Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi (2018/2630(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Settembru 2004(1), tat-30 ta' April 2015(2), tas-17 ta' Diċembru 2015(3) u tal-5 ta' Ottubru 2017(4),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tas-SEAE tat-2 ta' Frar 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Maldivi tal-1 ta' Frar 2018(5), u tas-6 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi(6),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali konġunta tat-30 ta' Jannar 2018 tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea bi ftehim mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE residenti f'Kolombo u akkreditati lill-Maldivi dwar l-arrest imġedded tal-MP Faris Maumoon(7),
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li għalih huma parti l-Maldivi,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESPR), li għalih huma wkoll parti l-Maldivi,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,
– wara li kkunsidra l-missjoni uffiċjali lejn il-Maldivi tad-Delegazzjoni Parlamentari Ewropea għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Asja t'Isfel mid-29 sal-31 ta' Ottubru 2017,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, tas-7 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fis-6 ta' Frar 2018 mill-Bureau tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Pajjiżi tal-Asja t'Isfel dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Maldivi, kif adottati mill-Kunsill fit-3 598 laqgħa tiegħu fis-26 ta' Frar 2018,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU ma' Mohamed Asim, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Maldivi, fit-28 ta' Settembru 2017 fejn esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Avukati (UIA) tas-7 ta' Marzu 2018, fejn esprimiet tħassib serju dwar l-istat tad-dritt u l-istat tal-indipendenza tal-ġudikatura fil-Maldivi,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi fl-2008 u l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida qajmu tamiet kbar li l-Maldivi kienu ser jegħlbu deċennji ta' gvern awtoritarju u jimxu lejn sistema demokratika, iżda żviluppi reċenti huma ta' theddida serja għat-twettiq ta' dan il-prospett;
B. billi membri tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jirrappurtaw aktar theddid u attakki min-naħa tal-awtoritajiet, tal-pulizija u tal-gruppi estremisti; billi tqajjem tħassib dwar il-ġudikatura politiċizzata ħafna tal-Maldivi, li tul is-snin abbużat mis-setgħat tagħha u aġixxiet favur il-partit fil-gvern u kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni; billi hemm evidenza dejjem tiżdied li turi li l-akkużi kriminali miġjuba kontra avversarji politiċi tal-President Abdulla Yameen Abdul Gayoom (minn hawn 'il quddiem il-President Yameen) setgħu kienu politikament motivati; billi l-eks President Maumoon Abdul Gayoom ġie arrestat fi Frar 2018;
C. billi l-ewwel rawnd ta' elezzjonijiet presidenzjali għandu jsir f'Settembru 2018; billi l-President stieden lill-komunità internazzjonali sabiex tosserva l-proċess elettorali;
D. billi fl-1 ta' Frar 2018, deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Maldivi annullat il-proċedimenti kriminali kontra politiċi ewlenin u ammettiet li l-proċessi kontrihom kienu inġusti; billi s-sentenza ordnat il-ħelsien immedjat ta' disa' persuni, inklużi tmien mexxejja politiċi tal-oppożizzjoni, inkluż l-eżiljat Mohamed Nasheed, u r-ristabbiliment tat-12-il Membru Parlamentari sospiżi; billi l-Gvern iżomm il-maġġoranza fil-Parlament dment li t-12-il Membru Parlamentari jibqgħu mċaħħda mis-siġġu tagħhom;
E. billi fil-5 ta' Frar 2018, wara d-deċiżjoni mill-Qorti Suprema, il-President Yameen iddikjara stat ta' emerġenza għal 15-il jum; billi bid-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza għadd kbir ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali minquxa fil-Kostituzzjoni ġew sospiżi, inklużi d-drittijiet ta' għaqda paċifika u ta' libertà minn arrest u detenzjoni illegali;
F. billi ġew arrestati żewġ imħallfin li jippresjedu tal-Qorti Suprema, inkluż il-Prim Imħallef, li wassal biex l-imħallfin li jippresjedu rimanenti annullaw l-ordni oriġinali; billi filwaqt li ġiet injorata b'mod ċar l-indipendenza tal-ġudikatura, membri tal-ġudikatura u avversarji politiċi ġew detenuti b'mod arbitrarju;
G. billi minkejja l-protesti paċifiċi ta' mijiet ta' ċittadini, l-istat ta' emerġenza ġie estiż mill-Parlament għal 30 ġurnata oħra fl-20 ta' Frar 2018, mossa li tqieset bħala mhux kostituzzjonali mill-Prosekutur Ġenerali tal-Maldivi iżda li ġiet ikkonfermata mill-Qorti Suprema; billi l-votazzjoni biex jiġi estiż l-istat ta' emerġenza kienet sfurzata permezz tal-Parlament fin-nuqqas ta' kworum;
H. billi l-Kunsill Affarijiet Barranin segwa bi tħassib id-deterjorament reċenti tas-sitwazzjoni fil-Maldivi, u għamel sejħiet lil kulħadd fil-pajjiż, b'mod partikolari l-forzi tal-infurzar tal-liġi, biex jaġixxu b'moderazzjoni; billi, fit-8 ta' Marzu 2018, saret dikjarazzjoni konġunta waqt is-37 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu f'isem aktar minn 40 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, fejn jappella lill-Gvern tal-Maldivi biex jirrestawra d-drittijiet kostituzzjonali u l-indipendenza tal-qrati, u esprima l-appoġġ tiegħu għall-funzjonament tajjeb tal-Parlament tal-pajjiż u ħeġġeġ lill-Gvern biex jeħles lill-priġunieri politiċi u lill-familji tagħhom;
I. billi l-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi jkomplu jħabbtu wiċċhom ma' theddid u intimidazzjoni minn estremisti, u fastidju ġudizzjarju mill-awtoritajiet, bħal fil-każ ta' Shahindha Ismail, Direttur Eżekuttiv tan-Netwerk Demokratiku tal-Maldivi, li kienet fil-mira ta' artikli ta' aħbarijiet, theddid ta' mewt u investigazzjoni mill-pulizija minħabba s-sostenn tagħha kontra l-fundamentaliżmu reliġjuż u r-radikalizzazzjoni;
J. billi l-President Yameen iddikjara ripetutament l-intenzjoni tiegħu li jerġa' jibda l-prattika tal-eżekuzzjonijiet awtorizzati mill-Istat, u b'hekk iġib fi tmiemu moratorju ta' 60 sena; billi d-dritt Maldivjan, bi ksur tad-dritt internazzjonali, jippermetti li minorenni jingħataw piena tal-mewt posposta, li titwettaq meta l-minorenni jagħlaq 18-il sena; billi mill-inqas fi tliet każijiet, b'mod speċifiku dawk ta' Hussein Humaam Ahmed, Ahmed Murrath u Mohamed Nabeel, il-Qorti Suprema tal-Maldivi kkonfermat is-sentenzi tal-mewt għal individwi kkundannati li l-proċessi tagħhom naqsu milli jirrispettaw standards rikonoxxuti internazzjonalment ta' proċess ġust, u li issa huma f'riskju imminenti ta' eżekuzzjoni;
K. billi fis-snin reċenti, il-Maldivi mxew lejn verżjoni radikali tal-Iżlam; billi hemm ukoll tħassib dwar militanza Iżlamista radikali li qed tikber u dwar l-għadd ta' żgħażagħ irġiel u nisa radikalizzati li allegatament ingħaqdu mal-ISIS;
L. billi l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ), Reporters mingħajr fruntieri (RFS) u l-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti (CPJ) ħarġu dikjarazzjoni konġunta fil-15 ta' Frar 2018 fejn esprimew it-tħassib profond tagħhom dwar restrizzjonijiet tal-midja u l-libertà ta' espressjoni u t-theddid kontrihom, fil-Maldivi; billi, fl-4 ta' Frar 2018, id-deputat mexxej tal-partit fil-gvern, il-Partit Progressiv tal-Maldivi (PPM), Abdul Raheem Abdullah, appella lill-forzi tas-sigurtà biex jingħalaq minnufih Raajje TV, akkużat li ta ħin ta' xandir lill-mexxejja tal-oppożizzjoni;
M. billi l-UE għandha relazzjonijiet li ilhom jeżistu mal-Maldivi, b'mod partikolari f'oqsma bħalma huma l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u mijiet ta' eluf ta' turisti Ewropej jivvjaġġaw lejn il-Maldivi kull sena;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni serja u li qed tiddeterjora politika u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi, u t-tmexxija dejjem aktar awtoritarja tal-President Yameen u tal-Gvern tiegħu; jieħu nota pożittiva tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Maldivi tas-26 ta' Frar 2018;
2. Jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jtemm l-istat ta' emerġenza immedjatament, jirrispetta l-istituzzjonijiet u l-kompetenzi tagħhom kif previst fil-Kostituzzjoni u jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuni kollha, inkluż id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, kif ukoll l-istat tad-dritt; jesprimi t-tħassib jiżdied tiegħu dwar l-azzjonijiet reċenti tal-Gvern, li jagħmlu ħsara serja u jheddu d-demokrazija, u jmorru kontra l-Kostituzzjoni tal-Maldivi u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż; jikkundanna l-intimidazzjoni kontinwa u t-theddid kontra l-ġurnalisti, il-bloggers u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Maldivjani jiggarantixxu s-sikurezza tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħaddiema tal-mezzi tax-xandir kollha fil-pajjiż, biex dawn ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom b'mod sikur u mingħajr xkiel, jinvestigaw it-theddid kontrihom, u jiftħu proċedimenti kriminali kontra dawk li jwettqu r-reati; jiddeplora t-trażżin tal-opponenti politiċi fil-Maldivi, u jistieden lill-Gvern iwaqqa' l-akkużi kollha kontra dawk kollha miżmuma għal raġunijiet politiċi u jeħlishom immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet;
3. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Maldivi tal-1 ta' Frar 2018 li tannulla l-proċedimenti kriminali kontra politiċi ewlenin u biex jerġgħu jingħataw il-karigi tagħhom it-12-il Membru Parlamentari; jistieden lill-awtoritajiet Maldivjani jobdu s-sentenza;
4. Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe interferenza fix-xogħol tal-Qorti Suprema tal-Maldivi u l-arresti tal-imħallfin li jippresjedu; jitlob li jinħelsu minnufih u bla kundizzjonijiet; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-qerda tal-prinċipju ta' separazzjoni tas-setgħat eżekuttivi, ġudizzjarji u oħrajn fil-Maldivi; jistieden lill-awtoritajiet responsabbli jieħdu passi immedjati biex jirrestawraw u jirrispettaw il-prinċipji minquxa fil-Kostituzzjoni tagħhom;
5. Itenni l-istedina tiegħu lill-Gvern biex jiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità sħaħ tal-ġudikatura u biex jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal ġustizzja ekwa u trasparenti mingħajr influwenza politika; jikkundanna l-indħil fix-xogħol tal-Qorti Suprema u l-azzjonijiet meħuda kontra l-ġudikatura u l-imħallfin; jitlob lill-Gvern jiżgura li l-avukati jkunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet professjonali kollha tagħhom mingħajr intimidazzjoni, tfixkil, fastidju jew interferenza mhux xierqa;
6. Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Maldivjan biex jimpenja ruħu fi djalogu inklużiv mal-mexxejja tal-partiti politiċi kollha; ifakkar li djalogu bħal dan iwitti t-triq għal elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u inklużivi; iqis li l-UE għandha tkompli tappoġġa b'mod attiv lin-NU fl-iffaċilitar ta' dan id-djalogu;
7. Jistieden lill-atturi reġjonali jaħdmu mal-pajjiżi tal-UE biex jgħinu fil-kisba tal-istabilità politika u demokratika fil-Maldivi;
8. Jemmen li l-uniku mod biex jitreġġa' lura d-deterjorament tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fil-Maldivi huwa permezz ta' proċess ta' djalogu ġenwin li jinvolvi lill-partiti politiċi kollha u lil mexxejja ċiviċi oħra; barra minn hekk jemmen li, bħala l-ewwel pass lejn ir-rikonċiljazzjoni, il-Gvern għandu jeħles lill-politiċi tal-oppożizzjoni li bħalissa qed jinżammu l-ħabs;
9. Itenni l-oppożizzjoni soda tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jikkundanna bil-qawwa t-tħabbira tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fil-Maldivi u jħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Maldivi biex jirrispettaw il-moratorju fuq il-piena tal-mewt li ilu fis-seħħ għal aktar minn 60 sena; jitlob l-abolizzjoni universali tal-piena kapitali, u jistieden lill-Gvern jirrevoka s-sentenzi kollha ta' piena kapitali kontra minorenni u jipprojbixxi l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni;
10. Jikkritika b'qawwa l-fatt li l-ippratikar ta' reliġjonijiet mhux Musulmani huwa severament punibbli fil-Maldivi; jesprimi tħassib li l-Att dwar l-Għaqda Reliġjuża qed jintuża biex jillimita l-libertà tal-espressjoni fil-Maldivi;
11. Jesprimi tħassib dwar l-impatt li s-sitwazzjoni attwali jista' jkollha wkoll fuq is-sigurtà ta' residenti barranin u viżitaturi; jitlob lir-Rappreżentant Għoli u Viċi President, lid-delegazzjoni tal-UE lejn il-Maldivi u lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri biex jikkoordinaw mill-qrib il-pariri tagħhom dwar l-ivvjaġġar f'dan ir-rigward;
12. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha miżmuma arbitrarjament, li ħafna minnhom huma ġurnalisti u dimostranti paċifiċi; jikkundanna kull u kwalunkwe użu tal-forza mill-awtoritajiet; jistieden lill-awtoritajiet Maldivjani kollha, b'mod partikolari l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, biex jaġixxu b'moderazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw lil dawk kollha ssuspettati li kienu responsabbli għar-reati li twettqu, u jżommuhom responsabbli;
13. Jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi fil-Maldivi, inkluż, possibbilment, is-sospensjoni tal-assistenza finanzjarja tal-UE lill-pajjiż sakemm jerġa' jiddaħħal l-istat tad-dritt u jkun hemm konformità mal-prinċipji demokratiċi; jistieden lill-Kunsill jintroduċi miżuri u sanzjonijiet immirati kontra dawk fil-pajjiż li qed idgħajfu d-drittijiet tal-bniedem, u jiffriża l-assi barra mill-pajjiż ta' ċerti membri tal-Gvern Maldivjan u tas-sostenituri ewlenin tagħhom fil-komunità tan-negozju tal-Maldivi, u jimponilhom projbizzjonijiet fuq l-ivjaġġar;
14. Jistieden lill-Gvern Maldivjan iwettaq riforma approfondita tal-ġudikatura, jistabbilixxi l-imparzjalità tal-Kummissjoni tas-Servizz Ġudizzjarju, jerġa' jistabbilixxi l-indipendenza tal-Prosekutur Ġenerali u jirrispetta l-proċess korrett tal-liġi u d-dritt għal proċess ġust, imparzjali u indipendenti;
15. Jirrikonoxxi li, skont il-Kostituzzjoni, l-elezzjonijiet għandhom iseħħu fl-2018; jenfasizza li għandha tittieħed azzjoni immedjata sabiex jiġi żgurat li dawn l-elezzjonijiet ikunu trasparenti u kredibbli, biex il-votanti jingħataw għażla ġenwina u l-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu kampanja libera;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern tal-Maldivi.