Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 2018 dwar il-ħatra proposta ta' Tony James Murphy bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri (C8-0402/2017 – 2017/0820(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0402/2017),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0002/2018),
A. billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
B. billi waqt il-laqgħa tiegħu tal-11 ta' Jannar 2018, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
1. Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Tony James Murphy bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
2. Jistieden lill-Istati Membri biex joqogħdu attenti, u jekk possibbli jieħdu ispirazzjoni mill-mudell ta’ kompetizzjoni miftuħa użat mill-Irlanda, meta jagħżlu l-persuni nnominati tagħhom;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.