Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 14 ta' Diċembru 2017 - StrasburguVerżjoni finali
Il-libertà ta' espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' Nguyen Van Hoa
 Il-Kambodja: il-projbizzjoni tal-oppożizzjoni
 El Salvador: il-każijiet ta' nisa li ttellgħu l-qorti minħabba li kellhom korriment
 Sitwazzjoni fl-Afganistan
 Sitwazzjoni tar-Rohingya
 Implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija
 Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2016
 Strateġija Ewropea għal Mobilità b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet

Il-libertà ta' espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' Nguyen Van Hoa
PDF 336kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-libertà ta' espressjoni fil-Vjetnam, b'mod partikolari l-każ ta' Nguyen Van Hoa (2017/3001(RSP))
P8_TA(2017)0496RC-B8-0685/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra s-Seba' Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam tal-1 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam iffirmat fis-27 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi li l-Vjetnam aderixxa miegħu fl-1982,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-26 ta' Frar 2016 fil-każ 1409/2014/MHZ dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq minn qabel valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE tqis li l-Vjetnam huwa sieħeb importanti fl-Asja; billi fl-2015 seħħ il-25 anniversarju tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Vjetnam; billi l-ambitu ta' dawn ir-relazzjonijiet twessa' bil-ħeffa, mill-kummerċ u l-għajnuna għal sħubija aktar komprensiva;

B.  billi l-vidjografu u blogger ta' 22 sena Nguyen Van Hoa ġie rrappurtat nieqes mill-familja tiegħu fil-11 ta' Jannar 2017, u wara ħareġ li kien ġie detenut mill-pulizija mingħajr mandat uffiċjali;

C.  billi Nguyen Van Hoa inizjalment ġie arrestat taħt l-Artikolu 258 tal-Kodiċi Penali tal-Vjetnam u mixli li kien "abbuża mil-libertajiet demokratiċi biex imur kontra l-interessi tal-istat"; billi f'April 2017, dawn l-akkużi tqawwew għal ksur tal-Artikolu 88; billi l-Artikolu 88 tal-Kodiċi Penali ntuża ħafna kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li kixfu abbużi fil-Vjetnam;

D.  billi, fis-27 ta' Novembru 2017, Nguyen Van Hoa ġie kkundannat għal seba' snin ħabs talli xerred informazzjoni online, inklużi filmati, dwar id-diżastru ambjentali li ġara f'April 2016 fil-Provinċja ta' Ha Tinh, meta Formosa Ha Tinh, kumpanija tal-azzar Tajwaniża, ikkawżat skariku illegali ta' skart industrijali tossiku fil-baħar, li ħalla effetti ambjentali devastanti tul 200 km ta' kosta, qatel organiżmi tal-baħar u għamel ħsara lill-bnedmin;

E.  billi dan id-diżastru qajjem għadab wiesa' fost il-popolazzjoni Vjetnamiża, u wassal għall-mobilizzazzjoni ta' netwerks soċjali u għal dimostrazzjonijiet paċifiċi enormi fl-ibliet il-kbar kollha tal-Vjetnam; billi l-arrest ta' Nguyen Van Hoa kien wieħed minn sensiela ta' arresti mill-awtoritajiet Vjetnamiżi fil-jiem ta' qabel il-festa ta' Tet;

F.  billi l-Qorti Popolari tal-Provinċja ta' Ha Tinh sabet lil Nguyen Van Hoa ħati li pproduċa propaganda kontra l-istat taħt l-Artikolu 88 tal-Kodiċi Penali, wara proċess li dam sagħtejn u nofs; billi Nguyen Van Hoa ma tħalliex ikollu aċċess għal avukat li jirrappreżentah waqt il-proċess;

G.  billi, fit-30 ta' Novembru 2017, qorti Vjetnamiża kkonfermat is-sentenza ta' 10 snin ħabs ta' blogger oħra, Nguyen Ngoc Nhu Quynh, għal propaganda kontra l-istat wara li kitbet kontributi online kritiċi fuq id-degradazzjoni tal-ambjent, il-politika u l-imwiet waqt id-detenzjoni mill-pulizija;

H.  billi l-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-proċeduri u l-mekkaniżmi speċjali tiegħu iddenunzjaw ripetutament l-Artikolu 88 tal-Kodiċi Penali, flimkien ma' diversi dispożizzjonijiet oħra tal-Kodiċi, bħala ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

I.  billi l-biċċa l-kbira tal-midja huma proprjetà tal-istat u huma kkontrollati minnu; billi l-libertà tal-istampa hija ristretta bil-kbir; billi l-Vjetnam huwa kklassifikat fil-175 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa 2017 ta' Reporters Without Borders; billi, b'reazzjoni għall-għadab wiesa' fost il-popolazzjoni Vjetnamiża wara d-diżastru fil-Provinċja ta' Ha Tinh, l-awtoritajiet għal ftit żmien ibblukkaw l-aċċess għan-netwerks soċjali, irreprimew id-dimostrazzjonijiet bil-vjolenza u arrestaw lil dimostranti;

J.  billi, f'April 2016, il-Vjetnam adotta Liġi dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni u Liġi dwar l-Istampa emendata, li tirrestrinġi l-libertà ta' espressjoni u ssaħħaħ iċ-ċensura, kif ukoll regolamenti li jipprojbixxu d-dimostrazzjonijiet barra l-qrati waqt li jkunu għaddejjin il-proċessi;

K.  billi l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin hija ripressa fil-Vjetnam, u billi l-Knisja Kattolika u reliġjonijiet mhux rikonoxxuti, bħall-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, bosta knejjes Protestanti u oħrajn, inklużi membri tal-minoranza etnika tal-Montagnards, għadhom iġarrbu persekuzzjoni reliġjuża ħarxa;

L.  billi, matul is-Seba' Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam, ġew diskussi l-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni, ta' għaqda, ta' reliġjon u twemmin, u l-aċċess għall-informazzjoni; billi l-UE ssottolinjat id-deterjorament tad-drittijiet ċivili u politiċi fil-Vjetnam; billi ħeġġet lill-Vjetnam biex joħroġ stediniet permanenti lill-Proċeduri Speċjali tan-NU;

1.  Jikkundanna s-sentenza ta' seba' snin ħabs mogħtija lil Nguyen Van Hoa; jissottolinja li Nguyen Van Hoa eżerċita d-dritt tiegħu tal-libertà ta' espressjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jeħilsu lil Nguyen Van Hoa minnufih u mingħajr kundizzjonijiet;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-għadd ta' detenzjonijiet, arresti u kundanni ta' ċittadini Vjetnamiżi bi rbit mal-espressjoni tal-opinjonijiet tagħhom;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-approċċ dejjem aktar restrittiv meħud mill-awtoritajiet rigward il-libertà ta' espressjoni u libertajiet oħra; jikkundanna, f'dan ir-rigward, l-użu mill-awtoritajiet ta' fastidju psikoloġiku u fiżiku, id-detenzjoni domiċiljari extraġudizzjarja, pressjoni fuq avukati, impjegaturi, sidien tal-kera u membri tal-familji ta' attivisti, u sorveljanza intrużiva; jesprimi tħassib, barra minn hekk, dwar ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-libertà ta' moviment biex ma jħallux lil bloggers u attivisti jieħdu sehem f'avvenimenti pubbliċi bħalma huma diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jżommuhom milli jattendu proċessi ta' attivisti oħra;

4.  Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jeħilsu liċ-ċittadini kollha li sfaw arrestati għaliex eżerċitaw paċifikament il-libertà ta' espressjoni tagħhom;

5.  Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex itemmu r-restrizzjonijiet kollha fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-atti ta' fastidju kontrihom, u li jiggarantixxu f'kull ċirkostanza li dawn ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem mingħajr biża' ta' rappreżalji, u ħielsa minn kwalunkwe restrizzjoni, inkluż mill-fastidju ġudizzjarju;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar l-applikazzjoni estensiva tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà nazzjonali fil-Kodiċi Penali tal-Vjetnam;

7.  Jiddenunzja l-użu tal-piena tal-mewt mill-Vjetnam għal ċerti reati ta' sigurtà nazzjonali, kif jippreskrivi l-Kodiċi Penali emendat tal-pajjiż, u l-fatt li l-Vjetnam għadu jagħti sentenzi tal-mewt; itenni l-oppożizzjoni qawwija tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jistabbilixxu moratorju fuq il-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tal-piena kapitali għar-reati kollha;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Vjetnam biex jemenda ċerti Artikoli tal-Kodiċi Penali tiegħu, fosthom l-Artikolu 88 dwar il-propaganda u l-Artikolu 79 dwar attivitajiet maħsuba biex iwaqqgħu l-amministrazzjoni, li ġew iddenunzjati mill-OHCHR bħala ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u biex jiżgura li kwistjonijet ta' sigurtà nazzjonali ma jintużawx bħala pretest għas-soppressjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' reliġjon u twemmin; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-Liġi l-ġdida dwar l-Assoċjazzjonijiet u l-Liġi dwar it-Twemmin u r-Reliġjon, li mhumiex kompatibbli man-normi internazzjonali;

9.  Iħeġġeġ lill-Vjetnam biex joħroġ stedina permanenti lill-Proċeduri Speċjali tan-NU, b'mod partikolari lir-Rapporteur Speċjali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni u lir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jagħtihom aċċess liberu u mingħajr restrizzjonijiet għall-partijiet kollha li jkunu jixtiequ jikkonsultaw;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifika mill-Vjetnam tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u jħeġġu biex jimpenja ruħu fiha b'mod sinifikattiv, inkluż billi jagħmel sottomissjonijiet regolari u dettaljati skont id-dispożizzjonijiet tagħha; jinsisti li l-ebda dikjarazzjoni li tkun saret taħt it-tortura jew trattament ħażin ieħor mhi ta' min jorbot fuqha bħala evidenza għall-kundanna ta' individwi mixlija bi propaganda jew b'akkużi oħra motivati politikament;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tas-sħubija u d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam, u jfakkar fl-importanza tad-Djalogu bħala strument kruċjali li għandu jintuża b'mod effiċjenti biex jakkumpanja u jinkoraġġixxi lill-Vjetnam fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-UE qajmet il-kwistjonijiet tal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni u taż-żieda fl-għadd ta' detenzjonijiet, arresti u kundanni matul is-Seba' Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Vjetnam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni bil-qawwa biex tissorvelja l-progress taħt id-Djalogu permezz tal-introduzzjoni ta' parametri referenzjarji u mekkaniżmi ta' sorveljanza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex jibqgħu iqajmu l-kwistjoni tal-libertà ta' espressjoni fid-djalogu regolari tagħhom mal-Vjetnam, inkluż waqt Is-Summit Asja-Ewropa (ASEM) li jmiss fi Brussell fl-2018;

13.  Jappella lill-awtoritajiet Vjetnamiżi biex jindirizzaw id-diżastru ambjentali fil-Provinċja ta' Ha Tinh, li kkawża l-mewt ta' mases ta' ħut fir-reġjun u affettwa l-ħajjiet ta' eluf ta' persuni, permezz ta' miżuri leġiżlattivi għar-restawr u r-riabilitazzjoni tal-ekonomija lokali;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), kif ukoll lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Vjetnam.


Il-Kambodja: il-projbizzjoni tal-oppożizzjoni
PDF 337kWORD 52k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-Kambodja: b'mod partikolari x-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP) (2017/3002(RSP))
P8_TA(2017)0497RC-B8-0686/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Settembru 2017(1),

–  wara li kkunsidra ż-żjara tad-delegazzjoni tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) tal-Parlament Ewropew tat-30 u l-31 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-16 ta' Novembru 2017 dwar ix-xoljiment tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tat-22 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja, u d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tad-Delegazzjoni tal-UE tat-3 ta' Settembru 2017 u tal-25 ta' Awwissu 2017 dwar restrizzjonijiet ta' spazju politiku fil-Kambodja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni (A/RES/53/144) adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-8 ta' Marzu 1999 dwar id-Dritt u r-Responsabilità ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali Universalment Rikonoxxuti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Paċi ta' Pariġi tal-1991, li fl-Artikolu 15 tagħhom jistabbilixxu impenn dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kambodja, inkluż min-naħa tal-firmatarji internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kambodjana, b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha, li fih huma minquxa d-drittijiet u l-libertajiet ta' espressjoni u tal-assemblea, l-Artikolu 35 dwar id-dritt ta' parteċipazzjoni politika u l-Artikolu 80 dwar l-immunità parlamentari,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2017, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja kompliet tmur għall-agħar, billi f'dan il-pajjiż twettqu għadd dejjem jikber ta' arresti ta' membri tal-oppożizzjoni politika, ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

B.  billi l-parlament tal-Kambodja għadda żewġ settijiet ta' emendi ripressivi għal-"Liġi dwar il-Partiti Politiċi" fl-2017, li fihom bosta restrizzjonijiet mfassla biex joħolqu ostakli għal partiti tal-oppożizzjoni;

C.  billi, fis-6 ta' Ottubru 2017, il-Ministeru tal-Intern ippreżenta talba lill-Qorti Suprema biex jiġi xolt il-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP) taħt "tal-Liġi dwar il-Partiti Politiċi";

D.  billi, fis-16 ta' Novembru 2017, il-Qorti Suprema ħabbret ix-xoljiment tas-CNRP, fi tmiem seduta ta' ġurnata waħda; billi l-Qorti Suprema ppprojbixxiet ukoll 118 politiku tas-CNRP milli jkunu attivi politikament għal ħames snin; billi din id-deċiżjoni, li kienet ibbażata fuq żewġ sensiliet ta' emendi kontroversjali għal-"Liġi dwar il-Partiti Politiċi", tħalli lill-gvern mingħajr ebda oppożizzjoni qabel l-elezzjonijiet ġenerali tas-sena d-dieħla, skedati għal Lulju 2018;

E.  billi membri tal-partiti tal-oppożizzjoni ġew imħarrka u ffastidjati mill-awtoritajiet tal-Kambodja għal snin sħaħ; billi anqas minn 40 % tal-membri tas-CNRP fil-Parlament baqgħu fil-Kambodja wara li l-membri l-oħra kienu sfurzati jaħarbu mill-pajjiż, billi ġew mhedda b'arresti;

F.  billi l-Ministeru tal-Intern għandu setgħat wiesgħa biex jissospendi partiti politiċi abbażi ta' kriterji li huma definiti biss b'mod vag; billi, fit-2 ta' Ottubru 2017, il-Ministeru tal-Intern xolja 20 partit politiku skont l-Artikoli 19 u 20 tal-"Liġi dwar il-Partiti Politiċi";

G.  billi fit-3 ta' Settembru 2017, Kem Sokha, president tas-CNRP, ġie arrestat u akkużat bi tradiment taħt l-Artikolu 443 tal-Kodiċi Kriminali tal-Kambodja, minkejja li kellu l-immunità parlamentari; billi t-talba ta' Kem Sokha għall-ħelsien fuq pleġġ ġiet miċħuda fis-26 ta' Settembru 2017, meta huwa ma setax jattendi s-seduta ta' smigħ, wara li d-dipartiment tal-ħabsijiet qal li ma setax jiżgura s-sikurezza tiegħu; billi skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, huwa kien interrogat fl-24 ta' Novembru 2017, minkejja li ma kienx ingħata aċċess xieraq għal parir legali jew għal kura medika privata; billi l-istatus legali tiegħu għandu jiġi ċċarat; billi t-talba għal pleġġ issa hija pendenti quddiem il-Qorti Suprema; billi huwa jista' jeħel sa 30 sena ħabs jekk jinstab ħati; billi l-President tal-Qorti, Dith Munty, huwa membru tal-kumitat permanenti tal-partit fit-tmexxija;

H.  billi l-kwistjoni tal-ħtif tal-art għadha ta' tħassib kbir fil-Kambodja; billi kien hemm żieda kostanti f'arresti u detenzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni politika, kummentaturi politiċi, trejdunjonisti, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Kambodja, inkluż fl-AHGNS 5; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Tep Vanny mill-komunità Boeung Kak għadu jinsab il-ħabs, jiskonta sentenza ta' sentejn u nofs b'rabta ma' protesta paċifika fl-2013; billi fit-8 ta' Diċembru 2017 il-Qorti Suprema kkonfermat is-sentenza kontra Tep Vanny;

I.  billi l-President preċedenti tas-CNRP, Sam Rainsy, ġie mġiegħel jirriżenja wara theddid legali; billi huwa nstab ħati in absentia ta' diffamazzjoni kriminali u llum jgħix fl-eżilju; billi mix-xoljiment tal-oppożizzjoni, għadd dejjem akbar ta' membri tas-CNRP fil-parlament ħarbu mill-Kambodja; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw li xi wħud qed ifittxu l-asil;

J.  billi l-influwenza taċ-Ċina qed taqdi rwol importanti fil-ħajja politika fil-Kambodja u għandha impatt fuq il-gvern tal-pajjiż;

K.  billi il-Kambodja tibbenefika mill-iktar skema favorevoli disponibbli taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), jiġifieri l-iskema Kollox Barra l-Armi (KĦA); billi l-UE allokat EUR 410 miljuni għall-Kambodja għall-perjodu finanzjarju 2014–2020, li minnhom EUR 10 miljun għal appoġġ għall-proċess ta' riforma elettorali fil-Kambodja;

L.  billi d-dritt għal parteċipazzjoni politika huwa minqux fl-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja; billi d-deċiżjoni li jixxolja s-CNRP huwa pass sinifikanti lilhinn mit-triq tal-pluraliżmu u d-demokrazija minquxa fil-Kostituzzjoni tal-Kambodja;

M.  billi 55 NGO ħarġu sejħa ġdida għal Konferenza ta' Pariġi ġdida dwar il-Kambodja mal-partijiet interessati kollha biex jiddiskutu l-istat tad-dritt u d-demokrazija fil-Kambodja sabiex il-Gvern tal-Kambodja jitħeġġeġ jikkunsidra mill-ġdid il-politika tiegħu dwar il-partiti tal-oppożizzjoni;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward ix-xoljiment tas-CNRP; jiddispjaċih ħafna dwar il-projbizzjoni tal-partit, li tikkostitwixxi evidenza ta' azzjoni awtokratika ulterjuri mill-Prim Ministru Hun Sen; iħeġġeġ lill-gvern jirrevoka d-deċiżjoni li jxolji s-CNRP, biex jerġgħu jieħdu l-pożizzjonijiet tagħhom il-membri eletti fil-parlament nazzjonali u l-kunsill, biex tiġi permessa l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partiti tal-oppożizzjoni fil-ħajja pubblika u jiġi żgurat spazju liberu għal azzjoni għall-mezzi tax-xandir u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tintemm il-klima ta' biża' u intimidazzjoni, peress li dawn kollha huma prekundizzjonijiet għal elezzjonijiet ħielsa, inklużivi u trasparenti;

2.  Itenni t-tħassib qawwi tiegħu espress fir-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar il-klima li qed tmur għall-agħar għall-politiċi tal-oppożizzjoni, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u membri tas-soċjetà ċivili fil-Kambodja;

3.  Jappoġġa l-fehma tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem li l-akkużi kontra s-CNRP u l-membri tiegħu kienu vagi, kif kienu vagi wkoll id-dispożizzjonijiet legali li jappoġġaw l-ilment biex il-partit jixxolja;

4.  Iqis li l-Qorti Suprema fi Phnom Penh qed tindaħal b'mod inaċċettabbli fid-drittijiet tal-poplu tal-Kambodja li jagħżlu liberament ir-rappreżentanti politiċi tagħhom u jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-2018; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ġudikatura indipendenti u imparzjali fil-pajjiż;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jirrevoka l-emendi reċenti kollha għal-"Liġi dwar il-Partiti Politiċi" u liġijiet elettorali li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertajiet politiċi;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-arrest ta' Kem Sokha u ta' attivisti politiċi oħra; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kambodja biex b'mod immedjat jirrevokaw il-mandat ta' arrest għall-mexxej tal-oppożizzjoni Sam Rainsy u jwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrih, u biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lil Kem Sokha mill-ħabs u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih u kontra membri oħra tal-oppożizzjoni;

7.  Jesprimi tħassib rigward l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet kredibbli u trasparenti fil-Kambodja fl-2018, wara d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li xxolji lis-CNRP; jisħaq li proċess elettorali li l-partit ewlieni tal-oppożizzjoni ġie arbitrarjament eskluż minnu mhuwiex proċess leġittimu, u li elezzjoni trasparenti u kompetittiva hija strument ewlieni biex jiġu żgurati l-paċi u l-istabilità fil-pajjiż u fir-reġjun kollu kemm hu;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li tirtira kull assistenza elettorali sakemm il-Kambodja ma twettaqx riformi konformi mal-istandards elettorali internazzjonali sabiex tavvanza d-demokrazija u tipproteġi l-ispazju tas-soċjetà ċivili;

9.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex jużaw il-mezzi kollha disponibbli biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-poplu tal-Kambodja li jeleġġi u li jiġi elett, biex jiggarantixxu l-pluraliżmu u l-prinċipji demokratiċi f'konformità stretta mal-Kostituzzjoni tal-Kambodja;

10.  Ifakkar lill-Gvern Kambodjan li jeħtieġlu jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu rigward il-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma element essenzjali tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni;

11.  Jenfasizza li r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fundamentali huwa prerekwiżit biex il-Kambodja tkompli tibbenefika mill-iskema preferenzjali tal-UE "Kollox Barra l-Armi"; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissarju Malmström jirrevedu immedjatament l-obbligi tal-Kambodja skont il-konvenzjonijiet fl-Artikolu 19 tar-regolament tal-EBA; jenfasizza li jekk il-Kambodja qed taġixxi bi ksur tal-obbligu tagħha skont ir-regolament EBA, il-preferenzi tariffarji li tgawdi bħalissa għandhom jiġu rtirati b'mod temporanju;

12.  Jappella lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iħejju lista ta' individwi responsabbli mix-xoljiment tal-oppożizzjoni u minn ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, bil-ħsieb li jiġu imposti fuqhom restrizzjonijiet possibbli tal-viża u iffriżar ta' assi;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0348.


El Salvador: il-każijiet ta' nisa li ttellgħu l-qorti minħabba li kellhom korriment
PDF 363kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar il-każijiet ta' nisa li ttellgħu l-qorti f'El Salvador minħabba li kellhom korriment (2017/3003(RSP))
P8_TA(2017)0498RC-B8-0695/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 8, 19, 157, 216 u 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 7 tal-Pjan ta' Azzjoni UE-CELAC (Komunità ta’ Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew) 2015-2017 dwar il-Ġeneru,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing, adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005), Beijing +15 (2010) u Beijing +20 (2015),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-Triju ta' Presidenzi tal-UE tad-19 ta' Lulju 2017 mill-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1567/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar l-għajnuna għal strateġiji u azzjonijiet dwar ir-riproduttività u s-saħħa sesswali u d-drittijiet fil-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw(2),

–  wara li kkunsidra l-ħames Għan ta' Żvilupp tal-Millennju tan-NU – it-titjib tas-saħħa materna,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra r-rieżami tal-2017 tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa dwar id-drittijiet tan-nisa f'El Salvador, u l-osservazzjonijiet konklużivi tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 24 u 39 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura, li El Salvador ilu firmatarju tagħha mill-1996,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 144 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta' El Salvador, li jiddikjara li t-trattati internazzjonali konklużi ma' stati jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jikkostitwixxu liġijiet tar-Repubblika, u li, f'każijiet li fihom ikun hemm kunflitt bejn it-trattat u l-liġi, it-trattat jipprevali,

–  wara li kkunsidra l-Qafas għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw il-Ħajjiet tal-Bniet permezz tal-Azzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-11 ta' Mejju 2015 tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni kontra n-nisa fil-liġi u fil-prattika,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Inter-Amerikana dwar il-Prevenzjoni, l-Ikkastigar u l-Eradikazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa (il-Konvenzjoni ta' Belem do Para),

–  wara li kkunsidra d-Digriet Leġiżlattiv Nru 520 ta' El Salvador ("Liġi Komprensiva Speċjali għal Ħajja Mingħajr Vjolenza għan-Nisa"),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 133, 135 u 136 tal-Kodiċi Kriminali ta' El Salvador,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fi tmiem il-missjoni tiegħu f'El Salvador fis-17 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta' El Salvador,

–  wara li kkunsidra l-Liġi ta' El Salvador dwar l-Ugwaljanza, l-Ekwità u l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata fl-2016, il-Liġi dwar Ħajja Mingħajr Vjolenza għan-Nisa, adottata fl-2012, u l-Liġi dwar il-Protezzjoni Komprensiva tat-Tfal u l-Adoloxxenti (LEPINA), adottata f'April 2009, li tagħti mandat lill-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jipprovdi edukazzjoni dwar il-ġeneri u s-saħħa riproduttiva u biex jittratta d-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-sistema tal-edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE; billi d-dritt għat-trattament ugwali u għan-nondiskriminazzjoni huwa dritt fundamentali minqux fit-Trattati u fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u għandu jiġi rispettat, promoss u applikat bis-sħiħ fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fil-ġurisprudenza u fil-ħajja ta' kuljum;

B.  billi fl-Artikoli 36 u 37 tal-osservazzjonijiet konklużivi tar-rieżami tiegħu dwar id-drittijiet tan-nisa f'El Salvador, il-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa jitlob li jitħassru l-liġijiet punittivi ta' El Salvador dwar l-abort;

C.  billi, mis-sena 2000 'l hawn, tal-anqas 120 mara f'El Salvador ittellgħu l-qorti akkużati b'abort jew omiċidju meta l-mewt tal-fetu seħħ fl-aħħar xhur tat-tqala, u billi 26 minnhom instabu ħatja ta' omiċidju u 23 minnhom instabu ħatja ta' abort, u dawk kollha li nstabu ħatja ngħataw sentenzi twal ferm, minkejja li mhumiex kriminali skont l-istandards internazzjonali; billi l-biċċa l-kbira ta' dawn in-nisa huma żgħażagħ, foqra, bi ftit edukazzjoni, u minn komunitajiet remoti; billi bħalissa hemm żewġ każijiet pendenti fl-ambitu ta' proċediment kriminali; billi, wara li l-mara inkwistjoni qattgħet l-aħħar għaxar snin il-ħabs, il-każ ta' Teodora del Carmen Vásquez ġie rieżaminat mill-Qorti tal-Appell fit-13 ta' Diċembru 2017 u l-appell tagħha ġie miċħud, filwaqt li s-sentenza ta' Evelyn Beatriz Hernandez Cruz ġiet ikkonfermata f'Ottubru 2017;

D.  billi "Las 17" kienu n-nisa li ġew ikkastigati l-aktar severament, inkwantu ġew ikkundannati għal għexieren ta' snin ħabs bejn l-2000 u l-2011; billi ftit minnhom ġew rilaxxati wara li l-qrati biddlu d-deċiżjonijiet preċedenti;

E.  billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija problema kbira f'El Salvador u li, skont id-data, mara tiġi attakkata sesswalment kull tliet sigħat, il-każijiet ta' stupru sikwit iwasslu għal tqala mhux mixtieqa, u jseħħu numru xokkanti ta' femminiċidji, li 5 % biss minnhom kienu s-suġġett ta' proċedimenti ġudizzjarji;

F.  billi l-impjegati pubbliċi ta' kwalunkwe awtorità, inklużi l-isptarijiet u l-kliniki, huma obbligati jirrappurtaw lil pazjenti li jingħataw kura ostetrika ta' emerġenza, u dan huwa ksur tad-dritt tal-pazjent għall-kunfidenzjalità u joħloq ambjent ta' stigmatizzazzjoni għan-nisa; billi l-obbligu li l-pazjenti jiġu rrappurtati jfisser li n-nisa li jkollhom kumplikazzjonijiet waqt it-tqala jagħżlu li ma jitolbux assistenza medika minħabba l-biża' li jittellgħu l-qorti u jintbagħtu l-ħabs; billi n-nuqqas li jsir rapport jitqies bħala reat gravi;

G.  billi r-rata ta' qtil abbażi tal-ġeneru ta' nisa u bniet f'El Salvador hija terribbilment għolja; billi fl-2015 u l-2016 inqatlu 1 097 mara u bejn Jannar u Ġunju 2017 inqatlu 201; billi, skont l-Organizzazzjoni tan-Nisa ta' El Salvador għall-Paċi (ORMUSA), is-sena l-oħra l-Pulizija Ċivili Nazzjonali ta' El Salvador irreġistrat 3 947 rapport ta' attakki sesswali, li minnhom 1 049 kienu każijiet ta' stupru, anke fil-familji stess, u 1 873 mill-vittmi kienu minorenni jew ikklassifikati bħala "inabilitati";

H.  billi El Salvador għandu rata għolja ta' tqala fl-età tal-adolexxenza, anke minħabba n-nuqqas ta' edukazzjoni sesswali fl-iskejjel; billi l-abbuż sesswali u l-istupru huma l-fatturi ewlenin ta' tqala prekoċi; billi, skont il-Ministeru għas-Saħħa, fl-2015 kien hemm 1 445 każ ta' bniet tqal li kellhom bejn 10 snin u 14-il sena;

I.  billi fl-1998 El Salvador ikkriminalizza l-abort f'kull ċirkustanzi, inklużi każijiet li fihom it-tqala jkollha kumplikazzjonijiet li jipperikolaw il-ħajja tal-mara jew tat-tfajla, kif ukoll f'każijiet ta' stupru, inċest jew fetu mhux vijabbli; billi, barra minn hekk, fl-1999 ġiet adottata emenda kostituzzjonali li tirrikonoxxi l-embrijun bħala bniedem mill-"mument tal-konċepiment"; billi kwalunkwe persuna li tagħmel abort jew tagħmel abort fuqha nnifsha, anke qabel l-istadju fetali, għalhekk tista' tittella' l-qorti u tingħata sentenza ta' bejn sentejn u tmien snin ħabs, iżda f'ħafna każijiet il-prosekuturi żiedu l-akkuża għal "omiċidju aggravat", li jġib miegħu sentenza ta' sa 50 sena ħabs; billi l-leġiżlazzjoni li potenzjalment tippermetti l-abort f'dawn iċ-ċirkustanzi baqgħet imwaħħla fl-Assemblea Nazzjonali minn Ottubru 2016, iżda bħalissa għaddejjin dibattiti biex isir aktar progress;

J.  billi, minħabba raġunijiet reliġjużi, kulturali u raġunijiet oħrajn, El Salvador jibqa' jiċħad lin-nisa u lill-bniet aċċess għal abort sikur u legali, u b'hekk qed jikser id-dritt tagħhom għas-saħħa, il-ħajja u l-integrità fiżika u psikoloġika;

K.  billi l-Ministeru għall-Edukazzjoni riċentement ħejja materjal sabiex jintegra s-saħħa sesswali u riproduttiva fil-kurrikulu tal-iskola nazzjonali, iżda minħabba reżistenza minn diversi forzi, il-materjal editjat finali jiffoka minflok fuq l-astinenza sesswali, minkejja l-fatt li 42 % kienu tqal qabel għalqu l-20 sena;

L.  billi fl-Amerika Latina r-riskju tal-imwiet marbuta mat-tqala huwa erba' darbiet ogħla fost l-adolexxenti taħt l-età ta' 16-il sena; billi 65 % tal-każijiet ta' fistula ostetrika jseħħu fit-tqala tal-adolexxenti, b'konsegwenzi serji għal ħajjithom, fosthom problemi gravi tas-saħħa u esklużjoni soċjali; billi t-tqala prekoċi hija perikoluża wkoll għat-tarbija, b'rata ta' mortalità 50 % ogħla mill-medja; billi sa 40 % tan-nisa fir-reġjun sfaw vittmi ta' vjolenza sesswali; billi 95 % tal-aborti mwettqa fl-Amerika Latina mhumiex sikuri;

M.  billi l-Ministeru għas-Saħħa jirrapporta li bejn l-2011 u l-2015, 14-il mara mietu minħabba kumplikazzjonijiet relatati mal-abort, 13-il mara mietu minħabba tqala ektopika u 63 mara mietu minħabba l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-abort; billi s-suwiċidju huwa l-kawża ta' 57 % tal-imwiet ta' nisa tqal li għandhom bejn l-10 snin u d-19-il sena; billi ħafna nisa jibżgħu jitolbu assistenza medika meta jkollhom kumplikazzjonijiet relatati mat-tqala, fatt li jikkawża aktar imwiet li jistgħu jiġu evitati; billi dan il-fatt jaffettwa partikolarment lin-nisa bl-anqas riżorsi ekonomiċi li m'għandhomx aċċess għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati;

N.  billi l-Human Rights Watch u l-Amnesty International jinnutaw li n-nisa li kellhom korrimenti jew twelid mejjet f'El Salvador ħafna drabi jittellgħu l-qorti għax ikunu ssuspettati li wettqu abort; billi f'tali każijiet in-nisa ta' spiss jiġu rrappurtati minn persunal mediku u sussegwentement jiġu arrestati waqt li jkunu għadhom l-isptar;

O.  billi esperti tan-NU wissew li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Salvadorjani qed tirriżulta fi ksur gravi tad-dritt tan-nisa u l-bniet għall-ħajja, is-saħħa u l-integrità fiżika u mentali tagħhom, u b'hekk qed jipperikolaw l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali tagħhom;

P.  billi f'Marzu 2015, il-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali talab lil El Salvador jirrevedi u jemenda l-leġiżlazzjoni tal-abort tiegħu biex jiżgura l-kompatibilità tagħha ma' drittijiet oħra bħalma huma d-dritt għas-saħħa u d-dritt għall-ħajja; billi l-vjolenza fiżika, sesswali u psikoloġika kontra n-nisa hija ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

Q.  billi El Salvador ipparteċipa b'mod attiv fil-61 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa; billi l-partijiet kollha għandhom ikomplu jippromwovu l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing tan-NU rigward, fost elementi oħra, l-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet bażiċi tal-bniedem u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

R.  billi korpi li jissorveljaw it-trattati tan-NU, inklużi l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) u l-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), stiednu lil diversi stati tal-Amerika Latina jistabbilixxu eċċezzjonijiet għal-liġijiet restrittivi tal-abort f'każijiet fejn tqala tkun tippreżenta riskju għall-ħajja jew is-saħħa ta' mara, fejn ikun hemm indeboliment sever tal-fetu, u fejn it-tqala tkun ir-riżultat ta' stupru jew inċest;

S.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, esprima t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u l-bniet f'El Salvador wara ż-żjara tiegħu fil-pajjiż f'Novembru 2017; billi stieden lil El Salvador jintroduċi moratorju fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 133 tal-Kodiċi Kriminali u jirrieżamina l-każijiet ta' nisa li jinsabu detenuti għal reati relatati mal-abort;

T.  billi l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) u l-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (CESCR) irrikonoxxew b'mod espliċitu r-rabta bejn l-abort illegali mhux sikur u r-rati għoljin tal-imwiet marbuta mat-tqala; billi l-Konvenzjoni kontra t-Tortura tistipula li l-istati li għandhom projbizzjoni assoluta fuq l-abort taħt kull ċirkostanza jesponu lin-nisa u l-bniet għal ċirkostanzi li fihom jiġu umiljati u ttrattati b'mod krudili;

U.  billi l-Eżami Perjodiku Universali tan-NU għamel 10 rakkomandazzjonijiet lill-Istat ta' El Salvador biex jikkonforma l-liġi tal-abort tiegħu mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li kollha kemm huma ġew rifjutati mill-Gvern;

V.  billi, skont ir-Regoli tan-NU dwar it-Trattament tal-Priġunieri Nisa u l-Miżuri Alternattivi għall-Arrest għall-Awturi Nisa ta' Reati (ir-Regoli ta' Bangkok), in-nisa li għandhom responsabbiltajiet tal-kura tat-tfal u n-nisa tqal għandhom, kull meta jkun possibbli u xieraq, jingħataw sentenzi alternattivi għall-arrest;

W.  billi fost l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) hemm il-prevenzjoni ta' tqala mhux ippjanata u t-tnaqqis fin-numru ta' każijiet ta' maternità fl-età tal-adolexxenza permezz ta' aċċess universali għal servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniet u n-nisa, fosthom dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, f'El Salvador u jikkundanna kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa; ifakkar li dawn jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tan-nisa u l-bniet; jenfasizza li l-Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (li El Salvador irratifika fit-3 ta' Marzu 2016), jiddefinixxi t-tqala sfurzata bħala reat kontra l-umanità u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa, li tikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tan-nisa u l-bniet;

2.  Jirrifjutta bil-qawwa l-għoti tas-sentenza u l-priġunerija ta' nisa u bniet li sofrew twelid mejjet jew korriment u jitlob ir-rilaxx immedjat u mhux kondizzjonat tagħhom; iqis li ħadd m'għandu jintbagħat il-ħabs minħabba dawn il-kundanni;

3.  Jikkundanna l-prosekuzzjoni tan-nisa għal abort, perjodi twal ta' arrest preventiv u pieni kriminali sproporzjonati mogħtija lin-nisa li jixtiequ jagħmlu abort, kif ukoll il-priġunerija ta' nisa eżatt wara li jkunu marru l-isptar għal kura minħabba li membri tal-persunal tas-saħħa jkunu rrappurtawhom lill-awtoritajiet għaliex jibżgħu li jiġu kkastigati huma stess;

4.  Jikkundanna l-kriminalizzazzjoni assoluta tal-abort skont l-Artikoli 133, 135 u 136 tal-Kodiċi Kriminali, u l-effetti serji u diskriminatorji fuq in-nisa li jiġu sfurzati jużaw metodi ta' abort mhux sikuri, u b'hekk jiffaċċjaw riskji serji għas-saħħa u l-ħajja; jistieden lill-Assemblea Leġiżlattiva ta' El Salvador issegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa biex jitqiegħed moratorju fuq l-applikazzjoni tagħha;

5.  Jistieden lil El Salvador jiżgura li n-nisa u l-bniet ikollhom aċċess għal abort sikur u legali; jistieden lill-Assemblea Leġiżlattiva ta' El Salvador, f'dan il-kuntest, tappoġġa l-abbozz ta' liġi li jintroduċi riforma tal-Artikoli 133, 135 u 136 tal-Kodiċi Kriminali sabiex jiġi dekriminalizzat l-abort għall-inqas fil-każijiet fejn it-tqala tippreżenta riskju għall-ħajja jew is-saħħa fiżika jew mentali tal-mara jew tifla tqal, fejn ikun hemm indeboliment sever u fatali tal-fetu, u fejn it-tqala tkun ir-riżultat ta' stupru jew inċest;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet ta' El Salvador jintroduċu moratorju fuq l-infurzar tal-liġi attwali u jirrieżaminaw id-detenzjoni ta' nisa akkużati b'korriment, twelid mejjet jew reati relatati mal-abort, bl-għan li jiġi żgurat ir-rilaxx tagħhom, jiġi żgurat proċess ġust fi proċedimenti relatati mal-abort, li n-nisa akkużati jitħallew jistennew li jibda l-proċess barra l-ħabs u li tiġi garantita s-segretezza professjonali għall-persunal kollu tas-saħħa u l-kunfidenzjalità tal-pazjenti; jikkundanna l-miżuri punittivi kollha kontra n-nisa u l-bniet li jixtiequ jagħmlu abort, kif ukoll kontra l-professjonisti tal-kura tas-saħħa u oħrajn li jgħinuhom jiksbu l-abort u jwettqu l-proċedura, u jitlob l-eliminazzjoni ta' tali miżuri;

7.  Ifakkar fid-dmir tal-Gvern Salvadorjan li jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tiegħu u jippromwovi l-istat tad-dritt rigward il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, jiġifieri li l-individwi li jittellgħu l-qorti għandhom jiġu ttrattati bħala innoċenti sakemm jiġi pruvat li huma ħatja, u li l-oneru tal-provi għandhom ikunu responsabbli għalih l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni u mhux il-konvenut, skont l-Istatut ta' Ruma li ġie rratifikat minn El Salvador; jistieden lill-awtoritajiet ta' El Salvador biex jagħtu taħriġ dwar il-ġeneru lill-uffiċjali pubbliċi, inklużi l-membri tal-ġudikatura; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex jiffinanzjaw u jappoġġaw tali sforzi;

8.  Jikkundanna l-kundizzjonijiet inumani fil-ħabsijiet bħat-tortura, l-iżolament u s-sospensjoni taż-żjarat mill-familjari; jistieden lill-Gvern Salvadorjan jirratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura bħala miżura għall-prevenzjoni tat-tortura u t-trattament inuman u degradanti fil-ħabsijiet u l-postijiet ta' detenzjoni kollha; jitlob li l-organizzazzjonijiet indipendenti internazzjonali jingħataw aċċess għaċ-ċentri ta' detenzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Salvadorjani jtejbu l-kundizzjonijiet tal-priġunieri nisa, anke billi jagħtuhom aċċess għal prodotti tal-iġjene u b'hekk jirrispettaw id-drittijiet umani bażiċi tagħhom;

9.  Ifakkar lill-Gvern u lill-ġudikatura li huma marbuta li jirrispettaw l-istandards internazzjonali ta' aċċess ugwali għall-ġustizzja u l-prinċipji li jiggarantixxu proċess ġust għall-individwi kollha, u li l-ħtija tista' tiġi determinata biss fuq il-bażi ta' eżami ta' provi konkreti u suffiċjenti; jitlob li l-Gvern jagħmel disponibbli fondi pubbliċi suffiċjenti biex jappoġġa r-rappreżentanza legali ta' dawk li ma jifilħux iħallsu għaliha;

10.  Jistieden lis-sistema ġudizzjarja tiżgura proċess ġust bil-garanziji kollha għal Teodora del Carmen Vásquez u Evelyn Beatriz Hernandez Cruz u tirrevoka s-sentenzi tagħhom; jesprimi solidarjetà mal-kampanja "Las 17" immexxija minn nisa li ntbagħtu l-ħabs inġustament sa 40 sena minħabba korrimenti, twelid mejjet u kumplikazzjonijiet ostetriċi oħra; jestendi s-solidarjetà tiegħu man-nisa Salvadorjani kollha li ttellgħu l-qorti minħabba raġunijiet simili jew li nstabu ħatja ta' "omiċidju aggravat"; jitlob lill-awtoritajiet kompetenti jirrieżaminaw il-każijiet kollha bl-għan li jingħataw maħfra;

11.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd kbir ta' tqaliet f'età żgħira f'El Salvador; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Salvadorjani jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem billi jiżguraw li l-bniet kollha jkollhom aċċess għall-informazzjoni possibbli kollha u għas-servizzi mediċi kollha għall-immaniġġjar tat-tqaliet ta' riskju għoli li jirriżultaw minn stupru;

12.  Jiddeplora l-fatt li l-ġisem tan-nisa u l-bniet, speċifikament fir-rigward tas-saħħa sesswali u tad-drittijiet riproduttivi tagħhom, għadu jikkostitwixxu qasam ta' battalja ideoloġika, u jistieden lil El Salvador jirrikonoxxi d-drittijiet inaljenabbli tan-nisa u l-bniet għall-integrità tal-ġisem u għat-teħid ta' deċiżjonijiet awtonomu fir-rigward, inter alia, tad-dritt għall-aċċess għall-ippjanar tal-familja volontarju u għal abort sikur u legali; jemmen li l-projbizzjoni ġenerali tal-abort terapewtiku u l-abort tat-tqaliet li jirriżultaw mill-istupru u l-inċest, u r-rifjut li tingħata kopertura tas-saħħa b'xejn f'każijiet ta' stupru, jammontaw għal tortura;

13.  Ifaħħar l-adozzjoni tal-Liġi Komprensiva Speċjali għal Ħajja Mingħajr Vjolenza għan-Nisa wara votazzjoni unanima bejn il-partiti minn membri nisa tal-Assemblea Leġiżlattiva Salvadorjana u jfakkar lill-awtoritajiet Salvadorjani li jeħtieġu jimplimentawha bis-sħiħ, b'mod partikolari rigward l-impenn li n-nisa u l-bniet jiġu protetti mill-vjolenza;

14.  Jilqa' l-istabbiliment riċenti tal-politika ta' El Salvador dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u l-programm il-ġdid "Ciudad Mujer" li żviluppa servizzi għal 1,5 miljun mara madwar il-pajjiż, b'mod partikolari permezz tas-sensibilizzazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni dwar is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, jappoġġa l-isforzi tiegħu u jħeġġeġ lill-Gvern ta' El Salvador biex jiżgura aċċess għal informazzjoni u servizzi moderni relatati mal-kontraċettivi u biex jagħmel sforzi biex jipprovdi edukazzjoni komprensiva dwar is-sess fl-iskejjel pubbliċi;

15.  Iħeġġeġ lill-Kunsill iħaffef il-ħidma tiegħu biex jippermetti lill-UE tirratifika u timplimenta l-Konvenzjoni ta' Istanbul, sabiex tiġi żgurata koerenza bejn l-azzjoni interna u esterna tal-UE dwar il-vjolenza kontra t-tfal, in-nisa u l-bniet;

16.  Jistieden lill-Kunsill jinkludi l-kwistjoni tal-abort sikur u legali fil-Linji Gwida tal-UE dwar l-istupru u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jenfasizza l-fatt li l-aċċess universali għas-saħħa, partikolarment għas-saħħa sesswali u riproduttiva u għad-drittijiet assoċjati, huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

17.  Jistieden lill-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-UE-CELAC fis-summit tagħhom, biex isaħħu l-kapitolu dwar il-vjolenza sessista fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE-CELAC bl-għan li jiġi stabbilit kalendarju ċar ta' azzjoni u miżuri ta' implimentazzjoni maħsuba biex jiggarantixxu diliġenza xierqa b'rabta mal-prevenzjoni u l-investigazzjoni tal-atti kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u s-sanzjonijiet għalihom u biex joffru kumpens adegwat lill-vittmi;

18.  Jilqa' l-isforzi tad-Delegazzjoni tal-UE f'El Salvador biex tiddjaloga mal-awtoritajiet nazzjonali dwar id-drittijiet tan-nisa, fosthom il-kriminalizzazzjoni tal-abort; jinsisti li din il-kwistjoni għandha titqies prijorità għolja u jistieden lis-SEAE biex jirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar l-azzjoni tiegħu f'dan il-qasam; jinsisti li d-Delegazzjoni tal-UE tipprovdi l-appoġġ kollu xieraq lin-nisa li bħalissa qegħdin il-ħabs għal reati relatati mal-abort, anke permezz ta' żjarat regolari, appoġġ lill-familjari tagħhom u l-offerta ta' assistenza legali;

19.  Ifakkar lill-UE fl-impenji tagħha skont il-Qafas għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020; jitlob lis-SEAE jsegwi mill-qrib il-każijiet ta' reviżjoni in loco u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp Ewropea ssegwi approċċ li jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, b'enfasi partikolari fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fuq il-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jżidu l-appoġġ tagħhom għad-difensuri lokali tad-drittijiet tal-bniedem u għal NGOs li qed imexxu kampanji favur id-drittijiet tan-nisa u l-bniet, speċjalment is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u l-ippjanar tal-familja f'El Salvador, inkluż il-finanzjament;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-awtoritajiet ta’ El Salvador, lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, lill-Parlament tal-Amerika Latina, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0502.
(2) ĠU L 224, 6.9.2003, p. 1.


Sitwazzjoni fl-Afganistan
PDF 363kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2017/2932(RSP))
P8_TA(2017)0499RC-B8-0678/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza Internazzjonali ta' Brussell dwar l-Afganistan tal-5 ta' Ottubru 2016 kopreseduta mill-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul(1) u tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Afganistan tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-14 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2210 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-Riżoluzzjoni 2344 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-24 ta’ Lulju 2017 mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar "Elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan" (JOIN(2017)0031),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch tat-13 ta' Frar 2017 bit-titolu "Pakistan Coercion, UN Complicity: The Mass Forced Return of Afghan Refugees", (Il-Koerċizzjoni tal-Pakistan, il-Kompliċità tan-NU: Ir-Ritorn Furzat tal-Massa tar-Rifuġjati Afgani),

–  wara li kkunsidra r-rapport trimestrali tal-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR) lill-Kungress tal-Istati Uniti tat-30 ta' Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra t-Triq Konġunta 'l Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE ffirmata fit-3 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp iffirmat fit-18 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar it-Trattament ta' Detenuti b'rabta mal-konflitt fl-Afganistan April 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha ilhom sa mill-2001 jaħdmu mal-Afganistan u mal-komunità internazzjonali usa' sabiex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu, filwaqt li jistinkaw ukoll biex jiksbu l-paċi u l-iżvilupp sostenibbli; billi ż-żieda fil-pressjoni kawża tar-ribelljoni u tat-terroriżmu, is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli u l-instabbiltà politika jpoġġu f'riskju dawn l-għanijiet u l-progress sostanzjali li nkisbu;

B.  billi, sa mill-2002, l-UE u l-Istati Membri tagħha taw biljuni ta' euro f'għajnuna u assistenza umanitarja u għall-iżvilupp lill-Afganistan; billi l-UE hi l-akbar sieħba tal-Afganistan fir-rigward tal-iżvilupp u hi mistennija tipprovdi EUR 5 biljun mit-total ta' EUR 13.6 biljun imwiegħda lill-Afganistan għall-perjodu 2017-2020 matul il-Konferenza Internazzjonali ta' Brussell dwar l-Afganistan f'Ottubru 2016;

C.  billi bil-għan li jiġi stabbilit stat stabbli u prosperu huwa essenzjali li jiġu żgurati d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba matul il-perjodu ta' tranżizzjoni fl-Afganistan u matul id-deċennju ta' trasformazzjoni tiegħu (2015-2024);

D.  billi f'dawn l-aħħar 15-il sena, sa mis-sena 2001, kien hemm żidiet kbar fil-livell tal-għajxien peress li l-aċċess għall-kura tas-saħħa bażika u l-edukazzjoni u l-emanċipazzjoni tan-nisa żiedu l-PDG per capita b'ħames darbiet u l-istennija tal-għomor medja bi 15-il sena; billi skont l-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR), minn mindu waqa' r-reġim tat-Taliban fis-sena 2001, l-attendenza fl-iskejjel ġenerali kienet żdiedet minn miljun student, li l-parti l-kbira minnhom kienu subien, għal kważi disa' miljuni sal-2015, u l-istudenti nisa kienu jammontaw għal madwar 39 % tat-total;

E.  billi fl-24 ta' Lulju 2017 il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppubblikaw Komunikazzjoni Konġunta dwar Stateġija tal-UE għall-Afganistan; billi l-erba' oqsma ta' prijorità għall-UE, li huma ta' importanza kritika biex jinkiseb il-progress fl-Afganistan, jikkonċernaw: (a) il-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali; (b) it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tal-governanza tajba u l-emanċipazzjoni tan-nisa; (c) l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u uman; (d) l-indirizzar tal-isfidi relatati mal-migrazzjoni;

F.  billi, wara l-kriżi tal-elezzjoni presidenzjali tal-2014, il-Gvern ta' Unità Nazzjonali (NUG) esperjenza waqfien tal-progress fuq l-aġenda ta' riforma tiegħu, li rriżulta f'sitwazzjoni politika dejjem aktar instabbli; billi r-rata tal-qgħad fl-Afganistan hi ta' 39 %, u aktar minn 39 % tal-popolazzjoni tgħix fil-faqar;

G.  billi l-korruzzjoni mifruxa, is-sistemi ta' klijenteliżmu stabbiliti sew u n-nuqqas ta' kapaċità min-naħa tal-Gvern Afgan politikament imkisser biex jimxi 'l quddiem fir-rigward tar-riformi jheddu li jillimitaw il-progress jew li jreġġgħu lura l-kisbiet tal-passat;

H.  billi l-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA), li kienet stabbilita fl-2002, tappoġġja lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu biex jikseb il-paċi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba; billi l-mandat tagħha jiġġedded kull sena mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u dan l-aħħar ġie estiż b'mod unanimu sal-2018;

I.  billi, għalkemm f'dawn l-aħħar snin saru ċerti kisbiet soċjoekonomiċi u politiċi, il-qawmien mill-ġdid tar-reġim tat-Taliban, l-Al-Qaeda u l-Istat Iżlamiku (IS) emerġenti ġdid fl-Afganistan, bħalma hu l-bidu ta' grupp lokali fl-Afganistan (Stat Iżlamiku tal-Provinċja Khorasan (ISKP)), ilkoll jheddu li jibdlu l-instabbiltà f'kunflitt fuq skala akbar; billi r-rapport reċenti tal-UNAMA ddokumenta l-ogħla għadd ta' vittmi mill-2009, bi 11 318-il vittma ċivili fl-2016, filwaqt li minn Jannar 2017 sa Settembru 2017 il-vittmi kienu diġà ammontaw għal 8 019; billi dan wassal ukoll għal żieda fil-migrazzjoni lejn l-Ewropa;

J.  billi, skont l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti għall-Afganistan u n-Nofsinhar tal-Asja, se jingħaqdu 4 000 suldat addizzjonali mal-kontinġent eżistenti tal-Istati Uniti ta' 8 400 suldat; billi l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti titlob li l-Pakistan jieqaf jospita u jappoġġja lit-terroristi u titlob li jkun hemm involviment akbar min-naħa tar-Repubblika tal-Indja fl-għajnuna għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; billi l-Missjoni ta' Appoġġ Determinat immexxija min-NATO ser iżżid il-livell attwali tat-truppi tagħha minn 13 000 għal 16 000; billi l-istrateġija l-ġdida tal-Istati Uniti se tiġi żviluppata b'mod li tiffavorixxi approċċ ibbażat fuq il-kundizzjonijiet u skont dan l-approċċ il-ftehimiet diplomatiċi u ekonomiċi se jiġu integrati fil-qafas tal-isforz militari;

K.  billi l-Afganistan qed iħabbat wiċċu ma' żieda bla preċedent f'ċittadini Afgani b'dokumenti kif ukoll mingħajr dokumenti li qed jirritornaw, prinċipalment mill-Pakistan; billi madwar żewġ miljun ċittadin Afgan mingħajr dokumenti u miljun Afgan bi status ta' rifuġjat qed jgħixu fl-Iran u qed jirritornaw lejn l-Afganistan; billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni spostati internament, hemm aktar minn 1.8 miljun persuna spostata internament fl-Afganistan bħala konsegwenza tal-kunflitt, u fl-2016 kien hemm rekord ta' 650 000 persuna li ħarbu lejn żoni oħra tal-pajjiż 'il bogħod mill-periklu, ċifra li tirrappreżenta medja ta' 1 500 persuna kuljum; billi fit-tieni nofs tal-2016 kien hemm żieda eċċezzjonalment għolja għal dawn l-aħħar 10 snin, fl-għadd ta' rifuġjati Afgani li rritornaw mill-Pakistan, li żdiedu minn 55 000 fl-2015 għal 370 000;

L.  billi r-Repubblika tal-Indja hija l-akbar donatur reġjonali għall-Afganistan u pprovdiet madwar USD 3 biljun f'assistenza minn mindu l-Gvern tat-Taliban tneħħa mill-poter fl-2001; billi din l-assistenza ffinanzjat, fost affarijiet oħra, il-bini ta' aktar minn 200 skola fl-Afganistan, aktar minn 1 000 borża ta' studju għal studenti Afgani, u l-possibbiltà għal madwar 16 000 Afgan li jistudjaw fl-Indja; billi l-Indja pprovdiet ukoll assistenza fil-bini ta' infrastruttura kritika, bħal pereżempju madwar 4 000 km ta' toroq fl-Afganistan, b'mod speċjali l-awtostrada Zaranj-Dilaram, id-diga Salma, il-linji tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-bini tal-parlament Afgan;

M.  billi l-instabbiltà fl-Afganistan għandha riperkussjonijiet ekonomiċi u ta' sigurtà negattivi għall-Iran u r-reġjun kollu kemm hu; billi l-ekonomija tal-Afganistan tiddependi ħafna mill-produzzjoni tax-xaħxieħ, li f'dawn l-aħħar snin żdiedet b'mod sostanzjali, u dan irriżulta f'żieda qawwija fl-użu tad-drogi fil-pajjiż ġirien tal-Iran; billi t-Taliban juża dan il-kummerċ illeċitu tad-drogi biex jiffinanzja l-operazzjonijiet tiegħu; billi l-fatt li dan il-kummerċ jiġi limitat u li jinstabu alternattivi ekonomiċi jkun ta' vantaġġ reċiproku għall-Iran u l-Afganistan; billi l-oppju mill-Afganistan huwa s-sors ewlieni tal-eroina fl-UE; billi l-ħidma mal-Iran u pajjiżi oħra fil-fruntieri bħat-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan hija meħtieġa sabiex ikompli jiġi limitat il-fluss ta' opjati lejn is-swieq Russi u Ewropej;

N.  billi għall-futur tal-Afganistan hija kruċjali dimensjoni ġdida li tippermetti realtà kompletament ġdida ta' opportunitajiet ekonomiċi u soċjali għal wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja; billi programm nazzjonali ġdid għall-iżvilupp tal-infrastruttura se jattira investiment pożittiv u reġjonali li qed jikber fi ħdan il-qafas tat-Triq tal-Ħarir il-ġdida;

O.  billi rapporti jindikaw li l-Afganistan għandu bejn triljun u tliet triljun dollaru f'riżervi minerali mhux żviluppati; billi l-estrazzjoni minerarja illeċita huwa problema kbira li jhedded li jbiddel xprun potenzjali għall-iżvilupp Afgan f'sors ta' kunflitt u instabbiltà; billi l-estrazzjoni minerarja hija t-tieni l-akbar sors ta' dħul għat-Taliban;

1.  Jirrikonoxxi li, minkejja l-isforzi internazzjonali sostanzjali fuq perjodu twil ta' żmien, l-Afganistan għadu qed iħabbat wiċċu ma' kunflitt serju li qed ixekkel b'mod sostanzjali l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu; ifakkar li l-Afganistan ġie imtertaq minn kważi 40 sena ta' kunflitt u ta' gwerra; itenni l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà reġjonali, it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni ta' governanza tajba u l-emanċipazzjoni tan-nisa, l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u tal-bniedem, u l-indirizzar tal-isfidi relatati mal-migrazzjoni;

2.  Ifakkar li l-Afganistan fl-aħħar deċennju u nofs kiseb progress fl-oqsma politiċi, ta' sigurtà, ekonomiċi u ta' żvilupp; jenfasizza li l-PDG per capita żdied b'ħames darbiet, il-medja tal-istennija tal-għomor żdiedet bi kważi 15-il sena, u kien hemm żieda sinifikanti fin-numru ta' bniet li jmorru l-iskola meta mqabbla mal-2001 – iċ-ċifra llum hija madwar 40 % tat-total ta' 8 sa 9 miljun tifel u tifla; jenfasizza li xejn minn dan ma kien ikun possibbli kieku mhux għad-dedikazzjoni tal-popolazzjoni Afgana u l-impenn tal-komunità internazzjonali, u l-għoti ta' fondi, għarfien espert u persunal fuq il-post; jissottolinja l-fatt li l-progress miksub huwa ferm fraġli u riversibbli; jenfasizza li aktar progress ser jeħtieġ aktar riformi, relazzjonijiet stabbli mal-ġirien, u l-forniment kontinwu ta' livell neċessarju ta' sigurtà u stabbiltà;

3.  Jirrikonoxxi l-isforzi u juri stima lejn is-sagrifiċċju tal-komunità internazzjonali li pprovdiet is-sigurtà fl-Afganistan għal aktar minn deċennju permezz tal-Operazzjoni Libertà Dejjiema u l-missjoni tal-ISAF fl-Afganistan, li fihom tilfu ħajjithom kważi 3 500 raġel u mara tas-servizz; jilqa' l-Missjoni ta' Appoġġ Determinat immexxija min-NATO li jikkontribwixxu għaliha 39 nazzjon u li ilha topera mill-1 ta' Jannar 2015, li għandha mandat biex tħarreġ, tagħti pariri u assistenza lill-forzi tas-sigurtà u lill-istituzzjonijiet Afgani; ifaħħar is-sagrifiċċju kbir tal-ANSF, li jġarrbu telf kbir kull sena fil-ġlieda tagħhom kontra r-ribelli; ifakkar il-kontribuzzjoni annwali tal-komunità internazzjonali ta' madwar USD 1 biljun biex issostni l-finanzjament tal-ANSF sal-2020;

4.  Jilqa' l-impenn tal-Gvern Afgan favur strateġija nazzjonali ffukata fuq ambjent politiku, soċjali, ekonomiku u sikur li tippermetti Afganistan paċifiku, sigur u sostenibbli, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-Konferenza Ministerjali dwar l-Afganistan fi Brussell fit-5 ta' Ottubru 2016; jitlob li l-kariga ta' Prim Ministru tiġi minquxa fil-Kostituzzjoni Afgana sabiex ikun hemm aktar stabbiltà politika fl-Afganistan; jistieden lill-Gvern Afgan jiżgura proċess elettorali trasparenti fl-2018; jistieden lill-President Afgan Ashraf Ghani jikkomplementa l-impenji pubbliċi qawwija tiegħu favur il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet b'implimentazzjoni rapida u robusta ta' leġiżlazzjoni għall-ħarsien tagħhom;

5.  Jenfasizza li proċess ta' paċi mmexxi u rikonoxxut mill-Afganistan jikkostitwixxi l-unika triq 'il quddiem, bl-integrazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili kollha u tal-partijiet kollha fil-kunflitt; ifakkar lill-Gvern Afgan li sabiex ikun possibbli l-iżvilupp u jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà, irid jieqaf il-ġlied politiku intern; jistieden lill-UE tappoġġja b'mod attiv programm immexxi mill-Afganistan għad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u riintegrazzjoni tal-ex ribelli;

6.  Jissottolinja l-importanza tal-Afganistan għall-istabbiltà reġjonali; jenfasizza li Afganistan sigur, stabbli, u prosperu huwa ta' importanza fundamentali għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun kollu; itenni, f'dan il-kuntest, l-importanza tas-sħab reġjonali, bħalma huma l-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, l-Iran, iċ-Ċina, l-Indja u l-Pakistan; iħeġġiġhom jikkooperaw b'mod kostruttiv biex jippromwovu proċess ta' negozjati ġenwin u orjentat lejn ir-riżultati, mingħajr prekundizzjonijiet; jieħu nota tal-attivitajiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni Kwadrilaterali (QCG) dwar l-Afganistan, stabbilit f'Diċembru 2015, li jinkludi l-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Afganistan u l-Pakistan;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu li, minkejja l-ftehim politiku wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2014, is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan marret għall-agħar u l-għadd ta' attakki terroristiċi sploda; jesprimi l-biża' tiegħu mill-espansjoni territorjali li għaddejja min-naħa tat-Talibani u t-tisħiħ reċenti tal-gruppi terroristiċi tal-IS u l-Al-Qaeda; jirrimarka li, skont l-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan (SIGAR), minn Jannar sa Novembru 2016 inqatlu 6 785 membru tal-forzi Afgani u ndarbu 11 777 oħra, u li l-UNAMA irrappurtat ukoll żieda ta' 3 % fil-vittmi ċivili (3 498 maqtula, 7 920 midruba) fl-2016 meta mqabbel mas-sena ta' qabel; jiddeplora l-fatt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà sejra għall-agħar u li dan qed jippermetti lill-gruppi kriminali jaħtfu ċittadini Afgani u barranin, inklużi ħaddiema umanitarji u tal-għajnuna;

8.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li l-Istat Iżlamiku qed jgħolli rasu – element ulterjuri li qed jikkontribwixxi għall-fraġilità akbar tal-kuntest tas-sigurtà fl-Afganistan; jenfasizza li minbarra l-fortizza tiegħu fil-Lvant tal-pajjiż (Nangarhar) qed jipprova jasserixxi l-preżenza tiegħu fit-Tramuntana tal-pajjiż bl-għajnuna tal-Moviment Iżlamiku tal-Użbekistan (IMU); jenfasizza li, jekk dan iseħħ, jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-akkoljenza tal-militanti u l-ġellieda barranin li jkollhom jitilqu mill-Iraq u s-Sirja minħabba t-telfiet militari tal-IS f'dawk iż-żewġ pajjiżi;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' proċess ta' rikonċiljazzjoni interna ġenwin; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu miġġielda r-radikalizzazzjoni, l-estremiżmu u r-reklutaġġ għall-organizzazzjonijiet terroristiċi; jissottolinja li l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu hija fattur kruċjali fil-ħolqien ta' ambjent favorevoli għas-sigurtà fl-Afganistan;

10.  Iwissi li l-kapaċitajiet dgħajfa tal-Forzi Afgani għad-Difiża u s-Sigurtà Nazzjonali (ANDSF) u tal-korp tal-pulizija jibqgħu waħda mill-aktar kwistjonijiet kritiċi li jikkompromettu s-sigurtà u r-rikostruzzjoni tal-Afganistan; jilqa' l-enfasi li qed tkompli tagħmel l-UE fuq it-tisħiħ tar-rwol u d-drittijiet tan-nisa Afgani u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jitħarrġu uffiċjali tal-pulizija nisa; jilqa' l-impenn tar-Repubblika tal-Indja li tassisti lill-Afganistan bl-għoti ta' tagħmir difensiv lill-forzi militari Afgani f'Diċembru 2015 u bit-taħriġ militari ta' eluf ta' membri tal-persunal tas-sigurtà Afgan, li għen biex titjieb b'mod sinifikanti l-kapaċità militari tiegħu, f'konformità mal-objettiv tal-missjoni mmexxija min-NATO magħrufa bħala "Missjoni ta' Appoġġ Determinat", li tnediet f'Jannar 2015 biex tħarreġ, tagħti pariri u tassisti lill-forzi tas-sigurtà u l-istituzzjonijiet Afgani; iqis bħala inkoraġġanti l-kooperazzjoni u x-xogħol imwettaq mir-Repubblika tal-Indja u l-Afganistan fuq proġetti ta' infrastruttura u appoġġ umanitarju;

11.  Jemmen li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet governattivi Afgani trid tkun prijorità ċentrali permanenti minħabba l-impatti diretti negattivi kollha tal-korruzzjoni fuq il-kwalità tal-governanza fil-pajjiż; jistieden lill-Gvern tal-Afganistan iżid l-inklużività politika, isaħħaħ ir-responsabbiltà u jiġġieled b'mod attiv il-kultura tal-korruzzjoni u n-nepotiżmu; jilqa' partikolarment, f'dan ir-rigward, it-twaqqif taċ-Ċentru tal-Ġustizzja Kontra l-Korruzzjoni f'Ġunju 2016; jinnota, barra minn hekk, l-appell tal-UNAMA biex il-komunità internazzjonali tkompli tagħti l-appoġġ u l-assistenza tagħha lill-Gvern Afgan fl-isforzi tiegħu kontra l-korruzzjoni;

12.  Jistieden lill-Gvern tal-Afganistan u lis-sħab reġjonali tiegħu, b'mod partikolari l-Iran, jiġġieldu kontra t-traffikar illeċitu tad-droga u l-estrazzjoni minerarja illeċita u jikkoordinaw ma' xulxin biex jeliminaw dawn il-prattiki illegali, li huma ta' detriment għall-istabbiltà tar-reġjun; ifakkar lill-partijiet kollha li dawn huma s-sorsi prinċipali ta' finanzjament għall-organizzazzjonijiet terroristiċi fir-reġjun; jirrikonoxxi li kwalunkwe żvilupp ulterjuri fir-rigward tal-estrazzjoni minerarja jrid ikun sostenibbli u ta' benefiċċju għall-popolazzjoni ġenerali, f'konformità mal-istandards internazzjonali; jikkundanna r-ripressjoni, it-traffikar illeċitu tad-droga, il-ħtif tal-art, il-konfiska illegali u l-estorsjoni mwettqa mill-kmandanti militari; ifakkar li l-produzzjoni u t-traffikar tal-oppju fl-Afganistan għandhom konsegwenzi devastanti għall-popolazzjoni lokali u għas-sigurtà ġenerali tal-pajjiż;

13.  Jilqa' s-sħubija tal-Afganistan fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi; iħeġġeġ lill-Gvern Afgan iżid it-trasparenza fis-settur tal-estrazzjoni minerarja u jistabbilixxi rekwiżiti b'saħħithom għal-liċenzji u l-monitoraġġ sabiex tiġi żgurata industrija estrattiva sostenibbli; iħeġġeġ lill-Gvern iżid l-isforzi tiegħu biex jipproteġi r-riżorsi pubbliċi essenzjali, bħall-art u l-minerali, mill-isfruttament min-naħa ta' netwerks kriminali u ribelli;

14.  Jesprimi solidarjetà mal-poplu tal-Afganistan u jinsisti li l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt josservaw id-dritt umanitarju internazzjonali u jirrispettaw id-drittijiet tal-membri kollha tas-soċjetà, b'mod partikolari l-minoranzi, in-nisa u t-tfal, li huma affettwati b'mod sproporzjonat minn din is-sitwazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Afgani jinfurzaw bis-sħiħ il-pjan ta' azzjoni ffirmat min-Nazzjonijiet Uniti u l-Afganistan f'Kabul fit-30 ta' Jannar 2011 rigward il-prattika tal-"bacha bazi" u jippermettu r-riabilitazzjoni tat-tfal vittmi ta' abbuż sesswali; jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u ċentri tas-saħħa, skejjel u operazzjonijiet umanitarji; jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-indifferenza persistenti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolenza barbarika mwettqa mit-Taliban, l-IS u l-Al-Qaeda kontra l-poplu tal-Afganistan; jiġbed l-attenzjoni għar-riskji assoċjati mar-ritorn ta' ex kriminali tal-gwerra, b'mod partikolari Gulbuddin Hekmatyar, il-fundatur ta' Hizb-e-Islami, li kien rikonoxxut bħala terrorista mill-Istati Uniti fl-2003 u ġie assoċjat mal-preżenza akbar tal-IS fl-Afganistan;

15.  Jesprimi l-biża' tiegħu miż-żieda fil-vjolenza kontra n-nisa u l-qerda tad-drittijiet tan-nisa u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom f'żoni kkontrollati mit-Talibani fl-Afganistan; itenni l-appell tiegħu lill-Parlament u l-Gvern tal-Afganistan biex jirrevokaw il-liġijiet kollha li fihom elementi ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa, u li jiksru t-trattati internazzjonali ffirmati mill-Afganistan; jilqa' l-enfasi fuq l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-assistenza tal-UE fl-Afganistan, b'mod partikolari l-fatt li 53 % tal-programmi tal-UE għandhom l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala objettiv sinifikanti; jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni totali tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u miżuri nazzjonali oħra għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fl-Afganistan u għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

16.  Jistieden lill-gvernijiet tas-sħab reġjonali – bħall-pajjiżi tal-Asja Ċentrali, l-Iran, l-Indja, ir-Russja u l-Pakistan – jaħdmu flimkien lejn ftehim ta' paċi fl-Afganistan, żvilupp soċjoekonomiku kontinwu u aktar stabbiltà interna, kif ukoll kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u t-terroriżmu, u jħeġġeġ il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-intelligence fil-ġlieda kontra t-terroristi u l-estremisti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera; iħeġġeġ lill-atturi reġjonali Afgani kollha jimpenjaw ruħhom bla riżervi biex ikomplu b'mod trasparenti l-ġlieda kontra t-terroriżmu;

17.  Itenni l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali tkompli bl-impenn tagħha fl-Afganistan u tikkontribwixxi għall-bini mill-ġdid tal-pajjiż, l-iżvilupp tal-ekonomija u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jilqa' l-impenji finanzjarji kkonfermati mill-UE u l-Istati Membri fil-Konferenza ta' Brussell; jitlob, partikolarment, li jingħata appoġġ lill-inizjattivi li jindirizzaw il-bżonnijiet tal-persuni spostati internament u tar-rifuġjati li jirritornaw;

18.  Jirrikonoxxi r-responsabbiltajiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiġi rispettat id-dritt li wieħed ifittex protezzjoni internazzjonali u li jipparteċipa fi programmi ta' risistemazzjoni tal-UNHCR; jenfasizza li d-dritt u l-abbiltà li wieħed ifittex rifuġju b'modi sikuri u legali huma fatturi ta' importanza kritika għall-prevenzjoni tal-imwiet fost dawk li jfittxu asil;

19.  Jinnota l-konklużjoni tal-ftehim informali ta' riammissjoni previst mit-Triq Konġunta 'l Quddiem bejn l-UE u l-Afganistan; jiddeplora n-nuqqas ta' sorveljanza parlamentari u kontroll demokratiku fuq il-konklużjoni ta' dan il-ftehim; jistieden lill-gvernijiet fir-reġjun iżommu lura milli jirrimpatrijaw lill-Afgani; jirrimarka li dan jikkostitwixxi ksur dirett tad-dritt umanitarju internazzjonali u li n-numru dejjem akbar ta' rifuġjati li qed jiġu ttrattati b'dan il-mod ma jagħmilx ħlief isaħħaħ lill-gruppi terroristiċi u joħloq iżjed instabbiltà fir-reġjun; jissottolinja li r-rimpatriju lejn l-Afganistan ipoġġi f'periklu serju ħajjet il-persuni rimpatrijati, b'mod partikolari l-persuni waħedhom mingħajr netwerk ta' familja jew ħbieb fl-Afganistan, li ftit għandom ċans jibqgħu ħajjin; jissottolinja li l-assistenza u l-kooperazzjoni tal-UE jridu jkunu mfassla b'tali mod li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u t-tkabbir fil-pajjiżi terzi u għat-tnaqqis – u eventwalment il-qerda – tal-faqar, u mhux li l-pajjiżi terzi jingħataw inċentiv biex jikkooperaw fir-riammissjoni ta' migranti irregolari, li l-persuni jinżammu bil-forza milli jiċċaqalqu, jew li jitwaqqfu l-flussi lejn l-Ewropa (ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' April 2017 dwar l-indirizzar tal-movimenti tar-rifuġjati u tal-migranti: ir-rwol tal-azzjoni esterna tal-UE(3));

20.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tinbeda investigazzjoni dwar ir-reati kontra l-umanità li possibbilment twettqu fl-Afganistan mill-2003 'l hawn;

21.  Jistieden lill-awtoritajiet Afgani jikkommutaw is-sentenzi kollha tal-mewt u jerġgħu jintroduċu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-ħsieb li l-piena tal-mewt titneħħa b'mod permanenti; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Afganistan jimplimenta bis-sħiħ il-Pjan Nazzjonali tiegħu għall-Eliminazzjoni tat-Tortura u jiddeplora rapporti ta' tortura u maltrattament tad-detenuti b'rabta mal-kunflitt mill-partijiet kollha fl-Afganistan;

22.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda enormi fl-għadd ta' persuni spostati internament fl-2016 – aktar minn 600 000 spostament ġdid – li jista' jwassal għal kriżi umanitarja kbira; iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti jieħdu ħsieb lil dawn l-Afgani vulnerabbli, u jistieden lill-Gvern Afgan jgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà Afgana; jenfasizza li, skont l-istimi tal-awtoritajiet Afgani, tal-aġenziji tan-NU u ta' aġenziji umanitarji oħra, aktar minn 9.3 miljun persuna se jkunu ġew bżonn għajnuna umanitarja sal-aħħar tal-2017;

23.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ provviżorju tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afganistan fl-1 ta' Diċembru 2017, li jirrappreżenta l-ewwel qafas legalment vinkolanti għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat; iħeġġeġ ukoll ir-ratifika rapida tal-ftehim min-naħa tal-Istati Membri tal-UE biex dan ikun jista' jidħol fis-seħħ b'mod sħiħ;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.

(1) ĠU C 366, 27.10.2017, p. 129.
(2) ĠU C 65, 19.2.2016, p. 133.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0124.


Sitwazzjoni tar-Rohingya
PDF 349kWORD 56k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))
P8_TA(2017)0500RC-B8-0668/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017(1), tas-7 ta' Lulju 2016(2) u tal-15 ta' Diċembru 2016(3), u tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u x-Xlokk tal-Asja(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Myanmar/Burma tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rimarki tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, f'Cox's Bazar, il-Bangladesh, tad-19 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Settembru 2017 tal-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta' Rakhine, id-dikjarazzjoni tal-11 ta' Settembru 2017 tal-VP/RGħ dwar l-aħħar żviluppi fl-Istat ta' Rakhine, fil-Myanmar u fir-reġjun tal-fruntiera fil-Bangladesh, id-dikjarazzjoni tal-20 ta' Novembru 2017 tal-VP/RGħ f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-Myanmar/Burma, u d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Novembru 2017 tal-VP/RGħ dwar l-iffirmar ta' ftehim bilaterali ta' ripatrijazzjoni bejn il-gvernijiet tal-Myanmar u l-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, lejn it-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine f'Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-1 ta' Ġunju 2016 mill-Kummissjoni u mill-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Myanmar/Burma: Sħubija Speċjali għad-Demokrazija, il-Paċi u l-Prosperità" (JOIN(2016)0024),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa dwar it-tielet Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-25 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-apolidija tal-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Myanmar u l-Bangladesh dwar ir-ripatrijazzjoni tar-Rohingya mill-Bangladesh lejn il-Myanmar, iffirmat fit-23 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine, tas-6 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, approvat mit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-16 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fil-Myanmar", tal-20 ta' Ġunju 2016 u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, tat-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra s-27 sessjoni speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni minoritarja tal-Musulmani Rohingya u minoranzi oħrajn fl-Istat ta' Rakhine, il-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus tar-Rifuġjati tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali tal-UNHCR biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar jgħixu madwar miljun Rohingya, grupp ta' minoranza fil-biċċa l-kbira Musulman li qed jiffaċċja ripressjoni u ksur serju kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi theddid għall-ħajja u s-sigurtà, ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, nutrizzjoni ħażina u nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, xogħol furzat, vjolenza sesswali u limitazzjonijiet fuq id-drittijiet politiċi tagħhom;

B.  billi r-Rohingya huma fost l-aktar minoranzi ppersegwitati fid-dinja, u billi l-Liġi taċ-Ċittadinanza tal-Myanmar tal-1982 ċaħħdithom mid-drittijiet taċ-ċittadinanza sħiħa u ġabithom apolidi; billi r-Rohingya fil-biċċa l-kbira tagħhom huma miżmuma f'kampijiet b'restrizzjonijiet ħorox fuq il-moviment liberu fl-Istat ta' Rakhine u barra minnu;

C.  billi l-aktar attakki reċenti fuq il-postijiet tal-għassiesa tas-sigurtà f'Awwissu 2017 pprovokaw rispons sproporzjonat ħafna mill-militar tal-Myanmar, li wettqu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya;

D.  billi minn Awwissu 2017 'l hawn, aktar minn 646 000 Rohingya ħarbu għas-sikurezza lejn il-pajjiż ġar tal-Bangladesh, fejn iffaċċjaw kundizzjonijiet atroċi; billi l-għadd totali ta' rifuġjati Rohingya fil-Bangladesh huwa mistenni li jaqbeż il-miljun sa tmiem l-2017; billi għexieren ta' persuni, fosthom nisa u tfal, mietu matul ir-rotta u aktar minn 400 000 ruħ jeħtieġu kura tas-saħħa u assistenza tal-ikel; billi l-qtil, l-istupru u t-tortura tar-Rohingya u l-ħruq tal-irħula tagħhom ji ntużawbħala għodda biex ssir ħsara b'mod permanenti lill-istruttura soċjali tar-Rohingya u tiġi trawmatizzata l-popolazzjoni;

E.  billi l-fruntiera bejn il-Myanmar u l-Bangladesh ġiet militarizzata u tqiegħdu mini tal-art biex jipprevjenu lin-nies milli jaqsmuha;

F.  billi, skont l-aġenziji tan-NU, l-aċċess għall-organizzazzjonijiet umanitarji għadu restrittiv ħafna, inkluż għall-konsenja tal-ikel, l-ilma u l-mediċina lir-Rohingya;

G.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, fl-10 ta' Settembru 2017 ħabbar li s-sitwazzjoni fil-Myanmar "tidher eżempju klassiku ta' tindif etniku" u fil-5 ta' Diċembru 2017 li ma jistax jiġi eskluż att ta' ġenoċidju kontra l-Musulmani Rohingya mill-forzi statali fil-Myanmar; billi l-Amnesty International iddeskriviet is-sitwazzjoni għall-minoranzi fl-Istat ta' Rakhine bħala waħda ta' "apartheid" u billi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU kkundanna "l-probabilità kbira ħafna ta' delitti kontra l-umanità" fil-Myanmar;

H.  billi fit-23 ta' Ottubru 2017 il-konferenza tad-donaturi li saret f'Ġinevra bejn l-UNHCR, l-OCHA, l-IOM, l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tal-Kuwajt żgurat wegħdiet għall-għajnuna li jammontaw għal USD 344 miljun, li aktar minn nofshom ġew mill-UE;

I.  billi l-Gvernijiet tal-Myanmar u tal-Bangladesh iffirmaw memorandum ta' qbil mhux vinkolanti li għandu jiggarantixxi r-ritorn sikur tar-rifuġjati Rohingya li ħarbu lejn il-Bangladesh; billi l-VP/RGħ iddeskriviet l-iffirmar tal-memorandum ta' qbil bħala pass importanti lejn li tiġi indirizzata waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem ta' żmienna; billi mhuwiex ċar kemm ripatrijati potenzjali Rohingya ser ikunu akkomodati f'kampijiet u f'żoni ta' akkoljenza temporanja; billi ma teżisti l-ebda skeda ta' żmien ċara għal ritorn għal sigurtà adegwata u akkomodazzjoni sikura jew għar-rikonoxximent tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tagħhom;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-qtil li għadhom għaddejja, l-użu sistematiku tal-forza, u t-telf tal-ħajjiet, l-għajxien u l-kenn fl-Istat ta' Rakhine; jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem u jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu u l-appoġġ sħiħ għar-Rohingya; ifakkar li l-awtoritajiet tal-Myanmar għandhom id-dmir li jipproteġu lill-persuni ċivili kollha mill-abbuż, mingħajr diskriminazzjoni, li jinvestigaw il-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem u li jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja, skont l-istandards u l-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jappella għal tmiem immedjat tal-vjolenza, tal-qtil, tal-intimidazzjoni u tal-istupru tar-Rohingya u tal-qerda tad-djar tagħhom mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar;

3.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Myanmar jaħdmu flimkien mal-aġenziji internazzjonali tal-għajnuna, l-UE u n-NU biex jippermettu aċċess umanitarju immedjat u mingħajr xkiel għall-Istat ta' Rakhine, inkluż appoġġ iddedikat għall-gruppi vulnerabbli bħat-tfal, l-anzjani u l-vittmi ta' vjolenza sesswali; iħeġġeġ lill-gvern jimplimenta miżuri f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2106 (2013) biex jipprevjeni inċidenti ta' vjolenza sesswali u jirreaġixxi għalihom;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jagħtu aċċess lill-osservaturi indipendenti, b'mod partikolari lill-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU stabbilita mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Marzu 2017, biex jiżguraw investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali tal-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li, fejn hemm evidenza ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, l-individwi jridu jiġu mressqa quddiem qrati ċivili indipendenti, imparzjali u mingħajr l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt; jinsisti fuq il-ħtieġa għal azzjoni kontinwa min-naħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluż riferiment lill-Qorti Kriminali Internazzjonali, jekk il-Myanmar mhuwiex kapaċi jew ma jixtieqx iħarrek jew jagħmel awtoriferiment;

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jagħti aċċess sħiħ u mingħajr xkiel lill-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tal-midja għall-Istat ta' Rakhine, u biex jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-persunal tal-midja;

6.  Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tal-Myanmar biex b'mod immedjat iwaqqaf l-użu tiegħu ta' mini tal-art u jneħħi l-mini kollha li diġà qiegħed, inklużi dawk imqiegħda dan l-aħħar matul il-fruntiera mal-Bangladesh; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tipprovdi assistenza teknika f'dan ir-rigward; ifaħħar l-isforzi magħmula mill-Bangladesh quddiem kriżi umanitarja f'wieħed mill-pajjiżi ġirien tiegħu; jilqa' bis-sħiħ il-protezzjoni li l-Bangladesh ipprovda lir-Rohingya li qed jaħarbu mill-Myanmar u jħeġġu jkompli joffri appoġġ f'kooperazzjoni mal-UNHCR; jistieden lill-Bangladesh jiffaċilita aktar l-operazzjonijiet umanitarji mill-NGOs internazzjonali billi jissimplifika l-piż burokratiku, il-proċess ta' reġistrazzjoni u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment;

7.  Jinnota l-memorandum ta' qbil miftiehem bejn il-Myanmar u l-Bangladesh dwar ir-ripatrijazzjoni; iħeġġeġ lill-partijiet jirrispettaw għalkollox ir-ritorn volontarju, sikur u dinjituż tar-Rohingya lejn il-postijiet ta' oriġini tagħhom mingħajr ebda forma ta' diskriminazzjoni, u bis-superviżjoni sħiħa tan-NU; jinsisti li l-awtoritajiet tal-Myanmar joffru assigurazzjonijiet kredibbli li l-persuni rimpatrijati ma jiġux persegwitati jew furzati f'kampijiet segregati abbażi ta' raġunijiet etniċi jew reliġjużi u jiggarantixxu monitoraġġ indipendenti u imparzjali mill-korpi tad-drittijiet tal-bniedem; jerġa' jafferma l-prinċiplu ta' non-refoulement u jaqbel mal-valutazzjoni tal-UNHCR tal-24 ta' Novembru 2017 li "fil-preżent, fl-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar ma jeżistux il-kundizzjonijiet li jippermettu ritorn sikur u sostenibbli"; jistieden lill-UE tmexxi l-isforzi internazzjonali permezz ta' summit intergovernattiv flimkien man-NU; jipproponi li dan is-summit jagħmel rieżami tal-progress dwar il-proċess ta' ripatrijazzjoni tar-Rohingya u r-radd lura tad-drittijiet taċ-ċittadinanza u li tinbeda l-proċedura għal investigazzjoni indipendenti ta' delitti kontra l-umanità;

8.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ finanzjarju u materjali għall-akkomodazzjoni tar-rifuġjati filwaqt li jiżguraw li l-assistenza ma tissarrafx f'soluzzjonijiet inaċċettabbli għar-rifuġjati u l-persuni rimpatrijati; jistieden lill-atturi internazzjonali jistabbilixxu appoġġ fil-forma ta' finanzjament li joffri rispons sostenibbli għall-ħtiġijiet tar-Rohingya spostati u l-komunitajiet ospitanti permezz ta' aċċess għal servizzi xierqa u mtejba; jiġbed attenzjoni partikolari lejn il-ħtieġa urġenti għall-finanzjament, li huwa stmat li jammonta għal USD 10 miljun, biex jingħataw servizzi mediċi speċjalizzati u servizzi tas-saħħa mentali għas-superstiti tal-istupru u tal-vjolenza sessista; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja investigazzjoni sħiħa tal-firxa tal-vjolenza sesswali u delitti oħra kontra r-Rohingya;

9.  Jesprimi tħassib kbir dwar ir-rapporti ta' traffikar ta' nisa u bniet Rohingya fil-Myanmar u fil-Bangladesh u jħeġġeġ lill-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi biex jaħdmu mal-UNHCR u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem biex jintemm it-traffikar u biex in-nisa u l-bniet affettwati jingħataw il-protezzjoni u l-appoġġ;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jindirizza d-diskriminazzjoni sistematika u li ilha ħafna għaddejja; jenfasizza li mingħajr ma jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali huwa impossibbli li tintemm is-sitwazzjoni ta' tbatija tagħhom; jinnota f'dan ir-rigward li ċ-ċaħda tad-drittijiet tal-minoranzi fil-Myanmar testendi lil hinn mir-Rohingya u tolqot ukoll lil gruppi etniċi oħra, fosthom fl-Istati ta' Kachin u Shan;

11.  Jilqa' r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine, li ġiet stabbilita fuq it-talba tal-Kunsilliera tal-Istat; iħeġġeġ b'qawwa lill-awtoritajiet tal-Myanmar biex jaħtru korp ta' implimentazzjoni malajr kemm jista' jkun, biex jidħlu fis-seħħ għalkollox ir-rakkomandazzjonijiet ta' Annan; jinkoraġġixxi lill-UE, lin-NU u atturi internazzjonali oħra biex jappoġġjaw il-proċess;

12.  Jenfasizza r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet legali dwar iċ-ċittadinanza jiġu allinjati mal-istandards u t-trattati internazzjonali li l-Myanmar huwa stat parti tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jemenda l-Liġi taċ-Ċittadinanza u jipprovdi dokumentazzjoni taċ-ċittadinanza rikonoxxuta legalment lir-residenti Rohingya ħalli huma jiġu aċċettati bħala minoranza etnika u biex id-dritt tagħhom għall-awtoidentifikazzjoni jiġi rispettat; iħeġġeġ lill-gvern joħroġ karti tal-identità li ma jelenkawx l-affiljazzjoni reliġjuża;

13.  Jinsisti li s-segregazzjoni tal-popolazzjoni Rohingya fil-Myanmar trid tintemm; jitlob li jitneħħa l-curfew impost fuq ir-Rohingya u li jingħalqu l-punti ta' kontroll kollha għajr dawk li huma meħtieġa; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jiżgura li r-residenti Rohingya jkunu jistgħu jivvjaġġaw liberament fl-Istat ta' Rakhine u fil-bqija tal-pajjiż u li, b'mod partikolari, ikunu rrispettati d-drittijiet tagħhom ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ikel, l-edukazzjoni u l-impjiegi;

14.  Jistieden lill-partijiet kollha jappoġġjaw il-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi effikaċi u soċjetà ċivili b'saħħitha, ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet bażiċi, u l-promozzjoni tal-governanza tajba, l-istat tad-dritt u ġudikatura indipendenza u imparzjali;

15.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex b'urġenza jadottaw sanzjonijiet punittivi mmirati kontra individwi fis-servizzi militari u tas-sigurtà responsabbli għall-kontinwazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mifruxa fil-Myanmar;

16.  Jiddeplora n-nuqqas tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li jaqbel fuq miżuri deċiżivi u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-pressjoni fuq dawk li qed jostakolaw azzjoni sinifikanti, inklużi ċ-Ċina u r-Russja;

17.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jestendu l-ambitu tal-embargo eżistenti fuq l-armi kontra l-Myanmar; barra minn hekk jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi embargo fuq l-armi globali u komprensiv fuq il-Myanmar, jissospendi l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment kollu, kemm jekk dirett kif ukoll jekk indirett, inkluż it-tranżitu u t-trasbord tal-armi, il-munizzjon u t-tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor kollu, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza militari jew ta' sigurtà oħra;

18.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar, inkluża l-Kunsilliera tal-Istat, Aung San Suu Kyi b'mod partikolari, jikkundanna b'mod ċar kull inċitament għall-mibegħda razzjali jew reliġjuża u jiġġieldu d-diskriminazzjoni soċjali u l-ostilità fil-konfront tal-minoranza Rohingya, u jirrispetta d-dritt universali għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin;

19.  Jistieden lill-ASEAN u lill-gvernijiet reġjonali biex ikomplu jieħdu azzjoni u biex iżidu l-pressjoni fuq il-Gvern tal-Myanmar u fuq il-militar tal-pajjiż sabiex iwaqqfu l-abbużi tad-drittijiet u jipproteġu liċ-ċivili kollha fl-Istat ta' Rakhine u fil-Myanmar;

20.  Ifakkar li l-Premju Sakharov jingħata lil dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, iħarsu d-drittijiet tal-minoranzi u jirrispettaw id-dritt internazzjonali, fost kriterji oħra; jiġbed l-attenzjoni għall-kunsiderazzjoni ta' jekk il-Premju Sakharov jistax jiġi revokat f'każijiet fejn ir-rebbieħa jiksru dawn il-kriterji wara li l-premju jkun ingħata;

21.  Iħeġġeġ lill-atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin, u b'mod partikolari liċ-Ċina, biex jużaw il-pjattaformi bilaterali, multilaterali u reġjonali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jesiġu li jintemmu l-atroċitajiet u tinstab soluzzjoni paċifika;

22.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex b'mod sinifikanti jkomplu jagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Myanmar u s-servizzi tas-sigurtà biex itemmu l-vjolenza u d-diskriminazzjoni mwettqa kontra r-Rohingya, u jinvolvu ruħhom man-NU, l-ASEAN u l-gvernijiet reġjonali biex iwaqqfu s-segregazzjoni fil-Myanmar;

23.  Jitlob li l-VP/RGħ tinforma lill-Parlament dwar l-azzjoni meħuda mid-delegazzjoni tal-UE fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-ASEM f'Nay Pyi Taw fil-21 ta' Novembru 2017; iħeġġeġ li d-Djalogu bejn il-Myanmar u l-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jingħata nifs ġdid sabiex jiġu indirizzati speċifikament il-kwistjonijiet li jirrigwardaw lill-komunità Rohingya;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-konsegwenzi fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li jgawdi l-Myanmar, fosthom li tikkunsidra li tniedi investigazzjoni fl-ambitu tal-mekkaniżmi previsti fid-dispożizzjoni "Kollox Ħlief Armi";

25.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-Pjan ta' Azzjoni Globali biex Tintemm l-Apolidija 2014-2024, tal-UNHRC;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0351.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0316.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0506.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0247.


Implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija
PDF 464kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija (2015/2129(INI))
P8_TA(2017)0501A8-0368/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 82(2) u 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 8, 24, 47, 48 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, u l-Protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali tal-25 ta' Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità tat-23 ta' Novembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ewropa tal-Istrateġija tiegħu dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta' Diċembru 2011, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2004/68/ĠAI(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-Ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet(4),

–  wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2012 dwar "Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal" (COM(2012)0196), u wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Evalwazzjoni finali tal-programm multiannwali tal-UE dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni (Internet Aktar Sikur)" (COM(2016)0364),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2016 li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex ikunu konformi mad-Direttiva 2011/93/UE (COM(2016)0871 finali), u r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2016 li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE (COM(2016)0872),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol tal-2016 dwar il-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata ffaċilitata mill-Internet (iOACTA),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tas-27 ta' Frar 2017 bit-titolu "Ġustizzja adatta għat-tfal: Perspettivi u esperjenzi ta' tfal involuti fi proċedimenti ġudizzjarji bħala vittmi, xhieda jew partijiet f'disa' Stati Membri tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2017 bit-titolu "Il-protezzjoni tat-tfal migranti" (COM(2017)0211),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e), u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0368/2017),

A.  billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u l-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, kif previst fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja meta tiġi implimentata kwalunkwe miżura biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

C.  billi d-Direttiva 2011/93/UE hija strument ġuridiku komprensiv li fih dispożizzjonijiet dwar id-dritt kriminali sostantiv u dwar il-proċeduri kriminali, miżuri ta' assistenza u protezzjoni tal-vittmi u għall-prevenzjoni, inklużi miżuri amministrattivi, u l-implimentazzjoni tagħha tirrikjedi l-involviment mill-qrib ta' atturi minn setturi differenti bħalma huma l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura, assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u tal-familja li għandhom rwol attiv fir-rigward tal-protezzjoni tal-minorenni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-fornituri tas-servizz tal-internet u oħrajn;

D.  billi r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ma jipprovdi l-ebda statistika fir-rigward tat-tneħħija u l-imblukkar ta' websites li fihom jew li jxerrdu stampi ta' abbuż sesswali tat-tfal, speċjalment l-istatistika dwar kemm il-kontenut idum biex jitneħħa, il-frekwenza li biha r-rapporti jiġu segwiti minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, id-dewmien fit-tneħħija minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata interferenza mal-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, jew il-frekwenza li biha kwalunkwe tali data maħżuna verament tintuża minn awtoritajiet ġudizzjarji jew tal-infurzar tal-liġi;

E.  billi waħda mill-isfidi ewlenin fl-investigazzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u l-prosekuzzjoni tal-agressuri hija n-nuqqas ta' rapportar mill-vittmi; billi huwa anqas probabbli li s-subien jirrappurtaw abbuż;

F.  billi t-tfal, li huma vittmi ta' abbuż jew sfruttament sesswali, isofru minn trawmi fiżiċi u / jew psikoloġiċi multipli u fit-tul li jistgħu jibqgħu jippersegwitawhom fit-tul fil-ħajja adulta;

G.  billi l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal online huwa fenomenu li qed jevolvi u nħolqu fuq l-internet forom ġodda tal-kriminalità, bħalma huma "l-pornografija ta' vendetta" u l-estorsjoni sesswali, u jeħtieġ li jiġu indirizzati b'miżuri konkreti mill-Istati Membri;

H.  billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi qed jiffaċċjaw sfidi ppreżentati min-netwerks ta' bejn il-pari (peer-to-peer) u privati li jiskambjaw materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal; billi hemm il-ħtieġa li titqajjem kuxjenza fi stadju bikri fost il-bniet u s-subien dwar ir-riskji u dwar kemm hu importanti li jirrispettaw id-dinjità u l-privatezza tal-oħrajn fl-era diġitali;

I.  billi t-tfal migranti – speċjalment il-bniet iżda wkoll perċentwal sinifikanti ta' subien(5) – huma partikolarment esposti għall-abbuż sesswali u għall-isfruttament sesswali tat-tfal f'idejn it-traffikanti, kuntrabandisti, traffikanti tad-droga, ċrieki tal-prostituzzjoni, kif ukoll individwi jew ċrieki oħra, li jisfruttaw il-vulnerabbiltà tagħhom, matul ir-rotta u ladarba jaslu l-Ewropa

J.  billi l-industrija tat-turiżmu tas-sess taffettwa għadd sinifikanti ta' tfal, speċjalment bniet iżda wkoll perċentwal sinifikanti ta' subien;

K.  billi, sabiex ikun hemm konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri li jittieħdu skont il-premessa 47 tad-Direttiva 2011/93/UE dwar l-imblukkar u t-tneħħija ta' websites online jridu jirrispettaw is-salvagwardji elenkati fl-Artikolu 25 tad-Direttiva;

L.  billi reviżjoni sistematika u metaanaliżi sabu li, meta mqabbla mal-pari tagħhom mingħajr diżabbiltà, tfal b'diżabilità kellhom tliet darbiet aktar probabbiltà li jġarrbu vjolenza fiżika jew sesswali;

M.  billi l-użu tat-terminu "pornografija tat-tfal" mhuwiex xieraq biex jiġu definiti r-reati fl-Artikoli 5 u 2(c) tad-Direttiva 2011/93/UE, u jaf ikun ta' ħsara għall-vittmi tfal;

Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin

1.  Jikkundanna għalkollox il-forom kollha ta' abbuż jew sfruttament sesswali tat-tfal, kif ukoll il-vittimizzazzjoni vjolenti u abbużiva tat-tfal f'kull livell; jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ewropa tal-Istrateġija tiegħu dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2016-2021); jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri kollha biex jieħdu miżuri xierqa bil-għan li jipprevjenu il-forom kollha ta' vjolenza fiżika u psikoloġika, inkluż abbuż fiżiku u sesswali u sfruttament sesswali, u jipproteġu lit-tfal; jistieden lill-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri kollha tal-UE biex jieħdu azzjoni magħquda u effikaċi sabiex jeqirdu l-abbuż u l-isfruttament sesswali u, b'mod aktar ġenerali, ir-reati sesswali kollha kontra t-tfal; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri kollha tal-UE biex b'mod espliċitu jikkunsidraw il-protezzjoni tat-tfal bħala prijorità meta jipprogrammaw u jimplimentaw il-politiki, li jaf ikollhom impatt negattiv fuqhom;

2.  Iqis li d-Direttiva 2011/93/UE hija qafas ġuridiku solidu u sħiħ għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri ħabbtu wiċċhom ma' dewmien sinifikanti fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kif ukoll fir-rigward tal-protezzjoni u l-assistenza lill-vittmi, u l-fatt li għadu ma ġiex sfruttat il-potenzjal sħiħ tad-Direttiva. iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jittrasponu d-Direttiva b'mod sħiħ u korrett; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li t-traspożizzjoni legali tiġi tradotta f'implimentazzjoni effikaċi sabiex jiżguraw il-protezzjoni u l-assistenza għall-vittmi tfal u tolleranza żero għall-abbuż sesswali tat-tfal;

3.  Jiddeplora li l-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tippreżenta r-rapporti ta' implimentazzjoni tagħha fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2011/93/UE u li ż-żewġ rapporti ta' evalwazzjoni ppreżentati mill-Kummissjoni ddokumentaw sempliċement it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri u ma vvalutax bis-sħiħ il-konformità tad-Direttiva; jitlob lill-Istati Membri jikkooperaw u jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, inkluża l-istatistika;

4.  Jisħaq fuq il-punt li t-terminu "materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal" huwa aktar xieraq minn "pornografija tat-tfal" għal tali reati kontra t-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw l-użu tat-terminu "materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal" minflok it-terminu "pornografija tat-tfal"; jisħaq, madankollu, li t-terminoloġija l-ġdida m'għandha bl-ebda b'mod tirrestrinġi r-reati elenkati bħala "pornografija tat-tfal" fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/93/UE b'rabta mal-Artikolu 2(c);

5.  Jiddispjaċih li r-rapport ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jonqos milli jsemmi jekk ivvalutatx l-effiċjenza tas-sistema INHOPE meta tittrasferixxi r-rapporti lil kontropartijiet f'pajjiżi terzi;

6.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kummissjoni naqset milli tiġbor data dwar it-tipi ta' mblukkar li ntużaw; jiddispjaċih li ma ġietx ippubblikata data dwar in-numru ta' websites fuq il-listi tal-imblukkar f'kull pajjiż; iqis li huwa ta' dispjaċir li m'hemm l-ebda valutazzjoni tal-użu ta' metodi ta' sigurtà, bħal kriptaġġ, sabiex jiġi żgurat li l-listi tal-imblukkar ma jiġux żvelati u jsiru serjament kontroproduttivi; jilqa' l-fatt li, wara li ppromwoviet l-imblukkar obbligatorju fl-2011, il-Kummissjoni b'mod espliċitu abbandunat din il-pożizzjoni;

Id-Dritt Kriminali Sostantiv (l-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Direttiva)

7.  Jieħu nota tal-fatt li d-dispożizzjonijiet dwar id-dritt kriminali sostantiv tad-Direttiva 2011/93/UE ġew trasposti mill-Istati Membri; jinsab imħasseb, madankollu, li xi Stati Membri ma ttrasponewx bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet dwar ir-reati li jikkonċernaw l-isfruttament sesswali (l-Artikolu 4), ir-reati li jikkonċernaw l-abbuż sesswali meta jsir abbuż ta' pożizzjoni rikonoxxuta ta' fiduċja, awtorità jew influwenza (Artikolu 3(5)(i)) jew meta jsir abbuż minn sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tat-tifel jew tifla (Artikolu 3(5)(ii)), u fir-rigward tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi (Artikolu 12);

8.  Iqis, b'mod partikolari, li l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu kull sforz possibbli biex jiġġieldu kontra l-impunità tal-aggressuri ta' abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll ta' individwi jew persuni ġuridiċi, li jgħinu, jassistu jew li huma kompliċi ta' kwalunkwe reat ta' sfruttament sesswali jew abbuż sesswali tat-tfal; iqis li huwa ta' importanza fundamentali li l-Istati Membri jiżguraw ir-responsabbiltà kemm tal-persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, fejn in-nuqqas ta' monitoraġġ jew superviżjoni ta' persuna li hija membru ta' dik l-entità ġuridika, ikun ippermetta jew iffaċilita t-twettiq ta' reati;

9.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar it-theddid u r-riskji li toħloq id-dimensjoni online għat-tfal, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-reklutaġġ tat-tfal online, kif ukoll il-grooming u forom oħra ta' inċitament; iqis li għaldaqstant iridu jinstabu modi ta' kif jiġu identifikati, irrappurtati u investigati prattiki perikolużi bħal dawn; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied il-livell ta' protezzjoni tat-tfal online filwaqt li fl-istess ħin jitniedu programmi ta' sensibilizzazzjoni u informazzjoni dwar il-perikli li jeżistu online;

10.  Ifakkar lill-Kummissjoni li r-restrizzjonijiet fuq kontenut online għandhom ikunu bbażati fuq il-liġi, definiti sew, proporzjonati, leġittimi, u jsegwu għan ċar;

11.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-webstreaming dirett tal-abbuż sesswali tat-tfal, fejn it-trasgressuri għandhom ħiliet għolja u qed ikunu innovattivi ħafna fl-użu ta' teknoloġija avvanzata; iqis li l-Istati Membri kollha għalhekk jenħtieġ li jfittxu li jiżviluppaw applikazzjonijiet tekniċi innovattivi biex jidentifikaw u jimblukkaw l-aċċess għal kontenut bħal dan, filwaqt li fl-istess ħin jistabbilixxu restrizzjonijiet fuq il-ħlas għal servizzi ta' dan it-tip;

12.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati forom ġodda ta' reati online, bħalma huma l-pornografija ta' vendetta u l-estorsjoni sesswali, li jaffettwaw lil ħafna minorenni, b'mod partikolari lit-tfajliet adoloxxenti; jistieden lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-ġudikatura tal-Istati Membri jadottaw miżuri konkreti biex jiġġieldu din il-forma ġdida ta' kriminalità, u lill-industrija tal-internet, lill-hotlines, lill-NGOs u lill-korpi rilevanti kollha jistedinhom jerfgħu r-responsabbiltà kondiviża tagħhom filwaqt li jfittxu li jipprovdu soluzzjonijiet biex jiġu miġġielda dawn ir-reati, fosthom billi jsir użu aħjar tat-teknoloġiji disponibbli u billi jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-persuni li wettqu delitti online;

13.  Itenni d-dritt ta' kull individwu li jiddeċiedi dwar id-destin tad-data personali tiegħu jew tagħha, b'mod partikolari d-dritt esklussiv li jikkontrolla l-użu u d-divulgazzjoni ta' informazzjoni personali u d-dritt li jintesa definit bħala l-possibbiltà li persuni jiksbu t-tneħħija immedjata tal-kontenut li jista' jkun ta' preġudizzju għad-dinjità proprja tagħhom;

14.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri li s'issa għadhom ma jikkriminalizzaw is-cyberstalking jew it-taħjir tat-tfal fuq l-internet, kif ukoll "l-online grooming"; ifakkar li t-terminu "cyberstalking" jirreferi għal sitwazzjoni meta adulti jikkomunikaw online ma' minorenni jew persuna li jaħsbu li hija minorenni bil-għan li sussegwentement iwettqu att kriminali jew delitt kontriha;

15.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li mhija pprovduta l-ebda statistika fir-rigward tal-użu ta' proċeduri tal-liġi kriminali sabiex f'każijiet rilevanti jiġi ssekwestrat l-apparat;

L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni

16.  Jinnota li għadd ta' Stati Membri ma implimentawx ir-rekwiżit li ssir prosekuzzjoni tar-reati fi żmien suffiċjenti wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġuri; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw li l-limiti statutorji li fihom dawn ir-reati jistgħu jiġu rappurtati u proċessati huma ta' tul suffiċjenti u, għall-inqas, li jibdew mill-età maġġuri tat-tfal vittmi, sabiex jiżguraw il-possibbiltà li ssir il-prosekuzzjoni tar-reat;

17.  Jissottolinja l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 17 bl-għan li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom ġurisdizzjoni fuq l-offiżi kommessi permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) aċċessata mit-territorju tagħhom kemm jekk hija bbażata fit-territorju tagħhom kif ukoll jekk le. jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-bażi prattika għal approċċ komuni tal-UE rigward il-kwistjoni ta' ġurisdizzjoni fiċ-ċiberspazju, kif enfasizzat fil-laqgħa informali tal-ministri tal-ġustizzja u l-affarijiet interni li saret fis-26 ta' Jannar 2016;

18.  Jiddeplora li mhux ir-reati kollha elenkati fid-Direttiva 2011/93/UE huma inklużi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, f'dak li jirrigwarda ġurisdizzjoni extraterritorjali; jiddispjaċih li xi Stati Membri jiggarantixxu li ssir prosekuzzjoni ta' reati ta' abbuż sesswali mwettqa barra mill-pajjiż mingħajr ilment mill-vittma; jistieden lill-Istati Membri biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet b'mod effikaċi;

19.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jallokaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji sabiex jiġġieldu l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal, inkluż taħriġ speċifiku għall-pulizija u l-investigaturi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-riżorsi ddedikati għall-identifikazzjoni tal-vittmi u jistieden minnufih lill-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2011/93/UE dwar l-identifikazzjoni tal-vittmi, biex jagħmlu dan mill-aktar fis u sabiex jimplimentaw din id-dispożizzjzoni billi jistabbilixxu skwadri speċjali ta' investigazzjoni, li jingħataw l-għodod u r-riżorsi xierqa;

20.  Jiddispjaċih li għad hemm nuqqas ta' statistika u data preċiżi dwar in-numru ta' reati mwettqa speċjalment fil-qasam tal-abbuż sesswali u l-isfruttament tat-tfal minħabba l-perċentwal għoli ta' każijiet li ma jiġux irrappurtati, in-novità tar-reati, u d-differenzi fid-definizzjonijiet u l-metodoloġiji użati f'diversi Stati Membri;

21.  Jisħaq fuq il-punt li uħud mill-isfidi ewlenin li jħabbtu wiċċhom magħhom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-offiżi ta' abbuż sesswali tat-tfal online, li jirriżultaw l-aktar mid-dimensjoni transkonfinali tal-investigazzjonijiet u mid-dipendenza mit-tekniki tal-evidenza elettronika; jinnota, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jittejbu t-tekniki investigattivi diġitali bil-għan li jkunu jistgħu jlaħħqu mal-pass mgħaġġel tal-iżvilupp teknoloġiku;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħhom, fosthom permezz ta' użu akbar tal-iskwadri ta' investigazzjoni konġunti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirrikonoxxu li dipendenza żejda fuq il-hotlines u l-industrija tista' tkun kontroproduttiva u testernalizza biss il-ġlieda kontra materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal;

23.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/93/UE b'mod validu għall-ġejjieni; iħeġġeġ lill-industrija u lill-fornituri tas-servizz tal-internet japplikaw teknoloġija aġġornata u jinvestu f'soluzzjonijiet innovattivi biex jiżdiedu l-possibbiltajiet li t-trasgressuri jiġu identifikati u mressqa quddiem il-ġustizzja, jiġu żarmati n-netwerks kriminali online u jiġu protetti l-vittmi;

24.  Jesprimi tħassib dwar l-użu mill-fornituri tas-servizzi tal-internet ta' teknoloġiji tat-Traduzzjoni tal-Indirizz tan-Netwerk fil-Grad ta' Portatur (NAT CGN) li jagħmilha possibbli li diversi utenti jikkondividu indirizz IP wieħed fl-istess ħin, u b'hekk jipperikolaw is-sigurtà online u l-possibbiltà li tiġi stabbilita r-responsabbiltà; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lill-fornituri tas-servizzi tal-Internet u lill-operaturi tan-netwerk jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jillimitaw in-numru ta' utenti għal kull indirizz IP, ineħħu gradwalment l-użu tat-teknoloġiji CGN u jagħmlu l-investimenti meħtieġa sabiex jadottaw b'urġenza l-ġenerazzjoni li jmiss ta' indirizzi IP (verżjoni 6 – IPv6);

25.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tagħhom kif ukoll jagħmlu użu sħiħ tal-għodod ta' kooperazzjoni eżistenti tal-UE pprovduti mill-Europol - b'mod partikolari fil-kuntest tal-Proġett ta' Analiżi AP Twins u l-European Cybercrime Centre - u l-Eurojust biex jiżguraw li jirnexxu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-trasgressuri u l-kompliċi possibbli; jenfasizza li l-Europol u l-Eurojust jenħtieġ li jingħataw ir-riżorsi xierqa biex iwettqu l-kompiti tagħhom f'dan ir-rigward u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkondividu l-aħjar prattiki;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tagħhom sabiex jiġġieldu lit-traffikar u lill-kuntrabandu tat-tfal migranti, li huma partikolarment vulnerabbli għall-abbuż, għat-traffikar u għall-isfruttament sesswali, speċjalment il-bniet, iżda anki s-subien; jappella għal kooperazzjoni msaħħa u skambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet biex jiġu ttraċċati t-tfal neqsin, u jitlob li l-bażijiet tad-data jkunu interoperabbli; jistieden lill-Istati Membri jadottaw approċċ olistiku li jinvolvi l-atturi kollha kkonċernati u jżidu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-servizzi soċjali u s-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fl-identifikazzjoni ta' tfal vulnerabbli, minħabba n-nuqqas ta' fiduċja li t-tfal migranti wrew fl-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu lit-turiżmu sesswali tat-tfal u jħarrku lit-trasgressuri u lill-kompliċi, filwaqt li jqisu r-responsabbiltà tal-atturi kollha involuti;

28.  Iqis li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu mħeġġa biex jiżviluppaw netwerk internazzjonali speċjalizzat għall-ġlieda kontra t-turiżmu sesswali, akkumpanjat minn politiki mmexxija mill-gvern bħall-introduzzjoni ta' programmi ta' finanzjament biex tingħata għajnuna lill-familji u t-tfal li jgħixu f'żoni perikolużi;

Il-prevenzjoni (l-Artikoli 22, 23 u 24 tad-Direttiva)

29.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw programmi effettivi ta' prevenzjoni u ta' intervent, inklużi, programmi ta' taħriġ regolari, għall-uffiċjali, l-edukaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u l-partijiet ikkonċernati kollha li għandhom kuntatt mat-tfal biex jivvalutaw aħjar ir-riskju ta' twettiq ta' reati;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw miżuri xierqa bħas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, kampanji ta' prevenzjoni, taħriġ u programmi ddedikati ta' edukazzjoni għall-awtoritajiet, il-ġenituri, l-għalliema, it-tfal u l-minorenni - anki f'kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri li għandhom rwol attiv fil-protezzjoni tat-tfal u l-minorenni, kif ukoll mal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili rilevanti, sabiex jippromwovu l-litteriżmu medjatiku u s-sikurezza online u l-importanza tal-valuri tal-familja (eż. ir-responsabbiltà, ir-rispett u l-kura reċiproki), id-dinjità tal-bniedem, l-awtostima, in-nonvjolenza u, b'mod aktar ġenerali, id-dritt tat-tfal li jiġu protetti kontra kull forma ta' abbuż u sfruttament sesswali;

31.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex iwaqqfu sistema b'diversi stadji fil-protezzjoni tat-tfal abbażi tal-aħjar interessi tal-wild u r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tiegħu jew tagħha, sabiex jintbagħat messaġġ ċar li kull forma ta' abbuż fiżiku, sesswali u emozzjonali fuq it-tfal hija inaċċettabbli u punibbli bil-liġi;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki dwar materjal edukattiv u programmi ta' taħriġ għall-atturi kollha involuti, bħalma huma l-għalliema, il-ġenituri, l-edukaturi u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, biex titqajjem kuxjenza dwar il-grooming u riskji oħra għas-sikurezza tat-tfal online; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi edukattivi ambizzjużi maħsuba kemm għall-ġenituri kif ukoll għat-tfal bil-għan li jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom, u dan billi jsiru aktar konxji tal-perikli tal-internet u jiġu mħeġġa jirrappurtaw l-inċidenti li jkunu raw jew li kienu vittmi tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' linji telefoniċi apposta għat-tfal; iqis li huwa importanti ħafna li l-ġenituri jingħataw linji gwida sabiex jivvalutaw ir-riskji li jistgħu jaffaċċjaw uliedhom u jidentifikaw sinjali bikrija ta' abbuż sesswali online potenzjali; jistieden lill-fornituri tas-servizzi jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex iżidu l-għarfien dwar ir-riskju tal-internet, b'mod partikolari għat-tfal, billi jiżviluppaw għodod interattivi u materjal ta' informazzjoni;

33.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex fil-leġiżlazzjoni tagħhom jintroduċu verifiki mandatarji tal-preċedenti kriminali għall-persuni li japplikaw jew li joffru ruħhom volontarji għal attivitajiet jew impjiegi fejn ikollhom kuntatt jew awtorità fuq it-tfal, u jħeġġiġhom ukoll jiskambjaw b'mod sistematiku informazzjoni dwar individwi li jikkostitwixxu riskju għat-tfal;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar l-awturi ta' abbuż sesswali tat-tfal bil-għan li ma jħalluhomx jiċċaqilqu minn Stat Membru għall-ieħor għal raġunijiet ta' xogħol jew biex jagħmlu volontarjat mat-tfal jew ma' istituzzjonijiet tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali u dwar l-iskwalifiki, kif ukoll jiżguraw l-ġbir sistematiku u koerenti tad-data fir-reġistri nazzjonali tat-trasgressuri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/93/UE u jipprovdu programmi ta' intervent u miżuri effikaċi u rieżaminati b'mod akkademiku għal persuni li jkollhom biża' li jwettqu reati ta' abbuż sesswali tat-tfal u reati oħra msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva;

35.  Jinnota li xi Stati Membri żviluppaw sistemi operattivi ddedikati u kapaċitajiet forensiċi intiżi għall-investigazzjoni ta' abbużi sesswali tat-tfal; jinnota, madankollu, li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri la għandhom servizzi investigattivi speċjalizzati, u lanqas il-mezzi finanzjarji sabiex jakkwistaw materjali forensiċi, bħal software speċifiku li jippermetti li jitwettqu investigazzjonijiet online; jirrakkomanda lill-UE, għaldaqstant, biex tappoġġa lil dawn is-servizzi billi tipprovdi l-fondi rilevanti, fejn meħtieġ;

36.  Jinnota l-fatt li l-parti l-kbira tal-każijiet ta' abbuż sesswali u ta' sfruttament sesswali tat-tfal rarament jiġu rrapportati lis-servizzi tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex itejbu u jsaħħu r-rapportar ta' dawn ir-reati, kif ukoll jikkunsidraw iwaqqfu mekkaniżmi diretti sistematiċi ta' rapportar;

37.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew isaħħu linji ta' għajnuna għat-tfal li jipprovdu għajnuna u appoġġ għal tfal li huma vittmi ta' abbuż jew sfruttament sesswali u li jirrispettaw id-dritt fundamentali tat-tfal li jinstemgħu; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw id-disponibbiltà 24 siegħa kuljum ta' dawn il-linji ta' għajnuna, l-aċċessibbiltà tagħhom permezz ta' mezzi differenti ta' komunikazzjoni, il-kunfidenzjalità tagħhom, li huma b'xejn għat-tfal iżda wkoll għal-linji ta' għajnuna, il-pożizzjoni ċara tagħhom fi ħdan sistemi nazzjonali tal-protezzjoni tat-tfal u jiggarantixxu finanzjament strutturali u fit-tul għal dawn il-linji ta' għajnuna;

L-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi (l-Artikoli 18, 19 u 20 tad-Direttiva)

38.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità, jadottaw miżuri speċifiċi biex jipproteġu lit-tfal vittmi u jikkondividu l-aħjar prattiki biex jiżguraw li t-tfal jirċievu assistenza u appoġġ xierqa tul id-durata kollha tal-proċedimenti kriminali u minn hemm 'il quddiem;

39.  Jilqa' l-aħjar prattiki adottati f'xi Stati Membri għall-protezzjoni tat-tfal, bħalma hu l-Barnhuset fl-Iżvezja, fost oħrajn; jistieden lill-Istati Membri jiffukaw fuq l-iżgurar tal-għoti ta' għajnuna legali, appoġġ psikoloġiku u assistenza u jevitaw il-vittimizzazzjoni sekondarja tat-tfal; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu bidu għal kampanji ta' sensibilizzazzjoni kemm fil-livell reġjonali kif ukoll fil-livell nazzjonali biex jippromwovu l-appoġġ għall-vittmi tfal u jrawmu bidla kulturali fl-opinjoni pubblika biex tiġi evitata kwalunkwe attitudni li tagħti tort lill-vittmi, li jaf tirriżulta fi trawma addizzjonali għat-tfal vittmi ta' abbuż;

It-tneħħija u l-imblukkar (Artikolu 25)

40.  Jilqa' l-fatt li l-Istati Membri stabbilixxew miżuri leġiżlattivi u amministrattivi biex ineħħu l-paġni web li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal ospitati fuq it-territorju tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2011/93/UE u jiżguraw li l-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal jitneħħa mal-ewwel f'ras il-għajn, u li jistabbilixxu s-salvagwardji rilevanti; jiddispjaċih għall-fatt li huma biss nofs l-Istati Membri li inkorporaw disposizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tagħhom li jagħmluha possibbli li l-aċċess għal paġni web bħal dawn jiġu imblukkati għall-utenti fi ħdan it-territorju tagħhom; ifakkar li fil-ġlieda kontra t-tixrid ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, il-miżuri ta' tneħħija huma, fil-prinċipju, aktar effettivi mill-imblukkar peress li dan tal-aħħar ma jħassarx il-kontenut;

41.  Jiddispjaċih u jesprimi tħassib għall-fatt li, minkejja li l-Kummissjoni ssemmi li xi Stati Membri m'għandhomx proċeduri ta' "avviż u tneħħija" funzjonali, 16-il sena wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/31/KE (Direttiva dwar il-Kummerċ Elettrotroniku), ma indikatx jekk hux se tittieħed xi azzjoni sabiex dawk l-Istati Membri jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel aktar sforzi sabiex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa ħalli taċċerta xi proċeduri jintużaw fi Stati Membri fejn m'hemm l-ebda proċedura ta' "avviż u tneħħija" u l-ebda pieni kriminali stabbiliti, u tagħti bidu għal proċedimenti ta' ksur kontra l-Istati Membri jekk kemm-il darba jinstab li ma jikkonformawx mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2000/31/KE dwar din il-kwistjoni;

43.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni la vvalutat is-sigurtà tal-listi tal-imblukkar, it-teknoloġiji użati għall-imblukkar f'dawk il-pajjiżi li implimentaw il-miżuri, l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sigurtà, bħall-kriptaġġ, għall-ħażna u l-komunikazzjoni tal-listi tal-imblukkar u lanqas ma wettqet analiżi sinifikanti tal-effikaċja ta' din il-miżura;

44.  Jinnota li d-Direttiva 2011/93/UE ma teħtieġx imblukkar obbligatorju; jirrikonoxxi li l-imblukkar mhuwiex la teknoloġija unika u lanqas waħda affidabbli; jirrakkomanda t-tneħħija ta' materjal ta' abbuż tat-tfal, sfruttament tat-tfal u abbuż sesswali tat-tfal minn ras il-għajn fil-kuntest ta' azzjonijiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi effiċjenti;

45.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, f'kooperazzjoni mal-industrija tal-Internet, iħaffu l-proċeduri ta' notifika u tneħħija, li għadhom twal wisq, u jistabbilixxu sħubiji mal-industrija tas-settur online, l-Europol u l-Eurojust biex jipprevjenu l-hacking u l-użu ħażin tan-netwerks u s-sistemi biex jitqassam materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal;

46.  Jistieden lill-Istati Membri, f'każijiet fejn il-kontenut isir disponibbli minn pajjiżi terzi, biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi terzi kkonċernati u mal-Interpol bil-għan li jiżguraw it-tneħħija fil-pront tal-kontenut inkwistjoni;

47.  Jirrakkomanda li l-listi suwed tal-websites li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal jiġu aġġornati regolarment mill-awtoritajiet rilevanti u kkomunikati lill-fornituri tas-servizzi tal-internet sabiex jġi evitat, pereżempju, l-imblukkar żejjed u sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità; jirrakkomanda l-kondiviżjoni ta' tali listi suwed ta' websites bejn l-Istati Membri, mal-Europol u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità tiegħu, kif ukoll mal-Interpol; iqis, f'dan ir-rigward, li tista' tintuża t-teknoloġija tal-"hashing" li għadha kemm ġiet żviluppata, li tinvolvi l-identifikazzjoni u r-rikonixximent awtomatiku tal-immaġnijiet; jisħaq fuq il-punt li kwalunkwe teknoloġija implimentata għandha tiġi eżaminata bir-reqqa biex tiġi eliminata, jew tal-inqas titnaqqas, il-possibbiltà ta' hacking, abbuż jew effetti kontroproduttivi;

48.  Iħeġġeġ lin-Netwerk INHOPE jaħdem mal-membri tiegħu sabiex joħloq mekkaniżmu ta' rapportar anonimu sikur dwar in-netwerks Deep Web, bħan-Netwerks Dark Net li jinstabu fin-netwerk TOR, li tipprovdi l-istess anonimità bi standard għoli bħal dik li l-organizzazzjonijiet tal-istampa jipprovdu lill-informaturi sabiex dawk li jużaw dawn in-netwerks jingħataw l-opportunità biex jersqu 'l quddiem b'informazzjoni jew rapporti dwar materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal;

49.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmluha mandatarja li l-fornituri tas-servizzi tal-Internet (ISP) jirrappurtaw b'mod proattiv il-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li jkun instab fl-infrastruttura tagħhom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll lill-hotlines nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-finanzjament tagħha skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) bil-għan li lill-hotlines tipprovdilhom ir-riżorsi xierqa biex jissodisfaw il-mandat tagħhom biex jittrattaw kontenut illegali online;

50.  Jirrikonoxxi r-rwol attiv u ta' appoġġ li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu fil-ġlieda kontra l-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet, bħan-Netwerk ta' Hotlines INHOPE, inkluża l-Fondazzjoni Internet Watch fir-Renju Unit; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-INHOPE, biex tidentifika u timplimenta l-aħjar prattiki, b'mod partikolari fir-rigward ta' rapportar tal-istatistika u interazzjoni effiċjenti mal-infurzar tal-liġi; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma stabbilixxewx hotlines biex dan jagħmluh u huwa tal-fehma li dawn għandhom jitħallew ifittxu materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal online b'mod proattiv;

51.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jistabbilixxu mingħajr dewmien mekkaniżmi ta' rapportar u ta' konsulenza sikuri u sensittivi għat-tfal, bħalma huma hotlines tat-telefown jew tal-kompjuter b'indirizzi tal-email, jew applikazzjonijiet tat-tablet jew smartphone li fuqhom l-utenti tal-Internet ikunu jistgħu jirrappurtaw - anke b'mod anonimu - il-materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal li jsibu online u li huma kapaċi jivvalutaw b'mod rapidu dan il-kontenut irrappurtat bil-għan li jimplimentaw proċeduri ta' avviż u tneħħija malajr, u t-tneħħija ta' kontenut li jinsab barra t-territorju tagħhom; jitlob li dawn il-hotlines jiġu rrikonoxxuti b'mod ċar u jissaħħu, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdulhom ir-riżorsi adegwati, inklużi baġits xierqa u professjonisti b'għarfien espert mħarrġa; huwa tal-fehma li dawn il-hotlines jenħtieġ li jitħallew ifittxu materjal online ta' abbuż sesswali tat-tfal b'mod proattiv filwaqt li jirċievu rapporti mill-pubbliku;

52.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u appoġġjati programmi ta' informazzjoni tal-UE li jippermettu lill-membri tal-pubbliku jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar kontenut online li huwa illegali jew ta' ħsara għat-tfal;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli żżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari dwar is-sitwazzjoni attwali b'rabta mal-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva, billi tipprovdi data diżaggregata u komparabbli dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż u l-isfruttament sesswali tat-tfal offline u online; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport aktar komprensiv dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, li għandu jinkludi informazzjoni u statistika addizzjonali dwar it-tneħħija u l-imblukkar ta' websites li fihom materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal, statistika dwar il-veloċità li biha jitneħħa kontenut illegali wara perjodu ta' 72 siegħa u dwar is-segwitu li jsir mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għar-reati rrappurtati, id-dewmien fit-tneħħija bħala konsegwenza tal-ħtieġa li tiġi evitata interferenza ma' investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin, informazzjoni dwar l-użu tad-data miżmuma mill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dwar l-azzjonijiet li jittieħdu mill-hotlines wara li jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jikkuntattjaw lill-fornituri ospitanti; jagħti istruzzjonijiet lill-kumitat rilevanti tiegħu biex jorganizza seduta ta' smigħ dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u possibilment jikkunsidra l-adozzjoni ta' rapport addizzjonali dwar is-segwitu mogħti għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
(2) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(3) ĠU C 289, 9.8.2016, p. 57.
(4) ĠU C 316, 30.8.2016, p. 109.
(5) L-istudji juru li s-subien, b'mod partikolari, jaf joqogħdu lura milli jikxfu abbuż sesswali, fosthom għal raġunijiet relatati mal-assunzjonijiet li s-soċjetà għandha fil-konfront tal-irġiel. Ara, pereżempju, l-istudju mill-Unità ta' Valutazzjoni tal-Impatt Ex Post tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, PE 598.614, p. 16, u Schaefer, G.A., Mundt, I.A, Ahlers, C.J., u Bahls, C, "Child sexual abuse and psychological impairment in victims: results of an online study initiated by victims" (L-abbuż sesswali tat-tfal u l-indeboliment psikoloġiku fil-vittmi: riżultati ta' studju online mibdi mill-vittmi), Journal of Child Sex Abuse, Vol. 21, No 3, 2012, pp. 343-360.


Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2016
PDF 386kWORD 57k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul is-sena 2016 (2017/2222(INI))
P8_TA(2017)0502A8-0387/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Ombudsman Ewropew għas-sena 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 44 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE fir-rigward tal-proċedura ta' ksur u, partikolarment, l-Artikoli 258 u 260 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 216(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0387/2017),

A.  billi fl-2016 ġew irċevuti 1 569 petizzjoni – meta mqabbel ma' 1 431 fl-2015 – li minnhom 1 110 petizzjonijiet (70,8 %) ġew meqjusa ammissibbli;

B.  billi kien hemm 6 132 utent tal-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament li appoġġaw petizzjoni waħda jew diversi petizzjonijiet fl-2016, meta mqabbel ma' 902 fl-2015, u billi l-għadd ta' appoġġi għal kull petizzjoni u għal kull utent kien ta' 18 810 fl-2016, meta mqabbel ma' 1 329 fl-2015;

C.  billi l-għadd ta' petizzjonijiet irċevuti huwa modest meta mqabbel tal-popolazzjoni totali tal-UE; billi l-għadd jindika li uħud miċ-ċittadini tal-UE huma konxji mid-dritt għal petizzjoni, u jagħmlu użu minnu, u jistennew li jiġbdu l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej lejn kwistjonijiet li huma mħassbin dwarhom u li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenzi tal-UE, permezz tal-proċedura tal-petizzjonijiet; billi, madankollu, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar id-dritt għal petizzjoni lill-Parlament Ewropew u dan id-dritt jiġi promoss;

D.  billi d-dritt li tiġi mressqa petizzjoni lill-Parlament Ewropew joffri liċ-ċittadini u r-residenti tal-UE l-mezzi biex jippreżentaw talba uffiċjali direttament lir-rappreżentanti tagħhom, u għalhekk dan id-dritt jenħtieġ li jkun imħares u jingħata importanza kif xieraq; billi dan id-dritt huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u tar-residenti tal-UE fl-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea;

E.  billi l-Parlament Ewropew ilu fuq quddiem nett tal-iżvilupp tal-proċess tal-petizzjonijiet fil-livell internazzjonali u għad għandu l-aktar sistema miftuħa u trasparenti fl-Ewropa, li tippermetti b'mod partikolari, il-parteċipazzjoni sħiħa tal-petizzjonanti fl-attivitajiet tiegħu;

F.  billi r-rwol tal-kumitat li jagħti s-setgħa liċ-ċittadini Ewropej huwa wieħed mill-karatteristiċi essenzjali li jikkontribwixxi għar-rinfurzar tal-immaġni u tal-awtorità tal-Parlament f'għajnejn l-elettorat, billi jippermetti lill-istituzzjoni żżomm responsabbli u tiskrutinizza aħjar il-mod kif id-dritt tal-Unjoni jiġi implimentat mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE;

G.  billi l-parteċipazzjoni attiva hija possibbli biss abbażi ta' proċess demokratiku u trasparenti tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE, li jippermetti lill-Parlament u lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jirrendu xogħlu faċli u komprensibbli għaċ-ċittadini;

H.  billi dawk li jressqu u jappoġġaw il-petizzjonijiet huma ċittadini impenjati, li min-naħa tagħhom jistennew li l-istituzzjonijiet tal-UE jressqu valur miżjud fis-soluzzjoni tat-tħassib tagħhom; billi n-nuqqas li tittieħed azzjoni adegwata dwar il-petizzjonijiet aktarx li jirriżulta fi frustrazzjoni u konsegwentement nuqqas ta' apprezzament tal-Unjoni;

I.  billi huwa nnutat li ċ-ċittadini spiss jirrikorru għand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala l-aħħar istanza meta korpi u istituzzjonijiet oħra fil-livelli reġjonali u nazzjonali ma jkunux jistgħu jsolvu l-kwistjonijiet ta' t-tħassib tagħhom;

J.  billi l-petizzjonijiet jippermettu lill-Parlament jisma' u jgħin biex jiġu solvuti l-problemi li jolqtu liċ-ċittadini tiegħu, u billi permezz ta' dawn il-petizzjonijiet jenħtieġ li jiġi vvalutat l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-ħajja ta' kuljum ta' dawk li jgħixu fl-UE;

K.  billi żieda fil-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini u titjib fil-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE huma possibbli biss jekk ikunu abbażi tal-governanza demokratika, li hija kapaċi tiżgura trasparenza, protezzjoni effikaċi tad-drittijiet fundamentali u l-inklużjoni tat-talbiet taċ-ċittadini fl-aġenda politika tal-UE;

L.  billi l-petizzjonijiet huma sors utli ta' informazzjoni, fost affarijiet oħra, biex jiġu indikati l-ksur tad-dritt tal-UE u l-lakuni u l-inkonsistenzi tad-dritt tal-Unjoni meta mqabbla mal-għan li jiġi żgurat ħarsien bis-sħiħ tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha;

M.  billi l-petizzjonijiet jipprovdu firxa wiesgħa ta' informazzjoni f'diversi oqsma ta' użu lil kumitati parlamentari oħra, anke fir-rigward tal-attivitajiet leġiżlattivi tagħhom; billi hija responsabilità li taqa' fuq il-Parlament kollu li jissodisfa d-dritt fundamentali għal petizzjoni permezz ta' trattament adegwat tal-petizzjonijiet;

N.  billi kull petizzjoni għandha tiġi vvalutata u indirizzata bir-reqqa, u billi kull petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi l-ewwel tweġiba mingħand il-Kumitat għall-Petizzjonijiet li tindirizza b'mod sħiħ il-kwistjonijiet imqajma b'konformità sħiħa mad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; billi l-iskambji u r-risposti sussegwenti spiss huma meħtieġa bħala riżultat tal-eżami inizjali tal-petizzjonijiet jew tal-interazzjoni mal-Kummissjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali bħala segwitu ulterjuri biex jinstabu s-soluzzjonijiet;

O.  billi l-kriterji għall-ammissibilità tal-petizzjonijiet skont l-Artikolu 227 tat-TFUE u l-Artikolu 215 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jiddikjaraw li l-petizzjonijiet għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet formali li jirregolaw l-ammissibilità, jiġifieri li l-petizzjonant, li huwa ċittadin tal-UE jew residenti fl-UE, huwa affettwat minn kwistjoni li taqa' taħt l-oqsma ta' attività tal-Unjoni Ewropea; billi huwa mifhum li dawn l-oqsma ta' attività jmorru lil hinn ħafna mill-aggregazzjoni sempliċi tal-kompetenzi esklużivi tal-UE; billi 459 petizzjoni ġew iddikjarati inammissibbli minħabba li mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet formali;

P.  billi, biex tiġi żgurata l-ħidma effiċjenti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-petizzjonijiet infondati jew inammissibbli jenħtieġ li jingħalqu u tingħata ġustifikazzjoni lill-petizzjonant; billi l-proċedura li tittratta l-petizzjonijiet jenħtieġ li dejjem tkun ibbażata fuq l-aħjar interessi tal-petizzjonanti;

Q.  billi n-natura partikolari u interattiva tal-proċess tal-petizzjonijiet innifsu u r-rwol ewlieni li ċ-ċittadini għandhom fih jagħmlu kull każ uniku u jeskludu qafas ta' żmien stabbilit minn qabel; billi dawn il-proċeduri jirrikjedu flessibbiltà partikolari u ħiliet ta' relazzjonijiet pubbliċi min-naħa tal-amministrazzjoni;

R.  billi għadd konsiderevoli ta' petizzjonijiet jiġu diskussi pubblikament f'laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; billi l-petizzjonanti għandhom id-dritt li jippreżentaw il-petizzjonijiet tagħhom, u spiss jieħdu sehem sħiħ fid-diskussjoni, u b'hekk jikkontribwixxu b'mod attiv għax-xogħol tal-kumitat; billi fl-2016, 201 petizzjonant kienu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tal-kumitat, filwaqt li 61 petizzjonant ipparteċipaw b'mod attiv billi tkellmu wkoll;

S.  billi l-informazzjoni pprovduta miċ-ċittadini fil-petizzjonijiet u waqt il-laqgħat tal-kumitat – ikkumplimentata minn għarfien espert ipprovdut mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jew korpi oħra – hija determinanti għax-xogħol tal-kumitat;

T.  billi s-suġġetti ewlenin ta' tħassib imqajma fil-petizzjonijiet fl-2016 kienu relatati mas-suq intern (b'mod partikolari l-provvista tas-servizzi u l-moviment ħieles tal-persuni), id-drittijiet fundamentali (partikolarment id-drittijiet tat-tfal u tal-persuni b'diżabiltà), l-affarijiet soċjali (il-kundizzjonijiet tax-xogħol), kwistjonijiet ambjentali (il-ġestjoni tal-iskart, it-tniġġis u l-protezzjoni ambjentali) u l-kwistjoni speċifika tal-Brexit (it-telf tad-drittijiet akkwistati u l-mandat tar-referendum);

U.  billi s-sit web tal-Portal tal-Petizzjonijiet tal-Parlament, imniedi fi tmiem l-2014, huwa operattiv; billi 1 067 petizzjoni (68 % ta' dawk irċevuti) ġew ippreżentati permezz tal-portal fl-2016, meta mqabbel ma' 992 fl-2015; billi sar titjib tekniku, inkluż titjib tal-funzjoni ta' tiftix, li bbenefika kemm lill-utenti kif ukoll lill-amministraturi tal-portal; billi s-sommarji tal-petizzjonijiet jittellgħu fis-sit ftit wara l-adozzjoni; billi l-konfigurazzjonijiet tal-kunfidenzjalità u d-dikjarazzjonijiet tal-privatezza ġew riveduti, u ġew introdotti sett ta' mistoqsijiet frekwenti (FAQs); billi s-sommarji tal-petizzjonijiet mill-2015 u l-2016 ittellgħu bl-għajnuna ta' għodda ġdida ta' migrazzjoni; billi twettqet ottimizzazzjoni tal-magna tat-tiftix (SEO); billi għadd kbir ta' talbiet individwali għal appoġġ mill-utenti ġew trattati b'suċċess; billi l-istadji ulterjuri tal-proġett jinsabu għaddejjin, u jippermettu karatteristiċi bħan-notifika elettronika awtomatika tal-inklużjoni ta' kull petizzjoni kkonċernata fl-aġendi tal-kumitati flimkien mal-link tal-web-streaming tagħha li jmiss u anki tal-uploading sussegwenti tal-minuti u tal-videos relatati tad-dibattiti rilevanti, għall-benefiċċju kemm tal-petizzjonanti kif ukoll għas-sostenituri kkonċernati;

V.  billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) hija għodda importanti għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-politika tal-UE li jenħtieġ li tintuża fil-potenzjal sħiħ tagħha, sabiex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE u tikkontribwixxi għall-bini ta' Unjoni Ewropea ġenwina u inklużiva; billi l-proposta leġiżlattiva mressqa mill-Kummissjoni fit-13 ta' Settembru 2017 biex jiġi rivedut ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 attwali dwar l-ECI (COM(2017)0482) tirrappreżenta l-bidu ta' proċess neċessarju ħafna ta' reviżjoni sabiex din l-għodda ssir aktar aċċessibbli u utli għaċ-ċittadini tal-UE;

W.  billi kienu ppjanati erba' żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni skont l-Artikolu 216a tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament; billi ż-żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni jirrappreżentaw għodda ċentrali għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet, kemm biex tingħata opportunità unika biex tinġabar informazzjoni mingħand partijiet ikkonċernati differenti fi kwistjonijiet kumplessi, kif ukoll biex fl-istess ħin tingħata viżibilità tanġibbli lill-ħidma tal-Parlament fost iċ-ċittadini fl-irkejjen differenti tal-Ewropa; billi saru żewġ żjarat ta' ġbir ta' informazzjoni, waħda fi Spanja wara li ġew irċevuti diversi petizzjonijiet minn ċittadini tal-UE dwar il-possibilità ta' ksur tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u waħda fis-Slovakkja dwar l-użu tal-fondi strutturali tal-UE f'ċentri residenzjali fit-tul għall-persuni b'diżabilità; billi żewġ żjarat oħra ppjanati ta' ġbir ta' informazzjoni, waħda fl-Irlanda u waħda fl-Italja, ġew ikkanċellati;

X.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu responsabilitajiet għar-relazzjonijiet fir-rigward tal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, li huwa responsabbli biex jinvestiga lmenti minn ċittadini tal-UE dwar amministrazzjoni ħażina possibbli fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE;

Y.  billi Emily O'Reilly, l-Ombudsman Ewropew, ippreżentat ir-Rapport Annwali tagħha għall-2015 lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2016, u billi r-rapport annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, min-naħa tiegħu, huwa bbażat parzjalment fuq ir-rapport annwali tal-Ombudsman;

Z.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi wkoll l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u korpi simili tal-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati, u pajjiżi oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li għandu l-għan li jippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-dritt u l-politika tal-UE, u li jaqsam magħhom l-aħjar prattiki;

AA.  billi l-147 petizzjoni rċevuti (li minnhom 120 kienu fl-2016) għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet varji – prinċipalment il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini – ikkawżati mir-referendum fir-Renju Unit dwar il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea;

AB.  billi l-linji gwida tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, adottati f'Jannar 2016 u implimentati minn dakinhar 'il quddiem, ġabu magħhom ċarezza u struttura fil-ħidma tal-Kumitat u fl-ipproċessar tal-petizzjonijiet;

AC.  billi r-reviżjoni sostanzjali tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament (adottata fil-Plenarja f'Diċembru 2016) tinvolvi wkoll tibdil fil-proċedura tal-petizzjonijiet u l-kjarifika tagħha;

AD.  billi approċċ esklussivament formalistiku għall-indirizzar tal-petizzjonijiet marbut mal-valutazzjoni ambjentali hu ta' theddida għall-implimentazzjoni tajba tad-dritt ambjentali tal-UE fl-Istati Membri, u għall-kredibbiltà tal-Kummissjoni li jenħtieġ li twettaq superviżjoni effettiva biex tiżgura li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini jkunu mħarsa bis-sħiħ;

1.  Jenfasizza r-rwol fundamentali li għandu l-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala punt ta' kuntatt fejn iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE jistgħu jissottomettu l-ilmenti tagħhom dwar ksur u nuqqas fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri, kif ukoll il-lakuni u l-inkonsistenzi fil-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-kwistjonijiet imqajma jiġu indirizzati minnufih u b'mod eżawrjenti, oġġettiv u ekwu mill-Istituzzjonijiet;

2.  Jirrikonoxxi li l-petizzjonijiet huma sors importanti ta' informazzjoni diretta, mhux biss dwar ksur u nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri, iżda wkoll dwar lakuni potenzjali fil-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll suġġerimenti taċ-ċittadini dwar leġiżlazzjoni ġdida li tista' tiġi adottata, jew titjib possibbli fit-testi leġiżlattivi li hemm fis-seħħ;

3.  Ifakkar li l-petizzjonijiet jippermettu lill-Parlament u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE jkollhom kuntatt maċ-ċittadini tal-UE affettwati mill-applikazzjoni tad-dritt tal-UE f'livelli amministrattivi differenti; iqis li l-kapaċità tal-iżgurar tat-trasparenza, l-involviment dirett taċ-ċittadini, il-ħarsien bis-sħiħ tad-drittijiet fundamentali, it-titjib evidenti fir-rispons tal-Istituzzjonijiet tal-UE waqt li qed jindirizzaw u jsolvu l-problemi li ċ-ċittadini ġibdulhom l-attenzjoni dwarhom, kif ukoll il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-korpi l-oħra tal-UE flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jikkostitwixxu għodda fundamentali għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u tar-responsabilità tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni;

4.  Jikkonferma li t-trattament effettiv tal-petizzjonijiet jikkostitwixxi sfida għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Parlament, iżda, fl-aħħar mill-aħħar, itejjeb il-kapaċità tagħhom biex jirreaġixxu għall-problemi relatati mat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni inkorretta, u biex isolvuhom; jinnota li l-Kummissjoni tqis l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni bħala prijorità, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jibbenefikaw minnha fil-ħajja tagħhom ta' kuljum;

5.  Jitlob li tingħata definizzjoni ta' distinzjoni ċara bejn l-istatus u d-drittijiet tal-petizzjonanti u tas-sostenituri tagħhom f'konformità mal-prinċipji ta' trasparenza;

6.  Ikompli jqis li huwa obbligu partikolari li jiġi żgurat li, meta l-petizzjonijiet ikunu inammissibbli jew infondati, l-ebda dewmien sproporzjonat ma għandu jkun hemm qabel ma dawn jiġu ddikjarati inammissibbli jew magħluqa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-inammissibilità jew l-għeluq tal-petizzjonijiet minħabba li jkunu infondati iridu jkunu ġustifikati b'attenzjoni fil-konfront tal-petizzjonant;

7.  Jirrikonoxxi l-impatt tal-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE fit-tisħiħ tal-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-UE; ifakkar li d-dritt għal petizzjoni, imnaqqax fit-Trattat ta' Lisbona, huwa element importanti taċ-ċittadinanza Ewropea u test indikattiv reali għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE għall-identifikazzjoni ta' lakuni possibbli; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex jorganizza laqgħat regolari mal-kontropartijiet tiegħu fil-kuntesti nazzjonali rispettivi dwar petizzjonijiet importanti sabiex titqajjem kuxjenza dwar it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej fl-UE u fl-Istati Membri u biex jissaħħu aktar id-drittijiet tagħhom permezz ta' tfassil u ta' implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni Ewropea; jitlob għalhekk impenn b'saħħtu mill-awtoritajiet kollha involuti fil-livelli nazzjonali u Ewropej fit-trattament u fis-soluzzjoni tal-petizzjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità;

8.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-petizzjonijiet joffru mezz uniku ta' sitwazzjonijiet indikattivi fejn id-dritt tal-Unjoni mhuwiex rispettat u biex tinvestigahom bl-għajnuna ta' skrutinju politiku tal-Parlament Ewropew; ifakkar lill-Kummissjoni li talbiet għal assistenza mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jenħtieġ li jiġu segwiti b'mod xieraq, u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-kwalità tar-risposti tagħha, inkluż matul il-laqgħat tal-kumitati, kemm fis-sustanza kif ukoll fil-profondità, biex ikun żgurat li t-tħassib taċ-ċittadini Ewropej ikun indirizzat b'mod trasparenti; jinnota li l-mod ta' kif il-problemi indikati fil-petizzjonijiet jiġu indirizzati għandu impatt vitali fuq iċ-ċittadini, fuq il-fatt jekk ir-rispett għad-dritt tagħhom ta' petizzjoni stabbilit fid-dritt tal-Unjoni huwiex effettiv, u fuq l-opinjonijiet tagħhom dwar l-istituzzjonijiet tal-UE; jinsisti li l-Kummissjoni tidentifika mezzi biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati Membri meta tiġi biex twieġeb għall-investigazzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u l-konformità miegħu;

9.  Iqis li l-fatt li l-qrati nazzjonali għandhom responsabilità primarja li jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri jenħtieġ li bl-ebda mod ma jipprekludi rwol aktar proattiv mill-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha bħala gwardjan tat-Trattati, fir-rigward tal-garanzija tal-konformità mad-dritt tal-UE, b'mod partikolari f'każijiet relatati mal-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa pubblika fejn jenħtieġ li l-prinċipju ta' prekawzjoni jkollu prevalenza;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-ogħla livell possibbli jkunu preżenti għal-laqgħat u s-seduti tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet meta l-kontenut tal-kwistjonijiet diskussi jirrikjedi l-involviment tal-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq;

11.  Jistieden lill-uffiċjali tal-Kummissjoni li jkunu preżenti fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex ikunu lesti jinvolvu ruħhom fi djalogu xieraq mal-petizzjonanti u ma jillimitawx ruħhom għall-qari tat-tweġiba diġà stabbilita u mibgħuta qabel il-laqgħa;

12.  Jitlob li jiġu esplorati l-possibilitajiet tal-użu ta' servizzi ta' telekonferenzi; jinkoraġġixxi l-użu ta' teknoloġiji awdjoviżivi ġodda biex jippermettu lill-petizzjonanti jkollhom rwol akbar fil-ħidma tal-Kumitat billi jipparteċipaw f'ħin reali fil-konsiderazzjoni tal-petizzjoni tagħhom;

13.  Ma jaqbilx mal-interpretazzjoni rikorrenti mill-Kummissjoni tas-27 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (2009), li abbażi tiegħu allegatament hija għandha d-dritt li tagħlaq fajls fuq liema ma jkun għadu ttieħed l-ebda pass formali fir-rigward tal-proċedimenti ta' ksur, jew li tissospendi proċedimenti ta' ksur attivi f'każijiet pendenti quddiem qorti nazzjonali; ifakkar li fil-paragrafu 11 tar-riżoluzzjoni annwali tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016(1) dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-Parlament afferma mill-ġdid in-nuqqas ta' qbil tiegħu mal-approċċ oriġinali tal-Kummissjoni fir-rapport imsemmi hawn fuq, kif espress fir-riżoluzzjoni(2) tiegħu stess tal-14 ta' Settembru 2011, fejn b'mod partikolari fil-paragrafi 1, 23 u 32 il-Kummissjoni ntalbet iżżid l-isforzi tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE, fil-limiti tal-kapaċitajiet tagħha, u biex tagħmel użu minn mekkaniżmi ta' ksur b'mod indipendenti mill-eżistenza ta' proċedimenti ġudizzjarji fil-livell nazzjonali;

14.  Jinnota bi tħassib, b'riferiment għar-rapport annwali tal-Kummissjoni tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea fl-2016 (COM(2017)0370), iż-żieda konsiderevoli – b'21 % – ta' każijiet ta' ksur miftuħa meta mqabbel mas-sena preċedenti; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi t-talbiet tal-Parlament għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali ta' proċeduri ta' ksur li għaddejjin bħalissa; jenfasizza r-rwol importanti tal-petizzjonijiet fl-identifikazzjoni ta' implimentazzjoni fqira jew traspożizzjoni tard tad-dritt Ewropew; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa impenjat li jwieġeb għall-aspettattivi taċ-ċittadini fil-ħin u b'mod responsabbli, filwaqt li jiżgura l-iskrutinju demokratiku u l-applikazzjoni xierqa tad-dritt tal-UE;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi statistika preċiża dwar l-għadd ta' petizzjonijiet li wasslu għat-tnedija ta' proċedura EU Pilot jew proċedura ta' ksur; jitlob, barra minn hekk, li jirċievi rapporti dwar każijiet marbuta ma' proċedimenti u/jew proċeduri li jkunu għaddejjin u d-dokumenti skambjati fil-kuntest tal-proċeduri EU Pilot u l-proċeduri ta' ksur ladarba dawn ikunu ngħalqu permezz tal-applikazzjoni tal-ġurisrudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi ffaċilitat djalogu strutturat u jitnaqqas iż-żmien biex jiġi solvut it-tilwim; jistieden lill-Kummissjoni tiddiskuti dawn ir-rapporti mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet b'mod proattiv, billi jiġi involut il-Viċi President responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt u s-simplifikazzjoni;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża s-setgħat tagħha li jirriżultaw mir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati b'mod xieraq, għaliex dan ir-rwol huwa ta' importanza kbira fil-funzjonament tal-UE fir-rigward taċ-ċittadini u tal-leġiżlaturi Ewropej; jitlob trattament f'waqtu tal-proċeduri ta' ksur sabiex jiġu fi tmiemhom, mingħajr dewmien, is-sitwazzjonijiet fejn id-dritt tal-Unjoni ma jiġix rispettat;

17.  Iqis il-kooperazzjoni mal-kumitati parlamentari l-oħra bħala essenzjali; jirreferi, f'dan ir-rigward, għall-adozzjoni ta' linji gwida tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jispjegaw il-prinċipju tat-twaqqif ta' netwerk ta' petizzjonijiet mal-kumitati l-oħra; jilqa' l-fatt li l-linji gwida għal tali netwerk ġew adottati; jiġbed l-attenzjoni għall-kwestjonarju ppreżentat lill-kumitati kollha bil-ħsieb li jifhmu aħjar il-proċeduri tagħhom biex jittrattaw il-petizzjonijiet sottomessi għal opinjoni jew informazzjoni; jinnota b'sodisfazzjon li l-ewwel laqgħa tan-netwerk fil-livell tal-persunal seħħet fl-2016 u fil-livell ta' Membri darbtejn fl-2017; jieħu nota pożittiva tal-progress li sar fil-koordinazzjoni bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u kumitati oħra u tat-tqassim tematiku tal-oqsma ta' politika f'kull kumitat ikkonċernat li jippermetti segwitu aħjar tal-petizzjonijiet mibgħuta lil kumitati oħra; jitlob li jissaħħaħ in-netwerk tal-PETI bl-objettiv li jiġu ssimplifikati l-petizzjonijiet fil-ħidma leġiżlattiva li għaddejja bħalissa; jirrakkomanda li l-persunal tal-Membri tal-Parlament Ewropew jiġi offrut gwida speċifika dwar id-dritt għal petizzjoni biex ikun jista' jassisti aħjar lill-kostitwenti biex isegwu l-proċess;

18.  Jiddeplora l-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tapplika biss fl-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-UE; itenni l-fatt li ħafna ċittadini sabu li tali implimentazzjoni ma kinitx ċara u mhijiex sodisfaċenti; jiddispjaċih li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea interpretat l-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali b'mod kawt, iżda ppermettiet li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta jiġi estiż billi jinkludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-dritt tal-UE, kif ukoll dawk li jiżguraw applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet tal-UE; iqis li l-aspettattivi ta' ħafna miċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tad-drittijiet mogħtija mill-Karta jmorru ferm lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni attwali tagħhom; jenfasizza li interpretazzjoni wisq ristretta jew inkoerenti tal-Artikolu 51 tbiegħed liċ-ċittadini mill-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura li l-interpretazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 51 tkun koerenti u wiesgħa kemm jista' jkun; jilqa' l-introduzzjoni mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali ta' għodda interattiva bl-għan li tipprovdi aċċess faċli għal informazzjoni dwar liema awtorità għandha tiġi indirizzata f'kull Stat Membru b'mistoqsijiet dwar id-drittijiet fundamentali;

19.  Jinnota l-ansjetà tal-petizzjonanti kkonċernati dwar id-drittijiet futuri tagħhom wara r-referendum fir-Renju Unit dwar il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea li kienet evidenti f'numru kbir ta' petizzjonijiet li jikkonċernaw ir-Renju Unit; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2017(3) li permezz tagħha l-Parlament jissottolinja li l-ftehim ta' rtirar jista' jiġi konkluż biss bl-approvazzjoni tiegħu u bir-rekwiżit tiegħu għal trattament ġust taċ-ċittadini tal-UE b'27 Stat Membru li jgħixu jew li għexu fir-Renju Unit u taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu jew li għexu fl-UE b'27 Stat Membru u huwa tal-opinjoni li d-drittijiet u l-interessi rispettivi tagħhom iridu jingħataw prijorità sħiħa fin-negozjati; jinnota l-kwistjonijiet ta' tħassib mhux solvuti dwar id-drittijiet tal-vot u dwar it-tneħħija tad-drittijiet tal-vot għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li ilhom jgħixu f'postijiet oħra fl-UE għal aktar minn 15-il sena; ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet kellu rwol attiv biex jiddefendi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u Brittaniċi billi kkontribwixxa għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-5 ta' April 2017 u tat-3 ta' Ottubru 2017(4) dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati mar-Renju Unit wara n-notifika tiegħu li joħroġ mill-UE kif ukoll billi kkummissjona studju dwar l-impatt tal-Brexit fir-rigward tad-dritt għal petizzjoni u dwar il-kompetenzi, ir-responsabilitajiet u l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u billi eżamina l-petizzjonijiet li jittrattaw il-Brexit u d-drittijiet taċ-ċittadini fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2017; jappoġġa l-impenn tal-Kummissjoni li tiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet ta' ċittadini Ewropej li huma residenti fir-Renju Unit matul in-negozjati dwar il-Brexit u wara l-ħruġ tiegħu mill-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi d-drittijiet kollha akkwistati għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li huma residenti fil-bqija tal-Unjoni Ewropea biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini ma jintużawx bħala strument għan-negozjar jew jaraw id-drittijiet tagħhom jitnaqqru b'riżultat tan-negozjati;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma importanti li għaddejja, imwettqa mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, fir-rigward tal-petizzjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet dwar diżabilità, u jenfasizza r-rieda tal-Kumitat li jkompli bl-appoġġ tiegħu għall-isforzi biex jissaħħu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jagħtu eżempju dwar dan is-suġġett u biex jiżguraw li l-miżuri ta' implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali jkunu konformi bis-sħiħ u b'mod konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE u mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (CRPD); jenfasizza li saret żjara ta' ġbir ta' informazzjoni fis-Slovakkja fit-22 u t-23 ta' Settembru 2016 biex tinġabar informazzjoni dwar il-kwistjoni tal-użu ta' investimenti f'istituti għal persuni b'diżabilità u rrakkomanda li l-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni attwali, jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-parteċipazzjoni politika tal-persuni b'diżabilità, b'mod partikolari fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej li jmiss, kif ukoll biex jiġi rikonoxxut id-dritt tal-vot tal-persuni kollha b'diżabilità f'konformità mal-Artikoli 12 u 29 tas-CRPD;

21.  Jenfasizza l-ħidma tal-Kumitat biex jappoġġa r-ratifika u l-implimentazzjoni rapida tat-Trattat ta' Marrakexx tal-2013 biex Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat; jenfasizza r-rilevanza, f'dan ir-rigward, tar-riżoluzzjoni qasira tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 (5) dwar ir-ratifika tat-Trattat ta' Marrakexx, li talbet reazzjoni rapida mill-partijiet kollha kkonċernati sabiex tiġi żblukkata s-sitwazzjoni persistenti fit-tul bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata r-ratifika fil-livell tal-UE; jinnota li l-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim dwar il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Marrakexx (COM(2016)0595 and COM(2016)0596), li saru vinkolanti(6);

22.  Jiġbed l-attenzjoni lejn żewġ rapporti annwali, ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet kollha tal-Kumitat fl-2015(7) , u r-Rapport Annwali dwar il-ħidma tal-Ombudsman Ewropew fl-2015(8), kif ukoll lejn bosta opinjonijiet tal-Kumitat, bħal dik dwar ir-rikonoxximent transfruntier tal-adozzjonijiet(9), dwar l-għażliet tal-UE għal aċċess aħjar tal-mediċini(10), dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità b'riferiment speċjali għall-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tan-NU dwar is-CRPD(11), dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-Unjoni: Ir-Rapport Annwali tal-2014(12) u dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2015(13);

23.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-appoġġ tal-kumitat għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tar-regolament bil-ħsieb li tiżdied l-importanza tagħha bħala għodda għall-parteċipazzjoni demokratika; jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tqis kif xieraq il-ħidma reċenti dwar riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, b'mod partikolari l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, u b'hekk naqset ukoll milli tirrispetta bis-sħiħ il-ftehim interistituzzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul il-proċedura leġiżlattiva li jmiss sabiex jinkiseb l-involviment sħiħ u effettiv taċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE permezz tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej;

24.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma wżatx is-setgħat ta' kontroll tagħha b'mod determinanti biex tevita t-tqegħid fis-suq uniku ta' karozzi li jniġġsu u li jaħdmu bid-diżil, li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-rilaxx tal-NO2 fl-atmosfera b'livelli ogħla mill-valur ta' limitu u li ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip u l-emissjonijiet ta' vetturi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief; ifakkar li tali aspett huwa parti integrali mit-tħassib taċ-ċittadini li eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-petizzjoni biex jitolbu ħarsien effikaċi tas-saħħa tal-bniedem, tal-ambjent u tad-drittijiet tal-konsumaturi;

25.  Jenfasizza li t-trasparenza u l-aċċess tad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE għandha tkun regola ġenerali biex jiġu żgurati l-ogħla livelli ta' ħarsien tad-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini; huwa tal-fehma li proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandha titressaq minnufih;

26.  Jenfasizza l-kollaborazzjoni qawwija tal-Parlament mal-Ombudsman Ewropew, kif ukoll l-involviment tiegħu fin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen; jissottolinja r-relazzjonijiet eċċellenti fi ħdan il-qafas interistituzzjonali bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet; japprezza b'mod partikolari l-kontributi regolari tal-Ombudsman għall-ħidma tal-Kumitat matul is-sena; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Ombudsman fl-għajnuna li tagħti għat-titjib tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u tal-amministrazzjoni fil-livell tal-UE, li kemm jista' jkun malajr għandhom isiru kompletament trasparenti, oġġettivi u li jħarsu b'mod effettiv u effiċjenti d-drittijiet taċ-ċittadini; jappoġġja l-ħidma attwali tal-Ombudsman fl-oqsma differenti tal-kompetenza tagħha, inklużi l-inkjesti fuq inizjattiva proprja u strateġiċi tagħha li huma ta' benefiċċju mhux biss f'termini ta' amministrazzjoni tajba iżda wkoll f'termini ta' funzjonament demokratiku aħjar tal-Unjoni; jilqa' l-inizjattivi meħuda mill-Ombudsman Ewropew biex jittieħed benefiċċju aħjar mill-potenzjal tan-netwerk u biex tissaħaħ il-viżibilità tiegħu;

27.  Jilqa' l-Premju għal Amministrazzjoni Tajba mniedi mill-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew fl-2016 bħala mod kif jiġu rikonoxxuti l-membri tal-persunal, l-aġenziji u l-korpi tal-istituzzjonijiet tal-UE li jinvolvu ruħhom fil-promozzjoni ta' amministrazzjoni tajba waqt it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom ta' kuljum; jitlob li l-Kodiċi ta' Mġiba Amministrattiva Tajba attwali jiġi aġġornat għal Regolament vinkolanti, li jinkludi fost aspetti oħra dispożizzjonijiet konkreti biex jiġu pprevenuti kunflitti ta' interess f'kull livell fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE;

28.  Jenfasizza d-diversità kbira tat-temi mqajma fil-petizzjonijiet imressqa, mis-suq intern, il-ġustizzja, l-enerġija u t-trasport għad-drittijiet fundamentali, is-saħħa, il-liġi ambjentali, id-diżabilità u l-benesseri tal-annimali u dwar id-diversi implikazzjonijiet tal-Brexit fuq iċ-ċittadini; jissottolinja ż-żieda b'10 % fin-numru ta' petizzjonijiet li tressqu fl-2016 (1 569) u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iżommu persunal adegwat fis-servizzi inkarigati mit-trattament tal-petizzjonijiet, b'mod partikolari fis-segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-twettiq ta' analiżijiet komprensivi dwar jekk il-valutazzjonijiiet ambjentali li saru mill-Istati Membri humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta' twettiq ta' proġetti infrastrutturali li dwarhom iċ-ċittadini, permezz tal-petizzjonijiet, urew ir-riskji serji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent; jinsisti fuq l-importanza ta' dawn l-analiżijiet u l-azzjonijiet li jkun possibbli li jitwettqu mill-Kummissjoni fuq bażi ex ante proattiva sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni ambjentali irriversibbli, f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni;

30.  Jiġbed l-attenzjoni ta' għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-prattiki tal-awtoritajiet tal-benesseri tat-tfal u tal-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari b'implikazzjonijiet transfruntieri; jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-grupp ta' ħidma tal-kumitat dwar il-benesseri tat-tfal; jiġbed l-attenzjoni lejn mozzjoni għal riżoluzzjoni qasira dwar "Is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE", li ġiet approvata f'Marzu 2016; jieħu nota tal-proposta ta' riformulazzjoni tar-Regolament Brussell II bis dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet relatati maż-żwieġ u mar-responsabilità tal-ġenituri, u mal-ħtif internazzjonali ta' minuri, u jinnota li għadd kbir ta' kwistjonijiet imqajma fil-petizzjonijiet, bħal dawk dwar il-proċeduri u l-prattiki użati b'mod konkret mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f'deċiżjonijiet b'implikazzjonijiet transfruntieri b'rabta mal-minuri u l-effikaċja ta' proċeduri ta' ritorn b'segwitu għall-ħtif internazzjonali ta' minuri, jeħtieġ li jiġu verifikati b'mod estensiv biex jiġu solvuti l-kwistjonijiet eżistenti;

31.  Jenfasizza l-għadd kostanti u dejjem jiżdied ta' petizzjonijiet dwar il-benesseri tal-annimali u jtenni d-dispjaċir tiegħu għad-dewmien li kien hemm fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ħarsien u l-benesseri tal-annimali 2012-2015; iqis essenzjali t-tnedija ta' strateġija ġdida fil-livell tal-UE biex jimtlew il-lakuni eżistenti kollha u biex jiġi żgurat ħarsien sħiħ u effettiv tal-benesseri tal-annimali permezz ta' qafas leġiżlattiv ċar u eżawrjenti li huma kompletament konformi mal-Artikolu 13 tat-TFUE;

32.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress sinifikanti fil-każ li jikkonċerna d-drittijiet elettorali tan-nonċittadini fl-Estonja u fil-Latvja, wara l-petizzjoni Nru. 0747/2016; jenfasizza li kwalunkwe dewmien bla bżonn jista' jikkawża nuqqas ta' fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej;

33.  Jenfasizza r-rwol importanti tan-netwerk SOLVIT, li jipprovdi mezz biex iċ-ċittadini u l-intrapriżi jindirizzaw it-tħassib tagħhom dwar ksur possibbli tad-dritt tal-UE mill-awtoritajiet pubbliċi fi Stati Membri oħra; jistieden lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri nnifishom, jippromwovu s-SOLVIT sabiex dan isir aktar utli u viżibbli għaċ-ċittadini; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Pjan ta' Azzjoni biex in-netwerk SOLVIT, ippubblikat mill-Kummissjoni f'Mejju 2017, jissaħħaħ; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta malajr dan il-Pjan ta' Azzjoni u tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tiegħu;

34.  Jinnota t-titjib li sar fil-Portal Web tal-Petizzjonijiet; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar titjib tekniku għall-portal tal-internet biex ikun żgurat li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikun totalment ippreparat sabiex jittratta sitwazzjonijiet mhux mistennija, bħal żieda f'daqqa fl-għadd ta' petizzjonijiet imressqa; iqis l-iżvilupp tekniku kontinwu, u l-kapaċità teknika msaħħa, tal-portal bħala essenzjali għal proċess tal-petizzjonijiet mingħajr intoppi; jissottolinja l-importanza tal-portal bħala mezz ta' komunikazzjoni faċilment aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-petizzjonanti, kif ukoll għall-utenti ta' apparat mobbli u għall-persuni b'diżabilità; iħares 'il quddiem lejn l-implimentazzjoni immedjata tal-fażijiet li fadal tal-proġett, li se jippermettu esperjenza interattiva mtejba u aktar informazzjoni f'ħin reali mill-petizzjonanti u minn dawk li jappoġġaw il-petizzjonijiet;

35.  Jitlob servizz tal-istampa u tal-komunikazzjoni aktar iffukat u aktar attiv u preżenza tal-midja soċjali aktar attiva, li tagħmel ix-xogħol tal-Kumitat aktar sensittiv għat-tħassib tal-pubbliku;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen nazzjonali tagħhom jew lil korpi simili kompetenti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0512.
(2) ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 66.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0102.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0361.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0037.
(6) ĠU L 242, 20.9.2017, p. 1 u p. 6.
(7) Opinjoni adottata fit-30 ta' Novembru 2016.
(8) Opinjoni adottata fil-11 ta' Novembru 2016.
(9) Opinjoni adottata fil-21 ta' April 2016.
(10) Opinjoni adottata fil-15 ta' Novembru 2016.
(11) Opinjoni adottata fis-27 ta' April 2016.
(12) Opinjoni adottata fit-22 ta' April 2016.
(13) Opinjoni adottata fit-12 ta' Ottubru 2016.


Strateġija Ewropea għal Mobilità b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet
PDF 635kWORD 83k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar Strateġija Ewropea għal Mobilità b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet (2016/2327(INI))
P8_TA(2017)0503A8-0356/2017

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2016 dwar "Strateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi" (COM(2016)0501),

—  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-31 ta' Marzu 1998 bit-titolu ""It-trasport u s-CO2 – l-iżvilupp ta' approċċ tal-Komunità" (COM(1998)0204), li ġiet ippubblikata wara l-adozzjoni tal-Protokoll ta' Kyoto iżda ma ġietx imsarrfa f'miżuri biżżejjed,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar"Implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobilità sostenibbli"(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-23 ta' Frar 2017 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' Lulju 2016 bit-titolu "Strateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi",

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE(3),

—  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief(4) u r-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief(5),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 li tirrigwardja d-disponibbiltà tal-informazzjoni għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-fjuwils u l-emissjonijiet tas-CO2 fir-rigward tal-promozzjoni ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri(6),

—  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE(7),

—  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE(8),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE(9),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE(10),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE(11);

—  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li temenda d-Direttiva 98/70/KE dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva 2009/28/KE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli(12),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobilità kooperattiva, konnessa u awtomatizzata" (COM(2016)0766),

—  wara li kkunsidra l-Pjan Regolatorju għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Interoperabbli Kooperattivi Intelliġenti fl-UE,

—  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/52/KE tas-26 ta' Mejju 1999 li taddatta għall-progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-testijiet tal-idoneità għat-triq għall-vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom(13),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-Komunità(14) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/750/KE tas-6 ta' Ottubru 2009 dwar id-definizzjoni tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku u tal-elementi tekniċi tiegħu(15),

—  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv(16),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta' Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ikkombinat ta' prodotti bejn Stati Membri(17),

—  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006(18),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi(19),

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija(20),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tad-39 sessjoni tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), li saret f'Montreal fl-2016,

—  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur(21), kif emendata mid-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009(22),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Inkjesta dwar il-Kejl tal-Emissjonijiet fis-Settur Awtomobilistiku A8-0049/2017),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar il-mobilità urbana sostenibbli(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar ir-rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli(24),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE(25),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(26),

–  wara li kkunsidra l-mandat għal-negozjar interistituzzjonali fir-rigward ir-reviżjoni tal-approvazzjoni tat-tip u tas-sorveljanza tas-suq kif adottat fl-4 ta' April 2017(27),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta' Diċembru 2015,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0356/2017),

A.  billi, l-151 parti kollha għall-Ftehim ta' Pariġi, li ġie rratifikat mill-UE fl-4 ta' Novembru 2016 u li daħal fis-seħħ fl-istess jum, intrabtu li jżommu ż-żieda fit-temperatura globali taħt 2°C aktar milli kienet fl-era preindustrijali, u li jkomplu bl-isforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 C aktar mil-livelli preindustrijali;

B.  billi t-trasport fuq it-triq huwa responsabbli għal aktar minn 70 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG) mit-trasport u għall-biċċa l-kbira tat-tniġġis tal-arja, l-azzjoni għandha tkun iffukata primarjament fuq dan il-qasam, filwaqt li għandhom jiġu intensifikati l-isforzi fis-setturi kollha tat-trasport sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet;

C.  billi l-gass naturali (bħal gass naturali kkompressat (CNG) u l-gass naturali likwifikat (LNG)), u b'mod partikolari l-bijometan, il-metan sintetiku u l-gass likwifikat miż-żejt (LPG), jistgħu jikkontribwixxu lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasport bil-baħar u vetturi heavy duty (HDVs);

D.  billi fil-white paper tagħha tal-2011, il-Kummissjoni tgħid li għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet GHG ikkawżati mit-trasport b'mhux inqas minn 60 % sal-2050 meta mqabbla mal-1990; billi sabiex ikun hemm konformità mal-Ftehim ta' Pariġi ser ikun meħtieġ li jitnaqqsu drastikament l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport sa nofs is-seklu;

E.  billi perkors għat-tnaqqis fl-emissjonijiet affidabbli u fit-tul jista' jipprovdi lill-manifatturi tal-vetturi s-sigurtà tal-ippjanar meħtieġa għall-investimenti f'teknoloġiji ġodda;

F.  billi d-dekarbonizzazzjoni fit-tul tas-settur tat-trasport tirrikjedi użu wiesa' ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, diversifikat skont il-modi differenti ta' trasport;

G.  billi s-sistemi tat-trasport bl-elettriku, kemm privati kif ukoll pubbliċi, jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-akbar problemi relatati mal-mobilità fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u mal-eliminazzjoni għalkollox tas-sustanzi li jniġġsu u tal-istorbju b'mod sostenibbli; billi l-livell ta' sostenibilità ta' vetturi elettriċi jiddependi wkoll fuq l-użu tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli;

H.  billi t-trasport huwa responsabbli għal aktar minn 25 % tal-emissjonijiet GHG fl-UE, li minnhom it-trasport bit-toroq jammonta għal aktar minn 70 %; billi t-trasport huwa l-kawża prinċipali tat-tniġġis tal-arja f'żoni urbani; billi dan it-tniġġis tal-arja jikkawża aktar minn 400 000 mewt prematura(28) fis-sena fl-UE u jiġġenera spejjeż tas-saħħa ta' bejn EUR 330 biljun u EUR 940 biljun(29), li jammontaw għal bejn 3 % u 9 % tal-PDG tal-UE; billi l-materja partikolata u l-ossidi tan-nitroġenu għandhom impatt partikolarment ħażin fuq is-saħħa pubblika;

I.  billi s-settur tat-trasport huwa l-anqas wieħed dekarbonizzat, u għadu jiddependi fuq il-fjuwils fossili għal aktar minn 94 % tal-bżonnijiet tal-enerġija tiegħu; billi l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport diġà jammontaw għal kważi kwart mit-total tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE, u qed ikomplu jiżdiedu;

J.  billi l-iżvilupp tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija jiddependi ħafna fuq l-użu effettiv ta' varjetà ta' mezzi tat-trasport, u billi l-politika Ewropea tat-trasport għandha tkun ibbażata fuq il-komodalità effiċjenti, li fiha l-użu tal-aktar mezzi tat-trasport sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għandu jingħata prijorità meta jkun possibbli;

K.  jemmen li bidla modali se twassal għal ekwilibrar mill-ġdid ottimali bejn mezzi tat-trasport differenti, u se tipprevedi l-interoperabilità fil-mezzi nfushom u bejniethom, tippromwovi ktajjen tat-trasport u tal-loġistika aktar effiċjenti, u ttejjeb il-flussi tat-traffiku mingħajr skossi bejn il-mezzi u n-nodi;

L.  billi, skont l-Ewrobarometru Speċjali 406, ippubblikat fl-2013, madwar 50 % taċ-ċittadini tal-UE jużaw il-karozza privata tagħhom kuljum, filwaqt li 16 % biss jużaw it-trasport pubbliku u 12 % biss jużaw ir-rota;

M.  billi l-fjuwil tal-bastimenti użat għat-trasport marittimu huwa wieħed minn fost dawk li jniġġsu l-aktar, u dan ifisser li dan is-settur għandu marġni kbir biex inaqqas l-emissjonijiet tiegħu billi jippromwovi u jintegra sistemi ta' propulsjoni alternattivi;

N.  billi l-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-ambjent għandu jkun kwistjoni u responsabbiltà kondiviżi għas-soċjetà, li fihom il-partijiet interessati kollha għandu jkollhom rwol importanti x'jiżvolġu;

O.  billi s-Seba' Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali jirrikonoxxi b'mod ċar ir-rwol tat-trasport fil-kisba tal-viżjoni tal-Unjoni sal-2050 li "ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna";

P.  billi mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Bijofjuwils fl-2003, il-qafas leġiżlattiv inbidel b'mod ripetut; billi l-approċċ leġiżlattiv irid ikollu ċertu grad ta' stabilità sabiex jattira l-investiment fil-bijofjuwils avanzati;

Q.  billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari tfisser ukoll li l-konsumaturi se jużaw is-servizzi aktar, u din iċ-ċaqliqa lejn mudelli ta' negozju ġodda jaf ikollha impatt sinifikanti fuq l-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tat-trasport;

R.  billi 'l fuq minn 100 miljun ċittadin Ewropew huma esposti għal livelli ta' storbju li jaqbżu s-soll ta' 55 deċibel (dB), u fosthom, madwar 32 miljun huma esposti għal livelli ta' storbju "qawwija ħafna", jiġifieri aktar minn 65 dB;

S.  billi skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-saħħa (WHO), l-istorbju mit-traffiku fuq it-toroq waħdu huwa t-tieni l-aktar fattur ta' stress ambjentali dannuż fl-Ewropa, eżatt wara t-tniġġis tal-arja u billi mill-inqas 9 000 mewt prematura fis-sena jistgħu jiġu attribwiti għal mard tal-qalb ikkawżat mill-istorbju tat-traffiku;

T.  billi l-applikazzjoni tal-linji gwida tad-WHO dwar l-esponiment uman għal PM2.5 tista' żżid il-medja tal-istennija tal-għomor b'madwar 22 xahar, u tista' tiġġenera ffrankar annwali ta' madwar EUR 31 biljun;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "Strateġija Ewropea għal mobilità b'emissjonijiet baxxi" u jaqbel li bidla lejn mobilita b'livell baxx ta' emissjonijiet hi essenzjali biex issir il-bidla akbar lejn ekonomija sostenibbli, ċirkolari u b'livell baxx ta' karbonju; jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jinvolvu ruħhom sew fl-istrateġija;

2.  Jenfasizza l-fatt li sabiex iżommu mal-Ftehim ta' Pariġi, l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport ser jeħtieġ li jkunu qrib iż-żero sa nofs is-seklu, u li l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja mit-trasport ser jeħtieġ li jitnaqqsu drastikament biex għallinqas jintlaħqu mingħajr dewmien il-linji gwida tad-WHO dwar is-saħħa pubblika;

3.  Jinnota li ċ-ċaqliqa lejn mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet mhix biss ta' benefiċċju għas-saħħa pubblika u l-ambjent, iżda toffri wkoll sfidi u opportunitajiet kbar għall-manifatturi u għall-fornituri tal-vetturi, tal-ferroviji, tal-bastimenti u tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi relatati mal-enerġija innovattiva, it-trasport u l-loġistika, b'mod partikolari l-SMEs; jenfasizza li appoġġ adegwat għat-trawwim, imsejjes fuq approċċ kosteffikaċi, ta' teknoloġiji ġodda u mudelli kummerċjali li jinkoraġġixxu sħubiji innovattivi bejn il-kumpaniji l-kbar, l-SMEs u n-negozji ġodda hu meħtieġ sabiex jinkiseb tnaqqis effettiv fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra fis-settur tat-trasport;

4.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' bidliet ċari fil-ġestjoni tad-domanda tat-trasport u l-ippjanar tal-ispazju sabiex issir iċ-ċaqliqa neċessarja lejn approċċ multimodali; itenni li t-trasport għandu jitqies bħala servizz important u mhux bħala għan fih innifsu; jappoġġja, għal din il-fini, l-implimentazzjoni tan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T); itenni li t-tranżizzjoni lejn settur tat-trasport sostenibbli, ċirkolari u b'livell baxx ta' emissjonijiet tinvolvi żieda fil-kuxjenza tal-utenti tas-servizz dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; iqis li wieħed mill-aktar fatturi importanti għall-bidla fl-imġiba biex jibdew jiġu magħżula mezzi ta' trasport aktar sostenibbli hu sistema tat-trasport pubbliku multimodali, żviluppata sew u bi prezz li jintlaħaq li tkopri n-nodi urbani u tingħaqad maż-żoni rurali;

5.  Ifakkar li rigward il-White Paper dwar it-Trasport tal-2011, il-Parlament Ewropew enfasizza li politika tal-mobilità sostenibbli Ewropea jeħtieġ li tinbena fuq firxa wiesgħa ta' għodod tal-politika biex issir ċaqliqa lejn il-mezzi tat-trasport bl-iżgħar livell ta' tniġġiż u bl-ikbar effiċjenza enerġetika b'mod kosteffikaċi; jirrimarka li ċaqliqa fil-bilanċ bejn il-modi tat-trasport mhix għan aħħari fiha nfisha, iżda hija neċessarja sabiex il-mobilità ma tibqax marbuta mal-effetti ħżiena tas-sistema tat-trasport attwali, bħall-konġestjoni, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, l-aċċidenti u t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi f'dan ir-rigward li l-politika ta' bidla modali s'issa ma tatx riżultati sodisfaċenti;

6.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni taġixxi bħala l-attur ewlieni għal miżuri globali u armonizzati fir-rigward ta' trasport aktar sostenibbli u effiċjenti;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni sħiħa tal-leġislazzjoni eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi miżuri addizzjonali konkreti fis-settur tat-trasport sabiex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi maqbula tal-UE, li jkopru l-modi kollha, inkluża l-mobilità urbana, b'mod li ma jippreġudikax il-kompetittività tas-settur tat-trasport; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tippromovi l-adozzjoni fis-suq ta' teknoloġiji li jikkontribwixxu għal mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet billi jżidu l-effiċjenza tal-vetturi filwaqt li jżommuhom sikuri; jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, biex tippreżenta aġġornament tal-White Paper tagħha tal-2011 dwar it-Trasport;

8.  Jinsab konvint li l-valutazzjoni tas-sostenibilità għandha tqis l-impronta kollha, mill-manifattura sal-użu u r-rimi tal-vetturi u l-infrastruttura meħtieġa, u jenfasizza, għal din ir-raġuni, li hija biss taħlita ta' enerġija teknoloġikament newtrali li tista' toffri soluzzjonijiet realistiċi u verament sostenibbli;

9.  Jinnota li t-tranżizzjoni sostenibbli fit-trasport tirrikjedi azzjoni sistemika mill-bosta partijiet interessati mis-soċjetà ċivili, il-konsumaturi, is-sħab soċjali, l-SMEs, negozji ġodda innovattivi, korporazzjonijiet kbar li huma atturi globali, u l-politiċi u l-entitajiet uffiċjali fil-livelli kollha tal-gvern;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza dejjem tikber tal-emissjonijiet inkorporati billi ddaħħal inċentivi sabiex jitqiesu l-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza dejjem tikber tal-kejl tal-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja, mill-emissjonijiet tal-provvista tal-enerġija sal-emissjonijiet tal-produzzjoni u ta' tmiem il-ħajja, billi tressaq proposti olistiċi li jiggwidaw lill-manifatturi lejn soluzzjonijiet ottimali, sabiex ikun żgurat li l-emissjonijiet upstream u downstream ma jinnewtralizzawx il-benefiċċji marbuta mat-titjib fl-użu tal-enerġija fl-operat tal-vetturi;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi u ttejjeb b'urġenza l-istandards tas-CO2 għal kwalunkwe trasport bit-triq, minħabba li l-istandards kosteffikaċi tal-vetturi aktarx jirrappreżentaw l-aktar miżura effikaċi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika fl-UE fil-perjodu sal-2030;

13.  Ifakkar li l-effiċjenza fl-enerġija għandha tkun ikkunsidrata bħala l-aħjar alternattiva enerġetika u li għaldaqstant, il-miżuri kollha maħsuba biex itejbu l-effiċjenza enerġetika b'mod kosteffikaċi u biex inaqqsu d-domanda għall-enerġija għandhom jingħataw prijorità u jkunu promossi u integrati kif jixraq fil-politika tat-trasport u fl-azzjoni tal-Ewropa dwar il-klima;

Intejbu s-sistemi tat-trasport

Titjib fl-effiċjenza

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrevedu l-konnettività bejn ir-reġjuni differenti tal-UE, anke fir-rigward tar-reġjuni remoti, żvantaġġati u tal-fruntieri tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tirrevedi l-approċċ tal-UE lejn il-konnettività tal-avjazzjoni u tesplora l-possibilità li jiġi żviluppat indiċi ta' konnettività, filwaqt li titqies ukoll l-interazzjoni ma' modi oħra ta' trasport; jenfasizza li dan għandu jsir flimkien ma' investimenti f'alternattivi sostenibbli u l-promozzjoni tagħhom;

15.  Iħeġġeġ ħafna lill-Istati Membri biex iħaffu r-ritmu tal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, għax il-frammentazzjoni attwali qed tikkawża ħinijiet itwal tat-titjiriet, aktar ħela ta' fjuwil u aktar emissjonijiet ta' CO2; jirrimarka li dan ikun ifisser tnaqqis ta' 10 % fl-emissjonijiet;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm ambizzjonijiet kbar dwar l-innovazzjoni billi tinkoraġġixxi r-riċerka fl-użu tal-enerġija fotovoltajka fis-settur tal-avjazzjoni (bħal pereżempju Solar Impulse 2) u fil-fjuwils likwidi rinnovabbli alternattivi;

Prezzijiet ġusti u effiċjenti

17.  Iqis li huwa essenzjali li jkun hemm sinjali tal-prezzijiet aktar ċari għall-mezzi kollha tat-trasport li jirriflettu aħjar il-prinċipji ta' "min iniġġes iħallas" u ta' "min juża jħallas" sabiex tkun żgurata l-ġustizzja u kundizzjonijiet ekwi għall-mezzi differenti tat-trasport fl-Ewropa; jirrimarka li l-politiki eżistenti għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid minn dik il-perspettiva;

18.  Iqis li kull mezz ta' trasport għandu jkopri l-ispejjeż marġinali tiegħu, kemm għall-"wear and tear" ta' kuljum ("min juża jħallas") kif ukoll għall-ispejjeż esterni, pereżempju għat-tniġġis tal-arja u għat-tniġġis bl-istorbju ("min iniġġes iħallas"); jemmen li l-applikazzjoni ta' dawn iż-żewġ prinċipji fl-UE kollha se tgħin biex biex tiġi indirizzata d-diskrepanza attwali fl-ipprezzar bejn il-mezzi tat-trasport;

19.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni dwar l-ipprezzar tat-trasport m'għandhiex toħloq kompetizzjoni inġusta għad-dannu ta' modi aktar sostenibbli bħall-ferroviji, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ bi proposti biex tkun garantita l-kompetizzjoni ġusta f'dan ir-rigward;

20.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa standards għal sistemi ta' pedaġġ elettroniċi interoperabbli fl-UE, kif ukoll ir-reviżjoni li se ssir tad-Direttiva dwar l-Eurovignette, li għandha tinkludi tariffar ibbażat fuq id-distanzi u divrenzjar abbażi tal-emissjonijiet ta' CO2, kif ukoll il-possibilità ta' divrenzjar tat-tariffi abbażi ta' standards Ewropej aġġornati; jemmen li estensjoni tat-tariffar ibbażat fuq id-distanzi għandha tkopri l-karozzi u l-vannijiet kollha tal-passiġġieri, filwaqt li tippermetti xi forma ta' flessibilità għal żoni remoti u b'popolazzjoni skarsa;

21.  Jenfasizza li bidla modali fit-trasport tirrikjedi l-promozzjoni tal-multimodalità u tat-trasport pubbliku u investiment fihom;

22.  Jitlob lill-Kummissjoni taġġorna l-"manwal dwar l-ispejjeż esterni mit-trasport" bħala kwistjoni ta' urġenza, filwaqt li tqis id-data reali tal-emissjonijiet mis-sewqan;

23.  Jenfasizza li l-avjazzjoni hi l-aktar mezz ta' trasport li ma jinternalizzax l-ispejjeż esterni tiegħu, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispetta l-Ftehim ta' Pariġi u tesplora l-possibilitajiet ta' miżuri internazzjonali armonizzati għal tassazzjoni fuq il-pitrolju għall-avjazzjoni u t-tneħħija tal-eżenzjoni mill-VAT fuq il-biljetti tal-passiġġieri tal-ajru;

Il-loġistika u d-diġitalizzazzjoni

24.  Jirrikonoxxi li l-loġistika jista' jkollha rwol kruċjali biex jitnaqqas l-impatt tal-karbonju mit-trasport permezz ta' strateġiji kollaborattivi favur l-ambjent li jindirizzaw l-integrazzjoni tal-katina tal-provvista, it-trasport multimodali, il-konsolidazzjoni tal- kunsinni u l-loġistika inversa; iqis li t-teknoloġiji diġitali huma kruċjali għal dawn l-għanijiet;

25.  Jikkunsidra li sistemi tat-trasport intelliġenti, il-"platooning" u l-vetturi awtonomi u konnessi jistgħu jkunu siewja ħafna biex titjieb l-effiċjenza tat-trasport individwali u kummerċjali bit-toroq, bil-ferroviji, bil-baħar u bl-ajru;

26.  Jirrikonoxxi li t-teknoloġija tal-karozzi konnessi se ttejjeb is-sikurezza fit-toroq filwaqt li għandha wkoll implikazzjonijiet sinifikanti fuq l-ambjent, u jinnota li l-infrastruttura tan-netwerk densa meħtieġa biex ikunu ggarantiti kapaċità kbira u latenza żgħira għal netwerk 5G, biex isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet li l-vetturi konnessi u awtonomi jtejbu l-mobilità fl-ambjent urban; jagħraf li, f'konformità mal-proċess usa' tad-diġitizzazzjoni fl-industrija Ewropea, bosta kumpaniji se jkollhom jintegraw il-mobilità fl-istrateġiji tat-trasformazzjoni tagħhom, u b'hekk joffru opportunitajiet sinifikanti għall-SMEs u għan-negozji ġodda fis-settur tat-trasport, u jemmen li dan l-iżvilupp għandu jkun appoġġjat;

27.  Jenfasizza li t-trasport pubbliku, bħala parti mill-kunċett tal-mobilità bħala servizz, għandu potenzjal enormi li jnaqqas il-volum tat-traffiku u l-emissjonijiet relatati, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi d-diġitizzazzjoni u l-konnettività tas-sistemi tat-trasport pubbliku sabiex jitneħħew l-ostakli bejn il-mezzi u s-sistemi tat-trasport u jkun inċentivat l-użu tagħhom; jemmen ukoll li li l-miżuri meħuda għandhom jitfasslu skont l-ispeċifiċitajiet taż-żoni kkonċernati, indipendentement minn jekk humiex urbani jew rurali, għax f'żoni rurali huwa aktar diffiċli li tinkiseb il-vijabilità ekonomika; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw inizjattivi speċifiċi għal trasport aktar effiċjenti fl-ambjenti rurali u fiż-żoni remoti, filwaqt li jqisu l-obbligi tas-servizz pubbliku;

28.  Jappoġġja l-inizjattivi għall-ġestjoni tal-mobilità bil-għan li jkollna servizzi tat-trasport intermodali aktar effiċjenti u ekoloġiċi u mobilità intelliġenti, li jistgħu jkunu kruċjali għall-promozzjoni tal-kunċetti tal-mobilità bħala servizz u l-intermodalità sinkronizzata; jemmen li sabiex tkompli tissaħħaħ aktar il-mobilità bħala servizz, għandha tingħata attenzjoni xierqa fir-regolament futur lill-kontribut tas-Sistemi Intelliġenti tal-Gestjoni tat-Trasport Intelliġenti (ITS), l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-ICT, l-interoperabilità tas-sistemi, is-servizzi kondiviżi u l-ħruġ ta' biljetti multimodali integrat;

29.  Jinnota li l-vetturi tal-merkanzija urbani jikkontribwixxu b'mod sproporzjonat għat-tniġġis tal-arja u t-tniġġis bl-istorbju u għandhom impatt negattiv fuq il-konġestjoni; jitlob, għalhekk, li tittejjeb il-katina tal-provvista fiż-żoni urbani; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-użu ta' vetturi mingħajr emissjonijiet fil-każ ta' vetturi kummerċjali ħfief, karozzi tal-linja, trakkijiet tal-iskart, taxis u roti tal-merkanzija fil-loġistika tal-aħħar kilometru;

30.  Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali tat-tnaqqis fil-piż u ta' użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura attwali, inkluż tqassim aħjar tat-traffiku u soluzzjonijiet intermodali aħjar;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni dwar Suq Uniku Diġitali ġejjiena, il-potenzjal ta' mezzi tat-trasport aktar sikuri, intelliġenti u ekoloġiċi għat-trasport bit-triq, u tippromwovi proġetti ta' tagħmir minn vettura għal vettura u minn vettura għat-triq, bħala parti mill-ispinta favur l-ekonomija għall-innovazzjoni u l-ftuħ ta' opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-kumpaniji tal-ICT Ewropej;

32.  Jenfasizza l-importanza li jsir investiment f'konnessjonijiet ottimali għaż-żoni interni sabiex titnaqqas l-impronta ekoloġika tat-trasport fl-intern tal-pajjiż billi jkun imħeġġeġ l-użu ta' konnessjonijiet multimodali, it-trasport ferrovjarju sostenibbli, it-tbaħħir intern, data tat-trasport f'ħin reali u applikazzjonijiet tal-IT tul il-kurituri tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport;

33.  Jinsab konvint li l-promozzjoni ta' inizjattivi tal-ġestjoni tal-mobilità fir-reġjuni u l-bliet, fl-istituzzjonijiet u fl-industrija għandha potenzjal konsiderevoli biex tnaqqas il-ħtieġa taċ-ċittadini li jivvjaġġaw, kemm f'termini ta' distanza kif ukoll ta' veloċità;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw proġetti pilota li se jħeġġu użu akbar ta' vetturi elettriċi u vetturi li jużaw bijofjuwils avvanzati alternattivi;

35.  Jenfasizza li teżisti l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE li jippermetti diġitalizzazzjoni rapida tat-trasport, li flimkien mal-ippjanar imtejjeb tat-trasport u l-bidla lejn "il-mobilità bħala servizz" se tikkontribwixxi ħafna biex tiżdied l-effiċjenza u ser ikollha effetti kbar fuq is-soċjetà;

36.  Jemmen li ppjanar tat-trasport aħjar u użu mtejjeb tad-diġitalizzazzjoni u l-loġistika huma oqsma fejn il-potenzjal għat-tnaqqis fl-emissjonijiet huwa enormi, u li diversi miżuri sempliċi u li ma jiswewx ħafna jistgħu jiġu implimentati malajr ħafna b'effett li jista' jitkejjel, bħall-ottimizzazzjoni tal-fluss u tat-tagħbija, kif ukoll il-merkanzija; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni telenka u tidentifika miżuri tali, biex ikunu promossi fil-futur qrib; jitlob li jkun hemm standards u qafas leġiżlattiv koerenti li jippermettu l-użu ta' soluzzjonijiet tal-loġistika u tat-trasport innovattivi fl-Ewropa kollha;

37.  Jappoġġja lill-Kummissjoni u lill-operaturi tat-trasport fit-tfassil ta' proġetti li jkun fihom informazzjoni konsistenti dwar impronta tas-CO2 kumparattiva minn mezzi differenti tat-trasport permezz ta' pubblikazzjonijiet, informazzjoni, prenotazzjoni u ħruġ ta' biljetti;

38.  Jenfasizza l-bżonn imperattiv li l-politika ta' standardizzazzjoni tal-ICT tiġi adattata għall-iżviluppi fis-suq u fil-politika sabiex tinkiseb l-interoperabilità għat-trasport elettroniku tal-merkanzija u s-sistemi intelliġenti tat-trasport;

39.  Jissottolinja l-importanza tal-interoperabilità sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet minn vetturi heavy duty, kemm fit-trasport urban kif ukoll f'dak extraurban;

Enerġija alternattiva b'livell baxx ta' emissjonijiet

40.  Jenfasizza l-fatt li soluzzjonijiet ta' mobilità elettrika abbażi ta' sorsi tal-enerġija sostenibbli joffru potenzjal kbir għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport; iqis, madankollu, li l-aħjar użu tat-teknoloġija involuta kif ukoll il-provvediment ta' faċilitajiet ta' infrastruttura fuq skala kbira huma improbabbli qabel l-2030; itenni t-talba tiegħu għal innovazzjonijiet teknoloġiċi;

41.  Jilqa' l-isforzi biex tintuża u tiġi żgurata infrastruttura komprensiva u interoperabbli għall-forniment ta' enerġija rinnovabbli u/jew fjuwils alternattivi sostenibbli għal vetturi mħaddma b'enerġija alternattiva; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tikkoordina mal-Istati Membri biex tkun żgurata t-traspożizzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/94/UE dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, kif ukoll ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2010/31/UE dwar l-Effiċjenza Enerġetika fil-Bini kif emendata mid-Direttiva (UE) .../... (proċedura 2016/0381(COD));

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta pjan ta' azzjoni ambizzjuż għall-adozzjoni fis-suq ta' vetturi elettriċi u li tiggwida lill-Istati Membri b'rakkomandazzjonijiet biex tħeġġiġhom jimplimentaw inċentivi fiskali għal vetturi b'emissjonijiet żero jew baxxi; jenfasizza li d-disponibilità u l-aċċessibilità tal-infrastruttura tal-iċċarġjar u tar-refuelling, fosthom f'binjiet privati u pubbliċi skont id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD), (Direttiva 2010/31/UE), flimkien mal-kompetittività tal-vetturi elettriċi, huma essenzjali biex tiżdied l-aċċettazzjoni min-naħa tal-konsumatur; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-elettriku ġġenerat għall-vetturi tal-elettriku jkun ġej minn sorsi tal-enerġija sostenibbli; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm inizjattiva Ewropea fuq terminu twil għal batteriji tal-ġenerazzjoni li jmiss kif ukoll għall-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa biex jinkoraġġixxu standards tal-produzzjoni sostenibbli għall-enerġija u għall-vetturi b'livell baxx ta' emissjonijiet;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tippreżenta l-valutazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva dwar Enerġija Nadifa għat-Trasport (2014/94/UE), u biex tieħu azzjoni fir-rigward tal-Istati Membri li għadhom ma ppreżentawx strateġija nazzjonali;

44.  Iqis li obbligu għall-fornituri tal-fjuwil li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-enerġija li jipprovdu permezz tal-enerġija rinnovabbli, l-idroġenu, il-bijofjuwils sostenibbli u avvanzati, fjuwils sintetiċi jew fjuwils oħra b'livell baxx ta' karbonju jkun wieħed mill-aktar approċċi effettivi biex jitnaqqas l-impatt klimatiku tat-trasport bit-triq;

45.  Ifakkar lill-Kummissjoni kemm huwa urġenti, biex tittieħed azzjoni tanġibbli favur it-tranżizzjoni enerġetika sostenibbli tas-soċjetà kollha kemm hi, li l-inċentivi finanzjarji ma jibqgħux jingħataw għall-fjuwils fossili, u minflok jibdew jingħataw għal forom alternattivi u sostenibbli ta' enerġija;

46.  Jitlob li rigward l-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport ikun hemm approċċ aktar ambizzjuż mill-approċċ propost fir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, sabiex titwettaq id-dekarbonizzazzjoni fuq terminu twil tas-settur tat-trasport;

47.  Iħeġġeġ li jiġu stabbiliti inċentivi speċifiċi għall-użu ta' fjuwils alternattivi sostenibbli għal dawk il-mezzi tat-trasport li attwalment m'għandhom l-ebda alternattiva għall-fjuwil likwidu; jemmen li inċentivi bħal dawn għandhom jiġu riflessi fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli l-ġdida kif ukoll fil-Pjanijiet Nazzjonali Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima, kif previst fir-regolament propost dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija;

48.  Ifakkar li 94 % tat-trasport Ewropew jiddependi fuq il-prodotti taż-żejt u jemmen li l-bijofjuwils domestiċi sostenibbli jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili, u b'hekk tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi t-tneħħija gradwali tas-sussidji diretti u indiretti għall-fjuwils fossili sa mhux aktar tard mill-2020;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-potenzjal tal-LNG biex il-mobilità, l-ekonomija u l-impjiegi jkunu sostenibbli(30);

51.  Jissottolinja r-rwol li l-gass naturali (pereżempju, is-CNG and l-LNG) u partikolarment il-bijometanu, il-metan sintetiku u l-LPG, jista' jiżvolġi fit-tranżizzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, speċjalment fir-rigward tat-tbaħħir, l-HDVs u l-karozzi tal-linja tal-bliet;

52.  Jieħu nota tal-limiti proposti fir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli bil-ħsieb li jitnaqqsu gradwalment il-bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni sal-2030 u tintlaħaq dekarbonizzazzjoni fuq terminu twil tas-settur tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tiddistingwi bejn il-bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni b'livell għoli ta' effiċjenza tal-GHG u livell ta' riskju baxx tat-tibdil indirett fl-użu tal-art u dawk li ma jissodisfawx dawk il-kriterji, u biex, mill-aktar fis possibbli, tieħu miżuri biex telimina gradwalment l-użu ta' materja prima, inkluż żejt tal-palm, li jixprunaw id-deforestazzjoni jew l-użu ta' torbiera, bħala komponent ta' bijofjuwils; jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm ambjent leġiżlattiv stabbli u prevedibbli li jqis b'mod xieraq iċ-ċikli ta' investiment biex jiġu attirati l-investimenti meħtieġa f'bijofjuwils avvanzati; jinnota l-benefiċċji potenzjali klimatiċi tal-produzzjoni agrikola tal-UE msejsa fuq il-bijofjuwils b'livell għoli ta' effiċjenza ta' GHG u livell ta' riskju baxx tat-tibdil indirett fl-użu tal-art, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' emissjonijiet minn importazzjonijiet ta' proteina tal-annimali fuq skala kbira minn pajjiżi li mhumiex fl-UE;

53.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji oġġettivi għar-rikonoxximent ta' bijofjuwils avvanzati sabiex tiġi stimulata l-innovazzjoni u l-adozzjoni fis-suq;

54.  Jenfasizza l-importanza li jintlaħqu l-miri għal żmien twil favur id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tat-trasport, u jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ penetrazzjoni akbar fis-suq tal-bijofjuwils avvanzati b'livell għoli ta' effiċjenza ta' GHG, li jkunu konformi mal-ġerarkija tal-iskart bħala parti mill-ekonomija ċirkolari u li jirrispettaw il-kriterji ta' sostenibilità ambjentali u soċjali b'saħħithom, sabiex ikompli jitnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili u tal-emissjonijiet GHG; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ ir-rekwiżiti għall-iffrankar tal-emissjonijet GHG għall-bijofjuwils biex ikun żgurat li dawn ikomplu jilħqu l-miri tal-klima tal-UE; jenfasizza l-importanza ta' kontabilità robusta u kredibbli fir-rigward tal-emissjonijiet u l-assorbimenti derivati mill-bijoenerġija skont ir-regolament propost dwar l-Użu tal-Art, it-Tibdil fl-Użu tal-Art u l-Forestrija (COM(2016)0479);

55.  Jenfasizza li l-bijofjuwils li jikkonformaw ma' kriterji ta' sostenibilità biss għandhom jgħoddu mal-miri tal-klima tal-Istati Membri skont ir-Regolament propost tal-Qsim tal-Isforz (COM(2016)0482);

56.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-idroġenu minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u timpenja lilha nnifisha għal studju ta' fattibilità dwar ir-rwol u l-possibilitajiet tal-idroġenu f'sistema Ewropea tat-trasport;

57.  Jenfasizza li fjuwils sintetiċi (likwidi u gassużi) li ġejjin minn bilanċ pożittiv ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari l-enerġija mix-xemx u l-enerġija eolika fiż-żmien tal-ogħla produzzjoni li altrimenti tinħela, tista' tikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet GHG tal-flotot eżistenti mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, filwaqt li tiżdied ukoll il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-ekonomija ċirkolari, l-emissjonijiet u l-politika dwar il-klima, kif ukoll il-miri tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli, biex iżidu u jappoġġjaw bis-sħiħ il-produzzjoni ta' bijogass ekoloġiku permezz tal-ipproċessar tad-demel;

59.  Jilqa' l-fatt li n-negozji tal-UE huma attwalment mexxejja fid-dinja tat-teknoloġiji li jużaw il-fjuwils sintetiċi u jara dan bħala opportunità biex jissaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi ta' kwalità għolja fl-UE; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li jinħoloq qafas li jinkoraġġixxi aktar l-iżvilupp u d-diffużjoni ta' teknoloġiji bħal dawn;

60.  Iqis li l-promozzjoni tal-Garanziji tal-Oriġini tista' twassal għal żieda sinifikanti fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport;

61.  Jinnota li l-approċċ tal-UE lejn l-enerġija sostenibbli għandu jkun teknoloġikament newtrali u li l-għanijiet tal-politiki tas-sostenibilità tal-UE għandhom ikunu ffokati fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet dannużi għas-saħħa u għall-klima;

62.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) fir-rigward tat-twettiq ta' riċerka dwar enerġija nadifa għat-trasport;

63.  Jilqa' l-appoġġ eżistenti taħt Orizzont 2020 għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tat-trasport nadif u l-enerġija sostenibbli, u jitlob li dan l-appoġġ jiġi mfittex fil-QFP li jmiss (Qafas finanzjarju pluriennali);

64.  Jisħaq fuq l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp għall-indirizzar tal-isfidi teknoloġiċi fir-rigward ta' mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bl-appoġġ sod tagħha tal-programmi ta' riċerka bħal CleanSky u SESAR (Sistema Ewropea ta’ ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru);

L-infrastruttura tat-trasport u l-investiment

65.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jintensifikaw il-kofinanzjament mill-UE ta' proġetti tat-trasport li jikkontribwixxu għall-azzjoni dwar il-klima u l-kwalità tal-arja u t-tnaqqis ta' spejjeż esterni oħrajn, fil-qafas tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u t-TEN-T;

66.  Iqis li l-proġetti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa huma kruċjali għall-Istrateġija Ewropea għal Mobilità b'Emissjonijiet Baxxi, u jiddispjaċih li l-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa intuża għall-FEIS; jitlob, għalhekk, li jingħata lura l-baġit tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u jtenni li l-FEIS II għandu jiġi ffinanzjat minn sorsi oħra; iqis, barra minn hekk, li l-finanzjament mill-FEIS ta' proġetti eleġibbli għall-finanzjament mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għandu jiġi evitat;

67.  Jenfasizza l-importanza ta' użu b'suċċess tal-FEIS jew tal-ikkombinar tal-FEIS mal-FSIE; iqis li l-Istati Membri għandhom jinvestu aktar fis-sistema ferrovjarja tagħhom u jagħmlu sforz biex iżidu r-rati ta' assorbiment tal-fondi ta' koeżjoni għall-proġetti ferrovjarji;

68.  Jindika kemm hu importanti li n-netwerk infrastrutturali jinżamm f'kundizzjoni tajba u li jkollu livelli għolja ta' kwalità, għax dan jiffaċilità l-fluss tat-traffiku u anke jippermetti li tonqos il-konġestjoni u għaldaqstant il-livell ta' CO2 u ta' emissjonijiet niġġiesa oħra;

69.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel aktar fondi disponibbli biex il-bliet jagħmlu offerti konġunti għal infrastruttura jew teknoloġiji li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport urban u jnaqqsu t-tniġġis tal-arja mill-vetturi tat-triq: jinnota li dan ikun jinkludi, u mhux biss, stazzjonijiet tal-iċċarġjar pubbliċi għall-vetturi elettriċi, sistemi ta' kondiviżjoni tal-karozzi u tar-roti u l-iżvilupp tat-trasport pubbliku;

70.  Jenfasizza l-importanza ta' miżuri ta' appoġġ finanzjarju għall-innovazzjoni fis-settur u l-preservazzjoni tal-ambjent waqt ix-xogħol infrastrutturali;

L-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini u ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet favur bidla fl-imġiba

71.  Iħeġġeġ lill-bliet jinkludu objettivi għat-tnaqqis ta' gassijiet b'effett ta' serra u strateġiji għal arja nadifa fil-pjanijiet tal-mobilità tagħhom (eż. Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs)), u jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-kofinanzjament tal-UE għall-proġetti tal-mobilità urbana li jikkontribwixxu għall-kisba ta' objettivi bħal dawn, fosthom permezz ta' appoġġ tal-innovazzjonijiet li jabilitaw lill-ibliet f'dan ir-rigward;

72.  Huwa tal-fehma li wieħed mill-aktar modi effiċjenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u tittejjeb l-effiċjenza tat-trasport hu l-promozzjoni tat-trasport pubbliku kollettiv; iqis li huwa importanti li jissaħħaħ ir-rwol tas-servizzi tat-trasport pubbliku; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jinċentivaw ix-xiri ta' vetturi aktar nodfa u li jniġġsu inqas, fil-każ tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-flotot privati;

73.  Jenfasizza l-opportunitajiet ta' trasport aktar sostenibbli li joffri l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE), b'mod partikolari għall-karozzi tal-linja urbani u suburbani;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-netwerks tal-bliet li jinsabu fuq quddiem fost dawk li jagħtu prijorità lill-mobilità sostenibbli, fosthom il-mixi, l-użu tar-roti, it-trasport pubbliku mtejjeb, car-sharing u car-pooling fl-ippjanar tagħhom, u biex tagħti lok lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jikkondividu l-aħjar prattiki kemm f'termini ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u kif ukoll ta' strateġiji għal arja nadifa f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tinkuraġġixxi wkoll lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jintegraw għalkollox il-ħtiġijiet u l-proċeduri tal-ippjanar tat-trasport, tal-akkomodazzjoni u tal-użu tal-art sabiex jintlaħqu aħjar l-għanijiet tal-politika dwar il-klima;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex filwaqt li jqisu n-nuqqas tal-istandards Ewropej għall-vetturi ħfief li jirriflettu l-emissjonijiet fid-dinja reali, jeżaminaw il-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' tikketta jew standard għal vetturi b'emissjonijiet baxxi ħafna (ULEVs) li jissodisfaw il-valuri limitu tal-emissjonijiet f'kundizzjonijiet tas-sewqan reali;

76.  Iqis li trid tingħata aktar attenzjoni biex tiżdied l-integrazzjoni u l-attrazzjoni tal-forom tat-trasport mhux motorizzati, peress li dan inaqqas b'mod komprensiv l-attrazzjoni tal-forom privati tat-trasport;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-ħtiġijiet tat-trasport taċ-ċittadini f'żoni rurali u remoti fl-istrateġiji tagħha għal mobilità b'emissjonijiet baxxi;

78.  Iħeġġeġ lill-entitajiet pubbliċi kollha jinkorporaw kriterji ta' sostenibilità fl-akkwist pubbliku;

79.  Jappoġġja lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni f'investiment akbar fil-konnessjoni u fl-integrazzjoni tan-Netwerk taċ-Ċikliżmu EuroVelo man-netwerks ferrovjarji tat-TEN-T;

80.  Jenfasizza li wasal iż-żmien għal proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika din il-proposta sa tmiem l-2017; iqis li t-teknoloġija għal "adattament intelliġenti tal-veloċità" hi matura u tista' ssalva ħafna ħajjiet, u għaldaqstant għandha tiġi introdotta għall-vetturi kollha mingħajr aktar dewmien; jenfasizza li l-"viżjoni diretta" għat-trakkijiet hi soluzzjoni effettiva ħafna biex ikunu evitati aċċidenti mal-utenti vulnerabbli tat-triq, u li din il-proposta għandha tinkludi standards obbligatorji f'dan ir-rigward;

Talbiet speċifiċi għas-settur

Muturi, karozzi u vannijiet

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal standards għall-2025 għall-karozzi u l-vannijiet bi qbil mal-pożizzjoni espressa mill-Parlament fil-proċeduri li jikkonċernaw żewġ atti leġiżlattivi fl-2013(31), u kif ġie kkonfermat fl-istqarriji assoċjati tal-Kummissjoni dwar il-mira 2025(32); jenfasizza li l-istandards medji applikabbli għall-flotta għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi tal-proċedura ġdida ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief (WLTP), u għandhom jirriflettu l-perkors fuq terminu twil lejn it-tnaqqis fl-emissjonijiet stabbilit fil-qafas dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 tal-UE u l-objettivi fuq terminu twil tal-Ftehim ta' Pariġi;

82.  Jilqa' l-introduzzjoni tad-WLTP il-ġdida; jenfasizza, madankollu, li fid-dawl tal-fatt li r-riċerka turi li ċ-ċiklu tat-test fil-laboratorju tal-proċedura ġdida ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief xorta se jkollu differenza ta' madwar 20 % mill-emissjonijiet fid-dinja reali u se jibqa' miftuħ għall-ottimizzazzjoni u l-manipulazzjoni tat-testijiet, għandha tiġi żviluppata metodoloġija ta' emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) ex post għall-emissjonijiet tas-CO2, biex tikkomplementa l-proċedura ta' ttestjar armonizzata fuq livell dinji għall-vetturi ħfief; jinnota li din il-metodoloġija tista' tkun ibbażata fuq strumenti tal-kejl li diġà jeżistu fil-vetturi, pereżempju l-arloġġi tal-konsum tal-fjuwil (FCM); jinnota barra minn hekk li għal dan l-għan u sabiex tinkiseb data affidabbli, għandu jiġi żviluppat approċċ standard għall-ġbir, il-ħżin, l-użu u l-komunikazzjoni tal-valuri tal-konsum tal-fjuwul, filwaqt li jsir l-użu massimu mis-sensuri diġà preżenti fil-karozzi u jitħarsu bis-sħiħ ir-regoli dwar il-privatezza; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra soluzzjonijiet addizzjonali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mis-settur tat-trasport, u b'mod partikolari biex tqis aktar il-kontribut tat-tnaqqis tal-piż biex jitnaqqsu b'mod dirett l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi;

83.  Ifakkar li, sabiex it-testijiet RDE jkunu effikaċi fit-tnaqqis tad-diskrepanzi bejn l-emissjonijiet imkejla fil-laboratorju u dawk imkejla fit-triq, l-ispeċifikazzjonijiet tal-proċeduri tal-ittestjar u tal-evalwazzjoni għandhom jiġu stabbiliti b'ħafna reqqa u għandhom ikopru firxa wiesgħa ta' kundizzjonijiet ta' sewqan, inklużi t-temperaturi differenti, it-tagħbijiet tal-magna, il-veloċitajiet tal-vettura, l-altitudnijiet, it-tipi ta' toroq u parametri oħra li wieħed jiltaqa' magħhom normalment waqt is-sewqan fl-Unjoni;

84.  Jitlob li jkun hemm adozzjoni rapida ta' sistema ta' tikkettar armonizzata, obbligatorja u trasparenti, li tipprovdi lill-konsumaturi b'data preċiża, robusta u kumparabbli dwar il-konsum tal-fjuwil, iċ-ċiklu tal-ħajja, l-emissjonijiet tas-CO2 u l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja tal-karozzi li jitqiegħdu fis-suq; jitlob li ssir reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Vetturi (id-Direttiva 1999/94/KE), li tista' tiġi emendata biex tinkludi rekwiżit obbligatorju li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja, bħall-NOx u l-materja partikulata;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid id-Direttiva dwar Enerġija Nadifa għat-Trasport (id-Direttiva 2014/94/UE) u tressaq proposta għal regolament dwar l-istandards tas-CO2 għall-flotot tal-karozzi li se jidħlu fis-suq mill-2025 'il quddiem, bil-għan li jiġu gradwalment il-karozzi ġodda b'emissjonijiet ta' CO2;

86.  Jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi objettiv minimu għas-sehem ta' vetturi elettriċi għall-manifatturi kollha;

87.  Jenfasizza l-benefiċċji għall-ekonomija Ewropea ta' tranżizzjoni bikrija lejn vetturi li nstab li l-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) turi li għandhom l-iċken impatt fuq il-klima; jenfasizza li tranżizzjoni bħal din se tiżgura li l-manifatturi tal-karozzi Ewropej jibqgħu kompetittivi fis-suq dinji filwaqt li tippreserva l-impjiegi eżistenti u toħloq impjiegi ġodda;

88.  Jittama li se jiġi allokat aktar finanzjament għar-riċerka teknoloġika dwar il-produzzjoni, it-trattament u r-rimi tal-batteriji ta' muturi tal-elettriku, biex jiżguraw li dawn kulma jmur ikunu aktar ekoloġiċi;

89.  Jinnota li l-Kummissjoni nediet numru ta' proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li kisru d-Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità tal-arja billi kontinwament jinqabżu l-valuri limitu ta' NO2 u PM10; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża s-setgħat ta' kontroll tagħha biex tevita t-tqegħid fis-suq ta' karozzi li jniġġsu u li jaħdmu bid-diżil, li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-rilaxx ta' NO2 u PM10 fl-atmosfera u ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE dwar l-approvazzjoni tat-tip u l-emissjonijiet tal-vetturi tal-passiġġieri u tal-vetturi ħfief;

90.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun promossa l-parteċipazzjoni wiesgħa mill-SMEs fil-manifattura tal-vetturi u tal-komponenti sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq tat-trasport u jiġu mħeġġa r-riċerka u l-innovazzjoni;

91.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli ta' wara l-2020 dwar is-CO2 jqisu kemm jista' jkun l-approċċi teknoloġiċi kollha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 fit-toroq; jinnota li r-regolament għandu jqis b'mod partikolari l-possibilitajiet li joffru l-aktar fjuwils alternattivi ġodda (pereżempju, il-fjuwils elettriċi, il-fjuwils sintetiċi, elettriku għal gass u elettriku għal likwidu);

Vetturi heavy-duty

92.  Jinnota li l-vetturi heavy duty se jkunu responsabbli għal 40 % tal-emissjonijiet totali ta' CO2 tat-trasport bit-triq jekk ma jitteħdux miżura addizzjonali sal-2030; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tressaq proposta dwar iċ-ċertifikazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-vetturi heavy duty sa tmiem l-2017, kif ukoll standards ambizzjużi tas-CO2 tal-2025 sal-2018, imsejsa fuq l-aħjar data disponibbli; jilqa' l-Għodda għall-Kalkolu tal-Konsum tal-Enerġija tal-Vetturi (VECTO), li hija simulatur tal-effiċjenza tal-merkanzija, u jenfasizza l-ħtieġa li jkompli jkun żgurat aċċess għal data ta' monitoraġġ trasparenti, realistika u aġġornata;

93.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda tiżviluppa Strateġija Ewropea ta' Trucking b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju abbażi ta' studju komparattiv, sabiex tiffaċilita l-adozzjoni fis-suq ta' karozzi tal-linja u trakkijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u mingħajr emissjonijiet; jindika li diġà hemm inizjattivi tal-Istati Membri li qed jikkunsidraw il-ġarr tal-merkanzija bit-triq mingħajr emissjonijiet;

94.  Iqis li l-użu dejjem jikber ta' magni nodfa għall-vetturi heavy duty, pereżempju magni elettriċi jew li jaħdmu bl-LNG, għandu jkun appoġġjat, u li dan jirrikjedi investimenti importanti u strateġiċi fl-infrastruttura;

95.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi - u tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu - inċentivi għat-tranżitu ta' vetturi mingħajr emissjonijiet jew b'livell baxx ta' emissjonijiet u prijorità għall-moviment tagħhom fin-netwerks TEN-T;

96.  Jenfasizza li l-karozzi tal-linja tal-bliet mingħajr emissjonijiet jew b'livell baxx ta' emissjonijiet jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa fiż-żoni urbani; jitlob, għalhekk, l-introduzzjoni ta' karozzi tal-linja tal-bliet b'emissjonijiet żero billi jiddaħħal il-kriterju tal-akkwist pubbliku ekoloġiku fid-Direttiva tal-Vetturi Nodfa (id-Direttiva 2009/33/KE), li bħalissa qed tiġi riveduta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jippromwovu l-użu tal-fondi disponibbli tal-UE, bħalma huma l-FSIE, biex jappoġġjaw il-miżuri korrispondenti;

97.  Jenfasizza li huwa importanti li jinħolqu l-kundizzjonijiet tajbin li jistimulaw l-enerġija alternattiva b'livell baxx ta' emissjonijiet għat-trasport, u jinnota li dan jista' jiġi ffaċilitat billi jkun żgurat li dan is-settur ikollu qafas ċar u fuq terminu twil li fuqu jibbaża l-investiment relatat mad-dekarbonizzazzjoni tal-fjuwils u teknoloġiji oħra ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tagħmel studju tal-fattibilità dwar is-soluzzjonijiet potenzjali disponibbli, li fuqu tista' titfassal strateġija b'livell baxx ta' karbonju għat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

98.  Jappoġġja l-pjan tal-Kummissjoni għal Pjattaforma ta' Karozzi tal-Linja Nodfa li tlaqqa' flimkien lill-operaturi tal-karozzi tal-linja, l-awtoritajiet lokali, il-manifatturi tal-karozzi tal-linji u l-fornituri tal-enerġija sabiex tiġi mħeġġa l-adozzjoni rapida ta' vetturi aktar nodfa, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-karozzi tal-linja bħala forma ta' trasport pubbliku sostenibbli mil-lat ambjentali;

99.  Jinnota li jeżistu bosta teknoloġiji ġodda, u innovazzjonijiet ibbażati fuq teknoloġiji eżistenti, li jistgħu jkollhom benefiċċji ambjentali sinifikanti, bħalma huma tajers aqwa, lubrikanti mtejba, aktar effiċjenti, magni bi trażmissjoni aktar effiċjenti u magni ibridi, u li l-Ewropa għandha tfittex li tkun mexxejja teknoloġika f'dan ir-rigward; jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga r-rwol ta' teknoloġiji bħal dawn għat-titjib tal-effiċjenza u tal-prestazzjoni ambjentali;

100.  Jenfasizza l-importanza li titjieb il-kwalità tal-arja fl-UE u li tiġi rispettata d-Direttiva tal-UE dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent, kif ukoll il-livelli rakkomandati mid-WHO. jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tirrieżamina l-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, u biex tressaq proposti, kif ikun xieraq, għal-limiti tal-emissjonijiet Euro 7 applikabbli sal-2025 għall-vetturi ħfief kollha koperti minn dan ir-Regolament;

101.  Jenfasizza li l-għanijiet tat-tnaqqis fl-emissjonijiet u tal-kwalità tal-arja jeħtieġu miżuri li jirrigwardaw vetturi eqdem ukoll, u jfakkar f'dan ir-rigward, li l-modifiki huma l-aktar mod rapidu u kosteffikaċi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u s-sustanzi niġġiesa minn flotot eqdem minħabba li l-implimentazzjoni sistematika ta' sistemi avvanzati ta' posttrattament tal-egżost tad-diżil tippermetti lill-vetturi heavy duty eqdem bħall-karozzi tal-linja u t-trakkijiet joperaw b'mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent, filwaqt li tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti l-aktar stretti ta' emissjonijiet u tikseb tnaqqis massimu ta' NOx, NO2 u PM; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tippreżenta linji gwida komuni tal-UE sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ tas-soluzzjonijiet possibbli ta' modifika u jiżguraw ukoll l-eliġibilità għall-finanzjament fil-kuntest tal-istrumenti finanzjarji tal-UE lejn id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tat-trasport;

Approvazzjoni tat-tip u sorveljanza tas-suq

102.  Jitlob sistema aktar komprensiva u kkoordinata tal-approvazzjoni tat-tip u tas-sorveljanza tas-suq fil-livell tal-UE li tinvolvi sorveljanza qawwija u affidabbli u sistema ta' kontrolli tal-UE, sabiex tindirizza n-nuqqasijiet u l-lakuni ġuridiċi identifikati fis-segwitu ta' "Dieselgate"; jenfasizza l-importanza ta' adozzjoni rapida tal-Kummissjoni tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (COM(2016)0031), u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi; f'dan ir-rigward, ifakkar il-mandat għal negozjati tal-Parlament adottat fl-4 ta' April 2017; jikkonferma li l-adozzjoni futura tar-regolament imsemmi hawn fuq għandha tiżgura kundizzjonijiet ugwali konsistenti u aktar trasparenti għall-partijiet interessati kollha fis-setturi tal-vetturi, tistabbilixxi regoli effikaċi li jipproteġu lill-konsumaturi, u tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-approvazzjoni tat-tip il-ġdida u qafas ta' sorveljanza tas-suq;

103.  Jilqa' l-gwida dwar l-evalwazzjoni tal-istrateġiji dwar l-emissjonijiet awżiljarji u l-preżenza ta' apparat ta' manipulazzjoni, ippubblikata mill-Kummissjoni fis-26 ta' Jannar 2017 bil-għan li tappoġġja lill-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti biex jiġu traċċati l-apparati ta' manipulazzjoni;

104.  Jiddispjaċih mill-adozzjoni ta' fatturi ta' konformità għolja għall-emissjonijiet ta' NOx li jaġixxu bħala lakuna li tippermetti emissjonijiet eċċessivi, inkluż mill-karozzi wara l-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-fattur ta' konformità għat-testijiet tal-emissjonijiet f'sewqan reali (RDE) tal-emissjonijiet tal-NOx fl-2017, kif stabbilit fit-tieni pakkett tal-RDE, u biex tkompli tirrivedih annwalment b'allinjament mal-iżviluppi teknoloġiċi, sabiex tniżżlu għal 1 sa mhux aktar tard mill-2021;

105.  Jitlob adozzjoni rapida tar-4 pakkett RDE biex jitlesta l-qafas regolatorju għall-proċedura l-ġdida tal-approvazzjoni tat-tip, u għall-applikazzjoni rapida ta' dan il-qafas;

Ferroviji

106.  Jappoġġja ħafna t-talbiet il-ġodda tal-Kummissjoni biex isiru proposti dwar il-konnessjonijiet ferrovjarji transfruntiera neqsin fil-livell reġjonali, u jilqa' l-prospettiva li jitnaqqas jew jiġi minimizzat l-impatt fuq il-klima; jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tqis dawn il-proġetti, u biex toħroġ sejħiet għal applikazzjonijiet fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, kif ukoll fil-qafas tal-emendar tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv, sabiex titqies aħjar l-effikaċja reali tat-tipi differenti ta' trasport ferrovjarju f'termini tal-impatt tagħhom fuq l-effiċjenza enerġetika fis-settur tat-trasport;

107.  Japprova l-prijorità mogħtija mill-Kummissjoni lill-investimenti fl-infrastruttura ferrovjarja, b'mod partikolari fir-rigward tal-konnessjonijiet neqsin u tal-konnessjonijiet transfruntiera; ifakkar f'dan il-kuntest li għat-trasport tal-merkanzija b'mod partikolari, il-ferroviji huma sistema tat-trasport effiċjenti u sostenibbli;

108.  Jappoġġja t-twettiq tat-tranżizzjoni mit-trasport bit-triq għat-trasport bil-ferroviji (Shift2Rail) permezz ta' żieda fl-interoperabilità tal-modi varji tat-trasport;

109.  Iħeġġeġ proposti ambizzjużi għad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat li jippromwovu aħjar it-trasport tal-merkanzija effiċjenti u jinkoraġġixxi bidla modali lejn it-trasport bil-ferroviji u t-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-bidla modali għall-2030 u għall-2050 stabbiliti fl-"Għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" tal-White Paper tal-2011 dwar it-trasport;

110.  Jistieden lill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati jieħdu l-azzjonijiet kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta Shift2Rail, sabiex titħaffef l-integrazzjoni tat-teknoloġiji avvanzati fis-soluzzjonijiet tal-prodotti ferrovjarji innovativi, jiżdied l-element attraenti tat-trasport ferrovjarju u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-industrija ferrovjarja Ewropea;

111.  Jistieden lill-Istati Membri biex mingħajr dewmien jimplimentaw b'mod rigoruż u effettiv id-Direttiva 2012/34/UE, r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/909 u r-Raba' Pakkett Ferrovjarju, sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment kompetittiv ta' Tariffi għall-Użu tal-Binarji li jippermetti l-kompetizzjoni intermodali ġusta;

112.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-iżvantaġġi tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri (eż. dawk relatati mat-tassazzjoni, imposti għall-użu tal-binarji u s-sussidji diretti u indiretti) meta dan jitqabbel ma' mezzi oħra ta' trasport, u tistabbilixxi kundizzjonijiet ekwi;

113.  Itenni l-importanza tal-interoperabilità u l-koordinazzjoni ma' modi oħra tat-trasport, tal-affidabilità mtejba u t-tnaqqis tal-istorbju, u tat-trasport multimodali bla skossi;

114.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' implimentazzjoni sħiħa, effettiva u uniformi tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 dwar Netwerk Ferrovjarju Ewropew għat-Trasport ta' Merkanzija Kompetittiv, li se tkun ta' benefiċċju kemm għat-trasport tal-merkanzija kif ukoll għall-industrija;

L-avjazzjoni

115.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-effiċjenza fl-avjazzjoni, fost l-oħrajn billi tiżgura l-implimentazzjoni b'ħeffa tas-Single European Sky min-naħa tal-Istati Membri, billi tipparteċipa b'mod attiv fix-xogħol tal-ICAO sabiex jiġu żgurati standards internazzjonali ambizzjużi għas-CO2, u billi tipprovdi finanzjament adegwat għall-Impriża Konġunta ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR) u Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti Clean Sky;

116.  Ifakkar li l-ispazju tal-ajru huwa wkoll parti mis-suq uniku tal-UE, u li kwalunkwe frammentazzjoni li tirriżulta mill-użu ineffiċjenti tiegħu jew mill-prattiki nazzjonali diverġenti (rigward, pereżempju, il-proċeduri operattivi, it-taxxi, l-imposti, eċċ) tikkawża ħin tat-titjiriet itwal, dewmien, konsum żejjed ta' fjuwil, u livelli ogħla ta' emissjonijiet ta' CO2, apparti li tolqot b'mod negattiv il-bqija tas-suq u xxekkel il-kompetittività tal-UE;

117.  Jenfasizza li s-settur tal-avjazzjoni għandu jikkontribwixxi b'mod adegwat, effikaċi u ġust biex jintlaħqu l-għanijiet u l-objettivi tal-klima 2030 tal-Ftehim ta' Pariġi u għalhekk biex jintlaħaq l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) tal-azzjoni klimatika;

118.  Jirrikonoxxi d-deċiżjoni tad-39 sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO li tiġi żviluppata skema globali ta' miżuri bbażati fuq is-suq għall-avjazzjoni internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-deċiżjoni, inkluż l-impenji volontarji u r-riżervi magħmula mill-istati, u biex tissorvelja l-progress lejn l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni, kemm internazzjonali kif ukoll domestika fis-67 stat li biħsiebhom jipparteċipaw fl-MBM globali; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni f'waqtha dwar kemm huma adatti d-dispożizzjonijiet tal-iskema, li jipprevedu tkabbir newtrali mill-karbonju, sabiex titrażżan iż-żieda fl-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni skont l-objettivi ta' Pariġi; jinnota li kull tliet snin hu previst rieżami tal-iskema tal-ICAO, u dan għandu jippermetti li l-ambitu tagħha jsir aktar ambizzjuż u robust;

119.  Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2017 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta' applikazzjoni għal attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021 (COM(2017)0054), li tipproponi t-tkomplija tal-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku limitat tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet (ETS) għall-avjazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni twettaq aktar valutazzjoni u reviżjoni tal-iskema tal-ETS tal-UE għall-perjodu wara l-2020 ladarba jkun hemm aktar ċarezza dwar l-implimentazzjoni tal-MBM globali;

120.  Jenfasizza l-importanza li jingħataw inċentivi biex jintużaw l-aħjar u l-iqsar rotot tat-titjiriet sabiex jiġi ffrankat il-fjuwil u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' ħsara, minflok rotot itwal magħżula sabiex jiġu evitati l-ispazji tal-ajru, li jinvolvu spejjeż ikbar;

121.  Jenfasizza l-importanza li r-riċerka f'dan il-qasam tkompli tingħata spinta sabiex jiżdied l-investiment f'teknoloġiji għall-iżvilupp ta' avjazzjoni sostenibbli billi jkun promoss id-disinn ta' inġenji tal-ajru eħfef, l-użu ta' teknoloġija diġitali u satellitari li tappoġġja ġestjoni aktar effiċjenti tar-rotot tat-titjira, u l-produzzjoni u l-użu ta' fjuwils alternattivi tal-ġenerazzjoni l-ġdida, speċjalment minħabba li f'dan is-settur m'hemmx ħafna alternattivi għall-fjuwils likwidi tradizzjonali, fosthom permezz tal-iżvilupp ta' sħubijiet pubbliċi-privati;

122.  Jistieden lill-Kummissjoni tfittex modi ġodda biex tappoġġja l-użu ta' fjuwils rinnovabbli fl-avjazzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mis-settur tal-avjazzjoni;

123.  Jistieden lill-Istati Membri u l-industrija tal-avjazzjoni biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' miżuri ulterjuri għall-promozzjoni ta' inizjattivi intelliġenti bil-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni, mill-ajruporti, lejhom u fihom;

It-trasport marittimu

124.  Jinnota li qed isiru sforzi fil-livell tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) biex jiġu limitati l-emissjonijiet marittimi internazzjonali u għaldaqstant iħeġġeġ lill-OMI biex tadotta miri u miżuri ċari ta' tnaqqis tal-emissjonijiet GHG mingħajr dewmien; jenfasizza, madankollu, li, fin-nuqqas ta' sistema kumparabbli li topera skont l-OMI, l-emissjonijiet tas-CO2 li jsiru fil-portijiet u matul il-vjaġġi lejn u mill-portijiet tal-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għall-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet mill-2023 'il quddiem; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom tippromwovi l-użu ta' fjuwils alternattivi bħal gass naturali, l-LPG u l-idroġenu u biex tippromwovi l-integrazzjoni ta' teknoloġiji rinnovabbli (pereżempju, il-qlugħ, il-batteriji, il-pannelli solari u t-turbini eoliċi) fis-settur marittimu; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-istrumenti finanzjarji jridu jiġu kkunsidrati fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE biex jitħaffef l-investiment fil-qasam tal-flotot ekoloġiċi;

125.  Jenfasizza li, sabiex ikun żgurat tnaqqis globali effettiv fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-tbaħħir internazzjonali f'konformità mal-objettiv ta' "taħt sew iż-2 °C" tal-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima tal-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, u sabiex jiġu indirizzati wkoll l-ostakli attwali tas-suq għat-tfassil tal-vapuri u għall-effiċjenza operattiva, is-sistema ta' monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni (MRV) tal-UE għandha tiġi emendata sabiex tkun allinjata mas-Sistema tal-Ġbir tad-Data (DCS) li ġiet adottata reċentement mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, filwaqt li jinżammu t-trasparenza, il-verifika u l-ġbir tad-data reali dwar ix-xogħol tat-trasport;

126.  Jenfasizza kemm hu importanti li tiġi trasposta għalkollox, u implimentata, id-Direttiva (Direttiva 2014/94/UE), dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi, inkluż il-ħolqien ta' punti ta' riforniment tal-LNG fil-kurituri kollha tat-TEN-T u fil-portijiet marittimi; jemmen li użu akbar tal-LNG fit-trasport tal-merkanzija jista' jikkontribwixxi lejn mobilità b'livell baxx ta' emissjonijiet, filwaqt li jitqiesu l-objettivi internazzjonali fit-tul fir-rigward tal-klima u tal-enerġija;

127.  Iqis li huwa neċessarju li jinħoloq makroreġjun tal-Baħar l-Iswed Ewropew, sabiex jiġi żgurat li l-opportunitajiet li jirriżultaw minn kooperazzjoni transfruntiera f'dan ir-reġjun ikunu jistgħu jitwettqu;

128.  Jenfasizza li s-soluzzjonijiet tal-finanzjament innovattivi u l-użu tal-faċilitajiet ta' appoġġ għall-investiment tal-UE disponibbli mingħand il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandhom jipprovdu għodod utli biex jgħinu lis-sidien tal-bastimenti jkopru l-ispejjeż inizjali ta' azzjonijiet favur it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

129.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni reċenti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali ta' limitu globali ta' 0,5 % għall-kubrit, li huwa mistenni li jipprevjeni 250 000 mewt prematura globalment;

130.  Jappoġġja l-introduzzjoni ta' żoni ta' kontroll akbar tal-emissjonijiet tal-kubrit u tal-NOx fl-Ewropa kollha;

131.  Ifakkar li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju iswed mit-trasport marittimu, speċjalment fir-reġjun Artiku, huwa essenzjali biex jitnaqqas it-tisħin globali;

132.  Jenfasizza r-rwol importanti li trasport ikkombinat jista' jkollu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet; jieħu nota tal-proposti tal-Kummissjoni għall-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat (COM(2017)0648) li għandha tinċentiva bidla lejn trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u mill-passaġġi fuq l-ilmijiet interni;

Passaġġi fuq l-ilma interni

133.  Jemmen li jinħtieġu miżuri addizzjonali biex jiġi ggarantit settur tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni li jkun favur il-klima u effiċjenti; itenni l-importanza ta' miżuri ta' appoġġ finanzjarju għall-innovazzjoni fis-settur sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika tal-vapuri u jiġi ppreservat l-ambjent waqt xogħlijiet ta' infrastruttura;

134.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fl-2018 tressaq reviżjoni tad-Direttiva dwar Servizzi ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS)(33), bil-għan li tippromwovi l-użu tas-servizzi ta' informazzjoni tax-xmajjar biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-passaġġi fuq l-ilma interni, u biex tistabbilixxi bażi ġuridika għall-UE kollha għall-iskambju transfruntiera tad-data, u b'hekk tagħmel possibbli l-implimentazzjoni komprensiva tal-RIS transfruntiera u l-integrazzjoni diġitali ma' modi oħra tat-trasport;

135.  Jenfasizza li t-trasport minn passaġġi fuq l-ilma interni fl-Ewropa għandu jkun imħeġġeġ u sfruttat, u jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament għat-tindif ta' bastimenti mgħarrqa, minħabba li dawn l-operazzjonijiet jinvolvu ħafna spejjeż, flimkien mal-prospettiva tal-iżvilupp reġjonali u l-espansjoni ta' operazzjonijiet tat-trasport u tat-tbaħħir minn passaġġi fuq l-ilma interni fis-suq intern;

136.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iressqu miżuri dwar l-użu tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx kif ukoll dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-magni u tal-fjuwil tal-bastimenti interni, billi, fost l-oħrajn, tiġi indikata l-prattika tajba min-naħa ta' dawk li jkunu minn ta' quddiem u jiġi appoġġjat il-finanzjament tal-passaġġi fuq l-ilma interni ndaf permezz tal-fond eżistenti għall-iskrappjar u l-għodda tal-FEIS/BEI;

137.  Jenfasizza li meta wieħed iħares lejn il-ħtiġijiet reali tas-suq, jeħtieġ appoġġ qawwi fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE sabiex jiġi żgurat li għadd suffiċjenti ta' portijiet interni tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T ikun mgħammar bl-infrastruttura tal-enerġija alternattiva u punti ta' riforniment u ta' ħżin aċċessibbli pubblikament għat-trasport fuq passaġġi tal-ilma interni f'distanzi adegwati;

o
o   o

138.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 155.
(2) ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5.
(3) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.
(5) ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1.
(6) ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16.
(7) ĠU L 188, 18.7.2009, p. 1.
(8) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55.
(9) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
(10) ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.
(11) ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.
(12) ĠU L 239, 15.9.2015, p. 1.
(13) ĠU L 142, 5.6.1999, p. 26.
(14) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124.
(15) ĠU L 268, 13.10.2009, p. 11.
(16) ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22.
(17) ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38.
(18) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 88.
(19) ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.
(20) ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81.
(21) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11.
(22) ĠU L 280, 27.10.2009, p. 52.
(23) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 10.
(24) Testi adottati, P8_TA(2016)0292.
(25) ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1.
(26) Testi adottati: P8_TA(2017)0100.
(27) Testi adottati: P8_TA(2017)0097.
(28) https://www.eea.europa.eu/soer-2015/europe/air
(29) https://www.eea.europa.eu/publications/air-quality-in-europe-2015/download
(30) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar strateġija tal-UE għall-gass naturali likwifikat u l-ħażna tal-gass, (Testi adottati, P8_TA(2016)0406).
(31) ĠU L 103, 5.4.2014, p. 15; ĠU L 84, 20.3.2014, p. 38.
(32) Ara d-dokument tal-Kunsill 5584/14 u 6642/14.
(33) Id-Direttiva 2005/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS) f'passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 152).

Avviż legali - Politika tal-privatezza