Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 18 ta' Mejju 2017 - Strasburgu
Iż-Żambja, b'mod partikolari l-każ ta' Hakainde Hichilema
 L-Etjopja, b'mod partikolari l-każ ta' Dr Merera Gudina
 Is-Sudan t'Isfel
 Ftehim bejn l-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021 ***
 It-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni tal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE
 Perspettivi futuri għall-Assistenza Teknika fil-Politika ta' Koeżjoni
 Il-portabilità transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern ***I
 L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Korea
 Il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani
 L-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja
 It-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea
 Il-kamp tar-rifuġjati ta’ Dadaab
 Kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem
 L-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja

Iż-Żambja, b'mod partikolari l-każ ta' Hakainde Hichilema
PDF 261kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar iż-Żambja, b'mod partikolari l-każ ta' Hakainde Hichilema (2017/2681(RSP))
P8_TA(2017)0218RC-B8-0361/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żambja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' April 2017 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar it-tensjoni politika fiż-Żambja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-elezzjonijiet tal-2016 fiż-Żambja,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni taż-Żambja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ż-Żambja ilu għal żmien twil eżempju tad-demokrazija, b'rekord ta' 25 sena ta' tranżizzjonijiet paċifiċi; billi sfortunatament it-tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2016 kienet imtabba' minn ġlied vjolenti bejn il-partitarji taż-żewġ partijiet ewlenin, il-Front Patrijottiku u l-Partit Magħqud għall-Iżvilupp Nazzjonali (UPND, il-partit fl-oppożizzjoni);

B.  billi fil-11 ta' Mejju 2017 għalaq xagħar fil-ħabs il-mexxej tal-UPND Hakainde Hichilema, li ġie arrestat flimkien ma' ħamsa mill-impjegati tiegħu minn uffiċjali tal-pulizija armati sew f'rejd fuq id-dar tiegħu fil-11 ta' April;

C.  billi Hichilema ġie akkużat li pperikola l-ħajja tal-President billi allegatament ostakola l-vetturi presidenzjali f'Mongu fid-9 ta' April 2017, u immedjatament ġie akkużat bi tradiment, reat li ma jistax jinħafer fiż-Żambja, kif ukoll li ma osservax id-dmir statutorju, ma obdiex l-ordnijiet legali u uża lingwaġġ offensiv; billi huwa ċaħad dawn l-allegazzjonijiet kollha;

D.  billi, minkejja l-fatt li ż-Żambja huwa pajjiż li abolixxa de facto l-piena tal-mewt, fejn l-aħħar darba li saret eżekuzzjoni kienet fl-1997, is-sentenza massima għat-tradiment għadha l-piena tal-mewt;

E.  billi l-avukati ta' Hichilema sostnew li l-każ huwa bla bażi u talbu li l-Qorti tal-Maġistrati ta' Lusaka twaqqa' l-akkużi; billi l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet l-akkużi bir-raġunament li l-Qorti Għolja biss kienet kompetenti f'każijiet ta' tradiment;

F.  billi Hichilema attwalment jinsab miżmum fil-Faċilità Korrettiva Ċentrali f'Lusaka, fejn l-aċċess għall-mezzi tax-xandir privati, l-avukati, il-partitarji u l-ħbieb huwa limitat; billi l-atti ta' trattament degradanti f'detenzjoni ġew irrappurtati minn Hichilema u l-avukati tiegħu;

G.  billi l-UPND qies li l-akkużi huma politikament motivati u billi l-arrest ta' Hichilema wassal għal mewġa ta' protesti, ġlied vjolenti u żieda fit-tensjoni politika fil-pajjiż;

H.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem appellaw lill-awtoritajiet taż-Żambja biex iwaqqgħu l-akkużi, billi sostnew li kienu maħsuba biex jagħtu fastidju u jintimidaw lil Hichilema u biex iżommuh milli jwettaq il-ħidma politika tiegħu; billi l-President Lungu ddikjara, fl-14 ta' April 2017 li ma kienx se jinterferixxi fil-każ ta' Hichilema;

I.  billi l-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi taż-Żambja kkritikat l-arrest brutali tal-mexxejja tal-oppożizzjoni ewlenin tal-pajjiż u kkundannaw l-użu tal-pulizija nazzjonali biex apparentement jipprevjenu l-organizzazzjoni u l-funzjonament ġenerali tal-oppożizzjoni politika;

J.  billi wara l-elezzjoni presidenzjali f'Awwissu 2016, fejn Hichilema kien tilef b'marġni żgħir kontra l-President Lungu, l-UPND kkontesta l-leġittimità tar-riżultati tal-elezzjoni u l-indipendenza tal-ġudikatura, iżda l-ilment ġie miċħud mingħajr ma nstema' fil-qorti;

K.  billi fit-18 ta' April 2017 Hichilema ġie akkużat bi tradiment għal darb'oħra, flimkien ma' ħames membri tal-UPND, talli allegatament ippruvaw iwaqqgħu l-gvern bejn il-5 u t-8 ta' April;

L.  billi fit-13 ta' Novembru 2016 il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE ressqet ir-rapport finali tagħha, fejn ġie ddikjarat li l-elezzjonijiet ġenerali tal-2016 kienu ppreparati b'mod li fil-biċċa l-kbira kien professjonali iżda li dawn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin għamlu dikjarazzjonijiet li żiedu t-tensjoni matul il-kampanja, u dan wassal għal bosta inċidenti serji ta' vjolenza;

M.  billi kemm l-UE kif ukoll l-Istati Uniti esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-inkarċerazzjoni tal-kap tal-oppożizzjoni u talbu li jkun hemm djalogu paċifiku bejn il-gvern u l-UPND biex tittaffa t-tensjoni li żdiedet bejn iż-żewġ partiti;

N.  billi fl-20 ta' April 2017 il-President taż-Żambja hedded li jimponi stat ta' emerġenza wara sensiela ta' attakki ta' ħruq fuq ħwienet u għases tal-pulizija attribwiti lill-UPND; billi dan jista' jaggrava t-tensjoni attwali u jenħtieġ li tingħata preferenza lil soluzzjoni politika;

O.  billi l-każ ta' Hichilema qed iseħħ f'kuntest fejn it-tensjoni politika żdiedet wara l-elezzjonijiet kkontestati tas-sena li għaddiet; billi l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw atti ta' ripressjoni kontra attivisti politiċi u l-partiti tal-oppożizzjoni, l-użu eċċessiv tal-forza biex jisfrattaw dimostrazzjonijiet paċifiċi, u t-trażżin tal-mezzi tax-xandir u l-ġurnalisti indipendenti;

P.  billi l-gvern esprima r-rieda tiegħu li jipparteċipa fi djalogu soġġett għall-aċċettazzjoni tal-partiti kollha mill-oppożizzjoni tar-riżultat elettorali 2016;

Q.  billi ż-Żambja hija firmatarju tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 9 tiegħu jistipula li l-Partiti jimpenjaw ruħhom li jippromwovu u jipproteġu l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem kollha, inklużi d-drittijiet politiċi;

R.  billi fis-27 ta' Marzu 2017 il-Gvern taż-Żambja beda konsultazzjonijiet pubbliċi dwar is-sħubija tal-pajjiż fil-Qorti Kriminali Internazzjonali;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-arrest u l-inkarċerazzjoni ta' Hakainde Hichilema u jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-ġustizzja, id-diliġenza u t-trasparenza fil-ħinijiet kollha fl-applikazzjoni tal-liġi u matul il-proċess tal-ġustizzja; jinnota bi tħassib rapporti ta' motivazzjoni politika fir-rigward tal-akkużi, u għalhekk ifakkar lill-Gvern taż-Żambja dwar l-obbligu tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, kif previst fil-Karta Afrikana u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti li dejjem qed jiżdiedu dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tal-espressjoni u l-assoċjazzjoni; jistieden lill-gvern biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex tiġi restawrata l-libertà sħiħa tal-mezzi tax-xandir; jinsisti fuq ir-responsabbiltà tal-gvern li jevita li t-tensjoni politika attwali tkompli taggrava u li jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tiegħu;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet taż-Żambja biex iwettqu investigazzjoni fil-pront, imparzjali u bir-reqqa dwar l-allegat trattament ħażin ta' Hichilema matul id-detenzjoni tiegħu u biex dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom;

4.  Iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati politiċi rilevanti kollha biex jagħmlu użu minn rimedji kostituzzjonali u legali, f'konformità ma' normi u standards internazzjonali, għas-soluzzjoni ta' kwalunkwe tilwima jew differenza relatati mar-riżultati tal-elezzjoni, u biex jagħmlu l-almu tagħhom ħalli jissalvagwardjaw il-paċi u s-sigurtà tas-soċjetà ċivili;

5.  Jistieden lill-UE tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni ġenerali fiż-Żambja u biex tuża l-mezzi politiċi disponibbli, fosthom permezz ta' djalogu fl-ogħla livell, sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet tal-istat tad-dritt u d-demokrazija, ta' spazju politiku miftuħ, ta' istituzzjonijiet ħielsa u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jiġu miżmuma;

6.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvern taż-Żambja biex jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-elezzjonijiet tal-2016, b'referenza partikolari għall-bżonn li jitneħħew il-limitazzjonijiet restrittivi fuq il-libertà ta' għaqda fl-Att tal-Ordni Pubbliku, biex jiġu ggarantiti l-libertà u l-indipendenza tal-mezzi tax-xandir, u biex jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jipprevjeni l-vjolenza politika;

7.  Jinsisti fuq il-ħtieġa urġenti għal djalogu paċifiku u kostruttiv bejn il-Front Patrijottiku u l-UPND sabiex jerġa' jkun hemm fiduċja u stabbiltà politika; jiġbed l-attenzjoni għar-responsabbiltà taż-żewġ partiti biex itemmu l-inċitament u l-provokazzjoni tal-vjolenza u biex joħolqu ambjent li jwassal għal dibattitu demokratiku miftuħ; jilqa' l-involviment u r-rwol ta' medjazzjoni tas-sħab internazzjonali u reġjonali f'dan ir-rigward, kif ukoll l-appell tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għal djalogu biex tiġi indirizzata l-vjolenza politika;

8.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi taż-Żambja u ta' gruppi oħra tas-soċjetà ċivili fis-sejħa għal djalogu paċifiku bejn il-partiti opposti;

9.  Itenni l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt fi kwalunkwe każ u f'kull ċirkostanza; jilqa' l-fatt li ma saret l-ebda eżekuzzjoni fil-pajjiż mill-1997 'il quddiem; jistieden liż-Żambja jirratifika t-tieni Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi bil-għan li tiġi abolita l-piena tal-mewt;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u l-Parlament Pan-Afrikan, lill-Gvern taż-Żambja u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


L-Etjopja, b'mod partikolari l-każ ta' Dr Merera Gudina
PDF 277kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-Etjopja, b'mod partikolari l-każ ta' Dr Merera Gudina (2017/2682(RSP))
P8_TA(2017)0219RC-B8-0369/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja,

–  wara li kkunsidra l-aktar Eżami Perjodiku Universali reċenti dwar l-Etjopja, li sar qabel il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) b'segwitu għaż-żjara ta' Federica Mogherini, Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lill-Prim Ministru Etjopjan, Hailemariam Desalegn f'Addis Ababa fis-17 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tal-Etjopja, adottata fit-8 ta' Diċembru 1994, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet demokratiċi,

–  wara li kkunsidra r-rapport bil-fomm li sar mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Etjopja lill-Parlmanet tal-Etjopja, fit-18 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-10 ta' April 2017 minn Stavros Lambrinidis, Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar iż-żjara tiegħu fl-Etjopja biex iniedi l-Impenn Strateġiku dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Etjopja rratifikat fl-1993,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-SEAE dwar il-ġlied reċenti fl-Etjopja, tat-23 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Ottubru 2016 mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli u Viċi President, dwar it-tħabbir tal-istat ta' emerġenza mill-Etjopja,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità UE-Etjopja, iffirmata fil-11 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2015 mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti dwar il-ġlied f'Oromia, l-Etjopja,

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku bejn l-UE u l-Etjopja,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra ż-żjara fl-Etjopja ta' Zeid Ra'ad, il-Kummissarju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ntemmet fl-4 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Etjopja twettaq rwol ewlieni fir-reġjun u tgawdi minn appoġġ politiku mid-donaturi tal-Punent u minn ħafna mill-ġirien reġjonali, minħabba r-rwol tagħha bħala l-pajjiż ospitanti tal-Unjoni Afrikana (UA) u l-kontribut tagħha għal attivitajiet ta' żamma ta' paċi tan-NU, is-sħubijiet ta' sigurtà u ta' għajnuna mal-pajjiżi tal-Punent bħala sostenitriċi ta' sforzi internazzjonali biex tinġieb l-istabbiltà fis-Somalja u biex jiġu miġġielda l-gruppi terroristiċi fir-reġjun; billi l-Etjopja hi nvoluta ħafna fir-relazzjonijiet bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel u ilha torganizza taħdidiet ta' paċi taħt il-kappa tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD);

B.  billi, b'popolazzjoni ta' 100 miljun, l-Etjopja hi meqjusa bħala waħda mill-ekonomiji li qed jikbru malajr fl-Afrika, billi tattira investimenti barranin sinifikanti, inkluż fl-agrikoltura, il-kostruzzjoni u l-manifattura, il-proġetti ta' żvilupp fuq skala kbira, bħal bini ta' digi idroelettriċi u pjantaġġuni, u twellija mifruxa ta' artijiet, spiss lil kumpaniji barranin, u li esperjenzat rata medja ta' tkabbir ta' 10 % tul l-aħħar għaxar snin; billi, madankollu, għadha waħda mill-ifqar ekonomiji, bi DNG per capita ta' USD 632; billi ġiet ikklassifikata fil-173 post minn 187 pajjiż fl-Indiċi tal-Iżvilupp Uman għall-2014;

C.  billi l-kriżi umanitarja attwali fil-Qarn tal-Afrika li laqtet ir-reġjun ta' Ogaden u żoni oħra tal-Etjopja, ġabet magħha tfaqqigħ tal-kolera u nuqqas ta' ikel, li diġà kkawżaw l-imwiet ta' bosta persuni u poġġew lil eluf oħrajn f'riskju, partikolarment sa mill-bidu ta' Marzu 2017; billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) nieda l-akbar appell tiegħu għal USD 96,4 miljun bħala assistenza għal 1,19-il miljun reifuġjat u ex refuġjati fis-Sudan, is-Somalja, l-Etjopja u r-Repubblika Ċentru-Afrikana; billi f'Jannar 2017, l-Etjopja ddikjarat emerġenza minħabba n-nixfa fil-provinċji tal-Lvant tagħha li ħalliet lil 5,6 miljun persuna fi bżonn urġenti ta' assistenza, u qed tappella għal għajnuna mill-komunità internazzjonali; billi fl-2016, in-nixfa ħalliet lil 10 miljun persuna bil-ġuħ u kkawżat il-mewt ta' eluf ta' annimali għat-trobbija;

D.  billi l-Ftehim dwar l-Impenn Strateġiku UE-Etjopja kien iffirmat fl-14 ta' Ġunju 2016; billi jirrikonoxxi r-rwol kruċjali mwettaq mill-Etjopja fl-Afrika u fil-komunità internazzjonali, kif ukoll it-tkabbir ekonomiku sinifikanti tagħha u l-progress imwettaq lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju; billi l-UE tappoġġa r-rwol kostruttiv tal-Etjopja għall-paċi u s-sigurtà fil-Qarn tal-Afrika;

E.  billi l-Etjopja qed tħabbat wiċċha ma' influssi permanenti u ħruġ ta' migranti u hi pajjiż ospitanti għal madwar 800 000 refuġjat, l-iktar mis-Sudan t'Isfel u l-Eritrea iżda ukoll mis-Somalja; billi fil-11 ta' Novembru 2015, l-UE u l-Etjopja ffirmaw Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni u l-Mobilità (CAMM) biex isaħħu l-kooperazzjoni u d-djalogu bejn iż-żewġ partijiet fil-qasam tal-migrazzjoni;

F.  billi l-Etjopja hija firmatarja tal-Ftehim ta' Cotonou, li l-Artikolu 96 tiegħu jistipula li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huwa element essenzjali tal-koperazzjoni AKP-UE,

G.  billi l-awtoritajiet tal-Etjopja għamlu użu ripetut ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti paċifiċi, kif ukoll wettqu abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem fil-konfront ta' membri tal-komunità Oromo u ta' gruppi etniċi oħrajn, inklużi atti ta' persekuzzjoni, arresti arbitrarji u qtil, minħabba l-perċezzjoni li dawn jopponu l-gvern; billi l-gvern tal-Etjopja regolarment jakkuża lil dawk li jikkritikaw il-politika tal-gvern b'assoċjazzjoni mat-terroriżmu; billi l-ġurnalisti, il-bloggers, id-dimostranti u l-attivisti ġew imressqa l-qorti skont il-Proklamazzjoni Kontra t-Terroriżmu ħarxa tal-pajjiż, tal-2009;

H.  billi f'nofs April 2014 is-sitwazzjoni marret għall-agħar, meta l-gvern ħabbar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Żvilupp Reġjonali Integrat ta' Addis Ababa, li kien qiegħed jipproponi l-espansjoni tal-faċilitajiet lejn żoni 'l barra mill-belt u ta' appartenenza għall-Istat Reġjonali Nazzjonali ta' Oromia, li hu l-akbar reġjun tal-Etijopja li jiċċirkonda lill-Addis Ababa;

I.  billi fl-14 ta' Jannar 2016, il-gvern iddeċieda li jħassar il-pjan ta' żvilupp urban kontroversjali fuq skala kbira; billi t-tkabbir ta' Addis Ababa diġà sposta lil bosta bdiewa Oromo u ħallihom f'qagħda ta' faqar;

J.  billi fl-2015 u fl-2016, kien hemm protesti tal-massa f'Oromia, dwar l-estensjoni tal-fruntiera muniċipali fl-artijiet tal-bdiewa Oromo, li huma d-dar ta' żewġ miljun persuna, dan għaliex l-esproprjazzjonijiet kienu meqjusa bħala ħtif tal-art; billi l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Etjopja, li għandha l-mandat li tinvestiga dawn il-protesti, fid-19 ta' April 2017 irrapportat li bejn Ġunju u Ottubru 2016, inqatlu 462 persuna ċivili u 33 persuna membru tal-forzi ta' sigurtà, u indarbu 338 persuna ċivili u 126 membru tal-forzi ta' sigurtà;

K.  billi fid-9 ta' Ottubru 2016 il-Prim Ministru Etjopjan Hailemariam Desalegn iddikkjara stat ta' emerġenza, previst fil-Kostituzzjoni tal-Etjopja; billi l-istat ta' emerġenza jagħti awtorizzazzjoni lill-militar biex jinforza s-sigurtà nazzjonali u jimponi restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-libertà tal-espressjoni u l-aċċess għall-informazzjoni; billi fil-15 ta' Marzu 2017, il-gvern ħabbar li ħafna restrizzjonijiet marbuta mal-istat ta' emerġenza ġew imneħħija, u ddikjara li l-post ta' kmand ma kienx se jkun f'pożizzjoni li jarresta persuni b'mod arbitrarju jew iwettaq tfittxijiet ta' propjetà mingħajr mandati, u li l-kerfjus u xi restrizzjonijiet fuq ir-rappurtar tal-midja, kienu se jitneħħew; billi fid-29 ta' Marzu 2017, il-Parlament Etjopjan qabel b'mod unanimu li jtawwal l-istat ta' emerġenza b'erba' xhur;

L.  billi fit-30 ta' Novembru 2016, il-forzi tas-sigurtà Etjopjani arrestaw lil Dr Merera Gudina, il-President tal-Kungress Federalista Oromo, partit tal-oppożizzjoni Etjopjan, f'Addis Ababa, wara ż-żjara tiegħu fil-Parlament Ewropew fid-9 ta' Novembru 2016, fejn kien f'panel ma' mexxejja oħra tal-oppożizzjoni u allegatament kiser il-liġi li timplimenta l-istat ta' emerġenza billi "ħoloq pressjoni kontra l-gvern", "hedded is-soċjetà permezz tal-vjolenza" u pprova "jfixkel l-ordni kostituzzjonali"; billi t-talba tiegħu għall-ħelsien fuq pleġġ ġiet miċħuda u għadu qed jinżamm taħt kustodja sakemm jingħata l-verdett; billi fl-24 ta' Frar 2017, Dr Gudina u żewġ koimputati, Berhanu Nega u Jawar Mohammed ġew akkużati b'erba' akkużi separati ta' nonkonformità mal-kodiċi kriminali tal-Etjopja;

M.  billi attivisti, ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn, fosthom Getachew Shiferaw (Kap Editur ta' Negere Ethiopia), Fikadu Mirkana (tal-Organizzazzjoni ta’ radju u televiżjoni Oromia), Eskinder Nega (ġurnalist prominenti), Bekele Gerba (paċifist Oromo), u Andargachew Tsige (kap tal-oppożizzjoni) ukoll ġew arrestati jew qed jinżammu taħt kustodja; billi l-attivista online Yonathan Tesfaye instab ħati taħt il-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu għall-kummenti li għamel fuq Facebook, u jiffaċċja bejn 10 sa 20 sena ħabs;

N.  billi l-kardjologu Svediż-Etjopjan Dr Fikru Maru kien imexxi l-ewwel sptar tal-qalb tal-Etjopja f'Addis Ababa; billi ilu jinżamm il-ħabs fl-Etjopja mill-2013 fuq akkużi ferm dubjużi; billi, qatta' bosta snin il-ħabs mingħajr proċess; billi issa ġie akkużat b'akkużi addizzjonali ta' "terroriżmu" eżatt qabel it-tmiem tas-sentenza ta' priġunerija tiegħu;

O.  billi l-Etjopja reċentement ospitat uffiċjali ta' livell għoli tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis, fl-okkażjoni tat-tnedija tad-djalogu settorjali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza fl-ambitu tal-Impenn Strateġiku bejn l-UE u l-Etjopja; billi l-progress fit-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Etjopja kien wieħed kajman, inkluż fir-rigward tal-priġunerija ta' esponenti politiċi, l-użu kontinwu tal-liġi kontra t-terroriżmu/tal-liġi tal-OSĊ u l-estensjoni tal-istat ta' emerġenza;

P.  billi fil-5 ta' Mejju 2017, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, iddikjara li l-Proklamazzjoni dwar il-Karitajiet u s-Soċjetajiet u l-liġijiet tal-midja tal-massa u dawk kontra t-terroriżmu fl-Etjopja "ma jidhrux allinjati man-normi legali internazzjonali rilevanti, u jenħtieġ li jiġu riformati";

1.  Jistieden lill-Gvern Etjopjan jeħles immedjatament fuq pleġġ u jwaqqa' l-akkużi kollha kontra Dr Merera Gudina, Dr Fikru Maru u l-priġunieri politiċi l-oħra kollha u li jwaqqa’ l-każijiet kontra Berhanu Nega u Jawar Mohammed, li kienu akkużati in absentia u bħalissa huma fl-eżilju; jisħaq fuq il-fatt li sabiex kwalunkwe djalogu mal-oppożizzjoni jkun jista' jitqies kredibbli, mexxejja politiċi tal-oppożizzjoni, bħalma hu Dr Merera Gudina, għandhom jiġu rilaxxati; jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-UE timmobilizza lill-Istati Membri tal-UE sabiex b'mod urġenti jaħdmu fuq it-twaqqif ta' inkjesta internazzjonali mmexxija min-NU sabiex issir investigazzjoni indipendenti, trasparenti u kredibbli dwar il-qtil ta' dimostranti u ssir pressjoni fuq il-gvern Etjopjan biex jagħti l-kunsens tiegħu;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan biex ikompli jneħħi r-restrizzjonijiet u jtemm l-istat ta' emerġenza, filwaqt li jirrikonoxxi li dan qed jipprevjeni l-libertà ta' espressjoni u qed jillimita b'mod qawwi l-fehmiet diversi u leġittimi dwar is-soċjetà Etjopjana, li huma tant meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-Etjopja; jenfasizza li dan in-nuqqas ta' diskussjoni qed ipoġġi f'riskju l-istabbiltà tal-Etjopja;

3.  Jitlob lill-awtoritajiet Etjopjani biex ma jkomplux jużaw il-leġislazzjoni kontra t-terroriżmu (il-Proklamazzjoni Kontra t-Terroriżmu Nru 652/2009) biex irażżnu d-dissens jew il-protesti paċifiċi leġittimi; jistieden ukoll lill-Gvern Etjopjan jirrevedi l-liġi kontra t-terroriżmu tiegħu;

4.  Iqis li fl-Etjopja hemm bżonn ta' parteċipazzjoni demokratika iktar diversa mil-lat etniku u aċċess aktar ugwali għall-opportunitajiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali fost il-gruppi etniċi u reliġjużi differenti;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern Etjopjan jirrispetta bis-sħiħ il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-istampa kif previst fil-Kostituzzjoni tal-Etjopja u jeħles lill-ġurnalisti u lill-bloggers detenuti inġustament; jemmen bis-sħiħ li l-protesti paċifiċi huma parti minn proċess demokratiku, u jenħtieġ li jiġu evitati reazzjonijiet b'forza eċċessiva taħt kwalunkwe ċirkostanza; iħeġġeġ lill-gvern jimplimenta b'mod xieraq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-protesti vjolenti ta' dan l-aħħar, b'mod partikolari bil-ħsieb li l-membri tal-forzi tas-sigurtà varji responsabbli għall-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja, jiġu evitati attakki mmirati kontra nazzjonalitajiet speċifiċi u jitħares id-dritt taċ-ċittadini għall-ġustizzja;

6.  Ifakkar lill-Gvern Etjopjan fl-obbligi tiegħu li jiggarantixxi d-drittijiet fundamentali, inklużi l-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust, kif previst fil-Karta Afrikana u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou u speċifikament l-Artkoli 8 u 96 tiegħu;

7.  Jitlob lill-Gvern Etjopjan jagħti lill-NGOs u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem aċċess bla xkiel għall-partijiet kollha tal-pajjiż, partikolarment dawk iż-żoni fejn hemm il-kunflitti u l-protesti;

8.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-leġiżlazzjoni li tillimita b'mod qawwi d-dritt għal-libertà ta' espressjoni, tal-istampa, tal-informazzjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Ifakkar li l-Etjopja hi pajjiż importanti ta' destinazzjoni, tranżitu u oriġini għall-migranti, u li tospita l-akbar popolazzjoni ta' refuġjati fl-Afrika; jinnota l-adozzjoni ta' Aġenda Komuni dwar il-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Etjopja li tkopri l-kwistjonijiet tar-refuġjati, il-kontroll tal-fruntieri u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja mill-qrib il-proġetti kollha li nbdew reċentement fil-qafas tal-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika; ifakkar li l-Etjopja hi t-tieni pajjiż bl-ikbar popolazzjoni fl-Afrika u waħda mill-ekonomiji tagħha li qed tikber bl-aktar rata mgħaġġla, imma madankollu, għadha waħda mill-ifqar; ifakkar li b'5 328 km ta' fruntieri, l-Etjopja qed tħabbat wiċċha mal-fraġilità tal-ġirien tagħha u influssi permanenti ta' migranti, u fil-fatt tospita madwar 800 000 refuġjat;

10.  Jinnota r-rwol ewlieni tal-Etjopja fir-reġjun, u partikolarment l-appoġġ tagħha favur l-istabbilizzazzjoni tas-Somalja, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-proċess ta' paċi bejn is-Sudan u s-Sudan t'Isfel u dak fis-Sudan t'Isfel innifsu; jemmen li huwa essenzjali li l-Unjoni Ewropea tmexxi djalogu politiku ma' dan il-pajjiż ta' importanza ewlenija;

11.  Jesprimi tħassib kbir dwar in-nixfa attwali fl-Etjopja li wasslet għad-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż; jilqa' l-EUR 165 miljun addizzjonali f'assistenza lir-reġjun minħabba l-kriżi fis-Sudan t'Isfel u l-pajjiżi ġirien, kif ukoll minħabba n-nixfa fl-Etjopja, fis-Somalja u fil-Kenja;

12.  Ifaħħar lill-Etjopja għall-progress li għamlet fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-popolazzjoni tagħha li qed tikber bil-ħeffa, inklużi r-refuġjati mill-kunflitti fil-pajjiżi ġirien, u japprezza t-tmexxija li qed turi f'dan ir-reġjun u fl-Unjoni Afrikana;

13.  Huwa tal-fehma li kooperazzjoni futura tal-UE mal-Etjopja jenħtieġ li tikkonsidra l-kisba ta' progress sostantiv b'rabta ma' punti ta' riferiment tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Etjopja sabiex jipprevjenu d-diskriminazzjoni etnika u jieħdu passi biex jiżviluppaw djalogu paċifiku u kostruttiv bejn il-komunitajiet differenti;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana u lill-Parlament Pan-Afrikan, u lill-Gvern tal-Etjopja.


Is-Sudan t'Isfel
PDF 277kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar is-Sudan t'Isfel (2017/2683(RSP))
P8_TA(2017)0220RC-B8-0358/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Mejju 2017 maħruġa mit-Trojka (l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u n-Norveġja) u l-UE dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' April 2017 maħruġa mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tat-13 ta' April 2017 tal-Panel ta' Esperti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra l-komunikat tal-25 ta' Marzu 2017 tat-30 Summit straordinarju tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tal-34 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra, li saret mis-27 ta' Frar sal-24 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Marzu 2017 maħruġa mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew tal-1 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2327 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-16 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sudan t'Isfel tat-12 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport umanitarju tad-9 ta' Mejju 2017 tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-IGAD dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitt fis-Sudan t'Isfel (ARCSS) tas-17 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) Sudaniż tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-Sudan t'Isfel ilu involut fi gwerra ċivili għal aktar minn tliet snin, li faqqgħet wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż u membru tal-grupp etniku Dinka, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-kariga, Riek Machar, ta' etniċità Nuer, li kien ippjana kolp ta' stat kontrih; billi Riek Machar ċaħad li għamel attentat ta' kolp ta' stat;

B.  billi, minkejja l-iffirmar tal-ARCSS f'Awwissu 2015, għad hemm nuqqas totali ta' kunsiderazzjoni għad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u għad-dritt umanitarju u nuqqas ta' obbligu ta' rendikont għal ksur u abbużi li jitwettqu waqt il-kunflitti;

C.  billi l-pajjiż qed jiffaċċja karestija u kollass ekonomiku minħabba l-gwerra ċivili, fejn aktar minn 3,6 miljun ruħ kienu mġiegħla jaħarbu minn darhom u madwar 4,9 miljun ruħ qed jgħixu f'insikurezza tal-ikel; billi l-ħtiġijiet umanitarji komplew jiżdiedu għal livelli allarmanti, fejn huwa stmat li madwar 7,5 miljun ruħ jinsabu fi bżonn ta' għajnuna umanitarja u aktar minn miljun ruħ bħalissa qed jirċievu kenn f'binjiet tan-NU; billi l-aġenziji tan-NU saħħew l-appell tagħhom għall-għajnuna umanitarja, billi qalu li għandhom bżonn ta' mill-inqas USD 1,4 biljun biex jgħinu ħalli jittaffew il-livelli "inkonċepibbli" ta' tbatija; billi 14 % biss ta' din is-sejħa ġew iffinanzjati s'issa;

D.  billi, bir-rati attwali, sa tmiem l-2017 nofs il-popolazzjoni tal-pajjiż se jkunu mietu jew ġew spostati; billi mhuwiex magħruf kemm nies ġew maqtula minħabba l-vjolenza;

E.  billi, skont l-aħħar rapport tal-panel ta' esperti tan-NU, il-Gvern tas-Sudan t'Isfel instab li huwa wieħed mill-akbar atturi li jwettqu l-vjolenza u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, filwaqt li l-karestija qed tiġi kkunsidrata bħala “magħmula mill-bniedem” u l-fatt li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel qed itajjar il-flus fuq l-armi qed jiġi meqjus bħala waħda mill-kawżi ewlenin;

F.  billi f'dawn l-aħħar ġimgħat offensivi kbar tal-gvern f'Yuai, Waat, Tonga u Kodok irriżultaw f'konsegwenzi umanitarji traġiċi, inkluż l-ispostament ta' bejn 50 000 u 100 000 individwu; billi dan qed iseħħ wara l-qtil ta' għadd kbir ta' persuni ċivili fit-8 ta' April 2017 fil-belt ta' Wau fil-Punent tal-pajjiż bħala att ta' kastig kollettiv fuq bażi ta' etniċità u ta' fehmiet politiċi; billi l-forzi tal-gvern qed ikomplu jimmiraw għal persuni ċivili, bi ksur tal-liġi dwar il-kunflitt armat, u mblukkaw lill-missjoni tan-NU milli tipproteġi lill-popolazzjoni ċivili;

G.  billi l-isptarijiet u l-kliniki ġew meqruda mill-gvern, att li jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; billi t-tagħmir mill-isptarijiet u mill-kliniki ġie misruq, fatt li wassal għall-għeluq ta' bini u biex in-nies ma setgħux jirċievu kura medika li ssalva l-ħajja;

H.  billi kważi waħda minn kull tliet skejjel fis-Sudan t'Isfel ġiet meqruda, iddanneġġjata, okkupata jew magħluqa, b'impatt fuq l-edukazzjoni ta' ġenerazzjoni sħiħa ta' tfal; billi aktar minn 600 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin huma stmati li huma nieqsa min-nutrizzjoni b'mod akut;

I.  billi madwar żewġ miljun tifel u tifla ħarbu mill-pajjiż, li jikkostitwixxu 62 % tar-rifuġjat li telqu mis-Sudan t'Isfel, fejn il-kunflitt ikkawżalhom trawma, stress u taqlib emozzjonali insopportabbli; billi huwa stmat li 17 000 tifel u tifla, l-aktar subien, ġew irreklutati jew użati bħala suldati minn forzi u gruppi armati fil-pajjiż; billi eluf ta' tfal inqatlu, ġew stuprati, sfaw spostati jew spiċċaw orfni;

J.  billi n-nisa u l-bniet jiġu sistematikament stuprati u maħtufa bħala arma tal-gwerra, fejn stħarriġ tan-NU sab li 70 % tan-nisa li jgħixu fil-kampijiet għall-persuni spostati internament f'Juba kienu ġew stuprati, fil-maġġoranza vasta tagħhom mill-pulizija jew mis-suldati;

K.  billi minħabba l-instabilità fil-pajjiżi ġirien, is-Sudan t'Isfel qed jospita wkoll madwar 270 000 rifuġjat mis-Sudan, mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), mill-Etjopja u mir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA);

L.  billi f'Ġunju 2016, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikkjarat tifqigħa tal-kolera, li diġà affettwat eluf u kien rappurtat li kompliet tinxtered f'dawn l-aħħar ġimgħat; billi bosta mwiet mill-kolera, il-malarja, il-ħosba, id-dijarea u mard respiratorju akut huma r-riżultat ta' faqar estrem u kundizzjonijiet ta' għajxien kundannabbli, u ħafna mwiet setgħu jiġu evitati sempliċement kieku dawk il-persuni kellhom aċċess għall-kura tas-saħħa;

M.  billi l-ARCSS jistipula li l-mandat tal-Gvern ta' Tranżizzjoni ta' Unità Nazzjonali (TGNU) jenħtieġ li jintemm wara l-elezzjonijiet ta' Awwissu 2018;

N.  billi, skont rapporti tan-NU u rapporti kredibbli oħra, sensara bbażati fi Stati Membri tal-UE kif ukoll bosta pajjiżi terzi ittrasferixxew ħelikopters u machine guns lill-fazzjonijiet armati fis-Sudan t'Isfel u pprovdew assistenza loġistika militari; billi n-natura mtawla tal-kunflitt ippermettiet il-ħolqien ta' gruppi armati ġodda u l-militarizzazzjoni tas-soċjetà;

O.  billi l-għadd ta' attakki kontra konvoys u persunal umanitarji huwa estremament inkwetanti; billi mill-inqas 79 ħaddiem li jagħtu l-għajnuna nqatlu minn Diċembru 2013 'l hawn; billi, reċentement, f'Marzu 2017, sitt ħaddiema li jagħtu l-għajnuna u s-sewwieqa tagħhom inqatlu f'dak li kien l-agħar attakk kontra l-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja s'issa;

P.  billi fil-21 ta' Frar 2017, il-Kummissjoni ħabbret pakkett ta' għajnuna ta' emerġenza b'valur ta' EUR 82 miljun wara li faqqgħet il-karestija; billi l-UE hija waħda mill-akbar donaturi lill-pajjiż, u tipprovdi aktar minn 40 % tal-finanzjament umanitarju kollu biex jappoġġa programmi biex jiġu salvati l-ħajjiet fl-2016 u madwar EUR 381 miljun f'għajnuna umanitarja mill-bidu tal-kunflitt fl-2013;

1.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu rigward il-kunflitt kontinwu fis-Sudan t'Isfel; jitlob li jintemmu minnufih l-operazzjonijiet militari kollha u għal darb' oħra jfakkar lill-President Salva Kiir, kif ukoll lill-eks Viċi President, Rick Machar, fl-obbligi tagħhom taħt l-ARCSS; jistieden lill-President Kiir jimplimenta minnufih l-impenn tiegħu għal waqfien mill-ġlied unilaterali kif mgħoddi lill-kapijiet ta' stat tal-IGAD fil-25 ta' Marzu 2017;

2.  Jitlob li jkun hemm waqfien immedjat u komplet mill-partijiet kollha għall-kunflitt armat tal-atti kollha ta' vjolenza sesswali kontra persuni ċivili, speċjalment kontra n-nisa u l-bniet; ifakkar li l-istupru bħala arma tal-gwerra jikkostitwixxi reat tal-gwerra punibbli taħt il-liġi internazzjonali; jistieden lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel joffri protezzjoni lill-gruppi vulnerabbli kollha, iressaq lill-atturi tar-reati quddiem il-ġustizzja u jtemm l-impunità fost il-pulizija u l-armata;

3.  Jikkundanna l-attakki kollha kontra l-persuni ċivili u l-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna umanitarja, billi jżid jgħid li l-attakki kontra dawn tal-aħħar ixekklu l-għajnuna u l-provvisti li jsalvaw il-ħajjiet; jenfasizza li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt u li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel irid jiżgura li jkun hemm waqfien mill-ġlied sinifikanti li juri impenn ġenwin lejn il-paċi u l-istabilità; jemmen li l-obbligu tal-paċi għandu jmur lil hinn minn sempliċi waqfien mill-ostilitajiet u għandu jinkludi l-irtirar tat-truppi, ix-xoljiment tal-milizzji etniċi, u l-permess mingħajr xkiel ta' għajnuna umanitarja u r-rilaxx tal-priġunieri politiċi;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż kollu, li qed tkompli tmur għall-agħar; jitlob, għalhekk, għal darb' oħra lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-għajnuna umanitarja sabiex itaffu l-karestija, u jagħmlu pressjoni fuq il-Gvern tas-Sudan t'Isfel biex jiżgura li r-rotot tal-provvista tal-għajnuna umanitarja jibqgħu miftuħa;

5.  Jiddeplora r-reklutaġġ tat-tfal fil-kunflitt armat min-naħat kollha fis-Sudan t'Isfel; jenfasizza li r-reklutaġġ tat-tfal mill-partijiet tal-kunflitt huwa delitt tal-gwerra, li għalih il-kmandanti għandhom jinżammu kriminalment responsabbli; iwissi li ġenerazzjoni sħiħa ta' żgħażagħ tinsab fil-periklu li tesperjenza trawma qawwija, taqlib emozzjonali sever u li ma tirċievi l-ebda edukazzjoni; jitlob li l-programmazzjoni umanitarja u ta' żvilupp tal-UE tgħin fil-provvediment tal-edukazzjoni bażika u r-rijabilitazzjoni fit-tul u l-għoti ta' pariri; jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' faċilitajiet edukattivi għal operazzjonijiet militari;

6.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) jużaw ir-riżorsi kollha disponibbli biex jinvolvu n-NU, l-Unjoni Afrikana (UA) u l-IGAD fil-varar ta' proċess politiku ġdid biex jinkisbu waqfien mill-ġlied dejjiemi u l-implimentazzjoni sħiħa tal-kapitoli dwar is-sigurtà u l-governanza tal-ftehim ta' paċi;

7.  Iqis li l-UA, appoġġata mill-UE u l-Istati Membri tagħha, għandu jkollha rwol attiv fil-medjazzjoni ta' soluzzjoni politika biex tinkiseb paċi dejjiema fis-Sudan t'Isfel, inkluż billi tiddedika aktar riżorsi lill-mibgħut tal-UA fis-Sudan t'Isfel, Alpha Oumar Konare; jappoġġa t-talbiet li tiġi organizzata konferenza internazzjonali mill-Kummissjoni tal-UA, bil-parteċipazzjoni tan-NU u l-IGAD, bl-għan li jiġu magħquda u rikonċiljati l-isforzi internazzjonali biex tintemm il-gwerra fis-Sudan t'Isfel;

8.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU għas-Sudan t'Isfel u l-mandat tal-missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) u l-Forza ta' Protezzjoni Reġjonali tagħha, li għandhom il-kompitu li jipproteġu lill-persuni ċivili u jiskoraġġixxu l-vjolenza kontrihom, u li joħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twassil ta' għajnuna umanitarja; jistieden lill-partiti kollha jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu ta' Forza ta' Protezzjoni Reġjonali attiva bil-mandat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, sabiex tissaħħaħ il-preżenza attiva tal-UNMISS, u jistieden lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ isaħħu b'mod urġenti u sinifikanti l-UNMISS b'kapaċitajiet Ewropej;

9.  Jenfasizza, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-ħtieġa li tiġi stabbilita qorti ibrida għas-Sudan t'Isfel, li jinvolvi l-adozzjoni ta' statuti legali mill-UA u assistenza b'riżorsi min-NU u l-UE; ifakkar li din tikkostitwixxi parti mill-ftehim ta' paċi tal-2016 u għalhekk ma għandhiex tkun miftuħa għal negozjar mill-ġdid;

10.  Jinsisti li, sabiex ikun sinifikattiv u inklużiv, il-proċess ta' djalogu nazzjonali għandu jissodisfa kriterji ta' referenza ċari, inklużi t-tmexxija newtrali u l-inklużjoni tal-gruppi tal-oppożizzjoni u taċ-ċittadini tas-Sudan t'Isfel li jgħixu barra minn pajjiżhom, u li għandu wkoll jinkludi rappreżentanti mill-partijiet kollha għall-kunflitt u partijiet ikkonċernati oħra mis-Sudan t'Isfel, inklużi rappreżentanti tan-nisa, biex ikun leġittimu u effettiv;

11.  Jikkundanna t-tentattivi kollha biex tiġi limitata l-libertà tal-espressjoni, li hija dritt bażiku tal-bniedem u parti minn dibattitu politiku ġenwin; jiddeplora l-qtil ta' ħaddiema tal-għajnuna umanitarja, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti, u jitlob li min wettaq dawn id-delitti jitressaq quddiem il-ġustizzja; jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha;

12.  Jikkundanna l-attakki kollha fuq il-binjiet edukattivi u pubbliċi u l-użu ta' skejjel għal skopijiet militari; jistieden lill-partijiet jirrispettaw il-linji gwida għall-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat;

13.  Jiddispjaċih li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jadotta riżoluzzjoni fit-23 ta' Diċembru 2016 li kienet timponi embargo fuq l-armi fuq is-Sudan t'Isfel u projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi fuq tliet mexxejja għolja tas-Sudan t'Isfel; jitlob lill-UE taħdem għal embargo internazzjonali fuq l-armi kontra s-Sudan t'Isfel, u li dan jiġi infurzat b'mod effettiv; jinsab allarmat b'rapporti ta' trasferimenti ta' armi lejn is-Sudan t'Isfel, bi vjolazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/CFSP, iffaċilitat minn sensara li huma bbażati fi Stati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Viċi President/ir-Rappreżentant Għoli jinfurzaw il-konformità mar-reġim ta' kontroll tal-armamenti tal-UE u jieħdu passi formali kontra kwalunkwe pajjiż terz li jkun intwera li jesporta armi u assistenza militari lis-Sudan t'Isfel;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li kwalunkwe rimpatriju jew rilokazzjoni ta' persuni spostati internament jitwettaq b'mod sikur u dinjituż; jitlob l-użu ta' sanzjonijiet immirati kontra kwalunkwe figura militari jew politika ewlenija tal-gvern jew tal-oppożizzjoni li tipperpetwa l-kunflitt jew twettaq abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, bħala parti minn strateġija tal-UE biex jiġi żgurat it-twassil tal-għajnuna umanitarja, il-preservazzjoni ta' waqfien mill-ġlied u t-twettiq ta' proċess politiku mġedded biex jiġi implimentat il-ftehim ta' paċi;

15.  Jemmen li, minħabba kunflitt rikorrenti, l-insikurezza u l-ispostament tal-massa, ma jistgħux isiru elezzjonijiet kredibbli u paċifiċi fl-ambjent politiku attwali; ifakkar li l-mandat tal-Gvern ta' Tranżizzjoni ta' Unità Nazzjonali jibqa' validu sa Ġunju 2018; jenfasizza l-importanza li n-nisa tas-Sudan t'Isfel jingħataw rwol sħiħ fit-taħdidiet ta' paċi u fl-iggvernar tal-pajjiż; jitlob lill-UE tappoġġa lin-nisa fil-livell tal-komunità, li jagħmlu differenza li titkejjel fil-kwalità tan-negozjati tal-paċi billi jreġġgħu lura l-mewġa ta' suspett u jibnu l-fiduċja u jippromwovu r-rikonċiljazzjoni;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.


Ftehim bejn l-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021 ***
PDF 249kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat ta' Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021, il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu 2014-2021, il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja u l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda (06679/2016 – C8-0175/2016 – 2016/0052(NLE))
P8_TA(2017)0221A8-0072/2017

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06679/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz għal Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, il-Prinċipat ta' Liechtenstein u r-Renju tan-Norveġja dwar Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE 2014-2021 (06956/16),

–  wara li kkunsidra l-abbozz għal Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għall-perjodu 2014-2021 (06957/16),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja (06960/16),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda (06959/16),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0175/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0072/2017),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehimiet u l-protokolli;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Iżlanda, ital-Prinċipat ta' Liechtenstein u tar-Renju tan-Norveġja.


It-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni tal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE
PDF 389kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar it-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni tal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE (2016/2302(INI))
P8_TA(2017)0222A8-0139/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, it-Titolu XVIII tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (CPR), u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni marbuta mal-artikoli rilevanti ta' dan ir-Regolament,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-politika ta' koeżjoni u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"(8),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tiegħu li jinsab fir-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu bit-titolu "Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali għall-2014" (A8-0050/2016),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir - nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi investimenti ta' finanzjament ta' riskju"(9),

–  wara li kkunsidra s-Sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tat-23 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Investiment għall-impjiegi u t-tkabbir. (COM(2014)0473),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni ta' Awwissu 2016 bit-titolu "Evalwazzjoni ex post tal-Programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013, li tiffoka fuq il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK)",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2014 bit-titolu "L-istrumenti finanzjarji sostnuti mill-baġit ġenerali skont l-Artikolu 140.8 tar-Regolament Finanzjarju mill-31 ta' Diċembru 2013" (COM(2014)0686),

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 għall-Istati Membri dwar l-Artikolu 42(1)(d) CPR – L-ispejjeż u t-tariffi eliġibbli għall-ġestjoni,

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-Kummissjoni tal-10 ta' Awwissu 2015 għall-Istati Membri dwar l-Artikolu 37(7) (8) (9) CPR - Kombinament ta' appoġġ minn strument finanzjarju ma' forom oħrajn ta' appoġġ,

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2015 għall-Istati Membri dwar l-Artikolu 37(2) CPR – Valutazzjoni ex ante,

–  wara li kkunsidra l-gwida ta' referenza tal-Kummissjoni għall-Awtoritajiet Maniġerjali tat-2 ta' Lulju 2014, bit-titolu "Strumenti Finanzjarji fil-programmi tal-FSIE 2014-2020",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni ta' Novembru 2016 bit-titolu "Strumenti Finanzjarji skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. Sommarji tad-data dwar il-progress magħmul fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Sommarji tad-data dwar il-progress magħmul fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill",

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni ta' Settembru 2014 bit-titolu "Sommarju tad-data dwar il-progress magħmul fil-finanzjament u l-implimentazzjoni ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja rrapportata mill-awtoritajiet maniġerjali skont l-Artikolu 67(2)(j) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006",

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Attivitajiet relatati mal-istrumenti finanzjarji": (jakkumpanja d-dokument: Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istrumenti finanzjarji appoġġati mill-baġit ġenerali skont l-Artikolu 140(8) tar-Regolament Finanzjarju kif kienu fil-31 ta' Diċembru 2014) (SWD(2015)0206),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji – tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "L-istrumenti finanzjarji huma għodda ta' suċċess u promettenti fil-qasam tal-iżvilupp rurali?",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 16/2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "L-effettività tal-kombinament ta' għotjiet tal-faċilitajiet ta' investiment reġjonali ma' selfiet minn istituzzjonijiet finanzjarji għall-appoġġ ta' politiki esterni tal-UE",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 2/2012 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "L-istrumenti finanzjarji għall-SMEs kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Strumenti finanzjarji li jappoġġaw l-iżvilupp territorjali",

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Bank Ewropew tal-Investiment ta' Marzu 2013, bit-titolu "L-istrumenti Finanzjarji: Eżerċizzju ta' Rendikont bħala Tħejjija għall-Perjodu ta' Programmazzjoni 2014-2020",

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "L-Istrumenti Finanzjarji fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020: l-ewwel esperjenzi tal-Istati Membri", ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament, id-Dipartiment Tematiku B: Il-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Rieżami tar-Rwol tal-Grupp tal-BEI fil-Politika ta' Koeżjoni Ewropea", ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament, id-Dipartiment Tematiku B: Il-Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif bit-titolu "L-isfidi għall-politika ta' koeżjoni tal-UE: Kwistjonijiet fir-riforma li jmiss wara l-2020", Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari, Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-iskeda informattiva bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni fl-UE28", Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari, Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0139/2017),

A.  billi r-rieżami/reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u l-fatt li l-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 qed joqrob lejn nofs it-terminu tiegħu wasslu għad-diskussjoni dwar it-taħlita ta' għotjiet u strumenti finanzjarji li jridu jiġu investiti permezz tal-baġit tal-UE matul il-perjodu wara l-2020;

B.  billi l-Proposta Omnibus (COM(2016)0605) tirrappreżenta l-unika opportunità għal firxa ta' titjib f'nofs it-terminu fis-sistema li tirregola l-perjodu ta' programmazzjoni attwali;

C.  billi t-terminu "strumenti finanzjarji" jkopri varjetà ta' strumenti, u l-valutazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar l-użu tagħhom jeħtieġu analiżi kostanti dettaljata każ b'każ, b'rabta ma' valutazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi tal-ekonomiji lokali u reġjonali jew ta' grupp partikolarment fil-mira;

Il-perjodu 2007-2013 - investiment affidabbli permezz ta' għotjiet u strumenti finanzjarji

1.  Jirrikonoxxi li, għalkemm l-istrumenti finanzjarji ġew imfassla qabel il-kriżi finanzjarja u ekonomika u ma kinux l-aktar xierqa għal kuntest ekonomiku ta' kriżi, l-eżerċizzju ta' rapportar tal-Kummissjoni jipprovdi evidenza qawwija li l-investiment fil-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (Fondi SIE) permezz ta' għotjiet u strumenti finanzjarji rriżulta f'impatt solidu u riżultati viżibbli permezz ta' investimenti fir-reġjuni tal-UE, li ammontaw għal EUR 347,6 biljun, bl-esklużjoni ta' kofinanzjament nazzjonali u ta' riżorsi ingranati b'mod addizzjonali;

2.  Jilqa' l-operazzjonijiet eżistenti tal-Politika ta' Koeżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li jidhru fir-rapporti annwali u fir-rapporti settorjali, li jiżvelaw l-impatt fuq l-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, l-infrastruttura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ambjent, l-enerġija u l-agrikoltura; jikkonkludi li s-self mill-BEI maħsub biex jappoġġa l-Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 huwa stmat li jammonta għal EUR 147 biljun, ammont li jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 38 % tas-self kollu fl-UE;

Il-perjodu 2014-2020 - paġna ġdida fl-investiment permezz tal-Fondi SIE

3.  Jilqa' l-fatt li, fil-perjodu 2014-2020, l-UE mistennija tinvesti EUR 454 biljun permezz tal-Fondi SIE u, b'kofinanzjament nazzjonali għall-investiment fil-forma ta' għotjiet u strumenti finanzjarji, is-somma mistennija titla' għal EUR 637 biljun;

4.  Jirrikonoxxi li kemm il-volum kif ukoll il-kwalità tal-istrumenti finanzjarji (fil-forma ta' mikrokreditu, self, garanziji, ekwità u kapital ta' riskju) skont il-ġestjoni kondiviża tal-Politika ta' Koeżjoni żdiedu; jenfasizza ż-żewġ raġunijiet ewlenin għal din ix-xejra – il-perjodu 2007-2013 ipprovda esperjenza u lezzjonijiet siewja rigward l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE permezz ta' għotjiet u strumenti finanzjarji, filwaqt li l-QFP għall-perjodu 2014-2020 jirrifletti l-ħtieġa wara l-kriżi ta' aktar strumenti finanzjarji minħabba limitazzjonijiet fiskali;

5.  Jinnota li, skont l-istimi, l-allokazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) kienu kważi se jirdoppjaw bejn il-perjodu 2007-2013, meta kienu jammontaw għal EUR 11,7 biljun, u l-perjodu 2014-2020, meta kienu se jammontaw għal EUR 20,9 biljun; jinnota li fil-perjodu 2014-2020 l-istrumenti finanzjarji għalhekk kienu se jirrappreżentaw 6 % tal-allokazzjoni globali tal-politika ta' koeżjoni ta' EUR 351,8 biljun, meta mqabbla mat-3,4 % tal-EUR 347 biljun allokati fil-perjodu 2007-2013;

6.  Jinnota li l-allokazzjonijiet mill-Fond ta' Koeżjoni jammontaw għal madwar EUR 75 biljun, li jirrappreżentaw 11,8 % tal-allokazzjonijiet totali tal-istrumenti finanzjarji fil-perjodu 2014-2020; jilqa' ż-żieda fl-allokazzjoni minn EUR 70 biljun fil-perjodu 2007-2013 għal EUR 75 biljun fil-perjodu 2014-2020; jenfasizza li jenħtieġ li l-allokazzjoni għall-Fond ta' Koeżjoni ma titnaqqasx, meta wieħed jikkunsidra li madwar 34 % tal-popolazzjoni tal-UE jgħixu f'reġjuni li jirċievu għajnuna mill-Fond ta' Koeżjoni;

7.  Jieħu nota tal-volum totali ta' EUR 5 571,63 miljun ta' kontribuzzjonijiet tal-programmi operattivi impenjat għall-istrumenti finanzjarji minn 21 Stat Membru sal-31 ta' Diċembru 2015 fil-QFP attwali, li EUR 5 005,25 miljun minnhom jiġu mill-FEŻR u mill-Fond ta' Koeżjoni;

8.  Jilqa' l-fatt li l-bidliet regolatorji kruċjali fil-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji, bħal konnessjonijiet diretti mal-11-il objettiv tematiku kollha, valutazzjoni ex ante obbligatorja xierqa li tippermetti li l-fallimenti tas-suq jiġu identifikati, il-ħolqien ta' strumenti finanzjarji kummerċjalment disponibbli (off-the-shelf) simplifikati u mfassla apposta u mekkaniżmi ta' rapportar, jista' jkollhom impatt pożittiv kritiku fuq l-attrattività u l-veloċità tal-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni, billi jiġu indirizzati inċertezzi legali li qamu matul il-perjodu 2007-2013; jitlob, madankollu, li jsiru sforzi biex jiġi żgurat li dawn il-bidliet ma jaffettwawx l-attrattività u l-veloċità tal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji;

Għotjiet u strumenti finanzjarji - il-loġika tal-intervent tiddefinixxi t-taħlita

9.  Jenfasizza li għalkemm qegħdin jappoġġaw l-istess objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni, l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE, li mhumiex skop fihom infushom, taħt ġestjoni kondiviża għandhom loġika ta' intervent u applikazzjoni differenti li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-iżvilupp territorjali, il-ħtiġijiet settorjali jew il-ħtiġijiet tas-suq;

10.  Jirrikonoxxi li, skont it-tip ta' proġett, l-għotjiet ikollhom saħħiet differenti meta mqabbla mal-istrumenti finanzjarji: jappoġġaw il-proġetti li mhux neċessarjament jiġġeneraw dħul, jipprovdu finanzjament lil proġetti li għal diversi raġunijiet ma jistgħux jattiraw finanzjament pubbliku jew privat, jimmiraw lejn benefiċjarji, kwistjonijiet u prijoritajiet reġjonali speċifiċi u jbaxxu l-kumplessità tal-użu minħabba l-esperjenza u l-kapaċità eżistenti; jirrikonoxxi li, f'xi każijiet, l-għotjiet ikunu soġġetti għal limitazzjonijiet: diffikultajiet sabiex jintlaħqu l-kwalità u s-sostenibilità tal-proġetti, riskju ta' sostituzzjoni tal-finanzjament pubbliku fit-tul u effett ta' esklużjoni għall-investiment privat potenzjali, anki meta l-proġetti jistgħu jkunu ta' natura rotanti u jkollhom il-kapaċità li jiġġeneraw dħul sabiex jitħallas lura l-finanzjament ibbażat fuq is-self;

11.  Jirrikonoxxi li l-istrumenti finanzjarji joffru vantaġġi, bħall-ingranaġġ u l-effetti rotanti, l-attrazzjoni ta' kapital privat u l-kopertura ta' lakuni speċifiċi fl-investiment permezz ta' proġetti bankabbli ta' kwalità għolja, biex b'hekk jimmassimizzaw l-effiċjenza u l-effikaċja tal-implimentazzjoni tal-politika reġjonali; jirrikonoxxi li l-istrumenti finanzjarji jġibu magħhom ċerti żvantaġġi, li jistgħu jikkawżaw li dawn ikunu kunfliġġenti ma' strumenti nazzjonali jew reġjonali aktar attraenti, bħal: implimentazzjoni aktar bil-mod f'xi reġjuni, kumplessità akbar, ingranaġġ inqas minn dak mistenni tal-istrumenti finanzjarji appoġġati mill-Fondi SIE, kif ukoll, f'xi każijiet, spejjeż ta' implimentazzjoni u tariffi tal-ġestjoni ogħla; jinnota li l-għotjiet jirrappreżentaw investimenti preferibbli f'xi oqsma ta' politika bħalma huma ċerti tipi ta' infrastruttura pubblika, is-servizzi soċjali, il-politika tar-riċerka u tal-innovazzjoni jew, b'mod ġenerali, mal-proġetti li ma jiġġenerawx dħul;

12.  Jenfasizza li l-loġika tal-intervent mhijiex linja diviżorja, iżda punt li jistabbilixxi kundizzjonijiet indaqs għall-għotjiet u għall-istrumenti finanzjarji sabiex il-Politika ta' Koeżjoni tkun tista' tiżgura kopertura aħjar tal-benefiċjarji u l-lakuni fl-investiment permezz ta' varjetà ta' miżuri; jirrimarka li l-loġika tal-intervent hi approċċ minn isfel għal fuq fil-programmazzjoni tal-Fondi SIE u li jenħtieġ li l-Istati Membri u r-reġjuni jkomplu jieħdu inkunsiderazzjoni l-aktar alternattiva xierqa meta liberament jistabbilixxu s-sehem tal-istrumenti finanzjarji jew l-għotjiet bħala għodod ta' implimentazzjoni li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet magħżula fil-programmi operattivi rispettivi tagħhom, fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma involuti u għandhom rwol kruċjali x'jiżvolġu; ifakkar li l-awtoritajiet maniġerjali huma dawk li jeħtiġilhom jiddeċiedu minn jeddhom liema tip ta' strument finanzjarju huwa l-aktar adatt għall-implimentazzjoni;

Il-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji - l-isfidi

13.  Jirrikonoxxi l-importanza li jintużaw l-istrumenti finanzjarji fl-operazzjonijiet tal-Politika ta' Koeżjoni; jilqa' l-fatt li r-rapportar dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji fl-2015 wera progress, minkejja d-dewmien fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jinnota, madankollu, li l-progress dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE mhux biss huwa diverġenti ħafna bejn Stat Membru u ieħor, iżda wkoll fl-Istati Membri individwali; ifakkar li l-esperjenza pożittiva u l-impatt tal-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kienu akkumpanjati minn għadd ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw il-prestazzjoni: il-bidu tard tal-operazzjonijiet, valutazzjoni tas-suq mhux preċiża, assorbiment reġjonali diverġenti, rati ta' żborż globali baxxi, effett ta' ingranaġġ baxx, rotazzjoni problematika, spejjeż u tariffi tal-ġestjoni għolja u allokazzjonijiet kbar b'mod inadegwat; ifakkar li sal-2015, wara li l-Kummissjoni estendiet l-iskadenzi tal-implimentazzjoni speċifiċi għall-istrumenti finanzjarji, għadd ta' nuqqasijiet osservati ġew mitigati permezz ta' miżuri mmirati;

14.  Jinnota li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-Fondi SIE jista' jaffettwa r-rati ta' żborż, ir-rotazzjoni u l-ingranaġġ, u jenħtieġ li dan tal-aħħar ikun ibbażat fuq definizzjoni u fuq metodoloġiji użati minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD, b'distinzjoni ċara magħmula bejn il-kontribuzzjonijiet pubbliċi u privati u b'indikazzjoni pprovduta tal-livell preċiż ta' ingranaġġ possibbli taħt kull wieħed mill-istrumenti finanzjarji, imqassma skont il-pajjiż u r-reġjun; ifakkar li d-dewmien fil-perjodu 2007-2013 ikkontribwixxa b'mod irriversibbli għall-prestazzjoni subottimali tal-istrumenti finanzjarji FEŻR u FSE; jenfasizza li d-dewmien fl-implimentazzjoni, li jista' jiġi attribwit għall-bidu tard tal-perjodu ta' programmazzjoni, jista' jippreġudika l-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE, u dan jista' jwassal għal konklużjonijiet ta' evalwazzjoni mhux preċiżi fi tmiem il-perjodu; jitlob, għalhekk, li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa mill-Istati Membri biex itaffu l-effetti negattivi tad-dewmien fl-implimentazzjoni, speċjalment fir-rigward tar-riskju ta' użu u impatt limitati tal-istrumenti finanzjarji;

15.  Huwa mħasseb serjament dwar il-possibilità kbira li tirrepeti ruħha l-akkumulazzjoni arretrata ta' fatturi mhux imħallsa matul it-tieni nofs tal-QFP attwali, peress li din tista' tħalli impatt serju fuq politiki oħra ffinanzjati mill-UE;

16.  Jinnota differenzi sinifikanti madwar l-UE fir-rigward tal-penetrazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, inklużi l-Fondi SIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), ir-riżultati inizjali ta' dawn il-fondi u l-ingranaġġ mistenni ta' riżorsi addizzjonali, kif ukoll strumenti finanzjarji oħra ffinanzjati mill-UE f'ekonomiji tal-aqwa prestazzjoni tal-UE, li qed iservu biex jimminaw l-objettivi tal-Politika ta' Koeżjoni; jenfasizza li s-suċċess ġenerali ta' tali strumenti jiddependi minn kemm ikunu faċli biex jintużaw u mill-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġestixxu investimenti permezz tagħhom, li għalihom ikunu meħtieġa indikaturi preċiżi u differenzjati, li jippermettu li jiġi vvalutat l-impatt reali tagħhom fuq il-politika ta' koeżjoni;

Simplifikazzjoni, sinerġiji u assistenza teknika – soluzzjonijiet

17.  Jilqa' l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tottimizza r-regolamentazzjoni u tnaqqas il-burokrazija; jenfasizza li, minkejja t-titjib, għadha teżisti kumplessità u kwistjonijiet bħall-ħin twil għall-istabbiliment u l-piż amministrattiv għar-riċevituri huma diżinċentivi għall-użu tal-istrumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-BEI, il-FEI u l-awtoritajiet maniġerjali biex jikkombinaw aktar faċilment il-mikrokreditu, is-self, il-garanziji, l-ekwità u l-kapital ta' riskju tal-Fondi SIE, filwaqt li jiġi żgurat l-istess livell ta' trasparenza, skrutinju demokratiku, rapportar u kontroll;

18.  Jinnota li dispożizzjonijiet speċifiċi jillimitaw il-flessibilità f'operazzjonijiet bi strumenti finanzjarji; jirrimarka li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jidhru li huma partikolarment onerużi, speċjalment meta l-għotjiet jiġu kkombinati ma' strumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura qafas adegwat ta' għajnuna mill-istat u tesplora aktar alternattivi biex tiġi ssimplifikata l-konformità tal-għajnuna mill-Istat fuq it-tliet livelli kollha – l-awtoritajiet maniġerjali, il-fond tal-fondi u l-intermedjarji finanzjarji; jappella għal kundizzjonijiet ekwi fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat rigward l-istrumenti finanzjarji kollha sabiex jiġi evitat it-trattament preferenzjali ta' ċerti sorsi ta' finanzjament fuq oħrajn, speċjalment fil-qasam tal-appoġġ għall-SMEs;

19.  Jenfasizza l-importanza tal-awditjar tal-prestazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, inkluż l-awditjar tal-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI dwar il-Politika ta' Koeżjoni; jinnota li l-attivitajiet ta' awditjar jinkludu aċċess għaċ-ċiklu kollu tal-Fondi SIE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw opportunitajiet għas-simplifikazzjoni u s-sinerġiji permezz tal-proċess tal-awditjar; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiffoka fuq analiżi komparattiva ta' għotjiet u strumenti finanzjarji kif ukoll fuq tisħiħ ulterjuri tal-kapaċitajiet, il-metodoloġija tal-awditjar u l-linji gwida għall-proċessi tal-awditjar, li jenħtieġ li ma jżidux il-piż finanzjarju u amministrattiv fuq il-benefiċjarji;

20.  Jirrimarka li l-kombinament tal-għotjiet u tal-istrumenti finanzjarji għandu potenzjal mhux esplorat; jenfasizza li flimkien ma' linji gwida għall-awtoritajiet, huma meħtieġa simplifikazzjoni u armonizzazzjoni ulterjuri għar-regoli li jikkonċernaw il-kombinament ta' Fondi SIE differenti, kif ukoll għar-regoli li jikkonċernaw il-kombinament tal-Fondi SIE ma' strumenti bħall-Orizzont 2020 u l-FEIS; jitlob li jkun hemm regolamentazzjoni aħjar fil-forma ta' regoli ċari, konsistenti u ffukati fir-rigward tat-tħaffif tal-piż regolatorju billi jiġi ffaċilitat il-kombinament imsemmi hawn fuq ta' allokazzjonijiet minn aktar minn programm wieħed għall-istess strument finanzjarju, kif ukoll isiru possibbli kombinamenti ta' strumenti ta' mikrofinanzjament fl-operazzjonijiet tal-FSE u s-simplifikazzjoni ulterjuri tal-akkwist pubbliku fl-għażla tal-intermedjarji finanzjarji u għal sħubijiet pubbliċi-privati; jappella għal aktar koerenza bejn strateġiji differenti; jenfasizza li l-kombinament tal-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji tal-Fondi SIE ma' sorsi oħra ta' finanzjament jista' jagħmel l-istruttura tal-finanzjament aktar attraenti għall-benefiċjarji u għall-investituri tas-settur pubbliku u tas-settur privat minħabba titjib fil-kondiviżjoni tar-riskju u fil-prestazzjoni tal-proġetti, u għalhekk jgħin biex l-istrumenti jipprovdu potenzjal ta' tkabbir fuq żmien twil;

21.  Jinnota li l-adozzjoni tal-istrumenti finanzjarji tista' tittejjeb permezz ta' sħubijiet għall-investiment, u li s-sħubijiet pubbliċi-privati jtejbu s-sinerġiji bejn is-sorsi tal-finanzjament u jżommu l-bilanċ meħtieġ bejn l-interessi privati u pubbliċi; jenfasizza li jenħtieġ li jitħeġġeġ ukoll l-użu ta' strumenti finanzjarji fil-kuntest tal-inizjattivi ta' żvilupp lokali mmexxi mill-komunità u ta' investiment territorjali integrat;

22.  Jilqa' l-prattiki eżistenti fil-qasam tal-assistenza teknika pprovduti mill-Kummissjoni u mill-Grupp tal-BEI permezz tal-pjattaforma fi-compass; jiddispjaċih li s-servizzi ta' appoġġ fuq il-post għall-awtoritajiet u speċjalment għar-riċevituri ta' strumenti finanzjarji, inkluż tal-FEIS, huma limitati, filwaqt li ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali ltaqgħu ma' diffikultajiet tekniċi u ma' nuqqas ta' kapaċità u għarfien espert biex jużaw l-istrumenti finanzjarji b'mod effikaċi; jappella għal assistenza teknika, li jenħtieġ li tkun immirata primarjament lejn il-partijiet interessati lokali jew reġjonali, kif ukoll lejn is-sħab kollha involuti, iżda li jenħtieġ li ma tintużax biex tiffinanzja l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali; jitlob, barra minn hekk, pjan ta' assistenza teknika konġunta mill-Kummissjoni u l-BEI li jkun jinkludi attivitajiet ta' konsulenza finanzjarja u mhux finanzjarja, speċjalment għal proġetti kbar, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, it-taħriġ, l-appoġġ u l-iskambju ta' għarfien u esperjenza; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm kombinament ta' kompetenza esperta (inkluża konsulenza legali) dwar ir-regolamenti tal-politika ta' koeżjoni, il-prodotti finanzjarji, l-għajnuna mill-Istat u l-akkwist pubbliku, immirata lejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-amministraturi u l-benefiċjarji tal-fondi, filwaqt li jenfasizza l-importanza li jiġu evitati strutturi doppji;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħolli l-profil tal-investimenti tal-Fondi SIE u tiċċara aktar li l-finanzjament mill-UE huwa involut; jitlob li jkun hemm tagħrif u komunikazzjoni aktar adegwati u komprensivi dwar opportunitajiet ta' finanzjament mill-UE, li jinkoraġġixxu l-użu ta' tali opportunitajiet għas-settur pubbliku u għas-settur privat u li jkunu mmirati lejn il-benefiċjarji potenzjali u b'mod partikolari ż-żgħażagħ;

Lejn it-taħlita ta' finanzjament it-tajba għall-perjodu wara l-2020 u l-futur tal-Politika ta' Koeżjoni

24.  Jirrikonoxxi li sfidi bħall-migrazzjoni u s-sigurtà, jew l-iżviluppi politiċi attwali jew futuri fl-UE, jenħtieġ ma jaffettwawx b'mod negattiv l-investimenti permezz tal-Politika ta' Koeżjoni jew il-miri u r-riżultati mistennija tagħha, speċjalment wara l-perjodu ta' programmazzjoni attwali;

25.  Jirrikonoxxi li kemm l-għotjiet kif ukoll l-istrumenti finanzjarji għandhom ir-rwoli speċifiċi tagħhom fil-Politika ta' Koeżjoni, iżda li jikkondividu l-istess finalità segwita mill-11-il objettiv tematiku, fit-triq biex jintlaħqu l-ħames miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji ma jiħdux post l-għotjiet bħala l-għodda ewlenija tal-politika ta' koeżjoni, filwaqt li jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tinżamm in-natura rinnovabbli tal-fondi biex ikunu disponibbli għal investiment mill-ġdid fuq il-bażi tas-setturi u l-azzjonijiet li huma jistgħu jappoġġaw;

26.  Jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji jaħdmu aħjar f'reġjuni żviluppati sew u f'żoni metropolitani, fejn is-swieq finanzjarji huma aktar żviluppati, filwaqt li r-reġjuni ultraperiferiċi u r-reġjuni b'rati għolja ta' qgħad armonizzati u densità baxxa tal-popolazzjoni jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jattiraw l-investiment, filwaqt li l-għotjiet, min-naħa tagħhom, jindirizzaw kwistjonijiet strutturali reġjonali u finanzjament reġjonali bilanċjat; jinnota li s-suċċess tal-istrumenti finanzjarji jiddependi minn għadd ta' fatturi u ma tista' tintlaħaq l-ebda konklużjoni ġenerali fuq il-bażi ta' kriterju wieħed; jinnota li miri vinkolanti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020 ma jistgħux jitqiesu bħala alternattiva vijabbli; jinnota li jenħtieġ li ż-żieda fis-sehem tal-istrumenti finanzjarji ma tinfluwenzax il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mhux rinnovabbli minħabba li dan ifixkel il-bilanċ; jenfasizza li f'għadd ta' politiki pubbliċi, l-għotjiet iridu jiddominaw, filwaqt li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jaqdu rwoli komplementari f'konformità sħiħa ma' valutazzjoni xierqa ex ante u analiżi xierqa tas-suq; jappella għall-promozzjoni ulterjuri tal-istrumenti finanzjarji fil-programmi Interreg bl-għan li tagħmilhom aktar konsistenti mal-objettivi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea;

27.  Ifakkar li l-esperjenza eżistenti fit-twassil tal-Fondi SIE tindika li t-taħlita tal-finanzjament ta' għotjiet u strumenti finanzjarji tindirizza r-realtajiet speċifiċi għal kull pajjiż, kif ukoll il-lakuni fil-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jenfasizza li t-taħlita tal-finanzjament ma tistax tirriżulta f'soluzzjoni ta' universalità minħabba għadd ta' fatturi: ir-reġjun ġeografiku, il-qasam ta' politika, it-tip u d-daqs tal-benefiċjarju, il-kapaċità amministrattiva, il-kundizzjonijiet tas-suq, l-eżistenza ta' strumenti konkorrenti, l-ambjent tan-negozju u l-qagħda fiskali u ekonomika;

o
o   o

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(5) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0321.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0384.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0308.
(9) ĠU C 19, 22.1.2014, p. 4.


Perspettivi futuri għall-Assistenza Teknika fil-Politika ta' Koeżjoni
PDF 298kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar perspettivi futuri għall-Assistenza Teknika fil-Politika ta' Koeżjoni (2016/2303(INI))
P8_TA(2017)0223A8-0180/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, it-Titolu XVIII tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1) (minn hawn 'il quddiem "is-CPR"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta' Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas ta' Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu mill-2017 sal-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (COM(2015)0701),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar l-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tas-CPR(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 dwar għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri tas-16 ta' Frar 2016 intitolat "Jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għar-riżultati biex jitjieb it-twassil tal-assistenza teknika lill-Greċja",

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond intitolata "Technical assistance at the initiative of the Commission" (Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) ippubblikata mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni (Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni) f'Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0180/2017),

A.  billi l-assistenza teknika, sew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni u sew fuq dik tal-Istati Membri, għandha rwol importanti fil-fażijiet kollha ta' implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u hija strument importanti biex jiġu attirati u jinżammu ħaddiema ta' kwalità għolja fl-amministrazzjoni, biex b'hekk tinħoloq sistema stabbli għall-ġestjoni u l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), u biex jiġu solvuti l-ostakli fl-implimentazzjoni u l-utenti jiġu megħjuna jiżviluppaw proġetti ta' kwalità; billi jenħtieġ li jiġu esplorati l-għażliet għall-użu ta' assistenza teknika fil-fażi ta' preparazzjoni tal-programmi;

B.  billi l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali ta' spiss ma jkollhomx il-kapaċità meħtieġa biex, b'mod effiċjenti u effettiv, jimplimentaw il-Fondi SIE u jorganizzaw sħubija ma' awtoritajiet pubbliċi oħra, inklużi l-awtoritajiet urbani, is-sħab ekonomiċi u soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili skont l-Artikolu 5 tas-CPR; billi l-kapaċità amministrattiva tvarja ħafna fost l-Istati Membri u r-reġjuni;

C.  billi s-sħab involuti fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni jenħtieġ li wkoll ikunu fil-mira ta' miżuri ta' assistenza teknika, b'mod partikolari fil-qasam tal-bini ta' kapaċitajiet, in-netwerking u l-komunikazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni;

D.  billi l-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali għandhom diffikultajiet biex iżommu persunal kwalifikat, peress li l-individwi aktarx jitilqu għal impjiegi b'paga aħjar fis-settur privat jew għal postijiet bi dħul akbar fi ħdan l-awtoritajiet amministrattivi stess; billi dan huwa xkiel serju għall-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi biex jimplimentaw b'suċċess il-Fondi SIE u biex jilħqu l-għanijiet ta' koeżjoni;

E.  billi hemm lok għal titjib tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni tal-assistenza teknika, minkejja l-enfasi fuq orjentazzjoni aktar lejn ir-riżultati fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 u minkejja l-fatt li kważi nofs dan il-perjodu għadda;

F.  billi hemm il-ħtieġa li tiġi ottimizzata r-rabta bejn l-assistenza teknika dwar l-inizjattiva tal-Kummissjoni u l-miżuri ta' assistenza teknika mwettqa fil-livell nazzjonali u reġjonali;

Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni (l-Artikolu 58 tas-CPR)

1.  Jinnota li r-riżorsi disponibbli għall-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, meta mqabbla mal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, żdiedu għal 0,35 % tal-allokazzjoni annwali tal-FEŻR, l-FSE u s-CF, wara tnaqqis għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD);

2.  Jilqa' l-attivitajiet tal-Kummissjoni ffinanzjati mill-assistenza teknika, b'mod partikolari l-ħidma tagħha fuq l-istrument TAIEX REGIO PEER 2 PEER, il-Qafas ta' Kompetenza u l-Għodda ta' Awtovalutazzjoni, il-Patti ta' Integrità, il-Gwida għall-prattikanti dwar kif jevitaw il-25 żball l-iktar komuni dwar l-akkwist pubbliku u l-Istudju dwar rendikont tal-kapaċità amministrattiva fir-rigward tal-akkwist pubbliku fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu minn tali inizjattivi; jenfasizza li strumenti bħal dawn jenħtieġ li jkollhom rwol akbar fil-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020 u b'mod korrispondenti jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqajjem kuxjenza fil-livell lokali u reġjonali, inkluż fil-livell tal-gżejjer, dwar l-użu tagħhom; jirrakkomanda li l-kamp ta' applikazzjoni tal-istrument TAIEX REGIO PEER 2 PEER jiġi estiż għas-sħab kollha b'konformità mal-Artikolu 5 tas-CPR sabiex jiġi żgurat l-iskambju wiesa' ta' esperjenzi, jingħata kontribut lill-bini tal-kapaċità, u tiġi ffaċilitata l-kapitalizzazzjoni fuq prattiki tajbin;

3.  Iqis li huwa neċessarju li l-Kummissjoni tagħti bidu għal valutazzjoni tal-effikaċja u l-valur miżjud fl-implimentazzjoni tal-"patti ta' integrità – Mekkaniżmu ta' Kontroll Ċivili għas-Salvagwardja tal-Fondi tal-UE";

4.  Jinnota l-ħidma tat-Task Force għall-Greċja u l-Grupp ta' Appoġġ għal Ċipru dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE f'dawn iż-żewġ pajjiżi, u b'mod partikolari dwar ir-rati ta' assorbiment, filwaqt li jżomm f'moħħu li dan huwa wieħed biss mill-indikaturi għal valutazzjoni pożittiva tal-politika ta' koeżjoni; jinnota, madankollu, li skont ir-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bl-isem "Jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni għar-riżultati biex jitjieb it-twassil tal-assistenza teknika lill-Greċja" kien hemm riżultati mħallta fil-ksib ta' riforma effettiva u sostenibbli; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tirrapporta dwar ir-riżultati miksuba mill-l-operazzjonijiet tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali fil-Greċja; jenfasizza l-ħtieġa li tkompli tittejjeb il-ħidma tat-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, sabiex jingħata appoġġ lil Stati Membri oħra li qed jesperjenzaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;

5.  Jieħu nota tal-istabbiliment tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) u jagħraf il-benefiċċji potenzjali tiegħu għall-politika ta' koeżjoni, fost oqsma oħra; jitlob li dan ikun koerenti u konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni; iqis, madankollu, li kwalunkwe estensjoni tal-programm ma għandhiex tnaqqas mill-konċentrazzjoni fuq l-objettivi tematiċi tal-politika ta' koeżjoni u li r-riżorsi m'għandhomx jittieħdu minn idejn il-Fondi SIE għall-assistenza teknika jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiżgura koordinazzjoni massima u l-komplementarjetajiet bejn l-azzjonijiet iffinanzjati mill-SRSP u l-assistenza teknika pprovduta taħt il-Fondi SIE sabiex tikkonċentra l-isforzi tagħha fuq il-kisba tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni bil-mod l-aktar effettiv possibbli;

6.  Jieħu nota tal-istrateġija tal-assistenza teknika mħejjija mid-DĠ għall-Politika Reġjonali u Urbana tal-Kummissjoni; jissuġġerixxi l-iżvilupp ta' strateġija ta' assistenza teknika aktar wiesgħa biex tiġi żgurata koordinazzjoni aktar effettiva li tkopri d-Direttorati Ġenerali kollha li jittrattaw il-Fondi SIE, kif ukoll l-attivitajiet tas-Servizz ta' Sostenn għar-Riforma Strutturali relatati mal-politika ta' koeżjoni, sabiex jiġi ssimplifikat l-appoġġ ipprovdut, tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu massimizzati s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-assistenza teknika fil-qasam tal-istrumenti finanzjarji, li l-użu tagħhom qed jikber b'mod esponenzjali filwaqt li huma pjuttost kumplessi min-natura tagħhom; jilqa', f'dan ir-rigward, is-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment dwar l-istabbiliment tal-pjattaforma fi-compass; jistieden lill-Kummissjoni tirrazzjonalizza aħjar l-assistenza teknika sabiex tkopri l-oqsma fejn l-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-benefiċjarji jħabbtu wiċċhom mal-akbar ammont ta' sfidi; jilqa' l-aspetti tat-titjib tekniku taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti biex il-Fondi SIE jiġu kkombinati mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). jenfasizza, madankollu, li jenħtieġ li sinjal ta' kapaċità u simplifikazzjoni akbar f'dan il-qasam finalment ikun ħtieġa anqas għal assistenza teknika fil-qasam tal-istrumenti finanzjarji; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jkun hemm kumplimentarjetà ma' miżuri ta' assistenza teknika mwettqa fil-fażijiet sussegwenti fil-livell nazzjonali u reġjonali;

8.  Jilqa' l-appoġġ ipprovdut lill-Istati Membri taħt il-faċilità ta' assistenza teknika tal-Assistenza Konġunta ta' Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS), li tipprovdi għarfien espert lill-Istati Membri biex tgħinhom iħejju proġetti kbar kofinanzjati mill-FEŻR u s-CF; jistenna bil-ħerqa r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri previst għall-2017, li se jkollu l-għan li jivverifika jekk JASPERS tejbitx l-iżvilupp ta' proġetti kbar assistiti li huma kkonfinanzjati mill-UE u b'hekk jekk ikkontribwietx għal kwalità aħjar tal-proġett, kif ukoll jekk żiditx il-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' analiżi bir-reqqa ta' kif l-attività JASPERS għall-perjodu 2007-2013 li tipprovdi analiżi tal-kwalità indipendenti (IQR) tejbet il-kwalità tal-proġetti u naqqset iż-żmien li jittieħed għall-approvazzjoni tal-proġetti kbar mill-Kummissjoni;

9.  Jinnota li, peress li l-assistenza teknika intużat l-ewwel fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, ma twettqet l-ebda analiżi globali sabiex jiġi stabbilit il-kontribut reali li hija tagħti; jirrimarka li huwa għalhekk diffiċli li wieħed jagħmel stima dettaljata ta' kemm hija importanti u tal-kontribut li tagħti f'termini ta' bini tal-kapaċità amministrattiva u t- tisħiħ istituzzjonali bil-ħsieb li jkun żgurat li l-Fondi SIE jiġu ġestiti b'mod effettiv; jitlob, għalhekk, li jkun hemm aktar informazzjoni u trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' attivitajiet ta' assistenza teknika, sabiex il-Parlament iwettaq rwol aktar sinifikanti fil-monitoraġġ u s-segwitu, u wkoll li jsir studju eżawrjenti u komprensiv li fuq il-kontribut tagħha fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni;

10.  Ifakkar fl-importanza ta' indikaturi adegwati u mmirati, adattati biex ikejlu r-riżultati u l-impatti tal-infiq mill-Fondi SIE u d-disponibilità ta' assistenza teknika għal monitoraġġ rispettiv; iqis li l-introduzzjoni ta' indikaturi komuni kienet l-ewwel pass f'din id-direzzjoni, iżda li din l-introduzzjoni kienet akkumpanjata minn għadd ta' nuqqasijiet, bħal pereżempju l-enfasi eċċessiv fuq il-produzzjoni, in-nuqqas ta' perspettiva fuq perjodu ta' żmien twil, u l-inkompatibilità fil-ħtiġijiet ta' informazzjoni mfassla apposta; jitlob b'mod urġenti lill-Kummissjoni biex tinvesti fit-titjib tas-sistema ta' rappurtar u ta' evalwazzjoni billi tiżviluppa indikaturi iżjed xierqa lesti biex jintużaw fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji miżuri u riżorsi biex tistabbilixxi assistenza teknika għall-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali tal-UE, wara li tkun ikkunsidrat l-esperjenzi varji u r-rati ta' suċċess tal-implimentazzjoni ta' strateġiji bħal dawn, kif ukoll il-fatt li l-parteċipanti tal-istrateġiji jinkludu stati mhux membri u pajjiżi b'fondi limitati u riżorsi umani insuffiċjenti; iqis li din il-ħidma tkun aktar effettiva biex tgħin ħalli jitħejjew proġetti ewlenin fil-livell makroreġjonali li jistgħu jirċievu finanzjament taħt il-politika ta' koeżjoni;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati miżuri ta' assistenza teknika speċifika biex jippromwovu l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid f'żoni depressi sabiex jiġu attirati investimenti industrijali fit-teknoloġija għolja u setturi innovattivi b'impatt ambjentali baxx;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi assistenza teknika, jiġifieri Gruppi ta' Ħidma tal-Istati Membri, sabiex jiġi evitat dewmien fl-iżvilupp tal-korpi u l-programmi operazzjonali li se jkunu meħtieġa taħt il-politika ta' koeżjoni fl-Istati Membri wara l-2020;

Assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Istati Membri (l-Artikolu 59 tas-CPR)

14.  Jenfasizza li l-kofinanzjament tal-UE disponibbli għall-assistenza teknika għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri taħt il-ħames Fondi SIE fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 jammonta għal madwar EUR 13,4 biljun;

15.  Jenfasizza li l-assistenza teknika hija essenzjalment differenti minn azzjonijiet oħra ffinanzjati mill-Fondi SIE u li l-kompitu tal-kalkolu tar-riżultati tagħha huwa partikolarment diffiċli; jenfasizza, madankollu, li minħabba n-neċessità tagħha, il-livell ta' riżorsi disponibbli taħtha u l-potenzjal tagħha, hemm ħtieġa kbira ta' approċċ strateġiku, trasparenti u kkoordinat fil-diversi livelli ta' governanza u biex il-flessibilità tikseb il-ħtiġijiet identifikati mill-awtoritajiet ta' ġestjoni fl-Istati Membri;

16.  Jenfasizza li l-analiżi tal-prestazzjoni tal-2019 se titfa' dawl fuq ir-riżultati tal-użu tal-assistenza teknika fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 u tiżgura li dawn ma jaslux tard wisq għad-diskussjonijiet dwar il-perjodu ta' wara l-2020; jitlob, għalhekk, li jsir dibattitu usa' u analiżi fi stadju intermedjarju dwar l-effiċjenza u r-riżultati tal-assistenza teknika;

17.  Jinsab imħasseb li f'ċerti Stati Membri l-assistenza teknika ma tilħaqx l-awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod suffiċjenti u effettiv, li normalment ikollhom l-anqas kapaċità amministrattiva; jenfasizza li huwa kruċjali li jiġu stabbiliti kanali ta' komunikazzjoni sodi u trasparenti bejn il-livelli differenti ta' governanza sabiex jiġu implimentati b'suċċess il-Fondi SIE u jinkisbu l-għanijiet tal-politika ta' koeżjoni, filwaqt li terġa' tinkiseb il-fiduċja fil-funzjonament effettiv tal-UE u l-politiki tagħha; iqis li s-sħab kollha fil-politika ta' koeżjoni għandhom rwol importanti għal dan l-għan u jipproponi li l-Kummissjoni timpenja ruħha direttament fl-abilitazzjoni tas-sħab fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja li jmiss; jistieden lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-isforzi tagħhom biex jissimplifikaw l-implimentazzjoni tal-regoli tal-politika ta' koeżjoni, inkluż b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-assistenza teknika; jilqa', għalhekk, l-eżempju ta' sistema b'bosta livelli ta' implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni fil-Polonja (tliet pilastri ta' assistenza teknika) li tippermetti approċċ aktar orjentat lejn ir-riżultati, strateġiku u trasparenti u kkoordinat u li jiġġenera valur miżjud akbar; jitlob kontroll aktar strett tar-riżultati tal-attivitajiet ta' ditti privati li jipprovdu assistenza teknika lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess potenzjali;

18.  Jenfasizza li l-assistenza teknika ffukata fuq l-iżvilupp tal-potenzjal tal-bniedem trid tintuża għas-servizz tal-ħtiġijiet li kienu ġew identifikati preċedentement fi pjanijiet ta' żvilupp u taħriġ tal-persunal speċjalizzat;

19.  Jenfasizza li l-kapaċità tal-livelli aktar baxxi ta' governanza hija wkoll essenzjali għas-suċċess tal-għodod tal-iżvilupp territorjali ġodda, bħall-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) u l-Investiment Territorjali Integrat (ITI); jitlob deċentralizzazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tas-CLLD; jinnota li, filwaqt li jista' jkun diffiċli li jitkejlu l-effetti tal-assistenza teknika, bl-ebda mod ma hija ħaġa impossibbli, b'mod partikolari meta wieħed iħares lejn il-proporzjon bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż; jenfasizza li f'xi Stati Membri l-assistenza teknika pprovdiet għat-twaqqif ta' sistema kompluta għall-implimentazzjoni tal-FEŻR, u l-istabbiliment ta' sistema għall-implimentazzjoni tal-ITIs qed juri proporzjon negattiv bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż; jinnota, madankollu, li l-ispejjeż għoljin jistgħu jiġu spjegati parzjalment permezz ta' ċirkustanzi speċifiċi li jeħtieġu sforzi akbar, bħal pereżempju l-istabbiliment ta' skema ġdida; jitlob, għalhekk, li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' kontroll ċari, b'mod partikolari fir-rigward ta' negozjati mhux trasparenti dwar assistenza teknika; ifakkar fir-rwol importanti ta' Gruppi ta' Azzjoni Lokali, b'mod partikolari għall-implimentazzjoni tas-CLLD, u jqis li l-assistenza teknika jenħtieġ li tkun disponibbli mill-Istati Membri biex issostni l-kontribut siewi tagħhom għall-iżvilupp lokali sostenibbli fl-Unjoni;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li attivitajiet ta' assistenza teknika jinkludu appoġġ għal proġetti teknikament u ekonomikament vijabbli, u b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jressqu strateġiji eliġibbli għall-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni;

21.  Jinnota bi tħassib li, fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet integrati għal żvilupp urban sostenibbli, filwaqt li l-kompiti jiġu delegati lill-awtoritajiet urbani li jaġixxu bħala korpi intermedjarji, dawn tal-aħħar spiss ma jirċevux l-assistenza teknika meħtieġa biex jibnu l-kapaċità tagħhom; iqis, f'dan ir-rigward, li l-assistenza teknika għandha tissaħħaħ fil-livell taż-żoni urbani, filwaqt li jittieħed kont tar-rwol li għandhom l-awtoritajiet urbani fil-politika ta' koeżjoni, u l-ħtieġa li tinħoloq kapaċità qawwija għal aktar implimentazzjoni ta' Aġenda Urbana Ewropea u l-Patt ta' Amsterdam;

22.  Jinnota li l-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 jipprovdi għal involviment akbar tal-awtoritajiet lokali; jenfasizza li dan jimplika aktar ħiliet tekniċi u amministrattivi; jitlob lill-Kummissjoni tistudja inizjattivi u mekkaniżmi li jippermettu lill-operaturi lokali jisfruttaw b'mod sħiħ l-opportunitajiet ta' pprogrammar ipprovduti permezz ta' regoli tal-Fond SIE;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kodiċi ta' kondotta Ewropew dwar is-sħubija, li jiddefinixxi l-ħtieġa li s-sħab rilevanti jiġu megħjuna jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali tagħhom bil-ħsieb li jitħejjew u jiġu implimentati l-programmi; jenfasizza li ħafna Stati Membri mhumiex qed japplikaw kodiċi ta' kondotta Ewropew dwar is-sħubija; iqis, barra minn hekk, li l-prinċipji ewlenin u l-prattiki tajba stabbiliti solennement fl-Artikolu 5 tal-kodiċi ta' kondotta msemmi hawn fuq u li jikkonċerna l-involviment ta' sħab rilevanti fil-preparazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija u tal-programmi għandhom fil-fatt jiġu implimentati, b'konċentrazzjoni partikolari fuq il-kwistjoni ta' żvelar f'waqtu ta' informazzjoni rilevanti u aċċess faċli għaliha; jenfasizza l-ħtieġa ta' linji gwida ċari tal-UE biex iqawwu l-konsistenza u jeliminaw l-inċertezza regolatorja;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-assistenza teknika, bil-finanzjament, tiġi fdata lil ċittadini kkwalifikati li jkunu kapaċi jipprovdu appoġġ kontinwu; jenfasizza, madankollu, li dan il-finanzjament taħt l-ebda ċirkostanza ma għandu jaġixxi bħala sostitut għal finanzjament nazzjonali f'dan il-qasam, u li jenħtieġ li jkun hemm bidla strateġika gradwali lejn l-attivitajiet li jiġġeneraw valur miżjud akbar għall-politika ta' koeżjoni b'mod ġenerali, bħall-bini tal-kapaċità, il-komunikazzjoni jew il-qsim ta' esperjenzi;

25.  Jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-istituzzjonijiet li mhumiex parti mis-sistema ta' ġestjoni iżda li għandhom impatt dirett fuq l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; ifakkar li dawn l-istituzzjonijiet jeħtiġilhom jingħataw assistenza biex jespandu u jtejbu l-kapaċitajiet u l-istandards amministrattivi tagħhom permezz tal-edukazzjoni, l-iskambju ta' għarfien, il-bini tal-kapaċitajiet, in-netwerking u l-istabbiliment ta' sistemi tal-IT li huma meħtieġa biex il-proġetti jiġu amministrati; jenfasizza li komunikazzjoni akbar dwar ir-riżultati u s-suċċessi li nkisbu, kif ukoll il-viżibilità tagħhom, bis-sostenn tal-Fondi SIE, jistgħu jikkontribwixxu biex terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proġett Ewropew; jitlob, għalhekk, li jinħoloq envelopp separat għall-komunikazzjoni fi ħdan l-assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-funġibilità ta' miżuri ta' assistenza teknika biex jippermettu li jsiru ekonomiji ta' skala u għall-finanzjament ta' miżuri komuni għal diversi Fondi SIE;

26.  Jenfasizza li, sabiex jitnaqqsu kumplikazzjonijiet proċedurali eċċessivi, l-assistenza teknika fil-futur għandha tkun dejjem aktar iffokata fuq il-livell benefiċjarju/proġett, irrispettivament minn jekk dan jirrigwardax is-settur pubbliku jew privat jew is-settur tas-soċjetà ċivili, sabiex tkun żgurata l-provvista ta' proġetti innovattivi u mfassla sew u li huma kompatibbli ma' strateġiji diġà eżistenti u b'hekk jiġi evitat approċċ wieħed għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmi biex jinvolvu lill-benefiċjarji tal-Fondi SIE fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-assistenza teknika; jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu netwerk ta' punti ta' informazzjoni li jippermettu lill-benefiċjarji potenzjali jitgħallmu dwar is-sorsi ta' finanzjament disponibbli, il-programmi operazzjonali u sejħiet miftuħa, kif ukoll biex jitgħallmu kif jimlew formoli ta' applikazzjoni u jimplimentaw proġetti;

27.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-assistenza teknika trid titqies bħala strument sempliċi u flessibbli li jista' jiġi aġġustat biex ikun adattat għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu; huwa tal-fehma li l-assistenza teknika trid tikkontribwixxi għas-sostenibilità tal-proġetti, jiġifieri l-ammont ta' żmien li jieħdu, waqt li tiffoka fuq oqsma ewlenin tal-politika ta' koeżjoni u tiffavorixxi eżitu fuq perjodu ta' żmien twil, pereżempju proġetti li joħolqu impjiegi dejjiema; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-assistenza teknika tista' tintuża biex jiġu ttestjati proġetti pilota b'soluzzjonijiet innovattivi;

28.  Jitlob li jkun hemm rapportar aħjar mill-Istati Membri fil-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020 tat-tipi ta' azzjonijiet iffinanzjati mill-assistenza teknika, kif ukoll tar-riżultati miksuba; jenfasizza li hija meħtieġa aktar trasparenza sabiex tiżdied il-viżibilità tal-assistenza teknika u jiġi segwit l-infiq tagħha u fejn qed imorru l-ispejjeż, bil-għan li tinkiseb kontabilità aħjar, inkluża proċedura ċara ta' awditjar; iqis li databases aġġornati b'mod regolari u disponibbli għall-pubbliku ta' azzjonijiet ippjanati u meħuda mill-Istati Membri jenħtieġ li jitqiesu f'dan ir-rigward, billi tiġi segwita l-esperjenza tal-Portal tad-Data Miftuħa tal-Kummissjoni għall-fondi SIE;

29.  Jinnota li, fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali, l-Istati Membri kellhom l-għażla li jinkludu assistenza teknika bħala assi ta' prijorità fi ħdan programm operazzjonali jew bi programm operazzjonali speċifiku ddedikat għall-assistenza teknika; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza liema opzjoni kisbet aktar riżultati u ppermettiet monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar, filwaqt li jitqiesu l-istrutturi istituzzjonali differenti tal-Istati Membri;

30.  Jitob li jkun hemm użu akbar tal-assistenza teknika fil-programmi ta' Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC) u programmi relatati, u speċjalment fil-qasam tal-kooperazzjoni transfruntiera, peress li dawn l-oqsma għandhom l-ispeċifiċitajiet tagħhom stess ujirrikjedu appoġġ fil-fażijiet kollha ta' implimentazzjoni, bil-ħsieb li jsaħħu dik il-kooperazzjoni u jżidu l-istabilità tal-programmi kkonċernati;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis dawn l-elementi kollha fil-kuntest tat-tħejjija tal-proposti leġiżlattivi għall-politika ta' koeżjoni ta' wara l-2020, jiġifieri mill-programm ta' programmazzjoni attwali u dak preċedenti;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta evalwazzjoni ex-post kemm ta' assistenza teknika amministrata ċentralment kif ukoll u assistenza teknika taħt ġestjoni kondiviża;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(6) ĠU L 74, 14.3.2014, p. 1.
(7) Testi adottati, P8_TA(2017)0053.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0308.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0211.


Il-portabilità transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern ***I
PDF 337kWORD 54k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern (COM(2015)0627 – C8-0392/2015 – 2015/0284(COD))
P8_TA(2017)0224A8-0378/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0627),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ressqet il-proposta lill-Parlament (C8-0392/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' April 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' April 2016(2),

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-15 ta' Frar 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0378/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-18 ta' Mejju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn fis-suq intern

P8_TC1-COD(2015)0284


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/1128.)

(1) ĠU C 264, 20.7.2016, p. 86.
(2) ĠU C 240, 1.7.2016, p. 72.


L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles UE-Korea
PDF 336kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (2015/2059(INI))
P8_TA(2017)0225A8-0123/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tas-6 ta' Ottubru 2010 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni tat-28 ta' Ottubru 1996, bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, fuq in-naħa l-oħra(2), u d-deċiżjoni tal-Kunsill 2001/248/KE tad-19 ta' Marzu 2001(3) dwar il-konklużjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2015 dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar Politika Kummerċjali Ġdida għall-Ewropa fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropa 2020(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 511/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea(6),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2010 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal- Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(11),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Marrakech li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0123/2017),

A.  billi l-1 ta' Lulju 2016 inzerta l-ħames anniversarju tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea ("il-Korea");

B.  billi l-istrateġija kummerċjali l-ġdida tal-Kummissjoni "Kummerċ għal Kulħadd" tenfasizza l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE, inkluż permezz tal-użu tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim tagħha;

C.  billi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea ("il-Ftehim") daħal fis-seħħ b'mod formali wara li ġie rratifikat mill-Istati Membri tal-UE fit-13 ta' Diċembru 2015;

D.  billi l-Ftehim huwa l-ewwel minn ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles konklużi mill-UE ma' wieħed mill-pajjiżi sħab tal-Asja, li minbarra li jneħħi t-tariffi, jinkludi wkoll regoli dwar l-eliminazzjoni ta' ostakli nontariffarji, biex b'hekk joħloq opportunitajiet ġodda ta' aċċess għas-suq għas-servizzi u l-investimenti, kif ukoll fl-oqsma tal-proprjetà intellettwali, l-akkwist pubbliku u l-politika tal-kompetizzjoni, u b'hekk se jservi ta' mudell għall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fil-ġejjieni;

E.  billi matul il-perjodu tal-validità tal-Ftehim:

   id-defiċit kummerċjali tal-UE, li kien jammonta għal EUR 7,6 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar ta' qabel sar validu l-Ftehim, inbidel f'bilanċ kummerċjali favorevoli ta' EUR 2,5 biljun fil-ħames sena tal-validità tal-Ftehim;
   l-esportazzjonijiet mill-UE lejn il-Korea kibru b'47 %, minn EUR 30,6 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim, għal EUR 44,9 biljun fil-ħames sena tal-validità tal-Ftehim, inklużi l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea ta' prodotti li kienu kompletament jew parzjalment liberalizzati mill-Ftehim, li żdiedu b'57 % u 71 % rispettivament, u l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Korea ta' prodotti soġġetti għal rata ta' dazju żero taħt il-klawsola tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit (MFN), li żdiedu b'25 % (EUR 1,9 biljun);
   l-importazzjonijiet lejn l-UE mill-Korea fil-ħames sena tal-validità tal-Ftehim kienu jammontaw għal EUR 42,3 biljun u kienu kibru bi 11 % meta mqabbla mal-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim, inklużi l-esportazzjonijiet Koreani lejn l-UE ta' prodotti li kienu kompletament jew parzjalment liberalizzati mill-Ftehim, li żdiedu b'35 % u 64 % rispettivament (b'EUR 5,0 biljun u EUR 0,5 biljun rispettivament), u l-esportazzjonijiet Koreani lejn l-UE ta' prodotti soġġetti għal rata ta' dazju żero taħt il-klawsola tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit (MFN), li żdiedu b'29 % (EUR 5,8 biljun);
   is-sehem tal-UE fit-total ta' importazzjonijiet Koreani kiber minn 9 % qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għal 13 % fir-raba' sena tal-validità tiegħu; fl-istess ħin, is-sehem tal-UE fit-total tal-esportazzjonijiet Koreani naqas minn 11 % għal ftit anqas minn 9 %;
   l-esportazzjonijiet ta' vetturi tal-passiġġieri mill-UE lejn il-Korea kibru b'246 %, minn EUR 2,0 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim għal EUR 6,9 biljun fil-ħames sena tal-validità tiegħu;
   l-importazzjonijiet fl-UE ta' vetturi tal-passiġġieri mill-Korea kibru b'71 %, minn EUR 2,6 biljun fil-perjodu ta' 12-il xahar qabel sar validu l-Ftehim għal EUR 4,5 biljun fil-ħames sena tal-validità tiegħu;
   l-esportazzjonijiet tal-UE ta' servizzi kienu jammontaw għal EUR 11,9 biljun fl-2014, tkabbir ta' 11 % meta mqabbel mas-sena preċedenti, u wasslu għal bilanċ kummerċjali favorevoli għall-UE mal-Korea fis-settur tas-servizzi li kien jammonta għal EUR 6,0 biljun fl-2014; fl-istess ħin, l-importazzjonijiet lejn l-UE ta' servizzi mill-Korea kienu jammontaw għal EUR 6,0 biljun, li jfisser żieda ta' 4 % meta mqabbel mal-2013;
   l-investiment dirett barrani (IDB) tal-UE fil-Korea fl-2014 laħaq EUR 43,7 biljun, li jagħmel mill-UE l-akbar investitur fil-Korea; l-IDB mill-Korea fl-UE, min-naħa l-oħra, laħaq l-EUR 20,3 biljun, li jfisser żieda ta' 35 % meta mqabbel mas-sena preċedenti;
   ir-rata tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi tal-UE fis-suq Korean kibret għal 68,5 %, filwaqt li r-rata tal-utilizzazzjoni tal-preferenzi tal-Korea kienet tammonta għal madwar 85 %;
   ġew stabbiliti seba' kumitati speċjali, seba' gruppi ta' ħidma, u djalogu dwar il-proprjetà intellettwali;
   il-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli – li huwa korp speċjalizzat li jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-Ftehim UE-Korea – qiegħed jiffunzjona;

1.  Ifakkar li l-Ftehim jirrappreżenta proċess u mhux tranżazzjoni ta' darba, u għaldaqstant l-attivitajiet tiegħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, fil-prattika għandhom ikomplu jibqgħu soġġetti għal analiżijiet u valutazzjonijiet perjodiċi dwar l-impatt kummerċjali fuq setturi ekonomiċi speċifiċi tal-UE u ta' kull Stat Membru rispettivament; jenfasizza f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġi żgurat li l-Ftehim jiġi implimentat kif xieraq u d-dispożizzjonijiet tiegħu jiġu osservati;

2.  Jilqa' l-fatt li l-Ftehim wassal għal tkabbir sinifikanti fil-kummerċ bejn l-UE u l-Korea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jeżaminaw il-konsegwenzi u l-impatt dirett tal-Ftehim fuq il-benesseri tal-konsumatur, l-intraprendituri u l-ekonomija Ewropea u biex il-pubbliku jiġi informat b'mod aktar effettiv dwar tali impatti;

3.  Jenfasizza li l-konklużjoni tal-Ftehim kienet mingħajr preċedent, kemm f'termini tal-ambitu tal-Ftehim kif ukoll f'termini tal-ħeffa li biha l-ostakli għall-kummerċ kellhom jitneħħew, pereżempju, ħames snin wara li l-Ftehim daħal fis-seħħ prattikament id-dazji kollha fuq l-importazzjoni kienu tneħħew miż-żewġ naħat;

4.  Jirrimarka li l-Ftehim, bħal ftehimiet oħra dwar il-kummerċ ħieles, is-servizzi u l-investimenti, għandu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-partijiet għall-Ftehim, fuq l-integrazzjoni ekonomika, fuq l-iżvilupp sostenibbli, u fuq it-tqarrib tal-pajjiżi u ċ-ċittadini tagħhom;

5.  Jikkonstata l-isforzi tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili u tal-gruppi konsultattivi domestiċi li ġew stabbiliti bi qbil mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, li hu parti integrali tal-pakkett globali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles; ifakkar li ż-żewġ partijiet impenjaw lilhom infushom, skont l-Artikolu 13.4 tal-Ftehim li jirrispettaw, jippromwovu u jwettqu fil-liġijiet u l-prattiki tagħhom, il-prinċipji li joriġinaw mill-obbligi tagħhom derivati mis-sħubija fl-ILO u mid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol, partikolarment il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal negozjar kollettiv; jenfasizza, madankollu, li l-progress magħmul mill-Korea dwar l-objettivi li jirfdu l-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli mhuwiex sodisfaċenti, u li għad hemm każijiet ta' ksur tal-libertà ta' assoċjazzjoni, inkluż każijiet preokkupanti ta' tfigħ il-ħabs ta' kapijiet ta' trejdjunjins, u interferenza fin-negozjati, li għandha taqa' fi ħdan l-awtonomija tas-sħab fin-negozjaturi; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi konsultazzjonijiet formali mal-Gvern Korean, bi qbil mal-Artikolu 13.14 tal-Ftehim, u jekk dawn il-konsultazzjonijiet ifallu, jappella lill-panel ta' esperti msemmija fl-artikolu 13.15 tal-Ftehim biex jieħdu azzjoni u biex ikomplu d-djalogu dwar in-nuqqas tal-Gvern Korean li jikkonforma ma' wħud mill-impenji tiegħu, u partikolarment biex iwettaq sforzi kontinwi u sostnuti, bi qbil mal-obbligi li jirfdu l-Ftehim, sabiex tiġi żgurata r-ratifika mill-Korea tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, li dan il-pajjiż għadu ma rratifikax;

6.  Jenfasizza li hemm differenzi sinifikanti fil-livell ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi bejn l-Istati Membri tal-UE, li jvarja bejn 16 % u 92 %; jirrimarka li aktar utilizzazzjoni tal-preferenzi fis-seħħ tista' twassal għal benefiċċji ulterjuri għall-esportaturi tal-UE li jkunu jammontaw għal aktar minn EUR 900 miljun; jissuġġerixxi li l-użu tal-preferenzi f'dan il-ftehim kummerċjali u f'oħrajn għandu jiġi analizzat sabiex jiġi mmassimizzat l-użu tal-benefiċċji kummerċjali;

7.  Jirrikonoxxi li, filwaqt li l-Ftehim jilħaq l-aspettattivi tal-partijiet f'termini ta' żieda fil-kummerċ bilaterali u ta' sħubija kummerċjali aktar profonda, il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jiġu analizzati u infurzati u implimentati kif xieraq skont it-tifsira tal-Ftehim u għandhom jiġu riveduti bħala rimedju għall-problemi eżistenti, dan skont il-Ftehim u bħala parti mid-djalogu mal-Korea:

   (a) l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, bħal: il-klawsola dwar it-trasport dirett, li tipprevjeni l-kumpaniji milli jottimizzaw ekonomikament il-vjeġġi bil-kontejners, il-klawsola dwar prodotti msewwija, l-inklużjoni ta' trakkijiet-tratturi fl-ambitu tal-Ftehim, u – importanti bl-istess mod – il-kwistjoni tar-regoli u l-proċeduri li jirregolaw iċ-ċertifikati għal magni esportati lejn il-Korea;
   (b) l-ostakli fil-qasam tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji, inkluż: l-ostakli li jillimitaw l-esportazzjonijiet taċ-ċanga u l-majjal tal-UE, kif ukoll prodotti tal-ħalib;
   (c) id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, bħal: ir-rikonoxximent u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u ta' drittijiet kummerċjali fir-rigward tar-rappreżentazzjoni pubblika ta' xogħlijiet mużikali, fonogrammmi u rappreżentazzjonijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew minn drittijiet relatati;
   (d) il-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli: ir-ratifika u l-implimentazzjoni mill-parti Koreana tal-Konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;
   (e) il-formulazzjoni tat-test tar-regoli dwar l-oriġini u l-effett tagħhom fuq ir-rata ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi;
   (f) kwistjonijiet b'rabta doganali inklużi proċeduri ta' verifika tal-oriġini;

8.  Jinnota li dan l-aħħar kien hemm każijiet ta' ħolqien ta' ostakli nontariffarji ġodda, bħal normi tekniċi għal magni, tagħmir jew vetturi li qabel ma kinux jeżistu; jisħaq li fenomenu partikolarment inaċċettabbli hu l-irtirar tal-omologazzjoni tat-tip ta' vettura għad-diversi produtturi tal-karozzi Ewropej, fuq bażi mhux sostanzjata; jistieden lill-Kummissjoni tibda taħdidiet bilaterali biex telimina dan il-fenomenu negattiv;

9.  Jirrimarka li ħafna intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) mhumiex konxji mill-opportunitajiet li jġib il-Ftehim; jistieden, għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistudjaw b'mod partikolari r-rata ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi tal-SMEs u jieħdu passi effettivi biex iżidu l-għarfien fost l-SMEs rigward l-opportunitajiet li ħoloq il-Ftehim;

10.  Jappoġġa l-approfondiment ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-UE u l-Korea, partikolarment il-Kapitolu dwar l-Investiment tal-Ftehim; jistenna li d-diffikultajiet li jikkonċernaw il-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli jiġu solvuti qabel in-negozjati dwar il-Kapitolu dwar l-Investiment; jappoġġa l-parteċipazzjoni tal-partijiet għall-Ftehim fil-ħolqien ta' aktar tkabbir ekonomiku u żvilupp sostenibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u tal-Korea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern tar-Repubblika tal-Korea biex ma jużawx il-metodu tal-ISDS l-antik fl-eventwalità ta' negozjati dwar kapitolu fuq l-investiment, iżda biex minflok jibnu fuq Sistema ta' Qorti tal-Investiment ġdida proposta mill-Kummissjoni, u jappella lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa sistema ta' qorti tal-investiment multilaterali fuq il-perjodu twil li potenzjalment tieħu post il-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni tat-tilwim fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles attwali u fil-ġejjieni;

11.  Jisħaq fuq l-importanza li l-kooperazzjoni internazzjonali tissaħħaħ aktar fil-qafas internazzjonali, fil-livelli multilaterali, plurilaterali u reġjonali, fil-kuntest tad-WTO, bħal fir-rigward tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali (EGA) u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TISA);

12.  Jisħaq li l-valuri strateġiċi tal-Ftehim imorru lil hinn mill-isfera kummerċjali peress li jipprovdi bażi soda għal relazzjonijiet aktar profondi b'impenn fuq il-perjodu twil u jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Korea;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika tal-Korea.

(1) ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.
(2) ĠU L 90, 30.3.2001, p. 46.
(3) ĠU L 90, 30.3.2001, p.45.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0250.
(5) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 87.
(6) ĠU L 145, 31.5.2011, p. 19.
(7) ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1.
(8) ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 113.
(9) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.
(10) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.
(11) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0299.


Il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani
PDF 272kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati fil-Lvant Nofsani (2016/2998(RSP))
P8_TA(2017)0226RC-B8-0345/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, li l-Iżrael u l-Palestina huma Stati Partijiet għalihom,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-1 ta' Lulju 2016 u d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Settembru 2016 tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Jannar 2016 u tal-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat tal-Iżrael, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ksib tal-paċi fil-Lvant Nofsani jibqa' prijorità ewlenija għall-komunità internazzjonali u element indispensabbli għall-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali u globali;

B.  billi r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni (ir-"Rappreżentant Għoli") esprimiet f'bosta okkażjonijiet l-impenn tagħha li ġġedded u tintensifika r-rwol tal-Unjoni fil-proċess ta' paċi; billi f'April 2015, ir-Rappreżentant Għoli ħatret Rappreżentant Speċjali tal-UE ġdid għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani (ir-"Rappreżentant Speċjali tal-UE"); billi r-Rappreżentant Speċjali għadu ma ġab l-ebda riżultat;

C.  billi l-Kwartett u s-sħab reġjonali bħall-Eġittu, il-Ġordan u l-Arabja Sawdija għandhom rwol importanti fit-tiftix ta' soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Għarab u l-Iżraeljani;

D.  billi t-tkomplija tal-vjolenza, l-attakki terroristiċi kontra persuni ċivili u l-inċitament favur il-vjolenza qed jaggravaw bil-kbir in-nuqqas ta' fiduċja u huma fundamentalment inkompatibbli ma' soluzzjoni paċifika;

E.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fir-Riżoluzzjoni 2334(2016) tiegħu:

   (a) afferma mill-ġdid li l-istabbiliment ta' insedjamenti Iżraeljani fit-territorju Palestinjan, okkupat sa mill-1967, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, ma għandu l-ebda validità legali u jikkostitwixxi ksur sfaċċat tad-dritt internazzjonali u ostakolu ewlieni għall-ksib tas-soluzzjoni ta' żewġ stati;
   (b) appella lill-partijiet biex, fin-negozjati relevanti tagħhom, jiddistingwu bejn it-territorju tal-Istat ta' Iżrael u t-territorji okkupati sa mill-1967;
   (c) fakkar fl-obbligu skont il-pjan direzzjonali tal-Kwartett għall-Forzi tas-Sigurtà tal-Awtorità Palestinjana li jibqgħu sejrin b'operazzjonijiet effettivi bil-għan li jaffaċċjaw dawk kollha involuti fit-terroriżmu u jżarmaw il-kapaċitajiet terroristiċi, inkluża l-konfiska tal-armi illegali;

F.  billi skont l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-UE fil-Palestina, hemm rata għolja ta' strutturi Palestinjani li twaqqgħu matul dawn l-aħħar xhur;

G.  billi hemm rapporti numerużi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istrixxa ta' Gaża;

H.  billi hemm tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri fuq iż-żewġ naħat, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-istrajk tal-ġuħ li għaddej min-naħa tal-priġunieri Palestinjani; billi ż-żewġ partijiet għandhom jonoraw l-obbligi internazzjonali fir-rispett għad-drittijiet tal-priġunieri;

I.  billi l-partijiet kollha għandhom jappoġġjaw djalogu u kollaborazzjoni prattika, b'mod partikolari fl-oqsma tas-sigurtà, l-aċċess għall-ilma, ir-riżorsi tas-sanità u l-enerġija, u l-promozzjoni tat-tkabbir fl-ekonomija Palestinjana, u b'hekk joffru viżjoni ta' tama, paċi u rikonċiljazzjoni fir-reġjun li tant għandu bżonnhom;

J.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u ż-żewġ naħat għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jiggwidaw il-politika interna u internazzjonali tagħhom u jikkostitwixxu element essenzjali ta' dawn ir-relazzjonijiet;

1.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina abbażi tal-fruntieri stabbiliti fl-1967, b'Ġerusalemm bħala l-belt kapitali taż-żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael sigur u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jikkoeżistu fil-paċi u s-sigurtà, abbażi tal-jedd għall-awtodeterminazzjoni u r-rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali;

2.  Jenfasizza l-importanza li l-partijiet jerġgħu jibdew in-negozjati sustantivi mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li jilħqu paċi ġusta, dejjiema u komprensiva; jappella liż-żewġ partijiet biex jevitaw passi li jistgħu jservu ta' xrara għal eskalazzjoni ulterjuri, inklużi miżuri unilaterali li jistgħu jippreġudikaw l-eżitu tan-negozjati, jheddu l-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u jiġġeneraw nuqqas ulterjuri ta' fiduċja; jappella liż-żewġ partijiet biex jiddikjaraw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur is-soluzzjoni ta' żewġ stati, biex b'hekk jiddisassoċjaw ruħhom mill-ilħna li jirrifjutaw din is-soluzzjoni;

3.  Jopponi b'qawwa kull azzjoni li ddgħajjef il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u jħeġġeġ liż-żewġ naħat juru, permezz ta' politiki u azzjonijiet, impenn ġenwin lejn soluzzjoni ta' żewġ stati sabiex tinbena mill-ġdid il-fiduċja; jilqa' l-impenn espress matul iż-żjara reċenti tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u l-President Palestinjan Mahmoud Abbas lejn l-Istati Uniti biex jaħdmu flimkien fis-sliem;

4.  Jissottolinja li l-protezzjoni u l-ippreservar tal-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati għandha tkun il-prijorità immedjata tal-politiki u tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina u tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;

5.  Jikkundanna l-atti ta' vjolenza kollha, l-atti terroristiċi kontra l-Iżraeljani u l-inċitament favur il-vjolenza li huma fundamentalment inkompatibbli mal-progress fir-rigward ta' soluzzjoni ta' żewġ stati paċifiċi; jinnota li l-partijiet kollha għandhom jaġixxu b'mod effettiv kontra l-vjolenza, it-terroriżmu, id-diskors ta' mibegħda, u l-inċitament, peress li dan huwa kritiku biex terġa' tinbena l-kunfidenza u tiġi evitata l-eskalazzjoni li tfixkel aktar il-prospetti tal-paċi;

6.  Jenfasizza, billi jfakkar li l-insedjamenti huma illegali skont id-dritt internazzjonali, li d-deċiżjonijiet riċenti biex jiġi stabbilit insedjament ġdid fil-qalba tax-Xatt tal-Punent, li jinħarġu sejħiet għal offerti għal kważi 2 000 unità ta' insedjament u li art oħra fil-qalba tax-Xatt tal-Punent tiġi ddikjarata bħala "art statali" jdgħajfu ulterjorment il-prospettivi favur soluzzjoni vijabbli ta' żewġ stati; jikkundanna l-kontinwazzjoni ta', u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex minnufih itemmu u jreġġgħu lura l-politika tagħhom dwar l-insedjamenti; jiddispjaċih, b'mod partikolari, dwar l-approvazzjoni "tal-liġi dwar ir-regolarizzazzjoni" min-naħa tal-Knesset fis-6 ta' Frar 2017, li tippermetti legalizzazzjoni retroattiva tal-insedjamenti mibnija fuq proprjetajiet Palestinjani mingħajr l-approvazzjoni tas-sid privat leġittimu; jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema dwar din il-leġiżlazzjoni l-ġdida;

7.  Jieħu nota pożittiva tal-paragrafu 8 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2016 dwar l-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiżguraw implimentazzjoni sħiħa ta' leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u arranġamenti bilaterali bejn l-UE u l-Iżrael;

8.  Jappella għat-tmiem tat-twaqqigħ ta' djar Palestinjani u strutturi u proġetti ffinanzjati mill-UE, l-ispostament furzat ta' familji Palestinjani u l-konfiska ta' proprjetà Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, bi qbil mar-rapport tal-Kwartett; jenfasizza r-responsabbiltà tal-awtoritajiet rilevanti tal-UE sabiex ikomplu jiżguraw li l-ebda finanzjament tal-UE ma jista' jiġi ddevjat direttament jew indirettament lejn organizzazzjonijiet jew attivitajiet terroristiċi li jinċitaw dawn l-atti;

9.  Ifakkar li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-istati u l-atturi mhux statali, inkluża r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom, hija pedament għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun;

10.  Jisħaq li r-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana hija element importanti biex tinkiseb is-soluzzjoni ta' żewġ stati, u jiddeplora n-nuqqas kontinwu ta' għaqda bejn il-Palestinjani; jappoġġja l-appell tal-UE lill-fazzjonijiet Palestinjani biex iqiegħdu r-rikonċiljazzjoni u r-ritorn tal-Awtorità Palestinjana fl-Istrixxa ta' Gaża fil-quċċata tal-prijoritajiet; iħeġġeġ lill-forzi Palestinjani jerġgħu jagħtu bidu, mingħajr dewmien, għall-isforzi favur ir-rikonċiljazzjoni, speċjalment billi jorganizzaw l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li suppost ilhom li saru; jenfasizza li l-Awtorità Palestinjana trid tassumi l-funzjoni tagħha ta' gvern fl-Istrixxa ta' Gaża, inkluż fil-qasam tas-sigurtà u l-amministrazzjoni ċivili u permezz tal-preżenza tagħha fil-punti ta' qsim tal-fruntiera;

11.  Jenfasizza li l-attivitajiet militanti u l-akkumulazzjoni illegali ta' armi jrawmu l-instabbiltà u finalment ifixklu l-isforzi biex tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata; jistieden lill-Forzi tas-Sigurtà tal-Awtorità Palestinjana jwettqu operazzjonijiet għalkollox effikaċi u f'waqthom biex jaġixxu kontra l-attivitajiet ta' dawn il-gruppi militanti, bħall-isparar tar-rokits fuq l-Iżrael; jenfasizza l-ħtieġa imperattiva li l-gruppi terroristiċi jiġu evitati milli jakkwistaw l-armi u jwettqu l-kuntrabandu tal-armamenti tagħhom, jipproduċu r-rokits u jibnu l-mini;

12.  Itenni t-talba tiegħu għat-tmiem tal-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża u għar-rikostruzzjoni urġenti u r-rijabilitazzjoni ta' din iż-żona;

13.  Ifakkar lill-Istati Membri fid-Dikjarazzjoni ta' Venezja ta' Ġunju 1980, meta l-Istati Membri tal-UE ħadu r-responsabbiltà tagħhom fil-proċess ta' paċi; jitlob għal Dikjarazzjoni tal-UE ġdida li trid tiġi adottata f'Ġunju ta' din is-sena; jitlob lir-Rappreżentant Għoli biex tuża din id-dikjarazzjoni l-ġdida biex timpenja ruħha fl-istabbiliment ta' inizjattiva Ewropea ta' paċi fir-reġjun li tkun ambizzjuża u komprensiva;

14.  Jappella li din l-inizjattiva ta' paċi tal-Unjoni Ewropea tindirizza l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, bil-għan li tikseb riżultati tanġibbli fi ħdan qafas ta' żmien stipulat, fil-qafas ta' soluzzjoni ta' żewġ stati, u b'mekkaniżmu ta' monitoraġġ u implimentazzjoni internazzjonali; jenfasizza l-importanza ta' parteċipazzjoni attiva flimkien ma' atturi internazzjonali oħrajn f'dan ir-rigward, fil-qafas tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani u fir-rigward, b'mod partikolari, tal-inizjattiva Għarbija għall-paċi; jappella għall-użu effettiv tal-ingranaġġ u l-istrumenti eżistenti tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati maż-żewġ partijiet sabiex jiġu ffaċilitati l-isforzi ta' paċi, peress li azzjoni kkoordinata tal-UE tista' twassal għal riżultati;

15.  Jissottolinja li, bil-għan li jingħata sostenn lil inizjattiva Ewropea ta' paċi ġenwina, id-dmir primarju tal-Istati Membri huwa li jikkontribwixxu b'mod attiv fit-tiswir ta' pożizzjoni Ewropea unita u jżommu lura milli jieħdu inizjattivi unilaterali li jdgħajfu l-azzjoni Ewropea; jissottolinja li l-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern Ewropej ma jistgħux jitolbu lill-Unjoni biex tkun proattiva fir-reġjun jekk il-pożizzjonijiet diverġenti tagħhom jimpedixxu lill-Unjoni milli titkellem b'leħen wieħed permezz tar-Rappreżentant Għoli;

16.  Jinnota l-potenzjal qawwi tal-komunità Għarbija Palestinjana f'Iżrael li twettaq rwol importanti fil-ksib ta' paċi dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u l-importanza tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proċess tal-paċi, u l-kontribut għalih; jitlob għal drittijiet ugwali għaċ-ċittadini tal-Iżrael, li hija prekundizzjoni bażika sabiex tkun tista' twettaq dan ir-rwol;

17.  Jitlob l-appoġġ u l-protezzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-atturi tas-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li jikkontribwixxu għall-isforzi tal-paċi u għall-bini tal-fiduċja bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani fuq iż-żewġ naħat, u jilqa' l-kontribut tas-soċjetà ċivili għall-proċess ta' paċi permezz ta' ideat u inizjattivi innovattivi ġodda;

18.  Jissuġġerixxi li titnieda inizjattiva "Membri Parlamentari għall-Paċi" li tfittex li tiġbor flimkien membri parlamentari Ewropej, Iżraeljani u Palestinjani sabiex ikunu jistgħu jressqu 'l quddiem aġenda għall-paċi u jikkumplementaw l-isforzi diplomatiċi tal-UE;

19.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE trawwem inizjattivi li jistgħu jikkontribwixxu biex tinbena mill-ġdid il-fiduċja bejn l-atturi politiċi, mhux statali u ekonomiċi u biex jiġi stabbilit mudell ta' kooperazzjoni rigward kwistjonijiet konkreti; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tal-oqsma ta' politika fejn il-kooperazzjoni hija imperattiva għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, b'mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà, l-aċċess għall-ilma, is-sanità, ir-riżorsi tal-enerġija, u t-tkabbir tal-ekonomija Palestinjana;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lir-Rappreżentant tal-Kwartett, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-Knesset u lill-Gvern tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.


L-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja
PDF 291kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja (2017/2654(RSP))
P8_TA(2017)0227RC-B8-0331/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 bit-titlu "Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja" (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-3 ta' April 2017, li flimkien jikkostitwixxu l-istrateġija l-ġdida tal-UE rigward is-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenti tal-5 ta' April 2017 dwar il-Konferenza dwar "Appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-30 ta' Diċembru 2016 dwar it-tħabbir ta' waqfien mill-ġlied fis-Sirja u tat-23 ta' Marzu 2017 dwar is-Sirja, u d-Dikjarazzjoni tal-VP/RGħ f'isem l-UE tad-9 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f'Aleppo,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ tas-6 ta' April 2017 dwar l-allegat attakk kimiku f'Idlib, is-Sirja, u tas-7 ta' April 2017 dwar l-attakk mill-Istati Uniti fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi tal-UE kontra dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti fis-Sirja, fosthom dawk tal-14 ta' Novembru 2016 u tal-20 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), u r-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) dwar l-ISIL/Da'esh u l-Front Al-Nusra u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU dwar il-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2218 (2013), 2139 (2014), 2165 (2014), 2191 (2014), 2199 (2015), 2254 (2015), 2258 (2015), 2268 (2016), 2328 (2016), 2332 (2016), u 2336 (2016),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-KSNU 1325 (2000) tal-31 ta' Ottubru 2000 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) A/71/L.48 tad-19 ta' Diċembru 2016 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Ġinevra tal- 2012,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konvenzjonijiet kollha tan-NU li s-Sirja hija Stat Parti fihom,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti fundaturi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ),

–  wara li kkunsidra tribunali ad hoc, inklużi t-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-gwerra fis-Sirja saret waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji li d-dinja kellha tħabbat wiċċha magħhom mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, u billi għadha tħalli effetti qerrieda u konsegwenzi traġiċi għall-poplu ta' dak il-pajjiż; billi għexieren ta' persuni ċivili, inklużi tfal, sfaw fil-mira, u għadhom iġarrbu t-tbatija f'din il-gwerra ċivili brutali, u billi aktar minn 400 000 ruħ tilfu ħajjithom minn meta dan il-kunflitt faqqa' fis-Sirja fl-2011; billi aktar minn 13,5 miljun ruħ fis-Sirja, kważi tliet kwarti tal-popolazzjoni li baqgħet fil-pajjiż, huma fil-bżonn urġenti ta' għajnuna ta' emerġenza bħal assistenza medika u ta' ikel, ilma u kenn; billi 6,3 miljun ruħ huma spostati internament, 4,7 miljun ruħ jgħixu f'żoni li diffiċli jintlaħqu u li jinsabu assedjati, u 5 miljun ruħ jgħixu bħala rifuġjati f'pajjiżi ġirien u fir-reġjun usa'; billi l-kriżi fis-Sirja qed ikollha impatt dejjem aktar destabbilizzanti fuq ir-reġjun usa';

B.  billi, mindu faqqgħet il-gwerra fl-2011, l-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, sa Jannar 2017 immobilizzat aktar minn EUR 9,4 biljun b'rispons għall-kriżi Sirjana, kemm fis-Sirja u kemm fir-reġjun, u b'dan il-mod saret l-akbar donatur; billi l-UE appoġġjat ukoll b'mod sostanzjali l-pajjiżi ġirien li jospitaw lir-rifuġjati;

C.  billi l-vjolazzjonijiet li twettqu tul il-kunflitt Sirjan jinkludu attakki mmirati u indiskriminati fuq persuni ċivili, qtil extraġudizzjarju, tortura u maltrattament, għajbien furzat, arresti tal-massa u arbitrarji, kastigi kollettivi, attakki fuq persunal mediku u t-tiċħid mill-ikel u mill-ilma; billi ġie rrappurtat li r-reġim ta' Assad huwa responsabbli għall-qtil b'tgħalliq, atti ta' tortura u qtil extraġudizzjarju fuq skala massiva fil-faċilitajiet ta' detenzjoni tiegħu; billi l-Gvern Sirjan deliberatament ċaħħad lil persuni ċivili minn prodotti u servizzi essenzjali, inkluż mill-provvista tal-ikel u tal-ilma kif ukoll mill-assistenza medika; billi l-attakki, u t-tiġwiħ ta' persuni ċivili bħala tattika tal-gwerra, permezz ta' assedji ta' żoni popolati, jikkostiwixxu ksur ċar tal-liġi umanitarja internazzjonali; billi dawn id-delitti s'issa għadhom ma ġewx ikkastigati;

D.  billi l-ISIS/Da'esh u gruppi ġiħadisti oħra wettqu atroċitajiet krudili, fosthom l-użu ta' eżekuzzjonijiet brutali, kif ukoll atti tal-waħx ta' vjolenza sesswali, ħtif, tortura, konverżjonijiet furzati u tjassir tan-nisa u l-bniet; billi tfal ġew irreklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tal-ISIS/Da'esh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani matul il-kampanja ta' liberazzjoni; billi dawn ir-reati jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

E.  billi l-waqfien mill-ġlied li beda jseħħ fit-30 ta' Diċembru 2016 mhuwiex qed jiġi rispettat, hekk li ġew rappurtati diversi vjolazzjonijiet madwar is-Sirja kollha, u seħħew inċidenti serji, bħall-attakk kimiku f'Khan Sheyhoun – preżumibbilment imwettaq mir-reġim – u l-bumbardament fuq xarabanks li kienu qed iġorru lil nies evakwati mill-bliet assedjati ta' Foah u Kefraya lejn żoni kkontrollati mill-gvern; billi nqatlu għexieren ta' persuni, fosthom tfal, filwaqt li ħafna oħrajn sfaw feruti;

F.  billi diversi investigazzjonijiet ikkonkludew li l-forzi ta' Assad użaw aġenti kimiċi maħsuba biex jagħmlu l-ħsara u joqtlu lil persuni ċivili, bi ksur tal-arranġament li kien intlaħaq fl-2013 għall-eliminazzjoni tagħhom; billi l-aħħar każ ta' użu ta' armi ta' qerda massiva kontra persuni ċivili seħħ fl-4 ta' April 2017 f'Khan Sheyhoun fil-provinċja ta' Idlib, fejn inqatlu tal-anqas 70 persuna ċivili, ħafna minnhom tfal, u mijiet oħra sfaw midruba; billi, fit-12 ta' April 2017, ir-Russja użat il-veto kontra riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li kienet tikkundanna l-użu rrappurtat ta' armi kimiċi projbiti fis-Sirja, u li kienet tappella lill-Gvern tas-Sirja biex jikkoopera ma' investigazzjoni dwar l-inċident; billi l-Istati Uniti infurmat lill-UE li, abbażi tal-valutazzjoni tagħha li r-reġim Sirjan kien uża armi kimiċi, nediet attakk fuq il-bażi tal-ajru militari ta' Al-Shayrat fil-Governorat ta' Homs, is-Sirja, bl-intenzjoni li timpedixxi u tiskoraġġixxi t-tixrid u l-użu ta' armi kimiċi;

G.  billi, f'Marzu 2017, l-UE żiedet fil-lista ta' sanzjonijiet l-ismijiet ta' erba' uffiċjali għolja militari Sirjani minħabba r-rwol tagħhom fl-użu ta' armi kimiċi kontra l-popolazzjoni ċivili, fi qbil mal-politika tal-UE li tiġġieled il-proliferazzjoni u l-użu tal-armi kimiċi;

H.  billi l-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker semma l-ħtieġa ta' strateġija tal-UE għas-Sirja fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f'Settembru 2016; billi, f'Ottubru, il-Parlament stieden lill-VP/RGħ Federica Mogherini tiżgura li l-istrateġija l-ġdida jkollha l-għan li tiffaċilita soluzzjoni politika għas-sitwazzjoni fis-Sirja, inkluż permezz ta' għodod ta' monitoraġġ u infurzar li jsaħħu l-konformità mal-impenji meħuda fil-qafas tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja (ISSG);

I.  billi l-għan tal-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja huwa li tiddeskrivi kif l-UE jista' jkollha rwol aktar viżibbli u effikaċi hija u tikkontribwixxi għal soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja fil-kuntest tal-qafas eżistenti approvat min-NU, u kif tista' tappoġġja r-rikostruzzjoni ta' wara l-ftehim ladarba tkun inbdiet tranżizzjoni kredibbli; billi din l-istrateġija tiddeskrivi sitt oqsma ewlenin ta' attenzjoni, jiġifieri: it-tmiem tal-gwerra permezz ta' tranżizzjoni politika ġenwina; il-promozzjoni ta' tranżizzjoni sinifikanti u inklussiva; l-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji tas-Sirjani l-aktar vulnerabbli; il-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; il-promozzjoni tal-obbligu ta' rendikont għad-delitti tal-gwerra u l-appoġġ għar-reżiljenza tal-popolazzjoni u tas-soċjetà Sirjana;

J.  billi, fil-5 ta' April 2017, l-UE kopresidiet konferenza dwar appoġġ għall-ġejjieni tas-Sirja u tar-reġjun, li laqqgħet flimkien rappreżentanti minn aktar minn 70 pajjiż, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u mis-soċjetà ċivili internazzjonali u Sirjana; billi l-Konferenza ta' Brussell laħqet qbil dwar approċċ olistiku għat-trattament tal-kriżi Sirjana, b'assistenza finanzjarja addizzjonali ta' EUR 3,47 biljun biex jintlaqa' għas-sitwazzjoni umanitarja fil-perjodu 2018-2020, inkluża s-somma ta' EUR 1,3 biljun mill-UE, l-akbar donatur fil-kriżi; billi, barra minn hekk, ċerti istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u donaturi ħabbru madwar EUR 27,9 biljun f'self; billi l-ispiża tar-rikostruzzjoni fis-Sirja hija stmata għal madwar USD 200 biljun;

K.  billi l-UE tirrikonoxxi u tappoġġja l-isforzi magħmula mit-Turkija, mil-Libanu u mill-Ġordan, il-pajjiżi ġirien tas-Sirja li jospitaw l-akbar għadd ta' rifuġjati;

L.  billi, fl-4 ta' Mejju 2017, ir-Russja, l-Iran u t-Turkija laħqu ftehim f'Astana (il-Każakistan) li jistabbilixxi erba' żoni ta' tnaqqis tal-intensità tal-kunflitt; billi t-tliet pajjiżi firmatarji għandhom jaġixxu bħala garanti tat-tregwa rinnovabbli ta' sitt xhur, inkluż permezz ta' osservaturi armati fil-post; billi dan il-ftehim jitlob li jintemmu t-titjiriet kollha mir-reġim ta' Assad fuq dawn iż-żoni u li jkun hemm aċċess umanitarju bla xkiel fiż-żoni okkupati mir-ribelli; billi sessjoni ġdida ta' taħditiet immexxija min-NU se tissokta f'Ġinevra din il-ġimgħa u rawnd ieħor ta' taħditiet immexxija mir-Russja huwa ppjanat għal nofs Lulju fil-Każakistan;

M.  billi l-UE ddikjarat ripetutament li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt Sirjan u li biss tranżizzjoni inklussiva u mmexxija mis-Sirja tista' ttemm it-tbatija inaċċettabbli tal-poplu Sirjan; billi, filwaqt li huwa ċar li r-rikostruzzjoni tista' tibda biss wara li jkun intlaħaq ftehim politiku, jeħtieġ li l-isforzi ta' rikonċiljazzjoni jibdew malajr kemm jista' jkun u li jkollhom l-appoġġ tal-UE, bil-għan li tinkiseb stabbiltà fit-tul; billi d-determinazzjoni tal-verità, il-promozzjoni tal-obbligu ta' rendikont u ta' ġustizzja tranżizzjonali, kif ukoll amnistija, ilkoll huma essenzjali f'dan il-kuntest;

1.  Jilqa' l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja, inklużi l-għanijiet strateġiċi tal-UE dwar is-Sirja u l-objettivi tal-UE għas-Sirja kif ukoll l-eżitu tal-Konferenza ta' Brussell li żgurat impenji pluriennali; iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha jonoraw l-impenji tagħhom bis-sħiħ u jkomplu bl-appoġġ tagħhom fil-ġejjieni;

2.  Jikkundanna, għal darb' oħra u bl-akbar qawwa, l-atroċitajiet u l-vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa mill-partijiet kollha fil-kunflitt, u b'mod partikolari mill-forzi tar-reġim ta' Assad bl-appoġġ tal-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran, kif ukoll minn gruppi armati mhux statali, b'mod partikolari l-ISIS/Da'esh u Jabhat Fateh al-Sham; jisħaq fuq il-pożizzjoni tiegħu li dawk kollha responsabbli għal vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali u tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem jridu jagħtu kont ta' għemilhom; iħeġġeġ lill-istati kollha japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali huma u jindirizzaw l-impunità, u jilqa' b'sodisfazzjon il-passi li għadd ta' Stati membri ħadu għal dan il-għan, fosthom id-deċiżjoni reċenti mill-Qorti Nazzjonali ta' Spanja li tisma' kawża kriminali kontra disa' uffiċjali tal-intelligence tas-Sirja fuq akkużi ta' tortura u ta' vjolazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha jesploraw, f'koordinament mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma, il-ħolqien ta' tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja, sakemm isir b'suċċess riferiment lill-Qorti Kriminali Internazzjonali; jenfasizza li dawk li jwettqu delitti kontra gruppi u minoranzi reliġjużi, etniċi u ta' tip ieħor għandhom jitressqu wkoll quddiem il-ġustizzja; jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni effikaċi tal-kunflitti u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma jingħata kont tad-delitti li jkunu twettqu;

3.  Jikkundanna bl-akbar qawwa l-attakk kimiku ta' tkexkix fuq il-belt ta' Khan Sheyhoun fil-provinċja ta' Idlib fl-4 ta' April 2017 li kkawża l-mewt ta' tal-anqas 70 persuna ċivili, fosthom tfal u ħaddiema umanitarji, u li ħalla ħafna vittmi juru sintomi ta' avvelenament bil-gass; jieħu nota li allegazzjoni tal-użu ta' armi kimiċi hija kredibbli skont il-valutazzjoni preliminari mwettqa mill-missjoni ta' verifika tal-fatti tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW); jenfasizza l-obbligu tas-Sirja li tirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' inkjesta tal-OPCW u tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-Nazzjonijiet Uniti, billi tagħti aċċess immedjat u bla xkiel u tirrikonoxxi d-dritt li jsiru spezzjonijiet f'kull sit; jenfasizza li dawk responsabbli għal attakki bħal dawn se jkollhom jagħtu kont ta' għemilhom quddiem qorti tal-ġustizzja; jiddeplora l-użu ripetut tal-veto mir-Russja fil-Kunsill tas-Sigurtà, inkluż għal riżoluzzjoni tal-KSNU li kienet tikkundanna l-aktar attakk kimiku reċenti u titlob li ssir investigazzjoni internazzjonali;

4.  Jilqa' l-ħolqien ta' Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011, jiddeplora l-fatt li dan il-mekkaniżmu għadu mhux iffinanzjat kompletament; jistieden lill-Istati Membri jwettqu l-impenji tagħhom f'dan ir-rigward;

5.  Jibqa' kommess favur l-għaqda, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tas-Sirja u jappoġġja approċċ qawwi ta' "Sirja Sħiħa" u ġejjieni demokratiku għall-poplu Sirjan; jinsisti li l-pajjiż jista' jinġieb għall-paċi biss permezz ta' proċess politiku mmexxi mis-Sirja li jwassal għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti, iffaċilitati u ssorveljati min-Nazzjonijiet Uniti u organizzati abbażi ta' kostituzzjoni ġdida; itenni lill-partijiet kollha li waqfien mill-ġlied inklussiv madwar il-pajjiż kollu u soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd jistgħu jintlaħqu taħt l-awspiċi tan-NU u, kif previst fil-Communiqué ta' Ġinevra tal-2012 u fir-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-KSNU, bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja, Staffan de Mistura, u ta' atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin;

6.  Jieħu nota tal-memorandum reċenti dwar it-twaqqif ta' żoni ta' tnaqqis tal-intensità tal-kunflitt fis-Sirja u jappoġġja l-intenzjoni li jissaħħaħ il-waqfien mill-ġlied, li jintemmu t-titjiriet tal-forza tal-ajru tar-reġim fuq iż-żoni ta' tnaqqis tal-intensità tal-kunflitt, u li jinħolqu kundizzjonijiet għall-aċċess umanitarju, l-assistenza medika, ir-ritorn ta' persuni ċivili spostati lejn djarhom u r-restawr tal-infrastruttura li ġarrbet ħsara; jenfasizza, madankollu, it-tħassib li esprimiet l-oppożizzjoni dwar il-biża' li l-ftehim jista' jwassal għall-ħolqien ta' żoni ta' influwenza u għall-qsim tas-Sirja; jappella biex il-partijiet kollha jimplimentaw il-ftehimiet ta' Astana, u biex it-tliet garanti jiżguraw li l-waqfien mill-ġlied jiġi rrispettat; jenfasizza l-importanza li tiġi eliminata kwalunkwe ambigwità fir-rigward ta' gruppi mhux koperti mill-waqfien mill-ġlied u jistieden lill-partijiet kollha, inkluża t-Turkija, jiżguraw li l-memorandum ma jiffaċilitax attakki kontra l-forzi alleati mal-oppożizzjoni moderata jew kontra dawk li qed jiġġieldu fuq in-naħa tal-koalizzjoni internazzjonali kontra l-ISIS/Da'esh; jissottolinja li jrid jiġi żgurat li jkun hemm monitoraġġ internazzjonali tal-implimentazzjoni, u jappoġġja involviment robust tan-NU;

7.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa u lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran jużaw l-influwenza tagħhom fuq ir-reġim Sirjan biex dan jaċċetta u jimpenja ruħu attivament favur kompromess raġonevoli li jġib fi tmiemha l-gwerra ċivili u jwitti t-triq għal tranżizzjoni inklussiva u ġenwina; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-oppożizzjoni moderata, jidentifikaw u jiżolaw l-elementi radikalizzati u jippromwovu r-rikonċiljazzjoni; iħeġġeġ lill-membri tal-Kumitat Għoli tan-Negozjati (HNC) jkomplu jinvolvu ruħhom fit-taħditiet medjati min-NU f'Ġinevra;

8.  Jemmen fermament li l-UE jeħtiġilha timpenja ruħha b'mod aktar attiv u tutilizza l-kontribut finanzjarju importanti tagħha għal wara l-kunflitt sabiex tiżvolġi rwol sinifikanti fl-isforzi tan-negozjar fil-qafas eżistenti maqbul min-NU u tiżgura t-tranżizzjoni politika, filwaqt li tiżviluppa politika speċifika li jkollha l-għan li tqarreb il-partijiet aktar lejn xulxin u tintensifika l-isforzi tagħha fl-oqsma fejn l-Unjoni jista' jkollha valur miżjud; jappoġġja l-isforzi kontinwi tal-VP/RGħ biex tikkomunika mal-atturi ewlenin fir-reġjun bil-ħsieb li tiżgura t-tranżizzjoni politika kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni wara l-kunflitt; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tibda tiżviluppa pjan konkret għall-involviment tagħha fir-rikostruzzjoni tas-Sirja u timmira lejn sforzi inklussivi u konġunti ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u ma' istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin, kif ukoll ma' atturi reġjonali u lokali; jenfasizza, madankollu, l-importanza li s-Sirjani nfushom ikollhom sjieda tal-proċess ta' rikostruzzjoni wara l-kunflitt;

9.  Jissottolinja l-importanza kritika tal-ħidma ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali biex jiddokumentaw l-evidenza ta' delitti tal-gwerra, ta' delitti kontra l-umanità u ta' vjolazzjonijiet oħra, inkluża l-qerda tal-wirt kulturali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar għajnuna, u għajnuna kompluta, lil dawn l-atturi; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiffinanzjaw b'mod adegwat organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq l-investigazzjoni "open source" u l-ġbir diġitali tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, biex jiżguraw li jingħata kont ta' dawn l-atti u jressqu lil min wettaqhom quddiem il-ġustizzja;

10.  Jilqa' l-enfasi li saret fuq l-appoġġ għar-reżiljenza tal-popolazzjoni u tas-soċjetà Sirjana fl-Istrateġija tal-UE għas-Sirja; Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom bil-għan li jibnu l-kapaċitajiet taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fis-Sirja, inkluż flimkien ma' atturi, u permezz tagħhom, li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza (inklużi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-minoranzi), id-demokrazija u l-abilitazzjoni, fejn ikun possibbli fis-Sirja, kif ukoll għal rifuġjati Sirjani li qed jgħixu fl-eżilju fir-reġjun jew fl-Ewropa; jenfasizza li dan il-bini tal-kapaċità għandu jappoġġja lis-Sirjani huma u jindirizzaw it-tranżizzjoni (f'oqsma bħar-regolazzjoni tal-midja, id-deċentralizzazzjoni, l-amministrazzjoni tal-muniċipalitajiet u t-tfassil tal-kostituzzjoni), filwaqt li jqis b'mod xieraq il-ħtiġijiet u r-rwol tan-nisa;

11.  Jesprimi sodisfazzjon dwar il-fatt li r-rwol tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tan-nisa, ġie rikonoxxut bħala element fundamentali ta' soluzzjoni dejjiema; ifakkar il-fatt li l-UE jeħtiġilha tippromwovi u tiffaċilita l-involviment adegwat jew il-konsultazzjoni adegwata tas-soċjetà ċivili u tan-nisa fil-proċess ta' paċi, f'konformità mal-Approċċ Komprensiv għall-Implimentazzjoni min-naħa tal-UE tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU 1325 (2000) u 1820 (2008) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jinsisti li jeħtieġ li d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa jkunu riflessi fil-kostituzzjoni l-ġdida tas-Sirja;

12.  Filwaqt li jtenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIS/Da'esh, jemmen li l-istrateġija tal-UE kellha wkoll teżamina mill-ġdid l-aspetti li jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra elenkati min-NU, b'enfasi u konċentrazzjoni fuq il-kawżi politiċi u soċjoekonomiċi fundamentali li ffaċilitaw it-tifrix tat-terroriżmu, u bl-identifikazzjoni ta' azzjonijiet konkreti biex jindirizzaw dawn il-gruppi; iqis, barra minn hekk, li kellhom jiġu elaborati modi li jgħinu biex jippreservaw in-natura multietnika, multireliġjuża u multikonfessjonali tas-soċjetà Sirjana;

13.  Jenfasizza li huwa importanti li l-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja jkunu protetti, u jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe proċess politiku għandu jkun inklussiv u għandu jimmira li s-Sirja jerġa' jagħmilha stat multikonfessjonali u tolleranti;

14.  Ifakkar fl-importanza kruċjali tal-implimentazzjoni bikrija ta' miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja (CBMs), li jinkludu l-aċċess umanitarju bla xkiel fis-Sirja kollha, il-forniment ta' servizzi pubbliċi bażiċi (l-elettriku, l-ilma, il-kura tas-saħħa), it-tmiem tal-assedji kollha tal-bliet, kif ukoll ir-rilaxx tal-priġunieri u tal-ostaġġi; jilqa' l-ftehim bejn il-Gvern Sirjan u l-gruppi ribelli li jippermetti l-evakwazzjoni ta' erba' bliet assedjati; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jappoġġjaw u jiffaċilitaw l-adozzjoni ta' ftehim komprensiv dwar is-CBMs;

15.  Jinnota b'dispjaċir li l-kunflitt ċivili devastanti reġġa' lill-pajjiż għexieren ta' snin lura f'termini ta' żvilupp soċjali u ekonomiku, tefa' miljuni ta' nies f'sitwazzjoni ta' qgħad u faqar u wassal għal tħarbit konsiderevoli fis-servizzi tas-saħħa u edukattivi, għall-ispostament ta' Sirjani fuq skala kbira u għal eżodu tal-imħuħ; jirrimarka, għalhekk, dwar l-importanza li titkattar l-assistenza mhux umanitarja bil-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-persuni fis-Sirja u li l-ekonomija terġa' tibda taħdem; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri tal-UE juru impenn ferm aktar qawwi favur il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, b'tali mod li jippermettu lir-rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-gwerra fis-Sirja jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-viċinat dirett, inkluż permezz tar-risistemazzjoni u ta' skemi ta' ammissjoni umanitarja; iqis, madankollu, li malli jintemm il-kunflitt, ir-rifuġjati Sirjani kwalifikati għandhom jingħataw inċentivi biex jirritornaw u jikkontribwixxu fl-isforzi ta' rikostruzzjoni;

16.  Jilqa' l-prijoritajiet il-ġodda ta' sħubija konklużi mill-UE mal-Ġordan u l-Libanu, kif ukoll l-illaxkar tar-regoli tal-oriġini tal-UE għall-esportazzjonijiet mill-Ġordan; jiddispjaċih li għadd kbir ta' rifuġjati fil-Ġordan, fil-Libanu u fit-Turkija għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali prekarji u li spiss ma jkunux jistgħu jsibu impjieg (legali); jitlob li l-VP/RGħ tinsisti li l-awtoritajiet fil-Ġordan u fil-Libanu jaħdmu favur it-tneħħija tal-barrieri (informali) li għad fadal, jappoġġjaw opportunitajiet imwessgħa għal dawk li jaħdmu għal rashom, u jwettqu l-impenji tagħhom dwar il-ħolqien ta' impjiegi għan-nisa u ż-żgħażagħ;

17.  Jappoġġja bis-sħiħ il-mira li tiġi żgurata inizjattiva ta' "Ebda ġenerazzjoni mitlufa ta' tfal" fis-Sirja u fir-reġjun, u jitlob li jsiru sforzi addizzjonali biex tintlaħaq il-mira li t-tfal rifuġjati u vulnerabbli kollha fil-komunitajiet ospitanti jieħdu edukazzjoni ta' kwalità, b'aċċess ugwali għall-bniet u s-subien; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rikonoxxuta l-edukazzjoni – ħafna drabi informali – fil-kampijiet tar-rifuġjati u li jingħata appoġġ għar-riabilitazzjoni psikoloġika ta' dawn it-tfal trawmatizzati;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, u biex jiżgura li dan it-test jinqaleb għall-Għarbi.


It-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea
PDF 380kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar it-trasport bit-triq fl-Unjoni Ewropea (2017/2545(RSP))
P8_TA(2017)0228B8-0290/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar dwar takografi fit-trasport bit-triq(7),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobilità sostenibbli(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar il-loġistika fl-UE u t-trasport multimodali fil-kurituri l-ġodda tat-TEN-T(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar opportunitajiet ġodda għal negozji żgħar tat-trasport, inkluż mudelli ta' negozju kollaborattivi(10),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Istat tas-Suq tat-Trasport bit-Triq tal-Unjoni (COM(2014)0222),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq(11),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi" (COM(2016)0501), u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "It-trasport u s-CO2" (COM(1998)0204),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi u l-impenn tiegħu li jżomm iż-żieda fit-temperatura globali f'dan is-seklu għal ħafna anqas minn 2 gradi Celsius 'il fuq mil-livelli pre-industrijali u biex jitkomplew sforzi li jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 gradi Celsius aktar,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Amsterdam tal-14 ta' April 2016 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sewqan konness u awtomatizzat – in-navigazzjoni lejn vetturi konnessi u awtomatizzati fit-toroq Ewropej,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea(12)

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: pass importanti lejn mobilità kooperattiva, konnessa u awtomatizzata" (COM(2016)0766),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jenħtieġ li l-Kummissjoni tressaq, b'urġenza, proposti leġiżlattivi dwar is-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (minn hawn 'il quddiem "inizjattivi fis-settur tat-toroq"), bl-għan li jiġu identifikati u indirizzati l-isfidi li qed jiffaċċja s-settur;

B.  billi l-ekonomija tat-trasport bit-triq fl-UE tammonta għal 5 miljun impjieg dirett u tikkontribwixxi għal kważi 2 % tal-PDG tal-UE, bi 344 000 kumpanija tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri u aktar minn 560 000 kumpanija tat-trasport tal-merkanzija bit-triq(13);

C.  billi, fl-2013, l-attivitajiet tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq fl-UE ammontaw għal 5 323 biljun kilometru ta' passiġġier, li minnhom il-karozzi tal-passiġġieri ammontaw għal 72,3 % u x-xarabankijiet u l-kowċis għal 8,1 % tat-total għall-attivitajiet ta' trasport tal-passiġġieri fl-UE-28(14);

D.  billi s-sikurezza fit-toroq tibqa' kwistjoni attwali għall-UE, b'135 000 vittma midruba serjament u 26 100 mewt fl-2015;

E.  billi t-trasport bit-triq huwa l-mutur tal-ekonomija tal-UE u jenħtieġ li jibqa' fuq quddiem nett fil-ġenerazzjoni ta' aktar tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' impjieg, u jippromwovi l-kompetittività u l-koeżjoni territorjali, u billi hu meħtieġ, fl-istess ħin, li s-settur isir aktar sostenibbli u jirrispetta kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u d-drittijiet soċjali;

F.  billi t-trasport bit-triq huwa settur fejn l-Ewropa hija mexxejja dinjija, kemm fl-operazzjonijiet tal-manifattura kif ukoll tat-trasport, u billi huwa kruċjali li t-trasport bit-triq Ewropew ikompli jiżviluppa, jinvesti u jiġġedded b'mod sostenibbli u ekoloġiku, sabiex tinżamm it-tmexxija teknoloġika tagħha fil-livell globali f'ekonomija globali dejjem aktar karatterizzata mill-ħolqien ta' atturi ġodda setgħana u mudelli ġodda ta' negozju;

G.  billi t-trasport bit-triq qed ikompli t-tneħħija gradwali tal-karburanti fossili, minħabba l-ħtieġa urġenti li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija u s-sostenibilità ta' dan is-settur, b'mod partikolari permezz ta' karburanti alternattivi, sistemi tal-motopropulsjoni alternattivi u d-diġitalizzazzjoni, b'mod kosteffiċjenti mingħajr ma tiġi sagrifikata l-kompetittività tiegħu;

H.  billi t-trasport jaqdi rwol sinifikanti fit-tibdil tal-klima, li ammonta għal madwar 23,2 % tal-emissjonijiet totali tal-UE tal-gassijiet b'effett serra (GHG), u billi t-trasport bit-triq ammonta għal 72,8 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra tal-UE mit-trasport fl-2014;

I.  billi l-konġestjoni fit-toroq hija stmata li tiswa lill-ekonomija tal-UE l-ekwivalenti ta' 1 % tal-PDG f'telf ta' ħin, konsum tal-karburant addizzjonali u tniġġis;

J.  billi t-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq qed jiffaċċja għadd dejjem akbar ta' ostakoli regolatorji stabbiliti mill-Istati Membri;

K.  billi n-netwerks multimodali u l-integrazzjoni ta' mezzi ta' trasport u servizzi ta' trasport differenti huma potenzjalment ta' benefiċċju għat-titjib tal-konnessjonijiet u tal-effiċjenza tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u b'hekk jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u emissjonijiet oħrajn li huma ta' ħsara;

L.  billi hemm nuqqas ta' infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kabotaġġ mill-Istati Membri;

M.  billi hemm differenzi kbar madwar l-UE fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u s-sikurezza fit-toroq;

It-titjib tal-kompetittività u l-innovazzjoni fis-settur tat-toroq

1.  Iqis li jenħtieġ li l-inizjattivi fis-settur tat-toroq jagħtu spinta tant meħtieġa għal ekonomija aktar sostenibbli, sikura, innovattiva u kompetittiva fis-settur tat-toroq Ewropew, jiżviluppaw aktar l-infrastruttura tat-toroq Ewropej biex titjieb l-effiċjenza tat-trasport bit-triq u l-loġistika, jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi fis-suq globali kif ukoll it-tlestija u t-titjib fit-tħaddim tas-suq intern għat-trasport bit-triq tal-passiġġieri u l-merkanzija, u jfasslu strateġija fit-tul għas-settur tat-toroq tal-Ewropa;

2.  Iqis ukoll li jenħtieġ li l-inizjattivi tat-toroq irawmu l-iżvilupp teknoloġiku tal-vetturi, jippromwovu karburanti alternattivi, iżidu l-interoperabilità tas-sistemi u l-modi tat-trasport u jiżguraw l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-SMEs;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport meta tkun qed tfassal inizjattivi fis-settur tat-toroq; jissottolinja li t-trasport bit-triq irid jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta' approċċ olistiku u fit-tul skont il-politika tat-trasport intermodali u sostenibbli tal-UE;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tabbozza l-"Pakkett tal-Inizjattivi dwar il-Mobilità fit-Triq", tqis bl-istess mod ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea;

5.  Jenfasizza li s-settur tat-toroq huwa kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE u li l-istat tal-ekonomija huwa strettament marbut mal-kompetittività fis-settur tat-toroq tal-UE; jitlob għaldaqstant li jitfasslu politiki proattivi maħsuba biex jappoġġjaw u jiżviluppaw b'mod sostenibbli s-settur tat-toroq b'kompetizzjoni ġusta, speċjalment għall-SMEs, b'mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi futuri diġitali, teknoloġiċi u ambjentali f'dan is-settur, filwaqt li jitħeġġeġ it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol;

6.  Jistieden lis-settur tat-toroq Ewropew iħaddan l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa l-infrastruttura tal-komunikazzjonijiet kemm "minn vettura għal vettura" kif ukoll "minn vettura għall-infrastruttura" biex jittejbu s-sikurezza u l-effiċjenza tat-toroq u biex jitħejja l-ġejjieni tal-mobilità tat-toroq; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żviluppat it-trasferiment tat-teknoloġija għall-vetturi, li jiżdied l-appoġġ loġistiku tagħhom u li jitfasslu definizzjonijiet u regoli xierqa dwar din il-kwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi qafas regolatorju xieraq għas-sewqan konness u awtomatizzat kif ukoll għall-mudelli ġodda ta' negozju kollaborattiv;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-armonizzazzjoni fit-trasport tal-passiġġieri u t-trasport tal-merkanzija, u b'mod partikolari għal sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fl-UE, peress li n-nuqqas ta' armonizzazzjoni attwali jimponi spejjeż addizzjonali fuq it-trasport; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-użu ta' teknoloġiji diġitali (mingħajr karti u b'dokumenti standardizzati, takografu intelliġenti, noti ta' konsenja elettronika(e-CMR), eċċ.) sabiex ikun garantit suq intern li jiffunzjona b'mod sħiħ;

Il-faċilitazzjoni tal-mobilità transfruntiera fit-toroq

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ir-regoli rilevanti tal-UE b'aktar reqqa u lill-Kummissjoni tissorvelja tali implimentazzjoni aktar mill-qrib, inkluż fir-rigward tal-kooperazzjoni transfruntiera, l-interpretazzjoni u l-infurzar xieraq u mhux diskriminatorju tal-leġiżlazzjoni eżistenti, u tittratta l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali; jemmen li, meta jkun leġittimu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra l-liġijiet u l-miżuri li jfixklu s-suq;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib mal-Euro Contrôle Route u man-Netwerk Ewropew tal-Pulizija tat-Traffiku (TISPOL) sabiex itejbu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tat-trasport bit-triq fl-Ewropa u jibnu mekkaniżmu b'saħħtu biex jiżguraw l-implimentazzjoni ugwali u xierqa tal-acquis eżistenti, jiġifieri, billi jappoġġjaw lill-Istati Membri fiċ-ċertifikazzjoni, l-istandardizzazzjoni, il-kompetenza esperta teknika, il-ġbir tad-data, it-taħriġ u kompiti ta' spezzjoni, u billi jimmaniġġjaw pjattaformi għal skambju ta' informazzjoni bejn l-esperti u l-awtoritajiet nazzjonali;

10.  Jitlob lill-Istati Membri jżidu l-kontrolli, partikolarment b'rabta mal-konformità mal-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ u r-regoli dwar il-kabotaġġ, u jużaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-użu obbligatorju ta' tagħmir diġitali abbord bħal takografi intelliġenti u l-użu ta' noti ta' konsenja elettronika (e-CMR) biex jitjieb il-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tal-UE rilevanti, filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tarmonizza aktar ir-regoli eżistenti għat-tagħmir ta' sigurtà obbligatorju f'vetturi ħfief u heavy-duty bħal trijangoli ta' twissija, ġgieget riflettivi, lampi żejda jew strumenti għat-testijiet tal-livell tal-alkoħol;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilitajiet li tnaqqas il-piżijiet burokratiċi u finanzjarji ta' leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti sabiex tiffaċilita l-libertà tal-forniment ta' servizzi tat-trasport fl-UE kollha;

13.  Jenfasizza li sistema koerenti, ġusta, trasparenti, nondiskriminatorja u mhux burokratika għall-pedaġġ tat-toroq implimentata fl-UE u proporzjonata għall-użu tat-triq u għall-ispejjeż esterni ġġenerati minn trakkijiet, xarabankijiet u karozzi (il-prinċipji "l-utent iħallas" u "min iniġġes iħallas"), ikollhom effett pożittiv fl-indirizzar tal-istat li qed jiddeterjora tal-infrastruttura tat-toroq, il-konġestjoni u t-tniġġis; jistieden lill-Kummissjoni toħloq qafas li se jiżgura n-non-diskriminazzjoni u jevita skemi ta' pedaġġ frammentati għall-karozzi tal-passiġġieri madwar l-UE;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar is-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS), li jenħtieġ li tinkludi element tal-kost estern abbażi tal-prinċipju "min iniġġes iħallas", li tkun kompletament interoperabbli bl-għan li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' standards tekniċi armonizzati tal-UE tal-ġbir ta' pedaġġi, tkun ibbażata fuq it-trasparenza, l-iżvilupp u l-integrazzjoni aħjar tat-tagħmir ITS differenti installat fil-vetturi kif ukoll aktar kjarifiki dwar il-leġiżlazzjoni sabiex tiddefinixxi aħjar u tħares id-drittijiet tal-fornituri tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku u tagħmel l-obbligi tagħhom anqas onerużi;

15.  Iqis li l-Istati Membri fil-periferija u l-pajjiżi li ma jkollhom ebda alternattiva reali għat-trasport bit-triq għandhom aktar diffikultajiet biex jilħqu l-qalba tas-suq intern tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fl-inizjattivi fis-settur tat-toroq tagħha mekkaniżmu biex itaffi l-pedaġġi appoġġjati minn operazzjonijiet tat-trasport bit-triq mill-periferija;

16.  Jissottolinja li l-vetturi mikrija normalment ikunu l-aktar ġodda u l-aktar nodfa fis-suq, u b'hekk jikkontribwixxu għall-effiċjenza tas-settur tat-trasport bit-triq; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tirrieżamina r-regoli attwali dwar vetturi mikrija, li bħalissa jippermettu lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta' tali vetturi għal operazzjonijiet ta' trasport internazzjonali;

17.  Huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' infurzar minn awtoritjiet nazzjonali fir-rigward tal-frodi li jikkonċerna t-takografi u l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-problemi, fost l-oħrajn, permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda, is-simplifikazzjoni u l-kjarifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' kabotaġġ u skambju mtejjeb ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet bl-għan ta' infurzar aħjar tar-regoli madwar l-UE u monitoraġġ aħjar ta' operazzjonijiet ta' kabotaġġ;

18.  Huwa tal-fehma li jenħtieġ li r-rekwiżiti leġiżlattivi jkunu proporzjonati man-natura tan-negozju u mad-daqs tal-kumpanija; iqajjem, madankollu, tħassib dwar jekk għadx hemm raġunijiet għall-eżenzjoni tal-vetturi kummerċjali ħfief (LCVs) mill-applikazzjoni ta' għadd ta' regoli Ewropej, minħabba l-użu dejjem akbar tal-vetturi kummerċjali ħfief fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dijanjostiku dwar l-impatt ekonomiku, ambjentali u ta' sikurezza konsegwenti ta' dan l-użu dejjem akbar;

19.  Jenfasizza li jenħtieġ li l-mobilità transfruntiera fit-toroq li tikkonċerna pajjiżi ġirien fil-proċess ta' adeżjoni tiġi faċilitata b'armonizzazzjoni aħjar tal-istandards għall-infrastruttura tat-toroq, tagħmir tas-sinjali u sistemi elettroniċi, biex b'hekk tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-konġestjoni, speċjalment fuq in-netwerk ewlieni tat-TEN-T;

It-titjib tal-kundizzjonijiet soċjali u tar-regoli ta' sikurezza

20.  Jissottolinja li jenħtieġ li l-libertà ta' forniment ta' servizzi tat-trasport fl-UE kollha ma tiġġustifika l-ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u ma ddgħajjifx il-leġiżlazzjoni eżistenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, bħall-perjodi ta' mistrieħ, mudelli ta' xogħol, perjodi 'l bogħod mill-bażi lokali, aċċess għall-ħiliet, taħriġ għat-titjib u żvilupp tal-karriera, saħħa u sikurezza, kura u assistenza soċjali, u r-rati minimi ta' ħlas;

21.  Iqis li huwa tal-akbar importanza li jfakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenji tagħha stess magħmula fil-proposta għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari fir-rigward ta':

   impjieg sigur u adattabbli, il-prinċipju 5d: "Għandhom jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għall-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż bil-projbizzjoni ta' abbuż ta' kuntratti atipiċi. Kwalunkwe perjodu ta' probation għandu jkun b'tul ta' żmien raġonevoli";
   pagi ġusti, il-prinċipju 6a: "Il-ħaddiema għandhom id-dritt għal pagi ġusti li jipprovdu għal standard ta' għajxien deċenti";

ifakkar li kwalunkwe inizjattiva magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tat-trasport bit-triq ma tridx tmur kontra dan il-prinċipju u lanqas ma trid tipperikola d-drittijiet tal-ħaddiema f'dan is-settur;

22.  Jinsab imħasseb dwar prattiki ta' negozju soċjalment problematiċi li jippreżentaw ukoll riskju f'termini ta' sikurezza tat-triq, relatati prinċipalment mar-regoli tal-kabotaġġ u l-hekk imsejħa "kumpaniji tal-isem" (fi kwistjonijiet partikolari li jikkonċernaw impjieg indipendenti moħbi u prattiki deliberatament abbużivi jew ċirkomvenzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali eżistenti li jippermettu l-iżvilupp ta' kompetizzjoni inġusta billi b'mod illegali jnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż tax-xogħol u l-ispejjeż operattivi u li jwasslu għal ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema, li jinħolqu bħala konsegwenza ta' nuqqas ta' ċarezza tar-regoli Ewropej u l-interpretazzjonijiet u l-prattiki ta' infurzar varji fil-livell nazzjonali);

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina r-rekwiżiti dwar id-dritt ta' stabbiliment sabiex jiġu eliminati l-kumpaniji tal-isem fis-settur tat-trasport bit-triq;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'urġenza, jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-għeja tas-sewwieq, inkluż l-iżgurar li kwalunkwe investiment fl-infrastruttura tat-triq jinkludi titjib tal-faċilitajiet għas-sewwieqa, speċjalment fuq distanzi twal, u li l-leġiżlazzjoni dwar waqfiet ta' mistrieħ tiġi rispettata bis-sħiħ;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli dwar il-kabotaġġ u r-regoli li jirregolaw l-aċċess għall-impjieg fit-trasport bit-triq, u biex ittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jindirizzaw b'mod effettiv il-frodi u l-abbuż;

26.  Jirrifjuta kwalunkwe liberalizzazzjoni ulterjuri tal-kabotaġġ, b'mod partikolari operazzjonijiet illimitati ta' kabotaġġ fi żmien ċertu għadd ta' jiem;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema fis-settur tat-trasport bit-triq u biex ittejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tagħhom;

28.  Jenfasizza li l-Ewropa qed tiffaċċja nuqqas ta' sewwieqa professjonali u dan jirriżulta miż-żieda fid-domanda għas-servizzi tat-trasport, l-iżvilupp mgħaġġel tal-kummerċ internazzjonali u s-sitwazzjoni demografika; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess ta' rġiel u nisa żgħażagħ għall-professjoni u tindirizza l-problema ta' kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol għas-sewwieqa kif ukoll in-nuqqas ta' infrastruttura tat-toroq ta' kwalità;

29.  Jirrileva li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet u d-drittijiet soċjali fis-settur tat-trasport bit-triq fl-Unjoni joħolqu ostakoli amministrattivi konsiderevoli u sproporzjonati għall-operaturi, b'mod speċjali l-SMEs, iżidu l-kumplessità tal-qafas legali u jimminaw l-istabbiliment ta' suq intern fis-settur tat-trasport bit-triq fl-UE u jwasslu għal ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi u l-oġġetti;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposti għall-inizjattivi fis-settur tat-toroq li se jsiru dalwaqt li jippermettu li ssir distinzjoni aktar effikaċi bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, bl-għan li jiġi żgurat li l-attivitajiet ta' negozju jkunu ta' natura temporanja fi Stat Membru li fih kumpanija ma tkunx stabbilita u biex jiġi żgurat li l-impjegati jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn għandhom il-post tax-xogħol abitwali tagħhom jew fejn iwettqu l-parti l-kbira tal-attività professjonali tagħhom;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-kwalità tax-xogħol fis-settur tat-trasport bit-triq, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karriera, bil-ħsieb li jinħolqu impjiegi ta' kwalità, jiġu żviluppati l-ħiliet neċessarji u tissaħħaħ il-kompetittività tal-operaturi tat-trasport bit-triq tal-UE sabiex issir aktar attraenti għaż-żgħażagħ filwaqt li jiffokaw ukoll fuq l-iżgurar ta' bilanċ xieraq bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għas-sewwieqa;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva 92/106/KEE dwar it-Trasport Ikkombinat bl-għan li jiżdied it-trasport multimodali u jiġu eliminati l-prattiki inġusti u tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni soċjali relatata mat-trasport ikkombinat;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħolqien ta' "fajl elettroniku u integrat tal-operatur" għall-operaturi kollha li joperaw fil-qafas tal-liċenzja Komunitarja, bl-għan li tinġabar id-data rilevanti kollha dwar il-karriera, il-vettura u s-sewwieq li tkun inġabret waqt il-kontrolli fit-triq;

34.  Jissottolinja li s-sistema ta' faċilitajiet ta' mistrieħ fl-UE hija insuffiċjenti u inadegwata; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni biex jistabbilixxu pjan għall-bini/forniment ta' kapaċità u ta' żoni ta' mistrieħ ta' użu faċli għall-utent, sikuri u siguri b'għadd suffiċjenti ta' postijiet ta' parkeġġ, faċilitajiet sanitarji, u lukandi ta' tranżitu, speċjalment f'punti/ċentri strateġiċi fejn jistgħu jiġu osservati volumi kbar ta' traffiku;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw kwistjonijiet attwali ta' imprattiċità marbuta mas-sewqan u mal-ħinijiet ta' mistrieħ, jiġifieri, il-fatt li huma komuni sitwazzjonijiet fejn is-sewwieqa jiġu furzati jistrieħu għal għadd ta' sigħat minkejja li jkunu biss ftit kilometri 'l bogħod mill-bażi tas-servizz jew mill-post tar-residenza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tqis dan meta tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 561/2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw mira għall-UE kollha għat-tnaqqis ta' korrimenti serji tat-traffiku;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju xjentifiku fl-UE kollha dwar l-effetti tal-għeja tas-sewwieqa fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u t-trasport tal-merkanzija bil-van kif ukoll bit-trakk;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex mingħajr dewmien tibda reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 dwar is-Sikurezza Ġenerali u sabiex tal-anqas jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol tat-teknoloġiji u l-istandards ġodda, inklużi reġistraturi ta' data ta' emerġenza, standards ta' viżjoni diretta, assistenza intelliġenti tal-indikazzjoni ta' ħruġ mill-karreġġata u ta' monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb is-sikurezza fit-toroq tal-UE u jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqas bin-nofs in-numru ta' mwiet u korrimenti serji sal-2020; jappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt użata mill-Kummissjoni f'rieżami tal-qafas leġiżlattiv għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq;

Il-promozzjoni tat-trasport bit-triq b'emissjonijiet baxxi

40.  Jiddikjara li hemm ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi tat-trasport bit-triq u r-rwol tagħha f'netwerk tat-trasport sinkromodali modern, bl-għan li jkun hemm użu aktar effiċjenti tal-kapaċitajiet eżistenti, li tittejjeb ir-rata ta' okkupanza ta' vetturi, li jiġi promoss l-użu ta’ vetturi tal-passiġġieri iżgħar u eħfef, tal-car sharing u l-car pooling, kif ukoll it-tnaqqis minn erba' roti għal tnejn; iqis id-diġitalizzazzjoni bħala element ewlieni biex tintlaħaq il-mira ta' effiċjenza mtejba fl-użu tar-riżorsi;

41.  Jenfasizza li sabiex ikun hemm konformità mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 (COP21) dwar it-tibdil fil-klima, jenħtieġ li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport u t-titjib fil-kwalità tal-arja jinkisbu permezz tal-promozzjoni tal-elettromobilità, iċ-ċelloli tal-fjuwil u strumenti oħra avvanzati ta' sistemi ta' propulsjoni, b'mod partikolari dawk li fihom l-Ewropa għandha vantaġġ teknoloġiku kbir;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti ambizzjużi għal standards tas-CO2 għat-trakkijiet u x-xarabankijiet, b'mod li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra mis-settur tat-trasport bit-triq; jitlob lill-Kummissjoni tistudja aktar l-opportunitajiet biex tiġi aċċelerata l-bidla lejn trasport b'emissjonijiet baxxi billi ddaħħal inċentivi għall-modifiki;

43.  Jitlob miżuri konkreti li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji "l-utent iħallas" u "min iniġġes iħallas" fit-trasport bit-triq, inklużi l-linji gwida u l-aħjar prattiki, u biex kundizzjonijiet ekwi ġusti jiġu żgurati fir-reġjuni kollha tal-UE;

44.  Jissottolinja li r-rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS) jista' jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' vetturi aktar nodfa u kondiviżi;

45.  Jenfasizza l-importanza kbira ta' infrastruttura xierqa għall-użu ta' karburanti alternattivi għat-trasport bit-triq, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu mudelli ta' inċentivi biex jitlesta n-netwerk ta' provvista għal karburanti alternattivi;

46.  Jappella biex isir monitoraġġ effikaċi tal-oqfsa ta' politika nazzjonali biex jiġi stimolat użu akbar ta' vetturi li jużaw karburanti alternattivi (eż. elettriku, ibridu, idroġenu, gass naturali kkumpressat), u jitlob li jkun hemm tnedija rapida tal-infrastruttura ta' riforniment ta' karburnat/iċċarġjar tal-batteriji meħtieġa;

47.  Jirrikonoxxi li l-vetturi tat-trasport bit-triq u l-infrastruttura innovattivi u b'emissjonijiet baxxi se jassistu biex jiffaċilitaw l-iskambji u r-rabtiet bejn it-toroq, il-ferroviji u l-portijiet, u b'hekk se titħħeġġeġ ċaqliqa ġenerali lejn forom ta' trasport aktar ekoloġiċi għall-individwi, il-passiġġieri u l-merkanzija;

48.  Jemmen li l-car pooling u l-car sharing jikkostitwixxu riżorsa ewlenija għall-iżvilupp sostenibbli ta' konnessjonijiet, fost l-oħrajn, f'reġjuni ultraperiferiċi, muntanjużi u rurali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jiffaċilitaw il-ħolqien ta' mudelli ta' ekonomija kollaborattiva f'dan il-qasam;

49.  Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-introduzzjoni f'għadd ta' Stati Membri ta' żoni b'emissjonijiet baxxi, u teżamina l-possibilità li tistabbilixxi kriterji/regoli komuni għall-introduzzjoni/il-funzjonament ta' dawn iż-żoni;

50.  Jinnota li s-sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS), bħal sistemi tat-trasport intelliġenti kooperattivi (C-ITS) u innovazzjonijiet bħal e-highway (trakkijiet elettrifikati b'teknoloġija trolley) u l-platooning, jista' jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tal-effiċjenza, is-sikurezza u l-prestazzjoni ambjentali tas-sistema ta' trasport; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistimola l-iżvilupp u l-użu tas-sistemi ITS u tippromwovi l-innovazzjonijiet;

51.  Jinnota li l-livelli tal-vjaġġi mingħajr tagħbija għadhom għoljin fl-attivitajiet tat-trasport bit-triq, u dan iħalli impatt negattiv fuq l-ambjent; ifakkar li, fl-2012, kważi kwart (23,2 %) ta' kull vettura-km ta' vetturi li jġorru merkanzija tqila fl-UE kienu involvew vettura vojta, u li l-livell għoli ta' vjaġġi mingħajr tagħbija huwa kkawżat mir-restrizzjonijiet attwali dwar l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ li qed jillimitaw it-trasportaturi fiż-żieda ulterjuri tat-tagħbijiet tal-merkanzija u għalhekk fl-effikaċja ambjentali tagħhom; jenfasizza, għalhekk, l-impatt pożittiv tal-ftuħ tas-suq fuq l-effiċjenza ambjentali tat-trasport bit-triq;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-ħsieb li jiġi dekarbonizzat is-settur tat-trasport bit-triq, iħaffu t-tranżizzjoni mill-vetturi tat-triq tradizzjonali li jaħdmu permezz tal-karburanti fossili, għall-vetturi sostenibbli li jaħdmu permezz tal-elettriku, bħal dawk li jużaw ċelloli tal-fjuwil tal-idroġenu;

53.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna l-manwal tagħha dwar spejjeż esterni mit-trasport, inkluż data ġdida dwar l-emissjonijiet reali tas-sewqan kif ukoll il-ħsara ekonomika u soċjali minħabba t-tibdil fil-klima;

54.  Jenfasizza l-fatt li jenħtieġ li l-għanijiet stabbiliti biex issir it-tranżizzjoni lejn enerġiji alternattivi u rinovabbli għat-trasport bit-triq jinkisbu permezz ta' taħlita ta' forom differenti ta' enerġija u l-metodi eżistenti għall-iffrankar tal-enerġija; jinnota li din it-tranżizzjoni tirrikjedi inċentivi korrispondenti u li jenħtieġ li l-għanijiet ta' tnaqqis jiġu formulati b'mod teknoloġikament newtrali;

55.  Jinnota li l-karburanti alternattivi, inklużi, iżda mhux limitati għal, gass naturali kompressat, gass naturali likwifikat u bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, jistgħu jiġu użati biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42.
(2) ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.
(3) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.
(4) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.
(5) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72.
(6) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.
(7) ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0310.
(9) Testi adottati, P8_TA(2017)0009.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0455.
(11) ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9.
(12) Testi adottati: P8_TA(2016)0346.
(13) Sors: EU Transport in Figures 2016, ibbażat fuq l-Eurostat.
(14) Sors: EU Transport in Figures 2016, ibbażat fuq l-Eurostat.


Il-kamp tar-rifuġjati ta’ Dadaab
PDF 294kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab (2017/2687(RSP))
P8_TA(2017)0229RC-B8-0300/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) fl-Afrika tal-Lvant tal-25 ta' Marzu 2017 dwar soluzzjonijiet dejjiema għar-rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni rimpatrijati lejn is-Somalja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Tripartitika Ministerjali għar-Rimpatriju Volontarju ta' Rifuġjati Somali li jgħixu fil-Kenja, maħruġa fil-25 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-summit tal-UE tal-11 u t-12 ta' Novembru 2015 fil-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Proċess ta' Khartoum (Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika), li saret f'Ruma fit-28 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku dwar Rimpatriji Volontarji ffirmat fl-10 ta' Novembru 2013 mill-Gvernijiet tas-Somalja u tal-Kenja u l-UNHCR,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tal-Kenja tad-9 ta' Frar 2017 kontra l-għeluq tal-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Kenja li jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti Superjuri tad-9 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliema tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, il-Kummissarju tal-UE għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, Neven Mimica u l-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja, Christos Stylianides dwar id-deċiżjoni tal-Gvern Kenjan tal-20 ta' Mejju 2016, li jagħlaq il-kampijiet tar-rifuġjati ta' Dadaab,

–  wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-NU dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għar-rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), Programm Indikattiv Nazzjonali tas-Somalja u l-Afrika tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reġjun tal-Qarn tal-Afrika, li għandu popolazzjoni ta' kważi 250 miljun abitant u li qed tikber b'rata mgħaġġla, jospita l-ikbar numru fl-Afrika u fid-dinja ta' rifuġjati u persuni spostati internament; billi r-reġjun qed iħabbat wiċċu mal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, spostament furzat, traffikar tal-bnedmin, kuntrabandu tal-persuni, terroriżmu u kunflitti vjolenti;

B.  billi fil-bażi ta' dawn l-isfidi hemm għadd kbir ta' fatturi li jvarjaw skont il-kuntesti lokali, iżda li ta' spiss għandhom l-għeruq tagħhom fin-nuqqas ta' governanza tajba u ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi, il-faqar estrem, l-instabbiltà u t-tibdil fil-klima;

C.  billi l-kumpless tar-rifuġjati ta' Dadaab ġie stabbilit fl-1991 bħala soluzzjoni temporanja għal dawk li kienu qed ifittxu kenn u li kienu qed jaħarbu minn persekuzzjoni, vjolenza u instabbiltà fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant, u b'mod partikolari għal dawk li kienu qed jaħarbu mill-gwerra ċivili fis-Somalja; billi l-kumpless attwalment fih ħames kampijiet differenti ta' popli differenti, u jkopri medda art ta' 50 kilometru kwadru, filwaqt li l-kampijiet ta' Hagadera, Dagahaley u Ifo huma l-eqdem u l-aktar popolati;

D.  billi minkejja l-fatt li Dadaab kien maħsub biex jospita madwar 90 000 ruħ, skont l-istimi tan-NU attwalment il-kamp għandu popolazzjoni ta' madwar 260 000, li 95 % minnhom joriġinaw mis-Somalja u 60 % għandhom inqas minn 18-il sena; billi f'Mejju 2016 il-Kenja xoljiet id-dipartiment tagħha għall-affarijiet tar-rifuġjati, li kien responsabbli għar-reġistrazzjoni, li jfisser li għexieren ta' eluf ta' persuni ma ġewx irreġistrati, sitwazzjoni li tista' fil-fatt iżżid dawn in-numri ulterjorment;

E.  billi r-rifuġjati fil-kamp huma fir-riskju tal-vjolenza, filwaqt li n-nisa u t-tfal huma partikolarment vulnerabbli;

F.  billi għal aktar minn żewġ deċennji s-Somalja ġiet affettwata minn instabbiltà severa u n-nuqqas ta' strutturi statali, li l-impatt tagħhom ġie multiplikat permezz ta' riskji naturali rikorrenti marbuta mat-tibdil fil-klima; billi dawn il-kwistjonijiet sfidaw ir-reżiljenza u l-kapaċità tal-komunitajiet l-aktar vulnerabbli tas-Somalja biex jissopravvivu, u saru l-kawżi ewlenin tal-ispostamenti ġewwa s-Somalja u lejn pajjiżi ġirien;

G.  billi wara tliet deċennji s-sitwazzjoni tar-rifuġjati Somali hija fost l-aktar imtawla fid-dinja, bit-tielet ġenerazzjoni ta' rifuġjati mwielda fl-eżilju; billi kważi miljun Somalu huma spostati fir-reġjun, u aktar minn 1.1 miljun ruħ oħra ġew spustati ġewwa s-Somalja nnifisha;

H.  billi s-Somalja kienet waħda mill-ħames pajjiżi li pproduċew l-akbar għadd ta' rifuġjati fid-dinja matul dawn l-aħħar 15-il sena, b'1.1 miljun rifuġjat irreġistrati attwalment, li minnhom aktar minn 80 % huma ospitati fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika u l-Jemen; billi l-amministrazzjoni tas-Somalja ripetutament esprimiet ir-rieda li tirċievi ċ-ċittadini tagħha; billi l-Kenja bħalissa qed tospita madwar 500 000 rifuġjat, u l-għadd qed ikompli jiżdied minħabba nuqqas ta' sigurtà dejjem tikber fir-reġjun, b'mod partikolari fis-Sudan t'Isfel;

I.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Somalja għadha perikoluża u imprevedibbli u l-attakki minn al-Shabaab u gruppi armati u terroristiċi oħra għadhom għaddejjin; billi fis-6 ta' April 2017, il-President Mohamed Abdullahi 'Farmajo' ddikjara li s-Somalja kienet żona ta' gwerra u offra amnestija lill-membri tal-grupp militanti Iżlamista al-Shabaab, inkluż taħriġ, impjieg u edukazzjoni, jekk kienu lesti jċedu l-armi tagħhom fi żmien 60 jum;

J.  billi r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant qed jesperjenza nixfa qawwija, u ġiet iddikjara karestija f'partijiet tas-Sudan t'Isfel, u miljun persuna jinsabu mhedda; billi nħarġet twissija ta' qabel il-karestija għas-Somalja, li qed tħabbat wiċċha mat-tielet karestija f'25 sena, waqt li l-gvern irrapporta li 6.2 miljun ruħ jeħtieġu assistenza alimentari ta' emerġenza; billi l-President tal-Kenja, Uhuru Kenyatta, iddikjara li n-nixfa fil-pajjiż hi diżastru nazzjonali, u li 2.7 miljun ruħ qed iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas kbir ta' ikel; billi hu mistenni li s-sitwazzjoni x'aktarx li tiddeterjora fl-Etjopja, il-Kenja, is-Somalja u l-Jemen, u tista' twassal għal karestija mifruxa;

K.  billi skont in-Nazzjonijiet Uniti, in-nixfa fis-Somalja ħolqot spostamenti interni addizzjonali, u minn Novembru 2016 'l hawn, aktar minn 683 000 ruħ kienu mġiegħla jħallu djarhom; billi madwar 250 000 ruħ mietu matul l-aħħar karestija fl-2011;

L.  billi fis-6 ta' Mejju 2016, il-Gvern Kenjan ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jagħlaq Dadaab "bl-inqas dewmien possibbli", għal raġunijiet ta' tħassib dwar is-sigurtà u l-bżonn li tintemm is-sitwazzjoni mtawla tar-rifuġjati fir-reġjun; billi, madankollu, fit-30 ta' Novembru 2016 il-Gvern Kenjan ħabbar l-għeluq tal-kamp ta' Dadaab sa Mejju 2017; billi, mis-summit tal-IGAD tal-25 ta' Marzu 2017, l-isforzi kollha issa huma ffukati fuq l-importanza li tinstab soluzzjoni reġjonali u sostenibbli għar-rifuġjati Somali;

M.  billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, esprimiet li tifhem it-tħassib tal-Gvern tal-Kenja u r-raġunijiet għall-għeluq tal-kamp, iżda enfasizzat ukoll li kwalunkwe rimpatriju lejn is-Somalja jrid isir f'konformità ma' standards internazzjonali, li jrid ikun volontarju u infurmat, u li l-persuni rimpatrijati jrid ikollhom aċċess għal informazzjoni oġġettiva, newtrali u pertinenti, li r-rimpatriji jridu jsiru b'mod sikur, dinjituż u sostenibbli, u li l-persuni rimpatrijati jridu jkunu konxji ta' x'jiġri jekk jiddeċiedu li ma jivvolontarjawx;

N.  billi, fid-9 ta' Frar 2017, il-Qorti Superjuri Kenjana ddeċidiet, b'rispons għal petizzjoni minn żewġ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kenja – il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kenja għad-Drittijiet tal-Bniedem u Kituo Cha Sheria – li l-ordnijiet tal-Gvern tal-Kenja li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab kienu diskriminatorji u jammontaw għal kastig kollettiv, filwaqt li huma wkoll eċċessivi, arbitrarji u sproporzjonati;

O.  billi d-diskussjoni dwar l-għeluq ta' Dadaab dawritilna ħarsitna fuq il-pass kajman tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Tripartitiku ffirmat mill-UNHCR u l-Gvernijiet tal-Kenja u s-Somalja fl-2013 bl-għan li jwettaq ir-rimpatriji volontarji ta' persuni Somali lejn żoni stabbli tas-Somalja, kwistjoni li ġiet ikkritikata apertament mill-Gvern Kenjan u partijiet interessati oħra;

P.  billi minn meta l-UNHCR bdiet tappoġġja r-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati Somali fl-2014, madwar 65 000 persuna ġew rimpatrijati, iżda l-għan li tiżdied ir-rata ta' rimpatriji sostenibbli se jiddependi fuq is-sitwazzjoni fis-Somalja;

Q.  billi lejn l-aħħar ta' Awwissu 2016, l-awtoritajiet Somali f'Jubaland issospendew ir-rimpatriji lejn il-kapitali reġjonali, Kismaayo, wara li ħabbtu wiċċhom ma' influss ta' rifuġjati; billi, skont l-UNHCR, madwar 70 % tal-persuni rimpatrijati huma tfal;

R.  billi l-għeluq ta' Dadaab se jkollu riperkussjonijiet f'pajjiżi ġirien oħra, bħal pereżempju l-Etjopja, li bħalissa qed tospita madwar 245 000 rifuġjat mis-Somalja, u dan jista' jagħti lok għal influss ġdid; billi din is-sitwazzjoni turi n-natura interkonnessa tal-kwistjonijiet relatati mar-rifuġjati, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-istabbiltà, u tenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, anki fid-dawl tad-deċiżjoni li jingħalaq il-kamp ta' Dadaab;

S.  billi għal ħafna rifuġjati, speċjalment dawk minn żoni rurali, il-prospett ta' rimpatriju jiddependi fuq il-ħila tagħhom li jieħdu lura l-art tagħhom f'pajjiż fejn is-sistema tal-pussess tal-art hija dgħajfa u l-iżgumbramenti furzati huma komuni;

T.  billi l-komunità ospitanti usa' ta' Dadaab uriet umanità, ġenerożità u tolleranza enormi fil-konfront tal-eżistenza tal-kamp, iżda qed tiffaċċja sfidi kbar fuq il-livell ekonomiku, ambjentali u ta' żvilupp;

U.  billi d-donaturi kellhom biex jixħtu l-attenzjoni tagħhom fuq kunflitti oħra u jnaqqsu n-nefqa tagħhom minħabba n-natura mtawla tas-sitwazzjoni f'Dadaab, u dan ifisser li r-rifuġjati fil-kamp qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi;

V.  billi t-tibdil fil-klima b'mod partikolari qed ikollu devastanti fuq l-istil ta' ħajja pastorali nomadiku, li huwa l-mezz tal-għajxien ta' għadd kbir ta' nies fir-reġjun, li qegħdin ukoll iħabbtu wiċċhom ma' theddidiet dejjem jikbru li jġibu magħhom in-nixfa, il-mard, il-gwerer u t-tnaqqis fl-għadd ta' bhejjem, fost problemi oħra;

W.  billi l-UE allokat EUR 286 miljun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-perjodu 2014-2020, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-"Patt" u fuq il-bini tal-istat u tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni b'mod partikolari; billi l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF) ġie ffirmat waqt is-Summit ta' Valletta fit-12 ta' Novembru 2015, u kien imfassal biex jindirizza l-kawżi bażiċi tad-destabilizzazzjoni, l-ispostament furzat tal-popolazzjonijiet u l-migrazzjoni irregolari billi jiġu promossi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp; billi l-UE qed tirreaġixxi għall-bżonnijiet bażiċi li jsalvaw il-ħajja tar-rifuġjati ospitati f'kampijiet tar-rifuġjati fil-Kenja;

X.  billi l-UE hija impenjata li tappoġġa l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana għas-Somalja (AMISOM) permezz tal-għoti ta' finanzjament biex tkun ipprovduta sigurtà u biex jitnaqqas it-theddid li jirrappreżentaw il-grupp Al-Shabaab u gruppi oħra tal-oppożizzjoni armata; billi fit-23 ta' Marzu 2017 il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana sejħet laqgħa ta' konsultazzjoni ta' livell għoli, fil-preżenza tal-UE u n-NU, dwar il-futur tal-AMISOM u l-appoġġ għall-istituzzjonijiet tas-settur tas-sigurtà u r-riforma fis-Somalja; billi fil-11 ta' Mejju 2017 l-UE ħabbret appoġġ ġdid ta' EUR 200 miljun għas-Somalja fil-Konferenza ta' Londra dwar is-Somalja;

Y.  billi wara l-Ordni Eżekuttiva tal-President Trump tal-Istati Uniti tas-27 ta' Jannar 2017, madwar 3 000 rifuġjat, li kellhom jiġu risistemati fl-Istati Uniti mill-Kenja fl-2017, il-parti l-kbira minnhom minn Dadaab, wara li l-biċċa l-kbira minnhom kienu diġà ġew skrinjati b'mod rigoruż minn uffiċjali tal-Istati Uniti u tan-NU u wara li kienu stennew sa 10 snin għall-approvazzjoni tar-risistemazzjoni tagħhom, qed jiffaċċaw futur inċert;

Z.  billi l-isforzi tal-UE għar-risistemazzjoni għandhom jiżdiedu biex jaqblu mal-isforzi ta' pajjiżi terzi bħall-Awstralja jew il-Kanada, sabiex jilħqu dak li l-UNHCR iqis li hu meħtieġ sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta ta' rifuġjati madwar id-dinja;

AA.  billi l-pjan ta' azzjoni globali ta' Nairobi adottat waqt is-summit tal-IGAD tal-25 ta' Marzu 2017 enfasizza n-nixfa u l-konflitt armat b'mod partikolari bħala r-raġunijiet għall-ispostament tan-nies fir-reġjun;

AB.  billi wara l-missjoni ta' valutazzjoni elettorali tal-UE lill-Kenja, ġie rrakkomandat li missjoni tal-UE ta' osservazzjoni elettorali għall-elezzjonijiet ġenerali f'Awwissu 2017 tkun siewja u effettiva;

1.  Ifaħħar lill-Kenja u r-reġjun lokali ta' Dadaab għar-rwol li żvolġew fl-ospitar ta' għadd mingħajr preċedent ta' rifuġjati tul perjodu daqstant twil; jenfasizza l-fatt, madankollu, li s-sitwazzjoni attwali fir-reġjun hija insostenibbli u teħtieġ rispons effiċjenti u kkoordinat min-naħa tal-gvernijiet tar-reġjun u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali, inkluża l-UE, sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kwistjoni tar-rifuġjati Somali, flimkien ma' sforzi biex tiżdied is-sigurtà u biex jiġi stabbilit żvilupp soċjoekonomiku fit-tul fir-reġjun;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-IGAD dwar soluzzjonijiet dejjiema għar-rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni rimpatrijati fis-Somalja; jilqa' l-impenn biex jinkiseb approċċ reġjonali komprensiv, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm il-protezzjoni u tkun promossa l-awtonomija fil-pajjiżi tal-asil, li għandu jitwettaq bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali u b'konsistenza mal-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabbiltà kif deskritta fil-Qafas ta' Rispons Komprensiv għar-Rifuġjati (CRRF) tad-Dikjarazzjoni ta' New York;

3.  Jiddispjaċih dwar iċ-ċokon tar-rwol li żvolġew l-Istati Membri tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-isforzi għar-risistemazzjoni ta' rifuġjati minn Dadaab, u jistieden lill-UE twettaq ir-responsabbiltà tagħha biex tiżgura kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet;

4.  Jirrimarka li sakemm għad hemm l-instabbiltà fir-reġjun usa' u fid-dawl ta' riskju mġedded ta' karestija, ir-rifuġjati mhux se jkunu jistgħu jmorru lura fi djarhom; jitlob, għalhekk, lill-UE biex iżżomm l-iżvilupp fit-tul bħala l-objettiv primarju tagħha u biex terġa' tirdoppja l-isforzi tagħha biex tieħu sehem u taqdi rwol ta' medjatur fir-reġjun sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi sottostanti ekonomiċi, politiċi, ambjentali u tas-sigurtà, li huma l-kawżi prinċipali tal-faqar estrem, l-attività kriminali, ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu u li fl-aħħar mill-aħħar qed jikkawżaw is-sitwazzjoni tar-rifuġjati;

5.  Jenfasizza l-fatt li fl-aħħar mill-aħħar se jkun meħtieġ rispons reġjonali biex tingħata protezzjoni kontinwa lil 260 000 rifuġjat Somalu; ifakkar li l-integrazzjoni mill-ġdid sostenibbli tal-persuni rimpatrijati tirrikjedi approċċ olistiku u msejjes fuq il-komunità sabiex tittejjeb il-kapaċità ta' assorbiment u jkun hemm aċċess aħjar għas-servizzi għal persuni rimpatrijati, persuni spostati internament u komunitajiet lokali fis-Somalja;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni globali u reġjonali ta' Nairobi, li jipprevedi għeluq progressiv tal-kampijiet biex ir-rifuġjati jingħataw aċċess għall-impjieg u s-servizzi fil-pajjiż ospitanti tagħhom u biex ikunu jistgħu jiċċaqilqu liberament; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' azzjoni konkreta dwar Dadaab; jappoġġja l-ħolqien ta' fond reġjonali għad-donaturi;

7.  Iqis li minħabba ċ-ċirkostanzi attwali ta' problemi tas-sigurtà kontinwi fis-Somalja u riskju kbir ta' karestija, fi kwalunkwe xenarju, jenħtieġ li r-rimpatriji dejjem ikunu volontarji; jitlob li jkun hemm aktar kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet fir-rigward tal-ospitar tar-rifuġjati u l-ħolqien ta' metodi addizzjonali biex ir-rifuġjati jiġu megħjuna jkollhom aċċess għal pajjiżi terzi, inkluża l-UE;

8.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-EUTF għall-Afrika, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fir-reġjuni tal-Afrika tal-Lvant; jitlob li l-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom lejn il-Fond; jitlob lill-Kummissjoni, madankollu, biex iżżid l-isforzi ta' konsultazzjoni mal-atturi fir-reġjun, inklużi l-popolazzjonijiet lokali, il-gvernijiet reġjonali u l-NGOs, bl-għan li ssir enfasi fuq il-problemi u l-ħtiġijiet identifikati lokalment u titrawwem klima favorevoli u tiżdied il-kapaċità għar-rimpatriju ta' rifuġjati lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jenfasizza l-fatt li Dadaab ħoloq madwar 10 000 impjieg, li ħafna minnhom huma marbuta ma' attivitajiet umanitarji;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ iċċentrat fuq il-persuni u l-komunità għall-użu tar-riżorsi tal-EUTF għall-finijiet ta' assistenza għar-rimpatriji minn Dadaab u għat-tfassil ta' miżuri għall-iżvilupp u r-reżiljenza fir-reġjun; jemmen bis-sħiħ li l-EUTF għandu jiffoka mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll fuq proġetti tal-poplu fir-reġjun, immirati speċifikament biex jittejbu l-kwalità, l-ekwità u l-aċċessibbiltà universali għas-servizzi bażiċi u t-taħriġ għall-iżvilupp ta' kompetenzi lokali, kif ukoll biex iwieġbu għall-ħtiġijiet ta' komunitajiet vulnerabbli, inklużi l-minoranzi;

10.  Jemmen li jenħtieġ li l-EUTF jiffoka aktar fuq spinta favur l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun, billi jsaħħaħ l-opportunitajiet ekonomiċi u tal-impjieg u billi jsaħħaħ ir-reżiljenza; jitlob li dawn il-fondi jintużaw biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u għall-espansjoni ulterjuri tal-użu tal-enerġija solari bħala sors ta' enerġija, pereżempju għall-ippumpjar tal-ilma ħelu, li kien proġett li rnexxa f'xi partijiet tal-kamp ta' Dadaab;

11.  Jirrimarka li n-nisa u t-tfal jirrappreżentaw iktar minn 60 % tal-popolazzjoni totali tal-kamp tar-rifuġjati u huma meqjusa bħala l-aktar gruppi vulnerabbli u emarġinati fi ħdan il-kamp; jistieden lill-Gvern Kenjan, l-istituzzjonijiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna internazzjonali u l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, jadottaw approċċ speċifiku għall-miżuri ta' għajnuna li jindirizza l-fatturi li jinfluwenzaw il-vulnerabbiltà tan-nisa u t-tfal fil-kamp, bħall-persekuzzjoni bbażata fuq is-sess u l-ġeneru, il-vjolenza fuq in-nisa, l-abbuż u sfruttament sesswali, il-faqar estrem u l-esklużjoni;

12.  Ifaħħar lill-awtoritajiet Somali għall-progress li sar f'dawn l-aħħar xhur, fosthom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet; jenfasizza l-fatt li, madankollu, il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u tas-sigurtà f'ħafna partijiet mis-Somalja għadhom estremament diffiċli għal rimpatriju fuq skala kbira; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha, għaldaqstant, biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet Somali biex jiżdiedu l-isforzi għall-istabbiltà fil-pajjiż qabel ma jsir rimpatriju fuq skala kbira;

13.  Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali biex iwettqu l-impenji lejn is-Somalja, b'mod partikolari billi jagħmlu sforzi biex jistabbilixxu s-sigurtà tal-ikel sabiex tiġi evitata l-karestija imminenti, biex titrawwem is-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni tad-differenzi fil-komunitajiet, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u biex tkun megħjuna t-tlestija tar-reviżjoni kostituzzjonali, sabiex tinkiseb stabbiltà fit-tul;

14.  Jappella lill-UE biex tiżgura li l-programmi ta' rilokazzjoni fir-reġjun jaraw b'mod partikolari li gruppi ta' nies vulnerabbli jiġu rilokati lejn reġjuni sikuri b'mod responsabbli, u li d-drittijiet tar-rifuġjati jiġu rispettati; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali jgħinu biex jinbnew infrastrutturi fil-pajjiż kollu biex ir-rifuġjati rimpatrijati jkunu jistgħu jiġu integrati mill-ġdid b'mod sikur u permanenti fis-soċjetà Somala, ħielsa mit-theddid minn elementi terroristiċi bħal Al-Shabaab;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ġestjoni aħjar tal-fruntieri bejn is-Somalja u l-pajjiżi ġirien tagħha, li huma meqjusa bħala ambjent ideali għan-netwerks involuti fit-traffikar u l-kuntrabandu tal-persuni, armi, drogi u merkanzija illeċita oħra, u b'hekk jipprovdu finanzjament għal attivitajiet kriminali u terroristiċi; jistenna li l-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE għas-Somalja taħdem mill-qrib mal-AMISOM u mal-awtoritajiet Somali biex jikkondividu l-aħjar prattika dwar ġestjoni tal-fruntieri mtejba bl-għan li jinqabdu t-traffikanti u l-kuntrabandisti;

16.  Jirrikonoxxi li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp mingħajr sigurtà mtejba fir-reġjun; jenfasizza bil-qawwa, madankollu, li l-fondi mis-sorsi tal-FEŻ u tal-ODA jeħtieġ li jkunu ddedikati għall-iżvilupp ekonomiku, uman u soċjali fir-reġjun, b'enfasi partikolari fuq l-isfidi tal-iżvilupp identifikati fid-deċiżjoni dwar il-Fond Fiduċjarju; ifakkar li fondi tal-FEŻ u tal-ODA għandhom jintużaw esklussivament għal għanijiet tal-iżvilupp li jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

17.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza u li tingħata spinta lill-iżvilupp tal-komunitajiet ospitanti milquta fir-reġjun ta' Dadaab fil-Kenja, b'attenzjoni lill-ħajjiet tan-nies sabiex ma jiġux milquta negattivament bit-tnaqqis gradwali ta' Dadaab u s-servizzi pubbliċi pprovduti fil-belt, u x-xokk ekonomiku li dan jaf jikkawża għall-popolazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-popolazzjoni ospitata f'Dadaab poġġiet pressjoni ambjentali kbira fuq ir-reġjun, li laqtet l-aċċess tal-popolazzjoni lokali għar-riżorsi naturali; jenfasizza l-fatt li din il-kwistjoni għandha tkun indirizzata konġuntament mill-Gvern Kenjan u permezz tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-UE għall-Kenja; jistenna li l-Gvern Kenjan u l-UE jirrikonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dan ir-reġjun fraġli;

18.  Jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tal-gvern tal-Istati Uniti li jnaqqas il-kontribuzzjoni tiegħu lill-aġenziji tan-NU b'USD 640 miljun; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt dirett li din id-deċiżjoni se jkollha fuq ir-reġjun; jinsisti li l-kontribuzzjonijiet volontarji tal-UE lill-fondi u lill-aġenziji tan-NU, li jammontaw għal nofs il-baġit totali tagħhom, huma kruċjali għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà dinjija;

19.  Jenfasizza li l-insuffiċjenza fil-baġit ta' aġenziji tan-NU bħalma hija l-UNHCR, li jipprovdu protezzjoni, kenn u assistenza umanitarja f'ċirkostanzi diffiċli u kumplessi, se tikkontribwixxi biex jiżdiedu l-isfidi tas-sigurtà fir-reġjun;

20.  Jinnota bi tħassib kbir l-effetti serji tat-tibdil fil-klima fuq ir-reġjun, li jservu ta' tfakkira qawwija lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati t-termini tal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li jiġi nnotat l-effett dirett li għandhom dawn l-azzjonijiet fuq il-gwerra u l-karestija fir-reġjun;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Kenja, lill-Gvernatur tar-reġjun ta' Garissa, lill-Ispeaker tal-parlament tal-Kenja, lill-Gvern tas-Somalja, l-Ispeaker tal-parlament tas-Somalja, lill-IGAD, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-IGAD, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati.


Kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem
PDF 264kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar kif niżguraw li r-rilokazzjoni taħdem (2017/2685(RSP))
P8_TA(2017)0230B8-0340/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja(3),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja(4),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja, il-Greċja u l-Ungerija(5),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja(6),

–  wara li kkunsidra l-11 ir-rapport tal-Kummissjoni dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-16 ta' Mejju 2017 dwar kif nagħmlu r-rilokazzjoni taħdem,

–  wara li kkunsidra l-istudju mwettaq għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu bl-isem "L-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja", ippubblikat f'Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, wara l-proċedura ta' konsultazzjoni stipulata fl-Artikolu 78(3) tat-TFUE, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu bħala sostenn għad-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni b'maġġoranza kbira;

B.  billi d-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni ġew adottati bħala miżura ta' solidarjetà urġenti fin-nuqqas ta' sistema Ewropea tal-asil ibbażata fuq il-kondiviżjoni tar-responsabilità li għadha mhix fis-seħħ;

C.  billi l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jirrilokaw 160 000 applikant għall-asil mill-Italja u l-Greċja; billi, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754, 54 000 minn dawn il-postijiet jistgħu jintużaw għall-ammissjoni tar-rifuġjati Sirjani mit-Turkija;

D.  billi r-Renju Unit għażel li ma jipparteċipax f'dan il-mekkaniżmu, filwaqt li l-Irlanda għażlet li tipparteċipa; billi d-Danimarka għażlet li ma tipparteċipax fuq bażi volontarja, filwaqt li tliet stati assoċjati għażlu li jipparteċipaw;

E.  billi sas-27 ta' April 2017, 17 903 applikant għall-asil biss ġew rilokati, 12 490 mill-Greċja u 5 413 mill-Italja; billi dan jammonta biss għal 11 % tal-obbligu totali;

F.  billi l-għadd ta' persuni eliġibbli għal rilokazzjoni preżenti fl-Italja u fil-Greċja bħalissa huwa inqas mill-għadd previst fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill; billi s'issa 26 997 applikant eliġibbli ġew irreġistrati fil-Greċja filwaqt li l-Istati Membri formalment wiegħdu li jieħdu 19 603 post ta' rilokazzjoni; billi s'issa 8 000 applikant eliġibbli ġew irreġistrati fl-Italja filwaqt li l-Istati Membri formalment wiegħdu li jieħdu 10 659 post ta' rilokazzjoni; billi l-għadd ta' wegħdiet ġeneralment huwa ogħla b'mod sinifikanti min-numru ta' persuni li jiġu effettivament rilokati;

G.  billi huma biss l-applikanti għall-asil li kienu diġà preżenti fil-Greċja qabel l-20 ta' Marzu 2016 li huma fil-fatt meqjusa bħala eliġibbli għal rilokazzjoni; billi d-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni ma jinkludux tali data ta' tmiem tal-eliġibilità u ma ġewx emendati b'dan il-mod;

H.  billi huma biss l-applikanti għall-asil ta' nazzjonalità li għaliha r-rata medja ta' rikonoxximent hija 75 % jew aktar, skont id-data trimestrali disponibbli tal-Eurostat l-aktar reċenti, li huma eliġibbli għal rilokazzjoni; billi l-Iraqqini m'għadhomx eliġibbli għal rilokazzjoni, peress li r-rata medja ta' rikonoxximent tagħhom waqgħet għal taħt il-75 %; billi l-Parlament Ewropew, fil-pożizzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, talab li l-Afgani għandhom ukoll ikunu eliġibbli għal rilokazzjoni; billi l-Afgani kienu t-tieni l-akbar grupp ta' applikanti għall-asil li l-Unjoni kellha taffaċċja fl-2016; billi 56,7 % minnhom ingħataw l-asil; billi evidentement l-akbar għadd ta' Afgani jaslu fil-Greċja; billi bosta minnhom huma minorenni mhux akkumpanjati;

I.  billi 62 300 applikant għall-asil u migranti għadhom preżenti fil-Greċja;

J.  billi l-Italja qabżet rekord ġdid f'termini ta' migranti li waslu fl-2016, b'181 436 (18 % aktar milli fl-2015), li 14 % minnhom kienu minorenni mhux akkumpanjati; billi 20 700 Eritrean li huma eliġibbli għal rilokazzjoni waslu fl-2016, iżda s'issa l-Italja rreġistrat biss madwar kwart minnhom għal rilokazzjoni;

K.  billi fl-Italja fl-2016 l-għadd limitat ta' applikanti għall-asil rilokati lejn Stati Membri oħra kien inqas b'mod sinifikanti mill-għadd ta' applikanti għall-asil trasferiti mill-Istati Membri lejn l-Italja skont ir-Regolament ta' Dublin;

L.  billi l-Kummissjoni, fit-8 rapport tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, stabbiliet mira ta' rilokazzjoni fix-xahar, ripetuta fir-rapporti sussegwenti, ta' 3 000 applikant għall-asil mill-Greċja u 1 500 mill-Italja (mill-1 ta' April 2017), sabiex tiffaċilita u taċċellera r-rilokazzjoni b'mod effettiv u bla xkiel fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill;

M.  billi l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016, approva l-pjan ta' azzjoni konġunta dwar l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, li tinkludi l-mira ta' rilokazzjoni għall-Greċja; billi l-Kunsill Ewropew tenna wkoll l-appell tiegħu għal aktar intensifikazzjoni tal-isforzi biex titħaffef ir-rilokazzjoni, b'mod partikulari għall-minorenni mhux akkumpanjati;

N.  billi l-prekundizzjonijiet u l-infrastruttura operattiva sabiex isseħħ ir-rilokazzjoni huma stabbiliti b'mod sħiħ;

O.  billi, minkejja li sar xi progress, huma biss żewġ Stati Membri, il-Finlandja u Malta, li huma kompletament fit-triq it-tajba biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta' rilokazzjoni; billi bosta Stati Membri għadhom lura sew; billi erba' Stati Membri kienu qed jirrilokaw fuq livell estremament limitat; billi żewġ Stati Membri għadhom mhux qed jipparteċipaw;

P.  billi l-Finlandja biss qiegħda sistematikament tirċievi minorenni mhux akkumpanjati; billi fl-Italja hemm bżonn ta' madwar 5 000 post ta' rilokazzjoni għalihom, filwaqt li s'issa huwa biss minorenni mhux akkumpanjat wieħed li ġie rilokat; billi fil-Greċja hemm bżonn ta' 163 post aktar mit-12 ta' April 2017 'l hawn;

Q.  billi xi Stati Membri qed jagħmlu użu minn preferenzi restrittivi ferm u diskriminatorji, bħall-għoti ta' rilokazzjoni għall-ommijiet waħedhom biss, jew l-esklużjoni ta' applikanti ta' nazzjonalitajiet speċifiċi, bħall-Eritrej, u japplikaw kontrolli ta' sigurtà estensivi ħafna; billi fil-Greċja 961 persuna mis-7 ta' Mejju 2017 'l hawn ġew irrifjutati r-rilokazzjoni mill-Istati Membri;

R.  billi d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tistipula b'mod ċar li l-miżuri ta' rilokazzjoni ma jeżentawx lill-Istati Membri milli japplikaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin) relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja, il-protezzjoni speċjali ta' minorenni mhux akkumpanjati, u l-klawsola diskrezzjonarja li tikkonċerna raġunijiet umanitarji;

1.  Jirrikonoxxi li sar xi progress, iżda jesprimi d-diżappunt tiegħu rigward l-impenji mhux sodisfatti min-naħa tal-Istati Membri favur is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabilità;

2.  Jilqa' t-twaqqif ta' sistema awtomatizzata ta' tqabbil tal-preferenzi mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil; jistieden lill-Istati Membri ma jirrikkorrux għal deċiżjonijiet arbitrarji dwar jekk jaċċettawx talba għal rilokazzjoni jew le; iħeġġeġ lill-Istati Membri jibbażaw ir-rifjut tagħhom biss fuq ir-raġunijiet speċifiċi stabbiliti fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-deċiżjonijiet tal-Kunsill u jirrilokaw sistematikament lill-applikanti għall-asil mill-Greċja u l-Italja, inklużi dawk li waslu wara l-20 ta' Marzu 2016, sakemm dawk kollha eliġibbli jkunu ġew rilokati b'mod effettiv u bla xkiel fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill; jistieden lill-Istati Membri jintrabtu u jitrasferixxu fuq bażi mensili stabbli;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw ir-rilokazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati u gruppi oħra vulnerabbli ta' applikanti;

5.  Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni fl-għaxar rapport tagħha dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni tat-2 ta' Marzu 2017 li mhix se toqgħod lura milli tuża s-setgħat tagħha skont it-Trattati jekk l-Istati Membri ma jżidux ir-rilokazzjonijiet tagħhom malajr; jifhem li dan se jinkludi proċeduri ta' ksur;

6.  Jinsisti li l-obbligi legali tal-Istati Membri ma jintemmux wara s-26 ta' Settembru 2017 u li wara din id-data huma xorta se jkollhom jirrilokaw l-applikanti eliġibbli kollha li waslu sa dik id-data;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-Kunsill intrabat bil-mira ta' 160 000 rilokazzjoni; jinnota li l-għadd ta' persuni eliġibbli għal rilokazzjoni huwa differenti minn dan l-għadd; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi l-estensjoni tal-miżuri ta' rilokazzjoni sal-adozzjoni tar-Regolament ta' Dublin riformulat, f'konformità mat-termini tal-proposta tagħha tal-4 ta' Mejju 2016 (COM(2016)0270);

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146.
(2) ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80.
(3) ĠU L 268, 1.10.2016, p. 82.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0306.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0324.
(6) Testi adottati, P8_TA(2016)0354.


L-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja
PDF 280kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja (2017/2688(RSP))
P8_TA(2017)0231RC-B8-0349/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Bniedem u ċ-Ċittadin,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2013 għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar l-ugwaljanza tal-LGBTI tas-16 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar it-Tortura u t-Trattament Ħażin, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' April 2017 maħruġa mill-esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-abbuż u d-detenzjoni ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' April 2017 maħruġa mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja tad-19 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE dwar ir-rapporti kontinwi ta' arresti u qtil ta' rġiel gay mill-Gvern taċ-Ċeċenja fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE tas-27 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fis-7 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mid-Direttur tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE fit-13 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-konferenza stampa konġunta bejn il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogħerini u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov f'Moska, fl-24 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-1 ta' April 2017 ġie ppubblikat artiklu fil-gazzetta indipendenti Russa Novaya Gazeta, fejn ġie rrappurtat li iżjed minn mitt raġel, gay jew meqjusa u perċepiti bħala gay, kienu ġew maħtufa u miżmuma fir-repubblika awtonoma taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa, bħala parti minn kampanja koordinata allegatament organizzata mill-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà tar-repubblika fuq ordnijiet diretti tal-President taċ-Ċeċenja, Ramzan Kadyrov;

B.  billi Novaya Gazeta rrappurtat li l-vittmi li nħatfu ġew maltrattati, ittorturati u mġiegħla jiżvelaw l-identità ta' individwi LGBTI oħrajn; billi ġie rappurtat ukoll li mill-inqas tliet irġiel kienu nqatlu, tnejn bħala riżultat tat-trattament f'kustodja u wieħed mill-familja tiegħu fl-hekk imsejjaħ "qtil tal-unur";

C.  billi l-ewwel rapporti ġew ikkonfermati separatament mill-Human Rights Watch u l-Grupp ta' Kriżi Internazzjonali, li t-tnejn li huma jiċċitaw sorsi fil-post li jikkonfermaw li l-irġiel meqjusa bħala gay kienu fil-mira biex ikunu miżmuma mill-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà;

D.  billi hu rrapurtat li l-awtoritajiet fiċ-Ċeċenja ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet u wrew li mhumiex lesti li jinvestigaw u jtellgħu l-qorti lil dawk responsabbli;

E.  billi fil-biċċa l-kbira tagħhom il-vittmi jibqgħu lura milli jitolbu li ssir ġustizzja, minħabba li jibżgħu li jkun hemm ritaljazzjoni mill-awtoritajiet lokali; billi l-persuni gay u leżbjani u dawk meqjusa bħala gay jew leżbjani huma partikolarment vulnerabbli minħabba omofobija soċjetali b'saħħitha u r-riskju li jisfaw vittmi ta' qtil tal-unur minn qrabathom;

F.  billi wara snin ta' theddid u repressjoni u deterjorament qawwi tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu tat-Tramuntana, kważi l-ebda ġurnalist indipendenti jew attivist tad-drittijiet tal-bniedem ma jista' jaħdem fir-reġjun; billi ġie rrappurtat li l-ġurnalisti li jaħdmu għall-gazzetta Novaya Gazeta, li kixfet ir-repressjoni, irċevew theddid ta' mewt minħabba xogħolhom; billi l-awtoritajiet Ċeċeni ċaħdu l-allegazzjonijiet kollha u talbu lill-ġurnalisti jsemmu lill-vittmi intervistati;

G.  billi l-pulizija f'San Pietruburgu u f'Moska żammew maqbuda attivisti LGBTI li ppruvaw iqajmu sensibilizzazzjoni u jitolbu investigazzjoni dwar il-persekuzzjoni ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja;

H.  billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja ta' bosta trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għandha għalhekk id-dover li tiżgura s-sikurezza tal-persuni kollha li jistgħu jkunu f'riskju, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; billi r-Russja għandha l-obbligu u l-mezzi biex tinvestiga d-delitti mwettqa mill-awtoritajiet Ċeċeni; billi l-omosesswalità ġiet dekriminalizzata fil-Federazzjoni Russa fl-1993;

I.  billi l-President Putin inkariga lill-Ombudsperson Russa għad-Drittijiet tal-Bniedem, Tatyana Moskalkova, tifforma grupp ta' ħidma biex tinvestiga l-allegazzjonijiet;

J.  billi l-individwi LGBTI huma protetti taħt id-dritt internazzjonali eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u taħt il-leġiżlazzjoni domestika Russa; billi, madankollu, ħafna drabi hija meħtieġa azzjoni speċifika biex tiżgura t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni LGBTI, peress li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jistgħu jġibu magħhom riskji addizzjonali ta' diskriminazzjoni, bullying u prosekuzzjoni, fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol u fis-soċjetà usa', kif ukoll fi ħdan il-familji; billi huwa l-kompitu u r-responsabbiltà tal-pulizija, tal-ġudikatura u tal-awtoritajiet li jiġġieldu kontra dawn il-forom ta' diskriminazzjoni u jopponu l-attitudnijiet soċjali negattivi;

K.  billi l-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI jippreskrivu attitudni proattiva min-naħa tad-Delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati nazzjonali tal-Istati Membri, fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet LGBTI; billi dawn il-Linji Gwida jistipulaw li l-ġlieda kontra l-vjolenza fobika fil-konfront tal-LGBTI u l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTI huma oqsma prijoritarji;

L.  billi fis-7 ta' Marzu 2017 ir-Russja adottat leġiżlazzjoni li tiddekriminalizza l-vjolenza domestika, b'tali mod li naqqset l-att ta' vjolenza fi ħdan il-familja minn reat kriminali għal wieħed amministrattiv, b'sanzjonijiet iktar dgħajfa għal dawk li jwettqu r-reati; billi l-Parlament Ewropew iddibatta din il-kwistjoni fis-sessjoni parzjali tiegħu fi Strasburgu tat-13-16 ta' Marzu 2017;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura ta' rġiel meqjusa bħala gay fir-Repubblika taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa; jistieden lill-awtoritajiet biex itemmu din il-kampanja ta' persekuzzjoni, jeħilsu immedjatament lil dawk li għadhom miżmuma illegalment, biex jiżguraw il-protezzjoni ġuridika u fiżika għall-vittmi u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li ħadmu fuq dan il-każ, u biex iħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem iwettqu investigazzjoni kredibbli dwar l-allegati reati;

2.  Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet kollha mill-awtoritajiet Ċeċeni li jħeġġu u jinċitaw vjolenza kontra persuni LGBTI, inkluż dikjarazzjoni mill-kelliem tal-Gvern Ċeċen li tiċħad l-eżistenza ta' omosesswali fiċ-Ċeċenja u tiddiskredita r-rapport bħala "gideb u diżinformazzjoni assoluta"; jiddeplora n-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet lokali li jinvestigaw u jħarrku l-ksur serju dirett speċifikament lejn individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom, u jfakkar lill-awtoritajiet li d-drittijiet tal-libertà ta' assemblea, assoċjazzjoni u espressjoni huma drittijiet universali u japplikaw għal kulħadd; jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk li għadhom miżmuma illegalment; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jipprovdu protezzjoni ġuridika u fiżika għall-vittmi, kif ukoll għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li ħadmu fuq dan il-każ;

3.  Jinnota li l-President Putin ta istruzzjonijiet lill-Ministeru tal-Intern Russu u lill-Prosekutur Federali biex jinvestigaw il-ġrajjiet fiċ-Ċeċenja, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa biex joffru appoġġ materjali u konsulenza lill-awtoritajiet Russi f'din l-investigazzjoni;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċeċeni u dawk tal-Federazzjoni Russa jirrispettaw il-leġiżlazzjoni domestika u l-impenji internazzjonali, iħarsu l-istat tad-dritt u l-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem u jippromwovu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, inkluż għal persuni LGBTI, bl-appoġġ ta' miżuri bħal kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jippromwovu kultura ta' tolleranza, rispett u inklużjoni bbażati fuq l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; jitlob li jittieħdu miżuri ta' protezzjoni immedjati favur individwi vulnerabbli li jistgħu jisfaw vittmi, u għar-riabilitazzjoni sħiħa tal-vittmi kollha ta' tortura;

5.  Jiddeplora l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun u l-klima ta' impunità li tippermetti li dawn l-atti jseħħu, u jappella għall-iżvilupp ta' miżuri ġuridiċi u ta' miżuri oħrajn li jipprevjenu tali vjolenza u jimmonitorjaw u jħarrku b'mod effikaċi l-awturi b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; jenfasizza li r-Russja u l-Gvern tagħha jġorru r-responsabbiltà aħħarija biex jinvestigaw dawn l-atti, iressqu l-awturi quddiem il-ġustizzja u jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha minn abbuż illegali;

6.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jittieħdu azzjonijiet immedjati, indipendenti, oġġettivi u li jsiru investigazzjonijiet fil-fond dwar l-atti ta' priġunerija, tortura u qtil, sabiex l-awturi intellettwali u materjali tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja u tintemm l-impunità; jilqa', f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' grupp ta' ħidma taħt it-tmexxija tal-Ombudsperson Russa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li qed tinvestiga l-kwistjoni; jistieden lill-awtoritajiet Russi jagħtu istruzzjonijiet lill-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali biex joffri l-anonimità u protezzjonijiet oħrajn għal vittmi u xhieda tal-persekuzzjoni kontra l-persuni gay u l-familji tagħhom fiċ-Ċeċenja sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-investigazzjoni; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri fir-Russja biex jissorveljaw b'mod attiv l-investigazzjoni, u biex jintensifikaw aktar l-isforzi lejn l-involviment mal-vittmi, il-persuni LGBTI, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li attwalment jinsabu f'periklu;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili Russa, biex tingħata għajnuna lil dawk li ħarbu miċ-Ċeċenja u sabiex din il-kampanja ta' abbuż toħroġ fid-deher; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-proċeduri ta' talba għall-asil għal dawn il-vittmi, il-ġurnalisti u d-defensuri tad-drittijiet tal-bniedem skont id-dritt Ewropew u dak nazzjonali;

8.  Jilqa' u jagħraf l-isforzi magħmula minn bosta kapijiet ta' delegazzjonijiet tal-UE u l-persunal tagħhom u l-ambaxxaturi tal-Istati Membri u l-persunal tagħhom biex jappoġġjaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTI u jippromwovu n-nondiskriminazzjoni u drittijiet indaqs; jistieden lill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE u persunal ieħor tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jikkonsultaw mal-Parlament u l-MPE rilevanti kull meta jkollhom mistoqsijiet jew jixtiequ jipprovdu lill-Parlament b'informazzjoni, inkluż fil-Konferenza annwali tal-Ambaxxaturi f'Settembru; jenfasizza l-importanza tal-għarfien u tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-LGBTI min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-UE u tar-rappreżentanzi tal-Istati Membri; jistieden, f'dan ir-rigward, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iħeġġu għal implimentazzjoni aktar strateġika u sistematika tal-Linji Gwida, inkluż permezz ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ tal-persunal tal-UE f'pajjiżi terzi, sabiex b'mod effikaċi jqajmu l-kwistjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fi djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u f'fora multilaterali, u biex jappoġġjaw l-isforzi mis-soċjetà ċivili;

9.  Jenfasizza bil-qawwa l-importanza ta' valutazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida permezz ta' punti ta' riferiment ċari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida mid-delegazzjonijiet tal-UE u mir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi kollha bil-ħsieb li tidentifika d-differenzi u n-nuqqasijiet possibbli fl-implimentazzjoni u biex dawn jiġu rimedjati;

10.  Jiddispjaċih ħafna li l-Federazzjoni Russa vvutat kontra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

11.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi u Ċeċeni li s-sistemi tal-valuri reġjonali, kulturali u reliġjużi m'għandhomx jintużaw bħala skuża biex jiġu mħeġġa jew ikun hemm involviment fid-diskriminazzjoni, il-vjolenza, it-tortura, u/jew id-detenzjoni ta' individwi jew gruppi, inkluż abbażi tas-sesswalità jew l-identità tal-ġeneru;

12.  Jinnota bi tħassib, u bħala pass lura, l-adozzjoni mir-Russja ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar il-vjolenza domestika, inkluż dik kontra t-tfal; jenfasizza li leġiżlazzjoni li tittollera l-vjolenza fi ħdan il-familja tirriskja konsegwenzi severi kemm għall-vittmi kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jippromwovu l-qerda tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza domestika, jipproteġu dawk li huma vulnerabbli, u jappoġġjaw lill-vittmi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, l-Kunsill u l-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, u lill-awtoritajiet Ċeċeni.

(1) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 21.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0502.

Avviż legali - Politika tal-privatezza