Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2025(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0061/2018

Testi mressqa :

A8-0061/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/03/2018 - 8.7

Testi adottati :

P8_TA(2018)0074

Testi adottati
PDF 336kWORD 53k
L-Erbgħa, 14 ta' Marzu 2018 - Strasburgu
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2017/008 DE/Goodyear
P8_TA(2018)0074A8-0061/2018
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear) (COM(2018)0061 – C8-0031/2018 – 2018/2025(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0061 – C8-0031/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0061/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tgħin ir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u disponibbli b'mod effiċjenti u rapidu kemm jista' jkun;

C.  billi l-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2017/008 DE/Goodyear għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 646 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 22 ta' NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' prodotti tal-gomma u tal-plastik) fir-reġjun ta' Regierungsbezirk Karlsruhe (DE12) tal-livell NUTS 2 fil-Ġermanja;

D.  billi l-applikazzjoni hi msejsa fuq il-kriterji ta' intervent tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrikjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi aktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni u / jew minn persuni li jaħdmu għal rashom u li l-attività tagħhom waqfet;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li l-Ġermanja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 165 231 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 608 719;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni fis-6 ta' Ottubru 2017, u li, wara l-għoti ta' informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fid-9 ta' Frar 2018 u l-Parlament ġie avżat fl-istess ġurnata;

3.  Jinnota li s-sehem mis-suq tat-tajers dinji tal-manifatturi Asjatiċi miċ-Ċina, it-Tajwan u Singapore żdirf minn 4 % fl-2011 għal 20 % fl-2013;

4.  Jinnota li l-Ġermanja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Jannar 2018. Għalhekk, in-nefqa fuq dawn l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG;

5.  Jinnota li l-Ġermanja qed issostni li s-sensji huma marbutin mal-bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ internazzjonali minħabba l-globalizzazzjoni u l-impatt negattiv tagħha fuq il-produzzjoni tat-tajers tal-karozzi tas-segment B fl-Unjoni;

6.  Ifakkar li s-sensji li ngħataw fil-Goodyear huma mistennija jpoġġu pressjoni negattiva konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, u li l-impatt tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet ta' riallokazzjoni minħabba l-iskarsezza ta' impjiegi, il-livell baxx ta' edukazzjoni tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, mill-iżvilupp tagħhom ta' ħiliet vokazzjonali speċifiċi f'settur li sejjer lura, u mill-għadd kbir ta' dawk li qed ifittxu impjieg;

7.  Jinsab konxju mit-tnaqqis fil-produzzjoni tal-karozzi u fis-sehem mis-suq tal-Unjoni bħala riżultat tal-globalizzazzjoni; jirrikonoxxi li b'riżultat ta' dan, inbniet kapaċità żejda sinifikanti fis-segment B tat-tajers tal-Goodyear, li ġiegħlet lill-kumpanija tagħlaq wieħed mill-impjanti Ewropej tagħha, li kien l-akbar impjegatur fir-reġjun; jinnota li l-FEG jista' jiffaċilita wkoll il-moviment transfruntier tal-ħaddiema minn setturi li qed jiċkienu li jinsabu f'xi Stati Membri għal setturi li qed jespandu fi Stati Membri oħra;

8.  Jinnota li l-applikazzjoni tikkonċerna 646 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Goodyear, li fil-parti l-kbira tagħhom għandhom bejn it-30 u l-54 sena; jindika wkoll il-fatt li perċentwal sinifikanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma fl-età ta' bejn il-55 u l-64 sena u għandhom ħiliet speċifiċi għas-settur tal-manifattura; jinnota barra minn hekk li madwar 300 ħaddiem minn dawk li ngħataw is-sensja huma bla ħiliet u għandhom passat ta' migrazzjoni u mingħajr kwalifika formali, bħal taħriġ vokazzjonali, li jpoġġihom fi żvantaġġ fis-suq tal-impjiegi reġjonali; jenfasizza li r-reġjun ta' Waghäusel, li fih jinsab l-impjant ta' Philippsburg, qed jiffaċċja bidliet strutturali; fid-dawl ta' dan, jirrikonoxxi l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG biex jitjiebu l-possibbiltajiet ta' riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi;

9.  Jinnota li l-Ġermanja qiegħda tippjana sitt tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) miżuri ta' titjib tal-ħiliet, (ii) gruppi ta' pari / gruppi ta' ħidma, (iii) servizz ta' pariri dwar il-bidu ta' negozju, (iv) tfittxija għal impjieg, (v) mentoring ta' segwitu / l-iżgurar tal-impjiegi, u (vi) allowance għat-taħriġ;

10.  Jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-introjtu se jirrappreżentaw massimu ta' 35 % tal-pakkett kumplessiv ta' miżuri personalizzati stabbilit fir-Regolament dwar il-FEG u li dawn l-azzjonijiet jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva min-naħa tal-benefiċjarji fil-mira fl-attivitajiet ta' tiftix ta' xogħol jew ta' taħriġ;

11.  Jilqa' l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali, kif ukoll il-kunsill tal-ħaddiema, it-trade unions u l-maniġment, li seħħew waqt li tfassal tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati;

12.  Jilqa' d-deċiżjoni tas-servizz pubbliku għall-impjiegi biex jieħu kont kemm tal-ħtiġijiet futuri tas-suq tax-xogħol kif ukoll tal-kwalifiki tal-ħaddiema kkonċernati fit-tfassil ta' strateġija ta' kwalifiki u ħiliet;

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-assigurazzjoni li l-miżuri organizzati huma f'konformità mal-istrateġija ta' sostenibbiltà tal-Ġermanja, u li l-korp li jistabbilixxi ż-żewġ kumpaniji ta' trasferiment ikollu ċertifikazzjoni ta' sostenibbiltà.

14.  Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi pprovdew assigurazzjonijiet li l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu appoġġ minn strumenti finanzjarji jew fondi oħra tal-Unjoni, li kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat u li dawn se jkunu komplementari għal azzjonjijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

15.  Jikkonstata l-konferma tal-Ġermanja li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhix se tissostitwixxi l-azzjonijiet li l-intrapriża kkonċernata hija meħtieġa tieħu skont id-dritt nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi, jew miżuri għal kumpaniji jew setturi ta' ristrutturar;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom il-prospettivi ta' tkabbir, u għalhekk aktarx li jirreklutaw, kif ukoll jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità, it-tul ta' żmien u s-sostenibbiltà ta' impjiegi ġodda, dwar l-għadd u l-perċentwal ta' persuni li jaħdmu għal rashom u start-ups, u r-rata ta' riintegrazzjoni miksuba mill-FEG;

17.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

18.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear)

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament taqbel mal-att leġiżlattiv finali, Deċiżjoni (UE) 2018/513.)

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza