Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2006(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0045/2018

Testi mressqa :

A8-0045/2018

Dibattiti :

PV 12/03/2018 - 21
CRE 12/03/2018 - 21

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2018 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0068

Testi adottati
PDF 403kWORD 66k
It-Tlieta, 13 ta' Marzu 2018 - Strasburgu
Ir-rwol tar-reġjuni u tal-bliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tal-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima
P8_TA(2018)0068A8-0045/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tas-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima (2017/2006(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21, u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP11) li saru f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 7(2) u 11(2) tal-Ftehim ta' Pariġi li jirrikonoxxu d-dimensjonijiet lokali, sottonazzjonali u reġjonali tat-tibdil fil-klima u l-azzjoni klimatika,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Konferenza 2016 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakech, il-Marokk (COP 22)(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima 2017 f'Bonn, il-Ġermanja (COP 23)(3),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli l-ġodda tan-NU, u b'mod partikolari l-għan 11: li "l-bliet isiru inklużivi, siguri, reżiljenti u sostenibbli",

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Amsterdam li jistabbilixxi l-Aġenda Urbana għall-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport Nru 12/2016 "Urban adaptation to climate change in Europe 2016" (L-adattament urban għat-tibdil fil-klima fl-Ewropa 2016) u r-rapport Nru 1/2017 "Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2016" (Tibdil fil-klima, impatti u vulnerabilità fl-Ewropa 2016) tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA).

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2016, bit-titolu "Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi" (COM(2016)0110),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima" (COM(2013)0216),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta’ Frar 2017 bit-titolu "Lejn strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima – approċċ integrat"(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – aspetti prinċipali tal-aġenda urbana tal-UE" (COM(2014)0490),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tar-Regolamenti dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) (ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013(6)), li jipprevedi li "l-objettivi tal-Fondi ESI għandhom jiġu segwiti konformement mal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli",

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet u ta' Sħubija u l-programmi taħt is-CPR, li, skont l-Artikolu 8 tas-CPR għandhom jippromwovu "l-effiċjenza fir-riżorsi, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih",

–  wara li kkunsidra l-objettivi tematiċi speċifiċi appoġġjati minn kull Fond SIE, inkluż l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, il-bidla għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-promozzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu: "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0045/2018),

A.  billi ż-żieda fl-avvenimenti ta' temp estrem hija konsegwenza diretta tat-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem u se tkompli jkollha impatt negattiv fuq ħafna partijiet tal-Ewropa b'aktar frekwenza, u tagħmel l-ekosistemi abitati tagħha aktar vulnerabbli; billi, skont il-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, it-temperatura tad-dinja tista' togħla bejn 0,9 u 5,8 ºC sal-2100;

B.  billi s-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP), li se jiggwida l-politika Ewropea dwar l-ambjent sal-2020, jidentifika t-titjib tas-sostenibilità tal-bliet tal-Unjoni bħala objettiv ta' prijorità, flimkien mat-tliet objettivi orizzontali ewlenin ta' protezzjoni, konservazzjoni u tisħiħ tal-kapital naturali tal-Unjoni, tal-bdil tal-Unjoni f'ekonomija b'livell baxx ta' karbonju effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, u ta' salvagwardja taċ-ċittadini tal-Unjoni mill-pressjonijiet u r-riskji għas-saħħa u l-benesseri tagħhom relatati mal-ambjent;

C.  billi t-tibdil fil-klima jista' jaggrava l-bidliet soċjetali jekk ma jittiħdux passi ulterjuri; billi għandu jittieħed kont tal-flussi migratorji sinifikanti li huma mbassra bħala riżultat ta' dan it-tibdil fil-klima globali u huma implikati bil-konsegwenzi tal-movimenti tal-popolazzjonijiet li se joħolqu pressjonijiet ġodda fuq l-infrastruttura tal-bliet;

D.  billi, skont is-sejbiet ewlenin tar-rapport Nru 12/2016 tal-EEA, ir-realtà tat-tibdil fil-klima diġà qed jinħass fl-UE fil-forma ta' fenomeni ta' temp estrem u effetti gradwali fit-tul bħal uragani, maltempati, deżertifikazzjoni, nixfa, korrużjoni tal-art u tax-xtut, xita qawwija, mewġiet ta' sħana, għargħar, tlugħ fil-livelli tal-baħar, skarsezza ta' ilma, nirien fil-foresti u t-tifrix ta' mard tropikali;

E.  billi, bħala riżultat tat-tibdil fil-klima, hemm riskju akbar li xi speċijiet ta' pjanti u annimali jgħibu u li nesperjenzaw mard infettiv ikkawżat minn fatturi klimatiċi; billi żoni bħar-reġjuni ultraperiferiċi u reġjuni oħra tal-UE, li jistgħu jbatu minn vulnerabilità topografika jesperjenzaw b'mod aktar qawwi l-effetti tat-tibdil fil-klima;

F.  billi, barra minn hekk, studji reċenti juru li diversi tibdiliet osservati fl-ambjent u fis-soċjetà, bħal tibdiliet fl-ispeċijiet forestali, l-istabbiliment ta' speċijiet aljeni invażivi u tifqigħat ta' mard, ġew ikkawżati jew aggravati mit-tibdil fil-klima globali, u jagħmlu lill-persuna, lin-natura u lill-ekosistemi fejn jgħixu aktar vulnerabbli, sakemm ma jittiħdux miżuri konkreti; billi appoġġ integrat tal-UE sabiex jitjiebu s-solidarjetà u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri jgħin biex jiġi żgurat li r-reġjuni l-aktar milquta mit-tibdil fil-klima jkunu kapaċi jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw;

G.  billi t-tibdil fil-klima qed jolqot id-differenzi soċjali li diġà kienu qegħdin jiżdiedu fl-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin, u qed ikabbar il-vulnerabilità tal-aktar popolazzjonijiet dgħajfa tas-soċjetà, li huma inqas kapaċi u għandhom inqas riżorsi biex jindirizzaw l-effetti tiegħu; billi l-vulnerabilità tal-individwi għall-effetti tat-tibdil fil-klima hi fil-parti l-kbira tagħha determinata mill-ħila tagħhom li jkollhom aċċess għar-riżorsi bażiċi u billi l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiggarantixxu aċċess għal dawk ir-riżorsi bażiċi;

H.  billi kważi 72,5 % tal-popolazzjoni tal-UE, jiġifieri madwar 359 miljun persuna, jgħixu fil-bliet; billi, barra minn hekk, l-UE hija responsabbli għal 9 % tal-emissjonijiet globali, u ż-żoni urbani huma responsabbli għal bejn 60 % u 80 % tal-konsum globali tal-enerġija u sehem tal-istess daqs tal-emissjonijiet ta' CO2;

I.  billi l-għażliet tal-infrastruttura urbana li jsiru se jkollhom impatt fuq il-kapaċità tal-bliet li jifilħu għat-tibdil fil-klima; billi l-bliet, il-kumpaniji u atturi oħra mhux statali għandhom potenzjal ta' mitigazzjoni ta' bejn 2,5 u 4 biljun tunnellata ta' CO2 sal-2020; billi r-reġjuni u l-bliet huma kapaċi jnaqqsu l-emissjonijiet globali b'5 % biex jilħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi u billi dawn għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-emissjonijiet globali b'mod sinifikanti;

J.  billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) nru 11 ("li l-bliet u l-insedjamenti umani jsiru inklużivi, siguri, reżiljenti u sostenibbli"), jimmira li sal-2020 jżid sostanzjalment in-numru ta' bliet u insedjamenti umani li adottaw u implimentaw politiki u pjanijiet integrati għall-inklużjoni, l-effiċjenza tar-riżorsi, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima u r-reżiljenza għad-diżastri, u jiżviluppa u jimplimenta, skont il-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030, ġestjoni olistika tar-riskju ta' diżastri, fuq kull livell;

K.  billi l-awtoritajiet muniċipali huma fost il-benefiċjarji prinċipali tal-finanzjament Ewropew;

L.  billi l-Artikolu 7(2) tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikonoxxi li l-adattament huwa sfida globali li jiffaċċjaw id-dimensjonijiet lokali, sottonazzjonali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali kollha; billi l-azzjoni mill-awtoritajiet lokali u l-atturi mhux statali hija essenzjali biex il-gvernijiet ikunu jistgħu jimplimentaw l-impenji tagħhom fi ħdan qafas ta' azzjoni klimatika globali;

M.  billi l-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (COM(2013)0216) u r-regolamenti rispettivi tal-UE dwar il-FSIE jidentifikaw l-għanijiet ewlenin u l-azzjonijiet tal-politika assoċjati, b'mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta' mekkaniżmi bħall-kundizzjonalitajiet ex ante u l-objettivi tematiċi rilevanti għall-klima fil-Qafas tal-Politika ta' Koeżjoni 2014-2020, bħalma huma l-objettivi tematiċi (OT) 4: "L-appoġġ għat-trasferiment lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-oqsma kollha"; OT5: "Il-promozzjoni ta' adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju" u OT6: "Il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi", li wasslu għal aktar finanzjament għal azzjoni dwar klimatika, finanzjament li huwa ffukat aħjar, taħt uħud mill-FSIE;

N.  billi r-reġjuni u l-bliet urew l-impenn tagħhom lejn il-proċess tal-UNFCCC permanenti tal-involviment tagħhom fl-Aġenda ta' Azzjoni Lima-Pariġi (LPAA) u fl-inizjattivi taż-Żona tal-Atturi Mhux Statali għall-Azzjoni Klimatika (NAZCA);

Kuntest ġenerali

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol tal-UE fil-Ftehim ta' Pariġi/COP 21 u r-rwol tagħha bħala mexxejja dinjija fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jinnota li l-Ewropa għandha waħda mill-aktar miri ambizzjużi tad-dinja fir-rigward tat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ li l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima titqies bħala prijorità importanti fil-politika ta' koeżjoni tal-UE sabiex jintlaħqu u jinżammu l-impenji tal-Ftehim ta' Pariġi/COP 21 billi tkun promossa l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa, l-ekonomija ċirkolari, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta' adattament neċessarji, filwaqt li jinżamm ir-rwol bażiku u l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni f'konformità mal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

2.  Japprova l-approċċ għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima propost fl-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (Nazzjonijiet Uniti) u fil-Patt ta' Amsterdam (Aġenda Urbana għall-Ewropa); jenfasizza li l-Ewropa jeħtieġ issir tassew mexxejja dinjija fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli kif propost mill-Kummissjoni, u jfakkar li l-aġenda urbana tal-UE tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli permezz tal-objettiv ta' bliet inklużivi, siguri u sostenibbli; iqis, f'dan il-kuntest, il-varjetà ta' differenzi bejn l-awtoritajiet lokali Ewropej u l-fatt li l-potenzjal tagħhom ivarja; jitlob li jkun hemm approċċ flessibbli u mfassal apposta fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana, u li jiġu pprovduti inċentivi u gwida biex jiġi sfruttat għalkollox il-potenzjal tal-bliet;

3.  Ifakkar li r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2015, lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi(7) tistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-possibilità li jassumu impenji komplementari ta' tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra; jenfasizza l-bżonn li jkun hemm livell massimu ta' trasparenza u skrutinju tal-proċess COP 21;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw miri ambizzjużi għall-mitigazzjoni u l-adattament skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-azzjoni klimatika, u wara t-talba li saret mill-Kumitat tar-Reġjuni fl-opinjoni tiegħu tas-9 ta' Frar 2017, "Lejn strateġija ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima - approċċ integrat;

5.  Jiddeplora l-istrateġiji irresponsabbli li jissugraw l-ambjent, bħal ċerti attivitajiet ekonomiċi u setturi industrijali speċifiċi li jiġġeneraw livelli għolja ta' tniġġis, u jenfasizza r-responsabilità tat-taqsimiet kollha tas-soċjetà biex jikkontribwixxu għal miżuri li huma vitali biex titreġġa' lura tendenza li qed thedded il-ħajja fuq il-pjaneta; jenfasizza l-fatt li hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-miżuri meħuda minn xi setturi industrijali biex jiġġieldu l-effetti tat-tniġġis u dwar is-sejba ta' soluzzjonijiet li jniġġsu anqas; jiddispjaċih, madankollu, li ċerti mexxejja tal-opinjoni fl-oqsma tax-xjenza, il-midja u l-politika jibqgħu jiċħdu l-evidenza tat-tibdil fil-klima;

6.  Jiddispjaċih dwar l-intenzjoni ddikjarata tal-Istati Uniti li tirtira mill-Ftehimiet ta' Pariġi, u jilqa' l-għadd kbir ta' atturi mhux federali, b'mod partikolari stati u bliet fl-Istati Uniti, li affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jilħqu l-miri stabbiliti permezz tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Uniti li jixtiequ jkunu involuti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima biex jikkooperaw u jissieħbu ma' sħab pubbliċi u privati oħra fil-proġetti tagħhom u jiskambjaw il-prattiki tajba f'dan ir-rigward; jitlob li jkun hemm governanza ġdida li tista' tiżgura fondi għall-azzjoni klimatika u għal integrazzjoni aħjar tar-reġjuni u l-bliet u l-korpi rappreżentattivi tagħhom;

7.  Jenfasizza li l-bliet jeħtiġilhom jiżvolġu rwol deċiżiv fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'interdipendenza kkoordinata mal-awtoritajiet nazzjonali u r-reġjun ta' madwarhom; jinkoraġġixxi aktar involviment bejn il-mexxejja sottonazzjonali u l-gvernijiet nazzjonali fil-livell internazzjonali permezz ta' pjattaformi bħall-Ħbieb tal-Bliet; jemmen li fil-każ speċifiku tal-iżvilupp urban sostenibbli integrat, l-awtoritajiet lokali għandhom ikollhom is-setgħa mhux biss li jagħżlu proġetti, iżda wkoll li jħejju, ifasslu u jimplimentaw skemi tal-iżvilupp lokali; jenfasizza l-aspetti pożittivi possibbli għat-tkabbir u l-impjiegi ekoloġiċi;

8.  Jinnota li l-awtoritajiet lokali huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-maġġor parti tal-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament rigward it-tibdil fil-klima u mill-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suġġett; jisħaq fuq il-bżonn li tittieħed azzjoni f'dawn l-oqsma: l-urbanistika, il-mobilità, it-trasport u l-infrastruttura pubbliċi, ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, il-kampanji ta' edukazzjoni, il-bliet intelliġenti, il-grilji intelliġenti u s-sussidji reġjonali, sabiex jiġi implimentat il-Ftehim ta' Pariġi;

9.  Jinnota li s-sindki tal-bliet għandhom obbligu ta' rendikondirett lejn l-elettorat tagħhom fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jieħdu, u jistgħu jaġixxu b'mod aktar effikaċi u b'ħeffa, u sikwit b'riżultati immedjati li jħallu impatt qawwi;

10.  Jistieden lill-gvernijiet nazzjonali jgħinu lill-bliet u lir-reġjuni jwettqu l-impenji internazzjonali li jappoġġjaw l-inizjattivi tal-klima u tal-enerġija fil-livell lokali u reġjonali;

11.  Jindika li t-tibdil fil-klima jinteraġixxi ma' fatturi soċjali u ekonomiċi u li dan jeħtieġ viżjoni ġenerali, li se tkun effettiva fil-livell lokali u reġjonali;

12.  Iwissi dwar l-ispejjeż soċjetali u l-impatt ekonomiku tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra li bħalissa qed jolqtu l-infrastruttura urbana, is-saħħa pubblika u s-sistemi ta' kura soċjali li huma - f'xi waqtiet u f'ċerti bliet u reġjuni - mgħobbija żżejjed u li qed iħabbtu wiċċhom ma' sitwazzjoni ekonomika prekarja; jinnota li dawn is-sistemi se jitqiegħdu taħt pressjoni addizzjonali u se jkollhom ilaħħqu ma' ħtiġijiet dejjem tikber u aktar kumplessi; jilqa' l-benefiċċji ekonomiċi potenzjali għall-bliet li jinvestu u jkunu fuq quddiem fl-infrastruttura b'livell baxx ta' karbonju, fosthom spejjeż tal-elettriku iktar baxxi, spejjeż ta' manutenzjoni mnaqqsa u nefqa mnaqqsa tas-saħħa pubblika, li titjieb meta jonqsu s-sustanzi niġġiesa;

13.  Jirrikonoxxi li l-mitigazzjoni u l-adattament huma proċessi fit-tul li jittraxxendu kemm iċ-ċikli elettorali kif ukoll id-deċiżjonijiet meħuda fil-livell lokali u reġjonali, u jitlob li l-mitigazzjoni u l-adattament jitqiesu bħala opportunitajiet fil-konfront ta' sfidi oħrajn bħall-impjieg u l-azzjoni għat-titjib tas-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u s-servizzi pubbliċi; jinnota li l-Ftehim ta' Pariġi jipprevedi l-involviment attiv tal-Partijiet Interessati li mhumiex Parti permezz tal-proċessi ta' eżamijiet tekniċi dwar il-mitigazzjoni u l-adattament;

14.  Jirrikonoxxi r-rwol vitali tar-reġjuni, il-bliet u l-irħula fil-promozzjoni tas-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija u biex il-miri relatati mal-klima u mal-enerġija jitmexxew minn taħt; jinnota li r-reġjuni u ż-żoni urbani huma l-aktar adattati għall-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet enerġetiċi integrati b'kooperazzjoni diretta maċ-ċittadini; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stimulati t-tranżizzjoni tal-enerġija u l-investiment lokali għall-miżuri ta' mitigazzjoni u adattament tal-klima; jenfasizza li l-innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija nadifa u proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira jistgħu jiżvolġu rwol ewlieni biex jintlaħqu l-miri tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jibdew jipprovdu aċċess għal miżuri finanzjarji li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi u l-valur fit-tul ta' komunitajiet tal-enerġija lokali għas-suq tal-enerġija, l-ambjent u s-soċjetà, u biex jippromwovu r-rwol ta' prosumaturi uniċi b'rabta mal-enerġija rinnovabbli, bil-għan li jkun hemm livell ogħla ta' awtosuffiċjenza u l-awtokonsum; jistieden lill-bliet u lir-reġjuni jieħdu rwol mexxej fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u t-tniġġis fl-arja;

15.  Itenni l-ħtieġa li r-reġjuni jimplimentaw id-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, u jitlob li l-Fondi Strutturali jkunu ffokati jew imsaħħa bil-għan li tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika fil-binjiet pubbliċi u l-awtosuffiċjenza fil-muniċipji peremzz tal-enerġija rinnovabbli; u jitlob li proġetti tal-enerġija ċivika kooperattivi jiġu appoġġjati taħt il-Fondi Strutturali tal-UE u permezz ta' tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi fil-livell nazzjonali u reġjonali;

16.  Jinnota li, skont l-aħħar statistika, is-sehem tal-UE mill-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra hu ta' madwar 10 %, u li għalhekk, mingħajr azzjoni globali x-xejriet klimatiċi negattivi ma jistgħux jitreġġgħu lura; jirrimarka, madankollu, li l-UE tista' tiżvolġi rwol ewlieni f'dan ir-rigward, partikolarment billi tippromwovi soluzzjonijiet u teknoloġiji ta' enerġija nadifa;

17.  Ifakkar li l-Aġenda Urbana tal-UE qed tippromwovi metodu ġdid ta' ħidma fejn il-potenzjal tal-bliet jintuża għalkollox biex iwieġeb għall-isfidi globali tat-tibdil fil-klima, u li jinvolvi attenzjoni partikolari għal regolamentazzjoni aħjar, aċċess għall-finanzi u l-iskambju tal-għarfien;

L-UE u l-politika ta' koeżjoni

18.  Jikkunsidra li l-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) futur għandu, fejn xieraq, jgħolli l-livell ta' ambizzjoni tiegħu rigward il-ksib ta' objettivi klimatiċi, u li għandu jiżdied ukoll il-proporzjon tal-infiq allokat għal dan l-iskop;

19.  Ifakkar l-impenn li mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 (madwar EUR 212-il biljun) għandu jintefaq fuq azzjoni relatata mal-klima; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu nota tar-Rapport Speċjali Nru 31 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, tal-2016, li jwissi li hemm riskju serju li l-mira ta' 20 % mhux se tintlaħaq jekk ma jittieħdux miżuri addizzjonali, u jitlob lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament aġġornat dwar il-progress f'dan il-qasam importanti; jenfasizza li fil-Fond Soċjali Ewropew, kif ukoll fil-politiki tal-agrikoltura, tal-iżvilupp rurali u tas-sajd, ma saret ebda tranżizzjoni sinifikanti favur l-azzjoni klimatika, u li l-opportunitajiet potenzjali għall-finanzjament ta' azzjoni relatata mal-klima ma ġew esplorati għalkollox;

20.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-politika ta' koeżjoni għandha fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima fuq skala reġjonali u lokali; itenni l-ħtieġa li jiżdied il-baġit tal-politika ta' koeżjoni għal wara l-2020; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-investiment urban fil-kwalità tal-arja, l-ekonomija ċirkolari, l-adattament għall-klima, soluzzjonijiet għall-iżvilupp ta' infrastruttura u enerġija ekoloġika u t-tranżizzjoni diġitali;

21.  Jappoġġa l-ħolqien ta' għodda nefqa/benefiċċji biex il-gvernijiet lokali jkunu jistgħu jifhmu l-impatti tal-proġetti f'termini ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju u biex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta' finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE;

22.  Jemmen li l-politika ta' koeżjoni għandha tħaddan l-approċċ tal-mitigazzjoni kif ukoll dak tal-adattament, u ssir differenza bejniethom, iżda li fl-istess waqt jeħtieġ li jiġu kkoordinati, u jiġu stabbiliti mekkaniżmi ċari ta' finanzjament biex jistimulaw u jipprovdu inċentivi għall-politiki u l-miżuri f'kull qasam; jikkunsidra li dawn il-mekkaniżmi jistgħu jiġu implimentati permezz ta' pjanijiet tal-investiment ċari u li jistgħu jitkejlu bil-parteċipazzjoni tal-bliet u r-reġjuni (inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija, partijiet interessati u s-soċjetà ċivili), u li dik il-parteċipazzjoni għandha tinkludi wkoll l-istadji ta' implimentazzjoni u evalwazzjoni;

23.  Jinnota li ħmistax-il Stat Membru biss adottaw pjan ta' azzjoni u strateġija ta' adattament, bi ftit miżuri konkreti fuq il-post; jemmen li l-ippjanar futur tal-FSIE għandu jiġi integrat aħjar mal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima għall-2030; jenfasizza li fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur, l-integrazzjoni tal-objettivi klimatiċi għandha tittejjeb aktar, pereżempju billi l-investiment tal-politika ta' koeżjoni jintrabat aktar mill-qrib mal-pjanijiet ġenerali tal-Istati Membri biex iwettqu l-mira tal-2030; jirrimarka li l-miri klimatiċi tal-UE se jkollhom jitqiesu, għalhekk, fil-valutazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija, filwaqt li l-programmi operazzjonali se jkollhom iżommu rabta mill-qrib mal-istrateġiji u l-pjanijiet ta' adattament ta' kull Stat Membru sabiex jinkisbu koordinazzjoni u koerenza fil-livelli kollha tal-ippjanar u tal-ġestjoni, b'mod partikolari f'każijiet fejn il-fondi tal-UE jikkostitwixxu perċentwal kbir tal-infiq pubbliku disponibbli; josserva li, bħala riżultat ta' dan, il-valutazzjoni tal-programmi operattivi se jkollha tikkunsidra kemm kienu effettivi mil-lat ta' kontribut għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, filwaqt li jimmiraw lejn metodoloġija ta' traċċar u proċess ta' monitoraġġ komuni, sabiex jiġi evitat il-"greenwashing";

24.  Iħeġġeġ li l-investimenti tal-politika ta' koeżjoni għandhom ikunu konsistenti ma' politika klimatika effettiva biex tkun garantita s-sostenibilità ambjentali;

25.  Jenfasizza li l-politika dwar l-innovazzjoni u d-dimensjoni urbana huma oqsma adatti għal sinerġiji bejn l-objettivi klimatiċi u l-għanijiet ekonomiċi usa' tal-politika ta' koeżjoni; jitlob, għalhekk, li jiġu żviluppati dispożizzjonijiet speċifiċi għall-iżvilupp urban sostenibbli u l-innovazzjoni urbana, b'tali mod li dawn l-oqsma jgawdu saħħa finanzjarja notevolment aqwa fil-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

26.  Jistieden is-sħubijiet differenti li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-mitigazzjoni tal-klima fil-qafas tal-Aġenda Urbana għall-UE biex b'ħeffa jadottaw u jippreżentaw il-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-proposti li jinsabu fiha, speċifikament b'referenza għal regolamentazzjoni, finanzjament u għarfien aħjar fil-proposti leġiżlattivi futuri;

27.  Jenfasizza li, biex jinkisbu l-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi, tenħtieġ aktar koerenza fir-rigward tal-investiment bi trajettorja ta' dekarbonizzazzjoni fit-tul għas-suq reġjonali/ta' Stat Membru/ tal-UE kollha kemm hi, u jitlob li jkun hemm miżuri li jiffaċilitaw aċċess għal finanzjament li se jippermetti lil bliet u r-reġjuni iżgħar jaċċessaw il-finanzjament; jenfasizza, barra minn hekk, li l-finanzjaament ta' prijorità għandu jkun disponibbli għal reġjuni li jiddependu mill-karbonju biex ikun hemm tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi, u li għandha tingħata prijorità lit-tranżizzjoni lejn impjieg alternattiv għall-ħaddiema f'industriji b'użu intensiv tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li, fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni għal wara l-2020, il-ksib ta' tnaqqis fl-emissjonijiet (flimkien ma' azzjonijiet oħra bħal xogħlijiet ta' riklamazzjoni jew attivitajiet għar-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta' siti industrijali żdingati (brownfield sites) għandu jkun element importanti fil-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Programmi Operazzjonali;

28.  Jenfasizza l-importanza tal-użu ta' strumenti finanzjarji u politiki addizzjonali, bħall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u Orizzont 2020, għall-finanzjament ta' proġetti li se jgħinu biex jimmitigaw jew jaddattaw għat-tibdil fil-klima;

29.  Jinsisti li l-għotjiet lill-bliet u r-reġjuni għadhom il-forma ewlenija ta' finanzjament mill-UE taħt il-politika ta' koeżjoni, u tal-azzjonijiet relatati mal-klima b'mod partikolari; jenfasizza, madankollu, li, minkejja t-titjib fil-koerenza u fil-preċiżjoni tal-indikaturi tal-impatt u tar-riżultati rilevanti għall-klima, dawn tal-aħħar mhumiex suffiċjenti biex jiġi stabbilit il-livell ta' kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-ksib tal-objettivi klimatiċi globali tal-UE, u jqis li s-sistema ta' monitoraġġ u traċċar għall-infiq relatat mal-klima jeħtieġ li titjieb sabiex jiġi żgurat li l-infiq tal-UE jipprovdi kontribut speċifiku u li jista' jitkejjel għat-twettiq tal-miri tal-UE; jitlob li jkun hemm pjan direzzjonali tal-adattament biex jimmonitorja l-azzjoni dwar il-klima fil-livell reġjonali u lokali, u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-perċentwal ta' fondi li l-Istati Membri jonfqu fil-livell lokali biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u biex jiżguraw l-adattament tat-territorju għat-tibdil fil-klima;

30.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-istrumenti għall-iżvilupp territorjali integrat, bħalma huma l-Investiment Territorjali Integrat u l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLDs), li jistgħu jintużaw mill-bliet bħala għodda addizzjonali għall-finanzjament ta' strateġiji ta' żvilupp urban sostenibbli jew ta' oqsma funzjonali; jitlob li jkun hemm approċċi u strateġiji minn isfel għal fuq, lokali u integrati biex jiżguraw użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, jibnu r-reżiljenza u jadattaw għall-impatt tat-tibdil fil-klima fiż-żoni l-aktar milquta;

31.  Jirrikonoxxi li l-bliet tal-UE fihom il-maġġoranza vasta tal-industrija tar-riċerka u l-iżvilupp tal-Ewropa ffukata fuq it-tibdil fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ imsaħħaħ għall-bliet u r-reġjuni fl-oqsma tat-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni, gwida finanzjarja, l-għarfien speċjalizzat, il-komunikazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-klima u konsulenza dwar il-mitigazzjoni u l-adattament, partikolarment billi jissaħħu l-istrumenti eżistenti bħal pereżempju l-pjattaforma konsultattiva ta' investiment urban URBIS, URBACT u l-Inizjattiva ta' Azzjonijiet Innovattivi Urbani (UIA); jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawn l-industriji jieħdu vantaġġ sħiħ mill-kooperazzjoni globali fir-riċerka u biex issaħħaħ dawn l-istrumenti biex jgħinu lill-gvernijiet lokali jwettqu proġetti adatti għall-iskop tagħhom, kif ukoll biex jaċċessaw għażliet tal-finanzjament sabiex jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi fl-istrateġiji tal-iżvilupp urban; jappella biex l-awtoritajiet sottonazzjonali mhux tal-UE jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod volontarju fl-inizjattiva Ewropej tax-xjenza, ir-riċerka u t-teknoloġija, bħall-H2020, kemm formalment kif ukoll informalment, sabiex jintlaħqu l-objettivi kollettivi; jemmen li faċilitajiet finanzjarji bħall-fondi globali tal-klima għandhom ikunu aċċessibbli direttament għall-awtoritajiet lokali; jemmen li s-sinerġiji bejn il-politika ta' koeżjoni u l-politiki ta' riċerka u innovazzjoni għandhom jissaħħu biex jiġi żgurat l-użu rapidu ta' teknoloġiji ġodda b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-Programm H2020 iżid l-attenzjoni u l-finanzjament tiegħu għall-proġetti ta' innovazzjoni u riċerka fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari u l-bliet sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-BEI, isaħħu l-kapaċità amministrattiva tar-reġjuni u tal-bliet biex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta' finanzjament pubbliċi u privati disponibbli fil-livell tal-UE;

33.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jindirizzaw il-problema tal-iskart bil-ħsieb li titwettaq l-ekonomija ċirkolari u jiġu inċentivati promossi mezzi ta' rimi oħrajn għall-iskart li ma jistax jerġa' jintuża jew jiġi riċiklat, bħala alternattivi għall-inċinerazzjoni;

34.  Jemmen li, fil-perjodu ta' pprogrammar li jmiss, it-tibdil fil-klima se jkollu jiġi integrat fl-ipprogrammar tal-kooperazzjoni territorjali; jenfasizza r-rwol importanti li tiżvolġi l-kooperazzjoni territorjali, il-kooperazzjoni transkonfinali u l-istrateġiji makroreġjonali fl-azzjonijiet meħuda mir-reġjuni u l-bliet, kemm fl-UE kif ukoll barra mill-fruntieri tagħha, u jtenni l-ħtieġa li dan l-istrument jissaħħaħ politikament u finanzjarjament, kemm għall-mitigazzjoni kif ukoll għall-adattament; jenfasizza li qafas għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet konġunti u skambji ta' politika bejn atturi nazzjonali, reġjonali u lokali minn Stati Membri differenti, bħal pereżempju l-Interreg, huwa partikolarment xierqa għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima u għat-twettiq ta' azzjonijiet xierqa ta' mitigazzjoni tal-effetti tiegħu; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li seba' mill-ħmistax-il programm transnazzjonali Interreg fl-Ewropa jiffinanzjaw strateġiji, azzjonijiet pilota, taħriġ u għodod, biex jgħinu lill-bliet iżidu l-kapaċitajiet tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 u jimmitigaw it-tibdil fil-klima sabiex jilġqu l-miri tal-UE;

Bliet u reġjuni

35.  Jilqa' inizjattivi bħalma huma il-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u r-rwol li għadd ta' bliet u reġjuni żvolġew fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-ħarsien tal-ambjent; iħeġġeġ lill-bliet u lir-reġjuni jikkooperaw u jinkorporaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fl-aġenda istituzzjonali sa grad ogħla u bħala kwistjoni ta' urġenza; jirrakkomanda li l-awtoritajiet urbani jimplimentaw u jaġġornaw b'mod regolari strateġiji tal-ippjanar fit-tul urban intelliġenti u approċċi innovattivi bħalma hi l-inizjattiva tal-bliet intelliġenti; jenfasizza l-ħtieġa ta' proġetti ta' djar sostenibbli u effiċjenti fl-enerġija u binjiet intelliġenti li se jiffrankaw l-enerġija, investimenti fl-enerġija rinnovabbli, sistemi tat-trasport pubbliku li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, aktar appoġġ għal proġetti li jippromwovu l-bliet u r-reġjun b'livell baxx ta' karbonju u għal alleanzi ta' bliet u gvernijiet lokali u reġjonali li jikkooperaw fil-ġlieda kontra t-tisħin globali;

36.  Jinnota l-importanza li jiġi implimentat qafas ta' rappurtar ibbażat fuq parametri oġġettivi u metodoloġiji ppruvati u ttestjati, u li jiġu monitorjati l-azzjonijiet klimatiċi meħuda mill-bliet u r-reġjuni sabiex jikkondividu d-data dwar l-impenji dwar il-klima u tiżdied it-trasparenza fost l-atturi sabiex jintlaħqu l-miri dwar il-klima;

37.  Ifakkar li s-settur tat-trasport huwa responsabbli kemm għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra kif ukoll għal sustanzi li jniġġsu fl-arja u li huma perikolużi għas-saħħa, li l-konċentrazzjoni tagħhom fl-arja urbana hija rregolata mid-Direttiva (UE) 2016/2284 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi; huwa tal-fehma li r-reġjuni u l-bliet għandhom potenzjal enormi biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mit-trasport, u jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament għal inizjattivi lokali u reġjonali li jiffaċilitaw il-mobilità lokali u reġjonali b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju; jenfasizza kemm hu importanti li l-bliet jieħdu rwol mexxej fil-promozzjoni tal-użu tat-trasport pubbliku u fil-promozzjoni tal-elettrifikazzjoni tat-trasport pubbliku u privat, u jappella li għadd ta' reġjuni mudelli jiġu promossi għall-fini ta' riċerka dwar sistemi ta' trasport interkonness u intelliġenti bejn iż-żoni urbani u dawk rurali;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi mill-bliet, bħal bliet intelliġenti u grids intelliġenti, li jfittxu li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u jżiedu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; jenfasizza li r-reġjuni jridu jtejbu l-arranġamenti ta' bliet ekoloġiċi permezz tal-promozzjoni tat-trasformazzjoni enerġetika u diġitali u li soluzzjonijiet bħalma huma l-grids intelliġenti joffru l-potenzjal li jwasslu l-enerġija b'mod aktar effiċjenti lid-djar u l-binjiet; jirrikonoxxi li l-kollaborazzjoni bejn in-negozji u l-bliet tgħin biex jinħolqu soluzzjonijiet innovattivi u inklużivi u jitlob li dawn jiġu promossi; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-investimenti f'soluzzjonijiet sostenibbli oħra bħall-infrastruttura ekoloġika u, b'mod partikolari, li tiżdied il-kopertura ta' veġetazzjoni ta' siġar fil-bliet; ifakkar li jeħtieġ mhux biss li jitnaqqsu l-emissjonijiet, iżda wkoll li tiżdied il-kapaċità ta' assorbiment tas-CO2 tal-ħamrija, u jitlob li jkun hemm aktar protezzjoni għall-foresti urbani eżistenti u stabbiliti reċentement fir-reġjuni tal-UE;

39.  Jenfasizza li ikel staġjonali prodott lokalment inaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra kkawżati mit-trasport, u b'hekk inaqqas l-impronta ġenerali tal-karbonju tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mas-settur tal-ikel bil-għan li tiżdied il-produzzjoni ta' ikel lokali u reġjonali sostenibbli, u jilqa' b'sodisfazzjon il-miżuri volontarji (bħal tikkettjar ta' tip simili għad-dwal tat-traffiku) biex tiġi żgurata l-viżibilità tal-impatt klimatiku u l-impronta tal-karbonju tal-ikel u ta' prodotti oħra; jitlob li jkun hemm indikaturi komuni għall-UE kollha li jippermettu tikkettar volontarju iżda paragunabbli u jistieden lill-awtoritajiet lokali jwettqu kampanji ta' informazzjoni biex iqajmu kuxjenza dwar l-impronta tal-karbonju tal-ikel;

40.  Jindika li l-miżuri ta' mitigazzjoni jridu jiġu ppjanati abbażi ta' distribuzzjoni ġusta tal-isforzi u l-benefiċċji bejn id-diversi atturi, u li l-miżuri ta' adattament jeħtieġ li jiffukaw fuq il-protezzjoni tas-setturi l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni kollha kemm hi;

41.  Jirrikonoxxi d-diversità u n-natura speċifika tal-vulnerabilitajiet u l-potenzjal reġjonali, u jindika li l-isfidi, ir-riżorsi u miżuri l-aktar effettivi jistgħu ivarjaw f'kull territorju; itenni, għaldaqstant, l-impenn tiegħu għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, u jenfasizza li l-bliet u r-reġjuni jeħtieġ li jkollhom il-kompetenza meħtieġa u awtonomija politika, amministrattiva u finanzjarja suffiċjenti biex jippjanaw u jimplimentaw l-azzjonijiet individwali; jenfasizza l-ħtieġa li l-bliet ifasslu l-ippjanar urban tagħhom billi jinvestu f'infrastruttura ekoloġika, il-mobilità, it-trasport pubbliku u grids intelliġenti biex jintlaħqu l-miri stipulati fil-Ftehim ta' Pariġi; itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali (LRAs), bħala l-livelli ta' governanza li huma l-eqreb lejn kull ċittadin u wkoll l-eqreb lejn l-impatti tal-isfidi marbuta mat-tibdil fil-klima, għandhom l-aktar għarfien komprensiv ta' ħafna problemi u għalhekk jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu provduti bil-kapaċità amministrattiva u l-għodod finanzjarji biex jiżviluppaw soluzzjonijiet imfassla apposta għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

42.  Jitlob li jkun hemm governanza f'diversi livelli aktar effettiva, bi trasparenza sħiħa li tista' tinvolvi aħjar lill-gvern lokali, ir-reġjuni u l-bliet u l-korpi li jirrappreżentawhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u fi ħdan il-proċess UNFCCC; jappella li l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi kollha tkun promossa u garantita, u għall-involviment tal-pubbliku, u tal-partijiet interessati soċjali u ekonomiċi, sabiex jiġi mrawwem, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-komunitajiet lokali u l-bliet; jirrimarka li mudelli parteċipattivi ta' governanza lokali għandhom jiġu mħeġġa;

43.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima li jfassal rapport speċjali dwar il-bliet u l-klima fl-2023, impenn li se jwassal għal żieda fir-riċerka dwar l-importanza tal-bliet fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jemmen li l-bliet għandhom jagħtu kontribut fir-Rapport Klimatiku Globali 2018. jemmen, barra minn hekk, li l-bliet u r-reġjuni jistgħu jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika wara l-Ftehim ta' Pariġi, bl-implimentazzjoni ta' approċċ strateġiku biex jindirizzaw it-tisħin globali u jappoġġaw miżuri ta' mitigazzjoni u adattament fiż-żoni urbani, fejn tgħix aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja. jistieden lill-Kummissjoni tiffavorixxi viżjoni b'diversi livelli tal-azzjoni klimatika f'dan il-proċess, sabiex tippromwovi reġim klimatiku inklużiv li jirrikonoxxi l-azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet lokali u subnazzjonali;

44.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jiddeċentralizzaw u jwettqu aħjar il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u b'hekk jagħtu lok lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżvolġu rwol aktar sod fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima;

45.  Jinnota li ħafna elementi tal-industrija qed jinvestu fit-trasformazzjoni ekoloġika u impenjaw ruħhom li jimplimentaw politika ta' dekarbonizzazzjoni; jirrikonoxxi li l-kollaborazzjoni bejn in-negozji u l-bliet toħloq soluzzjonijiet innovattivi u inklużivi għall-azzjoni klimatika u tgħin lill-UE tilħaq il-miri tagħha; ifakkar li l-industrija taqdi rwol ewlieni fil-finanzjament u fl-għeluq tal-lakuni fl-investiment f'żoni urbani; jitlob li jkunu promossi s-sħubijiet bejn il-bliet u n-negozji;

46.  jenfasizza li l-ippjanar intelliġenti u l-investimenti f'infrastruttura urbana b'livell baxx ta' karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima jistgħu jtejbu l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, joħolqu l-impjiegi, u jistimulaw l-ekonomija lokali u reġjonali;

47.  Jistieden lill-bliet u lir-reġjuni jieħdu vantaġġ mill-inizjattivi tal-UE, bħalma huma l-Azzjonijiet Innovattivi Urbani, biex jagħtu bidu għal proġetti pilota fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli;

48.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva "Women4Climate" u l-involviment tas-settur privat f'din l-inizjattiva, li għandha tikkontribwixxi għal involviment akbar tal-mexxejja nisa fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima sabiex isaħħu l-ħiliet ta' tmexxija tagħhom u jinkoraġġixxu l-ġenerazzjoni li jmiss ta' mexxejja nisa biex jipparteċipaw fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

49.  Jirrikonoxxi r-responsabilità speċjali min-naħa tal-bliet biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima, meta tqis li dawn huma responsabbli għal 70 % tal-emissjonijiet globali ta' CO2, u jtenni l-impenn tal-Parlament lejn it-twettiq globali b'suċċess tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, inklużi l-Inizjattiva dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima (l-inizjattiva "Is-Sindki Jadattaw"), il-Memorandum ta' Qbil "Under 2 Degrees" u l-inizjattiva "RegionsAdapt"; jemmen li l-impenji li ttieħdu fid-Dikjarazzjoni tal-Belt ta' Pariġi fl-2015 ser jitwettqu biss permezz tal-involviment mal-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija, u jħeġġeġ lill-bliet kollha tal-UE u mhux tal-UE biex jingħaqdu mal-Patt tas-Sindki u - mingħajr preġudizzju għall-parteċipazzjoni tagħhom f'netwerks istituzzjonali jew settorjali oħra bl-istess għanijiet - jimpenjaw ruħhom għal azzjoni klimatika ambizzjuża u li jorganizzaw skambju ta' esperjenzi ta' prattiki tajba; jinnota wkoll li għadd ta' Pjanijiet ta' Azzjoni sottomessi mill-bliet fihom impenji sal-2020, u għalhekk iħeġġeġ li jittieħed impenn ta' xogħol addizzjonali minn dawn il-bliet sal-2030; jemmen li l-UE għandha tkompli tagħti lill-bliet l-awtonomija biex jippjanaw l-istrateġiji ta' mitigazzjoni klimatika billi dawn spiss jirriżultaw f'miri aktar ambizzjużi;

50.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' referenza ċara għar-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fil-Ftehim ta' Pariġi bil-għan li tkun żgurata tweġiba fit-tul għat-tibdil fil-klima; jissottolinja li l-UE jeħtieġ taħdem fuq il-post mal-bliet u mar-reġjuni biex tagħmel ir-reġjuni u l-bliet tal-UE aktar sostenibbli u konnessi aħjar, toħloq muniċipji effiċjenti fl-enerġija u tiżviluppa netwerks tat-trasport urban aktar intelliġenti;

51.  Jemmen li t-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza għandhom jitħeġġu fil-livell lokali u reġjonali, minħabba l-ammont kbir ta' esperjenza miksuba mir-reġjuni u l-bliet individwali, kif ukoll minn ċerti aġenziji reġjonali tal-protezzjoni ambjentali jew tal-enerġija;

52.  Jemmen li organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet Ewropej u internazzjonali jew globali jew netwerks ta' bliet, muniċipji u reġjuni għandhom jintużaw biex ikun hemm kooperazzjoni aħjar fl-indirizzar tal-problemi tat-tibdil fil-klima fil-livell lokali u reġjonali;

53.  Jinnota li matul il-COP22 f'Marrakesh, l-awtoritajiet lokali u reġjonali żviluppaw il-Pjan Direzzjonali ta' Marrakesh għal Azzjoni, li jenfasizza l-ħtieġa tal-involviment aktar dirett tal-awtoritajiet lokali u li għandu jiġi rikonoxxut formalment bħala parti mid-diskussjoni uffiċjali dwar it-tibdil fil-klima, u mhux biss ikkunsidrat li għandu l-istess status bħal ta' atturi mhux statali oħra, bħall-NGOs jew is-settur privat;

o
o   o

54.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Istati Membri u lill-Parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0363.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0383.
(3) Testi adottati, P8_TA(2017)0380.
(4) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 124.
(5) ĠU C 207, 30.6.2017, p. 51.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(7) ĠU C 349, 17.10.2017, p. 67.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Novembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza