Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 5 ta' Ottubru 2017 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni ta' persuni bl-albiniżmu fil-Malawi u f'pajjiżi Afrikani oħra
 Il-każijiet tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea, Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, u tal-ġurnalista Mykola Semena
 Is-sitwazzjoni fil-Maldivi
 Kooperazzjoni msaħħa: Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ***
 Sistemi penitenzjarji u kundizzjonijiet fil-ħabsijiet

Is-sitwazzjoni ta' persuni bl-albiniżmu fil-Malawi u f'pajjiżi Afrikani oħra
PDF 278kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar is-sitwazzjoni ta' persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, partikolarment fil-Malawi (2017/2868(RSP))
P8_TA(2017)0381RC-B8-0543/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Lulju 2016 dwar is-sitwazzjoni ta' persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, partikolarment fil-Malawi(1), u tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-qtil tal-albini fit-Tanzanija(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni bl-albiniżmu tal-24 ta' Marzu 2017 u tat-18 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar il-Jum Internazzjonali ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Albiniżmu,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tad-19 ta' Settembru 2017, intitolata "Ground-breaking step to tackle impunity for witchcraft related human rights violations" (Pass rivoluzzjonarju biex tiġi indirizzata l-impunità għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati mas-seħer), u tat-28 ta' Lulju 2017, intitolata "Tanzania: 'Reported attacks against persons with albinism decline, but root causes still rife in rural areas' – UN expert" (It-Tanzanija - Qed jonqsu l-attakki rrapurtati kontra l-persuni bl-albiniżmu, iżda l-kawżi fundamentali għadhom jeżistu sew f'żoni rurali – espert tan-NU),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 69/170 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-Jum Internazzjonali ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Albiniżmu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 70/229 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-23 ta' Diċembru 2015 dwar il-persuni bl-albiniżmu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 263 tal-5 ta' Novembru 2013 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) dwar il-prevenzjoni ta' attakki u diskriminazzjoni kontra l-persuni bl-albiniżmu,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali biex jintemmu l-attakki fuq persuni bl-albiniżmu fl-Afrika għall-perjodu 2017-2021, u r-riżoluzzjoni 373 tal-ACHPR tat-22 ta' Mejju 2017 dwarha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi tat-18 ta' Diċembru 1992,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-albiniżmu huwa kundizzjoni ġenetika li tintiret, li taffettwa persuna waħda f'madwar 20 000 persuna fid-dinja, u billi hemm proporzjon ta' persuni konsiderevolment ogħla fil-pajjiżi sub-Saħarjani, speċifikament it-Tanzanija, il-Malawi u l-Burundi, li għandhom l-ogħla konċentrazzjonijiet ta' persuni bl-albiniżmu;

B.  billi l-akbar theddida għall-persuni bl-albiniżmu fil-maġġoranza tal-Istati tal-Afrika hija maħluqa minn twemmin qarrieqi u superstizzjuż dwar il-kundizzjoni; billi l-assoċjazzjoni falza bejn l-albiniżmu u setgħat maġiċi toħloq l-aktar theddida serja għal persuni bl-albiniżmu; billi tali miti jimmotivaw il-vjolenza u t-traffikar tal-partijiet tal-ġisem tagħhom li jġibu l-fortuna, is-saħħa u l-ġid; billi n-nisa bl-albiniżmu huma soġġetti għal stupru, minħabba l-kunċett żbaljat li l-konġunġiment karnali magħhom jista' jfejjaq l-HIV/AIDS;

C.  billi skont gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, f'dawn l-aħħar għaxar snin, aktar minn 600 attakk kontra persuni bl-albiniżmu ġew irrappurtati fl-Afrika, għalkemm din l-informazzjoni aktarx hija sottovalutazzjoni; billi dawn l-attakki kienu jsiru ferm aktar frekwenti matul dawn l-aħħar snin, b'mod partikolari fil-Malawi, fit-Tanzanija u fil-Możambique;

D.  billi fl-2016, 172 każ ta' qtil u 276 attakk ieħor kontra persuni bl-albiniżmu seħħew f'madwar 25 pajjiż Afrikan; billi din is-sena, minbarra fil-Malawi, każijiet ta' attakki kontra persuni bl-albiniżmu ġew irrappurtati wkoll fil-Burundi, fil-Mozambique, fiż-Żambja u t-Tanzanija, fejn skont rapporti l-maġġoranza tal-vittmi kienu tfal;

E.  billi sa mill-bidu tal-2017, mewġa ġdida ta' każijiet ta' qtil u attakki mmirati kontra persuni bl-albiniżmu tkebbset minn nuqqasijiet sistematiċi fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Malawi, li tħalli lill-membri ta' dan il-grupp vulnerabbli f'idejn gruppi kriminali; billi minn Jannar 2017 'l hawn, mill-inqas żewġ persuni bl-albiniżmu nqatlu, filwaqt li sebgħa oħra rrappurtaw reati bħalma huma attentat ta' qtil jew ta' sekwestru;

F.  billi minkejja ġiet introdotta leġiżlazzjoni aktar b'saħħitha fil-Malawi fl-2016, inklużi riformi fil-Kodiċi Penali u l-Att dwar l-Anatomija, dan ma ppreveniex il-bidu mill-ġdid ta' qtil u attakki kontra dan il-grupp vulnerabbli, prinċipalment minħabba infurzar dgħajjef tal-liġi u tal-kapaċitajiet ġudizzjarji dgħajfa, kawżi ewlenin kif ukoll l-ambjent soċjali u kulturali, fejn l-awturi rarament jiġu identifikati jew jitressqu quddiem il-ġustizzja u kkundannati;

G.  billi persuni bl-albiniżmu qed jiffaċċjaw ksur estrem tad-drittijiet tal-bniedem, li jvarjaw minn fastidju, persekuzzjoni, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali għal ħtif, stupru u qtil;

H.  billi n-nisa u t-tfal bl-albiniżmu huma partikolarment vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali; billi t-trabi huma abbandunati bħala riżultat tal-kundizzjoni tagħhom; billi l-edukazzjoni tat-tfal tbati bħala riżultat ta' bullying, stigmatizzazzjoni u biża' ġenerali li jistgħu jiġu attakkati;

I.  billi l-Gvern tat-Tanzanija impenja ruħu f'azzjoni serja u tanġibbli biex jindirizza s-seħer fil-pajjiż, inkluża s-sospensjoni tal-liċenzji tal-fejjieqa tradizzjonali u għadd kbir ta' arresti ta' tobba sħaħar; billi l-President tat-Tanzanija ħatar l-ewwel Membru tal-Parlament bl-albiniżmu fl-2008, u l-ewwel Viċi Ministru bl-albiniżmu f'Diċembru 2015;

J.  billi l-Mozambique, in-Niġerja u l-Kenja adottaw pjan ta' azzjoni biex jirrispondu għal attakki, billi ffokaw fuq il-promozzjoni ta' edukazzjoni pubblika dwar l-albiniżmu u żiedu s-sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjoni fost il-familji u l-komunitajiet, iggarantew protezzjoni u assistenza soċjali lill-persuni bl-albiniżmu, żguraw assistenza legali, rapidità proċedurali u l-prevenzjoni ta' attakki, il-qsim u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bħala mezz ta' deterrent, u t-twettiq ta' aktar riċerka biex itejbu l-miżuri identifikati fil-pjan u appoġġjaw it-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza;

K.  billi f'Ġunju 2017, l-ACHPR adottat Pjan ta' Azzjoni Reġjonali li jtemm l-attakki fuq persuni bl-albiniżmu għall-perjodu 2017-2021, approvat min-NU u minn diversi partijiet ikkonċernati reġjonali u internazzjonali; billi dan il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan li jinkoraġġixxi sforzi u azzjonijiet li jiġġieldu l-vjolenza kontra l-persuni bl-albiniżmu u jipproteġu d-drittijiet tagħhom u ta' dawk tal-familji tagħhom;

L.  billi, minkejja ż-żieda tal-viżibilità internazzjonali u l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida fil-pajjiżi milquta, l-għadd ta' prosekuzzjonijiet u kundanni jibqa' wieħed baxx ħafna u d-delitti u t-tortura għadhom qed jitwettqu b'impunità totali f'ħafna pajjiżi Afrikani;

M.  billi l-qtil, il-mutilazzjoni, id-diskriminazzjoni, il-fastidju u l-istigmatizzazzjoni keċċew mijiet ta' persuni bl-albiniżmu minn arthom lejn żoni ta' rifuġju f'postijiet temporanji; billi din is-sitwazzjoni ġabet aktar prekarjetà u nuqqas ta' sigurtà għall-persuni bl-albiniżmu, billi llimitat l-aċċess tagħhom għal servizzi bażiċi bħalma huma l-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' impjieg u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà; billi kura medika xierqa, inkluża medikazzjoni preventiva għall-kanċer tal-ġilda, hija limitata minħabba l-isfidi li jiffaċċjaw persuni bl-albiniżmu, li jistgħu jingħelbu bl-iżvilupp ta' faċilitajiet mediċi u l-għarfien fir-reġjun;

N.  billi l-ħsara psikoloġika dejjiema u saħansitra permanenti hija kkawżata minn biża' u diskriminazzjoni tul il-ħajja;

O.  billi, f'Marzu 2015, in-NU ħatru l-ewwel Espert Indipendenti tagħhom dwar it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni bl-albiniżmu, Ikponwosa Ero, u uffiċjalment ipproklamaw it-13 ta' Ġunju bħala l-Jum Internazzjonali ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Albiniżmu;

P.  billi l-UE wettqet kampanji ta' promozzjoni pubblika biex tiġġenera sensibilizzazzjoni aktar mifruxa dwar il-kwistjoni u appoġġjat l-impenn ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-isforzi ta' bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali fil-ġlieda kontra l-qtil ta' persuni bl-albiniżmu;

Q.  billi l-persuni bl-albiniżmu huma milquta b'mod sproporzjonat mill-faqar, minħabba l-vjolenza, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni li huma jiffaċċjaw;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni kontinwi u mifruxa li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari wara ż-żieda reċenti fil-vjolenza fil-Malawi; jikkundanna bil-qawwa l-qtil, il-ħtif, il-mutilazzjonijiet kollha u t-trattament inuman u degradanti l-ieħor kollu li ġarrbu l-persuni bl-albiniżmu u jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu lill-familji tal-vittmi; jikkundanna, barra minn hekk, kwalunkwe kummerċ spekulattiv tal-partijiet tal-ġisem tal-persuni bl-albiniżmu;

2.  Jibqa' ferm imħasseb li l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni aktar b'saħħitha fil-Malawi ma waqqfitx il-bidu mill-ġdid ta' attakki reċenti kontra l-persuni bl-albiniżmu; jilqa' r-riformi għall-Kodiċi Penali u l-Att dwar l-Anatomija; jistieden, madankollu, lill-awtoritajiet Malawjani biex jinvestigaw bis-sħiħ is-sensiela reċenti ta' delitti kontra l-persuni bl-albiniżmu u jressqu quddiem il-ġustizzja lill-atturi ta' dawn id-delitti relatati mal-albiniżmu;

3.  Ifakkar li r-responsabbiltà primarja ta' Stat hija li jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu, inklużi l-gruppi vulnerabbli, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Malawi biex joffri protezzjoni effikaċi lill-persuni bl-albiniżmu biex jirrispetta d-dritt tagħhom għall-ħajja u s-sigurtà personali, f'konformità mal-obbligi u l-impenji internazzjonali tal-Malawi dwar id-drittijiet tal-bniedem;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Malawjani biex jaġixxu b'mod proattiv kontra kwalunkwe organizzazzjoni kriminali attiva fis-seħer u t-traffikar tal-bnedmin, jagħtu lill-pulizija taħriġ u riżorsi adegwati, b'mod intensiv jinvestigaw id-delitti relatati mal-albiniżmu, itemmu l-impunità, u jfittxu, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-appoġġ internazzjonali biex iwettqu investigazzjonijiet imparzjali u effikaċi dwar l-attakki kollha rrappurtati li saru kontra l-persuni bl-albiniżmu, sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja u jinżammu responsabbli;

5.  Jistieden lill-pajjiżi Afrikani milquta biex jestendu l-leġiżlazzjoni fejn meħtieġ, sabiex jikkriminalizzaw il-pussess u t-traffikar ta' partijiet tal-ġisem;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Malawi jissodisfa l-ħtiġijiet mediċi, psikoloġiċi u soċjali tal-persuni bl-albiniżmu b'mod aktar effikaċi billi jiggarantilhom aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni bħala parti mill-politiki ta' inklużjoni; ifakkar li l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni jibqa' sfida konsiderevoli għall-persuni bl-albiniżmu li jeħtieġ tiġi indirizzata; jappella għal aktar investiment fil-ħolqien ta' strutturi soċjali, ta' kura u ta' konsulenza adegwati għall-vittmi, b'mod partikolari għan-nisa u t-tfal, u rispons aħjar għall-ħtiġijiet mediċi u psikoloġiċi tagħhom; jinsisti li għandhom jiġu implimentati politiki biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fil-komunitajiet tagħhom;

7.  Jissottolinja li n-nuqqas ġenerali ta' fehim u ta' tagħrif dwar is-saħħa dwar l-albiniżmu għandu t-tendenza li jaggrava l-kundizzjoni tas-saħħa tal-persuni bl-albiniżmu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa, b'mod partikolari fiż-żoni rurali u remoti; iqis li l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa għandhom jingħataw taħriġ fis-sensittività fir-rigward tal-albiniżmu; jitlob li jkun hemm taħriġ imtejjeb tal-għalliema u tal-amministrazzjonijiet tal-iskejjel dwar l-albiniżmu u li l-awtoritajiet Malawjani jiffaċilitaw l-aċċess tal-persuni bl-albiniżmu għall-edukazzjoni u għat-tgawdija tal-edukazzjoni;

8.  Jilqa' l-isforzi magħmula mill-Gvern tat-Tanzanija biex jiġġieled id-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni bl-albiniżmu u d-deċiżjoni tiegħu li jiddikjara illegali lit-tobba saħħara bil-ħsieb li jwaqqaf il-qtil ta' dan il-grupp, filwaqt li jirrikonoxxi li huma ftit wisq il-każijiet li jitressqu quddiem il-ġustizzja; jilqa', barra minn hekk, l-isforzi li saru mill-Mozambique, il-Kenja u n-Niġerja;

9.  Itenni li għandu jkun hemm aktar sforz fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra l-persuni bl-albiniżmu permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika; jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni bl-albiniżmu, billi jinformaw u jedukaw lill-poplu, u jxejnu l-miti u l-preġudizzji fir-rigward tal-albiniżmu;

10.  Jinsab imħasseb minħabba l-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa u t-tfal bl-albiniżmu, li jħalluhom aktar esposti għall-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà u l-iżolament; jinsisti li l-vittmi kollha għandu jkollhom aċċess għal kura medika u psikoloġika xierqa, u li għandhom jiġu stabbiliti politiki adegwati biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fil-komunitajiet tagħhom;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi milquta, f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali u reġjonali tagħhom, jimpenjaw ruħhom biex jindirizzaw it-twemmin superstizzjuż ta' ħsara li jipperpetwa l-immirar tal-persuni bl-albiniżmu, billi jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu u jindirizzaw il-kummerċ illegali tal-partijiet tal-ġisem tal-persuni bl-albiniżmu, jerġgħu jqisu l-każijiet ta' suspett ta' serq gravi, jittraċċaw u jidentifikaw is-sors tad-domanda għal tali partijiet tal-ġisem, u jressqu lill-"kaċċaturi tal-persuni bl-albiniżmu" quddiem il-ġustizzja;

12.  Ifakkar li l-vjolenza kontra l-persuni bl-albiniżmu ħafna drabi hija ta' natura transfruntiera u jinsisti dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali dwar il-kwistjoni; jilqa', għalhekk, l-inizjattivi kollha meħuda fil-livell reġjonali u internazzjonali biex tkun miġġielda l-vjolenza kontra l-persuni bl-albiniżmu u, b'mod partikolari, l-adozzjoni reċenti ta' Pjan ta' Azzjoni Reġjonali dwar l-albiniżmu għall-perjodu 2017-2021 mill-Unjoni Afrikana u n-NU, li hija sinjal pożittiv u konkret tal-impenn mill-mexxejja Afrikani; jappella għall-implimentazzjoni immedjata u effikaċi tiegħu;

13.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu jimpenjaw ruħhom mal-pajjiżi milquta bil-għan li jappoġġjaw b'mod effikaċi l-isforzi tagħhom biex jifformulaw politiki li jindirizzaw il-bżonnijiet speċjali u d-drittijiet speċifiċi tal-persuni bl-albiniżmu, fuq il-bażi tan-nondiskriminazzjoni u tal-inklużjoni soċjali, billi jipprovdu l-assistenza finanzjarja u teknika meħtieġa;

14.  Jitlob li l-UE tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari permezz ta' rappurtar regolari u xogħol ta' segwitu mid-delegazzjonijiet tagħha, u tkompli tippromwovi titjib sinifikanti fil-protezzjoni u fl-integrazzjoni soċjali tagħhom;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Malawi u tat-Tanzanija, lill-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0314.
(2) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 94.


Il-każijiet tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea, Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, u tal-ġurnalista Mykola Semena
PDF 278kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar il-każijiet tal-mexxejja tat-Tatari tal-Krimea, Akhtem Chiygoz u Ilmi Umerov, u tal-ġurnalista Mykola Semena (2017/2869(RSP))
P8_TA(2017)0382RC-B8-0545/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva bejn l-UE u l-Ukrajna,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u dwar il-Krimea, dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat u dwar is-Sħubija tal-Lvant, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(1), ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea, b'mod partikolari tat-Tartari tal-Krimea(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar it-Tartari tal-Krimea(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-priġunieri Ukreni fir-Russja u s-sitwazzjoni fil-Krimea(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta' Settembru 2017 dwar "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea temporanjament okkupata u fil-belt ta' Sevastopol (l-Ukrajna)",

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Nru 68/262 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-27 ta' Marzu 2014 bit-titolu "L-integrità territorjali tal-Ukrajna" u r-Riżoluzzjoni Nru 71/205 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-19 ta' Diċembru 2016 bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u fil-belt ta' Sevastopol (l-Ukrajna)",

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-issuktar tas-sanzjonijiet imposti fuq il-Federazzjoni Russa bi rbit mal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea,

–  wara li kkunsidra d-dritt umanitarju internazzjonali u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-territorji okkupati u t-trattament u l-ħarsien ta' persuni ċivili,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi bosta rapporti kredibbli, inkluż l-aktar wieħed reċenti mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, joffru evidenza tal-abbuż dejjem jikber tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea, li jaffettwa lil rappreżentanti tat-Tatari tal-Krimea, ġurnalisti, persuni li jaħdmu fil-midja, bloggers u ċittadini li jsemmgħu leħinhom kontra l-okkupazzjoni Russa jew sempliċement jipprovaw jiddokumentaw l-atroċitajiet tal-awtoritajiet de facto;

B.  billi r-rapport tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta' Settembru 2017 dwar "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Awtonoma tal-Krimea temporanjament okkupata u fil-belt ta' Sevastopol (l-Ukrajna)" jiddikjara li "ġew dokumentati każijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji, l-għajbien furzat, it-trattament ħażin u t-tortura, u tal-anqas eżekuzzjoni extraġudizzjarja waħda";

C.  billi Ilmi Umerov, mexxej tat-Tatari tal-Krimea u Viċi President tal-Mejlis, ġie kkundannat għal perjodu ta' sentejn il-ħabs talli esprima dissens fil-konfront tal-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea skont l-Artikolu 280.1 tal-kodiċi kriminali Russu dwar "sejħiet pubbliċi għal azzjoni mmirata lejn il-ksur tal-integrità territorjali tar-Russja";

D.  billi Akhtem Chiygoz, Viċi President tal-Mejlis, ġie kkundannat għal tmien snin priġunerija talli "organizza rvellijiet tal-massa" fis-26 ta' Frar 2014;

E.  billi l-ġurnalista Mykola Semena ngħata sentenza sospiża ta' ħabs għal perjodu ta' sentejn u nofs u projbizzjoni għal tliet snin fuq it-twettiq ta' xogħol ġurnalistiku abbażi tal-Artikolu 280.1 tal-kodiċi kriminali Russu dwar "sejħiet pubbliċi għal azzjoni mmirata lejn il-ksur tal-integrità territorjali tar-Russja";

F.  billi s-sentenzi reċenti tal-qorti juru li s-sistema ġudizzjarja qiegħda tiġi strumentalizzata bħala għodda politika ta' trażżin kontra dawk li jopponu l-annessjoni Russa tal-peniżola tal-Krimea;

G.  billi, f'diversi każijiet, ġew irrappurtati ħtif, għajbien furzat, kif ukoll l-użu tat-tortura u t-trattament krudili u degradanti fil-faċilitajiet ta' detenzjoni; billi t-tortura ntużat biex tinkiseb evidenza falza ta' ħtija; billi dawn l-allegazzjonijiet sal-lum għadhom ma ġewx investigati b'mod xieraq;

H.  billi fil-Krimea saret esproprjazzjoni fuq skala kbira ta' proprjetà pubblika u privata mingħajr kumpens jew konsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali li jħarsu l-proprjetà milli tiġi sekwestrata jew meqruda;

I.  billi l-ispazju biex is-soċjetà ċivili topera fil-Krimea tnaqqas konsiderevolment hekk kif stabbilimenti tal-midja sfaw magħluqa, fattur li affettwa b'mod sproporzjonat lill-komunità tat-Tatari tal-Krimea, id-dritt tagħhom għall-informazzjoni u d-dritt tagħhom li jżommu l-kultura u l-identità tagħhom;

J.  billi l-annessjoni tal-Krimea mill-Federazzjoni Russa hija illegali u tikser id-dritt internazzjonali u l-ftehimiet Ewropej iffirmati kemm mill-Federazzjoni Russa u kemm mill-Ukrajna, b'mod partikolari l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki u l-Memorandum ta' Budapest tal-1994 u t-Trattat ta' Ħbiberija, Kooperazzjoni u Sħubija bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa tal-1997;

K.  billi, għat-tul kollu tal-annessjoni, il-Federazzjoni Russa għandha tinżamm responsabbli għall-ħarsien tal-poplu u taċ-ċittadini tal-Krimea, permezz tal-awtoritajiet de facto preżenti fir-reġjun;

1.  Jikkundanna s-sentenzi maħruġa fil-konfront ta' Ilmi Umerov, mexxej tat-Tatari tal-Krimea u Viċi President tal-Mejlis, Akhtem Chiygoz, Viċi President tal-Mejlis, u l-ġurnalista Mykola Semena; jitlob l-annullament ta' dawn il-kundanni, kif ukoll ir-rilaxx immedjat u bla kundizzjonijiet tas-Sur Chiygozu t-twaqqigħ immedjat u bla kundizzjonijiet tal-akkużi kollha kontra s-Sur Semena;

2.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenzi ħorox li ngħataw lill-mexxejja tal-komunità tat-Tatari tal-Krimea u lil oħrajn li jopponu l-annessjoni Russa, bħal Uzair Abdullaev, Teymur Abdullaev, Zevri Abseutov, Rustem Abiltarov, Muslim Aliyev, Refat Alimov, Ali Asanov, Volodymyr Balukh, Enver Bekirov, Oleksiy Bessarabov, Hlib Shabliy, Oleksiy Chirniy, Mustafa Degermenji, Emil Dzhemadenov, Arsen Dzheparov, Volodymyr Dudka, Pavlo Gryb, Rustem Ismailov, Mykola Karpyuk, Stanislav Klykh, Andriy Kolomiyets, Oleksandr Kolchenko, Oleksandr Kostenko, Emir-Usein Kuku, Sergey Litvinov, Enver Mamutov, Remzi Memethov, Yevhen Panov, Yuri Primov, Volodymyr Prisich, Ferat Sayfullayev, Eider Saledinov, Oleg Sentsov, Vadym Siruk, Oleksiy Stogniy, Redvan Suleymanov, Roman Sushchenko, Mykola Shiptur, Dmytro Shtyblikov, Viktor Shchur, Rustem Vaitov, Valentyn Vygovsky, Andriy Zakhtey u Ruslan Zeytullaev, wara proċedimenti tal-qorti grotteski u akkużi dubjużi; jitlob ir-revoka tas-sentenzi maħruġa lilhom mill-qorti u r-rilaxx immedjat ta' dawk detenuti;

3.  Jikkundanna l-politiki diskriminatorji imposti mill-hekk imsejħa awtoritajiet b'mod partikolari fuq il-komunità indiġena tat-Tatari tal-Krimea, il-ksur tad-drittijiet ta' proprjetà tagħha, l-intimidazzjoni dejjem tikber fil-ħajja politika, soċjali u ekonomika ta' din il-komunità u ta' dawk kollha li jopponu l-annessjoni Russa;

4.  Iqis li d-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea ġew serjament miksura bil-projbizzjoni tal-attivitajiet tal-Mejlis u d-dikjarazzjoni tal-Mejlis bħala organizzazzjoni estremista fis-26 ta' April 2016, u bil-projbizzjoni fuq il-mexxejja tagħhom li jerġgħu jidħlu fil-peniżola; itenni bil-qawwa l-appell tiegħu għall-annullament immedjat tad-deċiżjonijiet relatati u l-effetti tagħhom, kif ukoll sabiex tkun żgurata l-konformità mal-Ordni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar il-miżuri proviżorji fil-kuntest tal-proċedimenti mibdija mill-Ukrajna kontra l-Federazzjoni Russa, maħruġa fid-19 ta' April 2017, li tikkonkludi li l-Federazzjoni Russa jeħtiġilha "tastjeni milli tibqa' tapplika jew milli timponi limitazzjonijiet fuq l-abilità tal-komunità tat-Tatari tal-Krimea li tikkonserva l-istituzzjonijiet rappreżentanti tagħha, fosthom il-Mejlis";

5.  Ifakkar li r-realtà ta' ripressjoni u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-estremiżmu, it-terroriżmu u s-separatiżmu wasslu għal deterjorament serju tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea u għall-ksur mifrux tal-libertà ta' espressjoni u assoċjazzjoni, u li l-impożizzjoni furzata taċ-ċittadinanza Russa saret sistematika u l-libertajiet fundamentali mhumiex garantiti fil-peniżola tal-Krimea; jitlob li l-leġiżlazzjoni diskriminatorja tiġi revokata u jenfasizza l-bżonn urġenti li tittieħed responsabilità għall-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-prattika prevalenti tat-trasferiment tad-detenuti lejn reġjuni mbiegħda tar-Russja, peress li dan jippreġudika serjament il-komunikazzjoni mal-familji u l-ħbieb tagħhom u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jimmonitorjaw il-benessri tagħhom; jissottolinja li din il-prattika tikser il-leġiżlazzjoni Russa fis-seħħ, b'mod partikolari l-Artikolu 73 tal-Kodiċi Kriminali, li jistipula li s-sentenzi jridu jiġu skontati fir-reġjun ta' residenza tal-persuni kkundanati jew li fih tkun ingħatat is-sentenza tal-qorti;

7.  Jistieden lill-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE fir-Russja jsegwu mill-qrib il-proċessi li għaddejjin bħalissa u jżommu għajnejhom fuq kif qed jiġu trattati d-detenuti; jinsab partikolarment imħasseb dwar it-rapporti rigward l-użu ta' trattamenti psikjatriċi punittivi; jistenna li d-Delegazzjoni tal-UE, is-SEAE u l-ambaxxati tal-Istati Membri jsegwu mill-qrib dawn il-proċedimenti u jfittxu li jagħmlu kuntatt mad-detenuti qabel, matul u wara l-proċessi tagħhom;

8.  Jistieden lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra l-applikazzjonijiet għal rimedju kollha mill-Krimea bl-ogħla prijorità possibbli, peress li s-sistema ġudizzjarja nazzjonali Russa ma tistax tipprovdi u ma tipprovdix rimedji legali f'dawn il-każijiet;

9.  Jikkundanna r-ripressjoni tal-istabbilimenti tal-midja indipendenti li jirrappreżentaw il-komunitajiet tal-minoranzi u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jżommu lura milli jintroduċu ostakli legali u amministrattivi biex ifixklu l-funzjonament tagħhom;

10.  Jitlob li l-osservaturi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-istrutturi speċjalizzati tan-NU, l-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, ikollhom aċċess mingħajr xkiel għall-peniżola tal-Krimea sabiex jinvestigaw is-sitwazzjoni fil-peniżola, u jappella biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ indipendenti; jappoġġa l-inizjattivi mmexxija mill-Ukrajna bil-għan li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati fi ħdan il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Assemblea Ġenerali; jistieden lis-SEAE u lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jagħtu attenzjoni kostanti għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola tal-Krimea u biex iżommu lill-Parlament infurmat;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa proġetti u skambji mmirati lejn it-titjib tal-kuntatti bejn in-nies, kif ukoll proġetti u skambji li jippromwovu l-bini tal-paċi, ir-riżoluzzjoni tal-konflitti, ir-rikonċiljazzjoni u d-djalogu interkulturali, fosthom fil-Krimea; iħeġġeġ l-evitar tal-ostakli burokratiċi u jinkoraġġixxi approċċi aktar flessibbli li jippermettu aċċess aktar faċli għall-osservaturi internazzjonali fil-peniżola, inklużi l-membri parlamentari, bil-qbil ta' Kiev u mingħajr ma dan jiġi interpretat bħala rikonoxximent tal-annessjoni;

12.  Jissottolinja li l-miżuri restrittivi għandhom ikunu imposti fuq l-individwi kollha responsabbli għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk l-uffiċjali tal-Krimea u tar-Russja direttament responsabbli għall-ħruġ ta' akkużi u sentenzi fil-konfront ta' Akhtem Chiygoz, Mykola Semena u Ilmi Umerov, u dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-iffriżar tal-assi fil-banek tal-UE u l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar; itenni l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-UE li tipprojbixxi l-importazzjonijiet mill-Krimea u l-esportazzjoni ta' ċerti prodotti u teknoloġiji, investiment, kummerċ u servizzi fil-Krimea;

13.  Jiddeplora l-qagħda mwiegħra tat-tfal tal-Krimea li qed jitrabbew mingħajr missier peress li l-missirijiet ġew imċaħħda illegalment mil-libertà tagħhom bħala priġunieri politiċi de facto, inklużi dawk trasferiti f'partijiet imbiegħda tal-Federazzjoni Russa; iqis li dan huwa ksur sfaċċat tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, id-drittijiet tat-tfal u l-obbligi internazzjonali tal-Federazzjoni Russa, bħall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lill-awtoritajiet Russi u lill-awtoritajiet de facto tal-Krimea jippermettu lill-persuni msemmija hawn fuq ikollhom kuntatt regolari ma' qrabathom, b'mod partikolari mal-minuri;

14.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li fil-kapaċità de facto tagħhom bħala setgħa okkupazzjonali li teżerċita kontroll effettiv fuq il-Krimea, huma kompletament responsabbli għall-ħarsien taċ-ċittadini tal-Krimea minn miżuri ġudizzjarji jew amministrattivi arbitrarji, u bl-istess mod huma obbligati mid-dritt umanitarju internazzjonali li jiżġuraw il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola;

15.  Jappoġġa s-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti internazzjonalment u jtenni l-kundanna tiegħu tal-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta' Sevastopol mill-Federazzjoni Russa; jappoġġa l-politika tal-UE u tal-Istati Membri tagħha li ma jirrikonoxxux l-annessjoni illegali tal-peniżola tal-Krimea u li jimponu miżuri restrittivi meħuda f'dan ir-rigward; jesprimi tħassib kbir dwar il-militarizzazzjoni fuq skala kbira li qed tapplika r-Russja fuq il-peniżola tal-Krimea, u li qed thedded is-sigurtà reġjonali u pan-Ewropea;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukrajna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Ukrajna u tal-Federazzjoni Russa, lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Mejlis tal-Poplu Tatar tal-Krimea u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0018.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0043.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0218.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0087.


Is-sitwazzjoni fil-Maldivi
PDF 271kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi (2017/2870(RSP))
P8_TA(2017)0383RC-B8-0549/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Maldivi, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Settembru 2004(1), tat-30 ta' April 2015(2) u tas-17 ta' Diċembru 2015(3),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li r-Repubblika tal-Maldivi hija parti fih,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 7 u 19 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Lulju 2017 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tal-Ħames Laqgħa Interparlamentari UE-Maldivi tat-8 u d-9 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi maħruġa fil-25 ta' Lulju 2017 mid-Delegazzjoni tal-UE fil-Maldivi, flimkien mal-Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE u l-Ambaxxati tal-Kanada, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti akkreditati għall-Maldivi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Marzu 2016 tal-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-kundanna tal-ex President tal-Maldivi, Mohamed Nasheed,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Awwissu 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Agnès Callamard, rigward it-tkomplija "imminenti" tal-eżekuzzjonijiet fil-Maldivi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE għandha relazzjonijiet stabbiliti sew mal-Maldivi u mijiet ta' eluf ta' turisti Ewropej jivvjaġġaw lejn il-Maldivi kull sena;

B.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi marret lura b'mod drammatiku mill-ewwel elezzjonijiet demokratiċi fl-2008 u billi l-ewwel president elett demokratikament, Mohamed Nasheed, tneħħa mill-poter fl-2012;

C.  billi l-libertajiet politiċi u ċivili ddgħajfu, il-mexxejja tal-oppożizzjoni ġew arrestati arbitrarjament, il-midja sfat attakkata, u ż-żieda fil-konservatiżmu reliġjuż qed titqies bħala l-kaġun ta' tnaqqis fil-libertà u t-tolleranza reliġjuża hekk kif il-President Abdulla Yameen,-l-ex-mexxej tal-Partit Progressiv tal-Maldivi u l-gvern tiegħu qed jippruvaw iżidu l-ħakma tagħhom fuq il-poter;

D.  billi fit-22 ta' Awwissu 2017 il-forzi tas-sigurtà għalqu l-Parlament (il-Majlis) bl-użu tal-forza, f'dak li l-membri parlamentari tal-oppożizzjoni ddeskrivew bħala tentattiv biex titwaqqaf mozzjoni għall-impeachment tal-Ispeaker tal-Parlament;

E.  billi membri tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jirrappurtaw aktar theddid u attakki min-naħa tal-awtoritajiet, il-pulizija u gruppi estremisti;

F.  billi, f'Marzu 2015, Mohamed Nasheed, l-ewwel president tal-Maldivi elett demokratikament, ingħata sentenza ta' 13-il sena ħabs fuq akkużi ta' terroriżmu; billi mill-85 membru tal-parlament, 12-il membru tal-oppożizzjoni għaddejjin ġuri, mill-inqas tlieta tteħdilhom il-passaport, u mill-inqas wieħed għadu arrestat arbitrarjament; billi l-elezzjonijiet presidenzjali huma pprogrammati għall-2018;

G.  billi tqajjem tħassib dwar il-ġudikatura politiċizzata ħafna tal-Maldivi, li tul is-snin abbużat mill-poteri tagħha u aġixxiet favur il-partit fil-gvern u kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni; billi d-dritt għal proċess ġust għadu mhux garantit u l-prinċipji kkonċernati jikkostitwixxu elementi fundamentali tal-istat tad-dritt;

H.  billi, fid-9 ta' Awwissu 2016, il-Parlament tal-Maldivi adotta l-"Liġi dwar il-Protezzjoni tar-Reputazzjoni u l-Fama Tajba u l-Libertà tal-Espressjoni", li timponi għadd ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u tagħti lill-gvern is-setgħa li jirrevoka jew jissospendi l-liċenzji tax-xandara, il-pubblikazzjonijiet, is-siti web u mezzi medjatiċi oħra;

I.  billi, f'Awwissu 2016, il-President tal-Maldivi rratifika għadd ta' emendi għall-Att dwar il-Libertà tal-Għaqda li jillimitaw iż-żoni li fihom jistgħu jsiru protesti legali;

J.  billi l-Maldivi, fejn il-politiċi tal-oppożizzjoni jiġu intimidati, arrestati u mitfugħa l-ħabs fuq bażi regolari, ġie identifikat mill-Kumitat tal-Unjoni Interparlamentari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri Parlamentari bħala wieħed mill-agħar pajjiżi fid-dinja għall-attakki kontra membri parlamentari tal-oppożizzjoni; billi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja, il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-pluraliżmu demokratiku kulma jmur qed jiġu mhedda aktar u aktar, bl-arrest u l-akkużi fil-konfront ta' mijiet ta' dimostranti li jipprotestaw kontra l-gvern; billi hemm evidenza dejjem akbar li tindika li l-akkużi kriminali miġjuba kontra l-avversarji politiċi tal-President Yameen setgħu kienu motivati politikament;

K.  billi l-President Yameen iddikjara ripetutament l-intenzjoni tiegħu li jerġa' jibda l-prattika tal-eżekuzzjonijiet awtorizzati mill-Istat, u b'hekk iġib fi tmiemu moratorju ta' 60 sena; billi fir-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku għoxrin Stat abolixxew il-piena kapitali u sebgħa oħra huma abolizzjonisti fil-prattika;

L.  billi llum hemm tal-anqas 20 individwu li ngħataw sentenza tal-mewt fil-Maldivi, li tal-anqas ħamsa minnhom kellhom anqas minn 18-il sena meta ġew arrestati; billi l-liġi Maldivjana, bi ksur tad-dritt internazzjonali, tippermetti li minorenni jingħataw piena tal-mewt posposta, li titwettaq meta l-minorenni jagħlaq 18-il sena; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji ħeġġeġ lill-Gvern tal-Maldivi biex ma jerġax jagħti bidu għall-eżekuzzjonijiet;

M.  billi f'tal-anqas tliet każijiet, jiġifieri dawk ta' Hussein Humaam Ahmed, Ahmed Murrath u Mohamed Nabeel, il-Qorti Suprema tal-Maldivi kkonfermat is-sentenzi tal-mewt wara proċessi li ma rrispettawx l-istandards rikonoxxuti internazzjonalment; billi t-tlieta li huma issa huma f'riskju ta' eżekuzzjoni imminenti;

N.  billi l-Kummissjoni Internazzjonali ta' Ġuristi reċentement ikkundannat is-sospensjoni ta' 56 avukat Maldivjan, terz tal-avukati prattikanti tal-pajjiż, li kollha kemm huma ħadu sehem f'appelli għal riformi ġudizzjarji maħsuba biex jiżguraw l-indipendenza tal-ġudikatura;

O.  billi hemm ukoll preokkupazzjonijiet dwar żieda fil-militanza Iżlamista radikali u dwar l-għadd ta' żgħażagħ irġiel u nisa radikalizzati li allegatament ingħaqdu mal-IS/Da'esh;

P.  billi l-blogger u kritiku vokali tal-gvern, Yameen Rasheed, inqatel fit-23 ta' April 2017; billi l-ġurnalist Ahmen Rilwan ilu nieqes minn Awwissu 2014 u huwa maħsub mejjet; billi, fl-2012, il-blogger Ismail Rasheed qala' daqqiet u ġie ferut b'arma bil-ponta;

1.  Jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika u tad-drittijiet tal-bniedem li sejra għall-agħar fil-Maldivi u dwar it-tmexxija dejjem aktar awtoritarja tal-President Abdulla Tameen u l-gvern tiegħu, li ħolqot ambjent ta' biża' u kkompromettiet il-progress li sar fil-pajjiż fis-snin riċenti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, b'mod partikolari fid-dawl tal-elezzjonijiet li se jsiru fl-2018;

2.  Jikkundanna l-adozzjoni, fl-2016, tal-Att dwar id-Diffamazzjoni u l-Libertà tal-Kelma, li għandu l-għan li jrażżan il-libertà tal-espressjoni, kif ukoll l-emendi, fl-2016, għall-Att dwar il-Libertà tal-Għaqda li jirrestrinġi d-dritt tal-għaqda; jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jagħmel il-liġijiet nazzjonali kollha konformi mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jħassar jew jirriforma l-atti msemmija hawn fuq;

3.  Jiddeplora t-trażżin tal-avversarji politiċi fil-Maldivi, u jistieden lill-gvern iwaqqa' l-akkużi kollha kontra l-ex President Mohamed Nasheed u jeħles, minnufih u bla kundizzjonijiet, lil dawk kollha li qed jinżammu għal raġunijiet politiċi, inklużi l-kap tal-Partit Jumhoory, Qasim Ibrahim; ifakkar lill-gvern fl-obbligi internazzjonali tiegħu li jirrispetta l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jinkludu garanziji minimi ta' proċess ġust;

4.  Jistieden lill-Qorti Suprema tal-Maldivi tirrevoka minnufih is-sospensjoni ta' dawk is-56 avukat li ġew sospiżi f'Settembru u li l-miżura għadha tapplika għalihom; itenni l-istedina tiegħu lill-gvern biex jiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità sħaħ tal-ġudikatura u biex jiggarantixxi għaċ-ċittadini kollha d-dritt għal ġustizzja ekwa u trasparenti mingħajr influwenza politika;

5.  Itenni l-oppożizzjoni soda tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jappella għall-abolizzjoni universali tal-piena kapitali; jikkundanna bil-qawwa t-tħabbira tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fil-Maldivi u jħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Maldivi biex jirrispettaw il-moratorju fuq il-piena tal-mewt li ilu fis-seħħ għal aktar minn 60 sena;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu pubblikament lill-President Yameen u lill-Gvern tal-Maldivi biex jeżaminaw mill-ġdid il-każijiet kollha li ngħataw sentenza tal-mewt sabiex ikun żgurat li d-drittijiet rikonoxxuti internazzjonalment u salvagwardati kostituzzjonalment ta' proċess ġust jiġu rispettati; jistieden lill-Gvern jirrevoka minnufih is-sentenzi kollha ta' piena kapitali kontra żgħażagħ u jipprojbixxi l-eżekuzzjoni ta' trasgressuri żgħażagħ;

7.  Jemmen li l-uniku mod biex jitwaqqaf id-deterjorament tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fil-Maldivi huwa permezz ta' proċess ta' djalogu ġenwin li jinvolvi lill-partiti politiċi kollha u lil mexxejja ċiviċi oħra;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jirrispetta u jappoġġja bis-sħiħ id-dritt li wieħed jipprotesta, il-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-libertà ta' kuxjenza u l-libertà ta' reliġjon u ta' twemmin, irrispettivament mir-reliġjon tal-maġġoranza;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jtemm l-impunità għall-vigilantes li użaw il-vjolenza kontra nies li kienu qed jippromwovu t-tolleranza reliġjuża, id-dimostranti paċifiċi, il-midja u s-soċjetà ċivili kritiċi;

10.  Jikkundanna l-għeluq furzat tal-Majlis Maldivjan għall-membri tiegħu u l-fastidju, l-intimidazzjoni u l-arrest ta' membri eletti tal-parlament;

11.  Jikkundanna l-intimidazzjoni u t-theddid kontinwi kontra ġurnalisti, bloggers u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi, l-arresti ta' reporters, u l-attakki għal għarrieda fuq organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet u l-għeluq furzat tagħhom;

12.  Jistieden lill-gvern jiggarantixxi investigazzjoni imparzjali u indipendenti dwar il-mewt ta' Yameen Raheed u l-ħtif ta' Ahmed Rilwan sabiex dawk kollha responsabbli jiġu identifikati u jittellgħu l-qorti;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Maldivjani jiżguraw li l-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldivi, il-Kummissjoni dwar l-Integrità Nazzjonali u l-kummissjonijiet elettorali jistgħu joperaw indipendentement u mingħajr indħil mill-gvern; jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jikkoopera bis-sħiħ mal-mekkaniżmi tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Proċeduri Speċjali u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

14.  Jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tippromwovi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi fil-Maldivi, anke billi tikkunsidra li ddaħħal sanzjonijiet immirati individwali temporanji kontra dawk li qed jipperikolaw id-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Gvern tal-Maldivi.

(1) ĠU C 140E, 9.6.2005, p. 165.
(2) ĠU C 346, 21.9.2016, p. 60.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0464.


Kooperazzjoni msaħħa: Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ***
PDF 244kWORD 47k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE") (09941/2017 – C8-0229/2017 – 2013/0255(APP))
P8_TA(2017)0384A8-0290/2017

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill (09941/2017),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0229/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0290/2017),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' regolament tal-Kunsill;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


Sistemi penitenzjarji u kundizzjonijiet fil-ħabsijiet
PDF 181kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2017 dwar is-sistemi penitenzjarji u l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet (2015/2062(INI))
P8_TA(2017)0385A8-0251/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 19, 47, 48 u 49 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) (Artikolu 3, Artikolu 8), il-protokolli tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea tal-1987 dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti u r-rapporti tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (Artikoli 3 u 5), il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-Artikolu 7) u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fi New York fl-20 ta' Novembru 1989,

–  wara li kkunsidra l-Kummenti Ġenerali li ġejjin tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal: in-Nru 10 (2007) dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja tal-minorenni, in-Nru 13 (2011) dwar id-dritt tat-tfal għall-ħelsien minn kull forma ta' vjolenza u n-Nru 17 (2013) dwar id-dritt tat-tfal għall-mistrieħ, divertiment, logħob, attivitajiet rikreattivi, ħajja kulturali u l-arti (Artikolu 31),

–  wara li kkunsidra r-regoli minimi tan-NU dwar it-trattament tal-ħabsin u d-dikjarazzjonijiet u l-prinċipji adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU; wara li kkunsidra r-Regoli Standard Minimi tan-NU għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tal-Minorenni (ir-Regoli ta' Beijing) adottati mill-Assemblea Ġenerali; wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġustizzja li tiffavorixxi t-tfal; wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, notevolment ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2006)2 dwar ir-Regoli Ewropej dwar il-Ħabsijiet, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2006)13 dwar l-użu tal-arrest provviżorju, il-kundizzjonijiet li fihom iseħħ u l-għoti ta' salvagwardji kontra l-abbuż, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2008)11 dwar ir-regoli Ewropej għal delinkwenti minorenni suġġetti għal sanzjonijiet jew miżuri, ir-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2010)1 dwar ir-Regoli tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-probazzjoni, u r-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2017)3 dwar ir-Regoli Ewropej dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri; wara li kkunsidra wkoll ir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Jannar 1996 dwar il-kundizzjonijiet foqra fil-ħabsijiet fl-Unjoni Ewropea(1), u tas-17 ta' Diċembru 1998 dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet fl-Unjoni Ewropea: titjib u pieni alternattivi(2), tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-programm multi-annwali 2010-2014 dwar iż-Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (il-Programm ta' Stokkolma)(3) u tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-Unjoni(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi f'materji kriminali li jimponu pieni ta' kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea(6) ("trasferimenti ta' priġunieri"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/947/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta' sanzjonijiet alternattivi(7) ("probation u sanzjonijiet alternattivi"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta' Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja(8) ("ordni ta' sorveljanza Ewropea"),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali intitolata "Id-detenzjoni kriminali u l-alternattivi: aspetti tad-drittijiet fundamentali fit-trasferimenti transfruntiera tal-UE",

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Tisħiħ tal-fiduċja reċiproka fiż-żona ġudizzjarja Ewropea – Green Paper dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġustizzja kriminali fil-qasam tad-detenzjoni" (COM(2011)0327),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi magħquda C-404/15 u C-659/15 PPU, Pál Aranyosi u Robert Căldăraru,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta' ċittadini Ewropej minn organizzazzjonijiet terroristiċi(10), u l-Manwal UNODC dwar il-ġestjoni ta' priġunieri estremisti vjolenti u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni għall-vjolenza fil-ħabsijiet(11),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni bil-miktub 0006/2011 tal-14 ta' Frar 2011 dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali tad-detenuti fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kwistjonijiet penitenzjarji,

–  wara li kkunsidra l-white paper tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-affollament eċċessiv tal-ħabsijiet tat-28 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2012)12 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-ħabsin barranin, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fl-10 ta' Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec (2012)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Etika għall-Persunal tal-Ħabs, adottata mill-Kumitat tal-Ministri fit-12 ta' April 2012,

–  wara li kkunsidra l-manwal tal-Kunsill tal-Ewropa għas-servizzi fil-ħabs u tal-probazzjoni rigward ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti,

–  wara li kkunsidra l-istudji tal-Osservatorju Penali Ewropew (EPO), "Il-bidla ta' prattiki nazzjonali għal linji gwida Ewropej: inizjattivi interessanti fil-ġestjoni tal-ħabsijiet" (2013) u "korpi ta' monitoraġġ nazzjonali tal-kundizzjonijiet fil-ħabs u l-istandards Ewropej" (2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0251/2017),

A.  billi, fl-2014, aktar minn nofs miljun persuna nżammu fil-ħabsijiet fl-Unjoni Ewropea, inklużi l-persuni li nstabu ħatja li kienu qed jiskontaw il-pieni definittivi tagħhom u l-persuni akkużati b'reat u li kienu jinsabu f'detenzjoni proviżorja;

B.  billi l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u l-ġestjoni tal-ħabsijiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, iżda l-UE wkoll għandha rwol neċessarju x'taqdi fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-ħabsin u fil-ħolqien ta' Spazju Ewropew ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja; billi hija l-UE li għandha tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri li jaffaċċjaw problemi komuni li joħolqu tħassib konkret fil-qasam tas-sigurtà fit-territorju Ewropew;

C.  billi s-sitwazzjoni fil-ħabsijiet u l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni kultant degradanti u inumani f'ċerti Stati Membri huma preokkupanti ħafna, kif juru rapporti bħal dawk tal-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa;

D.  billi l-affollament eċċessiv tal-ħabsijiet huwa problema rikorrenti fl-Unjoni, kif jirrikonoxxi aktar minn terz tal-Istati Membri u juru r-rapporti bħall-aktar pubblikazzjoni reċenti tal-Istatistika Penali Annwali tal-Kunsill tal-Ewropa (SPACE) ippubblikata fl-14 ta' Marzu 2017; u billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset l-affollament eċċessiv bħala ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB;

E.  billi l-affollament eċċessiv tal-ħabsijiet ifixkel l-estradizzjoni jew it-trasferiment ta' persuni kkundannati minħabba tħassib rigward il-kundizzjonijiet ħżiena fil-ħabsijiet fl-istat riċeventi; billi s-sitwazzjoni f'ċerti Stati Membri qed tkompli tiggrava, tant li saret inkontrollabbli fi ftit mill-ħabsijiet tagħhom;

F.  billi l-affollament eċċessiv tal-ħabsijiet huwa ta' detriment serju għall-kwalità tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, jista' jikkontribwixxu għar-radikalizzazzjoni, għandu effetti negattivi fuq is-saħħa u l-benessri tal-ħabsin, huwa ostakolu għal riabilitazzjoni soċjali, u jikkontribwixxi għal ambjent tax-xogħol għall-persunal tal-ħabsijiet li jkun nieqes mis-sikurezza, ikkumplikat u mhux tajjeb għas-saħħa;

G.  billi fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2005 fil-kawża Hirst vs ir-Renju Unit, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonfermat li projbizzjoni ġenerali u awtomatika tad-dritt tal-vot tal-ħabsin ma kinitx konformi mad-demokrazija; billi fl-2011, 58.7 % tal-ħabsin intitolati li jivvutaw fil-Polonja pparteċipaw fl-elezzjonijiet parlamentari;

H.  billi m'hemm l-ebda korrelazzjoni bejn il-gravità tal-pieni u t-tnaqqis fir-rata tal-kriminalità;

I.  billi l-priġunerija hija sitwazzjoni partikolarment mhux adattata biex jitqiegħdu fiha ċerti persuni vulnerabbli, bħall-minorenni, l-anzjani, in-nisa tqal, u l-persuni li jsofru minn mard mentali jew fiżiku serju jew invalidità; billi tali persuni jeħtieġu approċċ xieraq imfassal b'mod speċifiku;

J.  billi l-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jistipula li d-detenzjoni tat-tfal "għandha tintuża biss bħala l-aħħar miżura u għall-iqsar perijodu ta' żmien possibbli" u li "t-tfal għandhom jinżammu separati mill-adulti sakemm ma jkunx meqjus li jkun fl-aħjar interess tat-tifel/tifla li ma jsirx hekk";

K.  billi, skont id-data tal-Eurostat, aktar minn 20 % tal-popolazzjoni totali tal-ħabs fl-2014 kienet tikkonsisti minn detenuti miżmuma taħt arrest;

L.  billi d-detenzjoni ta' qabel proċess jenħtieġ li tintuża biss bħala miżura tal-aħħar istanza; billi t-tfal jenħtieġ li qatt ma jinżammu f'faċilità fejn ikunu vulnerabbli għal influwenzi negattivi; billi jenħtieġ li dejjem jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal fil-fażi ta' żvilupp;

M.  billi l-priġunerija, inkluża d-detenzjoni qabel il-proċess, jenħtieġ li tintuża biss f'każijiet iġġustifikati legalment u l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet bħala alternattivi għall-priġunerija - bħal detenzjoni d-dar jew miżuri oħrajn - jenħtieġ li jingħataw prijorità fil-każ ta' ħabsin li ma jippreżentawx periklu serju għas-soċjetà, billi jinżammu f'ambjent miftuħ u familjari u jingħataw aċċess aħjar għas-servizzi soċjali, il-kura u r-reintegrazzjoni;

N.  billi d-delinkwenti minorenni jenħtieġ li, fil-prinċipju, dejjem ikunu intitolati għal alternattivi għad-detenzjoni irrispettivament mir-reat li jkunu wettqu;

O.  billi skont iċ-ċifri tal-Kunsill tal-Ewropa għall-2015, medja ta' 10.8 % tad-detenuti fil-ħabsijiet Ewropej huma barranin – ċifra li fl-2014 telgħet għal 13.7 % – u billi huma ta' spiss f'detenzjonijiet proviżorji minħabba riskju ogħla possibbli li jaħarbu;

P.  billi l-persunal penitenzjarju jwettaq funzjoni essenzjali f'isem il-komunità u jenħtieġ li jkollu kundizzjonijiet ta' impjieg li jixirqu l-kwalifiki tal-persunal u li jqisu n-natura eżiġenti tax-xogħol tagħhom; billi meta titqies in-natura diffiċli u delikata tal-attività tagħhom, miżuri bħal taħriġ inizjali u kontinwu aħjar għall-persunal tal-ħabs, żieda fil-finanzjament iddedikat, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u sikuri u żieda fil-livelli tal-persunal huma essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tajbin ta' detenzjoni fil-ħabsijiet; billi t-taħriġ kontinwu jista' jgħin biex jappoġġja persunal tal-ħabs fl-indirizzar ta' sfidi ġodda u emerġenti bħalma huma r-radikalizzazzjoni fil-ħabs;

Q.  billi l-persunal tal-ħabs li jkun motivat, dedikat u rispettat huwa prekundizzjoni għal kundizzjonijiet ta' detenzjoni umani u għalhekk għas-suċċess tal-kunċetti tad-detenzjoni ddisinjati biex itejbu l-ġestjoni tal-ħabsijiet, ir-reintegrazzjoni b'suċċess fis-soċjetà, u t-tnaqqis tar-riskji tar-radikalizzazzjoni u tar-reċidiviżmu;

R.  billi l-awtoleżjoniżmu u l-imġiba vjolenti tal-ħabsin ta' spiss huma provokati mill-affollament eċċessiv fil-ħabs u mill-kundizzjonijiet deplorevoli ta' detenzjoni; billi fattur addizzjonali huwa li l-persunal mhuwiex imħarreġ jew kwalifikat b'mod xieraq; billi f'ħafna ħabsijiet il-livell ta' tensjoni qed joħloq kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment diffiċli għall-persunal, li f'għadd ta' każijiet wasslu għal azzjoni industrijali fl-Istati Membri;

S.  billi l-amministrazzjoni penitenzjarja effiċjenti trid tirċievi fondi u persunal adegwati biex twettaq il-missjoni ta' sigurtà u ta' riabilitazzjoni tagħha;

T.  billi l-projbizzjoni ta' tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra hija norma universali, applikabbli għall-adulti kif ukoll għat-tfal, u kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħabsin li ma jirriżultax minn restrizzjonijiet li huma vitali għaċ-ċaħda tal-libertà jikkostitwixxi detriment għad-dinjità tal-bniedem;

U.  billi r-rata ta' suwiċidju fil-ħabsijiet tal-Unjoni Ewropea hija partikolarment allarmanti;

V.  billi r-radikalizzazzjoni f'ħafna ħabsijiet fl-UE hija fenomenu ta' tħassib kbir li teħtieġ attenzjoni partikolari, u għandha bżonn tiġi indirizzata permezz ta' mezzi xierqa, fuq bażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-obbligi internazzjonali; billi l-fatturi li jikkawżaw iż-żieda f'dan il-fenomenu jistgħu jinkludu kundizzjonijiet inumani ta' detenzjoni fil-ħabsijiet u l-affollament eċċessiv fil-ħabs, li jistgħu jinkoraġġixxu l-influwenza ta' dawk li jirreklutaw għal estremiżmu vjolenti;

W.  billi l-Unjoni għamlet il-finanzjament disponibbli taħt l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà sabiex tindirizza r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet; billi minħabba l-kuntest tas-sigurtà fl-Ewropa, hemm ħtieġa urġenti li kull Stat Membru jadotta miżuri ta' prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet; billi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell Ewropew huwa kruċjali;

X.  billi xi wħud mis-sistemi u l-faċilitajiet attwali tal-ħabs, u proporzjon sinifikanti mill-binjiet li bħalissa qed jintużaw bħala ħabsijiet f'numru ta' pajjiżi Ewropej imorru lura għas-seklu 19; billi xi wħud minn dawn il-binjiet m'għadhomx xierqa għall-użu fis-seklu 21 peress li joffru kundizzjonijiet deplorabbli li jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

Y.  billi r-riċerka kkonkludiet li l-iżvilupp ta' demokrazija rappreżentattiva u ta' djalogu kostruttiv fil-ħabsijiet kien ta' benefiċċju għall-ħabsin, għall-persunal u għas-soċjetà inġenerali u jgħin biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-persunal u l-ħabsin;

1.  Huwa allarmat dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni eżistenti f'ċerti Stati Membri u dwar l-istat ta' bosta ħabsijiet Ewropej; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli tad-detenzjoni, li jirriżultaw minn strumenti tad-dritt internazzjonali u tal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa; jinnota li ċ-ċaħda tal-libertà ma twassalx għal ċaħda tad-dinjità; jistieden lill-Istati Membri jadottaw mekkaniżmu indipendenti ta' sorveljanza penitenzjarja kif previst fil-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura (OPCAT);

2.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ġuridiċi tagħhom u jinvestu fit-taħriġ għall-imħallfin;

3.  Jerġa' jafferma li l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni huma element deċiżiv għall-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawżi Aranyosi u Căldăraru; ifakkar l-importanza fundamentali tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi stipulat fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-affollament eċċessiv fil-ħabsijiet huwa komuni ħafna fl-Ewropa; huwa allarmat dwar il-livelli rekord ġodda ta' affollament eċċessiv f'ċerti Stati Membri; jenfasizza li skont l-aħħar edizzjoni tal-istatistika penali annwali tal-Kunsill tal-Ewropa tal-14 ta' Marzu 2017, in-numru ta' detenuti jkompli jaqbeż in-numru ta' postijiet disponibbli f'terz tal-istituzzjonijiet penitenzjarji Ewropej; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-white paper tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-affollament eċċessiv fil-ħabsijiet tat-28 ta' Settembru 2016 u r-Rakkomandazzjoni R(99)22 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-30 ta' Settembru 1999 dwar l-affollament eċċessiv fil-ħabsijiet u l-inflazzjoni fil-popolazzjoni tal-ħabsijiet;

5.  Jinnota li l-Istati Membri jikkalkolaw il-kapaċità tal-ħabsijiet u, b'konsegwenza, ir-rata ta' affollament eċċessiv fil-ħabsijiet, skont parametri spazjali differenti ħafna minn Stat Membru għall-ieħor, li jagħmilha diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jsir paragun fil-livell tal-Unjoni;

6.  Jiddeplora wkoll il-fatt li, f'ħafna każijiet, l-affollament eċċessiv fil-ħabsijiet għandu impatt serju fuq is-sikurezza tal-persunal tal-ħabs u l-ħabsin, li jaffettwa l-kundizzjonijiet ta' għajxien u s-saħħa, l-attivitajiet disponibbli, il-kura medika u psikoloġika u r-riabilitazzjoni u l-monitoraġġ tal-ħabsin; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi u databases għall-monitoraġġ f'ħin reali tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tal-ħabsin, u tiġi żgurata distribuzzjoni effiċjenti tal-popolazzjoni tal-ħabs tagħhom;

7.  Iqis li ż-żieda fil-kapaċità tal-ħabsijiet mhijiex l-unika soluzzjoni għall-affollament eċċessiv; madanakollu jistieden lill-Istati Membri biex jallokaw riżorsi adegwati għar-rinnovament u l-modernizzazzjoni tal-ħabsijiet sabiex jagħtu prijorità lil unitajiet żgħar b'akkomodazzjoni għal numru ristrett ta' ħabsin, jipprovdu kundizzjonijiet ta' detenzjoni dinjitużi, joħolqu spazji kollettivi li jilħqu l-objettivi tal-provvediment ta' attivitajiet u tas-soċjalizzazzjoni, iħeġġu r-riabilitazzjoni u r-reintegrazzjoni fis-soċjetà, jiżviluppaw aktar faċilitajiet edukattivi, u jiżguraw ambjent aktar sigur kemm għall-ħabsin kif ukoll għall-persunal;

8.  Iqis li r-regoli ta' detenzjoni li jvarjaw skont il-ħabsin u l-livell ta' riskju li jippreżentaw jikkostitwixxu metodu tajjeb għall-prevenzjoni tar-reċidiviżmu u t-tħeġġiġ tar-reintegrazzjoni fis-soċjetà; jinnota għal darb'oħra li l-miżuri ta' reintegrazzjoni għandhom jiġu internalizzati u jibdew japplikaw matul id-detenzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqisu t-tip ta' delitt imwettaq meta jiddeċiedu kif iqassmu l-popolazzjoni kkalzrata fil-ħabsijiet, billi jevitaw il-kuntatt ta' persuni detenuti għal żmien qasir u dawk ikkundannati għal reati minuri ma' ħabsin ikkundannati għal żmien twil;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lid-detenuti bi programm ibbilanċjat ta' attivitajiet u biex ikunu jistgħu jqattgħu kemm jista' jkun sigħat fil-ġurnata barra miċ-ċelel tagħhom daqs kemm hu neċessarju għal livell adegwat ta' interazzjoni umana u soċjali u biex jitnaqqsu l-frustrazzjoni u l-vjolenza; jenfasizza li l-akkomodazzjoni pprovduta għall-ħabsin, u b'mod partikolari l-kundizzjonijiet tal-irqad, għandhom jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u l-privatezza, u jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-saħħa u tal-iġjene, billi tingħata l-attenzjoni dovuta għall-kundizzjonijiet klimatiċi u b'mod speċjali għall-ispazju ta' art, il-kontenut kubiku tal-arja, id-dawl, l-evitar ta' livelli għoljin ta' storbju, it-tisħin u l-ventilazzjoni; Jistieden lill-Istati Membri kollha jadottaw definizzjoni komuni ta' "spazju minimu" li għandu jingħata lil kull detenut; ifakkar li l-Kummissjoni, dan l-aħħar, semmiet il-possibbiltà ta' finanzjament għall-Istati Membri mill-Fondi Strutturali tal-UE;

10.  Jistieden lill-Istati Membri biex jaħsbu għar-reklutaġġ ta' voluntiera, fl-ambitu tal-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet, biex jappoġġjaw il-persunal professjonali, bil-għan li tinħoloq rabta li tħeġġeġ ir-reintegrazzjoni tal-individwi fis-soċjetà; iqis li l-kompiti tal-voluntiera għandhom ikunu distinti b'mod ċar minn dawk imwettqa mill-persunal professjonali u għandhom jaqgħu fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom;

11.  Jissuġġerixxi li l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu l-ispettorati għall-bini ta' detenzjoni (bħalma jsir f'ċerti Stati Membri), biex jinsiltu l-lezzjonijiet mill-ħidma ta' korpi indipendenti għall-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet;

12.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda fil-privatizzazzjoni ta' sistemi tal-ħabsijiet fl-UE, u jfakkar li l-privatizzazzjoni ta' sistemi kriminali spiss tħalli bosta mistoqsijiet mhux imwieġba rigward l-impatt tagħha fuq il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni u fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali; jiddeplora l-fatt li saru verament ftit studji komparattivi biex jiġu evalwati l-ispejjeż u l-kwalità tal-ġestjoni fir-rigward tal-ħabsijiet pubbliċi u privati; jenfasizza li l-ħidmiet ewlenin tal-gwida, tas-sorveljanza u tal-amministrazzjoni tal-qrati jridu jibqgħu f'idejn l-Istat;

13.  Ifakkar li d-detenzjoni proviżorja trid tibqa' miżura bħala l-aħħar alternattiva, li tintuża biss f'każijiet fejn tkun strettament neċessarja u għall-aktar perjodu ta' żmien qasir kemm jista' jkun skont il-kodiċi nazzjonali tal-proċedura kriminali li tkun tapplika; jiddeplora li, f'ħafna Stati Membri, fil-prattika, id-detenzjoni proviżorja tintuża b'mod sistematiku, li flimkien ma' kundizzjonijiet ħżiena ta' detenzjoni, imma mhux biss, tista' tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħabsin; iqis li biex tissolva l-problema tal-użu żejjed ta' detenzjoni qabel il-proċess hemm bżonn ta' soluzzjonijiet innovattivi, inkluż permezz tal-modernizzazzjoni tal-kodiċi tal-proċeduri kriminali u tat-tisħiħ tal-ġudikatura;

14.  Ifakkar li r-Regoli Ewropej dwar il-Ħabsijiet, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, jissottolinjaw li l-ħabsin jenħtieġ li jkunu kapaċi jieħdu sehem fl-elezzjonijiet u r-referenda u f'aspetti oħra tal-ħajja pubblika, sa fejn id-dritt tagħhom li jagħmlu dan ma jkunx ristrett mil-liġi nazzjonali; ifakkar li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet elettorali tippermetti lill-ħabsin jerġgħu jsiru membri attivi tas-soċjetà, li jgħin fit-triq tar-reintegrazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess prattiku għad-drittijiet elettorali għall-ħabsin, bħall-istabbiliment ta' kmamar tal-votazzjoni fil-ħabsijiet fil-ġranet tal-elezzjoni;

15.  Jinsisti li jenħtieġ li tiġi implimentata ġestjoni effiċjenti fit-tul tas-sistemi penitenzjarji, biex jonqos in-numru ta' ħabsin permezz ta' użu aktar frekwenti ta' miżuri punittivi mhux ta' kustodja – bħall-ordnijiet għas-servizz fil-komunità jew sorveljanza elettronika – u jiġi mminimizzat ir-rikors għal detenzjoni qabel proċess;

16.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li, flimkien mal-aspetti punittivi tal-priġunerija, tingħata wkoll attenzjoni lill-iżvilupp ta' ħiliet prattiċi u r-riabilitazzjoni tal-ħabsin sabiex ikun hemm ġestjoni aħjar tal-pieni, reintegrazzjoni soċjali ta' suċċess u inqas reċidiviżmu; Jinnota li l-priġunerija, meta mqabbla ma' miżuri alternattivi, twassal għal aktar reċidivi fil-każ tal-pieni qosra;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri ta' aġġustament tal-pieni, speċjalment għall-pieni l-aktar qosra, inkluż l-użu ta' rilaxxi għal jum, il-permess li l-pieni jsiru matul il-vaganzi sabiex jiġi evitat li l-ħabsi jitlef l-impjieg tiegħu, servizz fil-komunità, u użu akbar ta' detenzjoni d-dar u sorveljanza elettronika; isostni wkoll li huwa xieraq li tissaħħaħ l-individwalizzazzjoni tal-piena għal eżekuzzjoni aħjar;

18.  Iqis li, sabiex il-miżuri ġodda mhux ta' kustodja jkunu effettivi, l-introduzzjoni ta' dawn tal-aħħar jenħtieġ li tkun akkumpanjata b'miżuri oħra bħal riformi penali, edukattivi u soċjali li jfittxu li jippromwovu r-reintegrazzjoni u kuntatt mas-soċjetà u l-ekonomija esterni; f'dan ir-rigward, jemmen li l-amministrazzjonijiet penitenzjarji jenħtieġ li jistabbilixxu rabtiet qawwija mal-komunitajiet lokali, jipproduċu dokumenti ta' spjegazzjoni u evidenza statistika mmirata biex tipperswadi lill-opinjoni pubblika li miżuri mhux ta' kustodja huma meħtieġa biex inaqqsu r-reċidiviżmu kif ukoll biex jiżguraw is-sigurtà fit-tul fis-soċjetà tagħna; f'dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni għall-aħjar prattiki li jeżistu fil-pajjiżi Skandinavi;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju komparattiv biex tanalizza l-miżuri alternattivi tal-Istati Membri u tappoġġja t-tixrid tal-aħjar prattiki nazzjonali;

20.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jintroduċu miżuri aktar b'saħħithom għall-monitoraġġ tal-ħabsin wara li joħorġu mill-ħabs, meta dawn ikunu kkundannati għal raġunijiet serji; jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti miżuri ta' monitoraġġ wara r-rilaxx, b'sejħa ta' udjenza mmexxija minn imħallef u assistit minn aġenti ta' probazzjoni u ta' reintegrazzjoni, sabiex jevalwaw ir-reintegrazzjoni fis-soċjetà u r-riskju ta' reċidiviżmu;

21.  Jenfasizza li d-Deċiżjoni Qafas dwar probazzjoni u sanzjonijiet alternattivi tipprevedi mekkaniżmi ta' rikonoxximent reċiproku applikabbli għal miżuri użati mill-Istati Membri, bħal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ordnijiet ta' servizz fil-komunità, restrizzjonijiet ta' komunikazzjoni u ta' miżuri ta' tneħħija u li d-Deċiżjoni Qafas dwar ordnijiet ta' sorveljanza Ewropea tipprevedi l-istess għad-detenzjoni proviżorja;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi rigward il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet għad-detenuti vulnerabbli; jiddeplora l-fatt li, xi kultant, il-persuni li jbatu minn mard mentali jintefgħu u jibqgħu l-ħabs sempliċiment minħabba nuqqas ta' servizzi adegwati fuq barra, u jfakkar li skont il-QEDB, it-trattament mhux adegwat ta' persuni b'diżordni mentali jista' jammonta għal ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB u tal-Artikolu 2 tagħha (id-dritt għall-ħajja) fil-każ ta' ħabsin suwiċidali;

23.  Jiddeplora l-fatt li s-sitwazzjoni vulnerabbli tal-ħabsin anzjani u dawk b'diżabbiltà mhijiex ikkunsidrata bis-sħiħ f'xi Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħabsin anzjani li jibdew isofru minn diżabbiltà jiġu rilaxxati u li d-detenuti b'diżabbiltà jiġu pprovduti bl-infrastruttura meħtieġa;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jaġixxu kontra kull forma ta' diskriminazzjoni fit-trattament tal-ħabsin abbażi tal-orjentament sesswali jew l-identità tal-ġeneru, u biex jiggarantixxu d-drittijiet tal-ħabsin għas-sesswalità tagħhom;

25.  Jenfasizza li d-detenuti nisa għandhom ħtiġijiet speċifiċi u jrid ikollhom aċċess għal servizzi mediċi u eżaminazzjonijiet mediċi adegwati u għal miżuri sanitarji xierqa; jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet eżistenti rigward it-trattament tad-detenuti nisa filwaqt li jevitaw kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru;

26.  Iqis li huwa essenzjali li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tan-nisa fil-ħabsijiet waqt it-tqala u wkoll wara li jkunu welldu, billi jingħataw spazji adegwati li fihom ikunu jistgħu jreddgħu u għal kura minn infermiera kwalifikati u speċjalizzati; iqis li huwa xieraq li ssir riflessjoni fuq mudelli alternattivi li jqisu l-benessri tat-tfal fil-ħabsijiet; isostni li s-separazzjoni awtomatika tal-omm minn uliedha toħloq disturbi emozzjonali maġġuri fit-tfal, u tista' tikkostitwixxi piena addizzjonali li taffettwa kemm l-omm kif ukoll lit-tfal;

27.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għal-livell għoli ta' suwiċidji fil-ħabsijiet; jistieden lil kull Stat Membru biex ifassal pjan ta' azzjoni fuq livell nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju ta' persuni f'detenzjoni;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħabsin għandhom kuntatti regolari mal-familji u l-ħbieb tagħhom billi jippermettulhom li jiskontaw il-pieni tagħhom fi stabbilimenti viċin djarhom, u billi jiġu promossi żjarat, telefonati u l-użu ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, suġġetti għal awtorizzazzjoni mill-imħallef u monitoraġġ mill-amministrazzjoni tal-ħabs, għall-finijiet ta' preżervazzjoni tar-rabtiet tal-familja; ifakkar li l-kunċett ta' familja għandu jiġi interpretat b'mod wiesa' biex jinkludi relazzjonijiet mhux formalizzati; iqis bħala importanti li jingħataw kundizzjonijiet xierqa sabiex jinżammu dawn ir-rabtiet;

29.  Jikkundanna l-politika ta' tbegħid penitenzjarju applikata minn xi Stati Membri, billi din tirrappreżenta pieni miżjuda li jaffettwaw lill-familji tal-ħabsin; iħeġġeġ li jiġu stabbiliti miżuri biex jippermettu lill-ħabsin kollha li jinsabu 'l bogħod minn djarhom biex jersqu eqreb, sakemm l-awtorità ġudizzjarja ma tiddeċidix mod ieħor għal raġunijiet ġustifikati legalment; ifakkar li skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iż-żamma ta' persuna f'ħabs li huwa tant 'il bogħod mill-familja tiegħu jew tagħha li jagħmel iż-żjarat mill-familjari diffiċli ħafna jew anke impossibbli jista' jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB (id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja);

30.  Jerġa' jafferma l-importanza li jiġi żgurat li t-tfal jiġu trattati b'mod li jqis l-aħjar interessi tagħhom, inkluż li fl-ebda ħin ma jinżammu separati mill-adulti, anki matul it-trasferimenti bejn il-ħabsijiet, u li jkollhom id-dritt li jżommu kuntatt mal-familji tagħhom sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor;; jiddispjaċih li f'xi Stati Membri d-delinkwenti minorenni jinżammu f'faċilitajiet flimkien ma' adulti, u b'hekk jiġu esposti għar-riskju tal-abbuż u l-vjolenza u jiċċaħħdu mill-kura speċifika li grupp vulnerabbli jeħtieġ; ifakkar li d-Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għat-tfal tiddikjara preferenza għall-użu ta' miżuri alternattivi; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu ċ-ċentri ta' attendenza għall-adoloxxenti;

31.  Ifakkar li t-tfal fid-detenzjoni għandhom jirċievu kura, protezzjoni u l-għajnuna individwali kollha meħtieġa - soċjali, edukattiva, vokazzjonali, psikoloġika, medika u fiżika - li jistgħu jeħtieġu fid-dawl tal-età, is-sess u l-personalità tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu ċentri edukattivi siguri b'faċilitajiet għall-kura psikjatrika tat-tfal għall-aktar tfal diffiċli, minflok ma jirrikorru għall-ħabs; jistieden lill-Istati Membri jestendu kura partikolari u protezzjoni speċjali lit-tfal f'detenzjoni;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu faċilitajiet tal-edukazzjoni xierqa għall-minorenni fil-ħabsijiet; jinnota li t-tfal fid-detenzjoni jrid ikollhom aċċess għal programmi li jħejjuhom bil-quddiem għar-ritorn tagħhom fil-komunitajiet tagħhom, billi tingħata attenzjoni sħiħa lilhom fir-rigward tal-ħtiġijiet emozzjonali u fiżiċi tagħhom, tar-relazzjonijiet familjari tagħhom, tal-akkomodazzjoni, tat-tagħlim u tal-possibbiltajiet ta' impjieg u tal-istatus soċjoekonomiku tagħhom;

33.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistabbilixxi gruppi ta' ħidma speċifiċi magħmula minn rappreżentanti tal-ministeri tal-ġustizzja tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll tal-NGOs li jaħdmu fil-qasam sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki;

34.  Jinnota li t-tfal fid-detenzjoni jenħtieġ li jżommu kuntatt regolari u sinifikanti mal-ġenituri, mal-familja u mal-ħbieb permezz ta' żjarat u korrispondenza, ħlief meta jkunu meħtieġa restrizzjonijiet fl-interessi tal-ġustizzja u fl-interessi tat-tfal; ifakkar li r-restrizzjonijiet fuq dan id-dritt jenħtieġ li ma jintużaw qatt bħala piena;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi politiki mmirati biex tingħeleb id-diskriminazzjoni li jistgħu jbatu minnha l-ulied ta' ġenituri l-ħabs, biex tissaħħaħ l-integrazzjoni soċjali u tinbena soċjetà ġusta u inklużiva;

36.  Jirrikonoxxi d-dritt tat-tfal li jżommu kuntatt dirett mal-ġenitur detenut tagħhom u, fl-istess ħin, itenni d-dritt tal-ħabsi għat-trobbija tal-ulied bħala ġenitur; iqis f'dan ir-rigward li l-ħabsijiet għandhom ikunu mgħammra bi spazju xieraq għat-tfal, fejn it-tfal ikunu jistgħu jiġu indokrati minn uffiċjali tal-ħabs imħarrġa b'mod adegwat, inklużi assistenti soċjali u voluntiera minn NGOs li jkunu jistgħu jgħinu lit-tfal u lill-familji tagħhom waqt iż-żjarat fil-ħabs;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li jitfassal memorandum ta' qbil fil-livell tal-UE sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni tar-relazzjoni ta' paternità mal-ġenituri l-ħabs u tippermetti lill-ġenituri jkunu preżenti waqt mumenti importanti fl-edukazzjoni ta' wliedhom, u b'hekk jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-minorenni;

38.  Jissottolinja li l-ħabsin li jinżammu fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru ta' residenza tagħhom ikollhom aktar diffikultajiet biex iżommu kuntatt mal-familji tagħhom;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet fis-seħħ dwar it-trattament tal-ħabsin barranin, ibbażati fuq id-dritt tagħhom li ma jiġux iddiskriminati, u b'mod partikolari billi jiffavorixxu l-intervent ta' medjaturi kulturali;

40.  Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw reklużjoni biss bħala l-aħħar alternattiva u fejn ħabsi jirrappreżenta periklu lil ħabsin oħrajn jew lilu nnifsu jew lilha nnifisha, u biex toħloq il-mekkaniżmi possibbli kollha biex jiġi evitat l-abbuż; jistieden lill-Istati Membri biex jieqfu jużaw ir-reklużjoni għall-minorenni;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-fenomenu tat-traffikar ta' sustanzi u drogi illeċiti fil-ħabsijiet b'mod aktar effettiv;

42.  Ifakkar fil-prinċipju tad-dritt universali għas-saħħa, u jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa adegwati u faċilitajiet mediċi adegwati fil-ħabs u biex jiżguraw li l-ħabsin ikollhom aċċess għal kura tas-saħħa meta meħtieġ billi jkun hemm prattikanti mediċi kwalifikati maħtura f'numri suffiċjenti għal kull ħabs; jesprimi tħassib dwar id-diffikultajiet esperjenzati minn ħabsin f'għadd ta' Stati Membri biex jiksbu aċċess għal tabib jew appoġġ psikoloġiku;

43.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ħabsin li jbatu minn patoloġiji serji jew kroniċi inkluż il-kanser jirċievu t-trattamenti speċifiċi li jkunu meħtieġa;

44.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma joperawx diġà tali prattiki biex jitqies l-aġġustament tas-sentenzi ta' ħabsin morda serjament għal raġunijiet umanitarji, soġġetta għall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja, u b'kont meħud tal-grad ta' periklu tad-detenuti u l-opinjoni ta' kumitat ta' esperti;

45.  Jitlob lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-fenomenu dejjem jikber tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet filwaqt li jħarsu l-libertà tar-reliġjon u jevitaw diskriminazzjonijiet relatati mal-ipprattikar ta' twemmin partikolari; jissottolinja li kwalunkwe programm speċifiku ddedikat lil ċertu grupp ta' ħabsin, bħal dawk meqjusa bħala "radikalizzati", irid jirrispetta l-istess kriterji tad-drittijiet tal-bniedem u tal-obbligi internazzjonali li japplikaw għal kwalunkwe ħabsi ieħor; jirrakkomanda li l-amministrazzjonijiet tal-ħabsijiet tinforma lill-awtoritajiet kompetenti rigward ir-radikalizzazzjoni ta' individwi;

46.  Jenfasizza li l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni inumani, it-trattament ħażin u l-affollament eċċessiv tal-ħabsijiet jistgħu jikkostitwixxu fatturi li jżidu r-riskju ta' radikalizzazzjoni;

47.  Iqis li r-radikalizzazzjoni tista' tiġi indirizzata b'mod effikaċi permezz, inter alia, tat-titjib tad-detezzjoni ta' sinjali bikrija tal-fenomenu (pereżempju permezz ta' taħriġ tal-persunal tal-ħabs u t-titjib tal-intelligence fil-ħabsijiet), it-titjib ta' mekkaniżmi li jittrattaw imġiba estremista, l-iżvilupp ta' miżuri edukattivi, u l-appoġġ ta' djalogu u komunikazzjoni bejn ir-reliġjonijiet; iqis li mentoraġġ aħjar, aktar kura psikoloġika u skambji ma' individwi deradikalizzati huma essenzjali fil-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni; jinnota li ż-żgħażagħ huma partikolarment vulnerabbli għall-propaganda tal-organizzazzjonijiet terroristiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta' deradikalizzazzjoni;

48.  Huwa tal-fehma li l-attivitajiet ta' monitoraġġ tal-Istati Membri għandhom jinkludu s-sinjalizzazzjoni tal-ħabsin radikalizzati l-aktar perikolużi lill-awtoritajiet ġudizzjarji u/jew lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

49.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiskambjaw l-aħjar prattiki bil-għan li tiġi evitata u miġġielda r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet u fiċ-ċentri ta' detenzjoni għall-minorenni; Ifakkar li skont l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, l-UE għamlet il-finanzjament disponibbli biex jappoġġja t-taħriġ tal-persunal tal-ħabs bil-għan li tiġi miġġielda r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ miċ-Ċentru ta' Eċċellenza tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), u b'mod speċifiku biex jikkondividu aktar l-għarfien espert permezz tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Ħabsijiet u l-Probazzjoni fih;

50.  Jinnota li r-regoli ta' detenzjoni differenzjata tad-detenuti li tqiesu li ġew radikalizzati jew reklutati minn organizzazzjonijiet terroristiċi jirrappreżentaw miżura possibbli li tillimita r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet; iwissi, madankollu, li tali miżuri għandhom jiġu imposti biss fuq bażi ta' każ b'każ u għandhom ikunu bbażati fuq deċiżjoni ġudizzjarja u suġġetti għal rieżami mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti;

51.  Jenfasizza li l-persunal tal-ħabs iwettaq xogħol ferm eżiġenti f'isem il-komunità, u għalhekk għandu jkollu rimunerazzjoni adegwata u jgawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, li jinkludu konsulenza psikoloġika bla ħlas u linji telefoniċi għall-għajnuna speċjalizzati li jkunu mfassla biex jipprovdu appoġġ lill-persunal li jiffaċċja problemi li aktarx jaffettwaw ix-xogħol tagħhom;

52.  Ifakkar li r-rikonoxximent soċjali u t-taħriġ sistematiku tal-persunal tal-ħabs huma essenzjali biex jiżguraw kundizzjonijiet ta' detenzjoni siguri u xierqa fil-ħabsijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-informazzjoni, jiskambjaw u japplikaw l-aħjar prattiki u jadottaw kodiċi ta' kondotta u etika għall-persunal tal-ħabs tagħhom; jitlob għal dan l-għan li tiġi organizzata Assemblea Ġenerali tal-Amministrazzjonijiet Penitenzjarji, li jenħtieġ li tinkludi rappreżentanti tal-persunal tal-ħabs;

53.  Ifakkar fir-rwol fundamentali tad-djalogu soċjali mal-persunal tal-ħabs kif ukoll il-bżonn għall-involviment tagħhom permezz ta' informazzjoni u konsultazzjoni, b'mod speċjali meta jiġu żviluppati kunċetti ta' detenzjoni ġodda ddisinjati biex itejbu s-sistemi u l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet, inkluż dawk immirati biex irażżnu t-theddid mir-radikalizzazzjoni;

54.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw djalogu regolari bejn il-ħabsin u l-persunal tal-ħabs, għaliex ir-relazzjonijiet professjonali tajba bejn il-persunal u l-ħabsin huma element essenzjali ta' sigurtà dinamika biex jitnaqqas il-potenzjal ta' inċidenti jew biex tiġi rrestawrata l-ordni tajba permezz ta' proċess ta' djalogu;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-gvernaturi tal-ħabsijiet jimpenjaw ruħhom għall-iżvilupp ta' kunsilli tal-ħabs fl-istabbilimenti kollha;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi Forum Ewropew dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet sabiex tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn esperti u prattikanti minn madwar l-Istati Membri kollha;

57.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-UE jieħdu l-miżuri meħtieġa fl-oqsma tagħhom ta' kompetenza biex jiggarantixxu r-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-ħabsin, u b'mod partikolari ta' persuni vulnerabbli, tfal, persuni b'mard mentali, persuni b'diżabbiltà u nisa, inkluża l-adozzjoni ta' standards u regoli Ewropej komuni ta' detenzjoni fl-Istati Membri kollha;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tiġbor informazzjoni u statistika dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-Istati Membri kollha u dwar kwalunkwe każ ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tad-detenuti, abbażi tar-rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà; jistieden lill-Istati Membri jippermettu lill-MEPs id-dritt ta' aċċess għall-ħabsijiet u għaċ-ċentri ta' detenzjoni mingħajr tfixkil;

59.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw Karta Ewropea tal-Ħabsijiet, skont ir-Rakkomandazzjoni 1656/2004 tas-27 ta' April 2004 tal-Kunsill tal-Ewropa;

60.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu politiki rigward ir-reintegrazzjoni tal-ħabsin fil-ħajja ċivili, b'mod partikolari politiki li għandhom l-għan li jneħħu ostakoli strutturali li jipprevjenu r-reintegrazzjoni tal-eks-ħabsin fis-soċjetà, u biex jistabbilixxu politiki dwar il-monitoraġġ u l-aġġustament tal-pieni; jinnota li r-reċidiviżmu huwa inqas frekwenti meta l-ħabsin jgħaddu b'mod gradwali mill-ħajja wara l-ħitan għall-ħajja barra l-ħitan tal-ħabs;

61.  Iqis li, idea restorattiva u protettiva tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali, awtomatikament tinvolvi aktar rispett lejn id-dinjità tal-bniedem tal-individwu, minħabba li l-għan tagħha huwa l-protezzjoni tas-soċjetà u r-riabilitazzjoni tal-persuna billi ssir aktar faċli li jinkisbu l-objettivi tal-kastig b'għan ta' edukazzjoni mill-ġdid, li l-ħabsin jerġgħu jintegraw soċjalment u li jitnaqqas ir-reċidiviżmu; jiddispjaċih li l-iżvilupp tal-medjazzjoni u tal-prattiki restorattivi fuq l-użu ta' proċedimenti dixxiplinari huwa kważi totalment nieqes fil-maġġoranza tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu preferenza lill-politiki u l-leġiżlazzjonijiet li jiffukaw fuq ġustizzja restorattiva u bbażata fuq il-medjazzjoni, li tagħmel użu minn strumenti soċjali, ekonomiċi u kulturali aktar milli miżuri purament punittivi;

62.  Jenfasizza l-importanza li jingħata aċċess għal kwalifiki edukattivi u professjonali għall-ħabsin; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri joffru attivitajiet sinifikanti bħal taħriġ edukattiv jew opportunitajiet ta' xogħol skont l-istandards internazzjonali għall-ħabsin kollha, bl-għan li jissoċjalizzaw mill-ġdid lid-detenuti u jipprovduhom b'għodod għal ħajja ħielsa mill-kriminalità wara ż-żmien li jkunu qattgħu fil-ħabs; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-detenuti jaħdmu, jistudjaw għal kwalifika jew jattendu kors ta' taħriġ matul id-detenzjoni, sabiex jimmaniġġjaw aħjar il-ħin tagħhom u jippreparaw rwieħhom għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-soċjetà; iqis li huwa indispensabbli li l-minorenni jkollhom aċċess għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali;

63.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw għodod sabiex jappoġġjaw ir-ritorn tall-ħabsin fil-ħajja professjonali sabiex jidentifikaw il-possibbiltajiet ta' impjieg fir-rigward tal-bżonnijiet tat-territorju, biex jorganizzaw u jissorveljaw it-taħriġ u l-impjieg b'mod kemm jista' jkun personalizzat u biex jiddjalogaw b'mod kostanti mar-rappreżentanti tal-impjegaturi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' taħriġ immirata biex tinkoraġġixxi lill-impjegaturi u lil kumpaniji privati jipprovdu taħriġ professjonali lid-detenuti bil-għan li jiġu reklutati fl-aħħar tal-perjodu tad-detenzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex joħolqu inċentivi għal min iħaddem li jixtiequ jimpjegaw ħabsin jew jinkoraġġixxu ex ħabsin biex iwaqqfu n-negozju tagħhom, inklużi inċentivi finanzjarji u fiskali; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jistabbilixxu punti ta' kuntatt biex jinħelsu d-detenuti li joffru informazzjoni u appoġġ għal attivitajiet ta' tiftix ta' impjieg kif ukoll tagħlim mandatorju u strettament sorveljat mill-bogħod;

64.  Ifakkar li l-Fond Soċjali Ewropew huwa strument finanzjarju tal-Unjoni bil-għan li jtejjeb il-prospetti tal-impjiegi għal miljuni ta' Ewropej, b'mod partikolari għal dawk li jsibuha diffiċli biex isibu x-xogħol, inklużi l-ħabsin u l-eks-delinkwenti; jilqa' l-istabbiliment ta' proġetti li jgħinu lill-ħabsin jerġgħu jintegraw mill-ġdid fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol ladarba jkunu skontaw is-sentenza tagħhom;

65.  Jenfasizza li l-ebda xogħol imwettaq minn ħabsi m'għandu jitqies bħala forma ta' piena u li jrid jiġi miġġieled l-abbuż potenzjali; jenfasizza li opportunitajiet ta' xogħol offruti lill-ħabsin jenħtieġ li jkunu rilevanti għall-istandards u t-tekniki tax-xogħol kontemporanji u jenħtieġ li jkunu organizzati biex jiffunzjonaw f'sistemi ta' ġestjoni u proċessi tal-produzzjoni moderni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li x-xogħol fil-ħabs jiġi renumerat aħjar milli huwa attwalment; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju komparattiv dwar il-pagi tal-ħabsin fl-Istati Membri, bl-għan li jiġu identifikati livelli ta' rikompens ġusti u sostenibbli li jippermettu li kull ħabsi jkun jista' jaħdem;

66.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattika dwar l-edukazzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-programmi ta' reintegrazzjoni, b'mod partikolari sabiex tittejjeb ir-reintegrazzjoni wara li joħorġu mill-ħabs u jgħinu biex jiġu evitati r-reċidiviżmu u aktar każijiet ta' radikalizzazzjoni;

67.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġjaw b'mod tekniku u ekonomiku, sa fejn possibbli, it-titjib fis-sistemi u fil-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet, b'mod speċjali fl-Istati Membri li jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji serji;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapporti dettaljati dwar is-sitwazzjoni tal-ħabsijiet fl-Ewropa b'intervalli ta' ħames snin, wara l-approvazzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni preżenti, inkluż analiżi fil-fond dwar il-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ mogħtija lid-detenuti u valutazzjoni tar-riżultati (inklużi r-rati ta' reċidiviżmu) ta' miżuri alternattivi għad-detenzjoni;

69.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura.

(1) ĠU C 32, 5.2.1996, p. 102.
(2) ĠU C 98, 9.4.1999, p. 299.
(3) ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 12.
(4) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 82.
(5) ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.
(6) ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27.
(7) ĠU L 337, 16.12.2008, p. 102.
(8) ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20.
(9) ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0410.
(11) www.unodc.org/documents/brussels/News/2016.10_Handbook_on_VEPs.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza