Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2286(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0062/2018

Testi mressqa :

A8-0062/2018

Dibattiti :

PV 13/03/2018 - 15
CRE 13/03/2018 - 15

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.11
CRE 15/03/2018 - 10.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0089

Testi adottati
PDF 464kWORD 62k
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2018 - Strasburgu
Linji gwida għall-Baġit 2019 - Taqsima III
P8_TA(2018)0089A8-0062/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2018 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2019, Taqsima III – Kummissjoni (2017/2286(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018(5) u d-dikjarazzjonijiet komuni maqbulaa bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2019 (06315/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 86a tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0062/2018),

A.  billi n-negozjati dwar il-baġit tal-Unjoni għall-2019, l-aħħar wieħed taħt il-leġiżlatura kurrenti, se jseħħu b'mod parallel man-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss u dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE; billi s-sena 2019 se tkun is-sitt sena tal-QFP 2014-2020;

B.  billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jaħdmu biex fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni jilħqu ftehim ambizzjuż u komprensiv dwar il-baġit għall-2019, sabiex jeżerċitaw influwenza pożittiva fuq in-negozjati paralleli u jippermettu li qbil dwar il-QFP ta' wara l-2020 u dwar ir-riżorsi proprji jintlaħaq sal-aħħar ta' din il-leġiżlatura;

C.  billi, wara l-qbil ta' Diċembru 2017 dwar il-varar tat-tieni fażi tan-negozjati, il-proċess tal-Brexit ma għandux ikollu impatt dirett fuq il-baġit għall-2019, peress li, skont ir-Rapport Konġunt tal-UE u tar-Renju Unit(6), ir-Renju Unit se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-baġits annwali tal-Unjoni għas-snin 2019 u 2020 u jipparteċipa fiha, daqslikieku baqa' fl-Unjoni;

D.  billi l-movimenti populisti u estremisti li qed jikbru fl-Istati Membri kollha pprovdew u rewħu informazzjoni qarrieqa dwar l-UE u dwar il-baġit tagħha, b'mod li jenfasizza l-ħtieġa ta' informazzjoni aħjar u aktar trasparenti;

E.  billi, wara snin ta' perċezzjoni negattiva miċ-ċittadini dwar il-ġestjoni tal-kriżi finanzjarja, soċjali u ekonomika, il-prospettiva ekonomika tittejjeb tal-lum, li hija r-riżultat ta' sforzi koordinati biex l-Ewropa titqiegħed fit-triq lejn l-irkupru ekonomiku, tippermetti ppjanar baġitarju aktar ġeneruż;

F.  billi, tul dawn l-aħħar snin, il-Kunsill ripetutament ikkontradixxa lilu nnifsu, billi ppreżenta prijoritajiet politiċi ġodda għall-UE iżda fl-istess ħin wera li ma kienx lest jipprovdi approprjazzjonijiet ġodda biex jiffinanzjahom; billi prijoritajiet politiċi ġodda u sfidi futuri għall-UE għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda, u mhux billi jsir tnaqqis fi programmi eżistenti li rnexxew;

G.  billi, lejn tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja kurrenti, l-implimentazzjoni tal-programmi pluriennali se taqbad ritmu ġmielu, u għalhekk il-bżonn li jkollhom riżorsi finanzjarji adegwati qed jikber;

Risposti għall-isfidi quddiem l-UE u għall-istennijiet taċ-ċittadini tal-UE

1.  Jirrikonoxxi l-irkupru mill-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali, imsaħħaħ bħala riżultat tal-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri biex joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, li jridu jiġu kkonsolidati aktar biex jiġġeneraw influwenza pożittiva fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE, li ħafna minnhom intlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi tul diversi snin; jitlob li ż-żgħażagħ u l-persuni f'riskju ta' faqar jew qgħad jingħataw attenzjoni partikolari, biex ikun żgurat li jħossu l-effetti benefiċi, u b'hekk jiġi evitat li l-inugwaljanzi soċjali u reġjonali jkomplu jikbru; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li madankollu enfasi speċjali għandha titqiegħed fuq il-kapaċità tar-reġjuni differenti biex jieħdu vantaġġ mit-tkabbir li qed jitqawwa;

2.  Jenfasizza li, skont id-data tal-Eurostat u kontra n-narrattiva populista, iċ-ċittadini tal-UE huma ottimisti dwar il-ġejjieni tal-UE; jenfasizza li l-Unjoni għandha twettaq il-kompiti u r-responsabilitajiet tagħha u tagħmel aktar biex ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini tagħha, sew issa u sew fil-ġejjieni, iżda wkoll biex tipproteġihom kontra prattiki kummerċjali u ekonomiċi inġusti fis-suq dinji, filwaqt li tgħinhom jaħsdu l-benefiċċji ta' dak is-suq; jenfasizza li l-isfidi tat-tibdil fil-klima u tat-theddidiet għas-sigurtà internazzjonali jridu jiġu indirizzati; jemmen li, sabiex tissodisfa dawn l-istennijiet u tonora dawn l-impenji, l-UE jeħtiġilha ttejjeb il-prestazzjoni tagħha, fi ħdan il-mandat tal-kompetenzi tagħha, biex tkun tista' tappoġġja l-ħolqien ta' tkabbir u impjiegi sostenibbli u tnaqqas id-distakk fl-istandards ta' għajxien bejn iċ-ċittadini tal-UE fir-reġjuni kollha tagħha, filwaqt li żżomm bis-sħiħ mal-istrateġija UE 2020, mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u mal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza l-ħtieġa li l-ekonomija Ewropea u ċ-ċittadini tal-UE jitħejjew għall-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni; iqis li l-indirizzar tal-kawżi profondi tal-migrazzjoni u t-twaqqif ta' diversi tipi ta' diskriminazzjoni, bħad-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-persuni LGBTI, jirrappreżentaw ukoll sfidi importanti għall-2019;

It-tħejjija għal ġejjieni sostenibbli u solidarjetajiet imsaħħa fi ħdan l-Unjoni u lil hinn minnha

Futur sostenibbli

3.  Jemmen li l-baġit tal-UE għall-2019 għandu jsaħħaħ l-istrumenti rilevanti kollha għall-indirizzar tal-qgħad taż-żgħażagħ, speċjalment fir-reġjuni tal-UE li għadhom lura mil-lat ekonomiku, b'attenzjoni partikolari għat-titjib tal-ħiliet u tal-mobilità intraprenditorjali u professjonali, għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali, u għas-sostenn tat-tkabbir, tal-kompetittività, tal-ħolqien tal-impjiegi, tal-investimenti fl-infrastruttura, tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-SMEs; jenfasizza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li għandu impatt soċjali kbir, huwa fost l-akbar sfidi fil-livell Ewropew;

4.   Jemmen li l-prijoritajiet għall-baġit tal-UE għall-2019 għandhom ikunu t-tkabbir, l-innovazzjoni, il-kompetittività, is-sigurtà, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, u l-migrazzjoni;

5.  Jappoġġja t-twessigħ tal-opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw f'attivitajiet ta' solidarjetà; jitlob li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jiġi introdott bil-ħeffa u implimentat b'mod eżawrjenti wara l-adozzjoni tiegħu, prevista għall-2018;

6.  Jilqa' l-fatt li, fuq talba qawwija min-naħa tal-Parlament, ir-riżultat tal-konċiljazzjoni dwar il-baġit tal-UE għall-2018 kien li l-allokazzjoni speċifika proposta oriġinarjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) żdiedet b'EUR 116,7 miljun f'approprjazzjonijiet ġodda, hekk li l-ammont totali tagħha tela' għal EUR 350 miljun fl-2018, iżda jirrimarka li jeħtieġ li l-implimentazzjoni tal-fondi, li waqgħet lura, tittejjeb; jopponi l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, fl-aġġornament tekniku tagħha tal-ipprogrammar finanzjarju 2019-2020 wara l-adozzjoni tal-baġit għall-2018, dwar l-ipprogrammar finanzjarju għas-sena 2018, liema interpretazzjoni tqis dan it-tisħiħ bħala antiċipazzjoni tal-approprjazzjonijiet fis-snin li ġejjin, u jistenna li l-Kummissjoni twettaq il-wegħdiet li għamlet lill-Parlament fi tmiem il-perjodu ta' konċiljazzjoni tal-2017; jistenna li l-abbozz tal-baġit għall-2019 juri aktar ambizzjoni fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, hekk li jsib bilanċ ġust bejn l-evoluzzjoni reali tal-kapaċità ta' assorbiment f'dak il-qasam u r-rieda politika li jintwera appoġġ għal din il-kwistjoni; ifakkar fl-impenn tal-Kummissjoni li tipproponi żieda addizzjonali fil-finanzjament għall-YEI permezz ta' baġit emendatorju f'każ li l-kapaċità ta' assorbiment tal-YEI fl-2018 tippermetti tali żieda; jinsisti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iqabblu l-offerti ta' impjieg, edukazzjoni jew taħriġ mal-profili tal-parteċipanti u mad-domanda tas-suq tax-xogħol, sabiex jippustjaw il-parteċipanti f'impjiegi sostenibbli;

7.  Jitlob li l-Kummissjoni tagħmel disponibbli, għall-proċedura għall-2019, id-data finanzjarja dwar l-implimentazzjoni tal-YEI, analizzata skont is-sehem nazzjonali, biex tikkomplementa r-rappurtar tad-data dwar l-ispejjeż totali li diġà huwa disponibbli għall-pubbliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb is-sinerġiji bejn il-YEI, il-Fond Soċjali Ewropew u l-baġits nazzjonali tal-Istati Membri, biex tiżgura li l-YEI ma ssirx sostitut għall-finanzjament nazzjonali għaż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);

8.  Jenfasizza li, fid-dawl taċ-ċelebrazzjoni tat-30 anniversarju tiegħu, l-Erasmus+ għadu l-programm ewlieni li jrawwem il-mobilità fost iż-żgħażagħ, jgħallem valuri Ewropej fundamentali u jindokrahom fost iż-żgħażagħ, flimkien mal-programmi kulturali tal-UE, kif juri l-volum ta' applikazzjonijiet li saru, li jisbqu l-finanzjament disponibbli; jemmen li l-baġit tal-Erasmus+ għall-2019 jeħtieġ li jiġi estiż aktar (għall-anqas jirdoppja) biex jissodisfa d-domanda eliġibbli għal dan il-programm, b'mod partikolari dik marbuta mat-tagħlim tul il-ħajja;

9.  Jemmen li r-riċerka, il-kompetittività u l-SMEs huma fundamentali biex jippermettu t-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja, għalhekk, l-importanza li l-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs, jiġu pprovduti ambjent favorevoli għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-investimenti, biex tinħoloq ekonomija tal-UE tassew kompetittiva fil-livell dinji; jenfasizza li huwa importanti li jiżdied il-baġit taħt l-Intestatura 1a u li jiġi estiż il-finanzjament għal programmi li rnexxew, bħal Orizzont 2020 u programmi li jappoġġjaw lill-SMEs, inkluż il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME), li għandhom ferm aktar applikanti milli għandhom benefiċjarji ta' finanzjament; jenfasizza li huwa importanti li r-rekwiżiti speċifiċi u l-livell baxx ta' riżorsi amministrattivi tal-SMEs jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-programmi maħsuba għall-SMEs; iqis li dan huwa meħtieġ fid-dawl ta' dinja li qed tinbidel b'pass mgħaġġel u li hija kompetittiva ħafna, kif ukoll tal-bidliet profondi fis-setturi kollha kkawżati mid-diġitalizzazzjoni; jirrikonoxxi li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) ukoll jikkontribwixxu għal dawn il-prijoritajiet kollha;

10.  Jenfasizza li l-investimenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni jirrappreżentaw prekundizzjoni għall-ksib ta' kompetittività ġenwina fl-UE; jiddispjaċih li, bħala riżultat tal-fatt allarmanti li r-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet tant kienet baxxa, anqas proġetti ta' kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni qed jirċievu finanzjament mill-UE; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li livell adegwat ta' approprjazzjonijiet irid ikun żgurat għal Orizzont 2020;

11.  Jisħaq fuq il-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku li jirriżulta mit-trasformazzjoni teknoloġika u jitlob li l-baġit tal-UE jkollu rwol adatt fl-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea u fil-promozzjoni tal-ħiliet diġitali u tal-intraprenditorija diġitali;

12.  Jirrikonoxxi li l-SMEs għadhom is-sinsla tal-ekonomija Ewropea u li se jibqgħu jaqdu rwol deċiżiv fil-ħolqien tal-impjiegi u fit-tkabbir madwar l-UE kollha kemm hi; jitlob, f'dan ir-rigward, li fl-2019 l-approprjazzjonijiet għall-COSME jiżdiedu, fid-dawl tas-suċċess ta' dan il-programm;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni u t-tisħiħ tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li l-fond ta' garanzija mkabbar tiegħu jaqdi rwol ewlieni fit-tnaqqis tad-distakk fl-investimenti fl-EU; ifakkar li l-fond ta' garanzija tal-FEIS kien iffinanzjat parzjalment minn fuq dahar Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), minkejja li t-tnejn huma programmi fit-tul u orjentati lejn il-ġejjieni; jissottolinja l-pożizzjoni li l-Parlament ilu jsostni li kwalunkwe inizjattiva ġdida trid tkun iffinanzjata b'approprjazzjonijiet ġodda u mhux bir-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, u li l-ħsara kkawżata lil programmi eżistenti trid tiġi kkoreġuta permezz tal-proċedura baġitarja annwali; itenni li t-tnaqqis f'dawk il-programmi għandu kemm jista' jkun jitreġġa' lura;

14.  Jenfasizza li l-FEIS estiż għandu jagħmel progress sinifikanti fl-2019 lejn it-twettiq ta' kopertura ġeografika aħjar, sabiex ir-reġjuni kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bl-istess mod mill-ingranaġġ finanzjarju pprovdut mill-garanzija tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw riformi strutturali li jtejbu l-ambjent tal-investiment u l-kapaċitajiet lokali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-appoġġ mill-FEIS fir-reġjuni kollha;

15.  Jilqa' l-impenn meħud dan l-aħħar mill-Istati Membri fir-rigward ta' aġenda mġedda tal-UE dwar id-difiża, li għandha l-għan li ssaħħaħ kemm is-setgħa ta' koerċizzjoni u kemm dik ta' persważjoni, u jqis li din l-aġenda tirrifletti l-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini dwar is-sigurtà, fid-dawl ta' instabilità globali dejjem akbar li qed tiġi aggravata b'theddidiet ta' tipi ġodda; jappoġġa l-inizjattiva meħuda dan l-aħħar mill-Kummissjoni li tvara l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (EDIDP) bħala l-ewwel fażi tal-Fond Ewropew għad-Difiża; jirrikjedi li l-EDIDP jiġi ffinanzjat esklussivament minn marġnijiet mhux allokati u/jew strumenti speċjali u mhux, għalhekk, mir-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet minn programmi eżistenti;

16.  Jissottolinja li l-indirizzar tas-sigurtà interna jrid jibqa' waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni u jitlob li din il-politika li qed tevolvi tirċievi finanzjament imsaħħaħ; huwa konvint li l-UE għandha bżonn tinvesti aktar fit-tisħiħ u l-ġestjoni tal-fruntieri tagħha, fit-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet nazzjonali, u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-kriminalità organizzata, billi timplimenta sistema ta' informazzjoni diġitali adegwata u moderna; jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) u l-bżonn li l-aġenziji jiġu ffinanzjati b'mod adegwat fl-oqsma tal-fruntieri, tas-sigurtà u tal-ġustizzja; ifakkar li l-pakkett finanzjarju ta' dan l-istrument tnaqqas b'mod sinifikanti għall-2018;

17.  Jitlob aktar fondi għall-ġlieda kontra l-fenomenu tar-radikalizzazzjoni li qed irawwem estremiżmu vjolenti fi ħdan l-Unjoni; iqis li dan l-objettiv jista' jintlaħaq billi tiġi promossa l-integrazzjoni u jiġu missielta d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija, il-fundamentaliżmu u l-inċitament għall-mibegħda bil-fomm u bil-kitba;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol li jaqdi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF); jitlob li dan il-fond ikollu baġitjar adegwat fl-2019 biex jappoġġja l-akkoljenza dinjituża ta' persuni li jfittxu l-asil fl-Istati Membri, strateġiji ta' ritorn ġusti, programmi ta' risistemazzjoni, politiki tal-migrazzjoni legali ul-promozzjoni ta' integrazzjoni effikaċi ta' ċittadini minn pajjiżi terzi u biex jindirizzal-migrazzjoni irregolari; jerġa' jafferma li huwa importanti li jkollna mezzi finanzjarji speċifiċi għall-indirizzar tal-kawżi profondi tal-kriżi tal-migranti u tar-rifuġjati; jisħaq fuq il-fatt li, għal dan il-għan, il-baġit tal-UE jrid jiffinanzja miżuri ta' finanzjament fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti u fil-pajjiżi ospitanti tar-rifuġjati, fost l-oħrajn, miżuri li jindirizzaw il-faqar, il-qgħad, l-isfidi fl-edukazzjoni u fl-ekonomija, u l-instabilità;

19.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta li tagħmel provvediment għall-espressjoni ta' solidarjetà finanzjarja fil-livell tal-UE mal-vittmi ta' atti terroristiċi u mal-familji tagħhom;

20.  Ifakkar fl-importanza li għandhom l-aġenziji tal-UE biex jiżguraw li l-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE jiġu implimentati u b'hekk jintlaħqu l-objettivi ta' politika tal-UE, bħal dawk relatati mal-kompetittività (l-impjiegi, it-tkabbir sostenibbli, l-Unjoni tal-Enerġija), il-migrazzjoni (l-asil, il-ġestjoni transfruntiera), l-appoġġ għad-drittijiet fundamentali (il-protezzjoni tad-data), u s-sigurtà (iċ-ċiberkriminalità, id-drogi, il-frodi, il-ħasil tal-flus, it-terroriżmu, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-kooperazzjoni tal-pulizija, l-appoġġ għal sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira); jistenna li n-negozjati dwar il-baġit għall-2019 iwasslu għal finanzjament operazzjonali u amministrattiv li jkun realistiku u adegwat għall-aġenziji u għall-korpi l-oħra tal-UE, hekk li jkunu jistgħu jaqdu dmirijiethom, inklużi l-kompiti dejjem akbar u ż-żieda fil-volum tax-xogħol tagħhom; jitlob li ssir allokazzjoni ta' riżorsi adegwati biex jiżguraw li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġi implimentat u jiffunzjona sewwa; jitlob, b'mod aktar ġenerali, li ssir valutazzjoni eżawrjenti tal-interess strateġiku u tal-kompiti tal-aġenziji kollha, kif ukoll tal-possibilità li l-aġenziji jiġu raggruppati skont in-natura strateġika tal-missjoni tagħhom u r-riżultati li jirreġistraw; itenni li l-2018 hija l-aħħar sena tal-implimentazzjoni tat-tnaqqis tal-persunal b'5 % u tal-hekk imsejħa "riserva ta' tqassim mill-ġdid tar-riżorsi umani"; jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill joqogħdu lura milli jagħmlu aktar tnaqqis fir-riżorsi tal-aġenziji fil-baġit għall-2019;

21.  Iqis li l-baġit għall-2019, fi żmien meta atturi ewlenin, bħall-Istati Uniti, mhumiex lesti jimplimentaw l-impenji tagħhom li jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima skont il-Ftehim ta' Pariġi, irid iqiegħed lill-UE indiskutibbilment fuq quddiem nett ta' din l-isfida, waħda mill-akbar tal-ġenerazzjoni tagħna, billi jipprovdi appoġġ finanzjarju addizzjonali għal inizjattivi bħall-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE), ECOPOTENTIAL u Clean Sky; jissottolinja li n-nefqiet f'dan ir-rigward għandhom jitqiesu bħala investimenti fit-tul aktar milli bħala spejjeż, u li sew il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u sew il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji kkonkludew li l-UE mhix qed tissodisfa l-mira ta' finanzjament tagħha għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jitlob li l-Kummissjoni tilħaq l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u l-miri fit-tul tal-UE stess rigward il-klima billi tissodisfa l-mira ta' nfiq ta' 20 % għall-klima fil-QFP kurrenti (2014-2020); jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kontribuzzjoni għall-2019 għandha tisboq b'mod sinifikanti l-mira globali, sabiex tikkumpensa għall-allokazzjonijiet aktar baxxi li saru fl-ewwel snin tal-QFP, u li l-mekkaniżmu tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-politiki kollha għandu jiġi ottimizzat bis-sħiħ;

Solidarjetajiet imsaħħa biex nindirizzaw sfidi soċjali, territorjali u globali

22.  Jemmen li l-baġit tal-UE għandu jikkontribwixxi għall-isforzi li jsiru mill-Istati Membri f'oqsma bħalma huma l-qgħad u l-kura tas-saħħa, billi jwarrab finanzjament adegwat għal programmi li għandhom l-għan li jikkumbattu l-inugwaljanzi, itaffu l-agħar forom ta' faqar, speċifikament għall-popolazzjonijiet l-aktar iżolati u fraġli, b'mod partikolari t-tfal, u jgħinu liċ-ċittadini jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jadattaw għad-diġitalizzazzjoni;

23.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ għall-programmi tal-Unjoni li jrawmu t-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità fit-tul, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, b'mod komplementari għall-isforzi tal-Istati Membri biex jiggarantixxu kwalifiki tax-xogħol diversifikati minflok speċjalizzazzjoni prekoċi, bħala mezz sabiex iqawwu r-reżiljenza u jippermettu li s-soċjetà tadatta ruħha filwaqt li jindirizzaw ir-rigressjoni demografika, l-iskarsezzi ta' ħaddiema kwalifikati f'ċerti setturi u s-sostenibilità tas-sistemi ta' ħarsien soċjali; jinnota li l-kunsiderazzjoni ta' miżuri speċifiċi u mfassla apposta tista' tkun ta' siwi fis-setturi u/jew fir-reġjuni l-aktar milquta jew li saru ferm aktar vulnerabbli;

24.  Ifakkar fit-tixjiħ sinifikanti tal-popolazzjoni u fiż-żieda fl-għadd ta' nies li jeħtieġu kura speċjali u ddedikata, b'mod partikolari x-xjuħ; jitlob li l-Kummissjoni tintroduċi aktar miżuri ta' appoġġ biex tindirizza l-isfidi demografiċi, u jtenni l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi bħalma huma rħula għal persuni bid-dimenzja, fejn dawn in-nies ikunu jistgħu jingħataw attenzjoni adatta sa minn stadju bikri;

25.  Jemmen li d-diskriminazzjoni abbażi tas-sessi, b'mod partikolari fis-suq tax-xogħol, mhux biss mhijiex kompatibbli mal-valuri tal-UE, iżda tikkostitwixxi wkoll ostaklu serju għat-tkabbir ekonomiku billi ma tħallix lin-nisa jipparteċipaw f'impjiegi sinifikattivi; jissottolinja l-kontribut vitali li l-għoti tas-setgħa lin-nisa jagħti għal soċjetajiet aktar inklussivi, ekwi u paċifiċi, li t-tkabbir tagħhom ikun aktar sostenibbli; jistenna li l-baġit għall-2019 jappoġġja l-intraprenditorija tan-nisa u jinkoraġġixxi l-aċċess tagħhom għal finanzjament mill-UE, pereżempju fil-qafas tal-programmi COSME u Orizzont 2020, u li jwessa' l-politika ta' koeżjoni biex tappoġġja aktar investimenti fl-infrastruttura marbuta mal-edukazzjoni, mal-kura tat-tfal u mal-kura tas-saħħa, u b'hekk tgħin lin-nisa jirrikonċiljaw il-ħajja privata u dik professjonali tagħhom;

26.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, li hija l-espressjoni tas-solidarjetà territorjali tal-UE u l-politika ta' investiment prinċipali tagħha, iżda jirrikonoxxi li l-2017 kienet l-ewwel sena li fiha l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi SIE ġiet aċċelerata, u jistenna li din it-tendenza tkompli fl-2018 u l-2019; jemmen li għandhom jiġu pprovduti livelli suffiċjenti ta' approprjazzjonijiet ta' pagament biex l-implimentazzjoni tal-politika tipproċedi mingħajr xkiel;

27.  Ifakkar fil-kontribut importanti li l-Unjoni għamlet biex tinkoraġġixxi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda, b'mod partikolari permezz tal-programmi PEACE u INTERREG, li huma diretti speċifikament lejn l-Irlanda ta' Fuq u l-kontej tal-fruntiera fin-Nofsinhar; jitlob li jkun hemm rispett sħiħ tal-qafas tal-impenji diġà meħuda, bħal fil-każ tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, f'dak li jirrigwarda l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jappoġġjaw il-proċess tal-paċi billi jibqgħu jiffinanzjaw il-programm PEACE u l-programmi assoċjati miegħu;

28.  Jirrimarka li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija wieħed mill-pedamenti tal-integrazzjoni Ewropea, li żgurat provvista sikura ta' ikel ta' kwalità għolja għaċ-ċittadini Ewropej, il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku fl-agrikoltura u s-sostenibilità tar-reġjuni rurali għal bosta snin; ifakkar li l-fondi tal-PAK jikkontribwixxu b'mod partikolari għall-profittabilità u l-istabilità tal-agrikoltura tal-UE;

29.  Jitlob li l-Kummissjoni tibqa' tappoġġja lill-bdiewa madwar l-Ewropa kollha biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-volatilità mhux mistennija tas-suq u jiżguraw provvisti ta' ikel sikuri u ta' kwalità għolja; jitlob li l-biedja u s-sajd fuq skala żgħira jingħataw attenzjoni xierqa;

30.  Iqis li r-reġjonalizzazzjoni u l-objettivi soċjoekonomiċi jeħtieġ li jkollhom rwol akbar fl-ambitu tal-Politika Komuni tas-Sajd, u li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd irid jitwessa'; jitlob li l-l-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament u tissimplifika l-proċeduri għall-ksib tiegħu; jesprimi tħassib partikolari rigward l-impatt negattiv potenzjali li l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE se jkollu fuq is-sajd, b'mod partikolari għall-Istati Membri kostali ġirien;

31.  Jilqa' l-proposta li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili jiġi estiż, u li l-Mekkaniżmu jiġi msaħħaħ; huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili huwa tal-akbar importanza, sabiex jingħata rispons aktar rapidu u koerenti fil-qasam tal-protezzjoni ċivili fil-livell tal-Unjoni, fl-oqsma tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri naturali u għal dawk ikkawżati mill-bniedem sew fl-Unjoni u sew lil hinn minnha;

32.  Jistenna li l-proċeduri u l-miżuri li għaddejjin bħalissa jittejbu fl-implimentazzjoni tal-baġit, fid-dawl tar-restrizzjonijiet ta' riżorsi li nqalgħu u tat-talbiet li l-UE tassumi responsabilitajiet akbar, sabiex jiġi żgurat li l-impenji finanzjarji jiġu onorati f'waqthom u b'mod kosteffikaċi;

33.  Jemmen li l-politiki, il-programmi u l-aġenziji tal-UE involuti fil-ġestjoni tal-flussi migratorji u tar-rifuġjati u fil-kontroll tal-fruntieri, jew li għandhom x'jaqsmu ma' dawn l-oqsma, għandhom jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex jittrattaw il-kriżi tar-rifuġjati tal-lum, li l-Istati Membri wkoll huma mistennija jieħdu responsabilità għaliha skont il-prinċipju tal-qsim tal-piżijiet u l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; huwa konvint li l-UE, sabiex issib soluzzjoni fit-tul, għandha wkoll turi solidarjetà esterna billi trawwem kundizzjonijiet għall-paċi u għall-prosperità fil-pajjiżi ta' oriġini, billi tqiegħed enfasi akbar fuq l-investimenti u fuq il-politiki ta' żvilupp, speċjalment permezz tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) u tal-Istrument ta' Għajnuna Umanitarja; jirrikonoxxi l-importanza u l-valur distint tal-politika tal-iżvilupp, li għandha prijoritajiet bħall-qerda tal-faqar, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-iżvilupp ekonomiku; jissottolinja li jeħtieġ li l-azzjonijiet u l-programmi tal-UNRWA jingħataw appoġġ; jissottolinja li waħda mill-kundizzjonijiet għall-preservazzjoni tal-istabilità u tal-prosperità fl-UE hija Viċinat tal-UE stabbli; jitlob li l-Kummissjoni, għaldaqstant, tiżgura li l-investimenti fil-Viċinat tal-UE jingħataw prijorità bil-għan li jappoġġjaw l-isforzi biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin li qed tiffaċċja din iż-żona – il-migrazzjoni, l-isfidi tar-rifuġjati u l-iżvilupp fil-Viċinat tan-Nofsinhar u l-instabilità f'dak tal-Lvant – li huma parzjalment dovuti għal politika barranija Russa li mhijiex konformi mal-liġi internazzjonali u mal-istandards tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-prijoritajiet politiċi ġodda u l-isfidi li ġejjin għall-UE, bħas-sigurtà u d-difiża, għandhom jiġu ffinanzjati minn approprjazzjonijiet ġodda u mhux minn tnaqqis f'politiki u fi programmi eżistenti li rnexxew u li huma importanti, bħall-għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja u l-politika tal-viċinat; jenfasizza, barra minn hekk, li l-politiki tas-sigurtà u tal-iżvilupp jinfluwenzaw lil xulxin u li li t-tnejn huma kundizzjonijiet importanti biex jinħoloq stat li jiffunzjona, kif ukoll strutturi amministrattivi li jaħdmu mingħajr korruzzjoni, u standards minimi fis-setturi soċjali, tas-saħħa, u ekonomiċi;

34.   Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-mekkaniżmi baġitarji satellita, bħalma huma l-fondi fiduċjarji u strumenti oħra simili, iduru mal-proċedura baġitarja, jimminaw it-trasparenza tal-ġestjoni tal-baġit u jiksru d-dritt tal-Parlament li jwettaq skrutinju effettiv tal-infiq; iqis, għaldaqstant, li dawn l-istrumenti esterni, li nħolqu f'dawn l-aħħar snin, iridu jiġu inkorporati fil-baġit tal-Unjoni, u li jridu jinstabu soluzzjonijiet alternattivi biex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi fil-pront għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza u ta' wara l-emerġenzi fil-livell internazzjonali;

35.  Jenfasizza li l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) għandu primarjament jiffaċilita riformi politiċi u ekonomiċi f'pajjiżi tat-tkabbir, fost objettivi oħra; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan il-kuntest, tevalwa aktar il-fondi tal-IPA fil-proposta tagħha dwar il-baġit għall-2019, filwaqt li tqis is-sitwazzjoni politika li sejra għall-agħar fit-Turkija kif ukoll il-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata r-radikalizzazzjoni li qed tikber fl-Istati tal-Balkani;

L-istennijiet rigward il-proċedura għall-2019

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli taġixxi bħala medjatur onest f'kull fażi individwali tal-proċedura, u timplimenta d-deċiżjonijiet tal-awtorità baġitarja b'mod fidil u akkurat;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, wara r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, u bil-kontra tal-konklużjonjiet tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2019, il-proċedura għall-2018 uriet li l-awtorità baġitarja tista' teżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tagħha biex tiddetermina l-livell u l-kontenut tal-baġit tal-UE permezz tal-proċedura baġitarja annwali;

38.  Jemmen li, bħala l-fergħa tal-awtorità baġitarja li hija eletta direttament miċ-ċittadini, il-Parlament għandu jaqdi r-rwol politiku tiegħu u jressaq proposti għal Proġetti Pilota u Azzjonijiet Preparatorji li jesprimu l-viżjoni politika tiegħu għall-ġejjieni; jimpenja ruħu, f'dan il-kuntest, li jipproponi pakkett ta' Proġetti Pilota u Azzjonijiet Preparatorji żviluppati f'kooperazzjoni mill-qrib ma' kull wieħed mill-kumitati tiegħu sabiex jinstab bilanċ ġust bejn ir-rieda politika u l-fattibilità teknika, kif ivvalutata mill-Kummissjoni Ewropea;

39.  Jistenna li n-negozjati dwar il-baġit għall-2019 jiġu bbażati fuq ambizzjoni politika kondiviża u fuq is-solidarjetà, u li jqisu l-valur miżjud tal-programmi u tal-politiki tal-UE; jemmen li dan l-objettiv jista' jintlaħaq biss jekk il-partijiet fin-negozjati jiġu informati minnufih dwar il-pożizzjonijiet ta' xulxin, ivaraw in-negozjati fl-aktar stadju bikri possibbli u jkunu lesti jsibu kompromessi;

o
o   o

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(5) ĠU L 57, 28.2.2018, p. 1.
(6) Rapport konġunt min-negozjaturi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tar-Renju Unit tat-8 ta' Diċembru 2017 dwar il-progress matul l-ewwel fażi tan-negozjati skont l-Artikolu 50 TFUE dwar il-ħruġ ordinat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (TF50 (2017) 19 – Kummissjoni lill-UE-27).

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza