Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tiddenunzja l-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Comoros (14423/2017 – C8-0447/2017 – 2017/0241(NLE) – 2017/2266(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (14423/2017),
– wara li kkunsidra l-ftehim ta' sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Comoros(1),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0447/2017),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2018(2) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999(3) ("ir-Regolament IUU"), b'mod partikolari l-Artikolu 8(8) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0055/2018),
A. billi l-ftehim ta' sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Comoros (minn hawn 'il quddiem "il-Comoros") jiddisponi għat-terminazzjoni tiegħu minn kwalunkwe waħda mill-partijiet fil-każ ta' ċirkostanzi serji, bħal pereżempju n-nuqqas ta' konformita mal-impenji meħuda mill-partijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (aktar 'il quddiem "is-sajd IUU").
B. billi s-sajd illegali huwa ta' theddida mill-akbar għar-riżorsi tal-baħar globali, peress li dan it-tip ta' sajd jeżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut, jeqred il-ħabitats tal-baħar, iqiegħed lis-sajjieda onesti fi żvantaġġ inġust, u jeqred l-għajxien tal-komunitajiet tal-kosta, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
C. billi l-UE għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-ftehimiet dwar is-sajd sostenibbli konklużi ma' pajjiżi terzi jġibu benefiċċji reċiproċi lill-UE u lill-pajjiżi terzi kkonċernati, inkluż lill-popolazzjonijiet lokali tagħhom u lis-setturi tas-sajd tagħhom;
D. billi l-għan ġenerali tal-Protokoll li jikkonkludi l-ftehim ta' sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Unjoni tal-Comoros kien li l-kooperazzjoni fis-sajd bejn l-UE u l-Komoros tissaħħaħ fl-interessi taż-żewġ partijiet, billi jiġi stabbilit qafas ta' sħubija li fih tkun tista' titwettaq politika tas-sajd sostenibbli filwaqt li jiġu sfruttati b'mod sostenibbli r-riżorsi tas-sajd fiż-żona ekonomika esklussiva Komorjana, u li jiġi żgurat sehem xieraq, li jikkorrispondi mal-interessi tal-flotot tal-UE, tal-eċċessi tas-sajd disponibbli;
E. billi l-ewwel ftehim dwar is-sajd bejn il-KEE u Comoros imur lura għall-1988 u billi l-flotot tal-Istati Membri tal-KEE/l-UE minn dak iż-żmien 'l hawn ġew mogħtija aċċess għal opportunitajiet tas-sajd taħt sensiela ta' protokolli implimentattivi;
F. billi, skont ir-rapport tal-UNCTAD intitolat "L-Esportazzjonijiet tas-Sajd u l-Iżvilupp Ekonomiku tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati", il-kooperazzjoni settorjali ma marritx aktar 'il quddiem minn stat rudimentali, b'impatt żgħir ħafna fuq l-industrija tas-sajd, fuq il-kundizzjonijiet tal-ħatt l-art, fuq il-kapaċità ta' monitoraġġ u ta' sorveljanza, fuq l-iżvilupp xjentifiku, jew fuq it-taħriġ tekniku tas-sajjieda u tal-osservaturi; billi l-prezz li l-UE tħallas lill-Comoros għal kull tunnellata ħut (tonn) huwa bejn wieħed u ieħor 15 % tal-prezz bl-ingrossa stmat għal kull tunnellata;
G. billi l-Comoros ġiet innotifikata fit-1 ta' Ottubru 2015 dwar il-possibbiltà li tiġi identifikata bħala pajjiż terz li ma jikkooperax peress li naqset li teżerċita kontroll adegwat tal-bastimenti rreġistrati taħt il-bandiera tal-Comoros; billi, wara li ġiet identifikata bħala pajjiż li ma jikkooperax f'Mejju 2017 u elenkata bħala tali f'Lulju 2017 mill-UE, li ħarġet "karta ħamra", il-pajjiż xorta naqas milli jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex isolvi l-problemi identifikati u biex jiġġieled lis-sajd IUU;
H. billi l-Protokoll preċedenti tal-ftehim tas-sajd mal-Comoros skada fil-30 ta' Diċembru 2016 u ma ġġeddidx minħabba li l-Comoros naqset milli tieħu kwalunkwe impenn biex tiġġieled is-sajd IUU; billi l-Protokoll ingħata pakkett finanzjarju ta' EUR 600 000 fis-sena, li EUR 300 000 minnhom ġew allokati lill-appoġġ għall-politika tas-sajd tal-Comoros bil-ħsieb li tiġi promossa s-sostenibbiltà u l-ġestjoni tajba tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta' dan il-pajjiż;
I. billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ li tiġġieled is-sajd illegali u kwalunkwe forma ta' negozju li jirriżulta minnu, u dak l-impenn huwa stabbilit fir-Regolament tal-IUU;
J. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin ifittxu kooperazzjoni mal-Comoros f'għadd ta' setturi; billi d-denunzja min-naħa tal-UE tal-ftehim ta' sħubija dwar is-Sajd tista' titreġġa' lura (jekk jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa) u billi d-denunzja ta' dan il-ftehim ma teskludix in-negozjar futur ta' xi ftehim ieħor jew ta' kwalunkwe sura oħra ta' sħubija fis-settur tas-sajd;
K. billi l-ġlieda kontra s-sajd IUU ma tiddependix biss fuq l-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx, iżda, għall-kuntrarju, titlob li jinstabu metodi li jirrimedjaw is-sitwazzjonijiet; billi jekk ma tirċevix għajnuna minn barra, il-Comoros mhix se tkun tista' ttejjeb il-politiki ta' ġestjoni tal-baħar għal riżorsi tas-sajd b'mod partikolari, inkluż fir-rigward tal-ħatt, il-kapaċità ta' monitoraġġ u sorveljanza, l-iżvilupp xjentifiku u tekniku, it-taħriġ ta' sajjieda u ta' osservaturi;
L. billi għall-ewwel darba l-adozzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) inkorporaw għan rilevanti għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-ibħra u tar-riżorsi tal-baħar (Għan 14);
1. Jiddispjaċih li l-Comoros naqset milli tieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex issolvi l-problemi identifikati u biex tiġġieled is-sajd IUU, minkejja li kienet imwissija mill-UE;
2. Itenni kemm hu importanti l-kontroll effettiv tal-istat tal-bandiera, li n-nuqqas tiegħu huwa l-kawża ewlenija tas-sajd IUU; iqis li l-Comoros għandha tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali fir-rigward tas-superviżjoni u l-kontroll tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha; jemmen bis-sħiħ li dan in-nuqqas ta' superviżjoni u awtorizzazzjoni tas-sajd jippermetti li tali bastimenti jwettqu sajd IUU b'impunità;
3. Huwa tal-fehma li l-Comoros għandha tibqa' involuta mal-UE u taħtaf din l-opportunità biex tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex ittejjeb il-ħila tagħha li tindirizza s-sajd illegali;
4. Jiddeplora l-fatt li, fi kważi 30 sena ta' ftehimiet dwar is-sajd bejn l-UE u l-Comoros – li kienu jinkludu komponent immirat lejn il-kooperazzjoni u l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd tal-Comoros – ma ħariġx li kien possibbli li jinkisbu riżultati aktar tanġibbli fl-iżvilupp tas-settur, inkluż f'oqsma bħalma huma l-kapaċità ta' monitoraġġ u sorveljanza, l-iżvilupp xjentifiku, u t-taħriġ tekniku għas-sajjieda u l-osservaturi;
5. Isostni li l-istrumenti disponibbli tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), jeħtieġ li jkunu kkombinati b'mod aktar effettiv mal-appoġġ ġenerali għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet fis-settur tas-sajd;
6. Ifakkar li l-Comoros għandha d-dmir, skont il-ftehim ta' sħubija dwar is-Sajd iffirmat mal-UE u strumenti internazzjonali oħrajn, kif ukoll fi ħdan il-qafas għall-kisba tal-Aġenda 2030 u l-SDGs, li tirrispetta l-prinċipji ta' governanza tajba fis-sajd u s-sajd responsabbli, iżżomm l-istokkijiet tal-ħut u tippreserva l-ekosistema tal-baħar fiż-żona ekonomika esklużiva tagħha;
7. Jisħaq fuq il-ħtieġa li niġġieldu s-sajd IUU globalment u li jinħolqu inċentivi biex l-istati jieħdu r-responsabilitajiet tagħhom bis-serjetà u jimplimentaw ir-riformi meħtieġa fis-settur tas-sajd tagħhom;
8. Jisħaq li l-ġlieda kontra s-sajd IUU m'għandhiex tiddependi kompletament fuq l-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx u li, sabiex verament niġġieldu s-sajd illegali fil-forom kollha tiegħu, huwa neċessarju li jinstabu modi li bihom ngħinu lil pajjiżi, b'mod partikolari lil stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, li l-Comoros hija waħda minnhom, biex b'hekk ikunu jistgħu jbiddlu l-politiki tal-ġestjoni tal-baħar tagħhom;
9. Jaqbel mal-Kummissjoni u mal-Kunsill dwar il-ħtieġa li jiġu applikati l-miżuri msemmija fl-Artikolu 38(8) tar-Regolament IUU għad-denunzja ta' kwalunkwe ftehim bilaterali eżistenti dwar is-sajd mal-Comoros, li jiddisponi għat-terminazzjoni tal-ftehim fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-impenji magħmula minnha fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd IUU;
10. Jinnota l-konsegwenzi l-oħra msemmija fl-Artikolu 38(8) tar-Regolament IUU, dwar il-projbizzjonijiet fuq il-kiri (chartering), l-għoti ta' bandiera ġdida u l-ftehimiet privati, fost oħrajn;
11. Isostni, madankollu, li tali denunzja ma għandhiex tkun it-tmiem tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Comoros fis-settur tas-sajd; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex li tiżgura li din ir-relazzjoni tkun tista' tiġi attivata mill-ġdid malajr kemm jista' jkun, u tipproċedi mill-premessa li l-komunitajiet tas-sajd u s-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira għandhom jitqiesu bħala ċentrali għall-iżvilupp tal-pajjiż u li, għal dan il-għan, għandhom jiġu promossi l-investiment u l-assistenza teknika fl-oqsma li ġejjin:
—
l-amministrazzjoni u s-sistema ta' governanza tas-sajd, il-leġiżlazzjoni, il-makkinarju istituzzjonali, il-bini tal-kapaċità għar-riżorsi umani (sajjieda, xjenzjati, spetturi, u oħrajn), u t-tisħiħ tal-valur kummerċjali u kulturali tal-irkaptu u tal-ħut tradizzjonali tal-Comoros;
—
il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u l-kapaċitajiet xjentifiċi, il-kapaċità ta' protezzjoni tal-kosta, u l-kapaċitajiet għall-ispezzjoni, għas-sorveljanza, u għall-kontroll tal-kwalità;
—
l-istabbiliment ta' faċilitajiet għat-tkessiħ, id-distribuzzjoni u l-ipproċessar tal-ħut;
—
il-bini u t-titjib tal-infrastruttura għall-ħatt l-art u għas-sigurtà fil-portijiet;
—
it-tiġdid tal-flotta fuq skala żgħira tal-Komoros, biex jittejbu s-sigurtà, il-kapaċità tal-flotta li tibqa' fuq il-baħar, u l-kapaċità tas-sajd;
12. Jitlob l-inklużjoni ta' klawżola li permezz tagħha, jekk il-Comoros tirrimedja n-nuqqasijiet tagħha, il-proċedura titwaqqaf u l-karta ħamra tiġi rtirata, u b'hekk il-flotta tal-UE tkun tista' tirritorna;
13. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex treġġa' s-sitwazzjoni lura għan-normal billi ttejjeb l-effikaċja tal-miżuri li jiġġieldu s-sajd IUU u tħalli l-flotta tal-UE tmur lura fiż-żona tas-sajd ladarba t-termini ta' protokoll ġdid ikunu ġew innegozjati mill-ġdid;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-mandati rispettivi tagħhom, iżommu lill-Parlament mgħarraf bis-sħiħ u mingħajr dewmien b'tali żviluppi li jafu jseħħu f'dan il-proċess;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Unjoni tal-Comoros.