Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2040(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0389/2017

Testi mressqa :

A8-0389/2017

Dibattiti :

PV 15/01/2018 - 15
CRE 15/01/2018 - 15

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2018 - 5.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0002

Testi adottati
PDF 378kWORD 60k
It-Tlieta, 16 ta' Jannar 2018 - Strasburgu
L-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE
P8_TA(2018)0002A8-0389/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE (2017/2040(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u, b'mod partikolari, it-Titolu XVIII tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1) (minn hawn 'il quddiem 'ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni'),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(2),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' April 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Makroreġjonali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali tal-UE (COM(2016)0805) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (SWD(2016)0443),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2009 dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2009)0248),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju" (COM(2010)0715),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Ġunju 2014 li tikkonċerna l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (COM(2014)0357),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Lulju 2015 dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (COM(2015)0366),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2014 dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali (COM(2014)0284),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (COM(2015)0639),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni għar-reġjun tad-Danubju(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-evoluzzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE: Prassi attwali u prospettivi futuri, b'mod partikolari fil-Mediterran(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2012 dwar l-istrateġija għar-reġjun tal-Atlantiku fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-Unjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar strateġija tal-UE għar-reġjun Adrijatiku u Joniku(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar Strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin(8),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Jannar 2015 bit-titolu "Rwol ġdid tal-makroreġjuni fil-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea" ppubblikat mid-Direttorat-Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Interact ta' Frar 2017 bit-titolu "Added value of macro-regional strategies – programme and project perspective" (Il-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali – persepettiva tal-programm u tal-proġett),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 u l-Anness 3 tagħha dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapport fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0389/2017),

A.  billi makroreġjun jista' jiġi definit bħala żona ġeografika li tinkludi reġjuni minn għadd ta' pajjiżi differenti assoċjati ma' karatteristika jew sfida waħda jew aktar komuni(9);

B.  billi l-istrateġiji makroreġjonali (SMR) ġew stabbiliti f'oqsma li jirrappreżentaw l-evoluzzjoni naturali tal-UE f'termini ta' kooperazzjoni transfruntiera; billi dawn huma importanti, peress li huma kapaċi jimmobilizzaw l-atturi pubbliċi u privati, lis-soċjetà ċivili u lill-akkademja, u jimmobilizzaw ir-riżorsi lejn il-kisba tal-għanijiet tal-politika komuni tal-UE;

C.  billi l-SMRs jipprovdu pjattaforma għal interazzjoni aktar profonda u usa' fil-livell transsettorjali, reġjonali u transfruntiera bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi ġirien sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni, ippjanar konġunt u trawwim ta' kooperazzjoni bejn is-sħab differenti u s-setturi ta' politika u t-titjib tagħha, inkluż fl-oqsma tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-bijodiversità, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u strateġiji ta' adattament, it-trattament tal-iskart u l-provvista tal-ilma, l-ippjanar spazjali marittimu u l-ġestjoni integrata tal-kosta; jilqa', f'dan il-kuntest, l-isforzi li saru biex tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn il-Fondi SIE u l-IPA;

D.  billi l-makroreġjuni huma involuti fl-implimentazzjoni ta' attivitajiet ta' politika fit-tul, interkonnessi u trażversali, peress li dawn il-makroreġjuni huma marbuta mal-politika ta' koeżjoni permezz tal-objettivi tal-SMRs inkorporati fil-PO tagħhom, u joħolqu proġetti permezz ta' sinerġiji intelliġenti; billi b'hekk il-makroreġjuni jikkontribwixxu b'mod aktar effettiv biex jintlaħqu l-miri tal-SMRs, u allura jattiraw l-investiment privat, billi juru l-fiduċja, filwaqt li jinvolvu ruħhom fi djalogu, kooperazzjoni transfruntiera u solidarjetà;

E.  billi l-SMRs huma bbażati fuq il-prinċipju tat-"tliet ebda", jiġifieri l-ebda finanzjament ġdid, l-ebda struttura ġdida u l-ebda leġiżlazzjoni ġdida fi ħdan il-qafas politiku tal-UE eżistenti;

F.  billi mekkaniżmi diġà eżistenti ta' kooperazzjoni fil-livell tal-UE u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-SMRs, b'mod partikolari fil-fażijiet bikrin;

G.  billi kull sentejn il-Kummissjoni tadotta rapport uniku dwar l-implimentazzjoni tal-SMRs kollha eżistenti tal-UE, fejn jissemmew is-suċċessi tagħhom kif ukoll xi titjib ulterjuri li jeħtieġ li jsir, u r-rapport li jmiss huwa dovut sa tmiem l-2018; billi l-Parlament iqis li, f'dan il-qafas, jeħtieġ li jkun hemm evalwazzjoni tal-aspetti relatati mal-ambjent, bħala wieħed mill-pilastri tal-iżvilupp sostenibbli;

Strateġiji makroreġjonali bħala pjattaformi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni

1.  Jinnota li r-rilevanza tal-SMRs ġiet issottolinjata mill-proċess tal-globalizzazzjoni, li wassal biex pajjiżi individwali jsiru interdipendenti u jitlob soluzzjonijiet għall-problemi transkonfinali;

2.  Jirrikonoxxi li – fi gradi differenti – elementi li fuqhom tiddependi l-kwalità tal-implimentazzjoni, bħalma huma l-impenn, is-sjieda, ir-riżorsi u l-governanza jibqgħu diffiċli biex jiġu megħluba fil-kisba tal-miri stabbiliti minn qabel;

3.  Jenfasizza li l-SMRs qed jibqgħu jagħtu kontribut imprezzabbli u innovattiv lill-kooperazzjoni transfruntiera, transsettorjali u f'diversi livelli fl-Ewropa, li l-potenzjal tiegħu għadu ma ġiex esplorat biżżejjed, bl-għan li tittejjeb il-konnettività u jiġu kkonsolidati r-rabtiet ekonomiċi u t-trasferiment tal-għarfien bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi; jinnota madankollu li — bħala riżultat tal-proċess ta' qbil dwar azzjonijiet konġunti f'diversi livelli u bejn bosta pajjiżi/reġjuni — l-aċċess għall-fondi tal-UE għal proġetti SMR għadu jikkostitwixxi sfida;

4.  Iqis li l-SMRs u l-programmi ambjentali assoċjati huma strumenti utli sabiex il-benefiċċji tal-kooperazzjoni Ewropea jkunu viżibbli għaċ-ċittadini, u għalhekk iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jikkommettu ruħhom bis-sħiħ għall-istrateġiji u jaqdu r-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tagħhom;

5.  Huwa tal-fehma li l-governanza f'diversi livelli bi rwol xieraq tar-reġjuni fi ħdan il-qafas tagħha għandu jkun element fundamentali ta' kwalunkwe strateġija makroreġjonali sa mill-bidu tagħha, billi jiġu involuti l-komunitajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati tas-settur pubbliku, ta' dak privat u tat-tielet settur fil-proċess; iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni involuti, biex b'hekk jiżviluppaw strutturi xierqa ta' governanza u arranġamenti ta' ħidma għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni, inklużi l-ippjanar konġunt, it-tisħiħ tal-opportunitajiet ta' finanzjament u approċċ minn isfel għal fuq;

6.  Iħeġġeġ koordinazzjoni u sħubiji aħjar, kemm vertikali kif ukoll orizzontali, bejn l-atturi pubbliċi u privati differenti, l-akkademja u l-NGOs, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali li joperaw f'dan il-qasam, u diversi politiki fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali biex tiġi faċilitata u mtejba l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali u l-SMRs; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta' dawn il-partijiet interessati, inter alia, f'bordijiet ta' tmexxija tal-SMRs, waqt li jirrispettaw l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-UE;

7.  Jenfasizza l-importanza ta' riżorsi umani u ta' kapaċità amministrattiva suffiċjenti għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti sabiex jiġi żgurat li l-impenn politiku jissarraf f'implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġiji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-valur tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali, li jista' jipprovdi assistenza f'kapaċitajiet u appoġġ effettiv għall-iżvilupp u l-finanzjament ta' proġetti SMR fuq talba ta' Stat Membru; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod attiv jippromwovu t-tixrid u l-applikazzjoni ta' prattika amministrattiva tajba u esperjenza mill-implimentazzjoni b'suċċess ta' SMRs;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-SMRs għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu aġġustati u biex jirrispondu b'mod effettiv għal avvenimenti mhux previsti u għal ħtiġijiet li b'mod ġenerali jistgħu jaffettwaw lir-reġjuni involuti, l-Istati Membri u l-UE; iqis li l-implimentazzjoni tal-SMRs jeħtieġ li tieħu kont ta' kondizzjonijiet lokali u reġjonali speċifiċi; jenfasizza l-ħtieġa tar-rwol ta' koordinazzjoni tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, anki bil-ħsieb li jiġu irfinati l-objettivi speċifiċi ta' kull strateġija;

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (EUSBSR)

9.  Jilqa' r-riżultati miksuba mit-tnedija tal-istrateġija fl-2009, b'mod partikolari fir-rigward tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni mhux biss bejn (jiġifieri fi ħdan il-Kunsill fil-laqgħat ministerjali rilevanti), iżda wkoll fi ħdan ir-reġjuni u l-pajjiżi involuti, bħal fi ħdan il-parlament jew il-gvern; jinnota li l-EUSBSR tikkostitwixxi qafas ta' kooperazzjoni stabbli b'aktar minn 100 inizjattiva ewlenija u netwerks ġodda;

10.  Jenfasizza l-isfidi li fadal, b'mod partikolari dawk relatati mal-ambjent u l-konnettività; iħeġġeġ lill-pajjiżi parteċipanti jżidu l-isforzi tagħhom biex jittrattaw it-tniġġis (jiġifieri, il-kwalità tal-arja u tal-ilma, u l-ewtrofikazzjoni) tal-Baħar Baltiku, peress li huwa wieħed mill-ibħra l-aktar imniġġsa fid-dinja; jinnota li l-kisba ta' status ambjentali tajjeb sal-2020 hija waħda mill-objettivi ewlenin tal-azzjonijiet ta' politika f'dan ir-reġjun;

11.  Jagħti importanza lill-possibbiltà ta' konnessjoni bejn ir-reġjun Baltiku u n-netwerks tal-enerġija sabiex jitnaqqas u jiġi eliminat il-faqar enerġetiku u tiżdied is-sigurtà tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista;

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju (EUSDR)

12.  Jenfasizza li l-istrateġija kellha impatt pożittiv fuq il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u r-reġjuni parteċipanti, billi ttejbu l-mobilità u l-interkonnessjonijiet għall-modi kollha tat-trasport, bil-promozzjoni ta' enerġija nadifa, il-kultura u t-turiżmu sostenibbli u, b'mod partikolari, isaħħu l-kuntatti diretti bejn in-nies u l-kisba ta' aktar koeżjoni bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi parteċipanti fl-istrateġija;

13.  Iqis li l-proġett "Aċċess għall-Euro", l-inizjattiva "Inżommu d-Danubju Nadif" u d-Djalogu dwar il-Finanzjament tad-Danubju huma eżempji pożittivi ċari ta' mezz kif jistgħu jingħelbu d-diffikultajiet fl-iffinanzjar u l-ostakoli li jiffaċċjaw ta' spiss proġetti ta' rilevanza transnazzjonali u transfruntiera; huwa tal-fehma li, permezz ta' dan id-djalogu, id-differenzi fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni fil-baċir tad-Danubju jistgħu jitnaqqsu ulterjorment; iqis, barra minn hekk, li l-ftuħ mill-ġdid tal-Punt ta' Strateġija tad-Danubju jista' jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar faċli tal-istrateġija;

14.  Jenfasizza li l-prevenzjoni tal-ħsara kkawżata minn għargħar kbir tibqa' waħda mill-akbar sfidi ambjentali għall-pajjiżi tal-makroreġjun tad-Danubju; jenfasizza li għandhom jiġu kkunsidrati miżuri supplimentari konġunti biex jimpedixxu t-tniġġis transfruntier;

15.  Ifakkar fil-bżonn ta' proġetti strateġiċi u jenfasizza li huwa essenzjali li jinżamm grad għoli ta' appoġġ politiku u li jiżdiedu r-riżorsi u l-kapaċità ta' awtoritajiet statali kompetenti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li jifdal; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, li jinżamm il-momentum politiku għall-EUSDR u biex jiġi żgurat li l-Grupp ta' Tmexxija tal-EUSDR jagħmel ħidma tajba;

16.  Jistieden lill-pajjiżi parteċipanti, minħabba rabta naturali bejn tax-Xmara tad-Danubju u l-Baħar l-Iswed, sabiex itejbu l-koordinazzjoni bejn l-EUSDR u l-Kooperazzjoni Transkonfinali tal-Baħar l-Iswed u biex jaħdmu mill-qrib biex jegħlbu l-isfidi soċjoekonomiċi, ambjentali u tat-trasport;

17.  Jenfasizza li approċċ aktar integrat għall-mobilità u l-multimodalità fir-reġjun tad-Danubju ser ikun ukoll ta' benefiċċju għall-ambjent;

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku (EUSAIR)

18.  Jenfasizza n-natura distinta tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-EUSAIR minħabba l-għadd ta' pajjiżi parteċipanti potenzjali u kandidati, u jqis li dan il-format ta' kooperazzjoni jista' jkun opportunità kbira għar-reġjun kollu; huwa tal-fehma li l-EUSAIR jista' jagħti spinta ġdida lill-proċess ta' tkabbir u ta' integrazzjoni;

19.  Jinnota bi tħassib il-problemi persistenti fir-rigward tan-nuqqas ta' rabta effettiva bejn id-disponibilità tar-riżorsi, il-governanza u s-sjieda, li qegħdin jipprevjenu l-objettivi tal-EUSAIR milli jintlaħqu kompletament; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b'appoġġ u miżuri adattati biex tiġi implimentata l-istrateġija;

20.  Jenfasizza li fis-snin riċenti, ir-reġjun kien minn ta' quddiem nett fil-kriżi tal-migrazzjoni; iqis li l-EUSAIR tista' tgħin biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi bl-istrumenti u r-riżorsi meħtieġa; jilqa', f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Kummissjoni biex issib soluzzjonijiet għall-mobilizzazzjoni ta' riżorsi finanzjarji għal attivitajiet relatati mal-migrazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi;

21.  Iqis il-pilastru tat-Turiżmu Sostenibbli tar-reġjun Adrijatiku u Joniku bħala strument pożittiv biex joħloq tkabbir ekonomiku sostenibbli fir-reġjun kif ukoll biex iqajjem kuxjenza għall-isfidi ambjentali u l-SMRs;

22.  Jistieden lill-pajjiżi kkonċernati jagħtu prijorità lill-bini tal-kapaċità għall-implimentaturi ewlenin tal-EUSAIR, kif ukoll l-awtoritajiet tal-programm responsabbli mill-programmi operazzjonali relatati tal-EUSAIR;

L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP)

23.  Iqis l-EUSALP bħala prova li l-kunċett makroreġjonali jista' jiġi applikat b'suċċess ukoll għal aktar reġjuni żviluppati; jistieden lill-partijiet interessati tiegħu jippromwovu investimenti relatati mal-ambjent li jindirizzaw il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima; Jirrimarka barra minn hekk li r-reġjun Alpin huwa ċentru importanti tat-trasport reġjonali u, fl-istess ħin, huwa wieħed mill-akbar żoni uniċi naturali u ta' rikreazzjoni li jeħtieġ li jiġi ppreservat; jenfasizza, għalhekk, li jeħtieġ li jiġu mfittxija strateġiji tat-trasport sostenibbli u interkonnessi;

24.  Jilqa' l-istruttura ta' governanza tal-istrateġija li qed titpoġġa fis-seħħ bħalissa, billi l-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija rriżulta li kienu diffiċli u kienu rregolati minn strutturi, oqfsa u limiti ta' żmien differenti; jistieden, għaldaqstant, lill-pajjiżi parteċipanti jkomplu bl-isforzi tagħhom ta' impenn u appoġġ lill-membri tal-Grupp ta' Azzjoni tal-EUSALP;

25.  Jenfasizza li l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Alpi tista' tkun eżempju tajjeb ta' mudell għal koeżjoni territorjali, peress li fl-istess ħin tinkorpora oqsma speċifiċi, żoni produttivi, muntanji u żoni rurali differenti u xi wħud mill-aktar bliet importanti u żviluppati fl-UE, u toffri pjattaforma biex jiġu indirizzati b'mod konġunt l-isfidi li jiffaċċjaw (it-tibdil fil-klima, id-demografija, il-bijodiversità, il-migrazzjoni, il-globalizzazzjoni, it-turiżmu sostenibbli u l-agrikoltura, il-provvista tal-enerġija, it-trasport u l-mobilità u d-distakk diġitali); jappella lill-pajjiżi u lir-reġjuni parteċipanti jagħtu l-attenzjoni dovuta lill-użu tal-programm tal-Interreg dwar l-Ispazji Alpini u fondi rilevanti oħra biex jindirizzaw il-prijoritajiet komuni;

26.  Jenfasizza li r-reġjun Alpin huwa mdawwar b'ħafna fruntieri u li t-tneħħija ta' dawn il-fruntieri hija prerekwiżit biex taħdem il-kooperazzjoni, b'mod partikolari għas-suq tax-xogħol u l-attivitajiet ekonomiċi relatati mal-SMEs; jinnota li l-EUSALP tista' tipprovdi wkoll l-opportunità biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera transnazzjonali bejn reġjuni, bliet u komunitajiet lokali qrib xulxin, u biex jinħolqu rabtiet u netwerks bejn persuni, ukoll f'termini ta' interkonnessjonijiet tat-trasport u kopertura diġitali; jirrimarka, barra minn hekk, il-fraġilità ambjentali ta' dan ir-reġjun;

Ewropa makroreġjonali wara l-2020?

27.  Jirrimarka li l-SMRs jagħtu l-frott jekk ikunu ġejjin minn perspettiva politika fit-tul u jkunu organizzati b'tali mod li l-pubbliku kollu, b'mod speċjali l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u l-partijiet interessati privati u s-soċjetà ċivili jkunu rappreżentati b'mod effettiv mill-bidu, u dan jirrikjedi skambju effettiv ta' informazzjoni, l-aħjar prattika, għarfien espert u esperjenza bejn il-makroreġjuni u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom; iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ il-governanza f'diversi livelli ta' SMRs, li għandha tkun trasparenti, b'koordinazzjoni aktar effettiva u mekkaniżmi ta' komunikazzjoni pubbliċi sabiex l-SMRs ikunu magħrufa għalihom u biex tinkiseb l-aċċettazzjoni tagħhom fil-komunitajiet lokali u reġjonali;

28.  Jemmen li l-implimentazzjoni ta' strateġija tista' biss tkun ta' suċċess jekk tkun ibbażata fuq viżjoni fit-tul u strutturi effiċjenti ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni bil-kapaċità amministrattiva meħtieġa, kif ukoll fuq l-impenn politiku fit-tul kondiviż bejn il-livelli istituzzjonali kkonċernati, u jekk din tkun appoġġjata b'finanzjament adegwat; jenfasizza, għalhekk, il-bżonn li tiżdied l-effikaċja tal-investimenti permezz ta' allinjament, sinerġiji u komplementarjetajiet ta' finanzjament reġjonali u nazzjonali ma' strumenti ta' finanzjament eżistenti tal-UE, li, minbarra li jsaħħu l-programmi tal-ETC, jippromwovu proġetti transfruntiera fi ħdan il-fondi SIE u l-FEIS u wkoll permezz ta' finanzjament dirett;

29.  Jemmen li s-simplifikazzjoni tal-fondi u tal-proċeduri għall-użu tagħhom fi ħdan il-qafas tal-istrateġiji makroreġjonali żżid l-effikaċja tagħhom;

30.  Jipproponi li l-pajjiżi parteċipanti jieħdu impenji ċari f'termini ta' finanzjament u riżorsi umani għall-implimentazzjoni tal-SMRs mill-bidu; jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex ittejjeb il-koordinazzjoni fi ħdan l-SMRs, tippromwovi prattiki tajba u tiżviluppa inċentivi li jinkoraġixxu l-parteċipazzjoni attiva u l-koordinazzjoni bejn il-partijiet kollha kkonċernati, ukoll bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-rabta bejn il-politiki tal-UE u l-implimentazzjoni ta' SMRs; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, lill-SMRs jużaw l-akkwist pubbliku ekoloġiku sabiex jagħtu spinta lill-ekoinnovazzjoni, lill-bijoekonomija, lill-iżvilupp ta' mudelli ġodda ta' negozju u lill-użu ta' materja prima sekondarja, bħal fl-ekonomija ċirkolari, sabiex jinkisbu livelli ogħla ta' ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa u jiġu promossi rabtiet mill-qrib bejn il-produtturi u l-konsumaturi;

31.  Jenfasizza li huwa meħtieġ aktar orjentament lejn ir-riżultati u jeħtieġ li jiġu megħluba sfidi konkreti, inkluż fil-qasam tal-ħarsien ambjentali, sabiex jiġu żviluppati pjanijiet li jkollhom impatt reali fuq it-territorju, u biex jiġi ġustifikat l-investiment ta' riżorsi, li min-naħa tiegħu, għandu jkun proporzjonat mal-għanijiet stabbiliti, u jirrigwarda l-ħtiġijiet reali tat-territorji kkonċernati;

32.  Jitlob li kwalunkwe mistoqsija dwar l-SMRs, bħalma huma l-mistoqsijiet dwar is-sjieda u l-inċentivi politiċi meħtieġa, tiġi indirizzata skont modus operandi li jkun miftiehem minn qabel mir-reġjuni kollha kkonċernati;

33.  Huwa tal-fehma li l-viżibilità u l-perċezzjoni pubblika tal-attivitajiet tal-makroreġjuni fir-reġjuni fil-mira, kif ukoll ir-riżultati miksuba, jeħtieġ li jiġu msaħħa billi jitwettqu kampanji ta' informazzjoni u ta' skambju tal-aħjar prattiki, inkluż permezz ta' pjattaformi onlajn u netwerks soċjali, li b'hekk jagħmluhom faċilment aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali;

34.  Jenfasizza li r-reviżjoni li jmiss tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) hija opportunità sabiex jiġu riveduti l-objettivi tal-SMRs fl-istess ħin, sabiex tissaħħaħ ir-rabta tagħhom mal-prijoritajiet tal-UE u jiġu kkonsolidati l-impenji finanzjarji assoċjati;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, bħala parti mir-reviżjoni li jmiss tar-regolamentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, proposti għall-promozzjoni ta' implimentazzjoni aħjar ta' SMRs;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rapport li jmiss dwar l-implimentazzjoni tal-SMRs li huwa dovut fl-2018, twettaq analiżi aktar bir-reqqa, inkluż b'mod partikolari dwar:

   (a) l-effettività ta' programmi transnazzjonali tal-ETC fl-għoti ta' impetu finanzjarju u strateġiku għall-SMR;
   (b) indikaturi li jistgħu jiġu integrati f'kull SMR sabiex jiġu permessi orjentazzjoni lejn ir-riżultati, monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar;
   (c) miżuri li jsaħħu r-rabta mal-prijoritajiet tal-UE;
   (d) is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni u l-integrazzjoni ta' skemi ta' finanzjament;
   (e) il-kwalità tal-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-SMRs;

37.  Jenfasizza li sejħa biex jiġu żviluppati strateġiji ġodda pereżempju għar-reġjuni tal-Karpazji, l-Atlantiku, il-Mediterran jew dak Iberiku m'għandhiex tiddevja l-attenzjoni mill-objettiv primarju ta' implimentazzjoni mtejba u iktar profonda tal-SMRs eżistenti;

38.  Jappoġġa l-prinċipju tat-"tliet ebda", għall-SMRs (l-ebda leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, l-ebda finanzjament ġdid tal-UE u l-ebda strutturi ġodda tal-UE); jissuġġerixxi, madankollu, li l-Kummissjoni tevalwa l-impatt ta' dawn "it-tliet ebda" fuq programmi taħt il-Fondi SIE fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha li jmiss dwar l-SMRs;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ territorjali b'rabta ma' attivitajiet ta' kooperazzjoni fuq bażi ta' każ b'każ, peress li l-SMRs huma mmirati lejn l-indirizzar ta' sfidi territorjali li jistgħu jiġu solvuti flimkien b'mod aktar effettiv; jenfasizza l-importanza li joħolqu sinerġiji u konverġenza bejn il-komponenti differenti tal-kooperazzjoni territorjali fil-programmi tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u l-makroreġjuni sabiex jissaħħaħ l-impatt ta' programmi transnazzjonali, jinġabru flimkien ir-riżorsi, jiġi ssimplifikat il-finanzjament tal-SMRs u jittejbu l-eżitu tal-implimentazzjoni tagħhom u l-effiċjenza tar-riżorsi investiti;

40.  Itenni l-impenn tal-UE lejn l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; jenfasizza l-importanza li jiġu allinjati l-objettivi tal-SMRs mal-inizjattivi ewlenin, bħall-Unjoni tal-Enerġija, il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u t-tkabbir blu f'makroreġjuni tal-baħar; jiġbed l-attenzjoni għall-ġestjoni tar-riskji ambjentali, bħalma huma l-konservazzjoni tan-natura, il-bijodiversità, u l-istokkijiet tas-sajd u l-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli u t-turiżmu ambjentali; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, l-użu ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (S3), it-tisħiħ tal-SMEs u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

41.  Jenfasizza li l-Parlament mill-bidu nett appoġġja l-makroreġjuni permezz ta' proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji; jindika, barra minn hekk, l-esperjenza miksuba mir-reġjun tal-Baħar Baltiku li turi li l-ħsieb fuq perjodu twil għandu jibqa' s-sies tal-kooperazzjoni makroreġjonali;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tistieden lill-Parlament jieħu sehem bħala osservatur fil-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Strateġiji Makroreġjonali;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fl-SMR.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(4) ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 30.
(5) ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 1.
(6) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 122.
(7) ĠU C 355, 20.10.2017, p. 23.
(8) Testi adottati, P8_TA(2016)0336.
(9)1 Schmitt et al (2009), "EU macro-regions and macro-regional strategies – A scoping study" (Makroreġjuni u strateġiji makroreġjonali tal-UE – Studju dwar il-kamp ta' applikazzjoni), dokument ta' ħidma elettroniku 2009:4.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Settembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza