Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2018 dwar il-qtil għall-mogħdrija fl-Uganda (2018/2632(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948, li l-Uganda hi pajjiż firmatarju tagħha,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("il-Ftehim ta' Cotonou"), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu dwar in-nondiskriminazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Uganda,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC), adottata fl-20 ta' Novembru 1989, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 6 tagħha, li b'mod espliċitu jistipulaw il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq id-diżabilità, u d-dritt għall-ħajja,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD), adottata fl-2006, u b'mod partikolari l-Artikolu 32 tagħha, li jgħid li l-partijiet kollha jridu jinkludu d-diżabilità u l-persuni b'diżabilità fl-isforzi tagħhom ta' kooperazzjoni internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-aktar riżoluzzjonijiet reċenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b'diżabilità, tal-14 ta' April 2014 u tal-14 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li jipprojbixxu kull forma ta' diskriminazzjoni, kif ukoll l-Artikoli 21 u 26 tal-Konvenzjoni, li jiddeskrivu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, adottata fit-23 ta' Novembru 2011,
– wara li kkunsidra r-Rapport Dinji dwar id-Diżabilità, ippubblikat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Bank Dinji f'Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tat-8 ta' April 2016, bit-titlu "Committee on the Rights of Persons with Disabilities considers report of Uganda" (Il-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità jeżamina r-rapport tal-Uganda),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 65/186 u 64/131 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) bl-isem "Realising the Millennium Development Goals for persons with disabilities towards 2015 and beyond" (Nilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju għall-Persuni b'Diżabilità sas-sena 2015 u lil hinn minnha),
– wara li kkunsidra n-Nota ta' Gwida tal-UE dwar id-Diżabilità u l-Iżvilupp għad-Delegazzjonijiet u s-Servizzi tal-UE,
– wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) adottati fi New York fil-25 ta' Settembru 2015,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' analiżi tal-Uganda tal-1 ta' Lulju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 bit-titolu "Ensuring that no one is left behind" (Niżguraw li ħadd ma jibqa' lura), li ġie ppreżentat lill-Forum Politiku ta' Livell Għoli tan-NU fi New York,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2006(1) dwar id-diżabilità u l-iżvilupp,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Uganda,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-"ewtanażja" fl-Uganda hi prattika fejn il-ġenituri ta' tfal b'diżabilità joqtluhom jew iħalluhom imutu bil-ġuħ jew billi jċaħħduhom mill-attenzjoni medika minħabba t-twemmin li dawn it-tfal aħjar mejtin milli jkollhom jissaportu diżabilità doloruża u inkurabbli;
B. billi l-Uganda mhijiex l-uniku pajjiż li qed tissielet ma' din il-problema; billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw għamlu progress sinifikanti, għalkemm mhux komplut, rigward l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità fi proġetti għall-iżvilupp;
C. billi xi ġenituri ammettew li l-att tal-"ewtanażja" hu meħtieġ biex isalva lit-tfal b'diżabilità minn tbatija kbira matul ħajjithom kollha; billi minkejja x-xhieda ta' xi ommijiet jew superstiti, il-prattika għadha tabù;
D. billi l-istigma soċjali fl-Uganda tant hi qawwija li l-ommijiet u t-tfal jiġu miċħuda mill-komunità, li tattribwilhom status soċjali baxx u ma tippermettilhomx jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà; billi teżisti pressjoni fuq l-ommijiet biex joqtlu lil uliedhom wara li jkunu qattgħu snin jissieltu mal-isforz u s-sagrifiċċji relatati mal-indokrar ta' tifel jew tifla b'diżabilità;
E. billi t-twemmin dwar tfal li jitwieldu b'diżabilità jpoġġihom f'riskju akbar ta' vjolenza u ta' qtil meta mqabbla ma' tfal mingħajr diżabilità; billi t-tfal b'diżabilità għadhom soġġetti għal bosta forom ta' vjolenza, diskriminazzjoni u emarġinazzjoni minħabba l-attitudni negattiva, is-superstizzjoni, in-negliġenza u n-normi u l-prattiki soċjali; billi l-akbar theddida għat-tfal b'diżabilità tinħoloq minn twemmin qarrieq dwar il-kundizzjoni tagħhom, fosthom it-twemmin li l-preżenza tat-tifel jew tifla b'diżabilità se twassal għal aktar tfal li jbatu minn xi diżabilità;
F. billi l-klannijiet u l-familji estiżi jagħmlu ħafna pressjoni fuq l-ommijiet, filwaqt li jfittxu li jifhmu l-kawżi tad-diżabilità u jitfgħu l-ħtija fuq l-omm; billi, f'xi każijiet, l-ommijiet tkeċċew mid-djar ta' żwieġhom talli kellhom tfal b'diżabilità;
G. billi t-tobba u l-ħaddiema mediċi ma jistgħux jifhmu jew jispjegaw in-natura u l-kawża tal-fraġilità tat-tfal, u billi s-sistema tal-kura tas-saħħa mhix mgħammra biżżejjed biex jiġu ddjanostikati u ttrattati ħafna tipi ta' diżabilità li jistgħu jitnaqqsu jew saħansitra jiġu eliminati; billi ċ-ċaħda ta' drittijiet bażiċi għat-tfal b'diżabilità, bħalma huma l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-appoġġ u r-riabilitazzjoni, ixxekkel ħafna l-ħila tagħhom li jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom;
H. billi l-Uganda hi wieħed mill-162 stat parti tas-CRPD; billi l-Uganda rratifikat il-Konvenzjoni u l-Protokoll Fakultattiv tagħha fil-25 ta' Settembru 2008 mingħajr riżervi; billi l-Uganda impenjat ruħha li tagħti lill-persuni b'diżabilità l-istess drittijiet li jgawdu ċ-ċittadini l-oħra kollha;
I. billi f'April 2016, il-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità analizza l-imġiba tal-Uganda fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-CRPD, u fassal osservazzjonijiet konklużivi u rakkomandazzjonijiet, li skonthom, il-Kumitat innota bi tħassib li l-leġiżlazzjoni u l-politiki jonqsu milli jipprovdu protezzjoni għad-drittijiet tat-tfal b'diżabilità, u li l-Kumitat jinsab imħasseb ukoll dwar in-nuqqas ta' informazzjoni rigward is-sitwazzjoni ta' tfal neqsin mis-smigħ u ta' tfal neqsin mis-smigħ u mid-dawl, u dwar miżuri li jiżguraw il-protezzjoni u l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà;
J. billi l-Gvern tal-Uganda għandu għadd ta' liġijiet u politiki li fihom klawsoli dwar id-diżabilità; billi l-pajjiż għandu leġiżlazzjoni speċifika relatata mad-diżabilità; billi d-definizzjoni ta' diżabilità tista' tvarja bejn leġiżlazzjoni u oħra;
K. billi tnejn mill-ikbar ostakli għall-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità fis-soċjetà fl-Uganda huma l-inviżibilità tagħhom u l-attitudni negattiva lejhom; billi l-fatt li jkollok tfal b'diżabilità hu raġuni għall-esklużjoni soċjali tal-familja, u b'mod partikolari tal-ommijiet, għax it-tfal b'diżabilità huma meqjusa bħala sors ta' għajb u dgħufija għall-familja;
L. billi jeżistu ftit faċilitajiet ta' appoġġ immexxija mill-istat għall-ġenituri ta' tfal b'diżabilità f'partijiet mill-Uganda rurali, u billi bħala konsegwenza l-familji, b'mod partikolari l-ommijiet waħedhom, sikwit isibuha diffiċli biex jindukraw b'mod adegwat lill-uliedhom b'diżabilità;
M. billi m'hemm l-ebda figuri uffiċjali disponibbli peress li la l-pulizija u lanqas is-sistema ġudizzjarja fl-Uganda mhuma jinvestigaw dan il-fenomenu; billi n-nuqqas ta' statistika jikkomplika l-ġlieda kontra l-prattika tal-"ewtanażja";
N. billi l-ħidma tal-gruppi tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hija kruċjali biex jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-gruppi emarġinati u vulnerabbli; billi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Uganda jħabbtu wiċċhom ma' diversi diffikultajiet u ostakli biex jipprovdu servizzi lit-tfal b'diżabilità u l-ġenituri tagħhom; billi l-ħafna ideat żbaljati dwar it-tfal b'diżabilità jirrappreżentaw sfida għall-isforzi ta' żvilupp u għall-ħidma tal-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda;
O. billi l-assoċjazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità għandhom rwol partikolari x'jiżvolġu billi jirrappreżentaw u jwasslu l-interessi speċifiċi tal-persuni b'diżabilità quddiem il-politiċi u l-pubbliku ġenerali; billi hemm nuqqas ta' informazzjoni disponibbli biex il-pubbliku ġenerali jsir konxju mill-prattiki kulturali li jistigmatizzaw u jfixklu l-iżvilupp tal-persuni b'diżabilità u l-possibilità li dawn igawdu l-istess drittijiet bħal kull persuna oħra fis-soċjetà;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-qtil inġustifikabbli u inuman ta' tfal u trabi tat-twelid b'diżabilità; jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar l-"ewtanażja" mwettqa fuq it-tfal b'diżabilità fl-Uganda u fil-pajjiżi kollha fejn issir; jappella biex jintemmu dawn l-atti ta' vjolenza, moħqrija u tortura fil-konfront tat-tfal;
2. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda u l-pajjiżi kollha fejn isir dan il-qtil ritwalistiku u "għall-kumpassjoni" fil-konfront tat-tfal biex jimpenjaw ruħhom sabiex jindirizzaw it-twemmin superstizzjuż li jagħmel il-ħsara u li jipperpetwa dawn l-atti kontra t-tfal;
3. Ifakkar li r-responsabilità primarja ta' Stat hija li jipproteġi ċ-ċittadini tiegħu, inklużi l-gruppi vulnerabbli; ifakkar lill-awtoritajiet tal-Uganda fl-obbligu tagħhom li josservaw il-Kostituzzjoni ta' pajjiżhom, b'mod partikolari l-Artikoli 21 u 32, kif ukoll l-Artikolu 35(1) li jgħid li l-persuni b'diżabilità għandhom id-dritt għar-rispett u d-dinjità tal-bniedem u li l-Istat u s-soċjetà għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li jilħqu l-potenzjal mentali u fiżiku sħiħ tagħhom;
4. Ifakkar id-dover speċifiku tal-Parlament tal-Uganda lejn il-persuni b'diżabilità, inkorporat fl-Artikolu 35(2) tal-Kostituzzjoni, li jgħid li l-Parlament għandu jgħaddi liġijiet xierqa għall-protezzjoni tal-persuni b'diżabilità; jistieden lill-Gvern tal-Uganda jappoġġja l-azzjonijiet kollha meħuda favur it-titjib tad-drittijiet ċivili u tal-bniedem tal-persuni b'diżabilità;
5. Jitlob appoġġ għall-familji tal-persuni b'diżabilità sabiex ikunu jistgħu jrabbu lil uliedhom f'darhom; jistieden lill-Gvern tal-Uganda jiżviluppa servizzi ta' appoġġ ta' kwalità għall-familji bi tfal b'diżabilità fil-pajjiż kollu kemm hu, inkluż biżżejjed appoġġ finanzjarju u benefiċċji għall-familji biex jieħdu ħsieb it-tfal b'diżabilità tagħhom;
6. Jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw li titqajjem kuxjenza soċjali u tingħata informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b'diżabilità, kif ukoll li jiġu organizzati korsijiet ta' taħriġ biex il-ġenituri u l-indokraturi tat-tfal b'diżabilità jingħataw appoġġ, informazzjoni u pariri sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta' dawn it-tfal fil-komunità;
7. Jistieden lill-Gvern tal-Uganda jiżgura li t-tobba li jiġu f'kuntatt dirett mal-persuni b'diżabilità u l-problemi mediċi tagħhom ikunu mħarrġa u sensibilizzati adegwatament dwar il-bżonnijiet ta' dawn il-pazjenti;
8. Jilqa' l-ħolqien tal-Att dwar il-Kummissjoni għall-Opportunitajiet Indaqs tal-2007, li għandu l-għan li jippromwovi opportunitajiet indaqs għall-gruppi emarġinati, inklużi l-persuni b'diżabilità;
9. Jilqa' l-ħolqien tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Uganda (UHRC) fil-qafas tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Uganda tal-1995; ifakkar ir-rwol tagħha li, fost l-oħrajn, toħloq u ssaħħaħ l-għarfien tas-soċjetà dwar id-dispożizzjonijiet ta' din il-kostituzzjoni bħala l-liġi fundamentali tal-poplu tal-Uganda u twettaq monitoraġġ tal-konformità tal-Gvern mal-obbligi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
10. Jistieden lill-UHRC tiżviluppa pjan nazzjonali konkret li jiggwida l-funzjoni ta' monitoraġġ tagħha u jippromwovi interazzjoni aktar strutturata u istituzzjonalizzata mal-organizzazzjonijiet kollha tal-persuni b'diżabilità fil-pajjiż;
11. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw ir-reġistrazzjoni tat-tfal kollha mat-twelid, inklużi dawk b'diżabilità;
12. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Uganda jsaħħu l-isforzi biex titqajjem aktar kuxjenza dwar id-drittijiet u d-dinjità tat-tfal b'diżabilità fl-Uganda; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti tal-edukazzjoni biex tiġi miġġielda l-istigmatizzazzjoni; jenfasizza b'insistenza r-rwol ewlieni tal-assoċjazzjonijiet tal-persuni b'diżabilità biex titqajjem kuxjenza dwar l-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom;
13. Jenfasizza li l-midja għandu jkollha rwol aktar attiv fil-ġlieda kontra l-istereotipi u fil-promozzjoni tal-inklużjoni; jistieden lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell internazzjonali, nazzjonali u lokali jiżguraw u jippromwovu s-sensibilizzazzjoni permezz tal-midja, il-politiki edukattivi u l-kampanji pubbliċi;
14. Jesprimi tħassib serju dwar l-għadd dejjem akbar ta' attakki fiżiċi fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi tas-soċjetà ċivili, bħalma hu l-Human Rights Awareness and Promotion Forum; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ugandiżi jiggarantixxu s-sikurezza tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, iressqu l-qorti lil min jattakkahom u jippermettulhom jagħmlu xogħolhom mingħajr theddid u ostakli;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi tal-Gvern, tal-NGOs u tas-soċjetà ċivili tal-Uganda biex jifformulaw u jimplimentaw politiki li jindirizzaw il-bżonnijiet u d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, abbażi tan-nondiskriminazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u għal servizzi soċjali oħrajn;
16. Jappella biex ikun hemm skambju ta' prattiki tajbin fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi żviluppati; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa pjattaforma, flimkien ma' donaturi internazzjonali oħrajn, sabiex ikun hemm skambju ta' prattiki tajbin dwar l-inklużjoni tat-tfal b'diżabilità; jistieden lill-Kummissjoni tonora bis-sħiħ l-impenji tagħha skont l-Artikolu 32 tas-CRPD;
17. Jistieden lill-UE tisfrutta l-influwenza politika pprovduta mill-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-programmi ta' appoġġ baġitarju, biex issaħħaħ id-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda; jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk tistax tingħata assistenza aħjar – permezz ta' finanzjament jew permezz tal-koordinazzjoni mal-istituzzjonijiet lokali – biex titjieb l-għajnuna medika għat-tfal b'diżabilità sabiex il-familji tagħhom jingħataw l-għajnuna urġenti li jeħtieġu;
18. Jenfasizza li l-politiki tal-inklużjoni għandhom jiġu promossi fil-fora kollha rilevanti internazzjonali u tan-NU, peress li bħalissa l-kwistjoni tad-diżabilità hija nieqsa minn ħafna diskussjonijiet internazzjonali ta' livell għoli u jeħtieġ tingħata prominenza fl-aġenda politika;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda, lill-Ispeaker tal-Parlament tal-Uganda u lill-Unjoni Afrikana u l-istituzzjonijiet tagħha.