Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2015(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0023/2018

Testi mressqa :

A8-0023/2018

Dibattiti :

PV 12/03/2018 - 15
CRE 12/03/2018 - 15

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2018 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0066

Testi adottati
PDF 473kWORD 78k
It-Tlieta, 13 ta' Marzu 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE
P8_TA(2018)0066A8-0023/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2018 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE (2017/2015(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8,10, 153(1), 153(2), 157 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 23 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2016 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi (00337/2016),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Is-Sitwazzjoni Attwali (SWD(2015)0144),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu 2011-2020 anness mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011 (07166/2011),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2015 dwar l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2015 bit-titolu "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Politika Kummerċjali għal Kulħadd – It-Twettiq ta' Politika Kummerċjali Progressiva li Tisfrutta b'Mod Għaqli l-Globalizzazzjoni" (COM(2017)0491),

–  wara li kkunsidra r-Regolament dwar l-SĠP (Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008(1)),

–  wara li kkunsidra r-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt (Regolament (UE)  2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta' riskju għoli(2)),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) li jipprojbixxi l-iskjavitù u s-servitù, u l-Artikolu 14 li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, kif ukoll id-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati waqt is-sessjonijiet speċjali tan-NU Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005) u Beijing +15 (2010),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), u l-Artikolu 3 tagħha li jiddefinixxi t-terminu "ġeneru" bħala "r-rwoli, l-imġibiet, l-attivitajiet u l-attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel", u l-Konvenzjoni Inter-Amerikana dwar il-Prevenzjoni, is-Sanzjonar u l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa (il-Konvenzjoni ta' Belem do Pará) tal-1994,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija konġunta tal-2007 tal-UE u tal-Istati Membri tagħha bit-titolu ‘Għajnuna għall-Kummerċ: It-tisħiħ tal-appoġġ tal-UE għall-ħtiġijiet relatati mal-kummerċ f'pajjiżi li qed jiżviluppaw’ u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Niksbu l-Prosperità permezz tal-Kummerċ u l-Investiment – Aġġornament tal-Istrateġija Konġunta tal-UE tal-2007 dwar Għajnuna għall-Kummerċ" (COM(2017)0667);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta' Riskju Għoli,

–  wara li kkunsidra l-Qafas għal Politika ta' Investiment tal-UNCTAD għall-Iżvilupp Sostenibbli (2015),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi l-Konvenzjoni dwar ir-Remunerazzjoni Ndaqs (Nru 100), il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol) (Nru 111), il-Konvenzjoni dwar il-Ħaddiema b'Responsabbilitajiet tal-Familja (Nru 156) u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Maternità (Nru 183),

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 7 tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit tal-UE-CELAC tal-Kapijiet ta' Stat tal-2015-2017, adottat fi Brussell, f'Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar il-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fi ftehimiet tal-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar ir-rwol tan-nisa fl-ekonomija ekoloġika(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar il-ħaddiema domestiċi nisa u n-nisa li jaħdmu fis-settur tal-kura fl-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-faqar: perspettiva tas-sessi(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2017 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea 2014-2015(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-katini ta' valur mondjali(12),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati rigward il-modernizzazzjoni tal-pilastru tal-kummerċ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ċilì(13),

–  wara li kkunsidra "d-Dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Tliet Presidenzi dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel" ippreżentata fid-19 ta' Lulju 2017 mill-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija, l-Istati Membri li għandhom f'idejhom il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea matul il-perjodu ta' 18-il xahar minn Lulju 2017 sa Diċembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-istudju mill-International Centre for Research on Women (Ċentru Internazzjonali għar-Riċerka fuq in-Nisa) bit-titolu "Trade liberalisation & women's reproductive health: linkages and pathways" (Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u s-saħħa riproduttiva tan-nisa: konnessjonijiet u mogħdijiet),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem fl-Afrika tal-2016 bit-titolu "Accelerating Gender Equality and Women's Empowerment in Africa" (It-Tħaffif tal-Ugwaljanza Bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa fl-Afrika)(14),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD tal-2014 bit-titolu "Enhancing Women's Economic Empowerment through Entrepreneurship and Business Leadership in OECD Countries" (It-Tisħiħ tal-Emanċipazzjoni Ekonomika tan-Nisa permezz tal-Intraprenditorija u t-Tmexxija tan-Negozju fil-Pajjiżi tal-OECD)(15),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tad-dibattiti internazzjonali ta' livell għoli l-aktar reċenti dwar il-ġeneru u l-kummerċ, b'attenzjoni partikolari għal dawk organizzati taħt il-kappa tal-UE u tad-WTO/UNCTAD/ITC, inklużi, f'ordni kronoloġiku invers, il-‘Forum Internazzjoni dwar in-Nisa u l-Kummerċ’, li ġie organizzat b'mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kummerċ (Brussell, Ġunju 2017)(16), is-sessjoni plenarja annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO ddedikata għat-tema ‘Il-kummerċ bħala strument ta' progress soċjali: Il-perspettiva tal-ġeneru)’ (Ġinevra, Ġunju 2016)(17) u s-sessjoni plenarja tad-WTO dwar it-tema ‘Liema futur għad-WTO? Il-Kummerċ u l-Ġeneru: L-Emanċipazzjoni tan-Nisa permezz ta' Katini ta' Provvista Inklużivi’ (Ġinevra, Lulju 2015)(18)

–  wara li kkunsidra l-isforzi internazzjonali dejjem akbar biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz ta' politiki kummerċjali, bħall-programm tal-UNCTAD dwar il-ġeneru u l-iżvilupp(19) (li jinkludi studji dwar l-impatt tal-kummerċ fuq in-nisa, pakkett ta' tagħlim dwar il-kummerċ u l-ġeneru, u taħriġ online dwar il-ħolqien tal-istatus ta' ‘gender champions’ (promoturi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri) u l-14-il qasam ta' ħidma tal-Bank Dinji li, sa mill-2016, jinkludu lkoll strateġija dwar il-ġeneru ;

–  wara li kkunsidra d-dokument tematiku taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kummerċ u għall-Iżvilupp Sostenibbli (ICTSD) bit-titolu ‘The Gender Dimensions of Global Value Chains’ (Id-Dimensjonijiet tal-Ġeneru tal-Katini ta' Valur Mondjali) (Settembru 2016)(20),

–  wara li kkunsidra d-dokument tematiku tal-ICTSD bit-titolu ‘The Gender Dimensions of Services’ (Id-Dimensjonijiet tal-Ġeneru tas-Servizzi) (Settembru 2016)(21),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU dwar in-Nisa bit-titolu ‘Progress of the world's women 2015-2016. Transforming economies, realising rights’ (Il-Progress tan-nisa fid-dinja 2015-2016: It-trasformazzjoni tal-ekonomiji, it-twettiq tad-drittijiet)(22),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' pożizzjoni ta' WIDE+ dwar il-ġeneru u l-politika kummerċjali tal-UE bit-titolu ‘How to transform EU trade policy to protect women's rights’ (Kif il-politika kummerċjali tal-UE tista' tiġi ttrasformata biex tipproteġi d-drittijiet tan-nisa")(23),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tal-2016 imħejji fuq talba tal-Kumitat tad-Drittijiet tan-Nisa u tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament bit-titolu ‘Gender Equality in Trade Agreements’ (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Ftehimiet Kummerċjali)(24),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tal-2015 imħejji fuq talba tal-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament bit-titolu ‘The EU's Trade Policy: from gender-blind to gender-sensitive?’ (Il-politika kummerċjali tal-UE: flok tibqa' indifferenti għall-kwistjonijiet tal-ġeneru tibda tikkunsidrahom?)(25),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0023/2018),

A.  billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jiddikjara li, fl-azzjonijiet kollha tagħha, interni jew esterni, l-Unjoni Ewropea għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi u tinkoraġġixxi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tiġġieled id-diskriminazzjoni, fost l-oħrajn, fuq il-bażi ta' sess, meta tkun qed tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha;

B.  billi l-politika kummerċjali tista' sservi ta' għodda għall-promozzjoni tal-valuri mondjali u Ewropej, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-ftehimiet u l-politika tal-UE fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment mhumiex newtrali fir-rigward tal-ġeneru, jiġifieri jolqtu lin-nisa u l-irġiel b'mod differenti kaġun ta' inugwaljanzi strutturali; billi n-nisa jiffaċċjaw restrizzjonijiet speċifiċi għall-ġeneru, bħal aċċess limitat għar-riżorsi u kontroll ristrett fuq l-istess riżorsi, id-diskriminazzjoni legali u l-piż żejjed marbut mat-twettiq ta' xogħol ta' ndukrar bla ħlas minħabba rwoli tradizzjonali tal-ġeneru;

C.  billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri għandha tikkonċerna lin-nisa u lill-irġiel bl-istess mod; billi l-parteċipazzjoni u s-sħubija bejn il-partijiet interessati pubbliċi u privati, fil-livelli internazzjonali kif ukoll lokali, huma essenzjali għall-promozzjoni tas-sinerġiji meħtieġa biex jinkisbu l-ugwaljanza bejn l-ġeneri u l-emaċipazzjoni tan-nisa, u biex issir sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet bħalma huma: id-drittijiet ta' proprjetà; l-aċċess għall-finanzi, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali; l-imġiba korporattiva; l-akkwist pubbliku; id-distakk diġitali; u l-preġudizzju kulturali;

D.  billi l-politiki kummerċjali għandhom l-għan li jiksbu, fost l-oħrajn, l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u ġust li hemm bżonn biex jiġu żgurati t-tnaqqis tal-faqar, il-ġustizzja soċjali, xogħol deċenti u kundizzjonijiet ta' għajxien aħjar kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel, kif ukoll biex jiġu salvagwardati d-drittijiet tan-nisa; billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet ma għandhomx jiġu integrati biss fost l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) kollha tan-NU, iżda huma ukoll għan indipendenti; billi l-aġenda tal-SDGs tirrikonoxxi li l-kummerċ jikkontribbwixxi għall-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli u ġust u jista' tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ogħla standards internazzjonali tax-xogħol u tal-ambjent kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem; billi l-politika kummerċjali tal-UE tifforma parti importanti mill-qafas tal-SDGs, u perspettiva tal-ġeneru b'saħħitha tirrappreżenta element essenzjali ta' dak il-qafas, li għandu l-għan li jiggarantixxi eżiti aktar ġusti u benefiċi għal kulħadd; billi l-politika kummerċjali tista' twessa' wkoll l-opprtunitajiet għall-intraprenditorija fost in-nisa u l-aċċess għall-apprendistati u l-impjiegi;

E.  billi r-relazzjoni kumplessa bejn il-kummerċ internazzjonali u l-ġeneru titlob fehim profond tal-forzi inkwistjoni, flimkien mal-identifikazzjoni, l-analiżi u l-monitoraġġ tad-dinamika ekonomika u soċjali meħtieġa biex tiżviluppa politika kummerċjali effiċjenti mmirata lejn żvilupp ekonomiku li jippromwovi wkoll l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-politika kummerċjali għalhekk trid tikkunsidra l-impatti diretti u indiretti tagħha fuq il-ġeneru, kif ukoll il-kuntesti lokali speċifiċi, sabiex tevita li tirriproduċi jew tiggrava d-distakki u l-isterjotipi li jeżistu b'rabta mal-ġeneru, kif ukoll sabiex issaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri b'mod proattiv; billi s-suċċess tal-politika kummerċjali għandu jiġi evalwat ukoll fuq il-bażi ta' jekk din għandhiex impatt pożittiv u ndaqs kemm fuq in-nisa kif ukoll fuq l-irġiel;

F.  billi l-iżvilupp ekonomiku u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri spiss imorru id f'id; billi hemm fehim wiesa' li s-soċjetajiet fejn l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri huma aktar baxxi għandhom tendenza li jikbru b'pass aktar mgħaġġel;

G.  billi l-impatt tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fuq l-individwi jiddependi wkoll mil-lokalità ġeografika tagħhom kif ukoll mis-settur ekonomiku li fih huma attivi; billi hemm differenzi importanti kemm bejn il-pajjiżi kif ukoll fi ħdanhom, f'termini ta' strutturi ta' produzzjoni, ta' rati ta' parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol kif ukoll ta' reġimi ta' assistenza soċjali; billi n-nisa jiffurmaw il-maġġoranza tal-ħaddiema f'setturi bħal dak tal-manifattura tal-ħwejjeġ u t-tessuti, it-telekomunikazzjoni, it-turiżmu, l-ekonomija tal-indukrar u l-agrikoltura, fejn it-tendenza hi li jkun hemm konċentrazzjoni akbar ta' nisa milli rġiel f'forom ta' impjieg formali u informali b'paga baxxa jew bi status baxx; billi dan il-fatt jista' jwassal għal abbużi fuq il-post tax-xogħol kif ukoll għal diskriminazzjoni, għal segregazzjoni bejn il-ġeneri fit-tipi ta' impjiegi u ta' attivitajiet, għal diskrepanzi bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-kundizzjonijiet ta' impjieg, kif ukoll għal restrizzjonijiet speċifiċi għall-ġeneru fl-aċċess għar-riżorsi produttivi, għall-infrastruttura u għas-servizzi; billi l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) jistgħu jwasslu għal bidliet direzzjonali u għal telf ta' impjiegi, partikolarment fis-setturi relatati mal-esportazzjoni fejn in-nisa spiss jiffurmaw il-maġġoranza tal-forza tax-xogħol; billi għaldaqstant il-valutazzjonijiet dwar il-ġeneru speċifiċi għall-pajjiż u speċifiċi għas-settur iwasslu għal valur miżjud importanti fit-tfassil ta' ftehimiet kummerċjali;

H.  billi fl-2011 fl-UE, madwar wieħed minn kull disa' impjiegi (11 %) li kienu jokkupaw in-nisa fl-UE kienu jiddependu mill-esportazzjoni;

I.  billi, skont studju tal-Kummissjoni tal-2017, kważi 12-il miljun mara fl-UE għandhom impjiegi li jiddipendu mill-esportazzjoni ta' oġġetti u servizzi lejn il-bqija tad-dinja(26);

J.  billi, skont studji bbażati fuq il-fatti, l-UNCTAD tinsisti li għandha tenfasizza l-limitazzjonijiet li n-nisa jiffaċċjaw biex jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-kummerċ, li jirriżultaw minn fatturi bħan-nuqqas ta' taħriġ tekniku għal impjiegi aħjar, in-nuqqas ta' servizzi pubbliċi għall-mitigazzjoni tar-responsabbiltajiet domestiċi, u l-aċċess limitat għar-riżorsi u l-kontroll ristrett fuq l-istess riżorsi, inklużi l-kreditu u l-art, l-informazzjoni kif ukoll in-netwerks; billi, abbażi ta' dan, l-UNCTAD tirrakkomanda li l-evalwazzjonijiet jindirizzaw l-impatt potenzjali tal-politiki kummerċjali fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa f'oqsma bħall-impjiegi, in-negozji ż-żgħar, il-prezzijiet, il-produttività fl-agrikoltura, l-agrikoltura ta' sussistenza u l-migrazzjoni(27);

K.  billi l-politika kummerċjali attwali tal-UE u l-istrateġija ta' "Kummerċ għal Kulħadd" tagħha huma bbażati fuq tliet prinċipji ewlenin: l-effikaċja, it-trasparenza u l-valuri, iżda tonqoshom perspettiva dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-Kummissjoni, fir-rieżami tagħha tal-istrateġija ta' Għajnuna għall-Kummerċ, ġeddet u espandiet l-impenn tagħha favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, billi ddikjarat li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri mhijiex biss dritt fundamentali tal-bniedem, iżda hi wkoll element kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku, billi tisfrutta kemm jista' jkun il-firxa wiesgħa ta' għodod ta' politika tal-UE disponibbli sabiex tkabbar l-impatt globali tagħhom fuq it-tkabbir u fuq it-tnaqqis tal-faqar; billi, f'konformità mad-dispożizzjonijiet inklużi fis-CEDAW, l-UE għandha tipprovdi l-bażi għall-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel billi tiżgura lin-nisa aċċess indaqs u opportunitajiet indaqs fil-ħajja politika, ekonomika u pubblika kif ukoll fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fl-impjiegi;

L.  billi n-nisa, bħala impendituri, konsumaturi, ħaddiema u ħaddiema informali potenzjali, huma affettwati mill-kummerċ u mill-ftehimiet kummerċjali; billi hemm bżonn kruċjali ta' rikonoxximent u fehim aħjar tal-impatti speċifiċi għall-ġeneru tal-politika kummerċjali sabiex jingħataw risponsi ta' politika adegwati; billi, biex jintlaħaq dan il-għan, hemm bżonn li tiġi żviluppata metodoloġija adegwata li tiżgura li l-impatti possibbli tal-politika u tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa jiġu dejjem evalwati; billi l-Kummissjoni għandha twettaq riċerka kwantittattiva diżaggregata skont il-ġeneru fis-setturi individwali, fost l-oħrajn, in-negozju, ix-xjenza u t-teknoloġija; billi s'issa l-UE kkonkludiet ftehimiet kummerċjali mingħajr ma wettqet valutazzjonijiet dwar l-impatt tagħhom fuq in-nisa u fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi l-Kummissjoni ħabbret li Ftehim ta' Assoċjazzjoni modernizzat bejn iċ-Ċilì u l-UE se jinkludi, għall-ewwel darba għall-UE, kapitolu speċifiku dwar il-ġeneru u l-kummerċ;

M.  billi l-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru u d-drittijiet tan-nisa mhumiex ikkunsidrati biżżejjed fil-valutazzjonijiet tal-impatt sostenibbli tal-ftehimiet kummerċjali;

N.  billi valutazzjoni ex ante dwar l-implikazzjonijiet tal-politiki kummerċjali fuq il-ġeneri tista' tikkontribwixxi għall-emanċipazzjoni u l-benessri tan-nisa u fl-istess ħin tista' tgħin biex timmitiga d-diskrepanzi eżistenti u biex tevita żieda fl-inugwaljanza bejn il-ġeneri;

O.  billi r-rieżami tal-ftehimiet multilaterali u bilaterali attwali tal-UE jindika li 20 % tal-ftehimiet ma' sħab kummerċjali mhux Ewropej jagħmlu referenza għad-drittijiet tan-nisa, u li 40 % ta' dawn il-ftehimiet jinkludu referenzi intiżi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi r-referenzi għall-promozzjoni tal-emanċipazzjoni tan-nisa f'dawn il-ftehimiet huma prevalentement volontarji u, jekk ikunu vinkolanti, ma jkunux jistgħu jiġu infurzati fil-prattika; billi studju reċenti mill-Kummissjoni jindika distakk persistenti bejn il-ġeneri f'termini ta' opportunitajiet ta' aċċess għall-impjiegi; billi l-istudju jindika li l-emanċipazzjoni tan-nisa tista' tkabbar il-PDG globali bl-ammont ta' USD 28 biljun sal-2025 u li hija essenzjali kemm minn perspettiva ekonomika u soċjali kif ukoll mill-perspettiva tal-qerda tal-faqar minħabba r-rwol tan-nisa fil-komunitajiet;

P.  billi, kemm fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kif ukoll fil-pajjiżi żviluppati, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) jikkostitwixxu l-akbar parti tas-settur privat u l-maġġoranza vasta tal-impjiegi; billi, skont iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kummerċ (ITC), l-MSMEs flimkien jirrappreżentaw 95 % tad-ditti kollha fil-livell globali, madwar 50 % tal-PDG globali u aktar minn 70 % tal-impjiegi totali; billi sa 40 % tal-MSMEs kollha huma proprjetà tan-nisa, filwaqt li 15 % biss tad-ditti esportaturi huma mmexxija min-nisa; billi, madankollu, iċ-ċifri tal-OECD jindikaw li l-intraprendituri nisa spiss għadhom jaqilgħu bejn 30 % u 40 % anqas mill-kontropartijiet irġiel tagħhom(28);

Q.  billi d-dibattitu u r-reazzjoni pubbliċi madwar l-Ewropa dwar in-negozjati kummerċjali, bħas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP), il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (CETA) u l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA), indikaw il-bżonn ta' negozjati trasparenti u inklużivi, li jikkunsidraw it-tħassib qawwi espress miċ-ċittadini Ewropej f'bosta pajjiżi; billi l-politika kummerċjali tal-UE ma għandha tbaxxi l-ebda wieħed mill-istandards tal-UE, u billi s-servizzi pubbliċi għandhom dejjem jiġu esklużi min-negozjati kumerċjali; billi kwalunkwe mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jiġi ddisinjat biex jiggarantixxi l-kapaċità tal-gvernijiet individwali li jirregolaw fl-interess pubbliku u li jaqdu l-objettivi ta' politika pubblika; billi hu mistenni li jsir progress f'oqsma kritiċi oħra ta' tħassib, bħat-tisħiħ tal-obbligi ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tal-kumpaniji fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; billi, fil-kuntest ta' katini ta' valur mondjali, hemm bżonn ta' approċċ olistiku globali għar-responsabbiltà korporattiva fir-rigward tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

R.  billi l-Linji Gwida tan-NU dwar l-intrapriżi, il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jorbtu lill-Istati kollha u lill-intrapriżi kollha, indipendentement mid-daqs, is-settur, il-lokalizzazzjoni, is-sjieda jew l-istruttura tagħhom;

S.  billi l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, li ġiet adottata mill-Kunsill fl-2016, tafferma li d-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu integrati b'mod sistematiku fis-setturi kollha ta' politika u fl-istituzzjonijiet kollha, inkluż fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali u tal-politika kummerċjali;

T.  billi l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) għandha l-għan, fost l-oħrajn, li tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll il-governanza tajba; billi l-SĠP+ jinkludi kundizzjonalità li għandha l-għan li tiżgura r-ratifika u l-implimentazzjoni ta' 27 konvenzjoni internazzjonali – dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-ħarsien tal-ambjent u l-governanza tajba – minn pajjiżi eliġibbli li qegħdin jiżviluppaw; billi huwa kruċjali li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi mmonitorjata fuq bażi regolari, sabiex tittieħed azzjoni meta jkun meħtieġ u sabiex tingħata attenzjoni partikolari lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi s-CEDAW hija waħda mill-konvenzjonijiet rilevanti taħt l-SĠP+;

U.  billi aktar minn 40 % tax-xogħol agrikolu fin-Nofsinhar Globali jsir min-nisa;

V.  billi l-espansjoni tal-kummerċ mondjali u l-integrazzjoni tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fil-katini ta' valur mondjali (GVCs) jistgħu jġibu magħħhom ir-riskju li joħolqu inugwaljanzi bejn il-ġeneri meta jintużaw biex jiġu manifatturati prodotti li jkunu ekonomikament aktar kompetittivi; billi permezz tagħhom iċ-ċaqliq ta' bosta ħaddiema nisa mis-settur informali lejn is-settur formali sar ukoll possibbli; billi r-regoli tal-oriġini saru dejjem aktar importanti fil-kuntest tal-GVCs, fejn il-produzzjoni tkun mifruxa fost diversi pajjiżi; billi regoli tal-oriġini aktar ċari u definiti aħjar jistgħu joħolqu qafas immirat lejn l-istabbiliment ta' trasparenza u responsabbiltà sħaħ tul il-katini ta' provvista, u dan jista' jħalli impatt pożittiv fuq in-nisa, partikolarment dawk li jaħdmu fis-settur tal-ħwejjeġ;

W.  billi dawn l-opportunitajiet il-ġodda ta' impjiegi għan-nisa relatati mal-kummerċ fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-introjtu tal-unitajiet domestiċi u għat-tnaqqis tal-faqar;

X.  billi s-settur tal-ħwejjeġ prinċipalment jimpjega nisa; billi hu importanti li jiġi mfakkar li, f'Settembru 2012, 289 persuna mietu f'nirien f'Karachi, il-Pakistan, li, fl-istess sena, nirien fil-fabbrika Tazreen Fashions, fil-Bangladesh, ikkawżaw il-mewt ta' 117-il persuna u l-feriment ta' aktar minn 200 ħaddiem, kif ukoll li l-falliment strutturali tar-Rana Plaza, anke din fil-Bangladesh, fl-2013, irriżulta fil-mewt ta' 1 129 vittma u fil-feriment ta' madwar 2 500 persuna; billi dawn kollha kienu fabbriki tal-ħwejjeġ;

Y.  billi l-maġġoranza tal-ħaddiema fiż-żoni ta' pproċessar għall-esportazzjoni (EPZs) huma nisa; u billi, f'ċerti pajjiżi, l-EPZs huma eżentati mil-liġijiet tax-xogħol lokali, jipprojbixxu jew jillimitaw l-attività trejdunjonistika u ma jipprovdux rimedju legali lill-ħaddiema, dan kollu bi ksur ċar tal-istandards ewlenin tal-ILO;

Z.  billi s-setturi pubbliċi u privati, is-soċjetà ċivili (partikolarment l-organizzazzjonjiet għad-drittijiet tan-nisa), is-sħab soċjali u t-trejdunjins għandhom l-għarfien u l-potenzjal biex iwettqu rwol kruċjali fit-tiswir u fil-monitoraġġ tal-politika kummerċjali, u fil-ġbir ta' data li tista' toffri informazzjoni dwar il-kwistjonijiet li n-nisa jiffaċċjaw fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, bil-għan li jiġu msaħħa d-drittijiet tan-nisa, l-emaċipazzjoni ekonomika tagħhom u l-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa;

AA.  billi avvenimenti bħall-Forum Internazzjonali dwar in-Nisa u l-Kummerċ li ġie organizzat mill-Kummissjoni fid-20 ta' Ġunju 2017 jippermettu lil bosta partijiet interessati ekonomiċi kif ukoll lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jiskambjaw u jnedu inizjattivi dwar l-impatt tal-kummerċ fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

AB.  billi l-pjattaformi multilaterali u l-fora intergovernattivi, bħall-SDGs tan-NU u l-Women20 (W20), huma kruċjali biex jitrawmu diskussjoni u azzjoni relatati mal-ġeneru fost l-esperti, u biex tiġi pprovduta bażi tajba għall-bini ta' kunsens;

AC.  billi s-servizzi pubbliċi, is-servizzi ta' interess ġenerali attwali u futuri, u s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (inklużi, iżda mhux biss, l-ilma, is-sanità, is-saħħa, l-indukrar, is-servizzi soċjali, is-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart u t-trasport pubbliku) għandhom jiġu esklużi min-negozjati dwar kwalunkwe ftehim kummerċjali konkluż mill-UE u mill-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe ftehim ta' dan it-tip; billi l-Kummissjoni impenjat lilha nnifisha biex tiżgura li dawn is-servizzi jibqgħu kompetenza tal-Istati Membri u li l-gvernijiet ma jistgħux jiġu obbligati jipprivatizzaw kwalunkwe servizz, u lanqas ma ma jistgħu jiġu mċaħħda milli jiddefinixxu, jirregolaw, jipprovdu u joffru servizzi fl-interess ġenerali u fi kwalunkwe ħin;

AD.  billi l-kummerċ fis-servizzi u l-akkwist pubbliku jistgħu jaffettwaw lin-nisa b'mod sproporzjonat, u billi l-akkwist pubbliku jibqa' strument li jippermetti lill-gvernijiet iħallu impatt pożittiv fuq gruppi żvantaġġjati ta' persuni, speċjalment in-nisa; billi l-privatizzazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u tal-iindukrar tirriskja li żżid l-inugwaljanza u tista' tħalli impatt negattiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' bosta nisa; billi numru ogħla mill-medja ta' nisa huma impjegati fis-servizzi pubbliċi jew fis-settur tas-servizzi pubbliċi u, bħala utenti ta' dawn is-servizzi, huma jiddependu aktar mill-irġiel minn servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja u li jkunu affordabbli, aċċessibbli u xprunati mid-domanda, b'mod partikolari fir-rigward ta' servizzi soċjali bħall-indukrar tat-tfal u l-kura ta' persuni dipendenti; billi t-tnaqqis fl-unitajiet domestiċi nazzjonali u t-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi, kif ukoll iż-żidiet fil-prezzijiet, għandhom it-tendenza li jpoġġu dan il-piż kważi esklussivament fuq in-nisa, u billi konsegwentement dan jostakola l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

AE.  billi s-sistema tad-drittijiet ta' proprjetà intelletwali (DPI) tikkontribwixxi għall-ekonomija tal-UE bbażata fuq l-għarfien; billi d-dispożizzjonijiet dwar id-DPI relatati mal-privattivi li jipprojbixxu l-produzzjoni ta' mediċini ġeneriċi jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq ir-rekwiżiti partikolari tas-saħħa tan-nisa; billi n-nisa, aktar mill-irġiel, jiddependu mill-aċċess affordabbli għall-kura tas-saħħa u l-mediċini kif ukoll mid-disponibbiltà tagħhom, speċjalment fir-rigward tas-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom kif ukoll id-drittijiet relatati; billi l-aċċess għall-mediċini fil-pajjiżi mhux tal-UE ma għandux jiġi kkontestat fuq il-bażi tal-protezzjoni tad-DPI;

AF.  billi d-deċiżjonijiet dwar il-kummerċ u l-ftehimiet kummerċjali sa ċertu punt biss isiru minn nisa, peress li t-timijiet tan-negozjati, il-parlamenti u l-gvernijiet għadhom 'il bogħod milli jiksbu bilanċ bejn il-ġeneri; billi l-bilanċ bejn il-ġeneri f'dawn l-istituzzjonijiet mhux biss jista' jwassal għal integrazzjoni aħjar ta' kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda jista' jżid ukoll il-leġittimità demokratika fit-teħid ta' deċiżjonijiet;

AG.  billi mhux qed jiġu allokati biżżejjed riżorsi umani fi ħdan il-Kummissjoni u s-SEAE biex tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru fil-politiki kummerċjali tal-UE u, b'mod partikolari, fil-proċess sħiħ ta' negozjati kummerċjali;

AH.  billi l-Kummissjoni, meta tkun qed taħdem fuq il-qafas legali ta' oqsma relattivament ġodda tal-politika kummerċjali, bħall-kummerċ elettroniku, għandha sa mill-bidu tikkunsidra l-impatt tagħhom fuq ir-rwoli tal-ġeneru, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-ammont ta' xogħol bla ħlas;

AI.  billi ġie ppruvat li l-kummerċ fil-minerali ta' kunflitt għandu rabta diretta mal-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-istupru u l-vjolenza sesswali fuq in-nisa u l-bniet, it-tħaddim tat-tfal u l-iskjavitù, kif ukoll l-ispostamenti tal-massa;

I.Tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kummerċ: kunsiderazzjonijiet ġenerali u objettivi

1.  Jisħaq fuq il-fatt li l-UE għandha l-obbligu li tmexxi politika kummerċjali bbażata fuq il-valuri, li tkun tinkludi l-iżgurar ta' livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u tal-ambjent, kif ukoll ir-rispett tal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; ifakkar li l-ftehimiet kummerċjali tal-UE kollha jridu jinkludu kapitolu ambizzjuż u infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli (TSD); jisħaq fuq il-fatt li l-impenji kummerċjali fil-ftehimiet tal-UE qatt ma għandhom iħassru d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tan-nisa jew il-ħarsien tal-ambjent, u għandhom jikkunsidraw l-ambjent lokali, soċjali u ekonomiku;

2.  Ifakkar li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija stabbilita sew fil-politiki kollha tal-UE, kif iddikjarat fl-Artikolu 8 tat-TFUE; jinnota li dan l-Artikolu jistipula li "fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa"; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koerenza bejn il-politiki differenti, bħal dawk dwar il-kummerċ, l-iżvilupp, l-agrikoltura, l-impjiegi, il-migrazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-politiki kummerċjali internazzjonali ġusti u inklużivi jirrikjedu qafas ċar li jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-emanċipazzjoni tan-nisa u tal-kundizzjonijiet ta' għajxien u ta' xogħol tagħhom, għat-tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, għall-ħarsien tal-ambjent u għat-titjib tal-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà internazzjonali u l-iżvilupp ekonomiku internazzjonali;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li l-promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku ta' benefiċċju reċiproku trid tkun l-iskop globali tal-politika kummerċjali; ifakkar li filwaqt li l-politika kummerċjali tista' tippromwovi valuri oħrajn li l-Unjoni Ewropea qiegħda tixpruna fl-arena multilaterali, jeżistu limitazzjonijiet sa fejn il-kwistjonijiet globali jistgħu jiġu solvuti permezz tal-politika kummerċjali u tal-ftehimiet kummerċjali;

5.  Jinsisti li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet kummerċjali għandha tippromwovi l-istandards u l-istrumenti ġuridiċi rilevanti fuq skala internazzjonali, inklużi dawk dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bħas-CEDAW, il-Pjattaforma għal Azzjoni ta' Beijing, il-Konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u l-SDGs;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-impenji kummerċjali fil-ftehimiet tal-UE qatt ma għandhom iħassru d-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jistieden lill-Istati Membri jadottaw u jfasslu pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali bi qbil mal-Prinċipji Gwida tan-NU b'kunsiderazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-ħtieġa li tiġi miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni tuża n-negozjati kummerċjali biex tinkoraġġixxi lis-sħab kummerċjali tal-UE jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali proprji; jappoġġa n-negozjati li għaddejjin biex jinħoloq strument vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq l-importanza li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv f'dan il-proċess intergovernattiv u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lis-sħab kummerċjali biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv f'dawn in-negozjati;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sħab kummerċjali tal-UE jirrispettaw l-Artikoli 16 u 17 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala mezz li bih jiġu miġġielda l-inugwaljanzi abbażi tal-ġeneru fil-qasam tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi;

8.  Ifakkar li l-Istati Membri biss għandhom il-kompetenza li jirregolaw u jreġġgħu lura l-liberalizzazzjoni tas-servizzi ta' interess ġenerali, u għalhekk jistedinhom jipproteġu l-għanijiet fundamentali, bħall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, is-saħħa pubblika, u l-istandards soċjali u ambjentali;

9.  Jenfasizza l-bżonn li l-gvernijiet iżommu l-kapaċità tagħhom li jallokaw riżorsi għall-kisba tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bil-għan li s-soċjetajiet jiġu garantiti futur inklużiv u sostenibbli; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza assoluta tar-rispett, bi qbil mal-objettiv nru 17.15 tal-SDGs, tal-ispazju politiku demokratiku tal-pajjiżi sħab biex jirregolamentaw u jieħdu deċiżjonijiet adegwati skont il-kuntest nazzjonali tagħhom, biex jirrispondu għall-eżiġenzi tal-popolazzjonijiet tagħhom u biex jonoraw l-obbligi tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-impenji internazzjonali l-oħrajn, fosthom dawk dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

10.  Ifakkar li stieden lill-Kummissjoni ttemm is-sistema ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u Stati (ISDS), u jissottolinja li kwalunkwe mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jiġi ddisinjat bil-għan li jiggarantixxi l-kapaċità tal-gvernijiet individwali biex jirregolaw fl-interess pubbliku u biex iservu l-għanijiet ta' politika pubblika, inklużi l-miżuri għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, kif ukoll drittijiet aktar b'saħħithom tax-xogħol, tal-ambjent u tal-konsumaturi;

11.  Jinnota li d-dispożizzjonijiet dwar id-DPI fin-negozju spiss ikollhom impatt fuq is-saħħa pubblika u fuq ir-rekwiżiti partikolari tas-saħħa tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li d-dispożizzjonijiet dwar id-DPI fil-ftehimiet kummerċjali jikkunsidraw b'mod xieraq id-drittijiet tan-nisa, partikolarment fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq is-saħħa tan-nisa, inkluż l-aċċess affordabbli għall-kura tas-saħħa u għall-mediċini; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) bħala għodda ta' importanza partikolari għall-emanċipazzjoni tan-nisa fiż-żoni rurali; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jikkunsidraw mill-ġdid l-estensjoni tal-protezzjoni għal prodotti mhux agrikoli, b'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-UE diġà qablet li tipproteġi prodotti IĠ mhux agrikoli fl-FTAs;

12.  Ifakkar li l-SDGs jirrikjedu data diżaggregata skont il-ġeneru sabiex jippermettu li jiġi segwit il-progress imwettaq fil-kisba tal-għanijiet kollha, inkluż l-SDG 5 dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq fuq l-indisponibbiltà ta' data adegwata dwar l-impatt tal-kummerċ fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jappella għall-ġbir ta' ammont suffiċjenti u adegwat ta' data diżaggregata skont il-ġeneru dwar l-impatt tal-kummerċ; jisħaq fuq il-fatt li din id-data tagħmilha possibbli li tiġi stabbilita metodoloġija b'indikaturi ċari u li jistgħu jitkejlu fil-livelli reġjonali, nazzjonali u settorjali, li tiġi mtejba l-analiżi u li jiġu definiti l-għanijiet li għandhom jintlaħqu kif ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel jibbenefikaw indaqs mill-kummerċ; jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-analiżi kwantitattiva u kwalitattiva, diżaggregata skont il-ġeneru, fir-rigward tal-evoluzzjoni tax-xogħol, is-sjieda ta' assi kif ukoll l-inklużjoni finanzjarja f'setturi li l-kummerċ kellu impatt fuqhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoopera mal-organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali bħall-Bank Dinji, in-Nazzjonijiet Uniti, l-OECD u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), kif ukoll mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, bil-għan li jitjiebu l-ġbir u d-disponibbiltà ta' tali data; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex fil-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post tagħhom jinkludu l-impatt tal-politika u tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE fuq il-ġeneru skont il-pajjiż u skont is-settur; jisħaq fuq il-fatt li r-riżultati tal-analiżi ffokata fuq il-ġeneru għandhom jitqiesu fin-negozjati kummerċjali – b'kunsiderazzjoni kemm tal-impatt pożittiv kif ukoll dak negattiv matul il-proċess kollu, mill-istadju tan-negozjati sal-implimentazzjoni tagħhom – u għandhom jiġu akkumpanjati minn miżuri għall-prevenzjoni jew għall-kumpens tal-effetti negattivi possibbli;

II.Tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kummerċ: kunsiderazzjonijiet u għanijiet settorjali

13.  Jissottolinja li s-servizzi ta' interess ġenerali u s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali – inklużi, iżda mhux biss, l-ilma, is-servizzi soċjali, is-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart, it-trasport pubbliku u l-kura tas-saħħa – iridu jibqgħu eżentati mill-kamp ta' applikazzjoni tan-negozjati kummerċjali u jridu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-gvernijiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-UE tiżgura li t-trattati kummerċjali u ta' investiment ma jwasslux għall-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi li jistgħu jkollhom impatt fuq in-nisa, kemm bħala fornituri ta' servizzi kif ukoll bħala utenti ta' servizzi, u b'hekk iżidu l-inugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq fuq il-fatt li l-kwistjoni tal-forniment pubbliku tas-servizzi soċjali hija ta' rilevanza partikolari għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, peress li l-bidliet fl-aċċess għal tali servizzi u fil-miżati għall-użu ta' tali servizzi, kif ukoll il-kwalità tagħhom, jistgħu jwasslu għal distribuzzjoni mhux omoġenja mil-lat tal-ġeneru f'xogħol ta' ndukrar mhux imħallas; jirrimarka li l-gvernijiet u l-awtoritajiet nazzjonali u lokali jeħtiġilhom iżommu d-dritt sħiħ kif ukoll il-kapaċità sħiħa li jintroduċu, jirregolaw, jadottaw, iżommu jew jirrevokaw kwalunkwe miżura fir-rigward tal-ikkummissjonar, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-forniment ta' aċċess universali għal servizzi ta' interess ġenerali u għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali;

14.  Jisħaq fuq il-fatt li l-politika kummerċjali tista' tħalli impatt fuq l-aċċess għal servizzi tas-saħħa essenzjali, u għalhekk tista' tinfluwenza l-aċċess għall-objettivi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, kif ukoll il-progress ta' tali objettivi fil-politiki, il-programmi u s-servizzi; jenfasizza, għalhekk, li l-kura tas-saħħa bażika – partikolarment l-aċċess għal servizzi tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi – għandha tiġi eżentata min-negozjati kummerċjali u jinnota li din taqa' taħt il-kompetenza tal-Istati Membri;

15.  Jappella għal miżuri vinkolanti, infurzabbli u effikaċi biex jiġi miġġieled l-isfruttament, u biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tan-nisa fl-industriji orjentati lejn l-esportazzjoni, f'konformità mal-objettiv għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tan-nisa fil-pajjiżi u fis-setturi ta' tħassib, partikolarment fis-setturi tal-ħwejjeġ, tat-tessuti u fis-setturi agrikoli, sabiex jiġi evitat li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tikkontribwixxi għal prekarjetà tad-drittijiet tax-xogħol u għal żieda fid-diskrepanzi fil-pagi bejn il-ġeneri; jemmen li miżuri bħal dawn, kif ukoll l-istabbiliment ta' definizzjonijiet komuni, għandhom jippermettu azzjoni aktar ċara u kkoordinata aħjar ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huma n-NU, id-WTO, l-ILO u l-OECD; jivvalorizza l-Patt dwar is-Sostenibbiltà ta' Bangladesh bħala eżempju tajjeb, u bħala pass 'il quddiem f'termini ta' kisba ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ li jaħdem, u jappella għal konformità sħiħa mat-termini tiegħu; jistieden, f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni u lill-atturi internazzjonali kollha u lin-negozji kkonċernati biex jirrikonoxxu u jaderixxu għal-linji gwida l-ġodda dwar id-diliġenza dovuta tal-OECD għal katini ta' provvista responsabbli fis-settur tal-ħwejjeġ u taż-żraben;

16.  Jitlob għal iffokar akbar fuq in-nisa li jaħdmu fis-settur informali, filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa li jissaħħu l-istandards tax-xogħol deċenti għal ħaddiema nisa f'dan is-settur;

17.  Jissottolinja li n-nisa u t-tfajliet tendelzjalment huma dawk li jsofru l-aktar, peress li t-traffikar tal-ħaddiema għandu rabta qawwija ħafna mat-traffikar għal skopijiet sesswali;

18.  Jisħaq fuq il-fatt li l-impatt ta' żieda fl-esportazzjonijiet agrikoli huwa ġeneralment anqas favorevoli għan-nisa milli għall-irġiel, minħabba xejriet emerġenti li jindikaw li l-bdiewa fuq skala żgħira, li ħafna minnhom huma nisa, sikwit ma jkunux f'pożizzjoni li jikkompetu fi swieq barranin minħabba l-liġijiet dwar il-wirt u n-nuqqas ta' aċċess għal kreditu, l-informazzjoni, l-art u n-netwerks kif ukoll ta' possibbiltajiet biex jikkonformaw mar-regoli u l-istandards il-ġodda; jinnota li jridu jsiru sforzi partikolari biex jiġi mtejjeb l-impatt pożittiv tal-kummerċ fuq in-nisa fis-settur agrikolu, fejn in-nisa ġew identifikati bħala partikolarment vulnerabbli, iżda wkoll bħala persuni b'potenzjal ċar ta' emanċipazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li negozji li huma proprjetà tan-nisa għandhom jibbenefikaw mit-tneħħija tal-isterjotipi tal-ġeneru, minn żieda fl-aċċess għas-suq u minn aċċess iffaċilitat għall-finanzi, għall-formazzjoni kummerċjali u n-networks, kif ukoll minn bini u taħriġ ta' kapaċità mtejba; jinnota li l-liberalizzazzjoni kummerċjali fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ipproċessar tal-ikel jista' jkollha impatt negattiv fuq in-nisa; jisħaq fuq il-fatt li għalkemm il-ħaddiema nisa jippredominaw fil-produzzjoni tal-ikel fid-dinja (fejn jirrappreżentaw bejn 50 u 80 % tal-forza tax-xogħol globali), huma l-proprjetarji ta' anqas minn 20 % tal-artijiet, u għaldaqstant iż-żieda fit-talbiet kummerċjali għal artijiet u relatata mal-artijiet tagħmilha aktar diffiċli għan-nisa ifqar biex jiksbu jew iżommu aċċess ġust għall-artijiet; ifakkar dwar il-ħtieġa li fil-ftehimiet kummerċjali dwar is-sovranità tal-ikel jiġi evitat l-impatt potenzjalment negattiv tal-klawżoli dwar id-DPI, eż. dwar il-privatizzazzjoni taż-żrieragħ;

19.  Jisħaq fuq il-fatt li n-nisa li jaħdmu fl-agrikoltura ta' sussistenza jaffaċċjaw aktar diffikultajiet biex iżommu s-sovranità tal-ikel minħabba l-protezzjoni qawwija tal-varjetajiet l-ġodda tal-pjanti fil-ftehimiet kummerċjali skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti (Konvenzjoni tal-UPOV);

20.  Jissottolinja li l-importazzjonijiet agrikoli tal-UE jistgħu jimminaw l-azjendi agrikoli ż-żgħar tradizzjonali u b'hekk jipperikolaw l-għajxien tan-nisa;

21.  Ifakkar dwar l-importanza tal-MSMEs fl-istruttura ekonomika tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha ta' appoġġ għall-MSMEs, b'fokus speċifiku fuq, u b'miżuri għall-MSMEs immexxija min-nisa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu attenzjoni partikolari għaċ-ċirkostanzi speċjali tal-MSMEs immexxija min-nisa meta jistabbilixxu help-desks ta' esportazzjoni, biex jieħdu vantaġġ mill-possibbiltajiet maħluqa mill-FTAs u biex isaħħu s-servizzi, it-teknoloġiji u l-infrastrutturi (bħal aċċess għall-internet) li huma ta' importanza partikolari għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u tal-MSMEs immexxija min-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tgħin fl-istabbiliment ta' sħubiji bejn l-imprendituri nisa fl-UE u l-kontropartijiet tagħhom fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

III.Tisħiħ tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kummerċ: azzjonijiet meħtieġa fil-livell tal-UE

22.  Jinsisti li ċerti elementi tal-politika kummerċjali tal-UE, bħall-kapitoli dwar it-TSD u s-sistema tal-SĠP+, kif ukoll il-monitoraġġ tagħhom, jistgħu jgħinu biex jiġu promossi u miżmuma d-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħarsien ambjentali; jinsisti li hemm bżonn ta' dispożizzjonijiet vinkolanti u infurzabbli fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ħarsien ambjentali u l-protezzjoni tax-xogħol, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-politika kummerċjali tal-UE tkun koerenti mal-għanijiet globali tal-Unjoni f'dak li jikkonċerna l-iżvilupp sostenibbli, it-tnaqqis tal-faqar u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

23.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-objettivi tal-SDGs, b'mod partikolari l-Għan 5 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-involviment strateġiku għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri tal-2016-2019 jiġu riflessi bis-sħiħ fil-politiki kummerċjali tal-UE;

24.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-istrateġija kummerċjali tal-UE "Kummerċ għal Kulħadd" ma ssemmix l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jilqa' l-fatt li r-"Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Politika Kummerċjali għal Kulħadd" tat-13 ta' Settembru 2017 jsemmi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-kummerċ u jispeċifika li huwa essenzjali li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE jtejbu l-fehim tagħhom tal-impatt tal-istrumenti kummerċjali fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra din id-dimensjoni fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd", u biex tiżgura li tiġi nkluża u integrata l-perspettiva tal-ġeneru fil-politika kummerċjali u ta' investiment tal-UE, peress li din timmassimizza l-vantaġġi globali miksuba minn opportunitajiet kummerċjali għal kulħadd; ifakkar li l-politika kummerċjali tista' tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq ix-xena internazzjonali, u għandha tintuża bħala għodda biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tan-nisa, f'termini ugwali bħall-irġiel, pereżempju billi jingħata appoġġ għat-tnaqqis fid-diskrepanzi fil-pagi bejn il-ġeneri permezz tal-promozzjoni tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità aħjar għan-nisa;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku jkollhom impatt pożittiv – mhux l-inqas mill-perspettiva tal-ġeneru – meta jiġu inklużi fil-ftehmiet kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġa l-aċċess tal-MSMEs għall-akkwist pubbliku u biex tiżviluppa miżuri speċifiċi għall-MSMEs li huma proprjetà tan-nisa; jappella għall-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet immirati lejn is-simplifikar ta' proċeduri, u ż-żieda tat-trasparenza, għall-offerenti, inkluż dawk minn pajjiżi li mhumiex fl-UE; jappella għal promozzjoni akbar ta' akkwist pubbliku li jkun soċjalment u ambjentalment responsabbli, filwaqt li jitqies l-għan li jiġi żgurat it-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel, il-paga indaqs għall-ħaddiema rġiel u nisa, u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, abbażi tal-esperjenza ta' regoli ta' akkwist pubbliku sostenibbli ta' "Ċilì Compras";

26.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex fil-ftehimiet kummerċjali, jippromwovu l-impenn li jadottaw, iżommu u jimplimentaw liġijiet, regolamenti u politiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inklużi l-miżuri attivi neċessarji biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa jiġu promossi fil-livelli kollha;

27.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiżgura li n-negozjati kummerċjali għall-immodernizzar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni attwali bejn iċ-Ċilì u l-UE jkun jinkludi, għall-ewwel darba fl-UE, kapitolu speċifiku dwar il-ġeneru u l-kummerċ; jisħaq fuq il-bżonn li jkun informat dwar il-kontenut ta' dan il-kapitolu; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu u jappoġġaw l-inklużjoni ta' kapitolu speċifiku għall-ġeneru fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE, abbażi ta' eżempji eżistenti bħall-FTAs bejn iċ-Ċilì u l-Uruguay u bejn iċ-Ċilì u l-Kanada, u biex jiżguraw li dan jipprevedi b'mod speċifiku l-impenn għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa; jappella għall-promozzjoni ta' impenji internazzjonali dwar id-drittijiet tan-nisa, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni tal-ġeneru u l-emanċipazzjoni tan-nisa fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE, abbażi tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u tal-SDGs; jappella wkoll li jiġu inklużi dispożizzjonijiet f'dawn il-ftehimiet kummerċjali li jiżguraw li l-istrutturi istituzzjonali tagħhom jiggarantixxu rieżamijiet perjodiċi ta' konformità, diskussjonijiet sostanzjali u l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-kummerċ, permezz, fost oħrajn, tal-inklużjoni tan-nisa u l-esperti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-amministrazzjonijiet ikkonċernati, inkluż fit-timijiet tan-negozjati dwar il-kummerċ, il-kumitati konġunti, il-gruppi ta' esperti, il-gruppi konsultattivi domestiċi, il-kumitati konsultattivi konġunti u l-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jippromwovu ftehimiet fil-livell multilaterali biex jespandu l-protezzjoni li tingħata minn liġijiet tal-UE sensittivi għall-ġeneru bħar-Regolament dwar il-Minerali ta' Kunflitt;

29.  Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jiżgura li l-kumpaniji parteċipanti fil-proġetti kofinanzjati mill-BEI għandhom ikunu meħtieġa li jaderixxu mal-prinċipju ta' paga ugwali u trasparenza fil-pagi kif ukoll mal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri kif stabbilit fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(29);

30.  Jinsab konvint li s-CEDAW hija ta' importanza kbira għall-oqsma ta' politika kollha, inkluż għall-kummerċ; jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri kollha tal-UE aderixxew mas-CEDAW; jistieden għalhek lill-Kummissjoni biex tinkludi referenza għas-CEDAW fil-ftehimiet kummerċjali u biex tieħu passi lejn l-adeżjoni u r-ratifikazzjoni tal-UE għall-Konvenzjoni; jappella lill-Istati Membri jinkorporaw il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-sistemi ġuridiċi tagħhom, jeliminaw il-liġijiet diskriminatorji kollha tagħhom u jadottaw liġijiet xierqa li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni kontra n-nisa;

31.  Jistieden lill-UE tiżgura li d-dispożizzjonijiet ibbażati fuq l-istandards ewlenin tax-xogħol u l-konvenzjonijiet tal-ILO jiġu inklużi fil-ftehimiet kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem flimkien mal-Istati Membri lejn ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta' dawn il-konvenzjonijiet, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Nru 189 dwar Xogħol Deċenti għall-Ħaddiema Domestiċi, u l-Konvenzjoni Nru 156 dwar il-Ħaddiema b'Responsabbilitajiet tal-Familja, peress li dawn jindirizzaw il-bżonnijiet tal-ħaddiema globalment, u biex jiżguraw li d-drittijiet soċjali, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali jiġu inklużi fil-ftehimiet kummerċjali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu fi ħdan l-ILO favur l-implimentazzjoni ta' dawn il-konvenzjonijiet u favur it-tisħiħ tal-istandards internazzjonali tax-xogħol għal xogħol deċenti fil-katini ta' valur mondjali, b'attenzjoni partikolari fuq in-nisa; ifakkar li l-implimentazzjoni effikaċi ta' dawn l-istandards u l-konvenzjonijiet għandha impatt pożittiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa fl-UE u f'pajjiżi mhux membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u s-sħab l-oħrajn jikkontribwixxu għall-qerda ta' prattiki bħall-isfruttament tal-impjegati, speċjalment in-nisa;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istandards soċjali u ambjentali, partikolarment id-drittijiet tax-xogħol sottoskritti fl-FTAs u f'reġimi awtonomi, japplikaw fit-territorju kollu tas-sħab kummerċjali u, partikolarment fl-EPZs;

33.  Jisħaq fuq l-importanza tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) tal-UE, u s-sistemi SĠP+, partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ewlenin; jirrimarka li l-konvenzjonijiet tal-SĠP + jinkludu l-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni Nru 111 dwar id-Diskriminazzjoni fir-Rigward tal-Impjiegi u x-Xogħol, u l-Konvenzjoni Nru 100 dwar ir-Remunerazzjoni Indaqs għall-Ħaddiema Rġiel u Nisa għal Xogħol ta' Valur Indaqs; jirrimarka li r-rispett u l-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet simili jkompli jgħin l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jirrikonoxxi li s-sistemi SĠP u SĠP+ huma għodod ta' valur għall-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni ssib mezzi biex ittejjeb dawn is-sistemi permezz tat-tisħiħ tal-kundizzjonalità tagħhom u t-tneħħija tad-diskriminazzjoni ġuridika kontra n-nisa, u biex tkompli torbot l-inċentivi ekonomiċi mal-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ adegwat u effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem ewlenin, u tal-konvenzjonijiet ambjentali u tax-xogħol li huma partikolarment rilevanti għan-nisa; jilqa', f'dan ir-rigward, l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni tas-sistemi SĠP;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex, fin-negozjati fil-livell tad-WTO, jiżguraw li: tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-tħejjija ta' regoli u ftehimiet ġodda, kif ukoll fl-implimentazzjoni u r-rieżami ta' arranġamenti eżistenti, inkluż fil-Mekkaniżmu ta' Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali tad-WTO; tiżdied it-trasparenza fil-proċess kollu tan-negozjati tad-WTO; u li l-perspettiva dwar il-ġeneru toffri informazzjoni lin-negozjati attwali u futuri kollha, f'oqsma bħall-agrikoltura, is-sajd, is-servizzi u l-kummerċ elettroniku; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri, barra minn hekk, biex jiddefendu u jippromwovu pożizzjoni mtejba għan-nisa fil-katini ta' valur mondjali (billi jsir l-aħjar użu tal-għodod tad-WTO bħalma huma l-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ), biex jiżviluppaw programmi ta' bini tal-kapaċità u jorganizzaw diskussjonijiet mal-esperti fuq bażi regolari, kif ukoll skambji ta' prattiki tajbin, biex jappoġġaw l-adozzjoni ta' miżuri relatati mal-ġeneru fi ħdan l-istruttura amministrattiva tad-WTO u, biex b'mod aktar partikolari, jiżguraw li s-Segretarjat tad-WTO jkollu l-kapaċità teknika biex iwettaq analiżi skont il-ġeneru tar-regoli tal-kummerċ (inklużi l-mezzi biex jitwettqu evalwazzjonijiet tal-impatt tal-ġeneru fl-istadji kollha tal-ħidma tiegħu, bħal, pereżempju, permezz ta' studji kwantitattivi dwar nisa li jibbenefikaw minn assistenza teknika); jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri, fl-aħħarnett, biex jagħmlu użu mill-għodod tad-WTO biex jindirizzaw il-kwistjonijiet dwar il-ġeneru, kemm fil-ġurisprudenza tagħhom kif ukoll fin-negozjati kummerċjali li għadhom għaddejjin, u biex, bl-istess mod, jappoġġaw il-kooperazzjoni mtejba bejn id-WTO u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, bħall-UNCTAD, il-UN-Women u l-ILO, fl-isforzi tagħhom immirati lejn il-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali inklużiv u favur id-drittijiet u l-ugwaljanza tan-nisa;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi internazzjonali għall-promozzjoni tal-inklużjoni ta' perspettiva tal-ġeneru fil-politika kummerċjali u fil-programmi bħall-inizjattiva She Trades taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kummerċ (ITC), li għandha l-għan li tgħaqqad miljun mara imprenditur mas-swieq sal-2020(30), u jħeġġeġ f'dan ir-rigward, l-iskambju internazzjonali tal-aħjar prattiki dwar politiki u programmi reattivi għall-ġeneru fi ħdan organizzazzjonijiet u korpi simili bħad-WTO, l-ITC u n-NU;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-CSR u d-diliġenza dovuta fl-FTAs, bi qbil mal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u mal-Linji Gwida dwar id-Diliġenza Dovuta tal-OECD; iħeġġeġ lill-UE ssaħħaħ is-CSR, u tikkunsidra d-diliġenza dovuta, fil-ftehimiet kummerċjali ħielsa, kif ukoll jinkoraġġixxi lid-WTO biex tikkunsidra din id-dimensjoni fil-politika kummerċjali tagħha; jisħaq ukoll fuq l-importanza li din il-kwistjoni tiġi indirizzata f'organizzazzjonijiet u f'fora internazzjonali u multilaterali, bħan-NU, il-Bank Dinji u l-OECD; ifakkar li fl-2010 il-Parlament kien talab li l-kumpaniji jippubblikaw il-karti bilanċjali tas-CSR tagħhom u talab li r-rekwiżiti ta' diliġenza dovuta jiġu introdotti għall-intrapriżi kollha kif ukoll għall-ikkonsolidar tal-kunċett ta' CSR; jilqa' għalhekk il-fatt li sa mill-2017, il-kumpaniji l-kbar huma mitluba jiżvelaw informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità, bi qbil mad-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kodiċijiet ta' kondotta, it-tikketti u l-iskemi ta' kummerċ ġust, u li jiġi żgurat allinjament ma' standards internazzjonali bħall-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-Patt Globali tan-NU u l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali;

38.  Jistieden lill-UE biex tiżgura li s-Segretarjati tal-Istituzzjonijiet tal-UE responsabbli għall-politiki u n-negozjati kummerċjali jkollhom l-għarfien u l-kapaċità teknika biex jinkorporaw il-perspettiva tal-ġeneru fil-proċess sħiħ tan-negozjati, mill-bidu nett, sal-applikazzjoni u l-evalwazzjoni; jilqa' l-ħatra ta' punt fokali dwar il-ġeneru fi ħdan l-istruttura tad-DĠ Trade, li jkun responsabbli biex jimmonitorja jekk l-aspetti dwar il-ġeneru humiex qegħdin jiġu kkunsidrati fil-ftehimiet kummerċjali tal-UE, kif ukoll biex jiżgura l-allinjament tal-ġeneru fil-politika kummerċjali tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi taħriġ dwar il-ġeneru, jew biex tagħmel użu mit-taħriġ ipprovdut pereżempju, mill-UNCTAD biex tiżgura li l-uffiċjali u n-negozjaturi jkunu konxji ta' kwistjonijiet relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-kummerċ; jistieden lill-Istati Membri biex jirreklutaw nisa fil-livelli kollha fi ħdan il-ministeri għall-kummerċ tagħhom; jistieden lill-organizzazzjonijiet internazzjonali bħad-WTO, il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-ILO biex jippromwovu l-preżenza ugwali tan-nisa fl-istrutturi interni tagħhom, partikolarment f'karigi ewlenin; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jieħdu sehem b'mod attiv, u jappoġġaw, l-isforzi biex jiġu organizzati diskussjonijiet regolari u azzjonijiet dwar il-ġeneru u l-kummerċ;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jippromwovu, fil-ftehimiet kummerċjali, l-impenn li jiżguraw parteċipazzjoni mtejba tan-nisa fil-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu negozjati kummerċjali trasparenti, jirrispettaw bis-sħiħ l-aħjar prattiki stabbiliti f'negozjati oħrajn u biex jiżguraw li, f'kull stadju tan-negozjati, il-Parlament jinżamm informat f'waqtu u b'mod regolari; jappella għal timijiet tan-negozjati bbilanċjati bejn il-ġeneri sabiex ikunu jistgħu jikkunsidraw bis-sħiħ l-aspetti kollha tal-ftehimiet kummerċjali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw parteċipazzjoni inklużiva fil-konsultazzjonijiet kummerċjali, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tad-WTO, inkluż għall-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tan-nisa, it-trejdjunjins, in-negozji, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet għall-iżvilupp, u biex isaħħu t-trasparenza għaċ-ċittadini Ewropej billi jippreżentaw inizjattivi u billi jippubblikaw informazzjoni rilevanti għan-negozjati;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-għan tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jingħata attenzjoni partikolari fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħhom, u li tkun integrata fil-programmi ta' assistenza kollha, speċjalment f'programmi marbuta mal-Istrateġija ta' Għajnuna għall-Kummerċ; jistieden lill-UE żżid il-fondi disponibbli għall-programmi ta' kooperazzjoni marbutin mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u mat-taħriġ professjonali tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, finanzjarjament kif ukoll permezz tal-bini tal-kapaċità fi sforz biex tqawwi l-koerenza bejn il-kummerċ, l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jisħaq fuq il-fatt li t-tnaqqis fid-dħul mit-taxxi li rriżulta minn tnaqqis fit-tariffi għandu jiġi indirizzat fil-qafas u l-finanzjament tal-aġenda għall-iżvilupp sostenibbli;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-intraprenditorija femminili fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, filwaqt li tiffoka speċjalment fuq dawk il-pajjiżi fejn in-nisa jaffaċċjaw aktar restrizzjonijiet fl-aċċess għall-kreditu, l-infrastruttura u l-assi produttivi, meta mqabbla mal-irġiel;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà ta' bini ta' programmi ta' taħriġ ta' qabel l-apprendistat għall-fornituri, dawk li jimpjegaw, il-prattikanti tal-forza tax-xogħol, u tal-partijiet interessati tal-industrija oħrajn, li jippermettilhom li joħolqu netwerk mal-pari tagħhom madwar l-UE u biex titgħallem minn varjetà ta' mudelli ta' programm ta' suċċess, finalment bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli biex in-nisa jipparteċipaw fl-opportunitajiet offruti minn ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru flimkien l-isforzi tagħhom biex jadattaw politiki f'oqsma bħall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bil-għan li tiġi promossa ugwaljanza akbar bejn il-ġeneri fit-tqassim ta' opportunitajiet ta' impjieg offruti mill-esportazzjonijiet;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex fil-ftehimiet kummerċjali jippromwovu l-impenn li jwettqu attivitajiet ta' kooperazzjoni bilaterali immirati għat-titjib tal-kapaċità u l-kundizzjonijiet għan-nisa sabiex jibbenefikaw mill-opportunitajiet offruti minn dawn il-ftehimiet, u, għal dan il-għan u biex jikkostitwixxu u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni, biex jistabbilixxu kumitat konġunt dwar il-kummerċ u l-ġeneru, u biex l-applikazzjoni tiegħu tiġi sorveljata, billi tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni xierqa ta' partijiet interessati privati, inklużi esperti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-emanċipazzjoni tan-nisa, li tiggarantixxi rappreżentazzjoni wiesgħa, mill-komunità u mis-settur, permezz ta' mezzi aċċessibbli ta' konsultazzjoni (bħal diskussjonijiet online) lil hinn minn djalogi strutturati;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tesplora aktar kif il-politiki u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE jistgħu jippromwovu l-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u l-parteċipazzjoni tan-nisa f'oqsma bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STE) u dwar kif jitnaqqsu jistgħu jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn il-ġeneri fl-aċċess għal, u fl-użu ta' teknoloġiji ġodda;

o
o   o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.
(3) ĠU C 290E, 29.11.2006, p. 107.
(4) ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 31.
(5) ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 94.
(6) ĠU C 353E, 3.12.2013, p. 38.
(7) ĠU C 407, 4.11.2016, p. 2.
(8) ĠU C 66, 21.2.2018, p. 30.
(9) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 93.
(10) Testi adottati, P8_TA(2017)0073.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0298.
(12) Testi adottati, P8_TA(2017)0330.
(13) Testi adottati, P8_TA(2017)0354.
(14) UNDP, Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Bniedem fl-Afrika tal-2016, http://www.undp.org/content/dam/undp/library/corporate/HDR/Africa%20HDR/AfHDR_2016_lowres_EN.pdf?download.
(15) Rapport tekniku tal-OECD bit-titolu "Enhancing Women's Economic Empowerment through Entrepreneurship and Business Leadership in OECD Countries" (It-Tisħiħ tal-Emanċipazzjoni Ekonomika tan-Nisa permezz tal-Intraprenditorija u t-Tmexxija tan-Negozju fil-Pajjiżi tal-OECD), http://www.oecd.org/gender/Enhancing%20Women%20Economic%20Empowerment_Fin_1_Oct_2014.pdf.
(16) Forum Internazzjonali dwar in-Nisa u l-Kummerċ, Brussell, Ġunju 2017, http://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=1632.
(17) Konferenza parlamentari dwar id-WTO, Sessjoni Plenarja, "Il-kummerċ bħala strument ta' progress soċjali: Il-perspettiva tal-ġeneru" (), Ġinevra, Ġunju 2016, https://www.wto.org/english/forums_e/parliamentarians_e/ipuconf2016_e.htm.
(18) Sessjoni tad-WTO "Liema futur għad-WTO? Il-Kummerċ u l-Ġeneru: L-Emanċipazzjoni tan-Nisa permezz ta' Katini ta' Provvista Inklużivi", Ġinevra, Lulju 2015, https://www.wto.org/english/tratop_e/devel_e/a4t_e/global_review15prog_e/global_review15prog_e.htm.
(19) Sit web tal-UNCTAD, http://unctad.org/en/Pages/DITC/Gender-and-Trade/Trade,-Gender-and-Development.aspx.
(20) https://www.ictsd.org/sites/default/files/research/the_gender_dimensions_of_global_value_chains_0.pdf.
(21) https://www.ictsd.org/sites/default/files/research/the_gender_dimensions_of_services.pdf.
(22) http://progress.unwomen.org/en/2015/pdf/unw_progressreport.pdf.
(23) https://wideplus.org/2017/06/25/wide-gender-and-trade-position-paper-is-available/.
(24) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/571388/IPOL_STU(2016)571388_EN.pdf.
(25) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2015/549058/EXPO_IDA(2015)549058_EN.pdf.
(26) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/june/tradoc_155632.pdf.
(27) Implementing gender-aware ex ante evaluations to maximize the benefits of trade reforms for women (L-implimentazzjoni ta' evalwazzjonijiet ex ante konxji dwar il-ġeneru biex jiġu massimizzati l-benefiċċji tar-riformi kummerċjali għan-nisa), http://unctad.org/en/PublicationsLibrary/presspb2016d7_en.pdf.
(28) Rapport ta' sfond tal-OECD ‘Enhancing Women's Economic Empowerment through Entrepreneurship and Business Leadership in OECD Countries’ (It-Tisħiħ tal-Emanċipazzjoni Ekonomika tan-Nisa permezz tal-Intraprenditorija u t-Tmexxija tan-Negozji fil-Pajjiżi tal-OECD) (2014) http://www.oecd.org/gender/Enhancing%20Women%20Economic%20Empowerment_Fin_1_Oct_2014.pdf
(29) Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.).
(30) http://www.intracen.org/itc/women-and-trade/SheTrades/

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza