Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 4 ta' Lulju 2017 - Strasburgu
Il-ħatra ta' Membru tal-Kummissjoni Ġdid
 Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni ***
 Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2017/001 ES/Castilla y León mining
 Standards Ewropej għas-Seklu 21
 Lejn qafas pan-Ewropew ta' bonds koperti
 Ir-rwol tat-turiżmu relatat mas-sajd fid-diversifikazzjoni tas-sajd
 Perjodi ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku
 Standards minimi komuni ta' proċeduri ċivili
 Assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova ***I
 Divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat ***I
 L-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna ***I
 Abbozz ta' baġit emendatorju nru 2 għall-Baġit Ġenerali 2017 - Id-dħul tal-bilanċ favorevoli tas-sena finanzjarja 2016
 Ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji
 L-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju
 Kumpaniji tas-sigurtà privati
 Kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju

Il-ħatra ta' Membru tal-Kummissjoni Ġdid
PDF 247kWORD 49k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 li tapprova l-ħatra ta’ Mariya Gabriel bħala Membru tal-Kummissjoni (C8-0166/2017 - 2017/0805(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 246 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra l-punt 6 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-riżenja ta’ Kristalina Georgieva minn Membru tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2017, li permezz tagħha l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament dwar id-deċiżjoni, li tittieħed bi qbil komuni mal-President tal-Kummissjoni, dwar il-ħatra ta’ Mariya Gabrielbħala Membru tal-Kummissjoni (C8-0166/2017),

–  wara li kkunsidra s-seduta ta’ smigħ ta’ Mariya Gabriel fl-20 ta’ Ġunju 2017, li kienet immexxija mill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u mill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, b’assoċjazzjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u għall-Ħarsien tal-Konsumatur, tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, u d-dikjarazzjoni ta’ evalwazzjoni mfassla wara dak is-smigħ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 118 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Procedura tiegħu,

1.  Japprova l-ħatra ta’ Mariya Gabriel bħala Membru tal-Kummissjoni għall-bqija taż-żmien tal-kariga tal-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2019;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.


Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi tal-Unjoni ***
PDF 265kWORD 49k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo(1) dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni (13391/2016 – C8-0491/2016 – 2013/0115(NLE))
P8_TA(2017)0276A8-0207/2017

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13391/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo(2) dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni (13393/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 212 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0491/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0207/2017),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim ;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Kosovo.

(1) Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(2)* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2017/001 ES/Castilla y León mining
PDF 360kWORD 53k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2017/001 ES/Castilla y León mining (COM(2017)0266 – C8-0174/2017 – 2017/2079(BUD))
P8_TA(2017)0277A8-0248/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0266 – C8-0174/2017),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0248/2017),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji bħala appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi jenħtieġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-"FEG");

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill li jerġa' jiddaħħal il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiġi ffissata għal 60 % tal-kost totali stmat tal-miżuri proposti, li tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet lill-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, li l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli jiġu estiżi għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u li jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi Spanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/001 ES/Castilla y León għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 5 (Tħaffir fil-minjieri tal-faħam u l-linjite) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Castilla y León (ES41), u billi mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri 339 ħaddiem li ngħataw is-sensja, kif ukoll 125 żagħżugħ taħt l-età ta' 30 sena li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs); billi s-sensji saru minn Hullera Vasco Leonesa SA, Centro de Investigación y Desarrollo SA, Hijos de Baldomero García SA, Minas del Bierzo Alto SL u Unión Minera del Norte SA;

E.  billi l-applikazzjoni tressqet skont il-kriterji ta' intervent stipulati fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG li jidderoga mill-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4(1)b, li jeħtieġu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta' referenza ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jkunu jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi definiti fil-livell NUTS 2;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u għaldaqstant Spanja hi intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 002 264 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 670 440;

2.  Jinnota li fl-20 ta' Jannar 2017, l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fit-2 ta' Ġunju 2017 u ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess;

3.  Ifakkar li tul dawn l-aħħar għaxar snin, il-produzzjoni tal-faħam fl-Unjoni u l-prezz globali tal-faħam waqgħu drastikament, u dan wassal għal żieda fil-volum ta' importazzjonijiet ta' faħam minn pajjiżi barra mill-UE u wkoll biex bosta minjieri tal-faħam tal-Unjoni ma baqgħux jiġġeneraw profitti u b'hekk kienu sfurzati jagħlqu; jindika li dawk ix-xejriet kienu aktar qawwija fi Spanja, u dan wassal għal organizzazzjoni u konverżjoni mill-ġdid tas-settur tal-estrazzjoni tal-faħam; jenfasizza li l-impjiegi fir-reġjun ta' Castilla y León intlaqtu serjament mill-impatt tal-kriżi fis-settur tat-tħaffir fil-minjieri u jirrimarka li f'Castilla y León biss, għaxar intrapriżi tal-estrazzjoni tal-faħam kellhom jagħlqu matul il-perjodu 2010 sa 2016;

4.  Jinnota li Spanja talbet deroga mill-Artikolu 4(1)(b) minħabba l-fatt li t-territorju milqut mis-sensji jikkonsisti f'numru ta' rħula żgħar u iżolati, imbiegħda u b'livell baxx ta' popolazzjoni, fil-wied muntanjuż ta' Kantabrija, u li fil-parti l-kbira tagħhom jiddependu b'mod qawwi fuq l-estrazzjoni tal-faħam u li jbatu minn konnettività limitata u għaldaqstant jistgħu jitqiesu bħala suq żgħir tax-xogħol għall-finijiet tal-Artikolu 4(2);

5.  Jenfasizza, b'mod partikolari, id-densità baxxa ħafna tal-popolazzjoni, il-problemi marbuta ma' żona muntanjuża u s-sitwazzjoni diffiċli tal-impjiegi fit-Tramuntana tal-provinċji ta' León u Palencia; jesprimi tħassib dwar it-tnaqqis qawwi fil-popolazzjoni, li proporzjonalment kien l-akbar fost dawk taħt l-età ta' 25 sena;

6.  Jirrimarka li l-kontribuzzjoni finanzjarja hi intiża għal 339 ħaddiem li ngħataw is-sensja, u li 97 % minnhom huma rġiel;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' Spanja biex massimu ta' 125 NEETs oħrajn, taħt l-età ta' 30 sena, jiġu pprovduti b'servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG; jifhem li dawk is-servizzi se jinkludu appoġġ lil dawk interessati li jistabbilixxu n-negozju tagħhom stess;

8.  Jinnota li l-miżuri se jkunu bbażati fuq studju li se jitwettaq dwar il-ħolqien tal-impjiegi u l-attivitajiet produttivi fir-reġjun ta' Castilla y León, sabiex l-inizjattivi msemmijin fil-pakkett jiġu definiti aħjar;

9.  Jinnota li Spanja qiegħda tippjana sitt tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u NEETs, koperti minn din l-applikazzjoni: (i) sessjonijiet ta' merħba u ta' informazzjoni, (ii) gwida u konsulenza okkupazzjonali, (iii) assistenza intensiva għat-tiftix ta' impjieg, (iv) taħriġ f'ħiliet u kompetenzi transsettorjali, u taħriġ vokazzjonali, (v) il-promozzjoni tal-intraprenditorija, u (vi) appoġġ għan-negozji ġodda, kif ukoll programm ta' inċentivi;

10.  Jinnota li l-inċentivi jikkorrispondu għal 19,53 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati, li huwa ammont ferm inqas mill-massimu ta' 35 % stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG; u li dawk l-azzjonijiet jiddependu fuq il-parteċipazzjoni attiva fl-attivitajiet ta' taħriġ jew ta' tfittix ta' impjieg, tal-benefiċjarji fil-mira;

11.  Jinnota li l-korsijiet ta' taħriġ ipprovduti se jinkludu workshops dwar tekniki għat-tfittix ta' impjieg, taħriġ f'ħiliet personali u soċjali, fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), u fil-lingwi barranin, filwaqt li t-taħriġ vokazzjonali se jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ħiliet relatati mal-estrazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għal setturi ekonomiċi oħra jew fuq l-iżvilupp ta' ħiliet għal setturi bħalma huma: it-turiżmu u l-ospitalità fiż-żoni rurali; ir-restawr ambjentali tal-baċiri tal-minjieri; ir-riforestazzjoni u l-ġestjoni tal-pajsaġġ;

12.  Jilqa' l-fatt li l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, fosthom trejdjunjins, assoċjazzjonijiet tan-negozju, l-aġenzija reġjonali għall-iżvilupp ekonomiku, l-innovazzjoni, il-finanzjament u l-internazzjonalizzazzjoni tan-negozju u fondazzjoni pubblika marbuta mas-servizz ta' impjieg pubbliku reġjonali, saru fil-livell reġjonali biex jitfassal il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati, u li l-politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni se jiġu applikati sabiex wieħed jingħata aċċess għall-miżuri ffinanzjati mill-FEG kif ukoll matul l-implimentazzjoni tiegħu;

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

14.  Jilqa' l-inklużjoni fost l-inċentivi disponibbli, tal-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż ta' dawk li jindukraw lil persuni dipendenti, fid-dawl tal-impatt aktarx pożittiv fuq il-bilanċ bejn is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta informazzjoni dettaljata dwar l-użu potenzjali ta' din il-possibbiltà;

15.  Ifakkar dwar il-bżonn ta' trasformazzjoni rapida tal-ekonomiji tal-Unjoni u l-promozzjoni ta' impjiegi rilevanti fid-dawl tal-ftehim ta' Pariġi COP 21;

16.  Jinnota l-importanza li titnieda kampanja ta' informazzjoni sabiex jintlaħqu n-NEETs li jistgħu jkunu eliġibbli skont dawn il-miżuri, u li fejn possibbli jiġi żgurat il-bilanċ bejn is-sessi;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospetti ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll tiġbor data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' integrazzjoni mill-ġdid miksuba mill-FEG;

18.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u li mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju, u li l-azzjonijiet eliġibbli se jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

19.  Itenni l-fatt li l-assistenza mill-FEG ma tistax tissostitwixxi la l-azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà tal-kumpaniji bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pjan ta' intervent se jinkludi inizjattiva ta' monitoraġġ li fiha jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw l-atturi soċjali, li l-għan tagħha huwa li tiggarantixxi li l-proposta tiġi implimentata f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet ta' studju, li għandhom jitwettqu bħala parti mill-azzjonijiet inklużi fl-inizjattiva, rigward id-domandi għat-taħriġ vokazzjonali u għal opportunitajiet ta' attività, kif ukoll sabiex tkun garantita l-ġestjoni tajba tal-baġit previst;

21.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni minn Spanja – EGF/2017/001 ES/Castilla y León mining

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2017/1372.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


Standards Ewropej għas-Seklu 21
PDF 497kWORD 65k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-istandards Ewropej għas-seklu 21 (2016/2274(INI))
P8_TA(2017)0278A8-0213/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

—   wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (id-Direttiva NIS),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-1 ta' Ġunju 2016 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 mill-2013 sal-2015 (COM(2016)0212),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Analiżi tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 mill-2013 sal-2015 u skedi informattivi" (SWD(2016)0126),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Standards Ewropej għas-Seklu 21" (COM(2016)0358),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Nilħqu l-potenzjal tal-istandards Ewropej dwar is-servizzi sabiex ngħinu lill-konsumaturi u n-negozji Ewropej" (SWD(2016)0186),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Il-programm ta' ħidma annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea għall-2017" (COM(2016)0357),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet previsti fil-programm ta' ħidma tal-Unjoni 2016 għall-istandardizzazzjoni Ewropea, inklużi l-atti ta' implimentazzjoni u mandati mibgħuta lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni" (SWD(2016)0185),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 bit-titolu "L-istandards tal-ICT bħala l-Pedament tas-Suq Uniku Diġitali" (COM(2016)0176),

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni fil-qafas tal-Istrateġija għal Suq Uniku, imsemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015)0550),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-futur tal-istandardizzazzjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Standards Ewropej għas-Seklu 21",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Standardizzazzjoni Ewropea 2016",

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar is-softwer b'sors miftuħ 2014-2017(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0213/2017),

A.  billi s-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni hija element ċentrali għar-realizzazzjoni tas-suq uniku; billi l-azzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi viżjoni komuni għall-istandardizzazzjoni Ewropea hija riżultat dirett tal-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker u, b'mod partikolari, tal-prijoritajiet dwar is-Suq Uniku Diġitali Konness u l-Istrateġija għal Suq Uniku;

B.  billi sistema Ewropea ta' standardizzazzjoni miftuħa, inklużiva u trasparenti u prinċipalment immexxija mis-suq u bbażata fuq il-fiduċja u fuq konformità xierqa għandha rwol ewlieni biex twieġeb b'mod pożittiv għall-ħtieġa dejjem ikbar, fil-politika Ewropea industrijali, ekonomika, u soċjali, u l-politika u l-leġiżlazzjoni ambjentali, għal standards li jistgħu jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-prodott, għall-innovazzjoni, għall-interoperabbiltà, għas-sostenibbiltà u għall-aċċessibilità għal persuni b'diżabilità, u għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema;

C.  billi sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea effiċjenti għandha tkun ibbażata fuq sħubija u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi, il-korpi ta' standardizzazzjoni u partijiet ikkonċernati oħra, bħalma huma l-organizzazzjonijiet tal-Anness III rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

D.  billi l-istandards Ewropej għandhom jiġu żviluppati permezz ta' sistema miftuħa, inklużiva u trasparenti, ibbażata fuq il-kunsens fost il-partijiet kollha interessati, bil-għan li jiġu ddefiniti r-rekwiżiti tekniċi jew ta' kwalità strateġiċi li prodotti attwali jew futuri, il-proċessi, is-servizzi jew il-metodi ta' produzzjoni jistgħu jikkonformaw magħhom;

E.  billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Prijoritajiet tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT għas-Suq Uniku Diġitali tagħraf il-valur ta' standards miftuħa, iżda ma tipprovdix definizzjoni ta' standard miftuħ; billi standards miftuħa rriżultaw importanti għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-internet u tas-servizzi tal-internet li min-naħa tagħhom rawwmu innovazzjoni, u prospetti soċjali u ekonomiċi;

F.  billi l-użu ta' soluzzjonijiet ta' liċenzjar ta' softwer u hardware b'sors miftuħ għandu u jista' jgħin lill-kumpaniji Ewropej u l-amministrazzjonijiet jiżguraw aċċess aħjar għal oġġetti u servizzi diġitali;

G.  billi sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea moderna u flessibbli hi komponent utli għal politika industrijali Ewropea ambizzjuża u mġedda u għat-tħaddim tas-suq uniku; billi l-istandards jistgħu jtejbu l-kompetittività globali tal-UE, it-tkabbir, il-kompetizzjoni ġusta u l-innovazzjoni, kif ukoll jappoġġjaw il-kwalità, in-negozji, u, b'mod partikolari, il-prestazzjoni tal-SMEs u l-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u tal-ambjent;

H.  billi fl-Ewropa jeżistu flimkien żewġ sistemi differenti ta' żvilupp ta' standards, jiġifieri wieħed ibbażat fuq il-prinċipju tad-delega nazzjonali kif implimentat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC), u ieħor ibbażat fuq is-sħubija bil-ħlas tal-partijiet ikkonċernati kif żviluppat mill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI); billi hemm il-ħtieġa li jiġu evalwati s-sistemi ta' żvilupp ta' standards relatati mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 bil-ħsieb li jiġu identifikati l-isfidi eżistenti u l-prattiki tajbin;

I.  billi r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 wassal għal titjib fil-proċess ta' standardizzazzjoni billi integra, għall-ewwel darba, il-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà u l-SMEs taħt il-bażi legali tas-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea;

J.  billi l-istandards tal-ICT, li huma żviluppati b'mod predominanti f'livell globali, jippermettu l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet interoperabbli għal prodotti komplementari u għad-diversi partijiet ta' prodott partikolari, li huwa partikolarment importanti għall-iżvilupp tal-"internet tal-oġġetti" (IoT); billi l-frammentazzjoni ta' standards u ta' soluzzjonijiet proprjetarji jew nofshom magħluqa jxekkel it-tkabbir u l-adozzjoni tal-IoT, u huwa għalhekk neċessarju li jiġi żviluppat approċċ strateġiku għall-istandardizzazzjoni tal-ICT sabiex jiġi żgurat rispons ta' suċċess għall-ħtiġijiet tad-deċennju li ġej, biex b'hekk l-UE tkun tista' żżomm rwol ta' tmexxija fis-sistema ta' standardizzazzjoni globali;

K.  billi l-pubblikazzjoni ta' dokumenti u tad-data tissodisfa r-responsabbiltajiet governattivi u l-miri ta' trasparenza, inkluża r-responsabbiltà, ir-riproduċibilità, is-sostenibbiltà, u l-affidabbiltà tal-azzjoni governattiva; billi meta jiġu ppubblikati dokumenti jew data, dan irid iseħħ fuq il-bażi ta' formati miftuħa u standardizzati sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' "lock-in" fejn hemm possibbiltà li prodott ta' softwer jew bejjiegħ ma jkunx disponibbli aktar kummerċjalment, u b'tali mod li l-entitajiet indipendenti jkunu jistgħu jimplimentaw dawk il-formati taħt mudelli ta' żvilupp u kummerċjali differenti, inkluż is-sors miftuħ, sabiex jiżguraw it-tkomplija ta' proċessi governattivi u amministrattivi;

L.  billi s-settur tat-trasport sa issa kien fuq quddiem nett tal-iżvilupp u l-użu ta' standards li huma meħtieġa għall-ħolqien taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pakkett ambizzjuż tal-Kummissjoni dwar l-istandardizzazzjoni, li flimkien mal-Komunikazzjoni dwar l-Istandards tal-ICT u l-Inizjattiva Konġunta dwar l-istandardizzazzjoni, jimmira li jistabbilixxi sistema sempliċi u koerenti Ewropea ta' standardizzazzjoni bil-għan li jinżamm l-għadd kbir ta' elementi ta' suċċess tiegħu, jitjiebu n-nuqqasijiet tiegħu u jintlaħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn id-dimensjonijiet Ewropej, nazzjonali u internazzjonali; jenfasizza li kwalunkwe rieżami futur tas-Sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea (ESS) għandu jibni fuq l-aspetti pożittivi tas-sistema eżistenti, li jikkostitwixxu bażi solida għal titjib, filwaqt li joqgħod lura minn kwalunkwe bidla radikali li ddgħajjef il-valuri ċentrali tagħha;

2.  Jirrikonoxxi l-ispeċifiċità u l-importanza tal-ESS mill-perspettiva tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-industrija, l-SMEs, il-konsumaturi u l-ħaddiema, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema Ewropea tkompli teżisti u li jkollha riżorsi suffiċjenti biex tissodisfa l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, u b'hekk tikkontribwixxi inter alia għall-interoperabbiltà, iċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni ta' salvagwardji xierqa, kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi u għall-moviment ħieles tat-teknoloġija tal-informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi baġit sostenibbli għall-ESS fir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP);

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iStandards Market Relevance Roundtable (SMARRT) taħt l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni, li tippermetti d-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-industrija bi trasparenza sħiħa għall-partijiet ikkonċernati dwar punti fuq l-aġenda tal-Kumitat tal-Istandards;

4.  Jinnota li l-istandards huma għodda volontarja, u inċentivata mis-suq, li tipprovdi r-rekwiżiti tekniċi u gwida li l-użu tagħhom jista' jiffaċilita l-konformità ta' prodotti u servizzi mal-leġiżlazzjoni Ewropea u jappoġġja politiki Ewropej meta dawn jiġu żviluppati b'mod trasparenti u inklużiv; jenfasizza, madankollu, li l-istandards ma jistgħux jitqiesu bħala liġi tal-UE, peress li l-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar il-livell ta' protezzjoni tal-konsumaturi, is-saħħa, is-sikurezza, l-ambjent u l-protezzjoni tad-data u l-livell ta' inklużjoni soċjali huma ddeterminati mil-leġiżlatur;

5.  Jirrikonoxxi r-rwol ta' formati miftuħa u standardizzati għad-dmir ta' trasparenza tal-gvernijiet, tal-amministrazzjoni, u l-istituzzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Istati Membri jippruvaw japplikaw standards komuni fir-rigward tal-amministrazzjoni diġitali, b'enfasi partikolari fuq il-korpi ġudizzjarji u l-awtoritajiet lokali; jenfasizza li l-istandards miftuħa huma essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri ta' politiki ta' data tal-gvern miftuħa u ta' bliet intelliġenti, u li d-dokumenti u d-data jridu għalhekk jiġu ppubblikati f'formati miftuħa, standardizzati u li jistgħu jiġu implimentati faċilment, biex l-użu mill-ġdid tad-data jiġi ffaċilitat; jenfasizza r-rwol tal-akkwist pubbliku u ta' soluzzjonijiet ta' standards miftuħa biex jiġi evitat il-lock-in tal-bejjiegħa;

6.  Jemmen bis-sħiħ li d-data miftuħa tibqa' element essenzjali, b'mod partikulari fis-settur tat-trasport, biex jinħasdu l-benefiċċji kollha tas-Suq Uniku Diġitali, bħalma huma l-promozzjoni u l-iżvilupp tat-trasport multimodali; jenfasizza, għalhekk, li hija meħtieġa aktar ċertezza legali, prinċipalment f'dawk li huma sjieda u responsabbiltà; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tippubblika, mingħajr aktar dewmien, pjan direzzjonali għall-iżvilupp ta' standards immirati lejn l-armonizzazzjoni ta' interfaċċi tad-data u tal-ipproggrammar tat-trasport li jkunu ffinanzjati mill-istat sabiex tingħata spinta lill-innovazzjonijiet li jkunu intensivi f'dik li hi data u l-forniment ta' servizzi ġodda tat-trasport;

7.  Jenfasizza li s-sistema attwali ta' akkreditazzjoni ta' istituzzjonijiet tal-ittestjar mhux dejjem tiggarantixxi li l-prodotti u s-servizzi fis-suq li japplikaw b'mod volontarju standards Ewropej huma konformi ma' dawk l-istandards; jiddispjaċih li l-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni (JIS) u l-Programm ta' Ħidma Annwali tal-Unjoni għall-Istandardizzazzjoni Ewropea (AUWP) ma jagħtu l-ebda attenzjoni għall-akkreditazzjoni ta' istituzzjonijiet tal-ittestjar u tal-istandards, u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis dan l-aspett meta tipproponi inizjattivi ġodda;

8.  Huwa tal-fehma li l-istandards miftuħa għandhom ikunu bbażati fuq it-trasparenza tal-proċess ta' standardizzazzjoni u l-iżvilupp u d-disponibilità ta' standards għall-implimentazzjoni u l-użu, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u l-prinċipji tad-WTO; jirrikonoxxi l-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif espressa fil-pjan direzzjonali dwar il-Privattivi Standard Essenzjali, biex jiġu ċċarati kwistjonijiet relatati ma' liċenzjar FRAND u SEP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni (ESOs) u l-komunitajiet b'sors miftuħ, biex jesploraw mezzi adatti ta' ħidma konġunta;

9.  Jenfasizza li s-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għall-innovazzjoni Ewropea, ittejjeb il-kompetittività tal-Unjoni, issaħħaħ post l-Ewropa fil-kummerċ internazzjonali u tkun ta' benefiċċju għall-benessri taċ-ċittadini tagħha; iqis li hu importanti, għalhekk, li l-Ewropa żżomm ir-rwol ewlieni tagħha fis-sistema internazzjonali ta' standardizzazzjoni, u jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' standards Ewropej fuq livell globali meta tkun qed tinnegozja ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi; jenfasizza li s-sistema ta' standardizzazzjoni Ewropea tista' wkoll tibbenefika minn ftehimiet ta' sħubija stabbiliti minn ESOs ma' organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni ta' pajjiżi terzi, u jinnota li l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 diġà jipprevedu l-involviment ta' bosta Organizzazzjonijiet tal-Iżvilupp tal-Istandards (SDOs) għall-akkwist pubbliku fil-qasam tal-ICT; jirrakkomanda li l-ESOs iqisu kooperazzjoni eqreb ma' Korpi Nazzjonali tal-Istandardizzazzjoni (NSBs) ta' pajjiżi terzi, inklużi Korpi ta' Standardizzazzjoni ta' Akkumpanjament, fejn jeżistu possibbiltajiet għal allinjament mill-qrib; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-ESOs biex ikomplu jaħdmu lejn il-ħolqien ta' standards globali, filwaqt li tingħata attenzjoni wkoll lill-kuntest reġjonali u r-rilevanza tal-istandard meta jkunu involuti f'xogħol ta' standardizzazzjoni;

10.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-istandards tgħin sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, l-effiċjenza u l-koerenza, u toħloq kuntest favur il-kompetizzjoni għas-settur industrijali – eżempju tajjeb huwa l-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi (WP.29) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE), li ġie stabbilit għas-settur tal-ICT;

11.  Jenfasizza li l-istandards li huma adottati minn organizzazzjonijiet internazzjonali huma normalment żviluppati barra l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, u jirrakkomanda lill-ESOs biex japprovawhom biss wara proċess ta' approvazzjoni interna bl-involviment ta' rappreżentanza xierqa tal-partijiet ikkonċernati, bħall-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Anness III, speċjalment għal standards armonizzati li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

12.  Huwa tal-opinjoni li l-ESOs għandhom fiċ-ċirkustanzi kollha jiżviluppaw standards inklużivi, sostenibbli, sikuri u ta' kwalità għolja b'aċċess u trattament ġust għall-partijiet ikkonċernati kollha, kif ukoll l-inqas impatt fuq l-ambjent u protezzjoni adegwata tad-data personali u l-privatezza;

13.  Iqis kruċjali l-involviment tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri mal-industrija tal-UE sabiex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni ta' standards globali b'marka Ewropea fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji 5G;

14.  Jiddeplora l-fatt li d-differenzi bejn l-istandards nazzjonali, bħalma huma dawk fis-settur tat-trasport tal-merkanzija u l-loġistika, għadhom ostaklu għas-suq intern, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jiżviluppaw standards xierqa biex jarmonizzaw il-kundizzjonijiet fil-livell nazzjonali kull meta jqisu li jkun meħtieġ, bl-għan li jitneħħew l-ostakli li jista' jkun hemm għas-suq intern; jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma biex tinkiseb armonizzazzjoni transmodali tal-istandards f'dan ir-rigward;

15.  Jirrimarka, barra minn hekk, li minbarra li tipprevjeni l-frammentazzjoni tas-suq, l-istandardizzazzjoni tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż tat-trasport għan-negozji kollha (eż. permezz ta' dokumenti elettroniċi) u għall-SMEs b'mod partikolari, u tista' tiffaċilita l-infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni tal-UE (eż. permezz tat-takografi diġitali, jew is-sistemi elettroniċi tal-pedaġġ);

16.  Jinnota li r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tejjeb l-inklużività tal-ESS, li jippermetti lill-SMEs, lill-konsumaturi, lill-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet ambjentali jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċess ta' standardizzazzjoni, u jħeġġeġ li nkomplu f'din id-direzzjoni sabiex ilkoll ikunu rappreżentati b'mod adegwat u jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-sistema ta' standardizzazzjoni u għaldaqstant, jisfruttaw kompletament il-benefiċċji dderivati mill-istandardizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, lill-ESOs u l-NSBs jidentifikaw l-aħjar modi biex jintlaħaq dan l-għan u jindirizzaw l-isfidi, inkluż in-nuqqas ta' għarfien, assoċjati ma' involviment ulterjuri;

17.  Jilqa' l-isforzi tal-ETSI biex jingħata aċċess faċli għall-SMEs Ewropej, kif ukoll l-istrateġija fit-tul tiegħu għall-2016-2021 li tindirizza b'mod speċifiku l-kollaborazzjoni transettorjali;

18.  Jirrikonoxxi li l-pass li bih jiġu definiti l-istandards tjieb, u jfakkar l-importanza li jinstab bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp f'waqtu u l-ħtieġa li l-istandards ikunu ta' kwalità għolja;

19.  Huwa tal-fehma li, flimkien mal-aħjar prattiki eżistenti fost il-komunitajiet ta' standardizzazzjoni, iż-żieda tas-sensibilizzazzjoni pubblika tal-istandards proposti, l-involviment xieraq u bikri tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha u t-titjib fil-kwalità tat-talbiet ta' standardizzazzjoni jistgħu jżidu aktar it-trasparenza u r-responsabbiltà tas-sistema ta' standardizzazzjoni;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tagħti attenzjoni u tipprovdi assistenza lill-pajjiżi kandidati fl-isforzi tagħhom biex jarmonizzaw l-istandards tagħhom mal-istandards Ewropej, sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ostakli eżistenti;

Standards tal-ICT

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet tal-istandards tal-ICT li jistabbilixxu approċċ strateġiku għall-istandardizzazzjoni għat-teknoloġiji tal-ICT, iżda jistieden lill-Kummissjoni tidentifika b'mod ċar l-allinjament bejn din il-komunikazzjoni u l-Pjan Rikorrenti tal-ICT, il-pakkett "Standards Ewropej għas-Seklu 21" u l-Programm ta' Ħidma Annwali;

22.  Jinnota li l-konverġenza tat-teknoloġiji riċenti u d-diġitalizzazzjoni tas-soċjetà, tan-negozji u s-servizzi pubbliċi qed tisfoka d-distinzjoni tradizzjonali bejn l-istandardizzazzjoni ġenerali u dik tal-ICT; iqis li l-istandardizzazzjoni tal-ICT għandha tkun parti minn strateġija diġitali Ewropea biex jinħolqu ekonomiji ta' skala, iffrankar fil-baġit u kompetittività mtejba għall-kumpaniji Ewropej, u biex tiżdied l-interoperabbiltà transsettorjali u transkonfinali ta' prodotti u servizzi permezz ta' definizzjoni aktar mgħaġġla, b'mod miftuħ u kompetittiv, ta' standards volontarji li jkunu faċilment implimentati mill-SMEs;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar kooperazzjoni fi ħdan il-komunità tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, b'mod partikolari bejn l-ESOs, u jistieden lill-ESOs iħejju programmi ta' ħidma annwali komuni li jidentifikaw oqsma trażversali ta' interess komuni;

24.  Jenfasizza li proċessi ta' standardizzazzjoni miftuħa, volontarji, inklużivi u orjentati lejn il-kunsens kienu effikaċi sa fejn dawn jammontaw għal mutur tal-innovazzjoni, l-interkonnettività u l-użu ta' teknoloġiji, u jfakkar li huwa importanti wkoll li jiġi żgurat investiment xieraq u kompetenza fit-teknoloġiji avvanzati u l-iżvilupp tagħhom, u biex jiġu appoġġjati SMEs;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni titlob lill-ESOs jikkontribwixxu għal standards ta' kwalità għolja, interoperabbli u miftuħa, sabiex tiġi trattata l-framentazzjoni u tiġi inkoraġġuta l-adozzjoni wiesa' tagħhom, u jirrikonoxxu l-ekosistema eżistenti u mudelli kummerċjali differenti li jappoġġjaw l-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali, peress li dan jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali tal-katini ta' valur tal-ICT u jikkonfermaw l-impenn fl-interess pubbliku li jiġu żgurati l-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

26.  Jenfasizza l-bżonn indispensabbli li l-politika ta' standardizzazzjoni tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni tiġi adattata għas-suq u għall-iżvilupp ta' politika, peress li dan iwassal biex jinkisbu miri politiċi Ewropej importanti li jirrikjedu l-interoperabbiltà, bħall-aċċessibilità, is-sigurtà, in-negozju elettroniku, il-gvern elettroniku, is-saħħa elettronika u t-trasport; jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-ESOs jipprijoritizzaw l-istandards fil-qasam tal-5G, tal-cloud computing, tal-IoT, tad-data u tal-oqsma taċ-ċibersigurtà, kif ukoll f'dak tal-oqsma vertikali, bħalma huma "sewqan konness u awtomatiku u sistemi ta' trasport intelliġenti", "bliet intelliġenti", "enerġija intelliġenti, manifattura avvanzata" u "postijiet ta' għajxien intelliġenti";

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq ekosistema tal-ICT miftuħa u interoperabbli bbażata fuq il-ħames standards ta' prijorità tal-ICT li tħeġġeġ il-kompetizzjoni fil-ħolqien tal-valur li fuqha l-innovazzjoni tista' tirnexxi; jemmen li:

   l-istandards tal-5G għandhom jippermettu bidla ġenerazzjonali reali f'termini ta' kapaċità, affidabbiltà u latenza, sabiex il-5G tkun tista' tlaħħaq maż-żieda mistennija fit-traffiku u r-rekwiżiti differenti tas-servizzi li jkunu ser jinbnew fuqha;
   l-istandards taċ-ċibersigurtà għandhom jippermettu sigurtà fid-disinn u jikkonformaw mal-prinċipji ta' privatezza fid-disinn, jappoġġjaw ir-reżiljenza tan-netwerks u l-ġestjoni tar-riskju, u jkunu jistgħu jiffaċċjaw iż-żieda rapida fit-theddid ċibernetiku għall-iżviluppi kollha fl-ICT;
   l-istandards tal-cloud għandhom jikkonverġu biex jippermettu l-interoperabbiltà fl-aspetti kollha tal-cloud, u b'hekk jippermettu l-portabbiltà tal-cloud;
   l-istandards tad-data għandhom jappoġġjaw il-flussi ta' data transettorjali u interdixxiplinari, filwaqt li jiksbu interoperabbiltà aħjar tad-data u l-metadata, inkluża s-semantifikazzjoni, u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' arkitettura ta' referenza għall-big data;
   l-istandards tal-IoT għandhom jindirizzaw il-frammentazzjoni attwali mingħajr ma jfixklu l-innovazzjoni f'settur li qed jiżviluppa malajr ħafna;

28.  Jirrikonoxxi li netwerks tal-komunikazzjoni tal-5G effiċjenti jiddependu b'mod essenzjali fuq standards komuni biex jiġu żgurati l-interoperabbiltà u s-sigurtà, iżda jfakkar li l-iżvilupp ta' netwerk ta' kapaċità għolja ħafna huwa s-sinsla ta' netwerk tal-5G affidabbli;

29.  Jinnota li biex tkun suċċess, ekonomija mmexxija mid-data tiddependi fuq ekosistema tal-ICT aktar wiesgħa, inklużi esperti ferm kwalifikati bħal persuni b'ħiliet sabiex jiġu terminati l-qasma diġitali u l-esklużjoni diġitali;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor statistika bl-għan li tivvaluta aħjar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni u tal-ICT fuq it-trasport u t-turiżmu;

31.  Huwa konxju mill-għadd li qed jikber ta' pjattaformi, gruppi, laqgħat u mezzi relatati ma' standards tal-ICT; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrazzjonalizza l-għadd ta' pjattaformi u mekkaniżmi ta' koordinazzjoni li jieħdu ħsieb l-istandardizzazzjoni u jinvolvu l-organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni dwar inizjattivi ġodda, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi għall-partijiet ikkonċernati; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni aħjar tal-istandards tal-ICT u prijoritajiet tal-istandardizzazzjoni fost l-organizzazzjonijiet differenti, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tinforma minnufih lill-partijiet ikkonċernati dwar l-istadju milħuq fl-inizjattivi li għaddejjin bħalissa fir-rigward tal-istandards tal-ICT;

32.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni miexja b'pass mgħaġġel u hija mutur ewlieni tal-ekonomija; jissottolinja l-importanza tad-diġitalizzazzjoni effettiva tal-industriji vertikali sabiex minnha jibbenefikaw l-SMEs, u b'mod speċjali l-konsumaturi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali u l-ħtieġa li t-tħassib tagħhom jiġi rrappreżentat b'mod xieraq fil-qafas tal-istandardizzazzjoni internazzjonali tal-ICT;

33.  Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesplora inizjattivi bħal sistema affidabbli ta' ċertifikazzjoni u ta' tikkettar tal-IoT, li tista' trawwem il-fiduċja fil-livelli tal-privatezza u tas-sigurtà minn tarf sa tarf ta' apparat tal-IoT billi jiġu pprovduti klassifikazzjonijiet komparabbli dwar ir-riskji possibbli assoċjati mal-operat u l-użu ta' apparat jew servizz IoT; jemmen li dawn għandhom jiġu żviluppati fejn ikun rilevanti u fejn l-apparati tal-IoT jista' jkollhom impatt fuq l-infrastruttura rilevanti abbażi tar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva NIS, li għandha sservi bħala bażi għad-definizzjoni ta' rekwiżiti ta' sigurtà; jinnota li kull tikketta minn dawn għandha tkun tista' tadatta għal bidliet teknoloġiċi futuri u tieħu kont ta' standards globali fejn xieraq;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' standards intersettorjali, b'ilsna differenti u fl-appoġġ ta' servizzi favur il-privatezza, affidabbli u sikuri;

35.  Jappoġġja, f'dan is-sens, id-definizzjoni ta' rekwiżiti minimi speċifiċi u miżurabbli li jqisu s-sostenibbiltà u l-affidabbiltà ta' apparati jew servizzi tal-IoT kif ukoll ta' standards ta' sigurtà informatika ta' livell industrijali u standards ta' sostenibbiltà; din il-lista għandha tinkludi, pereżempju, l-impenn li jagħmlu l-aġġornamenti disponibbli għal perjodu minimu ta' żmien wara x-xiri, l-impenn tal-manifattur jew tal-fornitur għal perjodu ta' żmien li fih ikun se jipprovdi aġġornament wara li tiġi skoperta u notifikata xi vulnerabbiltà; għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-possibilità ta' awtoregolamentazzjoni tal-industrija, filwaqt li titqies il-ħeffa li biha l-istandards u t-teknoloġiji jevolvu fis-settur tal-ICT, u d-diversità tal-iżvilupp u l-mudelli kummerċjali, inklużi s-sors miftuħ, in-negozji ġodda u l-SMEs;

36.  Jinnota t-tħassib dwar iċ-ċibersigurtà u l-ispeċifiċitajiet tat-theddidiet fis-settur tat-trasport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza dawn l-ispeċifiċitajiet meta tkun qed tadotta r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-istandards taċ-ċibersigurtà li huma mistennija sa tmiem l-2017, bħala l-ewwel pass lejn strateġija komprensiva dwar iċ-ċibersigurtà fis-settur tat-trasport;

37.  Jinnota li l-istandardizzazzjoni tal-ICT se tkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp tas-servizzi marbuta mat-trasport u mat-turiżmu u ta' soluzzjonijiet tat-trasport multimodali; jistieden lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-ESOs, tagħti importanza akbar lil dan l-iżvilupp meta tkun qed timplimenta l-pjan ta' azzjoni prijoritarju tagħha għall-istandardizzazzjoni tal-ICT, u b'mod partikolari tesplora r-rwol potenzjali tal-istandardizzazzjoni biex jingħata appoġġ lit-tibdil teknoloġiku u lill-mudelli kummerċjali ġodda li qed jitfaċċaw fis-settur tat-turiżmu; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni rapida biex tippromwovi l-iżvilupp ta' servizzi integrati għall-ħruġ tal-biljetti u għall-għoti ta' informazzjoni u kunċetti ta' mobilità ġodda bħall-Mobilità bħala Servizz;

38.  Jinnota li biż-żieda fl-użu tal-internet, tas-servizzi bankarji online, tan-netwerking soċjali u tal-inizjattivi elettroniċi tas-saħħa, in-nies qed ikollhom dejjem aktar tħassib dwar is-sigurtà u l-privatezza, u li l-istandards tal-ICT jeħtieġu li jirriflettu l-prinċipji ta' protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-integrazzjoni diġitali tal-manifattura bħala prijorità għall-istandardizzazzjoni tal-ICT u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' standards miftuħa għall-protokolli ta' komunikazzjoni u tal-formati tad-data għall-integrazzjoni diġitali tat-tagħmir tal-manifattura sabiex tiġi żgurata interoperabbilità sħiħa bejn magni u apparati;

40.  Jirrikonoxxi xi tħassib b'mod partikolari fir-rigward tal-ICT u tal-Privattivi Standard Essenzjali (SEPs), u jirrikonoxxi li politika tal-IPR robusta, ġusta u raġonevoli tinkoraġġixxi l-investiment u l-innovazzjoni u tiffaċilita l-assorbiment tas-suq uniku diġitali u ta' teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-introduzzjoni tal-5G u tal-apparati tal-IoT, billi dawn jiddependu ħafna fuq l-istandardizzazzjoni; jenfasizza li huwa essenzjali li jinżamm qafas ta' standardizzazzjoni bbilanċjat u prattiki effiċjenti ta' għoti ta' liċenzji msejsa fuq il-metodoloġija FRAND (prattiki ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji) u li jindirizzaw it-tħassib leġittimu kemm ta' min joħroġ il-liċenzji u kemm tad-detenturi ta' liċenzja tas-SEP, filwaqt li jiġi żgurat li l-proċess ta' standardizzazzjoni joffri kundizzjonijiet ekwi fejn il-kumpaniji ta' kull daqs, inklużi l-SMEs, jistgħu jikkollaboraw b'mod li jkun ta' benefiċċju reċiproku; jinkoraġġixxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-interoperabbiltà bejn il-komponenti diġitali tkun tista' tinkiseb permezz ta' tipi differenti ta' soluzzjonijiet ta' liċenzjar u mudelli kummerċjali;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara, mingħajr dewmien, l-elementi ewlenin ta' metodoloġija ta' liċenzjar ekwitabbli, effikaċi u infurzabbli mibnija madwar il-prinċipji FRAND, b'kont meħud tal-interessi kemm tad-detenturi u kemm tal-implimentaturi tal-istandards li jinkludu SEPs, redditu ġust fuq l-investiment, u d-disponibilità wiesgħa tat-teknoloġiji żviluppati fi proċess miftuħ ta' standardizzazzjoni sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota tad-deċiżjoni tal-QtĠ-UE C-170/13 (Huawei vs ZTE), li ssib bilanċ bejn id-detenturi tas-SEP u l-implimentaturi tal-istandards bil-għan li jingħeleb il-ksur tal-privattivi u jiġi żgurat l-operat effiċjenti tas-soluzzjoni ta' tilwim; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex ittejjeb id-definizzjoni marbuta ma' informazzjoni dwar il-portata tal-privattivi u tindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-assimetriji ta' informazzjoni bejn l-SMEs u l-intrapriżi l-kbar, iżżid it-trasparenza tad-dikjarazzjonijiet standard tal-privattivi essenzjali, u ttejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar ir-relazzjoni ta' SEPs għal prodotti; huwa tal-opinjoni li kwalunkwe kumpens lill-iżviluppaturi ta' SEPs jeħtieġ li jkun ibbażat fuq termini ġusti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, kif ukoll fuq rati tar-royalties trasparenti, raġonevoli, prevedibbli u sostenibbli, ħlief fejn żviluppaturi jiddeċiedu li jipprovdu l-istandard disponibbli mingħajr kumpens finanzjarju; jirrikonoxxi, madankollu, li jeżistu diversi mudelli kummerċjali, bħall-implimentazzjoni ta' liċenzjar ħieles mir-royalties u ta' softwer b'sors miftuħ, u għaldaqstant il-leġiżlazzjoni u d-diskussjoni għandha tkompl tirrikonoxxi l-użu tal-mudelli kollha fuq bażi inklużi d-drittijiet kollha tas-suq u d-detenturi tal-IPR;

42.  Jinnota l-ħtieġa ta' approċċ ibbażat fuq l-evidenza għall-monitoraġġ u l-iżvilupp ulterjuri tal-qafas ta' liċenzjar sabiex tiġi żgurata ekosistema dinamika li toħloq valur miżjud u impjiegi;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapporti biannwali li jixhdu dwar każijiet reali ta': (a) użu SEP mhux liċenzjat (jiġifieri ksur) li jdum 18-il xahar jew aktar; u (b) kwistjonijiet dwar aċċess għal standards minħabba nuqqas ta' konformità sistematika mal-impenji FRAND;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi d-dibattitu dwar il-"perċezzjoni ta' ħtieġa" ta' cloud tax-xjenza u tieħu azzjoni immedjata, bi ftehim mill-qrib mal-Istati Membri dwar il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa, li għandu jintegra bla xkiel in-netwerks eżistenti, id-data u s-sistemi tal-informatika bi prestazzjoni għolja u ta' servizzi tal-infrastruttura elettronika fl-oqsma xjentifiċi kollha, f'qafas ta' politiki u standards tal-ICT komuni;

Standards Ewropej għas-seklu 21

45.  Jilqa' l-pakkett ta' "Standards Ewropej għas-Seklu 21" tal-Kummissjoni u huwa tal-fehma li s-sistema ta' standardizzazzjoni għandha ssir iktar trasparenti, miftuħa u inklużiva bil-għan li tintegra bis-sħiħ it-tħassib taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-SMEs;

46.  Jiddispjaċih li ma ġiex ikkonsultat qabel l-adozzjoni tal-pakkett, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej jallinjaw id-diversi inizjattivi fi programm wieħed ta' ħidma strateġiku u olistiku li jevita d-duplikazzjoni ta' azzjonijiet u politiki; jenfasizza li l-kumitat rilevanti tal-Parlament Ewropew jista' jkollu rwol importanti fl-iskrutinju pubbliku ta' standards armonizzati mitlub mill-Kummissjoni;

47.  Jappella għal aktar tisħiħ, koerenza u titjib fil-preċiżjoni tal-AUWP;

48.  Jenfasizza li l-AUWP li jmiss jeħtieġ li speċifikament jindirizza azzjonijiet li jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-istandards ICT u mhux tal-ICT, li wasslu għat-titjib tar-regoli tal-NSBs differenti, u jippromwovu l-inklużività tal-ESOs billi tingħata attenzjoni akbar għar-rwol tal-partijiet ikkonċernati elenkati fl-Artikolu 5;

49.  Jenfasizza l-importanza tad-djalogu interistituzzjonali għat-tħejjija tal-AUWP, u jħeġġeġ li l-isforzi jinvolvu, qabel l-adozzjoni tal-AUWP, lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha f'Forum Annwali dwar l-Istandardizzazzjoni, biex jiddiskutu l-oqsma ġodda, l-isfidi eżistenti u titjib neċessarju tal-proċess ta' standardizzazzjoni;

50.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fi strateġiji nazzjonali għall-istandardizzazzjoni li jgħinu u jinkoraġġixxu lis-settur pubbliku, il-korpi ta' standardizzazzjoni, il-partijiet ikkonċernati tas-soċjetà, l-SMEs u l-akkademiċi fil-livell nazzjonali jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni ta' standardizzazzjoni individwali;

51.  Jilqa' l-JIS u jirrakkomanda li l-Parlament jiġi mistieden ukoll biex jipparteċipa fi u jikkontribwixxi għaliha, u jenfasizza li r-regoli ta' tali sħubijiet pubbliċi-privati jeħtieġ jiġu rispettati mill-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu rwol ta' tmexxija fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-JIS u tirrapporta lura lill-Parlament sa tmiem l-2017 dwar il-progress miksub;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn, magħmul fil-kuntest tal-JIS, biex jiġi żviluppat studju dwar l-impatt ekonomiku u soċjali, inkluża informazzjoni dwar linji ta' politika, riskji u eżiti fir-rigward tal-kwalità tal-ħajja, aspetti soċjali u relatati mal-impjegati, tal-istandards u l-użu tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tibbaża dan l-istudju fuq data kwantitattiva u kwalitattiva u tanalizza kemm il-mudelli kummerċjali tal-proċess ta' standardizzazzjoni kif ukoll id-diversi mudelli finanzjarji – inklużi l-opportunitajiet u l-isfidi – biex jagħmlu l-aċċess għall-istandards armonizzati disponibbli faċilment;

53.  Jissottolinja l-fatt li l-istandardizzazzjoni hija dejjem aktar rikonoxxuta bħala kontributur importanti għar-riċerka u l-iżvilupp u li għandha rwol importanti fl-għeluq tad-distakk bejn ir-riċerka u s-suq, trawwem it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati fir-riċerka, u toħloq bażi għal aktar innovazzjoni;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta politiki li jeliminaw l-ostakli eċċessivi f'setturi innovattivi, biex jagħtu inċentiv għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-istandardizzazzjoni fil-livell tal-UE; jinnota li l-industriji vertikali għandhom ifasslu l-pjan direzzjonali tagħhom għall-istandardizzazzjoni, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq proċessi mmexxija mill-industrija, li jekk ikollhom rieda soda sabiex jiksbu standards komuni, ikollhom il-kapaċità li jsiru standards dinjija; jemmen li l-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni għandu jkollhom rwol speċjali f'dan il-proċess;

55.  Iħeġġeġ lill-partijiet tal-JIS jiżguraw li r-riċerka u l-innovazzjoni jkunu allinjati aħjar mal-prijoritajiet li jiffissaw l-istandards;

56.  Iqis li għarfien u liċenzji miftuħa huma l-aħjar strument biex jiġu stimolati l-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ta' riċerka li jużaw il-fondi tal-UE jużaw privattivi u liċenzji miftuħa sabiex jiksbu rwol akbar fl-iffissar ta' standards;

57.  Jappoġġja azzjonijiet immirati lejn it-titjib tas-sinerġija bejn il-komunitajiet tal-istandardizzazzjoni u dawk tar-riċerka u fil-promozzjoni tal-istandards fi stadju bikri tal-proġetti ta' riċerka; iħeġġeġ lill-korpi nazzjonali tal-istandardizzazzjoni jippromwovu l-istandardizzazzjoni fost ir-riċerkaturi u l-komunità tal-innovazzjoni, inklużi l-organizzazzjonijiet governattivi u l-aġenziji ta' finanzjament rilevanti u jirrakkomanda li jiġi żviluppat kapitolu speċifiku dwar l-istandardizzazzjoni fl-Orizzont 2020;

58.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-ESOs biex jiżguraw li l-istandards tas-servizzi rilevanti għas-suq jirriflettu s-servitizzazzjoni dejjem akbar tal-ekonomija u jiġu żviluppati bl-għanijiet li tiġi żgurata s-sikurezza u l-kwalità tas-servizzi u jiġu pprijoritizzati l-oqsma bl-ogħla detriment għall-konsumaturi mingħajr ma jiġu mittiefsa r-rekwiżiti regolatorji nazzjonali eżistenti, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-liġi tax-xogħol jew il-ftehimiet kollettivi u n-negozjar; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li l-istandards tas-servizzi sikwit jirrispondu għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali u li l-iżvilupp tagħhom huwa relatat mal-bżonnijiet tas-suq, l-interessi tal-konsumatur u l-interess pubbliku; jenfasizza li l-iżvilupp tal-istandards tas-servizzi Ewropej għandu jikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi, filwaqt li tiżdied it-trasparenza, il-kwalità u l-kompetittività u biex jiġu promossa l-kompetizzjoni, l-innovazzjoni, u l-protezzjoni tal-konsumatur;

59.  Jirrimarka li l-proċess ta' standardizzazzjoni fl-Ewropa għandu jinkludi standards li jtejbu l-aċċessibilità għat-trasport u għas-servizzi tat-trasport mingħajr ostakli għall-persuni b'diżabilità u l-anzjani;

60.  Huwa tal-opinjoni li d-dinja moderna li qiegħda tinbidel b'rata mgħaġġla, bil-kumplessità teknika miżjuda tagħha, twassal għall-iżvilupp ta' għadd dejjem akbar ta' standards u pjattaformi għall-ipproċessar ta' speċifikazzjonijiet li ma jikkorrispondux mal-korpi tal-istandardizzazzjoni rikonoxxuti taħt ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012, u li issa hemm esiġenzi akbar f'dak li jirrigwarda l-involviment ta' SMEs u ta' mikrointrapriżi; jenfasizza l-importanza li jkunu appoġġjati miżuri għat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-iżvilupp u l-użu tal-istandards;

61.  Jissottolinja l-importanza tal-interkonnessjoni ta' pjattaformi u bażijiet tad-data fil-livell Ewropew li jippermettu interoperabbiltà aħjar tan-netwerks u s-sistemi;

62.  Jemmen li l-istandardizzazzjoni tal-ICT tinvolvi mhux biss l-iffissar ta' rekwiżiti tal-prodott iżda anke l-iżvilupp ta' teknoloġiji innovattivi;

63.  Jenfasizza li arranġamenti (tekniċi) unformi jgħinu fit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-iżvilupp, tal-produzzjoni u taċ-ċertifikazzjoni u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompiti;

64.  Jenfasizza li t-tixjiħ demografiku fl-Ewropa jitlob l-inkorporazzjoni sistematika tal-ħtiġijiet tal-anzjani u l-persuni b'diżabilità – kif ukoll ta' membri oħra vulnerabbli tas-soċjetà – fl-iżvilupp tal-istandards, li huma għodda xierqa li tgħin biex ikun hemm soċjetà attiva u b'saħħitha fl-Ewropa u biex tiżdied l-aċċessibilità tal-prodotti u s-servizzi għaċ-ċittadini;

65.  Jirrimarka li l-innovazzjoni fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu tipprovdi opportunitajiet enormi u għandha impatt pożittiv kemm fuq is-soċjetà kif ukoll fuq in-negozji tal-UE, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, u jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu żviluppati standards ġodda, u dan, fejn possibbli, billi jiġi segwit approċċ mifrux fuq diversi oqsma, u fuq il-ħtieġa li tiġi promossa l-istandardizzazzjoni sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta' inizjattivi tal-UE fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, bħalma huma s-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti Kooperattivi (C-ITS - Cooperative Intelligent Transport Systems) u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet għat-trasport fis-Sistemi ta' Navigazzjoni bis-Satellita tal-UE (Galileo u EGNOS);

L-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni

66.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol tal-ESOs, iżda jinkoraġġixxi aktar inizjattivi biex jitjiebu l-ftuħ, l-aċċessibilità u t-trasparenza tagħhom, u jirrakkomanda li l-ħidma tagħhom tkun iggwidata minn interessi Ewropej;

67.  Jirrikonoxxi li l-prinċipju tad-delega nazzjonali huwa element fundamentali għas-sistema Ewropea, iżda jwissi li hemm differenzi f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżorsi, il-kompetenza teknika u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-livell nazzjonali, u jirrakkomanda li l-ħidma tad-delegazzjonijiet nazzjonali tkun ikkumplimentata;

68.  Jirrikonoxxi l-importanza tat-tfassil f'waqtu tal-istandards, kif ukoll ta' referenzi ċċitati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU) f'każ ta' standards armonizzati; huwa konxju dwar it-tnaqqis ta' ċitazzjonijiet ta' standards b'referenza msemmija fil-ĠU u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga u tindirizza r-raġunijiet għal dan u tneħħi spejjeż jew piżijiet bla bżonn; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, involviment akbar tal-esperti tal-Kummissjoni u tal-Konsulenti ta' Approċċ Ġdid fil-proċess ta' standardizzazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa, flimkien mal-ESOs, linji gwida għall-evalwazzjoni għall-istandardizzazzjoni sabiex tgħin lid-diversi dipartimenti fi ħdan il-Kummissjoni, lill-ESOs u lill-Konsulenti ta' Approċċ Ġdid sabiex jevalwaw l-istandards b'mod koerenti;

69.  Itenni li mekkaniżmi ta' appell trasparenti u aċċessibbli jibnu fiduċja fl-ESOs, kif ukoll fil-proċessi tal-iffissar tal-istandards;

70.  Jinkoraġġixxi l-użu ta' ICTs ġodda biex jitjiebu l-aċċessibilità u t-trasparenza tal-proċessi ta' standardizzazzjoni, bħall-għodda elettronika ta' tagħlim għall-SMEs, CEN-CENELEC; jemmen li l-użu ta' għodod diġitali jista' jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp ta' standards u jipprovdi informazzjoni dwar xogħol ta' standardizzazzjoni imminenti, attwali jew finalizzat;

Rakkomandazzjonijiet strateġiċi

71.   Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb is-sinerġiji u l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-ESOs, l-NSBs u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha tal-partijiet ikkonċernati permezz tal-Forum Annwali dwar l-Istandardizzazzjoni filwaqt li tirrikonoxxi wkoll il-kuntest internazzjonali tal-istandards; jirrikonoxxi li l-maġġoranza l-kbira tal-istandards jiġu żviluppati b'mod volontarju b'reazzjoni għall-ħtiġijiet tas-suq u tal-konsumatur, u jappoġġja dan;

72.  Jitlob li ssir applikazzjoni stretta tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 fir-rigward tar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III u għall-pubblikazzjoni tar-rapporti previsti fl-Artikolu 24 tar-regolament;

73.  Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni biex tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-organizzazzjonijiet tal-Anness III u biex tiżgura t-tneħħija ta' ostakli de facto għall-involviment effettiv tagħhom fl-istandardizzazzjoni;

74.  Jirrakkomanda li l-istatus, id-drittijiet u l-obbligi ta' sħubija tal-organizzazzjonijiet tal-Anness III, bħalma huma d-dritt ta' appell, setgħat konsultattivi, id-dritt għal opinjoni qabel l-adozzjoni ta' standard, u l-aċċess lill-kumitati tekniċi u l-gruppi ta' ħidma jiġu riveduti fi ħdan l-ESOs sabiex jaċċertaw jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

75.  Jistieden lill-ESOs jiżguraw li l-Ftehimiet ISO-CEN (Vjenna) u IEC CENELEC (Frankfurt) la jimpedixxu u lanqas jipperikolaw il-parteċipazzjoni fil-proċessi ta' standardizzazzjoni tal-Organizzazzjonijiet jew NSBs tal-Anness III;

76.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-infrastruttura meħtieġa, jiffaċilitaw il-finanzjament għaliha u jħaffu l-installazzjoni tagħha, inkluż permezz tal-modernizzazzjoni, il-konverżjoni u l-modifika, għall-aċċettazzjoni fis-suq ta' teknoloġiji ġodda appoġġjati minn standards Ewropej (eż. infrastruttura għal karburanti alternattivi), b'konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza, tas-saħħa u tal-ambjent; jenfasizza li l-infrastruttura hija investiment fuq terminu twil u li għalhekk jenħtieġ li l-istandardizzazzjoni tagħha tiżgura interoperabbiltà massima u tippermetti li jsiru żviluppi teknoloġiċi futuri u l-applikazzjoni tagħhom;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-ESOs u mal-NSBs biex jippromwovu punti ta' kuntatt ta' aċċess, li l-użu tagħhom ikun faċli, għall-istandards li jistgħu jipprovdu għajnuna u informazzjoni lil utenti tal-istandards dwar dawk li jkunu disponibbli u l-ispeċifikazzjonijiet ġenerali tagħhom, u li jistgħu jgħinuhom isibu l-istandards li jaqblu l-aktar mal-ħtiġijiet tagħhom, kif ukoll gwida dwar l-implimentazzjoni tagħhom; jirrakkomanda, barra minn hekk, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jippromwovu r-rwol tal-istandards u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinkludu korsijiet ta' edukazzjoni professjonali rilevanti dwar l-istandards fis-sistemi edukattivi nazzjonali tagħhom;

78.  Jitlob ukoll lill-Kummissjoni tiżviluppa attivitajiet ta' segwitu tat-teknoloġija biex jiġu identifikati żviluppi futur tal-ICT li jistgħu jibbenefikaw mill-istandardizzazzjoni, tiffaċilita l-fluss u t-trasparenza tal-informazzjoni meħtieġa għall-penetrazzjoni tas-suq u l-funzjonament ta' dawn it-teknoloġiji, u, f'dan ir-rigward, tippromwovi mekkaniżmi ta' valutazzjoni aċċessibbli faċilment u faċli għall-utent permezz tal-internet;

79.  Jirrakkomanda li l-NSBs jeħtieġ jeżaminaw jekk huwiex possibbli li jingħata aċċess għall-istandards b'tali mod li l-utent tal-istandards ikun jista' jagħmel valutazzjoni tar-rilevanza tal-istandard; jirrakkomanda bil-qawwa li, meta jiddeterminaw il-livelli tat-tariffi li jirrigardaw l-istandards, l-NSBs u l-ESOs iqisu l-bżonnijiet tal-SMEs u tal-partijiet ikkonċernati li huma utenti mhux kummerċjali;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji reġistru Ewropew li jelenka l-istandards Ewropej eżistenti bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, li jkun jinkludi wkoll informazzjoni dwar ix-xogħol ta' standardizzazzjoni li jkun għaddej fl-ESOs, il-mandati ta' standardizzazzjoni eżistenti, il-progress li jkun sar u d-deċiżjonijiet li jkun fihom oġġezzjonijiet formali;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-iżviluppi fl-istandardizzazzjoni tal-ICT fil-livell internazzjonali u, jekk ikun meħtieġ, tappoġġja l-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati Ewropej fi ħdan korpi ta' standardizzazzjoni xierqa, u fi proġetti ta' standardizzazzjoni strateġikament importanti, sabiex jiġu promossi l-mudell regolatorju Ewropew u l-interessi Ewropej; iħeġġeġ l-użu tal-Pjattaforma ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT biex jitlaqqgħu flimkien l-ESOs u l-korpi ta' standardizzazzjoni internazzjonali tal-ICT;

82.  Iħeġġeġ l-adozzjoni mill-UE tal-Mudell tal-Arkitettura ta' Referenza għall-Industrija 4.0 għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea;

83.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw l-istandards Ewropej tal-ICT fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku sabiex titjieb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi u jitrawmu t-teknoloġiji innovattivi; jenfasizza, madankollu, li l-użu tal-istandards m'għandux jirriżulta f'ostakli addizzjonali, b'mod partikolari għan-negozji ż-żgħar, għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku;

84.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-gvernijiet nazzjonali u lill-ESOs jiżviluppaw linji gwida ta' taħriġ għal dawk li jfasslu l-politika biex jgħinuhom jegħlbu l-inkonsistenzi li jirriżultaw mill-użu ta' metodi ta' ħidma differenti fid-diversi dipartimenti u istituzzjonijiet, u biex tinħoloq kultura ta' standardizzazzjoni u fehim ta' kif il-proċessi tal-istandards jaħdmu u meta jkunu jistgħu jintużaw;

o
o   o

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 56.
(2) https://ec.europa.eu/info/european-commissions-open-source-strategy_mt


Lejn qafas pan-Ewropew ta' bonds koperti
PDF 376kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar Lejn qafas pan-Ewropew ta' bonds koperti (2017/2005(INI))
P8_TA(2017)0279A8-0235/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-EBA tal-20 ta' Diċembru 2016 bl-isem: Covered Bonds: recommendations on harmonisation of covered bond frameworks in the EU (Bonds Koperti: rakkomandazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni ta' oqfsa ta' bonds koperti fl-UE) (EBA-Op-2016-23),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Konsultazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2015 dwar bonds koperti fl-Unjoni Ewropea u d-dokument tal-Kummissjoni mhux iddatat "Summary of contributions to the public consultation on "Covered Bonds"" (Sommarju tal-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar "Bonds Koperti"",

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ottubru 2015 dwar "l-Artikolu 503 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: Rekwiżiti ta' kapital għal bonds koperti" (COM(2015)0509),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-EBA tal-1 ta' Lulju 2014 dwar it-trattament tal-kapital preferenzjali ta' bonds koperti (EBA/Op/2014/04),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-EBA tal-1 ta' Lulju 2014 dwar l-oqfsa ta' bonds koperti tal-UE u t-trattament tal-kapital: rispons għat-talba tal-Kummissjoni għal parir ta' Diċembru 2013 b'rabta mal-Artikolu 503 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u r-Rakkomandazzjoni E tal-BERS dwar il-finanzjament tal-istituzzjonijiet tal-kreditu ta' Diċembru 2012 (ESRB/12/2)’,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet(1), b'mod partikolari l-Artikolu 52(4) tagħha (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva UCITS"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012(2), b'mod partikolari l-Artikolu 129 tiegħu (minn hawn 'il quddiem "CRR"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3), b'mod partikulari l-Artikolu 44(2) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205 tas-6 ta' Awwissu 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1178 tal-10 ta' Ġunju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-obbligu tal-ikklerjar(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/61 tal-10 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-rekwiżit ta' kopertura tal-likwidità għall-Istituzzjonijiet ta' Kreditu(6) (minn issa 'l quddiem "l-Att Delegat LCR"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0235/2017),

A.  billi bonds koperti huma strumenti b'passat stabbilit ta' rati baxxi ta' inadempjenza u b'pagamenti affidabbli li jgħinu biex jiffinanzjaw madwar 20 % ta' ipoteki Ewropej u koprew 'il fuq minn EUR 2 000 biljun ta' obbligazzjonijiet fl-Ewropa fl-2015; billi madwar 90 % tal-bonds koperti fid-dinja kollha jinħarġu f'disa' pajjiżi Ewropej;

B.  billi l-bonds koperti kellhom rwol ewlieni ta' finanzjament tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, b'mod partikolari matul il-kriżi finanzjarja; billi l-bonds koperti żammew livelli għoljin ta' sigurtà u likwidità matul il-kriżi, fatt li għandu jiġi attribwit għall-kwalità tar-regolamentazzjoni nazzjonali; billi l-episodju bejn l-2008 u 2014 ta' żieda fl-ispread fi prezzijiet tal-bonds koperti madwar l-Istati Membri ma jipprovdi l-ebda evidenza konvinċenti ta' frammentazzjoni tas-suq, minħabba li l-ispreads kienu korrelatati ħafna mal-ispreads tal-bonds tal-gvern u possibbilment kienu sempliċi riflessjonijiet tar-riskji sottostanti f'pools ta' kopertura; billi s-sensittività għar-riskju xieraq ta' prezzijiet ta' bond kopert madwar l-Istati Membri hija prova ta' funzjonament tajjeb u swieq integrati sew;

C.  billi hemm investiment transfruntier sinifikanti fis-swieq tal-bonds koperti Ewropej; billi l-bonds koperti għandhom bażi tal-investituri diversifikata sew li fiha l-banek għandhom rwol prominenti, b'sehem mis-suq ta' bejn wieħed u ieħor 35 % bejn l-2009 u l-2015; billi s-sehem mis-suq tal-maniġers tal-assi, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-fondi tal-pensjoni naqas bi kważi 20 punt perċentwali u essenzjalment ġie sostitwit b'investimenti ogħla tal-bank ċentrali f'bonds koperti;

D.  billi l-bonds koperti huma strumenti ta' dejn attraenti peress li huma – sal-livell tal-kollateral fil-pool ta' kopertura – eżenti mill-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna stabbilita fl-Artikolu tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD), billi l-bonds koperti huma konformi mal-Artikolu 129 tas-CRR u jgawdu minn trattament tal-piż tar-riskju preferenzjali;

E.  billi fattur wieħed fid-domanda tal-banek għall-bonds koperti huwa t-trattament regolatorju preferenzjali għall-bonds koperti fl-Att Delegat LCR li jippermetti lill-banek jinkludu l-bonds koperti fir-riżervi ta' likwidità anke jekk ma jkunux eliġibbli għal LCR skont ir-regoli ta' Basel;

F.  billi l-programmi tal-bonds koperti, taħt ċerti kundizzjonijiet, huma eżenti mir-rekwiżiti ta' marġini inizjali kontra r-riskju ta' kreditu tal-kontroparti fi tranżazzjonijiet derivattivi.

G.  billi l-bonds koperti jistgħu, f'diskrezzjoni nazzjonali, jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-UE dwar skoperturi kbar;

H.  billi l-pożizzjonijiet tal-kredituri bankarji mhux garantiti huma affettwati b'mod negattiv mill-aggravar tal-assi minħabba r-rekwiżiti ta' sovrakollateralizzazzjoni (OC) iżda mhux mill-prinċipju ta' finanzjament b'dejn b'pools ta' kopertura segregati; billi tali operazzjonijiet jekk jinvolvu proporzjon bejn is-self u l-valur sew taħt il-100 % ġeneralment itejbu l-pożizzjonijiet tal-kredituri bankarji mhux garantiti sal-punt li dawn ir-riżervi ma jkunux meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet kontra l-pool ta' kopertura;

I.  billi l-bonds koperti jidhru b'mod prominenti fuq in-naħa tal-assi fil-karti tal-bilanċ ta' ħafna banek; billi huwa essenzjali għall-istabilità finanzjarja li dawn l-assi jibqgħu f'likwidità u sigurtà massima; billi dan l-objettiv jenħtieġ li ma jiġix imminat minn innovazzjonijiet f'bonds koperti li jippermettu lill-emittenti jittrasferixxu riskju fid-diskrezzjoni tagħhom;

J.  billi l-ħruġ ta' bonds koperti b'estenzjoni tal-maturità kondizzjonali (l-istrutturi hekk imsejħa "soft bullets" u "conditional pass-through (CPT)") żdied bi 8 % fi tnax-il xahar biex laħaq sehem ta' 45 % tas-suq f'April 2016; billi tali opzjonijiet itaffu r-riskju ta' likwidità f'pools ta' kopertura inadegwati, inaqqsu r-rekwiżiti tal-OC u jgħinu fl-evitar ta' bejgħ bl-għaġla; billi, madankollu, l-estenzjonijiet tal-maturità jeqilbu r-risku tal-emittenti fuq l-investituri; billi trattament regolatorju preferenzjali għandu jingħata biss għal strumenti ta' dejn li huma partikolarment sikuri;

K.  billi m'hemmx definizzjoni preċiża ta' bonds koperti fid-dritt tal-UE;

L.  billi s-swieq tal-bonds koperti għadhom lura fl-Istati Membri mingħajr tradizzjoni tal-ħruġ ta' tali bonds jew fejn it-tkabbir huwa mfixkel mir-riskju sovran jew minn kundizzjonijiet makroekonomiċi diffiċli;

M.  billi hija ħaġa rikonoxxuta sew li l-oqfsa nazzjonali tal-bonds koperti huma diversi, b'mod partikolari fir-rigward tal-aspetti tekniċi bħal-livell tas-superviżjoni pubblika;

N.  billi qafas mifrux mal-UE għall-bonds koperti jrid ikun immirat lejn l-ogħla standards;

O.  billi hemm diversi oqfsa nazzjonali għall-bonds koperti li kellhom suċċess kbir, ibbażati fuq sisien storiċi u legali u parzjalment integrati fid-dritt nazzjonali; billi dawk l-oqfsa nazzjonali jikkondividu karatteristiċi fundamentali, b'mod partikolari r-rikors doppju, is-segregazzjoni tal-pools ta' kopertura b'assi b'riskju baxx u superviżjoni pubblika speċjali; billi jista' jkun ta' benefiċċju li dawn il-prinċipji jiġu estiżi għal tipi oħra ta' strumenti ta' dejn;

P.  billi l-armonizzazzjoni jenħtieġ li ma tkunx ibbażata fuq approċċ ta' universalità peress li dan jista' jwassal għal tnaqqis serju tad-diversità tal-prodott u jista' jaffettwa b'mod negattiv is-swieq nazzjonali li kienu qed jiffunzjonaw b'suċċess; billi jeħtieġ li l-armonizzazzjoni tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà;

Q.  billi l-parteċipanti tas-suq ħadu inizjattivi biex irawmu l-iżvilupp tas-swieq tal-bonds koperti, bħall-ħolqien fl-2013 tat-Tikketta tal-Bonds Koperti (CBL) u l-Mudell ta' Trasparenza Armonizzat (HTT);

R.  billi, wara rieżami superviżorju, l-EBA identifikat l-aħjar prattiki għall-ħruġ u s-superviżjoni tal-bonds koperti u vvalutat l-allinjament tal-oqfsa nazzjonali ma' dawn il-prattiki;

S.  billi, b'rispons għall-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni, maġġoranza kbira tal-partijiet ikkonċernati topponi armonizzazzjoni sħiħa, filwaqt li l-investituri enfasizzaw il-valur tad-diversità tal-prodotti; billi l-partijiet ikkonċernati wrew appoġġ kawt għal-leġiżlazzjoni tal-UE dment li tkun ibbażata fuq il-prinċipji, tibni fuq oqfsa eżistenti u tirrispetta b'mod partikolari l-karatteristiċi tal-oqfsa nazzjonali.

Osservazzjonijiet u pożizzjonijiet ġenerali

1.  Jenfasizza li investimenti domestiċi u transfruntieri f'bonds koperti ħadmu tajjeb fis-swieq tal-UE taħt il-qafas leġiżlattiv attwali; jenfasizza li d-diversità ta' prodotti sodi u sikuri jenħtieġ li tinżamm.

2.  Jirrimarka li armonizzazzjoni obbligatorja ta' mudelli nazzjonali jew is-sostituzzjoni tagħhom b'mudell Ewropew tista' twassal għal konsegwenzi negattivi mhux intenzjonati għal swieq li s-suċċess attwali tagħhom jiddependi mill-fatt li l-leġiżlazzjoni dwar il-bonds koperti hija inkorporata fil-liġijiet nazzjonali; jinsisti li qafas Ewropew aktar integrat għandu jkun limitat għal approċċ ibbażat fuq il-prinċipji li jistabbilixxi l-objettivi iżda jħalli li l-modi u l-mezzi jiġu speċifikati fit-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali; jenfasizza li dan il-qafas għandu jkun ibbażat fuq standards ta' kwalità għolja u jqis l-aħjar prattiki, filwaqt li jibni fuq ir-reġimi nazzjonali li jaħdmu sew mingħajr ma jiġu mfixkla. jenfasizza li l-qafas Ewropew potenzjali ġdid għall-bonds koperti, allinjat mal-aħjar prattiki, jenħtieġ li jkun parametru referenzjarju għas-swieq ġodda u jsaħħaħ il-kwalità tal-bonds koperti.

3.  Jitlob direttiva tal-UE li tiddistingwi b'mod ċar bejn iż-żewġ tipi ta' bonds koperti li jeżistu attwalment, jiġifieri:

   a) bonds koperti (minn hawn 'il quddiem "Bonds Koperti Premium" (PCBs)), li ma jaqgħux taħt l-istandards stabbiliti attwalment bl-Artikolu 129 tas-CRR, u
   b) bonds koperti (minn hawn 'il quddiem "Bonds Koperti Ordinarji", li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti għall-PCBs iżda li ma jaqgħux taħt l-istandards stabbiliti attwalment bl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva UCITS;

Jenfasizza li l-PCBs jenħtieġ li jgawdu minn preferenza regolatorja fuq l-OCBs u li l-OCBs igawdu preferenza regolatorji fuq forom oħra ta' dejn kollateralizzat; jirrikonoxxi l-potenzjal ta' strumenti ta' dejn konformi mal-UCITS kollha għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jipproteġu t-tikketta tal-"bond kopert" (kemm għall-PCBs u l-OCBs) billi jiżguraw fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-bonds koperti jkunu likwidi ħafna u viċin tal-istrumenti ta' dejn mingħajr riskju; jissuġġerixxi bil-qawwa li l-istrumenti tad-dejn koperti b'assi li huma sostanzjalment iktar riskjużi minn dejn tal-gvern u ipoteki (p.e. investimenti fl-infrastruttura mhux apoġġati mill-gvern jew krediti lil intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)) ma għandhomx jiġu mmarkati "bonds koperti" iżda, possibbilment, "Noti Garantiti Ewropej" (European Secured Notes - ESNs); jappoġġja l-prinċipju li pools ta' kopertura għall-PCBs u l-OCBs jenħtieġ li jkunu totalment garantiti b'assi ta' natura dejjiema li tista' tiġi vvalutata u meħuda lura;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fid-direttiva prinċipji ta' qafas legali għal Noti Garantiti Ewropej (ESNs) bħal rikors doppju, superviżjoni pubblika speċjali, protezzjoni kontra l-falliment u rekwiżiti ta' trasparenza; jistieden lill-Istati Membri jintegraw dawn il-prinċipji fid-dritt nazzjonali tagħhom u l-proċeduri ta' insolvenza tagħhom; jenfasizza li qafas legali sod għall-ESNs ikollu l-potenzjal li jagħmel l-ESNs aktar trasparenti, aktar likwidi u aktar effiċjenti fil-konfromt tal-ispiża minn titoli li jagħmlu użu minn arranġamenti kuntrattwali; jirrimarka li dan jista' jgħin lill-ESNs biex jiffinanzjaw attivitajiet aktar riskjużi, bħal krediti għall-SMEs, krediti tal-konsumaturi jew investimenti fl-infrastruttura li għandhom nuqqas ta' garanziji tal-gvern; jinnota li l-ESNs ikunu eżenti mill-ambitu tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna fl-Artikolu 44 tal-BRRD;

6.  Iħeġġeġ li d-Direttiva tinkludi standards minimi ta' sorveljanza li jirriflettu l-aħjar prattiki identifikati għall-bonds koperti; iħeġġeġ konverġenza superviżorja fl-UE kollha;

7.  Jitlob li d-direttiva żżid it-trasparenza fir-rigward ta' informazzjoni dwar assi tal-pool ta' kopertura u l-qafas legali mfassal biex jiżgura rikors doppju u s-segregazzjoni ta' dawk l-assi fil-każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-emittent; jinsisti, barra minn hekk, f'dan ir-rigward li d-direttiva tkun ibbażata fuq il-prinċipji u tiffoka biss fuq ir-rekwiżiti ta' informazzjoni;

1.Definizzjoni tal-PCBs, l-OCBs, l-ESNs u l-qafas regolatorju tagħhom

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposti tagħha għal qafas Ewropew ta' bonds koperti (direttiva) li jiddefinixxi l-PCBs, l-OCBs u l-ESNs b'mod simultanju, bl-għan li jiġi evitat tfixkil fis-suq matul il-fażijiet ta' tranżizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi f'din id-definizzjoni l-prinċipji komuni kollha li ġejjin li jistgħu jinkisbu matul il-ħajja ta' dan l-istrument maħruġ, indipendenti mit-trattament preferenzjali potenzjali:

   a) Il-PCBs, OCBs u l-ESNs jenħtieġ li jkunu sostnuti bis-sħiħ minn pool ta' kopertura ta' assi;
   b) Id-dritt nazzjonali jenħtieġ li jiżgura rikors doppju, jiġifieri l-investitur għandu:
   i) pretensjoni fuq l-emittent tal-istrument ta' dejn ugwali għall-obbligazzjonijiet ta' ħlas sħaħ;
   ii) pretensjoni prijoritarja ekwivalenti fuq l-assi tal-pool ta' kopertura (inklużi assi u derivattivi ta' sostituzzjoni) f'każ ta' inadempjenza tal-emittent.

Jekk dawn il-pretensjonijiet ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw bis-sħiħ l-obbligi ta' ħlas tal-emittent, il-pretensjonijiet residwi tal-investitur iridu jkunu pari passu ma' pretensjonijiet tal-kredituri ta' livell superjuri mhux garantiti tal-emittent;

   c) Is-segregazzjoni effettiva tal-assi tal-pool ta' kopertura kollha f'arranġamenti legalment vinkolanti li jkunu faċilment infurzabbli f'każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-emittent; l-istess għandu jgħodd għall-assi u d-derivattivi ta' sostituzzjoni kollha li jiħħeġġjaw ir-riskji tal-pool ta' kopertura;
   d) Il-PCBs, l-OCBs u l-ESNs huma protetti f'każ ta' falliment, jiġifieri huwa żgurat li l-obbligazzjonijiet ta' ħlas tal-emittent ma jkunux awtomatikament aċċelerati f'każ tal-insolvenza jew ir-riżoluzzjoni tal-emittent;
   e) Sovrakollateralizzazzjoni (OC) li tirrifletti r-riskji speċifiċi tal-PCBs, l-OCBs u l-ESNs hija applikata, b'daqsijiet li jiġu stabbiliti fid-dritt nazzjonali. Il-valur tal-assi tal-pool ta' kopertura kollha dejjem irid ikun akbar mill-valur ta' obbligazzjonijiet ta' ħlas pendenti. Il-metodi ta' valutazzjoni għal assi tal-pool ta' kopertura u l-frekwenza tal-kalkolu jenħtieġ li jkunu definiti b'mod ċar fid-dritt nazzjonali u jenħtieġ li jikkunsidraw b'mod xieraq ir-riskji kollha rilevanti;
   f) Id-dritt Ewropew jew id-dritt nazzjonali jiddefinixxu l-parametri massimi bejn is-self u l-valur (LTV) għall-assi tal-pool ta' kopertura. It-tneħħija ta' assi tal-pool ta' kopertura bi ksur tal-limiti jenħtieġ li ma tkunx obbligatorja, iżda pjuttost irid jiġi żgurat li din it-tneħħija sseħħ biss jekk dawn jiġu sostitwiti minn assi eliġibbli ta' mill-inqas l-istess valur tas-suq;
   g) Parti mill-assi tal-pool ta' kopertura jew mill-faċilitajiet ta' likwidità tkun likwida biżżejjed biex l-obbligazzjonijiet ta' ħlas tal-programm tal-bonds koperti jew tal-ESN ikunu jistgħu jiġu sodisfatti għas-sitt xhur li jmiss, ħlief f'każijiet b'bonds b'finanzjament simetriku jew bonds bi struttura soft bullet u b'conditional pass-through (CPT);
   h) Strumenti derivattivi huma permessi biss għal skopijiet ta' ħħeġġjar kontra r-riskju, u kuntratti derivattivi li jkun daħal fihom l-emittent b'kontroparti derivattiva u rreġistrati fil-pool ta' kopertura ma jistgħux jiġu terminati mal-insolvenza tal-emittent;
   i) Id-dritt nazzjonali jipprevedi qafas robust speċjali ta' superviżjoni pubblika billi jispeċifika l-awtorità kompetenti, is-superviżur u l-amministratur speċjali tal-pool ta' kopertura, flimkien ma' definizzjoni ċara tad-dmirijiet u s-setgħat superviżorji tal-awtorità kompetenti, biex ikun żgurat li:
   i) l-emittenti jkollhom persunal kwalifikat u proċeduri operattivi adegwati fis-seħħ għall-ġestjoni tal-pools ta' kopertura, anke fil-każ ta' stress, insolvenza jew riżoluzzjoni;
   ii) il-karatteristiċi ta' pools ta' kopertura jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli kemm qabel il-ħruġ tal-istrument ta' dejn kif ukoll sal-maturità tiegħu;
   iii) il-konformità tal-PCBs, l-OCBs u l-ESNs mar-rekwiżiti rilevanti (inkluż f'dak li jirrigwarda l-eliġibilità tal-assi ta' kopertura u l-kopertura) hija soġġetta għal monitoraġġ kontinwu, regolari u indipendenti;
   iv) l-emittenti jwettqu testijiet tal-istress regolari dwar il-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kopertura, b'kunsiderazzjoni tal-fatturi ta' riskju ewlenin li jaffettwaw l-istrument ta' dejn, bħall-kreditu, ir-rata tal-imgħax, il-munita u r-riskji ta' likwidità;

id-dmirijiet u s-setgħat tal-awtorità kompetenti u l-amministratur speċjali f'każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-emittent iridu jkunu definiti b'mod ċar.

   j) L-emittent huwa obbligat jiżvela mill-inqas darbtejn fis-sena data aggregata dwar il-pools ta' kopertura f'livell ta' dettall li jippermetti lill-investituri jwettqu analiżi komprensiva tar-riskju. Għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-karatteristiċi tar-riskju tal-kreditu, ir-riskju tas-suq u r-riskju tal-likwidità ta' assi ta' kopertura, dwar il-kontropartijiet involuti fil-pools ta' kopertura u fil-livelli ta' OC legali, kuntrattwali u volontarja, filwaqt li jenħtieġ li jkun hemm ukoll taqsima dwar id-derivattivi marbuta mal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-pool ta' kopertura;
   k) Il-maturità tista' tkun estiża biss f'każ ta' insolvenza jew riżoluzzjoni tal-emittent u bl-approvazzjoni tal-awtorità superviżorja kompetenti jew taħt skattaturi finanzjarji oġġettivi stabbiliti mid-dritt nazzjonali u approvati mill-awtorità Ewropea kompetenti; il-kundizzjonijiet eżatti tal-estensjoni u l-bidliet potenzjali tal-kupun, il-maturità u fatturi oħra jenħtieġ li jiġu ċċarati fit-termini u l-kundizzjonijiet ta' kull bond;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fid-definizzjoni tad-direttiva tal-PCBs il-prinċipji addizzjonali li ġejjin:

   a) L-istrument ta' dejn jkun kompletament kollateralizzat b'assi definiti fl-Artikolu 129(1) tas-CRR u jissodisfa r-rekwiżiti addizzjonali tal-Artikolu 129(3) u (7) tas-CRR; għal self residenzjali garantiti minn garanziji kif speċifikat skont l-Artikolu 129(1)(e) tas-CRR ma jrid ikun hemm l-ebda impediment legali għal amministratur tal-programm tal-bonds koperti li jpoġġi garanziji ipotekari privileġjati fuq is-self meta l-emittent ta' bonds koperti ikun f'inadempjenza jew riżoluzzjoni, u l-garanzija, għal kwalunkwe raġuni, ma tiġix onorata. L-eliġibilità ta' bastimenti bħala assi tal-pool ta' kopertura (l-Artikolu 129(1)(g) tas-CRR) għandha tiġi riveduta;
   b) Il-parametri LTV massimi għall-mutwi ipotekarji inklużi fil-pool ta' kopertura jiġu stabbiliti mid-dritt Ewropew b'tali mod li ma jaqbżux il-proporzjonijiet ta' LTV ffissati attwalment fl-Artikolu 129 tas-CRR, iżda huma soġġetti għal rieżami u aġġustament regolari f'konformità ma' testijiet tal-istress li jistrieħu fuq valutazzjonijiet indipendenti tal-prezzijiet tas-suq li jistgħu jkunu prevalenti fis-swieq immobiljari rilevanti taħt stress; għandu jitħeġġeġ l-użu ta' parametri bbażati fuq ir-relazzjoni self-valur ipotekarju pjuttost milli parametri bbażati fuq ir-relazzjoni self-valur tas-suq;

10.  Jenfasizza li l-ponderazzjonijiet tar-riskju assenjati lill-bonds koperti fil-leġiżlazzjoni Ewropea jridu jirriflettu l-valutazzjonijiet tas-suq tar-riskji sottostanti; josserva li l-istess ma japplikax għat-tipi l-oħra kollha ta' strumenti ta' dejn li jgawdu minn trattament regolatorju preferenzjali minħabba ċerti karatteristiċi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti s-setgħa lill-Awtoritajiet Superviżjorji Ewropej (ESAs) biex jivvalutaw il-konformità mal-kriterji għall-PCBs, l-OCBs u l-ESNs bl-għan li tikkomplementa jew anki tissostitwixxi l-listi previsti fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva UCITS b'lista awtoritattiva ta' reġimi ta' PCBs, OCBs u ESNs konformi fil-livell Ewropew.

12.  Jistieden lill-EBA toħroġ rakkomandazzjonijiet għal reġimi tal-PCBs, l-OCBs u tal-ESNs dwar il-kriterji ta' eliġibilità għal assi (inklużi assi ta' sostituzzjoni), dwar proporzjonijiet ta' LTV u l-livelli minimi ta' OC effikaċi għal tipi differenti ta' assi, kif ukoll dwar reviżjonijiet possibbli tas-CRR; jistieden lill-EBA tipprovdi l-linji gwida neċessarji għall-istabbiliment tal-qafas superviżorju u amministrattiv speċjali pubbliku;

13.  Jirrakkomanda li l-ostakli għall-aċċess għas-suq għall-emittenti fl-iżvilupp ta' swieq ta' bonds koperti barra ż-ŻEE jitneħħew billi jingħata trattament ekwu lil bonds koperti minn emittenti f'pajjiżi terzi, sakemm l-ambjent legali, istituzzjonali u ta' sorveljanza tagħhom jgħaddi minn valutazzjoni bir-reqqa tal-ekwivalenza minn istituzzjoni Ewropea kompetenti; jirrakkomanda l-promozzjoni tal-prinċipji ewlenin tal-leġiżlazzjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi punt ta' riferiment potenzjali għas-swieq tal-bonds koperti globalment;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar is-servizzi finanzjarji li tispeċifika t-trattament regolatorju tal-PCBs, l-OCBs u l-ESNs;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed tivvaluta leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji, biex tieħu kont tal-potenzjal tal-PCBs, l-OCBs u l-ESNs għall-kisba tal-objettivi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika ostakli possibbli fil-livell nazzjonali għall-iżvilupp tas-sistemi tal-bonds koperti u tippubblika linji gwida sabiex telimina dawn l-ostakli, mingħajr ħsara għall-kondotta kummerċjali soda u prudenti tal-banek;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-EBA jivvalutaw mill-ġdid (possibbilment bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt) l-eliġibilità ta' garanziji marittimi fuq bastimenti bħala assi tal-pool ta' kopertura kif stipulat fl-Artikolu 129(1)(g) tas-CRR; huwa mħasseb dwar il-fatt li trattament preferenzjali għall-bastimenti li jgħawweġ il-kompetizzjoni ma' mezzi oħra ta' trasport; jitlob lill-Kummissjoni u lill-EBA jinvestigaw jekk il-bonds koperti tal-bastimenti humiex fuq l-istess livell ma' bonds koperti konformi mas-CRR f'termini tal-likwidità u valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom imwettqa minn aġenziji tal-klassifikazzjoni indipendenti, u jekk it-trattament preferenzjali ta' tali bonds fuq il-bażi ta' eliġibilità LCR u ponderazzjonijiet tar-riskju iktar baxxi fis-CRR huwiex għalhekk iġġustifikat;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jipprevedu fid-dritt nazzjonali l-opportunità li joħolqu pools ta' kopertura separati, b'kull waħda minnhom tinkludi l-istess klassi ta' assi omoġenja (bħal self residenzjali); jistieden lill-Istati Membri jippermettu l-assi ta' kopertura kollha kif speċifikat fl-Artikolu 129(1)(a)(b) u (c) tas-CRR bħala assi ta' sostituzzjoni li jikkontribwixxu għar-rekwiżit ta' kopertura, u biex jispeċifikaw b'mod ċar limiti fuq il-kwalità tal-krediti, id-daqs tal-iskopertura u l-limiti superjuri għall-kontribuzzjonijiet ta' kopertura tal-assi ta' sostituzzjoni;

Appoġġ tat-trasparenza tas-suq u l-konverġenza volontarja

19.  Jilqa' t-titjib fil-metodoloġiji ta' klassifikazzjoni tal-bonds koperti u l-espansjoni tas-swieq ta' klassifikazzjoni għall-bonds koperti;

20.  Jissottolinja l-importanza ta' kundizzjonijiet ekwi sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-swieq finanzjarji; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni Ewropea ma tridx tiddiskrimina bejn it-tipi differenti ta' strumenti tal-dejn iggarantiti ħlief jekk ikun hemm raġunijiet tajbin biex wieħed jassumi li dawn huma differenti f'dak li jirrigwarda s-sikurezza jew il-likwidità;

21.  Jilqa' inizjattivi tas-suq biex jiġu żviluppati standards u mudelli armonizzati għad-divulgazzjoni (p.e. l-HTT) biex jiġu ffaċilitati t-tqabbil u l-analiżi tad-differenzi bejn il-bonds koperti madwar l-UE;

22.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' rakkomandazzjonijiet tal-EBA għal standards tas-suq u linji gwida dwar l-aħjar prattiki; jinkoraġġixxi l-konverġenza volontarja f'dan is-sens;

23.  Iħeġġeġ it-twettiq regolari ta' testijiet tal-istress għal pools ta' kopertura u l-pubblikazzjoni tar-rizultati tat-testijiet tal-istress;

o
o   o

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(1) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 186.
(2) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(3) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(4) ĠU L 314, 1.12.2015, p. 13.
(5) ĠU L 195, 20.7.2016, p. 3.
(6) ĠU L 11, 17.1.2015, p. 1.


Ir-rwol tat-turiżmu relatat mas-sajd fid-diversifikazzjoni tas-sajd
PDF 407kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ir-rwol tat-turiżmu relatat mas-sajd fid-diversifikazzjoni tas-sajd (2016/2035(INI))
P8_TA(2017)0280A8-0221/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ilma(3) (Direttiva Qafas dwar l-Ilma),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu, tat-22 ta' Novembru 2012, dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar Tkabbir Blu: It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar, tat-trasport marittimu u tat-turiżmu fl-UE(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2014 intitolata "L-innovazzjoni fl-Ekonomija Blu: inwettqu l-potenzjal tal-ibħra u l-oċeani tagħna għall-impjiegi u t-tkabbir" (COM(2014)0254),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew" (COM(2010)0352),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 u b'mod partikolari l-Mira 4 "Biex is-sajd isir aktar sostenibbli u l-ibħra aktar b'saħħithom", li fiha l-UE timpenja ruħha li, fost affarijiet oħra, telimina impatti ħżiena fuq l-istokkijiet tal-ħut, speċijiet, ħabitats u ekosistemi, inkluż billi jkunu pprovduti inċentivi finanzjarji permezz ta' strumenti finanzjari futuri għas-sajd u l-politika marittima għaż-żoni marittimi protetti (inklużi ż-żoni ta' Natura 2000 u dawk stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali jew reġjonali). Dan jista' jinkludi r-restawr tal-ekosistemi tal-baħar, l-adattament tal-attivitajiet ta' sajd u l-promozzjoni tal-involviment tas-settur f'attivitajiet alternattivi, bħal pereżempju l-ekoturiżmu, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-bijodiversità marittima u l-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bl-isem "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2012 bit-titolu "Tkabbir Blu – opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu" (COM(2012)0494),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2014 bit-titolu "Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali" (COM(2014)0086),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0221/2017),

A.  billi s-settur tas-sajd tradizzjonali kompla jiddeterjora;

B.  billi d-diversifikazzjoni saret bżonn għal ħafna sajjieda li jaħdmu fuq skala żgħira sabiex jipprovdu sorsi addizzjonali ta' dħul, peress li d-dħul huwa ta' spiss mhux adegwat;

C.  billi meta wieħed jitkellem dwar id-diversifikazzjoni fis-settur tas-sajd, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-biċċa l-kbira tas-settur tas-sajd tiddependi kważi kompletament fuq il-forom tradizzjonali ta' sajd;

D.  billi l-maġġoranza tar-reġjuni kostali u l-gżejjer qed isofru minn tnaqqis ekonomiku gravi, li jirriżulta f'depopolazzjoni billi l-abitanti tagħhom jitilqu lejn żoni b'aktar opportunitajiet ta' impjieg u ta' edukazzjoni;

E.  billi filwaqt li xi reġjuni kostali tas-sajd jinsabu qrib destinazzjonijiet turistiċi, huma mhux qed jirnexxilhom jiksbu tkabbir ekonomiku adegwat, anke jekk is-sajd u t-turiżmu huma kompatibbli;

F.  billi t-turiżmu relatat mas-sajd jista' jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi, jippromwovi l-inklużjoni soċjali, itejjeb il-kwalità tal-ħajja u jirrivitalizza l-komunitajiet li jiddependu fuq is-sajd, b'mod partikolari fiż-żoni li fihom l-attivitajiet ekonomiċi l-oħra huma skarsi; billi dan il-potenzjal ivarja ħafna, kemm f'termini reġjonali kif ukoll skont it-tip ta' bastiment tas-sajd involut u daqsijiet differenti;

G.  billi t-turiżmu relatat mas-sajd jista' jikkontribwixxi biex inaqqas l-impatt fuq l-istokkijiet tal-ħut u fuq l-ambjent, kif ukoll biex jiżdiedu l-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar il-bżonn ta' ħarsien ambjentali u konservazzjoni kulturali; billi, b'mod partikolari, it-tours relatati mas-sajd u s-servizzi tat-turiżmu offruti mis-sajjieda fuq l-art jistgħu, f'ħafna reġjuni Ewropej, ikunu mezz ġenwin li jissupplimenta l-attività ewlenija u jiddiversifika minnha;

H.  billi l-attivitajiet tat-turiżmu relatati mas-sajd jistgħu jikkontribwixxu biex iżidu l-viżibbiltà tas-sajjieda u jgħinu biex in-nies japprezzaw u jifhmu l-qasam kumpless tal-attività tagħhom.; billi t-tours tas-sajd u attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu (servizzi tat-turisti offruti mis-sajjieda fuq l-art, sajd rikreattiv, eċċ) ftit hemm għarfien dwarhom mill-pubbliku inġenerali, u hemm bżonn li tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar l-importanza li wieħed jikkonsma prodotti tal-ħut lokali li ġejjin minn katina tal-provvista qasira;

I.  billi t-turiżmu relatat mas-sajd jista' jkun opportunità biex jattira t-turisti billi tiġi pprovduta offerta wiesgħa li tinkludi l-prodotti lokali sal-forom ta' impriżi favur l-ambjent;

J.  billi l-gastronomija tradizzjonali assoċjata ma' prodotti tas-sajd u l-preservazzjoni tradizzjonali u l-industriji tal-ipproċessar tista' tirrappreżenta vantaġġ ewlieni għat-turiżmu li qed jiġi żviluppat madwar l-industrija tas-sajd;

K.  billi s-sajd bil-qasba joffri diversi benefiċċji soċjali, u għandu impatt favorevoli fuq is-saħħa u l-benessri tal-bniedem;

L.  billi l-qligħ soċjoekonomiku li jirriżulta mit-turiżmu relatat mas-sajd huwa ta' natura staġjonali qawwija, billi jsir prinċipalment fix-xhur tas-sajf; billi l-benefiċċji li jistgħu jinkisbu minn lealtà akbar tal-konsumaturi, suġġett li huwa ferm ikkwotat, jistgħu jitwettqu matul is-sena;

M.  billi l-2018 se tkun is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, li għandha l-għan li tqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini dwar l-istorja Ewropea u tisħqilhom li l-valuri tal-wirt kulturali tagħha huma riżorsa kondiviża; billi forom ta' sajd tradizzjonali jiffurmaw parti mill-wirt kulturali għani tal-Ewropa u jikkontribwixxu għall-identità tal-komunitajiet lokali, mhux l-anqas f'termini ta' kif għen fit-tiswir ta' togħmiet, ikel, tradizzjonijiet, storja u pajsaġġi; billi dan l-aspett huwa msaħħaħ bil-kbir permezz ta' kuntatti ma' turisti;

N.  billi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) jagħti appoġġ lill-investimenti li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tad-dħul tas-sajjieda permezz tal-iżvilupp tal-attivitajiet komplementari, inkluż l-investiment għall-apparat tas-sikurezza abbord, it-tours tas-sajd, is-servizzi tat-turiżmu bbażat fuq il-kosta, il-forniment tal-ikel, is-servizzi pprovduti għas-sajd rikreattiv u sportiv, u l-attivitajiet edukattivi relatati mas-sajd;

O.  billi ma teżisti ebda definizzjoni komuni u lanqas bażi ġuridika għat-turiżmu relatat mas-sajd; billi, pereżempju, it-turiżmu ta' dan it-tip huwa meqjus fl-Italja bħala attività professjonali, iżda fi Franza huwa kklassifikat bħala attività okkażjonali; billi, skont l-istatus ġuridiku tiegħu jista' jkun hemm differenzi sinifikanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskemi fiskali, proċeduri għall-għoti ta' liċenzji, rekwiżiti għall-kwalifiki, apparat ta' sikurezza, eċċ.;

P.  billi d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tal-UE u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina jirrikjedu li l-Istati Membri jiżguraw status tajjeb tal-ilmijiet tal-kosta u tal-baħar; billi d-Direttiva dwar il-Ħabitats titlob lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jmantnu ħabitats tal-baħar u kostali permezz tal-istabbiliment u l-ġestjoni ta' siti ta' Natura 2000;

Q.  billi f'ħafna żoni protetti tal-baħar (MPAs) u s-siti tal-baħar u dawk kostali tan-Natura 2000 is-settur tat-turiżmu huwa partikolarment importanti; billi hemm ħafna eżempji pożittivi ta' ġestjoni konġunta u sħubijiet bejn il-korpi ta' ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar u sajjieda fuq skala żgħira għall-promozzjoni tat-turiżmu tas-sajd u mezzi oħra ta' espożizzjoni ta' sajd tradizzjonali għal skopijiet turistiċi u kulturali;

R.  billi fl-Ewropa u 'l barra minnha hemm skarsezza, nuqqas ta' konsistenza u nuqqas ta' komparabbiltà tad-data li tirrigwarda t-turiżmu relatat mas-sajd;

S.  billi, fil-qafas tal-istrateġija "Tkabbir Blu" tal-2012, l-UE identifikat it-turiżmu tal-kosta u dak marittimu bħala settur ewlieni għall-iżvilupp ta' ekonomija sostenibbli bbażata fuq is-solidarjetà;

T.  billi fl-2010, fil-kuntest tal-komunikazzjoni "L-Ewropa, l-ewwel destinazzjoni turistika fid-dinja – qafas politiku ġdid għat-turiżmu Ewropew", il-Kummissjoni esprimiet il-bżonn li tiżviluppa strateġija għat-turiżmu tal-kosta u marittimu sostenibbli;

U.  billi fl-2012 il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għat-turiżmu tal-kosta u dak marittimu fl-Ewropa, u wara dan, fl-20 ta' Frar 2014 ippubblikat komunikazzjoni bit-titolu "Strateġija Ewropea għal aktar Tkabbir Ekonomiku u Impjiegi fit-Turiżmu Marittimu u Kostali";

V.  billi l-attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu jsiru minn sajjieda kummerċjali li jfittxu li jiddiversifikaw l-attivitajiet tagħhom, jippromwovu u jivvalorizzaw l-istatus tal-professjoni tagħhom u l-wirt soċjokulturali tagħhom, u jtejbu l-użu sostenibbli tal-ekosistemi akkwatiċi, billi f'xi każijiet itellgħu lit-turisti abbord il-bastimenti; billi filwaqt li dawn l-attivitajiet tas-sajd jinvolvu sempliċiment element tat-turiżmu u għan rikreattiv, ma teżisti l-ebda definizzjoni ċara li twaqqaf l-istandards tagħhom;

W.  billi t-terminu "turiżmu relatat mas-sajd" (bit-Taljan pescaturismo) jirreferi għall-attivitajiet tas-sajd rikreattivi/għat-turisti li jsiru minn sajjieda kummerċjali li jilqgħu ċertu numru ta' turisti abbord il-bastimenti tagħhom bl-għan li juruhom id-dinja tas-sajd;

X.  billi s-servizzi tat-turiżmu offruti mis-sajjieda fuq l-art (bit-Taljan ittiturismo; hawn taħt "ittituriżmu") jinkludu inizjattivi relatati mat-turiżmu gastronomiku u l-ospitalità ġestiti minn sajjieda kummerċjali; billi waħda mid-differenzi ewlenin bejn iż-żewġ tipi ta' turiżmu msemmija hawn fuq hija li tal-aħħar ma jistax isir abbord bastimenti tas-sajd;

Y.  billi s-sajd rikreattiv hija l-attività mwettqa esklussivament b'intenzjoni rikreattiva u/jew kompetittiva li tisfrutta r-riżorsi akkwatiċi ħajjin u tipprojbixxi kull forma ta' bejgħ tal-prodott maqbud; billi filwaqt li l-intenzjoni tas-sajd rikreattiv mhijiex għal raġunijiet ta' profitt, is-sajd huwa inkluż fost l-attivitajiet ta' turiżmu li jiġġenera ekonomija parallela li għandha tiġi sfruttata permezz tal-ġestjoni tas-sajjieda professjonali, permezz tas-servizzi, il-faċilitajiet u l-infrastrutturi offruti għas-sajjieda rikreattivi; billi, madankollu, is-sajd rikreattiv mhux ikkontrollat u intensiv jista' jkollu effett ħażin fuq l-istokkijiet tal-ħut f'xi żoni;

Z.  billi ma hemm l-ebda statistika soċjoekonomika jew ambjentali affidabbli dwar l-impatt tas-sajd rikreattiv fuq l-istokkijiet, speċjalment f'żoni fejn is-sajd rikreattiv huwa intensiv, u billi ma hemmx regoli ċari jew kontrolli komprensivi dwar il-qabda, u wisq inqas dwar il-bejgħ illeċitu ta' qabdiet tas-sajd rikreattiv permezz ta' mezzi informal, ġeneralment marbuta mar-ristoranti;

Sajd relatat mat-turiżmu f'pajjiżi tal-UE

AA.  billi studju li sar fl-2015 mill-Grupp ta' Azzjoni Kostali "il mare delle Alpi" (GAC)(6) dwar id-drawwiet u l-fehmiet pubbliċi fiż-żoni tal-qbid tal-GAC juri li terz ta' dawk intervistati li jieklu l-ħut diversi drabi fil-ġimgħa, b'mod partikolari erba' tipi biss ta' ħut għall-ikel, li tnejn minnhom jinsabu fl-ilma ħelu u l-oħrajn tal-baħar (ħut li fih ħafna xaħam, salamun, bakkaljaw u trota); billi l-attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu jiġġeneraw għarfien akbar dwar il-varjetà ta' speċijiet u dwar it-tradizzjonijiet tal-ikel, li ta' spiss jiġu injorati mill-pubbliku inġenerali ta' konsumaturi; billi l-impatt fuq id-diversifikazzjoni tal-isforz tas-sajd huwa ovvju;

AB.  billi fl-Italja ġiet osservata żieda kostanti fittalbiet ta' awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta' attivitajiet tat-turiżmu relatati mas-sajd; billi, skont stħarriġ li sar riċentement, ir-reġjuni Taljani bl-akbar numru ta' liċenzji huma l-Liguria (290), l-Emilia-Romagna (229), Sardenja (218), il-Calabria (203), il-Campania (200) u Sqallija (136); billi, b'total, l-awtorizzazzjonijiet irreġistrati mill-2002 sal-2012 jammontaw għal 1600; billi fl-2003 r-reġjuni bl-akbar numru ta' liċenzji kienu l-Campania (63), il-Liguria (62), Sqallija (60) u Sardenja (59), segwiti mill-qrib mill-Puglia (46), il-Calabria (39) u t-Toskana (37)(7);

AC.  billi terz mill-flotta awtorizzata biex twettaq attivitajiet tat-turiżmu relatati mas-sajd ma tistax ittella' abbord aktar minn erba' passiġġieri, 29 % jistgħu jtellgħu abbord bejn 5 u 8 passiġġieri u s-37 % li jifdal jistgħu jtellgħu abbord bejn 9 u 12-il passiġġier(8);

AD.  billi l-livell għoli ta' turisti huwa kkonċentrat kważi għal kollox fix-xhur ta' Lulju u Awwissu, u dan ifisser li t-turiżmu relatat mas-sajd huwa ta' natura estremament staġjonali u li huwa importanti li titħeġġeġ id-diversifikazzjoni;

AE.  billi l-edukazzjoni ssegwi xejra simili għall-klassijiet f'termini ta' età, sal-punt fejn il-livell ta' edukazzjoni jkun ukoll ogħla fost l-operaturi tat-tours tas-sajd meta mqabbel ma' ta' dawk li jipprattikaw biss is-sajd professjonali; billi aktar minn 30 % tal-kaptani tad-dgħajjes huma fil-pussess ta' ċertifikat jew kwalifika professjonali u għandhom mill-inqas għarfien bażiku tal-Ingliż (64 %), tal-Franċiż (34 %), tal-Ispanjol (16 %) jew tal-Ġermaniż (7 %)(9);

AF.  billi fl-Italja sar stħarriġ li involva l-operaturi tat-tours relatati mas-sajd u li wera li t-tours relatati mas-sajd jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-isforzi biex jiġu ppreservati l-istokkijiet tal-ħut u l-ekosistemi tal-baħar, partikolarment permezz ta' qabdiet imnaqqsa, kif ukoll mil-lat soċjali, għall-benessri fiżiku u mentali tas-sajjieda u l-familji tagħhom permezz ta' inqas sigħat fuq il-baħar(10);

AG.  billi kien hemm involviment akbar min-nisa mhux biss fl-attivitajiet sekondarji marbuta ma' dawk tas-sajjieda, iżda wkoll fl-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom fis-settur tat-turiżmu relatat mas-sajd;

AH.  billi ż-żgħażagħ jistgħu jitqiesu wkoll bħala wieħed mill-gruppi fil-mira għall-iżvilupp ta' destinazzjonijiet turistiċi tas-sajd;

AI.  billi s-sajd tradizzjonali huwa attwalment l-inqas attività magħrufa tas-settur primarju u l-inqas studjat u użat bħala għodda edukattiva fil-livelli akkademiċi bażiċi u intermedjarji;

AJ.  billi hemm ambitu wiesa' għall-introduzzjoni ta' attivitajiet edukattivi relatati mas-sajd tradizzjonali bbażati fuq mudelli bħal dak ta' "skola tal-farms";

AK.  billi l-iżvilupp tal-attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu jiddependi b'mod kruċjali fuq sħubijiet, Gruppi ta' Azzjoni Lokali tas-Sajd (FLAGs), li fihom dawk li jaħdmu fis-settur tas-sajd u l-partijiet interessati pubbliċi u privati lokali l-oħra jaħdmu flimkien biex jippjanaw u jwettqu strateġija minn isfel għal fuq li tkun adattata u tissodisfa l-bżonnijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali taż-żona kkonċernata; billi, anke jekk il-FLAGs fl-UE jaħdmu f'ambjenti differenti ħafna u jadottaw strateġiji differenti ħafna, huma rrikonoxxew it-turiżmu, mingħajr eċċezzjoni, bħala fattur ta' żvilupp ewlieni;

AL.  billi l-Kummissjoni Ewropea waqqfet l-Unità ta' Appoġġ tan-Netwerk Ewropew dwar iż-Żoni tas-Sajd (FARNET) biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Assi 4 taħt il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES); billi FARNET hija pjattaforma ta' netwerking għaż-żoni ta' sajd u tappoġġja l-FLAG fl-iżvilupp ta' strateġiji, inizjattivi u proġetti lokali;

AM.  billi, permezz tal-FLAG, il-partijiet interessati lokali tgħallmu kif l-offerta tat-turiżmu ta' żona tas-sajd tista' tevolvi biex tinkludi pakkett sħiħ ta' attivitajiet, u għalhekk tista' tibqa' attraenti anke f'parti kompetittiva ħafna tat-turiżmu; billi t-turiżmu jista' b'dan il-mod isir sors ewlieni ta' dħul addizzjonali għall-komunitajiet tas-sajd, u b'hekk fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxi għall-iżvilupp ġenerali tar-reġjuni kostali u l-gżejjer;

AN.  billi eżempji tajbin juru l-kollaborazzjoni prattika tal-FLAG f'dak li għandu x'jaqsam mas-sajd artiġjanali fil-Greċja, l-Italja u Spanja; billi, barra minn hekk, in-netwerk FARNET enfasizza l-aħjar prattiki fi Franza, il-Belġju, Spanja, il-Kroazja u l-Italja(11);

AO.  billi fil-Finlandja ġie adottat mudell ta' valutazzjoni ta' impatt tal-attivitajiet tat-turiżmu relatati mas-sajd, abbażi tad-durata taż-żjarat u tal-post ta' residenza u tan-numru ta' viżitaturi; billi l-valutazzjonijiet miġbura żvelaw problemi dwar id-definizzjonijiet ta' "turist tas-sajd", kif ukoll dwar kif għandhom jingħaddu l-vjaġġi(12);

AP.  billi l-festivals isiru f'diversi rħula kostali fi Stati Membri fejn huwa importanti li jiġu integrati mezzi oħra li jżidu l-attrazzjoni turistika, bħal pereżempju billi jingħaqdu ma' offerti oħra ta' kwalità fis-settur primarju: jinxtered l-għarfien dwar is-sajd fuq skala żgħira u l-istil ta' ħajja tas-sajjieda, u jiġu pprovduti kuntatti ma' kulturi tradizzjonali, inkluż l-ikel u l-inbid reġjonali, u prodotti ta' kwalità għolja mingħand l-industrija tal-ipproċessar u l-ippakkjar li jirriflettu d-diversità tal-UE;

AQ.  billi fi Spanja nħolqu aġenziji speċjalizzati bħat-"Turismo marinero - Costa del Sol" bl-għan li jippromwovu l-industrija tradizzjonali tas-sajd u jgħinu l-persuni lokali biex jiżviluppaw u jirreklamaw l-attivitajiet tat-turiżmu relatati ma' dan is-settur; billi l-aġenzija torganizza sessjonijiet tat-tisjir abbord il-bastimenti użati mis-sajjieda lokali, vjaġġi għall-osservazzjoni tal-ispeċijiet tal-ħut u attivitajiet tas-sajd rikreattiv; billi għażla disponibbli oħra hija t-tours bil-gwida tal-"Bioparc", mużew għall-apert maħluq speċifikament għat-tfal, fejn huma jistgħu jitgħallmu dwar il-bijoloġija marittima, is-sajd tradizzjonali (irkaptu u tekniki tas-sajd tradizzjonali) u dwar il-kultura lokali; jinnota li l-emulazzjoni ta' tali inizjattivi, u l-kondiviżjoni ta' għarfien espert f'dan il-qasam fost l-Istati Membri, tkun ta' benefiċċju għall-komunitajiet kostali u rurali, b'mod partikolari fir-reġjuni periferiċi(13);

AR.  billi l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Istati Membri għandhom għalhekk ma jipprojbixxux it-tekniki tas-sajd tradizzjonali tal-familja fuq skala żgħira b'mod indiskriminat, iżda għandhom l-ewwel jagħmlu valutazzjoni tal-impatt xierqa sabiex jevitaw li jagħmlu impossibbli l-forom emerġenti ta' turiżmu bbażat fuq is-sajd sostenibbli, fuq skala żgħira u awtentiku bl-irkaptu tas-sajd tradizzjonali;

AS.  billi fil-Kroazja l-festivals tas-sajd organizzati matul ix-xhur tas-sajf f'ċentri turistiċi kostali u tal-gżejjer għandhom l-għan li jippromwovu t-tradizzjonijiet tas-sajd, il-wirt kulturali u storiku, il-gastronomija lokali u l-għajxien tradizzjonali;

1.  Iqis essenzjali r-ristrutturar u l-adattament tal-bastimenti tas-sajd biex jitwettqu l-attivitajiet tat-turiżmu, peress li l-bastimenti jridu jiġu rinnovati biex jiżguraw is-sikurezza tat-turisti, u biex jiżguraw li ma jkunx hemm ostakli f'termini ta' attivitajiet tas-sajd imwettqa filwaqt li tiġi offruta l-kumdità meħtieġa għal esperjenza pjaċevoli, mingħajr ma tiżdied il-kapaċità tas-sajd tagħhom; jirrimarka, madankollu, li tibdiliet ta' dan it-tip, speċjalment meta mwettqa matul l-istaġun barra miż-żmien għat-turiżmu, m'għandu jinvolvi ebda restrizzjoni għas-sajd kummerċjali;

2.  Jisħaq fuq il-potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat tat-turiżmu relatat mas-sajd, li jista' jġib benefiċċji konsiderevoli għall-komunitajiet li jgħixu f'żoni kostali billi jiddiversifikaw is-sorsi ta' dħul lokali; iqis, f'dan ir-rigward, li t-turiżmu relatat mas-sajd fuq il-baħar u s-servizzi turistiċi ta' mal-kosta offruti mis-sajjieda, jistgħu jikkomplementaw is-sajd kummerċjali u jipprovdu wkoll dħul addizzjonali għall-komunitajiet tas-sajd;

3.  Jemmen li l-għan strateġiku tal-inizjattiva tal-Kummissjoni għandu jkun dak li tħeġġeġ l-attivitajiet tat-tours tas-sajd, is-servizzi tat-turisti bbażati max-xatt, u t-turiżmu relatat mas-sajd sportiv, u li tippermetti li dawn jiġu żviluppati għal kollox mal-UE kollha, permezz tat-twaqqif ta' netwerk u qafas kondiviż għal dan il-għan;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, permezz tal-Kummissjoni Ewropea għat-Turiżmu u l-portal visiteurope.com tagħha, id-destinazzjonijiet tat-turiżmu tas-sajd rikreattiv fl-Ewropa, u, permezz ta' kampanja ta' informazzjoni mmirata, biex in-negozji tas-sajd isiru konxji mill-potenzjal ta' dawn il-mudelli ta' negozju ġodda u sostenibbli u mill-opportunitajiet ta' tkabbir li huma joffru;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni trawwem il-ħolqien u l-iżvilupp tat-turiżmu tas-sajd, bil-għan li tiġi applikata strateġija tan-negozju ddivrenzjata li tkun xierqa għall-potenzjal ta' dan is-settur u tkun kapaċi tissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu b'mod aktar effettiv, filwaqt li taħdem favur forma ġdida ta' turiżmu li fih l-interessi ewlenin jirrigwardaw il-kwalità, il-flessibilità, l-innovazzjoni u l-ippriservar tal-wirt storiku u kulturali taż-żoni tas-sajd kif ukoll l-ambjent u s-saħħa, fost aspetti oħra; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi u tappoġġja l-investiment fis-sajd fil-qasam tat-turiżmu, bil-għan li jinħolqu kapaċitajiet iddivrenzjati tat-turiżmu billi jiġu promossi l-gastronomija marbuta mal-prodotti artiġjanali tal-ħut, l-attivitajiet tat-turiżmu tas-sajd bil-qasba, it-turiżmu ta' taħt l-ilma u tal-għadis, eċċ., u b'hekk b'mod sostenibbli ssir kapitalizzazzjoni fuq il-wirt tas-sajd u r-rikonoxxibilità ta' reġjun tas-sajd speċifiku;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex jitrawmu l-ħolqien u l-iżvilupp tat-turiżmu tas-sajd, tippromwovi u tappoġġja b'mod attiv l-investimenti bil-għan li tiddiversifika s-sajd fil-qasam tal-kultura u l-arti bħala parti mill-wirt tradizzjonali (artiġjanat, mużika u żfin) u tappoġġja l-investiment fil-promozzjoni tat-tradizzjonijiet tas-sajd, l-istorja u l-wirt tas-sajd b'mod ġenerali (irkaptu tas-sajd, tekniki, dokumenti storiċi, eċċ.) billi jinfetħu mużewijiet u jiġu organizzati wirjiet li għandhom x'jaqsmu mill-qrib mas-sajd kostali;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tippermetti l-użu mħallat ta' bastimenti maħsuba għal attivitajiet ta' estrazzjoni sabiex, filwaqt li jżommu dan il-għan, ikunu jistgħu wkoll jakkomodaw tipi oħra ta' attivitajiet marbuta mas-settur tar-rikreazzjoni u tat-turiżmu, bħalma huma jiem ta' informazzjoni nawtika jew attivitajiet relatati mal-ipproċessar, it-tagħlim jew il-gastronomija, eċċ., skont is-sistema li topera fis-settur rurali li jinvolvi l-iskejjel tal-farms jew l-agrituriżmu;

8.  Iqis neċessarju, għalhekk, li jinħoloq netwerk Ewropew tal-attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu u netwerk Ewropew tas-servizzi tat-turiżmu relatati mas-sajd sportiv/rikreattiv, abbażi tal-eżempju b'suċċess kbir tal-FARNET, li joffri għajnuna konsiderevoli għall-FLAGs;

9.  Iqis li hemm bżonn urġenti li jiġu direzzjonati bir-reqqa l-politiki ta' appoġġ u jiġu evalwati sew ir-riżultati tagħhom, u biex jiġi ssistematizzat, standardizzat u mtejjeb il-ġbir ta' statistika dwar il-kontribut ta' dawn l-attivitajiet li jiddiversifikaw għad-dħul taż-żoni tas-sajd Ewropej; jisħaq ukoll fuq l-importanza tas-sorveljar tal-impatt reali ta' sajd rikreattiv bħala attività ekonomika, l-impatt tagħha fuq l-istokkijiet u kull kompetizzjoni potenzjali, permezz ta' kanali ta' bejgħ informali, b'industrija tas-sajd professjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-industrija tas-sajd tipparteċipa fit-tfassil ta' tali miżuri ta' sorveljanza;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jappoġġjaw is-sħubijiet mas-settur tat-turiżmu tas-sajd imħeġġa minn korpi ta' ġestjoni taż-Żoni Protetti tal-Baħar (MPAs) u f'siti Natura 2000 bil-ħsieb li tiġi kkombinata l-protezzjoni tar-riżorsi naturali mal-promozzjoni u l-iżvilupp tal-kultura permezz ta' tgawdija responsabbli;

11.  Iqis kruċjali li tiġi armonizzata d-definizzjoni tal-attivitajiet tas-sajd relatati mat-turiżmu fil-livell tal-Unjoni , b'enfasi partikolari fuq it-tours relatati mas-sajd, is-servizzi tat-turiżmu bbażati max-xatt offruti mis-sajjieda, it-turiżmu relatat mal-akkwakultura, u t-turiżmu relatat mas-sajd sportiv/rikreattiv; din id-definizzjoni għandha tieħu kont tad-diversità wiesgħa ta' forom li dawn l-attivitajiet jistgħu jieħdu, tiggarantixxi l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, u jiġi żgurat li turiżmu relatat mas-sajd jitqies bħala attività anċillari li tippermetti lis-sajjieda li jissupplimentaw l-attività tas-sajd ewlenija tagħhom mingħajr ma jidħlu f'settur ieħor minbarra tas-sajd;

12.  Jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni bejn il-forom differenti ta' turiżmu relatat mas-sajd, li jinkludu t-turiżmu tas-sajd (peskaturiżmu u ittituriżmu), l-attivitajiet ibbażati fl-ilmijiet marittimi u kostali, is-sajd rikreattiv (inkluż it-turiżmu tas-sajd bil-qasba), is-sajd fl-ilmijiet interni, u l-attivitajiet ibbażati fuq il-wirt u l-kultura li huma mmirati lejn il-ħolqien ta' sinerġiji ma' inizjattivi ta' kummerċjalizzazzjoni għal prodotti primarji ta' kwalità għolja, filwaqt li jiġu rrispettati l-wirt naturali, il-ħarsien tal-annimali u l-bijodiversità;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, minħabba d-differenzi kbar bejn l-operaturi tas-sajd tal-UE involuti fit-turiżmu, tadotta regoli komuni dwar is-sikurezza tan-navigazzjoni, il-ħtiġijiet tas-sikurezza, tas-sanità u tal-iġjene tal-bastimenti li fuqhom isiru l-attivitajiet tat-turiżmu tas-sajd, u konċessjonijiet fiskali possibbli, bil-kundizzjoni li l-miżuri msemmija hawn fuq ikunu flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw differenzi kbar f'termini ta' attivitajiet tas-sajd u l-bastimenti tas-sajd, u jippermettu l-karatteristiċi reġjonali distintivi;

14.  Jirrakkomanda li l-prinċipju ta' dekarbonizzazzjoni u ta' effiċjenza enerġetika tal-bastimenti bil-magna jkun inkluż fost l-adattamenti li għandhom isiru għal bastimenti bħal dawn meta jiġu kkonvertiti għal użu f'dawn l-attivitajiet;

15.  Jemmen li tajjeb li jiġu żgurati faċilitajiet xierqa għat-trasport u l-akkomodazzjoni li jridu jiġu pprovduti lit-turisti kkonċernati, kif ukoll il-manutenzjoni u l-ħarsien tal-postijiet pubbliċi, kif u meta meħtieġa, biex jiġi żgurat is-suċċess fit-tul tal-attivitajiet tat-turiżmu;

16.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marina bl-għan li jiżguraw status tajjeb tal-ilmijiet tal-kosta u tal-baħar, b'mod partikolari billi jitjiebu l-effiċjenza fir-riżorsi u jiġu evitati u ttrattati b'mod effettiv it-tniġġis u l-iskart;

17.  Jistieden lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi billi jissimplifikaw il-proċeduri għall-għoti ta' liċenzji u proċeduri burokratiċi oħrajn;

18.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li dawn l-attivitajiet ikunu kompatibbli mal-ħarsien tal-bijodiversità, is-siti ta' Natura 2000 u ż-Żoni Protetti tal-Baħar (l-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità, id-direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats) u għaldaqstant il-ħtieġa li jissaħħu d-djalogu u s-sinerġiji mal-Istati Membri l-oħra konċernati;

19.  Jemmen li għandhom jiġu pprovduti korsijiet tat-taħriġ għas-sajjieda, il-persuni responsabbli mill-farms tal-ħut, kif ukoll il-familji tagħhom u l-persuni lokali kollha involuti, sabiex jiġi żgurat li jkollhom il-ħiliet lingwistiċi u l-għarfien neċessarju biex jilqgħu t-turisti u jiggarantixxu s-sikurezza tagħhom, u biex jippromwovu l-informazzjoni dwar il-bijoloġija tal-baħar, l-ispeċijiet tal-ħut lokali, l-ambjent u t-tradizzjonijiet kulturali; Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jirrikonoxxu r-rwol tan-nisa fis-settur tat-turiżmu relatat mas-sajd, u fl-iżvilupp sostenibbli ta' żoni li jiddependu fuq is-sajd, bil-għan li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fuq termini ugwali;

20.  Jistieden lill-Istati Membri, u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex ixerrdu informazzjoni fuq firxa wiesgħa dwar il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol tal-Kummissjoni, EURES, li jagħti informazzjoni għal min qed ifittex impjieg u għal min iħaddem dwar l-opportunitajiet ta' xogħol, il-ħiliet u l-ħtiġijiet ta' taħriġ fit-taqsima tal-"impjiegi blu", u jippromwovu korsijiet online miftuħa li għandhom l-għan li jaġġornaw jew jorjentaw mill-ġdid il-ħiliet relatati mal-ġestjoni tat-turiżmu u l-peskaturiżmu innovattiv;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi taqsima ddedikata fil-Portal Ewropew tan-Negozji Żgħar li jkollha l-għan li tgħin lill-intraprendituri/lis-sajjieda jiksbu l-finanzjament għal attivitajiet fil-qasam tat-turiżmu relatat mas-sajd;

22.  Iqis l-akkwist ta' ħiliet professjonali f'oqsma bħal servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni diġitali, l-immaniġġjar u l-manutenzjoni ta' komunikazzjoni tal-midja soċjali, l-immaniġġjar soċjokulturali u l-ħiliet lingwistiċi bħala prijorità f'żoni tas-sajd, ħalli jiġu promossi kemm il-ħolqien kif ukoll it-tixrid ta' offerti turistiċi relatati mas-sajd;

23.  Iqis importanti li tiġi żgurata d-differenza relatata mal-offerta tat-turiżmu, billi tiġi żviluppata strateġija abbażi tal-partikolaritajiet lokali, tal-ispeċjalizzazzjoni relattiva u tar-riżorsi disponibbli; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu forom ta' turiżmu sostenibbli u ekoturiżmu, anke permezz ta' strateġiji innovattivi ta' kummerċjalizzazzjoni, li b'mod partikolari jikkonċentraw fuq il-karatteristiċi tradizzjonali u sostenibbli u li jkunu mmonitorjati b'mod kontinwu sabiex jiggarantixxu bilanċ bejn il-provvista u d-domanda;

24.  Jitlob offerti integrati li jkunu mfassla b'tali mod li jipprovdu lill-konsumaturi b'esperjenzi sħaħ ibbażati fuq il-kombinazzjoni strutturata u sinerġetika ta' dak kollu li jista' jiġi offrut f'żona partikolari, u biex jiġu ffurmati sħubijiet biex jiġbdu l-konsumaturi permezz tad-dinamika tat-turiżmu li diġà qed topera f'żoni qrib żoni tas-sajd tradizzjonali, bħalma huma konferenzi u/jew it-turiżmu tal-karriera;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja u tippromwovi l-involviment tas-sajd u tal-ħaddiema tas-sajd fi proġetti bħal dawk relatati mat-turiżmu kulturali u storiku, li jinkludu l-iskoperta mill-ġdid ta' attivitajiet tat-tbaħħir u postijiet u impjiegi għas-sajd tradizzjonali;

26.  Jinnota l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-operaturi tat-turiżmu u s-sajjieda sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tat-turiżmu relatat mas-sajd;

27.  Jenfasizza l-importanza ta' attivitajiet turistiċi relatati mal-osservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi u, b'mod partikolari, l-osservazzjoni tal-balieni, filwaqt li jirrispettaw il-ħabitats selvaġġi naturali u l-bżonnijiet bijoloġiċi; billi dan jista' jkollu ħafna benefiċċji edukattivi, ambjentali, xjentifiċi u soċjoekonomiċi oħrajn, u jista' jgħin biex iżid is-sensibilizzazzjoni u l-apprezzament għal dawn l-ispeċijiet uniċi u l-ambjent prezzjuż li jgħixu fih;

28.  Jistieden lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jipprovdu infrastrutturi innovattivi u sostenibbli, inklużi l-konnessjonijiet tal-internet u t-teknoloġija tal-informatika, bl-għan li jitjieb l-iżvilupp tat-turiżmu relatat mas-sajd, u biex jiġu ġġenerati mill-ġdid l-infrastrutturi eżistenti tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex isaħħu l-kampanji ta' promozzjoni u ta' komunikazzjoni, pereżempju fir-rigward tad-"Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza" u s-"Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali" tal-2018, kif ukoll inizjattivi mmirati b'mod simili għat-titjib tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar il-kultura tradizzjonali tas-sajd u l-akkwakultura; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex jisfruttaw il-potenzjal tat-turisti kif ukoll dawk li jistgħu jivvjaġġaw fl-istaġun mhux popolari;

30.  Jemmen li l-mudelli ta' negozju sostenibbli u responsabbli għad-diversifikazzjoni tas-sajd iridu jimplikaw ir-rispett tal-kultura tal-komunitajiet tas-sajd lokali, u jgħinu l-ippreżervar tal-identitajiet tagħhom; jenfasizza, b'mod partikolari, li s-sajd rikreattiv relatat mat-turiżmu għandu jkun konformi mal-interessi ta' intrapriżi tas-sajd artiġjanali lokali żgħar;

31.  Jemmen li huwa importanti li jiġu żviluppati l-peskaturiżmu u l-ittituriżmu bħala forom ta' esperjenzi ta' "vaganzi ta' attività" b'benefiċċji sekondarji kbar, bħall-promozzjoni tal-kultura marittima u t-tradizzjonijiet tas-sajd, kif ukoll l-edukazzjoni fi kwistjonijiet ta' kuxjenza ambjentali u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed iħares lejn modi biex tespandi d-domanda potenzjali fir-rigward ta' bastimenti ttrasformati bit-twessigħ ta' dak li qed jiġi offrut sabiex, pereżempju, ikun attraenti f'għajnejn il-komunità edukattiva, li għandha esperjenza fl-użu tas-settur agrikolu għal skopijiet ta' tagħlim, bħal fil-każ ta' proġetti ta' "skejjel tal-farms";

33.  Jenfasizza li d-diversifikazzjoni tal-prodotti tirrikjedi sforzi promozzjonali xierqa, u li hija meħtieġa strateġija ta' viżibilità għall-grupp ta' sajjieda fil-mira, inklużi inizjattivi ta' promozzjoni transfruntiera;

34.  Jemmen, għalhekk, li l-lokalitajiet tas-sajd għandhom jikkunsidraw li jniedu kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni konġunti ma' destinazzjonijiet oħra fl-istess reġjun – kif ġie ssuġġerit fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-29 ta' Ottubru 2015 dwar "sfidi u kunċetti ġodda għall-promozzjoni tat-turiżmu fl-Ewropa"(14) – u jippromwovu pjattaformi ta' kummerċjalizzazzjoni konġunti b'enfasi partikolari fuq il-promozzjoni u l-bejgħ online, fuq bażi ta' kooperazzjoni internazzjonali;

35.  Huwa tal-fehma li fi ħdan din l-istrateġija ta' kummerċjalizzazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti sinerġiji bejn inizjattivi ta' kummerċjalizzazzjoni għal prodotti friski jew ipproċessati ta' kwalità għolja, għall-gastronomija u għat-turiżmu, raggruppati f'żoni territorjali li huma koerenti minn perspettiva kulturali, ambjentali jew relatati mal-produzzjoni u/jew ibbażati fuq is-sinerġija;

36.  Iqis li huwa meħtieġ li jinżamm l-użu ta' prattiki u tekniki tradizzjonali, bħalma huma l-almadraba u x-xeito, peress li dawn huma marbuta mill-qrib mal-identità u l-mod ta' ħajja tar-reġjuni kostali, u biex dawn jiġu rikonoxxuti bħala li jiffurmaw parti mill-wirt kulturali;

37.  Jinnota l-importanza ta' investiment fid-diversifikazzjoni tas-sajd bil-ħsieb li jippromwovi t-tradizzjoni, l-istorja u l-wirt tas-sajd fit-totalità tiegħu (inkluż l-irkaptu u t-tekniki tas-sajd tradizzjonali);

38.  Jinnota l-importanza tal-investiment fid-diversifikazzjoni tas-sajd biex issir promozzjoni tal-ipproċessar ta' prodotti tas-sajd lokali;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw strateġiji biex jiġġieldu l-problema tal-istaġjonalità relatata mal-attivitajiet tat-turiżmu, pereżempju permezz tal-istabbiliment ta' festivals u avvenimenti tal-ikel, fieri/swieq fil-portijiet u l-villaġġi(15), villaġġi b'tema jew mużewijiet (ara Spanja u Cetara) fejn l-attivitajiet jistgħu jsiru s-sena kollha irrispettivament mill-kundizzjonijiet tat-temp jew tal-baħar;

40.  Huwa konvint li taħlita bbilanċjata ta' prodotti tat-turiżmu alternattivi u b'mira speċifika, u l-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni xierqa ta' dawk il-prodotti, tista' tgħin sabiex ikun hemm bilanċ bejn il-problemi tal-istaġjonalità;

41.  Iqis essenzjali li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet ikkonċernati jikkondividu l-aħjar prattiki minħabba n-nuqqas ta' sinerġiji fost il-kumpaniji fil-baċiri marittimi tal-UE, li jirriżultaw fil-frammentazzjoni u f'vantaġġi ekonomiċi limitati; jinnota li l-istituti tar-riċerka, il-mużewijiet, il-kumpaniji tat-turiżmu, il-maniġers tas-siti Natura 2000 u tal-MPAs, l-industriji tradizzjonali tat-tqegħid tal-ħut fil-laned u tal-ipproċessar tal-ħut, u partijiet ikkonċernati oħra għandhom jitħeġġu biex jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw prodotti innovattivi sostenibbli li, minbarra li jġibu valur miżjud ekonomiku, jissodisfaw ukoll l-aspettattivi tal-viżitaturi; jenfasizza li dawn l-attivitajiet għandhom jiġu inkorporati f'qafas ġenerali koerenti għall-promozzjoni tat-turiżmu sostenibbli u responsabbli f'baċiri kkonċernati; iqis li FLAGs jista' jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward u għalhekk jeħtieġ li jiġu pprovduti b'finanzjament xieraq;

42.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex isaħħu r-rabtiet bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE sabiex b'hekk jiġu promossi forom ta' governanza li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' politiki trażversali bl-għan li jikkontribwixxu għall-għanijiet f'oqsma differenti ta' attività, inkluż it-tkabbir sostenibbli u inklużiv;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, fil-qafas tan-Netwerk Ewropew dwar iż-Żoni tas-Sajd (FARNET) u l-FLAGs, djalogu pan-Ewropew mal-portijiet u l-partijiet interessati tat-turiżmu u l-esperti ambjentali;

44.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji biex jaħdmu aktar mill-qrib mal-aġenziji tat-turiżmu, u biex jagħtu prijorità għolja lid-diversifikazzjoni tal-ekonomija blu, b'referenza partikolari għas-settur tat-turiżmu tal-baħar u dawk komplementari tiegħu; jinnota li dan għandu jinkludi wkoll l-integrazzjoni ta' sajd bil-qasba fil-baħar, fejn relevanti, f'pakketti turistiċi u kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-gżejjer u ż-żoni kostali; jenfasizza li l-għoti ta' liċenzji għall-użu doppju ta' bastimenti tas-sajd – kemm bastimenti tas-sajd kummerċjali, artiġjanali u fuq skala żgħira, u bastimenti għat-turiżmu tal-baħar, inkluż it-turiżmu tas-sajd bil-qasba – għandu jitqies bħala prijorità, u li l-għotjiet għandhom jingħataw sabiex jiffavorixxu l-konverżjoni tagħhom;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, lis-settur ikkonċernat u partijiet ikkonċernati oħra biex jaġixxu b'mod immirat u konsistenti mal-politiki tal-UE li jaffettwaw is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura; jinnota li hija meħtieġa l-adozzjoni ta' manwal dwar l-aħjar prattiki li jkun fih l-eżempji l-aktar sinifikanti ta' dawn l-attivitajiet u jħeġġeġ il-kumpaniji l-oħra biex jimxu b'dan il-mod; ifakkar li huwa essenzjali wkoll l-involviment tal-komunità xjentifika lokali sabiex jiġu evitati problemi ta' natura ambjentali;

46.  Jenfasizza l-importanza ta' mudelli ta' negozju ekoloġiċi, u għalhekk jirrakkomanda li l-esperti ambjentali għandhom dejjem ikunu assoċjati mill-qrib ma' gruppi ta' azzjoni lokali (eż. FLAGs u l-gruppi ta' azzjoni lokali rurali (LAGs));

47.  Jitlob li jiġu allokati l-fondi meħtieġa ħalli jiġi stabbilit netwerk Ewropew għall-iskambju tal-aħjar prattiki, u għall-immappjar ta' attivitajiet tas-sajd b'informazzjoni dwar il-punti ta' interess u l-karatteristiċi ta' kull komunità tas-sajd;

48.  Jittama li l-mekkaniżmi ta' appoġġ speċifiċi se jintużaw (fil-kuntest tal-FEMS u/jew strumenti oħra), li jistgħu jiġu attivati f'każ ta' emerġenza (bħal diżastru naturali) f'żoni fejn is-sajd u t-turiżmu tas-sajd jirrappreżentaw l-uniku sors ta' dħul;

49.  Iqis li huwa neċessarju li jitħeġġeġ finanzjament għal miżuri tat-tip deskritt taħt il-FEMS, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni, il-programm ta' qafas għar-riċerka u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), f'kooperazzjoni mill-qrib ma' konsulenti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u biex jipprovdu mezzi ta' self b'imgħax favorevoli li jippermettu li jingħelbu d-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċaw in-nisa meta jfittxu fondi sabiex jiġu ffinanzjati proġetti eliġibbli għall-inklużjoni fil-programmi nazzjonali;

50.  Jenfasizza li għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-FLAGs kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom EUR 486 miljun mill-FES, u li madwar 12 000 proġett lokali kienu appoġġjati matul dak il-perjodu;

51.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u l-FLAGs biex jagħmlu l-aħjar użu tal-fondi disponibbli u wkoll biex jużaw, meta jkun possibbli, il-finanzjament multiplu (flimkien mal-FEŻR, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jew l-FSE);

52.  Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu punti ta' kuntatt fil-livell reġjonali biex jipprovdu informazzjoni u appoġġ adegwati;

53.  Jirrakkomanda li l-FLAGs jikkooperaw mill-qrib ma' esperti tat-turiżmu sabiex jidentifikaw proġetti u finanzjament xieraq, permezz tal-Assi 4 tal-FEMS, għad-diversifikazzjoni f'żoni tas-sajd;

54.  Ifakkar li l-FEMS jipprovdi appoġġ finanzjarju speċifiku għal inizjattivi fil-komunitajiet tas-sajd promossi min-nisa;

55.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw, permezz tal-istabbiliment tal-kriterji tal-għażla għal operazzjonijiet taħt il-FEMS, li l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi integrata u promossa sew fl-azzjonijiet iffinanzjati kollha (pereżempju billi tingħata preferenza lil azzjonijiet immirati speċifikament lejn in-nisa jew imwettqa minnhom);

56.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju biex tivvaluta l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali possibbli ta' dawn l-attivitajiet;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-impatt soċjoekonomiku li għandu s-sajd rikreattiv fuq it-turiżmu ta' fuq l-art, b'mod partikolari fiż-żoni rurali, u tipproponi miżuri possibbli għar-reġjuni fejn il-potenzjal għal dan it-tip ta' sajd mhuwiex sfruttat biżżejjed;

58.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jtejbu l-ġbir u l-ġestjoni tad-data li għandha x'taqsam mat-turiżmu relatat mas-sajd;

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni kif ukoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Kunsilli Konsultattivi.

(1) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(2) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.
(3) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.
(4) ĠU C 419, 16.12.2015, p. 167.
(5) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 24.
(6)
(7) "L'integrazione della pesca con altre attività produttive – La pescaturismo come modello sociale e culturale", Cenasca Cisl et al., (2005).
(8) "Indagine sulle abitudini e opinioni dei cittadini nel comprensorio del GAC 'il mare delle Alpi' – Analisi della pescaturismo in Italia come strumento di sviluppo sostenibile" (Analiżi tat-turiżmu relatat mas-sajd fl-Italja bħala strument għall-iżvilupp sostenibbli) (2015).
(9) "L'integrazione della pesca con altre attività produttive – La pescaturismo come modello sociale e culturale", Cenasca Cisl et al., (2005).
(10) "Indagine sulle abitudini e opinioni dei cittadini nel comprensorio del GAC 'il mare delle Alpi' – Analisi della pescaturismo in Italia come strumento di sviluppo sostenibile" (Analiżi tat-turiżmu relatat mas-sajd fl-Italja bħala strument għall-iżvilupp sostenibbli) (2015).
(11) Socio-economic analysis on fisheries-related tourism in EUSAIR – Nemo project 1M-MED14-11, WP2, Action 2.3.
(12) "Perspectives for the development of tourism activities related to fishing", European Parliament, IP/B/PECH/IC/2013-103 (2014).
(13) "Perspectives for the development of tourism activities related to fishing", European Parliament, IP/B/PECH/IC/2013-103 (2014).
(14) Testi adottati, P8_TA(2015)0391.
(15) eż. il-"Herring Fleet Days" u l-"Ġranet fil-Port" fin-Netherlands.


Perjodi ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku
PDF 409kWORD 65k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-perjodi ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku (2015/2087(INL))
P8_TA(2017)0281A8-0206/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 67(4) u 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-ġurisprudenza rilevanti tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-prinċipji ta' awtonomija proċedurali nazzjonali u ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II)(2) ("ir-Regolament Ruma II"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tal-4 ta' Mejju 1971 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Inċidenti tat-Traffiku ("il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1971 dwar l-Inċidenti tat-Traffiku") ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur, u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà(3) ("id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur"),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-kalkolu tat-Termini ta' Limitazzjoni(4),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) intitolat "Termini ta' limitazzjoni għall-inċidenti tat-traffiku" li jakkumpanja rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew(5),

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali għall-politika interna bit-titolu "Inċidenti tat-traffiku transkonfinali fl-UE - l-impatt potenzjali ta" karozzi mingħajr sewwieqa"(6),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni bit-titolu "Kumpens għall-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali fl-UE: Tqabbil ta' prattiki nazzjonali, analiżi ta' problemi u evalwazzjoni ta' għażliet għat-titjib tal-pożizzjoni ta' vittmi transkonfinali"(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal- tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2010 intitolata “Kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa - Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma”(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Frar 2007 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-termini ta' limitazzjoni f'tilwim transkonfinali li jinvolvi korriment personali u inċidenti fatali(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2003 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE, 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0206/2017),

A.  billi fl-Unjoni, ir-regoli ta' limitazzjoni fir-rigward tat-talbiet għad-danni jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri, b'tali mod li l-ebda żewġ Stati Membri ma japplikaw eżattament l-istess regoli bażiċi ta' limitazzjoni; billi wkoll il-limitazzjoni rilevanti hija determinata abbażi ta' diversi fatturi, inkluż jekk hemmx proċedimenti kriminali relatati u jekk it-talba hijiex ikkunsidrata bħala delittwali jew kuntrattwali;

B.  billi s-sistemi ta' limitazzjoni nazzjonali huma kumplessi ħafna u ta' spiss jista' jkun diffiċli li wieħed jifhem liema hija applikabbli b'mod ġenerali, meta u kif il-limitazzjonijiet jibdew jiddekorru u kif dawn jiġu sospiżi, interrotti jew estiżi;

C.  billi n-nuqqas ta' familjarità ma' regoli barranin ta' limitazzjoni jista' jwassal għat-telf tad-dritt li wieħed jagħmel it-talba, jew li inkella għal ostakli għall-vittmi fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja, fil-forma ta' spejjeż addizzjonali u dewmien;

D.  billi hemm biss ftit statistika disponibbli bħalissa dwar iċ-ċaħda ta' talbiet għal danni f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali għar-raġuni li t-terminu ta' limitazzjoni jkun skada;

E.  billi fil-qasam tal-inċidenti tat-traffiku transkonfinali, l-unika kawża ta' azzjoni diġà armonizzata fil-livell tal-Unjoni hija dik stabbilita fl-Artikolu 18 tal-istess Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur, li permezz tiegħu l-vittmi jkunu jistgħu jitolbu kumpens fil-pajjiż ta' residenza tagħhom permezz ta' talba għal kumpens magħmula direttament kontra l-impriża ta' assigurazzjoni rilevanti jew kontra entità ta' kumpens rilevanti għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur(11);

F.  billi t-termini ta' limitazzjoni jikkostitwixxu parti importanti u integrali ta' responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri li joperaw f'każijiet ta' inċidenti tat-traffiku billi terminu ta' limitazzjoni qasir jista' jibbilanċja regola stretta dwar ir-responsabbiltà jew indennizzi ġenerużi mogħtija għad-danni;

G.  billi l-perjodi ta' limitazzjoni għal talbiet huma essenzjali biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u l-finalità tat-tilwim; billi, madankollu, id-drittijiet tal-konvenut għaċ-ċertezza u l-finalità legali tat-tilwim għandhom ikunu bbilanċjati mad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent li jkollu aċċess għall-ġustizzja u għal rimedju effettiv, u perjodi qosra mingħajr ħtieġa jistgħu jfixklu l-aċċess effikaċi għall-ġustizzja fl-Unjoni;

H.  billi, minħabba d-diverġenzi attwali f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli ta' limitazzjoni u t-tipi ta' problemi li huma direttament relatati ma' diversi dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw każijiet tranżnazzjonali ta' korriment personali u ħsara lill-proprjetà, ċertu livell ta' armonizzazzjoni huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat grad adegwat ta' ċertezza, prevedibbiltà u sempliċità fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri dwar it-termini ta' limitazzjoni f'każijiet ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali;

I.  billi tali inizjattiva leġiżlattiva għandha ssib bilanċ ġust bejn il-litiganti fir-rigward ta' kwistjonijiet li jirrigwardaw regoli ta' limitazzjoni u tiffaċilita l-kalkolu u s-sospensjoni tad-dekorrenza taż-żmien; billi, għalhekk, approċċ immirat li jikkunsidra l-ammont dejjem jikber ta' traffiku transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, mingħajr ma jbiddel kompletament il-qafas legali tal-Istati Membri huwa hawnhekk previst;

1.  Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku tjiebet b'mod konsiderevoli matul l-aħħar ftit għexieren ta' snin, inkluż fil-livell ta' ġurisdizzjoni fil-liġi privata internazzjonali, li biha l-vittmi viżitaturi jistgħu jibbenefikaw minn proċeduri fl-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għal kwalunkwe klejm diretta kontra l-assiguratur tar-responsabbiltà tal-karozza jew korpi ta' kumpens;

2.  Jinnota, madankollu, li l-eżistenza kontinwa fl-Unjoni ta' żewġ reġimi paralleli li jirregolaw il-liġi applikabbli f'każijiet ta' inċidenti tat-traffiku skont il-pajjiż fejn tiġi ppreżentata t-talba, jiġifieri jew il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1971 dwar l-Inċidenti tat-Traffiku u l-Konvenzjoni ta' Ruma II, li flimkien mal-għażla ta' possibilitajiet tal-forum taħt ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), joħolqu inċertezza legali u kumplessità kif ukoll opportunitajiet potenzjali għal forum shopping;

3.  Itenni li f'tilwim transkonfinali, it-tul ta' żmien għal investigazzjonijiet u negozjati spiss ikun ħafna aktar milli f'talbiet domestiċi; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li tali sfidi jistgħu jiġu aggravati meta t-teknoloġiji l-ġodda għandhom rwol, bħal fil-każ ta' karozzi mingħajr sewwieqa;

4.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li s-suġġett ta' regoli ta' limitazzjoni għandu jinftiehem bħala li jagħmel parti mill-miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4) u l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Eworpea (TFUE);

5.  Jinnota li l-eżistenza ta' regoli minimi komuni f'dak li jikkonċerna l-perjodi ta' limitazzjoni f'każijiet ta' tilwim transkonfinali hija essenzjali biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli mezzi ġuridiċi effikaċi għall-ħarsien tal-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali u biex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali;

6.  Jenfasizza li perjodi ta' limitazzjoni qosra b'mod sproporzjonat f'sistemi legali nazzjonali huma ostaklu għall-aċċess għall-ġustizzja fl-Istati Membri, li jistgħu jiksru d-dritt għal proċess ġust minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB;

7.  Jenfasizza li d-differenza sinifikanti bejn ir-regoli tal-Istati Membri f'dak li jikkonċerna l-perjodi ta' limitazzjoni għal inċidenti tat-traffiku transkonfinali toħloq ostaklu addizzjonali għall-vittmi meta dawn iressqu talba għal kumpens minħabba korriment personali u ħsara lill-proprjetà li jkunu ġarrbu fi Stati Membri li mhumiex tagħhom;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li informazzjoni ġenerali dwar ir-regoli ta' limitazzjoni tal-Istati Membri għal klejms għal kumpens għal danni f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali jsiru aktar disponibbli u jiġu aġġornati b'mod kostanti fuq il-Portal tal-Ġustizzja elettronika;

9.  Jitlob ukoll lill-Kummissjoni twettaq studju dwar il-protezzjoni mogħtija fl-Istati Membri għal minuri u persuni b'diżabbiltà fir-rigward tad-dekorrenza taż-żmien għall-finijiet ta' limitazzjoni, u dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli minimi fil-livell tal-Unjoni sabiex ikun żgurat li dawn il-persuni ma jitilfux id-drittijiet tagħhom li jitolbu kumpens meta jkunu involuti f'inċident tat-traffiku transkonfinali u li dawn jingħataw il-garanzija li jkollhom aċċess effettiv għall-ġustizzja fl-Unjoni;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 81(2) tat-TFUE, tippreżenta proposta għal att dwar il-perjodi ta' limitazzjoni fir-rigward ta' korriment personali u ħsara lill-proprjetà f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness mehmuż;

11.  Iqis li l-proposta mitluba m'għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

ANNESS GĦAR RIŻOLUZZJONI:

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL DWAR REGOLI PERJODI TA' LIMITAZZJONI KOMUNI GĦAL INĊIDENTI TAT-TRAFFIKU TRANSKONFINALI

A.  PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA MITLUBA

1.  Fl-Unjoni Ewropea, l-infurzar tal-liġi quddiem il-qrati jibqa' fil-biċċa l-kbira kwistjoni li taqa' taħt ir-regoli proċedurali u l-prattika nazzjonali. Il-qrati nazzjonali huma wkoll qrati tal-Unjoni. Għalhekk huma dawk il-Qrati, matul il-proċeduri mressqa quddiemhom, li jridu jiżguraw l-korrettezza, il-ġustizzja u l-effiċjenza kif ukoll l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni, biex b'hekk jiġi ggarantit li d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej ikunu mħarsa fl-Unjoni Ewropea kollha.

2.  L-Unjoni stabbilixxiet l-objettiv li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Skont il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, u b'mod partikolari l-punt 38 tagħhom, għandha tiġi ppreparata leġiżlazzjoni proċedurali ġdida f'każijiet transkonfinali, b'mod partikolari fuq dawk l-elementi li huma strumentali għal kooperazzjoni ġudizzjarja armonjuża u għal aċċess aħjar għal-liġi, eż. miżuri provviżorji, it-teħid ta' xhieda, ordnijiet ta' ħlas ta' flus u limiti ta' żmien.

3.  Ir-regoli minimi komuni dwar perjodi ta' limitazzjoni applikabbli fil-litigazzjoni dwar korriment personali u ħsara lill-proprjetà transnazzjonali, li jirriżultaw minn inċidenti tat-traffiku, huma meqjusa neċessarji biex jitnaqqsu l-ostakoli għal dawk li jagħmlu l-klejms meta dawn ikunu qed jitolbu d-drittijiet tagħhom fi Stati Membri li mhumiex tagħhom.

4.  Regoli minimi komuni ta' limitazzjoni jwasslu għal aktar ċertezza u prevedibbiltà, li jillimitaw ir-riskju ta' kumpens żgħir wisq lil vittmi tal-inċidenti tat-traffiku transkonfinali.

5.  Bħala tali, id-Direttiva proposta għandha l-għan li tistabbilixxi reġim speċjali ta' limitazzjoni għal każijiet transkonfinali li jissalvagwardja l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u jiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern, billi jelimina l-ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Istati Membri.

6.  Id-Direttiva proposta m'għandhiex l-għan li tissostitwixxi sistemi ta' responsabbiltà ċivili nazzjonali fl-intier tagħhom, iżda, filwaqt li jiġu rrispettati l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, hija għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar il-perjodi ta' limitazzjoni għal klejms li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE u li għandhom natura transkonfinali.

7.  Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, peress li l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu waħedhom biex jistabbilixxu sett minimu ta' regoli dwar il-perjodi ta' limitazzjoni, u l-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa assolutament meħtieġ biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja u ċertezza legali fl-Unjoni.

B.  TEST TAL-PROPOSTA MITLUBA

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar perjodi ta' limitazzjoni komuni għal inċidenti tat-traffiku transkonfinali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 67(4) u 81(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)  L-Unjoni stabbiliet għaliha nfisha l-objettiv li żżomm u li tiżviluppa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha jkun assigurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)  Skont l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawk il-miżuri għandhom ikunu mmirati biex jiżguraw, fost l-oħrajn, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-funzjonament tajjeb ta' proċeduri ċivili, jekk ikun meħtieġ billi tiġi promossa l-kompatibbiltà tar-regoli dwar il-proċeduri ċivili applikabbli fl-Istati Membri.

(3)  Skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2010 intitolata “Kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa - Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma(13), meta ċ-ċittadini jsuqu lejn Stat Membri ieħor u jkollhom l-isfortuna li jkollhom inċident bil-karozza, għandhom bżonn ta' ċertezza legali dwar it-termini ta' limitazzjoni tal-klejms tal-assigurazzjoni. Għal dan l-għan, tħabbar Regolament ġdid dwar it-termini ta' limitazzjoni fuq inċidenti tat-traffiku transkonfinali li għandu jiġi adottat fl-2011.

(4)  Regoli ta' limitazzjoni għandhom impatt konsiderevoli mhux biss fuq id-dritt tal-partijiet li ssirilhom ħsara għal aċċess għall-ġustizzja, iżda wkoll fuq drittijiet sostantivi, peress li ma jistax ikun hemm dritt effettiv mingħajr protezzjoni xierqa u adegwata tiegħu. Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni ta' termini ta' limitazzjoni komuni għal inċidenti tat-traffiku transkonfinali biex jiġi żgurat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja fl-Unjoni. Id-dritt ġeneralment irrikonoxxut ta' aċċess għal ġustizzja huwa wkoll imtenni bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("il-Karta").

(5)  Ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f'każijiet individwali huma elementi essenzjali fi kwalunkwe qasam tal-ġustizzja. Termini ta' limitazzjoni komuni li jsaħħu ċ-ċertezza legali, jiżguraw li t-tilwim jintemm u jikkontribwixxu għal sistema ta' infurzar effettiva huma għalhekk meħtieġa biex jiggarantixxu l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

(6)  Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għal klejms li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14), li huma ta' natura transkonfinali.

(7)  Xejn ma għandu jwaqqaf lill-Istati Membri milli japplikaw kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva wkoll għal każijiet dwar inċidenti tat-traffiku purament interni, fejn xieraq.

(8)  L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali tal-4 ta' Novembru 1950 (KEDB). Il-materji msemmija f'din id-Direttiva jeħtieġ li jkunu ttrattati b'konformità ma' dik il-Konvenzjoni u b'mod partikolari d-drittijiet għal proċess ġust u rimedju effettiv.

(9)  Il-prinċipju ta' lex loci damni jikkostitwixxi r-regola ġenerali stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15) fir-rigward tal-liġi applikabbli għal każijiet ta' korriment personali jew ta' dannu lill-proprjetà, li għalhekk għandha tiġi determinata abbażi ta' fejn iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn jistgħu jseħħu l-konsegwenzi indiretti. Skont il-punt (h) tal-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali għandha tirregola partikolarment il-mod li bih obbligu jista' jitneħħa u r-regoli ta' preskrizzjoni u limitazzjoni, inklużi regoli relatati mal-bidu, mal-interruzzjoni u mas-sospensjoni ta' perjodu ta' preskrizzjoni jew limitazzjoni.

(10)  Fil-qasam tal-inċidenti tat-traffiku, jista' jkun diffiċli ħafna għal vittma viżitatur biex jikseb informazzjoni bażika dwar l-inċident minn ġurisdizzjoni barranija fi żmien relattivament qasir, bħalma huma l-identità tal-konvenut u r-responsabbiltajiet potenzjali involuti. Jaf ukoll jieħu wisq żmien biex jiġi identifikat liema rappreżentant tal-klejms jew assiguratur għandhom jittrattaw il-każ, il-ġbir ta' evidenza dwar l-inċident u t-traduzzjoni tad-dokumenti meħtieġa.

(11)  Huwa komuni f'każijiet transkonfinali tat-traffiku li min jagħmel il-klejm ikun qrib ħafna l-iskadenza ta' limitu ta' żmien qabel ma n-negozjati jkunu jistgħu jinbdew mal-konvenut. Dan jiġri l-aktar meta l-limitu ta' żmien globali ikun partikolarment qasir jew meta jkun hemm ambigwità dwar il-mod li bih il-perjodu ta' limitazzjoni jkun jista' jiġi sospiż jew interrott. Il-ġbir ta' informazzjoni dwar inċident li seħħ f'pajjiż differenti mill-pajjiż ta’ residenza tar-rikorrent jista' jieħu ħafna żmien. Għaldaqstant, id-dekorrenza tat-terminu ta' skadenza ġenerali stabbilit fid-Direttiva għandha tiġi sospiża, hekk kif issir klejm lill-assiguratur jew il-korp ta' kumpens, li jippermettu lil min jagħmel il-klejm li jkollu l-opportunità li jinnegozja r-riżoluzzjoni tal-klejm.

(12)  Din id-Direttiva għandha tistipula regoli minimi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu livell ogħla ta' protezzjoni. Jenħtieġ li tali livell ogħla ta' protezzjoni ma jikkostitwixxix ostakolu għall-aċċess effettiv għall-ġustizzja li tali regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitaw. Il-livell ta' protezzjoni pprovdut mill-Karta, kif interpretat mill-Qorti, kif ukoll is-supremazija, l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni għalhekk ma għandhomx jiġu kompromessi.

(13)  Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 864/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16).

(14)  Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi d-drittijiet fundamentali u tieħu kont tal-prinċipji u l-valuri rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, u fl-istess ħin tfittex li tikseb l-objettiv tal-Unjoni li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

(15)  Minħabba li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards minimi komuni għall-perjodi ta' limitazzjoni f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(16)  Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [ir-Renju Unit u l-Irlanda nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva]/[mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex se jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbutin bih jew soġġetti għall-applikazzjoni tiegħu].

(17)  Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u għalhekk mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I:

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards minimi dwar it-tul kollu, il-bidu, is-sospensjoni u l-kalkolu tal-perjodi ta' limitazzjoni għal klejms ta' kumpens għal korriment personali u dannu lill-proprjetà u rekuperabbli skont id-Direttiva 2009/103/KE, fir-rigward ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għal talbiet ta' kumpens fir-rigward ta' kwalunkwe telf jew korriment bħala riżultat ta' inċident ikkawżat minn vettura koperta minn assigurazzjoni kontra:

a.  l-intrapriża ta' assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103/KE; or

b.  il-korp ta' kumpens previst mill-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 2009/103/KE.

Artikolu 3

Inċident tat-traffiku transkonfinali

1.  Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, inċident tat-traffiku transkonfinali tfisser kwalunkwe inċident tat-traffiku kkawżat mill-użu ta' vetturi assigurati u normalment ibbażati fi Stat Membru li ma jkunx dak tar-residenza abitwali tal-vittma jew f'pajjiżi terzi li l-uffiċċji nazzjonali tal-assiguraturi tagħhom, kif definit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/103/KE, ikunu ssieħbu fis-sistema tal-karta ħadra.

2.  F'din id-Direttiva, it-terminu "Stat Membru" għandu jfisser Stat Membru ħlief [ir-Renju Unit, l-Irlanda u] d-Danimarka.

KAPITOLU II:

STANDARDS MINIMI GĦAL PERJODI TA' LIMITAZZJONI

Artikolu 4

Perjodu ta' limitazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li perjodu ta' limitazzjoni ta' erba' snin jew iktar japplika għal azzjonijiet relatati ma' kumpens għal korriment personali u dannu lill-proprjetà bħala riżultat ta' inċident tat-traffiku transkonfinali, li jaqa' taħt l-Artikolu 2. Il-perjodu ta' limitazzjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih min jagħmel il-klejm ikun sar jaf, jew kellu raġunijiet raġonevoli li jkun jaf, l-ammont ta' ħsara, telf jew dannu, kawża u l-identità tal-persuna responsabbli u l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili jew ir-rappreżentant tal-klejm jew korp ta' kumpens responsabbli għall-provvista ta' kumpens u li kontrihom titressaq il-klejm.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-liġi xierqa tal-klejm tipprevedi terminu ta' limitazzjoni itwal minn erba' snin, għandu japplika tali perjodu ta' limitazzjoni itwal.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni aġġornata dwar ir-regoli nazzjonali ta' limitazzjoni għal danni kkawżati minn inċidenti tat-traffiku.

Artikolu 5

Sospensjoni ta' limitazzjonijiet

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva tiġi sospiża matul il-perjodu bejn is-sottomissjoni tar-rikorrent għat-talba tiegħu jew tagħha għal:

a)  l-impriża ta' assigurazzjoni tal-persuna li tkun ikkawżat l-inċident jew ir-rappreżentant għall-klejms tagħha kif ipprovduti fl-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2009/103/KE, jew

b)  il-korp ta' kumpens previst fl-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 2009/103/KE,

u r-rifjut tat-talba mill-konvenut.

2.  Fejn il-parti li jifdal wara li jiskadi l-perjodu ta' limitazzjoni ladarba jintemm il-perjodu ta' sospensjoni tkun inqas minn sitt xhur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant huwa mogħti perjodu minimu ta' sitt xhur addizzjonali biex jibda l-proċedimenti fil-qorti.

Artikolu 6

Il-proroga awtomatika ta' perjodi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk perjodu jiskadi nhar ta' Sibt, nhar ta' Ħadd jew f'wieħed mill-jiem tal-btajjel uffiċjali, dan għandu jiġi estiż sal-aħħar tal-ewwel ġurnata tax-xogħol li jmiss.

Artikolu 7

Kalkolu tal-perjodi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe perjodu ta' żmien preskritt minn din id-Direttiva għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

a)  il-kalkolu għandu jibda mill-jum wara l-jum li fih seħħ il-fatt rilevanti;

b)  meta perjodu ta' żmien huwa espress bħala sena waħda jew ċertu numru ta' snin, dan għandu jiskadi fis-sena sussegwenti rilevanti fix-xahar li jkollu l-istess isem u fil-jum li jkollu l-istess numru bħax-xahar u l-jum li fih tkun seħħet l-okkorrenza msemmija. Meta x-xahar sussegwenti rilevanti ma jkollux jum bl-istess numru, il-perjodu ta' żmien għandu jiskadi fl-aħħar jum ta' dak ix-xahar;

c)  il-perjodi m'għandhomx jiġu sospiżi waqt il-vaganzi tal-Qorti.

Artikolu 8

Likwidazzjoni tal-klejms

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-vittmi jkollhom rikors għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/103/KE għall-ħlas ta' klejms li joriġinaw minn inċident ikkawżat minn vettura koperta minn assigurazzjoni, dak il-fatt m'għandux ikollu l-effett li ma jħallix il-vittmi milli jibdew proċedimenti ġudizzjarji jew arbitraġġ fir-rigward ta' dawk it-talbiet sal-iskadenza ta' kwalunkwe perjodu ta' limitazzjoni taħt din id-Direttiva matul il-proċedura għas-soluzzjoni tal-klejm tagħhom.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 9

Informazzjoni ġenerali dwar ir-regoli ta' limitazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli u faċilment aċċessibbli, bi kwalunkwe mezz adatt u bil-lingwi kollha tal-Unjoni, informazzjoni ġenerali dwar ir-regoli nazzjonali ta' limitazzjoni għal talbiet ta' kumpens fir-rigward ta' ħsarat ikkawżati minn inċidenti tat-traffiku kkomunikati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) ta' din id-Direttiva.

Artikolu 10

Relazzjoni mal-liġi nazzjonali

Din id-Direttiva m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jestendu d-drittijiet stabbiliti fiha sabiex jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni.

Artikolu 11

Relazzjoni ma' dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni

Din id-Direttiva m'għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

KAPITOLU IV:

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa [sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

2.  Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 13

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2025, u kull ħames snin minn hemm' il quddiem, tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva abbażi kemm ta' informazzjoni kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari tivvaluta l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq l-aċċess għall-ġustizzja, fuq iċ-ċertezza legali u l-moviment ħieles ta' persuni. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi biex jadattaw u jsaħħu din id-Direttiva.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, [data]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Ara, inter alia: is-sentenza tat-18 ta' Settembru 2003, Peter Pflücke vs Bundesanstalt für Arbeit (C-125/01, ECLI:EU:C:2003:477), is-sentenza tal-25 ta' Lulju 1991, Theresa Emmott vs Minister for Social Welfare u Attorney General, C-208/90, ECLI:EU:C:1991:333 u s-sentenza tat-13 ta' Lulju 2006, Vincenzo Manfredi et v Lloyd Adriatico Assicurazioni SpA et al., kawżi magħquda C-295/04 sa C-298/04, ECLI:EU:C:2006:461.
(2) ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.
(3) ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11.
(4) CETS 076.
(5) PE 581.386, Lulju 2016.
(6) PE 571.362, Ġunju 2016.
(7) Disponibbli onlajn hawnhekk: http://ec.europa.eu/civiljustice/news/docs/study_compensation_road_victims_en.pdf (30 ta' Novembru 2008).
(8) ĠU C 121, 19.4.2011, p.41.
(9) ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 99.
(10) Testi adottati, P5_TA(2003)0446.
(11) Ara wkoll: is-sentenza tat-13 ta' Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen NV v. Jack Odenbreit, C-463/06, ECLI:EU:C:2007:792.
(12) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
(13) COM(2010)0171.
(14) Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta' vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta' assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, 7.10.2009, p. 11).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40).
(16) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).


Standards minimi komuni ta' proċeduri ċivili
PDF 599kWORD 81k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar standards minimi komuni ta' proċedura ċivili fl-Unjoni Ewropea (2015/2084(INL))
P8_TA(2017)0282A8-0210/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 67(4) u 81(2) TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta"),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-ġurisprudenza rilevanti tagħha,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma dwar "L-istabbiliment ta' standards minimi komuni għall-proċedura ċivili fl-Unjoni Ewropea – il-bażi ġuridika"(1),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) bit-titolu "Standards minimi komuni tal-proċedura ċivili"(2),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tas-Servizz ta' Riċerka tal-Membri tal-EPRS bit-titolu "L-Ewropizzazzjoni tal-proċedura ċivili: lejn standards minimi komuni?"(3),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond mid-Direttorat Ġenerali għall-politika interna bit-titolu "Regoli armonizzati u standards minimi fid-dritt Ewropew tal-proċedura ċivili"(4),

–  wara li kkunsidra l-proġett tal-Istitut tad-Dritt Ewropew (IDE) u l-Istitut Internazzjonali għall-Unifikazzjoni tal-Liġi Privata (UNIDROIT) dwar "From Transnational Principles to European Rules of Civil Procedure" (Minn Prinċipji Transnazzjonali għal Regoli Ewropej ta' Proċedura Ċivili),

–  wara li kkunsidra l-"Principles of Transnational Civil Procedure" (Prinċipji ta' Proċedura Ċivili Transnazzjonali) tal-American Law Institute (ALI)/UNIDROIT(5),

–  wara li kkunsidra "Study on the approximation of the laws and rules of the Member States concerning certain aspects of the procedure for civil litigation" (Studju dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regoli tal-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-proċedura tal-litigazzjoni ċivili), l-hekk imsejjaħ "Storme Report"(6),

–  wara li kkunsidra l-ġabra preliminari ta' dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi,

–  wara li kkunsidra l-acquis tal-Unjoni fl-ambitu tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili,

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) dwar il-prinċipji ta' awtonomija proċedurali nazzjonali u ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva(7),

–  wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE 2016,

–  wara li kkunsidra l-Istudji CEPEJ Nru 23 dwar "European judicial systems: efficiency and quality of justice" (Sistemi ġudizzjarji Ewropej: l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġustizzja),

–  wara li kkunsidra l-2016 "Judicial Training Principles" (Prinċipji ta' Taħriġ Ġudizzjarju) tan-Netwerk għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2014 dwar l-eżami ta' nofs il-perjodu tal-Programm ta' Stokkolma(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0210/2017),

Il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE dwar l-awtonomija proċedurali nazzjonali u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva

A.  billi, skont il-ġurisprudenza kostanti tal-QtĠ-UE dwar il-prinċipju ta' awtonomija proċedurali, f’każ fejn m'hemm l-ebda regola tal-Unjoni dwar l-aspetti proċedurali dwar tilwim li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma responsabbli li jinnominaw il-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u li jiddeterminaw id-dettalji fir-rigward tal-proċeduri li jridu jiġu segwiti fir-rigward ta' azzjonijiet mibdija biex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni;

B.  billi, skont din l-istess ġurisprudenza, l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali rigward regoli proċedurali hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet importanti: ir-regoli proċedurali nazzjonali ma jistgħux ikunu inqas favorevoli meta applikati għal tilwim li għandu x'jaqsam mad-dritt tal-Unjoni milli meta applikati għal azzjonijiet simili ta' natura nazzjonali (prinċipju ta' ekwivalenza) u ma għandhomx ikunu strutturati b'tali mod li jrendu l-infurzar tad-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' effettività);

C.  billi fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jarmonizzaw ir-regoli proċedurali, il-kompetenza tal-Istati Membri biex jistabbilixxu regoli proċedurali għall-infurzar tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni ma testendix għall-introduzzjoni ta' rimedji ġodda fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali biex tiġi żgurata l-applikabilità tad-dritt tal-Unjoni;(10)

D.  billi l-ġurisprudenza stabbilita mill-QtĠ-UE tiffaċilita dan permezz tal-kooperazzjoni tagħha mal-qrati fil-livell tal-Istati Membri, filwaqt li ttejjeb il-fehim tad-dritt tal-Unjoni min-naħa taċ-ċittadini u tali qrati;

Il-Karta

E.  billi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, jikkostitwixxi wieħed mill-garanziji fundamentali għar-rispett tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija u huwa marbut b'mod indissolubbli mal-proċedura ċivili fit-totalità tagħha;

F.  billi, minkejja l-fatt li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa vinkolanti, u l-Artikolu 6 tal-KEDB jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-livell ta' protezzjoni tad-dritt għal proċess ġust fi proċeduri ċivili, u b'mod partikolari l-bilanċ bejn id-dritt tar-rikorrent għal aċċess għall-ġustizzja u d-drittijiet ta’ difiża tal-konvenut, mhuwiex armonizzat fl-Unjoni kollha;

G.  billi, madankollu, bħala dritt fundamentali, id-dritt għal proċess ġust ġie kkomplementat b'diversi atti leġiżlattivi proċedurali ta' dritt sekondarju tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament dwar it-Talbiet Żgħar(11), id-Direttiva dwar l-Għajnuna Legali(12), ir-Rakkomandazzjoni ta' Rimedju Kollettiv(13), id-Direttiva dwar l-Inġunzjonijiet tal-Konsumatur(14) u d-Direttiva dwar azzjoni għad-danni għall-Kompetizzjoni(15);

L-acquis tal-Unjoni fl-ambitu tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

H.  billi attwalment huwa ħafna aktar probabbli li ċittadini tal-Unjoni, speċjalment dawk li jaqsmu l-fruntieri, jiġu f'kuntatt ma' sistemi ta' proċedura ċivili ta' Stat Membru ieħor;

I.  billi l-istandards proċedurali ċivili minimi fil-livell tal-Unjoni jistgħu jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni tal-proċedimenti nazzjonali, għal kundizzjonijiet ekwivalenti għan-negozji, u għal żieda fit-tkabbir ekonomiku, billi jipprovdu għal sistemi ġudizzjarji iktar effettivi u effiċjenti, filwaqt li fl-istess ħin jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja fl-Unjoni u jgħinu biex jiġu rispettati l-libertajiet fundamentali tal-Unjoni;

J.  billi aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-leġiżlatur tal-Unjoni qed jindirizza kwistjonijiet ta' proċedura ċivili mhux biss b'mod orizzontali, bħal fil-każ ta' strumenti fakultattivi,(16) iżda wkoll b'mod speċifiku għas-settur, fi ħdan diversi oqsma ta' politika, bħalma huma l-proprjetà intellettwali(17), il-protezzjoni tal-konsumatur(18) jew, dan l-aħħar, id-dritt tal-kompetizzjoni(19);

K.  billi n-natura frammentarja tal-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tar-regoli proċedurali ġiet kkritikata ripetutament u l-formazzjoni ta' dritt ta' proċedura ċivili tal-Unjoni speċifiku għas-settur tikkontesta l-koerenza kemm tas-sistemi tal-proċedura ċivili fil-livell tal-Istat Membru kif ukoll tad-diversi strumenti tal-Unjoni;

L.  billi l-għan tad-Direttiva proposta hu li tintroduċi qafas għall-aġġudikazzjoni tal-ġustizzja ċivili billi jiġu sistematizzati r-regoli ta' proċedura ċivili eżistenti tal-Unjoni u testendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom għall-materji kollha li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni;

M.  billi d-direttiva proposta hija intiża sabiex tgħin sabiex jintlaħaq approċċ aktar koordinat, koerenti u sistematiku għas-sistemi ta' ġustizzja ċivili li mhux limitat mill-fruntieri, l-interessi u r-riżorsi ta' pajjiż individwali;

Il-bażi ġuridika tal-proposta

N.  billi skont l-Artikoli 4(1) u 5(1) TUE (il-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi) l-Unjoni tista' tilleġiżla f'qasam partikolari biss jekk ikollha kompetenza espliċita biex tagħmel dan u sa fejn dan ikun konformi mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

O.  billi fil-qafas eżistenti tat-Trattat, il-bażi ġuridika prinċipali għall-armonizzazzjoni tal-proċedura ċivili tinstab fit-Titolu V tat-TFUE, fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja;

P.  billi r-rekwiżit ta' element transkonfinali biex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-Unjoni nżamm taħt it-Trattat ta' Lisbona, bir-riżultat li l-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili hija possibbli biss jekk f'kawża jkun hemm fatturi ta' konnessjoni (eż. residenza, post ta' twettiq, eċċ.) li jinvolvu tal-inqas lejn żewġ Stati Membri differenti;

Q.  billi d-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 114 TFUE dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, kienet u għadha qed tiġi użata bħala l-bażi ġuridika għal varjetà wiesgħa ta' direttivi speċifiċi għas-settur li jarmonizzaw ċerti aspetti tal-proċedura ċivili, bħal pereżempju d-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRED) u l-aktar reċenti, id-Direttiva dwar Azzjonijiet għal Danni tal-Antitrust;

R.  billi skont l-Artikolu 67(4) TFUE, l-Unjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja, b'mod partikolari permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji f'materji ċivili, kif intwera fl-Artikolu 81 TFUE;

Fiduċja Reċiproka fl-Ispazju Ġudizzjarju Ewropew

S.  billi l-moviment liberu ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa marbut mal-ħtieġa li jinħoloq livell suffiċjenti ta' fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri differenti fir-rigward, b'mod partikolari, tal-livell ta' protezzjoni ta' drittijiet proċedurali;

T.  billi "fiduċja reċiproka" hija mifhuma f'dan il-kuntest bħala l-fiduċja li l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom fis-sistemi legali u ġudizzjarji ta' xulxin, u tirriżulta fil-projbizzjoni ta' rieżami tal-azzjonijiet ta' Stati oħra u l-korpi ġudizzjarji tagħhom;

U.  billi l-prinċipju ta' fiduċja reċiproka jservi sabiex jipprovdi aktar ċertezza tad-dritt, sabiex iċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni jkollhom stabilità u prevedibilità biżżejjed;

V.  billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi, u l-konformità miegħu, flimkien mal-approssimazzjoni tal-liġijiet, jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-protezzjoni legali tad-drittijiet individwali;

W.  billi sistema ta' standards minimi komuni tal-Unjoni fil-forma ta' prinċipji u regoli, tkun tikkostitwixxi l-ewwel pass għal konverġenza ta' regolamenti nazzjonali relatati mal-proċedura ċivili, u b'hekk tistabbilixxi bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali tal-partijiet fil-kawża fl-interess tal-fiduċja reċiproka sħiħa bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri;

X.  billi l-eżistenza u r-rispett ta' garanziji proċedurali għall-effiċjenza u l-effikaċja ta' proċedimenti ċivili u t-trattament ugwali tal-partijiet huma mixtieqa u tassew meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-fiduċja reċiproka;

Y.  billi l-istabbiliment ta' tali sistema ta' standards minimi komuni jiffissa wkoll livell minimu ta' kwalità ta' proċedimenti ċivili madwar l-Unjoni, u b'hekk jikkontribwixxi mhux biss għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn il-korpi ġudizzjarji, iżda wkoll għal funzjonament aħjar tas-suq intern, peress li huwa stmat li d-differenzi proċedurali bejn l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jikkawżaw xkiel għall-kummerċ jew jiskoraġġixxu lin-negozji u lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tas-suq intern;

Kunsiderazzjonijiet oħra

Z.  billi l-approssimazzjoni ta' reġimi proċedurali fl-Unjoni hija meħtieġa; billi d-Direttiva proposta hija maħsuba li tkun l-ewwel pass fil-proċess ta' armonizzazzjoni u konverġenza ulterjuri tas-sistemi ta' ġustizzja ċivili tal-Istati Membri u tal-ħolqien ta' Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tal-Unjoni fuq perjodu ta' żmien twil;

AA.  billi d-Direttiva proposta la taffettwa lill-organizzazzjoni ġudizzjarja tal-Istati Membri u lanqas lill-karatteristiċi prinċipali tal-mod kif titmexxa l-litigazzjoni ċivili iżda tiffaċilita regoli proċedurali nazzjonali aktar effiċjenti;

AB.  billi huwa għaldaqstant tal-akbar importanza li tiġi adottata u implimentata kif jixraq leġiżlazzjoni li tipprevedi l-adozzjoni ta' standards minimi komuni ta' proċeduri ċivili fl-Unjoni;

Il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE dwar l-awtonomija proċedurali nazzjonali u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva

1.  Jinnota r-rwol ċentrali tal-QtĠ-UE fl-istabbiliment tas-sisien tal-proċedura ċivili tal-Unjoni, wara li sawret x'wieħed jifhem bil-proċedura ċivili fis-sistema legali tal-Unjoni;

2.  Jenfasizza, madankollu, li minkejja xi standards proċedurali ċivili li llum huma aċċettati bħala parti mis-sistema proċedurali tal-Unjoni ġew ikkonfermati fil-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, il-kontribuzzjoni tal-QtĠ-UE għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tiġi kkunsidrata bħala interpretattiva minflok istituttiva.

3.  Jenfasizza għalhekk li l-esperjenza vasta tal-QtĠ-UE fir-reviżjoni ta' regoli ta' rimedju u dawk proċedurali kif ukoll il-kompromessi u l-valuri li jikkompetu li l-QtĠ-UE ssegwi huma istruttivi ħafna u għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-introduzzjoni ta' strument komprensiv orizzontali ta' natura leġiżlattiva li jinkludi standards komuni ta' proċeduri ċivili;

Il-Karta

4.  Jenfasizza li f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċess ġust u l-aċċess għall-ġustizzja, netwerks ta' kooperazzjoni u bażijiet ta' data li jsaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-iskambju ta' informazzjoni għandhom jinżammu u jiġu żviluppati iktar;

5.  Jilqa' għalhekk b'sodisfazzjon l-iżvilupp fl-ambitu tal-ġustizzja elettronika, u l-aktar il-ħolqien tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika, li għandu jsir punt ċentrali (one-stop-shop) fil-qasam tal-ġustizzja fl-Unjoni;

L-acquis tal-Unjoni fl-ambitu tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili

6.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni tivvaluta jekk huwiex meħtieġ li jiġu proposti aktar miżuri biex jiġi kkonsolidat u msaħħaħ approċċ orizzontali tal-infurzar privat tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni u jekk l-istandards minimi Ewropej għall-proċedura ċivili proposti hawnhekk jistgħux jitqiesu li jippromwovu u jiżguraw tali mudell orizzontali;

7.  Itenni li l-ġbir sistematiku ta' data statistika dwar l-applikazzjoni u l-prestazzjoni ta' strumenti eżistenti tal-Unjoni fl-ambitu tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja ċivili huwa ta' importanza kbira;

8.  Jistieden f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk miżuri addizzjonali ta' implimentazzjoni mill-Istati Membri jistgħux jikkontribwixxu għall-applikazzjoni effettiva ta' proċeduri awtonomi tal-Unjoni u jsostni li proċess robust u sistematiku ta' sorveljanza min-naħa tal-Kummissjoni għandu jiġi stabbilit għal dak l-iskop;

Il-bażi ġuridika tal-proposta

9.  Josserva li l-Artikolu 114 TFUE (l-armonizzazzjoni tas-suq intern) ġie użat biex jiġu adottati għadd ta' atti tal-Unjoni b'implikazzjonijiet proċedurali; li l-Artikolu 114 TFUE dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, kien u għadu qed jiġi użat bħala l-bażi ġuridika għal varjetà wiesgħa ta' direttivi speċifiċi għas-settur li jarmonizzaw ċerti aspetti tal-proċedura ċivili, bħal pereżempju d-Direttiva dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPR);

10.  Jinnota, madankollu, li l-Artikolu 81 TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta' miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, inklużi miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri, b'mod partikolari meta jkunu meħtieġa għall-funzjonament xieraq tas-suq intern; iqis, għalhekk, li l-Artikolu 81 TFUE jikkostitwixxi l-bażi ġuridika xierqa għall-istrument leġiżlattiv propost;

11.  Isostni li l-kunċett ta' "implikazzjonijiet transkonfinali" fit-test tal-Artikolu 81(1) TFUE dwar l-adozzjoni ta' miżuri ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili għandu jiġi interpretat b'mod iktar wiesa' u għalhekk m'għandux jitqies bħala sinonimu ma' "tilwim transkonfinali";

12.  Jenfasizza li l-interpretazzjoni attwali tal-kunċett tal-"materji b'implikazzjonijiet transkonfinali" hija kemxejn ristretta u wasslet għall-ħolqien ta' żewġ settijiet ta' regoli u żewġ kategoriji ta' partijiet fit-tilwim li jistgħu jwasslu għal aktar problemi u kumplessitá bla bżonn; jenfasizza għalhekk li għandha tiġi adottata interpretazzjoni usa';

13.  Jenfasizza f'dan il-kuntest li l-istandards minimi komuni ta' proċedura ċivili li qed jiġu proposti jwasslu għal effiċjenzi ulterjuri jekk l-Istati Membri jestendu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom mhux biss għal kwistjonijiet li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda wkoll kemm għal każijiet transkonfinali kif ukoll għal dawk purament nazzjonali b’mod ġenerali;

Fiduċja Reċiproka fl-Ispazju Ġudizzjarju Ewropew

14.  Jinnota li l-attivitajiet ewlenin tal-Unjoni fl-Ispazju Ewropew ta' Ġustizzja, fejn tidħol il-ġustizzja ċivili, huma relatati mal-introduzzjoni ta' strumenti dwar il-ġurisdizzjoni, il-pendenza u l-infurzar ta' sentenzi transkonfinali;

15.  Itenni u jissottolinja li ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tas-sentenzi żiedet il-fiduċja reċiproka bejn il-korpi ġudizzjarji tal-Istati Membri, u għaldaqstant tkabbar iċ-ċertezza tad-dritt u tipprovdi stabilità u prevedibilità biżżejjed għaċ-ċittadini u n-negozji fl-Unjoni;

16.  Jenfasizza f'dan ir-rigward li l-fiduċja reċiproka hija kunċett kumpless, u li ħafna fatturi jaqdu rwol fil-bini ta' dik il-fiduċja, bħall-edukazzjoni ġudizzjarja, il-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali u l-iskambju ta' esperjenzi u tal-aħjar prattiki bejn l-imħallfin;

17.  Jinnota li l-fiduċja reċiproka tista' titrawwem fost l-oħrajn permezz ta' metodi mhux leġiżlattivi, bħal imħallfin li jikkooperaw fi ħdan in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew jew li jipparteċipaw f'taħriġ;

18.  Għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon id-disa' prinċipji tat-taħriġ ġudizzjarju tan-Netwerk għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew adottati fl-Assemblea Ġenerali tiegħu tal-2016, peress li jipprovdu pedament u qafas komuni għall-ġudikatura Ewropea kif ukoll għall-istituzzjonijiet ta' taħriġ ġudizzjarju;

19.  Isostni, madankollu, li mil-lat strettament legali l-fiduċja reċiproka tippresupponi, fuq livell assolutament fundamentali, l-korpi ġudizzjarji tal-Istati Membri jikkunsidraw l-arranġamenti proċedurali ta' xulxin kemm fuq il-livell tal-liġi teoretika kif ukoll tal-liġi fil-prattika bħala li jiggarantixxu proċedimenti ċivili ġusti;

20.  Jirrimarka, għalhekk, li t-tfassil ta' standards minimi sistematiċi ta' proċedura ċivili tal-Unjoni fil-forma ta' direttiva orizzontali trasversali, twassal biex tiżdied il-fiduċja reċiproka fost il-korpi ġudizzjarji tal-Istati Membri u tiżgura bbilanċjar komuni għall-Unjoni kollha tad-drittijiet proċedurali fundamentali għall-kawżi ċivili, u b'hekk jinħoloq sens ġenerali ta' ġustizzja, ċertezza u prevedibilità li jkollu għeruq aktar profondi madwar l-Unjoni;

Standards minimi komuni ta' proċedura ċivili

21.  Jenfasizza li s-sistemi effikaċi ta' proċedura ċivili jiżvolġu rwol kruċjali fid-difiża tal-istat tad-dritt u tal-valuri fundamentali tal-Unjoni. Huma wkoll prerekwiżit għal investiment sostenibbli u ambjent li jiffavorixxi n-negozju u l-konsumatur;

22.  Iqis li n-nuqqas ta' ċarezza dwar perjodi ta' limitazzjoni għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-impriżi f'tilwim li jkollu implikazzjonijiet transkonfinali jista' jxekkel l-aċċess għall-ġustizzja. Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw il-fattibilità u x-xewqa li jiġu armonizzati dawk il-perjodi ta' limitazzjoni fi proċedimenti ċivili;

23.  Iqis li hemm ħtieġa ċara għal leġiżlazzjoni li tipprovdi sett ta' standards proċedurali applikabbli għal proċedimenti ċivili u jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bit-twettiq tal-pjan ta' azzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew fl-ispazju tal-liberta’, sigurta’ u ġustizzja;

24.  Jitlob għaldaqstant, b'mod konformi mal-Artikolu 225 TFUE, li l-Kummissjoni tressaq, sat-30 ta' Ġunju 2018, abbażi tal-Artikolu 81(2) TFUE, proposta għal att leġiżlattiv dwar standards minimi komuni ta' proċedura ċivili, b'segwitu għar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness mehmuż;

25.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet annessi ma' din ir-riżoluzzjoni jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità;

26.  Iqis li l-proposta mitluba m'għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja, peress li l-introduzzjoni ta' standards minimi ta' proċedura ċivili se twassal għal ekonomiji ta' skala f'termini ta' spejjeż imnaqqsa għal partijiet f'tilwim u r-rappreżentanti tagħhom li ma jkollhomx għalfejn jiffamiljarizzaw ruħhom ma' sistema ta' proċedura ċivili ta' pajjiż differenti;

o
o   o

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-annessi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦAL DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL DWAR STANDARDS MINIMI KOMUNI TA' PROĊEDURA ĊIVILI FL-UE

A.  PRINĊIPJI U OBJETTIVI TAL-PROPOSTA MITLUBA

1.  Fl-Unjoni, l-infurzar tal-liġi quddiem il-qrati għadu fil-biċċa l-kbira kwistjoni li tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli proċedurali u l-prattika nazzjonali. Il-qrati nazzjonali huma wkoll qrati tal-Unjoni. Għalhekk il-proċeduri mressqa quddiemhom iridu jiżguraw l-ekwità, il-ġustizzja u l-effiċjenza kif ukoll l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni.

2.  L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi f'materji ċivili żiedet il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi ta' ġustizzja ċivili ta' xulxin, filwaqt li miżuri għall-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali. Il-livell ta' fiduċja reċiproka jiddependi ħafna fuq numru ta' parametri, li jinkludu, inter alia, mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet tar-rikorrent jew tal-konvenut filwaqt li jiggarantixxu l-aċċess għall-qrati u l-ġustizzja.

3.  Minkejja li l-Istati Membri huma parti għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), l-esperjenza wriet li dik weħidha mhux dejjem tipprovdi livell suffiċjenti ta' fiduċja fis-sistemi ta' ġustizzja ċivili ta' Stati Membri oħra. Ir-regoli ta' proċedura ċivili nazzjonali tal-Istati Membri jvarjaw b'mod konsiderevoli, ħafna drabi fir-rigward ta' xi wħud mill-prinċipji u l-garanziji proċedurali fundamentali, u b'hekk hemm ir-riskju li tista' tintilef il-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji.

4.  Huwa għaldaqstant meħtieġ, sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni, li jiġu megħjuna l-modernizzazzjoni tal-proċeduri nazzjonali u l-iżgurar ta' kundizzjonijiet indaqs għan-negozji u aktar tkabbir permezz ta' sistemi ġuridiċi effettivi u effiċjenti, sabiex tiġi adottata direttiva li tiżviluppa ulterjorment l-istandards minimi stipulati fil-Karta u fil-KEDB. Il-bażi ġuridika xierqa għal tali proposta hija l-Artikolu 81(2) TFUE, li jikkonċerna miżuri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili. Id-Direttiva trid tiġi adottata permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

5.  Standards minimi komuni ta' proċeduri ċivili huma meqjusa neċessarji biex jiffurmaw bażi soda għall-approssimazzjoni u t-titjib tal-liġijiet nazzjonali, minħabba l-flessibilità li huma jagħtu lill-Istati Membri fit-tħejjija ta' liġijiet ġodda fil-qasam tal proċedura ċivili filwaqt li jirriflettu kunsens ġenerali dwar il-prinċipji tal-prattika ta' ġustizzja ċivili.

6.  Jenħtieġ li l-istandards minimi komuni jwasslu għal żieda fil-fiduċja fis-sistemi ta' ġustizzja ċivili tal-Istati Membri kollha li bħala riżultat, għandha twassal għal kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti, rapida u aktar flessibbli fi klima ta' fiduċja reċiproka. Huwa mistenni li tali regoli minimi komuni jneħħu wkoll l-ostakli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Istati Membri u b'hekk jiżguraw li ċ-ċittadini li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom b'mod partikolari mhux se jibqgħu jħossuhom retiċenti biex ikunu f'kuntatt ma' sistemi proċedurali ċivili fi Stati Membri oħra.

7.  Id-direttiva proposta m'għandhiex l-għan li tissostitwixxi s-sistemi nazzjonali ta' proċedura ċivili fit-totalità tagħhom. Filwaqt li tirrispetta l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, li jiżgura aċċess effettiv u effiċjenti għall-ġustizzja, hija għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi komuni fir-rigward tal-funzjoni u l-andament ta' proċedimenti ċivili tal-Istati Membri għal kull kwistjoni li tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għandha wkoll l-għan li tipprovdi bażi għal approfondiment gradwali tal-approssimazzjoni ta' sistemi proċedurali ċivili tal-Istati Membri.

8.  Il-proposta ma taffettwax id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-organizzazzjoni tal-qrati tagħhom u r-regoli tagħhom dwar il-ħatra tal-imħallfin.

9.  Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, peress li l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu waħedhom biex jistabbilixxu sett minimu ta' standards ta' proċedura ċivili, u l-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa assolutament meħtieġ biex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-fiduċja reċiproka fl-Unjoni.

B.  TEST TAL-PROPOSTA MITLUBA

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards minimi komuni ta' proċedura ċivili fl-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  L-Unjoni stabbiliet għaliha nfisha l-objettiv li żżomm u li tiżviluppa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha jkun assigurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)  Skont l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li dawk il-miżuri jkunu mmirati biex jiżguraw, fost l-oħrajn, ir-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi bejn l-Istati Membri, in-notifika transkonfinali ta' dokumenti, il-kooperazzjoni fit-teħid tal-provi, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-funzjonament tajjeb ta' proċeduri ċivili, jekk ikun meħtieġ billi tiġi promossa l-kompatibilità tar-regoli dwar il-proċedura ċivili applikabbli fl-Istati Membri.

(3)  Skont il-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f'Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, u b'mod partikolari l-punt (33) tagħhom, ir-rikonoxximent reċiproku mtejjeb ta' sentenzi u deċiżjonijiet ġudizzjarji oħrajn u l-approssimazzjoni meħtieġa tal-leġislazzjoni se jkunu qed jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet individwali. Jenħtieġ għalhekk li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jsir il-bażi fundamentali tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili fl-Unjoni.

(4)  Skont il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Programm ta' Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew fl-ispazju tal-liberta’, siġurta’ u ġustizzja, l-ispazju ġudizzjarju Ewropew u t-tħaddim xieraq tas-suq uniku huma mibnija fuq il-prinċipju ċentrali tal-għarfien reċiproku, li min-naħa tiegħu huwa bbażat fuq l-idea li l-Istati Membri jafdaw is-sistemi ġudizzjarji ta' xulxin. Dan il-prinċipju jista' jaħdem b'mod effettiv biss fuq il-bażi ta' fiduċja reċiproka fost l-imħallfin, il-professjonisti tad-dritt, in-negozjanti u ċ-ċittadini. Il-livell ta' dik il-fiduċja jiddependi fuq għadd ta' fatturi, inkluża l-eżistenza ta' mekkaniżmi sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet proċedurali tal-partijiet fi proċedimenti ċivili. Standards minimi komuni li jsaħħu d-dritt għal proċess ġust u l-effiċjenza ta' sistemi ġudizzjarji u li jikkontribwixxu għal sistema ta' infurzar effettiva huma għalhekk meħtieġa biex jiggarantixxu l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

(5)  Billi tistabbilixxi regoli minimi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet f'tilwim, u tiżgura aċċess aktar faċli għall-ġustizzja liċ-ċittadini, jenħtieġ li din id-Direttiva ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi ta' ġustizzja ċivili ta' Stati Membri oħra u b'hekk tkun tista' tgħin fil-promozzjoni ta' kultura ta' drittijiet fundamentali fl-Unjoni, kif ukoll ta' suq intern aktar effiċjenti, filwaqt li tiddefendi l-libertajiet fundamentali tal-Unjoni billi tiżviluppa sens ġenerali aktar profond tal-ġustizzja, iċ-ċertezza u l-prevedibilità fit-territorju kollu tagħha.

(6)  Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva japplikaw għal tilwim ċivili li jkollu implikazzjonijiet transkonfinali, inkluż dak li jirriżulta mill-ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Fejn din id-Direttiva tirreferi għall-ksur tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, hija tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn il-ksur tar-regoli stabbiliti fil-livell tal-Unjoni kkawża jew x'aktarx li kkawża preġudizzju lil persuni fiżiċi u ġuridiċi. Jenħtieġ li xejn ma jwaqqaf lill-Istati Membri milli japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva wkoll għal kawżi ta' ġustizzja ċivili purament nazzjonali.

(7)  L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali tal-4 ta' Novembru 1950. Jenħtieġ li l-materji msemmija f'din id-Direttiva jkunu ttrattati b'konformita ma' dik il-Konvenzjoni u b'mod partikolari d-drittijiet għal proċess ġust u rimedju effettiv.

(8)  Din id-Direttiva tfittex li tippromwovi l-applikazzjoni ta' standards minimi komuni ta' proċedura ċivili biex jiġi żgurat l-aċċess effettiv għall-ġustizzja fl-Unjoni. Id-dritt ġeneralment rikonoxxut ta' aċċess għal ġustizzja huwa wkoll imsemmi mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-"Karta").

(9)  Jenħtieġ li l-proċedimenti ċivili jittejbu aktar billi jittieħed vantaġġ tal-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam tal-ġustizzja u ta' għodod ġodda disponibbli għall-qrati u tribunali li jistgħu jgħinu biex tingħeleb id-distanza ġeografika u l-konsegwenzi tagħha f'termini ta' spejjeż għoljin u t-tul tal-proċedimenti. Sabiex jitnaqqsu ulterjorment l-ispejjeż tal-kawża u t-tul tal-proċedimenti, jenħtieġ li jiġi inkoraġġut ulterjorment l-użu tat-teknoloġija moderna ta' komunikazzjoni mill-partijiet u l-qrati u t-tribunali.

(10)  Sabiex persuni jkunu jistgħu jinstemgħu mingħajr ma jinħtiġilhom jivvjaġġaw lejn il-qorti jew it-tribunal, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-seduti orali kif ukoll il-ġbir ta' provi mis-smigħ tax-xhieda, esperti jew partijiet, ikunu jistgħu jitwettqu bl-użu ta' kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod adatti, sakemm minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, l-użu ta' tali teknoloġija ma jkunx adatt għall-andament ekwu tal-proċedimenti. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001(20).

(11)  Jenħtieġ li l-qrati tal-Istati Membri jkunu jistgħu jiddependu fuq opinjonijiet ta' esperti għal kwistjonijiet tekniċi, legali jew kwistjonijiet oħra ta' evidenza. Ħlief fejn ikunu meħtieġa miżuri koerċittivi u b'mod konformi mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jenħtieġ li l-imħallfin fi Stat Membru wieħed ikunu jistgħu jaħtru esperti sabiex imexxu investigazzjonijiet fi Stat Membru ieħor mingħajr ma tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-aġir tagħhom. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konsulenza ġudizzjarja u b'kunsiderazzjoni tal-limitazzjonijiet fil-ħatra ta' esperti kwalifikati biżżejjed fil-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru wieħed, pereżempju minħabba s-sofistikazzjoni teknika tal-kawża jew l-eżistenza ta' rabtiet diretti jew indiretti bejn l-espert u l-partijiet, jenħtieġ li jinħoloq u jiġi aġġornat direttorju Ewropew tal-listi nazzjonali ta' esperti kollha bħala parti tal-portal Ewropew tal-ġustizzja elettronika.

(12)  Jenħtieġ li miżuri provviżorji u protettivi jilħqu bilanċ xieraq bejn l-interessi tar-rikorrent biex jingħata protezzjoni provviżorja u l-interessi tal-konvenut biex jiġi pprevenut l-abbuż ta' tali protezzjoni. Meta miżuri provviżorji jiġu mitluba qabel ma tinkiseb sentenza, jenħtieġ li l-qorti li quddiema jitressaq ir-rikors tkun sodisfatta abbażi tal-evidenza mressqa mir-rikorrent li huwa x'aktarx ser jingħata raġun dwar il-mertu tat-talba kontra l-konvenut. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-rikorrent ikun meħtieġ f'kull sitwazzjoni li juri b'mod li jissodisfa lill-qorti li t-talba tiegħu għandha l-ħtieġa urġenti ta' protezzjoni ġudizzjarja u li, mingħajr il-miżuri provviżorji, l-eżekuzzjoni tas-sentenza eżistenti jew futura tista' tiġi ostakolata jew issir sostanzjalment aktar diffiċli.

(13)  Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jkunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari dwar l-infurzar tad-drittijiet fil-qasam tal-proprjetà intellettwali stipulati fi strumenti tal-Unjoni u b'mod partikolari dawk li jinsabu fid-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(21). Jenħtieġ li din wkoll tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari għall-irkupru tad-dejn transkonfinali kif stabbilit fl-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet(22).

(14)  Jenħtieġ li jingħata rwol ewlieni lill-qrati fil-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tal-partijiet kollha u fil-ġestjoni tal-proċeduri ċivili b'mod effettiv u effiċjenti.

(15)  L-objettiv li jiġu żgurati proċess ġust, aċċess aħjar għall-ġustizzja u fiduċja reċiproka, bħala parti mill-politika tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, jenħtieġ li jinkludi l-aċċess kemm għal metodi ġudizzjarji kif ukoll għal metodi extraġudizzjarji ta' soluzzjoni ta' tilwim. Sabiex il-partijiet jitħeġġu jużaw il-medjazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-regoli tagħhom dwar il-perjodi ta' limitazzjoni u preskrizzjoni ma jipprevjenux lill-partijiet milli jirrikorru għall-qorti jew għall-arbitraġġ jekk it-tentattiv tagħhom ta' medjazzjoni jfalli.

(16)  Minħabba d-differenzi bejn ir-regoli tal-proċedura ċivili tal-Istati Membri u speċjalment dawk li jirregolaw in-notifika tad-dokumenti, huwa meħtieġ li jiġu definiti l-istandards minimi li jenħtieġ li japplikaw għal proċedimenti ċivili li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. B'mod partikolari, jenħtieġ li jingħataw prijorità metodi ta' notifika li jiżguraw li d-dokumenti jiġu notifikati fil-pront u b'mod sikur, ikkonfermati minn prova tal-kunsinna. Jenħtieġ li l-użu ta' teknoloġiji moderni ta' komunikazzjoni għaldaqstant jitħeġġeġ b'mod wiesa'. Għal dokumenti li jeħtieġu li jiġu nnotifikati lill-partijiet, jenħtieġ li n-notifika elettronika tkun fuq l-istess livell tan-notifika bil-posta. Jenħtieġ li l-mezzi elettroniċi disponibbli jiżguraw li l-kontenut tad-dokumenti u ta' komunikazzjonijiet oħra bil-miktub riċevuti jkun veru u jikkorrispondi ġenwinament għal dak tad-dokumenti u komunikazzjonijiet bil-miktub oħra mibgħuta, u li l-metodu użat għall-konferma tal-wasla jipprovdi l-konferma tal-wasla mid-destinatarju u tad-data tal-wasla.

(17)  Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-partijiet għal proċedimenti ċivili jkollhom id-dritt għal avukat tal-għażla tagħhom. F'tilwim transkonfinali, jenħtieġ li l-partijiet ikollhom id-dritt għal avukat fl-Istat ta' Oriġini għal parir preliminari u għal ieħor fl-Istat Ospitanti sabiex jieħu ħsieb il-kawża. Il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni bejn il-partijiet u l-avukat tagħhom hija essenzjali biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal proċess ġust. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-laqgħat u ta' forom oħra ta' komunikazzjoni bejn l-avukat u l-partijiet fl-eżerċizzju tad-dritt għal avukat previst f'din id-Direttiva. Jenħtieġ li kull parti f'kawża tkun tista' tirrinunzja għad-dritt mogħti skont din id-Direttiva, dment li tkun ingħatat informazzjoni dwar il-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja ta' dak id-dritt.

(18)  Jenħtieġ li l-ħlas ta' tariffi tal-qorti ma jeħtieġx lil min jagħmel it-talba biex jivvjaġġa lejn l-Istat Membru tal-qorti jew tribunal adit jew biex iqabbad avukat għal dak il-għan. Sabiex jiġi żgurat l-aċċess effettiv tar-rikorrenti għall-proċeduri, l-Istati Membri jenħtieġ li bħala minimu joffru mill-inqas wieħed mill-metodi ta' ħlas mill-bogħod previsti f'din id-Direttiva. L-informazzjoni dwar it-tariffi tal-qorti u l-metodi ta' ħlas, kif ukoll dwar l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti biex jagħtu għajnuna prattika fl-Istati Membri jenħtieġ li tkun trasparenti u faċilment aċċessibbli fuq l-Internet permezz ta' siti web nazzjonali xierqa.

(19)  L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jiġi rrispettat id-dritt fundamentali għall-għajnuna legali kif previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi kollha involuti f'tilwim ċivili fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, kemm jekk jaġixxu bħala rikorrenti kif ukoll bħala konvenuti, jenħtieġ li jkunu jistgħu jasserixxu d-drittijiet tagħhom fil-qrati anki jekk is-sitwazzjoni finanzjarja personali tagħhom tagħmilha impossibbli għalihom li jħallsu l-ispejjeż tal-proċedimenti. L-għajnuna legali jenħtieġ li tkopri parir qabel il-litigazzjoni bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim qabel jinbdew proċedimenti ġudizzjarji, assistenza legali biex jinġieb każ quddiem qorti u rappreżentanza fil-qorti u assistenza fl-ispiża tal-proċeduri. Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE(23).

(20)  Il-ħolqien ta' kultura ġudizzjarja Ewropea li tirrispetta bis-sħiħ is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-indipendenza ġudizzjarja huwa ċentrali għall-funzjonament effiċjenti ta' spazju ġudizzjarju Ewropew. It-taħriġ ġudizzjarju huwa element kruċjali f'dan il-proċess, minħabba li jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-prattikanti u ċ-ċittadini. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkooperaw u jipprovdu appoġġ għal taħriġ vokazzjonali u skambju tal-aħjar prattika fost il-professjonisti legali.

(21)  Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f'din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni. Jenħtieġ li tali livell ogħla ta' protezzjoni ma jikkostitwixxix ostakolu għall-fiduċja reċiproka u aċċess effettiv għall-ġustizzja li dawk ir-regoli minimi huma mfassla biex jiffaċilitaw. Il-livell ta' protezzjoni pprovdut mill-Karta, kif interpretat mill-Qorti, kif ukoll is-supremazija, l-unità u l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni jenħtieġ għalhekk li ma jiġux kompromessi.

(22)  Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu stabbiliti standards minimi komuni ta' proċedura ċivili, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dawk l-għanijiet jintlaħqu.

(23)  F'konformità mal-[Artikolu 3]/[Artikoli 1 u 2] tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, [dawk l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva]/[u bla ħsara għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.]

(24)  F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I:

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

L-għan ta' din id-Direttiva huwa l-approssimizzazzjoni tas-sistemi proċedurali sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust kif rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6 tal-KEDB, billi tistabbilixxi standards minimi li jikkonċernaw il-bidu, l-andament u l-konklużjoni ta' proċedimenti ċivili quddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Istati Membri.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għall-istandards tal-proċedura ċivili li jkunu jew jistgħu jkunu pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew f'dik nazzjonali, sa fejn dawk l-istandards jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-partijiet fil-kawża, din id-Direttiva għandha tapplika, f'tilwim li għandu implikazzjonijiet transkonfinali, għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tribunal, ħlief fir-rigward ta' tali drittijiet u obbligi f’liema rigward il-partijiet ma għandhom l-ebda setgħa għad-dispożizzjoni skont id-dritt applikabbli rilevanti. M'għandhiex jestendi, b'mod partikolari, għal kwistjonijiet ta' introjtu, dwana jew għal materji amministrattivi jew għar-responsabilità tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat ("acta jure imperii").

2.  F'din id-Direttiva, it-terminu "Stat Membru" jfisser Stat Membru ħlief [ir-Renju Unit, l-Irlanda u] d-Danimarka.

Artikolu 3

Tilwim li għandu implikazzjonijiet transkonfinali

1.  Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, tilwim li jkollu implikazzjonijiet transkonfinali huwa wieħed li fih:

(a)  mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-qorti jew tat-tribunal aditi; jew

(b)  iż-żewġ partijiet ikunu domiċiljati fl-istess Stat Membru bħal dak tal-qorti jew tat-tribunal aditi, dment li l-post tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-post fejn iseħħ l-avveniment dannuż jew il-post ta' infurzar tas-sentenza ikun jinsab fi Stat Membru ieħor; jew

(c)  iż-żewġ partijiet ikunu domiċiljati fl-istess Stat Membru bħal dak tal-qorti jew tat-tribunal aditi, dment li l-kontroversja tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, id-domiċilju għandu jiġi stabbilit skont l-Artikoli 62 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(24).

KAPITOLU II:

STANDARDS MINIMI GĦAL PROĊEDURI ĊIVILI

L-Ewwel Taqsima:

Riżultati ġusti u effikaċi

Artikolu 4

Obbligu ġenerali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-miżuri, proċeduri u rimedji meħtieġa sabiex ikun żgurat l-infurzar tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fi kwistjonijiet ċivili. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u ekwi u m'għandhomx ikunu kkumplikati jew jiswew wisq, jew jinvolvu limiti ta' żmien irraġonevoli jew dewmien mhux ġustifikat, filwaqt li jirrispettaw l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u d-drittijiet fundamentali.

Dawk il-miżuri, proċeduri u rimedji għandhom ikunu wkoll effetttivi u proporzjonati u għandhom ikunu applikati b'mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta' ostakli għal aċċess effettiv għall-ġustizzja u li jipprovdu protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.

Artikolu 5

Seduti orali

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-andament ekwu ta’ proċedimenti. Meta ma jkunx possibbli li l-partijiet ikunu fiżikament preżenti, jew meta l-partijiet ikunu qablu, bl-approvazzjoni tal-qorti, li jirrikorru għal mezzi ta' komunikazzjoni rapidi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li smigħ orali jkun jista' jseħħ bl-użu ta' kwalunkwe teknoloġija tal-komunikazzjoni mill-bogħod adatta, bħal vidjokonferenza jew telekonferenza, disponibbli għall-qorti jew għat-tribunal.

2.  Meta l-persuna li għandha tinstema' tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-qorti jew it-tribunal aditi, l-attendenza ta' dik il-persuna f'seduta orali għandha ssir permezz ta' vidjokonferenza, telekonferenza jew teknoloġija ta' komunikazzjoni mill-bogħod adatta oħra bl-użu tal-proċeduri previsti fir-Regolament (KE) Nru 1206/2001. Fir-rigward tal-vidjokonferenzjar, għandu jittieħed kont tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-vidjokonferenzjar transkonfinali adottati mill-Kunsill fil-15 u s-16 ta' Ġunju 2015(25) u tal-ħidma mwettqa fil-qafas tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika Ewropea.

Artikolu 6

Miżuri Provviżorji u Protettivi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri provviżorji għall-preservazzjoni ta' sitwazzjoni fattwali jew legali jkunu fis-seħħ sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta' sentenza sussegwenti dwar il-merti tal-kwistjoni, qabel ma jinfetħu l-proċedimenti dwar il-merti tal-kwistjoni u fi kwalunkwe fażi matul tali proċedimenti.

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu wkoll miżuri għall-prevenzjoni ta' kwalunkwe ksur imminenti jew għat-terminazzjoni immedjata ta' ksur allegat kif ukoll għall-preservazzjoni ta' assi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-eżekuzzjoni sussegwenti ta' talba ma tkunx impedita jew tkun sostanzjalment aktar diffiċli.

2.  Tali miżuri għandhom jirrispettaw id-drittijiet tad-difiża u għandhom ikunu proporzjonati għall-karatteristiċi u l-gravità tal-ksur allegat, u jippermettu, fejn ikun xieraq, l-għoti ta' garanziji għall-ispejjeż u l-ħsara kkawżati lill-konvenut minn talbiet mhux ġustifikati. Il-qrati jew it-tribunali għandhom ikollhom l-awtorità li jitolbu lir-rikorrent jipprovdi kwalunkwe evidenza disponibbli b'mod raġonevoli sabiex jaċċertaw ruħhom b'biżżejjed ċertezza li l-miżura provviżorja mitluba hija meħtieġa u proporzjonata.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'każijiet debitament ġustifikati, il-miżuri provviżorji jistgħu jittieħdu mingħajr ma jinstema' l-konvenut, fejn kwalunkwe dewmien jista' jikkawża danni irreparabbli għar-rikorrenti, jew fejn hemm riskju dimostrabbli li l-provi jistgħu jinqerdu. F'tali każ, il-partijiet għandhom ikunu infurmati mingħar dewmien żejjed mhux aktar tard minn wara l-eżekuzzjoni tal-miżuri.

Rieżami, li jinkludi d-dritt tas-smigħ, għandu jsir fuq talba tal-konvenut bl-għan li tingħata deċiżjoni, fi żmien raġjonevoli wara n-notifika tal-miżuri, dwar jekk dawk il-miżuri humiex se jiġu modifikati, revokati jew konfermati jew inkella le.

Meta l-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu huma revokati jew fejn sussegwentement jinstab li ma kien hemm l-ebda ksur jew theddid ta' ksur, il-Qorti tista' tordna lir-rikorrent, fuq talba tal-konvenut, sabiex jipprovdi lill-konvenut b'kumpens xieraq għad-danni kollha mġarrba b'riżultat ta' dawk il-miżuri.

4.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/48/KE u r-Regolament (UE) Nru 655/2014.

It-Tieni Taqsima:

Effiċjenza tal-proċedimenti

Artikolu 7

Effiċjenza proċedurali

1.  Il-qrati u t-tribunali tal-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust li jiżgura aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-prinċipju ta' proċess kontenzjuż, b'mod partikolari meta jiddeċiedu dwar il-ħtieġa ta' smigħ orali u dwar il-mezzi tal-kumpilazzjoni ta' xhieda u l-limiti sa fejn ix-xhieda trid tiġi kkumpilata.

2.  Il-qrati jew it-tribunali tal-Istati Membri għandhom jaġixxu kmieni kemm jista' jkun, irrispettivament mill-eżistenza ta' perjodi ta' preskrizzjoni għal azzjonijiet speċifiċi fil-fażijiet differenti tal-proċedura.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet motivati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jew it-tribunali jipprovdu deċiżjonijiet motivati biżżejjed fi żmien raġonevoli biex jippermettu lill-partijiet jagħmlu użu effettiv ta' kwalunkwe dritt ta' rieżami tad-deċiżjoni jew ta' tressiq ta' appell.

Artikolu 9

Prinċipji ġenerali għad-direzzjoni tal-proċedimenti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jiġġestixxu b'mod attiv il-kawżi quddiemhom sabiex jiżguraw l-iżvolġiment ekwu, effiċjenti ta' tilwim u li dan isir b'veloċità u spejjeż raġonevoli, mingħajr ma tixxekkel il-libertà tal-partijiet li jiddeterminaw is-suġġett u l-provi li jsostnu l-kawża tagħhom.

2.  Sa fejn hu raġonevolment prattikabbli, il-qorti għandha tamministra l-kawża f'konsultazzjoni mal-partijiet. B'mod partikolari, ġestjoni attiva tal-kawżi tista' tinkludi:

(a)  li l-partijiet jiġu nkoraġġuti jikkooperaw ma' xulxin matul il-proċedimenti;

(b)  li jiġu identifikati l-kwistjonijiet fi stadju bikri;

(c)  li jiġi deċiż minnufih liema kwistjonijiet jeħtieġu investigazzjoni sħiħa u li kwistjonijiet oħra jiġu solvuti b'mod sommarju;

(d)  li jkun hemm deċiżjoni dwar l-ordni li fiha l-kwistjonijiet għandhom jiġu solvuti;

(e)  li tingħata għajnuna lill-partijiet biex isolvu l-azzjoni kollha jew parti minnha;

(f)  li jiġu ffissati skedi ta' żmien biex jiġi kkontrollat il-progress tal-azzjoni;

(g)  li jiġi trattat l-ikbar għadd ta' aspetti tal-azzjoni possibbli għall-Qorti fl-istess okkażjoni;

(h)  li l-azzjoni tiġi trattata mingħajr mal-partijiet ikunu meħtieġa jattendu personalment;

(i)  li jsir użu minn mezzi tekniċi disponibbli.

Artikolu 10

Kumpilazzjoni ta' xhieda

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mezzi effettivi għall-preżentazzjoni, kisba u preżervazzjoni ta' xhieda huma disponibbli b'kunsiderazzjoni għad-drittijiet tad-difiża u l-ħtieġa għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali.

2.  Fil-kuntest tal-kumpilazzjoni ta' xhieda, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-użu tat-teknoloġija ta' komunikazzjoni moderna. Il-qorti jew it-tribunal aditi għandhom jagħżlu l-metodu ta' kumpilazzjoni ta' xhieda li jkun l-aktar sempliċi u l-inqas oneruż.

Artikolu 11

Esperti tal-Qorti

1.  Mingħajr preġudizzju għall-possibilità għall-partijiet li jipproduċu xhieda esperta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qorti tista' fi kwalunkwe ħin taħtar esperti tal-qorti sabiex jipprovdu kompetenza esperta għal aspetti speċifiċi tal-kawża. Il-qorti għandha tipprovdi tali esperti bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-għoti tal-perizja.

2.  F'tilwim transkonfinali, ħlief meta jkunu meħtieġa miżuri ta' koerċizzjoni jew meta titwettaq investigazzjoni f'postijiet konnessi mal-eżerċitar ta' setgħat ta' Stat Membru jew f'postijiet fejn, skont il-liġi tal-Istat Membru tkun qed issir l-investigazzjoni, fihom l-aċċess jew fir-rigward tagħhom azzjoni oħra jkunu pprojbiti jew limitati għal ċerti persuni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qorti tista' taħtar espert ġudizzjarju biex iwettaq l-investigazzjonijiet barra l-ġurisdizzjoni tal-qorti mingħajr ma tkun meħtieġa s-sottomissjoni ta' xi talba minn qabel biex isir dan lill-awtorità rilevanti tal-Istat Membru l-ieħor.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tħejji direttorju Ewropew ta' esperti billi tlaqqa' flimkien il-listi nazzjonali eżistenti tal-esperti u dan għandu jkun disponibbli permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

4.  L-esperti tal-qorti għandhom jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-imħallfin previsti fl-Artikolu 22.

5.  Il-perizja mogħtija lill-qorti mill-esperti tal-qorti għandha tkun disponibbli għall-partijiet li għandu jkollhom il-possibilità li jikkummentaw dwarha.

It-Tielet Taqsima:

Aċċess għall-qrati u l-ġustizzja

Artikolu 12

Soluzzjoni tat-tilwim

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti u b'kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jekk il-qorti tkun tal-fehma li t-tilwim huwa adatt għal soluzzjoni, din tista' tipproponi li l-partijiet jużaw il-medjazzjoni sabiex isolvu jew jesploraw soluzzjoni għat-tilwim.

2.  Paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jagħżlu l-medjazzjoni sabiex jibdew proċedimenti ġudizzjarji jew arbitraġġ fir-rigward ta' dak it-tilwim qabel l-iskadenza tal-perijodi ta' limitazzjoni jew ta' preskrizzjoni matul il-proċess ta' medjazzjoni.

Artikolu 13

Spejjeż tal-litigazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi tal-qorti mitluba fl-Istati Membri għal tilwim ċivili ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-valur tat-talba u ma jagħmlux il-litigazzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

2.  It-tariffi tal-qorti imposti fl-Istati Membri għal tilwim ċivili m'għandhomx jiskuraġġixxu liċ-ċittadini milli jressqu kawża quddiem qorti jew b'xi mod jostakolaw l-aċċess għall-ġustizzja.

3.  Il-partijiet għandhom ikunu jistgħu jħallsu t-tariffi tal-qorti permezz ta' metodi ta' ħlas mill-bogħod, inkluż minn Stat Membru li mhuwiex l-Istati Membru fejn ikunu jinsabu l-qorti jew it-tribunal, permezz ta' trasferiment bankarju jew permezz ta' karta ta' kreditu jew ta' debitu.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar it-tariffi tal-qorti u l-metodi ta' ħlas, kif ukoll dwar l-awtoritajiet jew l-organizzazzjonijiet kompetenti biex jagħtu għajnuna prattika fl-Istati Membri ssir aktar trasparenti u faċilment disponibbli mill-internet. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha għandha tiżgura li din tkun disponibbli għall-pubbliku u mxerrda fuq firxa wiesgħa permezz ta' kwalunkwe mezz adatt, b'mod partikolari permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

Artikolu 14

Prinċipju ta' "min jitlef iħallas"

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-parti telliefa ġġarrab l-ispejjeż tal-proċedimenti, inkluża, iżda mhux limitata għal, kwalunkwe spiża li tirriżulta mill-fatt li l-parti l-oħra tkun ġiet irrappreżentata minn avukat jew professjonist legali ieħor, jew kwalunkwe spiża li tirriżulta min-notifika jew mit-traduzzjoni ta' dokumenti, li jkunu proporzjonati għall-valur tat-talba u li kellhom bilfors jiġġarbu.

2.  Meta parti tirbaħ biss f'parti jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-qorti tista' tordna li l-ispejjeż jinqasmu b'mod ekwu jew li l-partijiet iġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess.

3.  Parti għandha ġġarrab kwalunkwe spiża mhux meħtieġa li hija tkun ikkawżat lill-qorti jew lil parti oħra, jew billi tkun qajmet kwistjonijiet bla bżonn jew inkella billi kienet litiguża b'mod mhux raġonevoli.

4.  Il-qorti tista' taġġusta l-aġġudikazzjoni tal-ispejjeż tagħha sabiex dawn jirriflettu n-nuqqas mhux raġonevoli ta' kooperazzjoni jew il-parteċipazzjoni in mala fede fi sforzi intiżi għal soluzzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 20.

Artikolu 15

Għajnuna legali

1.  Sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati jkunu jistgħu jagħtu għajnuna legali lil parti.

2.  L-għajnuna legali tista' tkopri, totalment jew parzjalment, l-ispejjeż li ġejjin:

(a)  it-tariffi tal-qorti, permezz ta' tnaqqis totali jew parzjali jew skedar mill-ġdid;

(b)  l-ispejjeż ta' assistenza u rappreżentanza legali rigward:

(i)  il-parir qabel il-litigazzjoni bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim qabel jinbdew il-proċedimenti legali f'konformità mal-Artikolu 12(1);

(ii)  l-inizjazzjoni u ż-żamma ta' proċedimenti quddiem il-qorti;

(iii)  l-ispejjeż kollha marbuta mal-proċedimenti inkluża l-applikazzjoni għall-għajnuna legali;

(iv)  l-infurzar ta' deċiżjonijiet;

(c)  spejjeż neċessarji oħra relatati mal-proċedimenti li għandhom jiġġarrbu minn parti, inklużi l-ispejjeż ta' xhieda, esperti, interpreti u tradutturi u vvjaġġar, akkomodazzjoni u spejjeż tas-sussistenza meħtieġa ta' dik il-parti u r-rappreżentant tagħha;

(d)  l-ispejjeż mogħtija lill-parti li tirbaħ, fil-każ li r-rikorrent jitlef il-kawża f'konformità mal-Artikolu 14.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika li tkun ċittadina tal-Unjoni Ewropea jew ta' pajjiż terz li jkollha r-residenza legali tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jkollha d-dritt tapplika għall-għajnuna legali meta:

(a)  minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, din ma tkunx tista' tkopri, totalment jew parzjalment, l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu; u

(b)  il-kawża li għaliha tkun qed issir applikazzjoni għall-għajnuna legali jkollha prospett raġonevoli ta' suċċess, meta wieħed iqis is-sitwazzjoni proċedurali tal-applikant; u

(c)  ir-rikorrent li japplika għall-għajnuna legali għandu d-dritt jieħu azzjonijiet legali skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

4.  Il-persuni ġuridiċi għandhom dritt japplikaw għall-għajnuna legali fil-forma ta' eżenzjoni mill-ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż tal-proċedimenti u/jew l-assistenza ta' avukat. Meta jkunu qed jiddeċiedu dwar jekk jagħtux jew le tali għajnuna, il-qrati jistgħu jikkunsidraw, inter alia:

(a)  il-forma tal-persuna ġuridika inkwistjoni u jekk hijiex bi skop ta' profitt jew le;

(b)  il-kapaċità finanzjarja tas-soċji jew tal-azzjonisti;

(c)  il-ħila ta' dawk is-soċji jew azzjonisti li jiksbu l-ammonti neċessarji biex jieħdu azzjoni legali.

5.  L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-persuni ġuridiċi jiġu infurmati dwar il-proċedura biex tintalab għajnuna legali taħt il-paragrafi (1) sa (4), bil-ħsieb li jagħmluha effettiva u aċċessibbli.

6.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/8/KE.

Artikolu 16

Finanzjament

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'każijiet fejn azzjoni legali tkun iffinanzjata minn parti terza privata, il-parti terza privata m'għandhiex:

(a)  tipprova tinfluwenza d-deċiżjonijiet proċedurali tal-parti rikorrenti, inkluż dwar soluzzjonijiet;

(b)  tipprovdi finanzjament għal azzjoni kontra konvenut li jkun kompetitur ta' min jipprovdi l-fondi jew kontra konvenut li minnu jkun jiddependi min jipprovdi l-fondi;

(c)  titlob interessi eċċessivi fuq il-fondi pprovduti.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal każijiet ta' finanzjament ta' azzjonijiet legali mingħand parti terza, ir-remunerazzjoni mogħtija jew l-interess li jittieħed minn min jipprovdi l-fondi m'għandhomx ikunu bbażati fuq l-ammont tas-saldu milħuq jew fuq il-kumpens mogħti, sakemm dak l-arranġament ta' finanzjament ma jkunx irregolat minn awtorità pubblika li tiggarantixxi l-interessi tal-partijiet.

Ir-Raba' Taqsima:

Proċedimenti ġusti

Artikolu 17

Notifika ta' dokumenti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintużaw metodi li jiggarantixxu, bħala kwistjoni ta' prinċipju, il-konferma tal-wasla tad-dokumenti nnotifikati.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti li jistitwixxu l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti u kwalunkwe taħrika quddiem il-qorti jkunu jistgħu jiġu nnotifikati f'konformità mal-liġi nazzjonali permezz ta' wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)  notifika minn persuna;

(b)  notifika postali;

(c)  notifika permezz ta' mezzi elettroniċi, bħal faks jew posta elettronika.

In-notifika għandha tkun iċċertifikata b'konferma tal-wasla, bid-data tal-wasla inkluża, li għandha tiġi ffirmata mid-destinatarju.

Għall-fini ta' notifika b'mezzi elettroniċi skont il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, għandhom jintużaw standards tekniċi għoljin b'mod xieraq li jiggarantixxu l-identità ta' min ikun qed jibgħat u t-trażmissjoni sikuri tad-dokumenti nnotifikati.

Dawn id-dokumenti jistgħu wkoll jiġu nnotifikati bl-idejn permezz ta' dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li wettaq is-servizz, li jispeċifika li d-destinatarju jkun irċieva d-dokumenti jew ikun irrifjutahom mingħajr ebda ġustifikazzjoni legali, u d-data tan-notifika.

3.  Jekk in-notifika f'konformità mal-paragrafu 2 ma tkunx possibbli, u meta l-indirizz tal-konvenut ikun magħruf b'ċertezza, in-notifika tista' jsir permezz ta' wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)  minn persuna fl-indirizz personali tal-konvenut, lil persuni li joqogħdu fl-istess dar bħall-konvenut jew li jkunu impjegati hemm;

(b)  f'każ ta' konvenut li jaħdem għal rasu jew persuna ġuridika, servizz minn persuna fis-sit kummerċjali tal-konvenut, lil persuni li jkunu impjegati mill-konvenut;

(c)  depożitu tad-dokumenti fil-kaxxa postali tal-konvenut;

(d)  depożitu tad-dokumenti f'uffiċċju tal-posta jew ma' awtoritajiet pubbliċi kompetenti u t-tqegħid ta' notifika bil-miktub ta' dak id-depożitu fil-kaxxa postali tal-konvenut, dment li n-notifika bil-miktub tiddikjara b'mod ċar in-natura ġudizzjarja tad-dokumenti jew il-fatt li tali notifika għandha l-effikaċja legali tan-notifika u li tibda tiddekorri ż-żmien għall-finijiet tal-limiti ta' żmien;

(e)  notifika postali mingħajr prova skont il-paragrafu 4 meta l-indirizz tal-konvenut ikun fl-Istat Membru ta' oriġini;

(f)  mezzi elettroniċi attestati b'konferma awtomatika tal-wasla, dment li l-konvenut ikun aċċetta b'mod espress dan il-metodu ta' servizz minn qabel.

In-notifika skont il-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandha tkun attestata permezz ta':

(a)  dokument iffirmat mill-persuna kompetenti li tkun wettqet in-notifika, li jindika dawn kollha li ġejjin:

(i)  l-isem sħiħ tal-persuna li serva n-notifika jew il-komunikazzjoni;

(ii)  il-metodu ta' notifika użat;

(iii)  id-data tan-notifika;

(iv)  meta d-dokumenti notifikati jkunu ngħataw lil persuna oħra li ma kinitx il-konvenut, l-isem ta' dik il-persuna u r-relazzjoni tagħha mal-konvenut; kif ukoll

(v)  informazzjoni obbligatorja oħra skont id-dritt nazzjonali.

(b)  konferma tal-wasla mill-persuna nnotifikata, għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

4.  In-notifika skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu tista' wkoll issir lir-rappreżentant awtorizzat jew legali tal-konvenut.

5.  Meta d-dokumenti li jagħtu bidu għall-proċedimenti jew dokumenti ekwivalenti jew kwalunkwe taħrika jridu jiġu nnotifikati barra mill-Istati Membri, dawn jistgħu jiġu nnotifikati bi kwalunkwe metodu previst:

(a)  mir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(26), fejn japplika, fir-rispett tad-drittijiet tad-destinatarju mogħtija mir-Regolament; jew

(b)  Il-Konvenzjoni ta' The Hague tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika Barra l-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extra-Ġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali jew kwalunkwe konvenzjoni jew ftehim, li fihom din tapplika.

6.  Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 u hija mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(27), u r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(28).

Artikolu 18

Dritt għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti ċivili

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet fi proċedimenti ċivili jkollhom id-dritt għas-servizzi ta' avukat tal-għażla tagħhom b'tali mod li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'mod prattiku u effettiv.

F'tilwim transkonfinali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet għal proċedimenti ċivili jkollhom id-dritt għas-servizzi ta' avukat fl-Istat ta' Oriġini tagħhom għal parir preliminari, u ieħor fl-Istat Ospitanti biex iwettaq il-proċedura ta' tilwim.

2.  L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn il-partijiet f'kawża u l-avukat tagħhom. Tali komunikazzjoni għandha tinkludi l-laqgħat, il-korrispondenza, il-konversazzjoni telefonika u forom oħra ta' komunikazzjoni permessi skont id-dritt nazzjonali.

3.  Mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali li jeħtieġ il-preżenza jew l-assistenza obbligatorja ta' avukat, il-partijiet għall-proċedimenti ċivili jistgħu jirrinunzjaw dritt imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, fejn:

(a)  il-partijiet ikunu ngħataw, bil-miktub jew verbalment, informazzjoni ċara u suffiċjenti b'lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem dwar il-konsegwenzi possibbli tar-rinunzja tiegħu; u

(b)  ir-rinunzja tingħata volontarjament u b'mod inekwivoku.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet ikunu jistgħu jirrevokaw ir-rinunzja sussegwentement fi kwalunkwe stadju matul il-proċedimenti ċivili u li huma jiġu infurmati b'dik il-possibilità.

4.  Din id-dispożizzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rappreżentazzjoni legali previsti fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(29), ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 u r-Regolament (UE) Nru 655/2014.

Artikolu 19

Aċċess għall-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu liċ-ċittadini b'informazzjoni trasparenti u faċilment disponibbli dwar il-bidu ta' diversi proċeduri, il-perjodi ta' limitazzjoni jew preskrizzjoni, il-qrati kompetenti biex jisimgħu tilwim differenti, u l-formoli neċessarji li jkunu jridu jimtlew għal dak l-iskop. Xejn f'dan l-Artikolu ma jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu assistenza legali fil-forma ta' valutazzjoni legali ta' każ speċifiku.

Artikolu 20

Interpretazzjoni u traduzzjoni ta' dokumenti essenzjali

L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li kull parti f'tilwima għandha fehim sħiħ tal-proċedimenti legali. Dan l-għan jinkludi d-disponibbiltà ta' interpretazzjoni matul il-proċedimenti ċivili u traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti essenzjali kollha sabiex tiġi salvagwardjata l-ekwità tal-proċedimenti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 21

Obbligi tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet f'kawża u r-rappreżentanti tagħhom jaġixxu in bona fede u b'rispett fil-konfront tal-qorti u l-partijiet oħra u ma jirrappreżentawx b'mod żbaljat il-kważi jew il-fatti quddiem il-qrati kemm b'mod intenzjonali kif ukoll b'motivi raġonevoli li huma konxji dwar dan.

Artikolu 22

Proċedimenti pubbliċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedimenti jkunu miftuħin għall-pubbliku sakemm il-Qorti ma tiddeċidix, sa fejn huwa meħtieġ, li tagħmilhom kunfidenzjali fl-interess ta' waħda mill-partijiet jew persuni oħrajn affettwati, jew fl-interess ġenerali tal-ġustizzja jew l-ordni pubbliku.

Artikolu 23

Indipendenza ġuridika u imparzjalità

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati u t-tribunali u l-imħallfin tagħhom igawdu indipendenza ġuddizzjarja. Il-kompożizzjoni tal-qrati u t-tribunali għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi kwalunkwe dubju leġittimu dwar l-imparzjalità.

2.  Fit-twettiq ta' dmirijiethom, l-imħallfin m'għandhom ikunu marbutin b'ebda istruzzjoni u għandhom ikunu ħielsa minn kull influwenza jew pressjoni u minn kwalunkwe preġudizzju jew inklinazzjoni personali f'xi każ partikolari.

Artikolu 24

Taħriġ

1.  Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza ġudizzjarja u d-differenzi fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura fl-Unjoni kollha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġudikatura, l-iskejjel ġudizzjarji u l-professjonijiet legali jagħtu spinta lill-iskemi ta' taħriġ ġudizzjarju tagħhom biex jiżguraw li d-dritt u l-proċeduri tal-Unjoni huma integrati f'attivitajiet ta' taħriġ nazzjonali.

2.  L-iskemi ta' taħriġ għandhom jiġu orjentati lejn il-prattika, ikunu rilevanti għall-prattikanti fix-xogħol ta' kuljum, isiru fuq perjodi qosra u jużaw metodi ta' tagħlim moderni u attivi u għandhom jinkludi possibbiltajiet ta' taħriġ inizjali u kontinwu. L-iskemi ta' taħriġ għandhom jiffukaw b'mod partikolari fuq:

(a)  il-kisba ta' biżżejjed għarfien tal-istrumenti tal-Unjoni għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-iżvilupp tal-kapaċità riflessiva sabiex isir riferiment b'mod regolari għall-ġurisprudenza tal-Unjoni, sabiex tiġi vverifikata t-traspożizzjoni nazzjonali u jsir rikors għall-proċedura għal deċiżjonijiet preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

(b)  it-tixrid ta' għarfien u esperjenza fid-dritt u l-proċeduri tal-Unjoni u f'sistemi ġuridiċi oħra;

(c)  il-faċilitazzjoni ta' skambji fuq terminu qasir ta' mħallfin ġodda;

(d)  il-ħakma ta' lsien barrani u tat-terminoloġija ġuridika tiegħu;

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa' ... [sena wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva]. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

2.  Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 26

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2025, u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem, tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva abbażi kemm ta' informazzjoni kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha b'mod partikolari tevalwa l-impatt tagħha fuq l-aċċess għall-ġustizzja, fuq id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, fuq il-kooperazzjoni f'materji ċivili u fuq il-funzjonament tas-suq uniku, fuq l-SMEs, fuq il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u fuq il-fiduċja tal-konsumatur. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi biex jadattaw u jsaħħu din id-Direttiva.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 28

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri b'mod konformi mat-Trattati.

Magħmul fi, [data]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) PE 572.853, Diċembru 2015.
(2) PE 581.385, Ġunju 2016.
(3) PE 559.499, Ġunju 2015.
(4) PE 556.971, Ġunju 2016.
(5) Uniform Law Review, 2004(4).
(6) M. Storme, Study on the approximation of the laws and rules of the Member States concerning certain aspects of the procedure for civil litigation (Rapport Finali, Dordrecht, 1994).
(7) Ara, inter alia: is-sentenza tas-16 ta' Diċembru 1976, Comet BV vs Produktschap voor Siergewassen, 45/76, ECLI:EU:C:1976:191 u s-sentenza tal-15 ta' Mejju 1986, Marguerite Johnston vs Chief Constable of the Royal Ulster Constabulary, 222/84, ECLI:EU:C:1986:206.
(8) Disponibbli online hawnhekk: http://www.ejtn.eu/PageFiles/15756/Judicial%20Training%20Principles_EN.pdf
(9) Testi adottati, P7_TA(2014)0276.
(10) Ara, inter alia: is-sentenza tat-13 ta' Marzu 2007, Unibet (London) Ltd u Unibet (International) Ltd vs Justitiekanslern, C-432/05, ECLI:EU:C:2007:163.
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1).
(12) Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41).
(13) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv ta' inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet skont il-Liġi tal-Unjoni (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 60).
(14) Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30).
(15) Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjoni għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 349, 5.12.2014, p. 1).
(16) Ara, pereżempju, ir-Regolament Ewropew għal Talbiet Żgħar (ara t-tieni nota ta' qiegħ il-paġna għal Premessa G iktar 'il fuq) u r-Regolament dwar l-Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet (Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi proċedura ta' Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 59)).
(17) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48/KE tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).
(18) ara r-raba’ nota ta' qiegħ il-paġna  għal Premessa G hawn fuq.
(19) ara l-ħames nota ta' qiegħ il-paġna  għal Premessa G hawn fuq.
(20) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1).
(21) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48/KE tad-29 ta' April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).
(22) Ir-Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi proċedura għal Ordni Ewropea tal-preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 59).
(23) Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41).
(24) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
(25) Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill "Promozzjoni tal-użu u l-iskambju tal-aħjar prattiki tal-vidjokonferenzi transkonfinali fil-qasam tal-ġustizzja fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE" (ĠU C 250, 31.7.2015, p. 1).
(26) Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79).
(27) Ir-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta' Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 15).
(28) Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1).
(29) Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1).


Assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova ***I
PDF 342kWORD 44k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova (COM(2017)0014 – C8-0016/2017 – 2017/0007(COD))
P8_TA(2017)0283A8-0185/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2017)0014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0016/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-Deċiżjoni Nru 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja(1),

–  – wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-15 ta' Ġunju 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0185/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta' Lulju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2017/...tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

P8_TC1-COD(2017)0007


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Deċiżjoni (UE) 2017/1565.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

Fid-dawl tal-inizjattivi fir-rigward tal-bidliet tas-sistema elettorali fir-Repubblika tal-Moldova, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jissottolinjaw li prekondizzjoni għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja hija li l-pajjiż benefiċjarju jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt u jiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandhom jimmonitorjaw li din il-prekondizzjoni tiġi sodisfatta matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja u b'hekk jagħtu l-akbar attenzjoni għall-kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova tar-rakkomandazzjonijiet ta' sħab internazzjonali rilevanti (b'mod partikolari l-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE/ODIHR).

(1) ĠU L 218, 14.8.2013, p. 15.


Divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat ***I
PDF 602kWORD 71k
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fl-4 ta’ Lulju 2017 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat (COM(2016)0198 – C8-0146/2016 – 2016/0107(COD))(1)
P8_TA(2017)0284A8-0227/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal direttiva
Premessa -1 (ġdida)
(-1)   L-ugwaljanza tal-kontribwenti, b'mod partikolari fost l-intrapriżi kollha, hija indispensabbli għas-suq uniku. Approċċ ikkoordinat u armonizzat għall-implimentazzjoni tas-sistemi nazzjonali tat-taxxa huwa essenzjali għall-funzjonament xieraq tas-suq uniku, u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti.
Emenda 2
Proposta għal direttiva
Premessa -1a (ġdida)
(-1a)   L-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll l-iskemi ta' trasferiment tal-profitti, ċaħħdu lill-gvernijiet u lill-popolazzjonijiet mir-riżorsi meħtieġa sabiex, fost affarijiet oħra, jiggarantixxu aċċess universali u bla ħlas għas-servizzi pubbliċi edukattivi u tas-saħħa kif ukoll għas-servizzi soċjali tal-Istat, u ċaħħdu wkoll lill-Istati milli jkunu jistgħu jiżguraw akkomodazzjoni u trasport pubbliku affordabbli u bini ta' infrastruttura essenzjali sabiex ikun hemm żvilupp soċjali u tkabbir ekonomiku. Fil-qosor, skemi bħal dawn kienu fattur ta' inġustizzja, inugwaljanza u diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali.
Emenda 3
Proposta għal direttiva
Premessa -1b (ġdid)
(-1b)   Sistema ta' taxxa korporattiva ġusta u effikaċi jenħtieġ li twieġeb għall-ħtieġa urġenti ta' politika globali progressiva u ġusta dwar it-taxxa, tippromwovi r-ridistribuzzjoni tal-ġid u tiġġieled kontra l-inugwaljanzi.
Emenda 4
Proposta għal direttiva
Premessa 1
(1)  F'dawn l-aħħar snin, l-isfida ppreżentata mill-evitar tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji żdiedet konsiderevolment u saret punt ċentrali ta' tħassib fl-Unjoni u globalment. Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014 għaraf il-ħtieġa urġenti sabiex l-isforzi fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa jimxu 'l quddiem, kemm fil-livell globali kif ukoll f'dak tal-Unjoni. Il-Kummissjoni fil-Komunikazzjonijiet tagħha bit-titlu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 – Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess"16 u "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 – Bidu Ġdid"17 identifikat bħala prijorità l-ħtieġa li tinqabad it-triq tas-sistema li permezz tagħha l-pajjiż li fih jiġu ġġenerati l-profitti jkun ukoll il-pajjiż tat-tassazzjoni. Il-Kummissjoni identifikat ukoll bħala prijorità l-ħtieġa li titwieġeb is-sejħa tas-soċjetajiet tagħna għall-ġustizzja u għat-trasparenza tat-taxxi.
(1)  It-trasparenza hija essenzjali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku. F'dawn l-aħħar snin, l-isfida ppreżentata mill-evitar tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji żdiedet konsiderevolment u saret punt ċentrali ta' tħassib fl-Unjoni u globalment. Il-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014 għaraf il-ħtieġa urġenti sabiex l-isforzi fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa jimxu 'l quddiem, kemm fil-livell globali kif ukoll f’dak tal-Unjoni. Il-Kummissjoni fil-Komunikazzjonijiet tagħha bit-titlu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 – Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess"16 u "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 – Bidu Ġdid"17 identifikat bħala prijorità l-ħtieġa li tinqabad it-triq tas-sistema li permezz tagħha l-pajjiż li fih jiġu ġġenerati l-profitti jkun ukoll il-pajjiż tat-tassazzjoni. Il-Kummissjoni identifikat ukoll bħala prijorità l-ħtieġa li titwieġeb is-sejħa taċ-ċittadini Ewropej għat-trasparenza u l-ħtieġa li taġixxi bħala mudell ta' referenza għal pajjiżi oħra. Huwa essenzjali li t-trasparenza tqis ir-reċiproċità fost il-kompetituri.
__________________
__________________
16 COM(2015)0610 final tas-27 ta' Ottubru 2015.
16 COM(2015)0610 final tas-27 ta' Ottubru 2015.
17 COM(2014)0910 final tas-16 ta' Diċembru 2014.
17 COM(2014)0910 final tas-16 ta' Diċembru 2014.
Emenda 5
Proposta għal direttiva
Premessa 2
(2)  Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-dħul tat-trasparenza, tal-koordinazzjoni u tal-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni18 għaraf li ż-żieda fit-trasparenza fil-qasam tat-tassazzjoni fuq il-kumpaniji tista' ttejjeb il-ġbir tat-taxxa, tagħmel ħidmet l-awtoritajiet tat-taxxa aktar effiċjenti u tiżgura fiduċja akbar fost il-pubbliku u fiduċja fis-sistemi tat-taxxa u fil-gvernijiet.
(2)  Il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-dħul tat-trasparenza, tal-koordinazzjoni u tal-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni18 għaraf li ż-żieda fit-trasparenza, fil-kooperazzjoni u fil-konverġenza fil-qasam tal-politika tat-tassazzjoni fuq il-kumpaniji fl-Unjoni tista' ttejjeb il-ġbir tat-taxxa, tagħmel ħidmet l-awtoritajiet tat-taxxa aktar effiċjenti, tappoġġja lil dawk li jfasslu l-politika fil-valutazzjoni tas-sistema tat-tassazzjoni attwali biex jiżviluppaw il-leġiżlazzjoni tal-futur, tiżgura fiduċja akbar fost il-pubbliku u fiduċja fis-sistemi tat-taxxa u fil-gvernijiet u ttejjeb it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-investimenti abbażi ta' profili tar-riskju tal-kumpaniji aktar preċiżi.
__________________
__________________
18 2015/2010(INL).
18 2015/2010(INL).
Emenda 6
Proposta għal direttiva
Premessa 2a (ġdida)
(2a)  Ir-rapportar pubbliku għal kull pajjiż huwa għodda effiċjenti u xierqa biex tiżdied it-trasparenza b'rabta mal-attivitajiet tal-intrapriżi multinazzjonali u biex il-pubbliku jkun jista' jivvaluta l-impatt ta' dawk l-attivitajiet fuq l-ekonomija reali. Dan itejjeb ukoll il-kapaċità tal-azzjonisti li jevalwaw kif xieraq ir-riskji li jittieħdu mill-kumpaniji, iwassal għal strateġiji ta' investiment ibbażati fuq informazzjoni preċiża u jsaħħaħ il-kapaċità ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li jivvalutaw l-effiċjenza u l-impatt tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.
Emenda 7
Proposta għal direttiva
Premessa 2b (ġdida)
(2b)  Ir-rapportar għal kull pajjiż se jkollu wkoll impatt pożittiv fuq id-drittijiet tal-impjegati għal informazzjoni u konsultazzjoni kif previst fid-Direttiva 2002/14/KE u, billi jżid l-għarfien dwar l-attivitajiet tal-kumpaniji, fuq il-kwalità tad-djalogu impenjat fil-kumpaniji.
Emenda 8
Proposta għal direttiva
Premessa 4
(4)  Filwaqt li sejjaħ għal sistema tat-taxxa internazzjonali globalment ġusta u moderna, il-G20, f'Novembru 2015 approva l-"Pjan ta' Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti" (BEPS, Base Erosion and Profit Shifting) tal-OECD li kellu t-tir li jipprovdi lill-gvernijiet b'soluzzjonijiet internazzjonali ċari biex jindirizzaw il-lakuni u d-diskrepanzi fir-regoli eżistenti li jippermettu li l-profitti tal-kumpaniji jkunu trasferiti lejn postijiet li fihom jew ma hemm l-ebda tassazzjoni jew inkella hemm tassazzjoni baxxa, fejn ma jista' jinħoloq l-ebda valur reali. B'mod partikolari, l-Azzjoni 13 tal-BEPS tintroduċi rapportat għal kull pajjiż minn ċerti intrapriżi multinazzjonali lill-awtoritajiet tat-taxxa fuq bażi kunfidenzjali. Fis-27 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat il-"Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa". Wieħed mill-objettivi ta' dak il-pakkett huwa li l-Azzjoni 13 tal-BEPS tiġi trasposta fi dritt tal-Unjoni, billi tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE20.
(4)  Filwaqt li sejjaħ għal sistema tat-taxxa internazzjonali globalment ġusta u moderna, il-G20, f'Novembru 2015 approva l-"Pjan ta' Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti" (BEPS, Base Erosion and Profit Shifting) tal-OECD li kellu t-tir li jipprovdi lill-gvernijiet b'soluzzjonijiet internazzjonali ċari biex jindirizzaw il-lakuni u d-diskrepanzi fir-regoli eżistenti li jippermettu li l-profitti tal-kumpaniji jkunu trasferiti lejn postijiet li fihom jew ma hemm l-ebda tassazzjoni jew inkella hemm tassazzjoni baxxa, fejn ma jista' jinħoloq l-ebda valur reali. B'mod partikolari, l-Azzjoni 13 tal-BEPS tintroduċi rapportat għal kull pajjiż minn ċerti intrapriżi multinazzjonali lill-awtoritajiet tat-taxxa fuq bażi kunfidenzjali. Fis-27 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni adottat il-"Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa". Wieħed mill-objettivi ta' dak il-pakkett huwa li l-Azzjoni 13 tal-BEPS tiġi trasposta fi dritt tal-Unjoni, billi tiġi emendata d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE20. Madankollu, l-intaxxar fuq il-profitti fejn jinħoloq il-valur jitlob approċċ aktar komprensiv għar-rapportar għal kull pajjiż li jkun ibbażat fuq ir-rapportar pubbliku.
__________________
__________________
20 Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).
20 Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).
Emenda 9
Proposta għal direttiva
Premessa 4a (ġdida)
(4a)  Jenħtieġ li l-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) jaġġorna l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) u l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS) rilevanti biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tar-rekwiżiti tar-rapportar pubbliku għal kull pajjiż.
Emenda 10
Proposta għal direttiva
Premessa 4b (ġdida)
(4b)  Ir-rapportar pubbliku għal kull pajjiż diġà ġie stabbilit fl-Unjoni għas-settur bankarju bid-Direttiva 2013/36/UE kif ukoll għall-industrija estrattiva u tal-qtugħ tas-siġar bid-Direttiva 2013/34/UE.
Emenda 11
Proposta għal direttiva
Premessa 4c (ġdida)
(4c)  Permezz ta' introduzzjoni bla preċedent tar-rapportar pubbliku għal kull pajjiż, l-Unjoni wriet li saret mexxej globali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa.
Emenda 12
Proposta għal direttiva
Premessa 4d (ġdida)
(4d)  Billi l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa tista' tkun ta' suċċess biss b'azzjoni konġunta fil-livell internazzjonali, l-Unjoni, filwaqt li tibqa' mexxej globali f'din il-ġlieda, jeħtiġilha tikkoordina l-azzjonijiet tagħha mal-atturi internazzjonali, pereżempju fil-qafas tal-OECD. L-azzjonijiet unilaterali, anke jekk ikunu ambizzjużi ħafna, ma għandhomx possibbiltà reali li jkunu ta' suċċess, u, barra minn hekk, azzjonijiet bħal dawn ipoġġu f'riskju l-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej u jagħmlu ħsara lill-klima tal-investiment fl-Unjoni.
Emenda 13
Proposta għal direttiva
Premessa 4e (ġdida)
(4e)  Aktar trasparenza fir-riżultati tad-divulgazzjoni finanzjarja tirriżulta f'sitwazzjoni fejn kulħadd joħroġ rebbieħ peress li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jsiru aktar effiċjenti, is-soċjetà ċivili tkun involuta iżjed, l-impjegati jkunu infurmati aħjar, u l-investituri jkollhom inqas avversità għar-riskju. Barra minn hekk, l-intrapriżi jibbenefikaw minn relazzjonijiet aħjar mal-partijiet ikkonċernati, li jirriżulta f'aktar stabbiltà, flimkien ma' aċċess aktar faċli għall-finanzjament minħabba profil tar-riskju aktar ċar u titjib fir-reputazzjoni.
Emenda 14
Proposta għal direttiva
Premessa 5
(5)  Skrutinju pubbliku mtejjeb tat-taxxi fuq l-introjtu tal-kumpaniji li jitħallsu mill-intrapriżi multinazzjonali li jwettqu attivitajiet fl-Unjoni huwa element essenzjali sabiex ir-responsabbiltà tal-kumpaniji tkun imħeġġa aktar, jingħata kontribut għall-benessri permezz tat-taxxi, tiġi promossa kompetizzjoni aktar ġusta tat-taxxi fl-Unjoni permezz ta' dibattitu pubbliku msejjes fuq informazzjoni aħjar u titreġġa' lura l-fiduċja tal-pubbliku f'kemm is-sistemi nazzjonali tat-taxxa huma ġusti. Skrutinju pubbliku bħal dan jista' jinkiseb permezz ta' rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, irrispettivament minn fejn tkun stabbilita l-intrapriża prinċipali apikali tal-grupp multinazzjonali.
(5)  Minbarra ż-żieda fit-trasparenza maħluqa mir-rapportar għal kull pajjiż għall-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, skrutinju pubbliku mtejjeb tat-taxxi fuq l-introjtu tal-kumpaniji li jitħallsu mill-intrapriżi multinazzjonali li jwettqu attivitajiet fl-Unjoni huwa element essenzjali sabiex jitrawwem l-obbligu ta' rendikont tal-kumpaniji u sabiex ir-responsabbiltà soċjali korporattiva tkun imħeġġa aktar, jingħata kontribut għall-benessri permezz tat-taxxi, tiġi promossa kompetizzjoni aktar ġusta tat-taxxi fl-Unjoni permezz ta' dibattitu pubbliku msejjes fuq informazzjoni aħjar u titreġġa' lura l-fiduċja tal-pubbliku f'kemm is-sistemi nazzjonali tat-taxxa huma ġusti. Skrutinju pubbliku bħal dan jista' jinkiseb permezz ta' rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, irrispettivament minn fejn tkun stabbilita l-intrapriża prinċipali apikali tal-grupp multinazzjonali. L-iskrutinju pubbliku, madankollu, irid isir mingħajr ma' ssir ħsara lill-klima tal-investiment fl-Unjoni jew lill-kompetittività tal-kumpaniji tal-Unjoni, b'mod partikolari l-SMEs kif definiti f'din id-Direttiva u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja kif definiti fir-Regolament (UE) 2015/10171a, li għandhom jiġu esklużi mill-obbligu ta' rapportar stabbilit skont din id-Direttiva.
__________________
1a Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).
Emenda 15
Proposta għal direttiva
Premessa 5a (ġdid)
(5a)   Il-Kummissjoni ddefiniet ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) bħala r-responsabbiltà tal-intrapriżi għall-impatt tagħhom fuq is-soċjetà. Is-CSR jenħtieġ li tkun immexxija mill-kumpaniji. L-awtoritajiet pubbliċi jista' jkollhom rwol ta' appoġġ permezz ta' taħlita intelliġenti ta' miżuri ta' politika volontarji u, fejn ikun meħtieġ, regolamentazzjoni komplementari. Il-kumpaniji jistgħu jsiru soċjalment responsabbli billi jsegwu l-liġi jew inkella billi jintegraw it-tħassib soċjali, ambjentali, etiku u tal-konsumaturi jew dak dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-istrateġija kummerċjali u l-operazzjonijiet tagħhom, jew it-tnejn li huma.
Emenda 16
Proposta għal direttiva
Premessa 6
(6)  Il-pubbliku għandu jkun jista' jwettaq skrutinju tal-attivitajiet kollha ta' grupp meta l-grupp ikollu ċerti stabbilimenti fl-Unjoni. Għall-gruppi li jwettqu attivitajiet fl-Unjoni permezz ta' intrapriżi sussidjarji jew fergħat biss, is-sussidjarji u l-fergħat għandhom jippubblikaw u jagħtu aċċess għar-rapport tal-intrapriża prinċipali apikali. Madankollu għal raġunijiet ta' proporzjonalità u effikaċja, l-obbligu tal-pubblikazzjoni u tal-aċċessibbiltà tar-rapport għandu jkun limitat għal sussidjarji ta' daqs medju jew kbir li jkunu stabbiliti fl-Unjoni, jew fergħat ta' daqs paragunabbli miftuħa fi Stat Membru. Għaldaqstant, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2013/34/UE għandu jiġi estiż f'dan is-sens għall-fergħat miftuħa fi Stat Membru minn intrapriża stabbilita barra mill-Unjoni.
(6)  Jenħtieġ li l-pubbliku jkun jista' jwettaq skrutinju tal-attivitajiet kollha ta' grupp meta l-grupp ikollu ċerti stabbilimenti fl-Unjoni u barra minnha. Il-gruppi bi stabbilimenti fl-Unjoni jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipji tal-Unjoni Ewropea dwar governanza tajba tat-taxxa. L-intrapriżi multinazzjonali joperaw madwar id-dinja u l-imġiba korporattiva tagħhom ikollha impatt sostanzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-għoti ta' aċċess għal informazzjoni korporattiva għal kull pajjiż liċ-ċittadini tagħhom jippermetti lilhom kif ukoll lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa f'pajjiżhom jimmonitorjaw, jivvalutaw u jżommu lil dawk il-kumpaniji responsabbli. Bil-pubblikazzjoni tal-informazzjoni għal kull ġuriżdizzjoni tat-taxxa fejn topera l-intrapriża multinazzjonali, l-Unjoni żżid il-koerenza tal-politika tagħha għall-iżvilupp u tillimita l-possibbiltà ta' skemi ta' evitar tat-taxxa f'pajjiżi fejn il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi ġiet identifikata bħala komponent ewlieni tal-politika tal-UE għall-iżvilupp.
Emenda 17
Proposta għal direttiva
Premessa 8
(8)  Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jipprovdi informazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet kollha ta' intrapriża jew tal-intrapriżi kollha affiljati ma' grupp ikkontrollati minn intrapriża prinċipali apikali. L-informazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-ispeċifikazzjonijiet tar-rapportar tal-Azzjoni 13 tal-BEPS u għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex jingħata lok għal skrutinju pubbliku effettiv, sabiex ikun żgurat li d-divulgazzjoni ma twassalx għal riskji jew żvantaġġi sproporzjonati. Ir-rapport għandu wkoll jinkludi deskrizzjoni tan-natura tal-attivitajiet. Deskrizzjoni bħal din tista' tkun ibbażata fuq il-kategorizzazzjoni prevista fit-tabella 2 tal-Anness III tal-Kapitolu V tat-"Transfer Pricing Guidelines on Documentation" (Linji Gwida rigward id-Dokumentazzjoni tal-Ipprezzar ta' Trasferimenti) tal-OECD. Ir-rapport għandu jinkludi deskrizzjoni narrattiva kumplessiva fejn jingħataw spjegazzjonijiet f'każ ta' diskrepanzi materjali fil-livell ta' grupp bejn l-ammonti ta' taxxi akkumulati u l-ammonti ta' taxxi mħallsa, filwaqt li jitqiesu l-ammonti korrispondenti li jikkonċernaw is-snin finanzjarji preċedenti.
(8)  Jenħtieġ li r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jipprovdi informazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet kollha ta' intrapriża jew tal-intrapriżi kollha affiljati ma' grupp ikkontrollati minn intrapriża prinċipali apikali. Jenħtieġ li l-informazzjoni tqis l-ispeċifikazzjonijiet tar-rapportar tal-Azzjoni 13 tal-BEPS u tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex jingħata lok għal skrutinju pubbliku effettiv, sabiex ikun żgurat li d-divulgazzjoni ma twassalx għal riskji jew żvantaġġi sproporzjonati, f'termini ta' kompetittività jew miżinterpretazzjoni għall-intrapriżi kkonċernati. Jenħtieġ ukoll li r-rapport jinkludi deskrizzjoni tan-natura tal-attivitajiet. Deskrizzjoni bħal din tista' tkun ibbażata fuq il-kategorizzazzjoni prevista fit-tabella 2 tal-Anness III tal-Kapitolu V tat-"Transfer Pricing Guidelines on Documentation" (Linji Gwida rigward id-Dokumentazzjoni tal-Ipprezzar ta' Trasferimenti) tal-OECD. Jenħtieġ li r-rapport jinkludi deskrizzjoni narrattiva kumplessiva fejn jingħataw spjegazzjonijiet, inkluż f'każ ta' diskrepanzi materjali fil-livell ta' grupp bejn l-ammonti ta' taxxi akkumulati u l-ammonti ta' taxxi mħallsa, filwaqt li jitqiesu l-ammonti korrispondenti li jikkonċernaw is-snin finanzjarji preċedenti.
Emenda 18
Proposta għal direttiva
Premessa 9
(9)  Sabiex ikun żgurat livell ta' dettall li jippermetti liċ-ċittadini jivvalutaw aħjar kif l-MNEs jikkontribwixxu għall-benessri f'kull Stat Membru, l-informazzjoni għandha tinqasam skont l-Istat Membru. Barra minn hekk, informazzjoni li tikkonċerna l-operazzjonijiet tal-intrapriżi multinazzjonali għandha wkoll tintwera fid-dettall sew fir-rigward ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li jippreżentaw sfidi partikolari. Għall-operazzjonijiet l-oħra kollha ta' pajjiż terzi, l-informazzjoni għandha tingħata f'għadd aggregat.
(9)  Sabiex ikun żgurat livell ta' dettall li jippermetti liċ-ċittadini jivvalutaw aħjar kif l-MNEs jikkontribwixxu għall-benessri f'kull ġuriżdizzjoni fejn joperaw, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, mingħajr ma ssir ħsara lill-kompetittività tal-intrapriżi, jenħtieġ li l-informazzjoni tinqasam skont il-ġuriżdizzjoni. Ir-rapporti rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jistgħu biss jinftiehmu u jintużaw b'mod sinifikattiv jekk l-informazzjoni tiġi ppreżentata b'mod diżaggregat għal kull ġuriżdizzjoni.
Emenda 82
Proposta għal direttiva
Premessa 9a (ġdida)
(9a)  Jenħtieġ li meta l-intrapriża tqis li l-informazzjoni li għandha tiġi ddivulgata tkun kummerċjalment sensittiva, hija tkun tista' titlob l-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti fejn hija stabbilita li ma tiddivulgax l-informazzjoni kollha. F'każijiet fejn l-awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx awtorità tat-taxxa, jenħtieġ li l-awtorità tat-taxxa kompetenti tkun involuta fid-deċiżjoni.
Emenda 19
Proposta għal direttiva
Premessa 11
(11)  Sabiex ikun żgurat li każijiet ta' nuqqas ta' konformità jkunu ddivulgati lill-pubbliku, l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar għandhom jivverifikaw jekk ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu ġiex sottomess u ppreżentat f'konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u jekk jinsabx aċċessibbli fis-sit web tal-intrapriża rilevanti jew fis-sit web ta' intrapriża affiljata.
(11)  Sabiex ikun żgurat li każijiet ta' nuqqas ta' konformità jkunu ddivulgati lill-pubbliku, jenħtieġ li l-awditur(i) statutorju/i jew id-ditta/i tal-awditjar jivverifikaw jekk ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu ġiex sottomess u ppreżentat f'konformità mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u jekk jinsabx aċċessibbli fis-sit web tal-intrapriża rilevanti jew fis-sit web ta' intrapriża affiljata u li l-informazzjoni ddivulgata pubblikament tkun konformi mal-informazzjoni finanzjarja awditjata għall-intrapriża sal-iskadenzi previsti f'din id-Direttiva.
Emenda 20
Proposta għal direttiva
Premessa 11a (ġdida)
(11a)  Il-każijiet ta' ksur tar-rekwiżiti tar-rapportar rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu min-naħa tal-intrapriżi u l-fergħat, li jagħtu bidu għal penali min-naħa tal-Istati Membri, f'konformità mad-Direttiva 2013/34/UE, jenħtieġ li jiġu rrapportati f'reġistru pubbliku ġestit mill-Kummissjoni. Dawn il-penali jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, multi amministrattivi jew esklużjoni minn sejħiet pubbliċi għal offerti u mill-għoti ta' finanzjament mill-fondi strutturali tal-Unjoni.
Emenda 21
Proposta għal direttiva
Premessa 13
(13)  Sabiex jiġu ddeterminati ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li għalihom irid jintwera livell għoli ta' dettall, is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tat-tfassil ta' lista komuni tal-Unjoni ta’ dawn il-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa. Din il-lista għandha titfassal abbażi ta' ċerti kriterji, identifikati abbażi tal-Anness 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva, (COM (2016) 24 final). Hija ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet kif approvat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni u sakemm titqiegħed il-firma formali. Biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, b'mod partikolari, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess waqt bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom sistematikament aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
imħassar
Emenda 22
Proposta għal direttiva
Premessa 13a (ġdida)
(13a)   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 48b(1), (3), (4) u (6) u l-Artikolu 48c(5) tad-Direttiva 2013/34/UE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata wkoll setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a.
________________
1a Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
Emenda 23
Proposta għal direttiva
Premessa 14
(14)  Billi l-objettiv ta' din id-Direttiva ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jista' minflok, minħabba l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq dan l-objettiv.
(14)  Billi l-objettiv ta' din id-Direttiva ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, iżda jista' minflok, minħabba l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-azzjoni tal-Unjoni hija ġustifikata sabiex tindirizza d-dimensjoni transfruntiera fejn ikun hemm ippjanar aggressiv tat-taxxa jew arranġamenti ta' pprezzar tat-trasferimenti. Din l-inizjattiva twieġeb għat-tħassib li ntwera mill-partijiet interessati rigward il-ħtieġa li jiġu indirizzati d-distorsjonijiet fis-suq uniku mingħajr ma tipperikola l-kompetittività tal-Unjoni. Jenħtieġ li la tikkawża piż amministrattiv bla bżonn fuq il-kumpaniji, u lanqas tiġġenera kunflitti ulterjuri ta' taxxa jew toħloq riskju ta' tassazzjoni doppja. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq dan l-objettiv, tal-anqas fir-rigward ta' aktar trasparenza.
Emenda 24
Proposta għal direttiva
Premessa 15
(15)  Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(15)  Kumplessivament, fil-qafas ta' din id-Direttiva, il-kwantità ta' informazzjoni divulgata hija proporzjonali għall-objettivi ta' żieda fit-trasparenza pubblika u fl-iskrutinju pubbliku. Din id-Direttiva, għalhekk, titqies li tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Emenda 25
Proposta għal direttiva
Premessa 16
(16)  B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni24, f'każijiet ġustifikati l-Istati Membri għandhom jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawk id-dokumenti hija ġustifikata.
(16)  F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni24, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tagħhom ta' traspożizzjoni b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali, pereżempju fl-għamla ta' tabella komparattiva. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawk id-dokumenti hija ġustifikata sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' din il-proposta u tiġi evitata kwalunkwe ommissjoni u inkonsistenza fir-rigward tal-implimentazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
__________________
__________________
24 ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
24 ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
Emenda 26
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48b – paragrafu 1 – subparagrafu 1
L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-intrapriżi prinċipali apikali rregolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom u li għandhom fatturat nett li jaqbeż l-EUR 750 000 000 kif ukoll lill-intrapriżi rregolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom li mhumiex intrapriżi affiljati u li għandhom fatturat nett li jaqbeż l-EUR 750 000 000 biex ifasslu u jippubblikaw rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu fuq bażi annwali.
L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-intrapriżi prinċipali apikali rregolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom u li għandhom fatturat nett ta' EUR 750 000 000 jew aktar kif ukoll lill-intrapriżi rregolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom li mhumiex intrapriżi affiljati u li għandhom fatturat nett ta' EUR 750 000 000 jew aktar biex ifasslu u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr ħlas, rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu fuq bażi annwali.
Emenda 27
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48b – paragrafu 1 – subparagrafu 2
Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jsir aċċessibbli għall-pubbliku fis-sit web tal-intrapriża fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu.
Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jiġi ppubblikat f'mudell komuni disponibbli mingħajr ħlas f'format ta' data miftuħa u jsir aċċessibbli għall-pubbliku fis-sit web tal-intrapriża fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'minn tal-anqas lingwa waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Fl-istess data, l-intrapriża għandha wkoll tippreżenta r-rapport f'reġistru pubbliku ġestit mill-Kummissjoni.
L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw ir-regoli stipulati f'dan il-paragrafu jekk dawn l-intrapriżi jkunu stabbiliti biss fit-territorju ta' Stat Membru wieħed u fl-ebda ġuriżdizzjoni oħra tat-taxxa.
Emenda 28
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48b – paragrafu 3 – subparagrafu 1
L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-intrapriżi sussidjarji ta' daqs medju u kbir imsemmija fl-Artikolu 3(3) u (4) li huma rregolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom u kkontrollati minn intrapriża prinċipali apikali li għandha fatturat nett ikkonsolidat li jaqbeż l-EUR 750 000 000 u li mhijiex irregolata mil-liġi ta' Stat Membru, biex jippubblikaw ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu ta' dik l-intrapriża prinċipali apikali fuq bażi annwali.
L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-intrapriżi sussidjarji li huma rregolati mil-liġijiet nazzjonali tagħhom u kkontrollati minn intrapriża prinċipali apikali li fil-karta tal-bilanċ tagħha f'sena finanzjarja għandha fatturat nett ikkonsolidat ta' EUR 750 000 000 jew aktar u li mhijiex irregolata mil-liġi ta' Stat Membru, biex jippubblikaw ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu ta' dik l-intrapriża prinċipali apikali fuq bażi annwali.
Emenda 29
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48b – paragrafu 3 – subparagrafu 2
Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jsir aċċessibbli għall-pubbliku fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-intrapriża sussidjarja jew fis-sit web ta' intrapriża affiljata.
Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jiġi ppubblikat f'mudell komuni disponibbli mingħajr ħlas f'format ta' data miftuħa u jsir aċċessibbli għall-pubbliku fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-intrapriża sussidjarja jew fis-sit web ta' intrapriża affiljata f'minn tal-anqas lingwa waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Fl-istess data, l-intrapriża għandha wkoll tippreżenta r-rapport f'reġistru pubbliku ġestit mill-Kummissjoni.
Emenda 30
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48b – paragrafu 4 – subparagrafu 1
L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-fergħat li huma miftuħa fit-territorji tagħhom minn intrapriża li mhijiex irregolata mil-liġi ta' Stat Membru biex jippubblikaw fuq bażi annwali r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu tal-intrapriża prinċipali apikali msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.
L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-fergħat li huma miftuħa fit-territorji tagħhom minn intrapriża li mhijiex irregolata mil-liġi ta' Stat Membru biex jippubblikaw u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr ħlas u fuq bażi annwali, ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu tal-intrapriża prinċipali apikali msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.
Emenda 31
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48b – paragrafu 4 – subparagrafu 2
Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jsir aċċessibbli għall-pubbliku fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-fergħa jew fis-sit web ta' intrapriża affiljata.
Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jiġi ppubblikat f'mudell komuni disponibbli f'format ta' dejta miftuħa u jsir aċċessibbli għall-pubbliku fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fis-sit web tal-fergħa jew fis-sit web ta' intrapriża affiljata f'minn tal-anqas lingwa waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Fl-istess data, l-intrapriża għandha wkoll tippreżenta r-rapport f'reġistru pubbliku ġestit mill-Kummissjoni.
Emenda 32
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48b – paragrafu 5 – punt a
(a)  l-intrapriża li fetħet il-fergħa tkun jew intrapriża affiljata ma' grupp li huwa kkontrollat minn intrapriża prinċipali apikali li mhijiex irregolata mil-liġi ta' Stat Membru u li għandha fatturat nett ikkonsolidat li jaqbeż l-EUR 750 000 000 jew intrapriża li mhijiex affiljata u li għandha fatturat nett li jaqbeż l-EUR 750 000 000;
(a)  l-intrapriża li fetħet il-fergħa tkun jew intrapriża affiljata ma' grupp li huwa kkontrollat minn intrapriża prinċipali apikali li mhijiex irregolata mil-liġi ta' Stat Membru u li fuq il-karta tal-bilanċ tagħha għandha fatturat nett ikkonsolidat ta' EUR 750 000 000 jew aktar, jew intrapriża li mhijiex affiljata u li għandha fatturat nett ta' EUR 750 000 000 jew aktar;
Emenda 33
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48b – paragrafu 5 – punt b
(b)  l-intrapriża prinċipali apikali msemmija fil-punt (a) ma jkollhiex intrapriża sussidjarja ta' daqs medju jew kbir kif imsemmi fil-paragrafu 3.
(b)  l-intrapriża prinċipali apikali msemmija fil-punt (a) ma jkollhiex intrapriża sussidjarja ta' daqs medju jew kbir kif imsemmi fil-paragrafu 3 diġà soġġetta għall-obbligi ta' rapportar.
Emenda 34
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48b – paragrafu 7a (ġdid)
7a.  Għall-Istati Membri li ma adottawx l-euro, l-ammont li fil-munita nazzjonali jkun ekwivalenti għall-ammont speċifikat fil-paragrafi 1, 3 u 5 għandu jkun dak miksub bl-applikazzjoni tar-rata tal-kambju ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li tkun effettiva fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Kapitolu.
Emenda 35
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 2 – parti introduttorja
2.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkopri dan li ġej:
2.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ippreżentata f'mudell komuni u tkopri dan li ġej, b'mod diżaggregat skont il-ġuriżdizzjoni tat-taxxa:
Emenda 36
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 2 – punt a
(a)  deskrizzjoni fil-qosor tan-natura tal-attivitajiet;
(a)  isem l-intrapriża apikali u, fejn applikabbli, il-lista tas-sussidjarji kollha tagħha, deskrizzjoni fil-qosor tan-natura tal-attivitajiet tagħhom u l-lok ġeografiku rispettiv tagħhom;
Emenda 37
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 2 – punt b
(b)  l-għadd ta' impjegati;
(b)  l-għadd ta' impjegati fuq bażi ekwivalenti għall-full time;
Emenda 38
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 2 – punt ba (ġdid)
(ba)  assi fissi għajr flus jew ekwivalenti ta' flus;
Emenda 39
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 2 – punt c
(c)  l-ammont tal-fatturat nett, li jinkludi l-fatturat li sar mal-partijiet relatati;
(c)  l-ammont tal-fatturat nett, inkluża distinzjoni bejn il-fatturat li sar mal-partijiet relatati u l-fatturat li sar mal-partijiet mhux relatati;
Emenda 40
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 2 – punt ga (ġdid)
(ga)  il-kapital iddikjarat;
Emenda 65
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 2 – punt gb (ġdid)
(gb)   id-dettalji tas-sussidji pubbliċi li tkun irċeviet u kwalunkwe donazzjoni magħmula lil persuni politiċi, organizzazzjonijiet politiċi jew fondazzjonijiet politiċi;
Emenda 41
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 2 – punt gc (ġdid)
(gc)  jekk l-intrapriżi, is-sussidjarji jew il-fergħat jibbenefikawx minn trattament fiskali preferenzjali, minn sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi jew reġimi ekwivalenti.
Emenda 42
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 3 – subparagrafu 1
Ir-rapport jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 b'mod separat għal kull Stat Membru. Meta Stat Membru jinkludi bosta ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa, l-informazzjoni għandha tinġabar flimkien fuq livell ta' Stat Membru.
Ir-rapport jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 b'mod separat għal kull Stat Membru. Meta Stat Membru jinkludi bosta ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa, l-informazzjoni għandha tiġi ppreżentata b'mod separat għal kull ġuriżdizzjoni tat-taxxa.
Emenda 43
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 3 – subparagrafu 2
Ir-rapport jippreżenta wkoll l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu b'mod separat għal kull ġuriżdizzjoni tat-taxxa li, fi tmiem is-sena finanzjarja preċedenti, tkun elenkata fil-lista komuni tal-Unjoni ta' ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa, imfassla skont l-Artikolu 48g, sakemm ir-rapport ma jkunx espliċitament jikkonferma, soġġett għar-responsabbiltà msemmija fl-Artikolu 48e aktar 'l isfel, li l-intrapriżi affiljati ta' grupp irregolati mil-liġijiet ta' tali ġuriżdizzjoni ma jinvolvux ruħhom direttament fi tranżazzjonijiet ma' kwalunkwe intrapriża affiljata tal-istess grupp irregolata mil-liġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru.
Ir-rapport jippreżenta wkoll l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu b'mod separat għal kull ġuriżdizzjoni tat-taxxa barra mill-Unjoni.
Emenda 44
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 3 – subparagrafu 3
Ir-rapport għandu jippreżenta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 fuq bażi aggregata għal ġuriżdizzjonijiet oħra tat-taxxa.
imħassar
Emenda 83
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 3 – subparagrafu 3a (ġdid)
Sabiex titħares l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li element speċifiku wieħed jew aktar ta' informazzjoni skont dan l-Artikolu jitħallew barra temporanjament minn dan ir-rapport fir-rigward ta' attivitajiet f'ġuriżdizzjoni tat-taxxa speċifika waħda jew aktar meta jkunu ta' natura tali li d-divulgazzjoni tagħhom tista' tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-intrapriżi msemmija fl-Artikolu 48b(1) u l-Artikolu 48b(3) marbuta magħha. L-ommissjoni ma għandhiex timpedixxi għarfien ġust u bbilanċjat tal-pożizzjoni tal-intrapriża f'dak li għandu x'jaqsam mat-taxxa. L-ommissjoni għandha tiġi indikata fir-rapport flimkien ma' spjegazzjoni debitament ġustifikata għal kull ġuriżdizzjoni tat-taxxa dwar għalfejn dan hu l-każ u b'riferiment għall-ġuriżdizzjoni(jiet) tat-taxxa kkonċernata/i.
Emenda 69/rev
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 3 – subparagrafu 3b (ġdid)
L-Istati Membri għandhom jissoġġettaw dawn l-ommissjonijiet għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità nazzjonali kompetenti. L-intrapriża għandha titlob awtorizzazzjoni ġdida kull sena mingħand l-awtorità kompetenti, li tieħu deċiżjoni abbażi ta' valutazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni. Jekk l-informazzjoni mħollija barra ma tissodisfax aktar ir-rekwiżit stabbilit fis-subparagrafu 3a, din għandha titqiegħed minnufih għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Minn tmiem il-perjodu ta' nondivulgazzjoni, l-intrapriża għandha tiddivulga wkoll, b'mod retroattiv u fl-għamla ta' medja aritmetika, l-informazzjoni mitluba minn dan l-Artikolu għas-snin preċedenti koperti mill-perjodu ta' nondivulgazzjoni.
Emenda 47
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 3 – subparagrafu 3c (ġdid)
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-għoti ta' deroga temporanja bħal din u għandhom jittrażmettulha, b'mod kunfidenzjali, l-informazzjoni mħollija barra flimkien ma' spjegazzjoni dettaljata għad-deroga mogħtija. Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika fis-sit web tagħha n-notifiki li jkunu waslulha mingħand l-Istati Membri u l-ispjegazzjonijiet mogħtija skont is-subparagrafu 3a.
Emenda 48
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 3 – subparagrafu 3d (ġdid)
Il-Kummissjoni għandha tivverifika li r-rekwiżit stabbilit fis-subparagrafu 3a jiġi rispettat kif xieraq, u għandha tissorvelja l-użu ta' din id-deroga temporanja awtorizzata mill-awtoritajiet nazzjonali.
Emenda 70/rev
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Article 48c – paragraph 3 – subparagraph 3e (new)
Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi, wara li tkun wettqet il-valutazzjoni tagħha tal-informazzjoni li tirċievi skont is-subparagrafu 3c, li r-rekwiżit stabbilit fis-subparagrafu 3a ma jkunx issodisfat, l-intrapriża kkonċernata għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Minn tmiem il-perjodu ta' nondivulgazzjoni, l-intrapriża għandha tiddivulga wkoll, b'mod retroattiv u fl-għamla ta' medja aritmetika, l-informazzjoni mitluba minn dan l-Artikolu għas-snin preċedenti koperti mill-perjodu ta' nondivulgazzjoni.
Emenda 50
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 3 – subparagrafu 3f (ġdid)
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' att delegat, tadotta linji gwida li jgħinu lill-Istati Membri jiddefinixxu l-każijiet fejn il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni għandha titqies li tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-intrapriżi li tirreferi għalihom.
Emenda 51
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48c – paragrafu 5
5.  Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jkun ippubblikat u jsir aċċessibbli fuq is-sit web f'minn tal-anqas lingwa waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.
5.  Ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu għandu jiġi ppubblikat f'mudell komuni disponibbli mingħajr ħlas f'format ta' data miftuħa u jsir aċċessibbli għall-pubbliku fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fuq is-sit web tal-intrapriża sussidjarja jew fuq is-sit web ta' intrapriża affiljata f'minn tal-anqas lingwa waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Fl-istess data, l-intrapriża għandha wkoll tippreżenta r-rapport f'reġistru pubbliku ġestit mill-Kummissjoni.
Emenda 52
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48e – paragrafu 1
1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi ta' amministrazzjoni, ta' ġestjoni u ta' superviżjoni tal-intrapriża prinċipali apikali msemmija fl-Artikolu 48b(1), li jaġixxu fil-qafas tal-kompetenzi assenjati lilhom skont il-liġi nazzjonali, ikollhom responsabbiltà kollettiva biex jiżguraw li r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jiġi mfassal, ippubblikat u jsir aċċessibbli f'konformità mal-Artikoli 48b, 48c u 48d.
1.  Sabiex isaħħu r-responsabbiltà lejn partijiet terzi u jiżguraw governanza xierqa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-membri tal-korpi ta' amministrazzjoni, ta' ġestjoni u ta' superviżjoni tal-intrapriża prinċipali apikali msemmija fl-Artikolu 48b(1), li jaġixxu fil-qafas tal-kompetenzi assenjati lilhom skont il-liġi nazzjonali, ikollhom responsabbiltà kollettiva biex jiżguraw li r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jiġi mfassal, ippubblikat u jsir aċċessibbli f'konformità mal-Artikoli 48b, 48c u 48d.
Emenda 53
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48g
Artikolu 48g
imħassar
Lista komuni tal-Unjoni ta' ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 49 fir-rigward tat-tfassil ta' lista komuni tal-Unjoni ta' ċerti ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa. Dik il-lista għandha tkun ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-ġuriżdizzjonijiet tat-taxxa li ma jirrispettawx il-kriterji li ġejjin:
(1)  It-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni, inkluż skambju ta' informazzjoni meta ssir rikjesta u Skambju Awtomatiku ta' Informazzjoni ta' informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji;
(2)  Il-kompetizzjoni ġusta tat-taxxi;
(3)  Standards stabbiliti mill-G20 u/jew mill-OECD;
(4)  Standards rilevanti oħra, inklużi standards internazzjonali stabbiliti mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja.
Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-lista fuq bażi regolari u, meta xieraq, temendaha sabiex jitqiesu ċirkostanzi ġodda.
Emenda 54
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48i – paragrafu 1
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-konformità mal-obbligi ta' rapportar stabbiliti fl-Artikoli minn 48a sa 48f u dwar l-impatt tagħhom. Ir-rapport għandu jinkludi evalwazzjoni dwar jekk ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jissarrafx f'riżultati xierqa u proporzjonati, filwaqt li jitqies il-bżonn biex ikun żgurat livell biżżejjed ta' trasparenza u l-bżonn ta' ambjent kompetittiv għall-intrapriżi.
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-konformità mal-obbligi ta' rapportar stabbiliti fl-Artikoli 48a sa 48f u dwar l-impatt tagħhom. Ir-rapport għandu jinkludi evalwazzjoni dwar jekk ir-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu jissarrafx f'riżultati xierqa u proporzjonati, u għandu jivvaluta l-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tnaqqis tas-soll tal-fatturat nett ikkonsolidat lil hinn mil-livell li l-intrapriżi u l-fergħat għandhom l-obbligu li jirrapportaw fir-rigward tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu. Ir-rapport għandu, barra minn hekk, jevalwa kull ħtieġa li jittieħdu miżuri komplementari ulterjuri, filwaqt li jitqies il-bżonn li jkun żgurat livell biżżejjed ta' trasparenza u l-bżonn li jiġi żgurat u ppreservat ambjent kompetittiv għall-intrapriżi u l-investiment privat.
Emenda 55
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2a (ġdid)
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48ia (ġdid)
(2a)  jiddaħħal l-artikolu li ġej:
"Artikolu 48ia
Mhux aktar tard minn 4 snin wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva u fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-livell tal-OECD, il-Kummissjoni għandha teżamina, tivvaluta u tirrapporta dwar id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu, b'mod partikolari rigward:
—  l-intrapriżi u l-fergħat li għandhom l-obbligu li jirrapportaw rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, b'mod partikolari jekk ikunx xieraq li jitkabbar l-ambitu ta' dan il-Kapitolu biex jinkludi intrapriżi kbar kif definiti fl-Artikolu 3(4) u gruppi kbar kif definiti fl-Artikolu 3(7) ta' din id-Direttiva;
—  il-kontenut tar-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu kif previst fl-Artikolu 48c;
—  id-deroga temporanja prevista fis-subparagrafi 3a sa 3f tal-Artikolu 48c(3).
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' proposta leġislattiva jekk ikun xieraq."
Emenda 56
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2b (ġdid)
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 48ib (ġdid)
(2b)  jiddaħħal l-artikolu li ġej:
"Artikolu 48ib
Mudell komuni għar-rapport
Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi l-mudell komuni li jirreferu għalih l-Artikolu 48b(1), (3), (4) u (6) u l-Artikolu 48c(5). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 50(2) ."
Emenda 57
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3 – punt b
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 49 − paragrafu 3a
(3a)  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ta' [date]."
(3a)  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet * u tqis b'mod partikolari id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
________________
* ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
Emenda 58
Proposta għal direttiva
Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3a (ġdid)
Direttiva 2013/34/UE
Artikolu 51 – paragrafu 1
(3a)  fl-Artikolu 51, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:
"L-Istati Membri għandhom jistipulaw penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawk il-penali jiġu applikati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi."
"L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
L-Istati Membri għandhom, tal-anqas, jipprevedu miżuri u pieni amministrattivi għall-ksur, min-naħa tal-intrapriżi, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva.
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard minn ... [jekk jogħġbok inkludi d-data ta’ sena wara dħul fis-seħħ] u jinnotifikawha mingħajr dewmien bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawn id-dispożizzjonijiet.
Sa ... [tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva] il-Kummissjoni għandha tfassal lista tal-miżuri u s-sanzjonijiet stabbiliti minn kull Stat Membru skont din id-Direttiva."

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura għal negozjati interistituzzjonali lill-kumitati responsabbli skont l-Artikolu 59(4), ir-raba’subparagrafu (A8-0227/2017).


L-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna ***I
PDF 134kWORD 49k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-4 ta' Lulju 2017 tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali disponibbli taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (COM(2016)0631 – C8-0392/2016 – 2016/0308(COD))
P8_TA(2017)0285A8-0193/2017

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0631),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 207(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0392/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  – wara li kkunsidra l-ftehim proviżorju approvat mill-kumitat responsabbli skont l-Artikolu 69f(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-29 ta' Ġunju 2017, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0193/2017),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(1);

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien ma’ l-att leġiżlattiv finali;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta' Lulju 2017 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament(UE) 2017/...tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri kummerċjali awtonomi temporanji għall-Ukrajna li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali disponibbli taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

P8_TC1-COD(2016)0308


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Regolament (UE) 2017/1566.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni relatata mal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-miżuri kummerċjali awtonomi temporanji (ATMs) għall-Ukrajna

Il-Kummissjoni tinnota li jekk ma jkunx possibbli li tiġi implimentata s-sospensjoni tal-arranġamenti preferenzjali qabel l-użu sħiħ tal-kwoti annwali b'rati ta' dażju għall-prodotti agrikoli, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tipproponi tnaqqis jew sospensjoni ta' dawn il-konċessjonijiet fis-snin li ġejjin.

(1) Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fl-1 ta' Ġunju 2017 (Testi adottati, P8_TA(2017)0236).


Abbozz ta' baġit emendatorju nru 2 għall-Baġit Ġenerali 2017 - Id-dħul tal-bilanċ favorevoli tas-sena finanzjarja 2016
PDF 338kWORD 50k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017: Id-dħul tal-bilanċ favorevoli tas-sena finanzjarja 2016 (09437/2017 – C8-0190/2017 – 2017/2061(BUD))
P8_TA(2017)0286A8-0229/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, adottat b'mod definittiv fl-1 ta' Diċembru 2016(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017, adottat mill-Kummissjoni fit-12 ta' April 2017 (COM(2017)0188),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017, adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Ġunju 2017, u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fid-9 ta' Ġunju 2017 (09437/2017 – C8-0190/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0229/2017),

A.  billi l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017 għandu l-għan li jdaħħal fil-baġit 2017 l-eċċess li rriżulta mis-sena finanzjarja 2016, li jammonta għal EUR 6 405 miljun;

B.  billi l-komponenti ewlenin ta' dan l-eċċess jikkostitwixxu eżitu pożittiv għall-introjtu ta' EUR 1 688 miljun, sottoeżekuzzjoni tan-nefqa ta' EUR 4 889 miljun u differenzi fir-rata tal-kambju li jammontaw għal EUR - 173 miljun;

C.  billi mil-lat ta' introjtu, iż-żewġ komponenti ewlenin huma l-interessi fuq il-pagamenti tard u l-multi (EUR 3 052 miljun) u eżitu negattiv fuq ir-riżorsi proprji (EUR 1 511 miljun);

D.  billi mil-lat tan-nefqa, in-nuqqas ta' implimentazzjoni jilħaq EUR 4 825 miljun għall-2016 u EUR 28 miljun għar-riporti tal-2015 taħt it-Taqsima III (il-Kummissjoni), u EUR 35 miljun għal istituzzjonijiet oħra;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017 kif imressaq mill-Kummissjoni, li huwa maħsub biss għall-ibbaġitjar tal-eċċess tal-2016 ta' EUR 6 405 miljun, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Finanzjarju, kif ukoll tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar dan;

2.  Jinnota, bi tħassib konsiderevoli, in-nuqqas ta' implimentazzjoni sinifikanti ta' EUR 4 889 miljun fl-2016, minkejja l-fatt li l-baġit emendatorju Nru 4/2016 diġà kien naqqas il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament b'EUR 7 284,3 miljun; jirrimarka li l-implimentazzjoni baxxa ħafna tal-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-qasam tal-koeżjoni (Intestatura 1b) hija parzjalment dovuta għall-previżjonijiet impreċiżi mill-Istati Membri u għad-dewmien fil-ħatra ta' awtoritajiet ta' ġestjoni u ta' ċertifikazzjoni fil-livell nazzjonali;

3.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-impatt negattiv tad-deprezzament tal-lira sterlina kontra l-euro, li huwa l-kawża prinċipali tan-nuqqas fid-dħul ta' EUR 1 511 miljun taħt ir-riżorsi proprji; jinnota li dan it-tnaqqis seta' ħoloq problemi serji għall-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni; jirrimarka li dak in-nuqqas ta' dħul huwa minħabba d-deċiżjoni unilaterali Britannika li tħalli l-Unjoni, iżda li l-korrezzjoni trid tiġi mġarrba mill-Unjoni kollha kemm hi; jinsisti li dawn l-ispejjeż jenħtieġ li jiġu kkunsidrati meta jiġi nnegozjat is-saldu tal-obbligi finanzjarji bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni;

4.  Jinnota, b'mod partikolari, il-livell relattivament għoli ta' multi fl-2016, li ammonta għal EUR 4 159 miljun, li minnhom EUR 2 861 miljun huma magħduda mal-eċċess tal-2016;

5.  Jinsisti li, minflok aġġustament tal-kontribuzzjoni tal-ING, il-baġit tal-Unjoni jenħtieġ li jkun jista' jerġa' juża kull eċċess li jirriżulta minn nuqqas ta' implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet jew minn multi imposti fuq kumpaniji għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet finanzjarji tal-Unjoni;

6.  Josserva li l-adozzjoni tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017 se tnaqqas is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-ING mill-Istati Membri lill-baġit tal-Unjoni fl-2017 b'EUR 6 405 miljun; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-Istati Membri jużaw l-opportunità ta' tali rimborż biex jonoraw il-wegħdiet tagħhom fir-rigward tal-kriżi tar-rifuġjati u biex isiru l-kontributi korrispondenti għal dawk tal-Unjoni lill-fondi fiduċjarji tal-Unjoni u lill-Fond il-ġdid Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli(6);

7.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jipproċessaw mingħajr dewmien l-abbozzi ta' baġit emendatorji pendenti u dawk li jmiss għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, f'konformità mal-impenji meħuda bħala parti mir-riżultat tal-konċiljazzjoni dwar il-baġit 2017;

8.  Jiddispjaċih, fil-kuntest ta' dan l-abbozz ta' baġit emendatorju li l-adozzjoni tar-reviżjoni ta' nofs il-perjodu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) baqgħet bosta xhur imblukkata fil-Kunsill; jieħu r-ruħ jikkonstata li l-gvern Britanniku żamm kelmtu u neħħa bil-ħeffa l-imblokk tiegħu fuq reviżjoni tal-QFP wara l-elezzjonijiet ġenerali fir-Renju Unit; jittama li r-rimborż ta' riżorsi finanzjarji lill-Istati Membri se jiffaċilita n-negozjati futuri dwar is-saldu tal-obbligi finanzjarji bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni;

9.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2017;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 2/2017 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kkonċernati u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 51, 28.2.2017, p. 1.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(6) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) u t-twaqqif tal-Garanzija tal-EFSD u tal-Fond ta' Garanzija tal-EFSD (COM(2016)0586 finali).


Ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji
PDF 456kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji (2016/2272(INI))
P8_TA(2017)0287A8-0214/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 191, 192 u 193 tat-TFUE, u r-referenza għall-għan li jiġi żgurat użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008 dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli Pjan ta' Azzjoni (COM(2008)0397),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija(1),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019 tal-Kummissjoni (COM(2016)0773), speċjalment l-objettiv li jiġu stabbiliti rekwiżiti aktar speċifiċi għall-prodott u aktar orizzontali f'oqsma bħas-sostenibbiltà, il-potenzjal li prodott jissewwa, it-titjib fil-kwalità, id-disinn għaż-żarmar u l-faċilità ta' użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(3) (is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' Ottubru 2013 dwar is-suġġett "Favur konsum aktar sostenibbli: it-tul tal-ħajja tal-prodotti industrijali u t-tiġdid tal-fiduċja permezz tal-informazzjoni tal-konsumaturi"(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 bit-titolu "Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020" (COM(2011)0021),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" (COM(2011)0571),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2013 bit-titolu "Nibnu s-Suq Uniku għall-Prodotti Ekoloġiċi: Niffaċilitaw tagħrif aħjar dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti u tal-organizzazzjonijiet" (COM(2013)0196),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta' skart żero għall-Ewropa" (COM(2014)0398),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari" (COM(2015)0614) u l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari, li jinkludi b'mod partikolari r-reviżjoni tad-direttivi dwar l-iskart (id-Direttiva 2008/98/KE, "id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart"), dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (id-Direttiva 94/62/KE), dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (id-Direttiva 1999/31/KE), dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (id-Direttiva 2000/53/KE) dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi (id-Direttiva 2006/66/KE) u dwar skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (id-Direttiva 2012/19/UE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli. Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà" (COM(2016)0739),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2015 dwar ċerti aspetti li jirrigwardaw il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ mill-bogħod ieħor ta' oġġetti (COM(2015)0635),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BEUC tat-18 ta' Awwissu 2015 bit-titolu "Durable goods: More sustainable products, better consumer rights. Consumer expectations from the EU’s resource efficiency and circular economy agenda" (Oġġetti sostenibbli: prodotti aktar sostenibbli, drittijiet aħjar tal-konsumatur. L-aspettattivi tal-konsumatur mill-effiċjenza tar-riżorsi u l-aġenda tal-ekonomija ċirkolari tal-UE),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-29 ta' Marzu 2016 bit-titolu "The influence of lifespan labelling on consumers" (L-influwenza tat-tikkettar dwar il-ħajja ta' prodott fuq il-konsumaturi),

–  wara li kkunsidra l-istudju mwettaq f'Lulju 2016, fuq talba tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew, bit-titolu "A longer life time for products: benefits for consumers and companies" (Ħajja itwal għall-prodotti: benefiċċji għall-konsumaturi u l-kumpaniji),

–  wara li kkunsidra s-sinteżi taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumaturi tat-18 ta' April 2016 bit-titolu "Planned obsolescence or by-products of consumer society" (L-obsolexxenza ppjanata jew il-prodotti sekondarji tas-soċjetà tal-konsumaturi),

–  wara li kkunsidra l-istandard Awstrijak ONR 192102 bit-titolu "Label of excellence for durable, repair-friendly designed electrical and electronic appliances" (Tikketta ta' eċċellenza għal apparat elettriku u elettroniku ddisinjat biex ikun sostenibbli u faċli li jissewwa),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0214/2017),

A.  billi l-Pjan ta' Ħidma dwar l-Ekodisinn tal-Kummissjoni għall-2016-2019 jinkludi referenza għall-ekonomija ċirkolari u għall-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi ta' sostenibbiltà u ta' riċiklabbiltà;

B.  billi l-adozzjoni ta' opinjoni dwar il-ħajja tal-prodotti mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) turi l-interess li l-atturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili għandhom f'dan is-suġġett;

C.  billi jrid jinkiseb bilanċ bejn l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti u l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp;

D.  billi l-istudju kkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur juri li huma meħtieġa miżuri politiċi fuq bażi wiesgħa biex tiġi promossa ħajja itwal għall-prodotti;

E.  billi jikkoeżistu diversi mudelli ekonomiċi u kummerċjali, fosthom il-mudell ekonomiku bbażat fuq l-użu li permezz tiegħu jistgħu jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi għall-ambjent;

F.  billi hemm il-ħtieġa li tiġi promossa ħajja itwal tal-prodotti, b'mod partikolari billi tiġi indirizzata l-obsolexxenza programmata;

G.  billi jenħtieġ li jiġi appoġġjat is-settur Ewropew tat-tiswija, li jinkludi l-aktar l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju;

H.  billi armonizzazzjoni akbar tal-arranġamenti għall-użu mill-ġdid tal-prodotti ser tagħti spinta lill-ekonomija lokali u lis-suq intern billi toħloq impjiegi ġodda u tistimola d-domanda għall-prodotti użati;

I.  billi hemm il-ħtieġa, kemm ekonomika kif ukoll ambjentali, li tiġi ppreservata l-materja prima u li titnaqqas il-produzzjoni tal-iskart, aspetti li l-kunċett tar-responsabbiltà estiża tal-produttur ipprova jqis;

J.  billi, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru mwettaq f'Ġunju 2014, 77 % tal-konsumaturi fl-UE esprimew ix-xewqa li jippruvaw isewwu l-oġġetti mkissrin tagħhom pjuttost milli jixtru oħrajn ġodda; billi l-informazzjoni pprovduta lill-konsumaturi dwar is-sostenibbiltà tal-prodott u l-potenzjal li jissewwa għad trid tittejjeb;

K.  billi prodotti affidabbli u sostenibbli jipprovdu valur għall-flus lill-konsumaturi u jipprevjenu l-użu żejjed ta' riżorsi u skart; billi għalhekk huwa importanti li l-ħajja utli tal-prodotti għall-konsumatur tiġi estiża permezz tad-disinn maħsub biex jiżgura s-sostenibbiltà, il-potenzjal ta' tiswija, it-titjib tal-kwalità, iż-żarmar u r-riċiklaġġ tal-prodotti;

L.  billi t-tnaqqis fil-fiduċja tal-konsumaturi lejn il-kwalità tal-prodotti tikkawża ħsara lill-kumpaniji Ewropej; billi l-garanzija legali ta' 24 xahar hija l-livell minimu attwalment fis-seħħ fl-UE kollha u wħud mill-Istati Membri stabbilixxew dispożizzjonijiet aktar protettivi għall-konsumaturi skont id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom;

M.  billi jenħtieġ li jiġi rrispettat id-dritt tal-konsumaturi li jagħżlu skont id-diversi ħtiġijiet, aspettattivi u preferenzi tagħhom;

N.  billi, minkejja li l-istudju tal-KESE ta' Marzu 2016 jistabbilixxi rabta pożittiva bejn it-tikkettar dwar il-ħajja tal-prodott u l-imġiba tal-konsumaturi, il-konsumaturi mhumiex qed jiġu infurmati sew dwar il-ħajja tal-prodotti;

O.  billi l-ħajja ta' prodott u l-mod kif jiqdiem huma determinati minn diversi fatturi naturali jew artifiċjali, bħal pereżempju l-kompożizzjoni, il-funzjonalità, l-ispiża tat-tiswija u x-xejriet tal-konsum;

P.  billi jenħtieġ li t-tiswijiet u l-parts tal-bdil isiru aċċessibbli aktar faċilment;

Q.  billi, apparti ħajja twila, il-livell tal-kwalità ta' prodott matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu huwa fundamentali għall-kontribuzzjoni li jagħmel għall-protezzjoni tar-riżorsi;

R.  billi kien hemm żieda fin-numru ta' inizjattivi nazzjonali biex tissolva l-problema tal-obsolexxenza prematura tal-oġġetti u s-softwer; billi hemm bżonn li tiġi żviluppata strateġija komuni għas-suq uniku f'dan ir-rigward;

S.  billi l-ħajja tal-midja diġitali hija kruċjali għall-ħajja tal-apparat elettroniku; billi, peress li s-softwer qed isir obsolet dejjem aktar malajr, huwa neċessarju li l-apparat elettroniku jadatta sabiex jibqa' kompetittiv fis-suq;

T.  billi l-prodotti b'difetti interni, iddisinjati biex jinkisru u fl-aħħar jieqfu kompletament milli jaħdmu wara li jkunu ntużaw għal ċertu numru ta' drabi, iservu biss biex joħolqu l-isfiduċja tal-konsumaturi u jenħtieġ li ma jiġux aċċettati fis-suq;

U.  billi, skont id-data tal-Ewrobarometru, 90 % taċ-ċittadini jemmnu li l-prodotti jenħtieġ li jiġu ttikkettati b'mod ċar biex tiġi indikata l-ħajja utli tagħhom;

V.  billi l-atturi ekonomiċi kollha jistgħu jibbenefikaw minn prodotti b'ħajja itwal, inklużi l-SMEs;

W.  billi s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali jitlob miżuri speċifiċi li jtejbu s-sostenibbiltà, il-potenzjal ta' tiswija u l-użu mill-ġdid u l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti;

X.  billi r-responsabbiltà estiża tal-produttur tiżvolġi rwol importanti f'dan ir-rigward;

Y.  billi l-kisba ta' mudell tal-ekonomija ċirkolari teħtieġ l-involviment ta' dawk li jieħdu deċiżjonijiet politiċi, iċ-ċittadini u n-negozji, u timplika bidliet mhux biss fid-disinn u fil-bejgħ tal-prodotti u s-servizzi, iżda wkoll fil-mentalità u l-aspettattivi tal-konsumaturi u fl-attività tan-negozju, bil-ħolqien ta' swieq ġodda li jirreaġixxu għall-bidliet fix-xejriet tal-konsum, li jevolvu lejn l-użu, l-użu mill-ġdid u l-kondiviżjoni ta' prodotti, b'tali mod li jgħinu biex jestendu l-ħajja utli tagħhom u biex jinħolqu prodotti kompetittivi, dejjiema u sostenibbli;

Z.  billi f'ħafna lampi l-bozoz ma jistgħux jiġu sostitwiti, u dan jista' jwassal għal problemi jekk bozza tieqaf tiffunzjona, jekk bozoz ġodda aktar effiċjenti jitqiegħdu fis-suq jew jekk il-preferenza tal-konsumatur, pereżempju fir-rigward tal-kulur li joħroġ mid-dawl, tinbidel, minħabba li l-lampa kollha jkollha tiġi sostitwita;

AA.  billi jenħtieġ li l-bozoz LED idealment ikunu elementi li jistgħu jinbidlu u li ma jkunux insostitwibbli;

AB.  billi, waqt li l-ekonomija ċirkolari tiżviluppa, iridu jittieħdu passi ulterjuri li jinkoraġġixxu l-potenzjal ta' tiswija, l-adattabbiltà, it-titjib tal-kwalità, is-sostenibbiltà u r-riċiklabbiltà tal-prodotti sabiex jiġu estiżi l-ħajjiet u l-ħajja utli tal-prodotti u/jew il-komponenti tagħhom;

AC.  billi diversità akbar tal-prodott, ċikli ta' innovazzjoni aktar qosra u xejriet li kostantement jinbidlu qed iżidu l-frekwenza li biha prodotti ġodda qed jinxtraw, u għalhekk inaqqsu l-ħajja utli tal-prodott;

AD.  billi qed jiġi offrut potenzjal akbar bit-tiswija, bi prodotti diġà użati u b'settur tal-iskambju, jiġifieri s-settur li qed jaħdem bil-għan li jestendi l-ħajja tal-prodott;

AE.  billi jenħtieġ li jinstab bilanċ bejn l-għan li tiġi estiża l-ħajja ta' prodott u s-salvagwardja tal-ambjent li għadu joffri inċentivi għall-innovazzjoni u għal żvilupp ulterjuri;

Id-disinn ta' prodotti robusti, sostenibbli u ta' kwalità għolja

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ, jekk ikun prattiku, l-istabbiliment ta' kriterji minimi ta' reżistenza li jkopru, fost l-oħrajn, ir-robustezza tal-prodott, il-possibbiltà li jissewwa u t-titjib tal-kwalità tiegħu, għal kull kategorija ta' prodott mill-istadju tad-disinn 'il quddiem, iffaċilitati mill-istandards żviluppati mit-tliet Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni (ESOs) kollha (CEN, CENELEC u ETSI);

2.  Jenfasizza li jrid jinstab bilanċ bejn l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti, il-konverżjoni tal-iskart f'riżorsi (materja prima sekondarja), is-simbjożi industrijali, l-innovazzjoni, id-domanda tal-konsumatur, il-protezzjoni ambjentali u l-politiki tat-tkabbir fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-prodott, u jqis li l-iżvilupp ta' prodotti li dejjem aktar qed ikunu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi ma jridx jinkoraġġixxi ħajja iqsar jew ir-rimi prematur tal-prodotti;

3.  Jirrimarka li kwistjonijiet bħas-sostenibbiltà tal-prodott, garanziji estiżi, id-disponibbiltà ta' parts tal-bdil, il-faċilità tat-tiswija u l-interkambjabbiltà tal-komponenti jenħtieġ li jkunu parti minn offerta kummerċjali ta' manifattur u jwieġbu d-diversi ħtiġijiet, aspettattivi u preferenzi tal-konsumaturi, u huma aspett importanti tal-kompetizzjoni ħielsa tas-suq;

4.  Jinnota r-rwol ta' strateġiji kummerċjali bħall-kiri tal-prodotti, fid-disinn ta' prodotti sostenibbli, fejn il-kumpaniji tal-kiri jżommu s-sjieda tal-unitajiet tal-kiri u jkollhom inċentiva biex jerġgħu jirreklamaw il-prodotti u jinvestu f'disinn ta' prodotti aktar sostenibbli, li jirriżultaw f'volum aktar baxx ta' produzzjoni ġdida u ta' rimi ta' prodotti;

5.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar ir-reviżjoni tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari li temenda d-Direttiva dwar l-Iskart, li saħħet il-prinċipju tar-responsabbiltà estiża tal-produttur u għaldaqstant ħolqot inċentivi għal disinn tal-prodott aktar sostenibbli;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-produtturi ta' disinni modulari li jistgħu jiżżarmaw u jiġu interskambjati faċilment;

7.  Jiddikjara li t-tfittxija għal prodotti sostenibbli u li jistgħu jissewwew għandha timxi id f'id mal-objettiv tas-sostenibbiltà permezz ta', pereżempju, l-użu ta' materjali favur l-ambjent;

8.  Jinnota bi tħassib l-ammont ta' skart elettroniku ġġenerat minn modems, routers u decoders/kaxxi set-top tat-TV meta l-konsumaturi jaqilbu għal fornitur ġdid tat-telekomunikazzjoni; ifakkar lill-konsumaturi u lill-fornituri tat-telekomunikazzjoni li skont ir-Regolament (UE) 2015/2120 il-konsumaturi diġà għandhom id-dritt li jużaw l-apparat terminali tal-għażla tagħhom meta jaqilbu għal fornitur ġdid tat-telekomunikazzjoni;

Il-promozzjoni tal-potenzjal ta' tiswija u l-lonġevità

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-potenzjal ta' tiswija tal-prodotti;

   billi tħeġġeġ u tiffaċilita miżuri li jagħmlu l-għażla tat-tiswija tal-oġġetti attraenti għall-konsumatur,
   billi tuża tekniki u materjali tal-kostruzzjoni li jagħmlu t-tiswija ta' oġġett jew is-sostituzzjoni tal-komponenti tiegħu eħfef u inqas għalja; il-konsumaturi m'għandhomx jinqabdu f'ċiklu li ma jintemm qatt ta' tiswija u manutenzjoni ta' prodotti bil-ħsara;
   billi tħeġġeġ, fil-każ ta' nuqqas rikorrenti ta' konformità jew perjodu ta' tiswija li jaqbeż ix-xahar, l-estensjoni tal-garanzija b'perjodu ekwivalenti għaż-żmien meħtieġ biex issir it-tiswija,
   billi tħeġġeġ li l-partijiet li huma kruċjali għall-funzjonament tal-prodott għandhom ikunu sostitwibbli u jkunu jistgħu jissewwew, billi l-potenzjal ta' tiswija tal-prodott jiġi inkluż fost il-karatteristiċi essenzjali meta dan ikun ta' benefiċċju, u billi ma jitħeġġiġx it-twaħħil ta' komponenti essenzjali bħal batteriji u LEDs fi prodotti, ħlief jekk ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta' sikurezza,
   billi tħeġġeġ lill-manifatturi jipprovdu gwidi ta' manutenzjoni u indikazzjonijiet ta' tiswija fil-mument tax-xiri, b'mod partikolari għall-prodotti li l-manutenzjoni u t-tiswija tagħhom huma importanti, sabiex tittejjeb il-possibbiltà li tiġa estiża l-ħajja tal-prodott,
   billi tiżgura l-possibbiltà li jintużaw sostituti tal-istess kwalità u prestazzjoni għall-parts oriġinali, bl-iskop li jissewwew il-prodotti kollha skont il-liġi applikabbli,
   billi tiżviluppa l-istandardizzazzjoni, fejn ikun prattiku, tal-parts tal-bdil u l-għodod neċessarji għat-tiswija sabiex tittejjeb l-effiċjenza tas-servizzi tat-tiswija,
   billi tħeġġeġ lill-manifatturi jipprovdu gwidi ta' manutenzjoni u istruzzjonijiet ta' tiswija f'lingwi differenti lill-ħwienet ta' tiswija meta dawn jiġu mitluba,
   billi tħeġġeġ lill-manifatturi jiżviluppaw teknoloġija tal-batteriji biex jiżguraw li l-ħajja tal-batteriji u tal-akkumulaturi taqbel aħjar mal-ħajja mistennija tal-prodott jew alternattivament jagħmlu s-sostituzzjoni tal-batterija aktar aċċessibbli bi prezz li jkun proporzjonat għall-prezz tal-prodott;

10.  Iqis li huwa ta' benefiċċju li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-parts tal-bdil essenzjali għall-funzjonament tajjeb u sikur tal-oġġetti:

   billi titħeġġeġ l-aċċessibbiltà tal-parts tal-bdil flimkien mal-assemblaġġi tal-prodott,
   billi l-operaturi ekonomiċi jiġu mħeġġa jipprovdu servizz tekniku xieraq għall-oġġetti għall-konsumatur li huma jimmanifatturaw jew jimpurtaw, u li jipprovdu parts tal-bdil essenzjali għall-funzjonament tajjeb u sikur tal-oġġetti bi prezz li jkun proporzjonat għan-natura u l-ħajja tal-prodott,
   billi jiġi indikat b'mod ċar jekk il-parts tal-bdil humiex disponibbli, b'liema termini u għal kemm żmien, u fejn ikun xieraq permezz tal-istabbiliment ta' pjattaforma diġitali;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jesploraw inċentivi xierqa li jippromwovu prodotti sostenibbli u ta' kwalità għolja li jistgħu jissewwew, li jistimolaw it-tiswija u l-bejgħ ta' oġġetti użati, u jiżviluppaw taħriġ dwar it-tiswija;

12.  Jissottolinja l-importanza li tinżamm l-possibbiltà li tmur għand sewwej indipendenti, speċjalment billi ma jitħeġġux soluzzjonijiet tekniċi, ta' sikurezza jew tas-softwer li jimpedixxu li t-tiswija titwettaq barra minn ditti jew korpi approvati;

13.  Jitlob li jsiru sforzi biex jitħeġġeġ l-użu mill-ġdid ta' parts tal-bdil għas-suq tal-oġġetti użati;

14.  Jirrikonoxxi l-possibbiltà li jintuża l-istampar 3D sabiex jiġu pprovduti parts lill-professjonisti u lill-konsumaturi; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, is-salvagwardja tas-sikurezza tal-prodotti, tal-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur;

15.  Ifakkar li għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-ekonomija ċirkolari, id-disponibbiltà ta' komponenti standardizzati u modulari, id-disinn għaż-żarmar u għal prodotti ta' ħajja twila u l-proċessi ta' produzzjoni effiċjenti għandhom rwol importanti;

Il-funzjonament ta' mudell ekonomiku orjentat lejn l-użu u l-appoġġ għall-SMEs u l-impjiegi fl-UE

16.  Jenfasizza li l-bidla lejn mudelli ta' negozju bħal "prodotti bħala servizzi" għandha l-potenzjal li ttejjeb is-sostenibbiltà tal-produzzjoni u x-xejriet tal-konsum, dment li s-sistemi ta' produzzjoni-servizzi ma jirriżultawx f'ħajja mqassra tal-prodott, u jenfasizza li mudelli ta' negozju bħal dawn m'għandhomx jipprovdu opportunitajiet għall-evitar tat-taxxa;

17.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda, bħas-servizzi bbażati fuq l-internet, forom ġodda ta' kummerċjalizzazzjoni, ħwienet kbar li jbigħu biss oġġetti użati u d-disponibbiltà usa' ta' faċilitajiet ta' tiswija informali (cafes ta' tiswija, sessjonijiet ta' ħidma fejn persuni jagħmlu huma stess it-tiswijiet) jistgħu jgħinu biex jestendu l-ħajja tal-prodott u fl-istess ħin iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-prodotti u l-fiduċja fihom b'ħajja twila;

18.  Jistieden lill-Istati Membri:

   jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex iħeġġu l-iżvilupp ta' mudelli ta' bejgħ ibbażati fuq l-użu li jkunu ta' benefiċċju għal kulħadd,
   iżidu l-isforzi tagħhom b'miżuri li jippromwovu l-iżvilupp tal-ekonomija funzjonali, u jħeġġu l-kiri, l-iskambju u s-self ta' oġġetti,
   iħeġġu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromwovu b'mod attiv l-iżvilupp ta' mudelli ekonomiċi, bħall-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija ċirkolari, li jħeġġu użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, is-sostenibbiltà tal-oġġetti u jsaħħu t-tiswija, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ;

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjoni dwar l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja tad-Direttiva 2014/24/UE titqies fl-akkwist pubbliku, u jżidu r-rata tal-użu mill-ġdid tat-tagħmir mixtri mill-awtoritajiet pubbliċi;

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġjaw l-ekonomija kollaborattiva fil-politiki pubbliċi tagħhom, minħabba l-benefiċċji li tipprovdi fl-użu tar-riżorsi u l-kapaċità żejda, pereżempju fis-setturi tat-trasport u tal-akkomodazzjoni;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tas-sostenibbiltà tal-prodotti fil-kuntest tal-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw bis-sħiħ il-ġerarkija tal-iskart stabbilita fil-leġiżlazzjoni tal-UE (id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (2008/98/KE)), u b'mod partikolari jżommu l-apparat elettriku u elettroniku sal-massimu tal-użu u l-valur tagħhom, u ma jqisuhomx bħala skart, pereżempju billi jagħtu aċċess għal punti ta' ġbir għal skart ta' tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) lil persunal minn ċentri ta' użu mill-ġdid li jistgħu jagħmlu użu minn dawn l-oġġetti u l-komponenti tagħhom;

23.  Iqis li l-miżuri inklużi f'dan ir-riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati b'mod partikolari għall-SMEs u l-mikrointrapriżi, kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE, b'mod li jkun xieraq u proporzjonat għad-daqs u l-kapaċitajiet tal-SMEs u l-mikrointrapriżi, sabiex jiġi ppreservat l-iżvilupp tagħhom, u jitħeġġu l-impjiegi u t-taħriġ għall-professjonijiet ġodda fl-UE;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif is-sostitwibbiltà tal-bozoz LED tista' titħeġġeġ u tiġi ffaċilitata u tqis, minbarra l-miżuri tal-ekodisinn, approċċ anqas strett li jinvolvi, pereżempju, it-tikkettar, skemi ta' inċentiv, sejħa pubblika għall-offerti jew garanzija estiża jekk il-bozoz ma jistgħux jitneħħew;

25.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu sorveljanza effikaċi tas-suq biex jiġi żgurat li kemm il-prodotti Ewropej kif ukoll dawk importati jkunu konformi mar-rekwiżiti fir-rigward tal-politika tal-prodott u l-ekodisinn;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u jirrispettaw il-kompetenzi tagħhom;

L-iżgurar ta' informazzjoni aħjar lill-konsumaturi

27.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti permezz:

   tal-konsiderazzjoni ta' tikketta Ewropea volontarja, li tkopri, b'mod partikolari: is-sostenibbiltà, il-karatteristiċi tal-ekodisinn, it-titjib tal-kwalità tal-komponenti tal-prodott f'konformità mal-progress tekniku u l-potenzjal li prodott jissewwa,
   esperimenti volontarji ma' kumpaniji u partijiet ikkonċernati oħra fil-livell tal-UE bl-għan li tiġi żviluppata deżinjazzjoni tal-ħajja utli mistennija ta' prodott abbażi ta' kriterji standardizzati, li tista' tintuża mill-Istati Membri kollha,
   il-ħolqien ta' arloġġ għall-prodotti għall-konsumatur l-aktar rilevanti, b'mod partikolari l-apparat elettrodomestiku kbir,
   valutazzjoni tal-impatt li tallinja t-tikkettar dwar il-ħajja mat-tul ta' żmien tal-garanzija legali,
   l-użu ta' applikazzjonijiet diġitali jew il-midja soċjali,
   informazzjoni ta' standardizzazzjoni fil-manwali dwar is-sostenibbiltà u t-titjib tal-kwalità tal-prodott, u l-potenzjal tiegħu jissewwa, sabiex jiġi żgurat li jkun ċar, aċċessibbli u faċli li jinftiehem,
   informazzjoni bbażata fuq kriterji standard, fejn tiġi ddikjarata l-ħajja antiċipata ta' prodott;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex:

   jassistu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-kumpaniji u lill-assoċjazzjonijiet biex iwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni għall-konsumaturi dwar l-estensjoni tal-ħajja tal-prodotti, b'mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni rigward pariri dwar il-manutenzjoni, it-tiswija, l-użu mill-ġdid, eċċ.,
   jippromwovu s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar prodotti li ssirilhom il-ħsara malajr u dawk li ma jissewwewx, fejn xieraq permezz tal-iżvilupp ta' pjattaformi ta' notifika għall-konsumaturi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ skambji ta' informazzjoni regolari u strutturati kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-Unjoni kollha, bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet reġjonali u muniċipali;

Miżuri dwar l-obsolexxenza ppjanata

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, f'konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, prodotturi u partijiet ikkonċernati oħra, definizzjoni fil-livell tal-UE tal-obsolexxenza ppjanata għall-oġġetti tanġibbli u s-softwer; Jistieden, barra minn hekk, lill-Kumissjoni, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, biex teżamina l-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema indipendenti li tista' tittestja u tidentifika l-obsolexxenza interna fi prodotti; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-informaturi jiġu legalment protetti aħjar u li jkun hemm miżuri dissważivi xierqa għall-produtturi;

31.  Jirreferi għar-rwol ta' pijunier ta' xi Stati Membri f'dan ir-rigward, bħall-inizjattiva tal-pajjiżi tal-Benelux biex jiġġieldu l-obsolexxenza ppjanata u biex jestendu t-tul ta' ħajja ta' apparat (elettriku) domestiku; jenfasizza l-importanza tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

32.  Jinnota li t-titjib tal-kwalità ta' prodotti jista' jnaqqas l-obsolexxenza ta' prodott kif ukoll l-impatti ambjentali u l-ispejjeż għall-utenti;

It-tisħiħ tad-dritt għall-garanzija legali ta' konformità

33.  Iqis li huwa essenzjali li l-konsumaturi jkunu infurmati aħjar dwar il-mod li bih tiffunzjona l-garanzija statutorja tal-konformità; jitlob li r-referenza għall-garanzija tidher miktuba b'mod sħiħ fuq il-fattura ta' xiri tal-prodott;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta inizjattivi u miżuri leġiżlattivi biex ittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi:

   billi ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi, speċjalment għal dawk il-prodotti li l-perjodu ta' użu raġonevolment mistenni tagħhom huwa itwal, u billi tqis il-miżuri b'saħħithom dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi diġà meħuda f'ċerti Stati Membri,
   billi tqis l-effetti tal-leġiżlazzjoni tal-ekodisinn u d-dritt kuntrattwali dwar prodotti relatati mal-enerġija sabiex jiġi żviluppat approċċ olistiku għar-regolamentazzjoni tal-prodotti,
   billi tiggarantixxi li l-konsumaturi jiġu speċifikament infurmati, fuq il-kuntratt ta' bejgħ, bid-dritt tagħhom għal garanzija legali, u billi tippromwovi programmi ta' informazzjoni dwar dan id-dritt,
   billi tissimplifika l-prova tax-xiri għall-konsumaturi billi torbot il-garanzija mal-oġġett u mhux max-xerrej, u anke billi tintroduċi rċevuti elettroniċi u skemi diġitali tal-garanzija għal kulħadd;

35.  Jitlob l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu ta' lmenti fil-livell tal-UE għall-każijiet fejn id-dritt għall-garanzija mhuwiex implimentat, sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-istandards Ewropej mill-awtoritajiet rilevanti;

36.  Jirrimarka li jista' jiġi pprovdut inċentiv għad-disinn ta' prodott aktar sostenibbli bit-tisħiħ tal-prinċipju tar-responsabbiltà estiża tal-produttur u l-istabbiliment ta' rekwiżiti minimi li jridu jiġu ssodisfati;

Il-protezzjoni tal-konsumaturi mill-obsolexxenza tas-softwer

37.  Jitlob li jkun hemm trasparenza akbar dwar it-titjib fil-kwalità, aġġornamenti tas-sikurezza u s-sostenibbiltà, li kollha huma aspetti neċessarji għall-funzjonament tajjeb tas-softwer u l-hardwer; Jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata kooperazzjoni akbar f'relazzjonijiet bejn negozju u ieħor;

38.  Iħeġġeġ it-trasparenza min-naħa tal-fornituri u l-manifatturi billi jistipulaw fuq il-kuntratti tal-prodotti l-perjodu minimu li għalih jiġu pprovduti aġġornamenti tas-sikurezza għal sistemi operattivi meta dawn ikunu disponibbli; jipproponi li tiġi stabbilita d-definizzjoni tal-perjodu raġonevoli ta' użu; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li l-fornitur tal-oġġett, f'każijiet ta' sistemi operattivi integrati, jiżgura t-twassil ta' dawk l-aġġornamenti tas-sikurezza; jistieden lill-produtturi jipprovdu informazzjoni ċara lill-konsumaturi dwar il-kompatibbiltà tal-aġġornamenti tas-softwer ma' sistemi operattivi inkorporati;

39.  Jitlob li l-aġġornamenti essenzjali tas-softwer ikunu riversibbli u akkumpanjati minn informazzjoni dwar il-konsegwenzi għall-funzjonament tal-apparat u li s-softwer essenzjali ġdid ikun kompatibbli mas-softwer tal-ġenerazzjoni preċedenti;

40.  Iħeġġeġ s-sostitwibbiltà tal-parts, inkluż il-proċessur, permezz ta' approċċ ta' standardizzazzjoni, sabiex il-prodotti jinżammu aġġornati;

o
o   o

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.
(2) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.
(3) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.
(4) ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23.
(5) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(6) ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.


L-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju
PDF 483kWORD 63k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju (2016/2239(INI))
P8_TA(2017)0288A8-0222/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (Azzjoni rigward Theddid għall-Paċi, Ksur tal-Paċi u Atti ta' Aggressjoni),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, id-Dikjarazzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni Abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin, u l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà tal-31 ta' Ottubru 2000,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tas-17 ta' Lulju 1998, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2002,

–  wara li kkunsidra l-Emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma, adottati mill-Konferenza ta' Reviżjoni f'Kampala, l-Uganda, f'Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra l-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Analiżi għad-Delitti Atroċi, imfassal mill-Uffiċċju tal-Konsulenti Speċjali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidji u r-Responsabbiltà ta' Protezzjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante u minn gruppi assoċjati,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/71/L.48 ta' Diċembru 2016, li tistabbilixxi mekkaniżmu internazzjonali, imparzjali u indipendenti biex jassisti fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-persuni responsabbli għad-delitti l-aktar serji skont id-dritt internazzjonali li twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana minn Marzu 2011 (IIIM),

–  wara li kkunsidra l-inkjesta speċjali dwar l-avvenimenti f'Aleppo min-naħa tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, ippubblikata fl-1 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/443/PESK tal-11 ta' Ġunju 2001 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/JHA tat-13 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi network Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/JHA tat-8 ta' Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra(3);

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(4),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni tal-Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u assistenza(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/168/PESK tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(6),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas- Sigurta’ s biex isir progress fir-rigward tal-prinċipju ta' komplementarjetà (SWD(2013)0026),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ komprensiv tal-UE tat-12 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tan-Netwerk tal-UE kontra l-Ġenoċidju biex tiġi miġġielda l-impunità għar-reat kriminali tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra fl-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, adottata fit-30 ta' Ottubru 2014.

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2015 dwar l-appoġġ tal-UE għall-ġustizzja tranżizzjonali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Diċembru 2016 tal-VP/RGħ fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Kommemorazzjoni u d-Dinjità tal-Vittmi tad-Delitti tal-Ġenoċidju u tal-Prevenzjoni ta' dan id-Delitt,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar l-appoġġ tal-UE għall-QKI: naffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar id-delitt tal-aggressjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-ispostar tal-massa tat-tfal fin-Niġerja bħala riżultat tal-attakki tal-Boko Haram(9) u tas-17 ta' Lulju 2014 dwar in-Niġerja – attakki reċenti mill-Boko Haram(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' Novembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja(12), tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul(13), tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa "ISIS/Da'esh"(14), u tal-11 ta' Ġunju 2015 dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni f'Palmira u l-każ ta' Mazen Darwish(15),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0222/2017),

A.  billi d-delitt tal-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, magħrufa wkoll bħala "delitti atroċi", huma l-aktar delitti serji kontra l-umanità u jirrappreżentaw kwistjoni ta' tħassib għall-komunità internazzjonali kollha; billi l-umanità tkexkxet quddiem dawn id-delitti;

B.  billi l-komunità internazzjonali għandha d-dmir li tevita li jseħħu delitti atroċi; billi, meta jseħħu, dawn id-delitti m'għandhomx jibqgħu bla kastig u jeħtieġ tiġi żgurata prosekuzzjoni effikaċi, ġusta u rapida fil-konfront tagħhom fil-livell nazzjonali jew internazzjonali u skont il-prinċipju ta' komplementarjetà;

C.  billi r-responsabbiltà, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-impunità jikkostitwixxu elementi essenzjali li jirfdu l-isforzi favur il-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, ir-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni;

D.  billi rikonċiljazzjoni ġenwina tista' tkun ibbażata biss fuq il-verità u l-ġustizzja;

E.  billi l-vittmi ta' dan it-tip ta' delitti għandhom dritt għal rimedju u kumpens u billi r-rifuġjati li sfaw vittmi ta' delitti atroċi għandhom jirċievu appoġġ sħiħ mill-komunità internazzjonali; billi f'dan il-kuntest huwa importanti li tiġi adottata perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi billi jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali tan-nisa u l-bniet fil-kampijiet tar-rifuġjati, matul ir-ripatrijazzjoni u r-risistemazzjoni, fir-riabilitazzjoni u fir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitt;

F.  billi l-QKI tiżvolġi rwol ewlieni fil-ġlieda kontra l-impunità u biex jerġa' jkun hemm il-paċi u ssir ġustizzja mal-vittmi;

G.  billi s-sistema ta' kumpens għall-vittmi tad-delitti fil-kompetenza tal-Qorti tagħmel lill-QKI istituzzjoni ġudizzjarja unika fil-livell internazzjonali;

H.  billi l-adeżjoni universali mal-Istatut ta' Ruma hija essenzjali għall-effikaċja sħiħa tal-QKI; billi 124 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, irratifikaw l-Istatut ta' Ruma tal-QKI;

I.  billi l-emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma dwar id-delitt tal-aggressjoni, meqjus bħala l-aktar forma serja u perikoluża ta' użu illegali tal-forza, ġew ratifikati minn 34 pajjiż, biex b'hekk intlaħqu t-30 aċċettazzjoni meħtieġa għall-attivazzjoni tagħha u b'hekk l-Assemblea tal-Istati Partijiet ingħatat il-possibbiltà li tadotta, wara l-1 ta' Jannar 2017, l-attivazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti b'rabta mal-aggressjoni u abbażi tat-Trattat;

J.  billi, f'Novembru 2016, ir-Russja ddeċidiet li tirtira l-firma tagħha mill-Istatut ta' Ruma; billi, f'Ottubru 2016, anke l-Afrika t'Isfel, il-Gambja u l-Burundi ħabbru l-irtirar tagħhom; billi, fil-31 ta' Jannar 2017, l-Unjoni Afrikana (UA) adottat riżoluzzjoni mhux vinkolanti li tinkludi Strateġija għall-Irtirar mill-QKI u li tistieden lill-Istati Membri tal-UA jikkunsidraw li jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha; billi fi Frar u f'Marzu 2017 rispettivament, il-Gambja u l-Afrika t'Isfel innotifikaw id-deċiżjoni tagħhom li jirrevokaw l-irtirar mill-Istatut ta' Ruma;

K.  billi huwa importanti ħafna li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma u l-organizzazzjonijiet reġjonali, partikolarment f'sitwazzjonijiet fejn il-ġurisdizzjoni tal-QKI tkun qed tiġi kkontestata;

L.  billi l-QKI bħalissa qed twettaq investigazzjonijiet f'disa' pajjiżi (il-Georgia, il-Mali, il-Kosta tal-Avorju, il-Libja, il-Kenja, is-Sudan (id-Darfur), l-Uganda, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Repubblika Ċentru-Afrikana (żewġ investigazzjonijiet));

M.  billi, f'konformità mal-prinċipju ta' komplementarjetà stabbilit fl-Istatut ta' Ruma, il-QKI taġixxi biss meta l-qrati nazzjonali ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jinvestigaw u jipproċedu fir-rigward ta' delitti atroċi, u għaldaqstant l-Istati Partijiet jibqa' jkollhom ir-responsabbiltà primarja li jressqu quddiem il-ġustizzja lill-allegati awturi tad-delitti l-aktar serji u ta' tħassib internazzjonali;

N.  billi, fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/443/PESK tal-11 ta' Ġunju 2001 dwar il-QKI, l-Istati Membri ddikjaraw li d-delitti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-QKI huma ta' tħassib għall-Istati Membri kollha, li huma determinati li jikkooperaw dwar il-prevenzjoni ta' dawn id-delitti u jtemmu l-impunità tal-awturi tagħhom;

O.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha ilhom alleati leali tal-QKI sa mill-bidu nett tagħha, u joffru kontinwament appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku, inkluża l-promozzjoni tal-universalità u d-difiża tal-integrità tas-sistema tal-Istatut ta' Ruma;

P.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha wiegħdu lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) l-appoġġ qawwi tagħhom għat-twaqqif ta' mekkaniżmu effikaċi għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-Parlament talab lill-VP/RGħ tirrapporta lura dwar l-objettivi u l-istrateġija mfassla sabiex titwettaq din il-wegħda;

Q.  billi, fil-gwerer li seħħew bejn l-1991 u l-1995, twettqu għadd kbir ta' delitti atroċi fit-territorju tal-pajjiżi li qabel kienu jiffurmaw parti mill-Jugoslavja;

R.  billi l-proċedimenti ġudizzjarji fil-konfront tal-awturi tad-delitti atroċi mwettqa fil-gwerer li seħħew bejn l-1991 u l-1995 fit-territorju tal-pajjiżi li qabel kienu jiffurmaw parti mill-Jugoslavja għaddejjin bil-mod ħafna;

S.  billi s-Sirja aderiet mal-Konvenzjoni ta' Ġinevra fl-1955, u mal-Konvenzjoni kontra t-Tortura fl-2004;

T.  billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016, il-Parlament Ewropew fakkar li l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mwettqa mill-ISIS/Da'esh jinkludu l-ġenoċidju;

U.  billi diversi rapporti tan-NU, inklużi dawk tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju, tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni, tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Kwistjonijiet tal-Minoranzi, u tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll diversi NGOs, sostnew li l-atti mwettqa minn kull naħa jistgħu jikkostitwixxu delitti atroċi u li matul il-ġlieda għal Aleppo f'Diċembru 2016 twettqu reati tal-gwerra minn kull naħa;

V.  billi l-QKI ddikjarat li hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li twettqu delitti kontra l-umanità skont l-Artikolu 7 tal-Istatut, fosthom qtil u persekuzzjoni, min-naħa tal-Boko Haram fin-Niġerja;

W.  billi mijiet ta' eżekuzzjonijiet fil-Burundi minn April 2015 wasslu biex rapport tal-Investigazzjoni Indipendenti tan-NU dwar il-Burundi jikkonkludi li diversi persuni fil-Burundi għandhom jiġu mixlija b'allegati reati kontra l-umanità;

X.  billi diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, avukati u NGOs internazzjonali wissew li l-avvenimenti li seħħew fil-Burundi fi tmiem l-2016 jistgħu jikkostitwixxu ġenoċidju;

Y.  billi r-regoli internazzjonali dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità huma vinkolanti anke fuq atturi mhux statali jew persuni li jaġixxu f'isem jew fil-qafas ta' organizzazzjonijiet mhux statali; billi dan għandu jiġi affermat mill-ġdid aktar u aktar illum, meta atturi mhux statali qed ikunu dejjem aktar preżenti fix-xenarji tal-gwerra u qed jippromwovu u jwettqu delitti serji bħal dawn;

Z.  billi, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-istati jistgħu jinżammu responsabbli wkoll għal ksur ta' obbligi skont it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni fuqhom, inkluża l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984 u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948;

AA.  billi l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għandha l-kapaċità li tistabbilixxi r-responsabbiltà statali;

AB.  billi, bl-intenzjoni li jintimidaw u jumiljaw lill-għadu, l-istupru u l-vjolenza sesswali jintużaw mill-partijiet kollha f'kunflitt bħala tattika tal-gwerra; billi, barra minn hekk, il-vjolenza sessista u l-abbuż sesswali wkoll jiżdiedu b'mod drammatiku matul kunflitt;

AC.  billi l-vjolenza kontra n-nisa, kemm waqt kunflitt u kemm wara kunflitt, tista' titqies bħala kontinwazzjoni tad-diskriminazzjoni li n-nisa jgħaddu minnha fiż-żmien meta ma jkunx hemm kunflitt; billi l-kunflitt jaggrava x-xejriet diġà eżistenti ta' diskriminazzjoni sessista kif ukoll ir-relazzjonijiet ta' poter storikament inugwali bejn l-irġiel u n-nisa, u jpoġġi lin-nisa u lill-bniet f'riskju akbar ta' vjolenza sesswali, fiżika u psikoloġika;

1.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li taġixxi fix-xena internazzjonali f'isem il-prinċipji li ispiraw il-ħolqien tagħha, bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u favur il-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; itenni, f'dan il-kuntest, li għandu jkun ta' importanza kbira għall-UE li tindirizza u żżomm responsabbli lill-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li jilħaq il-limitu ta' gravità ta' ġenoċidju u delitti kontra l-umanità u ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali li jilħaq il-livell ta' delitti tal-gwerra;

2.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jużaw il-piż politiku kollu tagħhom biex jevitaw kwalunkwe att li jista' jitqies bħala delitt atroċi, jirrispondu b'mod effiċjenti u koordinat meta jseħħu delitti bħal dawn u jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha meħtieġa biex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk kollha responsabbli, kif ukoll jgħinu lill-vittmi u jappoġġjaw il-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u rikonċiljazzjoni;

Dwar il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-prevenzjoni ta' delitti atroċi

3.  Iħeġġeġ lill-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948, l-erba' Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984, u ftehimiet internazzjonali oħra rilevanti, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jevitaw li jitwettqu delitti atroċi fit-territorju tagħhom, taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jew miċ-ċittadini tagħhom, kif impenjaw ruħhom li jagħmlu; jistieden lill-istati kollha li għadhom ma rratifikawx dawn il-Konvenzjonijiet sabiex jagħmlu dan;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-komunità internazzjonali tintensifika l-isforzi tagħha fil-monitoraġġ u tirrispondi għal kwalunkwe kunflitt jew kunflitt potenzjali li jista' jwassal għal xi att li jista' jiġi kkunsidrat bħala delitt atroċi;

5.  Jistieden lill-komunità internazzjonali toħloq strumenti li jistgħu jimminimizzaw l-intervall bejn it-twissija u r-reazzjoni, bħas-sistema ta' twissija bikrija tal-UE, sabiex jiġi evitat li jfeġġu, ifeġġu mill-ġdid u jeskalaw kunflitti vjolenti;

6.  Jitlob li l-UE żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa approċċ koerenti u effiċjenti biex tidentifika u tirrispondi fil-ħin għal sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' kunflitt li jistgħu jwasslu għal delitti atroċi; jenfasizza, b'mod partikolari, l-importanza u l-ħtieġa tal-kondiviżjoni effikaċi tal-informazzjoni u tal-koordinazzjoni tal-azzjonijiet preventivi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, inklużi d-delegazzjonijiet tal-UE, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u l-Istati Membri, flimkien mar-rappreżentanzi diplomatiċi tagħhom; jilqa', f'dan il-kuntest, l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni dwar White Paper li għandha twassal għal azzjoni esterna tal-UE aktar effikaċi; jenfasizza l-importanza tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet ċivili ta' wara l-kunflitt fil-qafas tal-PSDK sabiex jgħinu fir-rikonċiljazzjoni f'pajjiżi terzi, speċjalment fejn seħħew delitti kontra l-umanità;

7.  Iqis li l-UE għandha tintegra fl-approċċ komprensiv tagħha għall-kunflitti u l-kriżijiet esterni l-għodod meħtieġa għall-identifikazzjoni u l-prevenzjoni ta' kwalunkwe delitt atroċi fi stadju bikri; jiġbed l-attenzjoni, f'dan il-kuntest, għall-Qafas ta' Analiżi għal Delitti Atroċi, imfassal mill-Uffiċċju tal-Konsulenti Speċjali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidji u r-Responsabbiltà ta' Protezzjoni; iqis li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom dejjem jieħdu pożizzjoni soda f'każijiet fejn il-kriminalità tidher imminenti u għandhom jużaw l-istrumenti paċifiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, bħalma huma r-relazzjonijiet bilaterali, il-fora multilaterali u d-diplomazija pubblika;

8.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ: tkompli l-kooperazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE, l-ambaxxati tal-Istati Membri u l-missjonijiet ċivili u militari, kif ukoll it-taħriġ tal-persunal tagħhom, fl-oqsma tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt umanitarju u d-dritt kriminali, inkluża l-kapaċità li jidentifikaw sitwazzjonijiet potenzjali li jinvolvu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, ġenoċidju u ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali, fost l-oħrajn permezz ta' skambji regolari mas-soċjetà ċivili lokali; tiżgura li r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE jsostnu r-Responsabbiltà ta' Protezzjoni (R2P) kull meta jkun hemm bżonn u li l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jitwessa' biex jinkludi kwistjonijiet marbuta mal-R2P; tkompli tappoġġja l-Punt Fokali tal-UE għall-R2P fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fil-kuntest tal-istrutturi u r-riżorsi eżistenti, inkarigat partikolarment mis-sensibilizzazzjoni dwar l-implikazzjonijiet tal-R2P u mill-assigurazzjoni ta' informazzjoni f'waqtha dwar sitwazzjonijiet ta' tħassib bejn l-atturi kkonċernati kollha, filwaqt li tħeġġeġ ukoll it-twaqqif ta' punti fokali nazzjonali għall-R2P fl-Istati Membri; u li jiġu professjonalizzati u msaħħa ulterjorment id-diplomazija preventiva u l-medjazzjoni;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi u r-reġjuni f'riskju ta' kunflitt ikollhom forzi tas-sigurtà kapaċi u affidabbli; jitlob li jsiru sforzi ulterjuri mill-UE u l-Istati Membri biex jiżviluppaw programmi għall-bini tal-kapaċità fis-settur tas-sigurtà, kif ukoll pjattaformi għall-promozzjoni ta' kultura ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-kostituzzjoni, kif ukoll ta' integrità u servizz pubbliku, fost il-forzi tas-sigurtà u militari lokali;

10.  Jenfasizza li l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-vjolenza u l-kunflitt, li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet paċifiċi u demokratiċi, u li jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-protezzjoni tan-nisa, iż-żgħażagħ u t-tfal, il-minoranzi u l-komunità LGBTI, flimkien mal-promozzjoni tad-djalogu interreliġjuż u interkulturali, huwa kruċjali għall-prevenzjoni ta' ġenoċidji u delitti kontra l-umanità;

11.  Jitlob li jiġu żviluppati, fil-livell internazzjonali, reġjonali u nazzjonali, programmi edukattivi u kulturali li jippromwovu għarfien tal-kawżi u l-konsegwenzi tad-delitti atroċi għall-umanità u li jqajmu kuxjenza dwar il-ħtieġa u l-importanza li titrawwem il-paċi, li jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem u t-tolleranza interreliġjuża u li ssir prosekuzzjoni u investigazzjoni ta' kull delitt bħal dawn; jilqa', f'dan il-kuntest, l-organizzazzjoni tal-ewwel Jum annwali tal-UE kontra l-Impunità għall-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra;

Dwar l-appoġġ għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra

12.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-QKI, l-Istatut ta' Ruma, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, is-setgħat proprio motu tal-Prosekutur u l-progress magħmul fil-ftuħ ta' investigazzjonijiet ġodda bħala mezz essenzjali fil-ġlieda kontra l-impunità għal delitti atroċi;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-laqgħa li saret fi Brussell fis-6 ta' Lulju 2016 bejn rappreżentanti tal-UE u tal-QKI bi tħejjija għat-2 laqgħa ta' diskussjoni bejn l-UE u l-QKI, li ppermettiet lill-persunal rilevanti tal-QKI u tal-istituzzjonijiet Ewropej jidentifikaw oqsma ta' interess komuni, jikkondividu informazzjoni dwar attivitajiet rilevanti u jiżguraw kooperazzjoni aħjar bejn l-UE u l-QKI;

14.  Itenni li ż-żamma tal-indipendenza tal-QKI hija kruċjali mhux biss għall-effikaċja sħiħa tagħha, iżda anke għall-promozzjoni tal-universalità tal-Istatut ta' Ruma,

15.  Iwissi li t-twettiq tal-ġustizzja ma jistax jistrieħ fuq bilanċ bejn il-ġustizzja u xi tip ta' kunsiderazzjoni politika, peress li bilanċ bħal dan ma jrawwimx l-isforzi ta' rikonċiljazzjoni iżda jnaqqashom;

16.  Itenni l-importanza kruċjali tal-adeżjoni universali mal-Istatut ta' Ruma tal-QKI; jistieden lill-istati li għadhom ma rratifikawx l-Istatut ta' Ruma, il-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti u l-emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma sabiex jagħmlu dan u b'hekk jappoġġjaw ir-responsabbiltà u r-rikonċiljazzjoni bħala elementi ewlenin fil-prevenzjoni ta' atroċitajiet futuri; jerġa' jtenni, bl-istess mod, l-importanza kruċjali tal-integrità tal-Istatut ta' Ruma;

17.  Jinnota bl-akbar dispjaċir id-dikjarazzjonijiet reċenti ta' rtirar mill-Istatut ta' Ruma, li jirrappreżentaw sfida partikolarment f'dak li jirrigwarda l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u li għandhom jiġu kkundannati bla riżervi; jilqa' l-fatt li kemm il-Gambja kif ukoll l-Afrika t'Isfel irrevokaw in-notifiki ta' rtirar tagħhom; jistieden lill-pajjiż ikkonċernat l-ieħor jerġa' jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu; jistieden ukoll lill-UE tagħmel l-isforzi kollha meħtieġa, inkluż permezz ta' kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana, biex tiżgura li l-ebda pajjiż ma jirtira; jilqa' l-fatt li l-Assemblea tal-Istati Partijiet tal-QKI qablet li tikkunsidra l-emendi proposti għall-Istatut ta' Ruma sabiex jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem mill-Unjoni Afrikana waqt is-summit speċjali tagħha;

18.  Jistieden lill-erba' stati firmatarji li infurmaw lis-Segretarju Ġenerali tan-NU li m'għadx għandhom il-ħsieb li jsiru partijiet għall-Istatut ta' Ruma jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjonijiet tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li tlieta mill-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mhumiex partijiet għall-Istatut ta' Ruma;

19.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Partijiet tal-QKI jżidu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-adeżjoni universali għall-QKI u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti; iqis li l-Kummissjoni u s-SEAE, flimkien mal-Istati Membri, għandhom ikomplu jħeġġu lill-pajjiżi terzi jirratifikaw u jimplimentaw l-Istatut ta' Ruma u l-Ftehim dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Qorti, u għandhom iwettqu wkoll valutazzjoni tal-kisbiet tal-UE f'dan ir-rigward;

20.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata kontribuzzjoni finanzjarja suffiċjenti biex il-Qorti tiffunzjona b'mod effikaċi, fl-għamla ta' kontribuzzjonijiet mill-Istati Partijiet jew permezz ta' mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE bħalma huma l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) jew il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), b'attenzjoni partikolari għall-finanzjament għall-atturi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq il-promozzjoni tas-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali u kwistjonijiet relatati mal-QKI;

21.  Jilqa' l-għajnuna imprezzabbli mogħtija lill-Qorti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; juri tħassib dwar rapporti ta' theddid u intimidazzjoni fil-konfront ta' ċerti organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jikkooperaw mal-Qorti; jitlob li tittieħed kull azzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat ambjent sikur għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw u jikkooperaw mal-Qorti, u li jiġu indirizzati t-theddid u l-intimidazzjoni kollha fil-konfront tagħhom f'dan ir-rigward;

22.  Jieħu nota tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tat-12 ta' Lulju 2011 bħala segwitu għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2011 dwar il-QKI; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni sabiex jiġu identifikati l-oqsma fejn tista' tittejjeb l-effikaċja tal-azzjoni tal-UE, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-promozzjoni tal-integrità u l-indipendenza tal-Qorti;

23.  Iħeġġeġ lill-istati kollha li rratifikaw l-Istatut ta' Ruma sabiex jikkooperaw bis-sħiħ mal-QKI fl-isforzi tagħha biex tinvestiga u tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għal delitti internazzjonali serji, jirrispettaw l-awtorità tal-QKI u jimplimentaw bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tagħha;

24.  Iħeġġeġ b'mod qawwi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu użu mill-għodod politiċi u diplomatiċi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jappoġġaw il-kooperazzjoni effettiva mal-QKI, speċjalment fir-rigward tal-programmi ta' protezzjoni tax-xhieda u l-eżekuzzjoni tal-mandati ta' arrest pendenti, b'attenzjoni partikolari għat-13-il suspettat li għadhom maħruba; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Kunsill jaqblu dwar l-adozzjoni ta' miżuri konkreti biex iwieġbu għan-nuqqas ta' kooperazzjoni mal-QKI, minbarra d-dikjarazzjonijiet politiċi;

25.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jużaw kwalunkwe mezz fil-konfront ta' pajjiżi terzi, anke li jikkunsidraw sanzjonijiet – partikolarment fil-każ ta' pajjiżi b'sitwazzjonijiet taħt investigazzjoni mill-QKI u pajjiżi taħt eżami preliminari mill-QKI – sabiex isaħħu r-rieda politika tagħhom li jikkooperaw bis-sħiħ u jappoġġjaw il-kapaċità tagħhom li jiftħu proċedimenti fil-livell nazzjonali rigward delitti atroċi; jistieden ukoll lill-UE u l-Istati Membri tagħha joffru appoġġ sħiħ lil dawk il-pajjiżi sabiex jgħinuhom isiru konformi mar-rekwiżiti tal-QKI; jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008;

26.  Iqis li l-vittmi ta' delitti atroċi għandhom jingħataw aċċess għal mezzi ta' rimedju u kumpens effikaċi u infurzabbli; jenfasizza r-rwol speċjali tal-vittmi u x-xhieda fil-proċedimenti quddiem il-Qorti u l-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi mmirati biex tiġi żgurata s-sigurtà u l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom skont l-Istatut ta' Ruma; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jżommu d-drittijiet tal-vittmi fiċ-ċentru tal-azzjonijiet kollha fil-ġlieda kontra l-impunità u jipparteċipaw b'mod volontarju fil-Fond Fiduċjarju tal-QKI għall-Vittmi;

27.  Jistieden lis-SEAE jiżgura li r-responsabbiltà għad-delitti atroċi u l-appoġġ għall-QKI jiġu integrati fil-prijoritajiet tal-politika barranija tal-UE, inkluż permezz tal-proċess ta' tkabbir, billi titqies b'mod sistematiku l-ġlieda kontra l-impunità; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol importanti tal-membri parlamentari fil-promozzjoni tal-QKI u l-ġlieda kontra l-impunità, inkluż permezz tal-kooperazzjoni interparlamentari;

28.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-QKI jkunu inklużi fil-mandat tar-Rappreżentanti Speċjali reġjonali rilevanti tal-UE (RSUE); itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex taħtar RSUE għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-Ġustizzja Internazzjonali bil-mandat li jippromwovi, jintegra u jirrappreżenta l-impenn tal-UE fil-ġlieda kontra l-impunità u favur il-QKI fil-politiki barranin tal-UE;

29.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-Parlament Ewropew fil-monitoraġġ tal-azzjoni tal-UE f'din il-kwistjoni; jilqa' l-inklużjoni ta' taqsima dwar il-QKI u l-ġlieda kontra l-impunità fir-rapport annwali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja, u jissuġġerixxi wkoll li l-Parlament ikollu rwol aktar proattiv billi jippromwovi u jintegra l-QKI u l-ġlieda kontra l-impunità fil-politiki u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, b'mod partikolari fil-ħidma tal-kumitati responsabbli mill-politiki esterni tal-Unjoni u d-delegazzjonijiet inkarigati mir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi;

30.  Jenfasizza li l-prinċipju tal-komplementarjetà tal-QKI jinvolvi r-responsabbiltà primarja tal-Istati Partijiet tagħha fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' delitti atroċi; juri t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li mhux l-Istati Membri kollha tal-UE għandhom leġiżlazzjoni li tiddefinixxi dawk id-delitti, skont id-dritt nazzjonali, li l-qrati tagħhom għandhom ġurisdizzjoni fuqhom; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu użu sħiħ mill-għodda magħrufa bħala "Immexxu 'l quddiem il-prinċipju ta' komplementarjetà";

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jemendaw l-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b'tali mod li d-delitti atroċi jiżdiedu mal-lista ta' delitti li l-UE għandha kompetenza fuqhom;

32.  Iħeġġeġ b'mod qawwi lill-UE tipprepara u tipprovdi riżorsi għat-tħejjija ta' Pjan ta' Azzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Impunità fl-Ewropa għal delitti li jaqgħu taħt id-dritt internazzjonali, b'punti ta' riferiment ċari għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri bil-għan li jissaħħu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet fil-livell nazzjonali fir-rigward ta' ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

33.  Ifakkar li l-istati, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jistgħu individwalment iressqu proċedimenti kontra stati oħra quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar ksur fil-livell statali ta' obbligi li jirriżultaw minn trattati u konvenzjonijiet internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984 u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948;

34.  Ifakkar il-kundanna qawwija tiegħu għall-atroċitajiet kommessi mir-reġim ta' Assad fis-Sirja, li jistgħu jitqiesu bħala delitti serji tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, u jiddeplora l-klima ta' impunità għal min iwettaq reati bħal dawn fis-Sirja;

35.  Jiddeplora n-nuqqas mifrux ta' rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali u r-rata allarmanti ta' mwiet fost il-popolazzjonijiet ċivili u l-attakki kontra l-infrastruttura ċivili fil-kunflitti armati madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tlaqqa' konferenza internazzjonali biex jitħejja mekkaniżmu internazzjonali ġdid għat-traċċar u l-ġbir tad-data, u għar-rappurtar pubbliku dwar ksur waqt il-kunflitti armati; itenni t-talba tiegħu lill-VP/RGħ biex tippreżenta, fuq bażi annwali, lista pubblika ta' allegati awturi ta' attakki fuq skejjel u sptarijiet, sabiex tiġi definita azzjoni xierqa min-naħa tal-UE biex jitwaqqfu dawn l-attakki;

36.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti prinċipali tad-dritt umanitarju internazzjonali u strumenti legali rilevanti oħrajn; jirrikonoxxi l-importanza tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, u jtenni l-istedina tiegħu lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex itejbu l-implimentazzjoni tagħhom, partikolarment b'rabta mad-delitti tal-gwerra fil-Lvant Nofsani; jistieden lill-UE tappoġġja inizjattivi maħsuba biex jinxtered l-għarfien tad-dritt umanitarju internazzjonali u ta' prattiki tajbin fl-applikazzjoni tiegħu, u jistieden lill-UE tisfrutta l-għodod bilaterali kollha għad-dispożizzjoni tagħha b'mod effikaċi għall-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali min-naħa tas-sħab tagħha, inkluż permezz tad-djalogu politiku;

37.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw li jipprovdu armi, tagħmir jew appoġġ finanzjarju jew politiku lill-gvernijiet jew lill-atturi mhux statali li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż billi jwettqu stupru jew vjolenza sesswali oħra fuq in-nisa u t-tfal;

38.  Jitlob, barra minn hekk, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-proċessi ta' riforma u l-isforzi nazzjonali ta' bini tal-kapaċità li jkollhom l-għan li jsaħħu l-indipendenza tal-ġudikatura, is-settur tal-infurzar tal-liġi, is-sistema penitenzjarja u l-programmi ta' kumpens fil-pajjiżi terzi li huma affettwati direttament mill-allegat twettiq ta' delitti bħal dawn, skont l-impenn li ttieħed fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019; jilqa', f'dan il-kuntest, il-Qafas tal-UE dwar l-Appoġġ għall-Ġustizzja Tranżizzjonali 2015 u jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni effettiva tiegħu;

Dwar il-ġlieda kontra l-impunità ta' atturi mhux statali

39.  Jinnota li d-dritt kriminali internazzjonali, u partikolarment il-mandat u l-ġurisprudenza tat-tribunali kriminali internazzjonali, iddefinixxew b'mod ċar ir-responsabbiltà tal-individwi li huma membri ta' gruppi mhux statali f'delitti internazzjonali; jenfasizza li din ir-responsabbiltà ma tirrigwardax biss lil dawn l-individwi iżda anke lill-koawturi indiretti ta' delitti internazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE jressqu quddiem il-ġustizzja lil atturi statali, atturi mhux statali u individwi responsabbli għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji;

40.  Jenfasizza li t-twettiq ta' delitti vjolenti min-naħa tal-ISIS/id-Da'esh jew atturi oħra mhux statali kontra n-nisa u l-bniet ġie rrappurtat b'mod estensiv mill-korpi internazzjonali rilevanti, u jinnota li l-komunità legali internazzjonali ilha tissielet biex dawn id-delitti jiddaħlu fil-qafas kriminali internazzjonali;

41.  Itenni, f'dan il-kuntest, il-kundanna qawwija tiegħu għad-delitti faħxin u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn atturi mhux statali bħall-Boko Haram fin-Niġerja u l-ISIS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq; jinsab imwaħħax quddiem il-firxa wiesgħa ta' delitti mwettqa, fosthom qtil, tortura, stupru, tjassir u skjavitù sesswali, reklutaġġ ta' suldati tfal, konverżjonijiet reliġjużi furzati u assassinji sistematiċi fil-konfront tal-minoranzi reliġjużi, inklużi l-Insara, il-Yazidi u oħrajn; ifakkar li l-vjolenza sesswali tista', skont il-QKI, tikkostitwixxi delitt tal-gwerra u delitt kontra l-umanità; jemmen li l-prosekuzzjoni tal-awturi ta' dawn id-delitti għandha tkun prijorità għall-komunità internazzjonali;

42.  Iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jiġġieldu kontra l-impunità u jagħtu appoġġ attiv favur sforzi internazzjonali biex jitressqu quddiem il-ġustizzja l-membri ta' gruppi mhux statali bħall-Boko Haram u l-ISIS/Da'esh u atturi oħra li wettqu delitti kontra l-umanità; jitlob l-iżvilupp ta' approċċ ċar għall-prosekuzzjoni tal-ġellieda tal-ISIS/Da'esh u ta' dawk kompliċi magħhom, inkluż billi jintuża l-għarfien espert tan-netwerk tal-UE għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' ġenoċidji, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

43.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jappoġġjaw il-prosekuzzjoni tal-membri ta' gruppi mhux statali bħall-ISIS/Da'esh billi jfittxu kunsens fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex tingħata ġurisdizzjoni lill-QKI, peress li s-Sirja u l-Iraq mhumiex Partijiet għall-Istatut ta' Ruma; jenfasizza li l-UE għandha tesplora u tappoġġja, fil-livell internazzjonali u bil-mezzi kollha, l-għażliet disponibbli biex tinvestiga u tipproċedi fir-rigward tad-delitti mwettqa mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt Sirjan, inkluż l-ISIS/Da'esh, bħalma hu t-twaqqif ta' Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-Iraq u s-Sirja;

44.  Jiddeplora l-veto eżerċitat mir-Russja u ċ-Ċina bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kontra r-riferiment tas-sitwazzjoni fis-Sirja lill-Prosekutur tal-QKI skont il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU u kontra l-adozzjoni ta' miżura li tikkastiga lis-Sirja talli użat armi kimiċi; jistieden lill-UE tappoġġja azzjoni rapida għal riforma tal-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, speċjalment fir-rigward tal-użu tad-dritt ta' veto, u, b'mod partikolari, l-inizjattiva Franċiża li wieħed joqgħod lura milli juża dan id-dritt meta jkun hemm evidenza ta' ġenoċidji, delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

45.  Iħeġġeġ li eventwalment tintalab l-applikazzjoni tal-prinċipji definiti fil-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU bil-ħsieb li jiġi osservat il-prinċipju R2P, dejjem taħt l-awspiċji tal-komunità internazzjonali u bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU;

46.  Jilqa' l-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar is-Sirja stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (IIIM) imwaqqaf mill-Assemblea Ġenerali tan-NU biex jassistu fl-investigazzjoni tad-delitti serji li twettqu fis-Sirja; jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf mekkaniżmu indipendenti simili fl-Iraq, u jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE, lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja, lis-soċjetà ċivili u lis-sistema tan-NU kollha kemm hi biex jikkooperaw b'mod sħiħ mal-IIIM u jipprovdulu kull informazzjoni u dokumentazzjoni li jista' jkollhom biex jgħinu fit-twettiq tal-mandat tiegħu; irodd ħajr lill-Istati Membri tal-UE li kkontribwew finanzjarjament għall-IIIM, u jistieden lil dawk li għadhom m'għamlux hekk biex huma wkoll jagħmlu dan;

47.  Jitlob li l-UE tiffinanzja b'mod adegwat organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq l-investigazzjoni "open source" u l-ġbir diġitali tal-evidenza fir-rigward ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, biex jiżguraw li tittieħed responsabbiltà għal dawn l-atti u jressqu lil min wettaqhom quddiem il-ġustizzja;

48.  Jilqa' l-isforzi tal-UE biex tappoġġja l-ħidma tal-Commission for International Justice and Accountability u ta' NGOs oħrajn li qed jiddokumentaw delitti atroċi; jitlob li l-UE tagħti appoġġ dirett lis-soċjetà ċivili Iraqija u Sirjana għall-ġbir, il-preservazzjoni u l-protezzjoni ta' evidenza ta' delitti mwettqa fl-Iraq u fis-Sirja minn kwalunkwe parti involuta f'dawn il-kunflitti, inkluż l-ISIS/Da'esh; jappella għall-ġbir u l-preservazzjoni tal-evidenza, diġitali u mhux, dwar delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji mwettqa min-naħat kollha involuti fil-kunflitt bħala prijorità fundamentali u pass importanti fil-ġlieda kontra l-impunità; jappoġġja l-inizjattiva tar-Renju Unit, il-Belġju u l-Iraq fil-livell tan-NU (il-Koalizzjoni "Inressqu d-Da'esh quddiem il-Ġustizzja") maħsuba biex tinġabar evidenza dwar id-delitti mwettqa mill-ISIS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq sabiex tiffaċilita l-prosekuzzjoni tagħhom fil-livell internazzjonali, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE jingħaqdu mal-koalizzjoni jew jappoġġjawha; jappoġġja, barra minn hekk, l-attivitajiet tal-Inizjattiva "Wirt Kulturali" u l-attivitajiet tagħha ta' ġbir ta' informazzjoni fis-Sirja u l-Iraq b'rabta mal-qerda tal-wirt arkeoloġiku u kulturali;

49.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex iwaqqfu b'mod effettiv il-fluss lejn l-ISIS/Da'esh ta' riżorsi li jvarjaw minn armi tan-nar, vetturi u dħul ta' flus kontanti sa ħafna tipi oħra ta' assi;

50.  Iħeġġeġ lill-UE timponi sanzjonijiet fuq il-pajjiżi jew l-awtoritajiet li b'mod dirett jew indirett jiffaċilitaw il-fluss ta' riżorsi lejn l-ISIS/Da'esh u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-attività kriminali terroristika tagħha;

51.  Jenfasizza li l-Istati Membri tal-UE għandhom jinvestigaw l-allegazzjonijiet kollha u jipproċedu fil-konfront ta' ċittadini tagħhom u persuni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jkunu wettqu, ippruvaw iwettqu jew kienu kompliċi f'delitti atroċi fl-Iraq u s-Sirja jew inkella tressaqhom quddiem il-QKI f'konformità mal-Istatut ta' Ruma; jemmen, madankollu, li l-prosekuzzjoni ta' membri tal-ISIS/Da'esh fl-Istati Membri tista' tkun biss miżura komplementari għall-ġustizzja internazzjonali;

52.  Jenfasizza l-importanza tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni u Assistenza bejn l-UE u l-QKI; jistieden lill-Istati Membri japplikaw il-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali fil-ġlieda kontra l-impunità, u jenfasizza l-importanza tiegħu għall-effikaċja u t-tħaddim tajjeb tas-sistema ġudizzjarja kriminali internazzjonali; jistieden ukoll lill-Istati Membri jipproċedu fir-rigward ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fil-ġurisdizzjonijiet nazzjonali tagħhom, inkluż meta dawk id-delitti jkunu twettqu f'pajjiżi terzi jew minn ċittadini ta' pajjiżi terzi;

53.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-komunità internazzjonali, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jaħdmu b'mod attiv fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u jtejbu s-sistemi legali u ġurisdizzjonali tagħhom sabiex jevitaw li ċ-ċittadini u r-residenti tagħhom jingħaqdu mal-ISIS/Da'esh;

Id-dimensjoni tal-ġeneri fl-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra

54.  Jenfasizza l-ħtieġa kritika li tinqered il-vjolenza sesswali u sessista billi jiġi indirizzat l-użu mifrux u sistematiku tagħhom bħala arma tal-gwerra kontra n-nisa u l-bniet; iħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jiżviluppaw programmi nazzjonali ta' azzjoni f'konformità mar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, flimkien ma' strateġiji biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, u jitlob impenn komprensiv biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' dik ir-riżoluzzjoni; jitlob impenn globali sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tan-nisa u l-bniet mill-bidu nett ta' kull emerġenza jew kriżi u f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt bil-mezzi kollha disponibbli, bħall-aċċess għall-firxa sħiħa tas-servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż l-abort legali u sikur, għall-vittmi ta' stupru f'kuntest ta' gwerra; jenfasizza, barra minn hekk, li ħafna drabi n-nisa jkomplu jsofru l-konsegwenzi fiżiċi, psikoloġiċi u soċjoekonomiċi tal-vjolenza anke wara t-tmiem ta' kunflitt;

55.  Iqis li n-nisa għandu jkollhom rwol akbar fil-prevenzjoni tal-kunflitti, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-riforma demokratika, u jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni sistematika tan-nisa bħala element essenzjali ta' kwalunkwe proċess ta' paċi u rikostruzzjoni wara kunflitt; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jrawmu l-inklużjoni tan-nisa fil-proċessi ta' paċi u l-proċessi ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet internazzjonali kompetenti jieħdu l-miżuri xierqa, bħalma huma l-infurzar ta' miżuri dixxiplinarji militari, id-difiża tal-prinċipju tar-responsabbiltà ta' kmand, u t-taħriġ tat-truppi u tal-persunal umanitarju u taż-żamma tal-paċi dwar il-projbizzjoni ta' kull sura ta' vjolenza sesswali;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.

(1) ĠU L 155, 12.6.2001, p. 19.
(2) ĠU L 167, 26.6.2002, p. 1.
(3) ĠU L 118, 14.5.2003, p. 12.
(4) ĠU L 150, 18.6.2003, p. 67.
(5) ĠU L 115, 28.4.2006, p. 49.
(6) ĠU L 76, 22.3.2011, p. 56.
(7) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 115.
(8) ĠU C 224, 21.6.2016, p. 31.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0344.
(10) ĠU C 224, 21.6.2016, p. 10.
(11) Testi adottati, P8_TA(2015)0459.
(12) Testi adottati, P8_TA(2016)0449.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0422.
(14) Testi adottati, P8_TA(2016)0051.
(15) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 61.


Kumpaniji tas-sigurtà privati
PDF 444kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kumpaniji tas-sigurtà privati (2016/2238(INI))
P8_TA(2017)0289A8-0191/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' Montreux dwar obbligi legali internazzjonali pertinenti u prattiki tajba għall-Istati relatati mal-operazzjonijiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati matul konflitt armat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 15/26, 22/33, 28/7 u 30/6 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-użu tal-merċenarji bħala mezz biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem u jiġi impedut l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-popli għall-awtodeterminazzjoni, li ġie stabbilit f'Lulju 2005,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-grupp ta' ħidma intergovernattiv indeterminat biex titqies il-possibbiltà li jiġi elaborat qafas regolatorju internazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Użu tas-Servizzi tas-Sigurtà Armati minn Kumpaniji tas-Sigurtà Privati, li dan l-aħħar ġew estiżi biex ikopru lis-servizzi tas-sigurtà mhux armati,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tan-NU għall-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Konvenzjoni possibbli dwar il-Kumpaniji Militari u tas-Sigurtà Privati (PMSCs) għal kunsiderazzjoni u azzjoni mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri tas-Sigurtà Privati (ICoC) stabbilit mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali dwar il-Kodiċi ta' Kondotta, li huwa mekkaniżmu ta' awtoregolamentazzjoni tal-industrija li l-istandards tiegħu huma volontarji,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta tal-Assoċjazzjoni tal-Operazzjonijiet ta' Stabbiltà Internazzjonali, li huwa mekkaniżmu ta' awtoregolamentazzjoni tal-industrija,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Kondotta u Etika għas-Settur tas-Sigurtà Privat tal-Konfederazzjoni tas-Servizzi tas-Sigurtà Ewropej u l-UNI Europa,

–  wara li kkunsidra s-Sistema ta' Ġestjoni għal Operazzjonijiet tas-Sigurtà Privati ISO 18788, li tistabbilixxi parametri għall-ġestjoni ta' kumpaniji tas-sigurtà privati,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għas-settur tas-sigurtà privat,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE(2),

–  wara li kkunsidra l-Kunċett tal-UE għal Appoġġ Loġistiku għall-Operazzjonijiet Militari mmexxija mill-UE u l-Kunċett tal-UE għal Appoġġ min-naħa ta' Kuntratturi għall-Operazzjonijiet Militari mmexxija mill-UE,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjonijiet tal-Proġett Priv-War għal Azzjoni Regolatorja tal-UE fil-Qasam tal-Kumpaniji Militari u tas-Sigurtà Privati u s-Servizzi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013 dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u triq lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv(4),

–  wara li kkunsidra l-ħafna riskji, sfidi u theddid differenti fl-Unjoni Ewropea u barra minnha,

–  wara li kkunsidra l-Gwida Interim tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) f'Mejju 2012 dwar il-persunal tas-sigurtà armat abbord il-bastimenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0191/2017),

A.  billi s-sigurtà u d-difiża huma beni pubbliċi mmaniġġjati mill-awtoritajiet pubbliċi abbażi tal-kriterji ta' effiċjenza, effettività, l-obbligu ta' rendikont u l-istat tad-dritt, li ma jiddependux biss fuq il-forniment ta' riżorsi finanzjarji suffiċjenti, iżda wkoll fuq l-għarfien; billi f'ċerti oqsma l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu ma jkollhomx il-kapaċitajiet u l-ħiliet neċessarji;

B.   billi jenħtieġ li s-sigurtà u d-difiża jiġu pprovduti primarjament mill-awtoritajiet pubbliċi;

C.  billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru juri li ċ-ċittadini tal-UE jridu li l-UE tkun aktar attiva fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża;

D.  billi aktar minn 1,5 miljun kuntrattur tas-sigurtà privat kienu impjegati f'madwar 40 000 kumpanija tas-sigurtà privati (PSCs) fl-Ewropa fl-2013; billi dawn iċ-ċifri qed ikomplu jiżdiedu; billi l-fatturat ta' dawn il-kumpaniji f'dik is-sena ammonta għal madwar EUR 35 biljun; billi, fuq livell globali, fl-2016 ġie kkalkulat li l-valur tal-industrija tas-sigurtà privata kien ta' USD 200 biljun b'madwar 100 000 PSC u 3,5 miljun impjegat;

E.  billi, matul dawn l-aħħar ftit deċennji, il-PSCs, terminu li għall-finijiet ta' din ir-riżoluzzjoni ser jinkludi wkoll il-kumpaniji militari privati, kienu qed jiġu impjegati dejjem aktar minn gvernijiet nazzjonali kif ukoll mill-aġenziji militari u ċivili, kemm biex jipprovdu servizzi domestiċi kif ukoll bħala appoġġ għal operazzjonijiet barra mill-pajjiż;

F.  billi l-firxa ta' servizzi pprovduti mill-PSCs hija estremament wiesgħa, u tvarja minn servizzi loġistiċi għal appoġġ konkret waqt il-ġlied, il-forniment ta' teknoloġija militari u l-parteċipazzjoni fir-rikostruzzjoni ta' wara l-konflitt; billi l-PSCs jipprovdu wkoll servizzi vitali ġewwa l-Istati Membri bħall-ġestjoni ta' ħabsijiet u s-sorveljanza ta' siti ta' infrastruttura; billi l-PSCs intużaw kemm f'missjonijiet ċivili kif ukoll f'dawk militari taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) għal protezzjoni tad-delegazzjonijiet tal-UE, għal kostruzzjoni ta' akkampamenti fuq il-post, taħriġ, trasport bl-ajru u biex jappoġġjaw l-attivitajiet ta' għajnuna umanitarja;

G.  billi, fil-kuntest tal-UE, il-prattiki tal-Istati Membri dwar l-użu tal-PSCs, il-proċeduri biex jingħatawlhom il-kuntratti u l-kwalità tas-sistemi regolatorji jvarjaw bil-kbir, u ħafna jużawhom biex jappoġġjaw il-kontinġenti tagħhom f'operazzjonijiet multilaterali;

H.  billi l-esternalizzazzjoni ta' attivitajiet militari, li qabel kienet tagħmel parti integrali mill-attivitajiet tal-forzi armati, qed issir, fost affarijiet oħra, biex tipprovdi servizzi b'mod aktar kosteffiċjenti, iżda wkoll biex tikkumpensa għal nuqqas fil-ħiliet tal-forzi armati li qed jiċkienu fil-kuntest ta' numru dejjem jikber ta' missjonijiet multilaterali barra mill-pajjiż u baġits dejjem aktar ristretti, u dan minħabba n-nuqqas ta' rieda ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li jimpenjaw riżorsi adegwati; billi dan jenħtieġ li jkun eċċezzjoni; billi hemm ħtieġa li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet; billi l-PSCs jistgħu jipprovdu wkoll ħiliet li huma kompletament nieqsa fil-forzi armati nazzjonali, spiss bi ftit preavviż u b'mod komplementari; billi l-PSCs ntużaw ukoll għal raġunijiet ta' konvenjenza politika biex jiġu evitati l-limitazzjonijiet fuq l-użu ta' truppi, speċjalment biex jingħeleb in-nuqqas possibbli ta' appoġġ pubbliku għall-involviment tal-forzi armati; billi l-użu tal-PSCs bħala għodda tal-politika barranija jeħtieġlu jkun soġġett għal kontroll parlamentari effettiv;

I.  billi l-PSCs kienu akkużati bl-involviment f'numru ta' episodji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u inċidenti li wasslu għal telf ta' ħajja; billi tali inċidenti jvarjaw skont iż-żmien u l-pajjiż, u jammontaw f'xi każijiet għal ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali, inklużi delitti tal-gwerra; billi xi wħud minn dawn il-każijiet ġew imħarrka; billi dan, flimkien man-nuqqas ta' trasparenza tagħhom, ħalla riperkussjonijiet fuq l-isforzi tal-komunità internazzjonali fil-pajjiżi kkonċernati u żvela diskrepanzi konsiderevoli fl-istrutturi tal-obbligu ta' rendikont minħabba, fost affarijiet oħra, il-ħolqien ta' diversi saffi ta' sussidjarji jew sottokuntratti f'diversi pajjiżi, partikolarment dawk lokali, u dan iwassal, f'ċerti każijiet, għal nuqqas ta' kapaċità li tiġi garantita s-sigurtà bażika tal-popolazzjoni ċivili f'pajjiżi ospitanti;

J.  billi jenħtieġ li l-UE u l-Istati Membri tagħha jkollhom l-għan li jevitaw tali sitwazzjonijiet fil-futur, u joqogħdu lura milli jesternalizzaw l-operazzjonijiet militari li jinvolvu l-użu ta' forza u armi, milli jipparteċipaw f'ostilitajiet u milli jinvolvu ruħhom fi ġlied jew f'żoni ta' ġlied għal raġunijiet għajr l-awtodifiża leġittima; billi l-operazzjonijiet u l-attivitajiet esternalizzati lil PSCs f'żoni ta' konflitt jenħtieġ li jkunu ristretti għall-forniment ta' appoġġ loġistiku u l-protezzjoni tal-istallazzjonijiet, mingħajr il-preżenza effettiva tal-PSCs fiż-żoni fejn hemm attivitajiet ta' ġlied; billi l-użu tal-PSCs, taħt l-ebda ċirkostanza ma jista' jkun sostitut għal persunal tal-forzi armati nazzjonali; billi matul l-implimentazzjoni tal-politiki ta' difiża, jenħtieġ li tingħata l-akbar prijorità biex jiġi żgurat li l-forzi armati tal-Istati Membri jkollhom biżżejjed riżorsi, strumenti, taħriġ, għarfien u mezzi, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jwettqu bis-sħiħ il-kompiti tagħhom;

K.  billi, biex l-istati jibbenefikaw mill-vantaġġi offruti mill-PSCs, u biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jagħtu rendikont ta' għemilhom, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali b'mekkaniżmi regolatorji u ta' monitoraġġ vinkolanti fil-livell internazzjonali biex jirregola l-użu tagħhom u jipprovdi biżżejjed kontroll fuq l-attivitajiet tagħhom; billi l-PSCs huma parti minn industrija li hija ta' natura altament transnazzjonali u hija marbuta ma' atturi governattivi u intergovernattivi u, għalhekk, tirrikjedi approċċ globali għar-regolamentazzjoni; billi s-sitwazzjoni regolatorja attwali f'dan is-settur hija magħmula minn sensiela ta' regoli inkonsistenti li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri; billi l-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-awtoregolamentazzjoni mhux omoġenji adottati minn ċerti PSCs jipprovdu deterrent dgħajjef għall-prevenzjoni tal-abbuż, minħabba n-nuqqas ta' penali, u jista' jkollhom impatt kbir fuq kif il-PSCs joperaw f'interventi multilaterali u f'reġjuni ta' konflitt;

L.  billi hemm nuqqas ta' definizzjonijiet maqbula tal-PSCs, il-PMCs u s-servizzi tagħhom; billi, kif issuġġerit mid-definizzjoni inkluża fl-abbozz tal-konvenzjoni mħejji mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-Merċenarji, PSC tista' tiġi definita bħala entità korporattiva li tipprovdi servizzi militari u/jew tas-sigurtà minn persuni fiżiċi u/jew entitajiet legali fuq bażi kumpensatorja; billi f'dan il-kuntest is-servizzi militari jistgħu jiġu definiti bħala servizzi speċjalizzati relatati ma' azzjonijiet militari li jinkludu ppjanar strateġiku, intelligence, investigazzjoni, rikonjizzjoni fuq l-art, bil-baħar jew bl-ajru, operazzjonijiet bl-ajru ta' kwalunkwe tip, bl-ekwipaġġ jew mingħajru, sorveljanza u intelligence bis-satelliti, kwalunkwe tip ta' trasferiment ta' għarfien b'applikazzjonijiet militari, appoġġ materjali u tekniku għall-forzi armati u attivitajiet oħra relatati; billi s-servizzi tas-sigurtà jistgħu jiġu definiti bħala għassa jew protezzjoni armati ta' bini, istallazzjonijiet, proprjetà u nies, kwalunkwe tip ta' trasferiment ta' għarfien b'applikazzjonijiet fl-oqsma tas-sigurtà u tal-pulizija, żvilupp u implimentazzjoni ta' miżuri tas-sigurtà tal-informazzjoni u attivitajiet oħra relatati;

M.  billi d-dokument ta' Montreux huwa l-ewwel dokument ewlieni li jiddefinixxi kif il-liġi internazzjonali tapplika għall-PSCs; billi l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Fornituri tas-Servizzi tas-Sigurtà Privati (ICoC) jiddefinixxi l-istandards tal-industrija u qed jintwera dejjem aktar li huwa għodda li sservi biex jiġu żgurati l-istandards bażiċi komuni f'industrija globali; billi l-Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Assoċjazzjoni tal-Fornituri tas-Servizzi tas-Sigurtà Privati (ICoCA) għandu l-għan li jippromwovi, jimmaniġġja u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-ICoC u jħeġġeġ il-forniment responsabbli tas-servizzi tas-sigurtà u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi nazzjonali u internazzjonali; billi l-affiljazzjoni mal-ICoCA tirriżulta minn att volontarju, akkumpanjat minn pagament, u l-ħlasijiet għoljin ta' sħubija ma jippermettux li l-kumpaniji tas-sigurtà privati kollha jsiru membri;

N.  billi l-ħidma fuq ir-regolamentazzjoni tal-PSCs għaddejja bħalissa f'bosta fora internazzjonali, inkluż il-Forum tad-Dokument ta' Montreux, fejn l-UE ġiet eletta fil-Grupp tal-Ħbieb tal-President, il-grupp ta' ħidma intergovernattiv indeterminat biex titqies il-possibbiltà li jiġi elaborat qafas regolatorju internazzjonali dwar ir-regolamentazzjoni, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati, u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kodiċi ta' Kondotta;

O.  billi l-UE u 23 Stat Membru ngħaqdu mad-dokument ta' Montreux u billi l-UE hija membru tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Kodiċi ta' Kondotta; billi l-UE tikkontribwixxi fil-kuntest tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-iżvilupp possibbli ta' qafas regolatorju internazzjonali; billi l-UE tiżvolġi rwol kritiku fil-promozzjoni tal-kontroll nazzjonali u reġjonali fuq il-forniment u l-esportazzjoni ta' diversi servizzi militari u tas-sigurtà;

P.  billi l-Unjoni Ewropea ma għandhiex qafas regolatorju tagħha stess, minkejja n-numru kbir ta' PSCs ta' oriġini Ewropea u/jew involuti f'missjonijiet u f'operazzjonijiet taħt il-PSDK jew fid-delegazzjonijiet tal-UE; billi l-oqfsa regolatorji eżistenti huma kważi esklussivament ibbażati fuq il-mudell Amerikan, li ġie stabbilit matul il-gwerra fl-Iraq u li serva l-interessi tal-kumpaniji militari involuti f'missjonijiet ta' ġlied; billi dawn ir-referenzi ma jikkorrispondu la għall-format Ewropew u lanqas għall-missjonijiet tal-PSCs Ewropej;

Q.  billi huwa ta' importanza vitali li tingħata prijorità lill-istabbiliment ta' regoli ċari għal interazzjoni, kooperazzjoni u assistenza bejn l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi u l-kumpaniji tas-sigurtà privati;

R.  billi l-PSCs jistgħu jiżvolġu rwol aktar importanti fil-ġlieda kontra l-piraterija u fit-titjib tas-sigurtà marittima, fil-missjonijiet li jinvolvu l-klieb, id-difiża ċibernetika, ir-riċerka u l-iżvilupp ta' għodod tas-sigurtà, il-missjonijiet ta' sorveljanza mħallta u taħriġ f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi u taħt is-superviżjoni tagħhom; billi l-użu tal-PSCs armati ħoloq sfidi speċifiċi għas-settur marittimu u kkawża diversi inċidenti li wasslu għat-telf ta' ħajja u konflitti diplomatiċi;

L-użu tal-PSCs b'appoġġ lill-militar barra mill-pajjiż

1.  Jinnota li l-PSCs jiżvolġu rwol komplementari importanti fl-għoti ta' għajnuna lill-aġenziji militari u ċivili tal-Istat billi jimlew in-nuqqasijiet fil-ħiliet maħluqa minn domanda dejjem tikber għall-użu tal-forzi barra mill-pajjiż, filwaqt li okkażjonalment, jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu, jipprovdu kapaċità f'każ ta' żieda drastika fid-domanda; jenfasizza li, f'każijiet eċċezzjonali, is-servizzi tal-PSCs jimlew in-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet eżistenti, li, madankollu, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jippruvaw jimlew bil-forzi armati jew bil-pulizija nazzjonali; jenfasizza li l-PSCs jintużaw bħala strument għall-implimentazzjoni tal-politika barranija ta' dawn il-pajjiżi;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-PSCs, meta joperaw fil-pajjiżi ospitanti u b'mod partikolari fil-pajjiżi li huma sinifikament differenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kultura u r-reliġjon, jirrispettaw id-drawwiet lokali sabiex ma jipperikolawx l-effettività tal-missjoni tagħhom u jbiegħdu l-popolazzjoni lokali;

3.  Jinnota li, meta mqabbla mat-truppi nazzjonali, il-PSCs – partikolarment dawk ibbażati fil-pajjiżi ospitanti – jistgħu jipprovdu għarfien lokali siewi, u ta' spiss jiffrankaw l-ispejjeż, għalkemm irid jiġi żgurat li l-kwalità ma tkunx kompromessa; jenfasizza, madankollu, li l-użu ta' servizzi pprovduti minn kumpaniji tas-sigurtà privati lokali f'pajjiżi fraġli u f'reġjuni suxxettibbli għall-kriżijiet jista' jkollu implikazzjonijiet negattivi fuq l-objettivi tal-politika barranija tal-UE jekk tali użu jsaħħaħ ċerti atturi armati lokali li jistgħu jsiru parti mill-konflitt; jinnota l-importanza li ssir distinzjoni legali ċara bejn l-operazzjonijiet ta' kumpaniji tas-sigurtà privati u atturi privati involuti direttament f'attivitajiet militari;

4.  Jenfasizza li l-ebda attività ma għandha tiġi esternalizzata lil PSCs li tkun timplika l-użu tal-forza u/jew il-parteċipazzjoni attiva fl-ostilitajiet, ħlief għal awtodifiża, u fl-ebda ċirkustanza l-PSCs m'għandhomx jitħallew jieħdu sehem, jew iwettqu interrogazzjonijiet; jenfasizza li, fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża tal-UE, il-prijorità għandha tkun it-tisħiħ tal-forzi armati nazzjonali, li għalihom il-PSCs jistgħu jkunu biss komplement, mingħajr l-ebda awtorità fuq deċiżjonijiet strateġiċi; jenfasizza l-fatt li kwalunkwe parteċipazzjoni minn kumpaniji tas-sigurtà privati f'operazzjonijiet militari trid tiġi ġġustifikata, b'objettivi definiti b'mod ċar li jistgħu jiġu vverifikati permezz tal-użu ta' indikaturi reali, ikollha baġit bid-dettalji kollha u data tal-bidu u tat-tmiem speċifiċi, u tirrispetta kodiċi ta' etika strett; jirrimarka li x-xogħol tal-forzi armati u l-forzi tas-sigurtà f'pajjiż barrani huwa ta' valur fundamentali fiż-żamma tal-paċi u l-prevenzjoni tal-konflitti, kif ukoll fir-rikostruzzjoni soċjali u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali ulterjuri;

5.  Jenfasizza li l-prinċipju tal-kosteffettività tal-impjieg tal-PSC prinċipalment joffri benefiċċji għal żmien qasir, speċjalment jekk ma jiġix ikkunsidrat in-numru ta' elementi varjabbli soċjoekonomiċi, u għalhekk m'għandux isir il-kriterju ewlieni meta jiġu ttrattati l-kwistjonijiet ta' sigurtà; ifakkar li mekkaniżmi tal-obbligu ta' rendikont u sorveljanza huma kruċjali sabiex jiġi żgurat li l-leġittimità u l-benefiċċji potenzjali tal-PSCs jinkisbu bis-sħiħ;

6.  Jenfasizza l-importanza tas-sorveljanza parlamentari fuq l-użu statali tal-PSCs mill-Istati Membri;

L-użu tal-PSCs mill-UE

7.  Jinnota li l-UE tagħmel użu minn PSCs barra mill-pajjiż biex tħares id-delegazzjonijiet u l-persunal tagħha u biex tappoġġja l-missjonijiet ċivili u militari tagħha taħt il-PSDK; jinnota li għalhekk l-użu tagħhom jikkontribwixxi għar-reputazzjoni tal-UE u l-perċezzjoni minn partijiet terzi, li jagħmilhom aspetti importanti tal-preżenza lokali tal-UE u jħalli impatt fuq il-livell ta' fiduċja fl-UE; jeżiġi li l-Kummissjoni u l-Kunsill jipproduċu ħarsa ġenerali ta' fejn, meta u għal liema raġuni l-PSCs ġew impjegati b'appoġġ għall-missjonijiet tal-UE; iqis li ma jkunx illoġiku jekk, fis-sejħiet għall-offerti tagħha li jikkonċernaw is-sigurtà tad-delegazzjonijiet tagħha, l-Unjoni Ewropea tiffavorixxi l-użu tal-PSCs ġenwinament ibbażati fl-Ewropa, li jikkonformaw mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea u jkunu soġġetti għat-tassazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jenfasizza, madankollu, li b'mod partikolari fl-ambjenti li huma suxxettibbli għall-konflitti, il-fatt li PSC tiġi impjegata għal ċerti kompiti jista' jkollha effetti sekondarji negattivi għall-UE, speċjalment għal-leġittimità tagħha, billi b'mod aċċidentali din tiġi assoċjata mal-atturi armati f'żona ta' konflitt, b'riperkussjonijiet negattivi fil-każ ta' inċidenti armati, jew billi possibbilment jiġu kompromessi l-isforzi ta' Diżarm, Demobilizzazzjoni u Reintegrazzjoni (DDR) u ta' Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS) permezz tat-tisħiħ aċċidentali tal-atturi lokali; jinnota b'mod partikolari r-riskji li jinħolqu mis-sottokuntrattar mhux ikkontrollat, partikolarment għal PSCs lokali;

9.  Jirrimarka d-diversi problemi legali u politiċi serji assoċjati mal-prattika attwali ta' sottokuntrattar fil-qasam tas-servizzi militari u tas-sigurtà, speċjalment is-servizzi pprovduti minn sottokuntratturi f'pajjiżi terzi; jemmen li l-Istati Membri, is-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jaqblu li jsegwu l-eżempju tan-NATO billi jagħtu kuntratti biss lill-PSCs li huma bbażati fl-Istati Membri tal-UE;

10.  Jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tipproponi linji gwida komuni dwar l-għoti ta' kuntratti lill-PSCs għar-reklutaġġ, l-użu u l-ġestjoni ta' kuntratturi militari u tas-sigurtà li b'mod ċar jistabbilixxu fid-dettall ir-rekwiżiti biex il-PSCs jikkwalifikaw għal kuntratti tal-UE, bil-għan li tiġi sostitwita l-frammentazzjoni attwali tal-approċċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw l-istess linji gwida għar-reklutaġġ, l-użu u l-ġestjoni ta' kuntratturi militari u tas-sigurtà fl-azzjonijiet, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet esterni kollha, għad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi u r-reġjuni kollha u għas-servizzi kollha ta' Lista Militari Komuni riveduta tal-Unjoni Ewropea; iqis li dawn il-linji gwida għandhom ikunu bbażati kemm fuq l-aħjar prattiki internazzjonali b'rabta mat-tmexxija u l-ġestjoni tal-PSCs, b'mod partikolari d-dokument ta' Montreaux u l-ICoC, kif ukoll iqisu l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari meta jintgħażlu l-PSCs f'kuntest kumpless ta' wara kriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jużaw biss lill-fornituri ċertifikati mill-ICoC, kif diġà jsir min-NU, li għalihom iċ-ċertifikazzjoni mill-ICoC hija rekwiżit; jirrimarka l-approċċ meħud mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, li jinkludi standards u rekwiżiti dettaljati f'kull kuntratt individwali, u jistieden lill-UE ssegwi dan l-eżempju; jenfasizza li l-kuntratti mal-PSCs għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, klawsoli dwar il-pussess ta' liċenzji u awtorizzazzjonijiet, rekords tal-persunal u tal-proprjetà, taħriġ, l-akkwist legali u l-użu ta' armi, u l-organizzazzjoni interna;

11.  Jitlob li superviżur tas-sigurtà tal-UE ta' kumpanija tas-sigurtà tal-UE jkun preżenti fis-siti ffinanzjati mill-UE u d-delegazzjonijiet tal-UE u jkun inkarigat li jiżgura il-kwalità tas-servizzi tas-sigurtà pprovduti, l-iskrutinju u t-taħriġ tal-persunal tas-sigurtà reklutat lokalment, li jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet tajba mal-forzi tas-sigurtà lokali, li jipprovdi valutazzjonijiet tar-riskju u jkun l-ewwel punt ta' kuntatt fi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà għad-delegazzjoni;

12.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi lista miftuħa ta' kuntratturi li jikkonformaw mal-istandards tal-UE dwar kwistjonijiet bħar-rekords ta' kondotta nadifa, il-kapaċità finanzjarja u ekonomika, il-pussess ta' liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-iskrutinju tal-persunal; jinnota li l-istandards madwar l-UE fir-rigward tal-PSCs jvarjaw ħafna u jemmen li l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jiksbu standards simili; iqis li din il-lista għandha tiġi aġġornata f'intervalli ta' mhux aktar minn sentejn;

13.  Jenfasizza li meta l-UE sserraħ fuq il-PSCs f'pajjiżi terzi li magħhom tkun ikkonkludiet ftehim dwar l-istatus tal-forzi (SOFA), tali ftehimiet iridu dejjem jinkludu l-PSCs impjegati u jiċċaraw b'mod speċifiku li l-kumpaniji ser ikunu obbligati jagħtu rendikont ta' għemilhom skont il-liġi tal-UE;

14.  Jenfasizza li l-Kunċett tal-UE għal Appoġġ min-naħa ta' Kuntratturi għandu jissaħħaħ u jsir vinkolanti għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE; jemmen li dan għandu, b'mod partikolari, jispeċifika standards aktar stretti għal inklużjoni f'kuntratti, ibbażati pereżempju fuq l-istandards tal-Istati Uniti, u li għandu jirrikjedi wkoll li l-ebda PSC lokali m'għandha tiġi impjegata jew sottokuntrattata f'reġjuni ta' konflitt; jenfasizza li l-PSCs internazzjonali għandu jkollhom il-possibbiltà li jimpjegaw persunal lokali, iżda individwalment u direttament biss, sabiex ikun żgurat skrutinju effettiv u jiġi evitat il-ħolqien ta' industriji tas-sigurtà lokali f'reġjuni ta' konflitt;

Ir-regolamentazzjoni tal-PSCs

15.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tħejji Green Paper bl-objettiv li tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha mis-setturi tas-sigurtà pubbliċi u privati f'konsultazzjoni wiesgħa u diskussjoni ta' proċessi biex jiġu identifikati l-opportunitajiet għal kollaborazzjoni diretta b'mod aktar effiċjenti u biex jiġi stabbilit sett bażiku ta' regoli tal-ingaġġ u ta' prattiki tajba; jirrakkomanda l-ħolqien ta' standards ta' kwalità tal-UE speċifiċi għas-settur; jirrakkomanda, għalhekk, li d-definizzjoni ta' PSCs tiġi ċċarata qabel ma tiġi introdotta regolamentazzjoni effettiva tal-attivitajiet tagħhom, minħabba li n-nuqqas ta' tali definizzjoni tista' toħloq lakuni leġiżlattivi;

16.  Jemmen li, bħala l-ewwel pass, l-UE għandha tiddefinixxi s-servizzi militari u tas-sigurtà rilevanti b'mod preċiż; iħeġġeġ lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex iżid is-servizzi militari u tas-sigurtà mill-PSCs mal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea mingħajr dewmien;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mudell regolatorju Ewropew effettiv li ser:

   jgħin biex jarmonizza d-differenzi legali bejn l-Istati Membri permezz ta' direttiva;
   jevalwa mill-ġdid, u b'hekk jiddefinixxi mill-ġdid, strateġiji ta' kollaborazzjoni pubbliċi-privati kontemporanji;
   jidentifika kumpaniji b'użu finali waħdieni jew multiplu;
   ipoġġi f'kuntest in-natura preċiża u r-rwol tal-kumpaniji militari u tas-sigurtà privati;
   jistabbilixxi standards ta' livell għoli għall-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà privati fl-UE jew li joperaw barra mill-UE, fosthom livelli xierqa ta' investigazzjoni tas-sigurtà tal-persunal u rimunerazzjoni ġusta;
   jiżgura r-rapportar tal-irregolaritajiet u l-illegalitajiet tal-PSCs u jagħmilha possibbli li jkunu obbligati jagħtu rendikont tal-ksur, inkluż ksur tad-drittijiet tal-bniedem, matul l-attivitajiet tagħhom barra mill-UE;
   jintegra perspettiva marittima speċifika, filwaqt li jqis ir-rwol ewlieni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI);

18.  Jinnota li l-oqfsa regolatorji globali li għadhom fil-bidu, bħad-dokument ta' Montreux, l-ICoC u inizjattivi regolatorji oħra fil-qafas tan-NU, jikkostitwixxu progress ċar meta mqabbla man-nuqqas ta' regolamentazzjoni sinifikanti li kien prevalenti biss għaxar snin ilu;

19.  Ifaħħar l-isforzi li saru minn bosta Stati Membri tal-UE, skont il-prattika tajba deskritta fid-dokument ta' Montreux, biex jintroduċu regolamentazzjoni nazzjonali effettiva tal-PSCs;

20.  Jinnota, madankollu, li l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-PSCs hija mfixkla min-nuqqas ta' rapportar konsistenti dwar l-użu tagħhom kemm mill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mill-gvernijiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu din l-informazzjoni b'mod aktar konsistenti u trasparenti sabiex tkun tista' ssir valutazzjoni xierqa tal-użu tal-PSCs mill-awtoritajiet baġitarji rispettivi tagħhom u l-awdituri indipendenti; jirrakkomanda li l-parlamenti u l-NGOs għandhom ikunu involuti b'mod attiv fil-proċessi ta' evalwazzjoni neċessarji li huma kruċjali għar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza ta' din l-industrija;

21.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Kunsill jistabbilixxu qafas legali li jirrikjedi leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkontrolla l-esportazzjoni ta' servizzi militari u tas-sigurtà, u li, fir-Rapport Annwali tal-UE dwar esportazzjonijiet ta' armamenti, jiġi rrapportat dwar il-liċenzji ta' esportazzjoni tas-servizzi militari u tas-sigurtà mogħtija mill-Istati Membri, sabiex tiżdied it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont pubbliċi;

22.  Jenfasizza li n-natura transnazzjonali tal-PSCs u, b'mod partikolari, l-attivitajiet tagħhom fir-reġjuni tad-dinja affettwati minn kriżi, tista' xi drabi twassal għal lakuni ġuriżdizzjonali, partikolarment fejn l-istruttura legali lokali hi dgħajfa, u dawn il-lakuni jistgħu joħolqu diffikultajiet biex il-kumpaniji jew l-impjegati tagħhom jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jinnota li r-regolamentazzjoni nazzjonali tal-PSCs spiss ma jkollhiex applikazzjoni extra territorjali; jenfasizza l-fatt li l-PSCs iridu dejjem ikunu rregolati mil-liġijiet u jkunu soġġetti għal sorveljanza effettiva kemm mill-pajjiż ospitanti kif ukoll mill-istat kontraenti; josserva li ta' spiss ikun hemm vojt legali fil-każ ta' tilwim jew inċidenti li jinvolvu l-PSCs u l-aġenti tal-Unjoni Ewropea, li jistgħu jseħħu f'żoni ta' riskju għoli; jirrakkomanda għalhekk it-twaqqif ta' regoli uniformi u ċari għall-istituzzjonijiet Ewropej li jużaw il-PSCs biex jipproteġu lill-persunal tal-UE, li jippreċiżaw b'mod ċar ir-responsabbiltajiet biex jiġu evitati nuqqas ta' protezzjoni u impunità u li jikkunsidraw il-qafas legali tal-istat ospitanti; iħeġġeġ ukoll lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkuntrattaw biss PSCs ibbażati fl-UE u li jirrispettaw l-obbligu li jeżegwixxu s-servizzi direttament mingħajr rikors għal sottokuntratturi lokali f'pajjiżi terzi li ta' spiss ikunu fraġli;

23.  Iħeġġeġ, għalhekk, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jużaw l-istatus tagħhom fil-Forum tad-Dokument ta' Montreux biex jinsistu fuq ir-rieżamijiet regolari tal-istat ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tad-Dokument ta' Montreux għal prattika tajba mill-parteċipanti tiegħu; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jingħaqdu mad-dokument ta' Montreux mill-aktar fis possibbli; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom fi skambju tal-aħjar prattiki;

24.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu favur strument internazzjonali legalment vinkolanti li jmur lil hinn mid-dokument ta' Montreux, billi jirregolaw l-attivitajiet tal-PSCs, jistabbilixxu kundizzjonijiet ekwi sabiex jiġi żgurat li l-istati ospitanti jkollhom l-awtorità li jirregolaw il-PSCs u l-istati kontraenti jkunu jistgħu jużaw is-setgħa tagħhom biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jipprevjenu l-korruzzjoni; jenfasizza li tali qafas irid jinkludi sanzjonijiet dissważivi għall-ksur, l-obbligu ta' rendikont ta' dawk responsabbli għall-ksur u aċċess effettiv għal rimedji għall-vittmi, minbarra sistema ta' liċenzjar u monitoraġġ li tirrikjedi li l-PSCs kollha jkunu soġġetti għal verifiki indipendenti u l-persunal tagħhom jipparteċipa f'taħriġ obbligatorju dwar id-drittijiet tal-bniedem;

25.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jappoġġjaw bil-qawwa l-ħolqien ta' konvenzjoni internazzjonali maħsuba biex tistabbilixxi sistema legali internazzjonali li tirregola s-servizzi rilevanti pprovduti mill-PSCs;

26.  Ifaħħar l-isforzi tal-OMI fl-għoti ta' linji gwida għall-użu ta' timijiet tas-sigurtà armati privati; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu flimkien mal-OMI lejn l-applikazzjoni globali ta' din il-gwida;

27.  Jenfasizza li wieħed mill-aktar modi effettivi biex jiġu influwenzati l-PSCs huwa permezz ta' deċiżjonijiet dwar l-akkwist pubbliku; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li l-għoti ta' kuntratti lill-PSCs jiġi jiddependi fuq l-adozzjoni tal-aħjar prattiki, bħat-trasparenza u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-ICoC, li xi Stati Membri diġà implimentaw; jinnota, madankollu, li jeħtieġ li jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta' konformità mal-ICoC u tiġi żgurata l-indipendenza sħiħa tiegħu sabiex dan isir inċentiv kredibbli għall-konformità; jinnota li l-uniċi Stati Membri li aderixxew mal-ICoC huma l-Isvezja u r-Renju Unit u jemmen li l-UE għandha tiffoka fuq li tiżgura li l-Istati Membri l-oħra jirreġistraw bħala l-ewwel pass;

28.  Jinnota li l-PSCs għandu jkollhom assigurazzjoni ta' responsabbiltà minħabba li dan jagħmel is-suq tas-sigurtà aktar stabbli u affidabbli, li jattira wkoll lejh PSCs ta' daqs iżgħar u medju;

29.  Jenfasizza li l-għoti ta' kuntratti lill-PSCs għandu jqis, filwaqt li jkun evalwat fuq din il-bażi, l-esperjenza tal-PSCs u l-perjodu ta' xogħol f'ambjenti ostili, aktar milli abbażi tal-fatturat ta' kuntratt simili;

30.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-PSCs, barra milli joffru servizzi tas-sigurtà, iwettqu wkoll attivitajiet ta' intelligence li, minħabba l-implikazzjonijiet potenzjali tagħhom, jirrikjedu regolamentazzjoni effiċjenti u kontroll;

31.  Jinnota l-influwenza konsiderevoli li jgawdu minnha l-UE u l-Istati Membri tagħha mill-industrija tas-sigurtà globali bħala riżultat ta' bosta atturi ewlenin li jkollhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE; għalhekk jagħmel enfasi partikolari fuq ir-reviżjoni li ġejja tal-Lista Militari Komuni bħala opportunità biex jiġu inklużi ċerti servizzi pprovduti mill-PSCs, b'tali mod li huma jkunu soġġetti għal regolamenti dwar l-esportazzjoni u jkunu mistennija li japplikaw standards bażiċi għall-attivitajiet tagħhom barra mill-pajjiż;

o
o   o

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(2) ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.
(3) ĠU C 181, 19.5.2016, p. 2.
(4) ĠU C 24, 22.1.2016, p. 33.


Kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju
PDF 495kWORD 67k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju (2016/2221(INI))
P8_TA(2017)0290A8-0224/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 151 u 153,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 94/33/KE tat-22 ta' Ġunju 1994 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq ix-xogħol(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija(3) (Direttiva dwar ix-Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija),

–  wara li kkunsidra r-reviżjoni mmirata tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(4) (Direttiva dwar l-Impjieg tal-Ħaddiema) u d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi(5) (Direttiva dwar l-Infurzar),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-Ħolqien ta' suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE għas-seklu 21: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-kwalifiki mad-domanda u l-opportunitajiet ta' impjieg, bħala mod kif nirkupraw mill-kriżi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(12),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "In-natura dejjem tinbidel tar-relazzjonijiet tax-xogħol u l-impatt tagħha fuq iż-żamma ta' paga li tiggarantixxi l-għajxien"(13),

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu mħejji fuq talba tal-Kumitat tal-2016 u ntitolat "L-impjieg prekarju fl-Ewropa: xejriet, tendenzi u strateġiji ta' politika"(14),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tal-Kwalità dwar l-Internships u l-Apprendistati mnedija fl-14 ta' Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-"Employment and Social Developments in Europe – Quarterly Review, Autumn 2016" (Impjieg u Żviluppi Soċjali fl-Ewropa – Rieżami Trimestarli, Ħarifa 2016) tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Strategic Engagement for Gender Equality) 2016-2020, tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2010 dwar "Flexible forms of work: "very atypical" contractual arrangements" (Forom flessibbli ta' xogħol: arranġamenti kuntrattwali "atipiċi ħafna"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound (2014) bit-titolu "The impact of the crisis on industrial relations and working conditions in Europe" (l-impatt tal-kriżi fuq ir-relazzjonijiet industrijali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa)(15),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound (2015) dwar "New forms of employment" (Forom ġodda ta' impjieg)(16),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound (2016) dwar "Exploring the fraudulent contracting of work in the European Union"(17) (Nesploraw l-ikkuntrattar frawdolenti tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea),

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ tal-Eurofound dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Ewropa u s-Sitt Stħarriġ tiegħu dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Ewropa – Rapport ta' sinteżi(18),

–  wara li kkunsidra d-Dizzjunarju tal-Eurofound dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali Ewropej(19),

–  wara li kkunsidra l-istandards fundamentali tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni R198 tal-2006 tal-ILO dwar ir-relazzjoni ta' impjieg (ir-Rakkomandazzjoni dwar ir-Relazzjoni ta' Impjieg)(20) u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-determinazzjoni ta' relazzjoni ta' impjieg,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO tal-2011 dwar politiki u regolamenti għall-ġlieda kontra l-impjieg prekarju(21),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO tal-2016 dwar l-impjieg mhux standard madwar id-dinja(22),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO tal-2016 dwar il-bini ta' pilastru soċjali għall-konverġenza Ewropea(23),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 28, tal-2010, tan-NU, dwar l-Obbligi Ewlenin ta' Stati Partijiet skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-2011 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2014-2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0224/2017),

A.  billi qed jitfaċċaw forom mhux standard u atipiċi tal-impjieg; billi l-għadd ta' ħaddiema b'kuntratti għal żmien fiss jew part-time żdied fl-UE matul l-aħħar 15-il sena; billi hemm bżonn ta' politiki effiċjenti li jqisu d-diversi forom ta' impjieg u jħarsu b'mod adegwat lill-ħaddiema;

B.  billi f'dawn l-aħħar 10 snin l-impjieg standard naqas minn 62 % għal 59 %(24); billi, jekk din it-tendenza tkompli, jista' jkun il-każ li l-kuntratti standard isiru japplikaw biss għal minoranza ta' ħaddiema;

C.  billi l-kuntratti full-time permanenti għadhom jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-kuntratti ta' impjieg fl-UE u f'xi setturi, flimkien mal-impjieg standard, wieħed isib ukoll forom atipiċi ta' impjieg; billi l-impjieg atipiku jista' jkollu effetti negattivi wkoll fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajjadwar il-Kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju dwar il-Kundizzjonijiet tax-xogħol u impjieg prekarju privata, minħabba ħinijiet tax-xogħol mhux standard kif ukoll pagi u kontribuzzjonijiet għall-pensjoni irregolari;

D.  billi l-forom ġodda ta' impjieg li qed jitfaċċaw, b'mod partikolari fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda, qed iċajpru l-limiti bejn l-impjieg dipendenti u l-impjieg indipendenti(25), li jista' jwassal ukoll għal tnaqqis fil-kwalità tal-impjieg;

E.  billi xi forom ġodda ta' impjieg huma differenti mill-impjieg standard tradizzjonali b'diversi modi; billi xi wħud qegħdin jittrasformaw ir-relazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiem, oħrajn qed jibdlu l-mudell tax-xogħol u l-organizzazzjoni tax-xogħol, u oħrajn qed jagħmlu t-tnejn; billi dan jista' jwassal biex tiżdied ir-rata tal-impjieg indipendenti fittizju, jiħżienu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u titnaqqas il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali, iżda jista' wkoll iġib miegħu vantaġġi; billi l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija, għalhekk, ta' importanza kbira;

F.  billi ż-żidiet fir-rati tal-impjieg fl-Unjoni wara l-kriżi ekonomika għandhom jintlaqgħu b'sodifazzjon, iżda dawn jistgħu jiġu attribwiti għal żieda fl-għadd ta' kuntratti atipiċi, li f'ċerti każijiet toħloq riskju akbar ta' prekarjetà mill-impjiegi standard; billi jenħtieġ li ssir enfasi akbar fuq il-kwalità fil-ħolqien tax-xogħol;

G.  billi x-xogħol part-time fl-ebda mument ma naqas mindu bdiet il-kriżi, u x-xogħol full-time fil-livell tal-Unjoni għadu taħt il-livell tiegħu ta' qabel il-kriżi tal-2008; billi minkejja ż-żidiet f'dawn l-aħħar snin, ir-rata ta' impjieg għadha taħt il-mira ta' 75 % ta' Ewropa 2020 u turi disparitajiet kbar fost l-Istati Membri;

H.  billi huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-forom ġodda ta' impjieg li qed jitfaċċaw u l-eżistenza ta' impjiegi prekarji;

I.  billi l-kompetenza għall-politika soċjali hija kondiviża bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri; billi l-UE tista' biss tikkomplementa u tappoġġja lill-Istati Membri f'dan il-qasam;

J.  billi l-UE tista' biss tadotta rekwiżiti minimi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol mingħajr ma tarmonizza l-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri;

K.  billi diġà ġiet stabbilita Pjattaforma Ewropea biex tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat, li tippermetti kooperazzjoni transkonfinali aktar mill-qrib u azzjoni konġunta bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u partijiet oħra kkonċernati sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat b'mod effettiv u effiċjenti;

L.  billi l-impjieg prekarju jwassal għal segmentazzjoni tas-suq u jaggrava l-inugwaljanzi fil-pagi;

M.  billi sa issa ma hemm l-ebda definizzjoni komuni ta' impjieg prekarju; billi definizzjoni bħal din għandha titfassal f'konsultazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali; billi t-tip ta' kuntratt ma jistax, waħdu, jipprevedi r-riskju ta' impjiegi prekarji iżda, għall-kuntrarju, dan ir-riskju jiddependi fuq firxa wiesgħa ta' fatturi;

N.  billi l-impjieg standard jista' ifisser impjieg regolari full-time jew part-time volontarju abbażi ta' kuntratti għal żmien indeterminat; billi kull Stat Membru għandu l-liġijiet u l-prattiki tiegħu li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għal tipi differenti ta' kuntratti ta' xogħol u internships; billi ma hemm l-ebda definizzjoni aċċettata b'mod universali ta' "impjieg standard";

O.  billi l-kwistjonijiet l-aktar riċenti tar-rappreżentanza, minħabba dgħufijiet tal-organizzazzjonijiet tas-sħab soċjali f'ċerti setturi jew minħabba riformi f'diversi pajjiżi Ewropej li jillimitaw ir-rwoli tas-sħab soċjali, jaffettwaw kull relazzjonijiet ta' impjieg;

P.  billi xi setturi bħall-agrikoltura, il-kostruzzjoni u l-arti huma affettwati b'mod sproporzjonat mill-impjieg prekarju; billi l-impjieg prekarju nfirex ukoll għal setturi oħra fis-snin riċenti bħall-avjazzjoni u l-industrija tal-lukandi(26);

Q.  billi, skont studji li saru dan l-aħħar, il-ħaddiema f'okkupazzjonijiet manwali b'ħiliet medji u dawk bi ftit ħiliet għandhom anqas qligħ, prospetti u kwalità intrinsika tal-impjiegi; billi huma jirrappurtaw b'mod aktar frekwenti esponiment għal riskji ambjentali u għall-qagħda tal-ġisem, u jesperjenzaw livelli aktar baxxi ta' benessri fiżiku kif ukoll mentali(27);

R.  billi n-nisa jammontaw għal 46 % tal-forza tax-xogħol tal-UE u huma partikolarment vulnerabbli għall-insigurtà tal-impjieg li tirriżulta mid-diskriminazzjoni, inkluż fil-qasam tal-paga, u billi n-nisa jaqilgħu madwar 16 % anqas mill-irġiel fl-UE; billi n-nisa għandhom probabbiltà ogħla li jaħdmu part-time jew b'kuntratti ta' żmien limitat jew b'pagi baxxi u għalhekk jinsabu f'riskju akbar ta' prekarjetà; billi dawn il-kundizzjonijiet tax-xogħol joħolqu telf tul il-ħajja f'termini ta' dħul u protezzjoni, kemm fir-rigward tal-pagi, il-pensjonijiet, kif ukoll il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali; billi l-irġiel għandhom aktar probabbiltà li jaħdmu fuq bażi full-time u permanenti min-nisa; billi n-nisa huma partikolarment affettwati minn xogħol part-time involontarju, impjieg indipendenti fittizju u xogħol mhux iddikjarat(28);

S.  billi r-rata tal-impjiegi fl-UE hija ogħla għall-irġiel milli għan-nisa; billi r-raġunijiet ewlenin għaliex in-nisa jitilqu mis-suq tax-xogħol huma l-ħtieġa li jieħdu ħsieb it-tfal jew l-anzjani, il-mard jew id-diżabilità tagħhom stess, u responsabbiltajiet oħra personali jew tal-familja; billi n-nisa spiss jiffaċċjaw diskriminazzjoni u ostakli minħabba l-maternità attwali jew potenzjali tagħhom; billi n-nisa waħedhom u bi tfal dipendenti jiffaċċjaw riskju partikolarment għoli ta' prekarjetà;

T.  billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija dritt fundamentali li jippresupponi l-garanzija ta' opportunitajiet indaqs u trattament indaqs fl-oqsma kollha tal-ħajja, u billi l-politiki mmirati li jiggarantixxu tali ugwaljanza jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti u sostenibbli;

U.  billi ħafna ħaddiema li huma f'impjiegi prekarji jew qiegħda m'għandhomx id-dritt għal-liv tal-ġenituri;

V.  billi l-ħaddiema żgħażagħ huma f'riskju ogħla li jsibu ruħhom f'pożizzjoni ta' impjieg prekarju; billi l-possibbiltà li wieħed ikun f'pożizzjoni bi żvantaġġi multipli hija darbtejn ogħla għall-ħaddiema ta' anqas minn 25 sena minn dik għall-ħaddiema ta' 50 sena jew aktar(29);

I.Lejn xogħol diċenti – nindirizzaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjieg prekarju

1.  Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-indikaturi tal-ILO li ġejjin biex jiddeterminaw l-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg:

   ix-xogħol jitwettaq skont l-istruzzjonijiet u taħt il-kontroll ta' parti oħra;
   ikun jinvolvi l-integrazzjoni tal-ħaddiem fl-organizzazzjoni tal-intrapriża;
   ikun jitwettaq biss jew prinċipalment għall-benefiċċju ta' persuna oħra;
   irid jitwettaq personalment mill-ħaddiem;
   ikun jitwettaq f'ħinijiet tax-xogħol speċifiċi jew f'post tax-xogħol speċifikat jew miftiehem mill-parti li qed titlob ix-xogħol;
   ikun ta' tul ta' żmien partikolari u jkollu ċerta kontinwità;
   ikun jeħtieġ id-disponibbiltà tal-ħaddiem jew jinvolvi l-provvista ta' għodod, materjal u makkinarju mill-parti li titlob ix-xogħol;
   il-ħaddiem jitħallas remunerazzjoni perjodika li tikkostitwixxi l-uniku sors jew is-sors prinċipali tal-introjtu tiegħu, u jista' jkun hemm ukoll l-għoti ta' ħlas in natura, bħal ikel, akkomodazzjoni jew trasport;
   il-ħaddiem ikollu intitolamenti bħal perjodi ta' mistrieħ fil-ġimgħa u vaganzi annwali;

2.  Jinnota d-definizzjoni tal-Eurofound ta' xogħol atipiku, li tirreferi għal relazzjonijiet ta' impjieg li ma jikkonformawx mal-mudell standard jew tipiku ta' impjieg full-time, regolari u għal żmien indeterminat ma' impjegatur wieħed fuq perjodu ta' żmien twil(30); jenfasizza li t-termini "atipiċi" u "xogħol prekarju" ma jistgħux jintużaw b'mod sinonimu;

3.  Jikkunsidra li l-impjieg prekarju jfisser impjieg li ma jikkonformax mal-istandards u l-liġijiet tal-UE, internazzjonali u nazzjonali u/jew li ma jipprovdix biżżejjed riżorsi għal ħajja diċenti jew għal protezzjoni soċjali adegwata;

4.  Jinnota li xi wħud mill-forom atipiċi ta' impjieg jistgħu jinkludu riskji akbar ta' prekarjetà u insigurtà, pereżempju, xogħol part-time u b'kuntratt għal żmien fiss involontarju, kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol (zero-hours) u internships u apprendistati mingħajr ħlas;

5.  Jemmen bis-sħiħ li l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol ma tfissirx it-tnaqqir tad-drittijiet tal-ħaddiema bil-pretest tal-produttività u l-kompetittività, iżda tfisser li tiġi bbilanċjata b'suċċess il-protezzjoni tal-ħaddiema mal-opportunità li l-individwi u min iħaddem jaqblu dwar modi tax-xogħol li jkunu adattati għall-ħtiġijiet tat-tnejn li huma;

6.  Jinnota li r-riskju tal-prekarjetà jiddependi fuq it-tip ta' kuntratt iżda anke fuq il-fatturi li ġejjin:

   ftit li xejn jew kważi l-ebda sigurtà tax-xogħol minħabba n-natura tax-xogħol mhux permanenti, bħal f'kuntratti part-time involontarji u ta' sikwit marġinali, u, f'xi Stati Membri, sigħat tax-xogħol mhux ċari, u dmirijiet li jinbidlu minħabba xogħol fuq talba;
   protezzjoni rudimentarja mit-tkeċċija u nuqqas ta' protezzjoni soċjali suffiċjenti f'każ ta' tkeċċija;
   remunerazzjoni insuffiċjenti għal ħajja diċenti;
   ftit li xejn, jew l-ebda, drittijiet għal protezzjoni jew benefiċċji soċjali;
   ftit li xejn jew l-ebda protezzjoni minn kull forma ta' diskriminazzjoni;
   prospetti limitati jew l-ebda prospetti għall-avvanz fis-suq tax-xogħol jew fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera u tat-taħriġ;
   livell baxx ta' dritt kollettiv u dritt limitat għal rappreżentanza kollettiva;
   ambjent tax-xogħol li ma jissodisfax l-istandards minimi tas-saħħa u s-sigurtà(31);

7.  Ifakkar fid-definizzjoni ta' "xogħol diċenti" tal-ILO li tgħid li: "Ix-xogħol diċenti huwa xogħol li hu produttiv u li jagħti dħul ġust, b'mod sikur fuq il-post tax-xogħol u protezzjoni soċjali, prospetti aħjar għall-iżvilupp personali u l-integrazzjoni soċjali, il-libertà li n-nies jesprimu t-tħassib tagħhom, jorganizzaw u jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom u l-opportunitajiet u t-trattament indaqs għan-nisa u l-irġiel kollha"(32); iħeġġeġ lill-ILO iżżid paga li tiggarantixxi l-għajxien ma' dik id-definizzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japprovaw din id-definizzjoni fir-reviżjoni jew it-tfassil tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi;

8.  Ifakkar il-fatturi ta' suċċess għall-prattika tajba kontra x-xogħol prekarju, li huma: bażi ġuridika b'saħħitha; l-involviment tas-sħab soċjali u l-kunsilli tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol; il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti; il-bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà; enfasi settorjali; piż amministrattiv baxx għal min iħaddem; l-infurzar mill-ispettorati tax-xogħol; u kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

9.  Jinnota li l-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tal-ILO hija speċifikament maħsuba biex tiggarantixxi l-ħolqien tax-xogħol, id-drittijiet fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali u d-djalogu soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza li x-xogħol diċenti għandu speċifikament jipprovdi:

   paga li tiggarantixxi l-għajxien, u li tiggarantixxi wkoll id-dritt tal-libertà tal-assoċjazzjoni;
   ftehimiet kollettivi skont il-prattiki tal-Istati Membri;
   il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kwistjonijiet tal-kumpaniji skont il-prattiki tal-Istati Membri;
   ir-rispett tan-negozjar kollettiv;
   it-trattament ugwali tal-ħaddiema fl-istess post tax-xogħol;
   is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;
   il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema u d-dipendenti tagħhom;
   id-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ;
   il-ħarsien mit-tkeċċija;
   l-aċċess għal taħriġ u tagħlim tul il-ħajja;
   appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema kollha; jenfasizza li biex jitwettqu dawn id-drittijiet huwa essenzjali wkoll li tittejjeb l-implimentazzjoni tal-liġi tax-xogħol u dik soċjali;

10.  Jinnota li għadd ta' fatturi, bħad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni, qed jikkontribwixxu għall-bidla tan-natura tax-xogħol, inkluża l-miġja ta' forom ġodda ta' impjieg; jinnota f'dan ir-rigward li forom ġodda ta' xogħol jistgħu jeħtieġu regolamentazzjoni ġdida, reattiva u proporzjonata biex jiġi żgurat li l-forom kollha tal-impjieg ikunu koperti;

11.  Itenni, fil-kuntest tal-impjiegi diġitali, li l-ħaddiema fil-pjattaforma diġitali u intermedjarji oħra jenħtieġ li jiġu ggarantiti biżżejjed kopertura u protezzjoni soċjali u tas-saħħa;

12.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni ma tridx titqies sempliċement bħala xi ħaġa li teqred l-impjiegi, u jenfasizza, għall-kuntrarju, li din toffri opportunitajiet għall-iżvilupp u l-estensjoni ta' ħiliet individwali;

13.  Jenfasizza li huwa stmat li se jkun hemm 756 000 post tax-xogħol li se jibqgħu battala fis-settur tal-ICT fl-2020, u dan juri l-ħtieġa li jitjiebu l-ħiliet diġitali tal-forza tax-xogħol Ewropea;

14.  Jenfasizza li l-kriżi ekonomika wasslet għal flussi migratorji fl-UE li xeħtu dawl fuq l-ostakli eżistenti għall-moviment liberu tal-persuni bejn l-Istati Membri u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, fejn iċ-ċittadini tal-UE ġew esposti għal sitwazzjoni ta' insigurtà tal-impjieg;

15.  Jenfasizza li l-kundizzjonijiet prekarji tal-impjieg, inklużi x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju, għandhom effetti fuq tul taż-żmien fuq is-saħħa mentali u l-benessri fiżiku u jistgħu jpoġġu lill-ħaddiema f'riskju akbar ta' faqar, esklużjoni soċjali u deterjorament tad-drittijiet fundamentali tagħhom;

16.  Jenfasizza li l-ħaddiema b'kuntratti qosra ħafna huma dawk li huma l-aktar esposti għal kundizzjonijiet ħżiena fl-aspetti fiżiċi tax-xogħol tagħhom; jenfasizza li t-taħlita tal-insigurtà tal-impjiegi u n-nuqqas ta' kontroll fuq il-ħinijiet tax-xogħol sikwit tiġi minn perikli fuq ix-xogħol relatati mal-istress;

17.  Jenfasizza li f'ċerti setturi tal-ekonomija, ir-relazzjonijiet tax-xogħol flessibbli jew atipiċi qed jintużaw b'mod eċċessiv sal-punt ta' abbuż;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu politiki li jemanċipaw lill-ħaddiema, l-interns u l-apprendisti, billi jsaħħu d-djalogu soċjali u jippromwovu n-negozjar kollettiv, u jiżguraw li l-ħaddiema kollha, irrispettivament mill-istatus tagħhom, ikunu jistgħu jaċċessaw u jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' assoċjazzjoni u ta' negozjar kollettiv, liberament u mingħajr biża' ta' sanzjonijiet diretti jew indiretti mill-impjegatur;

19.  Jenfasizza l-importanza tas-sħab soċjali fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema, fid-definizzjoni ta' kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-iffissar ta' pagi u dħul diċenti skont il-liġijiet u l-prattiki tal-Istati Membri, u fl-għoti ta' konsultazzjoni u gwida lil min iħaddem u lill-ħaddiema;

20.  Jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, biex jappoġġjaw perkorsi tal-karriera sabiex ikun eħfef għan-nies biex jadattaw għas-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jiltaqgħu magħhom f'ħajjithom, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja, benefiċċji tal-qgħad xierqa, it-trasferibbiltà tad-drittijiet soċjali, u politiki attivi u effettivi fis-suq tax-xogħol;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jiggarantixxu protezzjoni effettiva u paga ndaqs għall-ħaddiema rġiel u nisa li jwettqu xogħol fil-kuntest ta' relazzjoni ta' impjieg, bis-saħħa ta' reazzjoni ta' politika komprensiva li jkollha l-għan li tindirizza l-impjiegi prekarji u tiggarantixxi perkorsi ta' karriera u kopertura xierqa tas-sigurtà soċjali;

22.  Jenfasizza l-importanza tal-ispettorati tax-xogħol tal-Istati Membri, u jissottolinja li dawn jenħtieġ li jiffukaw fuq l-għan tal-monitoraġġ, jiżguraw il-konformità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll li jtejbuhom, u li jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat jew illegali, u m'għandhom għall-ebda ċirkostanza jiġu abbużati b'mod li jsiru mekkaniżmi ta' kontroll tal-migrazzjoni; jiġbed l-atenzjoni għar-riskju tad-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u jikkundanna bil-qawwa l-prattika tal-kumpaniji li jimpjegaw lill-migranti mingħajr ma jiżgurawlhom id-drittijiet u l-benefiċċji kollha tagħhom u mingħajr ma jgħarrfuhom dwar dan; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi adegwati lill-ispettorati tax-xogħol biex jiżguraw monitoraġġ effettiv;

II.Proposti

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-impjiegi prekarji, inkluż ix-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju, sabiex jiżguraw li kull tip ta' kuntratt tax-xogħol joffri kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti b'kopertura xierqa tas-sigurtà soċjali, f'konformità mal-Aġenda tax-Xogħol Diċenti tal-ILO, l-Artikolu 9 tat-TFUE, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Karta Soċjali Ewropea;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissieltu kontra kull prattika li tista' twassal għal żieda fl-impjiegi prekarji, biex b'hekk jikkontribwixxu biex tintlaħaq il-mira tal-Ewropa 2020 li jitnaqqas il-faqar;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kwalità tal-impjiegi fl-impjiegi mhux standard billi jipprovdu, tal-anqas, sett ta' standards minimi fir-rigward tal-protezzjoni soċjali, livell minimu tal-pagi u aċċess għat-taħriġ u l-iżvilupp; jenfasizza li jenħtieġ li dan iseħħ filwaqt li jinżammu l-opportunitajiet ta' dħul;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jkunu adattati għall-iskop f'dak li jirrigwarda forom ġodda ta' impjieg;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta forom ġodda ta' impjieg immexxija mid-diġitalizzazzjoni; jitlob b'mod speċjali li jkun hemm valutazzjoni tal-istatus legali tal-intermedjarji tas-suq tax-xogħol u tal-pjattaformi online u tar-responsabbiltà tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni ta' l-impjieg(33) ("Id-Direttiva dwar id-Dikjarazzjoni bil-Miktub") biex jitqiesu l-forom ġodda ta' impjieg;

28.  Jenfasizza l-potenzjal li għandha l-ekonomija kollaborattiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' impjiegi ġodda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw ir-regoli ta' impjieg ġodda potenzjali maħluqa mill-ekonomija kollaborattiva; jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li tiżdied il-protezzjoni offruta lill-ħaddiema f'dan is-settur billi tiżdied it-trasparenza fir-rigward tal-istatus tagħhom, l-informazzjoni li jingħataw u n-nondiskriminazzjoni;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproċedi bir-reviżjoni mmirata tagħha tad-Direttiva dwar l-Istazzjonament tal-Ħaddiema u tirrevedi d-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija biex tiżgura d-drittijiet soċjali fundamentali għall-ħaddiema kollha inkluża paga ndaqs għal xogħol ugwali fl-istess post;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment pubbliku u privat u jippromwovi b'mod partikolari dawk is-setturi tal-ekonomija li jwiegħdu l-akbar effett multiplikatur possibbli, sabiex tiġi promossa l-konverġenza soċjali 'l fuq u l-koeżjoni fl-Unjoni u l-ħolqien ta' impjiegi diċenti; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-SMEs u n-negozji l-ġodda;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat, minħabba li dan inaqqas id-dħul mit-taxxa u s-sigurtà soċjali u joħloq kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji u ħżiena u kompetizzjoni inġusta bejn il-ħaddiema; jilqa' l-ħolqien ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar tax-xogħol mhux iddikjarat;

32.  Jinnota li, minħabba l-għadd ta' ħaddiema, partikolarment żgħażagħ, li issa qed jitilqu l-pajjiżi ta' oriġini tagħhom għal Stati Membri oħra biex ifittxu opportunitajiet ta' impjieg, hemm ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati miżuri adegwati li jiggarantixxu li l-ebda ħaddiem ma jibqa' mingħajr kopertura mill-protezzjoni tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu aktar il-mobilità tax-xogħol tal-UE filwaqt li jħaddnu l-prinċipju tat-trattament ugwali, u jħarsu l-pagi u l-istandards soċjali u jiggarantixxu l-portabbiltà sħiħa tad-drittijiet soċjali; jistieden lil kull Stat Membru jistabbilixxi l-politiki soċjali u tax-xogħol għal drittijiet ugwali u paga ugwali fl-istess post tax-xogħol;

33.  Jinnota bi tħassib id-dgħajfien tan-negozjar kollettiv u tal-kopertura tal-ftehimiet kollettivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu politiki strateġiċi ta' kopertura universali tal-ħaddiema fil-qafas ta' ftehimiet kollettivi, filwaqt li fl-istess ħin jissalvagwardjaw u jsaħħu r-rwol tat-trejdjunjins u tal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem;

34.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tas-sħab soċjali rigward id-direttivi tal-Unjoni dwar xogħol part-time, kuntratti b'terminu fiss u xogħol temporanju permezz ta' aġenzija u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, b'kollaborazzjoni mas-sħab soċjali, tirregola l-forom ġodda ta' impjieg, fejn ikun il-każ; jistieden lill-Eurofound tistudja kif is-sħab soċjali jistgħu jiżviluppaw strateġiji biex jiżguraw il-kwalità tal-impjiegi u jindirizzaw l-impjieg prekarju;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jiżguraw li l-ħaddiema individwali li jaħdmu għal rashom u li huma legalment meqjusa bħala kumpanija b'membru uniku jkollhom id-dritt għal negozjar kollettiv u li jkunu liberament assoċjati;

36.  Ifakkar li, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol(34) (Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol), kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat tax-xogħol massimi, għal perjodu ta' mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u għal perjodu annwali ta' liv imħallas; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawk id-drittijiet japplikaw għall-ħaddiema kollha inklużi ħaddiema fuq talba, ħaddiema f'impjieg part-time marġinali u crowd workers; ifakkar li d-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol hija miżura ta' saħħa u sigurtà; jitlob li jkun hemm infurzar tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonfermaw li l-ħin tal-għassa fuq il-post tax-xogħol huwa ħin tax-xogħol u jrid jiġi segwit minn mistrieħ obbligatorju;

37.  Ifakkar li l-impjieg part-time marġinali huwa mmarkat minn livelli aktar baxxi tas-sigurtà tal-impjiegi, anqas opportunitajiet għall-karriera, anqas investiment fit-taħriġ minn min iħaddem, u sehem akbar ta' paga baxxa; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinkoraġġixxu miżuri li jappoġġjaw sigħat itwal għal dawk li jixtiequ jaħdmu aktar;

38.  Ifakkar li skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kulħadd għandu d-dritt ta' aċċess għal taħriġ vokazzjonali u tagħlim tul il-ħajja; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-taħriġ vokazzjonali u kontinwu jkun disponibbli wkoll għal ħaddiema f'relazzjonijiet ta' impjieg atipiċi; ifakkar li miżuri tat-titjib tal-ħiliet huma partikolarment importanti f'ekonomija diġitali li qed tinbidel b'mod mgħaġġel; ifakkar li n-nuqqas u l-ispariġġ tal-ħiliet jikkontribwixxu għal livelli għolja ta' qgħad; jilqa' l-inizjattivi riċenti biex jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet;

39.  Jitlob li jkun hemm Garanzija ta' Ħiliet bħala dritt ġdid għal kulħadd, f'kull stadju tal-ħajja, biex kulħadd jikseb il-ħiliet fundamentali għas-seklu 21, inklużi l-litteriżmu, in-numeriżmu, il-litteriżmu medjatiku u diġitali, il-ħsieb kritiku, il-ħiliet soċjali u l-kompetenzi rilevanti meħtieġa għall-ekonomija ekoloġika u ċirkolari, billi jiġu kkunsidrati l-industriji emerġenti u s-setturi ta' tkabbir ewlenin u li jiġi żgurat l-involviment sħiħ għall-persuni f'sitwazzjonijiet żvantaġġati, inklużi l-persuni b'diżabilità, dawk li jfittxu l-ażil, il-persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil u gruppi sottorappreżentati oħrajn; jenfasizza li s-sistemi edukattivi jenħtieġ li jkunu inklużivi, u jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità tajba għall-popolazzjoni kollha, jippermettu lill-persuni jkunu ċittadini Ewropej attivi, jippreparawhom biex ikunu kapaċi jitgħallmu u jadattaw tul ħajjithom, u jwieġbu għall-ħtiġijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol;

40.  Jenfasizza li l-politiki tal-Istati Membri għandhom jiġu fformulati u implimentati f'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, u f'konsultazzjoni u b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem;

41.  Ifakkar li l-impjieg prekarju mhux biss jagħmel ħsara lill-individwu iżda jfisser ukoll spejjeż kbar għas-soċjetà f'termini ta' telf ta' taxxa u finalment għal nefqa pubblika ogħla, kif ukoll f'termini tal-appoġġ għal dawk li jsofru mill-effetti fit-tul tat-telf tad-dħul u kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-użu ta' kuntratti għal żmien indeterminat u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri sabiex jiġi indirizzat l-impjieg prekarju;

42.  Ifakkar li l-ħaddiema fl-ekonomija informali jiffaċċjaw livell għoli ta' prekarjetà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw politiki adatti għal dan il-grupp ta' ħaddiema li jipproteġuhom billi jindirizzaw il-problemi tagħhom irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat, l-impjieg indipendenti fittizju u l-forom kollha ta' prattiki ta' impjieg illegali li jimminaw id-drittijiet tal-ħaddiema u s-sistemi tas-sigurtà soċjali; itenni l-fehma tiegħu li l-prevenzjoni tal-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol għandha tiġi kkunsidrata f'kull politika futura dwar l-impjiegi;

44.  Jenfasizza li l-impjieg prekarju fil-biċċa l-kbira tiegħu jbatuh l-aktar ħaddiema vulnerabbli li huma f'riskju ta' diskriminazzjoni, faqar u esklużjoni; ifakkar b'mod partikolari li, il-fatt li persuna jkollha diżabilità, tkun ta' etniċità, oriġini, reliġjon jew twemmin differenti, jew tkun mara, iżid ir-riskju li tkun iffaċċjata b'kundizzjonijiet tal-impjieg prekarji; jikkundanna l-forom kollha tal-prekarjetà irrispettivament mis-sitwazzjoni kuntrattwali;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-ħaddiema vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni effettiva fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikolari fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk id-Direttiva 2006/54/KE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol hijiex adatta għall-forom ġodda ta' impjieg;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw kull leġiżlazzjoni li timmira lejn l-aspetti tax-xogħol prekarju fir-rigward tal-impatt tagħha fuq is-sessi; iqis li huwa meħtieġ li jiġu mmirati miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi lejn il-ħtiġijiet tan-nisa fix-xogħol prekarju peress li, inkella, dan il-grupp diġà rrappreżentat iżżejjed se jkompli jiġi affettwat iżżejjed;

47.  Iqis li taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha żieda fit-talbiet għal flessibilità fis-suq tax-xogħol tirriżulta f'li n-nisa jkomplu jiġu rrappreżentati żżejjed f'impjiegi atipiċi u fost dawk bi status ta' impjieg insigur;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw u jindirizzaw b'mod determinat il-fenomenu tal-"fastidju morali" fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju ta' impjegati nisa tqal jew kwalunkwe żvantaġġ esperjenzat wara li jirritornaw mil-liv tal-maternità; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet għall-maternità sabiex in-nisa ma jsofrux żvantaġġi f'termini ta' pensjonijiet għax ikunu saru ommijiet matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom; jenfasizza li l-liv tal-maternità jrid ikun akkumpanjat minn miżuri effettivi li jipproteġu d-drittijiet tan-nisa tqal u ta' ommijiet ġodda, waħedhom u li jreddgħu, li jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet tal-ILO u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

49.  Itenni t-talba tiegħu li l-persuni kollha fir-relazzjonijiet kollha ta' impjieg għandhom ikunu jistgħu jakkumulaw intitolamenti li jipprovdu s-sigurtà tad-dħul f'ċirkostanzi bħalma huma l-qgħad, in-nuqqas ta' saħħa, età avvanzata, interruzzjonijiet fil-karriera għat-trobbija tat-tfal jew sitwazzjonijiet oħra ta' kura, jew għal raġunijiet ta' taħriġ;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti għal kulħadd, opportunitajiet tal-ewwel esperjenza tax-xogħol għaż-żgħażagħ bħal internships, apprendistati jew opportunitajiet fil-qafas tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw oqfsa ta' kwalità għal internships, traineeships u apprendistati li jiżguraw id-drittijiet tal-ħaddiema u l-fokus edukattiv tal-opportunitajiet ta' esperjenza ta' xogħol għaż-żgħażagħ;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, u lill-Istati Membri, biex jieħdu passi sabiex jiġġieldu l-impjieg insigur fost iż-żgħażagħ; jenfasizza kemm huwa importanti li l-Kummissjoni timplimenta l-garanzija għaż-żgħażagħ f'dan ir-rigward;

52.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li l-gruppi kollha t'età taż-żgħażagħ ikollhom aċċess għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità għolja u mingħajr ħlas, b'mod partikolari fil-livelli ogħla ta' edukazzjoni u taħriġ, peress li ntwera li meta jogħla l-livell tal-formazzjoni jkunu jistgħu jitnaqqsu l-inugwaljanzi tax-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa;

53.  Jenfasizza li l-użu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-kunċett tal-ILO ta' "ħaddiem" pjuttost milli d-definizzjoni aktar stretta ta' "impjegat", jista' jikkontribwixxi għall-applikazzjoni u l-fehim aħjar tal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-intraprenditorija u l-moviment kooperattiv fost il-ħaddiema f'kumpaniji ta' ħafna servizzi u s-settur li qed jiżviluppa b'mod rapidu tal-ekonomija kollaborattiva u l-pjattaformi diġitali, bil-għan li jitnaqqsu r-riskji ppreżentati mill-mudelli tan-negozju dwar id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema;

55.  Jirrimarka li l-kuntratti fuq żmien qasir fis-settur tal-agrikoltura jirriflettu n-natura staġjonali tax-xogħol tal-biedja; jitlob li din ir-restrizzjoni naturali maġġuri tiġi rispettata billi l-bdiewa jkunu jistgħu jkomplu r-reklutaġġ fuq bażi staġjonali u ma jkollhomx għalfejn jgħaddu mill-piż ta' aktar burokrazija fir-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-ħaddiema tagħhom;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema staġjonali u tqajjem kuxjenza dwarha, u jistieden lill-Istati Membri jirregolaw l-istatus soċjali u legali tal-ħaddiema staġjonali, biex jissalvagwardjaw is-saħħa u tas-sikurezza u l-kundizzjonijiet tal-iġjene tagħhom fuq il-post tax-xogħol u biex jagħtuhom kopertura tas-sigurtà soċjali, filwaqt li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġjonali(35), inklużi dawk li jikkonċernaw "paga ugwali u protezzjoni soċjali ugwali"; jenfasizza l-ħtieġa li l-ħaddiema staġjonali kollha jingħataw informazzjoni komprensiva dwar id-drittijiet tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali tagħhom, inklużi d-drittijiet għal pensjoni, filwaqt li jitqies ukoll l-aspett transfruntier tax-xogħol staġjonali;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 216, 20.8.1994, p. 12.
(2) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(3) ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9.
(4) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(5) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
(6) ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.
(7) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 1.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0321.
(9) Testi adottati, P8_TA(2016)0059.
(10) Testi adottati, P8_TA(2016)0346.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0360.
(12) Testi adottati, P8_TA(2017)0010.
(13) ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54.
(14) www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/587285/IPOL_STU(2016)587285_EN.pdf.
(15) http://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1398en.pdf.
(16) https://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1461en.pdf.
(17) http://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1639en.pdf.
(18) http://www.eurofound.europa.eu/sites/default/files/ef_publication/field_ef_document/ef1634en.pdf.
(19) https://www.eurofound.europa.eu/mt/observatories/eurwork/industrial-relations-dictionary.
(20) http://www.ilo.org/dyn/normlex/en/f?p=NORMLEXPUB:12100:0::NO::P12100_INSTRUMENT_ID:312535.
(21) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_dialogue/---actrav/documents/meetingdocument/wcms_164286.pdf.
(22) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---dgreports/---dcomm/---publ/documents/publication/wcms_534496.pdf.
(23) http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---dgreports/---dcomm/---publ/documents/publication/wcms_490959.pdf.
(24) Il-kuntratti permanenti full-time jammontaw għal 59 % tal-impjiegi totali fl-UE; l-impjieg indipendenti bl-impjegati għal 4 %, ix-xogħol freelance għal 11 %, ix-xogħol temporanju permezz ta' aġenzija għal 1 %, ix-xogħol b'kuntratt fiss għal 7 %, l-apprendistat jew it-traineeships għal 2 %, ix-xogħol part-time marġinali (anqas minn 20 siegħa kull ġimgħa) għal 9 % u x-xogħol permanenti part-time għal 7 %.
(25) Ara r-rapport tal-ILO tal-2016 bit-titolu "Building a social pillar for European convergence" (il-bini ta' pilastru soċjali għall-konverġenza Ewropea).
(26) Ara l-istudju tal-2016 dwar "Precarious Employment in Europe: Patterns, trends and policy strategies" (L-Impjieg Prekarju fl-Ewropa: xejriet, tendenzi u strateġiji ta' politika).
(27) Eurofound (2014), "Occupational profiles in working conditions: Identification of groups with multiple disadvantages" (profili okkupazzjonali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol: Identifikazzjoni ta' gruppi bi żvantaġġi multipli).
(28) Ara l-istudju tal-2016 dwar "Precarious Employment in Europe: Patterns, trends and policy strategies" (L-Impjieg Prekarju fl-Ewropa: xejriet, tendenzi u strateġiji ta' politika).
(29) Eurofound (2014), "Occupational profiles in working conditions: Identification of groups with multiple disadvantages" (profili okkupazzjonali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol: Identifikazzjoni ta' gruppi bi żvantaġġi multipli).
(30) Ara: https://www.eurofound.europa.eu/observatories/eurwork/industrial-relations-dictionary/atypical-work.
(31) Ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' Ottubru 2010 dwar ħaddiema nisa prekarji.
(32) Ir-rapport tal-ILO tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-impjieg mhux standard madwar id-dinja.
(33) ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32.
(34) ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.
(35) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375.

Avviż legali - Politika tal-privatezza