Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2086(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0403/2017

Testi mressqa :

A8-0403/2017

Dibattiti :

PV 15/01/2018 - 18
CRE 15/01/2018 - 18

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2018 - 5.5
CRE 16/01/2018 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0005

Testi adottati
PDF 320kWORD 62k
It-Tlieta, 16 ta' Jannar 2018 - Strasburgu
In-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika
P8_TA(2018)0005A8-0403/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2018 dwar in-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja klimatika (2017/2086(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem adottata fl-10 ta' Diċembru 1948 u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-1995 u Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati fir-Raba' Konferenza Dinjija, b'mod partikolari l-qasam ta' tħassib kritiku K (In-Nisa u l-Ambjent),

–   wara li kkunsidra l-programm "Demographic Exploration for Climate Adaptation" (DECA) żviluppat mill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Popolazzjoni (UNFPA), li jgħaqqad flimkien id-data dwar il-popolazzjoni mal-ġeografija ta' riskji klimatiċi, u jipprovdi għodda ta' politika li tippermetti li jitnaqqsu r-riskji ta' diżastri,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD), li daħlet fis-seħħ f'Diċembru 1996, u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali tagħha,

–  wara li kkunsidra t-18-il Konferenza tal-Partijiet (COP 18) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li saret f'Doha, il-Qatar, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2012 (deċiżjoni 23/CP.18),

–  wara li kkunsidra l-20 Konferenza tal-Partijiet (COP 20) għall-UNFCCC li saret f'Lima, il-Perù, mill-1 sat-12 ta' Diċembru 2014, u b'mod partikolari l-Programm ta' Ħidma ta' Lima dwar il-Ġeneri (deċiżjoni 18/CP.20),

–  wara li kkunsidra l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-UNFCCC li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Pariġi,

–  wara li kkunsidra t-22 Konferenza tal-Partijiet (COP 22) għall-UNFCCC li saret f'Marrakech, il-Marokk, mis-7 sat-18 ta' Novembru 2016, u d-deċiżjoni tagħha dwar il-ġeneri u t-tibdil fil-klima li testendi l-Programm ta' Ħidma ta' Lima 2014 dwar il-Ġeneri (deċiżjoni 21/CP.22),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata f'Settembru 2015 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016 u, b'mod partikolari, l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) 1, 4, 5 u 13 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 35/20 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tat-22 ta' Ġunju 2017 dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-tibdil fil-klima,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(2) u 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2012 dwar l-"Ugwaljanza tal-Ġeneri u l-ambjent: teħid ta' deċiżjonijiet, kwalifiki u kompetittività mtejba fil-qasam tal-politika dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-UE",

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 tal-UE, adottat mill-Kunsill fis-26 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2014 – COP 20 f'Lima, il-Perù (1-12 ta’ Diċembru 2014)(1);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi"(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar in-nisa u t-tibdil fil-klima(3),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' teħid ta' pożizzjoni dwar il-ftehim il-ġdid dwar il-klima tal-2015, ippubblikat fl-1 ta' Ġunju 2015 mill-organizzazzjoni Women and Gender Constituency (Grupp dwar in-Nisa u l-Ġeneri)(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat mill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) tas-26 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Gender in environment and climate change" (kwistjonijiet ta' ġeneri fil-kuntest ambjentali u dak tat-tibdil fil-klima)(5),

–  wara li kkunsidra l-Patt ta' Ġinevra għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Azzjoni Klimatika,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0403/2017),

A.  billi t-tibdil fil-klima qed iseħħ madwar id-dinja, iżda għandu impatt iktar distruttiv fuq il-pajjiżi u l-komunitajiet li huma l-inqas responsabbli għat-tisħin globali; billi l-impatti huma akbar fuq dawk il-popolazzjonijiet l-aktar dipendenti fuq riżorsi naturali għall-għajxien tagħhom u/jew li għandhom l-inqas kapaċità biex jirrispondu għal perikli naturali, bħal nixfiet, uqigħ tal-art, għargħar u uragani; billi dawk li għandhom inqas riżorsi finanzjarji biex jadattaw se jkunu l-aktar milquta u se jbatu l-aktar mill-impatti tat-tibdil fil-klima;

B.  billi in-nisa u l-irġiel se jħossu l-impatti tat-tibdil fil-klima b'mod differenti; billi n-nisa huma aktar vulnerabbli u jiffaċċaw riskji u piżijiet ikbar għal diversi raġunijiet, li jvarjaw minn aċċess mhux ugwali għar-riżorsi, l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' impjieg u d-drittijiet fuq art, għal normi soċjali u kulturali u l-esperjenzi intersezzjonali diversi tagħhom;

C.  billi n-nisa huma partikularment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u jħossu l-effetti tiegħu b'mod sproporzjonat minħabba r-rwoli soċjali tagħhom, bħal pereżempju r-rwol li jipprovdu ilma, ikel u materjal kombustibbli lill-familja u rwol li jieħdu ħsieb ħaddieħor; billi, fuq livell dinji, in-nisa huma responsabbli għal aktar minn 70 % tax-xogħol domestiku li jinvolvi l-użu ta' ilma u l-ġestjoni tal-ilma; billi fir-reġjuni l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima, 70 % tan-nisa kollha jaħdmu fis-settur agrikolu, iżda rarament jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-politiki dwar il-klima;

D.  billi n-NU tistma li 781 miljun persuna ta' 15-il sena jew aktar, li kważi żewġ terzi minnhom huma nisa, jibqgħu illitterati(6) filwaqt li l-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni permezz ta' kanali xierqa ta' komunikazzjoni huwa essenzjali għall-iżgurar tal-awtonomija tan-nisa, speċjalment waqt diżastri;

E.  billi fis-settur agrikolu fl-Afrika, in-nisa jipproduċu madwar 90 % tal-ikel bażiku u fl-istess ħin huma proprjetarji ta' madwar 1 % tal-art li tinħarat;

F.  billi l-katastrofi għandhom impatt maġġuri fuq l-edukazzjoni, is-saħħa, il-faqar strutturali u l-ispostament tal-popolazzjonijiet;

G.  billi n-NU tistma li 70 % tal-1,3 biljun persuna li jgħixu fil-faqar fid-dinja huma nisa; billi l-foqra aktar spiss jgħixu f'żoni marġinali li huma vulnerabbli għall-għargħar, l-għoli tal-livelli tal-baħar u t-tempesti; billi n-nisa u t-tfal huma 14-il darba iktar probabbli li jmutu waqt diżastri naturali;

H.  billi l-impatti tat-tibdil fil-klima jaggravaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi fir-rigward tad-diskriminazzjoni, it-theddidiet għas-saħħa, it-telf ta' qligħ tal-għajxien, l-ispostament, il-migrazzjoni, il-faqar, it-traffikar tal-bnedmin, il-vjolenza, l-isfruttament sesswali, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u l-aċċess għall-infrastruttura u s-servizzi essenzjali; billi teżisti ħtieġa ta' approċċ sensittiv għal kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, li jorbot l-analiżi tal-impatti tal-klima ma' riflessjoni kritika dwar ix-xejriet tal-konsum u l-impatt tagħhom fuq it-tibdil fil-klima;

I.  billi l-parteċipazzjoni inugwali tan-nisa fil-proċessi deċiżjonali u fis-swieq tax-xogħol tkompli tkabbar l-inugwaljanzi u sikwit iżżomm lin-nisa milli jikkontribwixxu u jipparteċipaw b'mod sħiħ fit-tfassil, l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politika klimatika; billi n-nisa mhumiex biss vittmi iżda aġenti effikaċi ta' bidla fl-iżvilupp ta' strateġiji ta' mitigazzjoni u ta' adattament fi ħdan il-komunitajiet tagħhom u fil-pożizzjonijiet deċiżjonali u għandhom jingħataw is-setgħa li jagħmlu dan;

J.  billi l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing (BPfA) tal-1995 definit b'mod ċar ir-rabta bejn il-ġeneru, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, u affermat li n-nisa għandhom rwol strateġiku x'jaqdu fl-iżvilupp ta' xejriet ta' konsum u produzzjoni sostenibbli u li jirrispettaw l-ambjent, inkluża l-ħtieġa li n-nisa jipparteċipaw fuq bażi ugwali fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-ambjent fil-livelli kollha;

K.  billi l-Artikolu 5 tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali tal-UNCCD jirrikonoxxi r-rwol tan-nisa fil-komunitajiet rurali u fir-reġjuni l-aktar milquta mid-deżertifikazzjoni u n-nixfa, u jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ugwali kemm mill-irġiel u n-nisa fil-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u l-effetti tan-nixfa;

L.  billi l-ksib tal-bilanċ tal-ġeneru u tal-parteċipazzjoni konkreta tan-nisa f'kull proċess fl-aħħar mill-aħħar jiddependi fuq il-korrezzjoni tal-bażijiet strutturali tad-disparità bejn is-sessi;

M.  billi l-Partijiet għall-UNFCCC iddeċidew fil-COP 18 (Deċiżjoni 23/CP.18) li jadottaw l-għan li jiksbu bilanċ tal-ġeneru fil-korpi stabbiliti skont il-Konvenzjoni u l-Protokoll ta' Kjoto sabiex itejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa, jiżguraw politika aktar effikaċi dwar it-tibdil fil-klima li tindirizza l-bżonnijiet tan-nisa u l-irġiel bl-istess mod u jirreġistraw il-progress magħmul fil-kuntest tal-għan ta' bilanċ tal-ġeneru fit-tfassil ta' politika dwar il-klima sensittiva għall-kwistjonijiet tal-ġeneru;

N.  billi n-nisa għadhom m'humiex rappreżentati biżżejjed fil-korpi deċiżjonali dwar it-tibdil fil-klima fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE, iżda mhux fid-DĠ rilevanti tal-Kummissjoni, bħal pereżempju d-DĠ Azzjoni Klimatika u d-DĠ Enerġija, fejn 40 % tal-pożizzjonijiet huma okkupati minn nisa;

O.  billi l-Programm ta' Ħidma ta' Lima dwar il-Ġeneru, adottat fil-COP 20 (Deċiżjoni 18/CP.20), jappella lil-Partijiet biex jiffavorixxu l-bilanċ tal-ġeneru fir-rappreżentanza tagħhom u jippromwovu s-sensittività għall-kwistjonijiet tal-ġeneru fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika dwar it-tibdil fil-klima; billi l-Partijiet huma inkuraġġiti jappoġġjaw it-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni għad-delegati nisa u rġiel dwar kwistjonijiet marbuta mal-bilanċ tal-ġeneru u t-tibdil fil-klima;

P.  billi l-Ftehim ta' Pariġi (COP 21) jistabbilixxi li l-Partijiet għandhom jikkunsidraw l-obbligi rispettivi tagħhom fir-rigward, fost affarijiet oħra, tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi meta jieħdu azzjoni biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima fl-implimentazzjoni tagħhom tal-Ftehim;

Q.  billi l-mekkaniżmi għall-iffinanzjar ta' miżuri ta' adattament u mitigazzjoni, għat-telf u l-ħsara jew għall-ispostament minħabba l-klima jkunu aktar effiċjenti jekk jinkorporaw il-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fit-tfassil tal-proċessi, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni, inkluża l-parteċipazzjoni ta' nisa komuni; billi t-teħid ta' kont tal-għarfien tan-nisa, inkluż l-għarfien lokali u indiġenu jista' jwassal għal avvanzi fil-ġestjoni tad-diżastri, isaħħaħ il-bijodiversità, itejjeb il-ġestjoni tal-ilma, itejjeb is-sigurtà tal-ikel, jipprevjeni d-deżertifikazzjoni, jipproteġi l-foresti, jiżgura tranżizzjoni rapida għal teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli u jappoġġja s-saħħa pubblika;

R.  billi l-Partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi rrikonoxxew li t-tibdil fil-klima huwa tħassib komuni tal-bniedem; billi l-Partijiet għandhom, meta jieħdu azzjoni biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, iħarsu, jippromwovu u jikkunsidraw l-obbligi rispettivi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt għas-saħħa, id-drittijiet tal-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali, il-migranti, it-tfal, il-persuni b'diżabbiltajiet u l-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u d-dritt għall-iżvilupp, kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġenerazzjonijiet;

S.  billi l-ġustizzja klimatika torbot id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp, peress li tissalvagwardja d-drittijiet tal-aktar persuni vulnerabbli u tiżgura l-kondiviżjoni ekwa tal-piżijiet u l-benefiċċji tat-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu;

T.  billi l-SDGs jirrikonoxxu r-rabta bejn il-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-kisba tal-SDGs kollha, inkluż l-għan 13 dwar it-tibdil fil-klima, li jipprevedi l-possibbiltà li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-pożizzjoni soċjoekonomika iktar dgħajfa tan-nisa u b'hekk issaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom għat-tibdil fil-klima;

U.  billi sas-sena 2030, l-impatti tat-tibdil fil-klima f'reġjuni bħalma huma l-Afrika sub-Saħarjana u n-Nofsinhar tal-Asja jaf iwasslu 100 miljun persuna għall-faqar estrem u b'hekk ikebbsu l-kunflitti u l-ispostamenti; billi l-UNCCD tistma li sal-2045 135 miljun persuna jaf jiġu spostati minħabba d-deżertifikazzjoni; billi l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tal-NU tosserva fl-evalwazzjoni tagħha tal-evidenza li sal-2050 in-numru ta' nies spostati minħabba l-klima jista' jvarja bejn 25 miljun għal biljun, u l-istima l-aktar ċitata hija dik ta' 200 miljun;

V.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġustizzja soċjali u d-dritt għall-iżvilupp huma inerenti fil-kunċett tal-ġustizzja klimatika; billi, għalkemm l-effetti avversi tal-bidla fil-klima qed jinħassu mis-soċjetà kollha kemm hi, huma b'mod partikolari n-nisa li huma l-aktar milquta severament mill-ispostament minħabba l-klima;

W.  billi t-tibdil fil-klima jżid il-kobor u l-frekwenza tad-diżastri naturali, li jistgħu jirriżultaw f'telf ta' proprjetà, telf ekonomiku ta' attivitajiet li jiġġeneraw id-dħul, telf tal-aċċess għal servizzi tas-saħħa vitali, u riskju akbar ta' vjolenza sessista; billi l-kapaċità tan-nisa biex jaffaċċjaw l-effetti ta' diżastri naturali ta' spiss tiġi mxekkla mill-inugwaljanzi prevalenti; billi t-tibdil fil-klima jista' jaggrava dawn l-inugwaljanzi, joħloq aktar vulnerabbiltajiet u spostamenti;

X.  billi ħafna minn dawn l-impatti għad jistgħu jiġu impediti permezz tal-implimentazzjoni ta' agenda tal-iżvilupp rapida, inklużiva u sensittiva għall-kwistjonijiet tal-ġeneri ffukata fuq il-mitigazzjoni u l-adattament għall-kundizzjonijiet klimatiċi li qed jinbidlu;

Y.  billi l-impatti tat-tibdil fil-klima se jwasslu għal aktar spostament ta' nies li ma jikkorrispondix għall-parametri tal-oqfsa internazzjonali attwali; billi l-indirizzar tal-ispostament minħabba l-klima se jkun sfida ta' importanza kardinali li teħtieġ strateġija globali kumplessa u komprensiva bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

Z.  billi l-adozzjoni fl-2017 mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-dokument "Key Messages on Human Rights and Climate Change" (Messaġġi Ewlenin dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u t-Tibdil fil-Klima) huwa pass sinifikanti 'l quddiem fl-indirizzar tal-impatt avvers fuq l-eżerċizzju sħiħ u effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli kif ukoll il-Ftehim ta' Pariġi jagħtu lill-mexxejja tad-dinja bażi normattiva transverali għall-iżvilupp ta' qafas li jista' jindirizza l-ispostament minħabba l-klima b'mod effikaċi billi jibni fuq l-istrumenti eżistenti tan-NU;

AA.  billi l-UE għandha qafas legali ċar li jirrikjedilha li tirrispetta u tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tagħha; billi l-politika klimatika tal-UE jista' jkollha impatt sinifikanti fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta' politiki klimatiċi sensittivi għall-kwistjonijiet tal-ġeneru fil-livell dinji;

AB.  billi l-UE, f'konformità mas-setgħat mogħtija mit-Trattati, tista' ttejjeb b'mod effikaċi l-oqsfa legali u ta' politika biex tappoġġja l-ġustizzja klimatika u tipparteċipa b'mod attiv fl-iżvilupp ta' qafas internazzjonali li jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem ta' persuni spostati minħabba l-klima; jinnota li l-UE u l-Istati Membri ħadu l-impenn li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru fil-Patt globali għal migrazzjoni sikura, ordnata u regolari futura;

AC.  billi l-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati ma tinkludix il-kategorija ta' "rifuġjat minħabba l-klima";

1.  Jirrikonoxxi li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni tal-isfidi klimatiċi; jenfasizza li n-nisa mhumiex biss vittmi, iżda wkoll aġenti setgħana ta' bidla li, abbażi tal-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom, jistgħu jifformulaw u jwettqu strateġiji u/jew soluzzjonijiet klimatiċi effiċjenti fir-rigward tal-adattament u l-mitigazzjoni u jistgħu jibnu r-reżiljenza għall-klima fuq il-bażi tad-diversi oqsma ta' esperjenza u għarfien prattiku tagħhom f'firxa ta' setturi li tinkludi l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-infrastrutturi tal-enerġija u l-bliet sostenibbli;

2.  Jinnota li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol f'żoni rurali tinkludi firxa wiesa' ta' impjiegi li tmur lil hinn mill-agrikoltura konvenzjonali, u jenfasizza f'dan ir-rigward li n-nisa fiż-żoni rurali jistgħu jkunu aġenti tal-bidla fil-mixja lejn agrikoltura sostenibbli u ekoloġikament soda u jista' jkollhom rwol importanti fil-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta programmi li permezz tagħhom it-trasferiment ta' teknoloġiji moderni u kompetenzi jkun jista' jgħin komunitajiet u reġjuni fil-fażi ta' żvilupp biex jadattaw għat-tibdil fil-klima filwaqt li tikkollabora man-nisa, li jirrappreżentaw 70 % tal-forza tax-xogħol agrikola f'pajjiżi suxxettibbli għad-diżastri;

4.  Huwa konvint li t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali huwa essenzjali fir-rigward tal-aċċess għall-art, kreditu u metodi sostenibbli ta' biedja għall-bini tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima, inkluż il-protezzjoni tal-ekosistemi, ir-riżorsi tal-ilma u l-fertilità tal-ħamrija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħarsu dawn l-aspetti fil-politiki ta' żvilupp tagħhom, inkluż permezz ta' pjanijiet ta' investiment pubbliku u billi japprovaw investimenti privati responsabbli li jużaw oqfsa bħall-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Patt Globali tan-NU u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UNCTAD għall-Investiment fl-SDGs;

5.  Jirrikonoxxi li n-nisa u l-bniet huma l-aħjar sorsi ta' għarfien taċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet tagħhom stess u għalhekk għandu jiġi kkonsultat f'kull kwistjoni marbuta magħhom; jirrikonoxxi li skont l-EIGE, statistikament, in-nisa huma aktar ikkonċernati dwar it-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi li n-nisa, bħala innovaturi, mexxejja, organizzaturi, edukaturi u persuni li jipprovdu kura, sabu tul sekli soluzzjonijiet f'sitwazzjonijiet diffiċli biex jipprovdu u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-familji tagħhom, u għandhom potenzjal kbir biex ikunu innovaturi għall-ġejjieni wkoll;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-impatti soċjali u ambjentali fil-politiki tagħha fil-qasam kummerċjali u dak tal-iżvilupp barrani, inkluż l-impatt tal-azzjonijiet tagħha fuq in-nisa; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinsisti dwar l-istatus vinkolanti għan-normi soċjali u ambjentali fil-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali li qed tinnegozja;

7.  Jirrikonoxxi li l-politiki ta' żvilupp fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-għoti tas-setgħa, flimkien mal-politika ambjentali, huma fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli u biex finalment tiġi solvuta l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi li l-modi ta' kif dawn il-politiki huma inkorporati fl-indirizzar ta' xejriet dejjem jikbru bħall-urbanizzazzjoni se jħallu impatt kbir fuq it-tibdil fil-klima;

8.  Jirrimarka li l-SDG 13 ("Teħid ta' azzjoni urġenti għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu") tindirizza l-parteċipazzjoni tan-nisa f'azzjonijiet klimatiċi b'objettiv (13b) li jiddikjara hekk: "Il-promozzjoni ta' mekkaniżmi biex tiżdied il-kapaċità ta' ppjanar u ġestjoni effikaċi marbuta mat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi l-anqas żviluppati, anki b'enfasi fuq in-nisa, iż-żgħażagħ u l-komunitajiet lokali u emarġinati";

9.  Jiddispjaċih li l-kontributi kollha għal ħidma tal-ġeneru mill-Partijiet fi ħdan l-UNFCCC huma volontarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtennu appoġġ għall-iżvilupp, l-adozzjoni u l-finanzjament tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (GAP) tal-UNFCCC, ikkumplimentat minn programm ta' ħidma komprensiv u pluriennali li jinkludi finanzjament, oqsma ta' azzjoni prijoritarji, skedi, indikaturi ewlenin tal-kisbiet, definizzjoni tal-atturi responsabbli u mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' rieżami;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jmexxu bl-eżempju u jadottaw il-miri u l-iskedi ta' żmien biex jintlaħaq l-għan ta' bilanċ tal-ġeneru f'delegazzjonijiet għall-UNFCCC;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu miżuri speċjali temporanji biex jippromwovu l-għan ta' bilanċ tal-ġeneru f'korpi formali u informali stabbiliti skont il-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kjoto;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw, f'konformità mal-impenji tal-UE immirati lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-bniedem, li Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs) sussegwenti tal-UE jinkludu rappurtar konsistenti dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jaderixxu mad-deċiżjoni 21/CP.22 dwar il-ġeneri u t-tibdil fil-klima, li "Tistieden lill-Partijiet jaħtru u jipprovdu appoġġ għal punt fokali nazzjonali tal-ġeneru għan-negozjati, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' kwistjonijiet relatati mal-klima" u jipprovdu appoġġ għal punti fokali tal-ġeneru f'pajjiżi terzi u/jew pajjiżi sħab;

14.  Jirrikonoxxi li n-nisa mhux biss iwettqu l-parti l-kbira tax-xogħol domestiku u ta' kura bla ħlas, iżda jagħmlu wkoll il-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet ta' konsum ta' kuljum, u għalhekk, jekk jiġu pprovduti b'informazzjoni preċiża u għażliet, jista' jkollhom impatt fuq is-sostenibbiltà permezz tal-għażliet tagħhom; jinnota li, pereżempju, ir-riċerka wriet li meta jagħżlu prodotti tal-ikel lokali il-konsumaturi jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta' gassijiet serra b'sa 5 %;

15.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Durban (COP17)(7) u l-impenn li ttieħed fiha biex "tistinka għal rappreżentanza tan-nisa ta' mill-anqas 40% fil-korpi kollha rilevanti" għall-finanzjament fir-rigward tal-klima;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jadottaw approċċ sensittiv għall-kwistjonijiet tal-ġeneru u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-ħidma tat-Task Force ta' Varsavja dwar l-Ispostament, inkarigat mill-UNFCCC (COP 22) biex jiżviluppa rakkomandazzjonijiet għal approċċi integrati għall-prevenzjoni, l-imminimizzar u l-indirizzar tal-ispostament relatat mal-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima, u li jirrikonoxxi li n-nisa u l-bniet jappartjenu għall-iktar gruppi vulnerabbli milquta mill-ispostament klimatiku u għalhekk huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar u l-vjolenza sessista;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tintegra t-tibdil fil-klima fil-programmi ta' żvilupp kollha fil-livelli kollha; jappella, barra minn hekk, għall-parteċipazzjoni akbar tan-nisa rurali u indiġeni fil-proċessi deċiżjonali, l-ippjanar u l-implimentazzjoni, u fit-tfassil ta' politiki u programmi ta' żvilupp dwar il-bidla fil-klima;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex jiżguraw approċċ sensittiv għall-kwistjonijiet tal-ġeneru fil-ħidma tagħhom fl-ambitu tal-Pjattaforma dwar l-Ispostament minħabba Diżastri (l-Inizjattiva Nansen) u l-"Aġenda għall-protezzjoni ta' persuni spostati transkonfinalment fil-kuntest ta' diżastri u tat-tibdil fil-klima" tagħha;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw indikaturi u jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru fl-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' politiki, programmi u proġetti fil-qasam tat-tibdil fil-klima, bl-użu ta' għodod bħal analiżi tal-ġeneru, valutazzjonijiet tal-impatt tal-ġeneru, l-ibbaġitjar tal-ġeneru u l-Indiċi għall-Ambjent u l-Ġeneru (EGI), inkluż permezz ta' tisħiħ tal-EIGE;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkontribwixxu għall-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari, bil-għan li tiġi salvagwardjata l-ġustizzja klimatika, permezz tar-rikonoxximent tat-tibdil fil-klima bħala xprun ta' migrazzjoni, li jingħata kontribut ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u li tiġi integrata l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Patt kollu, b'mod konformi mal-bżonnijiet ta' persuni spostati minħabba l-klima;

21.  Ifakkar l-Impenn fundamentali 4 tal-impenji tal-UE għas-Summit Umanitarju Dinji, jiġifieri li jiġi żgurat li programmazzjoni umanitarja hija sensittiva għall-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dan l-impenn huwa rifless fl-implimentazzjoni il-programm tal-ECHO għat-Tħejjija għal Diżastri (DIPECHO) u tal-Pjan ta' Azzjoni għar-Reżiljenza fil-Pajjiżi Suxxettibbli għal Kriżijiet (2013-2020) u l-Marker tar-Reżiljenza;

22.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sessista fuq in-nisa spostati u migranti; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lin-nisa u l-bniet migranti li jkunu sfaw vittmi ta' vjolenza matul il-vjaġġ tagħhom, billi jiġi żgurat li jkollhom aċċess għal servizzi mediċi u psikoloġiċi;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmiraw il-programmi rilevanti fuq iż-żoni affettwati minn diżastri, jintensifikaw l-isforzi biex titwassal għajnuna lil dawk ir-reġjuni, u jieħdu azzjoni biex isolvu l-problemi kkaġunati minn diżastri hemmhekk, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tan-nisa u t-tfal, li jbatu l-iżjed mill-konsegwenzi ta' diżastri;

24.  Jistieden lill-partijiet interessati kollha jinkoraġġixxu t-tisħiħ tas-setgħa u s-sensibilizzazzjoni tan-nisa billi jtejbu l-għarfien tagħhom dwar protezzjoni qabel, waqt u wara d-diżastri relatati mal-klima, kif ukoll jinvolvuhom b'mod attiv fil-previżjoni ta' diżastri, is-sistemi ta' twissija bikrija u l-prevenzjoni tar-riskji, peress li dan huwa parti importanti tar-rwol tagħhom fil-bini tar-reżiljenza f'każ ta' diżastru;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq il-post, biex jappoġġaw, isaħħu u jimplimentaw mekkaniżmi ta' monitoraġġ f'ċentri ta' akkoljenza għall-persuni spostati u migranti li m'għandhomx il-kundizzjonijiet minimi meħtieġa biex jimpedixxu l-vjolenza sessista, bl-għan li jitwaqfu t-tipi kollha ta' intimidazzjoni fuq in-nisa u l-bniet;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni, biex taħdem flimkien mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem sabiex tiżgura li d-drittijiet tal-bniedem tar-refuġjati u l-persuni spostati fiċ-ċentri ta' akkoljenza jkunu rispettati, b'mod partikolari fir-rigward ta' nisa u bniet vulnerabbli;

27.  Jirrikonoxxi l-possibbiltajiet għall-integrazzjoni tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-objettivi tal-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, b'mod partikolari f'pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw fil-kuntest ta' proġetti u mekkaniżmi rilevanti, bħall-programm tan-NU dwar it-Tnaqqis ta' Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni (UN-REDD), kif in-nisa jistgħu jiġu offruti opportunitajiet ta' xogħol bi ħlas biex iwettqu servizzi ambjentali li huma attwalment qed jipprovdu fuq bażi volontarja, pereżempju it-tisġir mill-ġdid, it-tisġir ta' art agrikola u l-konservazzjoni ta' riżorsi naturali;

28.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri, bil-ħsieb li jkomplu javvanzaw ir-rappreżentanza tan-nisa fin-negozjati tal-UNFCCC, biex jipprovdu finanzjament għat-taħriġ u l-parteċipazzjoni tad-delegati nisa; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita u tappoġġja n-networking tal-organizzazzjonijiet tan-nisa u attivitajiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki dwar it-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-nisa jipparteċipaw b'mod ugwali fil-konsultazzjonijiet, programmi u finanzjamenti kollha fil-qasam tal-tibdil fil-klima organizzati bl-appoġġ tal-UE fil-livelli nazzjonali u lokali, u li jibbenefikaw minnhom;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u d-DĠ responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi, l-iżvilupp, l-enerġija u l-klima rispettivament biex jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod strutturat u sistematiku fil-politiki tagħhom dwar it-tibdil fil-klima u dwar l-enerġija għall-UE, u ma jiffukawx biss fuq id-dimensjoni esterna; iħeġġeġ, b'mod partikolari lid-DĠ għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi (JUST) u d-DĠ għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO) iżidu s-sensibilizzazzjoni tagħhom tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa (GEWE) u x-xogħol fuq il-GEWE minħabba li din it-tema hija relatata mal-ġustizzja klimatika; jenfasizza l-bżonn li d-DĠ għall-Azzjoni Klimatika (CLIMA) jalloka riżorsi sabiex timtela l-kariga ta' punt fokali tal-ġeneru (GFP); jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżviluppaw il-prinċipju tal-"ġustizzja klimatika"; jinsisti li l-akbar inġustizzja fil-falliment tagħna li nittrattaw b'mod effikaċi t-tibdil fil-klima tkun l-effetti negattivi fuq il-pajjiżi l-foqra u fuq il-popolazzjonijiet, u b'mod partikolari fuq in-nisa;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrapportaw dwar l-impatti fuq il-ġeneru u fuq id-drittijiet tal-bniedem u dwar l-azzjoni klimatika fir-rapporti ta' Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

31.  Jinnota li l-impenji finanzjarji tal-UE għall-GEWE żdiedu, iżda l-kapaċità tar-riżorsi umani għall-ġestjoni ta' volum tax-xogħol li dejjem jikber ma żdiditx; jenfasizza li l-UE teħtieġ li turi l-impenn istituzzjonali qawwi lejn il-GEWE fir-rigward tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari kif stabbilit fil-politiki ġenerali li jirregolaw il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, jiġifieri l-SDGs u l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (GAP) tal-UE;

32.  Jiddispjaċih li l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tibdil fil-klima ma jikkostitwixxux qasam ta' prijorità fil-GAP II tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa; Jirrimarka li l-indikaturi sensittivi għall-ġeneri ma ġewx żviluppati jew integrati b'mod adegwat fir-rappurtar tar-riżultati, u li l-obbligu ta' rendikont intern u l-finanzjament għar-riżultati GEWE baqgħu dgħajfa; jinnota li l-inqas li sar progress kien fuq l-objettiv 20 tal-GAP II tal-UE, dwar drittijiet ugwali li jgawdu minnhom in-nisa biex jipparteċipaw fil-proċessi deċiżjonali dwar kwistjonijiet klimatiċi u ambjentali u jinfluwenzawhom, u jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi biex timplimenta dan l-objettiv; ifakkar li l-GAP II tal-UE ressaq aġenda tal-politika barranija tal-UE b'erba' pilastri tematiċi, inkluż il-pilastru orizzontali dwar iċ-ċaqliq tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-kultura istituzzjonali tas-SEAE għal twettiq aktar effikaċi tal-impenji tal-UE, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa;

33.  Jirrikonoxxi li t-titjib tal-gwida teknika mhux se jkun biżżejjed waħdu biex jittrasforma l-effikaċja tal-UE fuq il-GEWE;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva li tipproduċi komunikazzjoni komprensiva bit-titolu "L-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tibdil fil-klima – nibnu reżiljenza u nippromwovu l-ġustizzja klimatika fl-istrateġiji ta' mitigazzjoni u adattament", bil-ħsieb li jiġi indirizzat l-impenn istituzzjonali qawwi tagħha lejn l-GEWE u d-dgħufijiet attwali fil-koordinazzjoni istituzzjonali;

35.  Jistieden lill-kumitati parlamentari tiegħu jsaħħu l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi meta jaħdmu fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom dwar il-kwistjonijiet trasversali tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem;

36.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-finanzjament kemm għall-adattament għat-tibdil fil-klima kif ukoll għall-mitigazzjoni tal-effetti tiegħu, ikun sensittiv għal kwistjonijiet relatati mal-ġeneru; jilqa' l-progress reċenti li sar fir-rigward tal-politika tal-ġeneru fil-qasam tal-mekkaniżmi ta' finanzjament multilaterali; jilqa', barra minn hekk, l-inizjattivi tas-settur privat li għandhom l-għan li jsaħħu r-responsabbiltà soċjali korporattiva billi jintroduċu premju għal proġetti li jissodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà, inkluż billi jippromwovu opportunitajiet edukattivi u ta' għajxien għan-nisa; jinnota, madankollu, li skont il-Programm ta' Żvilupp tan-NU (UNDP), huwa biss 0,01 % tal-finanzjament kollu madwar id-dinja li jappoġġa proġetti li jindirizzaw it-tibdil fil-klima u d-drittijiet tan-nisa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-programmi tagħhom dwar it-tibdil fil-klima jkunu konformi mal-ogħla standards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u ma jimminawx l-ugwaljanza bejn is-sessi;

37.  Iqis li t-tliet mekkaniżmi finanzjarji taħt il-UNFCCC – il-Fond Ekoloġiku għall-Klima (GCF), il-Fond għall-Ambjent Dinji (GEF) u l-Fond ta' Adattament (AF) – għandhom jiżblokkaw finanzjament addizzjonali għal politika ta' investiment għall-klima li tkun aktar sensittiva għal kwistjonijiet relatati mal-ġeneru;

38.  Iħeġġeġ lill-UE, b'mod partikolari, biex tissoġġetta l-għajnuna għall-iżvilupp għall-inklużjoni ta' kriterji bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem, u biex tistabbilixxi kriterji ġodda għall-politika dwar it-tibdil fil-klima li jkunu sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru;

39.  Jappella għal azzjoni li tkun sensittiva għal kwistjonijiet relatati mal-ġeneru biex jiġi żgurat li n-nisa jitqiesu mhux biss bħala benefiċjarji tal-azzjoni klimatika, iżda wkoll bħala intraprendituri ta' teknoloġija ta' enerġija nadifa; jilqa' s-sejħa tal-Kummissjoni għal proposti dwar in-nisa u l-enerġija sostenibbli, li għamlet EUR 20 miljun disponibbli għall-implimentazzjoni ta' attivitajiet li jippromwovu l-intraprenditorija tan-nisa fis-settur tal-enerġija sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid dan l-ammont fil-ġejjieni;

40.  Jappella għal taħriġ li jkun iffokat fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-uffiċjali tal-UE, speċjalment għal dawk li huma responsabbli għall-politiki dwar l-iżvilupp u l-klima;

41.  Jirrikjedi li l-ispostament minħabba l-klima jittieħed bis-serjetà; jinsab dispost jidħol f'dibattitu li joħloq dispożizzjoni dwar il-"migrazzjoni klimatika"; jitlob li jitwaqqaf grupp ta' esperti biex jeżamina l-kwistjoni f'livell internazzjonali u jħeġġeġ li l-problema tal-migrazzjoni klimatika titniżżel fl-aġenda internazzjonali; jitlob kooperazzjoni internazzjonali msaħħa ħalli tkun żgurata r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima;

42.  Jilqa' pożittivament l-Inizjattivi Programmatiċi Emblematiċi tan-Nisa tan-NU u l-proġetti u l-programmi tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima li joħolqu rabta trasversali bejn il-ġeneru u t-tibdil fil-klima;

43.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rappreżentat Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ambjent u tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'dan il-qasam u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsostnu dawn l-isforzi, anki permezz tal-assistenza finanzjarja.

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 289, 9.8.2016, p. 27.
(2) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 67.
(3) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 91.
(4) http://womengenderclimate.org/wp-content/uploads/2015/06/WGC_FINAL_1June.pdf
(5) http://eige.europa.eu/rdc/eige-publications/gender-environment-and-climate-change
(6) In-Nazzjonijiet Uniti, "The World's Women 2015" (In-Nisa tad-Dinja 2015), https://unstats.un.org/unsd/gender/chapter3/chapter3.html.
(7) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 83.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Novembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza