014; jirrimarka, madankollu, li tali tnaqqis jista' jkun riżultat tal-għadd dejjem jonqos ta' proposti leġiżlattivi mill-Kummissjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-2014, l-ebda proposta tal-Kummissjoni ma kienet soġġetta għal proċeduri ta' "karta safra" jew ta' "karta oranġjo" skont il-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; ifakkar li l-proċedura tal-"karta safra" ntużat darbtejn fil-passat (darba fl-2012 u darba fl-2013), li juri li s-sistema taħdem;
4. Jinnota li 15-il kamra biss ħarġu opinjonijiet motivati fl-2014 u li dan jirrappreżenta tnaqqis ta' madwar 50 % fil-livell ta' parteċipazzjoni fost il-41 Kamra kollha meta mqabbel mal-2013;
5. Jilqa' l-fatt li fl-2014 l-istituzzjonijiet kollha tal-UE kellhom rwol attiv biex jiżguraw kontroll tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità skont l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jilqa' l-fatt li d-djalogu politiku bejn il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali ssaħħaħ, inkluż permezz ta' diversi żjarat mill-Kummissarji fil-parlamenti nazzjonali;
6. Jinnota, madankollu, li l-maġġoranza tal-opinjonijiet mill-parlamenti nazzjonali jiġu sottomessi biss minn ftit Kmamar nazzjonali; iħeġġeġ lill-Kmamar nazzjonali l-oħra jinvolvu ruħhom aktar fid-dibattitu Ewropew;
7. Jinnota li xi parlamenti nazzjonali enfasizzaw li, f'uħud mill-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni, il-ġustifikazzjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità hija insuffiċjenti jew ineżistenti; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb in-noti spjegattivi tagħha billi tipprovdi dejjem stampa dettaljata, komprensiva u b'analiżi sostanzjata bil-fatti tal-proposti tagħha fir-rigward tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, b'tali mod li tgħin lill-parlamenti nazzjonali jwettqu eżami aktar effikaċi ta' dawk il-proposti;
8. Jinnota li l-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt ("IAB") qies li aktar minn 32 % tal-valutazzjonijiet tal-impatt ("IAs") rieżaminati minnu fl-2014 kienu jinkludu analiżi mhux sodisfaċenti tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jew ta' dak tal-proporzjonalità, jew tat-tnejn li huma; josserva li din ir-rata hija simili għar-rati ta' snin preċedenti, u jikkunsidra, għalhekk, li jaf ikun meħtieġ titjib;
9. Jinnota, b'konnessjoni ma' dan, l-importanza kruċjali tal-valutazzjonijiet tal-impatt bħala strumenti li jgħinu fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-proċess leġiżlattiv, u jenfasizza l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-kwistjonijiet relatati mas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa', f'dan ir-rigward, il-pakkett ta' miżuri għal regolamentazzjoni aħjar adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2015 bl-għan li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE taqdi aħjar l-interessi taċ-ċittadini. Il-pakkett jindirizza, fost l-oħrajn, it-tħassib imqajjem mill-IAB rigward is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jilqa' l-fatt li l-pakkett jinkludi spjegazzjoni aktar bir-reqqa mill-Kummissjoni dwar kif il-proposti leġiżlattivi jissodisfaw l-obbligi legali ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, inkluż fl-analiżijiet tal-impatt tagħha; jenfasizza li, fi kwalunkwe każ, il-pakkett ta' miżuri għal regolamentazzjoni aħjar irid jintuża biex tinħoloq leġiżlazzjoni Ewropea robusta fir-rigward ta' kwistjonijiet li għalihom progress reali u valur miżjud jista' jinkiseb bl-aħjar mod fil-livell Ewropew;
10. Ifakkar l-importanza tar-rapporti annwali dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mħejjija mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tressaq rapporti annwali iktar dettaljati dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, li jkunu jinkludu analiżi aktar bir-reqqa tal-prinċipju tal-proporzjonalità;
11. Jilqa' r-rapporti minn għadd ta' parlamenti nazzjonali, b'mod partikolari l-Folketing Daniż, it-Tweede Kamer Olandiż u l-House of Lords tar-Renju Unit, bħala kontribut siewi għad-dibattitu dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u jieħu nota tal-proposti inklużi f'dawk ir-rapporti; jinnota li fihom ideat dwar kif jista' jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kontroll tas-sussidjarjetà, u li jissuġġerixxu li l-opinjonijiet motivati għandhom jirrigwardaw ukoll il-konformità tal-proposti mal-prinċipju tal-proporzjonalità; jemmen, madankollu li l-prattiċità ta' dawn il-proposti tirrikjedi evalwazzjoni bir-reqqa u reviżjoni tat-Trattati u tal-protokolli rilevanti, peress li l-proposti mhumiex riflessi fit-Trattati eżistenti; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali oħrajn biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar ir-rwol li għandu jkollhom il-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fid-dibattitu Ewropew u jħeġġiġhom biex jikkooperaw saħansitra aktar mill-qrib ma' xulxin u mal-Parlament Ewropew;
12. Jissuġġerixxi li, f'rieżami possibbli tat-Trattati u tal-Protokolli tagħhom, tista' ssir riflessjoni dwar jekk l-opinjonijiet motivati għandhomx ikunu limitati għal eżami tar-raġunijiet ta' sussidjarjetà jew jekk għandhomx jinkludu wkoll valutazzjonijiet tal-proporzjonalità, dwar x'ikun l-għadd xieraq ta' reazzjonijiet mill-parlament nazzjonali meħtieġa biex jingħata bidu għal proċedura ta' "karta safra" jew "karta oranġjo", u dwar x'għandu jkun l-effett f'każijiet fejn jintlaħaq il-limitu għal dawn il-proċeduri skont l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;
13. Jinnota li diversi parlamenti nazzjonali esprimew, fi ħdan il-Konferenza tal-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni (COSAC), l-interess tagħhom li jipproponu l-introduzzjoni ta' mekkaniżmu ta' "karta ħadra" bħala strument għat-titjib tad-djalogu politiku; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' dan il-mekkaniżmu ta' "karta ħadra", li joffri lill-parlamenti nazzjonali l-opportunità li jissuġġerixxu inizjattiva leġiżlattiva lill-Kummissjoni għall-eżami tagħha, għandha tiġi kkunsidrata; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-għadd ta' parlamenti nazzjonali meħtieġa biex jingħata bidu għal proċedura bħal din, u l-estent tal-impatt tagħha; jenfasizza li l-introduzzjoni possibbli ta' mekkaniżmu bħal dan m'għandhiex iddgħajjef l-istituzzjonijiet tal-UE u l-proċedura leġiżlattiva ordinarja;
14. Jieħu nota tat-talba li saret min-naħa ta' xi parlamenti nazzjonali biex jiġi estiż il-perjodu ta' tmien ġimgħat li fihom jistgħu joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2; jemmen li, f'dan ir-rigward, il-kwistjoni tal-perjodu xieraq li l-parlamenti nazzjonali għandu jkollhom biex joħorġu opinjoni motivata tista' tiġi kkunsidrata, jekk jitolbu dan għal raġunijiet ta' limitazzjonijiet ta' żmien abbażi ta' raġunijiet oġġettivi ġustifikati, bħal pereżempju diżastri naturali u perjodi ta' vaganzi, li għandhom jinqablu bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Kummissjoni; iqis li dan jista' jintlaħaq permezz ta' impenn politiku maqbul bejn l-istituzzjonijiet u l-parlamenti nazzjonali fl-ewwel istanza, mingħajr ma jinħoloq dewmien fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza li tali perjodu jeħtieġ li jkun ir-riżultat tal-ilħuq ta' bilanċ ġust bejn id-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jqajmu oġġezzjonijiet għal raġunijiet ta' sussidjarjetà u l-effiċjenza li biha l-Unjoni jeħtieġ li twieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini tagħha; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-parlamenti nazzjonali għandhom l-opportunità li jintervjenu u li jikkunsidraw il-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju tas-sussidjarjetà qabel ma l-Kummissjoni tressaq inizjattiva leġiżlattiva tagħha meta tippreżenta Green Papers, White Papers jew il-Programm ta' Ħidma annwali tagħha; jemmen li, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali fl-affarijiet tal-UE żviluppa b'mod sinifikanti, inkluż permezz tal-konnessjoni tagħhom ma' parlamenti nazzjonali oħra fuq bażi regolari;
15. Iqis li jekk l-Istati Membri jaqblu li jestendu l-perjodu mogħti lill-parlamenti nazzjonali biex joħorġu opinjoni motivata skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2, dan għandu jiġi inkluż f'reviżjoni futura tat-Trattat; tali perjodu ta' estensjoni jista' mbagħad jiġi determinat ukoll f'leġiżlazzjoni sekondarja;
16. Ifakkar li l-parlamenti nazzjonali jistgħu jesprimu tħassib dwar is-sussidjarjetà fi kwalunkwe mument taħt il-proċedura ta' konsultazzjoni jew fil-qafas tad-djalogu politiku permezz ta' opinjoni indirizzata lill-Kummissjoni;
17. Jistieden lill-parlamenti nazzjonali u lill-Parlament Ewropew jinteraġixxu ma' xulxin b'mod aktar effikaċi, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kuntatti informali bejn il-MPE u l-membri tal-parlamenti nazzjonali dwar oqsma ta' politika speċifiċi;
18. Jemmenli huwa importanti li nappoġġajw lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali permezz ta' għodod li jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni, bħal pereżempju l-ħolqien ta' pjattaforma tal-IT li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li, speċjalment minħabba li l-volum ta' opinjonijiet motivati li waslu mill-parlamenti nazzjonali fl-2014 baqa' ma nbidilx fi proporzjoni mal-għadd ta' proposti tal-Kummissjoni, għandu jiġi żviluppat mekkaniżmu għall-parteċipazzjoni tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE, għalkemm il-kompetenzi ta' kull istituzzjoni u l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ;
19. Jinkoraġġixxi l-użu ta' kooperazzjoni interparlamentari biex jissaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv tal-UE; jenfasizza l-importanza li jsir użu aħjar mill-għodod interparlamentari disponibbli għall-parlamenti nazzjonali, bħall-COSAC, il-laqgħat interparlamentari organizzati mill-Parlament Ewropew u l-Konferenza Interparlamentari għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni;
20. Jemmen li huwa importanti li l-parlamenti nazzjonali jiġu ssensibilizzati rigward ir-rwol speċifiku tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u li jiġi promoss aktar l-użu tal-pjattaforma għal Skambju Interparlamentari tal-UE (IPEX), li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni; ifakkar li l-konsultazzjonijiet pubbliċi organizzati mill-Kummissjoni jistgħu jkunu sors ta' informazzjoni, iżda li fil-biċċa l-kbira tagħhom jibqgħu ma jintużawx minn membri tal-parlamenti nazzjonali;
21. Jirrakkomanda li jsir użu aktar min-netwerk ta' rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali biex titqajjem kuxjenza dwar il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u jittejjeb it-tħaddim tal-IPEX;
22. Iqis li l-opinjonijiet motivati maħruġa mill-parlamenti nazzjonali skont l-Artikolu 7(1) tal-Protokoll Nru 2 għandhom jiġu kkunsidrati debitament mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE involuti fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni u, f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu l-arranġamenti xierqa;
23. Ifakkar li l-prinċipju ta' proporzjonalità minqux fl-Artikolu 5 tat-TUE jirrikjedi li l-"kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati"; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipju tal-proporzjonalità "jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta' dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq";
24. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, b'mod sistematiku, valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mtejba għal kull proposta leġiżlattiva, li għandhom jinkludu analiżi xierqa tal-għażliet leġiżlattivi differenti għad-dispożizzjoni tagħha u spjegazzjoni sostanzjali tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi mistennija tal-alternattiva magħżula, u tal-effetti potenzjali tagħha fuq il-kompetittività u l-SMEs; jemmen li dawn il-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mtejba għandhom jgħinu lill-Kummissjoni telimina alternattivi b'impatt sproporzjonat jew li jkunu ta' piż bla bżonn fuq l-individwi, l-intrapriżi, u b'mod partikolari l-SMEs, is-soċjetà ċivili, l-impjegati u l-entitajiet oħra kkonċernati, u għandhom jippermettu eżami aħjar tal-proposti għal raġunijiet ta' proporzjonalità; iqis li jista' jitqies jekk l-ambitu tal-opinjonijiet motivati għandux jitwessa' biex jinkludi r-rispett tal-prinċipju ta' proporzjonalità;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, bl-għajnuna tal-parlamenti nazzjonali, il-possibbiltà li tistabbilixxi linji gwida mhux vinkolanti li jgħinu lill-parlamenti nazzjonali fil-kompitu tagħhom li jivvalutaw il-konformità tal-proposti leġiżlattivi mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;
26. Jilqa' d-dikjarazzjoni mill-Presidenti tal-Kamra tad-Deputati Taljana, tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża, tal-Bundestag Ġermaniż, u tal-Kamra tad-Deputati Lussemburgiża, li enfasizzaw "li aktar, u mhux inqas, huwa meħtieġ mill-Ewropa biex twieġeb għall-isfidi li niffaċċjaw, kemm internament kif ukoll esternament";
27. Itenni li diġà jistgħu jiġu introdotti diversi inizjattivi biex itejbu l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-parlamenti nazzjonali u jagħmluha aktar effiċjenti, u b'mod partikolari:
–
jipproponi li l-opinjonijiet motivati tal-parlamenti nazzjonali li jintbagħtu skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll Nru 2 anness mat-TUE u mat-TFUE jingħaddu lill-koleġiżlaturi, mingħajr dewmien;
–
jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista' tħejji linji gwida għal opinjonijiet motivati dwar kwistjonijiet ta' sussidjarjetà, bl-involviment tal-parlamenti nazzjonali u mingħajr ma timmina d-diskrezzjoni tagħhom;
–
iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali jaqsmu r-rimarki tagħhom dwar il-valutazzjonijiet imfassla mill-Kummissjoni;
28. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament għandhom jagħtu konsiderazzjoni xierqa għall-valutazzjonijiet tal-konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità li jagħmel il-Kumitat tar-Reġjuni, meta dan tal-aħħar joħroġ opinjonijiet dwar proposti leġislattivi;
29. Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni għandha tkun komprensibbli u ċara, tippermetti lill-partijiet jifhmu faċilment id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, tinkludi rekwiżiti xierqa ta' rappurtar, monitoraġġ u evalwazzjoni, tevita spejjeż sproporzjonati, u tkun tista' tiġi implimentata b'mod prattiku;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju
414k
67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar FinTech: l-influwenza tat-teknoloġija fuq il-futur tas-settur finanzjarju (2016/2243(INI))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar muniti virtwali(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u ż-żieda tad-diversità tal-finanzjament tal-SMEs f'Unjoni tas-Swieq Kapitali(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur(3),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "L-Unjoni tas-Swieq Kapitali – Naċċelleraw ir-Riforma" (COM(2016)0601),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2016 dwar il-finanzjament kollettiv fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE (SWD(2016)0154),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar "Il-bini ta' ekonomija Ewropea tad-data" (COM(2017)0009),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tas-16 ta' Diċembru 2016 dwar l-awtomatizzazzjoni fil-konsulenza finanzjarja,
– wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar l-użu tal-Big Data mill-istituzzjonijiet finanzjarji (JC 2016 86),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea tas-26 ta' Frar 2015 dwar il-finanzjament kollettiv ibbażat fuq is-self (EBA/Op/2015/03),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' diskussjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea tal-4 ta' Mejju 2016 dwar użi innovattivi tad-data dwar il-konsumatur mill-istituzzjonijiet finanzjarji (EBA/DP/2016/01),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-finanzjament kollettiv ibbażat fuq l-investiment (ESMA/2014/1378),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tas-7 ta' Jannar 2017 dwar id-distributed ledger technology applikata għas-swieq tat-titoli,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tas-7 ta' Settembru 2016 dwar ir-riskji u l-vulnerabilitajiet tas-sistema finanzjarja tal-UE,
– wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Bankarja Ewropea bbażata fuq id-data fit-tielet trimestru tal-2016,
– wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) ta' Marzu 2016,
– wara li kkunsidra l-Ħames Rapport tal-EIOPA dwar it-Tendenzi tal-Konsumatur tas-16 ta' Diċembru 2016 (EIOPA-BoS-16-239),
– wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq tar-raba' trimestru tal-2016,
– wara li kkunsidra d-Dokument Okkażjonali Nru 172 tal-Bank Ċentrali Ewropew ta' April 2016 bit-titolu: Distributed ledger technologies in securities post-trading: Revolution or evolution?" (Teknoloġiji tar-reġistru distribwit fil-fażi ta' wara n-negozjar fit-titoli: Revoluzzjoni jew evoluzzjoni?),
– wara li kkunsidra d-dokument tal-Kumitat dwar il-Pagamenti u l-Infrastrutturi tas-Suq ta' Frar 2017 bit-titolu "Distributed ledger technology in payment, clearing and settlement: An analytical framework" (Teknoloġija tar-reġistru distribwit fil-pagamenti, l-ikklirjar u s-saldu: Qafas analitiku),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0176/2017),
A. billi l-FinTech għandha tinftiehem bħala attività finanzjarja magħmula possibbli jew ipprovduta permezz ta' teknoloġiji ġodda, li taffettwa s-settur finanzjarju kollu fil-komponenti kollha tiegħu, mis-settur bankarju għal dak tal-assigurazzjoni, il-fondi tal-pensjonijiet, il-konsulenza dwar l-investiment, is-servizzi ta' pagament u l-infrastrutturi tas-suq;
B. billi s-servizzi finanzjarji minn dejjem kienu bbażati fuq it-teknoloġija u evolvew b'mod allinjat mal-innovazzjoni teknoloġika;
C. billi kwalunkwe attur jista' jkollu funzjoni ta' FinTech, irrispettivament mit-tip ta' entità ġuridika li jkun; billi l-katina tal-valur fis-servizzi finanzjarji tinkludi dejjem aktar lil atturi alternattivi bħal negozji ġodda jew tech giants; billi, għaldaqstant, dan it-terminu jinkludi firxa wiesgħa ta' kumpaniji u ta' servizzi li jvarjaw ħafna minn xulxin, li jirrappreżentaw sfidi differenti u li t-trattament regolatorju tagħhom irid ivarja;
D. billi firxa wiesgħa ta' żviluppi fil-qasam tal-FinTech hija msejsa fuq teknoloġiji ġodda, bħall-applikazzjonijiet tad-distributed ledger technology (DLT), il-pagamenti innovattivi, ir-robo-advice, il-Big Data, l-użu tal-cloud computing, soluzzjonijiet innovattivi fl-onboarding/identifikazzjoni tal-konsumaturi, pjattaformi tal-finanzjament kollettiv u ħafna aktar;
E. billi l-investiment fl-applikazzjoni tal-FinTech jirrappreżenta biljuni ta' euro u qed ikompli jiżdied kull sena;
F. billi l-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji qed jiżviluppaw b'passi differenti filwaqt li l-iskala u l-impatt tal-iżvilupp tagħhom jiqbgħu inċerti, iżda għandhom il-potenzjal li jittrasformaw is-settur finanzjarju b'mod sostanzjali ħafna; billi ċerti applikazzjonijiet tal-FinTech jistgħu xi darba jsiru ta' importanza sistemika;
G. billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-kompetittività tas-sistema finanzjarja u tal-ekonomija Ewropea, inkluż il-benesseri taċ-ċittadini Ewropej, filwaqt li jsaħħu l-istabbiltà finanzjarja u jżommu l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-konsumatur;
H. billi l-FinTech tista' twassal għal benefiċċji konsiderevoli, bħal servizzi finanzjarji aktar veloċi, orħos, aktar imfassla apposta, aktar inklużivi, reżiljenti u trasparenti u aħjar għall-konsumaturi u għan-negozji, u tista' tiftaħ bosta opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-intraprendituri Ewropej; billi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, l-esperjenza tal-konsumaturi hija l-forza li tixpruna lill-atturi tas-suq; billi l-progress u l-innovazzjoni fis-settur finanzjarji m'għandhomx jeskludu l-flus bħala mezz ta' pagament;
I. billi l-iżvilupp ta' servizzi finanzjarji ġodda u d-diġitalizzazzjoni ta' servizzi eżistenti se jbiddlu d-dinamiċi tas-suq għas-settur tas-servizzi finanzjarji, billi jintroduċu forom ġodda ta' kompetizzjoni, innovazzjoni, sħubiji u esternalizzazzjoni minn atturi u bejniethom;
J. billi l-promozzjoni ta' kompetizzjoni ġusta, in-newtralizzazzjoni tar-renti ekonomiċi fejn dawn jeżistu u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għas-servizzi finanzjarji fl-UE huma prerekwiżiti għat-tisħiħ tal-FinTech fl-Ewropa u għat-twassil tal-kooperazzjoni bejn l-atturi kollha;
K. billi r-riċerka ekonomika wriet li l-kosteffiċjenza tas-sistema finanzjarja tista' twassal għal prezzijiet tal-konsumaturi aktar baxxi għal prodotti u servizzi finanzjarji għall-konsumaturi; billi l-FinTech tista' tikkontribwixxi għan dan it-tnaqqis fil-prezzijiet;
L. billi soluzzjonijiet fil-qasam tal-FinTech jistgħu jżidu l-aċċess għall-kapital, b'mod partikolari għall-SMEs, permezz ta' servizzi finanzjarji transfruntieri, self alternattiv u kanali ta' investiment bħall-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari, u b'hekk isaħħu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU);
M. billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-flussi finanzjarji transfruntieri u l-integrazzjoni tas-swieq kapitali fl-Ewropa u b'hekk iħeġġu n-negozju transfruntier u jippermettu l-ikkompletar tas-CMU;
N. billi l-iżviluppi fil-qasam tal-FinTech, b'mod partikolari fil-qasam tas-soluzzjonijiet ta' pagamenti domestiċi u transfruntieri, jistgħu wkoll jappoġġjaw l-iżvilupp kontinwu ta' suq uniku fl-oġġetti u fis-servizzi u jiffaċilitaw il-kisba "tal-objettivi 5x5" tal-G20 u tal-G8 tat-tnaqqis tal-ispejjeż tar-rimessi;
O. billi l-FinTech tista' sservi bħala għodda effikaċi għall-inklużjoni finanzjarja, billi tiftaħ servizzi finanzjarji mfassla apposta għal dawk li ma setgħux jaċċessawhom qabel, u b'hekk tagħmel it-tkabbir aktar inklużiv; billi l-indirizzar tal-problemi tal-edukazzjoni finanzjarja u l-ħiliet diġitali fost iċ-ċittadini Ewropej huwa neċessarju għall-FinTech biex tiġġenera inklużjoni finanzjarja reali;
P. billi l-leġiżlazzjoni, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni għandhom jadattaw għall-innovazzjoni u jsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn l-inċentivi għal protezzjoni innovattiva tal-konsumaturi u l-investituri u l-istabbiltà finanzjarja; billi l-FinTech tirrikjedi attitudni aktar ibbilanċjata bejn "ir-regolamentazzjoni tal-istituzzjoni" u "r-regolamentazzjoni tal-attività"; billi l-interazzjoni kumplessa bejn il-FinTech u r-regolamentazzjoni attwali tista' twassal għal assimetriji, peress li l-kumpaniji u l-fornituri ta' servizzi huma rregolati b'mod differenti anki meta jwettqu sostanzjalment l-istess attivitajiet u peress li xi attivitajiet mhumiex koperti sew mid-definizzjoni u/jew il-kamp ta' applikazzjoni fir-regolamentazzjoni attwali; billi l-qafas attwali tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri għas-servizzi finanzjarji ma jindirizzax l-innovazzjonijiet kollha tal-FinTech b'mod adegwat;
Q. billi l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) bdew jidentifikaw ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali tat-teknoloġiji finanzjarji innovattivi; billi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qed jissorveljaw dawn l-iżviluppi teknoloġiċi u ħarġu b'approċċi differenti; billi sal-lum, l-iżvilupp ta' ekosistema tal-FinTech fl-Ewropa kien imxekkel minn regolamentazzjoni diverġenti bejn Stati Membri differenti u minn nuqqas ta' kollaborazzjoni bejn is-swieq; iqis li azzjoni deċiżiva tal-UE bl-għan li jitrawwem approċċ komuni għall-FinTech hija importanti fl-iżvilupp ta' ekosistema b'saħħitha tal-FinTech fl-Ewropa;
R. billi l-FinTech tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tar-riskju fis-sistema finanzjarja b'deċentralizzazzjoni u b'dekonċentrazzjoni tar-riskji, b'ikklirjar u b'saldu aktar veloċi tal-pagamenti fi flus u ta' negozji ta' titoli, u mmaniġġjar tal-kollateral aħjar u ottimizzazzjoni tal-kapital;
S. billi huwa mistenni li l-FinTech ikollha wħud mill-aktar impatti sinifikanti tagħha fuq il-katina tal-valur ta' wara n-negozjar, li tinkludi servizzi bħall-ikklirjar, is-saldu, il-kustodja tal-assi u r-rapportar regolatorju, meta teknoloġiji bħad-DLT jista' jkollhom il-potenzjal li jsawru mill-ġdid is-settur sħiħ; billi, fi ħdan din il-katina tal-valur, ċerti intermedjarji bħal kustodji, kontropartijiet ċentrali (CCPs) u depożitorji ċentrali tat-titoli jistgħu, fit-tul, isiru obsoleti filwaqt li xi funzjonijiet oħrajn se jibqa' jkollhom jitwettqu minn entitajiet regolati u indipendenti;
T. billi r-RegTech tista' twassal għal benefiċċji konsiderevoli għall-istituzzjonijiet u s-superviżuri finanzjarji billi tippermetti li teknoloġiji ġodda jintużaw biex jiġu indirizzati rekwiżiti regolatorji u ta' konformità b'mod aktar trasparenti u effiċjenti u f'ħin reali;
U. billi l-InsurTech tirreferi għal assisgurazzjoni magħmula possibbli jew ipprovduta permezz ta' teknoloġiji ġodda, pereżempju permezz tal-konsulenza awtomatizzata, il-valutazzjoni tar-riskju u l-Big Data, iżda anke permezz tal-assigurazzjoni kontra riskji ġodda bħall-attakki ċibernetiċi;
V. billi jinħtieġ b'mod urġenti aċċess akbar għall-finanzjament għall-kumpaniji li jaħdmu fuq prodotti u servizzi tal-FinTech, u għas-sħab kummerċjali innovattivi li jfornuhom bil-materjal teknoloġiku meħtieġ sabiex jipprovdu dawn il-prodotti u s-servizzi, biex tingħata spinta lill-innovazzjoni finanzjarja fl-Ewropa, b'mod partikolari biex in-negozji ġodda jespandu; billi, f'dan il-kuntest, id-disponibbiltà tal-kapital ta' investiment bħala sors ta' finanzjament u l-preżenza ta' settur tat-teknoloġija b'saħħtu huma fatturi ewlenin għat-trawwim ta' ekosistema tal-FinTech dinamika fl-Ewropa;
W. billi l-attakki ċibernetiċi huma theddida li qed tikber għall-infrastruttura diġitali kollha, u għaldaqstant anke għall-infrastruttura finanzjarja; billi s-settur finanzjarju huwa tliet darbiet aktar espost għar-riskju ta' attakki minn kwalunkwe settur ieħor; billi s-sikurezza, l-affidabbiltà u l-kontinwità tas-servizzi tiegħu huma prerekwiżiti għall-garanzija tal-fiduċja pubblika fis-settur; billi l-konsumaturi bl-imnut huma wkoll vulnerabbli ħafna għal attakki simili jew għal serq ta' identità;
X. billi t-tagħmir ta' riċezzjoni ibridu huwa parti integrali tas-servizzi tal-FinTech; billi l-Internet tal-Oġġetti (IoT) huwa speċjalment vulnerabbli għaċ-ċiberattakki u, għalhekk, jirrappreżenta sfida partikolari għaċ-ċibersigurtà; billi sistema konnessa hija sikura biss daqs kemm ikun sikur l-aktar element dgħajjef tagħha;
Y. billi, hekk kif il-FinTech tiżviluppa, il-konsumaturi u l-investituri jridu jkunu kapaċi jkomplu jiddependu fuq standards għoljin tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri, tal-protezzjoni tad-data u d-drittijiet għall-privatezza u tar-responsabbiltà legali min-naħa tal-fornituri tas-servizzi finanzjarji;
Z. billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-FinTech, huwa importanti li jinħolqu qafas regolatorju koerenti u favorevoli u ambjent kompetittiv li jistgħu jippermettu lill-FinTech tiżviluppa u tagħmel użu minn diversi għodod innovattivi għal kriptaġġ sikur u identifikazzjoni u awtentikazzjoni online b'interfaċċa sempliċi;
AA. billi l-awtomatizzazzjoni fis-settur finanzjarju, bħal f'setturi oħra, tista' tfixkel tendenzi eżistenti ta' impjieg; billi t-titjib u l-iżvilupp tat-taħriġ u tat-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet se jkollhom bżonn jitqiegħdu fil-qalba ta' kull strateġija Ewropea għall-FinTech;
AB. billi, minħabba l-effetti tan-netwerk, l-istruttura tas-suq f'diversi oqsma tal-ekonomija diġitali hija mmirata lejn numru żgħir ta' parteċipanti fis-suq u din timponi sfidi fl-oqsma tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-antitrust;
Definizzjoni ta' qafas tal-UE għall-FinTech
1. Jilqa' l-iżviluppi l-ġodda fil-qasam tal-FinTech, u jistieden lill-Kummissjoni tfassal Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech komprensiv fil-qafas tal-istrateġiji tagħha tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u tas-Suq Uniku Diġitali (DSM), li jista' jikkontribwixxi b'mod ġenerali għall-kisba ta' sistema finanzjarja Ewropea effiċjenti u kompetittiva, aktar profonda u aktar integrata u stabbli u sostenibbli, jipprovdi benefiċċji fit-tul għall-ekonomija reali u jindirizza l-ħtiġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri u taċ-ċertezza regolatorja;
2. Jilqa' l-ħolqien riċenti tat-Task Force tal-FinTech, li għandu r-rwol li jivvaluta l-innovazzjoni f'dan il-qasam u, fl-istess ħin, jiżviluppa strateġiji biex jintlaħqu l-isfidi potenzjali kkawżati mill-FinTech, kif ukoll it-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika dwar il-FinTech mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament fil-ħidma tat-Task Force tal-FinTech; iqis dawn l-inizjattivi riċenti tal-Kummissjoni bħala pass fundamentali lejn l-iżvilupp mill-Kummissjoni ta' strateġija komprensiva għall-FinTech u għat-tnaqqis tal-inċertezza regolatorja għall-FinTech;
3. Iqis li l-FinTech tista' tgħin sabiex l-inizjattivi tas-CMU jiksbu suċċess, pereżempju billi jiġu diversifikati l-opzjonijiet ta' finanzjament fl-UE, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tisfrutta l-benefiċċji tal-FinTech fit-tmexxija 'l quddiem tas-CMU;
4. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta approċċ proporzjonat, transettorjali u olistiku għall-ħidma tagħha fuq il-FinTech, billi tislet tagħlimiet minn dak li jsir f'ġurisdizzjonijiet oħra u tadatta għad-diversità tal-atturi u l-mudelli ta' negozju li jsir użu minnhom; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi bħala l-ewwel innovatur fejn ikun neċessarju sabiex toħloq ambjent aktar favorevoli għall-hubs u d-ditti tal-FinTech Ewropej biex jespandu;
5. Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji fil-livell tal-UE u dak nazzjonali għandha tiġi riveduti meta jkun neċessarju u għandha tkun favorevoli biżżejjed għall-innovazzjoni, b'tali mod li jkunu jistgħu jinkisbu u jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn l-atturi; jirrakkomanda b'mod partikolari li, skont "il-Prinċipju ta' Innovazzjoni", l-effetti potenzjali tal-leġiżlazzjoni dwar l-innovazzjoni jiġu vvalutati kif xieraq bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt, sabiex dawn l-iżviluppi jipprovdu bis-sħiħ "benefiċċji ekonomiċi u soċjali sinifikanti";
6. Jenfasizza li, bl-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi filwaqt li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal parteċipanti ġodda fis-suq u jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju fl-Istati Membri kollha u l-istatuses legali, il-leġiżlazzjoni u s-superviżjoni fil-qasam tal-FinTech għandhom ikunu bbażati fuq dawn il-prinċipji li ġejjin:
(a)
L-istess servizzi u l-istess riskji: għandhom japplikaw l-istess regoli, irrispettivament mit-tip ta' entità legali kkonċernata jew il-post tagħha fl-Unjoni;
(b)
Newtralità teknoloġika;
(c)
Approċċ ibbażat fuq ir-riskju, b'kunsiderazzjoni tal-proporzjonalità tal-azzjonijiet leġiżlattivi u superviżorji għar-riskji u l-materjalità tar-riskji;
7. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet kompetenti jippermettu u jħeġġu sperimentazzjoni kkontrollata b'teknoloġiji ġodda, kemm għal parteċipanti ġodda kif ukoll għal parteċipanti fis-suq eżistenti; jinnota li tali ambjent ikkontrollat għal sperimentazzjoni jista' jieħu l-forma ta' regulatory sandbox għas-servizzi tal-FinTech b'benefiċċji potenzjali għas-soċjetà, li jgħaqqad flimkien firxa wiesgħa ta' parteċipanti fis-suq u li diġà kiseb suċċess f'diversi Stati Membri; jissottolinja li impenn proattiv u progressiv mill-awtoritajiet, fi djalogu mal-parteċipanti fis-suq u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha l-oħra, huwa neċessarju u jista' jgħin lis-superviżuri u lir-regolaturi biex jiżviluppaw għarfien espert teknoloġiku; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw l-iżvilupp ta' għodod għall-ittestjar tal-istress finanzjarji u/jew operazzjonali għall-applikazzjonijiet tal-FinTech fejn jistgħu jikkawżaw riskji sistemiċi, li jkun komplimentari għall-ħidma tal-BERS;
8. Jenfasizza li xi banek ċentrali diġà qed jesperimentaw b'munita diġitali tal-bank ċentrali (CBDC) kif ukoll b'teknoloġiji ġodda oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet rilevanti fl-Ewropa jivvalutaw l-impatt tar-riskji u l-benefiċċji potenzjali ta' verżjoni bbażata fuq reġistru distribwit ta' CBDC u r-rekwiżiti relatati neċessarji f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tal-konsumaturi u t-trasparenza; iħeġġiġhom jesperimentaw ukoll, sabiex iżommu l-pass mal-iżviluppi fis-suq;
9. Jenfasizza l-importanza li r-regolaturi u s-superviżuri jiżviluppaw biżżejjed għarfien espert tekniku biex jiskrutinizzaw b'mod adegwat is-servizzi tal-FinTech dejjem aktar kumplessi; jissottolinja li, permezz ta' dan l-iskrutinju fuq bażi kontinwa, ir-regolaturi se ikunu jistgħu jsibu u jantiċipaw riskji speċifiċi ta' teknoloġiji differenti u jieħdu passi immedjatament u b'aġenda ċara meta dan isir meħtieġ;
10. Jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' punt uniku ta' servizz għall-fornituri u l-utenti tas-servizzi Fintech fi ħdan l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jitkissru dekompartimentalizzazzjonijiet superviżorji bejn is-setturi, u jirrakkomanda kooperazzjoni mill-qrib mis-superviżuri tas-settur finanzjarju ma' korpi nazzjonali u Ewropej rilevanti oħra li jkollhom l-għarfien espert teknoloġiku meħtieġ;
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikoraġġixxu u jappoġġjaw aktar proġetti ta' riċerka relatati mal-FinTech;
12. Jissottolinja l-importanza tat-tisħiħ tal-innovazzjoni finanzjarja fl-Ewropa; jitlob aċċess iffaċilitat għal finanzjament għall-fornituri ta' servizzi finanzjarji innovattivi u għall-intrapriżi innovattivi li jfornuhom bil-materjal meħtieġ sabiex jipprovdu dawn is-servizzi;
13. Jenfasizza li l-kumpaniji tal-FinTech jikkontribwixxu b'mod pożittiv għall-iżvilupp ta' intermedjazzjoni finanzjarja, iżda joħolqu wkoll xi riskji ġodda relatati mal-istabbiltà finanzjarja; jinnota li l-awtoritajiet regolatorji u superviżorji jirċievu ammont kbir ta' informazzjoni permezz tal-karti bilanċjali ta' istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti b'rabta mal-implimentazzjoni ta' ħafna oqfsa regolatorji bħar-rekwiżiti kapitali, il-proporzjon ta' ingranaġġ, il-proporzjon ta' likwidità u oħrajn, filwaqt li, fil-każ ta' entitajiet mhux bankarji li jisilfu bħall-finanzjament kollettiv u Bejn il-Pari (P2P), huwa diffiċli li tinkiseb biżżejjed informazzjoni mill-karti bilanċjali tagħhom dwar l-attivitajiet li jwettqu bħala intermedjarji finanzjarji; għalhekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet regolatorji u superviżorji jikkunsidraw kif jistgħu jiksbu l-informazzjoni superviżorja xierqa għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja u, fejn hemm bżonn, sabiex jimponu restrizzjonijiet regolatorji fuq il-karti bilanċjali tagħhom sabiex jiksbu u jżommu l-istabbiltà finanzjarja;
14. Jenfasizza li r-RegTech għandha l-potenzjal li ttejjeb il-proċessi ta' konformità, b'mod partikolari l-kwalità u l-puntwalità tal-informazzjoni superviżorja, billi tagħmilhom anqas ikkumplikati u aktar kosteffiċjenti; jistieden lill-awtoritajiet jiċċaraw il-kundizzjonijiet legali li taħthom hija permessa l-esternalizzazzjoni tal-attivitajiet ta' konformità minn entità taħt superviżjoni lil partijiet terzi, waqt li jiżguraw li l-arranġamenti superviżorji xierqa fuq il-partijiet terzi jkunu fis-seħħ u li r-responsabbiltà legali għal konformità tibqa' f'idejn l-entità taħt superviżjoni; jistieden lill-awtoritajiet rilevanti, b'mod partikolari l-Kummissjoni bħala parti mill-ħidma tagħha relatata mal-Forum Ewropew ta' Wara n-Negozjar, biex jadottaw approċċ proattiv biex jippruvaw jifhmu l-ostakli biex jintużaw soluzzjonijiet ġodda tal-FinTech u tar-RegTech fl-oqsma tal-proċessi ta' qabel u wara n-negozjar li huma koperti mid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID), ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR), u r-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli (CSDR) u, fejn ma jeżisti l-ebda ostaklu, li jiċċaraw id-dritt ta' atturi li jużaw soluzzjonijiet bħal dawn bl-għan li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dawk il-biċċiet ta' leġiżlazzjoni;
15. Jinnota li servizzi finanzjarji innovattivi għandhom ikunu disponibbli fl-UE kollha u għalhekk m'għandhomx jiġu mxekkla għalxejn mill-provvista transfruntiera fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jissorveljaw u jevitaw trikkib tar-regolamentazzjoni, ostakli ġodda għad-dħul fis-suq u ostakli nazzjonali għal dawk is-servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tipprevjeni l-ostakli bejn l-Istati Membri minħabba l-inkonsistenzi bejn ir-reġimi nazzjonali u tippromwovi l-aħjar prattiki fl-approċċi regolatorji tal-Istati Membri; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-ASE biex, meta jkun applikabbli, japplikaw reġimi ta' passaportar għal fornituri ta' servizzi finanzjarji ġodda offruti fl-Unjoni kollha; jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni fl-indirizzar ta' kif l-UE tista' tgħin sabiex ittejjeb l-għażla, it-trasparenza u l-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi għall-benefiċċju tal-konsumaturi Ewropej, u jenfasizza li jenħtieġ li dan l-għan ikun komplimentari għall-objettiv ta' tisħiħ tal-effiċjenza tas-sistema finanzjarja;
16. Jilqa' l-fatt li madwar l-UE feġġ sett vibranti ta' komunitajiet tal-FinTech; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet relatati ta' governanza ekonomika tal-UE sabiex jaħdmu mill-qrib mal-hubs tal-FinTech, iżidu l-intraprenditorija intelliġenti ta' dawn il-komunitajiet u tal-impenji tagħhom, billi jħeġġu u jiffinanzjaw l-innovazzjoni u jilqgħuhom bħala sors ta' vantaġġ kompetittiv futur tal-UE fis-settur finanzjarju;
17. Jinnota li n-negozji ġodda tal-FinTech huma partikolarment vulnerabbli għal entitajiet li jabbużaw mill-privattivi, li huma entitajiet li jixtru l-privattivi bl-intenzjoni li jħaddmuhom kontra negozji li diġà jkunu qed jużaw id-drittijiet tat-teknoloġija permezz ta' theddidiet ta' kawżi għal ksur tal-privattivi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza din is-sitwazzjoni u tissuġġerixxi miżuri għall-ġlieda kontra dawk li jabbużaw mill-privattivi fil-qasam tal-FinTech;
18. Jenfasizza r-rwol potenzjali tal-FinTech għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, u b'hekk jikkontribwixxi għal żieda fl-effiċjenza tagħhom, pereżempju fil-qasam tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni tal-frodi fiskali;
19. Jenfasizza li minħabba l-effetti tan-netwerk, l-istruttura tas-suq f'diversi oqsma tal-ekonomija diġitali hija mmirata lejn numru żgħir ta' parteċipanti fis-suq u din tirrappreżenta sfidi fl-oqsma tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-liġi tal-antitrust; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tivvaluta l-adegwatezza tal-qafas regolatorju għall-kompetizzjoni għall-indirizzar tal-isfidi tal-ekonomija diġitali b'mod ġenerali u tal-FinTech b'mod partikolari;
20. Jenfasizza li hemm skop għal titjib ulterjuri fil-mezzi li jistgħu jintużaw għall-pagamenti transfruntieri; jappoġġja l-iżvilupp ta' tali mezzi ta' pagamenti fl-Ewropa, u jiddispjaċih dwar il-livell għoli ta' frammentazzjoni tas-suq bankarju online fl-UE u n-nuqqas ta' skema madwar l-UE kollha, ta' karti tal-kreditu jew tad-debitu bi sjieda Ewropea; jemmen li dan huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-CMU, u huwa parti kruċjali tas-Suq Uniku Diġitali, li jrawwem il-kummerċ elettroniku Ewropew u l-kompetizzjoni transfruntiera fis-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-passi li jmiss lejn il-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' tali sistema; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tali sistema tikkoeżisti u, meta jkun xieraq, tkun interoperattiva ma' soluzzjonijiet ta' pagamenti innovattivi oħra fl-interessi tal-kompetizzjoni;
21. Jenfasizza li l-konsumaturi huma l-ixprun li wassal għaż-żieda tal-FinTech; jissottolinja li l-għan ta' kwalunkwe tibdil leġiżlattiv futur jenħtieġ li jkun li jappoġġja lill-konsumaturi f'din it-trasformazzjoni;
Data
22. Ifakkar li l-ġbir u l-analiżi tad-data għandhom rwol ċentrali għall-FinTech, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa ta' applikazzjoni konsistenti u teknoloġikament newtrali tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar id-data, inklużi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), id-Direttiva Riveduta dwar is-Servizzi ta' Pagament (PSD2), ir-Regolament dwar l-identifikazzjoni elettronika u servizzi ta' awtentikazzjoni (eIDAS), ir-Raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD4) u d-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tal-Informazzjoni (NIS); jenfasizza li, sabiex tingħata spinta lill-finanzjament innovattiv fl-Ewropa, jenħtieġ fluss liberu ta' data fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri bl-għan li tiżgura li jintużaw elementi ta' data oġġettivi u rilevanti biss fil-kuntest tal-forniment ta' servizzi finanzjarji; jilqa' l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar "l-ekonomija tad-data" (COM(2017)0009), li għandha tipprovdi evidenza u tistabbilixxi jekk jeżistux jew le ostakli għall-flus liberu tad-data fl-Unjoni kollha;
23. Jenfasizza l-bżonn ta' regoli ċari dwar is-sjieda, l-aċċess u t-trasferiment tad-data; jixħet dawl fuq il-fatt li ammonti dejjem ikbar ta' data qed jiġu ġġenerati minn magni jew minn proċessi bbażati fuq teknoloġiji emerġenti, bħat-tagħlim tal-magni; jenfasizza li l-GDPR jipprovdi qafas legali ċar dwar id-data personali iżda li hemm bżonn ta' aktar ċertezza tad-dritt rigward kategoriji oħrajn ta' data; f'dan ir-rigward, jemmen li għandha ssir distinzjoni ċara bejn data mhux ipproċessata u data li tirriżulta minn ipproċessar ulterjuri;
24. Jenfasizza li l-ibbankjar miftuħ u l-kondiviżjoni tad-data jikkontribwixxu għall-iżgurar li l-mudelli ta' negozju FinTech kollha jistgħu jevolvu flimkien, għall-benefiċċju tal-konsumaturi; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-kisbiet riċenti tal-PSD2 dwar bidu ta' pagamenti u aċċess għal data dwar kontijiet;
25. Jixħet dawl fuq il-fatt li l-benefiċċji li jista' jkollu l-cloud computing għall-konsumaturi u għall-fornituri ta' servizzi finanzjarji, f'termini tal-kosteffiċjenza, tal-inqas żmien għat-tqegħid fis-suq u ta' użu aħjar tar-riżorsi tal-ICT; jinnota li m'hemmx regoli jew linji gwida Ewropej ċari u komprensivi għall-esternalizzazzjoni tad-data għall-cloud fir-rigward tas-settur finanzjarju; jenfasizza l-ħtieġa għall-iżvilupp ta' tali linji gwida u għal approċċ komuni għall-użu ta' cloud computing f'awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs); jenfasizza li regoli jew linji gwida bħal dawn huma neċessarji sabiex iwasslu aġilità u veloċità għall-adozzjoni tal-cloud; jissottolinja li standards għoljin ta' sigurtà tad-data u ta' protezzjoni tal-konsumaturi għandhom ikunu parti minn dawn il-linji gwida; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jistudjaw il-possibbiltajiet differenti f'dan ir-rigward, bħal kuntratti approvati minn qabel bejn il-fornituri ta' servizzi tal-cloud u l-istituzzjonijiet finanzjarji;
26. Josserva n-neċessità ta' ħolqien ta' aktar għarfien fost il-konsumaturi rigward il-valur tad-data personali tagħhom; jinnota li l-konsumaturi jistgħu jidħlu f'kuntratti biex jikkondividu kontenut diġitali bi skambju ta' pagament ta' tariffa; jissottolinja li dan jista' jwassal għal benefiċċji ekonomiċi iżda jista' jintuża b'mod diskriminatorju wkoll; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà ta' strateġija Ewropea għall-kondiviżjoni tad-data bl-għan li jkollha l-objettiv li tqiegħed lill-konsumaturi fil-kontroll tad-data tagħhom; jemmen li approċċ ċar iffokat fuq il-konsumaturi se jżid il-fiduċja fis-servizzi bbażati fuq il-cloud u jistimola servizzi innovattivi ġodda offruti minn atturi diversi fil-katina tal-valur finanzjarju, eż. bl-użu ta' interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) jew bl-iffaċilitar ta' aċċess dirett għad-data għal servizzi tal-pagamenti elettroniċi; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-potenzjal futur tas-Sistemi ta' Informazzjoni Personali Maniġerjali (PIMS) bħala għodod tekniċi sabiex il-konsumaturi jimmaniġġjaw id-data personali tagħhom;
27. Ifakkar, fil-kuntest taż-żieda fl-użu tad-data tal-konsumaturi jew big data minn istituzzjonijiet finanzjarji, id-dispożizzjonijiet tal-GDPR li jagħti lis-suġġett tad-data d-dritt li jikseb spjegazzjoni ta' deċiżjoni meħuda bl-ipproċessar awtomatizzat u li jikkontesta din id-deċiżjoni(4); jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit li data żbaljata tkun tista' tinbidel u li tintuża biss data rilevanti u li tista' tiġi verifikata. jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha isaħħu l-isforzi bl-għan li jiggarantixxu l-infurzar ta' dawn id-drittijiet; huwa tal-fehma li l-kunsens mogħti għall-użu ta' data personali jrid ikun dinamiku u li suġġetti tad-data jridu jkunu jistgħu jbiddlu u jadattaw il-kunsens tagħhom;
28. Jinnota li ż-żieda fl-użu tad-data tal-konsumaturi jew big data minn istituzzjonijiet finanzjarji tista' twassal għal benefiċċji għall-konsumaturi, bħall-iżvilupp ta' offerti aktar imfassla apposta, issegmentati u orħos ibbażati fuq allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riskju u l-kapital; jinnota, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-ipprezzar dinamiku u l-potenzjal tiegħu li jwassal għall-effett oppost, li jista' jkun ta' ħsara għall-komparabbiltà tal-offerti u l-kompetizzjoni effettiva u għar-raggruppament u l-mutwalizzazzjoni tar-riskji, pereżemju fis-settur tal-assigurazzjoni;
29. Jirrikonoxxi l-kombinament li qed jiżdied ta' data u algoritmi personali sabiex jiġu pprovduti servizzi bħar-robo-advice; jenfasizza l-potenzjal ta' effiċjenza tar-robo-advice u l-effetti pożittivi tiegħu fuq l-inklużività finanzjarja; jenfasizza li, potenzjalment, żbalji jew preġudizzji fl-algoritmi jew fid-data sottostanti jistgħu jikkawżaw riskju sistemiku u dannu lill-konsumaturi, pereżempju permezz ta' esklużjoni li qed tiżdied; jitlob lill-Kummissjoni u lill-ASE jimmonitorjaw dawn ir-riskji sabiex jiġi żgurat li l-awtomatizzazzjoni fil-konsulenza finanzjarja tkun tista' toħloq realment konsulenza aħjar, trasparenti, aċċessibbli u kosteffiċjenti, u biex jindirizzaw iż-żieda fid-diffikultà tal-ittraċċar ta' responsabbiltà għal danni kkawżati minn dawn ir-riskji fil-qafas ta' responsabbiltà legali attwali għall-użu tad-data; jissottolinja li għar-robo-advice għandhom japplikaw l-istess dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur bħall-konsulenza wiċċ imb wiċċ;
Is-sigurtà ċibernetika u r-riskji tal-ICT
30. Jenfasizza l-ħtieġa ta' sigurtà minn punt għall-ieħor fil-katina tal-valur kollha tas-servizzi finanzjarji; jirrimarka dwar ir-riskji kbar u diversi mill-attakki ċibernetiċi kontra l-infrastruttura tas-swieq finanzjarji, l-Internet tal-Oġġetti, il-muniti u d-data tagħna; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel iċ-ċibersigurtà l-ewwel prijorità fil-Pjan ta' Azzjoni tal-FinTech, u jistieden lill-ASE u lill-BĊE fir-rwol tas-superviżjoni bankarja tiegħu sabiex jagħmluha element ewlieni tal-programmi regolatorji u superviżorji tagħhom;
31. Jistieden lill-ASE, f'kooperazzjoni mar-regolaturi nazzjonali, jirrieżaminaw regolarment l-istandards operattivi li jkopru r-riskji tal-ICT tal-istituzzjonijiet finanzjarji; jitlob, barra minn hekk, minħabba l-livelli differenti ta' protezzjoni fl-istrateġiji taċ-ċibersigurtà tal-Istati Membri, li jitfasslu linji gwida tal-ASE dwar is-superviżjoni ta' dawn ir-riskji; jenfasizza l-importanza tal-għarfien espert teknoloġiku fl-ASE biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom; iħeġġeġ aktar riċerka f'dan il-qasam;
32. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm skambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn is-superviżuri, kif ukoll ir-regolaturi u l-gvernijiet fil-livelli rispettivi tagħhom, bejn ir-riċerkaturi u l-parteċipanti fis-suq u bejn il-parteċipanti fis-suq innifshom; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-parteċipanti fis-suq u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) biex jesploraw il-potenzjal tat-trasparenza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bħala għodod kontra ċ-ċiberattakki; jissuġġerixxi li jiġu esplorati l-benefiċċji potenzjali ta' punt uniku ta' kuntatt għall-parteċipanti fis-suq f'dan ir-rigward kif ukoll li jiġi kkunsidrat approċċ aktar koordinat fl-investigazzjoni taċ-ċiberkriminalità fil-qasam tas-servizzi finanzjarji fid-dawl tal-karattru dejjem aktar transfruntier tagħhom;
33. Jissottolinja li r-regolament dwar il-forniment tal-infrastruttura tas-servizzi finanzjarji jrid jipprevedi strutturi xierqa ta' inċentivi għall-fornituri sabiex jinvestu b'mod adegwat fiċ-ċibersigurtà;
34. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-traspożizzjoni f'waqtha tad-Direttiva dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni (id-Direttiva NIS); jilqa' s-sħubija pubblika-privata ġdida dwar iċ-ċibersigurtà mnedija reċentement mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-industrija; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa sensiela ta' inizjattivi ġodda u konkreti biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-intrapriżi FinTech f'dan is-settur, b'mod speċjali tal-SMEs u tan-negozji ġodda, kontra l-attakki ċibernetiċi;
35. Jinnota li l-fiduċja pubblika fit-teknoloġiji kkonċernati hija vitali għat-tkabbir futur tal-FinTech, u jindika l-ħtieġa ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni aħjar dwar l-impatt pożittiv tal-FinTech fuq l-attivitajiet ta' kuljum, iżda wkoll rigward ir-riskji għas-sikurezza tan-netwerk u l-informazzjoni għaċ-ċittadini u n-negozji, b'mod partikolari l-SMEs;
36. Jilqa' l-isforzi kontinwi fil-qasam tal-istandardizzazzjoni li jagħmlu t-tagħmir ta' riċezzjoni ibridu aktar sikur; madankollu, jissottolinja li s-sikurezza trid tiġi offruta lil hinn minn livell minimu ta' standardizzazzjoni, speċjalment għaliex il-prekawzjonijiet standardizzati uniformi għas-sigurtà jżidu r-riskju ta' ksur mifrux tas-sigurtà minħabba effett domino possibbli; iħeġġeġ bil-qawwa lill-kumpaniji jiżviluppaw risponsi proprji eteroġeni għas-sigurtà tal-apparati u tal-operazzjonijiet tagħhom;
Blockchains
37. Jissottolinja l-potenzjal tal-applikazzjonijiet blockchain għat-trasferiment tal-flus u tat-titoli, kif ukoll għall-faċilitazzjoni ta' "kuntratti intelliġenti" li jiftħu firxa wiesgħa ta' possibbiltajiet għaż-żewġ naħat tal-kuntratti finanzjarji, b'mod partikolari l-arranġamenti ta' finanzjament tal-kummerċ u self kummerċjali, li għandhom il-possibbiltà li jissimplifikaw relazzjonijiet kuntrattwali kummerċjali u finanzjarji kumplessi fuq livelli minn negozju għal negozju (B2B) u min-negozju għall-konsumatur (B2C); jenfasizza li pjattaformi blockchain huma wkoll adatti għas-simplifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet kumplessi B2B u B2C;
38. Ifakkar fil-benefiċċji u r-riskji ta' applikazzjonijiet blockchain mhux permessi; jistieden lill-Kummissjoni torganizza darba fis-sena konferenza għad-diversi partijiet ikkonċernati dwar dan is-suġġett; huwa preokkupat biż-żieda fl-użu ta' applikazzjonijiet blockchain mhux permessi għal attivitajiet kriminali, evażjoni tat-taxxa, evitar tat-taxxa u ħasil tal-flus; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dawn is-sitwazzjonijiet, inkluż ir-rwol f'dan il-proċess, u tindirizzahom f'rapport;
Interoperabbiltà
39. Jirrikonoxxi l-importanza ta' APIs, bħala komplement għal għodod oħra li jistgħu jintużaw mill-konsumatur fl-għoti ta' aċċess lil atturi ġodda għall-infrastruttura finanzjarja; jirrakkomanda l-ħolqien ta' sett ta' APIs standardizzati li jistgħu jintużaw mill-fornituri, pereżempju fil-qasam tal-ibbankjar miftuħ, b'mod parallel mal-possibbiltà li t-tali fornituri jfasslu s-softwer tagħhom stess;
40. Iqis li l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-FinTech, fi ħdan l-Ewropa u permezz tal-impenn ma' ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi u ma' setturi ekonomiċi oħra, hija kundizzjoni ewlenija għall-iżvilupp futur tas-settur tal-FinTech Ewropew u l-materjalizzazzjoni sħiħa tal-opportunitajiet li tista' tiġġenera; iħeġġeġ l-istandardizzazzjoni tal-formati tad-data fejn ikun possibbli, bħal fil-każ tal-PSD2 għall-iffaċilitar ta' din;
41. Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-ħidma tal-Istati Membri u l-parteċipanti fis-suq biex tiżgura l-interoperabbiltà bejn l-iskemi nazzjonali differenti ta' identifikazzjoni elettronika; jenfasizza li l-użu ta' dawn l-iskemi għandu jkunu miftuħ għas-settur privat; Jemmen li mezzi ta' identifikazzjoni remota li mhumiex stabbiliti fir-regolament eIDAS għandhom ikunu aċċettabbli wkoll, dment li jkunu ta' livell ta' sigurtà ekwivalenti għal-livell ta' garanzija sostanzjali tal-eIDAS, u li, b'hekk, ikunu kemm sikuri kif ukoll interoperabbli;
42. Jenfasizza l-importanza tal-interoperabbiltà ta' soluzzjonijiet ta' pagamenti tradizzjonali u ġodda sabiex jinkiseb suq tal-pagamenti Ewropew integrat u innovattiv;
43. Jitlob lill-ASE jidentifikaw f'liema każijiet l-awtentikazzjoni mmirata jew ibbażata fuq ir-riskju tista' tkun alternattiva għal awtentikazzjoni b'saħħitha; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tinvestiga jekk il-proċessi ta' awtentikazzjoni b'saħħitha jistgħux jiġu eżegwiti wkoll minn entitajiet oħrajn apparti l-banek;
44. Jistieden lill-ASE, f'kooperazzjoni mar-regolaturi nazzjonali, jiżviluppaw standards u liċenzji teknoloġikament newtrali għal tekniki ta' "kun af il-klijent tiegħek" u ta' identifikazzjoni remota, pereżempju abbażi ta' kriterji bijometriċi, li jirrispettaw il-privatezza tal-utenti;
L-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri
45. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċifika, fit-tfassil tal-pjan ta' azzjoni tal-FinTech, lill-ħtiġijiet tal-konsumaturi u l-investituri bl-imnut u r-riskji li jistgħu jkunu vulnerabbli għalihom, fid-dawl tal-espansjoni li dejjem qed tiżdied tal-FinTech fis-servizzi għall-klijenti mhux professjonali, pereżempju fil-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari; jenfasizza li l-istess standards tal-protezzjoni tal-konsumaturi għas-servizzi tal-FinTech japplikaw ukoll għal servizzi finanzjarji oħra, irrispettivament mill-kanal ta' distribuzzjoni jew il-post tal-konsumatur;
46. Jistieden lill-ASE ikomplu u jaċċeleraw il-ħidma li għaddejja tagħhom dwar il-monitoraġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi u l-analiżi tal-benefiċċji u r-riskji potenzjali tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri u tal-inklużjoni finanzjarja;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga kemm il-FinTech tista' tgħin sabiex il-konsumaturi jiġu pprovduti b'konsulenza finanzjarja ta' kwalità aħjar u jekk il-qafas regolatorju frammentat tal-UE li jittratta l-konsulenza huwiex biżżejjed sabiex jakkomodahom;
48. Jikkunsidra li għad hemm inċertezza regolatorja konsiderevoli dwar l-InsurTech, u jenfasizza li din teħtieġ li tiġi indirizzata sabiex jiġu żgurati sigurtà, privatezza, kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja; jenfasizza li ċertezza tad-dritt aħjar se tgħin sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ta' kumpaniji tal-InsurTech li mhumiex irregolati sew ma jisfawx vittma ta' telf jew ta' bejgħ skorrett u se tgħin kemm lill-kumpaniji kif ukoll lill-konsumaturi jużaw aħjar is-soluzzjonijiet tal-InsurTech;
49. Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-istabbiltà finanzjarja tissaħħaħ matul l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet tal-FinTech; iħeġġeġ l-eżaminazzjoni ta' teknoloġija b'sors miftuħ u evalwata bejn il-pari bħala mezz għall-kisba ta' dan l-għan; jistieden lill-ASE jissieħbu mal-atturi mis-settur privat fl-iżvilupp u fl-evalwazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi li għandhom il-potenzjal li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja u jżidu l-protezzjoni tal-konsumatur, pereżempju billi jimmitigaw il-preġudizzju jew billi jżidu l-għarfien fost il-konsumaturi dwar it-theddidiet ċibernetiċi;
50. Jinnota li d-diversità u l-kompetizzjoni fost il-parteċipanti fis-suq huma fatturi kritiċi li jikkontribwixxu għall-istabbiltà finanzjarja; jistieden lir-regolaturi u lis-superviżuri jissorveljaw l-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fi ħdan is-segmenti rilevanti kollha tas-settur finanzjarju, u jfasslu u jużaw għodod għall-prevenzjoni jew għar-rimedju ta' mġiba antikompetittiva jew ta' tfixkil tal-kompetizzjoni;
Edukazzjoni finanzjarja u ħiliet tal-IT
51. Jenfasizza li kemm il-kompetenza finanzjarja kif ukoll il-kompetenza diġitali huma fatturi kruċjali għall-użu effiċjenti tal-FinTech u għal livelli aktar baxxi ta' riskju fl-ambjent tal-FinTech;
52. Jenfasizza li l-edukazzjoni finanzjarja xierqa tal-konsumaturi u l-investituri bl-imnut hija neċessarja sabiex il-FinTech issir għodda reali għall-inklużjoni finanzjarja u sabiex tippermetti lil dawk il-konsumaturi u l-investituri li dejjem qed ikunu aktar esposti għal prodotti u servizzi ta' investiment finanzjarju personalizzati immedjatament aċċessibbli li jieħdu deċiżjonijiet finanjarji tajbin b'mod awtonomu dwar dawk l-offerti u li jifhmu r-riskji kollha li ġejjin mill-użu ta' dawn it-teknoloġiji innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jżidu l-appoġġ tagħhom għall-inizjattivi li jtejbu l-edukazzjoni finanzjarja; jenfasizza li t-taħriġ vokazzjonali u l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u tal-investituri għandhom ikunu faċilment aċċessibbli;
53. Ifakkar fil-previżjoni tal-Kummissjoni li sal-2020 l-Ewropa jista' jkun li tkun qed taffaċċja nuqqas ta' 825 000 professjonist fil-qasam tal-ICT; jemmen li hemm bżonn ta' aktar speċjalisti tal-informatika, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jħejju għat-tibdil fis-suq tax-xogħol li jista' jseħħ ferm aktar malajr minn dak li nistennew illum;
54. Jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali fi ħdan is-settur finanzjarju, fi ħdan il-korpi regolatorji u fi ħdan is-soċjetà kollha kemm hi, inkluż it-taħriġ vokazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-aħjar prattiki fil-kuntest tal-Koalizzjoni tagħha għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali;
o o o
55. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Tnedija ta’ skambju awtomatizzat ta’ data fir-rigward ta’ data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Kroazja *
245k
48k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Kroazja (05318/2017 – C8-0033/2017 – 2017/0801(CNS))
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (05318/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0033/2017),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0171/2017),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Oġġezzjoni għal att delegat: L-identifikar ta’ pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi
264k
49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tat-tħassir tal-Guyana mit-tabella fil-punt I tal-Anness u ż-żieda tal-Etjopja f'dik it-tabella (C(2017)01951 – 2017/2634(DEA))
– wara li kkunsidra r-Regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2017)01951) ("ir-regolament delegat emendatorju"),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE(1) (ir-4 Direttiva AML), u b'mod partikolari l-Artikoli 9(2) u 64(5) tagħha,
– wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 tal-14 ta' Lulju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi(2), u b'mod partikolari l-Anness tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2016 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi(3),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017 li takkumpanja r-regolament delegat emendatorju,
– wara li kkunsidra x-xogħol li twettaq u l-konklużjonijiet li ntlaħqu s'issa miż-żewġ kumitati speċjali tal-Parlament – il-Kumitat tad-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili u l-Kumitat ta' Inkjesta dwar il-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-regolament delegat, l-anness tiegħu u r-regolament delegat emendatorju huma maħsuba biex jidentifikaw pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi f'dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CTF) li jirrappreżentaw theddida għas-sistema finanzjarja tal-UE u li għalihom jinħtieġu miżuri msaħħa ta' diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti fl-entitajiet tal-UE li għandhom obbligi skont ir-4 Direttiva AML;
B. billi l-aħħar Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 billi jidentifika pajjiżi terzi b'riskju kbir b'nuqqasijiet strateġiċi ilu fis-seħħ mit-23 ta' Settembru 2016;
C. billi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675 se jibqa' fis-seħħ anke jekk ir-regolament delegat emendatorju jiġi miċħud;
D. billi l-lista tal-pajjiżi tikkorrispondi mal-pajjiżi identifikati mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) fid-29 laqgħa plenarja tagħha mill-20 sal-24 ta' Frar 2017, anke wara l-emendi li introduċa r-regolament delegat emendatorju adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu 2017;
E. billi, kif hemm stipulat fil-premessa 28 tar-4 Direttiva AML u ripetut fil-memorandum ta' spjegazzjoni (C(2016)04180) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1675, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija proċess awtonomu; billi l-Kummissjoni b'hekk hija libera li tmur lil hinn mill-istandards tal-FATF, jew billi żżomm pajjiż terz fil-lista tagħha anke jekk l-FATF tkun neħħietu minn dik tagħha, jew inkella billi tinkludi pajjiżi terzi addizzjonali dment li dan ikun bi qbil mal-kriterji speċifiċi stipulati fl-Artikolu 9(2) tar-4 Direttiva AML;
F. billi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija proċess awtonomu li jrid isir b'mod komprensiv u imparzjali, u jivvaluta l-pajjiżi terzi kollha abbażi tal-istess kriterji definiti fl-Artikolu 9(2) tar-4 Direttiva AML;
G. billi l-Parlament ċaħad regolament delegat emendatorju preċedenti (C(2016)07495) abbażi tal-fatt li l-proċess tal-Kummissjoni ma kienx awtonomu biżżejjed u ma rrikonoxxiex in-natura mhux eżawrjenti tal-lista ta' kriterji ("b'mod partikolari") fl-Artikolu 9(2) tar-4 Direttiva AML, u b'hekk eskluda r-reati presupposti marbutin mal-ħasil tal-flus, bħalma huma r-reati fiskali;
H. billi l-Parlament jibqa' tal-fehma li n-nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jistgħu jippersistu fir-rigward ta' diversi aspetti tal-Artikolu 9(2) f'ċerti pajjiżi li mhumiex inklużi fil-lista ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir fir-Regolament delegat emendatorju;
I. billi, kif dovut, il-Parlament ħa nota tal-ittra tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2017, li tirreferi għall-eżerċizzju li l-Kummissjoni qed twettaq attwalment biex telenka x'possibilitajiet għandha li tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq sorsi esterni ta' informazzjoni; billi l-istabbiliment ta' proċess ta' evalwazzjoni awtonomu għal-lista tal-UE ta' pajjiżi terzi b'riskju kbir, kif mitlub mill-Parlament, huwa waħda mill-għażliet li qed jiġu vvalutati;
J. billi l-Parlament japprezza l-ħin u r-riżorsi li l-iżvilupp ta' proċess ta' evalwazzjoni awtonomu jista' jieħu, speċjalment minħabba l-ammont limitat ħafna ta' persunal u riżorsi disponibbli għall-Kummissjoni sabiex tevita reati finanzjarji, iżda jistenna impenn aktar sod mill-Kummissjoni bi stadji intermedji fissi u ambizzjużi li jridu jintlaħqu (bħal pereżempju pjan direzzjonali) sabiex tagħti messaġġ ċar dwar l-impenn konġunt tal-istituzzjonijiet lejn il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-finanzjament tat-terroriżmu;
K. billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-Parlament flimkien talbu lill-Kummissarju responsabbli għal dan l-att delegat jidher quddiemhom sabiex ikollhom diskussjoni xierqa dwar il-proposta u l-oġġezzjoni tal-Parlament għaliha;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-Regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta att delegat ġdid li jikkunsidra t-tħassib imniżżel hawn fuq, li jkun jinkludi r-rakkomandazzjoni tal-Parlament biex tadotta pjan direzzjonali li jwassal għal proċess ta' evalwazzjoni awtonomu;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D050182 – 2017/2675(RSP))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D050182),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2), 19(3) u 21(2) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fis-27 ta' Marzu 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-21 ta' Settembru 2016, u ppubblikata fil-21 ta' Ottubru 2016(3);
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fil-25 ta' Marzu 2011, Bayer ressqet applikazzjoni skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton GHB119 lill-awtorità kompetenti tan-Netherlands; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-qoton ġenetikament modifikat GHB119 fi prodotti li jkunu jikkonsistu jew li jkun fihom minn dan il-qoton għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qotton ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;
B. billi fil-21 ta' Settembru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fil-21 ta' Ottubru 2016;
C. billi l-identifikatur uniku BCS-GHØØ5–8 assenjat lill-qoton GHB119, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina PAT li tagħti tolleranza għall-erbiċidi abbażi tal-glufosinat-ammonju u l-proteina Cry2Ae li tagħti reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani; billi awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta' dan il-qoton fl-Unjoni mingħajr dubju twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tiegħu f'partijiet oħra tad-dinja, b'żieda korrispondenti fl-użu tal-erbiċidi abbażi tal-glufosinat-ammonju;
D. billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5); billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018;
E. billi riċerka indipendenti tqajjem tħassib dwar nuqqasijiet kbar fil-valutazzjoni komparattiva, pereżempju l-fatt li, minkejja li differenzi statistikament sinifikanti fil-kompożizzjoni nstabu għal ħafna komposti, l-ebda investigazzjoni ulterjuri ma tqieset meħtieġa; tħassib dwar nuqqasijiet serji rigward il-valutazzjoni tat-tossikoloġija, pereżempju l-fatt li ġie kkunsidrat mod wieħed biss ta' azzjoni tat-tossini Bt, li ma twettqet l-ebda investigazzjoni dwar l-effetti kombinatorji u li ma saret l-ebda valutazzjoni tar-residwi tal-pestiċidi; u tħassib dwar valutazzjoni mhux konklużiva tal-impatt possibbli fuq is-sistema immunitarja(6);
F. billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi; billi dawk il-kummenti jirreferu għal, fost l-oħrajn: data nieqsa rigward l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni ta' residwi ta' erbiċidi u ta' metaboliti fil-pjanti ġenetikament modifikati u fiż-żrieragħ użati għall-ikel/għalf, nuqqasijiet fil-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u fil-pjan ta' monitoraġġ ambjentali li jirrigwardjaw, fost l-oħrajn, fehmiet differenti dwar jekk organiżmi qraba selvaġġi kinux irrappurtati fl-Ewropa, jew data nieqsa rigward il-qawwa ta' ġerminazzjoni taż-żerriegħa importata, kif ukoll il-fatt li ma ġie kkunsidrat l-ebda effett mhux intenzjonat; billi xi wħud mill-kummenti komplew jikkritikaw b'mod ġenerali l-bażi ta' data defiċjenti ħafna u, b'mod aktar speċifiku, il-fatt li ġie kkunsidrat biss għadd limitat ħafna ta' studji u li, pereżempju, ma twettaq l-ebda test tat-tossiċità xieraq bil-materjal tal-pjanti mill-qoton GHB119, kif ukoll l-ebda studju xieraq dwar l-effett tal-qoton ġenetikament modifikat fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u li l-istudju nutrizzjonali ppreżentat ma ġiex ikkunsidrat ammissibbli(7);
G. billi, minkejja l-preokkupazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, l-EFSA qieset li ma kien hemm bżonn tal-ebda monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq ta' ikel/għalf derivat minn qoton GHB119;
H. billi ma ngħatat l-ebda opinjoni fil-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Marzu 2017; billi 15-il Stat Membru vvutaw kontra, filwaqt li kienu biss 11-il Stat Membru, li jirrapreżentaw biss 38,69 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, li vvutaw favur, filwaqt li 2 Stati Membri astjenew;
I. billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha għall-proposta leġiżlattiva ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament fit-territorju tagħhom (COM(2015)0177) kif ukoll fil-memorandum ta' spjegazzjoni dwar il-proposta leġiżlattiva ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitat tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li hi verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat; billi l-President tal-Kummissjoni Juncker diversi drabi ddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika(8);
J. billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fit-28 ta' Ottubru 2015 fl-ewwel qari(9) u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tippreżenta proposta ġdida;
K. billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, b'mod ċar tiddikjara li: "Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b'mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni.";
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li l-abbozz ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
4. Jitlob lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li jirriżulta li mhijiex adegwata;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
–––––––––––– – Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110),Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, li jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (P8_TA(2015)0456),Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (P8_TA(2016)0040),Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (P8_TA(2016)0039),Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (P8_TA(2016)0038),Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events (P8_TA(2016)0271),Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (P8_TA(2016)0272),Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0388),Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0389),Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (P8_TA(2016)0386),Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (P8_TA(2016)0387),Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (P8_TA(2016)0390),Ir-Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (P8_TA(2017)0123).
eż. fid-Dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014) jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D050183 – (2017/2674(RSP))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D050183),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2), 19(3) u 21(2) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Marzu 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-26 ta' Ottubru 2016, u ppubblikata fil-5 ta' Diċembru 2016(3),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fil-11 ta' Novembru 2010, Dow AgroSciences Europe ressqet applikazjzoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qamħirrum DAS-40278-9 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9 fi prodotti li jikkonsistu jew li fihom minn dan il-qamħirrum għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qamħirrum ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;
B. billi, fis-26 ta' Ottubru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fil-5 ta' Diċembru 2016(5);
C. billi l-qamħirrum DAS-40278–9 jesprimi l-proteina AAD-1 li tagħti tolleranza għall-erbiċidi 2,4-aċidu diklorofenoksijaċetiku (2,4-D) u ariloksifenoksipropjonat (AOPP);
D. billi r-riċerka indipendenti qajmet tħassib dwar ir-riskji tal-ingredjent attiv tat-2,4-D fir-rigward tal-iżvilupp tal-embrijuni, il-malformazzjonijiet konġenitali u l-interferenti endokrinali; billi mhuwiex ċar jekk, u sa liema punt, il-prodotti 2,4-D jinkludu impuritajiet ta' dijossini u furani tossiċi ħafna, li huma karċinoġeni umani u interferenti endokrinali u li jippersistu fl-ambjent u li jakkumulaw fil-katina tal-ikel(6);
E. billi fl-2015 ġiet imġedda l-approvazzjoni tas-sustanza attiva 2,4-D; billi l-preżenza ta' impuritajiet bħad-dijossini u l-furani kienet rikonoxxuta taħt ċerti livelli; billi l-applikant għad irid jippreżenta l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi edokrinali potenzjali tas-sustanza(7);
F. billi m'hemmx dubju li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-qamħirrum DAS-40278-9 fl-Unjoni se twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tiegħu f'postijiet oħrajn, bħall-Istati Uniti, il-Brażil u l-Arġentina, kif ukoll għal żieda ekwivaenti fl-użu tal-erbiċidi 2,4-D u AOPP; billi r-riċerka indipendenti tqajjem ukoll tħassib dwar id-diskrepanzi ewlenin fil-valutazzjoni komparattiva, diskrepanzi serji fir-rigward tal-valutazzjoni tossikoloġika (pereżempju, il-fatt li, fi studju dwar l-għalf,ma ntalabx li jsir ittestjar tal-pjanta sħiħa li ma tqisux l-effetti fit-tul jew l-effetti kumulattivi, li ma kienx diskuss l-impatt fuq is-sistemi riproduttivi, kif ukoll in-nuqqasijiet metodoloġiċi fl-istudji dwar l-annimali), u valutazzjoni inkonklussiva tal-possibbiltà ta' impatt fuq is-sistema immunitarja(8);
G. billi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi; billi dawk il-kummenti jirreferu għal, inter alia: nuqqas ta' data, jew data insuffiċjenti, spjegazzjonijiet neqsin, dikjarazzjonijiet kontradittorji fl-applikazzjoni, disinn defiċjenti tat-test, testijiet neqsin, eż. dwar l-allerġeniċità, riżultati dubjużi tal-istudji ta' valutazzjoni tas-sikurezza, in-nuqqas ta' kwalunkwe tip ta' studju ta' tossiċità subkronika ta' 90 jum dwar l-ikel sħiħ, li jagħmluha impossibli li jiġi evalwat ir-riskju potenzjali tal-konsum ta' prodotti tal-ikel magħmula mill-qamħirrum, u l-għażla u d-disinn tal-istudji kkunsidrati għall-valutazzjoni tar-riskju(9);
H. billi, minkejja dan it-tħassib kollu, l-EFSA qieset li ma kien jeħtieġ l-ebda monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq tal-ikel/għalf li joriġina mill-qamħirrum DAS-40278–9;
I. billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Marzu 2017 ma tat l-ebda opinjoni; billi 16-il Stat Membru vvutaw kontra, filwaqt li biss 9 Stati Membri li jirrappreżentaw biss 36,22 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni vvutaw favur, filwaqt li 3 Stati Membri astjenew;
J. billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha għall-proposta leġiżlattiva ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament fit-territorju tagħhom (COM(2015)0177) u fil-memorandum ta' spjegazzjoni dwar il-proposta leġiżlattiva ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitat tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li hi verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat; billi l-President tal-Kummissjoni Juncker diversi drabi ddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika(10);
K. billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fit-28 ta' Ottubru 2015 fl-ewwel qari(11) u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tippreżenta proposta ġdida;
L. billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, b'mod ċar tiddikjara li: "Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b'mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni";
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li l-abbozz ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
4. Jitlob lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li jirriżulta li mhijiex adegwata;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
––––––––———— – Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110),Ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 x 25 jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu (P8_TA(2015)0456),Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (P8_TA(2016)0040),Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (P8_TA(2016)0039),Ir-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2) (P8_TA(2016)0038),Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta mill-events (P8_TA(2016)0271),Ir-Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (P8_TA(2016)0272),Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0388),– Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0389),– Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (P8_TA(2016)0386),– Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (P8_TA(2016)0387),– Ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (P8_TA(2016)0390),– Ir-Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (P8_TA(2017)0123).
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2033 tat-13 ta' Novembru 2015 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva 2,4-D, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 298, 14.11.2015, p. 8).
Bauer-Panskus/Then: Testbiotech comment on EFSA Scientific Opinion on an application by DOW AgroSciences LLC (EFSA-GMO-NL-2010-89) for placing on the market the genetically modified herbicide-tolerant maize DAS-40278- 9 disponibbli fuq: https://www.testbiotech.org/node/1862
Ara r-Reġistru ta' Mistoqsijiet tal-EFSA, Anness G għal Mistoqsija Numru EFSA-Q-2010-01326, disponibbli fis-sit: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2010-01326
pereżempju fid-Dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014) jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 4, 12, 13, 14, 16, 18 u 21 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-kawżi Szabó u Vissy v l-Ungerija, Karácsony et v l-Ungerija, Magyar Keresztény Mennonita Egyház et v l-Ungerija, Baka v l-Ungerija, u Ilias u Ahmed v l-Ungerija,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u t-trattati numerużi tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, li huma vinkolanti għall-Istati Membri kollha,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titlu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru(1) u tal-10 ta' Ġunju 2015(2) dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija(3), tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-ġrajjiet politiċi reċenti fl-Ungerija(4) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi Ungeriża dwar il-midja(5),
– wara li kkunsidra s-smigħ li sar fis-27 ta' Frar 2017 mill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija,
– wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tas-26 ta' April 2017dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-mexxejja ta' 27 Stat Membru u tal-Kunsill Ewropew, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra l-Att CLXVIII tal-2007 dwar il-promulgazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, adottat mill-Assemblea Nazzjonali Ungeriża fis-17 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 2162 (2017) tas-27 ta' April 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titlu "Alarming developments in Hungary: draft NGO law restricting civil society and possible closure of the European Central University" (Żviluppi allarmanti fl-Ungerija: abbozz ta' liġi dwar l-NGOs li tirrestrinġi s-soċjeta ċivili u l-għeluq possibbli tal-Università tal-Ewropa Ċentrali),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' Marzu 2017 dwar il-liġi l-ġdida tal-Ungerija li tippermetti d-detenzjoni awtomatika ta' persuni li jfittxu l-asil, u l-ittra tiegħu lill-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Ungerija tas-27 ta' April 2017 b'appell għal rifjut tal-liġi dwar l-NGOs iffinanzjati minn barra l-pajjiż,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiftaħ proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija rigward l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, kif ukoll proċeduri ta' ksur pendenti u futuri kontra l-Ungerija,
– wara li kkunsidra r-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-Konsultazzjoni Nazzjonali Ungeriża "Inwaqqfu lil Brussell",
– wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju Avramopoulos fl-Ungerija fit-28 ta' Marzu 2017,
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern lill-Viċi President Timmermans li titlob opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-konformità tal-att li jemenda ċerti atti relatati mat-tisħiħ tal-proċedura mwettqa fiż-żona tal-fruntiera mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-acquis tal-Unjoni dwar l-asil, ukoll fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija f'dan l-att,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma universali u komuni għall-Istati Membri (l-Artikolu 2 tat-TUE);
B. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mid-dritt primarju tal-UE li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni ta' natura politika jew ta' kwalunkwe tip ieħor, l-appartenenza għal xi minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;
C. billi l-Ungerija ilha Stat Membru tal-Unjoni Ewropea mill-2004, u billi, skont stħarriġiet tal-opinjoni, maġġoranza kbira ta' ċittadini Ungeriżi huma favur is-sħubija tal-pajjiż fl-UE;
D. billi l-Karta tipprovdi li l-arti u r-riċerka xjentifika għandhom ikunu mingħajr xkiel u li l-libertà akkademika għandha tiġi rrispettata; billi tiggarantixxi wkoll il-libertà li jitwaqqfu stabbilimenti tal-edukazzjoni bir-rispett debitu għall-prinċipji demokratiċi;
E. billi l-libertà ta' assoċjazzjoni għandha tkun protetta, u billi soċjetà ċivili vibranti għandha rwol essenzjali biex tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku kif ukoll ir-responsabbiltà tal-gvernijiet rigward l-obbligi legali tagħhom, inklużi l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;
F. billi d-dritt għall-asil huwa garantit bir-rispett debitu għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u għall-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 rigward l-istatus tar-rifuġjati, u f'konformità mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
G. billi 91,54 % tal-applikazzjonijiet għall-asil li saru fl-2016 ma ntlaqgħux; billi, mill-2015 'l hawn, liġijiet u proċeduri ġodda fl-Ungerija fil-qasam tal-asil ġiegħlu lill-persuni kollha li jfittxu l-asil jidħlu fl-Ungerija minn żona ta' transitu fit-territorju Ungeriż li tippermetti aċċess lil għadd limitat ta' persuni kuljum, eż. lil 10 persuni bħalissa; billi l-NGOs irrappurtaw darba wara l-oħra li l-migranti fuq il-fruntieri tal-Ungerija qed jiġu mġiegħla sommarjament imorru lura fis-Serbja, f'xi każijiet bi trattament krudili u vjolenti, mingħajr ma jiġu kkunsidrati t-talbiet tagħhom għall-protezzjoni; billi l-Gvern Ungeriż naqas milli jissodifa l-obbligi tiegħu rigward ir-rilokazzjoni tal-persuni li jfittxu l-asil skont id-dritt tal-UE;
H. billi l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ddikjara li "minħabba bidliet radikali li saru fil-liġi u fil-prattika rigward l-asil f'dawn l-aħħar xhur ġewwa l-Ungerija, il-persuni li jfittxu l-asil li jiġu rritornati fih jinsabu f'riskju konsiderevoli li jġarrbu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem" bi rbit mal-osservazzjonijiet bil-miktub li ssottometta fis-17 ta' Diċembru 2016 lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem rigward żewġ ilmenti kontra l-Awstrija dwar it-trasferiment ta' applikanti mill-Awstrija għall-Ungerija taħt ir-Regolament Dublin III;
I. billi 11-il rifuġjat, magħrufa bħala "l-11 ta' Röszke", li kienu preżenti fis-16 ta' Settembru 2016, l-għada ta' meta l-Ungerija għalqet il-fruntiera tagħha mas-Serbja, ġew akkużati li wettqu att ta' terrur u ngħataw sentenza ta' ħabs, fosthom Ahmed H., Sirjan residenti f'Ċipru li ngħata kundanna ta' 10 snin ħabs fi proċess inġust f'Novembru 2016, biss fuq il-bażi li uża megafon biex itaffi t-tensjonijiet u li waddab tliet oġġetti lejn il-pulizija tal-fruntiera;
J. billi mindu adotta r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015, tqajmu preokkupazzjonijiet dwar għadd ta' kwistjonijiet, jiġifieri l-użu ta' fondi pubbliċi, attakki kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ta' persuni li jfittxu l-asil, is-sorveljanza tal-massa taċ-ċittadini, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni, il-pluraliżmu tal-midja u l-għeluq tal-gazzetta Népszabadság, tad-drittijiet tar-Rom, inkluż l-iżgumbrament tar-Rom f'Miskolc u s-segregazzjoni tat-tfal Rom fl-edukazzjoni, id-drittijiet ta' persuni LGBTI, id-drittijiet tan-nisa, is-sistema ġudizzjarja, inkluża l-possibbiltà li ġudikant jagħti sentenza ta' għomor il-ħabs mingħajr libertà kundizzjonata, l-iżgumbrament furzat tal-NGOs Ungeriżi l-Parlament tar-Rom u l-Organizzazzjoni Indipendenti taż-Żingari Phralipe mill-kwartieri ġenerali tagħhom, u r-riskju tli jingħalqu l-Arkivji Lukács;
K. billi l-kontenut u l-lingwaġġ tal-konsultazzjoni nazzjonali "Inwaqqfu lil Brussell" – konsultazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni u t-terroriżmu u l-kampanji ta' reklamar mill-gvern li marru magħha – huma qarrieqa u ppreġudikati bil-kbir;
L. billi, fil-kawża Szabó u Vissy v l-Ungerija, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar is-sorveljanza sigrieta kontra t-terroriżmu li ddaħħlet fl-2011 kienet tikkostitwixxi ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-domiċilju u tal-korrispondenza; billi fil-kawża Ilias u Ahmed v l-Ungerija, il-Qorti sabet li kien seħħ ksur tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, tad-dritt għal rimedju effettiv rigward il-kundizzjonijiet fiż-żona ta' transitu ta' Röszke u tad-dritt għal protezzjoni minn trattament inuman u degradanti fir-rigward tal-espulsjoni tal-applikanti lejn is-Serbja; billi fil-kawża Baka v l-Ungerija, il-Qorti ddeċidiet li l-Ungerija kienet kisret id-dritt għal proċess ġust u l-liberta ta' espressjoni ta' András Baka, l-eks President tal-Qorti Suprema tal-Ungerija;
M. billi l-aktar żviluppi reċenti fl-Ungerija, jiġifieri l-att li jemenda ċerti atti relatati ma' proċeduri aktar stretti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-asil, l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, li jikkostitwixxi theddida diretta għall-Università tal-Ewropa Ċentrali u li qajjem diżapprovazzjoni kbira fost il-pubbliku, u l-proposta ta' Att dwar it-Trasparenza ta' Organizzazzjonijiet li Jirċievu Sostenn minn Barra l-Pajjiż (l-Abbozz ta' Liġi T/1467 tal-Parlament Ungeriż) taw lok għal preokkupazzjonijiet dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-UE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;
1. Ifakkar li l-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE jridu jiġu rrispettati mill-Istati Membri kollha tal-UE;
2. Jiddispjaċih li l-iżviluppi fl-Ungerija wasslu għal deterjorament serju tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali f'dawn l-aħħar snin, fost oħrajn il-libertà ta' espressjoni, il-libertà akkademika, id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, restrizzjonijiet u ostruzzjonijiet għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-dritt għal trattament ugwali, id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, inklużi r-Rom, il-Lhud u l-persuni LGBTI, id-drittijiet soċjali, il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali, l-indipendenza tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra, kif ukoll bosta allegazzjonijiet preokkupanti ta' korruzzjoni u ta' kunflitti ta' interess, li, meqjusa lkoll flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru; jemmen li l-Ungerija tikkostitwixxi prova għall-UE, li jeħtiġilha turi l-kapaċità u r-rieda tagħha li tirreaġixxi għat-theddidiet u għall-vjolazzjonijiet tal-valuri bażiċi tagħha stess min-naħa ta' Stat Membru; jinnota bi tħassib li żviluppi f'xi Stati Membri oħra juru sinjali inkwetanti ta' mminar simili tal-istat tad-dritt bħal fl-Ungerija;
3. Jistieden lill-Gvern Ungeriż jidħol fi djalogu mal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet kollha msemmija f'din ir-riżoluzzjoni, b'mod partikolari dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, tal-persuni li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati, il-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-edukazzjoni u r-riċerka akkademika, is-segregazzjoni tar-Rom fl-edukazzjoni, u l-protezzjoni tan-nisa tqal fix-xogħol; itenni li ż-żewġ naħat għandhom jimpenjaw ruħhom f'tali djalogu b'mod imparzjali, kooperattiv u msejjes fuq l-evidenza; jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat bil-valutazzjonijiet tagħha;
4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar dikjarazzjonijiet u inizjattivi mill-Gvern Ungeriż, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-kontinwazzjoni tal-kampanja ta' konsultazzjoni "Inwaqqfu lil Brussell" u l-miżuri investigattivi li għandhom fil-mira impjegati barranin tal-Università Ewropea Ċentrali, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet mill-mexxejja tal-partit fil-gvern li jopponu kwalunkwe bidla leġiżlattiva li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali; jiddispjaċih li dawn is-sinjali ma jurux impenn ċar mill-awtoritajiet Ungeriżi biex jiżguraw bis-sħiħ li l-azzjonijiet tagħhom ikunu konformi mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE;
5. Jitlob li l-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-użu ta' fondi tal-UE mill-Gvern Ungeriż, b'mod partikolari fl-oqsma tal-asil u l-migrazzjoni, tal-komunikazzjoni pubblika, tal-edukazzjoni, tal-inklużjoni soċjali u tal-iżvilupp ekonomiku, sabiex tiżgura li kwalunkwe proġett kofinanzjat ikun konformi bis-sħiħ mad-dritt tal-UE, sew dak primarju u sew dak sekondarju;
6. Jistieden lill-Gvern tal-Ungerija, fil-frattemp, jirrevoka l-att li jemenda ċerti atti relatati ma' proċeduri aktar stretti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-asil kif ukoll l-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, u jirtira l-proposta ta' Att dwar it-Trasparenza tal-Organizzazzjonijiet li Jirċievu Sostenn minn Barra l-Pajjiż (l-Abbozz ta' Liġi T/14967 tal-Parlament Ungeriż);
7. Iħeġġeġ lill-Gvern Ungeriż biex minnufih jissospendi l-iskadenzi kollha fl-att li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni Għolja Nazzjonali, biex jibda djalogu immedjat mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Uniti b'tali mod li jiggarantixxi l-operazzjonijiet futuri tal-Università Ċentrali Ewropea li toħroġ lawrji akkreditati fl-Istati Uniti, u biex jagħmel impenn pubbliku sabiex l-università tista' tibqa' f'Budapest bħala istituzzjoni libera;
8. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma rrispondietx għat-talba tal-Parlament li tattiva l-qafas tal-UE għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, hekk kif saret fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 u tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, bil-għan li tipprevjeni, permezz ta' djalogu mal-Istat Membru kkonċernat, li theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt tkompli titqawwa; huwa tal-fehma li l-approċċ kurrenti tal-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq aspetti marġinali u tekniċi tal-leġiżlazzjoni, filwaqt li jinjora x-xejriet, il-mudelli u l-effett ikkombinat tal-miżuri fuq l-istat tad-dritt u fuq id-drittijiet fundamentali; jemmen li l-proċeduri ta' ksur, b'mod partikolari, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet naqsu milli jwasslu għal bidliet reali u milli jindirizzaw is-sitwazzjoni b'mod usa';
9. Jemmen li s-sitwazzjoni kurrenti fl-Ungerija tirrappreżenta riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE u tiġġustifika t-tnedija tal-proċedura tal-Artikolu 7(1) tat-TUE;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, għalhekk, biex jagħti bidu għall-proċeduri u jfassal rapport speċifiku bil-ħsieb li ssir votazzjoni plenarja fuq proposta motivata li titlob lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE, skont l-Atikolu 83 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu;
11. Itenni l-ħtieġa li jkun hemm proċess regolari ta' monitoraġġ u ta' djalogu li jinvolvi lill-Istati Membri kollha, sabiex jissalvagwardja l-valuri fundamentali tal-UE ta' demokrazija, drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, bl-involviment tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament, kif dan tal-aħħar ippropona fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(6) (il-Patt DRF), u wkoll sabiex jevita l-istandards doppji;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.
– wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (COM(2016)0383),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (COM(2016)0381),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar it-twaqqif ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass)(2), li permezz tiegħu n-nies jistgħu jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom,
– wara li kkunsidra l-prijoritajiet il-ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ sal-2020, kif stabbilit fir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)(3),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(4),
– wara li kkunsidra r-rapport Eurydice dwar ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u informali preċedenti fl-edukazzjoni għolja;
– wara li kkunsidra l-Klassifikazzjoni Ewropea ta' Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi (ESCO) multilingwi, li, flimkien mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), se tuża format komuni għall-pubblikazzjoni elettronika tal-informazzjoni dwar il-kwalifiki, kif stabbilit fl-Anness VI tal-proposta,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas ta' Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali(5) (EQAVET),
– wara li kkunsidra r-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja(6), lista ta' aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità li wrew il-konformità sostanzjali tagħhom mal-Istandards u l-Linji Gwida (ESG) għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja,
– wara li kkunsidra s-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni ta' Krediti (ECTS)(7) li ġiet żviluppata fil-kuntest taż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) stabbilita bir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009(8),
– wara li kkunsidra l-Proċess ta' Bolonja dwar l-Edukazzjoni Għolja, il-Komunikat Ministerjali ta' Yerevan tal-2015 u r-rapport bit-titolu "European Higher Education Area in 2015: Bologna process implementation report" (Iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja fl-2015: rapport dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta' Bolonja),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Erasmus+: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport(9),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew (il-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent) u r-rakkomandazzjoni dwar l-użu tal-oqfsa tal-kwalifiki fir-rikonoxximent tal-kwalifiki barranin, li tirreferi b'mod espliċitu għall-QEK bħala għodda li għandha tintuża għar-rikonoxximent akkademiku;
– wara li kkunsidra l-istrateġija "Widening Participation for Equity and Growth: A Strategy for the Development of the Social Dimension and Lifelong Learning in the European Higher Education Area to 2020" (Inwessgħu l-parteċipazzjoni għall-ekwità u t-tkabbir: strateġija għall-iżvilupp tad-dimensjoni soċjali u t-tagħlim tul il-ħajja fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja sal-2020), li tkopri l-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fil-QEK,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-UNESCO tal-2015 dwar ir-rikonoxximent, il-validazzjoni u l-akkreditament tat-tagħlim mhux formali u informali fl-Istati Membri tal-UNESCO,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali(10), kif emendata mid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013(11),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (O-000038/2017 – B8-0218/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi rikonoxximent, komprensjoni u evalwazzjoni xierqa tal-ħiliet jestendu lil hinn mill-oqsma ta' dak li qed jitfittex mis-suq tax-xogħol; billi l-ħiliet li huma disponibbli kif ukoll dawk li hemm domanda għalihom fis-suq tax-xogħol jibbenefikaw minn QEK li jista' jidentifika u jqabbel dawk il-ħiliet u b'hekk jinħolqu benefiċċji soċjali u ekonomiċi; billi huwa fundamentali li tingħata għajnuna lill-individwi sabiex dawn jiksbu u jaġġornaw il-kompetenzi u l-ħiliet tul ħajjithom kollha;
B. billi komparabbiltà akbar tal-kwalifiki żżid il-possibbiltà ta' impjieg u ta' tkabbir professjonali għall-ħaddiema migranti kollha;
C. billi jenħtieġ li l-attenzjoni tkun iffukata fuq il-ħiliet fl-ITC u li jiddaħħlu miżuri strutturali ħalli l-persuni jingħataw l-għajnuna biex jiksbu u jivvalidaw dawn il-ħiliet;
D. billi, meta jitqiesu l-isfidi ġodda li tippreżenta s-soċjetà u t-tibdil teknoloġiku u demografiku, il-QEK, permezz tal-proċess tal-iżvilupp ulterjuri tiegħu, jista' jgħin fit-tagħlim tul il-ħajja kemm f'termini ta' appoġġ għal opportunitajiet indaqs u ġustizzja edukattiva kif ukoll f'termini ta' titjib tal-permeabbiltà bejn is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ; billi jenħtieġ li l-edukazzjoni u t-taħriġ jgħinu lin-nies jadattaw ruħhom għal kwalunkwe ċirkustanza li jistgħu jiltaqgħu magħha billi jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u jedukawhom b'mod olistiku sabiex isiru aktar kritiċi, kunfidenti u indipendenti, kif ukoll sabiex jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa għas-seklu 21;
E. billi l-iżvilupp kontinwu tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi – magħruf ukoll bħala tagħlim tul il-ħajja – jista' jikkontribwixxi biex jitjiebu l-għażliet individwali tal-persuni fir-rigward tax-xogħol u l-ħajja, jgħinhom jiżviluppaw fuq livell personali u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, u b'hekk jinħolqu benefiċċji għas-soċjetà, kif ukoll jitjiebu l-possibbiltajiet tal-persuni li jsibu xogħol u jżommu l-karriera tagħhom;
F. billi waħda mill-miri tal-QEK hija li jiffaċilita t-tqabbil bejn is-sistemi edukattivi u b'hekk jagħti spinta għal bidla u riformi fil-livelli nazzjonali u settorjali, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-qafas ET 2020;
G. billi minħabba n-nuqqas ta' ambizzjoni min-naħa tal-Istati Membri, u minkejja l-impenn li ntwera s'issa, għad baqa' nuqqas ta' trasparenza fil-kwalifiki u rata baxxa ta' rikonoxximent ta' kwalifiki barranin; billi l-QEK hemm bżonn isirulu aġġustamenti sabiex il-kwalifiki jsiru aktar u aktar trasparenti u komparabbli;
H. billi jenħtieġ li l-QEK jipprovdi metaqafas għall-utenti u jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, it-trejdjunjins, is-soċjetà ċivili, u partijiet ikkonċernati oħra fil-livell internazzjonali;
I. billi n-Netherlands u l-Iżvezja biss għandhom proċeduri speċifiċi fl-oqsfa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom għall-inklużjoni ta' kwalifiki mhux formali; billi l-ebda Stat Membru m'għandu proċeduri speċifiċi għat-tagħlim informali fil-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK) tiegħu;
J. billi jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw malajr, u mhux aktar tard mill-2018, arranġamenti konformi mal-QEK għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, inklużi l-ħiliet miksuba waqt attivitajiet ta' volontarjat;
K. billi fil-Komunikat Ministerjali ta' Yerevan tal-2015, l-Istati Membri ntrabtu speċifikament li jwettqu rieżami tal-leġiżlazzjoni nazzjonali bil-ħsieb li jkunu konformi bis-sħiħ mal-Konvenzjoni ta' Lisbona dwar ir-Rikonoxximent u li jirrevedu l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, bil-ħsieb li jiġi żgurat li t-toroq tat-tagħlim f'qafas partikolari jipprevedu b'mod adegwat ir-rikonoxximent ta' kompetenzi miksuba qabel;
L. billi hija r-responsabbiltà u l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-kwalità tal-kontenut tat-tagħlim u li jorganizzaw is-sistemi edukattivi; billi l-QEK ma jaffettwax din ir-responsabbiltà;
M. billi bħalissa jeżistu differenzi fir-rikonoxximent taċ-ċertifikati bejn ir-reġjuni, partikolarment ir-reġjuni transfruntiera, u dan qed iwassal għal differenzi fl-impjegabbiltà;
N. billi l-libreriji, kemm pubbliċi kif ukoll privati, jagħtu kontribut sinifikanti għat-tagħlim tul il-ħajja u għat-titjib fil-litteriżmu u fil-ħiliet diġitali;
O. billi bħalissa fil-QEK jieħdu sehem total ta' 39 pajjiż, fosthom: l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi taż-ŻEE, il-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi kandidati potenzjali (il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo) u l-Iżvizzera;
1. Jirrikonoxxi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tirrevedi l-QEK u li tkompli tappoġġja l-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ Ewropej, filwaqt li xorta waħda tirrispetta l-kompetenzi nazzjonali u tiżgura li jitħarsu l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi edukattivi tal-Istati Membri;
2. Jirrimarka li l-promozzjoni tal-ħsieb kritiku u tal-ħsieb kreattiv hija kruċjali għall-iżvilupp ta' ħiliet ġodda li se jkunu meħtieġa fil-futur;
3. Jirrakkomanda li jitħares is-sett rikk ta' ħiliet mhux biss tekniċi, iżda anke manwali, li ntirtu minn ġenerazzjoni għal oħra u li ppermettew l-iżvilupp u t-tkabbir ta' setturi tal-produzzjoni artiġjanali u li għandhom jiġu preservati bħala mod kif titħares l-identità individwali ta' kull Stat Membru;
4. Jinnota li wieħed mir-rwoli tal-QEK hu li jżid il-komparabbiltà tal-kwalifiki miksuba fl-Istati Membri filwaqt li jħares il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistemi edukattivi nazzjonali;
5. Jirrimarka li l-Unjoni għandha tippermetti lil kulħadd, irrispettivament mill-età jew mill-istatus, ikollu l-ħiliet u l-kompetenzi, inklużi dawk miksuba permezz tal-volontarjat, aktar viżibbli, apprezzati u rikonoxxuti b'mod ċar u aċċessibbli, partikolarment fiż-żoni transfruntiera, irrispettivament minn fejn jew kif ikunu nkisbu; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jagħmlu sforzi akbar biex ikun hemm rikonoxximent aktar mgħaġġel u aktar effikaċi tal-kwalifiki kif ukoll referenzjar tal-livell korrispondenti tal-QEK;
6. Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi enfasizzata l-implimentazzjoni tal-QEK sabiex tingħata spinta lill-kwalità u l-potenzjal ta' dan il-qafas;
7. Jirrakkomanda aktar flessibbiltà fir-rigward tal-aġġornament tar-referenzjar tal-qafas nazzjonali mal-QEK;
8. Ifakkar li wieħed mill-kompiti ewlenin tal-QEK hu li jiffaċilita u jippromwovi t-trasferiment tal-kwalifiki u l-validazzjoni tat-taħriġ u l-edukazzjoni formali u informali bejn is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ differenti, sabiex tkun faċilitata l-mobbiltà professjonali u edukattiva transnazzjonali u sabiex jiġi indirizzat l-ispariġġ fis-suq tax-xogħol Ewropew u jintlaħqu aħjar il-ħtiġijiet personali taċ-ċittadini u tas-soċjetà b'mod ġenerali;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra jekk it-tliet oqsma orizzontali (l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi) għandhomx jiġu riveduti ulterjorment biex jinftiehmu aħjar u jkunu aktar ċari; jitlob li l-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin tal-2006 jintuża bħala riżorsa prezzjuża u bħala d-dokument ta' referenza prinċipali sabiex ikun hemm aktar koerenza fit-terminoloġija bejn l-oqfsa differenti tal-UE u, fl-aħħar mill-aħħar, approċċ ġenwin għall-eżiti tat-tagħlim;
10. Jirrimarka l-importanza li jiġu analizzati u żviluppati għodod għat-tbassir tal-ħtiġijiet futuri fejn jidħlu ħiliet; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, bħal min iħaddem, jikkondividu l-prattika tajba f'dan ir-rigward;
11. Jenfasizza l-importanza tal-iskemi ta' taħriġ u l-apprendistati fl-iffurmar tal-ħiliet; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn li fl-Istati Membri tingħata promozzjoni lil sistemi ta' edukazzjoni fuq żewġ binarji li jikkombinaw l-apprendistati fil-kumpaniji mal-edukazzjoni fl-istituti vokazzjonali; ifakkar li min iħaddem u l-imprendituri għandhom rwol kruċjali fit-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u fl-offerta ta' apprendistati, u hu tal-fehma li r-rwol tagħhom għandu jiġi appoġġjat u żviluppat aktar;
12. Jirrakkomanda li l-QEK jkun marbut biżżejjed mal-ħtiġijiet tas-soċjetà, inkluża d-domanda tas-suq tax-xogħol, sabiex itejjeb il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u jgħin lill-individwi jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom, għat-twettiq tal-objettivi ta' Ewropa 2020;
13. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-possibbiltajiet offruti mill-QEK sabiex tiġi stimulata u ffaċilitata l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema fl-UE u b'hekk jiġi promoss it-tagħlim tul il-ħajja u jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' ħaddiema mobbli u flessibbli fl-Ewropa kollha fi żmienijiet ta' sfidi ekonomiċi u globalizzazzjoni tas-suq;
14. Jenfasizza l-fatt li għadd ta' Stati Membri għadhom fl-istadji bikrija tal-implimentazzjoni tal-QNK individwali tagħhom abbażi tat-tmien livelli tal-QEK; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li dan il-proċess jiġi implimentat ulterjorment;
15. Jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tal-ESCO, li tidentifika u tikkategorizza, b'25 lingwa, il-ħiliet, il-kompetenzi, il-kwalifiki u l-impjiegi rilevanti għas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE;
16. Jitlob appoġġ b'saħħtu u promozzjoni tal-prinċipji Ewropej komuni li jipprovdu u jivvalidaw u jirrikonoxxu malajr il-proċessi ta' tagħlim mhux formali u informali, peress li dan huwa partikolarment importanti għall-inklużjoni ta' studenti "atipiċi"; jirrimarka, f'dan il-kuntest, l-għadd dejjem akbar ta' sessjonijiet ta' taħriġ ibbażati fuq l-industrija li għandhom jiġu inklużi fil-proċess ta' validazzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari liċ-ċertifikazzjoni tal-anzjani, il-persuni b'diżabilità, in-nies li ilhom qiegħda, il-ħaddiema akbar fl-età u gruppi oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa jekk il-krediti ECVET jistgħux jintużaw biex jiġi vvalidat u rikonoxxut it-tagħlim informali u mhux formali; jemmen li mhu se jkun hemm ebda żvalutazzjoni tal-kompetenzi miksuba b'mod formali;
17. Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar bejn il-QEK u għodod oħra eżistenti ta' rikonoxximent u trasparenza, bħall-ECVET, l-ECTS u l-Europass, bl-appoġġ ta' sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità, sabiex jinħolqu sinerġiji u tiżdied l-effiċjenza tal-għodod ta' trasparenza;
18. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiżviluppa għodda ta' awtoevalwazzjoni għal min iħaddem biex ikun żgurat użu aktar effiċjenti tal-QEK; iħeġġeġ lil min iħaddem jaħseb b'mod kritiku dwar il-livelli ta' ħiliet u kwalifiki meħtieġa għall-impjieg;
19. Jenfasizza r-riskji potenzjali involuti fid-definizzjoni tal-eżiti tat-tagħlim fil-QEK f'termini ta' impatt fuq il-kurrikuli; jenfasizza l-importanza tad-diversità tas-sistemi edukattivi fl-UE u fil-pajjiżi parteċipanti;
20. Jistieden lill-Istati Membri li fadal jorbtu malajr l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom mal-QEK; iħeġġeġ pass aktar mgħaġġel sabiex jitneħħew l-ostakli kollha li għad fadal għar-rikonoxximent;
21. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa mill-ġdid l-ispejjeż tat-titjib tal-QEK, peress li bħalissa mhuma previsti l-ebda spejjeż addizzjonali; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-ammont ta' xogħol involut fir-reviżjoni tal-QEF huwa sottovalutat;
22. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw strateġiji ta' dimensjoni soċjali għas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ tagħhom sabiex isaħħu l-appoġġ għall-opportunitajiet indaqs, itejbu l-ġustizzja edukattiva, jikkombattu l-inugwaljanza u jiżguraw permeabbiltà aħjar bejn is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri f'dan ir-rigward;
23. Jistieden lill-Kummissjoni terġa' taħsibha dwar il-promozzjoni tagħha fir-rigward tal-finanzjament ibbażat fuq ir-rendiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u fl-edukazzjoni għolja kif ukoll tal-miżati għat-tagħlim fil-qafas tal-aġenda tal-modernizzazzjoni, sabiex tħares ir-rwol soċjali tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ u tiżgura l-aċċess għall-kwalifiki;
24. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara r-rwoli rispettivi li mistennija jkollhom l-ECVET u l-ECTS, sabiex tiżgura trasparenza akbar tar-reviżjoni għall-partijiet ikkonċernati;
25. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lill-impenn li jinkludu l-metodi ta' tagħlim informali u mhux formali, li bħalissa huma esklużi mill-maġġoranza tal-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, u sussegwentement mill-QEK, speċjalment it-tagħlim informali, li fil-preżent huwa eskluż għalkollox;
26. Jenfasizza l-ħtieġa ta' fehim aħjar f'dak li għandux x'jaqsam mal-kwalifiki miksuba barra l-UE sabiex dawn ikun jistgħu jiġu vvalidati u rikonoxxuti u b'hekk titrawwem l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati fis-soċjetà Ewropea, fis-suq tax-xogħol, u fis-sistemi edukattivi u tat-taħriġ tal-UE; jilqa', f'dan il-kuntest, ir-rakkomandazzjoni li twitti t-triq għal relazzjonijiet bejn l-oqfsa reġjonali u nazzjonali tal-kwalifiki ta' pajjiżi terzi, l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tal-Istati Membri u l-QEK, b'mod partikolari l-għażla ta' djalogi strutturati mal-pajjiżi ġirien tal-UE li għandhom ftehim ta' assoċjazzjoni mal-UE, li possibbilment iservu biex isaħħu l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom mal-QEK u mal-UE u jżidu l-appoġġ (pereżempju permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp) lil pajjiżi terzi biex jiżviluppaw l-oqsfa nazzjonali tal-kwalifiki;
27. Jirrikonoxxi li huwa fl-interess tal-pajjiżi terzi li jużaw il-QEK bħala punt ta' referenza għas-sistemi tal-kwalifiki tagħhom u li l-QEK jiġi revedut sabiex jiġi ssimplifikat it-tqabbil formali tal-kwalifiki miksuba f'pajjiżi terzi ma' dawk miksuba fl-UE;
28. Jinsisti li partijiet ikkonċernati rilevanti bħas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti aktar u jikkooperaw mill-qrib fil-ħolqien, l-implimentazzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-QEK fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali sabiex jiġi żgurat l-appoġġ usa' tiegħu;
29. Jemmen li strument bħall-QEK jeħtieġ aġġornament u aġġustament kostanti, u għalhekk għandu jiġi appoġġjat u mtejjeb b'monitoraġġ regolari, b'mod partikolari fir-rigward tal-faċilità tal-użu, il-permeabbiltà u t-trasparenza tiegħu; jenfasizza li l-QEK jkun suċċess biss jekk l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom verament li jimplimentawh u jużawh;
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.