Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2227(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0119/2018

Testi mressqa :

A8-0119/2018

Dibattiti :

PV 17/04/2018 - 22
CRE 17/04/2018 - 22

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0109

Testi adottati
PDF 308kWORD 59k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Awstralja (Riżoluzzjoni)
P8_TA(2018)0109A8-0119/2018

Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra (15467/2016 – C8-0327/2017 – 2016/0367(NLE)2017/2227(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15467/2016),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim Qafas (FA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Awstralja, min-naħa l-oħra (09776/2016),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 212(1), u flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0327/2017),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP), kif adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-13 ta' Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sħubija UE-Awstralja ffirmat f'Ottubru 2008, li għandu jiġi ssostitwit mill-FA,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja adottata fil-Lussemburgu fis-26 ta' Ġunju 1997,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-ftuħ tan-negozjati tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) mal-Awstralja u ma' New Zealand(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 li tinkludi r-rakkomandazzjoni tal-Parlament lill-Kunsill dwar il-mandat ta' negozjar propost għan-negozjati kummerċjali mal-Awstralja(2),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-15 ta' Novembru 2015 tal-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, u tal-Prim Ministru tal-Awstralja, Malcolm Turnbull,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-22 ta' April 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstraljan bit-titolu "Lejn sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Awstralja",

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Awstralja f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar ta' kriżijiet, iffirmat fl-2015(3),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim Amministrattiv bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea, li ntlaħaq ftehim dwaru f'Diċembru 2014 u li jistabbilixxi programm għal relazzjoni diplomatika,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Rikonoxximent Reċiproku dwar iċ-Ċertifikazzjoni tal-Istandards, iffirmat fl-1999(4), u l-Ftehim UE-Awstralja li jemenda l-ftehim imsemmi hawn fuq fl-2012(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) UE-Awstralja ffirmat fid-29 ta' Settembru 2011(6),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni kklassifikata bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea, iffirmat fit-13 ta' Jannar 2010(7),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Awstralja, iffirmat fl-1994(8),

–  wara li kkunsidra t-38 laqgħa interparlamentari UE-Awstralja (IPM), li saret fi Strasburgu bejn l-4 u l-5 ta' Ottubru 2017,

–   wara li kkunsidra l-ewwel Forum ta' Tmexxija UE-Awstralja li sar f'Sydney f'Ġunju 2017 u li laqqa' flimkien il-mexxejja politiċi u l-kapijiet tan-negozju, l-akkademiċi, il-midja u s-soċjetà ċivili;

–   wara li kkunsidra l-White Paper dwar il-Politika Esterna ppubblikata mill-Gvern Awstraljan f'Novembru 2017 li tiddeskrivi l-prijoritajiet u l-isfidi tal-Awstralja fix-xena esterna u tissottolinja l-importanza primarja tal-hekk imsejjaħ reġjun Indo-Paċifiku għall-Awstralja,

–   wara li kkunsidra l-fatt li l-White Paper dwar il-Politika Esterna tistabbilixxi r-rwoli ewlenin li għandhom l-Istati Uniti u ċ-Ċina fir-reġjun Indo-Paċifiku u fil-politika esterna tal-Awstralja, filwaqt li tagħmel referenza għall-importanza tar-relazzjonijiet tal-Awstralja mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha,

–   wara li kkunsidra r-Reviżjoni tal-Politiki dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2017 li l-Gvern Awstraljan ħareġ f'Diċembru 2017,

–   wara li kkunsidra d-dokument tal-Gvern Awstraljan bit-titolu "Australian climate change science: a national framework", ippubblikat fl-2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-18 ta’ April 2018 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0119/2018),

A.  billi fis-7 ta' Awwissu 2017 l-UE u l-Awstralja kkonkludew FA; billi r-relazzjoni b'saħħitha u mill-qrib bejn l-Awstralja u l-UE u l-Istati Membri tagħha għandha għeruq storiċi li jmorru lura fiż-żmien u hija bbażata fuq valuri u prinċipji komuni, bħar-rispett tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-istat tad-dritt, inkluż id-dritt internazzjonali, il-paċi u s-sigurtà; billi r-rabtiet bejn in-nies huma profondi u dejjiema;

B.  billi l-UE u l-Awstralja fl-2017 iċċelebraw 55 sena ta' kooperazzjoni u relazzjonijiet diplomatiċi; billi din ir-relazzjoni kisbet dinamiżmu mġedded fl-aħħar ftit snin; billi l-Istati Membri kollha stabbilew relazzjonijiet diplomatiċi mal-Awstralja u 25 minnhom għandhom ambaxxati f'Canberra;

C.  billi l-White Paper dwar il-Politika Barranija tal-Gvern Awstraljan tgħid li "Unjoni Ewropea b'saħħitha tibqa' vitali għall-interessi tal-Awstralja u se tkun sieħeb dejjem aktar importanti fil-protezzjoni u l-promozzjoni ta' ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli"; billi l-White Paper tissottolinja l-bżonn li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-UE u l-Istati Membri tagħha "dwar sfidi bħat-terroriżmu, il-proliferazzjoni ta' armi tal-qerda massiva (AQM), l-iżvilupp sostenibbli u d-drittijiet tal-bniedem";

D.  billi l-UE u l-Awstralja huma involuti f'kooperazzjoni u djalogu ma' pajjiżi fix-Xlokk tal-Asja, inkluż permezz tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), il-Forum Reġjonali tal-ASEAN (ARF), il-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) u s-Summit tal-Asja tal-Lvant (EAS); billi l-Awstralja hija membru fundatur tal-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku (PIF) u għandha sħubija strateġika mal-ASEAN; billi bejn is-17 u t-18 ta' Marzu 2018, l-Awstralja se tospita Summit Speċjali bejn l-ASEAN u l-Awstralja;

E.  billi l-UE, bħala attur globali, għandha ssaħħaħ aktar il-preżenza tagħha fiż-żona tal-Asja-Paċifiku kbira u dinamika, fejn l-Awstralja hija sieħeb naturali tal-UE kif ukoll attur importanti hi stess; billi reġjun tal-Asja-Paċifiku li jkun stabbli, paċifiku u bbażat fuq ir-regoli, b'konformità mal-prinċipji u l-istandards tagħna, huwa utli għas-sigurtà u l-interessi tal-UE nnifisha;

F.  billi l-UE u l-Awstralja huma allinjati mill-qrib dwar kwistjonijiet relatati mal-politika barranija, bħal dawk li għandhom x'jaqsmu mal-Ukrajna, ir-Russja, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) u l-Lvant Nofsani;

G.  billi l-Awstralja għandha rabtiet politiċi, ta' sigurtà u ta' difiża mill-qrib mal-Istati Uniti li huma kompatibbli mar-rabtiet dejjem jikbru tagħha maċ-Ċina, li magħha tmantni Sħubija Strateġika Komprensiva;

H.  billi fl-2016 l-UE kienet it-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Awstralja – it-tieni sors ta' importazzjonijiet (19,3 %) u t-tielet destinazzjoni għall-esportazzjonijiet (10,3 %) tagħha – u billi ż-żewġ naħat jikkondividu firxa wiesgħa ta' interessi ekonomiċi; billi fl-2015, l-istokk ta' investiment dirett barrani tal-UE fl-Awstralja kien jammonta għal EUR 117.7 biljun u l-istokk ta' investiment dirett Awstraljan fl-UE kien ta' EUR 21.7 biljun;

I.  billi l-Awstralja hija impenjata bis-sħiħ favur il-kummerċ ħieles u kkonkludiet FTAs bilaterali ma' pajjiżi importanti fl-Asja tal-Lvant – iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel, Singapore, il-Malasja u t-Tajlandja – (kif ukoll ftehim reġjonali mal-ASEAN) u ma' New Zealand, iċ-Ċilì, l-Istati Uniti u l-Perù, u l-ftehim PACER Plus mal-Gżejjer tal-Paċifiku;

J.  billi fit-23 ta' Jannar 2018, l-Awstralja u 10 pajjiżi oħra li jinsabu fi fruntiera mal-Oċean Paċifiku ħabbru li kienu laħqu ftehim dwar patt kummerċjali trans-Paċifiku, l-hekk imsejjaħ Ftehim Komprensiv u Progressiv għas-Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP), li ġie ffirmat fiċ-Ċilì fit-8 ta' Marzu 2018; billi attwalment l-Awstralja qed tinnegozja għadd kbir ta' ftehimiet kummerċjali, inkluża s-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP) imnedija f'Summit tal-ASEAN fl-2012;

K.  billi l-Awstralja, pajjiż li huwa impenjat favur il-governanza globali internazzjonali, f'ħames okkażjonijiet kienet membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) u kienet membru attiv tal-G20 mit-twaqqif tiegħu, u fl-2014 ippresediet is-summit tiegħu f'Brisbane f'kooperazzjoni tajba ħafna mal-UE; billi riċentament l-Awstralja ġiet eletta fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

L.  billi l-Awstralja bagħtet truppi biex jingħaqdu fil-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh fl-Iraq u s-Sirja; billi fl-Afganistan, l-Awstralja kienet l-akbar kontributur mhux membru tan-NATO ta' truppi fil-Forza Internazzjonali ta' Assistenza għas-Sigurtà (ISAF);

M.  billi l-Awstralja kkontribwiet għal bosta missjonijiet taż-żamma tal-paċi appoġġjati min-NU fi tliet kontinenti kif ukoll f'Papua New Guinea u l-Gżejjer Solomon;

N.  billi fl-2014 l-Awstralja kkontribwiet għall-ewwel darba għal missjoni tal-immaniġġjar tal-kriżi mmexxija mill-UE, l-EUCAP Nestor, fil-Qarn tal-Afrika; billi l-flotta Awstraljana qed twettaq operazzjonijiet kontra l-piraterija u kontra t-terroriżmu fi ħdan il-Forzi Marittimi Kombinati fil-Qarn tal-Afrika u fl-Oċean Indjan tal-Punent;

O.  billi ċittadini Awstraljani ġewwa u barra l-fruntieri ta' pajjiżhom sofrew minn għadd ta' attakki terroristiċi ta' oriġini Iżlamista radikali; billi l-UE u l-Awstralja t-tnejn jikkooperaw f'attivitajiet kontra t-terroriżmu, inkluża azzjoni li tiġġieled l-estremiżmu vjolenti, sforzi biex itemmu l-finanzjament tal-organizzazzjonijiet terroristiċi u l-koordinazzjoni ta' proġetti speċifiċi għall-bini tal-kapaċità;

P.  billi ċ-Ċentru ta' Jakarta għal Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (JCLEC), li huwa inizjattiva Awstraljana-Indoneżjana, għandu l-għan li jtejjeb l-għarfien espert tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Asja tax-Xlokk fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata transnazzjonali u rċieva wkoll fondi tal-UE;

Q.  billi f'Ottubru 2017 il-Gvern Awstraljan nieda l-istrateġija internazzjonali ta' impenn ċibernetiku bil-għan li tindirizza kwistjonijiet bħall-kummerċ diġitali, iċ-ċiberkriminalità, is-sigurtà internazzjonali u l-gvern elettroniku;

R.  billi l-Awstralja appoġġat lill-Filippini fil-promozzjoni tas-sigurtà u fil-ġlieda kontra l-ġiħadiżmu;

S.  billi l-UE u l-Awstralja jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni fid-Djalogu annwali tal-Uffiċjali Għoljin UE-Awstralja dwar Kwistjonijiet ta' Migrazzjoni, Asil u Diversità; billi l-Proċess ta' Bali dwar il-Kuntrabbandu tal-Persuni, it-Traffikar tal-Bnedmin u l-Kriminalità Transnazzjonali Relatata huwa kopresedut mill-Awstralja;

T.  billi l-Awstralja għandha introjtu per capita għoli ħafna u hija soċjetà miftuħa, demokratika u multikulturali; billi persuna minn kull erbgħa tal-popolazzjoni tagħha twieldet barra mill-pajjiż u billi, mill-1945, madwar seba' miljun migrant permanenti, inklużi bosta li oriġinaw mill-Ewropa, marru jgħixu fl-Awstralja; billi l-Awstralja tinsab f'sitwazzjoni ġeografika speċjali li tokkupa żona vasta bejn l-Oċean Indjan u n-Nofsinhar tal-Paċifiku;

U.  billi fl-FA l-Awstralja u l-UE jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur il-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima; billi r-Reviżjoni tal-Politiki dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2017 tenniet mill-ġdid l-impenn tal-Awstralja li tiġġieled din it-theddida;

V.  billi l-Awstralja tħabbat wiċċha ma' impatti ekonomiċi u ambjentali sinifikanti li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima f'għadd ta' setturi, inklużi s-sigurtà tal-ilma, l-agrikoltura, il-komunitajiet ta' max-xtut u l-infrastruttura;

W.  billi l-Awstralja, bħala membru tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD, hija partikolarment impenjata li tappoġġja l-governanza tajba u t-tkabbir ekonomiku f'Papua New Guinea, fl-Indoneżja, f'Timor-Leste u fi gżejjer Paċifiċi u f'pajjiżi Asjatiċi oħrajn, fejn l-UE u l-Istati Membri tagħha huma wkoll donaturi ewlenin;

X.  billi l-Gvern Awstraljan qed jinvesti fi programmi bħalma huma l-Programm ta' Xjenza Awstraljan għat-Tibdil fil-Klima (Australian Climate Change Science Programme) u l-Programm ta' Riċerka dwar l-Impatti tat-Tibdil fil-Klima u l-Adattament għaliha (Climate Change Impacts and Adaptation Research Programme) tal-Ġestjoni tar-Riżorsi Naturali (Natural Resource Management), biex jgħin lil min jieħu d-deċiżjonijiet jifhem u jimmaniġġja l-impatti probabbli tat-tibdil fil-klima;

Y.  billi l-Awstralja stabbiliet qafas nazzjonali u Grupp ta' Koordinazzjoni ta' Livell Għoli biex tiżviluppa pjan ta' implimentazzjoni għax-xjenza dwar il-bidla fil-klima, li jipprovdu approċċ ikkoordinat sabiex tindirizza l-kwistjoni fil-komunitajiet madwar il-pajjiż;

Z.  billi fl-10 ta' Novembru 2016, l-Awstralja rratifikat il-Ftehim ta' Pariġi u l-emenda ta' Doha għall-Protokoll ta' Kjoto, u b'hekk saħħet l-impenn tagħha li tieħu azzjoni dwar it-tibdil fil-klima, u żviluppat sensiela ta' politiki biex tnaqqas l-emissjonijiet domestiċi u tappoġġa l-azzjoni globali;

AA.  billi l-pjan dwar it-tibdil tal-klima tal-Gvern Awstraljan jinkludi li l-emissjonijiet jitnaqqsu b'5 % mil-livelli tal-2000 sal-2020 u b'26-28 % mil-livelli tal-2005 sal-2030, kif ukoll li tirdoppja l-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli tal-pajjiż sal-2020;

AB.  billi l-Gvern Awstraljan kellu rwol ewlieni fl-appoġġ tas-servizzi meteoroloġiċi nazzjonali tal-Paċifiku u l-organizzazzjonijiet reġjonali biex iwaqqfu sistemi ta' twissija bikrija dwar il-klima u t-temp;

1.  Jilqa' l-konklużjoni tal-abbozz tal-FA, li se jipprovdi strument legalment vinkolanti sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali UE-Awstralja jitjiebu u jissaħħew u sabiex tiżdied il-kooperazzjoni f'oqsma bħall-politika esterna u l-kwistjonijiet ta' sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-iżvilupp globali u l-għajnuna umanitarja, il-kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, il-ġustizzja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura, l-agrikoltura, l-affarijiet marittimi u s-sajd, fid-dawl tal-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, is-saħħa pubblika u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva (AQM);

2.  Jenfasizza li l-UE u l-Awstralja huma sħab b'saħħithom u li jaħsbuha l-istess b'relazzjoni bilaterali profonda u li t-tnejn jikkondividu l-valuri u l-prinċipji tad-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, iżommu rabtiet politiċi u ekonomiċi dejjem aktar b'saħħithom u jgawdu konnessjonijiet kulturali, akkademiċi u bejn in-nies li huma mill-qrib u attivi;

3.  Jissottolinja l-valur speċjali għall-UE u l-Awstralja, bħala sħab bl-istess viżjoni dinjija, li jikkooperaw fuq livell bilaterali u multilaterli dwar kwistjonijiet reġjonali u globali; jenfasizza l-vantaġġ li l-UE u l-Awstralja jaġixxu flimkien fin-NU u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), kif ukoll f'entitajiet bħall-G20, sabiex jippreservaw u jsaħħu ordni globali bbażat fuq il-kooperazzjoni u r-regoli f'dinja kumplessa u li qed tinbidel li qed tiffaċċja inċertezza kbira;

4.  Jilqa' t-twaqqif ta' kumitat konġunt fil-qafas tal-FA sabiex jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim u jżomm il-koerenza ġenerali fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Awstralja;

5.  Jappoġġja t-tnedija li ġejja tan-negozjati għall-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Awstralja, li jridu jitwettqu fi spirtu ta' reċiproċità, trasparenza, responsabilità u benefiċċju reċiproku, filwaqt li titqies ukoll is-sensittività ta' ċerti prodotti, bħal dawk agrikoli, minħabba l-fatt li l-Awstralja hija esportatur agrikolu ewlieni; iħeġġeġ liż-żewġ sħab ikollhom livell għoli ta' ambizzjoni fil-qasam tas-servizzi; jenfasizza li fin-negozjati l-UE għandha tqis il-ħtiġijiet u t-talbiet tal-SMEs, u mhux tbaxxi l-istandards ambjentali, soċjali u tax-xogħol; jirrimarka dwar it-tnedija f'waqtha ta' dawn in-negozjati, peress li l-Awstralja diġà kkonkludiet bosta FTAs ma' pajjiżi importanti fl-Asja tal-Lvant u l-Paċifiku u waslet biex tikkonkludi ftehimiet bħal dawn ma' pajjiżi rilevanti oħra;

6.  Jissottolinja r-rwol attiv tal-Awstralja fil-programmi ta' kooperazzjoni għal edukazzjoni għolja tal-UE permezz tal-programm Edukazzjoni Bilaterali UE-Awstralja u jinnota b'mod pożittiv li mill-2015 l-universitajiet Awstraljani jistgħu jidħlu fi ftehimiet ta' mobilità Erasmus+; jinnota li din il-kooperazzjoni għandha tissaħħaħ aktar biex tippromovi benefiċċji reċiproki għall-istudenti u r-riċerkaturi u tpoġġihom f'pożizzjoni li jakkwistaw ħiliet multikulturali u innovattivi;

7.  Ifakkar li l-UE u l-Awstralja huma sħab importanti fil-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li jikkontribwixxu għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u bħala mezz biex tkompli tinbena soċjetà bbażata fuq l-għarfien;

8.  Ifaħħar lill-Awstralja għall-appoġġ tagħha u talli allinjat ir-reġim tas-sanzjonijiet tagħha mal-UE wara l-annessjoni illegali tal-Krimea u l-interventi militari fil-Lvant tal-Ukrajna mir-Russja;

9.  Jilqa' l-appoġġ tal-Awstralja għas-sanzjonijiet internazzjonali mmirati kontra individwi u entitajiet responsabbli għall-aggressjoni militari, it-terroriżmu u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż bi tweġiba għall-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u fil-Krimea okkupata;

10.  Ifaħħar lill-Uffiċċju tal-Valutazzjonijiet Nazzjonali tal-Awstralja għall-appoġġ tiegħu fl-għoti ta' analiżi internazzjonali, politika, strateġika u ekonomika u għall-koordinazzjoni tiegħu mas-sħab internazzjonali sabiex jiżgura tweġibiet għall-kwistjonijiet ta' interess komuni;

11.  Jirrikonoxxi r-rwol kritiku tal-Awstralja fil-Komunità tal-Intelligence "Five Eyes" u l-appoġġ tagħha għas-sigurtà kemm tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll tas-sħab transatlantiċi, u jfaħħar il-ftehim operazzjonali tal-Awstralja mal-Europol u jenfasizza l-potenzjal ta' espansjoni akbar tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni u tal-kooperazzjoni operattiva mal-Gvern Awstraljan;

12.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-Awstralja fil-ko-sponserizzazzjoni fl-2014 tar-riżoluzzjonijiet tal-KSNU dwar il-kundanna tat-twaqqigħ tat-titjira MH17 u dwar l-eliminazzjoni tal-armi kimiċi tas-Sirja; ifaħħar il-kontribut ewlieni tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà fejn fittxet li ttejjeb is-sitwazzjoni umanitarja fis-Sirja, immaniġġjat it-tranżizzjoni ta' sigurtà fl-Afganistan u indirizzat is-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK;

13.  Jilqa' l-impenn b'saħħtu taż-żewġ sħab dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu kif stabbilit fl-FA; jissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni bilaterali dejjem eqreb b'rabta mal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-ġellieda barranin u r-ritorn tagħhom; iħeġġeġ liż-żewġ sħab ikomplu jiżguraw implimentazzjoni effettiva tal-erba' pilastri tal-Istrateġija tan-NU Kontra t-Terroriżmu; ifaħħar ir-rwol Awstraljan fil-Koalizzjoni Globali kontra d-Da'esh u l-ħidma sinifikanti tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali fix-Xlokk tal-Asja;

14.  Jenfasizza l-inizjattivi tal-ispazju ċibernetiku internazzjonali tal-Awstralja u jfaħħar il-fatt li, skont l-FA, iż-żewġ sħab se jikkooperaw f'materji tas-sigurtà ċibernetika, inkluża l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità;

15.  Jitlob li jittieħdu passi biex issaħħu l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu permezz ta' eżerċizzji konġunti ta' taħriġ bejn timijiet ta' rispons ta' emerġenza tal-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE bħall-Europol u ċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC) tiegħu, minn naħa, u elementi ewlenin tal-arkitettura tas-sigurtà nazzjonali Awstraljana, bħall-Organizzazzjoni Awstraljana tal-Intelligence dwar is-Sigurtà (Australian Security Intelligence Organisation (ASIO)), il-Forzi tad-Difiża Awstraljan (ADF) u l-Pulizija Federali Awstraljana, min-naħa l-oħra;

16.  Jilqa' l-impenn mill-UE u l-Awstralja previst fl-FA għall-intensifikazzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom dwar il-migrazzjoni u l-asil; jissottolinja li l-livell għoli ta' mobilità globali jirrikjedi approċċ olistiku u multilaterali bbażat fuq il-kooperazzjoni internazzjonali u fuq responsabbiltajiet kondiviżi; jilqa' l-fatt li ż-żewġ sħab qed jikkontribwixxu b'mod proattiv għan-negozjati li għaddejjin dwar kemm il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari tan-NU kif ukoll il-Patt Globali dwar ir-Rifuġjati;

17.  Jissottolinja l-importanza ta' oqfsa reġjonali ta' kooperazzjoni – bħall-Proċess ta' Bali – ma' pajjiżi tal-oriġini, tranżitu u destinazzjoni sabiex jiġu salvati l-ħajjiet, jitkissru n-netwerks tat-traffikanti u sabiex jiġu mmaniġġjati l-flussi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati; jilqa' l-impenn b'saħħtu tal-Awstralja fir-rigward tal-UNHCR għar-risistemazzjoni tar-rifuġjati u biex jiżdied il-finanzjament umanitarju globali tagħha; iħeġġeġ lill-Awstralja tkompli tikkontribwixxi sabiex tinstab soluzzjoni pożittiva għas-sitwazzjoni tal-persuni li jfittxu l-asil u l-migranti miżmuma f'Papua New Guinea u Nauru;

18.  Jilqa' l-impenn taż-żewġ partijiet għat-tmexxija 'l quddiem tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, inkluż f'fora multilaterali u ma' sħab terzi, kif previst fil-Ftehim Qafas; jilqa' l-elezzjoni tal-Awstralja għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għall-perjodu 2018-2020; jenfasizza li fl-2008 l-Awstralja nediet l-istrateġija Closing the Gap dwar l-indirizzar tal-iżvantaġġi tal-popli indiġeni, bħad-differenza fl-istennija tal-ħajja u inugwaljanzi oħrajn; jenfasizza li din l-istrateġija għandha l-appoġġ miż-żewġ partiti u li l-Prim Ministru jippreżenta rapport annwali lill-Parlament Awstraljan; jenfasizza l-fatt li l-Gvern Awstraljan qed jaħdem mal-istati u t-territorji u mal-popli Aboriġinali u mal-popli tal-Gżejjer tal-Istrett ta' Torres biex jagħti spinta lill-istrateġija Closing the Gap;

19.  Itenni mill-ġdid li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tirrikjedi l-appoġġ tal-komunità internazzjonali fis-sħuħija tagħha; jilqa' r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Awstralja u l-impenn stabbilit fl-FA li ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-isforzi tal-politika esterna biex tiġġieled it-tibdil fil-klima; jinnota l-objettiv tal-Awstralja li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet b'26 sa 28 % taħt il-livelli tal-2005, u li dan ġie affermat mill-ġdid fir-Reviżjoni tal-Politiki dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2017; jissottolinja l-fatt li din ir-reviżjoni żżomm l-impenn li tgħin lil pajjiżi oħrajn permezz ta' inizjattivi bilaterali u multilaterali; jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Awstralja biex tagħti appoġġ finanzjarju bis-saħħa ta' programmi ta' għajnuna lir-reġjun tal-Paċifiku u lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma vulnerabbli sabiex dawn ikunu jistgħu jkabbru l-ekonomiji tagħhom b'mod sostenibbli u jnaqqsu l-emissjonijiet u biex jiġu megħjuna jadattaw għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-kopresidenza u l-finanzjament tal-Awstralja tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima;

20.  Ifakkar li l-Awstralja, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma atturi importanti fil-kooperazzjoni ta' żvilupp u assistenza umanitarja fir-reġjun tal-Paċifiku; jenfasizza l-fatt li ż-żewġ naħat jiffukaw il-kooperazzjoni tagħhom fuq oqsma bħat-tkabbir ekonomiku, il-governanza tajba u r-reżiljenza ambjentali;

21.  Ifakkar it-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; iħeġġeġ liż-żewġ sħab ikomplu jippromwovu l-istabbiltà u l-libertà tan-navigazzjoni f'dan il-passaġġ tal-ilma internazzjonali kruċjali; ifaħħar il-pożizzjoni tal-Awstralja favur soluzzjoni paċifika tat-tilwim ibbażata fuq il-liġi internazzjonali;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tal-Awstralja.

(1) ĠU C 35, 31.1.2018, p. 136.
(2) Testi adottati, P8_TA(2017)0419.
(3) ĠU L 149, 16.6.2015, p. 3.
(4) ĠU L 229, 17.8.1998, p. 1.
(5) ĠU L 359, 29.12.2012, p. 2.
(6) ĠU L 186, 14.7.2012, p. 4.
(7) ĠU L 26, 30.1.2010, p. 31.
(8) ĠU L 188, 22.7.1994, p. 18.
(9) Testi adottati, P8_TA(2018)0108.

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza