Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2279(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0138/2018

Testi mressqa :

A8-0138/2018

Dibattiti :

PV 16/04/2018 - 27
CRE 16/04/2018 - 27

Votazzjonijiet :

PV 17/04/2018 - 6.14
CRE 17/04/2018 - 6.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0105

Testi adottati
PDF 416kWORD 69k
It-Tlieta, 17 ta' April 2018 - Strasburgu
It-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea: is-seba' rapport tal-Kummissjoni Ewropea
P8_TA(2018)0105A8-0138/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2018 dwar it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni Ewropea: is-seba' rapport tal-Kummissjoni Ewropea (2017/2279(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) kif ukoll l-Artikoli 4, 162, 174 sa 178 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra ir-rapport tad-9 ta’ Ottubru 2017 tal-Kummissjoni bit-titolu "Ir-Reġjun tiegħi, L-Ewropa tiegħi, Il-Futur tagħna: Is-Seba' Rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali" (COM(2017)0583),

–  wara li kkunsidra l-Patt ta' Amsterdam li jistabbilixxi l-Aġenda Urbana tal-UE, miftiehem waqt laqgħa informali bejn il-Ministri tal-UE responsabbli għall-kwistjonijiet urbani li saret fit-30 ta' Mejju 2016 f'Amsterdam,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Diċembru 2015(6),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat fis-17 ta' Novembru 2017 f'Göteborg mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' April 2017 bit-titolu "Lejn Politika ta' Koeżjoni aktar effettiva, rilevanti u viżibbli għaċ-ċittadini tagħna"(7),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Sinerġiji u simplifikazzjoni għall-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020"(8),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar "Il-ġejjieni tal-Ewropa – Riflessjonijiet u xenarji għall-UE-27 sal-2025" (COM(2017)2025),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni dwar "Id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa" (COM(2017)0206) tas-26 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 dwar "Il-ġestjoni tal-globalizzazzjoni" (COM(2017)0240),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Mejju 2017 dwar "L-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja" (COM(2017)0291),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017 dwar "Il-futur tal-finanzi tal-UE"(COM(2017)0358),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-10 ta' April 2017 bit-titolu "Il-kompetittività fir-reġjuni bi dħul baxx u bi tkabbir baxx: rapport dwar ir-reġjuni li baqgħu lura fl-iżvilupp" (SWD(2017)0132),

–  wara li kkunsidra l-karta ta' ħidma tal-Kummissjoni "Why regional development matters for Europe's economic future" (Għaliex l-iżvilupp reġjonali huwa sinifikanti għall-futur ekonomiku tal-Ewropa)(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Frar 2018 dwar "Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020" (COM(2018)0098),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE" (COM(2017)0623),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-11 ta' Mejju 2017 bit-titolu "Il-futur tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020: Għal politika ta' koeżjoni Ewropea b'saħħitha u effettiva wara l-2020"(10),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' Mejju 2016 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ninvestu f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej"(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2016 bit-titolu "Għodod ġodda għall-iżvilupp territorjali fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020: Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD)"(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 bit-titolu "It-taħlita ta' finanzjament it-tajba għar-reġjuni tal-Ewropa: ibbilanċjar tal-istrumenti u l-għotjiet finanzjarji fil-politika ta' koeżjoni tal-UE"(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 dwar il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3)(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2016 bit-titolu "Il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – l-aħjar prattiki u miżuri innovattivi"(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 bit-titolu "L-investiment f'impjiegi u tkabbir – nimmassimizzaw il-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej: evalwazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 16(3) tas-CPR"(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-elementi fundamentali għal politika ta' koeżjoni tal-UE wara l-2020(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar iż-żieda fl-involviment tas-sħab u l-viżibilità fil-prestazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 bit-titolu "Il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-iżvilupp fir-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE: l-implimentazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE"(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE(22),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2018 dwar ir-reġjuni li għadhom lura fl-UE(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 bit-titolu "Il-QFP li jmiss: Tħejjija tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020"(24),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-simplifikazzjoni għall-benefiċjarji tal-Fondi SIE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0138/2018),

A.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha l-għan li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni kollha u r-reġjuni tagħha u dan iwassal għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha, fl-ispirtu tas-solidarjetà u bl-għan tal-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, l-impjieg, l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tad-disparitajiet bejn u fir-reġjuni, kif ukoll tar-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti, f'konformità mat-Trattati;

B.  billi s-seba' rapport dwar il-koeżjoni juri li d-disparitajiet reġjonali qegħdin jonqsu mill-ġdid, iżda juri wkoll li s-sitwazzjoni tvarja ħafna, kemm jekk il-PDG jitkejjel per capita, skont l-impjieg jew permezz ta' indikaturi oħra, u li ċerti disparitajiet jippersistu, jew qed jiċċaqalqu jew jikbru, bejn u ġewwa r-reġjuni u l-Istati Membri;

C.   billi s-seba' rapport dwar il-koeżjoni jiżvela sejbiet inkwetanti rigward ir-rati tal-qgħad, inklużi r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li f'ħafna reġjuni ma reġgħux lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi, u dwar il-kompetittività, il-faqar u l-inklużjoni soċjali;

D.  billi 24 % tal-Ewropej, jew madwar 120 miljun ruħ, huma foqra, jgħixu fir-riskju ta' faqar jew li jisfaw f'deprivazzjoni materjali estrema u/jew li jgħixu fi djar b'intensità baxxa ta' xogħol; billi l-għadd ta' foqra li jaħdmu qed jiżdied u l-għadd ta' żgħażagħ qiegħda għadu għoli;

E.  billi l-qgħad u l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni ilhom jonqsu gradwalment mill-2013 iżda, b'rata ta' 7,3 % u ta' 16,1 %, rispettivament (Diċembru 2017)(25), għadhom ogħla mil-livelli tal-2008, filwaqt li hemm differenzi konsiderevoli fl-Istati Membri u bejniethom, b'mod speċjali fl-Stati Membri l-aktar milquta mill-kriżi finanzjarja; billi d-disparitajiet reġjonali bdew jiċkienu; billi d-differenzi fir-rati tal-qgħad bejn l-Istati Membri għadha sinifikanti, u tvarja minn 2,4 % fir-Repubblika Ċeka u 3,6 % fil-Ġermanja għal 16,3 % fi Spanja u 20,9 % fil-Greċja skont l-aħħar ċifri(26); billi l-qgħad moħbi – il-fenomenu ta' persuni qiegħda li lesti li jaħdmu iżda li mhux qed ifittxu impjieg b'mod attiv – kien ta' 18 % fl-2016;

F.  billi s-seba' rapport dwar il-koeżjoni jiġbed l-attenzjoni lejn id-diversità kbira tar-reġjuni u tat-territorji, inkluż fil-kategoriji attwali ta' reġjuni, minħabba l-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom (ultraperiferiċi, b'densità tal-popolazzjoni baxxa, bi dħul baxx, bi tkabbir baxx, eċċ.), u b'hekk jindika l-ħtieġa ta' approċċ territorjali mfassal apposta;

G.  billi wieħed mill-kontributi ewlenin tas-seba' rapport dwar il-koeżjoni jirrigwarda l-identifikazzjoni ta' ċerti reġjuni meqjusa li jinsabu "maqbuda f'nassa ta' dħul medju" u li jaffaċċjaw ir-riskju li jitħallew lura, jistaġnaw jew jaqgħu lura;

H.  billi s-seba' rapport dwar il-koeżjoni jenfasizza l-eżistenza ta' żoni ta' faqar, ir-riskju ta' frammentazzjoni territorjali u t-twessigħ tad-disparitajiet infrareġjonali, anke f'reġjuni relattivament għonja;

I.  billi s-seba' rapport dwar il-koeżjoni jgħid li "l-impatt tal-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni, il-faqar u n-nuqqas ta' innovazzjoni, it-tibdil fil-klima, it-tranżizzjoni tal-enerġija u t-tniġġis mhuwiex limitat għal reġjuni inqas żviluppati";

J.  billi, filwaqt li l-politika ta' koeżjoni kellha rwol sostanzjali fl-irkupru tal-ekonomija tal-UE permezz tal-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-investiment pubbliku fl-UE għadu taħt il-livell li kellu qabel il-kriżi, b'lakuni kbar f'uħud mill-Istati Membri l-aktar affettwati mill-kriżi, hekk kif niżel minn 3,4 % tal-PDG fl-2008 għal 2,7 % fl-2016;

K.   billi s-seba' rapport ta' koeżjoni jippreżenta b'mod ċar l-eżitu tal-politika ta' koeżjoni f'termini tat-tkabbir, l-impjiegi, it-trasport, l-enerġija, l-ambjent u l-edukazzjoni u t-taħriġ, kif muri fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 permezz tal-appoġġ mogħti lil 1,1 miljun SMEs ġodda li wassal direttament għall-ħolqien ta' 420 000 impjieg ġdid, u b'hekk għen lil aktar minn 7,4 miljun persuna qiegħda ssib xogħol u barra minn hekk biex għen 8,9 miljun persuna jiksbu kwalifiki ġodda, għaldaqstant din il-politika saret il-fattur li żammet lill-Ewropa sħiħa;

Il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni

1.   Iqis li hu kruċjali li l-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni l-ġdid għandha tkompli tkopri lir-reġjuni Ewropej kollha b'mod adegwat u tibqa' l-istrument ta' investiment pubbliku prinċipali tal-Unjoni Ewropea abbażi ta' strateġija u perspettivi fit-tul, b'baġit proporzjonat mal-isfidi eżistenti u dawk ġodda u li jiżguraw li l-għanijiet bażiċi ta' din il-politika jintlaħqu; jenfasizza li konċentrazzjoni tal-politika ta' koeżjoni esklużivament fuq l-inqas reġjuni żviluppati tfixkel il-progress tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni kollha kemm hi;

2.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tipprovdi valur miżjud Ewropew billi tikkontribwixxi għall-beni pubbliċi u l-prijoritajiet Ewropej (bħat-tkabbir, l-inklużjoni soċjali, l-innovazzjoni u l-protezzjoni ambjentali), kif ukoll l-investiment pubbliku u privat, kif ukoll tikkontribwixxi għall-investiment pubbliku u privat u li hija għodda fundamentali għall-ksib tal-objettiv tat-Trattat tal-ġlieda kontra d-disparitajiet bl-għan tal-adattament 'il fuq tal-istandards tal-għajxien u t-tnaqqis tas-sottożvilupp ta' dawk ir-reġjuni li huma inqas favoriti;

3.  Itenni l-impenn qawwi tiegħu għal ġestjoni kondiviża u l-prinċipju tas-sħubija li għandu jinżamm u jissaħħaħ għal wara l-2020, kif ukoll fir-rigward tal-governanza f'diversi livelli (MLG) u s-sussidjarjetà, li jikkontribwixxu għall-valur miżjud iġġenerat mill-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li l-valur miżjud ta' din il-politika l-ewwel u qabel kollox ġej mill-kapaċità tagħha li tqis il-ħtiġijiet tal-iżvilupp nazzjonali flimkien mal-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet ta' reġjuni u territorji differenti u li jqarreb lill-Unjoni lejn iċ-ċittadini tagħha;

4.  Jenfasizza li l-valur miżjud Ewropew huwa rifless bil-qawwi fil-kooperazzjoni territorjali Ewropea fid-dimensjonijiet kollha tagħha (kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali, kemm interna kif ukoll esterna), billi tikkontribwixxi għall-objettivi ġenerali ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll għas-solidarjetà; itenni t-talba li jiżdied is-sehem tiegħu fil-baġit allokat għall-politika ta' koeżjoni, filwaqt li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-programmi differenti biex tiġi evitata d-duplikazzjoni; ifakkar l-importanza tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali għall-ksib tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni;

5.   Jinnota li l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni f'reġjun tista' tiġġenera esternalitajiet u benefiċċji konsegwenzjali diretti u indiretti fl-UE kollha, inter alia grazzi għan-negozju miżjud iġġenerat, li jsaħħaħ is-suq uniku; jirrimarka, madankollu, li dawn il-benefiċċji jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għal ieħor, b'mod partikolari skont il-qrubija ġeografika u l-istruttura tal-ekonomiji tal-Istati Membri;

6.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żviluppata metodoloġija tal-"politika tal-prezz tan-nonkoeżjoni" sabiex tiġi pprovduta evidenza kwantifikabbli addizzjonali dwar il-valur miżjud Ewropew tal-politika ta' koeżjoni, skont l-eżempju tal-ħidma mwettqa mill-Parlament Ewropew dwar "il-prezz tan-non-Ewropa";

Id-dimensjoni territorjali

7.  Jinnota li ż-żoni urbani jikkombinaw, minn naħa opportunitajiet kbar ta' tkabbir, investiment u innovazzjoni u, min-naħa l-oħra, sfidi ambjentali, ekonomiċi u soċjali varji, inter alia minħabba l-konċentrazzjoni tal-persuni u l-eżistenza ta' żoni ta' faqar, inkluż fi bliet relattivament għonja; jenfasizza, għalhekk, li r-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali għadu sfida ewlenija;

8.  Jenfasizza li l-isforzi biex tiġi kkonsolidata d-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni jirrikjedu li tingħata attenzjoni akbar lill-kwistjonijiet periurbani u rurali, b'referenza għall-għarfien espert tal-awtoritaiet lokali u b'attenzjoni speċjali għall-bliet ta' daqs medju f'kull Stat Membru;

9.  Jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġati ż-żoni rurali fid-diversità tagħhom kollha billi jiġi valutat il-potenzjal tagħhom u jiġi inkoraġġit l-investiment fi proġetti li jappoġġaw l-ekonomiji lokali kif ukoll konnettività tat-trasport aħjar, aċċessibilità u broadband b'veloċità għolja u billi jiġu assistiti dawk iż-żoni biex jilqgħu l-isfidi li jiffaċċaw, jiġifieri d-deżertifikazzjoni rurali, l-inklużjoni soċjali, in-nuqqas ta' opportunitajiet ta' impjieg, inċentivi ta' intraprenditorija u abitazzjoni bi prezz raġonevoli, it-telf tal-popolazzjoni, il-qerda tal-komunitajiet tal-qalba tal-belt, żoni mingħajr kura tas-saħħa, eċċ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tat-tieni pilastru tal-PAK fil-promozzjoni tal-iżvilupp rurali sostenibbli;

10.  Jitlob li jiġu kkunsidrati aħjar ċerti karatteristiċi territorjali speċifiċi bħal dawk tar-reġjuni msemmija fl-Artikolu 174(3) tat-TFUE, bħar-reġjuni insulari, muntanjużi, rurali, tal-fruntiera, l-aktar fit-tramuntana, kostali jew periferali, meta jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-investiment; jissottolinja l-importanza tal-ħolqien ta' strateġiji, programmi u azzjonijiet imfasslin apposta għal dawn ir-reġjuni differenti jew anki l-esplorazzjoni tat-tnedija possibbli ta' aġendi speċifiċi ġodda li jsegwu l-eżempju stabbilit mill-Aġenda Urbana tal-UE u l-Patt ta' Amsterdam;

11.  Ifakkar li s-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi tiġġustifika miżuri speċifiċi, inkluż fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-aċċess tagħhom għall-Fondi SIE, f'konformità mal-Artikolu 349 tat-TFUE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pperpetwati d-derogi kollha maħsuba biex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi strutturali tagħhom, kif ukoll għat-titjib ta' miżuri speċifiċi għal dawn ir-reġjuni billi jiġu aġġustati kull meta jkun meħtieġ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tal-15 ta' Diċembru 2015 bħala l-bażi biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 349 tat-TFUE fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-Fondi Strutturali; jissuġġerixxi b'mod partikolari li tiġi estiża l-allokazzjoni speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi għall-komponent soċjali, li jinżamm il-livell attwali ta' kofinanzjament tal-Unjoni f'dawn ir-reġjuni u li tiġi mfassla aħjar il-konċentrazzjoni tematika; jissottolinja l-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi, pereżempju, bħala żoni privileġġati għall-implimentazzjoni ta' proġetti sperimentali;

12.  Iqis li l-introduzzjoni ta' strateġiji integrati għal żvilupp urban sostenibbli rnexxiet u għandha għalhekk tissaħħaħ kif ukoll tiġi replikata f'territorji sottoreġjonali oħra, pereżempju billi jiġi stabbilit approċċ territorjali integrat flimkien mal-objettivi tematiċi, iżda mingħajr preġudizzju għall-konċentrazzjoni tematika; jissottolinja l-importanza tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità, li ssaħħaħ l-abilità tal-politika ta' koeżjoni biex tinvolvi lill-atturi lokali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi esplorata l-possibilità li tiġi introdotta t-tħejjija ta' programmi operattivi reġjonali abbażi ta' strateġiji territorjali integrati u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

Ir-"reġjuni ta' dħul medju": ninkoraġġixxu r-reżiljenza u nipprevjenu li t-territorji vulnerabbli jaqgħu lura

13.  Jissottolinja li "r-reġjuni bi dħul medju" ma kellhomx l-istess tkabbir bħar-reġjuni bi dħul baxx (li għad iridu jlaħħqu mal-bqija tal-UE) u r-reġjuni bi dħul għoli ħafna, peress li qed jiffaċċaw l-hekk imsejħa "nassa ta' dħul medju" minħabba l-ispejjeż għoljin wisq tagħhom meta mqabbla ma' dawk tal-ewwel u minħabba sistemi ta' innovazzjoni fraġli wisq meta mqabbla ma' dawk tat-tieni; jinnota madankollu li dawn it-territorji huma kkaratterizzati minn industriji tal-manifattura dgħajfa u mill-vulnerabilità tagħhom għax-xokkijiet ikkawżati mill-globalizzazzjoni u l-bidliet soċjoekonomiċi li jirriżultaw;

14.  Huwa konvint li sfida ewlenija għall-politika futura ta' koeżjoni se tkun li jingħata appoġġ xieraq lil dawn ir-reġjuni ta' dħul medju sabiex inter alia tinħoloq klima favorevoli għall-investiment u li l-politika ta' koeżjoni għandha tnaqqas kemm id-disparitajiet u l-inugwaljanzi kif ukoll tevita li t-territorji vulnerabbli jaqgħu lura, filwaqt li tqis it-tendenzi, id-dinamiċi u ċ-ċirkostanzi differenti;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-isfidi ffaċċjati mir-reġjuni ta' dħul medju li huma kkaratterizzati minn rata baxxa tat-tkabbir meta mqabbla mal-medja tal-UE b'tali mod li tippromwovi l-iżvilupp ġeneralment armonjuż tal-Unjoni; ifakkar li sabiex jiġu appoġġati dawn ir-reġjuni u jingħataw soluzzjonijiet għall-problemi tagħhom, il-politika futura ta' koeżjoni għandha tkopri, tappoġġa u tinkludihom kif jixraq fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, inkluż permezz tal-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' strateġiji, programmi u azzjonijiet imfassla apposta; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza tal-indikaturi komplementari flimkien mal-PDG sabiex joffru stampa aktar preċiża tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi ta' dawn ir-reġjuni speċifiċi; iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-identifikazzjoni bikrija tal-vulnerabilitajiet sabiex il-politika ta' koeżjoni tkun tista' tappoġġa r-reżiljenza tar-reġjuni u tipprevjeni l-iżvilupp ta' disparitajiet ġodda fit-tipi ta' reġjuni kollha;

16.  Jilqa' t-tnedija mill-Kummissjoni ta' proġett pilota biex jipprovdi appoġġ imfassal apposta, adattat għall-isfidi partikolari li qed jiffaċċaw ir-reġjuni fi tranżizzjoni industrijali; jistieden lill-Kummissjoni tislet lezzjonijiet mill-proġett pilota u jistenna li jara r-riżultati previsti mill-aktar fis possibbli; huwa tal-fehma li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom il-potenzjal li, permezz ta' approċċ olistiku, joffru appoġġ aħjar lil dawn ir-reġjuni fl-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom u, b'mod aktar ġenerali, jippromwovu implimentazzjoni divrenzjata fil-livell reġjonali, iżda jistgħu ukoll jiġu appoġġati permezz ta' kooperazzjoni addizzjonali u skambju ta' għarfien u esperjenza fost ir-reġjuni; jilqa' azzjonijiet bħall-inizjattiva Vanguard għall-użu ta' strateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti biex tagħti spinta lit-tkabbir u lit-tiġdid industrijali fiż-żoni ta' prijorità fl-UE;

17.  Jenfasizza li l-konverġenza soċjali u fiskali tikkontribwixxi għat-trawwim tal-koeżjoni filwaqt li ttejjeb il-funzjonament tas-suq uniku; iqis li prattiki diverġenti f'dan il-qasam jistgħu jmorru kontra l-objettiv tal-koeżjoni u aktarx jikkawżaw aktar problemi lit-territorji batuti jew lil dawk l-aktar vulnerabbli għall-globalizzazzjoni u jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa kontinwa li r-reġjuni inqas żviluppati jlaħħqu mal-bqija tal-Unjoni; iqis li l-politika ta' koeżjoni tista' tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-konverġenza soċjali u fiskali (flimkien mal-konverġenza ekonomika u territorjali) b'mod li toffri inċentivi pożittivi; jissottolinja f'dan ir-rigward il-possibilità li jiġi użat, pereżempju, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra aktar dan l-aspett fis-Semestru Ewropew sabiex id-dimensjoni soċjali tal-politika ta' koeżjoni tiġi integrata aħjar mal-politika ekonomika, filwaqt li tinvolvi kif jixraq ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex iżżid l-effiċjenza tal-proċess u s-saħħaħ is-sjieda tiegħu;

Oqsma ta' azzjoni

18.  Jappoġġja konċentrazzjoni tematika qawwija fuq għadd limitat ta' prijoritajiet marbuta mal-objettivi politiċi Ewropej ewlenin, filwaqt li tingħata aktar flessibilità lill-awtoritajiet maniġerjali fit-tfassil tal-istrateġiji territorjali tagħhom abbażi tal-ħtiġijiet u l-potenzjal wara konsultazzjoni lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-ftehimiet ta' sħubija; jenfasizza li l-impjiegi (inkluż il-qgħad fost iż-żgħażagħ), l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, l-appoġġ għall-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-appoġġ għall-SMEs u l-istart-ups, it-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari u l-infrastruttura għandhom jikkostitwixxu oqsma ta' prijorità għall-politika tl-koeżjoni fil-futur;

19.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jirrappreżenta pass 'il quddiem fil-bini ta' Ewropa soċjali; itenni l-impenn tiegħu favur l-FSE bħala parti integrata b'saħħitha tal-Fondi SIE, kif ukoll favur il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Inizjattiva favur l-Imġjieg taż-Żgħażagħ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, fid-dawl tar-rwol tagħhom biex jingħelbu l-isfidi tal-impjiegi, tat-tkabbir ekonomiku, tal-inklużjoni soċjali, tat-tagħlim u tat-taħriġ vokazzjonali;

20.  Jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tal-futur għandha tiffoka aktar fuq il-protezzjoni u l-appoġġ tal-komunitajiet u tat-territorji milquta ħażin mill-globalizzazzjoni (rilokazzjonijiet ta' impjanti, telf ta' impjiegi) kif ukoll minn xejriet simili fi ħdan l-UE; jappella biex, f'każijiet rilevanti, tiġi eżaminata l-koordinazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, sabiex, fost affarijiet oħra, jiġu koperti r-rilokazzjonijiet fi ħdan l-UE;

21.  Jinnota li l-vulnerabilità għat-tibdil fil-klima tvarja b'mod konsiderevoli minn reġjun għal ieħor; iqis li l-Fondi SIE għandhom jintużaw b'mod kemm jista' jkun effikaċi biex jgħinu lill-UE tissodisfa l-impenji tagħha skont il-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima (COP21), pereżempju b'referenza għall-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew l-iskambju tal-aħjar prattiki, b'mod partikolari fis-settur tal-abitazzjoni, u biex jitqiesu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU; jinsisti li l-fondi mill-istrumenti ta' solidarjetà għall-użu fil-każ ta' diżastri naturali għandhom ikunu disponibbli malajr kemm jista' jkun fiċ-ċirkustanzi, u dejjem b'mod koordinat;

22.  Jitlob li l-Fondi SIE jintużaw biex jiġu indirizzati, b'mod sostenibbli, l-isfidi demografiċi (it-tixjiħ, it-tnaqqis fil-popolazzjoni, il-pressjoni demografika, l-inabilità li jiġu attratti jew miżmuma riżorsi umani adegwati) li qed jaffettwaw ir-reġjuni Ewropej b'diversi modi speċifiċi; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa li jingħata appoġġ adegwat lit-territorji, bħal ċerti reġjuni ultraperiferiċi;

23.  Jenfasizza li għandu jinħoloq mekkaniżmu ta' finanzjament speċifiku għal wara l-2020 skont l-Artikolu 349 tat-TFUE biex il-migranti jiġu integrati fir-reġjuni ultraperiferiċi, li jridu jlaħħqu ma' pressjoni migratorja akbar minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, u b'hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom;

24.  Huwa tal-fehma li l-fondi tal-UE għandhom jirrispettaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u għandhom ikomplu jħeġġu d-deistituzzjonalizzazzjoni;

25.  Jenfasizza l-potenzjal ta' aktar investimenti fil-kultura, fl-edukazzjoni, fil-wirt, fiż-żgħażagħ, fl-isport u fit-turiżmu sostenibbli biex jinħolqu l-impjiegi, fosthom, b'mod partikolari, impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ, kif ukoll it-tkabbir, u biex tittejjeb il-koeżjoni soċjali filwaqt li jiġu miġġielda wkoll il-faqar u d-diskriminazzjoni, li huwa ta' importanza partikolari fir-rigward, pereżempju, tar-reġjuni ultraperiferiċi, rurali u remoti; jappoġġja l-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi li huma marbuta mill-qrib mal-innovazzjoni u l-kreattività;

Il-qafas ta' programmazzjoni ta' wara l-2020

26.  Jenfasizza li s-seba' Rapport dwar il-Koeżjoni jisħaq fuq il-ħtieġa li jitqiesu l-indikaturi komplementari għall-PDG per capita, li għandu jibqa' l-indikatur ewlieni, għall-fini tal-allokazzjoni tal-fondi u biex tingħata stampa aktar eżatta tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, f'konformità mal-isfidi u l-ħtiġijiet identifikati, anke fil-livell subreġjonali; jinnota l-importanza li nibbażaw ruħna fuq data ta' kwalità għolja, affidabbli, aġġornata, strutturata u disponibbli; għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Eurostat jipprovdu l-akbar dettall u diżaggregazzjoni ġeografika possibbli fl-istatistika ta' rilevanza għall-politika ta' koeżjoni sabiex jirriflettu adegwatament il-ħtiġijiet tar-reġjuni fil-proċess ta' programmazzjoni; jappoġġja l-użu ta' kriterji soċjali, ambjentali u demografiċi, b'mod partikolari r-rata tal-qgħad u r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

27.  Jirrakkomanda t-tisħiħ ta' approċċi integrati, u jenfasizza bil-qawwa li l-FSE għandu jkompli jkun parti integrali mill-politika reġjonali Ewropea, minħabba d-dimensjoni ta' koeżjoni essenzjali tiegħu;

28.  Jissottolinja li l-għotjiet għandhom jibqgħu l-istrument ta' finanzjament ewlieni tal-politika ta' koeżjoni, iżda jirrikonoxxi li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jkunu lieva effikaċi u li għandhom jiġu promossi jekk jiġġeneraw valur miżjud u abbażi ta' valutazzjoni xierqa ex ante; madankollu, jenfasizza li l-użu tagħhom m'għandux isir fini fih innifsu, li l-effikaċja tagħhom tiddependi minn bosta fatturi (in-natura tal-proġett, tat-territorju jew tar-riskji) u li r-reġjuni kollha, irrispettivament mil-livell ta' żvilupp tagħhom, għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw b'mod liberu l-aktar metodu xieraq ta' finanzjament; jopponi kwalunkwe għan vinkolanti għall-użu tal-istrumenti finanzjarji;

29.  Jitlob li l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-istrumenti finanzjarji jiġu ssimplifikati u li l-koordinazzjoni ta' dawn l-istrumenti mal-għotjiet tiġi ffaċilitata għall-fini tal-komplementarjetà u tal-effiċjenza u fid-dawl tar-realtajiet territorjali; jenfasizza l-importanza tal-kapaċità amministrattiva u tal-kwalità tal-governanza, kif ukoll tar-rwol komplementari tal-banek u tal-istituzzjonijiet tal-iżvilupp nazzjonali fl-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji mfassla apposta għall-ħtiġijiet lokali; iqis li huwa essenzjali li r-regoli dwar l-istrumenti finanzjarji jiġu armonizzati kemm jista' jkun, irrispettivament mill-mod kif jiġu ġestiti; jipproponi, minbarra l-istrumenti finanzjarji li diġà jeżistu għall-politika ta' koeżjoni, il-promozzjoni tal-istrumenti finanzjarji parteċipatorji wkoll;

30.  Jemmen li rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-garanzija ta' ambjent li jwassal għall-investiment, l-effikaċja u l-użu xieraq tal-fondi tgħin ukoll biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika soċjali, filwaqt li jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni mhijiex intiża biex tkun sepliċement strument li jaqdi l-prijoritajiet mingħajr referenza għall-objettivi tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi applikata l-pożizzjoni maqbula dwar il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir rigward il-flessibilità għall-kundizzjonijiet ċikliċi, għar-riformi strutturali u għall-investimenti tal-gvern; jemmen li l-miżuri li jorbtu l-effikaċja tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika soda, kif spjegat fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, għandhom jiġu analizzati bir-reqqa, anke bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra aġġustamenti dwar kif inhuma marbuta il-politika ta' koeżjoni u s-Semestru Ewropew sabiex issaħħaħ id-dimensjoni territorjali u soċjali u dan tal-aħħar, u għandha tqis fatturi oħrajn li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-koeżjoni, bħall-konverġenza reali; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest u fil-qafas tas-Semestru Ewropew, tagħti ħarsa lejn il-kofinanzjament reġjonali u nazzjonali taħt il-Fondi SIE u l-impatt tiegħu fuq id-defiċits nazzjonali;

31.  Jitlob li l-istrateġiji dwar l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti jiġu intensifikati bħala mezz ġdid ta' investiment fil-potenzjal ta' tkabbir fit-tul f'kuntest ta' tibdil teknoloġiku u globalizzazzjoni mgħaġġla; jirrikonoxxi l-utilità ta' kundizzjonalitajiet ex ante, iżda jenfasizza li f'xi każijiet kienu sors ta' kumplessità u dewmien fl-iżvilupp u l-varar tal-programmazzjoni; jieħu nota tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonalitajiet ex ante fir-Rapport Speċjali 15/2017 tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta jkun xieraq, tikkunsidra t-tnaqqis tal-għadd ta' kundizzjonalitajiet ex ante u, f'dan ir-rigward, ittejjeb il-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà, filwaqt li tagħmel l-aħjar użu mid-dokumenti strateġiċi eżistenti li jistgħu jissodisfaw kundizzjonalitajiet ex ante futuri; jissottolinja li l-kundizzjonalitajiet ex ante għandhom ikunu relatati mill-qrib mal-effikaċja tal-investimenti, filwaqt li jkun żgurat trattament indaqs għall-Istati Membri kollha;

32.  Jinnota li l-kwalità u l-istabilità tal-amministrazzjoni pubblika, li għaliha l-edukazzjoni tajba, it-taħriġ u l-assistenza konsultattiva disponibbli lokalment huma prekundizzjonijiet, għadhom fattur deċiżiv għat-tkabbir reġjonali u għall-effikaċja tal-Fondi SIE; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità tal-governanza, u li jkun żgurat li tkun disponibbli assistenza teknika suffiċjenti, peress li dawn għandhom impatt serju fuq l-implimentazzjoni soda tal-politika ta' koeżjoni, u jistgħu jvarjaw sostanzjalment fl-Istati Membri, kif jidher speċjalment, pereżempju, fir-reġjuni inqas żviluppati; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tevalwa l-programm JASPERS futur fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

33.  Huwa favur li l-iżvilupp tal-politika ta' koeżjoni jsir aktar orjentat lejn ir-riżultati u l-kontenut, billi mil-loġika tal-kontabilità nimxu lejn il-loġika tal-prestazzjoni u billi nagħtu lill-awtoritajiet maniġerjali aktar flessibilità fil-mod kif jilħqu l-objettivi, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji, inter alia, tas-sħubija, it-trasparenza u r-responsabilità;

34.  Iqis li huwa essenzjali li titkompla l-ġlieda kontra l-frodi, u jħeġġeġ tolleranza żero tal-korruzzjoni;

Politika ta' koeżjoni simplifikata

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Simplifikazzjoni fil-proposti leġiżlattivi futuri tagħha;

36.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi pprovdut qafas li jiggarantixxi l-istabilità legali permezz ta' regoli sempliċi, ċari u prevedibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni u tal-awditjar, sabiex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn l-objettivi ta' prestazzjoni u ta' simplifikazzjoni; jappella, fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, għal tnaqqis fil-volum ta' leġiżlazzjoni u linji gwida (b'kawtela, sabiex jiġu pprovduti, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, il-kontinwità neċessarja tar-regoli u l-proċeduri, li l-partijiet interessati u l-awtoritajiet maniġerjali huma familjari magħhom); jitlob li d-dokumenti rilevanti jiġu tradotti fil-lingwi kollha tal-UE u li kwalunkwe applikazzjoni u interpretazzjoni retrospettiva tar-regoli tiġi evitata kem jista' jkun; jappella għal qafas legali uniformi u għal linji gwida dwar il-proġetti transfruntieri;

37.  Jenfasizza, fl-istess ħin, il-ħtieġa li tiġi evitata regolamentazzjoni eċċessiva u li l-programmi operattivi jsiru dokumenti strateġiċi ġenwini li jkunu aktar konċiżi u aktar flessibbli, filwaqt li tiġi stabbilita proċedura simplifikata għall-modifika mmirata tagħhom matul il-programmazzjoni (eż. fil-każ ta' diżastri naturali), sabiex ikun hemm reazzjoni adegwata għall-evoluzzjoni tar-realtajiet globali u tad-domanda reġjonali;

38.  Jappella li jiddaħħal sett uniku ta' regoli ġenwini għall-Fondi SIE, inkluża l-armonizzazzjoni ulterjuri ta' regoli komuni għal strumenti li jikkontribwixxu għall-istess objettiv tematiku; iqis li huwa meħtieġ li jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-akkwist taħt il-Fondi u li jiġu aċċellerati l-proċeduri ta' għajnuna mill-Istat meta tkun meħtieġa l-komformità; huwa favur trattament uniformi tal-fondi Ewropej taħt ġestjoni diretta u tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni f'termini ta' għajnuna mill-Istat b'mod aktar koerenti u, b'mod aktar ġenerali, huwa favur regoli armonizzati għal skemi Ewropej maħsuba għall-istess benefiċjarji; jenfasizza l-importanza ta' aktar komplementarjetà bejn il-politika ta' koeżjoni u l-programm ta' riċerka futur tal-Unjoni biex jiġi kopert iċ-ċiklu kollu, mir-riċerka bażika għall-applikazzjonijiet kummerċjali; iqis li l-konċentrazzjoni tematika għandha tinżamm sabiex jiġu permessi sinerġiji bejn sorsi ta' finanzjament differenti fil-livell tal-proġetti;

39.  Jieħu nota tat-twaqqif ta' grupp ta' ħidma dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u minn dan il-grupp ta' ħidma jistenna proposti konkreti biex tittejjeb il-konformità maż-żewġ prinċipji fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni; jappoġġja l-iżgurar tal-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji bil-għan ta' governanza f'diversi livelli reali li tirrikjedi awtonomija adegwata għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll għal partijiet ikkonċernati oħra;

40.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponietx evalwazzjoni aktar integrata tal-politiki trasversali, filwaqt li s-sinerġiji bejn id-diversi politiki Ewropej ma ġewx irrappurtati; jappella għal strateġiji, finanzjament u azzjonijiet ambizzjużi li jżidu s-sinerġiji ma' fondi oħra tal-UE u jattiraw appoġġ finanzjarju komplementari; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ottimizzati aktar is-sinerġiji bejn il-Fondi SIE u strumenti oħra, inkluż il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), kif ukoll mal-programmi l-oħra ġestiti ċentralment bħal Orizzont 2020, li huwa komplementari għall-politika ta' koeżjoni fl-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni;

41.  Jitlob li l-rekwiżiti fir-rigward tal-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Fondi SIE fil-futur ikunu bbażati fuq il-prinċipji tad-differenzjazzjoni u l-proporzjonalità, fuq kriterji trasparenti u ġusti u skont l-ammonti allokati għall-programmi, il-profil tar-riskji, il-kwalità tal-amministrazzjoni u l-livell ta' finanzjament mill-benefiċjarji;

42.  Iqis li huwa essenzjali li r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet maniġerjali tevolvi lejn "kuntratt ta' fiduċja"; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza ta' qafas ta' governazna f'diversi livelli reali li jkun adegwat u jiffunzjona; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-valur tal-ħidma li diġà saret fuq il-ġestjoni xierqa tal-fondi pubbliċi, billi tintroduċi l-prinċipju ta' ċertifikazzjoni tal-awtoritajiet maniġerjali li jkunu wrew il-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mar-regoli; jitlob, fir-rigward tal-monitoraġġ, li nistrieħu aktar fuq ir-regoli nazzjonali u reġjonali, ladarba l-effikaċja tagħhom tkun ġiet ivverifikata u vvalidata;

43.  Jitlob li l-prinċipju ta' awditjar uniku jissaħħaħ, li l-implimentazzjoni tal-koeżjoni elettronika titħaffef u li l-użu ta' spejjeż simplifikati u standardizzati jiġu adottati b'mod globali, peress li, fost affarijiet oħra, dan wera li huwa aktar faċli biex jiġi implimentat u ma wassalx għal żbalji; jenfasizza l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta' monitoraġġ u rappurtar; huwa tal-fehma li l-iskambju tal-għarfien espert għandu jiġi ffaċilitat bl-istabbiliment ta' portal ta' kondiviżjoni tal-għarfien għall-iskambju tal-aħjar prattiki;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq ideat għat-titjib tar-reazzjoni tal-politika ta' koeżjoni għal avvenimenti mhux previsti, u jtenni, f'dan il-kuntest, l-appell tiegħu għall-ħolqien ta' riżerva ta' natura tali li tagħti flessibilità addizzjonali lir-reġjuni mingħajr ma tipperikola l-għanijiet fit-tul tal-programmi operattivi;

Sfidi u opportunitajiet

45.  Huwa mħasseb ferm dwar ix-xenarji ppreżentati reċentement mill-Kummissjoni, rigward it-tnaqqis fil-baġit tal-politika ta' koeżjoni li jista' jsir taħt il-QFP li jmiss u li jwassal biex ħafna reġjuni jiġu esklużi mill-ambitu tal-politika ta' koeżjoni; jixtieq jara baġit ambizzjuż li jkun proporzjonat għall-isfidi li qed jiffaċċjaw ir-reġjuni, u jitlob li l-politika ta' koeżjoni ma ssirx strument varjabbli ta' aġġustament; jirrimarka li l-kopertura tar-reġjuni kollha tal-UE hija element mhux negozjabbli għall-Parlament Ewropew; jenfasizza li t-teorija ta' "gruppi ta' żvilupp ekonomiku" tikkonferma l-importanza li jingħata appoġġ differenzjat lir-reġjuni Ewropej kollha, inklużi lir-reġjuni bi dħul għoli ħafna, li jridu jibqgħu kompetittivi mal-kompetituri globali tagħhom;

46.  Iqis li l-politika ta' koeżjoni tista' tgħin biex jingħelbu sfidi ġodda, bħas-sigurtà jew l-integrazzjoni tar-rifuġjati taħt protezzjoni internazzjonali; madankollu, jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni ma tistax tkun is-soluzzjoni għall-kriżijiet kollha, u jopponi l-użu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni biex ikopru l-ħtiġijiet finanzjarji għal żmien qasir li ma jaqgħux fl-ambitu tal-politika, filwaqt li jfakkar li l-għan tagħha huwa l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-UE fuq perjodu medju u twil ta' żmien;

47.  Jinnota r-riżultati pożittivi tal-FEIS li, madankollu, għandhom jinvestu b'mod saħansitra aktar trasparenti u sinifikanti; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni u l-FEIS huma bbażati fuq kunċetti u objettivi differenti li f'ċerti każijiet jistgħu jkunu komplementari, iżda li ma jistgħux jieħdu post xulxin, irrispettivament mil-livell ta' żvilupp tar-reġjuni, speċjalment billi l-FEIS, għall-kuntrarju tal-Fondi Strutturali, fil-biċċa l-kbira huwa bbażat fuq self; ifakkar fl-importanza li ssir distinzjoni xierqa bejn il-FEIS u l-politika ta' koeżjoni, kif ukoll li jiġu identifikati opportunitajiet ċari biex jiġu kkombinati;

48.  Itenni l-impenn tiegħu għal perjodu ta' programmazzjoni fit-tul; iqis li l-unika alternattiva vijabbli għall-perjodu attwali ta' seba' snin huwa perjodu ta' QFP ta' 5+5 snin, b'analiżi ta' nofs it-terminu; jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposta ċara li tiddefinixxi l-metodi għall-implimentazzjoni fil-prattika ta' qafas finanzjarju 5+5;

49.  Jitlob li jsir kull sforz biex jiġi evitat dewmien fil-programmazzjoni għall-perjodu l-ġdid, sabiex jiġu evitati pagamenti tard u diżimpenji li jxekklu l-kisba ta' riżultati pożittivi tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu ppreżentati fil-ħin id-dokumenti kollha tal-qafas legali futur fil-lingwi uffiċjali kollha, sabiex tiġi żgurata informazzjoni ġusta u f'waqtha għall-benefiċjarji kollha;

50.  Jappella għal miżuri biex tittejjeb il-komunikazzjoni liċ-ċittadini Ewropej, biex b'hekk tiżdied is-sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-kisbiet konkreti tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet maniġerjali u tal-promoturi tal-proġett li jużaw metodi ta' komunikazzjoni lokali innovattivi biex jinfurmaw lin-nies dwar ir-riżultati tal-użu tal-fondi fit-territorji; jenfasizza l-ħtieġa ta' titjib fl-informazzjoni u fil-komunikazzjoni mhux biss downstream (il-kisbiet tal-Fondi SIE) iżda anke upstream (possibilitajiet ta' finanzjament), b'mod partikolari għall-organizzaturi ta' proġetti żgħar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi u pjattaformi ta' kooperazzjoni istituzzjonalizzata usa' sabiex jiżguraw viżibilità u sensibilizzazzjoni akbar;

51.  Jinnota li ċerti reġjuni Ewropej huma partikolarment esposti għall-konsegwenzi tal-Brexit; jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni futura għandha tillimita kemm jista' jkun l-impatti negattivi tal-Brexit fuq reġjuni Ewropej oħra, u jitlob li tiġi esplorata l-possibilità li jiġu segwiti s-sħubijiet fil-qafas tal-kooperazzjoni territorjali;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(6) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Diċembru 2015, Il-Parlament u L-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-132/14 sa C-136/14, ECLI:EU:C:2015:813.
(7) Doc. 8463/17.
(8) Doc. 14263/17.
(9) Iammarino, S., Rodríguez-Pose, A., Storper, M. (2017), "Why regional development matters for Europe's economic future" (Għaliex l-iżvilupp reġjonali huwa sinifikanti għall-futur ekonomiku tal-Ewropa), Dokumenti ta' Ħidma 07/2017, Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana, il-Kummissjoni Ewropea.
(10) ĠU C 306, 15.9.2017, p. 8.
(11) ĠU C 303, 19.8.2016, p. 94.
(12) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 132.
(13) ĠU C 316, 22.9.2017, p. 124.
(14) ĠU C 76, 28.2.2018, p. 2.
(15) Testi Adottati, P8_TA(2017)0222.
(16) Testi Adottati, P8_TA(2016)0320.
(17) Testi Adottati, P8_TA(2016)0321.
(18) Testi Adottati, P8_TA(2017)0053.
(19) Testi Adottati, P8_TA(2017)0254.
(20) Testi Adottati, P8_TA(2017)0245.
(21) Testi adottati, P8_TA(2017)0316.
(22) Testi Adottati, P8_TA(2017)0401.
(23) Testi Adottati, P8_TA(2018)0067.
(24) Testi Adottati, P8_TA(2018)0075.
(25) http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/8631691/3-31012018-BP-EN.pdf/bdc1dbf2-6511-4dc5-ac90-dbadee96f5fb
(26) http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/8701418/3-01032018-AP-EN/37be1dc2-3905-4b39-9ef6-adcea3cc347a

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza