Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2039(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0406/2017

Testi mressqa :

A8-0406/2017

Dibattiti :

PV 17/01/2018 - 17
CRE 17/01/2018 - 17

Votazzjonijiet :

PV 18/01/2018 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0018

Testi adottati
PDF 515kWORD 68k
Il-Ħamis, 18 ta' Jannar 2018 - Strasburgu
L-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-Istati Membri
P8_TA(2018)0018A8-0406/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-Istati Membri (2017/2039(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/779 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) 1304/2013, fir-rigward ta' ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali mħallas għal programmi operazzjonali appoġġati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ(2),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara" (COM(2016)0646),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali Nru 3/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ta' Marzu 2015 bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE: ittieħdu l-ewwel passi iżda hemm riskji fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-QEA ta' Marzu 2017 bit-titolu: "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-kontroll tal-infiq u monitoraġġ tal-kosteffikaċja tal-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tat-3 ta' Frar 2016 bit-titolu "Assessment of Youth Employment Initiative" (Valutazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ) tad-Dipartiment Tematiku għall-Affarijiet Baġitarji tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija tal-Ħiliet (COM(2016)0382),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-Inizjattiva Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ(5),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea, il-Protokoll Addizzjonali tagħha u l-verżjoni riveduta tagħha, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) għall-2030, b'mod partikolari l-SDG 8 għall-"promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku sostenut, inklussiv u sostenibbli, impjiegi sħaħ u produttivi u xogħol deċenti għal kulħadd" li ġew adottati min-NU fl-2015 u li japplikaw għad-dinja kollha, inkluża l-UE,

–  wara li kkunsidra rapport ta' Jean-Claude Juncker f'kooperazzjoni mill-qrib ma' Donald Tusk, Jeroen Dijsselbloem, Mario Draghi u Martin Schulz tat-22 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa ("ir-Rapport tal-Ħames Presidenti"), id-dokumenti ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa u tal-31 ta' Mejju 2017 dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-futur tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 li tistabbilixxi Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2017)0250) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/761 tas-26 ta' April 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(6),

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-riċerka tal-Eurofound, is-Cedefop, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU) u l-Istitut Ewropew tat-Trejdjunjins (ETUI), il-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej (BusinessEurope), Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (UEAPME), iċ-Ċentru Ewropew għal Min Iħaddem u għall-Intrapriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi (CEEP), il-Eurocities u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ,

–  wara li kkunsidra d-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker tat-13 ta' Settembru 2017, il-Pjan Direzzjonali għal Unjoni Aktar Magħquda, Aktar Qawwija u Aktar Demokratika (Abbozz tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni sal-aħħar tal-2018) u l-ittra ta' intenzjoni tal-Kummissjoni lill-President Antonio Tajani u lill-Prim Ministru Estonjan Jüri Ratas, tat-13 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Kontroll Baġitarju, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0406/2017),

A.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika kienet l-kawża għaż-żieda fir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ minn 15 % fl-2008 sakemm laħqet il-quċċata tagħha ta' 24 % fil-bidu tal-2013, u billi din ir-rata medja taħbi d-diverġenzi enormi fost l-Istati Membri u r-reġjuni; billi r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-2013 baqgħu qrib l-10 % fil-Ġermanja, l-Awstrija u n-Netherlands, filwaqt li laħqu l-quċċata tagħhom qrib il-40 %, jew sew aktar minn hekk fl-Italja, Spanja, il-Kroazja u l-Greċja;

B.  billi l-miżuri biex jitnaqqas l-infiq pubbliku ħallew impatt negattiv dirett, b'mod partikolari fuq iż-żgħażagħ minħabba tnaqqis fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fil-ħolqien tal-impjiegi u fis-servizzi ta' appoġġ;

C.  billi l-politiki li qed jaffettwaw liż-żgħażagħ ġew żviluppati mingħajr l-involviment taż-żgħażagħ ikkonċernati u tar-rappreżentanti tagħhom;

D.  billi hemm ir-riskju li perjodi twal ta' qgħad fost iż-żgħażagħ iwasslu għall-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni taż-żgħażagħ mis-soċjetà, iwasslu biex iħossuhom iżolati u jistgħu jikkawżaw "marki dejjiema", li jfisser li jkun hemm probabbiltà ogħla li jerġgħu jisfaw qiegħda u jħabbtu wiċċhom ma' dħul u prospetti tal-karriera aktar baxxi tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom; billi t-twarrib fil-ġenb taż-żgħażagħ jirrappreżenta telf ta' investiment pubbliku u privat, li jwassal għal insigurtà tal-impjieg mifruxa u għal erożjoni tal-ħiliet, minħabba l-potenzjal mhux użat u mdgħajjef li jġib miegħu;

E.  billi fl-2012, wieħed minn kull tliet impjegati Ewropej kienu kwalifikati żżejjed jew mhux kwalifikati biżżejjed għax-xogħlijiet tagħhom(7); u billi l-impjegati żgħażagħ huma tipikament aktar probabbli li jkunu formalment kwalifikati żżejjed, filwaqt li huwa wkoll aktar probabbli li jkollhom impjiegi anqas imqabbla mal-ħiliet tagħhom minn ħaddiema aktar imdaħħla fiż-żmien;

F.  billi l-ħaddiema żgħażagħ huma f'riskju ogħla li jsibu ruħhom f'pożizzjoni ta' impjieg prekarju; billi l-possibbiltajiet li wieħed ikun f'xogħol bi żvantaġġi multipli huma darbtejn ogħla għal ħaddiema ta' anqas minn 25 sena milli għal ħaddiema ta' 50 sena jew aktar(8);

G.  billi t-tranżizzjoni b'suċċess mill-iskola għax-xogħol u mill-inattività għax-xogħol u l-kisba tal-ewwel impjieg reali, jemanċipaw u jimmotivaw liż-żgħażagħ, u jgħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet personali u professjonali tagħhom biex isiru ċittadini indipendenti u b'fiduċja fihom infushom, filwaqt li jagħtu bidu tajjeb lill-karrieri tagħhom;

H.  billi, wara li laħqet l-ogħla livell tagħha ta' 24 % fl-2013, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE-28 baqgħet tonqos b'mod stabbli, u fl-2017 niżlet taħt is-17 %; billi l-livell ta' qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli, minħabba li hemm biss ftit Stati Membri (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, in-Netherlands, Malta, l-Ungerija u l-Ġermanja) b'rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ta' anqas minn 11 %, u hemm diskrepanzi serji bejn l-Istati Membri;

I.  billi analiżi tat-tqassim skont is-sess tax-xogħol full-time u part-time fl-Ewropa tiżvela li d-disparità bejn is-sessi baqgħet tippersisti bejn l-2007 u l-2017, fejn l-irġiel ikomplu jiffurmaw madwar 60 % tal-persuni bejn il-15-il sena u l-24 sena b'impjieg full-time, filwaqt li b'mod konsistenti jiffurmaw madwar 40 % tal-istess grupp ta' età b'impjieg part-time;

J.  billi, sfortunatament, bħala valur statistiku, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija ġeneralment madwar id-doppju tal-medja tar-rata ġenerali tal-qgħad, kemm matul perjodi ta' tkabbir ekonomiku kif ukoll waqt ir-reċessjonijiet;

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ

K.  billi fit-22 ta' April 2013, il-Kunsill, permezz ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill, stabbilixxa l-iskema tal-"Garanzija għaż-Żgħażagħ", li biha l-Istati Membri impenjaw ruħhom li joffru liż-żgħażagħ offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien perjodu ta' 4 xhur minn meta jsiru qiegħda jew iħallu l-edukazzjoni formali;

L.  billi, peress li ħafna Stati Membri ma kellhomx suċċess kbir bir-regolamenti u bl-opportunitajiet li s'issa kien hemm disponibbli fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, dawn għandhom jiffukaw aktar fuq l-użu effettiv tal-finanzjament u tal-għodod disponibbli fl-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE);

M.  billi fi Frar 2013 il-Kunsill qabel li joħloq l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li tnediet bħala l-istrument baġitarju prinċipali tal-UE – marbut mal-FSE – biex jgħin lir-reġjuni tal-Istati Membri li jesperjenzaw livelli partikolarment għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari billi jiġu introdotti l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

N.  billi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija impenn għall-UE kollha, filwaqt li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija mmirata għal dawk l-Istati Membri u r-reġjuni fejn ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jaqbżu l-25 %, u li għaliha huma parzjalment jew totalment eliġibbli total ta' 20 Stat Membru;

O.  billi ġiet segwita mobilitazzjoni rapida tal-fondi permezz ta' forniment antiċipat tal-baġit tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-2014 u l-2015 sabiex jiżdied kemm jista' jkun l-impatt tal-miżuri ffinanzjati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; billi minħabba dewmien fl-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u dak reġjonali, il-forniment antiċipat fih innifsu ma kienx miżura suffiċjenti; billi fl-2015, ir-rata ta' prefinanzjament ġiet miżjuda kondizzjonalment minn 1 % għal 30 % u l-maġġoranza tal-Istati Membri eliġibbli applikaw din il-miżura b'suċċess;

P.  billi ambizzjoni prinċipali tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija li tilħaq lil dawk iż-żgħażagħ Barra mill-Edukazzjoni, Impjieg jew Taħriġ (NEETs), li jinsabu fl-ogħla riskju ta' esklużjoni, filwaqt li jitqies li t-terminu "NEETs" ikopri diversi sottogruppi ta' żgħażagħ bi bżonnijiet differenti;

Q.  billi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija maħsuba biex tikseb l-integrazzjoni sostenibbli tan-NEETs fis-suq tax-xogħol billi toffri approċċ individwalizzat, li jwassal għal offerta ta' kwalità tajba, u ttejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, filwaqt li f'kuntest usa' tappoġġa ż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol u tgħin biex tindirizza n-nuqqas ta' tqabbil tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol; billi f'dan ir-rigward jinħtieġu strateġiji ta' komunikazzjoni adatti mill-Istati Membri;

R.  billi fl-2015, l-ILO stmat l-ispiża tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fit-28 pajjiż tal-UE għal EUR 45 biljun; billi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ngħatat baġit modest ta' EUR 6,4 biljun, bil-għan li tikkomplementa l-finanzjament nazzjonali u mhux li teħodlu postu;

S.  billi l-Kummissjoni pproponiet li l-baġit għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jiżdied b'EUR 1 biljun, ammont li miegħu għandhom jiżdiedu EUR 1 biljun f'impenji mill-FSE, fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2020-2017; billi wara ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, iċ-ċifra żdiedet għal EUR 1,2 biljun; billi fil-5 ta' Settembru 2017, il-Parlament adotta l-Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 3/2017 sabiex jipprovdi EUR 500 miljun addizzjonali għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2017, iffinanzjat mill-Marġini Globali għall-Impenji, filwaqt li wera dispjaċir ukoll għad-dewmien fil-proċedura baġitarja tal-2017 minħabba l-imblokkar u l-approvazzjoni tardiva tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP tal-Kunsill;

T.  billi fl-ewwel Rapport Speċjali tagħha dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-QEA qajmet tħassib dwar l-adegwatezza tal-finanzjament (kemm tal-UE kif ukoll dak nazzjonali) tal-inizjattiva, id-definizzjoni ta' "offerta ta' kwalità tajba", in-nuqqas ta' strateġija bi stadji importanti u b'objettivi ċari, u l-monitoraġġ u r-rappurtar dwar ir-riżultati; billi l-QEA qajmet tħassib ukoll dwar in-nuqqas ta' suċċess tal-applikazzjoni tal-approċċ ta' sħubija, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-22 ta' April 2013, fl-iżvilupp tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

U.  billi jinħtieġu mekkaniżmi tabilħaqq effettivi biex jiġu diskussi u solvuti d-diffikultajiet esperjenzati fl-implimentazzjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, flimkien ma' impenn qawwi mill-Istati Membri biex jimplimentaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ b'mod sħiħ, filwaqt li b'mod partikolari jqisu l-kundizzjonijiet lokali u jippermettu titjib tal-ħiliet u jdaħħlu fis-seħħ strutturi flessibbli u xierqa ta' evalwazzjoni;

V.  billi r-Rapport Speċjali tal-QEA dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ identifika xi kriterji komuni għal dak li jikkostitwixxi "offertà ta' kwalità tajba", fejn is-Slovakkja għamlet id-definizzjoni tagħha legalment vinkolanti, fejn din tkopri d-dispożizzjonijiet għall-ħin minimu tax-xogħol, is-sostenibbiltà tal-impjieg wara l-waqfien tal-appoġġ tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, u tqis l-istat ta' saħħa tal-benefiċjarju;

W.  billi fit-tieni Rapport Speċjali tagħha ppubblikat riċentement dwar l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, imwettaq abbażi ta' kampjun ta' seba' Stati Membri, il-QEA esprimiet tħassib fir-rigward tad-diffikultà ta' aċċess għal data kompleta u tal-fatt li kien sar progress limitat fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u li r-riżultati ma laħqux l-aspettattivi inizjali; billi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ għadhom jirrappreżentaw waħda mill-aktar risposti politiċi innovattivi u ambizzjużi għall-qgħad fost iż-żgħażagħ wara l-kriżi ekonomika, u li għalhekk l-applikazzjoni tagħhom għandu jkollha l-appoġġ finanzjarju u politiku kontinwu tal-istituzzjonijiet tal-UE, nazzjonali u reġjonali fis-snin li ġejjin;

X.  billi l-kosteffettività tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-għan aħħari tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ li ż-żgħażagħ jidħlu f'impjieg sostenibbli jistgħu jinkisbu biss jekk l-operazzjonijiet ikunu mmonitorjati kif xieraq fuq il-bażi ta' data affidabbli u komparabbli, jekk il-programmi jkunu orjentati lejn ir-riżultati, u jekk isiru aġġustamenti f'każijiet fejn jinstabu miżuri mhux effettivi jew li jinvolvu spejjeż konsiderevoli;

Y.  billi jinħtieġu sforzi akbar min-naħa tal-Istati Membri biex jappoġġaw u jkollhom fil-mira liż-żgħażagħ l-aktar maqtugħa jew kompletament maqtugħa mis-suq tax-xogħol, bħal żgħażagħ b'diżabilità;

Z.  billi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ huma maħsuba li jkollhom rwol ċentrali fil-kisba tal-prinċipji ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

AA.  billi fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, ma semma xejn dwar is-sitwazzjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, li għadha allarmanti; billi l-ittra ta' intenzjoni li takkumpanja d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 irrikonoxxiet ir-rwol tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala għajnuna biex jinħolqu l-impjiegi fl-UE; billi l-ġlieda kontra l-qgħad u b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ għandha tibqa' prijorità għall-azzjoni tal-UE;

AB.  billi ġie rrappurtat li kien hemm żgħażagħ li esperjenzjaw dewmien fil-ħlas fl-ambitu ta' miżuri ffinanzjati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li sikwit kienu kkawżati mill-istabbiliment tard tal-awtoritajiet maniġerjali jew mill-kapaċità amministrattiva insuffiċjenti tal-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali;

AC.  billi l-miżuri tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, bħall-internships u t-traineeships għandhom ikunu ta' għajnuna fl-iffaċilitar tat-tranżizzjoni fis-suq tax-xogħol u m'għandhom qatt jieħdu post il-kuntratti ta' impjieg regolari;

AD.  billi għan-nisa żgħażagħ f'żoni rurali, l-arranġamenti ta' impjieg irregolari jew in-nuqqas li jirreġistraw bħala qiegħda jagħtu data statistika mhux preċiża u joħolqu diverġenzi fil-pensjonijiet tagħhom; billi din il-prattika tinfluwenza b'mod negattiv lis-soċjetà fl-intier tagħha u, b'mod partikolari, il-benesseri tan-nisa, forom oħra ta' assigurazzjoni soċjali, u opportunitajiet ta' bidla fil-karriera jew ta' impjieg fil-futur;

AE.  billi 16-il miljun NEET daħlu fi skemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ipprovdiet appoġġ dirett lil aktar minn 1,6 miljun żagħżugħ fl-UE;

AF.  billi fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, l-Istati Membri adottaw aktar minn 132 miżura tas-suq tax-xogħol immirati favur iż-żgħażagħ;

AG.  billi ġie impenjat 75 % tat-total tal-baġit tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Istati Membri diġà investew 19 % ta' dan il-baġit, biex b'hekk ir-rata ta' implimentazzjoni tal-baġit tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija l-ogħla fost il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE);

AH.  billi bosta rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ juru li minkejja t-tħassib dwar l-adegwatezza tal-finanzjament u tal-istimi tal-investiment totali meħtieġ, ir-riżorsi disponibbli qed jiġu diretti b'suċċess biex jissodisfaw id-domanda reġjonali billi saret enfasi fuq reġjuni speċifiċi u fuq gruppi ta' benefiċjarji;

AI.  billi mill-introduzzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi fl-1997, il-Kummissjoni appoġġat għadd ta' miżuri mfassla biex itejbu l-prospetti ta' impjiegi u edukazzjoni għaż-żgħażagħ(9); billi, mill-kriżi s'issa, l-isforzi tal-UE ġew iffukati b'mod partikolari fuq il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u fuq l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

AJ.  billi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija ffinanzjata mill-FSE, mill-baġits nazzjonali u mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, filwaqt li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tista' tiffinanzja l-għoti dirett ta' impjiegi, apprendistati, traineeships jew edukazzjoni kontinwa għall-grupp fil-mira tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fir-reġjuni eliġibbli; billi l-intervent tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ma għandux skadenza predefinita, filwaqt li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tirrikjedi li l-offerta ssir fi żmien erba' xhur;

AK.  billi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ wasslet għall-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fl-Istati Membri, l-aktar bil-ħsieb li jallinjaw il-mudelli tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ mas-suq tax-xogħol sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

AL.  billi fatturi esterni, bħas-sitwazzjoni ekonomika speċifika jew il-mudell ta' produzzjoni ta' kull reġjun, jinfluwenzaw il-kisba tal-miri stabbiliti mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

Introduzzjoni

1.  Jemmen li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ trid tkun l-ewwel pass sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta' impjieg taż-żgħażagħ; ifakkar li min iħaddem għandu l-obbligu li jipparteċipa fil-proċess biex iż-żgħażagħ jiġu offruti programmi ta' taħriġ vokazzjonali aċċessibbli, l-ewwel impjiegi u apprendistati ta' kwalità;

2.  Jenfasizza li l-aspett kwalitattiv ta' xogħol deċenti għaż-żgħażagħ qatt ma jrid jiġi kompromess; jenfasizza li l-istandards ewlenin tax-xogħol u standards oħra relatati mal-kwalità tax-xogħol, bħall-ħin tax-xogħol, il-paga minima, is-sigurtà soċjali, u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol iridu jkunu kunsiderazzjonijiet ċentrali fl-isforzi mwettqa;

3.  Jinnota d-diverġenza sinifikanti fil-prestazzjoni ekonomika f'termini kemm ta' tkabbir ekonomiku kif ukoll tal-impjieg madwar l-UE-28, li titlob risposta politika deċiżiva; jirrikonoxxi li ċerti Stati Membri għadhom lura fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali meħtieġa; jinnota li huma l-politiki ekonomiċi sodi, kif ukoll il-politiki ta' impjieg u ta' investiment, li fl-aħħar mill-aħħar huma r-responsabilità tal-Istat Membru, li joħolqu l-impjiegi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt fuq medda twila ta' żmien fuq l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni li qed jesperjenzaw eżodu ta' mħuħ ta' persuni b'edukazzjoni għolja;

4.  Ifakkar li skont ir-regoli ta' implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, l-Istati Membri jenħtiġilhom jagħżlu bejn diversi modi kif jimplimentaw il-programm (bħala programm esklużiv, bħala assi prijoritarji fi ħdan programm operattiv eżistenti jew bħala parti minn diversi assi prijoritarji); jinnota li minħabba d-diversi opzjonijiet ta' implimentazzjoni u abbażi tar-riżultati miksuba, jinħtieġ skambju tal-aħjar prattiki bil-ħsieb li dawn jiġu applikati fl-istadji futuri tal-programm;

5.  Jinnota bi tħassib li r-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-QEA jgħid li hemm riskju li l-finanzjament tal-UE sempliċiment qiegħed jieħu post il-finanzjament nazzjonali minflok ma joħloq valur miżjud; ifakkar li f'konformità mal-prinċipju tal-addizzjonalità, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandha l-għan li tikkomplementa l-finanzjament nazzjonali u mhux li tissostitwixxi l-politiki u l-finanzjament tal-Istati Membri nfushom għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza li l-baġit għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ma jistax – u qatt ma kien maħsub sabiex – jerfa' waħdu l-ambizzjoni li joffri liż-żgħażagħ kollha offerta ta' kwalità tajba ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jħallu l-edukazzjoni formali;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tkun xprun għar-riforma politika b'mod partikolari, u għal koordinazzjoni aħjar fl-oqsma tal-impjiegi u l-edukazzjoni, speċjalment fl-Istati Membri li qed jesperjenzaw rati għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, bil-għan li jiġi żgurat li dawk l-Istati Membri jintroduċu approċċi integrati, komprensivi u fit-tul biex jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ li jsaħħu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, jagħtuhom prospetti aħjar u jwasslu għal impjiegi sostenibbli, għall-kuntrarju ta' sensiela ta' politiki (eżistenti) frammentati; iqis l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala strumenti b'saħħithom fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali tal-gruppi ta' żgħażagħ l-aktar marġinalizzati; jikkunsidra li huwa importanti li ssir ħidma għall-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 fil-qasam tal-impjiegi, ir-rati ta' tluq bikri mill-iskola u l-esklużjoni soċjali;

7.  Ifakkar li, skont ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, ġew definiti sitt linji gwida li fuqhom kellhom ikunu bbażati l-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ: il-bini ta' approċċi bbażati fuq is-sħubijiet, interventi u attivazzjoni fil-pront, miżuri ta' sostenn li jippermettu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-użu tal-fondi tal-Unjoni, il-valutazzjoni u t-titjib kontinwu tal-iskema, u l-implimentazzjoni rapida tagħha; jirrimarka li skont ir-rapporti ta' valutazzjoni, ftit Stati Membri pprovdew data dwar dawn l-aspetti, jew valutazzjonijiet sħaħ dwarhom;

8.  Jenfasizza li għandhom jitwettqu aktar investimenti kemm fil-mobilità domestika kif ukoll fil-mobilità transkonfinali sabiex titnaqqas ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet; jappella biex il-provvista tax-xogħol u tal-ħiliet tkun allinjata aħjar mad-domanda billi tiġi ffaċilitata l-mobilità bejn ir-reġjuni (inklużi r-reġjuni transkonfinali); jirrikonoxxi li l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħtu attenzjoni speċjali biex jipprovdu konnessjoni aħjar bejn is-sistemi edukattivi u s-swieq tax-xogħol fir-reġjuni transkonfinali, pereżempju billi jippromwovu l-edukazzjoni fil-lingwi ġirien;

9.  Ifakkar li r-rata għolja tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija kkawżata minn: l-effetti tal-kriżi ekonomika globali fuq is-swieq tax-xogħol, it-tluq bikri mill-iskola mingħajr biżżejjed kwalifiki, nuqqas ta' kapaċitajiet rilevanti u ta' esperjenza ta' xogħol, il-prevalenza li qed tiżdied ta' forom prekarji ta' impjieg għal żmien qasir segwiti minn perjodi ta' qgħad, opportunitajiet ta' taħriġ limitati, u programmi attivi tas-suq tax-xogħol insuffiċjenti u inadegwati;

10.  Huwa tal-fehma li l-monitoraġġ tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jeħtieġ li jkun appoġġat minn data affidabbli; iqis li d-data u r-riżultati tal-monitoraġġ disponibbli attwalment mhumiex biżżejjed biex titwettaq valutazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bħala l-mezz ewlieni ta' finanzjament għall-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, b'mod partikolari b'riżultat tad-dewmien inizjali fl-istabbiliment tal-programmi operazzjonali mill-Istati Membri u l-fatt li għadhom fl-istadji relattivament bikrin tal-implimentazzjoni; jinsisti dwar il-ħtieġa li l-impjieg fost iż-żgħażagħ jinżamm bħala waħda mill-prijoritajiet tal-azzjoni tal-UE; jinsab imħasseb, madankollu, dwar is-sejbiet tar-rapport riċenti tal-QEA dwar l-impatt tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala politiki tal-Unjoni li għandhom l-għan li jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ, filwaqt li jitqies il-kamp ta' applikazzjoni territorjali u temporali limitat tiegħu;

11.  Iqis li, sabiex tkun verament effettiva, strateġija biex tagħti spinta lill-impjiegi taż-żgħażagħ għandha tipprovdi għall-ftuħ ta' diskussjonijiet madwar mejda li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati, tqis il-kuntest territorjali li fih għandha tiġi implimentata u tipprovdi taħriġ immirat li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-impriżi billi tikkonċiljahom mal-aspirazzjonijiet u l-ħiliet taż-żgħażagħ; jenfasizza li l-istess strateġija għandha tiżgura taħriġ ta' kwalità u trasparenza sħiħa fl-allokazzjoni tal-fondi lill-aġenziji tat-taħriġ, anki permezz ta' monitoraġġ bir-reqqa tal-użu tagħha;

12.  Jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri għażlu li jimpenjaw ruħhom biss permezz tal-istrument mhux vinkolanti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill; jirrimarka li l-għan tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għad fadallu ħafna biex jintlaħaq f'ħafna Stati Membri;

L-ilħuq tal-aktar żgħażagħ esklużi

13.  Jinnota r-riskju li ż-żgħażagħ b'diżabilità la jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u lanqas f'dak tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadattaw il-programmi operazzjonali tagħhom sabiex jiżguraw li l-miżuri tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ikunu aċċessibbli b'mod effettiv għall-persuni kollha b'diżabilità, li jagħtu aċċess ugwali għaż-żgħażagħ b'diżabilità, u jkunu jirrispondu għall-ħtiġijiet individwali;

14.  Jenfasizza li sabiex jintlaħqu n-NEETs jinħtieġu sforzi qawwija u sostnuti mill-awtoritajiet nazzjonali u kooperazzjoni transettorjali, peress li n-NEETs huma grupp eteroġenju bi ħtiġijiet u b'ħiliet differenti; jenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, ta' data preċiża u komprensiva dwar il-popolazzjoni kollha tan-NEETs, bil-għan li jiġu rreġistrati u jintlaħqu b'mod aktar effettiv, peress li data aktar diżaggregata, inkluż fuq bażi skont ir-reġjun, tista' tidentifika liema gruppi għandhom jiġu mmirati u kif l-inizjattivi ta' impjieg jistgħu jitfasslu b'mod aħjar għal dawk li jeħtiġuhom;

15.  Jikkunsidra li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ma jistgħux jissostitwixxu l-użu ta' strumenti makroekonomiċi u politiki oħrajn li jippromwovu l-impjieg taż-żgħażagħ; jirrimarka li biex tiġi vvalutata l-applikazzjoni u l-effetti tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, huwa importanti li wieħed iqis il-kundizzjonijiet baġitarji u makroekonomiċi differenti fl-Istati Membri; jikkunsidra li jeħtieġ li jitfassal programm ta' riforma strutturali fuq żmien fit-tul tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ f'każ li jittawwal iż-żmien tagħha; jenfasizza l-ħtieġa ċara ta' koordinazzjoni aktar effettiva bejn id-diversi Stati Membri;

16.  Jappoġġa l-iżvilupp ta' punti uniċi ta' servizz li jistgħu jiżguraw li s-servizzi u l-gwidi kollha jkunu faċilment aċċessibbli, disponibbli u mingħajr ħlas għaż-żgħażagħ f'post wieħed;

17.  Jinsab imħasseb dwar l-osservazzjonijiet inizjali li juru li jeħtieġ li jsir titjib fir-reġistrazzjoni u s-sensibbilizzazzjoni tan-NEETs kollha, b'mod partikolari n-NEETs inattivi u dawk li qed jirriżulta li huma diffiċli biex jerġgħu jiġu integrati; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu strateġiji ta' komunikazzjoni xierqa u mfassla apposta biex jintlaħqu n-NEETs kollha, u jieħdu approċċ integrat sabiex iqiegħdu għad-dispożizzjoni assistenza u servizzi aktar personalizzati bħala appoġġ liż-żgħażagħ li qed jiffaċċjaw ostakli multipli; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tan-NEETs vulnerabbli u jeliminaw l-attitudnijiet preġudikati u negattivi lejhom;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu miżuri apposta għall-ħtiġijiet lokali sabiex jiżdied l-impatt tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri speċjali għall-impjieg taż-żgħażagħ fiż-żoni rurali;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu malajr il-komunikazzjoni tal-programmi ta' appoġġ eżistenti li huma disponibbli għaż-żgħażagħ, speċjalment għall-gruppi l-aktar maqtugħin mis-suq tax-xogħol, permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, bl-użu kemm ta' kanali medjatiċi tradizzjonali kif ukoll ta' dawk moderni bħalma huma n-netwerks soċjali;

L-iżgurar tal-kwalità tal-offerti fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

20.  Jirrikonoxxi l-appell biex jiġi definit x'għandu jikkostitwixxi "offerta ta' kwalità" fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi elaborata definizzjoni komprensiva u miftiehma b'mod komuni li tqis il-ħidma mwettqa fil-Kumitat EMCO f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, mal-ILO u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti; jenfasizza li offerta ta' kwalità tajba hija miżura multidimensjonali li twassal għal integrazzjoni sostenibbli u mqabbla tajjeb għall-parteċipanti fis-suq tax-xogħol, li tinkiseb permezz tal-iżvilupp tal-ħiliet, u li għandha taqbel mal-livell tal-kwalifiki u l-profil tal-parteċipanti u tqis id-domanda għall-impjiegi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-protezzjoni soċjali, ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-livelli ta' kumpens rilevanti jkunu applikati għall-parteċipanti; jiġbed l-attenzjoni għall-istandards ta' kwalità msemmija fil-Gwida ta' valutazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ li ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni fl-2015, li tistabbilixxi l-karatteristiċi tal-offerti ta' impjieg, ir-rilevanza tagħhom għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti, l-eżiti fis-suq tax-xogħol prodotti mill-offerti u l-proporzjon tal-offerti li ma ġewx aċċettati jew li ġew abbandunati qabel iż-żmien bħala indikaturi validi għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-impjieg;

21.  Ifakkar li l-ILO tiddefinixxi "xogħol deċenti" bħala xogħol li huwa "produttiv u li jagħti introjtu ġust, sigurtà fuq il-post tax-xogħol u protezzjoni soċjali għall-familji, prospetti aħjar għall-iżvilupp personali u l-integrazzjoni soċjali, il-libertà sabiex in-nies jesprimu t-tħassib tagħhom, jorganizzaw u jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom, u l-opportunitajiet u t-trattament indaqs għan-nisa u l-irġiel kollha", u li dan l-istandard minimu għadu ma ntlaħaqx fil-każ tal-impjieg taż-żgħażagħ;

22.  Huwa tal-fehma li ż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti wkoll fil-monitoraġġ tal-kwalità tal-offerti;

23.  Jenfasizza li kuntratt ta' traineeship ta' kwalità jrid jirrispetta qafas ta' kwalità li joffri l-garanziji li ġejjin: traineeship irid ikun irregolat b'kuntratt bil-miktub li jkun fih informazzjoni trasparenti dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti, jistabbilixxi objettivi konkreti u jkollu deskrizzjoni ta' taħriġ ta' kwalità għolja; irid jiġi allokat mentor jew superviżur biex jivvaluta l-prestazzjoni tat-trainee fi tmiem it-traineeship; It-traineeship irid ikollu tul ta' żmien speċifiku u jridu jiġu stabbiliti limiti fuq it-tul tat-traineeships mal-istess impjegatur, u l-kuntratt għandu jkollu dispożizzjonijiet ċari dwar il-kopertura fis-sistemi tas-sigurtà soċjali u r-remunerazzjoni;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġġornaw u jirrevedu b'mod progressiv il-programmi operazzjonali tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tagħhom bl-involviment tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex jirfinaw l-azzjoni tagħhom abbażi tal-ħtiġijiet reali taż-żgħażagħ u tas-suq tax-xogħol;

25.  Jenfasizza li huwa possibbli biss li jiġi ddeterminat jekk il-baġit tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ huwiex jintefaq tajjeb, u jekk jinkisibx l-għan aħħari tal-Inizjattiva li tgħin sabiex iż-żgħażagħ jidħlu f'impjieg sostenibbli, ladarba l-operazzjonijiet ikunu mmonitorjati bir-reqqa u b'mod trasparenti fuq il-bażi ta' data affidabbli u komparabbli, u jekk l-Istati Membri li ma jkunux wettqu progress ikunu indirizzati b'manjiera aktar ambizzjuża; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-kwalità tad-data bħala kwistjoni ta' urġenza, u biex jiggarantixxu li jinġabru u jsiru disponibbli fil-mument opportun id-data u ċ-ċifri affidabbli u komparabbli dwar l-implimentazzjoni attwali tal-Inizjattiva favur l-Impjiegi taż-Żgħażagħ, b'mod aktar frekwenti milli huwa meħtieġ skont l-obbligu ta' rapportar annwali tagħhom, kif definit fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament FSE; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-linji gwida tagħha dwar il-ġbir ta' data f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-QEA sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' dikjarazzjoni eċċessiva tar-riżultati;

26.  Jinnota l-proposti u t-tipi differenti ta' programmi żviluppati mill-Istati Membri fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jikkunsidra li f'xi Stati Membri r-regolamentazzjoni nazzjonali kienet vaga fl-objettivi u l-approċċi tagħha, u mhux daqstant ċara fil-formulazzjoni tat-test tagħha, u offriet possibbiltajiet limitati għall-promozzjoni tal-impjiegi; huwa tal-fehma li l-marġni ta' diskrezzjoni konsiderevoli u n-nuqqas ta' mekkaniżmi ċari ta' superviżjoni xi drabi kkawżaw is-sostituzzjoni tal-postijiet tax-xogħol b'offerti fl-ambitu tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

27.  Jinsab imħasseb dwar ir-rapporti tal-użu mhux xieraq ta' miżuri ffinanzjati mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, inklużi pagamenti tard liż-żgħażagħ jew l-abbuż tal-internships, pereżempju minħabba l-użu eċċessiv tagħhom; jesprimi r-rieda tiegħu li jiġġieled dawn il-prattiki; huwa tal-fehma li kwalunkwe użu ripetut tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ m'għandhux imur kontra l-ispirtu tal-attivazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-għan tal-integrazzjoni aktar permanenti fis-suq tax-xogħol;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw, jikkondividu u jxerrdu l-aħjar prattiki maħsuba għat-tagħlim reċiproku ta' politiki u li jikkontribwixxu għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki bbażati fuq l-evidenza; jenfasizza li l-bidliet fis-suq tax-xogħol u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija jirrikjedu approċċ ġdid fir-rigward tal-politiki dwar l-impjieg għaż-żgħażagħ; jinnota li jeħtieġ li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tiffoka fuq l-użu ta' għodod effettivi biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u m'għandhiex tirriċikla politiki dwar l-impjiegi li jkunu ineffettivi;

29.  Itenni li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ tikkunsidra l-approċċi bbażati fuq is-sħubija bħala element kruċjali sabiex jiġu implimentati l-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ u sabiex jintlaħqu n-NEETs; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw approċċ ta' sħubija billi jidentifikaw u jinvolvu b'mod attiv lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u jippromwovu aħjar il-programm ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ fost in-negozji, b'mod partikolari l-SMEs u l-kumpaniji iżgħar immexxija mill-familji; jenfasizza li l-evidenza mill-Istati Membri li kienu diġà adottaw approċċi simili għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ qabel ma ġie introdott il-programm turi li approċċ b'suċċess ibbażat fuq il-partijiet ikkonċernati huwa importanti sabiex l-implimentazzjoni tkun suċċess;

30.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħala intermedjarji bejn iż-żgħażagħ u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex jaħdmu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali meta jkunu qed jikkomunikaw, jippjanaw, jimplimentaw u jevalwaw l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

31.  Jenfasizza l-importanza ta' servizzi pubbliċi tal-impjiegi kompetenti u modernizzati sabiex jiġu pprovduti servizzi personalizzati lin-NEETs; jistieden lill-Istati Membri biex, meta jkunu qed jimplimentaw l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, jikkoordinaw aħjar is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tagħhom fil-livell tal-UE fil-qafas tan-Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi; jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' sinerġiji ulterjuri bejn il-fornituri pubbliċi u privati tal-impjiegi, l-impriżi u s-sistemi edukattivi; iħeġġeġ l-użu wiesa' tal-gvern elettroniku sabiex titnaqqas il-burokrazija żejda;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi stima speċifika għall-pajjiż tal-ispiża annwali għal kull Stat Membru biex jimplimenta l-Garanzija għaż-Żgħażagħ b'mod effettiv, filwaqt li titqies l-istima tal-ILO;

33.  Jenfasizza li huwa essenzjali li tingħata spinta lill-għadd ta' apprendistati disponibbli fil-qafas tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, peress li dawn jirrappreżentaw biss 4,1 % tal-offerti li ġew aċċettati s'issa;

Kummenti finali

34.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' strateġija biex l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tinbidel minn strument kontra l-kriżijiet fi strument ta' finanzjament tal-UE aktar stabbli li jindirizza l-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-perjodu post-2020, filwaqt li jiżgura l-użu rapidu u mhux ikkomplikat tal-fondi, u li jistabbilixxi rekwiżit ta' kofinanzjament sabiex tiġi enfasizzata r-responsabbilta primarja tal-Istati Membri; jinnota li l-estensjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-QEA; jenfasizza li l-għan ġenerali tal-programm huwa l-integrazzjoni sostenibbli taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti objettivi ċari u miżurabbli; jenfasizza li dawn l-elementi għandhom jiġu diskussi fil-kuntest tal-QFP li jmiss sabiex jiġu żgurati l-kontinwità, il-kosteffettività u l-valur miżjud;

35.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jenfasizza li huma assolutament meħtieġa sforzi addizzjonali u impenji politiċi u finanzjarji kontinwi sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ; ifakkar, b'mod partikolari, fl-importanza li jiġi żgurat finanzjament ta' mill-inqas EUR 700 miljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-perjodu bejn l-2018 u l-2020, kif miftiehem fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; jitlob ukoll l-allokazzjoni ta' approprjazzjonijiet ta' pagament suffiċjenti sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa u f'waqtha tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kwalità tal-offerti fil-qafas tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u jitlob diskussjoni futura dwar il-grupp ta' età eliġibbli;

37.  Huwa tal-fehma li sabiex il-qafas ta' kwalità tal-impjiegi għaż-żgħażagħ isir operazzjonali għandu jsir progress fl-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni b'bażi legali fl-Artikoli 292 u 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u għandhom jittieħdu firxa ta' miżuri informattivi, bħal pereżempju l-ħolqien ta' sit web aċċessibbli faċilment li jinżamm aġġornat b'informazzjoni rilevanti dwar ir-regolamentazzjoni tat-traineeships f'kull Stat Membru;

38.  Jirrikonoxxi li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija strument finanzjarju maħsub biex jikkomplementa l-inizjattivi tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-livell għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u li għandhom isiru sforzi akbar mill-Istati Membri biex ikun hemm rabta aħjar bejn is-sistemi edukattivi u s-swieq tax-xogħol, sabiex iż-żgħażagħ jiġu integrati fis-swieq tax-xogħol b'mod sostenibbli; jilqa' l-miżuri u l-politiki fis-seħħ maħsuba biex jindirizzaw in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet eżistenti; jirrikonoxxi li l-utilizzazzjoni tal-ħiliet għadha sfida madwar l-Ewropa kollha, u għalhekk iqis li hu neċessarju li jiġi żgurat li jkun hemm tlaqqigħ aħjar tal-ħiliet li hemm domanda għalihom u dawk offruti;

39.  Jikkunsidra li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ huma essenzjali għat-twettiq effikaċi tal-prinċipji ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-prinċipju Nru 1 dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja; il-prinċipju Nru 4 dwar appoġġ attiv għall-impjiegi; il-prinċipju Nru 5 dwar impjiegi siguri u adattabbli; il-prinċipju Nru 6 dwar il-pagi; il-prinċipju Nru 8 dwar id-djalogu soċjali u l-involviment tal-ħaddiema; il-prinċipju Nru 10 dwar ambjent tax-xogħol tajjeb għas-saħħa, sikur u adattat sew u l-protezzjoni tad-data; il-prinċipju Nru 12 dwar il-protezzjoni soċjali; il-prinċipju Nru 13 dwar il-benefiċċji f'każ ta' qgħad; u l-prinċipju Nru 14 dwar id-dħul minimu;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi konġunti tagħhom mal-ILO bil-għan li tiġi pprovduta informazzjoni adattata u tinbena l-kapaċità tal-pajjiżi sabiex jimplimentaw u jevalwaw l-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-aspetti li ġejjin: l-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa u sostenibbli tal-inizjattiva, it-titjib tal-kapaċità tagħha li tilħaq lin-NEETs mhux reġistrati u ż-żgħażagħ bi kwalifiki baxxi, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-titjib tal-kwalità tal-offerti;

41.  Jinnota li fl-istennija li l-Kummissjoni toħroġ iċ-ċifri finali pprovduti lilha mill-Istati Membri, in-numru ta' żgħażagħ li lestew il-programm tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fi tmiem l-2015 kien stmat għal 203 000 persuna, li jikkostitwixxi 4 % tal-parteċipanti; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta' parteċipanti fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ li ma spiċċawx il-programm f'xi Stati Membri; jikkunsidra li huwa importanti li jissaħħu l-inċentivi sabiex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ jikkunsidraw l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bħala programm utli;

42.  Ifakkar li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-miżuri li jrawmu l-integrazzjoni tan-NEETs fis-suq tax-xogħol, inklużi apprendistati, traineeships u internships imħallsa, iżda m'għandhiex issir strument li jissostitwixxi l-impjieg imħallas reali;

43.  Jissuġġerixxi l-istabbiliment ta' hotline tal-UE kontra l-ksur tad-drittijiet taż-żgħażagħ sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jirrapportaw direttament lill-Kummissjoni kwalunkwe esperjenza negattiva fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżuri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, sabiex b'hekk tkun tista' tinġabar l-informazzjoni u jkunu jistgħu jiġu investigati r-rapporti ta' prattiki abbużivi fl-użu tal-politiki ffinanzjati mill-UE;

44.  Jilqa' r-referenza li tinsab fl-ittra ta' intenzjoni mehmuża mad-diskors tal-President Juncker dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 għal proposta biex tiġi stabbilita Awtorità Ewropea tax-Xogħol sabiex ikun hemm kemm tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-suq tax-xogħol fil-livelli kollha u ġestjoni aħjar tas-sitwazzjonijiet transkonfinali, kif ukoll inizjattivi ulterjuri li jappoġġaw il-mobilità ġusta;

45.  Jirrikonoxxi s-suċċess tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fit-tnaqqis tar-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u, b'mod partikolari, fl-iżgurar tal-bilanċ bejn il-ġeneri, bir-riżultat li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ laħqet madwar 48 % tal-irġiel u 52 % tan-nisa;

46.  Jitlob, fil-kuntest tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ. l-implimentazzjoni sħiħa kemm tad-Direttiva 2000/78/KE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol kif ukoll tad-Direttiva 2010/41/UE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom;

47.  Iqis neċessarju li l-Kummissjoni u l-Istati Membri joħorġu b'miżuri pożittivi sabiex ikun żgurat li n-nisa u l-bniet jirċievu offerti ta' impjiegi ta' kwalità tajba u ma jiġux impjegati jew maqbuda f'impjiegi prekarji, b'salarji mhux imħallsa biżżejjed u impjiegi temporanji bi drittijiet limitati jew bl-ebda dritt bħala ħaddiema;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru data statistika diżaggregata skont il-ġeneru sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tniedi valutazzjoni tal-impatt tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-influwenza tagħha fuq il-bilanċ bejn il-ġeneri sabiex tkun tista' ssir evalwazzjoni u analiżi bir-reqqa tal-implimentazzjoni tagħha;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jsibu modi kif jappoġġaw id-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni jew it-taħriġ ta' nisa żgħażagħ, billi jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-aċċess għall-impjiegi, il-progress fil-karriera, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata, u l-għoti ta' servizzi għall-indukrar tat-tfal u tal-adulti, u billi jippromwovu paga ugwali għal ħaddiema nisa u rġiel għal xogħol ugwali jew xogħol ta' valur ugwali;

50.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu sforz ulterjuri biex itejbu l-miżuri fis-sistemi edukattivi li jgħinu liż-żgħażagħ f'riskju jibqgħu protetti;

51.  Jinnota bi tħassib li l-aktar rapporti ta' valutazzjoni riċenti(10) indikaw li matul l-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tagħha, l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ kellha t-tendenza li tiffoka l-aktar fuq NEETs b'livell għoli ta' edukazzjoni, aktar milli fuq dawk bi ftit ħiliet, mhux attivi u mhux irreġistrati mis-servizzi pubbiċi tal-impjiegi;

52.  Jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw dan in-nuqqas sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ billi jiżviluppaw, fost affarijiet oħrajn, miżuri ta' segwitu speċifiċi bil-għan li jiġu implimentati politiki dwar iż-żgħażagħ ibbażati aktar fuq l-evidenza, effettivi u sostenibbli;

53.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tippermetti liż-żgħażagħ kollha fil-grupp ta' età identifikat jirreġistraw u jieħdu sehem b'mod effikaċi fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ(11);

54.  Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' regolamentazzjoni tal-offerti ta' traineeships fis-suq miftuħ f'dak li jirrigwarda t-trasparenza tar-reklutaġġ, id-durata u r-rikonoxximent, u jinnota li ftit biss huma l-Istati Membri li stabbilew kriterji minimi tal-kwalità, inkluż għall-fini ta' monitoraġġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

55.  Jirrikonoxxi li l-investimenti tal-baġit tal-UE permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ħallew impatt, u għaġġlu l-espansjoni tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ; iqis li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tirrappreżenta valur miżjud tal-UE ċar, peress li bosta skemi ta' impjieg taż-żgħażagħ ma setgħux jiġu implimentati mingħajr l-impenn tal-UE;

56.  Jinnota li l-allokazzjoni finanzjarja oriġinali għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fil-QFP 2014-2020 kienet ta' EUR 6,4 biljun, li EUR 3,2 biljun minnhom oriġinaw minn linja baġitarja ddedikata, u ġew imqabbla b'ammont ugwali mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE);

57.  Jissottolinja li, fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, ġiet approvata politikament allokazzjoni addizzjonali ta' EUR 1,2 biljun għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għall-perjodu 2017-2020, li għandha tiġi mqabbla b'ammont ugwali mill-FSE; jenfasizza, madankollu, li l-allokazzjoni finali għal dan il-programm se tiġi determinata matul il-proċeduri baġitarji annwali li ġejja;

58.  Jilqa' l-fatt li, fuq insistenza min-naħa tal-Parlament, ir-riżultat tal-proċess ta' konċiljazzjoni dwar il-baġit tal-UE għall-2018 kien żieda fl-allokazzjoni speċifika proposta oriġinarjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ta' EUR 116,7 miljun f'approprjazzjonijiet ġodda, biex issa din tammonta għal total ta' EUR 350 miljun fl-2018; jinnota l-impenn unilaterali mill-Kummissjoni li tipproponi żieda addizzjonali ta' finanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ permezz ta' baġit emendatorju f'każ li l-kapaċità ta' assorbiment tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tippermetti żieda;

59.  Iqis li l-baġit ġenerali tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ma jissodisfax id-domanda reali u r-riżorsi meħtieġa biex jigi żgurat li l-programm jilħaq il-miri tiegħu; ifakkar li bħala medja, 42 % tan-NEETs biss ġew milħuqa u din iċ-ċifra taqa' għal anqas minn 20 % f'għadd ta' Stati Membri; jitlob, għalhekk, żieda sinifikanti fl-allokazzjoni għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ skont il-QFP li jmiss, u li l-Istati Membri jipprevedu skemi għall-impjiegi taż-żgħażagħ fil-baġits nazzjonali tagħhom;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm konsistenza fost l-investimenti fir-rigward tal-impjiegi taż-żgħażagħ billi tippromwovi sinerġiji bejn is-sorsi disponibbli u toħloq regoli omoġenji ppreżentati fi gwida olistika, bil-għan li jiġu żgurati impatt akbar, sinerġiji aħjar, aktar effikaċja u simplifikazzjoni fil-prattika; ifakkar fil-prijorità li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet ta' ġestjoni; jenfasizza kemm l-importanza tar-rapporti speċifiċi għall-pajjiż dwar il-finanzjament tal-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ li jimmonitorjaw ukoll is-sinerġiji bejn il-baġits nazzjonali u l-baġit tal-UE, kif ukoll il-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar u kooperazzjoni aktar mill-qrib fost il-partijiet interessati ewlenin fil-proċess;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-ippjanar tal-investimenti fir-rigward tal-impjiegi taż-żgħażagħ wara l-2020 billi tapplika bis-sħiħ l-approċċ użat fl-ipprogrammar tal-Fondi SIE, fejn il-finanzjament huwa suġġett għal ippjanar preliminari komprensiv u għal evalwazzjoni ex-ante li tiġi segwita mill-konklużjoni tal-ftehimiet ta' sħubija; iqis li dan l-approċċ iżid l-impatt tal-baġit tal-UE; jinnota l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-Istati Membri, bi programmi operattivi ddedikati u b'kontribuzzjonijiet sinifikanti mill-baġits nazzjonali u reġjonali;

62.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tfassal mill-ġdid il-mekkaniżmu ta' evalwazzjoni attwali billi tiffoka fuq kriterji unifikati ta' eżitu u fuq l-awditjar tal-prestazzjoni fil-proċess tar-rappurtar annwali u finali sabiex jiġi mmonitorjat aħjar l-impatt tal-baġit tal-UE; jitlob l-applikazzjoni ta' indikaturi mifruxa mal-UE kollha, bħas-sehem ta' parteċipanti fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol primarju bħala riżultat ta' interventi ffinanzjati mill-UE;

63.  Jisħaq, madankollu, li r-riforma fl-ippjanar u r-rappurtar ma għandhiex tittardja l-implimentazzjoni tal-baġit u ma għandhiex tiġġenera piż amministrattiv eċċessiv għall-awtoritajiet ta' ġestjoni u partikolarment għall-benefiċjarji finali;

64.  Jirrikonoxxi li l-piż amministrattiv eżistenti jxekkel il-kapaċità ta' investiment tal-baġit tal-UE, speċjalment fil-każ ta' strumenti b'perjodi ta' implimentazzjoni aktar qosra bħall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jitlob, għalhekk, proċeduri ta' sejħiet għall-offerti aktar allinjati b'enfasi fuq it-tħejjija mħaffa tal-offerti u proċeduri aktar qosra biex tiġi appellata deċiżjoni; jinnota l-effett pożittiv iġġenerat mill-użu tal-għażliet tal-ispejjeż issimplifikati (SCOs) fin-nefqa tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; jitlob l-introduzzjoni tal-SCOs fil-proġetti tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ mifruxa madwar l-UE kollha sabiex titnaqqas b'mod sinifikanti l-burokrazija żejda u titħaffef l-implimentazzjoni baġitarja.

65.  Jenfasizza li minn issa l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija l-fond bl-aħjar prestazzjoni fost il-Fondi SIE kollha f'termini ta' implimentazzjoni finanzjarja;

66.  Jilqa' l-fatt li l-miżuri tal-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ipprovdew appoġġ għal aktar minn 1,6 miljun żagħżugħ, u wasslu biex l-Istati Membri kkonsolidaw operazzjonijiet li kienu jammontaw għal aktar minn EUR 4 biljun;

67.  Jinnota li nuqqas ta' informazzjoni dwar l-ispiża potenzjali tal-implimentazzjoni ta' skema fi Stat Membru jista' jirriżulta f'finanzjament inadegwat għall-implimentazzjoni tal-iskema u l-ilħuq tal-objettivi tagħha; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu analiżi ex-ante u jfasslu ħarsa ġenerali tal-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġu stabbiliti sistemi ta' monitoraġġ anqas burokratiċi u aktar aġġornati għall-bqija tal-finanzjament tal-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

69.  Jitlob enfasi fuq ir-riżultati tal-Inizjattiva Favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, billi jiġu definiti indikaturi konkreti marbuta ma' servizzi ġodda u miżuri ta' appoġġ tas-suq tax-xogħol stabbiliti permezz tal-programm fl-Istati Membri u n-numru ta' kuntratti permanenti offruti;

70.  Jemmen li, sabiex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-iskemi, jeħtieġ li jiġu evalwati l-aspetti kollha, inkluż il-valur għall-flus tal-iskema; jinnota l-istimi preċedenti tal-ILO u l-Eurofound, u jitlob lill-Kummissjoni tikkonferma jew taġġorna dawn il-projezzjonijiet;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu għanijiet realistiċi u li jistgħu jinkisbu, jivvalutaw id-disparitajiet, janalizzaw is-suq qabel l-implimentazzjoni tal-iskemi, u jtejbu s-sistemi ta' superviżjoni u ta' notifika;

o
o   o

72.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(2) ĠU L 126, 21.5.2015, p. 1.
(3) ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2017)0390.
(5) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 69.
(6) ĠU L 113, 29.4.2017, p. 56.
(7) Ir-rapport tal-Kummisjoni ta' Diċembru 2013, bit-titolu "Employment and Social Developments in Europe 2013" (L-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2013).
(8) Ir-rapport tal-Eurofound ta' Awwissu 2014 intitolat "Profili okkupazzjonali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol: Identifikazzjoni tal-gruppi bi żvantaġġi multipli".
(9) Miżuri oħra jinkludu, l-inizjattiva "Żgħażagħ Attivi", imnedija f'Settembru 2010, l-"Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ", imnedija f'Diċembru 2011 u l-inizjattiva "Gruppi ta' Azzjoni għaż-Żgħażagħ" imnedija f'Jannar 2012.
(10) Ir-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-QEA dwar l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; Ir-Rapport Finali tad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea ta' Ġunju 2016 dwar l-ewwel riżultati tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ; Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara (COM(2016)0646); L-Analiżi fil-Fond mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea".
(11) Il-qafas leġiżlattiv ta' ċerti pajjiżi jiddefinixxi lil ċerti żgħażagħ, b'mod partikolari dawk b'diżabilitajiet severi, bħala "mhux kapaċi jaħdmu". Dawn ma jistgħux jirreġistraw mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u, għaldaqstant, ma jistgħux jieħdu sehem fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Settembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza