Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2514(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0043/2018

Dibattiti :

PV 18/01/2018 - 4.2
CRE 18/01/2018 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 18/01/2018 - 6.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0014

Testi adottati
PDF 284kWORD 55k
Il-Ħamis, 18 ta' Jannar 2018 - Strasburgu
Il-każijiet tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, Wu Gan, Xie Yang, Lee Ming-che, Tashi Wangchuk u tar-raheb Tibetan Choekyi
P8_TA(2018)0014RC-B8-0043/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2018 dwar il-każijiet tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, Wu Gan, Xie Yang, Lee Ming-che, Tashi Wangchuk u tar-raheb Tibetan Choekyi (2018/2514(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dik tat-13 ta' Marzu 2014 dwar il-prijoritajiet tal-UE għall-25 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU(1), dik tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(2), dik tal-24 ta' Novembru 2016 dwar il-każ ta' Gui Minhai, pubblikatur inkarċerat fiċ-Ċina(3), dik tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti(4) u dik tas-6 ta' Lulju 2017 dwar il-każijiet tar-rebbieħ tal-Premju Nobel Liu Xiaobo u Lee Ming-che(5),

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika UE-Ċina, imnedija fl-2003, u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-22 ta' Ġunju 2016 intitolata "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina",

–  wara li kkunsidra s-Summit UE-Ċina, li sar fi Brussell fl-1 u t-2 ta' Ġunju 2017;

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni tal-Liġi l-ġdida dwar is-Sigurtà Nazzjonali mill-Kumitat Permanenti tal-Kungress Popolari Nazzjonali Ċiniż fl-1 ta' Lulju 2015, kif ukoll il-pubblikazzjoni tat-tieni abbozz ta' Liġi ġdida dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin fil-5 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 tagħha, li jiddefendi d-drittijiet tan-nazzjonalitajiet ta' minoranza,

–  wara li kkunsidra d-djalogu UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-35 sessjoni tiegħu, li saret Brussell fit-22 u t-23 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb lil Wei Jingsheng u lil Hu Jia fl-1996 u l-2008 rispettivament,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-27 ta' Diċembru 2017 dwar is-sentenzi mogħtija lil Wu Gan u Xie Yang fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, it-8 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fil-qalba tar-relazzjoni li ilha għaddejja bejn l-UE u ċ-Ċina, b'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn l-istess valuri fl-azzjoni esterna tagħha u mal-interess li wriet iċ-Ċina li tikkonforma magħhom fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

B.  billi, minn mindu l-President Xi Jinping wasal fil-poter, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kompliet tiddeterjora u l-gvern intensifika l-ostilità tiegħu lejn id-dissens paċifiku, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' reliġjon, u l-istat tad-dritt; billi l-awtoritajiet Ċiniżi arrestaw u tellgħu quddiem il-qrati mijiet ta' difensuri, avukati u ġurnalisti attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi, fis-26 ta' Diċembru 2017, qorti f'Tianjin ikkundannat lill-attivist Wu Gan għal tmien snin ħabs fuq akkużi ta' sovverżjoni fil-konfront tal-awtorità tal-Istat; billi Wu Gan għamel kampanji regolari dwar kwistjonijiet sensittivi relatati mal-abbuż ta' poter min-naħa tal-gvern, kemm online kif ukoll offline; billi skont l-avukat tiegħu, Wu Gan ċaħad ftehim mal-awtoritajiet li permezz tiegħu kien jingħata sentenza sospiża kieku ammetta l-ħtija tiegħu;

D.  billi, fl-istess ġurnata f'Hunan, l-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Xie Yang ġie kkundannat ukoll, iżda ġie eżentat minn pieni kriminali, wara li aktar kmieni ddikjara li kien ħati fil-konfront ta' akkużi ta' sovverżjoni; billi Wu Gan ġie arrestat xhur qabel waqt repressjoni mingħajr preċedent kontra l-avukati u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-2015 li rat mijiet ta' persuni, fosthom Xie Yang, interrogati jew arrestati fuq skala nazzjonali matul perjodu ta' ftit ġimgħat; billi jeżistu allegazzjonijiet li Xie Yang ġie ttorturat, imsawwat u mhedded minn dawk li interrogawh;

E.  billi, fit-28 ta' Novembru 2017, il-Qorti Intermedja ta' Yueyang ikkundannat lill-attivist tad-demokrazija Lee Ming-che għal ħames snin ħabs wara li sabitu ħati għal "sovverżjoni fil-konfront tal-awtorità tal-Istat" u neħħietlu d-drittijiet politiċi kollha fiċ-Ċina għal sentejn; billi aktarx il-konfessjoni pubblika ta' Lee Ming-che saret taħt pressjoni mill-awtoritajiet Ċiniżi; billi Lee Ming-che kien ġie rrapportat nieqes fid-19 ta' Marzu 2017, wara li qasam mill-Macao lejn Zhuhai fil-provinċja Ċiniża ta' Guangdong;

F.  billi Tashi Wangchuk, sid ta' ħanut u sostenitur tad-drittijiet tal-lingwa mit-Tibet, ġie arrestat fis-27 ta' Jannar 2016 wara li deher f'filmat tan-New York Times jippromwovi d-dritt tat-Tibetani li jitgħallmu u jistudjaw bi lsien twelidhom; billi, f'Marzu 2016, Tashi Wangchuk ġie akkużat b'"inċitament għal separatiżmu" u qed jiffaċċja sa 15-il sena ħabs, għalkemm qal espliċitament lill-gazzetta li ma kienx qed jappella għall-indipendenza tat-Tibet;

G.  billi, fl-2015, ir-raheb Tibetan Choekyi, mill-monasteru ta' Phurbu fil-kontea ta' Seda f'Sichuan, ġie mitfugħ il-ħabs talli ċċelebra għeluq snin id-Dalai Lama, il-mexxej spiritwali eżiljat; billi, wara li ġie akkużat, Choekyi għal żmien qasir inżamm f'ħabs fil-kontea ta' Kangding fil-prefettura ta' Ganzi u spiċċa biex intbagħat fil-ħabs ta' Mianyang f'Sichuan biex jiskonta piena ta' erba' snin; billi, skont sorsi tal-midja, Choekyi kien qed ibati minn problemi bil-kliewi, mis-suffejra u minn kwistjonijiet oħra marbuta mas-saħħa li marru għall-agħar minħabba d-detenzjoni tiegħu;

H.  billi l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem komplew jiffaċċjaw intimidazzjoni u priġunerija, bħal fil-każijiet tal-avukati prominenti Li Yuhan, li ilu miżmum f'iżolament sa minn Novembru 2017, u Wang Quanzhang, arrestat f'Lulju 2015, li ilu miżmum f'iżolament għal aktar minn 800 jum u li, skont ċerti rapporti, kien suġġett għal tortura; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma petizzjonanti u jivvjaġġaw lejn bliet kbar biex iqajmu kwistjonijiet lokali qed jiffaċċjaw detenzjoni u priġunerija, bħal Li Xiaoling, li ilu l-ħabs minn Ġunju 2017 filwaqt li għadu jsofri minn każ serju ta' glawkoma; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jipprovdu pjattaforma għall-petizzjonanti u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem, bħal Ding Lingjie, Liu Feiyue u Zhen Jianghua, ġew arrestati wkoll;

I.  billi l-Gvern Ċiniż għadda liġijiet ġodda, b'mod partikolari l-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Istat, il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, il-Liġi dwar iċ-Ċibersigurtà u l-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin, li jqisu l-attiviżmu pubbliku u l-kritika paċifika fil-konfront tal-gvern bħala theddid għas-sigurtà tal-Istat, isaħħu ċ-ċensura, is-sorveljanza u l-kontroll tal-individwi u tal-gruppi soċjali u jiskoraġġixxu lill-individwi milli jagħmlu kampanji favur id-drittijiet tal-bniedem;

J.  billi, fil-Qafas Strateġiku u Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, il-Kunsill iwiegħed li l-UE se tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u "d-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tagħha mingħajr eċċezzjoni" u se "tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha";

1.  Jibqa' ferm imħasseb dwar l-approċċ tal-Gvern Ċiniż lejn id-difensuri, l-attivisti u l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar liċ-Ċina fir-responsabbiltajiet tagħha bħala potenza globali u jistieden lill-awtoritajiet ta' Beijing jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali bi qbil mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u strumenti oħra internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem iffirmati jew ratifikati miċ-Ċina; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-awtoritajiet ta' Beijing itemmu l-atti kollha ta' fastidju fil-konfront tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu ħidmithom mingħajr xkiel;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu immedjatament u inkundizzjonatament lid-difensuri, lill-attivisti, lill-avukati, lill-ġurnalisti u lill-petizzjonanti kollha li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u li jinsabu miżmuma arrestati minħabba ħidmithom f'dan il-qasam, u jtemmu r-repressjoni attwali fil-konfront tagħhom, li qiegħda ssir fil-forma ta' detenzjoni, fastidju ġudizzjarju u intimidazzjoni;

3.  Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex jeħles immedjatament u inkundizzjonatament lil Wu Gan, billi ġie impriġunat biss talli kien qiegħed jeżerċita paċifikament id-dritt tiegħu għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda tiegħu, u biex, fl-istennija tal-ħelsien tiegħu, jiżgura li Wu Gan ikollu kuntatt regolari u bla restrizzjonijiet ma' familtu u mal-avukati tal-għażla tiegħu u ma jkunx suġġett għal tortura jew għal trattament ħażin ieħor; jitlob li ssir investigazzjoni fil-pront, effikaċi u imparzjali tal-każijiet ta' tortura fiċ-Ċina u jitlob li dawk responsabbli jittellgħu quddiem il-ġustizzja;

4.  Jenfasizza l-bżonn ta' investigazzjoni tal-allegazzjonijiet ta' tortura fil-konfront ta' Xie Yang;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu immedjatament u inkundizzjonatament lil Lee Ming-che, u, fl-istennija tal-ħelsien tiegħu, jiżguraw li jkun protett minn tortura u trattament ħażin ieħor u li jitħalla jkollu kuntatt ma' familtu u mal-avukati tal-għażla tiegħu u aċċess għal kura medika adegwata;

6.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu għall-arrest u għad-detenzjoni kontinwa ta' Tashi Wangchuk, kif ukoll għar-restrizzjonijiet applikati lid-dritt tiegħu għall-assistenza legali, għan-nuqqas ta' provi kontrih u għall-irregolaritajiet fl-investigazzjoni kriminali; jitlob il-ħelsien immedjat u inkundizzjonat ta' Tashi Wangchuk;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi jeħilsu immedjatament u inkundizzjonatament lir-raheb Tibetan Choekyi; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jippermetti lill-familjari u lill-avukati tal-għażla tiegħu jżuruh u, b'mod partikolari, biex jagħtih kura medika adegwata;

8.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż jirrispetta l-Kostituzzjoni tiegħu stess, partikolarment l-Artikolu 4 li jipproteġġi lill-minoranzi nazzjonali, l-Artikolu 34 li jħares il-libertà ta' espressjoni, ta' stampa, ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni, ta' mmarċjar u ta' dimostrazzjoni, l-Artikolu 36 li jirrikonoxxi d-dritt għal-libertà ta' twemmin reliġjuż u l-Artikolu 41 li jiggarantixxi d-dritt li dak li jkun jikkritika kwalunkwe organu jew uffiċjal statali u jagħti suġġerimenti fir-rigward tal-operat tagħhom;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern Ċiniż biex jagħmel kuntatt mal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama u mar-rappreżentanti tiegħu u jesprimi s-sostenn tiegħu favur riżoluzzjoni paċifika tal-kwistjoni Tibetana permezz tad-djalogu u tan-negozjati, bil-għan li lit-Tibet tkunlu garantita awtonomija effettiva fil-qafas tal-Kostituzzjoni Ċiniża;

10.  Jikkundanna, barra minn hekk, il-kampanji kontra l-Buddiżmu mwettqa permezz tal-approċċ ta' "edukazzjoni patrijottika", inklużi miżuri għall-ġestjoni statali tal-monasteri Buddisti Tibetani; jinsab imħasseb dwar l-abbuż li qed isir mid-dritt kriminali Ċiniż għall-finijiet ta' persekuzzjoni tat-Tibetani u tal-Buddisti, li l-attivitajiet reliġjużi tagħhom huma meqjusa ekwivalenti għal "separatiżmu"; jiddeplora l-fatt li l-ambjent għall-prattika tal-Buddiżmu fit-Tibet mar għall-agħar b'mod sinifikanti wara l-protesti Tibetani ta' Marzu 2008, billi l-Gvern Ċiniż adotta approċċ aktar invażiv fl-ambitu tal-"edukazzjoni patrijottika";

11.  Jinsab inkwetat dwar l-adozzjoni tal-pakkett ta' liġijiet fil-qasam tas-sigurtà u bl-impatt tiegħu fuq il-minoranzi fiċ-Ċina, partikolarment il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, li taf twassal għall-penalizzazzjoni tal-espressjoni paċifika tal-kultura u tar-reliġjon tat-Tibet, u l-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin, li tqiegħed lill-gruppi attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem taħt kontroll strett min-naħa tal-gvern, inkwantu dan jikkostitwixxi approċċ strettament minn fuq għal isfel minflok ma jinkoraġġixxi sħubija bejn il-gvern lokali u ċentrali u s-soċjetà ċivili;

12.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Ċiniżi jeħtiġilhom jiżguraw li dawk kollha miżmuma f'iżolament jitqiegħdu immedjatament f'kuntatt mal-familjari u mal-avukati tagħhom u li l-kundizzjonijiet ta' dawk kollha li jinsabu f'detenzjoni jridu jissodisfaw l-istandards stabbiliti mill-"Korp tal-Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija", adottat bis-saħħa tar-riżoluzzjoni 43/173 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Diċembru 1988, inkluż l-aċċess għall-kura medika;

13.  Jinsab imħasseb bil-kbir dwar l-allegazzjonjiet ta' tortura fil-konfront tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden, għaldaqstant, lill-Gvern Ċiniż jirrispetta mingħajr riżervi l-projbizzjoni assoluta u inderogabbli tat-tortura u ta' trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, skont l-Artikoli 2 u 16 tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra (UNCAT), li ċ-Ċina rratifikat fl-4 ta' Ottubru 1988;

14.  Jinkoraġġixxi lill-Gvern Ċiniż jirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, hekk kif qiegħed joqrob l-20 anniversarju tal-iffirmar tiegħu, u jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, anki billi jtemm kull prattika abbużiva u jadotta l-leġiżlazzjoni tiegħu kif meħtieġ;

15.  Ifakkar li hu importanti li l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-każ tal-minoranzi fit-Tibet u f'Xinjiang, f'kull djalogu politiku u dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, anki fid-djalogi annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-impenn tagħha li twassal leħen sod, ċar u unifikat fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' riżultati konkreti tad-djalogi annwali UE-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem; ikompli jfakkar li fil-proċess ta' riforma attwali tagħha u ta' impenn globali akbar min-naħa tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għaldaqstant, li d-djalogu maċ-Ċina jitkompla sabiex dawn l-impenji jkunu onorati;

16.  Jistieden lill-Istati Membri kollha jadottaw approċċ sod u bbażat fuq il-valuri fil-konfront taċ-Ċina u jistenna li ma jwettqux atti jew inizjattivi unilaterali li jistgħu jimminaw il-koerenza, l-effikaċja u l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE; jiftakar b'dispjaċir kbir li l-UE ma rnexxilhiex tagħmel dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra f'Ġunju 2017; jilqa' favorevolment l-adozzjoni ta' dikjarazzjoni fis-sessjoni sussegwenti u jistenna li l-UE tkompli ssemmi liċ-Ċina bħala pajjiż li jirrikjedi l-attenzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sakemm tibqa' tirrifjuta li tidħol f'riformi sinifikattivi fil-qasam tad-drittijiet; jistieden ukoll lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqajmu tħassib qawwi dwar l-Eżami Perjodiku Universali imminenti għaċ-Ċina u jiżguraw, b'mod partikolari, li s-soċjetà ċivili Ċiniża tkun tista' tipparteċipa liberament fil-proċess;

17.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jadottaw il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar iċ-Ċina, li jisħqu fuq l-importanza fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjoni UE-Ċina u jittrażmettu sens ċar ta' tħassib dwar it-tendenzi negattivi fiċ-Ċina f'dan ir-rigward, flimkiem mal-aspettattivi li l-awtoritajiet Ċiniżi jieħdu provvedimenti speċifiċi bħala tweġiba; jisħaq fuq il-punt li tali konklużjonijiet ikunu jservu biex jorbtu lit-28 Stat Membru tal-UE u lill-istituzzjonijiet tal-UE b'messaġġ u approċċ komuni fil-konfront tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(1) ĠU C 378, 9.11.2017, p. 239.
(2) ĠU C 399, 24.11.2017, p. 92.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0444.
(4) Testi adottati, P8_TA(2016)0505.
(5) Testi adottati, P8_TA(2017)0308.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Settembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza