Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2018/2626(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0139/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0090

Testi adottati
PDF 304kWORD 61k
Il-Ħamis, 15 ta' Marzu 2018 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fis-Sirja
P8_TA(2018)0090RC-B8-0139/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja (2018/2626(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-Sirja, u b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2017 dwar il-waqfien mill-ġlied fis-Sirja, tal-25 ta' Novembru 2017 dwar il-konferenza tal-Oppożizzjoni Sirjana f'Riyadh u tat-23 ta' Frar 2018 dwar il-massakru fil-Lvant ta' Ghouta, kif ukoll il-kummenti tagħha malli waslet fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-26 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Stylianides tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar l-attakki reċenti fis-Sirja, tal-20 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Lvant ta' Ghouta u Idlib u tas-6 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta u nħawi oħra fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, waqt is-sessjoni plenarja tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija u s-sitwazzjoni f'Afrin, is-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta' Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja(2) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar iż-żieda ta' żewġ ministri fil-lista tas-sanzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u l-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 intitolata "Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja" (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' April 2017 dwar is-Sirja, li flimkien jikkostitwixxu l-istrateġija l-ġdida tal-UE rigward is-Sirja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kopresidenza tal-5 ta' April 2017 dwar il-Konferenza dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun u l-konferenzi preċedenti dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, li saru Londra, il-Kuwajt, Berlin u Helsinki,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC) f'Ġinevra dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, b'mod partikolari dawk tas-26 ta' Frar 2018 u tat-2 ta' Marzu 2018, kif ukoll l-aġġornament orali tiegħu tas-7 ta' Marzu 2018 dwar l-attivitajiet tal-uffiċċju tiegħu u dwar żviluppi reċenti rigward id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-20 ta' Frar u tal-24 ta' Frar 2018 attribwibbli lill-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali dwar il-Lvant ta' Ghouta fir-Repubblika Għarbija Sirjana,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konvenzjonijiet kollha tan-NU li s-Sirja hija Stat Parti tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSC), b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2254 (2015) tat-18 ta' Diċembru 2015, ir-riżoluzzjoni 2393 (2017) tad-19 ta' Diċembru 2017 dwar l-awtorizzazzjoni ta' forniment ta' għajnuna li jaqsmu l-fruntieri u l-fronti tal-ġlied fis-Sirja u r-riżoluzzjoni 2401 (2018) tal-24 ta' Frar 2018 dwar waqfien tal-ostilitajiet ta' 30 jum fis-Sirja biex tkun tista' titwassal l-għajnuna umanitarja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, stabbilita mill-UNHRC, u r-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Marzu 2018 dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant ta' Ghouta,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A-71/248 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-21 ta' Diċembru 2016, dwar Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) biex Jassisti fl-Investigazzjoni u l-Prosekuzzjoni tal-Persuni Responsabbli għad-Delitti l-Aktar Serji skont id-Dritt Internazzjonali li Twettqu fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma u d-dokumenti fundaturi tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, kif ukoll dawk tat-tribunali ad hoc, inkluż it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali għar-Rwanda u t-Tribunal Speċjali għal-Libanu,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum dwar il-ħolqien ta' żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, iffirmat mill-Iran, mir-Russja u mit-Turkija, fis-6 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat mill-Fond tan-NU għall-Popolazzjoni fl-2017 intitolat "Ilħna mis-Sirja 2018 – Sejbiet tal-Valutazzjoni mill-Eżami Globali dwar il-Ħtiġijiet Umanitarji",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Carnegie Middle East Center, tal-5 ta' Marzu 2018, dwar il-laqgħa, skont rapporti, tal-kap tal-Uffiċċju tas-Sigurtà Nazzjonali Sirjana, Ali Mamlouk, li huwa inkluż fil-lista tas-sanzjonijiet tal-UE, mal-Ministru tal-Intern Taljan u mad-Direttur tal-Aġenzija għall-Informazzjoni u s-Sigurtà Esterna f'Ruma, fi ksur flagranti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta' Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt ċivili fis-Sirja, li beda seba' snin ilu, għadu għaddej, minkejja d-diversi sforzi internazzjonali li saru biex jiżguraw waqfien mill-ġlied u jistabbilixxu l-bażi għal soluzzjoni negozjata; billi, bħala konsegwenza, is-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż għadha devastanti; billi 13-il miljun ruħ, li minnhom 6 miljuni huma tfal, huma rreġistrati bħala persuni li jeħtieġu xi forma ta' għajnuna umanitarja; billi 6,1 miljun ruħ huma spostati internament, 3 miljun ċivil jgħixu f'żoni assedjati u aktar minn 5 miljun ruħ huma rreġistrati bħala rifuġjati Sirjani li jirrisjedu fir-reġjuni tal-madwar; billi mill-inqas 400 000 Sirjan tilfu ħajjithom matul il-kunflitt;

B.  billi żoni u bliet, bħal Idlib, il-Lvant ta' Ghouta, Yarmouk, Foua u Kefraya, ilhom ħafna żmien isofru mblokki, b'konsegwenzi serji għall-popolazzjoni ċivili u bl-ebda possibbiltà li jsirulhom forniment ta' għajnuna umanitarja b'mod sostenibbli minħabba l-offensiva militari u l-bumbardamenti mir-reġim Sirjan fil-konfront tal-poplu tiegħu stess bl-appoġġ tar-Russja u tal-Iran; billi l-Lvant ta' Ghouta ilu ħames snin taħt assedju mir-reġim Sirjan u mill-alleati tiegħu, u ċ-ċivili, fosthom tfal, l-iskejjel u l-istrutturi mediċi huma suġġetti għal bumbardamenti mill-ajru, attakki tal-artillerija u l-użu ta' armi kimiċi, li kkawżaw mijiet ta' mwiet fl-inħawi; billi l-gruppi terroristiċi fil-Lvant ta' Ghouta ġew akkużati li bbumbardjaw id-distretti ċivili ta' Damasku;

C.  billi s-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Ghouta tant hija kritika li s-Segretarju Ġenerali tan-NU, António Guterres, iddeskrivieha bħala "infern fuq wiċċ id-dinja"; billi n-nies li jgħixu fil-Lvant ta' Ghouta ilhom maqtugħin minn kwalunkwe forma ta' għajnuna mill-14 ta' Frar 2018 minħabba mblokk, meta konvoj wieħed wasal għand mhux aktar minn 7 200 ruħ mill-400 000 ruħ li jgħixu fiż-żona; billi konvoj tal-għajnuna tan-NU fl-aħħar irnexxielu jidħol Douma fil-5 ta' Marzu 2018 u laħaq lil 27 500 ruħ fil-bżonn ta' provvisti alimentari u mediċi; billi r-reġim Sirjan neħħa materjal mediku fundamentali mill-konvoj;

D.  billi fl-24 ta' Frar 2018 il-UNSC adotta r-riżoluzzjoni 2401, li fiha l-Kunsill tas-Sigurtà talab li l-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu minnufih l-ostilitajiet għal tal-anqas 30 jum konsekuttiv biex jippermettu l-forniment sikur, kontinwu u mingħajr ostakli tal-assistenza umanitarja u l-evakwazzjonijiet mediċi ta' dawk morda u midruba b'mod kritiku, f'konformità mad-dritt internazzjonali applikabbli; billi r-riżoluzzjoni 2401 tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-NU ma ġietx rispettata mir-reġim Sirjan u mill-forzi Russi u Iranjani, minkejja l-appelli ripetuti tal-komunità internazzjonali; billi l-militar qed juża l-pretest tal-"liberazzjoni" tar-reġjun biex jattakka ċ-ċivili; billi f'dawn l-aħħar snin ir-Russja użat il-veto għal 11-il riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża r-riżoluzzjoni li l-għan tagħha kien li ġġedded il-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-NU f'Novembru 2017, u żvolġiet rwol attiv fil-limitazzjoni tal-kontenut tar-riżoluzzjonijiet;

E.  billi dawn l-attakki u t-tattika tal-gwerra li biha ċ-ċivili jitħallew imutu bil-ġuħ permezz ta' assedju f'żoni popolati kif ukoll l-ispostament furzat tal-popolazzjoni, anki għall-finijiet ta' bidla demografika, jikkostitwixxu ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi t-tfixkil tal-isforzi għall-evakwazzjoni u għall-forniment ta' għajnuna umanitarja u ta' kura medika jikkostitwixxi vjolazzjonijiet sfaċċati tad-dritt umanitarju internazzjonali, kif ukoll ta' bosta riżoluzzjonijiet tal-UNSC;

F.  billi l-Operazzjoni Torka "Fergħa taż-Żebbuġ" fil-provinċja ta' Afrin, li hija taħt il-kontroll tal-Kurdi, żiedet dimensjoni ġdida fil-kunflitt fis-Sirja, hekk li qajmet preokkupazzjonijiet umanitarji addizzjonali u inkwiet dwar l-impatti negattivi fuq il-bilanċi interni delikati fis-Sirja u/jew fuq il-ħidma lejn soluzzjoni negozjata; jenfasizza li diġà ġie rrapportat li kien hemm għadd kbir ta' vittmi ċivili, u li mijiet ta' ħajjiet ċivili oħrajn jinsabu f'riskju; billi l-VP/RGħ, f'isem l-UE, esprimiet dawn il-preokkupazzjonijiet b'mod ċar, hekk li talbet lill-Gvern Tork iwaqqaf l-offensiva tiegħu u saħqet fuq il-ħtieġa li l-isforzi jkunu kkonċentrati biex jingħelbu l-organizzazzjonijiet terroristiċi elenkati min-NU;

G.  billi l-vjolazzjonijiet kommessi matul il-kunflitt Sirjan mir-reġim ta' Assad u mill-alleati tiegħu, u minn gruppi terroristiċi, jinkludu attakki mmirati u indiskriminati fuq ċivili, anki bl-użu ta' armi kimiċi, qtil extraġudizzjarju, tortura u trattament ħażin, għajbien furzat, arresti tal-massa u arbitrarji, kastigi kollettivi, attakki fuq persunal mediku u tiċħid ta' ikel u ilma u għajnuna medika; billi dawn id-delitti s'issa baqgħu mingħajr kastig;

H.  billi l-ISIS/Da'esh u movimenti ġiħadisti oħra wettqu atroċitajiet u vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali, fosthom eżekuzzjonijiet brutali u vjolenza sesswali, ħtif, tortura, konverżjonijiet furzati u tjassir tan-nisa u tal-bniet; billi t-tfal qed jiġu rreklutati u użati f'attivitajiet terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar l-użu ta' ċivili bħala tarki umani fiż-żoni li jinsabu taħt il-kontroll tal-estremisti; billi dawn id-delitti jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

I.  billi, fis-sitwazzjoni attwali, l-oppożizzjoni demokratika hija mdgħajfa u ċ-ċivili huma maqbuda bejn it-terroristi ġiħadisti u l-fundamentalisti Iżlamiċi, minn naħa waħda, u s-sostenituri tar-reġim ta' Assad, min-naħa l-oħra;

J.  billi fis-26 ta' Frar 2018 il-Kunsill żied lill-Ministru tal-Industrija u lill-Ministru tal-Informazzjoni tal-Gvern tas-Sirja fil-lista tal-persuni milquta mill-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan minħabba l-gravità tas-sitwazzjoni fil-pajjiż;

K.  billi huwa l-obbligu tal-komunità internazzjonali u tal-Istati individwali li dawk responsabbli jagħtu kont tal-vjolazzjonijiet tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali kommessi matul il-kunflitt Sirjan, anki permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali kif ukoll tad-dritt nazzjonali; billi dan jista' jsir jew abbażi ta' rimedji nazzjonali u internazzjonali eżistenti, inklużi l-qrati nazzjonali u t-tribunali internazzjonali, jew ta' tribunali kriminali internazzjonali ad hoc li għad iridu jiġu stabbiliti; billi, minbarra tali responsabbiltà kriminali personali, anki l-Istati jistgħu jkunu suġġetti għal prosekuzzjoni, f'ċerti kundizzjonijiet, għall-ksur ta' obbligi skont it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom għandha ġurisdizzjoni l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, inklużi l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984 u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tal-1948;

L.  billi l-UE għadha impenjata favur is-suċċess tan-negozjati mmexxija taħt l-awspiċji tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, magħrufa bħala l-proċess ta' Ġinevra; billi l-UE għadha tappoġġja dan il-proċess, anki permezz tal-organizzazzjoni tat-tieni Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun, li se ssir fl-24 u l-25 ta' April 2018;

M.  billi n-negozjati li saru Ġinevra s'issa ma wasslux għal progress biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-kriżi fis-Sirja, wara d-disa' ċiklu fi Vjenna fil-25 u s-26 ta' Jannar 2018; billi, fl-4 ta' Mejju 2017, ir-Russja, l-Iran u t-Turkija laħqu ftehim fil-Każakistan biex jistabbilixxu erba' żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt, li ma ġewx rispettati u protetti mill-garanti; billi l-Kungress tad-Djalogu Nazzjonali Sirjan li sar Sochi fit-30 ta' Jannar 2018 ħabbar il-ħolqien ta' Kumitat Kostituzzjonali, li ma ġiex aċċettat mill-partijiet kollha;

N.  billi s-sitwazzjoni fis-Sirja u n-nuqqas ta' tranżizzjoni politika komprensiva, ġenwina u inklużiva għadhom jimpedixxu l-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija tal-UE rigward is-Sirja u, b'mod partikolari, l-assistenza sostanzjali li l-Unjoni tista' tipprovdi għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż;

O.  billi, mindu faqqgħet il-gwerra, l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn EUR 10,4 biljun biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw mill-kriżi Sirjana, kemm internament kif ukoll esternament fir-reġjun tal-madwar, u b'hekk l-UE hija l-akbar donatur; billi l-UE appoġġjat u faħħret ukoll b'mod sostanzjali lill-pajjiżi ġirien li jospitaw lir-rifuġjati;

1.  Jikkundanna, għal darb'oħra u bl-akbar qawwa, l-atroċitajiet kollha u l-vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali kommessi matul il-kunflitt, u b'mod partikolari l-atti mwettqa mill-forzi tar-reġim ta' Assad, anki bl-appoġġ tal-alleati tiegħu, ir-Russja u l-Iran, kif ukoll mill-organizzazzjonijiet terroristiċi elenkati min-NU; jiddeplora l-fatt li mill-inqas 400 000 ruħ inqatlu u eluf aktar sfaw midruba minħabba l-bumbardamenti, l-attakki tal-artillerija u mezzi militari oħra fis-Sirja tul is-seba' snin ta' kunflitt, u li miljuni ġew spostati, filwaqt li ċ-ċivili ma tħallewx ikollhom aċċess għal ikel, ilma, sanità u kura tas-saħħa bħala konsegwenza tal-assedji twal ta' żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda esponenzjali fil-vjolenza f'ħafna nħawi tal-pajjiż, bħalma huwa l-każ fil-Lvant ta' Ghouta, f'Afrin u f'Idlib;

2.  Jiddispjaċih ħafna għall-falliment tal-isforzi ripetuti reġjonali u internazzjonali biex tintemm il-gwerra, u jħeġġeġ kooperazzjoni globali mġedda u intensiva sabiex tinkiseb soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kunflitt; jenfasizza li l-komunità internazzjonali ma appoġġjatx biżżejjed lill-oppożizzjoni demokratika; jafferma mill-ġdid il-primat tal-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU u jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, Staffan de Mistura, biex tinkiseb tranżizzjoni politika ġenwina u inklużiva, skont ir-riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, innegozjata mill-partijiet Sirjani kollha u bl-appoġġ ta' atturi internazzjonali u reġjonali ewlenin; jissottolinja l-importanza li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt; jibqa' impenjat favur l-għaqda, is-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza tas-Sirja;

3.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza li għaddejja bħalissa fil-Lvant ta' Ghouta, minkejja l-adozzjoni unanima tar-riżoluzzjoni 2401 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jistieden b'urġenza lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lir-reġim ta' Assad, lir-Russja u lill-Iran, jimplimentaw bis-sħiħ u b'urġenza din ir-riżoluzzjoni u jirrispettawha, filwaqt li jiżguraw il-forniment sikur, kontinwu u mingħajr ostaklital-assistenza umanitarja u l-evakwazzjoni ta' dawk morda u midruba b'mod kritiku u t-tnaqqis tat-tbatija tal-popolazzjoni Sirjana; jappoġġja bis-sħiħ l-appell biex il-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu minnufih l-ostilitajiet għal tal-anqas 30 jum konsekuttiv; itenni l-appell lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lill-awtoritajiet Sirjani, biex jonoraw ir-responsabbiltà tagħhom li jipproteġu lill-popolazzjoni Sirjana u jwaqqfu minnufih l-attakki kollha kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja; jistieden lill-garanti kollha tal-waqfien mill-ġlied fiż-żoni ta' diżintensifikazzjoni tal-kunflitt biex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom bil-għan li jintemmu l-vjolenza u d-delitti kommessi u li jiġi permess u ggarantit aċċess mingħajr restrizzjonijiet għal dawn iż-żoni; jieħu nota tad-deċiżjoni mit-tliet pajjiżi tal-Proċess ta' Astana li jorganizzaw summit ġdid f'April 2018 biex jiddiskutu s-Sirja u l-passi potenzjali fir-reġjun; jenfasizza li dawn il-passi ma għandhom bl-ebda mod jikkontradixxu jew jimminaw it-taħditiet sponsorizzati min-NU / il-proċess ta' Ġinevra;

4.  Ifakkar lir-reġimi tas-Sirja, tar-Russja u tal-Iran li huma responsabbli fil-qafas tad-dritt internazzjonali għad-delitti faħxija li qed ikomplu jikkommettu fis-Sirja, u li l-awturi ta' dawn id-delitti, kemm jekk Stati jew individwi, ikollhom jagħtu kont ta' għemilhom;

5.  Jiddispjaċih bil-qawwa għall-użu ripetut tal-veto mir-Russja fil-UNSC u għall-fatt li ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar it-tiġdid tal-mandat tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt bejn l-OPCW u n-NU qabel ma skada fis-17 ta' Novembru 2017; iqis li din l-attitudni minn membru permanenti tal-UNSC b'responsabbiltà speċjali għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali hija waħda tal-mistħija; jenfasizza li, f'għajnejn id-dinja, l-ostakolar tal-investigazzjonijiet internazzjonali mhuwa xejn ħlief sinjal ta' ħtija;

6.  Jesprimi tħassib serju dwar l-intervent tat-Turkija f'żoni tas-Sirja li huma kkontrollati minn forzi Kurdi; għadu serjament inkwetat bis-sitwazzjoni f'Afrin li sejra għall-agħar, inkluż dwar il-possibbiltà ta' konfront bejn il-forzi Torok u dawk ta' Assad jew tar-Russja, u bit-tensjonijiet dejjem akbar mal-Istati Uniti; jistieden lill-Gvern Tork jirtira t-truppi tiegħu u jiżvolġi rwol kostruttiv fil-kunflitt Sirjan, fatt li huwa wkoll fl-interessi nazzjonali tat-Turkija; itenni l-pożizzjoni tal-VP/RGħ li l-ftuħ ta' fronti ġodda fis-Sirja mhuwiex fl-interess tas-sigurtà tat-Turkija u jwissi kontra deterjorament ulterjuri tal-kriżi umanitarja tal-pajjiż; jeżiġi r-rispett sħiħ tad-dritt umanitarju, b'mod partikolari l-protezzjoni taċ-ċivili, u jitlob waqfien mill-ġlied fis-Sirja kollha, u għalhekk anki f'Afrin;

7.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu favur l-isforzi tal-Koalizzjoni Globali kontra Da'esh; jissottolinja li s-sħab tal-forzi tal-Koalizzjoni u tas-Sirja għamlu progress sinifikanti fil-kampanja biex jingħeleb Da'esh fis-Sirja; ifakkar li kwalunkwe miżura meħuda biex jiġu miġġielda Da'esh u gruppi terroristiċi oħra rikonoxxuti bħala tali mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU trid tirrispetta b'mod rigoruż id-dritt internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri u lill-alleati tagħhom jiżguraw it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Iħeġġeġ, għal darba oħra, li jkun hemm aċċess umanitarju sikur, f'waqtu u mingħajr restrizzjonijiet fit-territorju kollu tas-Sirja u jilqa' r-riżoluzzjoni 2393 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li ġeddet l-awtorizzazzjoni tal-aċċess umanitarju li jaqsam il-fruntieri u l-fronti tal-kunflitt fis-Sirja għal 12-il xahar ieħor (sal-10 ta' Jannar 2019); jinkoraġġixxi lin-NU u lil sħabha fl-implimentazzjoni biex jibqgħu jieħdu passi ħalli jkattru l-kunsinni umanitarji f'żoni assedjati u li diffiċli jintlaħqu, inkluż billi jużaw, bl-aktar mod effikaċi possibbli, il-postijiet tal-qsim tal-fruntieri skont ir-riżoluzzjoni 2165 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; isostni l-appell biex tkun aċċelerata b'urġenza l-azzjoni umanitarja relatata mal-mini fis-Sirja kollha u jfakkar lill-partijiet kollha fil-kunflitt li l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti mid-dritt umanitarju internazzjonali; jiddeplora d-diversi każijiet ta' abbuż sesswali u mġiba ħażina li nstab li twettqu fi ħdan organizzazzjonijiet tal-għajnuna internazzjonali, inkluż l-isfruttament sesswali tar-rifuġjati Sirjani minn dawk li kienu qed jagħtu l-għajnuna f'isem in-NU u f'isem organizzazzjonijiet internazzjonali magħrufa; jiddikjara bil-qawwa li ma għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għal tali atti; iħeġġeġ li ssir investigazzjoni bir-reqqa u jenfasizza li l-persuni responsabbli jeħtiġilhom jiġu kkastigati;

9.  Jenfasizza li m'għandu jkun hemm l-ebda tolleranza jew impunità għad-delitti tal-waħx li ġew kommessi fis-Sirja, fosthom dawk kommessi fil-konfront tal-gruppi u tal-minoranzi reliġjużi, etniċi u ta' tip ieħor; itenni l-appell tiegħu biex isiru investigazzjonijiet indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u kredibbli, kif ukoll prosekuzzjonijiet ta' dawk responsabbli, u jappoġġja l-ħidma tal-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) dwar delitti internazzjonali mwettqa fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2012; jinnota b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-UE li tagħti EUR 1,5 miljun f'appoġġ finanzjarju lill-mekkaniżmu permezz tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) tagħha; jenfasizza, madankollu, li l-appoġġ se jkun meħtieġ lil hinn mit-18-il xahar li jdum il-programm; jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom, u jistenna li l-kwistjoni tal-finanzjament tal-MIII titqajjem u tiġi riżolta fit-tieni Konferenza ta' Brussell dwar l-Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u tar-Reġjun; jitlob, barra minn hekk, li jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs, li qed jiġbru l-provi ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ksur tad-dritt umanitarju u jgħinu biex jippreservawhom;

10.  Għadu konvint li ma jista' jkun hemm l-ebda riżoluzzjoni effikaċi tal-kunflitt jew paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr responsabbiltà għad-delitti kommessi u jitlob l-adozzjoni ta' strateġija tal-UE dwar l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tad-delitti atroċi kommessi fis-Sirja; itenni l-appoġġ tiegħu għall-prinċipju ta' ġurisdizzjoni universali fl-indirizzar tal-impunità u jilqa' l-passi meħuda minn għadd ta' Stati Membri tal-UE f'dan is-sens; jilqa' pożittivament ukoll l-inizjattivi min-naħa tal-Istati Membri biex jagħmlu l-vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali reat skont id-dritt nazzjonali tagħhom; itenni t-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jeżaminaw, f'koordinament mill-qrib ma' pajjiżi tal-istess fehma, il-possibbiltà li jinħoloq tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja, sa ma jsir b'suċċess riferiment lill-QKI; josserva l-ħidma importanti tan-netwerk Ewropew ta' punti ta' kuntatt dwar persuni li huma responsabbli għal ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra u jistieden lill-VP/RGħ u lid-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi jsostnu u jinkludu lin-netwek fl-isforzi futuri ta' rendikont rigward is-Sirja;

11.  Jeżiġi li kulħadd jirrispetta d-dritt tal-gruppi u tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fis-Sirja, inklużi l-Insara u l-persuni spostati, biex ikomplu jgħixu jew jirritornaw fit-territorji li fihom joqogħdu storikament u tradizzjonalment, b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u biex jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon u t-twemmin tagħhom b'mod liberu mingħajr ma jkunu suġġetti għall-ebda tip ta' koerċizzjoni, vjolenza jew diskriminazzjoni; jappoġġja d-djalogu interreliġjuż sabiex jiġi promoss il-fehim reċiproku u jiġi miġġieled il-fundamentaliżmu;

12.  Huwa mwaħħax bl-għajbien ta' Razan Zaitouneh, difensur tad-drittijiet tal-bniedem u rebbieħa tal-Premju Sakharov, li, skont rapporti, inħatfet f'Douma f'Diċembru 2013 mill-grupp armat Jaysh al-Islam; jitlob il-ħolqien ta' task force tal-UE inkarigata li tikkoordina u tintensifika l-isforzi biex jinstab il-post fejn hi miżmuma u tiżgura r-rilaxx tagħha;

13.  Jistieden lill-VP/RGħ tagħmel kull sforz biex tagħti spinta lit-taħditiet ta' paċi bil-medjazzjoni tan-NU, u teżiġi rwol aktar attiv f'dawn in-negozjati, billi tuża l-kapaċità finanzjarja u r-rieda tal-UE li talloka riżorsi sinifikanti għar-rikostruzzjoni tas-Sirja; iħeġġeġ lill-VP/RGħ tinvolvi aktar mill-qrib u tappoġġja attivament lis-soċjetà ċivili Sirjana u lil dawk li jridu Sirja demokratika, pluralistika u inklużiva, fl-isforzi tagħha għall-futur tal-poplu Sirjan, u dan għandu jibda jsir mit-tieni Konferenza ta' Brussell li se ssir fl-24 u l-25 ta' April 2018; iħeġġeġ lill-VP/RGħ taħdem mal-poplu Sirjan favur l-iżvilupp ta' strateġiji lokalizzati għar-rikostruzzjoni tad-diversi reġjuni tas-Sirja; jissottolinja li l-UE għandha tikkunsidra l-opzjonijiet kollha disponibbli fil-ħidma mas-sħab internazzjonali tagħha, inklużi l-paraxutaġġ ta' kunsinni tal-għajnuna u l-istabbiliment ta' żoni ta' divjet ta' titjiriet abbażi ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

14.  Jilqa' ż-żamma tat-tieni Konferenza ta' Brussell ospitata mill-UE bil-għan li jiġi espress u implimentat l-appoġġ politiku u ekonomiku sħiħ tal-komunità internazzjonali għall-proċess ta' Ġinevra għas-Sirjani fil-bżonn u għall-pajjiżi li jospitaw rifuġjati Sirjani; jirrikonoxxi s-solidarjetà impressjonanti li l-Ġordan, il-Libanu u t-Turkija wrew mar-rifuġjati u jitlob li jitqawwa l-potenzjal tal-appoġġ finanzjarju min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri maħsub biex jindirizza l-bżonnijiet urġenti tar-rifuġjati u tal-komunitajiet ta' akkoljenza; iwissi kontra l-bidu ta' kwalunkwe sforz ta' rikostruzzjoni qabel ma jkun hemm fis-seħħ ftehim politiku nnegozjat min-NU li jinvolvi lill-partijiet kollha; jistieden lill-VP/RGħ tinkludi b'mod aktar sħiħ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f'din il-konferenza; jitlob, f'dan ir-rigward, żieda tal-appoġġ favur l-organizzazzjonijiet paċifiċi u demokratiċi tas-soċjetà ċivili Sirjana u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-Fond Madad, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji pendenti tagħha ta' appoġġ umanitarju fis-Sirja u fil-pajjiżi tal-madwar;

15.  Jenfasizza li l-isforzi tal-UE biex tagħi appoġġ umanitarju u tippjana l-ġejjieni tas-Sirja huma ta' min ifaħħarhom; ifakkar li, konformement mal-istrateġija tagħha, l-UE impenjat ruħha li ma tagħtix assistenza inkundizzjonata lir-rikostruzzjoni tas-Sirja, iżda tagħtiha biss meta tkun bdiet b'mod sod tranżizzjoni politika komprensiva, ġenwina u inklużiva, innegozjata mill-partijiet Sirjani fil-kunflitt abbażi tar-riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Komunikat ta' Ġinevra; jissottolinja li r-reġim ta' Assad, ir-Russja ta' Putin u l-Iran għandhom ir-responsabbiltà primarja għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-interventi militari tagħhom; josserva li kwalunkwe impenn għar-rikostruzzjoni, ibbażat fuq approċċ minn isfel għal fuq u fuq ir-responsabilizzazzjoni tal-atturi lokali – u b'hekk ikunu esklużi gruppi terroristiċi magħrufa – irid jintuża biex jikkontribwixxi għall-paċi u għall-obbligu ta' rendikont;

16.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tat-tfal fil-ġlied jew f'attakki terroristiċi; jisħaq fuq l-importanza fundamentali li t-tfal jiġu protetti u li tingħata prijorità lill-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni, inklużi t-tfal rifuġjati f'pajjiżi tal-madwar, kif ukoll li tiġi appoġġjata r-riabilitazzjoni psikoloġika ta' dawn it-tfal trawmatizzati;

17.  Jesprimi tħassib dwar ir-ritorn irrapportat ta' 66 000 rifuġjat lejn is-Sirja fl-2017 u jissottolinja l-ħtieġa li l-prinċipju ta' non-refoulement jiġi rrispettat bis-sħiħ; jenfasizza li s-Sirja mhijiex pajjiż sikur għar-ritorn tar-rifuġjati u li l-UE jeħtiġilha ma tappoġġjax tali ritorni; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jonoraw l-impenji tagħhom, inklużi dawk stabbiliti fid-Dikjarazzjoni ta' New York, u jiżguraw il-qsim tar-responsabbiltà, b'tali mod li jħallu lir-rifuġjati li qed jaħarbu miż-żoni tal-gwerra fis-Sirja jsibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun tal-madwar dirett, inkluż permezz ta' skemi ta' risistemazzjoni u ta' ammissjoni umanitarja;

18.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda mal-lista tal-persuni fil-mira tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan, fis-26 ta' Frar 2018, ta' żewġ ministri Sirjani li nħatru f'Jannar 2018 u li għandhom responsabbiltà għal azzjoni repressiva kontra l-poplu tas-Sirja; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, partikolarment l-iffriżar tal-assi tal-individwi elenkati fiha u r-restrizzjonijiet fuq l-ammissjoni ta' persuni li qegħdin jibbenefikaw mir-reġim ta' Assad jew jappoġġjawh; jikkundanna r-rapporti reċenti ta' vjolazzjonijiet ta' din id-deċiżjoni u jfakkar lill-Istati Membri fl-obbligu tagħhom, fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, li jiżguraw l-arrest u d-detenzjoni tas-suspetti ta' delitti atroċi preżenti fit-territorju tagħhom; jappella biex jiġu imposti sanzjonijiet immirati fuq l-uffiċjali Russi u Iranjani wara l-azzjonijiet immirati u deliberati tagħhom kontra l-popolazzjonijiet ċivili fil-Lvant ta' Ghouta kif ukoll fil-bqija tas-Sirja;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt, filwaqt li tkun żgurata wkoll traduzzjoni Għarbija ta' dan it-test.

(1) Testi adottati, P8_TA(2017)0227.
(2) ĠU L 121, 10.5.2011, p. 11.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Ottubru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza