Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2631(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0159/2018

Dibattiti :

PV 15/03/2018 - 8.2
CRE 15/03/2018 - 8.2

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0080

Testi adottati
PDF 281kWORD 55k
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2018 - Strasburgu
L-arrest ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan, b'mod partikolari l-każ tar-Rebbieħ tal-Premju Sakharov, Salih Mahmoud Osman
P8_TA(2018)0080RC-B8-0159/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2018 dwar l-arrest ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan, partikolarment il-każ tar-rebbieħ tal-Premju Sakharov Salih Mahmoud Osman (2018/2631(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Frar 2018 mill-Viċi President responsabbli għan-Netwerk tal-Premju Sakharov u mill-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu dwar ir-Rebbieħ tal-Premju Sakharov Salih Mahmoud Osman,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-11 ta' Jannar 2018 mill-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Ambaxxati tal-UE dwar il-protesti riċenti f'Khartoum,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2400 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2018), adottata fit-8177 laqgħa tiegħu fit-8 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Jannar 2018 mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU b'rabta mal-kunsiderazzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà ta' punt bit-titolu "Rapporti tas-Segretarju Ġenerali dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Koordinatur Residenti u Umanitarju tan-NU fis-Sudan dwar il-ħtif ta' ħaddiem umanitarju f'Darfur, maħruġa f'Khartoum fid-9 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jipprevedu li l-ebda persuna m'għandha tkun soġġetta għal tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Ġunju 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar it-tħabbira tal-Gvern Sudaniż ta' waqfien tal-ostilitajiet unilaterali ta' erba' xhur,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni fis-Sudan għadha tirrapreżenta theddida għall-paċi internazzjonali u għas-sigurtà fir-reġjun; billi l-awtoritajiet Sudaniżi wettqu ripressjoni fuq il-protesta paċifika, is-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi b'rabta mal-protesti sporadiċi li bdew madwar is-Sudan fis-7 ta' Jannar 2018 dwar żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tal-mediċini, mill-inqas 140 membru tal-partit tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, studenti u attivisti tad-drittijiet tan-nisa ġew arrestati u detentuti mis-Servizzi Nazzjonali Sudaniżi tal-Intelligence u tas-Sigurtà (NISS); billi l-protesti ntlaqgħu b'użu eċċessiv tal-forza mill-forzi Sudaniżi u dan wassal għall-mewt ta' dimostrant u t-tidrib ta' ħafna oħrajn flimkien mar-ripressjoni tal-ġurnalisti u l-attivisti madwar il-pajjiż kollu; billi l-ġlied f'Jannar u fi Frar 2018 huwa l-aktar eżempju riċenti tal-abbużi kostanti fil-pajjiż;

C.  billi dawk arrestati jinkludu avversarji politiċi, fosthom tliet mexxejja tal-Partit tal-Kungress Sudaniż li ġew arrestati u detenuti arbitrarjament; billi avversarji oħrajn arrestati jinkludu Mohamed Mukhtar al-Khatib, is-segretarju politiku tal-Partit Komunista Sudaniż; Mohamed Abdalla Aldoma, il-viċi president tal-Partit Nazzjonali Umma; Mohamed Farouk Salman, membru ewlieni tal-Alleanza Nazzjonali tas-Sudan; u żewġ membri tal-kumitat ċentrali tal-Partit Komunista Sudaniż, Mohieldeen Eljalad u Sidgi Kaballo;

D.  billi l-forzi NISS Sudaniżi arrestaw lil Salih Mahmoud Osman – il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta' Darfur, membru tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Demokratiċi, avukat tad-drittijiet tal-bniedem li promwova l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u ħadem favur ir-riforma ġuridika permezz tal-Assemblea Nazzjonali tas-Sudan, u huwa rebbieħ tal-Premju Sakharov 2007 – fl-uffiċċju legali tiegħu fl-1 ta' Frar 2018; billi riċentement ġie trasferit għall-ħabs ta' Dabak, 20 km fit-Tramuntana ta' Khartoum u l-awtoritajiet irrifjutaw li jagħtu informazzjoni dwar saħħtu u ċaħdu żjarat lill-avukat tiegħu u lill-familtu;

E.  billi wara l-arrest ta' Salih Mahmoud Osman, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fis-Sudan beda inizjattiva diplomatika mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Sudaniż, u sar appell mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambridinis lis-37 sessjoni tal-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-27 ta' Frar 2018;

F.  billi għadd ta' attivisti nisa wkoll sfaw vittmi ta' din il-kampanja ta' arresti tal-massa; billi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa qed jiġu soġġetti għal vjolenza sesswali, prosekuzzjoni u pieni vjolenti imposti mill-forzi tas-sigurtà tal-gvern; billi l-organizzazzjonijiet tan-nisa qed jinżammu taħt sorveljanza stretta u qed jikkampanjaw kontra l-liġijiet li b'mod ġenerali jiddiskriminaw kontra n-nisa;

G.  billi f'nofs Frar 2018 il-Gvern Sudaniż ħabbar il-ħelsien ta' 80 priġunier inklużi Rawa Jaafar Bakhit, Nahid Jabrallah, Amel Habani, Hanan Hassan Khalifa u Mohamed Abdallah Aldoma wara trattament ħażin waqt li kienu f'detenzjoni; billi l-kap tan-NISS issottometta l-ħelsien tal-priġunieri l-oħrajn għall-kundizzjoni li huma jwiegħdu li jieqfu jorganizzaw protesti; billi dawn id-dikjarazzjonijiet jmorru kontra l-impenji internazzjonali tas-Sudan favur id-drittijiet tal-bniedem; billi, madankollu, bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem prominenti u attivisti politiċi tal-oppożizzjoni għadhom il-ħabs, inklużi Osman Salih u Amjeed Fareed, difensur tad-drittijiet tal-bniedem li ilu miżmum f'detenzjoni f'Khartoum mit-18 ta' Jannar 2018; billi ma tressqet l-ebda akkuża ta' delitt kontra dawk miżmuma l-ħabs u huma ma tressqux quddiem qorti tal-ġustizzja;

H.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-avukati u l-assoċjazzjonijiet tal-avukati, għandhom rwol ċentrali fl-iżgurar tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-istabilità u l-iżvilupp sostenibbli;

I.  billi l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni huma severament ristretti, u n-NISS jwaqqfu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-partiti politiċi tal-oppożizzjoni milli jorganizzaw bosta attivitajiet; billi l-NGOs internazzjonali jiġu regolarment imkeċċija mill-pajjiż u huma bersalli għall-pressjoni u l-intimidazzjoni mill-Gvern;

J.  billi l-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 u l-emenda għall-Artikolu 151 tal-Kostituzzjoni adottata fil-5 ta' Jannar 2015 taw setgħat ta' arrest u detenzjoni b'firxa wiesgħa lin-NISS, u b'hekk ippermettewlhom li jżommu lill-persuni suspettati sa' erba' xhur u nofs mingħajr ebda possibilità ta' stħarriġ ġudizzjarju; billi qed jiġi allegat li dawn is-setgħat qed jintużaw biex jiġu arrestati u detenuti b'mod arbitrarju persuni li, f'ħafna każijiet, jiġu ttorturati u soġġetti għal trattament ħażin ieħor; billi, skont l-istess liġi, l-uffiċjali tan-NISS igawdu immunità mill-prosekuzzjoni għal kwalunkwe att imwettaq fil-qadi ta' dmirijiethom, u dan ħoloq kultura ta' impunità ġenerali;

K.  billi f'Mejju 2016, il-Gvern tas-Sudan irrifjuta r-rakkomandazzjonijiet tan-NU li appellawlu biex jirrevoka d-dispożizzjonijiet tal-impunità mil-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 u biex jagħmel arranġamenti biex jinbdew inkjesti indipendenti bl-għan li jkun hemm il-prosekuzzjonijiet ta' delitti skont id-dritt internazzjonali u ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-membri tan-NISS, il-forzi armati u l-pulizija;

L.  billi bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li ġew miżmuma ġew soġġetti għat-tortura u għal trattament ħażin; billi d-detenuti miżmuma taħt il-kustodja tan-NISS huma partikolarment f'riskju ta' trattament ħażin; billi n-NISS huma magħrufin għat-trattament ħażin u għat-tortura tad-detenuti;

M.  billi l-vjolenza li għaddejja mill-forzi tal-gvern, minn gruppi ta' milizzja favur il-gvern u minn gruppi armati kontra l-gvern tifforma l-isfond tal-fastidju kontinwu, l-arresti arbitrarji, id-detenzjonijiet f'iżolament u l-allegazzjonijiet ta' tortura ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi militari u tas-sigurtà Sudaniżi;

N.  billi s-Servizz Ewropew tal-Azzjoni Esterna (SEAE) iddikjara li l-Istati Uniti se jnaqqas is-sanzjonijiet bħala pass importanti fl-isforzi globali biex is-Sudan jerġa' jiġi integrat fil-komunità internazzjonali, u wera li l-UE tinsab lesta li takkumpanja lis-Sudan f'dan il-proċess; billi matul l-ewwel missjoni tax-xorta tagħha lejn is-Sudan tas-Sottokumitat tal-Parlament dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Diċembru 2017, il-Gvern Sudaniż esprima r-rieda tiegħu li jerġa' jinvolvi ruħu fil-komunità internazzjonali; billi Salih Mahmoud Osman, f'diversi okkażjonijiet, żar l-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew, sabiex jesprimi riżervi qawwija fir-rigward tal-involviment mill-ġdid tal-UE mas-Sudan;

O.  billi l-awtoritajiet Sudaniżi ma ħallewx lil Mohamed Aldoma jivvjaġġa u kkonfiskawlu l-passaport tiegħu meta kien fi triqtu lejn il-Kajr għal trattament mediku fit-8 ta' Marzu 2018, wara trattament ħażin waqt li kien jinsab f'detenzjoni;

P.  billi s-Sudan huwa kklassifikat il-174 pajjiż fost 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa; billi l-libertà tal-istampa u tal-midja għadha ristretta bil-kbir mill-awtoritajiet u permezz tal-Att dwar l-Istampa u l-Pubblikazzjonijiet, li jipprevedi restrizzjonijiet bħaċ-ċensura, is-sekwestru u l-konfiska ta' gazzetti, l-għeluq ta' stabbilimenti tal-medja u qtugħ tal-internet; billi l-gazzetti huma ċċensurati u kkonfiskati regolarment wara li jiġu stampati, u dan jirrapreżenta impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi, apparti sanzjonijiet politiċi;

Q.  billi d-dritt għal-libertà tar-reliġjon għadu qed jiġi ristrett u l-liġi tikkriminalizza l-apostasija, il-blasfemija, u l-konverżjoni mill-Islam għal reliġjonijiet oħra; billi fil-21 ta' Frar 2018, il-ġurnalist Shamael al-Nur, li jaħdem mal-gazzetta ta' kuljum Al-Tayyar, ġie akkużat b'apostasija talli kiteb editorjal dwar il-qtugħ fl-infiq fuq is-saħħa nazzjonali, akkuża li ġġib magħha l-piena tal-mewt fis-Sudan;

R.  billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġet mandati ta' arrest għall-President Sudaniż Omar Hassan Ahmad al-Bashir fl-4 ta' Marzu 2009 u fit-12 ta' Lulju 2010;

1.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-persekuzzjoni li għaddejja tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili fis-Sudan, li b'mod partikolari tinvolvi l-ksur tal-libertà tal-espressjoni, tal-libertà ta' dimostrazzjoni, tal-libertà ta' għaqda u tal-libertà tar-reliġjon, u l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tal-NGOs li jopponu r-reġim;

2.  Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tar-Rebbieħ tal-Premju Sakharov Salih Mahmoud Osman, kif ukoll ta' kwalunkwe difensur tad-drittijiet tal-bniedem, attivist tas-soċjetà ċivili u attivist tal-oppożizzjoni ieħor li qegħdin jinżammu f'detenzjoni biss minħabba l-ħidma leġittima u paċifika tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

3.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-prattika tat-tortura u tat-trattament ħażin fir-rigward ta' kwalunkwe persuna miżmuma f'detenzjoni; jinsisti li l-kundizzjonijiet tad-detenuti kollha jridu jkunu konformi mal-istandards internazzjonali, inkluż il-Korp tal-Prinċipji tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jinvestigaw l-użu ta' vjolenza, it-tortura u t-trattament ħażin kontra d-dimostranti paċifiċi, u biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza li kwalunkwe informazzjoni allegatament miġbura b'riżultat ta' tortura u trattament ħażin ma għandha qatt tkun ammissibbli bħala evidenza fi proċedimenti ġuridiċi;

5.  Jiddeplora t-tqegħid fil-mira u l-abbuż tad-difensuri u tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem kollha fis-Sudan, u jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu li f'kull ċirkostanza li huma jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom mingħajr biża ta' rappreżalja u ħielsa minn kull restrizzjoni, inkluż mill-fastidju ġudizzjarju;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern Sudaniż iwaqqaf minnufih il-ksur tad-drittijiet tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għal-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u ta' għaqda; jappella għar-rispett u għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-persuni kollha fis-Sudan;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-vjolazzjonjiet, li għadhom għaddejjin u li huma frekwenti, tad-drittijiet tan-nisa fis-Sudan, b'mod partikolari skont l-Artikolu 152 tal-Kodiċi Kriminali; jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jiffirmaw u jirratifikaw bla dewmien il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

8.  Jissottolinja l-impenn kontinwu tiegħu għall-mekkaniżmu ta' protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju; jistieden lis-SEAE jkompli jtejjeb l-implimentazzjoni tiegħu tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, billi juża bis-sħiħ il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu fis-Sudan; jenfasizza li d-delegazzjonijiet tal-UE jridu jipprijoritizzaw l-appoġġ fis-sejħiet lokali tagħhom għall-proposti taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) għal dawk id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-aktar f'riskju, billi jiżgura appoġġ effettiv u mmirat;

9.  Jitlob lis-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE fis-Sudan jirrapportaw lill-Parlament dwar l-azzjonijiet li ttieħdu biex jipprovdu l-protezzjoni u l-appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għal azzjoni unita tal-UE u tal-Istati Membri b'appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju;

10.  Itenni li huwa imperattiv li l-liġijiet ewlenin, inkluż l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 u l-liġijiet li jirregolaw il-midja u s-soċjetà ċivili, jiġu riveduti u riformati, sabiex jinġiebu f'konformità mal-istandards internazzjonali li jħarsu l-libertajiet tal-espressjoni, ta' għaqda u tal-assoċjazzjoni;

11.  Ifakkar lis-Sudan dwar l-obbligi tiegħu bħala Membru tan-NU, u jħeġġu jikkonforma mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1593(2005), li tesiġi l-kooperazzjoni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu li l-President Sudaniż Omar al-Bashir jikkonforma ruħu mad-dritt internazzjonali skont il-konvenzjonijiet u t-trattati li għalihom is-Sudan huwa parti, u jappoġġa r-rwol tal-QKI fil-proċess li jitressqu akkużi kontrih għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

12.  Iħeġġeġ lis-Sudan jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

13.  Jikkondividi t-tħassib li esprima Salih Mahmoud Osman li l-iffukar attwali fuq il-migrazzjoni jista' jiddevja l-attenzjoni tal-UE lil hinn mill-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jistieden, għalhekk, lis-SEAE jerġa' jibda joħroġ dikjarazzjonijiet b'rispons għall-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem minn atturi tal-istat u minn milizzji, kif ukoll dikjarazzjonijiet dwar l-ispazju dejjem jiċkien tas-soċjetà ċivili, sabiex juri li l-UE għadha mħassba profondament dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan;

15.  Jitlob bil-qawwa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġetti flimkien mal-awtoritajiet Sudaniżi tosserva l-prinċipju "La Tagħmilx Ħsara", li għandu jeskludi l-kooperazzjoni ma' atturi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ lil dawk li ġenwinament qegħdin ifittxu bidla fis-Sudan, u biex jipprovdu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili assistenza teknika u programmi ta' bini tal-kapaċità biex itejbu l-promozzjoni tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u l-kapaċitajiet tagħhom tal-istat tad-dritt, u biex huma jkunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan;

17.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu bl-impenn tagħhom li jappoġġaw l-isforzi tal-Unjoni Afrikana biex iġġib il-paċi fis-Sudan u fost il-poplu Sudaniż; jesprimi l-appoġġ tiegħu, f'dan ir-rigward, għat-tiġdid tal-mandat tal-Missjoni tan-NU u tal-Unjoni Afrikana f'Darfur (UNAMID) sa Ġunju 2018;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza