Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 1 ta' Ġunju 2017 - Brussell
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács
 Ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi *
 Il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G
 Protezzjoni ta' adulti vulnerabbli
 L-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna ***I
 Format uniformi għall-viża ***I
 Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 ***
 Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (Riżoluzzjoni)
 Id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
 Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid - id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna
 Ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE
 Il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu
 Konferenza ta’ Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani)

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács
PDF 262kWORD 51k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács (2016/2266(IMM))
P8_TA(2017)0232A8-0203/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Béla Kovács, mibgħuta fid-19 ta' Settembru 2016 minn Dr Péter Polt, il-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija, b'rabta ma' proċedimenti kriminali mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewlieni Ċentrali ta' Investigazzjoni kontrih u mħabbra fis-seduta plenarja fit-3 ta' Ottubru 2016,

–  wara li stieden lis-Sur Kovács biex jinstema' fit-12 ta' Jannar, fit-30 ta' Jannar u fit-22 ta' Marzu 2017, skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, l-Artikoli 10(2) u 12(1) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus legali tal-Membri tal-Parlament Ewropew Ungeriżi u l-Artikolu 74(1) u (3) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0203/2017),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tal-Ungerija talab it-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew, Béla Kovács, sabiex ikunu jistgħu jitwettqu investigazzjonijiet biex jiġi vverifikat jekk hux se jitressaq att ta' akkuża kontrih fir-rigward tar-reati ta' frodi baġitarju li jirriżulta f'telf finanzjarju sostanzjali skont l-Artikolu 396(1)(a) tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż u ta' użu multiplu ta' dokumenti privati foloz skont l-Artikolu 345 tal-Kodiċi Kriminali; billi, skont dak l-Artikolu, kwalunkwe persuna li tuża dokument privat falsifikat jew falz jew dokument privat b'kontenut mhux veritier għall-forniment ta' provi tal-eżistenza, it-tibdil jew it-terminazzjoni ta' dritt jew obbligu, tkun ħatja ta' reat minuri punibbli bi priġunerija ta' mhux aktar minn sena;

B.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lid-deputati tal-parlament tagħhom;

C.  billi, skont l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu intitolati għall-immunità; billi, skont l-Artikolu 10(2) tal-Att LVII tal-2004 dwar l-Istatus tal-Membri tal-Parlament Ewropew Ungeriżi, il-Membri tal-Parlament Ewropew huma intitolati jgawdu l-istess immunità bħall-Membri tal-Parlament Ungeriż, u skont l-Artikolu 12(1), id-deċiżjoni li tiġi sospiża l-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew għandha taqa' fil-kompetenza tal-Parlament Ewropew; billi, skont l-Artikolu 74(1) tal-Att XXXVI tal-2012 dwar l-Assemblea Nazzjonali, proċedimenti kriminali jew, fin-nuqqas ta' sistema volontarja ta' tneħħija tal-immunità fil-każ ikkonċernat, proċedimenti għal reati minuri jistgħu jiġu applikati biss kontra l-Membru bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Assemblea Nazzjonali; billi, skont l-Artikolu 74(3) tal-istess liġi, qabel il-preżentazzjoni tal-att ta' akkuża, il-mozzjoni għas-sospensjoni tal-immunità għandha tiġi ppreżentata mill-Prosekutur Ġenerali;

D.  billi, skont l-Artikolu 21(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew(2), il-Membri għandhom ikunu intitolati għall-għajnuna mill-persunal personali li huma jistgħu jagħżlu b'mod ħieles u l-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż reali inkorsi mill-Membri għall-impjieg ta' tali persunal personali;

E.  billi, skont l-Artikolu 34(4) tad-Deċiżjonijiet tal-Bureau tad-19 ta' Mejju u tad-9 ta' Lulju 2008 dwar miżuri ta' implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew, l-ispejjeż inkorsi marbuta ma' ftehimiet ta' traineeship, abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Bureau, jistgħu jitħallsu wkoll;

F.  billi, skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Bureau tad-19 ta' April 2010 dwar ir-Regoli dwar it-Trainees tal-Membri, il-Membri tal-Parlament Ewropew, bl-għan li jikkontribwixxu għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali Ewropej u għall-promozzjoni ta' fehim aħjar tal-mod kif tiffunzjona l-Istituzzjoni, jistgħu joffru traineeships fi Brussell u fi Strasburgu waqt is-sessjonijiet plenarji jew waqt l-attivitajiet tagħhom bħala Membri fil-pajjiż fejn il-Membru kkonċernat ikun ġie elett f'kull każ;

G.  billi, skont l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regoli dwar it-Trainees, arranġamenti speċifiċi fir-rigward tat-traineeship għandhom ikunu inklużi fi ftehim bil-miktub dwar it-traineeship iffirmat kemm mill-Membru kif ukoll mit-trainee; billi, il-ftehim għandu jinkludi klawsola li tiddikjara b'mod espliċitu li l-Parlament Ewropew ma jistax jiġi kkunsidrat bħala parti għall-ftehim; billi, skont l-Artikolu 5(4), l-ispejjeż marbuta mat-traineeships, inklużi boroż ta' studju u l-kost tal-polza tal-assigurazzjoni jekk tkun tħallset mill-Membru, jistgħu jitħallsu mill-Allowance għall-Assistenza Parlamentari, skont l-Artikolu 33(4) tal-Miżuri ta' Implimentazzjoni, fil-limiti ta' dik l-allowance;

H.  billi, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regoli dwar it-Trainees, il-borża ta' studju mogħtija lil trainee ma tridx tkun tali li tikkostitwixxi, fil-verità, forma moħbija ta' remunerazzjoni; billi, skont l-Artikolu 7(1), matul it-traineeship kollha, it-trainees għandhom ikunu taħt ir-responsabilità unika tal-Membru li miegħu jkunu affiljati;

I.  billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri, suspett serju u preċiż biżżejjed li t-talba għat-tneħħija kienet saret b'rabta mal-proċedimenti mressqa bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

J.  billi d-deċiżjoni tal-President tal-Parlament preċedenti li jimponi l-penali ta' twissija għal ksur tal-Artikolu 1(a) tal-Kodiċi ta' Kondotta mis-Sur Kovács(3) ma tistax titqies li tekwivali għal sentenza ġudizzjarja li tikkostitwixxi res judicata dwar kwistjonijiet relatati ma' proċedimenti kriminali mibdija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewlieni Ċentrali ta' Investigazzjoni; billi, konsegwentement, ma hemmx ksur tal-prinċipju ne bis in idem; billi, konsegwentement, is-sanzjoni imposta mill-ex President tal-Parlament Ewropew skont il-Kodiċi ta' Kondotta ma twaqqafx milli l-proċedimenti kriminali jinbdew jew jitmexxew fl-Ungerija biex jintwera jekk huwiex se jitressaq att ta' akkuża kontrih;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Béla Kovács;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tal-Ungerija u lil Béla Kovács.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et. al, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI:EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
(2) ĠU L 262, 7.10.2005, p. 1.
(3) Ara l-Anness I tar-Regoli ta' Proċedura, Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta' interess.


Ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi *
PDF 385kWORD 53k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE, rigward ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud li japplikaw għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi (COM(2016)0758 – C8-0529/2016 – 2016/0374(CNS))
P8_TA(2017)0233A8-0189/2017

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2016)0758),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0529/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0189/2017),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal direttiva
Premessa -1 (ġdida)
(-1)   Fl-2013, id-differenza bejn id-dħul mistenni mill-VAT u l-VAT li fil-fatt inġabret (l-hekk imsejħa "diskrepanza tal-VAT") fl-Unjoni kienet ta' madwar EUR 170 biljun, u l-frodi transfruntiera jammontaw għal telf ta' dħul mill-VAT fl-Unjoni ta' madwar EUR 50 biljun fis-sena, li jagħmlu l-VAT kwistjoni importanti li għandha tiġi indirizzata fil-livell tal-Unjoni.
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa 1
(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE7 tistipula li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsin tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-pubblikazzjonijiet li għandhom kwalunkwe tip ta' appoġġ fiżiku. Madankollu, rata mnaqqsa tal-VAT ma tistax tiġi applikata għall-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament, li għandhom jiġu ntaxxati bir-rata ta' VAT standard.
(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE7 tistipula li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rati mnaqqsin tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għall-pubblikazzjonijiet li għandhom kwalunkwe tip ta' appoġġ fiżiku. Madankollu, rata mnaqqsa tal-VAT ma tistax tiġi applikata għall-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament, li għandhom jiġu ntaxxati bir-rata ta' VAT standard, b'tali mod li toħloq żvantaġġ għall-pubblikazzjonijiet ipprovduti elettronikament u li żżomm lura l-iżvilupp ta' dan is-suq. Dak l-iżvantaġġ komparattiv jista' jostakola l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali fl-Unjoni.
____________
_____________

7 Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
7 Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa 1a (ġdida)
(1a)  Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT7a, il-Parlament Ewropew fakkar li waħda mill-karatteristiċi ewlenin tal-VAT hija l-prinċipju tan-newtralità, u, għal dik ir-raġuni, huwa sostna li "l-kotba, il-gazzetti u r-rivisti kollha, irrispettivament mill-format tagħhom, għandhom jiġu trattati eżattament bl-istess mod".
_________________
7a Testi adottati, P7_TA(2011)0436.
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Premessa 2
(2)  Bi qbil mal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni8, u biex jibqgħu aġġornati mal-progress teknoloġiku fl-ekonomija diġitali, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li jallinjaw ir-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament mar-rati tal-VAT aktar baxxi fuq il-pubblikazzjonijiet fuq kwalunkwe mezz ta' appoġġ fiżiku.
(2)  Bi qbil mal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni8, u l-ambizzjoni tagħha li tiżgura li l-Ewropa tkun kompetittiva u fuq quddiem nett fid-dinja fl-ekonomija diġitali, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li jallinjaw ir-rati tal-VAT fuq il-pubblikazzjonijiet pprovduti elettronikament mar-rati tal-VAT aktar baxxi fuq il-pubblikazzjonijiet fuq kwalunkwe mezz ta' appoġġ fiżiku, u b'hekk jistimulaw l-innovazzjoni, il-ħolqien, l-investiment u l-produzzjoni ta' kontenut ġdid, u jiffaċilitaw it-tagħlim diġitali, it-trasferiment tal-għarfien u l-aċċess għall-kultura fl-ambjent diġitali, u l-promozzjoni tagħha.
____________
_____________
8 COM(2015)0192 finali
8 COM(2015)0192 finali.
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Premessa 2a (ġdida)
(2a)  Jekk l-Istati Membri jitħallew japplikaw rati mnaqqsa, rati mnaqqsa ħafna jew rati żero għal pubblikazzjonijiet stampati u għal pubblikazzjonijiet elettroniċi, dan għandu jiżgura t-trasferiment ta' benefiċċji ekonomiċi lill-konsumaturi - u b'hekk jippromwovi l-qari - kif ukoll lill-pubblikaturi, biex b'hekk jitħeġġeġ l-investiment f'kontenut ġdid u, fil-każ ta' gazzetti u rivisti, titnaqqas id-dipendenza fuq ir-reklamar.
Emenda 6
Proposta għal direttiva
Premessa 3
(3)  Fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT9, il-Kummissjoni qalet li l-pubblikazzjonijiet ipprovduti elettronikament għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess rata ta' VAT preferenzjali bħall-pubblikazzjonijiet li jkollhom xi mezz ta' appoġġ fiżiku. Biex dan l-għan jintlaħaq, jeħtieġ li tkun prevista l-possibbiltà għal kull Stat Membru li japplika rata mnaqqsa ta' VAT, jew rati mnaqqsin ħafna għall-forniment tal-kotba, tal-gazzetti u tal-perjodiċi, dan jinkludi l-possibbiltà li jingħataw l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà tat-tnaqqis tal-VAT li tkun tħallset fl-istadju preċedenti.
(3)  Fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT9, il-Kummissjoni qalet li l-pubblikazzjonijiet ipprovduti elettronikament għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess rata ta' VAT preferenzjali bħall-pubblikazzjonijiet li jkollhom xi mezz ta' appoġġ fiżiku. Biex dan l-għan jintlaħaq, jeħtieġ li tkun prevista l-possibbiltà għal kull Stat Membru li japplika rata mnaqqsa ta' VAT, jew rati mnaqqsin ħafna għall-forniment tal-kotba, tal-gazzetti u tal-perjodiċi, dan jinkludi l-possibbiltà li jingħataw l-eżenzjonijiet bil-possibbiltà tat-tnaqqis tal-VAT li tkun tħallset fl-istadju preċedenti. Din il-proposta hija bi qbil mal-objettiv li l-Istati Membri jingħataw aktar libertà biex jiffissaw ir-rati tal-VAT tagħhom fil-qafas ta' sistema tal-VAT definittiva u bbażata fuq id-destinazzjoni.
_________________
_________________
9 COM(2016)0148 finali
9 COM(2016)0148 finali.
Emenda 7
Proposta għal direttiva
Premessa 3a (ġdida)
(3a)   F'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT, l-għan ta' din id-Direttiva huwa li jkun hemm sistemi tal-VAT aktar sempliċi, aktar reżistenti għall-frodi u favorevoli għan-negozji fl-Istati Membri kollha, kif ukoll li jinżamm il-pass mal-ekonomija diġitali u mobbli tal-lum.
Emenda 8
Proposta għal direttiva
Premessa 5
(5)  Biex jevitaw l-użu estensiv ta' rati tal-VAT imnaqqsin għall-kontenut awdjoviżiv, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li japplikaw rata mnaqqsa għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi biss jekk dawn il-pubblikazzjonijiet, kemm li għandhom mezz ta' appoġġ fiżiku, kif ukoll li huma pprovduti elettronikament, ma jikkonsistux kompletament jew b'mod predominanti minn kontenut ta' mużika jew ta' vidjo.
(5)  Biex jevitaw l-użu estensiv ta' rati tal-VAT imnaqqsin għall-kontenut awdjoviżiv, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-fakultà li japplikaw rata mnaqqsa għall-kotba, għall-gazzetti u għall-perjodiċi biss jekk dawn il-pubblikazzjonijiet, kemm li għandhom mezz ta' appoġġ fiżiku, kif ukoll li huma pprovduti elettronikament, ma jikkonsistux kompletament jew b'mod predominanti minn kontenut ta' mużika jew ta' vidjo. Filwaqt li titqies l-importanza li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kotba, il-gazzetti u l-perjodiċi għal persuni neqsin mid-dawl, b'vista batuta jew b'diffikultajiet oħrajn biex jaqraw materjal stampat skont it-tifsira tad-Direttiva ... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill9a, il-kotba, il-gazzetti u l-perjodiċi elettroniċi adattati u awdjo għandhom jiġu mifhuma li ma jikkonsistux għalkollox jew b'mod predominanti minn kontenut ta' mużika jew ta' vidjo. Għaldaqstant, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikati wkoll għal dawn il-formati.
__________________
9a Direttiva ... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti użi permessi ta' xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (COM(2016)0596 final, 2016/0278(COD)) (ĠU ..., p. ...).
Emenda 9
Proposta għal direttiva
Premessa 5a (ġdida)
(5a)   Il-fatt li l-Istati Membri jingħataw il-libertà li japplikaw rati tal-VAT imnaqqsa jew imnaqqsa ħafna għall-kotba elettroniċi, il-gazzetti elettroniċi u l-perjodiċi elettroniċi jista' joħloq opportunità ta' marġni ta' profitt ġodda għall-pubblikaturi u ta' investiment f'kontenut ġdid, meta mqabbel mal-mudell attwali li jiddependi ħafna fuq ir-reklamar. Fil-livell tal-Unjoni għandu wkoll jingħata bidu għal riflessjoni aktar ġenerali fuq il-mudell ta' finanzjament tal-kontenut elettroniku.
Emenda 10
Proposta għal direttiva
Premessa 6a (ġdida)
(6a)  Il-flessibbiltà mogħtija lill-Istati Membri fil-kuntest tal-proposta attwali bl-ebda mod ma tippreġudika r-reġim definittiv tal-VAT biex jiġi varat u li fil-kuntest tiegħu kull żieda fil-flessibbiltà tkun teħtieġ tiġi bbilanċjata mal-impatt fuq il-funzjonament tas-suq uniku, il-kamp ta' applikazzjoni għall-frodi tal-VAT, iż-żieda fl-ispejjeż tan-negozju u r-riskju ta' kompetizzjoni inġusta.
Emenda 11
Proposta għal direttiva
Premessa 6b (ġdida)
(6b)  Għalkemm din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jirrettifikaw sitwazzjoni ta' trattament inugwali, hija ma tneħħix il-ħtieġa għal sistema aktar ikkoordinata, effiċjenti u sempliċi ta' rati mnaqqsa tal-VAT b'inqas eċċezzjonijiet.
Emenda 12
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3
Direttiva 2006/112/KE
Anness III – punt 6
(6)  il-forniment, li jinkludi s-self mil-libreriji, ta' kotba, gazzetti u perjodiċi li mhumiex pubblikazzjonijiet kompletament jew b'mod predominanti ddedikati għar-reklamar u minbarra l-pubblikazzjonijiet li kompletament jew b'mod predominanti jikkonsistu minn kontenut ta'mużika jew ta' vidjo;
(6)  il-forniment, li jinkludi s-self mil-libreriji, ta' kotba, gazzetti u perjodiċi li mhumiex pubblikazzjonijiet kompletament jew b'mod predominanti ddedikati għar-reklamar u minbarra l-pubblikazzjonijiet li kompletament jew b'mod predominanti jikkonsistu minn kontenut ta'mużika jew ta' vidjo; inklużi opuskoli, fuljetti u materjal simili stampat, kotba għat-tfal bl-istampi, tat-tpinġija jew tat-tpinġija bil-kulur, mużika stampata jew f'forma ta' manuskritt, mapep u mapep idrografiċi jew mapep simili.
Emenda 13
Proposta għal direttiva
Artikolu 2a (ġdid)
Artikolu 2a
Monitoraġġ
Il-Kummissjoni Ewropea għandha, sa ... [tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva], tipproduċi rapport li jidentifika l-Istati Membri li jkunu adottaw rati tal-VAT imnaqqsa jew imnaqqsa ħafna għall-kotba, il-gazzetti u l-perjodiċi u l-ekwivalenti elettroniċi tagħhom, u tevalwa l-impatt ta' dawk il-miżuri f'termini ta' implikazzjonijiet baġitarji u l-iżvilupp tas-settur kulturali.

Il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G
PDF 402kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-konnettività tal-internet għat-tkabbir, il-kompetittività u l-koeżjoni: is-soċjetà Ewropea tal-gigabits u l-5G (2016/2305(INI))
P8_TA(2017)0234A8-0184/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits" (COM(2016)0587) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0300),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "5G għall-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni" (COM(2016)0588) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0306),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (COM(2016)0590),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014 fejn tidħol il-promozzjoni tal-konnettività tal-Internet fil-komunitajiet lokali (COM(2016)0589),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Korp tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjoni Elettronika (COM(2016)0591),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju(1),

–  wara li kkunsidra l-anness għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "L-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): ir-riżultati u l-passi li jmiss" (COM(2013)0685),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "L-Istandards tal-ICT bħala l-Pedament Tas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0176),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2016 għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tal-banda ta' frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni (COM(2016)0043),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2016 (EUCO 26/16),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Settembru 2013 bit-titolu "Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta' Teknoloġiji Ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa" (COM(2013)0654),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Strateġija Spazjali għall-Ewropa" (COM(2016)0705),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni tal-ħaddiema għar-riskji li jinħolqu minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) (l-20 Direttiva individwali skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) u li tħassar id-Direttiva 2004/40/KE(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0184/2017),

A.  billi l-5G se jkun pilastru ewlieni tas-soċjetà tal-gigabits, li jirrappreżenta l-istandard għall-ġejjieni tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni mobbli, u mezz għall-innovazzjoni, li jġib miegħu bidla radikali fl-ekonomija, u li joħloq każijiet ġodda ta' użu, servizzi u prodotti ta' kwalità għolja, flussi ta' dħul u mudelli tan-negozju u opportunitajiet, u billi huwa mistenni li jagħti spinta lill-kompetittività tal-industriji u jipprovdi sodisfazzjon lill-konsumaturi;

B.  billi t-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija 5G hija essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u għaż-żamma tal-kompetittività globali, li min-naħa tagħha teħtieġ koordinazzjoni u ppjanar fil-livell Ewropew, u billi jekk l-Ewropa taqa' lura jfisser riskji fl-impjieg, l-innovazzjoni u l-għarfien;

C.  billi l-5G u l-applikazzjonijiet tal-5G se joħolqu mill-ġdid mudelli ta' negozju billi jipprovdu konnettività b'veloċità għolja ħafna, li jagħtu lok għall-innovazzjoni fis-setturi kollha, mhux l-anqas fit-trasport, l-enerġija, il-finanzi u s-saħħa; billi, f'dan ir-rigward, l-Ewropa ma tistax taffordja taqa' lura, minħabba li l-5G se jkun il-mutur għat-tkabbir u l-innovazzjoni fil-ġejjieni;

D.  billi l-arkitettura tan-netwerks 5G se tkun sostanzjalment differenti minn dik tal-ġenerazzjonijiet preċedenti, sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti mistennija ta' negozju u prestazzjoni għal netwerks b'Kapaċità Kbira Ħafna (VHC), speċjalment fir-rigward tal-latenza, il-kopertura u l-affidabbiltà;

E.  billi l-arkitettura tal-5G se twassal għal konverġenza miżjuda bejn in-netwerks mobbli u fissi; billi, għalhekk, l-introduzzjoni ta' netwerks fissi tal-VHC se tikkontribwixxi għall-bżonnijiet backhaul ta' netwerk bla fili dens tal-5G li jkun kemm jista' jkun viċin tal-utenti aħħarin;

F.  billi l-futur tas-soċjetà Ewropea u l-ekonomija Ewropea se jiddependu ħafna fuq l-infrastruttura 5G, li l-impatt tagħha se jmur ferm lil hinn minn netwerks ta' aċċess mingħajr fili eżistenti, bil-għan li jkunu pprovduti servizzi ta' komunikazzjoni ta' kwalità għolja u aktar veloċi, li jkunu affordabbli għal kulħadd u disponibbli kullimkien u f'kull ħin;

G.  billi d-diġitalizzazzjoni qed taċċelera b'mod mgħaġġel ħafna u fuq livell globali, li teħtieġ investimenti f'netwerks tal-komunikazzjoni ta' kwalità għolja b'kopertura universali; billi, f'dan ir-rigward, hemm il-ħtieġa tad-disponibbiltà f'waqtha ta' spettru tar-radju li kapaċi jissodisfa din id-domanda;

H.  billi l-konnettività mobbli u dik bla fili għal kull ċittadin qed issir aktar u aktar importanti hekk kif is-servizzi u l-applikazzjonijiet innovattivi qed jintużaw kontinwament waqt il-moviment u billi politika diġitali orjentata lejn il-futur jeħtieġ li tqis dan;

I.  billi t-tnedija tan-netwerk 5G se ssir primarjament permezz ta' investimenti privati u se teħtieġ li l-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi joħloq ambjent regolatorju li jippromwovi ċ-ċertezza, il-kompetizzjoni u l-investiment; billi dan se jirrikjedi s-simplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet amministrattivi, pereżempju għall-introduzzjoni ta' ċelloli żgħar għal armonizzazzjoni stretta u f'waqtha tal-ispettru u l-iżvilupp ta' netwerk VHC, kif attwalment propost fil-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi;

J.  billi l-inizjattivi pubbliċi, bħall-inizjattiva tas-Sħubija Pubblika-Privata (PPP) tal-2013 tal-Kummissjoni, appoġġjata minn 700 miljun euro ta' fondi pubbliċi biex jippermettu l-5G fl-Ewropa sal-2020, għandhom bżonn jiġu kumplimentati minn suq kompetittiv b'regolamentazzjoni tal-aċċess u koordinazzjoni tal-ispettru li jibqgħu validi fil-futur, li jsaħħaħ l-innovazzjoni u l-investimenti privati meħtieġa ta' infrastruttura;

K.  billi l-introduzzjoni tal-5G għandha ssir b'mod li tikkumplimenta, u mhux li tagħmel ħsara lil proġetti oħra li huma mmirati biex isaħħu l-konnettività fl-aktar partijiet rurali u remoti tal-Ewropa;

L.  billi l-implimentazzjoni tal-5G u tas-soċjetà tal-gigabits teħtieġ kalendarju espliċitu, approċċ immexxi mid-domanda, li jkun teknoloġikament newtrali u li jibqa' validu fil-futur ibbażat fuq valutazzjonijiet skont ir-reġjun u s-settur, koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha u investimenti adegwati sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha fiż-żmien meħtieġ, u jagħmluha realtà għaċ-ċittadini kollha tal-UE;

I.Viżjoni 5G – esiġenza għal bidla ġenerazzjonali

1.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tfassal Pjan ta' Azzjoni għall-5G bil-għan li tpoġġi lill-UE fuq quddiem nettfid-dinja fl-introduzzjoni ta' netwerks standardizzati tal-5G mill-2020 sal-2025 bħala parti minn strateġija żviluppata usa' għal soċjetà Ewropea tal-gigabits li tkun teknoloġikament aktar kompetittiva u inklużiva; huwa tal-fehma li sabiex jinkiseb dan, huwa kruċjali li jkun hemm koordinazzjoni adegwata bejn l-Istati Membri, sabiex jiġu evitati l-istess tipi ta' dewmien fit-tnedija tal-5G li kienu ġew esperjenzati bil-4G, li wasslu għall-fatt li llum il-kopertura tal-4G hija ta' 86 %, waqt li fiż-żoni rurali hija ta' 36 % biss;

2.  Jissottolinja li, skont il-Kummissjoni, il-pjan ta' azzjoni biex jiddaħħal il-5G madwar l-UE għandu "l-potenzjal li joħloq żewġ miljun impjieg", u li jista' jagħti spinta lill-ekonomija Ewropea u jiġġieled ir-rati għolja tal-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

3.  Jenfasizza li l-PPP tal-5G bħalissa hija waħda mill-aktar inizjattivi avvanzati fid-dinja li jinvolvu l-5G u l-applikazzjonijiet ġodda li jirriżultaw minnu; huwa tal-fehma li minkejja li t-trawwim ta' sinerġiji fir-riċerka u l-iżvilupp huwa pożittiv, meta jitqies l-impatt li t-tnedija tal-5G se jkollha fuq is-soċjetà, ikun xieraq li l-PPP tinfetaħ ukoll għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u tal-konsumaturi;

4.  Jenfasizza li kronoloġija li tħares 'il quddiem għall-allokazzjoni tal-ispettru fl-Unjoni hija ta' importanza assoluta jekk l-Ewropa trid tkun fuq quddiem fir-rigward tal-iżvilupp tat-teknoloġija 5G; jilqa', f'dan ir-rigward, l-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni intitolata "5G għall-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni", u jqis dawn l-azzjonijiet bħala rekwiżit minimu għat-tnedija b'suċċess tal-5G fl-Unjoni;

5.  Jenfasizza li l-investimenti privati jenħtieġ li jiġu appoġġjati minn ambjent ta' politika u regolatorju orjentat lejn l-infrastruttura mfassal għall-prevedibbiltà, iċ-ċertezza u mmirat għall-promozzjoni tal-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-utenti aħħarin, u jenħtieġ li ma jiddewmux minn skemi pubbliċi ambizzjużi wisq li jistgħu jfixklu t-tnedija tal-5G;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn id-dinja akkademika, l-istituzzjonijiet ta' riċerka, is-settur privat u s-settur pubbliku għar-riċerka u l-iżvilupp rigward il-komunikazzjonijiet mobbli tal-5G; jinnota l-PPP tal-5G bħala eżempju pożittiv f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tinvolvi s-setturi rilevanti kollha fil-proċess;

7.  Jemmen li l-Ewropa se tibbenefika minn trasformazzjoni ulterjuri favur ekonomija diġitali f'termini ta' kopertura usa', konnettività u veloċitajiet aktar rapidi, u li l-kontribut tal-ekonomija diġitali għat-tkabbir tal-PDG se jkun ta' 40 % sal-2020, b'rata ta' tkabbir 13-il darba aktar rapida minn dik tal-PDG totali

8.  Jilqa' u jappoġġja l-objettivi ta' terminu medju tas-soċjetà tal-gigabits li jintlaħqu veloċitajiet tan-netwerk ta' mill-inqas 100 Mbps għall-konsumaturi kollha Ewropej, u li jistgħu jiġu aġġornati għal 1 Gbps u li jiżdiedu fuq żmien fit-tul għal 100 Gbps għall-motivaturi soċjoekonomiċi ewlenin, bħalma huma l-fornituri ta' servizzi pubbliċi, in-negozji intensivi diġitalment, iċ-ċentri tat-trasport ewlenin, l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-isptarijiet, l-edukazzjoni u r-riċerka; jappella għall-introduzzjoni ta' infrastruttura backhaul tal-fibra, il-kompetizzjoni biex tixpruna l-investiment, u sabiex jiġu prijorizzati l-esperjenzi tal-utent aħħari ta' kwalità għolja; ifakkar li l-Unjoni għadha lura fl-objettivi ta' konnettività tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tal-2020 tagħha, fejn huwa partikolarment ta' tħassib kemm iż-żoni rurali u remoti għadhom ferm lura;

9.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-akbar għadd possibbli ta' ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-konnettività tas-soċjetà tal-gigabits, inklużi dawk li jgħixu f'żoni remoti;

10.  Jappoġġja bil-qawwa l-isforzi biex jiġi żgurat aċċess għan-netwerk 5G tul il-vjaġġi intermodali fuq il-bażi tan-netwerks tat-trasport pubbliku marbuta mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u n-netwerks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T) sal-2025, u jistenna li wara dan ikun hemm aċċess sħiħ fl-UE kollha, kemm f'żoni urbani kif ukoll f'żoni rurali u fiċ-ċentri u l-attrazzjonijiet turistiċi ewlenin;

11.  Jinnota li għad hemm bżonn ta' titjib ulterjuri fil-kopertura tar-raba' ġenerazzjoni tan-netwerks tal-mowbajls/LTE peress li, f'dan ir-rigward, l-Unjoni Ewropea tinsab wara l-Istati Uniti, il-Korea t-Isfel u l-Ġappun, u li l-Pjan ta' Azzjoni tal-5G għandu jkun opportunità biex nitgħallmu mill-iżbalji tat-tnedija tal-4G;

12.  Jirrimarka li l-aċċess għar-radju 5G jeħtieġ li jkun kapaċi jopera fuq firxa ta' frekwenza wiesgħa ħafna, minn anqas minn 1 GHz sa 100 Ghz, kif ukoll backhaul sa 300 GHz; jinnota li frekwenzi ta' 3-6 GHz u dawk aktar minn 6 GHz jenħtieġ li jwasslu rati ta' data estrema u kapaċità estrema f'żoni densi; jirrikonoxxi li s-sistemi tal-5G fil-baned ta' frekwenza għolja jeħtieġu infrastruttura tan-netwerk densa ħafna bbażata fuq aċċess ta' ċelloli żgħar għas-siti, li ser jeħtieġu għażliet fir-rigward tal-baned tal-ispettru li għandhom jintużaw jew il-possibbiltà tal-kondiviżjoni tal-baned tal-ispettru;

13.  Jenfasizza li l-veloċitajiet tad-download waħidhom mhumiex se jkunu biżżejjed biex jissodisfaw id-domanda tal-konnettività futura tas-soċjetà tal-gigabits, li se teħtieġ objettiv tal-infrastruttura dwar in-netwerks tal-VHC, billi dawk in-netwerks jissodisfaw l-ogħla standards f'termini ta' veloċitajiet ta' upload u download, latenza u reżiljenza;

14.  Jenfasizza li sabiex nirrispondu għall-isfidi tal-5G u sabiex niżguraw perjodu ta' tranżizzjoni bla xkiel lejn il-5G fl-Istati Membri kollha, tinħtieġ strateġija Ewropea tal-ispettru koerenti, inklużi pjanijiet direzzjonali u kalendarji nazzjonali kkoordinati, li tindirizza l-komunikazzjonijiet umani, bejn magna u oħra (M2M) u tal-Internet tal-Oġġetti (IoT) f'diversi livelli: veloċità tal-konnessjoni, mobbiltà, latenza, ubikwità, ċiklu tat-tħaddim, affidabbiltà, aċċessibbiltà, eċċ.;

15.  Jirrimarka li t-tnedija ta' netwerks tal-5G mingħajr fili tirrikjedi użu flessibbli u effiċjenti tal-partijiet tal-ispettru mhux kontigwi disponibbli kollha, inkluża l-banda tas-700Mhz, għal xenarji tal-introduzzjoni tan-netwerk differenti ħafna, li se jirrikjedi l-iżvilupp ta' mudelli innovattivi għall-għoti ta' liċenzji ta' spettru u enfasi partikolari fuq l-armonizzazzjoni tal-baned tal-ispettru disponibbli fil-livell reġjonali;

16.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-baned tal-ispettru liċenzjati biex jiġi żgurat investiment ta' netwerk fuq perjodu twil u jiggarantixxi kwalità aħjar tas-servizzi, billi jippermetti aċċess tal-ispettru kostanti u affidabbli, filwaqt li jenfasizza wkoll il-bżonn għal protezzjoni legali aħjar għall-baned tal-ispettru mingħajr liċenzja u metodi varji ta' tqassim tal-baned tal-ispettru;

17.  Jirrimarka li nuqqas ta' koordinazzjoni jikkostitwixxi riskju sostanzjali f'termini tal-introduzzjoni tal-5G, peress li l-akkwist ta' massa kritika huwa kruċjali biex jattira l-investimenti u b'hekk jitgawdu l-benefiċċji sħaħ tat-teknoloġija tal-5G;

18.  Jinnota li l-partijiet ikkonċernati kollha tas-settur jenħtieġ li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwi prevedibbli li jixprunaw il-kompetizzjoni u jenħtieġ li jgawdu l-flessibilità biex ifasslu n-netwerks tagħhom stess, jagħżlu l-mudelli ta' investiment tagħhom u t-taħlita ta' teknoloġiji li għandha tiżgura l-funzjonalità sħiħa għall-objettivi tal-introduzzjoni tal-5G, bħall-FTTH, il-kejbil, is-satellita, il-WiFi, il-WiGig, il-G.fast, it-2G, il-Massive MIMO, jew kwalunkwe teknoloġija oħra ta' żvilupp veloċi, sakemm jgħinu biex jikkonnettjaw lill-Ewropej kollha man-netwerks VHC skont il-ħtiġijiet reali tagħhom; jinnota li l-introduzzjoni tal-5G teħtieġ ħafna aktar fibri f'netwerk bla fili aktar dens;

19.  Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv" u "5G għall-Ewropa: Pjan ta' Azzjoni" tagħha, li jippreżentaw opportunità eċċitanti biex l-Istati Membri jabilitaw lill-innovaturi kulturali u kreattivi tagħhom, b'mod partikolari l-SMEs, biex jikkompetu aktar fix-xena globali u jesponu t-talent intraprenditorjali u innovattiv tagħhom;

II.L-iffaċilitar tal-benefiċċji tas-soċjetà tal-gigabits

20.  Jemmen li l-5G huwa aktar minn evoluzzjoni tal-Broadband mobbli u li se jkun faċilitatur kruċjali tad-dinja diġitali futura bħala l-ġenerazzjoni li jmiss ta' infrastruttura tal-broadband ultrarapidu preżenti kullimkien li se tappoġġja t-trasformazzjoni tal-proċessi fis-setturi ekonomiċi kollha (is-settur pubbliku, l-edukazzjoni, l-għoti ta' kontenut. tal-midja konverġenti, il-kura tas-saħħa, ir-riċerka, l-enerġija, l-utilitajiet, il-manifattura, it-trasport, l-industrija tal-karozzi, is-settur awdjoviżiv, ir-realtà virtwali (VR), il-logħob online u oħrajn) u tipprovdi servizzi affordabbli, aġli, flessibbli, interattivi, affidabbli u personalizzati ħafna li għandhom itejbu l-ħajja ta' kull ċittadin;

21.  Jinnota li l-frammentazzjoni Ewropea fit-tnedija tal-4G, li għadha viżibbli fid-differenzi ewlenin bejn l-Istati Membri kif jidher fl-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) tal-2015, waslet għal nuqqas ta' kompetittività diġitali vis-à-vis l-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel u l-ekonomiji emerġenti; f'dan ir-rigward, jenfasizza li waqt li l-Ewropea qed tagħmel progress f'termini ta' żvilupp diġitali, il-pass qed jonqos, li jfisser riskju fuq tul ta' żmien twil għall-investimenti neċessarji u għall-attraenza tal-ambjent tan-negozju Ewropew;

22.  Ifakkar li l-benefiċjarji finali tal-introduzzjoni tal-5G għandhom ikunu l-utenti aħħarin u li kwalunkwe deċiżjoni li ssir fit-tnedija tat-teknoloġiji 5G għandha dejjem tibqa' tkun immirata lejn din ir-raġuni aħħarija li toffri servizzi affordabbli, affidabbli u ta' kwalità għolja;

23.  Jinnota li l-investiment tas-settur pubbliku u privat iġib effett multiplikatur mal-ekonomija kollha u, meta l-5G tkun ġiet introdotta għalkollox, dan aktarx joħloq, direttament u indirettament, sa 2,3 miljun impjieg fit-28 Stat Membru;

24.  Jinnota li huwa mistenni li l-introduzzjoni tat-teknoloġiji 5G fl-Ewropa jkollha benefiċċji li jestendu lil hinn mill-industrija mobbli, kif ukoll effetti ta' klassi ogħla fuq klassijiet iktar baxxi (trickle-down effect) li jammontaw għal EUR 141,8 biljun fis-sena sal-2025;

25.  Jenfasizza li s-suċċess ta' tnedija rapida tal-5G mal-UE kollha jiddependi fuq l-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' negozju li jkunu mmexxija mid-domanda; jenfasizza li hemm għadd kbir ta' inizjattivi li jikkontribwixxu għall-kjarifika tar-rekwiżiti għall-5G, li tagħmilha diffiċli għall-industriji vertikali li jikkontribwixxu għall-proċess; għalhekk jisħaq fuq il-fatt li l-industriji vertikali għandhom bżonn ikunu attivament involuti fil-proċess tar-rekwiżiti b'mod effiċjenti;

26.  Jenfasizza li kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti tas-suq huma neċessitajiet ewlenin għall-iżvilupp tas-soċjetà tal-gigabits mill-parteċipanti tas-suq; jemmen li l-prinċipju ta' "l-istess servizz, l-istess riskju, l-istess regoli" għandu japplika, f'dan ir-rigward;

27.  Jemmen li l-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, għandhom iqisu miżuri dwar kif jinċentivizzaw provi avvanzati u bankijiet tat-test sabiex jaċċeleraw l-innovazzjoni fl-applikazzjonijiet 5G;

28.  Jinnota li soċjetà tal-gigabits jenħtieġ li tindirizza d-distakk diġitali u ttejjeb l-użu tal-internet; jinnota li għad hemm bżonn ta' investiment kontinwu għat-tnedija tat-teknoloġiji eżistenti u futuri, fosthom teknoloġiji satellitari, fiż-żoni rurali u remoti; jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm taħlita intelliġenti ta' investimenti privati u pubbliċi sabiex jiġi indirizzat id-distakk diġitali taż-żoni rurali u remoti; jenfasizza li l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-passat jenħtieġ li jintużaw biex jiġu indirizzati d-differenzi bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-popolazzjonijiet densi u remoti, b'appoġġ għal żvilupp ġeografiku bbilanċjat;

29.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li filwaqt li d-distakk diġitali huwa preżenti bejn il-bliet u ż-żoni rurali, huwa wkoll preżenti ħafna bejn Stat Membru u ieħor; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza ta' qafas leġiżlattiv kompetittiv u inizjattivi li jħeġġu l-investimenti fl-infrastruttura, iżidu d-diversità tal-atturi u jsaħħu l-koordinazzjoni Ewropea;

30.  Jirrimarka li l-5G se jkun il-pedament fit-twettiq tal-viżjoni tas-Soċjetà f'Netwerk u se jżid il-possibbiltajiet li wieħed jgħix, jistudja u jaħdem fl-Unjoni Ewropea, li huwa prerekwiżit sabiex in-nies u l-kumpaniji jibbenefikaw għalkollox mir-rivoluzzjoni diġitali;

31.  Iqis li l-faċilitazzjoni tal-introduzzjoni ta' ċelloli żgħar tal-5G li jkunu konsistenti mar-Regolament WiFi4EU se jikkontribwixxu biex jitnaqqas id-distakk diġitali u teknoloġiku u jżid id-disponibbiltà tas-servizz tal-5G għaċ-ċittadini kollha;

32.  Jenfasizza li l-Ewropa trid tibqa' żżomm il-pass mal-iżviluppi teknoloġiċi u l-opportunitajiet, li huma pprovduti minn teknoloġiji tal-ICT aktar effiċjenti biex jappoġġjaw l-iżvilupp soċjoekonomiku fir-reġjuni sottożviluppati tal-lum;

33.  Jenfasizza li sabiex jittieħed benefiċċju mill-potenzjal sħiħ tas-servizz tal-istandard mobbli teknoloġiku tal-5G, netwerk tal-fibri dens jikkostitwixxi l-infrastruttura backhaul indispensabbli;

34.  Jilqa' l-inizjattiva WiFi4EU għall-promozzjoni tal-aċċess ħieles u universali għall-internet f'komunitajiet lokali permezz ta' skema ffinananzjata mill-UE u implimentata mill-Istati Membri; jinnota li l-inizjattiva WiFi4EU għandha l-għan li tippromwovi l-inklużività diġitali fir-reġjuni kollha billi tallokalhom fondi b'mod ġeografikament ibbilanċjat, filwaqt li tagħti attenzjoni wkoll lill-kwalità tal-esperjenza tas-servizz tal-utenti; jinnota li l-veloċitajiet ta' aċċess qegħdin jiżdiedu, u li aktar ma jikber l-użu f'tagħmir varju mingħajr fili, il-WLAN jeħtieġ li jissodisfa domandi ta' konnessjoni minn tarf għal ieħor; jemmen li jinħtieġ qafas ta' politika bi prijoritajiet speċifiċi biex jingħelbu l-ostakoli li s-suq waħdu ma jistax ikopri;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali għall-kopertura fuq ġewwa fil-Pjan ta' Azzjoni tal-5G tagħha, billi għadd kbir mill-applikazzjonijiet tal-5G se jintużaw fid-djar u fl-uffiċċji; ifakkar fil-penetrazzjoni fil-bini fqira ta' netwerks bi frekwenzi ogħla; jirrakkomanda l-valutazzjoni ta' teknoloġiji addizzjonali li jiżguraw kopertura fuq ġewwa tajba, bħall-Massive MIMO, repeaters fuq ġewwa u applikazzjonijiet WiGig u Wi-Fi b'veloċità għolja;

36.  Jenfasizza li l-iżvilupp tat-teknoloġiji 5G huwa pedament għat-trasformazzjoni tal-infrastruttura tan-netwerk tal-ICT lejn konnettività intelliġenti li tinkludi kollox: karozzi intelliġenti, grilji intelliġenti, bliet intelliġenti, fabbriki intelliġenti, gvernijiet intelliġenti u aktar; jemmen li broadband veloċi ħafna u karatteristiċi ta' netwerk intelliġenti u effiċjenti li jiksbu konnettività kważi immedjata bejn il-persuni, mill-persuna għall-magna u magni konnessi, se jiddefinixxu mill-ġdid il-konnettività tal-utenti finali, li se tkun possibbli bil-paradigmi ta' netwerk bħal netwerks stil mesh, netwerks ibridi, slicing tan-netwerk dinamiku u teknoloġiji ta' softwerizzazzjoni;

37.  Jenfasizza li l-prestazzjoni b'enerġija għolja li tfittex konsum tal-enerġija tan-netwerk imnaqqas hija rekwiżit kritiku tal-5G; jenfasizza li dan l-element huwa kruċjali biex inaqqas l-ispejjeż operattivi, jiffaċilita l-konnettività tan-netwerk f'żoni rurali u remoti u jipprovdi aċċess għan-netwerk b'mod sostenibbli u effiċjenti f'termini ta' riżorsi;

38.  Jenfasizza li l-introduzzjoni tal-5G teħtieġ it-titjib sinifikanti tan-netwerks fissi u d-densifikazzjoni tan-netwerks mobbli bi qbil mal-objettivi tas-soċjetà tal-gigabits, speċjalment għal soluzzjonijiet għas-saħħa elettronika;

39.  Jenfasizza li s-settur awdjoviżiv huwa wieħed mill-muturi ewlenin għas-suċċess tal-5G fl-Ewropa, billi jipprovdi impjiegi u tkabbir ekonomiku, u li l-progress tiegħu jista' jagħmel impatt qawwi u pożittiv fuq il-katina tal-valur tal-midja awdjoviżiva, inklużi l-produzzjoni tal-kontenut, l-innovazzjoni tiegħu, id-distribuzzjoni tiegħu u l-ambjent tal-utent; jistieden lill-Kummissjoni u lil-Istati Membri, għalhekk, iqisu l-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet ta' dan is-settur, b'mod partikolari dawk relatati max-xandir;

40.  Jinnota li ladarba l-vetturi jiġu konnessi man-netwerk, dawn isiru konsistentement aktar sikuri (b'inqas inċidenti), aktar ekoloġiċi (b'inqas emissjonijiet) u jikkontribwixxu għal xejriet ta' vvjaġġar aktar prevedibbli; jappoġġja, għaldaqstant, l-idea li tiġi introdotta mira għall-UE kollha biex il-vetturi kollha disponibbli fis-suq tal-UE jiġu konnessi mal-5G u biex abbord ikollhom it-tagħmir ta' sistema ta' trasport intelliġenti; jappoġġja bis-sħiħ l-objettiv li jiġu introdotti ambulanzi u vetturi ta' emerġenza oħra (karozzi tal-pulizija, vetturi għat-tifi tan-nar) bi stazzjon bażi li taħdem bil-5G biex ikollhom kopertura kontinwa u mingħajr interruzzjoni matul l-interventi;

41.  Jinnota l-benefiċċji ta' kopertura tal-5G affidabbli u mingħajr interruzzjonijiet għas-sikurezza fit-toroq, li tippermetti mezzi ta' kontroll konnessi u diġitali, bħal takografi intelliġenti u dokumenti elettroniċi, għal vetturi tqal tal-merkanzija;

42.  Jemmen li l-5G għandu jippermetti servizzi affordabbli u ta' kwalità għolja ġodda, jgħaqqad l-industriji ġodda u finalment ittejjeb l-esperjenza tal-klijenti għal utenti diġitali dejjem aktar sofistikati u esiġenti; jenfasizza li l-5G jista' joffri soluzzjonijiet għall-isfidi soċjetali importanti permezz tal-kapaċità tiegħu li jnaqqas b'mod sinifikanti l-użu tal-enerġija tal-apparati mobbli u permezz tal-potenzjal tiegħu li jittrasforma s-setturi bħas-saħħa u t-trasport;

43.  Jilqa' l-Fond tal-Broadband Nikkollegaw l-Ewropa, fond għall-infrastruttura tal-broadband miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Banek u l-Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali u tal-investituri privati, li se jkun pass ieħor 'il quddiem biex isiru investimenti fl-infrastruttura f'żoni rurali u remoti inqas popolati u li mhumiex moqdija biżżejjed;

44.  Jikkunsidra li l-iżvilupp u t-titjib tal-ħiliet diġitali huwa kruċjali u jenħtieġ li jitwettaq permezz ta' investiment kbir fl-edukazzjoni – inkluż taħriġ vokazzjonali, intraprenditorjali u t-taħriġ ulterjuri, kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid – u permezz tal-parteċipazzjoni komprensiva tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi s-sħab soċjali, bi tliet objettivi ewlenin: li jinżammu u jinħolqu impjiegi teknoloġiċi permezz tat-taħriġ ta' forza tax-xogħol b'ħiliet ta' livell għoli, biex jappoġġjaw liċ-ċittadini biex jieħdu f'idejhom il-kontroll tal-eżistenza diġitali tagħhom billi jingħataw l-għodod meħtieġa u biex itemmu l-illitteriżmu diġitali, li hija kawża tad-distakk u l-esklużjoni diġitali;

45.  Iqis li l-Unjoni jenħtieġ li tistabbilixxi u tagħmel disponibbli kurrikuli ta' żvilupp ta' ħiliet tal-5G bi sħab mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) Digital, b'enfasi fuq in-negozji ġodda u SMEs sabiex huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-introduzzjoni tal-5G;

46.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' netwerks tal-5G se jrawwem bidliet teknoloġiċi rapidi li se jippermettu l-iżvilupp sħiħ tal-industrija diġitali, tat-tekonolġiji intelliġenti, tal-Internet tal-Oġġetti u ta' sistemi ta' manifattura avvanzati;

47.  Jenfasizza l-importanza tal-5G, li jippermetti t-tmexxija globali Ewropea fl-għoti ta' infrastruttura ta' riċerka ta' livell għoli, li tista' tbiddel lill-Ewropa f'ċentru għal riċerka eċċellenti;

III.Approċċ ta' politika

48.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa fl-istrumenti ta' finanzjament (FEIS, CEF) allokati biex jiffinanzjaw l-objettivi strateġiċi għall-konnettività tal-gigabits sal-2025;

49.  Jenfasizza li d-deċiżjonijiet kollha relatati mas-Suq Uniku Diġitali, inklużi l-allokazzjoni tal-ispettru, il-miri tal-konnettività u l-introduzzjoni tal-5G iridu jiġu fformulati skont il-ħtiġijiet futuri u kif is-suq huwa mistenni li jiżviluppa matul l-10-15-il sena li ġejjin; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp b'suċċess tal-5G se jkun essenzjali għall-kompetittività ekonomika, li tista' tintlaħaq biss permezz ta' leġiżlazzjoni Ewropea li timmira fil-bogħod u koordinazzjoni ta' politika;

50.  Jenfasizza li l-politiki dwar is-soċjetà tal-gigabits u l-5G jenħtieġ li jkunu proporzjonati, riveduti ta' spiss u konformi mal-"Prinċipju ta' Innovazzjoni", sabiex l-effetti potenzjali fuq l-innovazzjoni jkunu parti mill-valutazzjoni tal-impatt;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, tmantni u tiżviluppa finanzjament fuq żmien fit-tul għall-Pjan ta' Azzjoni tal-5G u l-modernizzazzjoni tan-netwerk fil-livell xieraq fi ħdan l-orizzont tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2020-2027 li jmiss u b'mod partikolari l-Qafas RTD&I li jmiss; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn id-dinja akkademika, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, is-settur privat u s-settur pubbliku għar-riċerka u l-iżvilupp rigward il-komunikazzjonijiet mobbli tal-5G; jiġbed l-attenzjoni għall-PPP tal-5G bħala eżempju pożittiv f'dan ir-rigward; jirrimarka li, skont il-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġu investiti EUR 500 biljun fl-għaxar snin li ġejjin biex jintlaħqu l-objettivi tal-konnettività, għalkemm hija tistma wkoll li hemm nuqqas ta' investiment ta' EUR 155 biljun; huwa tal-fehma, għaldaqstant, li jeħtieġ li tingħata l-ogħla prijorità biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed investiment immexxi mill-kompetizzjoni għat-twettiq tal-infrastruttura diġitali, peress li dan it-twettiq huwa ta' importanza fundamentali sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-5G;

52.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jimplimentaw b'ħeffa d-dispożizzjonijiet fid-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni(4), bil-għan li jiżguraw livell adegwat ta' sigurtà huma u jagħmlu dan il-pjan effiċjenti u sostenibbli;

53.  Jemmen li l-aħjar perkors lejn is-soċjetà tal-gigabits jinsab f'approċċ li jibqa' validu fil-futur, favur il-kompetizzjoni u newtrali f'termini teknoloġiċi, u appoġġjat minn firxa wiesgħa ta' mudelli ta' investiment bħal investimenti pubbliċi privati jew koinvestimenti; jinnota li l-koinvestiment u forom oħra ta' investiment kollaborattiv u arranġamenti ta' aċċess kummerċjali fuq żmien fit-tul għal netwerks b'kapaċità għolja ħafna jistgħu jgħinu sabiex jiġbru riżorsi, jippermettu oqfsa flessibli differenti u jbaxxu l-ispejjeż tal-installazzjoni;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ il-Pjan ta' Azzjoni tal-5G permezz ta' azzjonijiet koerenti, inklużivi u f'waqthom fir-reġjuni u l-bliet sabiex titħeġġeġ u tiġi inċentivata l-innovazzjoni transsettorjali u jitrawwem qafas ekonomiku kooperattiv fl-industrija kollha;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu minn ta' quddiem fil-promozzjoni ta' interoperabbiltà tal-5G intersettorjali, interlingwistika u transfruntiera u jappoġġjaw servizzi siguri, affidabbli u favur il-privatezza, billi l-industrija u s-soċjetà b'mod ġenerali qed isiru dejjem aktar dipendenti fuq l-infrastruttura diġitali għan-negozju u s-servizzi tagħhom, u biex jikkunsidraw iċ-ċirkostanzi nazzjonali ekonomiċi u ġeografiċi speċifiċi bħala parti integrali minn strateġija komuni;

56.  Jitlob li jissaħħew l-isforzi favur l-istandardizzazzjoni bil-għan li jiġi żgurat li l-Ewropa jkollha rwol ewlieni fl-istabbiliment ta' standards tat-teknoloġija li jippermettu l-introduzzjoni ta' netwerks u servizzi tal-5G; jemmen li l-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni jenħtieġ li jkollhom rwol speċjali f'dan il-proċess; jinnota li kull settur jenħtieġ li jfassal il-pjan direzzjonali tiegħu għall-istandardizzazzjoni, filwaqt li jibbaża ruħu fuq proċessi mmexxija mill-industrija, b'rieda qawwija sabiex jikseb standards komuni li jista' jkollhom il-potenzjal li jsiru standards dinjija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinċentivaw investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u l-istandardizzazzjoni Ewropea;

57.  Jenfasizza li l-5G għandu l-potenzjal li jirrevoluzzjona l-aċċess għall-kontenut u t-tixrid tiegħu u li jsaħħaħ b'mod sostanzjali l-esperjenza tal-utent, filwaqt li fl-istess ħin jippermetti l-iżvilupp ta' forom ġodda ta' kontenut kulturali u kreattiv; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' miżuri effettivi biex jiġġieldu l-piraterija, u approċċ komprensiv biex jittejjeb l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex jiġu żgurati rotot ta' aċċess faċli għal kontenut legali għall-konsumaturi;

58.  Iħeġġeġ ferm l-esperimentazzjoni miżjuda bit-teknoloġiji tal-5G; jappoġġja l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet integrati u testijiet segwiti minn provi transindustrijali ta' proġetti pilota fuq skala kbira b'risposta għad-domanda għal servizzi fis-soċjetà tal-gigabits; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm biżżejjed baned tal-frekwenzi mhux liċenzjati biex jistimulaw l-esperimenti magħmula mill-industrija; jitlob lill-Kummissjoni tqis l-istabbiliment ta' mira konkreta u attraenti bħala qafas għall-esperimentazzjoni tas-settur privat bit-teknoloġiji u l-prodotti 5G;

59.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-linji gwida tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni mir-Radjazzjoni Mhux Jonizzanti (ICNIRP) formalment rikonoxxuti mid-WHO, sabiex jiġu evitati l-inkonsistenza u l-frammentazzjoni u jiġu żgurati kundizzjonijiet konsistenti tal-implimentazzjoni tan-netwerks bla fili għas-Suq Uniku Diġitali Ewropew;

60.  Jenfasizza li l-iżvilupp tas-soċjetà tal-gigabits jeħtieġ regoli ċari u komuni tal-UE li jkunu orjentati lejn il-futur u favur il-kompetizzjoni, sabiex ikun mutur għall-investiment u l-innovazzjoni u biex tiġi ppreservata l-affordabbiltà u l-għażla tal-konsumaturi; jenfasizza li l-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura toffri l-potenzjal għal regolamentazzjoni effiċjenti u tippermetti redditu fit-tul ġust fuq l-investimenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi għall-aċċess għal infrastruttura fiżika;

61.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi stabbilit ambjent favur l-innovazzjoni għas-servizzi diġitali, speċjalment fil-qasam tal-big data u l-IoT, li jżid l-għażliet tal-konsumaturi filwaqt li jżid il-fiduċja u jippromwovi l-użu tas-servizzi diġitali, permezz ta' regoli effiċjenti u ssimplifikati, filwaqt li jiffoka fuq il-bżonnijiet tal-utenti u l-karatteristiċi tas-servizzi, irrispettivament mit-tip ta' fornitur;

62.  Jenfasizza li l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Broadband jeħtieġ li jiġu rieżaminati u, fejn ikun xieraq, jiġu riveduti bir-reqqa, jimmiraw l-oqsma tal-5G kollha, iżommu approċċ kompetittiv ta' teknoloġiji multipli, jappoġġjaw iċ-ċertezza regolatorja u jimmassimizzaw il-kamp ta' applikazzjoni tal-innovazzjoni u l-kopertura, u waħda mill-miri għandha tkun li jitnaqqas id-distakk diġitali;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Broadband sabiex tidentifika l-lakuni, u sabiex tifformula rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għal aktar azzjoni;

64.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-Qafas Parteċipatorju għall-Broadband sabiex tiżgura l-involviment ta' livell għoli ta' entitajiet pubbliċi u privati kif ukoll awtoritajiet lokali u reġjonali;

65.  Jenfasizza li l-iżgurar tal-aċċess għall-internet u l-garanzija ta' konnettività tal-internet b'veloċità qawwija, affidabbli u b'livelli baxxi ta' latenza u ta' jitter baxxi huma essenzjali għall-proċess ta' diġitizzazzjoni u l-katina tal-valur fis-settur tat-turiżmu, kif ukoll għall-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji tat-trasport bħas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti Kooperattivi (C-ITS), is-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) u s-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS);

66.  Ifakkar li l-SMEs jibbenefikaw ħafna mill-aċċess kompetittiv għal soluzzjonijiet tal-5G; jistieden lill-Kummissjoni tagħti dettalji tal-pjanijiet ta' azzjoni tagħha sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs u tan-negozji ġodda fl-esperimentazzjoni b'teknoloġiji 5G u biex tiżguralhom l-aċċess għall-Pjattaforma Parteċipatorja għall-Broadband tal-5G;

67.  Jappoġġja l-inizjattivi fuq livell tal-UE li jiżguraw koordinazzjoni akbar tal-ispettru bejn l-Istati Membri u żminijiet tal-liċenzja fuq perjodi fit-tul, li se jżidu l-istabbiltà u ċ-ċertezza tal-investimenti; jinnota li d-deċiżjonijiet dwar dawn il-kwistjonijiet jenħtieġ li jittieħdu fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha sabiex tiġi adottata gwida vinkolanti dwar ċerti kundizzjonijiet tal-proċess ta' assenjazzjoni, bħall-iskadenzi għall-allokazzjoni tal-ispettru, il-kondiviżjoni tal-ispettru u l-irkanti organizzati b'mod konġunt, bl-ambizzjoni li jiġu promossi n-netwerks trans-Ewropej; jiġbed l-attenzjoni li n-natura kompetittiva tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fl-Unjoni Ewropea hija kruċjali fil-qalba ġenerazzjonali għall-5G;

68.  Jistieden lill-UE tikkoordina l-isforzi fi ħdan l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) sabiex tiżgura li jkun hemm politika tal-UE koerenti; jenfasizza li l-ħtiġijiet ta' armonizzazzjoni tal-ispettru Ewropew għall-5G wara l-2020 jenħtieġ li jiġu finalizzati qabel il-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni tal-2019 (WRC-19), bi protezzjoni xierqa tas-servizzi eżistenti li fuqhom ninsabu dipendenti llum u bi qbil mad-deċiżjonijiet meħuda waqt il-WRC-15;

69.  Jenfasizza li d-definizzjoni tan-netwerks VHC stipulati fil-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għandha tikkonforma mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika sakemm it-teknoloġiji jissodisfaw il-bżonnijiet għall-kwalità tas-servizzi tan-netwerk li l-applikazzjonijiet industrijali u dawk tal-konsumatur se jkollhom bżonn fil-futur;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rieżami tal-progress annwali u tfassal rakkomandazzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-5G, u tinforma lill-Parlament bir-riżultati;

o
o   o

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(3) ĠU L 179, 29.6.2013, p. 1.
(4) ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.


Protezzjoni ta' adulti vulnerabbli
PDF 368kWORD 56k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli (2015/2085(INL))
P8_TA(2017)0235A8-0152/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha li jiggarantixxi lil kulħadd id-dritt għall-integrità fiżika u mentali, u l-Artikolu 21 tagħha dwar in-nondiskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni legali tal-adulti: implikazzjonijiet transkonfinali(1),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-valur miżjud Ewropew ta' Settembru 2016 imħejjija mis-servizz ta' riċerka tal-Parlament Ewropew (PE 581.388),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' The Hague tat-13 ta' Jannar 2000 dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti ("il-Konvenzjoni ta' The Hague"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta' Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità ("il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità"),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru R (99) 4 tat-23 ta' Frar 1999 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prinċipji li jikkonċernaw il-protezzjoni legali ta' adulti inkapaċi (aktar 'il quddiem imsejħa r-"Rakkomandazzjoni Nru R (99) 4 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa"),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)11 tad-9 ta' Diċembru 2009 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prinċipji li jikkonċernaw il-prokuri permanenti u t-testment bijoloġiku marbuta mal-inkapaċità (aktar 'il quddiem imsejħa r-"Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)11 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa"),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0152/2017),

A.  billi huwa essenzjali li l-Unjoni toqrob lejn iċ-ċittadini tagħha u tittratta suġġetti li jikkonċernawhom direttament, filwaqt li jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, mingħajr diskriminazzjoni jew esklużjoni;

B.  billi l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli li jeżerċitaw il-libertà ta' moviment tagħhom fl-Unjoni hija, f'dan il-każ, kwistjoni ta' natura transkonfinali, li konsegwentement, jaffettwa lill-Istati Membri kollha; billi din il-kwistjoni turi l-importanza tar-rwol li l-Unjoni u l-Parlament tagħha għandhom jiżvolġu biex iwieġbu għall-problemi u għad-diffikultajiet li ċ-ċittadini Ewropej jiffaċċjaw fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tagħhom, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet transfruntiera;

C.  billi l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli hija marbuta mill-qrib mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi kull adult vulnerabbli għandu jitqies, bħal kull ċittadin Ewropew, bħala detentur ta' drittijiet u li huwa kapaċi jieħu deċiżjonijiet liberi, indipendenti u informati fil-limiti tal-kapaċità tiegħu, u mhux sempliċiment bħala benefiċjarju passiv ta' kura u ta' attenzjoni;

D.  billi l-vulnerabilità tal-adulti u d-diversi regolamenti dwar il-protezzjoni legali tagħhom m'għandhomx ikunu ta' ostakolu għad-dritt għall-moviment liberu tal-persuni;

E.  billi l-evoluzzjoni demografika u l-estensjoni tat-tul tal-ħajja wasslu għal żieda fl-għadd ta' persuni anzjani li ma jkunux f'qagħda li jipproteġu l-interessi tagħhom minħabba mard marbut mal-età; billi hemm ukoll ċirkustanzi oħra li huma, mhux relatati mal-età, bħal diżabilitajiet mentali u fiżiċi, u li jistgħu jkunu wkoll instrinsiċi, u li fihom tista' tixxekkel il-kapaċità ta' kwalunkwe persuna adulta li tipproteġi l-interessi tagħha;

F.  billi l-problemi kibru minħabba l-moviment li qed jiżdied bejn l-Istati Membri tal-persuni espatrijati u rtirati, fosthom persuni vulnerabbli jew li jistgħu jsiru vulnerabbli;

G.  billi jeżistu diskrepanzi bejn il-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, tal-liġi applikabbli, tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni tal-adulti; billi d-differenza fil-liġijiet applikabbli u l-kwantità kbira ta' ġurisdizzjonijiet kompetenti jistgħu jxekklu d-dritt tal-adulti vulnerabbli għall-moviment liberu u għar-residenza fl-Istat Membru tal-għażla tagħhom, kif ukoll li jkollhom protezzjoni xierqa għall-proprjetà tagħhom fejn din il-proprjetà tkun tinsab f'aktar minn pajjiż wieħed;

H.  billi jeżistu wkoll differenzi bejn id-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri fil-qasam tal-miżuri ta' protezzjoni, u dan minkejja l-progress li sar f'dan il-qasam b'segwitu għar-Rakkomandazzjoni Nru R (99) 4 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa;

I.  billi l-punt (a) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) jistabbilixxi li dan ir-Regolament ma japplikax għall-istatus u l-kapaċità legali ta' persuni fiżiċi;

J.  billi l-Konvenzjoni ta' The Hague tikkostitwixxi sett ta' regoli tad-dritt internazzjonali privat partikolarment xieraq biex iwieġeb għall-problemi transkonfinali li jikkonċernaw lill-adulti vulnerabbli; billi minkejja ż-żmien li għadda sa mill-adozzjoni ta' dik il-Konvenzjoni, ftit biss mill-Istati Membri rratifikawha diġà; billi dan id-dewmien fir-ratifika tal-Konvenzjoni jikkomprometti l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f'sitwazzjoni transkonfinali fl-Unjoni; billi għalhekk huwa indispensabbli, għall-finijiet ta' effettività, li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi garantita l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli f'sitwazzjoni transkonfinali;

K.  billi adult vulnerabbli huwa persuna li laħqet l-età ta' 18-il sena u li, minħabba deterjorament jew insuffiċjenza tal-kapaċitajiet personali tagħha, ma tistax tipproteġi l-interess tagħha u l-affarijiet personali u/jew proprjetà personali, kemm jekk b'mod temporanju jew b'mod permanenti;

L.  billi jeħtieġ li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; billi l-Unjoni u l-Istati Membri huma kollha partijiet għal din il-Konvenzjoni;

M.  billi f'konformità mal-politiki tagħha, l-Unjoni għandha tiżgura li l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jiġu mħarsa;

N.  billi l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli għandha tkun intiża prinċipalment biex tiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni mill-awtoritajiet tal-Istati Membri ta' miżuri ta' protezzjoni meħuda favur adult vulnerabbli mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor, inkluż it-tixrid u r-rikonoxximent tal-mandati, kif ukoll biex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan ir-rigward;

O.  billi t-terminu "miżuri ta' protezzjoni" għandu jirreferi b'mod partikolari għall-miżuri previsti mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta' The Hague;

P.  billi t-terminu "mandat ta' inkapaċità" għandu jfisser is-setgħat ta' rappreżentanza mogħtija minn adult kapaċi, kemm permezz ta' ftehim kif ukoll permezz ta' att unilaterali, li jidħol fis-seħħ meta dan l-adult ma jibqax kapaċi jipproteġi l-interessi tiegħu;

Q.  billi informazzjoni ċara u preċiża dwar il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali relatati mal-inkapaċità u l-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli għandha tkun aktar ċara u aktar aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ċari waħedhom;

R.  billi aċċess fi żmien debitu mill-awtoritajiet amministrattivi u legali differenti kkonċernati għall-informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni legali tal-adulti li jkunu soġġetti għal miżura ta' protezzjoni jew mandat ta' inkapaċità jista' jtejjeb u jsaħħaħ il-protezzjoni ta' dawn il-persuni;

S.  billi l-ħolqien ta' fajls jew reġistri f'kull Stat Membru li jelenkaw id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji li jippreskrivu miżuri ta' protezzjoni favur adult vulnerabbli, kif ukoll il-mandati ta' inkapaċità, meta dawn il-mandati jkunu previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jista' jiffaċilita l-aċċess fi żmien debitu mill-awtoritajiet amministrattivi u legali kollha kkonċernati għall-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali tal-adulti f'sitwazzjoni ta' vulnerabilità u jiggarantixxi ċertezza tad-dritt akbar; billi l-kunfidenzjalità ta' dawn il-fajls jew ir-reġistri għandha tiġi ggarantita kif xieraq, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali;

T.  billi l-miżuri ta' protezzjoni meħuda mill-awtoritajiet ta' Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ fl-Istati Membri l-oħra; billi, minkejja dak li ntqal hawn fuq, jista' jkun meħtieġ li jiġu introdotti raġunijiet għar-rifjut ta' rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' miżura ta' protezzjoni; billi r-raġunijiet, ċirkoskritti kif xieraq, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jużaw għal rifjut ta' rikonoxximent u applikazzjoni ta' miżura ta' protezzjoni li jieħdu awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor għandhom ikunu limitati għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku fl-Istat rikjest;

U.  billi jistgħu jiġu introdotti mekkaniżmi effettivi biex jiġu żgurati r-rikonoxximent, ir-reġistrazzjoni u l-użu ta' mandati ta' inkapaċità fl-Unjoni kollha; billi għandha tinħoloq formola unika ta' mandat ta' inkapaċità fil-livell tal-Unjoni sabiex tiggarantixxi li l-mandati ta' inkapaċità jkunu effettivi fl-Istati Membri kollha;

V.  billi għandhom jiġu implimentati formoli uniċi għall-Unjoni sabiex jippromwovu l-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet ta' protezzjoni tal-adulti vulnerabbli kif ukoll dwar iċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet; billi ċ-ċertezza legali tirrikjedi li kull persuna li tiġi fdata bil-protezzjoni tal-persuna jew tal-beni ta' adult vulnerabbli tista' tikseb, fuq talba tagħha u fi żmien raġonevoli, ċertifikat li jindika l-kwalità tagħha, l-istatus tagħha u s-setgħat mogħtija lilha;

W.  billi deċiżjoni meħuda fi Stat Membru u li hija eżegwibbli f'dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni li tikkonstata l-eżegwibilità ta' din id-deċiżjoni;

X.  billi jkun xieraq li jiġu implimentati mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri sabiex jippromwovu u jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll it-trażmissjoni u l-iskambju ta' informazzjoni li tikkonċerna lill-adulti vulnerabbli; billi l-ħatra ta' awtorità ċentrali minn kull Stat Membru, bħal dik prevista mill-Konvenzjoni ta' The Hague, tista' tikkontribwixxi b'mod xieraq għal dan l-objettiv;

Y.  billi ċerti miżuri ta' protezzjoni previsti mill-awtoritajiet ta' Stat Membru fil-konfront ta' adult vulnerabbli, b'mod partikolari t-tqegħid tal-adult fi stabbiliment li jinsab fi Stat Membru ieħor, jista' jkollhom implikazzjonijiet loġistiċi u finanzjarji għal Stat Membru ieħor; billi, f'dawn il-każijiet, ikun xieraq li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati sabiex dawn ikunu jistgħu jiftiehmu dwar l-opportunità ta' qsim tal-ispejjeż marbuta mal-miżura ta' protezzjoni kkonċernata;

Z.  billi l-eżistenza ta' awtoritajiet ċentrali m'għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri milli jikkomunikaw direttament bejniethom meta jqisu li din il-komunikazzjoni tkun aktar effettiva;

AA.  billi ż-żmien li għadda sa mill-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 kellu jippermetti lill-Kummissjoni tikseb biżżejjed informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta' The Hague fl-Istati Membri li rratifikawha u tfassal ir-rapport mitlub mill-Parlament Ewropew f'dik ir-Riżoluzzjoni.

1.  Jifraħ lil dawk l-Istati Membri li ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni ta' The Hague, u jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ffirmawhiex jew ma rratifikawhiex, sabiex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kummissjoni biex teżerċita pressjoni politika fuq il-Kunsill u l-Istati Membri bil-ħsieb li jiżdied in-numru ta' ratifiki sal-aħħar tal-2017;

2.  Jinnota li l-proposta għal Regolament li hija s-suġġett tar-rakkomandazzjonijiet ipprovduti fl-Anness mhijiex se tieħu post il-Konvenzjoni ta' The Hague, iżda se tappoġġaha, u se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jirratifikaw din il-Konvenzjoni u biex jimplimentawha;

3.  Jinnota li l-protezzjoni ta' adulti vulnerabbli, inkluż dawk b'diżabilità, tirrikjedi sett komprensiv ta' azzjonijiet speċifiċi u mmirati;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri ta' protezzjoni previsti mid-dritt nazzjonali tagħhom ikunu jistgħu jiġu adattati biżżejjed għal kull adult vulnerabbli, b'mod li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jieħdu miżuri ta' protezzjoni individwali proporzjonati f'dan is-sens, biex b'hekk jevitaw li ċittadini tal-Unjoni jkunu mċaħħda mid-drittijiet li għadhom kapaċi jeżerċitaw; jinnota li f'ħafna mill-każijiet ta' persuni b'diżabilità l-inkapaċità legali hija minħabba d-diżabilità u mhux minħabba l-età;

5.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-adulti kollha li huma vulnerabbli mhux neċessarjament ikunu hekk minħabba l-età avvanzata tagħhom u jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jissaħħu l-protezzjoni legali u d-drittijiet mhux biss tal-adulti anzjani vulnerabbli, iżda wkoll dawk tal-adulti li huma jew li saru vulnerabbli li ma jinsabux f'qagħda li jipproteġu l-interessi tagħhom stess minħabba diżabilità mentali u/jew fiżika serja; iqis f'dan ir-rigward li jkun estremament utli li jiġu stabbiliti proċeduri għall-iskambju l-paragun tal-prattiki tajbin fost l-Istati Membri, filwaqt li jittieħdu forom ta’ protezzjoni u garanzija bħala punt ta’ bidu;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-awtodeterminazzjoni tal-adulti permezz tal-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni fid-dritt nazzjonali tagħhom dwar mandati ta' inkapaċità, li tiġi ispirata mill-prinċipji li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2009)11 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-adulti vulnerabbli l-aktar żvantaġġjati u jdaħħlu miżuri fis-seħħ li għandhom l-għan li jiżguraw li dawn l-adulti ma jsofrux diskriminazzjoni b'riżultat tal-kundizzjoni tagħhom; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri li jirrikonoxxu l-mandat ta' inkapaċità fil-leġiżlazzjoni tagħhom, jew li jiddeċiedu li jintroduċuh, biex fis-sistema ġuridika tagħhom ma jipprevedux spejjeż jew formalitajiet li jistgħu jxekklu b'mod mhux raġonevoli lill-adulti f'sitwazzjoni żvantaġġjata milli jibbenefikaw minn mandat ta' inkapaċità, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tibda, iżżomm u tiffinanzja proġetti intiżi għas-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni dwar il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri relatata mal-adulti vulnerabbli u mal-miżuri ta' protezzjoni li jikkonċernawhom; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri u azzjonijiet xierqa biex jipprovdu lill-persuni kollha fit-territorju tagħhom l-informazzjoni faċilment aċċessibbli u suffiċjenti dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, kif ukoll dwar is-servizzi disponibbli fil-qasam tal-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli;

9.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tatx segwitu għat-talba tal-Parlament biex tippreżenta rapport fi żmien debitu lill-Parlament u lill-Kunsill li jelenka l-problemi ffaċċjati u l-aħjar prattiki osservati għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' The Hague, li kellu jkun fih ukoll proposti għal miżuri tal-Unjoni li jikkompletaw jew jippreċiżaw il-mod kif għandha tiġi applikata l-Konvenzjoni; iqis li dak ir-rapport seta' jindirizza l-problemi ta' natura prattika ffaċċjati mill-Kummissjoni biex tiġbor l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' The Hague;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill, qabel il-31 ta' Marzu 2018, fuq il-bażi tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal regolament intiż biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kif ukoll biex itejjeb ir-rikonoxximent sħiħ u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli u l-mandati ta' inkapaċità, filwaqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness;

11.  Jinnota li r-rakkomandazzjonijiet huma konsistenti mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li jiġu espressi, fost l-aħjar prattiki nazzjonali, ir-riżultati tax-xogħol imwettaq mill-komunitajiet lokali u mill-awtoritajiet lokali;

12.  Hu tal-fehma li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni, lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

A.   PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA

1.  Tippromwovi l-informazzjoni rigward deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-adulti vulnerabbli li jkunu soġġetti għal miżuri ta' protezzjoni kif iddefiniti mill-Konvenzjoni ta' The Hague tat-13 ta' Jannar 2000 dwar il-protezzjoni internazzjonali ta' adulti, kif ukoll tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet.

2.  Timplimenta fajls dwar jew reġistri nazzjonali li jelenkaw, fuq naħa waħda, id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji rigward il-miżuri ta' protezzjoni tal-adulti vulnerabbli u, min-naħa l-oħra, fejn dawn jeżistu, il-mandati rilevanti ta' inkapaċità, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u jiġu ffaċilitati ċ-ċirkolazzjoni u l-aċċess rapidu mill-awtoritajiet u l-qrati kompetenti għall-informazzjoni relatata mas-sitwazzjoni legali tal-persuni li jkunu soġġetti għal miżuri ta' protezzjoni.

3.  Timplimenta miżuri speċifiċi u xierqa maħsuba biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, billi tibbaża fuq l-għodod imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Konvenzjoni ta' The Hague, b'mod partikolari t-twaqqif ta' awtoritajiet ċentrali li jkunu inkarigati mill-faċilitazzjoni tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mill-koordinazzjoni tat-trażmissjoni u l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-adulti li jkunu soġġetti għal miżuri ta' protezzjoni.

4.  Tiżgura li l-qsim ta' informazzjoni relatata mal-istatus ta' protezzjoni tal-adulti vulnerabbli bejn l-Istati Membri, kif ukoll l-aċċess għall-fajls u r-reġistri tal-miżuri ta' protezzjoni u tal-mandati ta' inkapaċità, isiru b'mod li jiggarantixxi skrupulożament ir-rispett għall-prinċipju ta' kunfidenzjalità u għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali tal-adulti kkonċernati.

5.  Timplimenta formoli uniċi tal-Unjoni maħsuba biex jippromwovu l-informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji relatati mal-adulti vulnerabbli, kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom. Il-Kummissjoni tista' tispira ruħha mill-mudelli ta' formoli rrakkomandati mill-Kumitat Speċjali Diplomatiku tal-Konferenza ta' The Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fl-atti tas-seduta ta' Settembru-Ottubru 1999 relatati mal-protezzjoni tal-adulti.

6.  Tirrikonoxxi lil kull persuna li tiżgura l-protezzjoni tal-persuna jew tal-beni ta' adult vulnerabbli d-dritt li tikseb mill-awtoritajiet kompetenti, u fi żmien raġonevoli, ċertifikat li jkun validu fl-Istati Membri kollha li jindika l-kwalità tagħha u s-setgħat mogħtija lilha.

7.  Tippromwovi r-rikonoxximent awtomatiku fl-Istati Membri ta’ miżuri ta' protezzjoni meħuda mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-introduzzjoni, b'eċċezzjoni u f'konformità mal-Artikoli 3 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għal garanziji legali tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku fl-Istati Membri rikjesti li jirrikonoxxu tali miżuri ta’ protezzjoni, li jippermettu lil dawk l-Istati li jiġġustifikaw in-nuqqas ta' rikonoxximent u eżekuzzjoni tal-imsemmija miżuri.

8.  Tippromwovi l-eżekuzzjoni fl-Istati Membri ta’ miżuri ta' protezzjoni meħuda mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, mingħajr ma tkun meħtieġa dikjarazzjoni li tikkonstata l-eżegwibilità ta' dawn il-miżuri.

9.  Tippromwovi l-konsultazzjoni u l-qbil bejn l-Istati Membri f’każijiet meta l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni prevista mill-awtoritajiet ta' Stat Membru jista' jkollha implikazzjonijiet loġistiċi u finanzjarji għal Stat Membru ieħor, sabiex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jiftiehmu dwar il-qsim tal-ispejjeż marbuta mal-miżura ta' protezzjoni. Il-konsultazzjoni u l-qbil għandhom iseħħu dejjem fl-interess tal-adult vulnerabbli kkonċernat u fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tiegħu jew tagħha. L-awtoritajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti miżuri alternattivi, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni finali tibqa' l-kompetenza ta' din tal-aħħar.

10.  Timplimenta formoli uniċi ta' mandat ta' inkapaċità sabiex tippromwovi l-użu ta' dawn il-mandati mill-persuni interessati, il-kunsens infurmat sew li għandu jiġi vverifikat mill-awtoritajiet rilevanti, u tiżgura ċ-ċirkolazzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' dawn il-mandati.

B.   AZZJONIJIET LI GĦANDHOM JIĠU PROPOSTI

1.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, qabel il-31 ta' Marzu 2018, fuq il-bażi tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta għal regolament intiż biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni tal-adulti vulnerabbli u l-mandati ta' inkapaċità.

(1) ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 71.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).


L-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna ***I
PDF 405kWORD 60k
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali disponibbli taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (COM(2016)0631 – C8-0392/2016 – 2016/0308(COD))(1)
P8_TA(2017)0236A8-0193/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 2
(2)  Minħabba l-isforzi ta' riforma ekonomika tal-Ukrajna, u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta' relazzjonijiet ekonomiċi eqreb mal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li jiżdiedu l-flussi tal-kummerċ li jikkonċernaw l-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli u li jingħataw konċessjonijiet fil-forma ta' miżuri kummerċjali awtonomi fi prodotti industrijali selezzjonati skont l-aċċellerazzjoni tat-tneħħija tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna.
(2)  Bil-ħsieb li jitqawwew l-isforzi ta' riforma ekonomika u politika tal-Ukrajna, u biex jiġi appoġġat u mħaffef l-iżvilupp ta' relazzjonijiet ekonomiċi eqreb mal-Unjoni, huwa xieraq u meħtieġ li jiżdiedu l-flussi tal-kummerċ li jikkonċernaw l-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli u li jingħataw konċessjonijiet fil-forma ta' miżuri kummerċjali awtonomi fi prodotti industrijali selezzjonati skont l-aċċellerazzjoni tat-tneħħija tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Ukrajna.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 3
(3)  Il-miżuri kummerċjali awtonomi jingħataw f’forma ta’ kwoti ta’ tariffa żero għall-prodotti elenkati fl-Annessi I u II, minbarra l-kwoti tar-rati tariffarji preferenzjali stabbiliti fil-Ftehim, u t-tneħħija parzjali jew sħiħa tad-dazji tal-importazzjoni fuq il-prodotti industrijali elenkati fl-Anness III;
(3)  Wara li l-Kummissjoni tippubblika l-analiżi tagħha rigward l-impatt potenzjali ta' dan ir-Regolament, li jenħtieġ li tikkunsidra lill-benefiċjarji aħħarin potenzjali tal-miżuri kummerċjali awtonomi inklużi f'dan ir-Regolament u tiffoka b'mod partikolari fuq il-produtturi ta' daqs żgħir u medju fl-Ukrajna, jenħtieġ li l-miżuri kummerċjali awtonomi jingħataw għall-prodotti li jiġu vvalutati li jkunu ta' ġid fid-dawl ta' dik l-analiżi. Jenħtieġ li dawk l-miżuri kummerċjali awtonomi jieħdu l-forma ta' kwoti ta' tariffa żero għall-prodotti elenkati fl-Annessi I u II, minbarra l-kwoti tar-rati tariffarji preferenzjali stabbiliti fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u t-tneħħija parzjali jew sħiħa tad-dazji tal-importazzjoni fuq il-prodotti industrijali elenkati fl-Anness III;
Emenda 3
Proposta għal regolament
Premessa 4
(4)  Sabiex jiġi evitat kull riskju ta' frodi, il-jedd għall-ibbenefikar mill-kwoti ta’ tariffa żero addizzjonali għandu jkun kundizzjonali għall-konformità mill-Ukrajna mar-regoli rilevanti tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom kif ukoll l-involviment f’kooperazzjoni amministrattiva fil-qrib mal-Unjoni Ewropea kif ipprovdut fil-Ftehim;
(4)  Sabiex jiġi evitat kull riskju ta' frodi, jenħtieġ li l-jedd għall-ibbenefikar mill-kwoti ta' tariffa żero addizzjonali għall-prodotti elenkati fl-Annessi I u II u t-tneħħija parzjali jew sħiħa tad-dazji tal-importazzjoni fuq il-prodotti industrijali elenkati fl-Anness III jkunu kundizzjonali fuq il-konformità min-naħa tal-Ukrajna mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha biex jinkisbu l-benefiċċji taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż mar-regoli rilevanti tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom kif ukoll l-involviment f'kooperazzjoni amministrattiva fil-qrib mal-Unjoni Ewropea kif ipprovdut f' dak il-Ftehim;
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 9
(9)  L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprevedi li r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett għall-prinċipju tal-istat tad-dritt jikkostitwixxu elementi essenzjali ta' dak il-Ftehim. Huwa xieraq li tiddaħħal il-possibbiltà li l-preferenzi jiġu temporanjament sospiżi f'każ ta' nuqqas ta' osservanza tal-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt mill-Ukrajna.
(9)  L-Artikoli 2 u 3 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprevedu li r-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett għall-prinċipju tal-istat tad-dritt, kif ukoll l-isforzi favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u l-miżuri għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u multilateraliżmu effettiv, jikkostitwixxu elementi essenzjali tar-relazzjonijiet mal-Ukrajna, li huma rregolati minn dak il-Ftehim. Huwa xieraq li tiddaħħal il-possibbiltà li l-preferenzi jiġu temporanjament sospiżi fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza min-naħa tal-Ukrajna tal-prinċipji ġenerali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, kif diġà sar fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni l-oħra li ffirmat l-Unjoni.
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 9a (ġdida)
(9a)  Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi previsti f'dan ir-Regolament.
Emenda 6
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – parti introduttorja
Il-jedd għall-ibbenefikar mill-kwoti tariffarji introdotti mill-Artikolu 1 għandu jkun soġġett għal:
Il-jedd għall-ibbenefikar mill-kwoti tariffarji u d-dazji doganali preferenzjali introdotti mill-Artikolu 1 għandhom jiġu soġġetti għal:
Emenda 7
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt a
(a)  il-konformità mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u b’mod partikolari fil-Protokoll I dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva, u fil-Protokoll II dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali;
(a)  il-konformità mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom kif previst fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u b'mod partikolari fil-Protokoll I dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti li joriġinaw" u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, u fil-Protokoll II dwar assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali; fir-rigward tal-prodotti li jiġu mmanifatturati f'territorju li ma jkunx taħt il-kontroll effettiv tal-Gvern tal-Ukrajna jew jintbagħtu minnu, il-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1, kif imsemmi fl-Artikolu 16(1)(a) tal-Protokoll I għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li għandu jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Gvern tal-Ukrajna, wara li jkun wettaq ispezzjoni tal-kontijiet tal-esportatur fil-bini tal-esportatur u kwalunkwe kontroll ieħor li jkun meqjus xieraq, bi qbil mal-Artikolu 17(5) u mal-Artikolu 33 ta' dak il-Protokoll, inkluża valutazzjoni ta' jekk hemmx ġustifikazzjoni raġonevoli biex dak li jkun jissuspetta li l-operaturi ekonomiċi li jkunu qed jibbenefikaw mill-miżuri kummerċjali awtonomi temporanji jkunu qed jagħmlu ħsara għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni jew ikunu involuti f'attivitajiet ekonomiċi illegali;
Emenda 8
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt b
(b)  l-astensjoni mill-Ukrajna milli tintroduċi dazji ġodda jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni jew milli żżid il-livelli eżistenti ta' dazji jew imposti jew milli tintroduċi kull restrizzjoni oħra mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;
(b)  l-astensjoni mill-Ukrajna milli tintroduċi dazji ġodda jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni jew milli żżid il-livelli eżistenti ta' dazji jew imposti jew milli tintroduċi kull restrizzjoni oħra, inklużi miżuri diskriminatorji amministrattivi interni , mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament;
Emenda 9
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt c
(c)  ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt previsti fl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.
(c)  ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u r-rispett tal-prinċipju tal-istat tad-dritt kif ukoll it-tkomplija u s-sosteniment tal-isforzi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-attivitajiet illegali previsti fl-Artikoli 2, 3 u 22 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.
Emenda 10
Proposta għal regolament
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt ca (ġdid)
(ca)   it-tkomplija tar-rispett għall-obbligi ta' kooperazzjoni rigward kwistjonijiet relatati mal-impjiegi, il-politika soċjali u l-opportunitajiet indaqs bi qbil mal-Kapitolu 13 tat-Titolu IV (Kummerċ u Żżvilupp Sostenibbli) u l-Kapitolu 21 tat-Titolu V (Koperazzjoni dwar l-impjiegi, il-politika soċjali u l-opportunitajiet indaqs) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, u l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 420 tiegħu.
Emenda 11
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1
Meta l-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tista' tissospendi kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali pprovduti f'dan ir-Regolament, skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2).
Meta l-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, tista' tissospendi kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali pprovduti f'dan ir-Regolament, skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2).
Emenda 12
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – paragrafu 1a (ġdid)
Meta Stat Membru jitlob li l-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti preferenzjali fuq il-bażi ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(b), il-Kummissjoni għandha tipprovdi opinjoni motivata fi żmien xahrejn minn tali talba dwar jekk l-allegazzjoni ta' nuqqas ta' konformità hijiex sostanzjata. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allegazzjoni tkun sostanzjata, hija għandha tagħti bidu għall-proċedura msemmija fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu.
Emenda 13
Proposta għal regolament
Artikolu 4 – paragrafu 1
1.  Meta prodott li joriġina fl-Ukrajna huwa importat fuq termini li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għal produttur tal-Komunità għal prodotti simili jew li jikkompetu direttament, id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq prodott simili jistgħu jerġgħu jiġu introdotti f'kull ħin mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.
1.  Meta prodott li joriġina fl-Ukrajna huwa importat fuq termini li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għal produttur fl-Unjoni ta' prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta , id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq tali prodott jistgħu jerġgħu jiġu introdotti f'kull ħin.
Emenda 14
Proposta għal regolament
Artikolu 4 – paragrafu 1a (ġdid)
1a.  Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ bir-reqqa tal-impatt ta' dan ir-Regolament fuq il-produtturi fl-Unjoni fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Annessi I u II, anke fir-rigward tal-prezzijiet fuq is-suq tal-Unjoni u waqt li titqies l-informazzjoni disponibbli rilevanti dwar il-produtturi fl-Unjoni, bħas-sehem mis-suq, il-produzzjoni, il-ħażniet, il-kapaċitajiet ta' produzzjoni u r-rati għall-użu tal-kapaċità.
Emenda 15
Proposta għal regolament
Artikolu 4 – paragrafu 2
2.  Fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni formali biex tibda investigazzjoni fi ħdan perjodu ta' żmien raġonevoli. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti bidu għal investigazzjoni, din għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-investigazzjoni. L-avviż għandu jipprovdi taqsira tal-informazzjoni riċevuta u jiddikjara li kwalunkwe informazzjoni rilevanti għandha tintbagħat lill-Kummissjoni. Għandu jispeċifika l-perjodu, li m'għandux jaqbeż l-erba' xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż, li fih il-partijiet interessati jistgħu jikkomunikaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub.
2.  Fuq talba ta' Stat Membru, kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li jaġixxu f'isem l-industrija fl-Unjoni, jiġifieri l-produtturi kollha fl-Unjoni jew proporzjon importanti minnhom ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess, jekk ikun ċar għall-Kummissjoni li teżisti biżżejjed evidenza prima facie, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni formali biex tibda investigazzjoni fi ħdan perjodu ta' żmien raġonevoli. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, "proporzjon importanti" tfisser il-produtturi fl-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali fl-Unjoni ta' prodotti simili jew prodotti f'kompetizzjoni diretta li jipproduċi dak is-sehem tal-industrija fl-Unjoni li jesprimi appoġġ jew oppożizzjoni għat-talba u mhux inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodotti simili jew il-prodotti f'kompetizzjoni diretta li tipproduċi l-industrija fl-Unjoni. Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti bidu għal investigazzjoni, din għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-investigazzjoni. L-avviż għandu jipprovdi taqsira tal-informazzjoni riċevuta u jiddikjara li kwalunkwe informazzjoni rilevanti għandha tintbagħat lill-Kummissjoni. Għandu jispeċifika l-perjodu, li m'għandux jaqbeż l-erba' xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż, li fih il-partijiet interessati jistgħu jikkomunikaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub.
Emenda 16
Proposta għal regolament
Artikolu 4 – paragrafu 6
6.  Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien tliet xhur, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5. Deċiżjoni simili għandha tidħol fis-seħħ fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tagħha.
6.  Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien tliet xhur, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5. Tali deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tagħha. Id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għandhom jerġgħu jiġu introdotti għaż-żmien li jkun hemm bżonn biex jikkontrobattu d-degrad fil-qagħda ekonomika u/jew finanzjarja tal-produtturi fl-Unjoni, jew għaż-żmien li tippersisti t-theddida ta' tali degrad. Il-perjodu tal-introduzzjoni mill-ġdid m'għandux ikun ta' aktar minn sena, sakemm ma jiġix estiż minħabba ċirkostanzi ġġustifikati kif dovut. Meta l-fatti kif jiġu finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 4(1) ma jkunux ġew sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jtemm l-investigazzjoni u l-proċedimenti bi qbil mal-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(2).
Emenda 17
Proposta għal regolament
Artikolu 5a (ġdid)
Artikolu 5a
Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi
Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv għandu jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri kummerċjali awtonomi previsti f'dan ir-Regolament u għandu jinkludi, sa fejn ikun xieraq, valutazzjoni tal-impatt soċjali ta' dawn il-miżuri fl-Ukrajna u fl-Unjoni. L-informazzjoni dwar l-użu tal-kwoti tar-rati tariffarji relatati mal-agrikoltura għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni permezz tas-siti tal-Kummissjoni fuq l-internet.
Emenda 18
Proposta għal regolament
Anness I – tabella − ringiela 4

Test propost mill-Kummissjoni

09.6752

2002

Tadam ippreparat jew ippreservat mod ieħor milli bil-ħall jew bl-aċtu aċetiku

 

5 000

Emenda

imħassar

Emenda 19
Proposta għal regolament
Anness II – tabella − ringiela 2

Test propost mill-Kummissjoni

Qamħ komuni, spelt u taħlita ta’ ċereali, dqiq, xgħir u barli mitħun oħxon, dqiq oħxon u griebeb

1001 99 00, 1101 00 15, 1101 00 90, 1102 90 90, 1103 11 90, 1103 20 60

100 000 tunnellata/sena

Emenda

imħassar

Emenda 20
Proposta għal regolament
Anness II – tabella – ringiela 3

Test propost mill-Kummissjoni

Qamħirrun, minbarra dak taż-żrigħ, dqiq, xgħir u barli mitħun oħxon, dqiq mitħun oxħon, griebeb u ħbub

1005 90 00, 1102 20, 1103 13, 1103 20 40, 1104 23

650 000 tunnellata/sena

Emenda

Qamħirrun, minbarra żerriegħa, dqiq, ċereali mitħunin b'mod oħxon, dqiq mitħun oxħon, griebeb u ħbub

1005 90 00, 1102 20, 1103 13, 1103 20 40, 1104 23

650 000 050 kilogramma/sena

Emenda 21
Proposta għal regolament
Anness III – tabella − ringiela 3

Test propost mill-Kummissjoni

3102 10 10

Urea, f’soluzzjoni tal-ilma jew le li fiha iżjed minn 45 % tal-piż tal-prodott xott anidriku nitroġenu (minbarra dik f’forma ta’ griebeb jew forom simili, jew f’pakketti ta’ toqol gross ta’ mhux iżjed minn 10 kg)

3%

Emenda

imħassar

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’subparagrafu (A8-0193/2017).


Format uniformi għall-viża ***I
PDF 335kWORD 48k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (COM(2015)0303 – C8-0164/2015 – 2015/0134(COD))
P8_TA(2017)0237A8-0028/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0303),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8‑0164/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli fis-senstal-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-3 ta' Mejju 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0028/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-1 ta’ Ġunju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża

P8_TC1-COD(2015)0134


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, r-Regolament (UE) 2017/1370.)


Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 ***
PDF 247kWORD 46k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar abbozz għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (14423/2016 – C8-0528/2016 – 2016/0204(APP))
P8_TA(2017)0238A8-0177/2017

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14423/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0528/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0177/2017),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (Riżoluzzjoni)
PDF 257kWORD 49k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022 (2017/2702(RSP))
P8_TA(2017)0239B8-0384/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018–2022 (14423/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0528/2016),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0177/2017), imressqa skont l-Artikolu 99(1) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali għall-2013-2017 (10449/2012 – C7-0169/2012 – 2011/0431(APP))(1),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2017 dwar Qafas Multiannwali għall-2018-2022 għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha biex tiggarantixxi d-drittijiet proklamati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Multiannwali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għall-2018-2022, ippreżentat lill-Parlament għall-approvazzjoni, jinkludi tmien oqsma tematiċi: il-vittmi ta' kriminalità u l-aċċess għall-ġustizzja; l-ugwaljanza u d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali jew abbażi tan-nazzjonalità; is-soċjetà tal-informazzjoni u, b'mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali; il-kooperazzjoni ġudizzjarja, ħlief fi kwistjonijiet kriminali; il-migrazzjoni, il-fruntieri, l-asil u l-integrazzjoni tar-rifuġjati u l-migranti; ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata; id-drittijiet tat-tfal; u l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-Rom b'enfasi fuq l-anti-Żingariżmu;

C.  billi l-inklużjoni tal-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-Qafas Pluriennali ma tirriflettix biss il-bżonnijiet fuq il-post, iżda tippermetti wkoll lill-Aġenzija biex tipprovdi analiżi komprensiva fuq inizjattiva proprja f'oqsma li huma rilevanti b'mod ovvju għad-drittijiet fundamentali, speċjalment fid-dawl ta' żviluppi leġiżlattivi riċenti u li għaddejjin bħalissa fil-livell tal-UE f'dan il-qasam;

D.  billi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali saru parti mil-liġi tal-Unjoni u għaldaqstant huma koperti mill-ambitu tal-kompiti tal-Aġenzija, bħall-oqsma kollha li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007;

E.  billi, anki jekk il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali ma humiex inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Qafas Pluriennali, l-Aġenzija se tkun tista' tkompli twettaq il-kompiti tagħha f'dawn l-oqsma fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007;

F.  billi l-istabbiliment tal-Qafas Pluriennali tal-Aġenzija għall-2018-2022 huwa meħtieġ sabiex tkun żgurata l-kontinwità fl-attivitajiet tagħha u billi n-nuqqas ta' Qafas Pluriennali ġdid stabbilit sal-bidu tal-2018 ser ifisser li l-Aġenzija tista' taħdem biss jekk ikun hemm talba speċifika minn istituzzjoni u mhux fuq inizjattiva tagħha stess;

1.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' qbil fil-Kunsill fir-rigward tal-inklużjoni tal-oqsma tematiċi proposti tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-Qafas Pluriennali l-ġdid;

2.  Itenni l-importanza tal-ħidma tal-Aġenzija u r-rwol ewlieni tagħha fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali madwar l-UE;

3.  Iqis li wieħed mill-aspetti fundamentali tal-ħidma tal-Aġenzija huwa li tkompli tipprovdi appoġġ relatat mar-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, u b'hekk tesiġi li l-attivitajiet tal-Aġenzija ma jġarrbux interruzzjoni;

4.  Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill u jinsisti fuq il-ħtieġa li jitjiebu l-proċeduri ta' ħidma għall-governanza u l-funzjonament tal-Aġenzija u biex jiġi ċċarat li l-kompetenzi tal-Aġenzija jinkludu wkoll kwistjonijiet ta' "dak li kien it-tielet pilastru" tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali;

5.  Jieħu nota tal-opinjonijiet diverġenti tal-Kummissjoni u l-Kunsill dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament tat-twaqqif tal-Aġenzija, u jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jilħqu ftehim mill-aktar fis possibbli;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, wara l-evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija fl-2017, tippreżenta proposta għal emendi għar-Regolament (KE) Nru 168/2007 li hija tqis neċessarji sabiex itejbu l-proċeduri għall-governanza u l-funzjonament tal-Aġenzija u biex tallinja r-Regolament mat-Trattat ta' Lisbona, kif previst fl-Artikolu 31(2) ta' dak ir-Regolament;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

(1) ĠU C 434, 23.12.2015, p. 262.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0485.


Id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea
PDF 427kWORD 65k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea (2016/2271(INI))
P8_TA(2017)0240A8-0183/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 173 (Titolu XVII) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrigwarda l-politika industrijali tal-UE u jirreferi, fost affarijiet oħra, għall-kompetittività tal-industrija tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 11 u 16 tat-TFUE,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea – Ingawdu l-benefiċċji kollha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Inizjattiva tal-Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2016)0178),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "L-istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0176),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Quantum technologies" (SWD(2016)0107),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "Advancing the Internet of Things in Europe" (SWD(2016)0110),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġital"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 bit-titolu" Politika Industrijali għall-Era Globalizzata"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2010 bit-titolu "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni – Il-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali" (COM(2010)0614),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020 – Strateġija għal Tkabbir Intelliġenti, Sostenibbli u Inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 bit-titolu "Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni" (COM(2010)0546),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2007 bit-titolu "Reviżjoni tal-politika industrijali ta' nofs it-terminu – Kontribut lejn l-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir u x-Xogħlijiet" (COM(2007)0374),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192), id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100) u l-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li ġejjin,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-11 ta' Settembru 2013 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri biex jitlesta s-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (COM(2013)0627),

–  wara li kkunsidra l-proposta tas-26 ta' Marzu 2013 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja (COM(2013)0147),

–  wara li kkunsidra l-proposta tas-7 ta' Frar 2013 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (COM(2013)0048),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2014 bit-titolu "Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew" (COM(2014)0014),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja" (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin" (COM(2010)0608),

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Il-Bini ta' Ekonomija Ewropea tad-Data" (COM(2017)0009),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar "l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobbiltà u l-Impjieg: wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "Il-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni – kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija"(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 bit-titolu "Aġenda Diġitali għall-Ewropa: 2015.eu"(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti(11),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta' Lulju 2016, bit-titolu "L-industrija 4.0 u t-trasformazzjoni diġitali: It-triq 'il quddiem",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0183/2017),

A.  billi għandhom jiġu segwiti sforzi enerġetiċi b'politiki, azzjonijiet u inċentivi konkreti biex tiġi industrijalizzata mill-ġdid l-UE u l-Istati Membri tagħha, bl-għan li jingħaqqdu l-kompetittività u s-sostenibbiltà, il-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità u l-inklużività; ifakkar fil-mira tal-UE li 20 % tal-PDG tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq l-industrija sal-2020, li trid neċessarjament tqis it-trasformazzjoni strutturali tas-settur industrijali li tirriżulta mit-tfixkil diġitali u l-emerġenza ta' mudelli ta' negozju ġodda;

B.  billi l-industrija Ewropea tirrappreżenta l-bażi tal-ekonomija u l-ġid Ewropej, u qed tiffaċċja sfidi kbar li jirriżultaw minn proċess mgħaġġel ta' globalizzazzjoni u xejriet ta' innovazzjoni;

C.  billi d-diġitalizzazzjoni tal-manifattura industrijali tgħin fiż-żieda tar-reżiljenza, l-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi, is-sostenibbiltà tal-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna, u b'hekk tittrasforma l-mudelli ta' negozju, il-manifattura, il-prodotti, il-proċessi u l-ħolqien tal-valur u jkollha impatt fundamentali fuq il-bilanċ bejn l-opportunitajiet u l-isfidi għall-industriji u l-ħaddiema Ewropej;

D.  billi l-Ewropa, fid-dawl tal-wirt industrijali tagħha, in-netwerk ta' setturi industrijali u ktajjen ta' valur tagħha, is-setgħat innovattivi tagħha, l-investiment pubbliku strateġiku fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż), id-disponibbiltà tal-investiment privat, l-amministrazzjoni effiċjenti, il-ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati u l-integrazzjoni tagħha tal-iżvilupp industrijali mal-isfidi soċjetali, u l-fatt li għandha aktar minn 30 inizjattiva nazzjonali u reġjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, għandha bażi soda li permezz tagħha tista' ssir mexxej fit-trasformazzjoni diġitali; billi hemm opportunità li tissaħħaħ l-industrija tal-UE jekk jirnexxielna nibnu katini tal-valur integrati bis-sħiħ għal prodotti industrijali u pakketti ta' prodotti u servizzi msaħħa diġitalment;

E.  billi l-5G se jittrasforma b'mod fundamentali l-ekonomiji tagħna, billi jqiegħed id-diġitalizzazzjoni fiċ-ċentru tal-iżvilupp industrijali u tas-servizzi soċjali;

F.  billi sabiex strateġija industrijali Ewropea tirnexxi, huwa essenzjali li jinħoloq suq uniku diġitali li jagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi b'mod li jkun soċjalment responsabbli;

G.  billi strateġija teknoloġikament newtrali mfassla tajjeb għad-diġitalizzazzjoni tal-manifattura industrijali, li qed torbot dejjem aktar lill-persuni, lill-magni kif ukoll lis-servizzi bejn il-fruntieri fi ħdan il-katina ta' valur dinjija kollha kemm hi, hija pass importanti għaż-żieda tar-reżiljenza, is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-ekonomija tagħna u għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda;

H.  billi d-diġitalizzazzjoni għandha tuża l-potenzjal li żżid l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-enerġija u l-kapital, u b'hekk tikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari aktar integrata, intensità materjali aktar baxxa u simbjożi industrijali akbar;

I.  billi d-diġitalizzazzjoni tista' tagħti spinta lill-industrija tat-turiżmu għall-benefiċċju tal-vjaġġaturi u l-mobilità tagħhom, billi tippermetti, fost l-oħrajn, aċċess faċli għal informazzjoni f'ħin reali u għal varjetà wiesgħa ta' servizzi;

J.  billi t-teknoloġiji tal-lingwi żviluppati sew jistgħu jgħinu lill-industrija tegħleb l-ostakli tal-lingwi li huma ostakli għall-iżvilupp tas-suq diġitali;

K.  billi d-diġitalizzazzjoni toħloq opportunitajiet ġodda fis-settur tat-trasport għal manifatturi, operaturi, investituri, ħaddiema u passiġġieri, u hija prekundizzjoni sabiex l-industrija tat-trasport tibqa' kemm kompetittiva kif ukoll operazzjonali u żżid l-effiċjenza tagħha, u biex is-servizzi tat-trasport isiru aktar sostenibbli u jtejbu l-prestazzjoni tagħhom;

L.  billi d-diġitalizzazzjoni tista' tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet tax-xogħol aktar sikuri, sikurezza akbar tal-prodott, u individwalizzazzjoni u deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni;

M.  billi teżisti disparità kbira bejn is-sessi fir-rigward tal-impjieg u t-taħriġ fis-settur tal-ICT, b'implikazzjonijiet negattivi qawwija għall-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol;

N.  billi d-diġitalizzazzjoni u l-individwalizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni se jwasslu għal tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u se jkollhom firxa ta' effetti soċjali; billi kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u deċenti u standards għoljin ta' sikurezza tal-prodotti jridu jibqgħu interess komuni;

O.  billi hemm bosta studji li jenfasizzaw li d-diġitalizzazzjoni fil-manifattura industrijali se ġġib magħha tibdil fid-domanda tas-suq tax-xogħol u fl-impjiegi fl-Ewropa; billi dan jista' jkollu impatt fuq ir-regoli eżistenti li jirregolaw id-drittijiet u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema; billi huwa ċar li hemm bżonn li dan it-tibdil jiġi indirizzat billi l-ħaddiema jiġu mħarrġa fil-ħiliet ġodda tal-ICT u billi jiżdiedu l-ħiliet diġitali tas-soċjetà kollha;

L-iżvilupp ta' Strateġija ta' Diġitalizzazzjoni Industrijali integrata (SDI) għall-UE

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea;

2.  Jemmen bil-qawwa li SDI hija ta' importanza kruċjali biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi ekonomiċi u soċjetali l-aktar urġenti tal-Ewropa, billi:

   (a) issaħħaħ id-dinamika ekonomika, il-koeżjoni soċjali u territorjali u r-reżiljenza fil-konfront tat-trasformazzjonijiet u t-tfixkil teknoloġiċi, permezz tal-modernizzazzjoni u l-interkonnessjoni tal-industriji u tal-katini tal-valur ekonomiku tal-Ewropa, u permezz ta' żieda fl-investimenti pubbliċi u privati fl-ekonomija reali u billi tagħti opportunitajiet ta' investiment fil-kuntest tal-modernizzazzjoni sostenibbli;
   (b) trawwem il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u ta' opportunitajiet ta' rilokalizzazzjoni, ittejjeb l-istandards tax-xogħol u l-attraenza tal-impjiegi fis-settur industrijali, tikkontribwixxi għall-għoti ta' aktar opportunitajiet u informazzjoni lill-konsumaturi, issegwi trasformazzjoni li tkun soċjalment ġusta u suq tax-xogħol aktar inklużiv b'mudelli ta' impjiegi u skemi tal-ħin tax-xogħol aktar diversi, u kundizzjonijiet u integrazzjoni aħjar tal-impjiegi u t-tagħlim tul il-ħajja;
   (c) tagħmel użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u tnaqqas l-intensità materjali tal-industrija tal-manifattura permezz ta' ekonomija ċirkolari Ewropea msaħħa, filwaqt li tfakkar li dan huwa kritiku għal kundizzjonijiet materjali ta' settur tat-teknoloġija avvanzata Ewropej, kif ukoll il-produzzjoni industrijali diġitizzati u l-prodotti tagħha;
   (d) issaħħaħ il-koeżjoni Ewropea permezz ta' politika Ewropea ta' investiment affidabbli u ambizzjuża (billi tagħti attenzjoni partikolari lit-tnedija ta' infrastruttura diġitali tal-ogħla livell) bl-użu ta' strumenti ta' finanzjament Ewropej differenti, fosthom il-FEIS, il-fondi reġjonali, l-Orizzont 2020 u oħrajn, kif ukoll tiżgura politika Ewropea industrijali koordinata u teknoloġikament newtrali bbażata fuq kompetizzjoni ġusta bejn atturi differenti, innovazzjoni u modernizzazzjoni sostenibbli, u innovazzjoni teknoloġika, soċjali u tal-mudell ta' negozju li ssaħħaħ is-suq uniku diġitali u l-integrazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-industrija Ewropea kollha;
   (e) tappoġġja l-għanijiet tal-politika dwar il-klima tal-Ewropa billi żżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi kif ukoll ċ-ċirkolarità tal-produzzjoni industrijali, tnaqqas l-emissjonijiet, u tagħmel is-sostenibbiltà tal-industrija kompatibbli mal-kompetittività;
   (f) issaħħaħ l-innovazzjoni ekonomika, politika u soċjali permezz tal-prinċipji tal-ftuħ u l-aċċessibbiltà tad-data u tal-informazzjoni pubblika u privata, filwaqt li dejjem tipproteġi d-data sensittiva fl-iskambji bejn in-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi u tippermetti integrazzjoni aħjar ta' setturi ekonomiċi ta' kull tip u kwalunkwe qasam politiku, inklużi l-industriji kreattivi u kulturali;
   (g) ittejjeb l-għajxien taċ-ċittadini f'żoni urbani u mhux urbani u l-għarfien tagħhom dwar l-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni u l-kapaċità tagħhom li jieħdu vantaġġ minnhom;
   (h) tistimula l-innovazzjoni teknoloġika u soċjali fir-riċerka tal-UE permezz ta' politika dwar id-diġitalizzazzjoni industrijali b'fokus u viżjoni ċari;
   (i) ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u tnaqqas l-konsum tal-enerġija permezz ta' produzzjoni industrijali diġitalizzata, aktar flessibbli u effiċjenti li ser tippermetti ġestjoni aħjar tad-domanda għall-enerġija;
   (j) tissieħeb ma' makroreġjuni oħra fid-dinja fl-iżvilupp ta' swieq diġitali miftuħa, innovattivi u ġusti;
   (k) tkun konxja tal-bżonn ta' politika fiskali Ewropea aktar ġusta u aktar effikaċi, filwaqt li tikkjarifika mistoqsijiet bħal bażi tat-taxxa f'era ta' swieq diġitali globalment konnessi u produzzjoni diġitalizzata;
   (l) tattira l-investimenti, ir-riċerkaturi u l-esperti ewlenin fid-dinja, u b'hekk tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività Ewropea;
   (m) tappoġġja mudelli ta' negozju ġodda u negozji ġodda innovattivi xprunati mid-diġitalizzazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku;

3.  Jenfasizza l-importanza li jinħoloq ambjent ta' negozju kompetittiv li jiffaċilita l-investiment privat, qafas regolatorju li jippermetti li jiġu evitati ostakli burokratiċi, akkumulazzjoni ta' infrastruttura diġitali Ewropej tal-ogħla livell, u struttura tal-UE ta' koordinazzjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija li tiffaċilita l-koordinazzjoni ta' inizjattivi nazzjonali, reġjonali, u fil-livell tal-Unjoni pjattaformi dwar id-diġitalizzazzjoni industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-kisba tal-mira ta' 20 % għas-sehem tal-industrija tal-PDG sal-2020; jenfasizza li, sabiex l-UE titħalla teżerċita tmexxija industrijali dinjija, id-diġitalizzazzjoni tal-industrija teħtieġ li tkun marbuta ma' strateġija industrijali tal-UE usa'; jissottolinja l-importanza li tiġi avvanzata d-diġitalizzazzjoni, b'mod partikolari f'dawk l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-setturi li għadhom lura u fost dawk il-persuni li huma milquta mid-distakk diġitali; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta għal Roundtable ta' livell għoli u l-Forum Ewropew tal-Partijiet Ikkonċernati; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-atturi rilevanti, u jistenna li, minbarra l-mexxejja tal-industrija u s-sħab soċjali, l-akkademja, l-SMEs, l-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni, dawk li jfasslu l-politika, l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell nazzjonali u fil-livell lokali u s-soċjetà ċivili, ser jiġu wkoll mistiedna biex ikollhom rwol attiv;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli bil-ħidma importanti tagħha li teżamina x-xejriet tal-manifattura u d-diġitalizzazzjoni, kif ukoll ix-xejriet f'dixxiplini mhux tekniċi (bħal, pereżempju, il-liġi, il-politika, l-amministrazzjoni, il-komunikazzjonijiet, eċċ), tanalizza l-iżvilupp pertinenti f'reġjuni oħra, tidentifika teknoloġiji ewlenin ġodda, u tistinka biex tiżgura li tinżamm it-tmexxija Ewropea f'dawn l-oqsma u li xejriet ġodda jiġu integrati fil-politiki u fl-azzjonijiet b'kunsiderazzjoni tal-kunċetti ta' sigurtà fid-disinn u l-privatezza fid-disinn u b'mod awtomatiku, u teżamina jekk dan ix-xogħol jistax isir permezz ta' netwerk ta' tbassir industrijali speċifiku, inklużi organizzazzjonijiet nazzjonali ta' riċerka u teknoloġija (RTOs);

5.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea - Ingawdu l-benefiċċji kolha ta' Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0180), iżda jiddispjaċih li, billi l-enfasi tagħha fuq is-settur tat-trasport huwa limitat għal sewqan konness u awtomatizzat, hija ma tindirizzax biżżejjed l-isfidi kollha eżistenti; ifakkar li, għalkemm il-vetturi konnessi u awtomatizzati jirrappreżentaw waħda mill-aktar trasformazzjonijiet diġitali eċċitanti tal-ġejjieni fis-settur, hemm potenzjal għad-diġitalizzazzjoni fil-modi kollha tat-trasport, kemm fil-proċessi operazzjonali u amministrattivi, u tul il-katina tal-valur mill-manifatturi sal-passiġġieri u l-merkanzija, kif ukoll għal koordinazzjoni mat-teknoloġiji l-ġodda kollha użati f'dan is-settur, bħal pereżempju sistemi ta' navigazzjoni globali bis-satellita Ewropea (EGNOS u Galileo), li r-riżultati tagħhom jistgħu jkunu mistennija fil-futur viċin; jitlob lill-Kummissjoni tiffoka fuq it-trasformazzjoni diġitali fil-mezzi kollha tat-trasport, inklużi servizzi relatati mat-trasport u t-turiżmu;

6.  Jirrimarka li l-proċess ta' diġitalizzazzjoni ma kienx ta' benefiċċju b'mod uniformi fis-settur tat-trasport kollu, u li dan ħoloq frammentazzjoni detrimentali fi ħdan is-suq intern kemm bejn mezzi differenti ta' trasport kif ukoll fi ħdan l-istess mezz; jissottolinja li hemm differenzi sinifikanti u dejjem akbar bejn l-Istati Membri fil-kompetittività u d-diġitalizzazzjoni tat-trasport, riflessi wkoll bejn ir-reġjuni, il-kumpaniji u l-SMEs; jemmen li l-iżvilupp ta' SDI koordinata għall-UE jista' jgħin biex jingħelbu tali frammentazzjoni u inugwaljanzi u jiġi attirat l-investiment fi proġetti diġitali; jenfasizza li l-objettiv m'għandux ikun sempliċement dokument tal-politika ieħor iżda strateġija reali li tirrifletti x-xejriet u l-potenzjal tas-suq, li l-implimentazzjoni tagħha tiġi evalwata kontinwament;

7.  Iqis li SDI se tikkontribwixxi biex jissolvew xi wħud mill-aktar sfidi urġenti fis-setturi tat-trasport u t-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tkompli tappoġġja d-diġitalizzazzjoni sabiex:

   (a) ittejjeb il-livell globali ta' sikurezza u kwalità u prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport;
   (b) ittejjeb l-aċċessibbiltà mingħajr ostakli għal kulħadd, inklużi l-anzjani u l-persuni b'mobilità mnaqqsa jew b'diżabilità, u tiżviluppa l-għarfien ta' soluzzjonijiet ta' mobilità alternattivi li jipprovdu lill-passiġġieri aktar għażla, prodotti aktar faċli għall-utent u personalizzati u aktar informazzjoni, madwar l-UE kif ukoll f'żoni urbani u f'reġjuni anqas żviluppati;
   (c) tnaqqas l-ispejjeż tat-trasport, bħall-ispejjeż ta' manutenzjoni, u ttejjeb l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-infrastruttura eżistenti tat-trasport (eż. platooning, sistemi ta' trasport intelliġenti u kooperattivi (C-ITS), is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) u s-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS));
   (d) ittejjeb il-kompetittività billi trawwem il-ħolqien ta' atturi ġodda, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, sabiex tikkontesta l-monopolju eżistenti;
   (e) tiffaċilita l-infurzar xieraq u armonizzat tal-leġiżlazzjoni tal-UE, permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' ġestjoni tat-traffiku, sistemi ta' trasport intelliġenti, takografi diġitali, sistemi elettroniċi għall-ġbir ta' taxxi għall-użu tat-toroq, eċċ, u toħloq oqfsa regolatorji adattati għal sitwazzjonijiet reali li għad jistgħu jinħolqu bl-applikazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati;
   (f) tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għal operaturi ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tat-trasport u negozji ġodda, bħal pereżempju fis-settur tat-trasport u l-loġistika, billi tissimplifika l-proċeduri amministrattivi, tipprovdi l-lokalizzar u l-ittraċċar tal-merkanzija, u tottimizza l-iskedi u l-flussi tat-traffiku;
   (g) tkompli tissalvagwardja d-drittijiet tal-passiġġieri, inkluża l-protezzjoni tad-data, anke fi vjaġġi multimodali;
   (h) tnaqqas il-problemi relatati ma' informazzjoni assimetrika fis-suq tat-trasport;
   (i) trawwem l-attraenza u l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu, li jippermetti li jiġi ġġenerat madwar 10 % tal-PDG Ewropew, u tal-industriji kreattivi f'żoni urbani, rurali u ultraperiferiċi, pereżempju permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-mobilità u servizzi turistiċi, anke lejn destinazzjonijiet inqas magħrufa;

8.  Jirrimarka li konnettività mingħajr waqfien u bi prestazzjoni għolja hija prekundizzjoni għal konnessjonijiet veloċi, sikuri u affidabbli għal kull mod ta' trasport u għal aktar diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport; jiddispjaċih dwar il-frammentazzjoni kbira tal-kopertura diġitali fi ħdan l-UE; iqis li investimenti fil-broadband u l-allokazzjoni ġusta tal-ispettru huma kruċjali għad-diġitalizzazzjoni tas-settur tat-trasport; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa li jkun hemm viżjoni transsettorjali, pereżempju bejn l-elettronika, it-telekomunikazzjoni, it-trasport u t-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenn tagħhom li jipprovdu dan it-tip ta' konnettività għal rotot u ċentri ewlenin tat-trasport mhux aktar tard mill-2025 u jagħtu bidu għal kopertura sħiħa madwar l-UE kollha;

Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal diġitalizzazzjoni industrijali ta' suċċess: infrastruttura, investiment, innovazzjoni u ħiliet

9.  Jenfasizza li SDI toffri l-opportunità li jiġu avvanzati l-innovazzjoni, l-effiċjenza u t-teknoloġiji sostenibbli li jżidu l-kompetittività u jimmodernizzaw il-bażi industrijali tal-UE, kif ukoll li jitneħħew l-ostakli għall-iżvilupp tas-suq diġitali; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni industrijali integrata trid tkun ibbażata fuq kundizzjonijiet ta' abilitazzjoni b'saħħithom li jvarjaw minn infrastruttura diġitali tal-ogħla kalibru u valida għall-futur, R&Ż u ambjent li jappoġġja l-investiment, għal qafas leġiżlattiv xieraq u aġġornat li jistimola l-innovazzjoni, suq uniku diġitali approfondit, livelli għoljin ta' ħiliet u intraprenditorija, u djalogu soċjali msaħħaħ;

10.  Jenfasizza l-bżonn li jsir avvanz fl-investiment pubbliku u privat fil-konnettività b'veloċità għolja, pereżempju permezz tal-5G, il-fibra ottika, in-navigazzjoni u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni bis-satellita, sabiex tiġi żgurata sinsla infrastrutturali diġitali robusta fiż-żoni urbani u industrijali; jenfasizza l-importanza ta' armonizzazzjoni fl-allokazzjoni tal-ispettru, maħsuba biex iżżid id-domanda għall-konnettività u ssaħħaħ il-prevedibbiltà tal-ambjent tal-investiment fin-netwerk; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita tmexxija fil-katini tal-valur industrijali diġitali u fit-teknoloġiji ewlenin, bħall-5G, it-teknoloġiji tal-kwantum, l-informatika ta' prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali, il-cloud computing, l-analitika tal-big data, l-Internet tal-Oġġetti (IoT), ir-robotika u l-awtomatizzazzjoni (inkluż is-Sewqan Awtomatizzat Ħafna) u d-Distributed Ledger Technology; f'dan ir-rigward, jappoġġja d-dokumenti ta' ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw il-komunikazzjoni tagħha;

11.  Jirrikonoxxi l-opportunitajiet u l-isfidi relatati mad-diġitalizzazzjoni tal-industrija; jinnota l-effetti pożittivi li għandha d-diġitalizzazzjoni tal-industrija billi żżid l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli li jistgħu joħolqu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, tiddiversifika l-għażliet permezz tat-telexogħol mobbli, u tippermetti lil persuni minn żoni rurali u iżolati jidħlu fis-suq tax-xogħol (sakemm ikunu mgħammra bl-infrastruttura meħtieġa), biex b'hekk trawwem it-tkabbir ekonomiku; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, li x-xejra mmexxija mid-diġitalizzazzjoni lejn flessibbiltà akbar tista' tkabbar il-periklu ta' impjieg instabbli u prekarju; jenfasizza li forom ġodda ta' xogħol ma jridux jintużaw biex dak li jkun idur mal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol eżistenti fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-konsumatur; jirrimarka li l-industriji u l-intrapriżi tradizzjonali fl-ekonomija tal-pjattaformi jrid ikollhom kundizzjonijiet indaqs;

12.  Jinnota li t-trasformazzjoni diġitali fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' ekonomiji kollaborattivi u on-demand, tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għat-tibdil tal-imġiba tal-passiġġieri u l-konsumaturi rigward il-mobilità u t-turiżmu, kif ukoll għall-ħtieġa għal adattament tal-infrastruttura; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fit-trasport, il-mobilità u t-turiżmu, b'enfasi partikolari fuq l-imġiba u l-għażliet tal-utenti ta' dawn is-servizzi, u tillibera aktar il-potenzjal ta' din l-bidla fis-soċjetà;

13.  Jinnota li d-diġitalizzazzjoni li dejjem qiegħda tikber fid-distribuzzjoni ta' biljetti tal-ivvjaġġar tfisser li aktar informazzjoni hija faċilment disponibbli għall-konsumaturi fuq l-internet, iżda dejjem b'mod li jagħmilha diffiċli biex wieħed iqabbel l-offerti; jikkunsidra għaldaqstant li huwa neċessarju li jissaħħu s-salvagwardji tat-trasparenza u n-newtralità fid-distribuzzjoni, u b'mod partikolari d-distribuzzjoni permezz tal-internet, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, ibbażati fuq informazzjoni affidabbli rigward mhux biss il-prezz iżda parametri oħra wkoll, inklużi l-kwalità tas-servizz u offerti anċillari; jemmen li tali trasparenza ser tippromwovi l-kompetizzjoni kif ukoll se tappoġġja l-iżvilupp tat-trasport multimodali;

14.  Jemmen li d-diġitalizzazzjoni għandha tipprovdi lill-konsumaturi aktar għażla, prodotti aktar favorevoli għall-utenti u personalizzati u aktar informazzjoni, b'mod partikolari dwar il-kwalità tal-prodotti jew is-servizzi;

15.  Jindika li l-impatt tal-ostakli tal-lingwi fuq l-industrija u d-diġitalizzazzjoni tagħha ma ġiex meqjus b'mod adegwat jew evalwat f'dokumenti dwar is-suq diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-lingwi li, flimkien mad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, inaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq Ewropew;

16.   Jenfasizza li appoġġ speċjali għal multilingwiżmu "analogu" fl-Ewropa huwa ta' benefiċċju kemm f'termini ta' diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea kif ukoll ta' tagħlim ta' ħiliet diġitali komprensivi; jenfasizza, għalhekk, li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-riċerka bażika dwar softwer ta' traduzzjoni u ta' tagħlim statistiku, intelliġenti u permezz tal-magni;

17.  Jissottolinja li jeħtieġ li r-reġjuni jiffukaw fuq il-punti ta' saħħa produttivi tagħhom u jrawmu l-iżvilupp tagħhom permezz ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, Katini Intelliġenti u raggruppamenti; Jemmen li r-raggruppamenti u s-sinerġiji bejn l-SMEs, l-atturi industrijali u soċjali, is-settur tal-artiġjanat, in-negozji ġodda, l-akkademja, iċ-ċentri ta' riċerka, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, is-settur tal-industrija kreattiva, il-partijiet ikkonċernati mill-qasam finanzjarju u minn oqsma oħra, jistgħu jkunu mudelli ta' suċċess fl-iżvilupp tal-manifattura u l-innovazzjoni diġitali; iħeġġeġ ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-koeżjoni strutturali fl-UE; jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' aċċellerazzjoni u ta' kapital ta' riskju biex jgħinu t-tkabbir tan-negozji ġodda; jinnota l-importanza li tintuża d-diġitalizzazzjoni fl-avvanz tal-innovazzjonijiet fil-qasam tal-mudell ta' negozju, bħal sistemi ta' "pay-per-output" u l-personalizzazzjoni fuq skala kbira;

18.  Jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-problemi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs f'ċirkustanzi fejn il-qligħ relattiv minn sforzi ta' diġitalizzazzjoni, f'termini ta' enerġija, effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u effiċjenza tal-produzzjoni, ikun l-ogħla; huwa favur it-tisħiħ tal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-ilħuq tagħhom permezz ta' programmi ta' diġitalizzazzjoni, l-iżvilupp ta' ċentri ta' xjenzi applikati b'enfasi fuq id-diġitalizzazzjoni, u l-kofinanzjament għar-R&Ż interni tal-SMEs; iqis li għandha tingħata attenzjoni lis-sjieda tad-data u l-aċċess tad-data, u lill-iżvilupp ta' programm Ewropew għall-apprendistat diġitali;

19.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti għall-Modernizzazzjoni Industrijali u b'mod partikolari, il-proposta tal-Kummissjoni inkluża fil-Pjan ta' Azzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija, biex jinħoloq netwerk ta' Ċentri ta' Kompetenza (CC) u ta' Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali (DIH) biex jissaħħu d-diġitalizzazzjoni industrijali u l-innovazzjoni diġitali għall-SMEs; jinnota li s-settur tal-artiġjanat m'għandux jiġi injorat f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod partikolari tmexxi 'l quddiem l-istabbiliment tad-DIH u taċ-ċentri ta' kompetenza diġitali f'reġjuni Ewropej anqas diġitalizzati; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar finanzjament għal DIH permezz ta' diversi riżorsi Ewropej (l-Orizzont 2020, il-Fondi Strutturali, eċċ.), biex tappoġġja l-isforzi u l-istrateġiji tal-Istati Membri mmirati lejn l-iżvilupp ta' netwerk tad-DIH nazzjonali, u biex tikkunsidra li tesperimenta b'approċċ "sandbox" fejn esperimenti transettorjali f'ambjent ikkontrollat ma jiġux imblukkati minn regolamentazzjoni permanenti; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni transnazzjonali fost id-DIH tagħhom; jemmen li d-DIH innominati għandhom jispeċjalizzaw fl-innovazzjonijiet diġitali industrijali li jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-isfidi soċjetali tal-Ewropa; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-finanzjament tal-Orizzont 2020 għad-DIH jista' jiġi kkombinat ma' finanzjament minn dak il-programm għall-isfidi soċjetali; jinnota l-għażla tal-vawċers tal-innovazzjoni fl-ICT għall-SMEs rigward l-aċċess għal konsulenza, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-ħila esperta tad-DIH;

20.  Jinnota r-rwol importanti tal-bliet u tal-gvernijiet lokali fl-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda u fil-forniment ta' infrastruttura diġitali u appoġġ għall-SMEs u għal atturi industrijali oħrajn, kif ukoll l-opportunitajiet enormi li l-innovazzjoni industrijali diġitali toffri lil bliet, pereżempju permezz ta' manifattura lokali bi skart żero, integrazzjoni aktar mill-qrib bejn il-produzzjoni industrijali u l-loġistika u t-trasport lokali u urbani, fuq il-produzzjoni tal-enerġija, il-konsum, il-manifattura u l-istampar 3D; iqis li l-bliet għandhom ukoll ikunu jistgħu jaċċessaw id-DIH; jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-aħjar prattiki lokali, nazzjonali u internazzjonali u trawwem l-iskambju tagħhom; jilqa' l-pubblikazzjoni ta' Indiċi Ewropew għall-Bliet Diġitali u inizjattivi li jippromwovu l-interoperabbiltà tad-data u tas-sistemi fost il-bliet Ewropej; jinnota li l-inizjattiva tal-Bliet Intelliġenti għandha rwol f'dan il-kuntest; jenfasizza l-esperjenza pożittiva ta' fora konsultattivi reġjonali;

21.  Jenfasizza r-rwol li l-akkwist pubbliku u r-rekwiżiti legali għar-reġistrazzjoni tan-negozji u r-rapportar dwar l-attività kummerċjali jew żvelar jista' jkollhom fl-avvanz ta' innovazzjonijiet diġitali industrijali ġodda; jitlob lill-Kummissjoni tqis kif l-akkwist pubbliku jista' jintuża bħala mekkaniżmu li jiġbed l-innovazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi kontroll diġitali tal-Programm REFIT tagħha, sabiex tiżgura li r-regolamenti jkunu aġġornati għall-kuntest diġitali, u tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet pubbliċi dwar l-użu ta' kriterji tal-innovazzjoni fl-offerti pubbliċi; jirrakkomanda l-aċċellerazzjoni tal-adattament tal-ambjent legali u teknoloġiku, bħat-tranżizzjoni IPv6, għall-ħtiġijiet għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u għat-tnedija tal-Internet tal-Oġġetti;

22.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żblukkat biżżejjed finanzjament pubbliku u privat għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija, b'użu aħjar tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS); jemmen li dan irid jissaħħaħ b'mod sinifikanti u l-investimenti pubbliċi fl-infrastruttura diġitali għandhom jiżdiedu; jenfasizza ċ-ċentralità tal-finanzjament mill-pjattaformi privati u kollaborattivi, jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi Roundtable ta' Finanzjament għad-Diġitalizzazzjoni Industrijali, li ser teżamina l-kwistjoni u toħroġ bi proposti innovattivi ta' finanzjament; jiddispjaċih li r-riżorsi allokati għall-politiki diġitali fil-baġit tal-UE huma skarsi wisq biex ikollhom impatt reali; jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-ekonomija Ewropea tingħata spinta permezz ta' investimenti produttivi: iqis li d-disponibbiltà ta' strumenti finanzjarji Ewropej eżistenti, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-Orizzont 2020 għandhom jiżguraw li dan l-objettiv jintlaħaq; jemmen li l-kombinament ta' dawn il-fondi għandu jkun koerenti mar-riżorsi nazzjonali u r-Regolamenti dwar l-Għajnuna mill-Istat; jirrikonoxxi r-rwol li għandhom is-sħubiji pubbliċi-privati u l-impriżi konġunti;

23.  Jistieden lill-Istati Membri, sabiex jappoġġjaw diġitalizzazzjoni industrijali effiċjenti, jipprovdu inċentivi fiskali għan-negozji u għall-intrapriżi li jwettqu sistemi tal-produzzjoni diġitali u intelliġenti;

L-iżgurar tat-tmexxija Ewropea fit-teknoloġija u s-sigurtà fid-diġitalizzazzjoni industrijali: fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet (M&A), ċibersigurtà, flussi tad-data, standardizzazzjoni

24.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa urġenti li jissaħħu r-R&D; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi ta' R&Ż interni kif ukoll esterni u trawwem netwerks ta' innovazzjoni u kooperazzjoni bejn negozji ġodda, parteċipanti korporattivi stabbiliti, SMEs, universitajiet, eċċ. f'ekosistema diġitali; jitlob lill-Kummissjoni teżamina kif jista' jiġi massimizzat it-trasferiment lejn is-suq ta' riżultati ta' riċerka tal-Orizzont 2020 u kif dawn jistgħu jiġu sfruttati minn kumpaniji Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-proporzjon tal-proġetti ta' riċerka tal-Orizzont 2020 li jiġġeneraw privattivi u IPRs u biex tirrapporta dwar dan;

25.  Jenfasizza l-importanza tas-salvagwardja tat-teknoloġiji u tal-għarfien Ewropej sensittivi li jiffurmaw il-bażi tas-saħħa industrijali tal-futur u tar-reżiljenza ekonomika; jenfasizza r-riskji potenzjali fir-rigward tal-istat strateġiku u tal-investiment dirett barrani (IDB) immexxi mill-politika industrijali, b'mod partikolari minn intrapriżi tal-istat permezz tal-M&A; jenfasizza l-fatt, rigward l-IDB, li xi investituri esterni kienu dejjem aktar interessati li jakkwistaw teknoloġiji sensittivi Ewropej permezz ta' M&A; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tanalizza l-esperjenza tas-CFIUS (Committee on Foreign Investment in the United States); jissottolinja li l-aċċess ugwali għas-suq għall-investiment għandu jkun infurzat permezz tal-istabbiliment ta' regoli globali;

26.  Jenfasizza li l-iżviluppi fir-rigward tal-awtomatizzazzjoni, ir-robotika u l-applikazzjoni ta' intelliġenza artifiċjali fil-produzzjoni, kif ukoll l-integrazzjoni profonda tal-komponenti tekniċi ta' oriġini differenti qed iqajmu mistoqsijiet ġodda fir-rigward tar-responsabbiltà għall-prodotti u l-faċilitajiet tal-produzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara malajr kemm jista' jkun ir-regoli dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà għal sistemi li jaġixxu b'mod awtonomu, inklużi l-kundizzjonijiet għall-ittestjar;

27.  Jirrikonoxxi li l-aċċessibbiltà u l-konnettività għandhom ukoll effetti potenzjali fuq il-vulnerabbiltà fir-rigward tal-attakki ċibernetiċi, is-sabotaġġ, il-manipulazzjoni tad-data jew l-ispjunaġġ industrijali, u jissottolinja f'dan il-kuntest l-importanza ta' approċċ komuni Ewropew dwar iċ-ċibersigurtà; jirrikonoxxi l-bżonn li jiżdied l-għarfien dwar it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà; iqis li r-reżiljenza ċibernetika hija responsabbiltà kruċjali għall-mexxejja tan-negozji u għal dawk li jfasslu l-politika industrijali u dwar is-sigurtà fuq livell nazzjonali u Ewropew; jemmen li l-produtturi huma responsabbli għall-iżgurar tal-istandards tas-sikurezza u taċ-ċibersigurtà bħala parametri ewlenin ta' disinn fl-innovazzjonijiet diġitali kollha skont it-teknoloġija tal-ogħla livell disponibbli u l-prinċipji ta' "sigurtà fid-disinn" u "sigurtà awtomatika", iżda li taħt ċerti kundizzjonijiet u kriterji jista' jkun hemm devjazzjoni minn din ir-responsabbiltà tal-produttur; jinnota li r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-IoT u għall-istandards tas-sigurtà tal-IT, pereżempju fuq il-bażi tal-arkitettura ta' referenza RAMI4.0 u ICS, ikunu jsaħħu r-reżiljenza ċibernetika Ewropea; jemmen li l-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandhom rwol speċjali f'dan il-kuntest u m'għandhomx jitwarrbu; jitlob lill-Kummissjoni teżamina mudelli differenti għall-avvanz taċ-ċibersigurtà għall-IoT; jitlob lill-istituzzjonijiet pubbliċi, madankollu, biex jagħmlu r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà obbligatorji għall-akkwist pubbliku fir-rigward tat-tagħmir tal-IT u tal-prodotti tal-IoT; iqis li l-kontrolli taċ-ċibersigurtà u l-pariri offruti lill-SMEs dwar il-prodotti industrijali diġitalizzati tagħhom huma ta' importanza kbira; jemmen li l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri tal-UE tista' tiffaċilita r-reżiljenza ċibernetika Ewropea f'dak ir-rigward;

28.  Jemmen li għandu jkun hemm kriterji komuni għal infrastruttura kritika u s-sigurtà diġitali tagħha, u li d-Direttiva tal-UE dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni (id-Direttiva NIS) hija l-ewwel pass lejn il-kisba ta' livell komuni għoli ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi ta' informazzjoni fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti għal traspożizzjoni konsistenti u f'waqtha tagħha mill-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol li għandhom il-korpi regolatorji msemmija fid-Direttiva NIS biex jistabbilixxu l-fiduċja f'teknoloġiji futuri; jinnota li mekkaniżmi ta' monitoraġġ għat-theddida ċibernetika u l-"horizon scanning" għandhom jiġu rikonoxxuti bħala importanti għas-sigurtà tal-industriji diġitali tal-UE, b'enfasi speċjali fuq il-protezzjoni tal-SMEs u tal-konsumaturi;

29.  Jenfasizza li jenħtieġ li tingħata attenzjoni speċifika lil mistoqsijiet dwar il-ġbir u l-aċċess għal data u informazzjoni industrijali jew relatati mal-produzzjoni; jissottolinja li f'dan ir-rigward għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq il-prinċipji tas-sovranità tad-data, tal-aċċess miftuħ u standardizzat u tad-disponibbiltà tad-data, fuq it-tisħiħ tal-innovazzjoni u l-produttività, servizzi u mudelli kummerċjali ġodda, l-abbiltà tal-verifika tas-sigurtà filwaqt li tkun permessa l-kompetizzjoni ġusta; jenfasizza li forom ġodda ta' regolamentazzjoni dwar s-sjieda tad-data u l-aċċess għad-data jridu jiġu indirizzati bir-reqqa u jistgħu jiġu introdotti biss wara li ssir konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha; jemmen li kemm l-innovazzjoni kif ukoll it-tħassib dwar il-privatezza tal-ħaddiema u l-konsumaturi għandhom jiġu protetti u salvagwardjati skont ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data; jenfasizza, barra minn hekk, li l-iżvelar u l-aċċess għall-informazzjoni għall-interess pubbliku u għal finijiet xjentifiċi għandhom jiġu promossi; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal ekonomija tad-data f'dan ir-rigward sabiex jiġi promoss suq tad-data Ewropew komuni; iqis li, fid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar ir-reġim tad-data, għandhom jiġu ssottolinjati żewġ aspetti essenzjali bl-għan li jitrawwem l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi għall-identifikazzjoni affidabbli u l-iskambju tad-data, jiġifieri, minn naħa, regoli kuntrattwali predefiniti u, min-naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta' verifika dwar prattiki żleali f'relazzjonijiet kuntrattwali B2B;

30.  Jenfasizza li l-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing, flimkien mal-proposta leġiżlattiva favur il-fluss liberu tad-data, li għandhom l-għan li jneħħu r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati dwar il-lokalizzazzjoni tad-data, għandhom il-potenzjal li jinċentivaw ulterjorment il-proċess ta' diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea, b'mod speċjali l-SMEs u n-negozji ġodda u li jevitaw il-frammentazzjoni fis-suq uniku tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-adozzjoni u l-implimentazzjoni koerenti tal-Inizjattiva Ewropea dwar il-Cloud Computing sabiex il-fluss u l-użu tad-data jkunu ġusti, rapidi, affidabbli u mingħajr xkiel; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn li ħadet fil-komunikazzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar il-fluss liberu tad-data fi ħdan l-UE, sabiex jitneħħew jew jiġu evitati rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni mhux ġustifikati fil-leġiżlazzjoni jew fir-regolamentazzjoni nazzjonali;

31.  Jemmen bis-sħiħ li, speċjalment fis-settur tat-trasport, id-data miftuħa, il-"big data" u d-data analitika jibqgħu elementi essenzjali biex naħsdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku Diġitali u t-trawwim tal-innovazzjoni; jiddispjaċih li l-inizjattivi li jiffaċilitaw il-fluss ta' data għadhom frammentati; jenfasizza li hija meħtieġa aktar ċertezza tad-dritt, speċjalment rigward is-sjieda u r-responsabbiltà, fuq bażi ta' rispett sħiħ tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

32.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tal-industrija għall-iskop tal-irkupru ta' data settorjali u ta' governanza minn awtoritajiet pubbliċi u semipubbliċi u l-parteċipanti tas-suq;

33.  Jissottolinja r-rwol tal-integrazzjoni tal-ftuħ tal-arkitettura bħala prinċipju ta' disinn tal-komponenti diġitali;

34.  Jirrikonoxxi l-importanza li jiġi protett l-għarfien espert tekniku rigward l-iskambju u l-interkonnessjoni ta' komponenti industrijali diġitali, filwaqt li fl-istess ħin tiġi permessa u żviluppata aktar l-interoperabbiltà u l-konnettività minn tarf għal ieħor;

35.  Jenfasizza li t-tmexxija Ewropea fid-diġitalizzazzjoni industrijali tirrikjedi strateġija ta' standardizzazzjoni b'saħħitha, li għandha tiġi kkoordinata mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, inkluża l-interoperabbiltà fil-qasam diġitali; jenfasizza l-istruttura importanti u unika tal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, bl-approċċ inklużiv u bbażat fuq il-kunsens tagħhom li jintegra l-partijiet ikkonċernati soċjetali u, b'mod partikolari, l-SMEs, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iżvilupp ta' standards miftuħa, u jilqa' l-intenzjoni tagħha li tiggarantixxi aċċess għal privattivi standard essenzjali, u l-liċenzjar effiċjenti tagħhom, skont il-kundizzjonijiet FRAND (ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji) u jirrikonoxxi li dan huwa essenzjali għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u r-R&Ż fl-UE; jemmen li l-ekonomija ċirkolari tista' tkun xprun ewlieni għal standardizzazzjoni koerenti tal-flussi tal-komunikazzjoni tul il-katini tal-valur industrijali; jitlob li jkun hemm approċċ ikkoordinat fl-UE kollha permezz ta' organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (CEN, CENELEC u ETSI) fir-rigward tal-fora u l-konsorzji internazzjonali; jemmen li huwa mixtieq li l-għan ikunu standards globali u universali, imma jissottolinja wkoll ir-rieda li nipproċedu bi standards Ewropej fil-każ li l-kooperazzjoni internazzjonali fil-fora tal-istandardizzazzjoni tkun miexja b'mod mhux kostruttiv; iqis li l-interoperabbiltà hija neċessarja b'mod partikolari fil-qasam tal-IOT biex jiġi żgurat li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda jtejjeb l-opportunitajiet għall-konsumaturi, li m'għandhomx ikunu intrappolati ma' ftit fornituri speċifiċi biss;

36.  Jenfasizza li l-ostakli kummerċjali fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni jfixklu l-attività internazzjonali tal-industrija Ewropea u jagħmlu ħsara lill-kompetittività Ewropea; jemmen li l-ftehimiet kummerċjali ġusti bejn l-UE u pajjiżi terzi jistgħu jikkontribwixxu bil-kbir għal regoli internazzjonali komuni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, il-flussi tad-data, l-użu tad-data u l-istandardizzazzjoni;

Id-dimensjoni soċjali: ħiliet, edukazzjoni u innovazzjoni soċjali

37.  Jemmen li għandhom jitwettqu sforzi kbar fir-rigward tal-edukazzjoni, it-tassazzjoni u s-sistemi tas-sigurtà soċjali sabiex l-effetti trasformattivi jiġu integrati fil-mudelli soċjali u ekonomiċi Ewropew tagħna; jenfasizza li t-trasformazzjoni diġitali tal-industrija qed ikollha impatt soċjetali kbir li jvarja minn impjiegi, kundizzjonijiet tax-xogħol, drittijiet tal-ħaddiema għall-edukazzjoni u ħiliet, saħħa elettronika, ambjent u żvilupp sostenibbli; jenfasizza l-ħtieġa li titqies is-sigurtà fi ħdan din il-bidla; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa u tindirizza b'mod adegwat l-effetti soċjali tad-diġitalizzazzjoni industrijali u, kif xieraq, tipproponi aktar miżuri biex jingħalaq id-distakk diġitali u tippromwovi soċjetà diġitali inklużiva filwaqt li ssaħħaħ il-kompetittività Ewropea;

38.  Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddefiniet il-kunċett ta' "ħaddiem" abbażi ta' relazzjoni tax-xogħol karatterizzata minn ċerti kriterji bħas-subordinazzjoni, ir-remunerazzjoni u n-natura tax-xogħol(12); jappella għal ċertezza tad-dritt dwar x'jikkostitwixxi "impjieg" fis-suq tax-xogħol diġitali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-liġijiet soċjali u tax-xogħol; jistqarr li l-ħaddiema kollha fl-ekonomija tal-pjattaformi jew huma impjegati jew jaħdmu għal rashom, abbażi tal-preminenza tal-fatti, u għandhom jiġu klassifikati skont dan, irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali;

39.  Jenfasizza li l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma l-pedament tal-koeżjoni soċjali f'soċjetà diġitali; jenfasizza li l-Ewropa qed tiffaċċja distakk diġitali f'dan ir-rigward; jappella għall-implimentazzjoni ta' garanzija tal-ħiliet, wara konsultazzjoni u bil-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali, u jistieden lill-Istati Membri jsibu modi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini ta' taħriġ(mill-ġdid), taħriġ professjonali u tagħlim tul il-ħajja sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn ekonomija intelliġenti; jenfasizza l-importanza tal-iżgurar tal-promozzjoni u tar-rikonoxximent ta' ħiliet diġitali u x-xejra ġdida lejn "ħiliet varji miksuba"; jemmen li l-impjegaturi għandhom jużaw il-Fond Soċjali Ewropew għal dan it-taħriġ u sabiex jippromwovu sett ta' għodod diġitali għat-titjib tal-ħiliet f'kollaborazzjoni mal-industrija u s-sħab soċjali; jilqa' l-iżvilupp ta' materjal ta' tagħlim u kurrikuli speċifiċi għas-setturi; jitlob lill-KE teżamina għażliet għall-istabbiliment ta' sistema ta' ċertifikazzjoni għal programmi ta' edukazzjoni kontinwa għall-ħiliet diġitali;

40.  Jissottolinja li l-ħiliet diġitali jridu jiġu integrati fil-kurrikuli edukattivi nazzjonali; jinnota li eżempji ta' inizjattivi appoġġjati mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA), bħax-Xahar Ewropew għaċ-Ċibersigurtà u l-Isfida Ewropea għaċ-Ċibersigurtà, għandhom jiġu żviluppati aktar fit-twettiq ta' dan l-għan; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ speċjalizzat għall-għalliema għall-ħiliet diġitali u li l-ħiliet diġitali għandhom jiġu mgħallma lit-tfal kollha; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-iskejjel kollha jkunu mgħammra bil-Wi-fi u b'materjal tal-IT aġġornat; jinnota li l-ikkowdjar ukoll għandu rwol importanti; jitlob skambju tal-aħjar prattika bejn l-Istati Membri sabiex jitgħallmu minn prattiki stabbiliti bħall-programm Fit4Coding, inizjattivi tal-akkademja diġitali, programmi ta' tagħlim elettroniku, jew skejjel tal-ikkowdjar bħal Webforce3; jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-integrazzjoni tal-ittestjar tal-ħiliet diġitali fl-istudji tal-IGCU/Pisa biex tippermetti l-kompetizzjoni u l-paragun bejn l-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, ifasslu programmi ta' studju interdixxiplinari li għandhom l-għan li jintegraw bosta kompetenzi, bħall-IT mal-ġestjoni tan-negozju jew l-inġinerija u x-xjenzi tad-data; jenfasizza li l-Istati Membri kollha għandhom jiżviluppaw strateġiji nazzjonali komprensivi bil-miri dwar il-ħiliet diġitali, kif ġew mistiedna jagħmlu mill-Kummissjoni; jenfasizza r-rwol importanti li s-sħab soċjali u partijiet kkonċernati oħra jista' jkollhom fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji; jinnota li sa issa huma biss nofs l-Istati Membri tal-UE li ħolqu koalizzjonijiet nazzjonali għal impjiegi diġitali; jenfasizza li linja baġitarja speċifika li tappoġġja l-attivitajiet tal-Koalizzjoni għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali tkun qed issaħħaħ it-tixrid ta' informazzjoni u aktar attivitajiet;

41.  Jenfasizza l-importanza li jsir investiment fid-diġitalizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali u s-settur tal-artiġjanat; jenfasizza li jeħtieġ ukoll li l-ħiliet diġitali jiġu kkombinati ma' ħiliet tal-inġinerija u l-promozzjoni tal-edukazzjoni fl-oqsma tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (suġġetti STEM) kif ukoll il-promozzjoni ta' ħiliet personali bħall-komunikazzjoni, il-koordinazzjoni ta' tim, u l-ħsieb transsettorjali;

42.  Jitlob li l-perspettiva tas-sessi tiġi inkorporata fl-inizjattivi diġitali kollha, biex jiġi żgurat li t-trasformazzjoni diġitali li għaddejja wkoll issir mutur għall-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata d-disparità bejn is-sessi severa fis-settur tal-ICT, peress li dan huwa essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fit-tul tal-Ewropa;

43.  Jinnota l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni fir-rigward tal-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali u ta' servizzi pubbliċi oħra, kif ukoll tal-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u ta' persuni b'mobbiltà limitata fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza tat-telexogħol f'dan ir-rigward;

44.  Jirrimarka li, kif muri permezz tal-inizjattiva Ewropea, id-diġitalizzazzjoni ta' xogħlijiet Ewropej tirrappreżenta opportunità sinifikanti biex jittejbu l-aċċessibbiltà, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tagħhom u li l-innovazzjoni diġitali tista' tipprovdi impetu għal rivoluzzjoni fil-mod li oġġetti kulturali jiġu esibiti u kif isir aċċess għalihom; jenfasizza l-importanza li jiġu promossi b'mod partikolari l-użu ta' teknoloġiji 3D għall-ġbir tad-data u r-rikostruzzjoni ta' beni u wirt kulturali meqruda; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit finanzjament għad-diġitalizzazzjoni, il-konservazzjoni u d-disponibbiltà online tal-wirt kulturali Ewropew;

45.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-siti storiċi u kulturali ta' spiss mhumiex aċċessibbli għal dawk b'diżabilità u jenfasizza l-opportunitajiet li pjattaforma kulturali diġitali aktar b'saħħitha toffri għat-titjib fl-impenn u biex l-esperjenzi kulturali, is-siti u l-artefatti madwar l-Ewropa jsiru aktar aċċessibbli irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom;

46.  Iħeġġeġ ir-riċerka dwar it-teknoloġiji ta' assistenza u l-iżvilupp tagħhom, li jistgħu jintużaw u jsiru prodotti industrijali ġodda għall-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità;

47.  Jiffavorixxi l-istabbiliment ta' skambju regolari tal-aħjar prattiki, rieżami tal-progress biannwali u rakkomandazzjonijiet dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0009.
(2) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 131.
(3) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(4) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 41.
(5) ĠU C 482, 23.12.2016, p. 89.
(6) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 19.
(7) ĠU C 93, 9.3.2016, p. 120.
(8) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p.22.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0486.
(10) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 45.
(11) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 24.
(12) Ara l-QtĠ-UE C-596/12, paragrafu 17, u QtĠ-UE C-232/09, paragrafu 39.


Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid - id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna
PDF 258kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar stqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna (2017/2586(RSP))
P8_TA(2017)0241B8-0390/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim milħuq mill-Kunsill Affarijiet Barranin (Żvilupp), il-Kummissjoni Ewropea, u l-Parlament dwar Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna(1),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ta' Diċembru 2005(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 bit-titolu "Transforming our World: The 2030 Agenda for Sustainable Development" ("Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli"), adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-25 ta' Settembru 2015 fi New York,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppubblikata f'Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Proposta għal Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp – Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna" (COM(2016)0740),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(3) u dik tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp tal-2005 b'tali mod li jirrifletti l-kuntest il-ġdid tal-iżvilupp globali wara l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), kif ukoll il-bidliet fl-istruttura ġuridika u istituzzjonali tal-UE minn mindu ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid bħala dokument strateġiku ewlieni li jistabbilixxi viżjoni, valuri u prinċipji komuni, għall-UE u l-Istati Membri tagħha rigward l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-politiki ta' kooperazzjoni tagħhom għall-iżvilupp;

3.  Jilqa' r-rikonoxximent ċar mill-Kunsens il-ġdid li l-objettiv primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp huwa t-tnaqqis u, fit-terminu twil, il-qerda tal-faqar skont l-Artikolu 208 tat-TFUE; itenni li dan jenħtieġ li jsir f'konformità sħiħa mal-prinċipji ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp effikaċi: is-sjieda tal-prijoritajiet għall-iżvilupp minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-enfasi fuq ir-riżultati, is-sħubiji inklużivi, u t-trasparenza u r-responsabbiltà;

4.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' responsabbiltà għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-SDGs u l-objettivi ta' 0,7 % tal-ODA/GNI (Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp/Dħul Nazzjonali Gross); jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippreżentaw skeda ta' żmien dwar kif dawn l-għanijiet u l-objettivi għandhom jintlaħqu gradwalment, u biex il-progress jiġi rrappurtat fuq bażi annwali lill-Parlament;

5.  Jappoġġja l-istqarrija konġunta mill-Parlament, mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, u l-Kummissjoni dwar il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid – id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

(1) Ara d-dokument tal-Kunsill 9459/2017.
(2) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0437.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0026.


Ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE
PDF 295kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE (2017/2594(RSP))
P8_TA(2017)0242B8-0381/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 208, 210 u 214 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS), ippubblikata f'Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "L-approċċ tal-UE għar-reżiljenza: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel", (COM(2012)0586) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tad-19 ta' Ġunju 2013 bl-isem "Pjan ta' azzjoni għar-reżiljenza fil-pajjiżi suxxettibbli għall-kriżijiet 2013-2020", (SWD(2013)0227),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza ,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/70/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015 "Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli",

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni 1/CP.21 tal-Konferenza tal-Partijiet li tirrigwarda d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030 adottat mit-Tielet Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri, li saret bejn l-14 u t-18 ta' Marzu 2015 f'Sendai, fil-Ġappun,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar "Pjan ta' Azzjoni dwar il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030: Approċċ għad-diżastri bbażat fuq ir-riskji għall-politiki kollha tal-UE" (SWD(2016)0205),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-23 ta' Awwissu 2016 dwar l-Eżitu tas-Summit Umanitarju Dinji (A/71/353),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2016 bit-titolu "Lejn Ħajja b'Dinjità: minn dipendenza fuq l-għajnuna għal ħajja indipendenti: l-Ispustar bil-forza u l-Iżvilupp", (COM(2016)0234),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-approċċ tal-UE għar-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw: nitgħallmu mill-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel(1), tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja(2), u tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(3),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ir-reżiljenza bħala prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE (O-000033/2017 – B8-0313/2017),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), 1,6 biljun persuna jgħixu f'56 pajjiż identifikati bħala pajjiżi fraġli(4); billi s-sitwazzjonijiet ta' fraġilità fil-biċċa l-kbira huma kkawżati mill-bniedem; billi s-sitwazzjonijiet ta' fraġilità jżidu l-vulnerabbiltà tal-popolazzjonijiet minħabba diversi fatturi, fosthom il-kunflitt u n-nuqqas ta' sigurtà, in-nuqqas ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ispostament furzat, il-faqar estrem, l-inugwaljanza, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, ix-xokkijiet ekonomiċi, il-governanza ħażina u l-istituzzjonijiet dgħajfa, il-korruzzjoni u l-impunità, u d-diżastri naturali aggravati mill-impatt tat-tibdil fil-klima; billi t-trawwim tar-reżiljenza huwa partikolarment importanti f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, li l-OECD tiddefinixxi fuq ħames dimensjonijiet differenti iżda marbuta ma' xulxin, li huma d-dimensjoni politika, ekonomika, ambjentali, tas-sigurtà u soċjetali;

B.  billi l-kunċett tar-reżiljenza ntuża fil-politiki tal-UE u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn għal għadd ta' snin u donnu li qed jitwessa'; billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2013 dwar ir-reżiljenza jiddefinixxuha bħala "l-kapaċità ta' individwu, unità domestika, komunità, pajjiż jew reġjun li jippreparaw, jifilħu u jadattaw għall-istress u għax-xokkijiet u li jirpiljaw malajr minnhom, mingħajr ma jiġu kompromessi l-prospettivi tal-iżvilupp fit-tul";

C.  billi l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea (EUGS) tidentifika r-reżiljenza tal-Istati u s-Soċjetajiet fil-Lvant u n-Nofsinhar tagħna bħala waħda mill-ħames prijoritajiet għall-azzjoni esterna tal-UE, u tiddefinixxi r-reżiljenza bħala l-kapaċità tal-istati u tas-soċjetajiet li jirriformaw, biex b'hekk ikunu jifilħu għall-kriżijiet interni u esterni u jirpiljaw minnhom; billi l-EUGS tafferma li soċjetà reżiljenti kkaratterizzata mid-demokrazija, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u l-iżvilupp sostenibbli tinsab fil-qalba ta' stat reżiljenti;

D.  billi l-EUGS tgħid ukoll li l-UE se tadotta approċċ integrat għall-politiki umanitarji, tal-iżvilupp, tal-migrazzjoni, tal-kummerċ, tal-investiment, tal-infrastruttura, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tar-riċerka tagħha, u fost l-oħrajn se timpenja ruħha favur politiki mfassla apposta biex tappoġġa governanza inklużiva u responsabbli, tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, taħdem favur approċċi bi sjieda lokali bbażati fuq id-drittijiet għar-riforma fl-oqsma tal-ġustizzja, is-sigurtà u d-difiża, tappoġġa l-Istati fraġli, tiġġieled kontra l-faqar u l-inugwaljanza u tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, tapprofondixxi r-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili, tippromwovi l-politiki għar-riforma fis-setturi tal-enerġija u tal-ambjent u tappoġġa risposti sostenibbli għall-produzzjoni tal-ikel u l-użu tal-ilma;

E.  billi fl-azzjoni esterna tal-UE jenħtieġ approċċ multidimensjonali għar-reżiljenza, u billi dan jista' jitrawwem permezz ta' żieda, f'konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-għajnuna għall-iżvilupp u, fejn ikun xieraq, l-għajnuna umanitarja, flimkien ma' politiki relatati mal-ambjent, b'enfasi ċara fuq it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà u r-riskju ta' diżastri, bħala mezz kruċjali biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet umanitarji; billi l-politika barranija tal-UE għandha wkoll rwol ċentrali fil-promozzjoni tar-reżiljenza, b'mod partikolari billi tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u d-djalogu politiku filwaqt li trawwem sistemi ta' twissija bikrija u taħdem għall-prevenzjoni ta' xokkijiet ekonomiċi u soċjali bħalma huma l-ġuħ, iż-żieda fl-inugwaljanzi, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-kunflitti vjolenti, u għar-riżoluzzjoni fil-każ ta' kunflitti;

F.  billi l-UE jenħtieġ li tippromwovi approċċ integrat għall-azzjoni esterna tagħha, filwaqt li fl-istess ħin issaħħaħ il-kontribut tagħha favur l-iżvilupp sostenibbli u tirrikonoxxi l-mandat u l-objettivi ta' kull politika, kif rikonoxxut fit-Trattati; billi dan huwa partikolarment importanti f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u fir-rigward tal-azzjoni umanitarja tal-UE, li ma tistax titqies bħala għodda ta' ġestjoni tal-kriżijiet u jeħtieġ tiġi ggwidata għalkollox mill-prinċipji tal-għajnuna umanitarja, kif rifless fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja, u timmira lejn risposta koerenti, effikaċi u ta' kwalità; billi l-UE jenħtieġ li tkompli tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-dritt umanitarju internazzjonali mill-partijiet kollha ta' kunflitt;

G.  billi l-azzjoni umanitarja jenħtieġ li ssegwi ġabra ta' standards u prinċipji rikonoxxuti f'livell internazzjonali kif huma miġbura fil-"Kodiċi ta' Kondotta tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar Internazzjonali u tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi ta' Sokkors f'każ ta' Diżastri" u inkorporati b'mod wiesa' fil-"Karta Umanitarja";

H.  billi t-trawwim tar-reżiljenza jenħtieġ jinftiehem bħala sforz fit-tul inkorporat fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, li l-uniku mod li se jkun sostenibbli huwa jekk ikun reżistenti għax-xokkijiet, l-istress u l-bidla; billi, bħala parti mill-politika estera tal-UE u l-programmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-promozzjoni tar-reżiljenza jeħtieġ tkun speċifika għall-kuntest u tfittex li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istrateġiji nazzjonali tar-reżiljenza tal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, li min-naħa tagħhom għandhom obbligu ta' rendikont lejn il-popolazzjonijiet tagħhom;

I.  billi l-komprensjoni tar-riskju, it-tisħiħ tal-governanza tar-riskju u l-investiment f'sistemi ta' twissija bikrija u ta' risposta bikrija, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, f'konformità mal-prijoritajiet tal-Qafas ta' Sendai, huma essenzjali fil-kisba tar-reżiljenza u għaldaqstant essenzjali għat-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

J.  billi fil-qalba tal-approċċ tal-UE għar-reżiljenza jenħtieġ li tibqa' ssir enfasi fuq in-nies, fosthom, kull fejn possibbli, permezz ta' ħidma mal-entitajiet u ta' bini tal-kapaċitajiet biex din l-enfasi tiġi appoġġata fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u billi jiġi rikonoxxut u sostnut ir-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet lokali;

K.  billi kemm id-diżastri naturali kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem jolqtu lin-nisa, lill-bniet, lis-subien u lill-irġiel b'mod differenti, b'tali mod li l-inugwaljanzi bbażati fuq il-ġeneru jaggravaw l-impatt tal-istress u x-xokkijiet u jimpedixxu l-iżvilupp sostenibbli;

L.  billi n-nisa u l-bniet huma dawk li jsofru l-aktar fil-kriżijiet u l-kunflitti; billi n-nisa u l-bniet huma esposti b'mod sproporzjonat għar-riskju, b'aktar telf tal-mezzi tal-għajxien, tas-sigurtà, u saħansitra tal-ħajjiet, waqt u wara d-diżastri; billi n-nisa u l-bniet iħabbtu wiċċhom ma' riskji aktar akuti minħabba l-ispostament u l-kollass tal-istrutturi normali ta' protezzjoni u appoġġ; billi f'kuntesti relatati mal-kriżijiet, il-probabbiltà ta' stupru, sfruttament sesswali u mġiba riskjuża jżid ħafna l-probabbiltà ta' każijiet ta' tqala mhux mixtieqa, infezzjonijiet trażmessi sesswalment u kumplikazzjonijiet tas-saħħa riproduttiva;

M.  billi l-emanċipazzjoni tan-nisa hija kruċjali għat-trawwim tar-reżiljenza; billi biex il-programmi jkunu effikaċi, komprensivi u sostenibbli, jenħtiġilhom jibnu u jsaħħu r-reżiljenza u jridu jinvolvu lin-nisa, filwaqt li jindirizzaw kompetenzi u mekkaniżmi ta' sopravivenza speċifiċi;

N.  billi l-familja tirrappreżenta istituzzjoni ewlenija għat-twettiq ta' funzjonijiet essenzjali ta' produzzjoni, konsum, riproduzzjoni u akkumulazzjoni assoċjati mat-tisħiħ tal-pożizzjoni soċjali u ekonomika tal-individwi u tas-soċjetajiet; billi l-familji u l-membri tagħhom jibnu sistemi ta' appoġġ ta' ndukrar u l-imġiba reżiljenti tagħhom tista' tiġi riflessa fiż-żamma ta' żvilupp normali tal-ottimiżmu, l-intraprendenza u d-determinazzjoni minkejja d-diffikultajiet; billi dawn l-elementi pożittivi u r-riżorsi jippermettu lill-individwi jikkonfrontaw b'suċċess il-kriżijiet u l-isfidi;

O.  billi l-approċċ għar-reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE jenħtieġ li jagħti attenzjoni speċjali lill-partijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni, inklużi l-ifqar persuni, il-minoranzi, il-popolazzjonijiet spustati bil-forza, in-nisa, it-tfal, il-migranti, il-persuni bl-HIV, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani;

1.  Jilqa' r-rikonoxximent tal-importanza li tiġi promossa r-reżiljenza fl-Istrateġija Globali tal-UE, billi din issir prijorità strateġika tal-azzjoni esterna tal-UE; jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribut pożittiv li ż-żieda fl-attenzjoni politika, diplomatika u ta' sigurtà lejn il-promozzjoni tar-reżiljenza jista' jkollha fil-pajjiżi sħab, iżda jenfasizza li r-reżiljenza ma tistax tillimita ruħha għal dawn id-dimensjonijiet;

2.  Itenni l-bżonn li l-Istati Membri tal-UE jirrispettaw l-impenji tagħhom fl-ambitu tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u jsaħħu r-reżiljenza permezz tal-proċessi ta' strateġija u ta' ppjanar tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja; jissottolinja l-importanza fir-rigward tal-qafas ta' analiżi tas-sistemi ta' reżiljenza tal-OECD li jgħin biex l-istrateġiji jissarrfu fi pjanijiet ta' programmazzjoni trasversali u multidimensjonali aktar effikaċi;

3.  Iqis li l-approċċ attwali tal-UE għar-reżiljenza, inklużi l-impenji biex ikunu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-kriżijiet u tal-vulnerabbiltà, kif stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2013, jibqa' fundamentalment validu u jenħtieġ li jitkompla, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa li l-lezzjonijiet misluta mill-implimentazzjoni ta' din il-politika jiġu riflessi fil-komunikazzjoni konġunta l-ġdida; jistaqsi b'liema mod il-komunikazzjoni se tqis l-elementi mill-evalwazzjonijiet, billi evalwazzjoni importanti hija biss ippjanata li ssir fl-2018; jemmen li l-Pjan ta' Azzjoni 2013-2020 għar-Reżiljenza jenħtieġ li jiġi implimentat bis-sħiħ;

4.  Jenfasizza n-natura multidimensjonali (umana, ekonomika, ambjentali, politika, tas-sigurtà u soċjetali) tar-reżiljenza, u jilqa' pożittivament il-fatt li dan il-kunċett qiegħed isir wieħed importanti fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE, fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u fl-assistenza umanitarja; jenfasizza li l-mandat u l-objettivi distinti ta' kull politika jridu jiġu rispettati, filwaqt li tiġi promossa wkoll koerenza akbar bejn il-politiki fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli; ifakkar fl-importanza li jkun garantit il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'kull azzjoni esterna tal-UE billi jiġi żgurat li l-politiki tal-UE ma jimminawx l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw intiżi li jilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

5.  Jenfasizza b'mod partikolari l-pożizzjoni speċjali tal-assistenza umanitarja, peress li din għandha tkun immexxija biss mill-ħtiġijiet u implimentata bl-akbar rispett lejn il-prinċipji umanitarji fundamentali tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem minquxa fil-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u fil-protokolli addizzjonali tagħhom; jenfasizza li r-rispett tal-prinċipji umanitarji huwa essenzjali biex jinkiseb aċċess għall-popolazzjonijiet fil-bżonn u għall-protezzjoni ta' atturi umanitarji;

6.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-għoti ta' għajnuna umanitarja mill-UE u mill-Istati Membri ma jenħtieġx ikun suġġett għal restrizzjonijiet imposti minn donaturi sħab oħra rigward kura medika neċessarja, inkluż l-aċċess għal abort sikur għal nisa u bniet li jkunu sfaw vittmi ta' stupru f'kunflitti armati, iżda minflok jenħtieġikun konformi mad-dritt umanitarju internazzjonali;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-bini tar-reżiljenza fil-pajjiżi sħab jikkostitwixxi proċess fit-tul u li għalhekk għandu bżonn li jkun integrat fi programmi ta' żvilupp li jinkludu s-segmenti l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni u fl-impenji finanzjarji; jenfasizza li l-komunikazzjoni konġunta l-ġdida jenħtieġ li tirrikonoxxi dan u li tappoġġa l-promozzjoni tar-reżiljenza bħala element essenzjali tal-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi sħab, partikolarment fi Stati fraġli; josserva li dawn l-istrateġiji għandhom ikunu speċifiċi għall-kuntest u konformi mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp, maqbula f'livell internazzjonali: is-sjieda tal-prijoritajiet ta' żvilupp min-naħa tal-pajjiżi sħab li jirċievu l-appoġġ (inkluż l-allinjament mal-istrateġiji nazzjonali ta' żvilupp), l-enfasi fuq ir-riżultati, is-sħubijiet inklużivi u t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti ta' monitoraġġ u ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali u tas-soċjetà ċivili;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra r-reżiljenza u n-natura multidimensjonali tagħha bħala element ċentrali fid-djalogu politiku tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

9.  Jenfasizza l-importanza kumplessiva li l-programmazzjoni konġunta tal-azzjonijiet tal-UE mmirati għar-reżiljenza fl-assistenza umanitarja u fl-għajnuna għall-iżvilupp għall-iżgurar ta' komplementarjetà massima u inqas frammentazzjoni tal-għajnuna, u biex ikun żgurat li interventi f'terminu qasir ikunu l-pedamenti għal dawk f'terminu medju u twil;

10.  Jisħaq fuq l-importanza li tingħata assistenza teknika lill-pajjiżi l-inqas żviluppati u lill-Istati fraġli, b'mod partikolari fl-ambiti tal-ġestjoni sostenibbli tal-art, tal-konservazzjoni tal-ekosistemi u tal-provvista ta' ilma, billi dawn huma temi fundamentali għall-finijiet tal-ilħuq tal-benefiċċji kemm għall-ambjent kif ukoll għall-popolazzjonijiet li jiddependu minnu;

11.  Ifakkar li l-foqra huma dawk li x'aktarx għadhom iħossu l-konsegwenzi sinifikanti tad-diżastri f'termini ta' introjtu u ta' benesseri; jinsisti fuq il-fatt li l-objettiv primarju u ġenerali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE hu għaldaqstant il-qerda tal-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli biex ikun żgurat lil kulħadd id-dinjità u ħajja dinjituża;

12.  Jenfasizza l-importanza tat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri fil-bini tar-reżiljenza; jistieden lill-UE tiżgura li l-promozzjoni tagħha ta' reżiljenza fil-komunikazzjoni konġunta l-ġdida tiġi allinjata mal-impenji u mal-objettivi stabbiliti fil-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri u li qegħdin jiġu implimentati permezz tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Sendai tal-Kummissjoni Ewropea intiż li jippromwovi approċċ informat tar-riskji ta' diżastri għall-politiki kollha tal-UE, u li jkun hemm biżżejjed riżorsi ddedikati għal din il-prijorità; jenfasizza li l-ġestjoni tar-riskju hija fundamentali biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli u jappella għall-iżvilupp ta' strateġiji inklużivi lokali u nazzjonali għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri u l-iżvilupp ta' approċċ għall-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri li jinkludi lis-soċjetà kollha u l-kategoriji kollha ta' riskju, bil-għan li tonqos il-vulnerabbiltà u titjieb ir-reżiljenza; jappella biex jissaħħu r-rabtiet bejn it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-politiki u l-inizjattivi urbani;

13.  Jappella sabiex ir-reżiljenza tal-komunità u dik personali u l-konċentrazzjoni fuq gruppi vulnerabbli – inklużi l-ifqar fis-soċjetà, il-minoranzi, il-familji, in-nisa, it-tfal, il-migranti, il-persuni bl-HIV, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani – jibqgħu ċentrali għall-promozzjoni tar-reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE; jenfasizza r-rwol ċentrali li jiżvolġu s-soċjetà ċivili u l-komunitajiet lokali fil-bini tar-reżiljenza; jissottolinja wkoll l-importanza tal-ġbir u t-tixrid ta' data diżaggregrata biex tinftiehem u tkun indirizzata s-sitwazzjoni tal-gruppi vulnerabbli;

14.  Josserva li bini effikaċi tar-reżiljenza jrid jirrikonoxxi l-importanza tal-familji u jsostni l-kapaċità ta' assorbiment tagħhom tal-kriżijiet;

15.  Jappella għal programmazzjoni favur il-kwistjonijiet tal-ġeneru li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa u tittratta t-tħassib tan-nisa billi tiżviluppa r-reżiljenza tagħhom għad-diżastri u għat-tibdil fil-klima, u li tħares id-drittijiet tan-nisa, inklużi d-drittijiet ta' proprjetà u s-sigurtà tad-dritt għaż-żamma ta' art, anki fir-rigward tal-ilma, il-foresti, l-alloġġi u beni oħrajn;

16.  Jappella għal sforzi ulterjuri biex jiżdied l-aċċess tan-nisa u tal-bniet għall-edukazzjoni tas-saħħa u tas-saħħa sesswali, għall-ippjanar tal-familja, għall-kuri li jsiru qabel ma jwelldu u għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, partikolarment biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' twettiq tal-Għan ta' Żvilupp tal-Millennju (MDG) nru 5, dwar is-saħħa materna, inkluż it-tnaqqis tal-mortalità tat-trabi u tat-tfal u l-evitar tan-numru ta' każijiet ta' twelid b'riskju għoli;

17.  Jissottolinja l-importanza tal-aċċess għall-kura tas-saħħa u għas-servizzi, bħall-ilma, is-sanità u l-iġjene, f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, kif ukoll għall-ippjanar tas-saħħa fit-tul tal-komunità;

18.  Jinnota l-isfida partikolari li jirrappreżenta l-ispostament furzat u mtawwal għal ħafna pajjiżi fraġli u milquta minn kunflitti u l-ġirien tagħhom; jissottolinja li l-protezzjoni tal-persuni spostati trid tkun garantita b'mod inkundizzjonat u li l-bini tar-reżiljenza u tal-awtosuffiċjenza tal-popolazzjonijiet milquta u tal-komunitajiet li jilqgħuhom hu ta' importanza enormi, kif spjegat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ħajja b'Dinjità"; ifakkar fl-importanza tal-awtosuffiċjenza għat-trawwim tad-dinjità u tar-reżiljenza;

19.  Jenfasizza l-bżonn li jkunu estiżi l-Konvenzjoni dwar ir-Rifuġjati u l-Konvenzjoni ta' Kampala biex ikunu protetti u assistiti l-persuni spostati tad-dinja kollha, kif ukoll il-persuni milquta minn forom oħra ta' vjolenza, bħat-traffikar tal-bnedmin u l-vjolenza sessista, peress li jista' jkollhom biża' fondat li jkunu ppersegwitati u jkunu f'riskju li jġarrbu preġudizzju gravi;

20.  Jirrikonoxxi r-reżiljenza tal-Istat bħala dimensjoni importanti tar-reżiljenza u jenfasizza li r-reżiljenza u l-istabilità tal-pajjiżi tiġi direttament mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, u l-obbligu ta' rendikont liċ-ċittadini tal-pajjiż, iżda, qabel kollox, mill-involviment taċ-ċittadini, fuq bażi individwali jew f'għaqdiet, fl-identifikazzjoni tas-soluzzjonijiet possibbli – objettivi li, ilkoll kemm huma, iridu jiġu promossi u mħarsa fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE; jisħaq fuq l-importanza li tingħata spinta lis-servizzi pubbliċi, bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-ilma u s-sanità, bil-għan li r-reżiljenza tissaħħaħ;

21.  Jenfasizza li l-kunċett ta' reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE jenħtieġ li jżomm ambitu ġeografiku dinji; jinnota li t-trawwim tar-reżiljenza jenħtieġ li jkun objettiv tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab u li ma jkunx limitat għal żoni ġeografiċi li jiffaċċjaw kriżijiet tas-sigurtà b'impatt immedjat fuq l-UE; jissottolinja l-fatt li l-promozzjoni tar-reżiljenza jenħtieġ li, fi kwalunkwe każ, tagħti prijorità u attenzjoni partikolari lill-pajjiżi l-inqas żviluppati, lill-Istati fraġli u lill-pajjiżi suġġetti għal kriżijiet rikorrenti u staġjonali, filwaqt li tindirizza l-kawżi sottostanti tal-kriżijiet, primarjament permezz ta' sostenn favur l-attivitajiet ta' prevenzjoni u preparazzjoni;

22.  Jenfasizza l-importanza ta' sistemi ta' twissija bikrija u ta' kapaċitajiet ta' risposta bikrija bħala mekkaniżmu biex jippromwovi r-reżiljenza, u jistieden lill-UE żżid l-isforzi tagħha f'dan il-qasam, partikolarment billi tippromwovi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi differenti fuq il-post, b'mod partikolari fid-delegazzjonijiet tal-UE, u l-iżvilupp ta' analiżijiet konġunti f'kuntesti fraġli kif ukoll skambji fi ħdan reġjuni partikolarment esposti għal diżastri naturali li jħabbtu wiċċhom ma' riskji analogi, li tkun tippermetti fehim aħjar u rispons aktar koordinat bejn il-politiki u bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri;

23.  Jitlob li jkun hemm riżorsi suffiċjenti ddedikati għall-promozzjoni tar-reżiljenza, u dan kif jixraq mal-post li din tokkupa bħala waħda mill-prijoritajiet strateġiċi tal-UE; ikun jilqa' b'sodisfazzjon riflessjoni strateġika in vista tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss dwar il-mod kif l-UE tista' tuża b'mod aktar effiċjenti l-istrumenti ta' finanzjament esterni eżistenti u l-mekkaniżmi innovattivi, filwaqt li tkompli tallinjahom mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp maqbula f'livell internazzjonali, biex ir-reżiljenza tkun integrata sistematikament fl-istrateġiji u fil-programmi ta' żvilupp u assistenza; jenfasizza li l-azzjonijiet jistgħu jiġu ffinanzjati minn strumenti differenti li jaħdmu b'mod komplementari u jenfasizza li r-riżorsi minn strumenti ta' kooperazzjoni tal-iżvilupp jeħtiġilhom iżommu t-tnaqqis tal-faqar bħala l-għan ċentrali tagħhom;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi msaħħa u żviluppata l-edukazzjoni fil-kuntest tad-diżastri u tal-kriżijiet u li jitjiebu t-tixrid, il-kumpilazzjoni u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni u għarfien li għandhom jgħinu biex tinbena r-reżiljenza tal-komunità u jippromwovu bidliet fl-imġiba u kultura ta' stat ta' preparazzjoni għad-diżastri;

25.  Jinkoraġġixxi ż-żieda fil-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat dwar it-tema tar-reżiljenza; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Rwol Aktar b'Saħħtu tas-Settur Privat fil-Kisba ta' Tkabbir Inklużiv u Sostenibbli fil-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw"; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita ulterjorment l-involviment tas-settur privat billi toħloq inċentivi u l-ambjent adatt għall-entitajiet privati sabiex dawn jinvolvu ruħhom fil-bini tar-reżiljenza u jnaqqsu r-riskji fil-pajjiżi sħab;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1) ĠU C 468, 15.12.2016, p. 120.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0459.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0026.
(4) OECD (2016), ''States of Fragility 2016: Understanding violence'' (Stati ta' Fraġilità: Nifhmu l-vjolenza), pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi


Il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu
PDF 262kWORD 51k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu (2017/2692(RSP))
P8_TA(2017)0243B8-0383/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari l-preambolu tat-tieni inċiż, ir-raba' sas-seba' inċiż, u l-Artikolu 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tat-7 ta' Diċembru 2000,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni fl-2015 tal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2106 (2016) tal-Kunsill tal-Ewropa tal-20 ta' April 2016 dwar l-impenn imġedded fil-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Ewwel Seminar Akkademiku Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Kummissjoni, li sar fi Brussell fl-1 u t-2 ta' Ottubru 2015, bit-titolu ''Tolerance and respect: preventing and combating anti-Semitic and anti-Muslim hatred in Europe'',

–  wara li kkunsidra l-ħatra f'Diċembru 2015 ta' Koordinatur tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu,

–  wara li kkunsidra l-fatt li f'Ġunju 2016 ġie stabbilit Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors illegali ta' mibegħda onlajn miftiehem fil-31 ta' Mejju 2016 bejn il-Kummissjoni u kumpaniji ewlenin tal-IT, kif ukoll ma' pjattaformi u kumpaniji tal-midja soċjali oħrajn,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015(3),

–  wara li kkunsidra l-attakki vjolenti u terroristiċi mmirati kontra membri tal-komunità Lhudija li seħħew f'dawn l-aħħar snin f'diversi Stati Membri,

–  wara li kkunsidra r-responsabbiltà primarja tal-gvernijiet għas-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha tagħhom, u għalhekk ir-responsabbiltà primarja tagħhom għall-monitoraġġ, il-prevenzjoni tal-vjolenza, inkluża l-vjolenza anti-Semitika, u li jieħdu passi legali kontra l-awturi tar-reati;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-numru ta' inċidenti anti-Semitiċi fl-Istati Membri tal-UE żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, kif irrappurtat mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), fost korpi oħrajn;

B.  billi ġie rrappurtat li miżuri tas-sigurtà mmirati, ladarba fis-seħħ, għenu għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-għadd ta' attakki vjolenti anti-Semitiċi;

C.  billi l-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu hija r-responsabilità tas-soċjetà kollha kemm hi;

1.  Jenfasizza li d-diskors ta' mibegħda u kull tip ta' vjolenza kontra ċittadini Lhud Ewropej huma inkompatibbli mal-valuri tal-Unjoni Ewropea;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jadottaw u japplikaw id-definizzjoni operattiva ta' anti-Semitiżmu użata mill-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu (IHRA)(4) sabiex jappoġġaw lill-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw u jħarrku l-attakki anti-Semitiċi b'mod aktar effiċjenti u effettiv, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jsegwu l-eżempju tar-Renju Unit u tal-Awstrija f'dan ir-rigward;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jikkontribwixxu b'mod attiv biex jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini Lhud tagħhom u tal-postijiet reliġjużi, edukattivi u kulturali tal-Lhud, f'konsultazzjoni u djalogu mill-qrib mal-komunitajiet tal-Lhud, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-anti-diskriminazzjoni;

4.  Jilqa' l-ħatra ta' Koordinatur tal-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi l-għodod kollha u l-appoġġ meħtieġa biex din il-funzjoni tkun kemm jista' jkun effettiva;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jaħtru koordinaturi nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu;

6.  Iħeġġeġ lill-membri tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u lill-mexxejja politiċi jikkundannaw sistematikament u pubblikament id-dikjarazzjonijiet anti-Semitiċi u jinvolvu ruħhom f'diskors li jikkontrobatti dan u f'narrattivi alternattivi, u jwaqqfu gruppi parlamentari mill-partiti kollha kontra l-anti-semitiżmu sabiex tissaħħaħ il-ġlieda fl-ispettru politiku kollu;

7.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' mibegħda u intolleranza, u jappella għal aktar appoġġ finanzjarju;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-midja tippromwovi r-rispett għal kull twemmin u apprezzament tad-diversità, kif ukoll taħriġ għal ġurnalisti dwar il-forom kollha ta' anti-Semitiżmu, sabiex jiġi indirizzat kwalunkwe preġudizzju possibbli;

9.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri fejn s'issa għad ma kienx hemm invokazzjoni ta' motivi bbażati fuq ir-razza, l-oriġini nazzjonali jew etnika jew reliġjon jew twemmin bħala li jikkostitwixxu fattur aggravanti f'każ ta' reat kriminali, biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni malajr kemm jista' jkun, u biex jaġixxu sabiex ikollhom id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali implimentata u infurzata bis-sħiħ u kif suppost, sabiex jiġi żgurat li l-atti anti-semitiċi kemm fl-ambjent onlajn kif ukoll offlajn jiġu mħarrka mill-awtoritajiet tal-Istati Membri;

10.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-awtoritajiet ta' infurzar jiġu pprovduti b'taħriġ immirat dwar il-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni, u dwar il-ħtieġa li jitwaqqfu unitajiet dedikati kontra r-reati ta' mibegħda fejn tali unitajiet ma jkunux għadhom jeżistu diġà, u jistieden lill-aġenziji tal-UE u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali jassistu lill-Istati Membri fil-provvista ta' taħriġ bħal dan;

11.  Iħeġġeġ kooperazzjoni transkonfinali fil-livelli kollha fil-prosekuzzjoni ta' reati ta' mibegħda, u fuq kollox fil-prosekuzzjoni ta' atti kriminali serji bħal attivitajiet terroristiċi;

12.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li titwaqqaf sistema komprensiva u u effiċjenti għall-ġbir sistematiku ta' data affidabbli, rilevanti u komparabbli dwar ir-reati ta' mibegħda, imqassma skont il-motivazzjoni u li tinkludi atti ta' terroriżmu;

13.  Jistieden lill-Istati Membri, f'dak li għandu x'jaqsam mal-Kodiċi ta' Kondotta miftiehem bejn il-Kummissjoni u kumpaniji ewlenin tal-IT, iħeġġu intermedjarji onlajn u pjattaformi tal-midja soċjali biex jieħdu azzjoni rapida għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda anti-Semitika onlajn;

14.  Jenfasizza li l-iskejjel joffru opportunità unika biex jiġu trażmessi l-valuri tat-tolleranza u r-rispett, peress li jilħqu lit-tfal kollha minn età bikrija;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu t-tagħlim dwar l-Olokawstu (tax-Shoah) fl-iskejjel u jiżguraw li l-għalliema huma mħarrġa b'mod adegwat għal dan il-kompitu u mgħammra biex jindirizzaw id-diversità fil-klassi; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jikkunsidraw ir-reviżjoni tal-kotba tal-iskola biex jiżguraw li l-istorja Lhudija u l-ħajja kontemporanja Lhudija huma ppreżentati b'mod komprensiv u bilanċjat u li l-forom kollha ta' anti-Semitiżmu jiġu evitati;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju għal attivitajiet u proġetti edukattivi immirati, biex jibnu u jsaħħu s-sħubijiet ma' komunitajiet u istituzzjonijiet Lhud, u jħeġġu l-iskambji bejn tfal u żgħażagħ ta' twemmin differenti permezz ta' attivitajiet konġunti, filwaqt li jniedu u jappoġġaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni f'dan ir-rigward;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib ma' atturi internazzjonali bħall-UNESCO, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll ma' sħab internazzjonali oħra, sabiex jiġu miġġielda l-anti-Semitiżmu fil-livell internazzjonali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob status konsultattiv fi ħdan l-IHRA;

19.  Jinkoraġġixxi lil kull Stat Membru jikkommemora uffiċjalment il-Jum Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu fis-27 ta' Jannar;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.
(2) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0485.
(4) http://ec.europa.eu/newsroom/just/item-detail.cfm?item_id=50144


Konferenza ta’ Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani)
PDF 265kWORD 47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani) (2017/2653(RSP))
P8_TA(2017)0244B8-0382/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd(1) u l-objettivi tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU li jmiss b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani), li se titlaqqa' fil-kwartieri ġenerali tan-NU mill-5 sad-9 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-raba' konferenza ta' livell għoli "Our Ocean", li se tiġi organizzata mill-Unjoni Ewropea f'Malta fil-5 u s-6 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza Ministerjali dwar is-Sajd fil-Mediterran li saret f'Malta fit-30 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-governanza internazzjonali tal-oċeani: aġenda għall-futur tal-oċeani tagħna" (JOIN(2016)0049),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar il-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU b'Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-SDG 14 (Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani) (O-000031/2017 – B8-0311/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-oċeani u l-ibħra huma essenzjali għall-ħajja, il-benessri u l-futur tagħna; billi d-deterjorament rapidu attwali tas-saħħa tal-oċeani – minħabba t-tisħin u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani, l-ibbliċjar tal-koralli, iż-żieda fil-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut, u ż-żieda fl-ammont ta' żibel fil-baħar – qed iwissina li wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni sabiex nimmobilizzaw it-tmexxija neċessarja biex inħarsu l-oċeani tagħna;

B.  billi l-Kummissarju Vella appella għal azzjoni u impenn ulterjuri min-naħa tal-UE biex jitħarsu l-ibħra u l-oċeani tagħna;

C.  billi t-theddidiet għall-ekosistemi u l-postijiet għas-sajd ikkawżati mill-attivitajiet marbuta mat-Tkabbir Blu, bħall-estrazzjoni minn qiegħ il-baħar, l-ipprospettar taż-żejt u l-enerġija mill-marea u mill-mewġ, flimkien mar-riskji li jinvolvu dawn l-attivitajiet, huma inċerti, imorru lil hinn minn kull fruntiera u jaffettwaw iż-żoni ta' sajd tradizzjonali;

D.  billi l-aċċess għas-swieq u r-riżorsi min-naħa ta' sajjieda li jaħdmu fuq skala żgħira u sajjieda artiġjanali huwa prijorità tal-Aġenda tan-NU 2030; billi s-sajjieda jenħtieġ ikollhom leħen fil-fażijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet kollha tal-politiki dwar is-sajd;

E.  billi s-sajd artiġjanali jirrappreżenta aktar minn 90 % tal-ħaddiema fil-qasam tas-sajd, li madwar nofshom huma nisa, u bejn wieħed u ieħor 50 % tal-qabdiet ta' ħut globali; billi, kif iddikjarat fil-Linji Gwida Volontarji tal-FAO għall-Iżgurar tas-Sostenibilità tas-Sajd fuq Skala Żgħira fil-Kuntest tas-Sigurtà Alimentari u l-Qerda tal-Faqar, is-sajd artiġjanali huwa sors prezzjuż ta' proteina mill-annimali għal biljuni ta' persuni fid-dinja kollha u spiss jagħti sostenn lill-ekonomiji lokali fil-komunitajiet kostali;

1.  Jilqa' l-inizjattiva meħuda biex titlaqqa' l-Konferenza ta' Livell Għoli tan-NU bil-għan li ssir enfasi fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fuq livell globali sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tal-attivitajiet tal-bniedem fuq l-oċeani;

2.  Jinnota li minkejja l-impenn tad-dinja li tnaqqas is-sajd eċċessiv sal-2015, impenn li ttieħed fl-2002 waqt is-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Johannesburg, 31,4 % tal-istokkijiet tal-ħut tad-dinja għadhom qed jiġu soġġetti għal sajd eċċessiv; ifakkar li s-sajd eċċessiv jikkostitwixxi theddida serja, mhux biss għall-ekosistemi tal-baħar kollha kemm huma, iżda wkoll għas-sigurtà alimentari u s-sostenibilità ekonomika u soċjali tal-komunitajiet kostali fid-dinja kollha;

3.  Jinsab imħasseb li l-aċidifikazzjoni tal-oċeani minħabba livelli dejjem ogħla ta' diossidu tal-karbonju qed ikollha impatti negattivi fuq bosta organiżmi tal-baħar; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri ta' adattament u mitigazzjoni transettorjali effikaċi bil-għan li tinbena reżiljenza għall-aċidifikazzjoni tal-oċeani u l-impatti ta' ħsara minħabba t-tibdil fil-klima, fuq l-oċeani kif ukoll fuq l-ekosistemi kostali;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa biex fil-ġestjoni tas-sajd globali jiġi implimentat approċċ prekawzjonarju u bbażat fuq l-ekosistemi kif minqux fit-Trattati u fil-Politika Komuni tas-Sajd, bil-għan li jinbnew mill-ġdid l-istokkijiet tal-ħut sfruttati u jinżammu 'l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli;

5.  Jitlob li kwalunkwe deċiżjoni dwar is-sussidji tas-sajd għandha tqis l-ispeċifiċitajiet tas-sajd fuq skala żgħira u s-sajd artiġjanali, il-karattru lokali tagħhom u r-rwol fundamentali li għandhom fl-iżgurar ta' sovranità tal-ikel u s-sopravivenza ekonomika u soċjali tal-komunitajiet kostali;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati jirrispettaw ir-responsabilitajiet rispettivi tagħhom bħala stati tal-bandiera, tal-kosta, tal-port u tas-suq, b'mod partikolari billi:

   l-istati tal-bandiera – jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri ta' ġestjoni internazzjonali u nazzjonali biex jiżguraw li l-bastimenti li jkunu qed itajru l-bandiera tagħhom jirrispettaw ir-regoli;
   l-istati tal-kosta – jiżguraw li fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom isir sajd sostenibbli u jikkontrollaw l-aċċess għal dawn l-ibħra bil-għan li jipprevjenu s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);
   l-istati tal-port – jirratifikaw u jimplimentaw bis-sħiħ il-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istat tal-Port tal-FAO (l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti);
   l-istati tas-suq – jieħdu miżuri biex jiżguraw li jkun hemm koordinament aħjar bejn il-ġlieda kontra s-sajd IUU u l-politika tal-kummerċ u tas-suq;

7.  Jisħaq fuq l-importanza li jiġu kkonservati minn tal-anqas 10 % taż-żoni kostali u marini, f'konformità mal-SDG 14.5;

8.  Jisħaq fuq l-importanza tal-SDG 14.7 f'dak li jikkonċerna ż-żieda tal-benefiċċji ekonomiċi għal stati ġżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw u l-pajjiżi l-anqas żviluppati mill-użu sostenibbli tar-riżorsi marini, fosthom permezz tal-ġestjoni sostenibbli tas-sajd, l-akwakultura u t-turiżmu;

9.  Jappella biex tittejjeb il-ġestjoni tas-sajd sostenibbli, fosthom permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza;

10.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni reġjonali msaħħa bejn l-istati kollha fil-ġestjoni tas-sajd bil-għan li jsir sfruttament sostenibbli u ekwu tal-ispeċijiet migratorji, speċjalment f'dak li jikkonċerna l-istimi xjentifiċi tal-istokk, il-monitoraġġ, is-sorveljanza u l-kontroll tal-attivitajiet tas-sajd kif mitlub mill-Ftehim tan-NU dwar l-Istokkijiet tal-Ħut tal-1995 u t-tliet Konferenzi ta' Rieżami tal-2006, l-2010 u l-2016; jemmen li l-ispeċijiet kollha sfruttati kummerċjalment għandhom ikunu koperti minn organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd b'setgħat miżjuda bil-għan li jissaħħu b'mod effiċjenti d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni u l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu aktar il-prinċipji u l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarjat tal-UNFCCC b'talba biex titqassam lill-Partijiet li mhumiex membri tal-UE.

(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

Avviż legali - Politika tal-privatezza