Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2072(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0019/2018

Testi mressqa :

A8-0019/2018

Dibattiti :

PV 01/03/2018 - 2
CRE 01/03/2018 - 2

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.16

Testi adottati :

P8_TA(2018)0058

Testi adottati
PDF 479kWORD 67k
Il-Ħamis, 1 ta' Marzu 2018 - Brussell
Unjoni Bankarja - Rapport Annwali 2017
P8_TA(2018)0058A8-0019/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2017 (2017/2072(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar "L-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016"(1),

–  wara li kkunsidra l-feedback tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Frar 2017 dwar "L-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2017 dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (COM(2017)0591),

–  wara li kkunsidra l-proposti li jemendaw ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (CRR), u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (CRDIV),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta' Novembru 2017 dwar emendi fil-qafas tal-Unjoni għal rekwiziti tal-kapital ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) tal-9 ta' Lulju 2017 dwar l-implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017 dwar il-pjan ta' azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Sottogrupp dwar Self Improduttiv (NPLs) tal-Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra l-gwida tal-BĊE lill-banek dwar is-self improduttiv tal-20 ta' Marzu 2017, u l-konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tal-addendum għal din il-gwida tal-4 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2017 dwar garanziji statutorji ta' kontinġenza prudenzjali li jindirizzaw il-provvediment insuffiċjenti ta' self li għadu kif joriġina u li jsir improduttiv,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BERS tal-11 ta' Lulju 2017 dwar is-sejba ta' soluzzjoni għal self improduttiv fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-10 ta' Lulju 2017 dwar l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għal self improduttiv u assi f'diffikultà u l-protezzjoni ta' kredituri garantiti mill-inadempjenza tas-selliefa,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-BĊE tas-6 ta' Ġunju 2017 li fiha ddetermina li Banco Popular Español S.A. kien qed ifalli jew x'aktarx kien se jfalli,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) tas-7 ta' Ġunju 2017 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' Banco Popular Español S.A.,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-BĊE tat-23 ta' Ġunju 2017 li fiha ddetermina li Veneto Banca u Banca Popolare di Vicenza kienu qed ifallu jew x'aktarx kienu se jfallu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-SRB tat-23 ta' Ġunju 2017 dwar id-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' Banca Popolare di Vicenza u Veneto Banca,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2017 dwar l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-ħruġ mis-suq ta' Banca Popolare di Vicenza u ta' Veneto Banca skont il-liġi Taljana dwar l-insolvenza, li tinvolvi l-bejgħ ta' xi partijiet lil Intesa Sanpaolo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja ta' Monte dei Paschi di Siena,

–  wara li kkunsidra l-verżjoni ta' Frar 2017 tal-gwida tal-BĊE għar-reviżjoni mmirata ta' mudelli interni (TRIM),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-verżjoni ta' Lulju 2017 tal-gwida tal-BĊE għall-ispezzjonijiet fuq il-post u l-investigazzjonijiet ta' mudell intern,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tal-31 ta' Mejju 2017 dwar prinċipji ġenerali li jappoġġaw il-konverġenza superviżorja fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, kif ukoll it-tliet opinjonijiet tagħha tat-13 ta' Lulju 2017 dwar konverġenza superviżorja fl-oqsma ta' mmaniġġjar tal-investiment, ditti ta' investiment u swieq sekondarji fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) tat-12 ta' Ottubru 2017 dwar kwistjonijiet relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2017 dwar it-tisħiħ tas-superviżjoni integrata biex tissaħħaħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-integrazzjoni finanzjarja f'ambjent li qed jinbidel (COM(2017)0542) u l-proposti tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2017 dwar ir-rieżami tas-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF), inkluża l-proposta "omnibus" li temenda l-governanza, il-finanzjament u s-setgħat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE),

–  wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-BĊE tal-21 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' gwidi għal valutazzjonijiet ta' applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-istituzzjoni ta' kreditu u tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-istituzzjoni ta' kreditu FinTech,

–  wara li kkunsidra d-dokument dwar il-kundizzjonijiet tal-kapaċità totali ta' assorbiment tat-telf (TLAC) tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek – BRRD),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (Regolament SRM),

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni tat-23 ta' Novembru 2016 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2014/59/UE dwar il-kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni ta' istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment u li temenda d-Direttiva 98/26/KE, id-Direttiva 2002/47/KE, id-Direttiva 2012/30/UE, id-Direttiva 2011/35/UE, id-Direttiva 2005/56/KE, id-Direttiva 2004/25/KE u d-Direttiva 2007/36/KE, (COM(2016)0852), u għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 fir-rigward tal-kapaċità ta' assorbiment tat-telf u ta' rikapitalizzazzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment (COM(2016)0851),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-8 ta' Novembru 2017 dwar reviżjonijiet tal-qafas tal-Unjoni għall-immaniġġjar ta' kriżi(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Speċjali Nru 3/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tad-19 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni: Bdiet il-ħidma fuq kompitu diffikultuż relatat mal-Unjoni Bankarja, iżda għad hemm ħafna xi jsir",

–  wara li kkunsidra l-irtirar mill-Kummissjoni tal-proposta dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tal-UE (COM(2014)0043),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2017 bit-titolu "Il-pakkett ta' proċeduri ta' ksur għax-xahar ta' April: deċiżjonijiet ewlenin" (MEMO/17/1045),

–  wara li kkunsidra t-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-EBA, ir-Rapport dwar it-Tendenzi tal-ESMA, ir-Riskji u l-Vulnerabbiltajiet Nru 2 (2017), it-Tabella Operattiva tar-Riskji tal-BERS, ir-Rapport Annwali tal-BERS 2016, ir-Rieżami tal-BERS dwar il-Politika Makroprudenzjali fl-UE ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2017/2399/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-istrumenti ta' dejn mhux garantiti fil-ġerarkija tal-insolvenza,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 107(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja ("il-Komunikazzjoni dwar il-Banek")(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (id-DGSD),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti ("EDIS") (COM(2015)0586),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja" (COM(2015)0587),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN tas-17 ta' Ġunju 2016 dwar pjan direzzjonali biex titlesta l-Unjoni Bankarja,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2017 dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja (COM(2017)0592),

–  wara li kkunsidra l-Monitoraġġ tas-Sistema Bankarja "parallela" tal-UE tal-BERS Nru 2 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BERS ta' Marzu 2015 dwar it-trattament regolatorju ta' skoperturi sovrani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0019/2018),

A.  billi fuq bażi mhux ikkonsolidata, in-numru totali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona tal-euro kien ta' 5 073 fi tmiem l-2016, li niżel minn 5 474 fi tmiem l-2015 u minn 6 768 fi tmiem l-2008, li jammonta għal tnaqqis ta' 25 % matul il-perjodu mill-2008 sal-2016; billi fuq bażi kkonsolidata, in-numru totali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona tal-euro kien ta' 2 290 fi tmiem l-2016, li niżel minn 2 904 fi tmiem l-2008 u 2 379 fi tmiem l-2005(6); billi, madankollu, huwa xieraq li tiġi inkluża referenza dwar kif il-proporzjon ta' banek "kbar wisq biex ifallu" inbidel matul l-istess perjodu;

B.  billi hemm dispersjoni kbira tal-ammont totali u tal-proporzjonijiet tas-self improduttiv bejn l-Istati Membri, u hemm differenzi sostanzjali fil-banek f'dawk il-pajjiżi li għandhom l-ogħla perċentwalijiet tas-self improduttiv; billi l-istokk ta' self improduttiv kien jammonta għal total ta' EUR 1 triljun, skont rapport tal-BERS ta' Lulju 2017 bit-titolu, "Is-sejba ta' soluzzjoni għal self improduttiv fl-Ewropa"; billi, skont it-Tabella Operattiva tar-Riskji trimestrali tal-EBA, il-banek prinċipali tal-Ewropa rrapportaw perċentwal medju ponderat tas-self improduttiv (self improduttiv, gross tal-indebolimenti, diviż bis-self totali) ta' 4,47 % sa mit-30 ta' Ġunju 2017; billi dan il-proporzjon were xejra ta' tnaqqis matul dawn l-aħħar 30 xahar;

C.  billi skont studju riċenti li tal-Awtorità Ewropea għas-Swieq Finanzjarji (ESMA), is-suq tad-derivattivi fl-Unjoni Ewropea għandu valur nozzjonali totali ta' EUR 453 000 biljun;

D.  billi l-Unjoni Bankarja teħtieġ tisħiħ peress li hija objettiv fundamentali għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona euro, u hija element kostitwenti indispensabbli għal Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina; billi jinħtieġu aktar sforzi għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja, peress li hija tibqa' mhux kompluta sakemm din ma jkollhiex garanzija ta' kontinġenza fiskali u t-tielet pilastru, li huwa approċċ Ewropew għall-assigurazzjoni/riassigurazzjoni tad-depożiti; billi l-President tal-BĊE, Mario Draghi, ddikjara ripetutament li Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) tibqa' pilastru fundamentali tal-Unjoni Bankarja; billi Unjoni Bankarja kompluta hija fundamentali biex tinkiser ir-rabta bejn ir-riskji bankarji u r-riskji s-sovrani; billi jeħtieġ li jissaħħu l-isforzi biex issir bidla minn rikapitalizzazzjoni għal rikapitalizzazzjoni interna; billi r-riskji f'ċerti sistemi bankarji nazzjonali għadhom mhux indirizzati biżżejjed; billi l-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli attwali jikkostitwixxu tieqa ta' opportunità biex jitmexxew 'il quddiem ir-riformi neċessarji biex titlesta l-Unjoni Bankarja;

E.  billi d-dewmien ta' tindif xieraq tal-karti bilanċjali tal-banek wara l-kriżi, xorta waħda qiegħed ixekkel it-tkabbir ekonomiku; billi, b'mod ġenerali, il-perċentwali kapitali u tal-likwidità tal-banek fl-UE tjiebu f'dawn l-aħħar snin, filwaqt li ħafna banek, inkluż dawk kbar, għadhom sottokapitalizzati; billi għalkemm għadhom jippersistu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, dawn diġà tnaqqsu b'mod sostanzjali mill-bidu tal-istabbiliment tal-Unjoni Bankarja; billi l-qafas istituzzjonali u regolatorju tal-banek Ewropew ssaħħaħ b'mod fundamentali;

F.  billi l-parteċipazzjoni fl-Unjoni Bankarja hija miftuħa għall-Istati Membri li għadhom ma adottawx l-euro; billi l-ebda Stat Membru sa issa ma ddeċieda li jipparteċipa fuq din il-bażi; billi bosta Stati Membri qegħdin jiddiskutu l-possibbiltà li jissieħbu fl-Unjoni Bankarja; billi l-istituzzjonijiet finanzjarji differenti jaraw vantaġġi fil-fatt li jkunu jagħmlu parti mill-Unjoni Bankarja;

G.  billi l-ħidma tagħna fuq l-unjoni tas-swieq kapitali jenħtieġ li ma tbiegħedx il-pressjoni mit-tlestija tal-ħidma tagħna fuq l-unjoni bankarja, li xorta għadha prerekwiżit għall-istabbiltà finanzjarja fil-kuntest ta' dipendenza fuq il-banek li tikkaratterizza lill-Unjoni Ewropea;

H.  billi r-responsabbiltà primarja tal-banek hija li jipprovdu finanzi lill-ekonomija reali;

I.  billi minkejja li l-BĊE jeħtieġlu ċertu grad ta' flessibbiltà fit-twettiq tar-rwol superviżorju tiegħu, finalment id-deċiżjonijiet fundamentali u estensivi jridu fl-aħħar mill-aħħar jittieħdu mil-leġiżlatur Ewropew;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża r-regolament bħala l-għodda leġiżlattiva meta tipproponi leġiżlazzjoni bankarja;

Superviżjoni

2.  Jieħu nota tal-valutazzjonijiet "li qed ifallu jew li x'aktarx se jfallu" tal-BĊE fil-każijiet bankarji tal-2017; jinnota wkoll li l-mekkaniżmu ta' superviżjoni u l-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni b'mod ġenerali qegħdin jaħdmu f'dan il-kuntest, u jaqbel mal-Kummissjoni li l-proċeduri li jwasslu għal deċiżjonijiet dwar jekk bank hux "qiegħed ifalli jew li x'aktarx se jfalli" jeħtieġ li jitjiebu;

3.  Jinnota t-testijiet tal-istress li jmiss tal-EBA fl-2018; jistieden lill-EBA, lill-BERS, lill-BĊE u lill-Kummissjoni jużaw metodoloġiji, xenarji u suppożizzjonijiet konsistenti meta jiddefinixxu t-testijiet tal-istress sabiex jiġu evitati kemm jista' jkun possibbli distorzjonijiet potenzjali bejn ir-riżultati u l-ispariġġ, kif muri, bejn ir-riżultati tat-testijiet tal-istress u d-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni meħuda ftit wara l-preżentazzjoni ta' dawn ir-riżultati; jissottolinja, madankollu, li s-solidità ta' bank ma tistax tiġi koperta minn valutazzjoni abbażi ta' punt fiż-żmien tal-karta bilanċjali tiegħu biss, peress li din tiġi żgurata permezz ta' interazzjonijiet dinamiċi bejn il-bank u s-swieq, u hija affettwata minn diversi elementi fl-ekonomija kollha kemm hi; iqis, barra minn hekk, li t-test tal-istress tal-BĊE għal banek addizzjonali taħt is-superviżjoni tiegħu jista' jgawdi minn aktar trasparenza;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-EBA bħala awtorità regolatorja u l-MSU bħala awtorità superviżorja; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għad-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-BĊE u l-EBA, u għad-differenza fil-kamp ta' applikazzjoni ġeografika tal-attivitajiet ta' kull istituzzjoni; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li koordinazzjoni konkreta tal-inizjattivi li għandhom jittieħdu miż-żewġ istituzzjonijiet titjieb kull fejn huwa prattikabbli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-ġabra unika tar-regoli, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-MSU għandu jkollu rwol ewlieni meta jiġu identifikati kwistjonijiet speċifiċi għall-Unjoni Bankarja jew lakuni regolatorji;

5.  Jilqa' l-fatt li l-Unjoni Bankarja tejbet l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti bejn l-awtoritajiet superviżorji, u tejbet il-ġbir u l-iskambju ta' data dwar is-sistema bankarja Ewropea, b'hekk tikkontribwixxi għal pereżempju valutazzjoni komparattiva aħjar, u tippermetti superviżjoni aktar olistika tal-gruppi bankarji transfruntiera; jilqa' l-ħidma eċċellenti tat-timijiet superviżorji konġunti (JSTs); jinnota, madankollu, li l-Kummissjoni identifikat oqsma fejn jeħtieġ li jsir titjib b'rabta mal-iskambju ta' informazzjoni u koordinazzjoni bejn is-superviżjoni bankarja tal-BĊE u l-SRB, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet kruċjali ta' jekk istituzzjoni hijiex eliġibbli għal rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja u jekk hijiex qed tfalli jew x'aktarx li se tfalli; jinnota li l-memorandum ta' qbil attwali bejn il-BĊE u l-SRB mhuwiex komprensiv biżżejjed biex jiżgura li l-SRB jkollu l-informazzjoni kollha li jeħtieġ mill-BĊE biex iwettaq il-kompiti tiegħu b'mod effiċjenti u f'waqtu; jistieden lill-BĊE u lill-SRB biex jieħdu l-opportunità li qegħdin joffru d-diskussjonijiet attwali dwar l-aġġornament tal-memorandum ta' qbil bejniethom sabiex jagħlqu l-lakuni eżistenti u jtejbu l-effikaċja tal-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni; jitlob li jsir titjib fil-modalitajiet prattiċi ta' kooperazzjoni u fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji u ta' riżoluzzjoni, li huma kruċjali għat-twettiq ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li jkunu mingħajr xkiel u effikaċi, u bejn il-korpi Ewropej u nazzjonali kollha involuti fl-intervent bikri u fir-riżoluzzjoni; jistieden lill-BĊE u lill-SRB jibqgħu jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom ta' kuljum u jsaħħu r-relazzjoni tal-ħidma tagħhom; jilqa', f'dan ir-rigward, il-bidla fir-Regolament MSU rilevanti sabiex rappreżentant tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jitħalla jkun osservatur permanenti fil-laqgħat tal-Bord Superviżorju tal-MSU; jitlob li jkun hemm ftehim interistituzzjonali bejn il-BĊE u l-ECA sabiex jiġi speċifikat l-iskambju ta' informazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet fi ħdan il-mandati rispetti tagħhom kif definiti fit-Trattati;

6.  Jinnota li fl-2017, ġiet applikata d-dispożizzjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD); jinnota li jenħtieġ li jiġi ċċarat l-użu tal-analiżi tal-kwalità tal-assi sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex issodisfati il-kundizzjonijiet għar-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja; jenfasizza li l-valutazzjoni minn qabel tal-assi trid tkun ibbażata fuq evidenza soda, b'mod partikolari li turi li l-bank huwa solventi u konformi mar-regoli Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat; jistieden lill-Kummissjoni, lill-MSU u lill-SRB biex jirriflettu dwar modi biex iżidu t-trasparenza meta jivvalutaw is-solvenza tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u meta jqisu d-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni;

7.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-livell għoli ta' self improduttiv (NPLs) f'ċerti ġurisdizzjonijiet; jilqa' l-isforzi ta' diversi Stati Membri biex inaqqsu l-livell ta' self improduttiv; jaqbel mal-Kummissjoni li "filwaqt li l-Istati Membri u l-banek stess għandhom responsabbiltà primarja fl-indirizzar tas-Selfiet Improduttivi, l-integrazzjoni tal-isforzi fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea hi ġġustifikata biex jitħalla impatt fuq l-akkumulazzjonijiet ta' Selfiet Improduttivi u biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni fil-futur ta' Selfiet Improduttivi ġodda fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek"(7);

8.  Jilqa', b'mod ġenerali, il-ħidma li saret mill-istituzzjonijiet u l-korpi differenti tal-UE dwar din il-kwistjoni; jixtieq jara, madankollu, koordinazzjoni aħjar bejn l-isforzi tagħhom; jistieden lil dawn l-atturi u lill-Istati Membri jimplimentaw kif xieraq u malajr il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2017 dwar il-pjan ta' azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa; jistenna b'interess il-pakkett ta' miżuri biex jiġi aċċellerat it-tnaqqis tas-self improduttiv li se jiġi propost fix-xhur li ġejjin; jappoġġa, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tesplora l-armonizzazzjoni potenzjali f'termini prudenzjali fil-livell tal-UE ta' self ġdid li jsir self improduttiv; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi biex tħeġġeġ l-għoti ta' informazzjoni lill-investituri potenzjali, l-istabbiliment ta' kumpaniji maniġerjali tal-assi ddedikati ("banek tal-assi ħżiena") u l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għas-self improduttiv sabiex tiġi indirizzata l-problema kbira ta' self improduttiv; ifakkar il-ħtieġa għall-Istati Membri biex itejbu u jarmonizzaw fejn meħtieġ il-qafas tal-insolvenza, inkluż permezz ta' ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-ristrutturar bikri u t-tieni opportunità, u bl-għan li jiġu salvagwardjati d-debituri l-aktar vulnerabbli bħalma huma l-SMEs u l-unitajiet domestiċi;

9.  Jilqa' l-intenzjoni li jiġi aċċellerat it-tindif tal-karti bilanċjali tal-banek, filwaqt li jenfasizza li r-rimi obbligatorju ta' self improduttiv f'suq illiwkwidu u opak jista' jirriżulta f'telf mhux ġustifikat fil-karti bilanċjali tal-banek; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-abbozz ta' addendum għall-gwida tal-BĊE dwar is-self improduttiv; jissottolinja li, f'dan il-proċess ta' monitoraġġ u valutazzjoni skont il-ftehimiet ta' superviżjoni bankarja, il-BĊE taħt l-ebda ċirkostanza m'għandu jillimita l-privileġġi tal-leġiżlatur Ewropew; ifakkar li l-prinċipji ġenerali tat-tfassil tal-liġijiet fl-Unjoni li jirrikjedu valutazzjonijiet tal-impatt u konsultazzjoni, kif ukoll il-valutazzjoni tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà huma wkoll rilevanti għal-leġiżlazzjoni tat-tielet livell;

10.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar ir-riskji li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f'assi tat-tielet livell, inklużi d-derivattivi, u b'mod partikolari mid-diffikultà tal-valutazzjoni tagħhom; jilqa' f'dan ir-rigward l-inklużjoni min-naħa tal-EBA fil-proċeduri għat-testijiet tal-istress tal-2018 ta' trattament speċifiku għar-riskji li jirriżultaw mill-istrumenti tat-tieni u tat-tielet livell; itenni mill-ġdid l-appell tiegħu lill-MSU biex jagħmel il-kwistjoni waħda ta' prijorità fis-superviżjoni unika għall-2018;

11.  Ifakkar li hemm riskji assoċjati mad-dejn sovran; jinnota li f'xi Stati Membri l-istituzzjonijiet finanzjarji investew wisq f'bonds maħruġa mill-gvernijiet tagħhom stess, u dan jikkostitwixxi "tendenza għas-suq domestiku (home bias)" eċċessiv, filwaqt li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Bankarja huwa li tinkiser ir-rabta tar-riskju tal-banek u tar-riskju sovran; jinnota li jkun aħjar jekk ikun hemm aktar diversità fil-portafolli ta' bonds tal-gvern tal-banek sabiex jonqsu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja; iqis li l-qafas regolatorju tal-UE dwar it-trattament prudenzjali ta' dejn sovran jenħtieġ li jkun konsistenti mal-istandard internazzjonali; jirrimarka l-ħidma kontinwa tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) fuq ir-riskju sovran, u b'mod aktar speċifiku d-dokument ta' diskussjoni tiegħu li ġie ppubblikat reċentament dwar, "It-trattament regolatorju tal-iskoperturi sovrani"; jistenna, għalhekk, b'interess kbir ir-riżultati tal-ħidma tal-FSB fuq id-dejn sovran sabiex jiġu ggwidati deċiżjonijiet futuri; jenfasizza r-rwol kruċjali tal-bonds tal-gvern fil-provvediment ta' assi ta' kwalità għolja u likwidi għall-investituri u ta' sorsi ta' finanzjament stabbli għall-gvernijiet; jieħu nota, f'dan ir-rigward, tal-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni fuq l-idea tal-hekk imsejħa titoli koperti minn bonds sovrani (SBBSs) bħala mod possibbli biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni; ifakkar li l-SBBSs ma jikkostitwixxux forma ta' mutwalizzazzjoni tad-dejn; iqis li l-kontribut minn parteċipanti tas-suq jista' jkun ta' għajnuna sabiex jiġi żgurat l-interess tas-suq fis-SBBSs;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati f'mudelli interni sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-kredibbiltà tagħhom u jinkisbu kundizzjonijiet ekwi fl-istituzzjonijiet kollha; jirrimarka, f'dan ir-rigward, l-istudju ta' riċerka esterna, "What conclusions can be drawn from the EBA 2016 Market Risk Benchmarking Exercise?" (X'konklużjonijiet jistgħu jinsiltu mill-Eżerċizzju ta' Benchmarking tar-Riskju tas-Suq tal-EBA 2016?), ikkummissjonat mill-Unità tas-Sostenn għall-Governanza Ekonomika tal-Parlament Ewropew, li fost oħrajn jiddikjara li "jekk ir-riżultati tal-istudju tal-EBA dwar il-benchmarking huma korretti, u safejn l-istrumenti tal-portafoll tat-test huma rappreżentattivi, il-mudelli ta' riskju tas-suq intern attwali li jużaw il-banek Ewropej huma fi ksur gravi tal-prinċipju tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni ('jekk il-banek differenti għandhom l-istess portafoll, huma għandhom ikunu meħtieġa jkollhom l-istess ammont ta' kapital regolatorju.')"; jinnota f'dan il-kuntest l-approvazzjoni tal-emendi mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) għall-finalizzazzjoni ta' Basel III, kif ukoll il-valutazzjoni tal-impatt tal-EBA fuq is-settur bankarju tal-UE; ifakkar li l-ftehim m'għandux jirriżulta f'żieda sinifikanti fir-rekwiżiti kapitali fil-livell tal-Unjoni, u lanqas m'għandu jippreġudika l-kapaċità tal-banek li jiffinanzjaw l-ekonomija reali, b'mod partikolari l-SMEs; jilqa' l-ħidma li saret mill-BĊE biex jivvaluta l-adegwatezza tal-mudelli interni, inkluża l-gwida ġdida tiegħu għat-TRIM, bl-għan li tiġi indirizzata l-varjabbiltà fil-piżijiet tar-riskju applikati għal assi mwieżna għar-riskju tal-istess klassi fl-istituzzjonijiet ta' kreditu; jilqa', finalment, il-ħidma li saret mill-EBA f'dan il-qasam fil-qafas tal-eżerċizzji ta' benchmarking tagħha; iqis li l-pożizzjoni kapitali tal-banek tista' tissaħħaħ, fost oħrajn, billi jitnaqqsu l-pagamenti tal-imgħax u tiżdied l-ekwità ġdida, u jqis li t-tisħiħ tal-pożizzjoni finanzjarja ġenerali tal-banek Ewropej jenħtieġ li tibqa' prijorità;

13.  Jenfasizza li l-proposti li saru minn korpi internazzjonali jenħtieġ li jissarrfu, f'xi forma jew oħra, fid-dritt Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur bankarju Ewropew;

14.  Jenfasizza li, b'mod partikolari, l-istandards tal-BCBS ma jenħtieġx li jiġu trasposti fid-dritt Ewropew f'daqqa mingħajr ma jitqiesu sew il-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema bankarja Ewropea u l-prinċipju tal-proporzjonalità;

15.  Ifakkar il-prinċipju ta' separazzjoni bejn il-funzjoni ta' politika monetarja u l-funzjoni superviżorja tal-MSU, u jqis li konformità ma' dan il-prinċipju hija kruċjali sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interess; huwa tal-fehma li dan il-prinċipju, b'mod ġenerali, ġie osservat tajjeb; jemmen li t-test li għandu jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-adegwatezza ta' servizzi kondiviżi jenħtieġ li tkun ir-rilevanza tal-politika tal-kompiti li jwettqu; iqis, għalhekk, li s-servizzi kondiviżi mhumiex problematiċi meta jindirizzaw kwistjonijiet li mhumiex kritiċi f'termini tat-tfassil ta' politika, iżda jistgħu jagħtu lok għal tħassib u jistgħu jiġġustifikaw salvagwardji addizzjonali fejn u meta dan ma jkunx il-każ;

16.  Huwa tal-fehma li l-involviment ta' aktar persunal tal-BĊE fi spezzjonijiet fuq il-post jista' jikkontribwixxi biex tkompli tissaħħaħ l-indipendenza tas-superviżjoni bankarja minn kunsiderazzjonijiet nazzjonali;

17.  Jinnota l-pakkett tar-riforma bankarja propost mill-Kummissjoni f'Novembru 2016; jissottolinja l-importanza tal-proċedura rapida li wasslet għall-ftehim dwar l-introduzzjoni tal-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 9, kif ukoll l-arranġamenti tranżitorji għall-eżenzjoni mil-limitu tal-iskopertura kbira disponibbli għall-iskoperturi għal ċertu dejn tas-settur pubbliku tal-Istati Membri denominati f'muniti fi kwalunkwe Stat Membru (Regolament (UE) 2017/2395) sabiex jiġu evitati l-effetti ta' preċipizju fuq il-kapital regolatorju tal-istituzzjonijiet ta' kreditu; jinnota, madankollu, l-opinjonijiet tal-BĊE u tal-EBA li l-eżistenza ta' ftehim tranżitorju jenħtieġ li ma twassalx għal dewmien bla bżonn tal-implimentazzjoni tal-IFRS 9; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi mmonitorjat l-impatt tal-IFRS 9 fuq in-natura u l-allokazzjoni ta' self mill-banek, kif ukoll fuq l-effetti proċikliċi potenzjali derivati mis-sensittività ċiklika tal-parametri tar-riskju tal-kreditu; jistieden lill-BERS u lill-MSU jinvestigaw dawn il-kwistjonijiet; jitlob lill-EBA u lill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BIS) jipprovdu gwida xierqa f'dan ir-rigward;

18.  Jirrimarka li l-istituzzjonijiet huma mitluba, skont ir-regoli dwar is-sorveljanza, biex jirrappurtaw għadd kbir ta' rapporti simili, f'formati differenti, lil diversi awtoritajiet, u li dan jirrappreżenta piż addizzjonali sinifikanti; jitlob, għalhekk, li tiġi introdotta sistema ta' rappurtar uniformi, fejn it-talbiet tal-awtoritajiet kollha responsabbli għas-sorveljanza jiġu kkonsolidati f'punt uniku ta' kuntatt ċentrali, li jgħaddi dawn it-talbiet lill-istituzzjonijiet superviżorji, u mbagħad jittrażmetti d-data miġbura lill-awtoritajiet kompetenti; jenfasizza li b'hekk jistgħu jiġu evitati talbiet doppji u talbiet għal data identika, filwaqt li dan inaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv fuq il-banek u l-awtoritajiet kompetenti, u fl-istess ħin itejjeb l-effiċjenza tas-superviżjoni;

19.  Jirrikonoxxi li l-ispejjeż għolja marbuta mal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti ta' superviżjoni jistgħu jkunu diffiċli sabiex jiġu ġestiti, speċjalment mill-banek iżgħar; iqis li l-prinċipju tal-proporzjonalità jista' jiġi kkunsidrat b'mod aħjar f'ċerti arranġamenti ta' superviżjoni mill-BĊE meta huwa jwettaq l-attivitajiet superviżorji tiegħu; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa urġenti ta' sforzi akbar għal aktar proporzjonalità fis-superviżjoni bankarja għall-istituzzjonijiet żgħar, b'riskju baxx; jenfasizza li titjib fil-proporzjonalità bl-ebda mod ma timplika tnaqqis fl-istandards superviżorji, iżda sempliċement timplika ffiċilitar tal-piż amministrattiv, pereżempju, f'termini ta' rekwiżiti ta' konformità u rappurtar; jilqa', għalhekk, it-tweġiba tal-Kummissjoni għar-Rapport Annwali tal-Unjoni Bankarja 2016, li tikkondividi l-opinjoni tal-Parlament li r-rekwiżiti ta' rappurtar jenħtieġ li jiġu ssimplifikati, kif ukoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tintroduċi aktar proporzjonalità fis-superviżjoni;

20.  Ifakkar li l-għażliet u s-setgħat diskrezzjonali previsti fid-dritt tal-Unjoni għas-sorveljanza tal-banek jenħtieġ li jkunu armonizzati kemm jista' jkun possibbli; iqis li ħafna drabi dawn iridu jkunu kemm jista' jkun tranżitorji, u jridu jiġu rtirati meta ma jibqgħux aktar meħtieġa, sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet żejda fil-ħidma ta' kuljum tas-superviżuri Ewropej u dawk nazzjonali;

21.  Jenfasizza li l-qafas regolatorju jenħtieġ li jakkomoda l-prinċipji operazzjonali partikolari u jirrispetta l-missjoni speċifika tal-banek kooperattivi u reċiproċi, u li l-awtoritajiet superviżorji jenħtieġ li jikkunsidrawhom u jirriflettuhom fil-prattiki u l-approċċi tagħhom;

22.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Mejju 2017(8) dwar FinTech; iqis li l-FinTechs, li jwettqu l-istess tip ta' attivitajiet bħall-atturi l-oħra tas-sistema finanzjarja, għandhom ikunu soġġetti għall-istess regoli fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom; jitlob, f'dan ir-rigward, li jittieħed approċċ fir-rigward tal-FinTechs li jsib bilanċ tajjeb bejn il-protezzjoni tal-konsumaturi, iż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja u l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni; jinnota, f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Kummissjoni, l-inklużjoni proposta ta' innovazzjoni teknoloġika fil-mandati tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (ASE), u l-konsultazzjoni pubblika kontinwa dwar l-abbozz ta' gwida tal-BĊE għall-valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji bankarji ta' FinTech;

23.  Jirrikonoxxi li ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tal-aspetti kollha tas-servizzi bankarji wasslet biex il-banek saru konsiderevolment aktar vulnerabbli għar-riskji taċ-ċibersigurtà; jenfasizza li l-ġestjoni taċ-ċibersigurtà hija l-ewwel u qabel kollox ir-responsabbiltà tal-banek stess; jenfasizza li r-rwol kruċjali taċ-ċibersigurtà għas-servizzi bankarji u l-ħtieġa li jiġu inċentivati l-istituzzjonijet finanzjarji biex ikunu ambizzjużi ħafna fil-ħarsien tad-data tal-konsumatur u l-garanzija taċ-ċibersigurtà; jistieden lill-awtoritajiet superviżorji jissorveljaw mill-qrib u jivvalutaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà, u jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet finanzjarji madwar l-UE biex ikunu ambizzjużi ħafna fil-protezzjoni tad-data dwar il-konsumaturi u fil-garanzija taċ-ċibersigurtà; jilqa' l-inizjattiva tal-BĊE li tobbliga lill-banek taħt superviżjoni jirrapportaw ċiberattakki sinifikanti taħt servizz ta' twissija f'ħin reali, u jilqa' wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-SMU biex tiġi ssorveljata ċ-ċibersigurtà; jistieden lill-MSU jżid l-isforzi tiegħu u formalment jagħmel iċ-ċibersigurtà waħda mill-prijoritajiet tiegħu ta' livell għoli;

24.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-EBA, mill-ESMA u mill-MSU dwar il-promozzjoni ta' konverġenza superviżorja fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, bl-għan li jiġi limitat l-iżvilupp ta' riskji ta' arbitraġġ regolatorji u superviżorji; jemmen li, kwalunkwe mudell ta' kooperazzjoni superviżorja li għandu jiġi żviluppat bejn l-UE u r-Renju Unit jenħtieġ li jirrispetta l-istabbiltà finanzjarja tal-UE, u r-reġim u l-istandards regolatorji u superviżorji tagħha u l-applikazzjoni tagħhom; ifakkar l-importanza tat-tħejjija u tal-ippjanar adegwat tal-kontinġenza mill-banek sabiex jiġi mmitigat l-effett ta' tfixkil tal-Brexit; huwa mħasseb dwar il-fatt li xi banek, b'mod partikolari l-banek iżgħar, jaf għadhom lura fit-tħejjijiet tagħhom għall-Brexit, u jistedinhom biex jintensifikaw il-ħidma tagħhom; ifakkar li l-proċess għall-ksib tal-liċenzji bankarji u l-approvazzjoni tal-mudelli interni jdumu bosta snin u jenħtieġ li dan il-fatt jiġi kkunsidrat;

25.  Jieħu nota tal-proposti dwar ir-reviżjoni tas-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF), inkluża l-proposta "omnibus" li temenda l-governanza, il-finanzjament u s-setgħat tal-ESA;

26.  Huwa mħasseb dwar l-iżviluppi li juru tendenzi għall-gruppi bankarji li jużaw dejjem aktar strutturi kumplessi u entitajiet li fil-parti l-kbira tagħhom iwettqu l-istess attivitajiet bħall-banek iżda jevitaw is-superviżjoni bankarja; jinnota, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni dwar id-ditti ta' investiment, li jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn id-ditti ta' investiment u l-istituzzjonijiet ta' kreditu, u għall-eliminazzjoni tad-diskrepanzi li jistgħu jippermettu l-użu ta' ditti ta' investiment kbar sabiex jiġu evitati r-rekwiżiti regolatorji bankarji;

27.  Jinsab imħasseb dwar it-tixrid tas-sistema bankarja "parallela" fl-UE; jieħu nota tal-Monitoraġġ Bankarju "parallel" tal-UE 2017 mill-BERS li jissottolinja diversi riskji u vulnerabbiltajiet li jeħtieġ li jiġu mmonitorjati fis-sistema bankarja "parallela" tal-UE; jitlob, għalhekk, biex azzjoni kkoordinata tindirizza dawn ir-riskji sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u stabbiltà finanzjarja; jirrikonoxxi, madankollu, li mill-kriżi finanzjarja, ġew introdotti politiki sabiex tiġi indirizzata l-instabbiltà finanzjarja li tirriżulta mis-sistema bankarja "parallela"; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet biex ikomplu jissorveljaw u jindirizzaw b'mod viġilanti r-riskji ta' stabbiltà finanzjarja emerġenti, u biex kull azzjoni dwar ir-regolamentazzjoni tas-settur bankarju tkun akkumpanjata minn regolamentazzjoni xierqa tas-settur bankarju "parallel"; jiddispjaċih li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza din il-kwistjoni fit-tweġibiet tagħha għar-rapport tas-sena li għaddiet(9);

28.  Iqis li, għalkemm huwa mixtieq titjib, l-aktar f'termini ta' komunikazzjoni u ta' trasparenza, l-Unjoni Bankarja tibqa' bidla pożittiva u fundamentali għall-Istati Membri li għandhom l-euro; ifakkar li l-Unjoni Bankarja hija miftuħa għall-Istati Membri kollha; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li għadhom ma adottawx l-euro biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jissieħbu mal-Unjoni Bankarja, sabiex b'mod progressiv jallinjaw l-Unjoni Bankarja mas-suq intern kollu;

29.  Jilqa' l-progress li sar mid-Deċiżjoni tal-BĊE ta' Ġunju 2017, billi din ippermettiet ċerta delegazzjoni fil-qasam tad-deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità; itenni li hemm bżonn ta' bidla fir-regolamenti biex tiġi permessa aktar delegazzjoni u delegazzjoni aktar faċli tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar ċerti kwistjonijiet ta' rutina, mingħand il-Bord Superviżorju għal għand l-uffiċjali rilevanti; itenni l-opinjoni favorevoli tiegħu li tali bidla tikkontribwixxi sabiex is-superviżjoni bankarja tal-BĊE issir aktar effiċjenti u effettiva; jistieden lill-BĊE jispeċifika l-kompiti għad-delegazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

Riżoluzzjoni

30.  Jilqa' l-ewwel applikazzjoni tar-reġim ta' riżoluzzjoni l-ġdid; jieħu nota tal-għadd kbir ta' applikazzjonijiet legali ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-UE b'rabta ma' dan il-każ; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif u jekk dan jistax jipperikola l-effettività tar-reġim ta' riżoluzzjoni il-ġdid, u jekk irendix il-qafas ta' riżoluzzjoni fis-seħħ inapplikabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-SRB jippubblikaw b'mod konġunt sommarju tal-kwistjonijiet l-aktar ikkritikati mill-applikazzjonijiet legali; iqis li l-każijiet bankarji tal-2017 iqajmu mistoqsijiet f'termini ta' trasparenza u komunikazzjoni, u jitlob li jkun hemm aktar trasparenza f'deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni futuri, inkluż l-aċċess għall-Parlament Ewropew, skont kundizzjonijiet ċari u xierqa, għal dokumenti ewlenin li jinfurmaw dwar id-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni, bħal rapporti tal-valutazzjoni minn valutaturi indipendenti, sabiex jinftiehem aħjar ir-reġim ta' riżoluzzjoni ex-ante; jistieden lill-koleġiżlaturi jqisu l-każijiet bankarji tal-2017 bħala lezzjonijiet meħuda fil-kodeċiżjoni dwar il-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tat-TLAC/MREL u l-għodda moratorja;

31.  Jinsab imħasseb dwar id-diskrepanza bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mal-kapaċità ta' skemi ta' garanzija tad-depożiti (SGD) li jipparteċipaw f'riżoluzzjoni kif previst fil-BRRD u fid-DGSD, kif imsemmi fir-rapport preċedenti(10); jistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-interpretazzjoni tagħha tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat billi tirreferi għall-Artikoli 11(3) u 11(6) tad-DGSD sabiex jiġi ggarantit li l-miżuri preventivi u alternattivi previsti mil-leġiżlatur Ewropew ikunu jistgħu jiġu effettivament implimentati; iqis li fil-każijiet bankarji tal-2017 ġie kkonfermat, kif previst fil-BRRD, li l-Istati Membri jistgħu jipproċedu bil-proċedimenti normali ta' insolvenza, li jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġu akkumpanjati minn "għajnuna għal-likwidazzjoni"; jemmen li kawża tal-opportunitajiet ta' arbitraġġ żvelati mill-każijiet riċenti ta' riżoluzzjoni hija d-diskrepanza bejn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li japplikaw skont ir-reġim ta' riżoluzzjoni u d-dritt nazzjonali dwar l-insolvenza rispettivament; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni twettaq rieżami tal-oqsfa għall-insolvenza tal-banek fl-Unjoni, inkluż il-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013, sabiex jinsiltu lezzjonijiet mill-każijiet bankarji tal-2017;

32.  Ifakkar li l-BRRD ġiet imfassla biex tiġi żgurata l-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi, jiġu evitati l-effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, jiġu protetti fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja straordinarja għal istituzzjonijiet li qed ifallu, u sabiex jiġu protetti d-depożituri koperti, l-investituri, il-fondi tal-klijent u l-assi tal-klijent; ifakkar li l-miżuri ta' appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarji jistgħu jintużaw biss biex jirrimedjaw "tfixkil serju fl-ekonomija" u biex "jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja", u li huma "ma għandhomx jintużaw biex jibbilanċjaw telf li l-istituzzjoni ġarrbet jew li probabbilment se ġġarrab fil-futur qarib"; iqis li appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju għandu jkun akkumpanjat ukoll, fejn xieraq, minn azzjonijiet ta' rimedju; jistieden lill-Kummissjoni twettaq malajr kemm jista' jkun possibli r-rieżami msemmi fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 32(4) tal-BRRD, li ilhu mistenni mill-2015; jinnota li r-rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja hija strument għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni terġa' teżamina fuq bażi annwali jekk ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE dwar il-possibbiltà ta' għajununa mill-Istat fis-settur finanzjarju baqgħux jiġu ssodisfati;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk is-settur bankarju bbenefikax sa mill-bidu tal-kriżi minn sussidji impliċiti u għajnuna mill-Istat permezz tal-forniment ta' appoġġ ta' likwidità mhux konvenzjonali;

35.  Jilqa' l-prijoritizzazzjoni iddikjarata tal-SRB li tittejjeb il-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet ta' kreditu, kif ukoll il-progress li sar fl-istabbiliment ta' miri vinkolanti fir-rigward tal-iżvilupp ta' rekwiżit minimu individwali għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) fil-livell konsolidat; jenfasizza l-importanza tal-pjanijiet operazzjonali u kredibbli ta' riżoluzzjoni, u f'dak il-kuntest jirrikonoxxi l-problemi li l-istrateġiji ta' punt ta' dħul uniku jistgħu jimplikaw għall-istabbiltà finanzjarja tal-pajjiżi ospitanti jekk ma jitfasslux kif xieraq; jissottolinja l-ħtieġa għal reġim effettiv li jindirizza l-ksur ta' dan ir-rekwiżit u li l-MREL jenħtieġ li jqis il-mudelli ta' negozju tal-istituzzjonijiet għall-fini li jiżgura r-riżolvibbiltà ta' dawn l-istituzzjonijiet; jistieden lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jipprovdi lista komprensiva ta' ostakoli għar-riżolvibbiltà li jinstabu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew Ewropea; jenfasizza li r-reviżjoni tal-BRRD ma għandha taħt l-ebda ċirkostanza taqa' lura mill-istandards miftiehma fuq livell internazzjonali;

36.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq dwar l-armonizzazzjoni addizzjonali fil-klassifikazzjoni ta' prijorità ta' strumenti ta' dejn mhux garantiti permezz tad-Direttiva (UE) 2017/2399; jitlob implimentazzjoni rapida mill-Istati Membri sabiex il-banek ikunu jistgħu joħorġu dejn fil-klassi l-ġdida ta' insolvenza u b'hekk jibnu l-buffers meħtieġa; itenni l-pożizzjoni tiegħu, kif espressa fir-rapport preċedenti(11), li strumenti ta' rikapitalizzazzjoni interna jenħtieġ li jinbiegħu lil investituri adegwati li jistgħu jassorbu telf potenzjali mingħajr ma jipperikolaw il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom stess; jirrakkomanda, għalhekk, li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jeħtieġ li jissorveljaw il-punt sa fejn l-istrumenti suxxettibbli għal rikapitalizzazzjoni interna jinżammu minn investituri mhux professjonali, u li l-EBA jeħtieġ li tipproċedi għal divulgazzjoni annwali ta' dawn l-ammonti kif ukoll, fejn xieraq, toħroġ twissijiet u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni rimedjali;

37.  Jinnota l-proposti leġiżlattivi li għaddejjin dwar l-implimentazzjoni ta' kapaċità totali ta' assorbiment tat-telf (TLAC) fid-dritt tal-Unjoni, li għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskji fis-settur bankarju Ewropew;

38.  Ifakkar li s-sustanza tal-Ftehim Intergovernattiv fir-rigward tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF) hija li fl-aħħar mill-aħħar ikun inkorporat fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni; ifakkar li l-garanzija ta' kontinġenza fiskali hija essenzjali sabiex jiġu żgurati qafas ta' riżoluzzjoni kredibbli u effiċjenti, u l-kapaċità li jiġu ġestiti kriżijiet sistemiċi fl-Unjoni Bankarja, kif ukoll biex jiġi evitat ir-rikors għal rikapitalizzazzjonijiet tal-banek iffinanzjati minn fondi pubbliċi; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni biex il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jinbidel f'Fond Monetarju Ewropew, li jkollu l-funzjoni ta' garanzija ta' kontinġenza fiskali għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni;

39.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fil-bini tal-kapaċità tiegħu għal riżoluzzjoni bankarja fil-livell tal-Unjoni; jinnota, madankollu, li l-ippjanar tar-riżoluzzjoni bħalissa għadu pjuttost fl-istadju ta' xogħol fl-idejn; jinnota wkoll li l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandu nuqqas sinifikanti tal-persunal; jistieden lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni biex jintensifika l-isforzi tiegħu ta' reklutaġġ, u jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali biex jagħmlu lill-esperti nazzjonali faċilment disponibbli għall-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa fi ħdan il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, għal bilanċ xieraq bejn il-persunal mil-livell ċentrali u l-persunal mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, kif ukoll il-ħtieġa għal diviżjoni ċara tal-ħidma bejn il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, il-passi li ttieħdu mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fl-allokazzjoni ta' rwoli u kompiti fi ħdan il-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni; jirrimarka li minbarra l-banek taħt superviżjoni diretta mill-BĊE, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni wkoll għandu responsabbiltà diretta għall-istituzzjonijiet transfruntiera sinifikanti; jistieden lill-Istati Membri, lil-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u lill-BĊE biex jaġixxu b'tali mod li jillimitaw kemm jista' jkun possibbli l-piż addizzjonali u l-kumplessità għall-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni li jirriżultaw minn din id-differenza fil-kamp ta' applikazzjoni;

40.  Jitlob li l-kontribuzzjonijiet ex-ante għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni jiġu kkalkulati b'mod trasparenti, permezz tal-għoti ta' informazzjoni dwar il-metodoloġija tal-kalkolu, flimkien mal-isforzi sabiex tiġi armonizzata l-informazzjoni dwar l-eżiti tal-kalkolu;

41.  Huwa mħasseb dwar l-influwenza li d-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni jista' jkollhom fuq l-istruttura tas-sistema bankarja; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib din il-kwistjoni, issegwi d-deċiżjonijiet li jittieħdu u tinforma lill-Parlament Ewropew dwar is-sejbiet tagħha fuq bażi regolari;

L-assigurazzjoni tad-depożiti

42.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-EBA li tippubblika fuq bażi annwali, id-data li tirċievi skont l-Artikolu 10(10) tad-DGSD; jissuġġerixxi li l-preżentazzjoni tad-data tittejjeb sabiex ikun jista' jsir paragun dirett tal-adegwatezza tal-finanzjament fl-iskemi kollha ta' garanzija tad-depożiti (SGD); jinnota, madankollu, il-ħtieġa li bosta SGD jaċċelleraw l-akkumular ta' mezzi finanzjarji disponibbli sabiex jintlaħqu l-miri ġodda tagħhom sat-3 ta' Lulju 2024;

43.  Jistieden lill-EBA tespandi l-analiżi tagħha għal, fost aspetti oħra, l-arranġamenti ta' finanzjament alternattiv stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10(9) tad-DGSD, u tippubblika din l-analiżi flimkien mal-informazzjoni li tirċievi skont l-Artikolu 10(10) tad-DGSD;

44.  Jiġbed l-attenzjoni għall-għadd kbir ta' għażliet u diskrezzjonijiet skont id-DGSD; huwa tal-fehma li hija meħtieġa armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli li japplikaw għall-iskemi ta' garanzija ta' depożiti sabiex ikun hemm kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni Bankarja;

45.  Ifakkar li l-protezzjoni tad-depożiti hija ta' tħassib komuni għaċ-ċittadini kollha tal-UE, u li l-Unjoni Bankarja tibqa' mhux kompluta mingħajr it-tielet pilastru tagħha; qiegħed attwalment jiddibatti l-proposta dwar Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) fil-livell ta' Kumitat; jinnota, f'dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Ottubru 2017;

46.  Jirrimarka li għad hemm diskussjonijiet għaddejjin dwar il-bażi ġuridika xierqa għall-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-EBA, lill-BĊE, lill-SRB, lill-parlamenti nazzjonali u lill-awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0041.
(2) ĠU C 34, 31.1.2018, p. 5.
(3) ĠU C 34, 31.1.2018, p. 17.
(4) ĠU C 11, 12.1.2018, p. 24.
(5) ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.
(6) Bank Ċentrali Ewropew, Rapport dwar strutturi finanzjarji, Ottubru 2017, pp. 23-24.
(7) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja, 11 ta' Ottubru 2017,(COM(2017)0592), p. 17.
(8) Testi adottati, P8_TA(2017)0211.
(9) Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tal-15 ta' Frar 2017 dwar "L-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016", paragrafu 9.
(10) Parlament Ewropew, riżoluzzjoni tal-15 ta' Frar 2017 dwar "L-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016", paragrafu 38.
(11) Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tal-15 ta' Frar 2017 dwar "L-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2016", paragrafu 48.

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza