Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2222(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0387/2017

Testi mressqa :

A8-0387/2017

Dibattiti :

PV 14/12/2017 - 3
CRE 14/12/2017 - 3

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0502

Testi adottati
PDF 386kWORD 57k
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2017 - Strasburgu Verżjoni finali
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2016
P8_TA(2017)0502A8-0387/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2016 (2017/2222(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Ombudsman Ewropew għas-sena 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur u, partikolarment, l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 216(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0387/2017),

A.  billi fl-2016 ġew irċevuti 1 569 petizzjoni – meta mqabbel ma' 1 431 fl-2015 – li minnhom 1 110 petizzjonijiet (70,8 %) ġew meqjusa ammissibbli;

B.  billi kien hemm 6 132 utent tal-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament li appoġġaw petizzjoni waħda jew diversi petizzjonijiet fl-2016, meta mqabbel ma' 902 fl-2015, u billi l-għadd ta' appoġġi għal kull petizzjoni u għal kull utent kien ta' 18 810 fl-2016, meta mqabbel ma' 1 329 fl-2015;

C.  billi l-għadd ta' petizzjonijiet irċevuti huwa modest meta mqabbel tal-popolazzjoni totali tal-UE; billi l-għadd jindika li uħud miċ-ċittadini tal-UE huma konxji mid-dritt għal petizzjoni, u jagħmlu użu minnu, u jistennew li jiġbdu l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej lejn kwistjonijiet li huma mħassbin dwarhom u li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenzi tal-UE, permezz tal-proċedura tal-petizzjonijiet; billi, madankollu, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar id-dritt għal petizzjoni lill-Parlament Ewropew u dan id-dritt jiġi promoss;

D.  billi d-dritt li tiġi mressqa petizzjoni lill-Parlament Ewropew joffri liċ-ċittadini u r-residenti tal-UE l-mezzi biex jippreżentaw talba uffiċjali direttament lir-rappreżentanti tagħhom, u għalhekk dan id-dritt jenħtieġ li jkun imħares u jingħata importanza kif xieraq; billi dan id-dritt huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u tar-residenti tal-UE fl-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea;

E.  billi l-Parlament Ewropew ilu fuq quddiem nett tal-iżvilupp tal-proċess tal-petizzjonijiet fil-livell internazzjonali u għad għandu l-aktar sistema miftuħa u trasparenti fl-Ewropa, li tippermetti b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni sħiħa tal-petizzjonanti fl-attivitajiet tiegħu;

F.  billi r-rwol tal-kumitat li jagħti s-setgħa liċ-ċittadini Ewropej huwa wieħed mill-karatteristiċi essenzjali li jikkontribwixxi għar-rinfurzar tal-immaġni u tal-awtorità tal-Parlament f'għajnejn l-elettorat, billi jippermetti lill-istituzzjoni żżomm responsabbli u tiskrutinizza aħjar il-mod kif id-dritt tal-Unjoni jiġi implimentat mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE;

G.  billi l-parteċipazzjoni attiva hija possibbli biss abbażi ta' proċess demokratiku u trasparenti tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE, li jippermetti lill-Parlament u lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jirrendu xogħlu faċli u komprensibbli għaċ-ċittadini;

H.  billi dawk li jressqu u jappoġġaw il-petizzjonijiet huma ċittadini impenjati, li min-naħa tagħhom jistennew li l-istituzzjonijiet tal-UE jressqu valur miżjud fis-soluzzjoni tat-tħassib tagħhom; billi n-nuqqas li tittieħed azzjoni adegwata dwar il-petizzjonijiet aktarx li jirriżulta fi frustrazzjoni u konsegwentement nuqqas ta' apprezzament tal-Unjoni;

I.  billi huwa nnutat li ċ-ċittadini spiss jirrikorru għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala l-aħħar istanza meta korpi u istituzzjonijiet oħra fil-livelli reġjonali u nazzjonali ma jkunux jistgħu jsolvu l-kwistjonijiet ta' t-tħassib tagħhom;

J.  billi l-petizzjonijiet jippermettu lill-Parlament jisma' u jgħin biex jiġu solvuti l-problemi li jolqtu liċ-ċittadini tiegħu, u billi permezz ta' dawn il-petizzjonijiet jenħtieġ li jiġi vvalutat l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-ħajja ta' kuljum ta' dawk li jgħixu fl-UE;

K.  billi żieda fil-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini u titjib fil-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE huma possibbli biss jekk ikunu abbażi tal-governanza demokratika, li hija kapaċi tiżgura trasparenza, protezzjoni effikaċi tad-drittijiet fundamentali u l-inklużjoni tat-talbiet taċ-ċittadini fl-aġenda politika tal-UE;

L.  billi l-petizzjonijiet huma sors utli ta' informazzjoni, fost affarijiet oħra, biex jiġu indikati l-ksur tad-dritt tal-UE u l-lakuni u l-inkonsistenzi tad-dritt tal-Unjoni meta mqabbla mal-għan li jiġi żgurat ħarsien bis-sħiħ tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha;

M.  billi l-petizzjonijiet jipprovdu firxa wiesgħa ta' informazzjoni f'diversi oqsma ta' użu lil kumitati parlamentari oħra, anke fir-rigward tal-attivitajiet leġiżlattivi tagħhom; billi hija responsabilità li taqa' fuq il-Parlament kollu li jissodisfa d-dritt fundamentali għal petizzjoni permezz ta' trattament adegwat tal-petizzjonijiet;

N.  billi kull petizzjoni għandha tiġi vvalutata u indirizzata bir-reqqa, u billi kull petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi l-ewwel tweġiba mingħand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet li tindirizza b'mod sħiħ il-kwistjonijiet imqajma b'konformità sħiħa mad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-iskambji u r-risposti sussegwenti spiss huma meħtieġa bħala riżultat tal-eżami inizjali tal-petizzjonijiet jew tal-interazzjoni mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali bħala segwitu ulterjuri biex jinstabu s-soluzzjonijiet;

O.  billi l-kriterji għall-ammissibilità tal-petizzjonijiet skont l-Artikolu 227 tat-TFUE u l-Artikolu 215 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jiddikjaraw li l-petizzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet formali li jirregolaw l-ammissibilità, jiġifieri li l-petizzjonant, li huwa ċittadin tal-UE jew residenti fl-UE, huwa affettwat minn kwistjoni li taqa' taħt l-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea; billi huwa mifhum li dawn l-oqsma ta' attività jmorru lil hinn ħafna mill-aggregazzjoni sempliċi tal-kompetenzi esklużivi tal-UE; billi 459 petizzjoni ġew iddikjarati inammissibbli minħabba li mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet formali;

P.  billi, biex tiġi żgurata l-ħidma effiċjenti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-petizzjonijiet infondati jew inammissibbli jenħtieġ li jingħalqu u tingħata ġustifikazzjoni lill-petizzjonant; billi l-proċedura li tittratta l-petizzjonijiet jenħtieġ li dejjem tkun ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-petizzjonanti;

Q.  billi n-natura partikolari u interattiva tal-proċess tal-petizzjonijiet innifsu u r-rwol ewlieni li ċ-ċittadini għandhom fih jagħmlu kull każ uniku u jeskludu qafas ta' żmien stabbilit minn qabel; billi dawn il-proċeduri jirrikjedu flessibbiltà partikolari u ħiliet ta' relazzjonijiet pubbliċi min-naħa tal-amministrazzjoni;

R.  billi għadd konsiderevoli ta' petizzjonijiet jiġu diskussi pubblikament f'laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi l-petizzjonanti għandhom id-dritt li jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom, u spiss jieħdu sehem sħiħ fid-diskussjoni, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għax-xogħol tal-kumitat; billi fl-2016, 201 petizzjonant kienu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tal-kumitat, filwaqt li 61 petizzjonant ipparteċipaw b'mod attiv billi tkellmu wkoll;

S.  billi l-informazzjoni pprovduta miċ-ċittadini fil-petizzjonijiet u waqt il-laqgħat tal-kumitat – ikkumplimentata minn għarfien espert ipprovdut mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jew korpi oħra – hija determinanti għax-xogħol tal-kumitat;

T.  billi s-suġġetti ewlenin ta' tħassib imqajma fil-petizzjonijiet fl-2016 kienu relatati mas-suq intern (b'mod partikolari l-provvista tas-servizzi u l-moviment ħieles tal-persuni), id-drittijiet fundamentali (partikolarment id-drittijiet tat-tfal u tal-persuni b'diżabiltà), l-affarijiet soċjali (il-kundizzjonijiet tax-xogħol), kwistjonijiet ambjentali (il-ġestjoni tal-iskart, it-tniġġis u l-protezzjoni ambjentali) u l-kwistjoni speċifika tal-Brexit (it-telf tad-drittijiet akkwistati u l-mandat tar-referendum);

U.  billi s-sit web tal-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament, imniedi fi tmiem l-2014, huwa operattiv; billi 1 067 petizzjoni (68 % ta' dawk irċevuti) ġew ippreżentati permezz tal-portal fl-2016, meta mqabbel ma' 992 fl-2015; billi sar titjib tekniku, inkluż titjib tal-funzjoni ta' tiftix, li bbenefika kemm lill-utenti kif ukoll lill-amministraturi tal-portal; billi s-sommarji tal-petizzjonijiet jittellgħu fis-sit ftit wara l-adozzjoni; billi l-konfigurazzjonijiet tal-kunfidenzjalità u d-dikjarazzjonijiet tal-privatezza ġew riveduti, u ġew introdotti sett ta' mistoqsijiet frekwenti (FAQs); billi s-sommarji tal-petizzjonijiet mill-2015 u l-2016 ittellgħu bl-għajnuna ta' għodda ġdida ta' migrazzjoni; billi twettqet ottimizzazzjoni tal-magna tat-tiftix (SEO); billi għadd kbir ta' talbiet individwali għal appoġġ mill-utenti ġew trattati b'suċċess; billi l-istadji ulterjuri tal-proġett jinsabu għaddejjin, u jippermettu karatteristiċi bħan-notifika elettronika awtomatika tal-inklużjoni ta' kull petizzjoni kkonċernata fl-aġendi tal-kumitati flimkien mal-link tal-web-streaming tagħha li jmiss u anki tal-uploading sussegwenti tal-minuti u tal-videos relatati tad-dibattiti rilevanti, għall-benefiċċju kemm tal-petizzjonanti kif ukoll għas-sostenituri kkonċernati;

V.  billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) hija għodda importanti għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-politika tal-UE li jenħtieġ li tintuża fil-potenzjal sħiħ tagħha, sabiex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE u tikkontribwixxi għall-bini ta' Unjoni Ewropea ġenwina u inklużiva; billi l-proposta leġiżlattiva mressqa mill-Kummissjoni fit-13 ta' Settembru 2017 biex jiġi rivedut ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 attwali dwar l-ECI (COM(2017)0482) tirrappreżenta l-bidu ta' proċess neċessarju ħafna ta' reviżjoni sabiex din l-għodda ssir aktar aċċessibbli u utli għaċ-ċittadini tal-UE;

W.  billi kienu ppjanati erba' żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni skont l-Artikolu 216a tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament; billi ż-żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni jirrappreżentaw għodda ċentrali għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet, kemm biex tingħata opportunità unika biex tinġabar informazzjoni mingħand partijiet ikkonċernati differenti fi kwistjonijiet kumplessi, kif ukoll biex fl-istess ħin tingħata viżibilità tanġibbli lill-ħidma tal-Parlament fost iċ-ċittadini fl-irkejjen differenti tal-Ewropa; billi saru żewġ żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni, waħda fi Spanja wara li ġew irċevuti diversi petizzjonijiet minn ċittadini tal-UE dwar il-possibilità ta' ksur tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u waħda fis-Slovakkja dwar l-użu tal-fondi strutturali tal-UE f'ċentri residenzjali fit-tul għall-persuni b'diżabilità; billi żewġ żjarat oħra ppjanati ta' ġbir ta' informazzjoni, waħda fl-Irlanda u waħda fl-Italja, ġew ikkanċellati;

X.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu responsabilitajiet għar-relazzjonijiet fir-rigward tal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, li huwa responsabbli biex jinvestiga lmenti minn ċittadini tal-UE dwar amministrazzjoni ħażina possibbli fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE;

Y.  billi Emily O'Reilly, l-Ombudsman Ewropew, ippreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2015 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2016, u billi r-rapport annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, min-naħa tiegħu, huwa bbażat parzjalment fuq ir-rapport annwali tal-Ombudsman;

Z.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili tal-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati, u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-dritt u l-politika tal-UE, u li jaqsam magħhom l-aħjar prattiki;

AA.  billi l-147 petizzjoni rċevuti (li minnhom 120 kienu fl-2016) għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet varji – prinċipalment il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini – ikkawżati mir-referendum fir-Renju Unit dwar il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea;

AB.  billi l-linji gwida tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, adottati f'Jannar 2016 u implimentati minn dakinhar 'il quddiem, ġabu magħhom ċarezza u struttura fil-ħidma tal-Kumitat u fl-ipproċessar tal-petizzjonijiet;

AC.  billi r-reviżjoni sostanzjali tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament (adottata fil-Plenarja f'Diċembru 2016) tinvolvi wkoll tibdil fil-proċedura tal-petizzjonijiet u l-kjarifika tagħha;

AD.  billi approċċ esklussivament formalistiku għall-indirizzar tal-petizzjonijiet marbut mal-valutazzjoni ambjentali hu ta' theddida għall-implimentazzjoni tajba tad-dritt ambjentali tal-UE fl-Istati Membri, u għall-kredibbiltà tal-Kummissjoni li jenħtieġ li twettaq superviżjoni effettiva biex tiżgura li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini jkunu mħarsa bis-sħiħ;

1.  Jenfasizza r-rwol fundamentali li għandu l-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala punt ta' kuntatt fejn iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE jistgħu jissottomettu l-ilmenti tagħhom dwar ksur u nuqqas fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri, kif ukoll il-lakuni u l-inkonsistenzi fil-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-kwistjonijiet imqajma jiġu indirizzati minnufih u b'mod eżawrjenti, oġġettiv u ekwu mill-Istituzzjonijiet;

2.  Jirrikonoxxi li l-petizzjonijiet huma sors importanti ta' informazzjoni diretta, mhux biss dwar ksur u nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri, iżda wkoll dwar lakuni potenzjali fil-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll suġġerimenti taċ-ċittadini dwar leġiżlazzjoni ġdida li tista' tiġi adottata, jew titjib possibbli fit-testi leġiżlattivi li hemm fis-seħħ;

3.  Ifakkar li l-petizzjonijiet jippermettu lill-Parlament u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jkollhom kuntatt maċ-ċittadini tal-UE affettwati mill-applikazzjoni tad-dritt tal-UE f'livelli amministrattivi differenti; iqis li l-kapaċità tal-iżgurar tat-trasparenza, l-involviment dirett taċ-ċittadini, il-ħarsien bis-sħiħ tad-drittijiet fundamentali, it-titjib evidenti fir-rispons tal-Istituzzjonijiet tal-UE waqt li qed jindirizzaw u jsolvu l-problemi li ċ-ċittadini ġibdulhom l-attenzjoni dwarhom, kif ukoll il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi l-oħra tal-UE flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jikkostitwixxu għodda fundamentali għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u tar-responsabilità tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni;

4.  Jikkonferma li t-trattament effettiv tal-petizzjonijiet jikkostitwixxi sfida għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Parlament, iżda, fl-aħħar mill-aħħar, itejjeb il-kapaċità tagħhom biex jirreaġixxu għall-problemi relatati mat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni inkorretta, u biex isolvuhom; jinnota li l-Kummissjoni tqis l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bħala prijorità, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

5.  Jitlob li tingħata definizzjoni ta' distinzjoni ċara bejn l-istatus u d-drittijiet tal-petizzjonanti u tas-sostenituri tagħhom f'konformità mal-prinċipji ta' trasparenza;

6.  Ikompli jqis li huwa obbligu partikolari li jiġi żgurat li, meta l-petizzjonijiet ikunu inammissibbli jew infondati, l-ebda dewmien sproporzjonat ma għandu jkun hemm qabel ma dawn jiġu ddikjarati inammissibbli jew magħluqa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-inammissibilità jew l-għeluq tal-petizzjonijiet minħabba li jkunu infondati iridu jkunu ġustifikati b'attenzjoni fil-konfront tal-petizzjonant;

7.  Jirrikonoxxi l-impatt tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE fit-tisħiħ tal-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE; ifakkar li d-dritt għal petizzjoni, imnaqqax fit-Trattat ta' Lisbona, huwa element importanti taċ-ċittadinanza Ewropea u test indikattiv reali għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE għall-identifikazzjoni ta' lakuni possibbli; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex jorganizza laqgħat regolari mal-kontropartijiet tiegħu fil-kuntesti nazzjonali rispettivi dwar petizzjonijiet importanti sabiex titqajjem kuxjenza dwar it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej fl-UE u fl-Istati Membri u biex jissaħħu aktar id-drittijiet tagħhom permezz ta' tfassil u ta' implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni Ewropea; jitlob għalhekk impenn b'saħħtu mill-awtoritajiet kollha involuti fil-livelli nazzjonali u Ewropej fit-trattament u fis-soluzzjoni tal-petizzjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità;

8.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-petizzjonijiet joffru mezz uniku ta' sitwazzjonijiet indikattivi fejn id-dritt tal-Unjoni mhuwiex rispettat u biex tinvestigahom bl-għajnuna ta' skrutinju politiku tal-Parlament Ewropew; ifakkar lill-Kummissjoni li talbiet għal assistenza mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jenħtieġ li jiġu segwiti b'mod xieraq, u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kwalità tar-risposti tagħha, inkluż matul il-laqgħat tal-kumitati, kemm fis-sustanza kif ukoll fil-profondità, biex ikun żgurat li t-tħassib taċ-ċittadini Ewropej ikun indirizzat b'mod trasparenti; jinnota li l-mod ta' kif il-problemi indikati fil-petizzjonijiet jiġu indirizzati għandu impatt vitali fuq iċ-ċittadini, fuq il-fatt jekk ir-rispett għad-dritt tagħhom ta' petizzjoni stabbilit fid-dritt tal-Unjoni huwiex effettiv, u fuq l-opinjonijiet tagħhom dwar l-istituzzjonijiet tal-UE; jinsisti li l-Kummissjoni tidentifika mezzi biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri meta tiġi biex twieġeb għall-investigazzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u l-konformità miegħu;

9.  Iqis li l-fatt li l-qrati nazzjonali għandhom responsabilità primarja li jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri jenħtieġ li bl-ebda mod ma jipprekludi rwol aktar proattiv mill-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, fir-rigward tal-garanzija tal-konformità mad-dritt tal-UE, b'mod partikolari f'każijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa pubblika fejn jenħtieġ li l-prinċipju ta' prekawzjoni jkollu prevalenza;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-ogħla livell possibbli jkunu preżenti għal-laqgħat u s-seduti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet meta l-kontenut tal-kwistjonijiet diskussi jirrikjedi l-involviment tal-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq;

11.  Jistieden lill-uffiċjali tal-Kummissjoni li jkunu preżenti fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex ikunu lesti jinvolvu ruħhom fi djalogu xieraq mal-petizzjonanti u ma jillimitawx ruħhom għall-qari tat-tweġiba diġà stabbilita u mibgħuta qabel il-laqgħa;

12.  Jitlob li jiġu esplorati l-possibilitajiet tal-użu ta' servizzi ta' telekonferenzi; jinkoraġġixxi l-użu ta' teknoloġiji awdjoviżivi ġodda biex jippermettu lill-petizzjonanti jkollhom rwol akbar fil-ħidma tal-Kumitat billi jipparteċipaw f'ħin reali fil-konsiderazzjoni tal-petizzjoni tagħhom;

13.  Ma jaqbilx mal-interpretazzjoni rikorrenti mill-Kummissjoni tas-27 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (2009), li abbażi tiegħu allegatament hija għandha d-dritt li tagħlaq fajls fuq liema ma jkun għadu ttieħed l-ebda pass formali fir-rigward tal-proċedimenti ta' ksur, jew li tissospendi proċedimenti ta' ksur attivi f'każijiet pendenti quddiem qorti nazzjonali; ifakkar li fil-paragrafu 11 tar-riżoluzzjoni annwali tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016(1) dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-Parlament afferma mill-ġdid in-nuqqas ta' qbil tiegħu mal-approċċ oriġinali tal-Kummissjoni fir-rapport imsemmi hawn fuq, kif espress fir-riżoluzzjoni(2) tiegħu stess tal-14 ta' Settembru 2011, fejn b'mod partikolari fil-paragrafi 1, 23 u 32 il-Kummissjoni ntalbet iżżid l-isforzi tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE, fil-limiti tal-kapaċitajiet tagħha, u biex tagħmel użu minn mekkaniżmi ta' ksur b'mod indipendenti mill-eżistenza ta' proċedimenti ġudizzjarji fil-livell nazzjonali;

14.  Jinnota bi tħassib, b'riferiment għar-rapport annwali tal-Kummissjoni tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea fl-2016 (COM(2017)0370), iż-żieda konsiderevoli – b'21 % – ta' każijiet ta' ksur miftuħa meta mqabbel mas-sena preċedenti; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi t-talbiet tal-Parlament għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali ta' proċeduri ta' ksur li għaddejjin bħalissa; jenfasizza r-rwol importanti tal-petizzjonijiet fl-identifikazzjoni ta' implimentazzjoni fqira jew traspożizzjoni tard tad-dritt Ewropew; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa impenjat li jwieġeb għall-aspettattivi taċ-ċittadini fil-ħin u b'mod responsabbli, filwaqt li jiżgura l-iskrutinju demokratiku u l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi statistika preċiża dwar l-għadd ta' petizzjonijiet li wasslu għat-tnedija ta' proċedura EU Pilot jew proċedura ta' ksur; jitlob, barra minn hekk, li jirċievi rapporti dwar każijiet marbuta ma' proċedimenti u/jew proċeduri li jkunu għaddejjin u d-dokumenti skambjati fil-kuntest tal-proċeduri EU Pilot u l-proċeduri ta' ksur ladarba dawn ikunu ngħalqu permezz tal-applikazzjoni tal-ġurisrudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi ffaċilitat djalogu strutturat u jitnaqqas iż-żmien biex jiġi solvut it-tilwim; jistieden lill-Kummissjoni tiddiskuti dawn ir-rapporti mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'mod proattiv, billi jiġi involut il-Viċi President responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt u s-simplifikazzjoni;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża s-setgħat tagħha li jirriżultaw mir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati b'mod xieraq, għaliex dan ir-rwol huwa ta' importanza kbira fil-funzjonament tal-UE fir-rigward taċ-ċittadini u tal-leġiżlaturi Ewropej; jitlob trattament f'waqtu tal-proċeduri ta' ksur sabiex jiġu fi tmiemhom, mingħajr dewmien, is-sitwazzjonijiet fejn id-dritt tal-Unjoni ma jiġix rispettat;

17.  Iqis il-kooperazzjoni mal-kumitati parlamentari l-oħra bħala essenzjali; jirreferi, f'dan ir-rigward, għall-adozzjoni ta' linji gwida tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jispjegaw il-prinċipju tat-twaqqif ta' netwerk ta' petizzjonijiet mal-kumitati l-oħra; jilqa' l-fatt li l-linji gwida għal tali netwerk ġew adottati; jiġbed l-attenzjoni għall-kwestjonarju ppreżentat lill-kumitati kollha bil-ħsieb li jifhmu aħjar il-proċeduri tagħhom biex jittrattaw il-petizzjonijiet sottomessi għal opinjoni jew informazzjoni; jinnota b'sodisfazzjon li l-ewwel laqgħa tan-netwerk fil-livell tal-persunal seħħet fl-2016 u fil-livell ta' Membri darbtejn fl-2017; jieħu nota pożittiva tal-progress li sar fil-koordinazzjoni bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u kumitati oħra u tat-tqassim tematiku tal-oqsma ta' politika f'kull kumitat ikkonċernat li jippermetti segwitu aħjar tal-petizzjonijiet mibgħuta lil kumitati oħra; jitlob li jissaħħaħ in-netwerk tal-PETI bl-objettiv li jiġu ssimplifikati l-petizzjonijiet fil-ħidma leġiżlattiva li għaddejja bħalissa; jirrakkomanda li l-persunal tal-Membri tal-Parlament Ewropew jiġi offrut gwida speċifika dwar id-dritt għal petizzjoni biex ikun jista' jassisti aħjar lill-kostitwenti biex isegwu l-proċess;

18.  Jiddeplora l-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tapplika biss fl-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-UE; itenni l-fatt li ħafna ċittadini sabu li tali implimentazzjoni ma kinitx ċara u mhijiex sodisfaċenti; jiddispjaċih li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea interpretat l-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b'mod kawt, iżda ppermettiet li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta jiġi estiż billi jinkludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-dritt tal-UE, kif ukoll dawk li jiżguraw applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tal-UE; iqis li l-aspettattivi ta' ħafna miċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tad-drittijiet mogħtija mill-Karta jmorru ferm lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni attwali tagħhom; jenfasizza li interpretazzjoni wisq ristretta jew inkoerenti tal-Artikolu 51 tbiegħed liċ-ċittadini mill-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura li l-interpretazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 51 tkun koerenti u wiesgħa kemm jista' jkun; jilqa' l-introduzzjoni mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' għodda interattiva bl-għan li tipprovdi aċċess faċli għal informazzjoni dwar liema awtorità għandha tiġi indirizzata f'kull Stat Membru b'mistoqsijiet dwar id-drittijiet fundamentali;

19.  Jinnota l-ansjetà tal-petizzjonanti kkonċernati dwar id-drittijiet futuri tagħhom wara r-referendum fir-Renju Unit dwar il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea li kienet evidenti f'numru kbir ta' petizzjonijiet li jikkonċernaw ir-Renju Unit; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017(3) li permezz tagħha l-Parlament jissottolinja li l-ftehim ta' rtirar jista' jiġi konkluż biss bl-approvazzjoni tiegħu u bir-rekwiżit tiegħu għal trattament ġust taċ-ċittadini tal-UE b'27 Stat Membru li jgħixu jew li għexu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu jew li għexu fl-UE b'27 Stat Membru u huwa tal-opinjoni li d-drittijiet u l-interessi rispettivi tagħhom iridu jingħataw prijorità sħiħa fin-negozjati; jinnota l-kwistjonijiet ta' tħassib mhux solvuti dwar id-drittijiet tal-vot u dwar it-tneħħija tad-drittijiet tal-vot għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li ilhom jgħixu f'postijiet oħra fl-UE għal aktar minn 15-il sena; ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet kellu rwol attiv biex jiddefendi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u Brittaniċi billi kkontribwixxa għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-5 ta' April 2017 u tat-3 ta' Ottubru 2017(4) dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li joħroġ mill-UE kif ukoll billi kkummissjona studju dwar l-impatt tal-Brexit fir-rigward tad-dritt għal petizzjoni u dwar il-kompetenzi, ir-responsabilitajiet u l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u billi eżamina l-petizzjonijiet li jittrattaw il-Brexit u d-drittijiet taċ-ċittadini fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2017; jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni li tiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet ta' ċittadini Ewropej li huma residenti fir-Renju Unit matul in-negozjati dwar il-Brexit u wara l-ħruġ tiegħu mill-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi d-drittijiet kollha akkwistati għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li huma residenti fil-bqija tal-Unjoni Ewropea biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini ma jintużawx bħala strument għan-negozjar jew jaraw id-drittijiet tagħhom jitnaqqru b'riżultat tan-negozjati;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma importanti li għaddejja, imwettqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, fir-rigward tal-petizzjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet dwar diżabilità, u jenfasizza r-rieda tal-Kumitat li jkompli bl-appoġġ tiegħu għall-isforzi biex jissaħħu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jagħtu eżempju dwar dan is-suġġett u biex jiżguraw li l-miżuri ta' implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali jkunu konformi bis-sħiħ u b'mod konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (CRPD); jenfasizza li saret żjara ta' ġbir ta' informazzjoni fis-Slovakkja fit-22 u t-23 ta' Settembru 2016 biex tinġabar informazzjoni dwar il-kwistjoni tal-użu ta' investimenti f'istituti għal persuni b'diżabilità u rrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni attwali, jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-parteċipazzjoni politika tal-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, kif ukoll biex jiġi rikonoxxut id-dritt tal-vot tal-persuni kollha b'diżabilità f'konformità mal-Artikoli 12 u 29 tas-CRPD;

21.  Jenfasizza l-ħidma tal-Kumitat biex jappoġġa r-ratifika u l-implimentazzjoni rapida tat-Trattat ta' Marrakexx tal-2013 biex Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat; jenfasizza r-rilevanza, f'dan ir-rigward, tar-riżoluzzjoni qasira tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 (5) dwar ir-ratifika tat-Trattat ta' Marrakexx, li talbet reazzjoni rapida mill-partijiet kollha kkonċernati sabiex tiġi żblukkata s-sitwazzjoni persistenti fit-tul bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata r-ratifika fil-livell tal-UE; jinnota li l-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Marrakexx (COM(2016)0595 and COM(2016)0596), li saru vinkolanti(6);

22.  Jiġbed l-attenzjoni lejn żewġ rapporti annwali, ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet kollha tal-Kumitat fl-2015(7) , u r-Rapport Annwali dwar il-ħidma tal-Ombudsman Ewropew fl-2015(8), kif ukoll lejn bosta opinjonijiet tal-Kumitat, bħal dik dwar ir-rikonoxximent transfruntier tal-adozzjonijiet(9), dwar l-għażliet tal-UE għal aċċess aħjar tal-mediċini(10), dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'riferiment speċjali għall-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD(11), dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni: Ir-Rapport Annwali tal-2014(12) u dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015(13);

23.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-appoġġ tal-kumitat għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tar-regolament bil-ħsieb li tiżdied l-importanza tagħha bħala għodda għall-parteċipazzjoni demokratika; jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tqis kif xieraq il-ħidma reċenti dwar riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, b'mod partikolari l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, u b'hekk naqset ukoll milli tirrispetta bis-sħiħ il-ftehim interistituzzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul il-proċedura leġiżlattiva li jmiss sabiex jinkiseb l-involviment sħiħ u effettiv taċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE permezz tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

24.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma wżatx is-setgħat ta' kontroll tagħha b'mod determinanti biex tevita t-tqegħid fis-suq uniku ta' karozzi li jniġġsu u li jaħdmu bid-diżil, li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-rilaxx tal-NO2 fl-atmosfera b'livelli ogħla mill-valur ta' limitu u li ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip u l-emissjonijiet ta' vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief; ifakkar li tali aspett huwa parti integrali mit-tħassib taċ-ċittadini li eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-petizzjoni biex jitolbu ħarsien effikaċi tas-saħħa tal-bniedem, tal-ambjent u tad-drittijiet tal-konsumaturi;

25.  Jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess tad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE għandha tkun regola ġenerali biex jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' ħarsien tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini; huwa tal-fehma li proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandha titressaq minnufih;

26.  Jenfasizza l-kollaborazzjoni qawwija tal-Parlament mal-Ombudsman Ewropew, kif ukoll l-involviment tiegħu fin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; jissottolinja r-relazzjonijiet eċċellenti fi ħdan il-qafas interistituzzjonali bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet; japprezza b'mod partikolari l-kontributi regolari tal-Ombudsman għall-ħidma tal-Kumitat matul is-sena; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Ombudsman fl-għajnuna li tagħti għat-titjib tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u tal-amministrazzjoni fil-livell tal-UE, li kemm jista' jkun malajr għandhom isiru kompletament trasparenti, oġġettivi u li jħarsu b'mod effettiv u effiċjenti d-drittijiet taċ-ċittadini; jappoġġja l-ħidma attwali tal-Ombudsman fl-oqsma differenti tal-kompetenza tagħha, inklużi l-inkjesti fuq inizjattiva proprja u strateġiċi tagħha li huma ta' benefiċċju mhux biss f'termini ta' amministrazzjoni tajba iżda wkoll f'termini ta' funzjonament demokratiku aħjar tal-Unjoni; jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Ombudsman Ewropew biex jittieħed benefiċċju aħjar mill-potenzjal tan-netwerk u biex tissaħaħ il-viżibilità tiegħu;

27.  Jilqa' l-Premju għal Amministrazzjoni Tajba mniedi mill-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew fl-2016 bħala mod kif jiġu rikonoxxuti l-membri tal-persunal, l-aġenziji u l-korpi tal-istituzzjonijiet tal-UE li jinvolvu ruħhom fil-promozzjoni ta' amministrazzjoni tajba waqt it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom ta' kuljum; jitlob li l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba attwali jiġi aġġornat għal Regolament vinkolanti, li jinkludi fost aspetti oħra dispożizzjonijiet konkreti biex jiġu pprevenuti kunflitti ta' interess f'kull livell fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE;

28.  Jenfasizza d-diversità kbira tat-temi mqajma fil-petizzjonijiet imressqa, mis-suq intern, il-ġustizzja, l-enerġija u t-trasport għad-drittijiet fundamentali, is-saħħa, il-liġi ambjentali, id-diżabilità u l-benesseri tal-annimali u dwar id-diversi implikazzjonijiet tal-Brexit fuq iċ-ċittadini; jissottolinja ż-żieda b'10 % fin-numru ta' petizzjonijiet li tressqu fl-2016 (1 569) u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iżommu persunal adegwat fis-servizzi inkarigati mit-trattament tal-petizzjonijiet, b'mod partikolari fis-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-twettiq ta' analiżijiet komprensivi dwar jekk il-valutazzjonijiiet ambjentali li saru mill-Istati Membri humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta' twettiq ta' proġetti infrastrutturali li dwarhom iċ-ċittadini, permezz tal-petizzjonijiet, urew ir-riskji serji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent; jinsisti fuq l-importanza ta' dawn l-analiżijiet u l-azzjonijiet li jkun possibbli li jitwettqu mill-Kummissjoni fuq bażi ex ante proattiva sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni ambjentali irriversibbli, f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni;

30.  Jiġbed l-attenzjoni ta' għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-prattiki tal-awtoritajiet tal-benesseri tat-tfal u tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari b'implikazzjonijiet transfruntieri; jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-grupp ta' ħidma tal-kumitat dwar il-benesseri tat-tfal; jiġbed l-attenzjoni lejn mozzjoni għal riżoluzzjoni qasira dwar "Is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE", li ġiet approvata f'Marzu 2016; jieħu nota tal-proposta ta' riformulazzjoni tar-Regolament Brussell II bis dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet relatati maż-żwieġ u mar-responsabilità tal-ġenituri, u mal-ħtif internazzjonali ta' minuri, u jinnota li għadd kbir ta' kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet, bħal dawk dwar il-proċeduri u l-prattiki użati b'mod konkret mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f'deċiżjonijiet b'implikazzjonijiet transfruntieri b'rabta mal-minuri u l-effikaċja ta' proċeduri ta' ritorn b'segwitu għall-ħtif internazzjonali ta' minuri, jeħtieġ li jiġu verifikati b'mod estensiv biex jiġu solvuti l-kwistjonijiet eżistenti;

31.  Jenfasizza l-għadd kostanti u dejjem jiżdied ta' petizzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali u jtenni d-dispjaċir tiegħu għad-dewmien li kien hemm fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ħarsien u l-benesseri tal-annimali 2012-2015; iqis essenzjali t-tnedija ta' strateġija ġdida fil-livell tal-UE biex jimtlew il-lakuni eżistenti kollha u biex jiġi żgurat ħarsien sħiħ u effettiv tal-benesseri tal-annimali permezz ta' qafas leġiżlattiv ċar u eżawrjenti li huma kompletament konformi mal-Artikolu 13 tat-TFUE;

32.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress sinifikanti fil-każ li jikkonċerna d-drittijiet elettorali tan-nonċittadini fl-Estonja u fil-Latvja, wara l-petizzjoni Nru. 0747/2016; jenfasizza li kwalunkwe dewmien bla bżonn jista' jikkawża nuqqas ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej;

33.  Jenfasizza r-rwol importanti tan-netwerk SOLVIT, li jipprovdi mezz biex iċ-ċittadini u l-intrapriżi jindirizzaw it-tħassib tagħhom dwar ksur possibbli tad-dritt tal-UE mill-awtoritajiet pubbliċi fi Stati Membri oħra; jistieden lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri nnifishom, jippromwovu s-SOLVIT sabiex dan isir aktar utli u viżibbli għaċ-ċittadini; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Pjan ta' Azzjoni biex in-netwerk SOLVIT, ippubblikat mill-Kummissjoni f'Mejju 2017, jissaħħaħ; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta malajr dan il-Pjan ta' Azzjoni u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tiegħu;

34.  Jinnota t-titjib li sar fil-Portal Web tal-Petizzjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar titjib tekniku għall-portal tal-internet biex ikun żgurat li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun totalment ippreparat sabiex jittratta sitwazzjonijiet mhux mistennija, bħal żieda f'daqqa fl-għadd ta' petizzjonijiet imressqa; iqis l-iżvilupp tekniku kontinwu, u l-kapaċità teknika msaħħa, tal-portal bħala essenzjali għal proċess tal-petizzjonijiet mingħajr intoppi; jissottolinja l-importanza tal-portal bħala mezz ta' komunikazzjoni faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-petizzjonanti, kif ukoll għall-utenti ta' apparat mobbli u għall-persuni b'diżabilità; iħares 'il quddiem lejn l-implimentazzjoni immedjata tal-fażijiet li fadal tal-proġett, li se jippermettu esperjenza interattiva mtejba u aktar informazzjoni f'ħin reali mill-petizzjonanti u minn dawk li jappoġġaw il-petizzjonijiet;

35.  Jitlob servizz tal-istampa u tal-komunikazzjoni aktar iffukat u aktar attiv u preżenza tal-midja soċjali aktar attiva, li tagħmel ix-xogħol tal-Kumitat aktar sensittiv għat-tħassib tal-pubbliku;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen nazzjonali tagħhom jew lil korpi simili kompetenti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0512.
(2) ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 66.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0102.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0361.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0037.
(6) ĠU L 242, 20.9.2017, p. 1 u p. 6.
(7) Opinjoni adottata fit-30 ta' Novembru 2016.
(8) Opinjoni adottata fil-11 ta' Novembru 2016.
(9) Opinjoni adottata fil-21 ta' April 2016.
(10) Opinjoni adottata fil-15 ta' Novembru 2016.
(11) Opinjoni adottata fis-27 ta' April 2016.
(12) Opinjoni adottata fit-22 ta' April 2016.
(13) Opinjoni adottata fit-12 ta' Ottubru 2016.

Avviż legali - Politika tal-privatezza