Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2515(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0054/2018

Dibattiti :

PV 18/01/2018 - 4.3
CRE 18/01/2018 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 18/01/2018 - 6.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0015

Testi adottati
PDF 277kWORD 55k
Il-Ħamis, 18 ta' Jannar 2018 - Strasburgu
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
P8_TA(2018)0015RC-B8-0054/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2018 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2018/2515(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Ġunju 2017(1), tat-2 ta' Frar 2017(2), u tal-1 ta' Diċembru 2016(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-kelliema tagħha, dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tad-9 ta' Novembru 2017 dwar il-pubblikazzjoni tal-kalendarju elettorali fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti fid-29 ta' Settembru 2017 dwar l-assistenza teknika u l-bini tal-kapaċità fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK, u r-rapport tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet finali tad-9 ta' Novembru 2017 tar-raba' rieżami perjodiku dwar l-implimentazzjoni tal-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi min-naħa tar-RDK,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2348(2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar it-tiġdid tal-mandat tal-MONUSCO,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2282 tal-11 ta' Diċembru 2017 li testendi sat-12 ta' Diċembru 2018 is-sanzjonijiet kontra individwi responsabbli għall-vjolenza u l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta' Marzu u tal-11 ta' Diċembru 2017 dwar ir-RDK,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-involviment tal-UE mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sigurtà fir-RDK,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb lil Dr Denis Mukwege fl-2014,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u ta' Għaqda tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-RDK, adottata fit-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, wara sena mill-iffirmar tal-ftehim ta' Saint-Sylvestre fit-31 ta' Diċembru 2016, is-sitwazzjoni ġenerali fir-RDK qiegħda tkompli sejra għall-agħar fil-pajjiż kollu, b'ripressjonijiet vjolenti, qtil u ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-2017 diġà kienet waħda mill-aktar snin vjolenti fl-istorja reċenti tar-RDK;

B.  billi n-NU kklassifikat is-sitwazzjoni fir-RDK bħala emerġenza umanitarja ta' Livell 3, li huwa l-ogħla livell; billi fit-8 ta' Marzu 2017, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, appella għall-ħolqien ta' kummissjoni ta' inkjesta biex tinvestiga l-vjolenza fil-provinċja tal-Kasai;

C.  billi l-kriżi politika ggravat wara li fl-2016 il-President Kabila rrifjuta li jirriżenja fi tmiem il-mandat kostituzzjonali tiegħu; billi, skont il-ftehim ta' Saint-Sylvestre milħuq taħt l-awspiċju tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO), ġie maqbul li sa Diċembru 2017 isiru l-elezzjonijiet; billi din l-iskadenza ma ġietx irrispettata, u billi l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) iddikjarat li l-elezzjonijiet se jsiru fit-23 ta' Diċembru 2018;

D.  billi s-CENI qiegħda tipproċedi bit-tħejjijiet loġistiċi għall-elezzjonijiet, inklużi l-arranġamenti baġitarji u r-reġistru elettorali;

E.  billi l-protesti kontra s-sitwazzjoni politika sabu reżistenza estremament vjolenti minn forzi appoġġati mill-gvern;

F.  billi l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) innota "l-ħsieb intenzjonat li jitrażżnu d-drittijiet ċivili u politiċi" mill-forzi tas-sigurtà, inkluż bl-użu ta' munizzjon attiv, gass tad-dmugħ u balal tal-lastku kontra l-persuni ċivili, inklużi l-abbatini, ir-rifjut tal-aċċess lin-NU għall-isptarijiet, għall-kmamar mortwarji u għall-faċilitajiet ta' detenzjoni, kif ukoll il-fatt li n-NU ma tħallitx tosserva l-protesti;

G.  billi r-RDK għadha ma rratifikatx il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

H.  billi kompla l-ġlied armat bejn l-armata Kongoliża u l-milizzji lokali, b'mod partikolari fil-Kasai; billi dan wassal għal kriżi umanitarja gravi, ikkaratterizzata minn qtil, tortura u stupru, qerda ta' djar, faċilitajiet mediċi u skejjel, u mis-sejba ta' 40 sit ta' oqbra tal-massa fil-Kasai; billi ma sar l-ebda progress sabiex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

I.  billi r-RDK għandha l-ogħla għadd fid-dinja ta' każijiet ġodda ta' persuni spostati internament minħabba kunflitt; billi aktar minn 1,9 miljun persuna ġew spostati internament fir-RDK sa minn Jannar 2017, u b'hekk l-għadd totali ta' persuni spostati fil-pajjiż jammonta għal 4,25 miljun persuna, l-aktar fil-provinċji ta' Kasai, Tanganyika u Kivu; billi r-RDK qiegħda tospita wkoll refuġjati li ħarbu mill-Burundi, mir-Repubblika Ċentru-Afrikana u mis-Sudan t'Isfel; billi l-UE rrilaxxat EUR 5 miljun f'għajnuna ta' emerġenza għall-vittmi tal-vjolenza fil-Kasai;

J.  billi f'Marzu 2017 tnaqqas l-għadd ta' truppi tal-missjoni tal-MONUSCO, u f'Ġunju l-baġit tagħha tnaqqas bi 8 %;

K.  billi l-awtoritajiet fir-RDK wettqu fastidju sistematiku fil-konfront ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi Lutte pour le Changement (Lucha), Filimbi, il-knisja Kattolika, u Comité Laïc de Coordination (CLC); billi, skont il-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, qegħdin jinżammu minn tal-inqas 358 priġunier politiku fir-RDK;

L.  billi fid-29 u t-30 ta' Diċembru 2017, seba' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – Carbone Beni, Mino Bompomi, Roger Katanga Mwenyemali, Bony Dickson Mputu, Grâce Tshiunza, Cedrick Kalonji u Arciel Beni, ilkoll affiljati mal-moviment tas-soċjetà ċivili Filimbi – ġew arrestati u miżmuma mingħajr mandat ta' arrest, u billi mhux magħruf fejn jinsab Palmer Kabeya, difensur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem;

M.  billi l-ħtif u l-attakki fil-konfront tal-ħaddiema umanitarji u l-forzi taż-żamma tal-paċi qegħdin jiżdiedu, u dan qed iġiegħel lill-organizzazzjonijiet umanitarji jipposponu t-twassil tal-għajnuna u jissospendu l-attivitajiet tagħhom;

N.  billi tliet abbozzi ta' liġi introdotti fl-Assemblea Nazzjonali Kongoliża – dwar ir-regolamentazzjoni tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu – fil-forma attwali tagħhom jikkontradixxu l-istandards reġjonali u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u joħolqu theddida bla preċedent għall-operat indipendenti tas-soċjetà ċivili Kongoliża;

O.  billi l-UE estendiet sa Diċembru 2018 il-miżuri restrittivi adottati kontra individwi b'risposta għat-tfixkil tal-proċess elettorali u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fir-RDK; jikkundanna bil-qawwa kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem u kull att vjolenti, b'mod partikolari fil-konfront ta' dimostranti paċifiċi, inklużi l-projbizzjoni fuq l-organizzazzjoni ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi paċifiċi u l-politiki ta' intimidazzjoni, arrest u detenzjoni ta' kwalunkwe vuċi dissidenti; jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jipproċedu bil-ħelsien immedjat u inkondizzjonat ta' dawk kollha li qegħdin il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom u jwettqu investigazzjoni indipendenti dwar ir-repressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet ta' Diċembru 2017 u l-oqbra tal-massa li nstabu;

2.  Ifakkar li huwa l-Gvern tar-RDK li għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi lill-popolazzjoni ċivili fit-territorju tiegħu u soġġetta għall-ġurisdizzjoni tiegħu, inkluż minn delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra;

3.  Jesprimi tħassib kbir dwar ix-xhieda tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari r-rapport ta' inkjesta ta' Diċembru 2017 tal-Federazzjoni Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH) dwar il-massakri fil-Kasai, li jgħid li l-forzi tas-sigurtà Kongoliżi u l-milizzji appoġġati mill-gvern fil-provinċja tal-Kasai qed iwettqu "strateġija intenzjonata ta' terrur u qerda, li wasslet għal delitti kontra l-umanità"; iħeġġeġ lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) u lin-NU jinvestigaw dawn l-allegazzjonijiet;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tan-nisa u t-tfal fir-RDK; jikkundanna kategorikament l-użu tal-istupru, il-vjolenza sesswali u t-tortura; jinsab ixxukkjat bl-allegazzjonijiet ta' reklutaġġ u tħaddim illegali ta' suldati tfal min-naħa tal-milizzji ffinanzjati mill-Kongoliżi, u jqis li waħda mill-prijoritajiet tal-awtoritajiet Kongoliżi u l-komunità internazzjonali għandha tkun li jintemm l-użu ta' suldati tfal;

5.  Jiddispjaċih ħafna li ma sarux elezzjonijiet sal-iskadenza tal-2017; ifakkar fir-responsabbiltà tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet Kongoliżi li jimplimentaw effettivament il-kalendarju elettorali l-ġdid skont il-Kostituzzjoni Kongoliża u l-ftehim ta' Saint-Sylvestre; jinsisti li fit-23 ta' Diċembru 2018 isiru elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi trasparenti, liberi u ġusti; ifakkar li s-CENI għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva, u jistieden lill-Gvern tar-RDK jiżgura li jkollha biżżejjed riżorsi; jitlob lis-CENI u lill-Gvern, barra minn hekk, jintroduċu skadenzi trimestrali għall-kalendarju elettorali biex jitwettaq monitoraġġ tal-progress u jingħata sinjal tal-impenn tal-Gvern li jorganizza l-elezzjonijiet; ifakkar li elezzjonijiet kredibbli huma l-unika soluzzjoni għall-kriżi;

6.  Jenfasizza li l-avversarji eżiljati għandhom ikunu jistgħu jirritornaw b'mod sikur u mingħajr kundizzjonijiet, u li kull ċittadin għandu jkollu d-dritt joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet; jilqa' l-ħolqien, bil-parteċipazzjoni tal-Unjoni Afrikana (UA), l-Organisation internationale de la Francophonie (OIF), il-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) u n-NU, ta' tim koordinat ta' esperti responsabbli mill-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-proċess elettorali u l-iffaċilitar tal-mobilizzazzjoni ta' assistenza finanzjarja, loġistika u teknika lir-RDK; jappoġġa l-kontribut tal-UE fil-proċess elettorali tar-RDK, u jitlob lill-UE torbot kwalunkwe finanzjament elettorali mal-kundizzjoni li l-Gvern Kongoliż iwettaq miżuri konkreti li juru rieda politika ċara li jorganizza elezzjonijiet fit-23 ta' Diċembru 2018, fosthom – b'mod partikolari – il-pubblikazzjoni ta' baġit elettorali realistiku, kif ukoll garanziji fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għall-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha;

7.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' fastidju u theddid fil-konfront tas-soċjetà ċivili u l-NGOs; jesprimi tħassib partikolari dwar l-aħħar theddidiet ta' mewt magħmula kontra rappreżentanti tal-FIDH u ta' organizzazzjonijiet assoċjati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK u lill-forzi tas-sigurtà jirrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti stipulati fil-Ftehim ta' Cotonou kif ukoll fil-ftehim ta' Saint-Sylvestre, b'mod partikolari d-dritt tal-individwi li jeżerċitaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' għaqda u ta' dimostrazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jirratifikaw mill-aktar fis il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

8.  Jikkundanna l-abbozzi ta' liġi introdotti fl-Assemblea Nazzjonali Kongoliża dwar ir-regolamentazzjoni tal-NGOs, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kongoliżi jirrispettaw b'mod sħiħ il-proċess dovut leġiżlattiv u jallinjaw l-abbozzi ta' liġi mal-istandards internazzjonali u reġjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jżidu l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet tar-RDK jinvestigaw u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk li jattakkaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jwaqqfu protesti demokratiċi;

10.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li fiha ħabbar investigazzjoni dwar l-attakk fuq it-truppi tal-MONUSCO min-naħa tal-milizzji tal-Forzi Demokratiċi Alleati fis-7 ta' Diċembru 2017 fil-provinċja tal-Kivu ta' Fuq, li ħalla 15-il membru tal-forzi taż-żamma tal-paċi mejta;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar tnaqqis fit-truppi u l-baġit tan-NU; jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà u l-istati membri tan-NU jiżguraw li l-MONUSCO tirċievi biżżejjed fondi biex twettaq il-kompiti fdati lilha fil-mandat tagħha; ifakkar li l-mandat tal-MONUSCO jinkludi li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehim politiku;

12.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħtu prijorità lill-valuri tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-importanza li l-individwi jinżammu responsabbli għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u għal azzjonijiet oħra li jimminaw soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fir-RDK; jilqa', f'dan ir-rigward, l-użu ta' sanzjonijiet immirati min-naħa tal-UE, u jistieden lill-UE tikkunsidra tuża mezzi addizzjonali, kif previst fil-Ftehim ta' Cotonou, jekk is-sitwazzjoni tkompli tmur għall-agħar u ma jsir ebda progress sinifikanti biex tinstab soluzzjoni paċifika;

13.  Ifakkar li f'April 2015, Ibrahim Thiaw, il-Viċi Direttur Eżekuttiv tal-Programm tan-NU għall-Ambjent , iddikjara li l-qligħ annwali minn dan l-isfruttament tar-riżorsi naturali qabeż USD 1 biljun u li l-biċċa l-kbira tal-profitti - sa 98 % minnhom - spiċċat għand gruppi internazzjonali, filwaqt li t-2 % li fadal intużaw għall-finanzjament tal-gruppi armati fir-RDK; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji kontra l-kumpaniji Ewropej li ma jikkonformawx mal-istandards internazzjonali jew li ma jagħtux kumpens xieraq lill-vittmi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jkun direttament jew indirettament relatat mar-responsabbiltà tagħhom; jitlob l-implimentazzjoni rapida tal-ftehim li laħqu l-Istati Membri fil-15 ta' Ġunju 2016 rigward ir-regolament tal-UE dwar il-"minerali ta' kunflitt" (ir-Regolament (UE) 2017/821(4)) u t-tkomplija tal-ħidma fil-livell tal-UE u tan-NU favur l-estensjoni tal-leġiżlazzjoni internazzjonali dwar din il-kwistjoni;

14.  Itenni l-appoġġ tiegħu lill-UA, lill-OIF u lill-SADC, kif ukoll, b'mod partikolari, lill-Angola, bħala faċilitaturi tad-djalogu politiku fir-RDK u fir-reġjun kollu kemm hu;

15.  Jesprimi l-inkwiet tiegħu dwar l-eskalazzjoni tal-epidemija tal-kolera u jitlob li tiżdied l-għajnuna umanitarja biex tiġi indirizzata t-tifqigħa; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jżidu l-għajnuna finanzjarja u umanitarja permezz ta' organizzazzjonijiet affidabbli sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tal-Ministri u l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, u lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0264.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0017.
(3) Testi adottati, P8_TA(2016)0479.
(4) ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Settembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza