Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2018 dwar il-miżuri mill-Istati Uniti dwar l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol) (2018/2566(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni interim meħuda mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, li imponiet tariffa fuq iż-żebbuġ Spanjol wara li kkonkluda li s-sussidji li l-produtturi taż-żebbuġ irċevew fl-UE fisser li l-prodotti taż-żebbuġ jistgħu jiġu importati fl-Istati Uniti taħt il-prezz tas-suq,
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni bit-titolu "Attakk tal-Istati Uniti kontra l-appoġġ agrikolu tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol)" (O-000006/2018 – B8-0007/2018),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi d-deċiżjoni li jiġu imponuti tariffi ta' persentaġġi li jvarjaw fuq il-prodotti taż-żebbuġ esportati minn kumpaniji Spanjoli hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-appoġġ mogħti lis-settur taż-żebbuġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni (PAK) jista' jikkostitwixxi kompetizzjoni inġusta fir-rigward tal-produtturi tal-Istati Uniti;
B. billi din id-deċiżjoni tqajjem dubji, b'mod inġust u arbitrarju, dwar il-programmi kollha tal-UE ta' appoġġ għall-agrikoltura, u dan jista' potenzjalment jaffettwa lill-benefiċjarji kollha tal-PAK;
C. billi hemm dubji serji dwar jekk il-formula użata mill-investigaturi tal-Istati Uniti biex jikkalkulaw il-kompatibbiltà tal-marġni antidumping preliminari mar-regoli tad-WTO;
D. billi l-Kummissjoni, f'diversi okkażjonijiet, iddikjarat li l-miżuri ta' appoġġ li kienu fil-mira tal-investigazzjonijiet dwar id-dazju kompensatorju (CVD) (inklużi l-iskema ta' pagament bażiku, il-miżuri ta' promozzjoni u l-pagamenti għal bdiewa żgħażagħ) ma jfixklux il-kummerċ;
E. billi s-sussidji allokati mill-PAK lill-produtturi primarji taż-żebbuġ tal-mejda fi Spanja jikkwalifikaw bħala appoġġ tal-"kaxxa l-ħadra" ("green box") skont l-Anness II tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura, peress li huma diżakkoppjati mill-produzzjoni u ma jfixklux is-suq;
F. billi l-miżuri tal-PAK taħt investigazzjoni mhumiex speċifiċi għall-prodott u għalhekk mhumiex kompensabbli skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kompensatorji;
G. billi l-investigazzjoni mnedija fil-każ taż-żebbuġ Spanjol hija waħda minn bosta investigazzjonijiet rigward id-difiża tal-kummerċ li diġà nfetħu mill-Istati Uniti;
H. billi l-PAK ġiet ittrasformata permezz ta' diversi riformi sabiex ħafna mill-miżuri ta' appoġġ jinġiebu f'konformità mar-rekwiżiti tal-kaxxa l-ħadra tad-WTO, u attwalment hija mfassla b'tali mod li tiżgura konformità sħiħa mal-ftehimiet tad-WTO, wara li saret bidla minn sistema ta' appoġġ akkoppjata għal waħda diżakkoppjata;
I. billi l-Istati Uniti huma wkoll utent sinifikanti tas-sussidji tal-kaxxa l-ħadra fl-agrikoltura;
J. billi l-Istati Uniti imponiet dazji antidumping proviżorji b'medja ta' 17,13 % fuq it-tliet kumpaniji Spanjoli taħt investigazzjoni, u dazji kompensatorji b'medja ta' 4,47 % fuq kwalunkwe prodott Spanjol esportat;
K. billi hemm riskju li l-miżuri proviżorji jiskattaw spiral ta' investigazzjonijiet ta' difiża mill-Istati Uniti u minn pajjiżi oħra dwar is-sussidji tal-kaxxa l-ħadra għal prodotti agrikoli; billi dan, fl-aħħar mill-aħħar, ser jagħmel ħsara lill-produtturi tal-UE u tal-Istati Uniti; billi din l-eskalazzjoni tqiegħed f'riskju l-ftehimiet tad-WTO, ftehimiet li ilhom stabbiliti u li ġew innegozjati b'reqqa;
L. billi l-manifatturi Spanjoli jistgħu jitilfu s-suq tal-Istati Uniti, filwaqt li kompetituri minn pajjiżi terzi jibbenefikaw mill-vakwu fl-esportazzjoni kkawżat mid-deċiżjoni tal-Istati Uniti;
M. billi, f'każ li dawn it-tariffi jsiru permanenti, l-impatt ekonomiku fuq is-settur taż-żebbuġ Spanjol huwa stmat li jkun bejn EUR 350 u 700 miljun matul il-ħames sa għaxar snin li ġejjin, li potenzjalment jista' jwassal għat-tmiem tal-esportazzjonijiet taż-żebbuġ misjur Spanjol;
N. billi l-kompetittività tal-esportazzjonijiet Spanjoli, li s-sehem tagħhom mis-suq żdied b'mod progressiv fl-Istati Uniti fis-snin reċenti, hija r-riżultat tal-isforzi magħmula minn dawn il-kumpaniji biex inaqqsu l-ispejjeż permezz ta' investiment f'teknoloġija mill-aktar avvanzata u titjib fil-kwalità, u mhix konsegwenza tas-sussidji Ewropej;
O. billi ż-żieda fl-esportazzjonijiet Spanjoli lejn l-Istati Uniti (+ 20 % mill-2013) ippermettiet il-ħolqien ta' eluf ta' impjiegi u pprovdiet solliev ekonomiku għal żoni tal-Andalusia li kienu fost l-aktar milquta mill-kriżi ekonomika;
1. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jirtiraw id-deċiżjoni interim tagħhom u jistabbilixxu mill-ġdid approċċ kostruttiv b'mod reċiproku f'dan il-qasam għall-benefiċċju reċiproku tal-produtturi u tal-konsumaturi fiż-żewġ kontinenti;
2. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-konsegwenzi negattivi li l-proċedura kompensatorja tal-Istati Uniti jista' jkollha fuq il-mudell agrikolu Ewropew kollu;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi diplomatiċi kollha meħtieġa, kemm fil-livell bilaterali kif ukoll f'dak tad-WTO, biex tiddefendi s-sistema tagħna ta' appoġġ tal-PAK, li hija meqjusa mid-WTO bħala li ma tfixkilx il-kummerċ u li ġiet approvata taħt il-proċedura tal-kaxxa l-ħadra tad-WTO;
4. Jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li tikkontesta kwalunkwe deċiżjoni finali tal-Istati Uniti quddiem id-WTO;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tassisti lis-settur taż-żebbuġ Spanjol u lill-Gvern ta' Spanja biex tiżgura li r-regoli tad-WTO jkunu rrispettati bis-sħiħ mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti matul dawn l-investigazzjonijiet;
6. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti konsulenza ċara u appoġġ qawwi lis-settur taż-żebbuġ Spanjol, li ġie affettwat mill-investigazzjonijiet tal-Istati Uniti;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tingħaqad mal-awtoritajiet Spanjoli u mas-settur taż-żebbuġ Spanjol u tkompli taqsam l-informazzjoni kollha rilevanti mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti sabiex tipprevjeni l-impożizzjoni ta' kwalunkwe miżura mhux ġustifikata;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti.