Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2280(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0112/2018

Testi mressqa :

A8-0112/2018

Dibattiti :

PV 17/04/2018 - 21
CRE 17/04/2018 - 21

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0119

Testi adottati
PDF 220kWORD 81k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu
Implimentazzjoni tal-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE: analiżi ta' nofs it-terminu fl-2017 u arkitettura futura wara l-2020
P8_TA(2018)0119A8-0112/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE: analiżi ta' nofs it-terminu fl-2017 u arkitettura futura wara l-2020 (2017/2280(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ENI)(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (IcSP)(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2306 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020(7) (Regolament tad-DCI),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna(8),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Settembru 2017 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), il-Garanzija tal-EFSD u l-Fond ta' Garanzija tal-EFSD(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(11) (ir-‘Regolament Finanzjarju’),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tat-18 ta' April 2017 lill-Kumitat għall-Baġits u lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2012/2002 u r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013, (UE) Nru 1307/2013, (UE) Nru 1308/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014 u (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2016)0605 – C8-0372/2016 – 2016/0282(COD))(12),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(13)("Regolament dwar il-Komitoloġija"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)9615 tal-10 ta' Diċembru 2014 dwar l-istabbiliment ta' Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea bħala risposta għall-kriżi Sirjana, il-"Fond Madad", u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)9691 tal-21 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni C(2014)9615,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)7293 tal-20 ta' Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment ta' Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-istabilità u għall-ġlieda kontra l-kawżi profondi tal-migrazzjoni irregolari u tal-fenomenu tal-persuni spostati fl-Afrika, u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017)0772 tal-8 ta' Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)7293,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)9500 tal-24 ta' Novembru 2015 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta' mekkaniżmu ta' koordinazzjoni – il-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija(14), u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2016)0855 tal-10 ta' Frar 2016(15) u C(2017)2293 tat-18 ta' April 2017(16) dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015)9500,

–  wara li kkunsidra diversi rapporti tal-Qorti Ewropew tal-Awdituri dwar il-finanzjament estern tal-UE, b'mod partikolari r-Rapport Speċjali Nru 18/2014 dwar is-Sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir‑riżultati, tal‑EuropeAid,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2017 intitolat "Rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu tal-Istrumenti ta' Finanzjament Estern" (COM(2017)0720) u d-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjawh dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni Komuni (SWD(2017)0606), tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat (SWD(2017)0602), tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (SWD(2017)0463), tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (SWD(2017)0607), tal-Istrument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (SWD(2017)0608) tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) (SWD(2017)0604),

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjonijiet esterni tal-Istrumenti ta' Finanzjament Estern(17),

–  wara li kkunsidra l-proċeduri attwali tal-Parlament Ewropew dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) futur wara l-2020,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni fil-livell Ewropew tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) intitolata "L-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE u l-arkitettura wara l-2020",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2015 intitolat "Rapport Annwali tal-2015 dwar il-politiki ta' żvilupp u għajnuna esterna tal-Unjoni Ewropea u l-implimentazzjoni tagħhom fl-2014" (COM(2015)0578),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 intitolat "Rapport Annwali tal-2016 dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni Ewropea għall-finanzjament tal-azzjoni esterna fl-2015" (COM(2016)0810),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2017 intitolata ''Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2017)0021),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 intitolata "L-UE f'ambjent globali jinbidel – dinja iktar konnessa, kontestata u kumplessa"(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' April 2014 dwar l-approċċ komprensiv tal-UE u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-koerenza tal-azzjoni esterna tal-UE(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(22),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar l-Albanija(25) u dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina(26),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Montenegro(27),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar il-Kosovo(28), dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja(29) u dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2016 dwar is-Serbja(30),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-6 ta' Frar 2018 intitolata "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli(31),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2018(32),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata f'Ġunju 2016(33),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar l-involviment tal-UE mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE "Kummerċ għal Kulħadd",

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE (SWD(2017)0364),

–  wara li kkunsidra l-kompetenzi tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu bħala l-kumitat responsabbli għal-leġiżlazzjoni, għall-programmazzjoni u għall-iskrutinju kollha tal-azzjonijiet imwettqa fil-qafas tal-ENI, tal-IPA II, tal-EIDHR, tal-PI u tal-IcSP, kif ukoll il-politiki li jappoġġawhom (Anness V(I) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea annessa mar-Regolamenti li jistabbilixxu l-istrumenti ta' finanzjament estern, li fiha timpenja ruħha li tidħol fi djalogi strateġiċi mal-Parlament dwar il-programmazzjoni tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitati ENI, IPA II, EIDHR, IcSP, PI u DCI,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin kif ukoll l-opinjonijiet u l-pożizzjoni fil-forma ta' emendi tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0112/2018),

A.  billi l-Unjoni Ewropea għadha l-akbar fornitur ta' assistenza esterna tad-dinja;

B.  billi l-istrumenti ta' finanzjament estern jikkostitwixxu l-mekkaniżmu prinċipali biex tkun sostnuta l-azzjoni tal-UE fix-xena globali, u billi l-azzjoni esterna tal-UE hija dejjem aktar importanti għaċ-ċittadini Ewropej;

C.  billi, minħabba riżorsi limitati, l-istrumenti ta' finanzjament estern spiss waslu sal-limitu tagħhom;

D.  billi l-Kummissjoni, fir-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu tagħha, tqis li l-arkitettura attwali tal-istrument estern ġeneralment hija adatta għall-iskop;

E.  billi l-fużjoni tal-istrumenti ma tistax tkun għan fih innifsu;

F.  billi l-UE qiegħda tħabbat wiċċha ma' bosta sfidi mhux biss fil-viċinat immedjat tagħha iżda wkoll fix-xena globali;

G.  billi l-azzjoni esterna tal-UE għandha tagħti prijorità lis-soluzzjoni tal-isfidi globali prinċipali bħall-paċi u l-iżvilupp sostenibbli, u tirrikonoxxi li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, b'enfasi partikolari fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġustizzja soċjali, kif ukoll fuq is-sostenn favur id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, huma fundamentali biex dawn l-għanijiet jintlaħqu;

H.  billi l-assistenza finanzjarja esterna tal-UE hija strument ewlieni biex ikunu sostnuti r-riformi ekonomiċi u l-konsolidament demokratiku, politiku u istituzzjonali fil-pajjiżi sħab;

I.  billi ma jeżistix l-istess skrutinju parlamentari ugwali u sod għall-istrumenti kollha;

J.  billi hemm bżonn urġenti li titjieb il-viżibbiltà tal-assistenza tal-UE fil-konfront kemm taċ-ċittadini tal-pajjiżi sħab kif ukoll taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li l-benefiċċji tas-sostenn tal-UE jkunu kkomunikati aħjar; billi f'dan ir-rigward jista' jkun tassew utli li jsir investiment fi proġetti konkreti u tanġibbli li l-viżibbiltà tagħhom tista' tkun aċċessibbli aktar faċilment għall-pubbliku ġenerali, u fl-istess ħin tkun żviluppata strateġija ta' komunikazzjoni komprensiva, effikaċi u sistematika fi ħdan kull strument;

K.  billi l-komunikazzjoni strateġika spiss ikollha tħabbat wiċċha ma' sfidi esterni, bħall-kampanji ta' diżinformazzjoni għad-dannu tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, li jirrikjedu aktar sforzi; billi għaldaqstant huwa fundamentali li tkun promossa informazzjoni oġġettiva, indipendenti u imparzjali u jkunu indirizzati l-aspetti ġuridiċi tad-dinja tal-midja li fiha joperaw l-istrumenti u l-azzjonijiet tal-UE;

L.  billi l-kummerċ internazzjonali huwa għodda fundamentali tal-UE biex tgħin lill-pajjiżi fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom, kif ukoll għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri fundamentali u l-istat tad-dritt;

M.  billi, skont it-Trattati, il-politika kummerċjali għandha tikkontribwixxi għall-għanijiet esterni tal-Unjoni, inkluż l-iżvilupp sostenibbli;

N.  billi l-assistenza kombinata pprogrammata fl-ambitu tal-ENI (EUR 15,4 biljun), tal-IPA II (EUR 11,7 biljun), tal-IcSP (EUR 2,5 biljun), tal-EIDHR (EUR 1,3 biljun) u tal-PI (EUR 1 biljun) tammonta għal EUR 32 biljun għall-perjodu 2014-2020;

O.  billi l-IPA II intuża għall-ġestjoni tal-migrazzjoni;

P.  billi l-EIDHR, u b'mod partikolari l-IcSP, huma suġġetti għall-bażi ġuridika tal-Artikoli 209 u 212 TFUE, li t-tnejn li huma jirreferu għall-Artikolu 208 tat-TFUE, li jgħid li "[l]-objettiv prinċipali tal-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar";

Q.  billi l-Kummissjoni hija responsabbli għall-identifikazzjoni, għall-formulazzjoni, għall-implimentazzjoni, għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-assistenza tal-UE fl-ambitu ta' dawn l-istrumenti; billi s-SEAE għandu r-responsabbiltà li jiżgura l-kontinwità u l-koerenza tal-politiki esterni tal-UE, fost oħrajn permezz tal-istrumenti; billi l-Parlament huwa responsabbli mis-sorveljanza u mill-iskrutinju demokratiċi u jiżvolġi r-rwol ta' koleġiżlatur fl-ambitu tal-proċedura ta' kodeċiżjoni;

R.  billi n-natura doppja tal-mandat tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tfisser li min qiegħed fil-kariga għandu jiżvolġi rwol ewlieni fil-koordinament politiku tal-assistenza tal-Unjoni fl-ambitu tal-istrumenti;

S.  billi diversi proġetti u għotjiet fl-ambitu tal-istrumenti attwali ma jistgħux ikunu evalwati bis-sħiħ peress li għadhom fil-fażijiet inizjali tal-implimentazzjoni; billi ċerti objettivi huma ta' natura kwalitattiva u huma marbuta mal-leġiżlazzjoni, mal-prattiki u mal-atteġġjamenti li ma jistgħux jitkejlu faċilment f'termini kwantitattivi;

T.  billi l-Kummissjoni, fl-analiżi ta' nofs it-terminu tagħha, tiddikjara li huwa diffiċli li titkejjel l-effikaċja globali tal-istrumenti sabiex jiksbu l-objettivi tagħhom, parzjalment minħabba l-fatt li huwa diffiċli li jiġu definiti s-sistemi xierqa ta' monitoraġġ u evalwazzjoni fil-livell tal-istrumenti (p. 10); ifakkar fil-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ġibdet l-attenzjoni għan-nuqqasijiet serji fis-sistema ta' evalwazzjoni tal-EuropeAid fir-Rapport Speċjali tagħha Nru 18/2014;

U.  billi r-Regolament ta' Implimentazzjoni Komuni (RIK) fih dispożizzjonijiet ewlenin dwar il-prinċipji tal-iżvilupp u tal-effikaċja tal-għajnuna bħan-nonkundizzjonalità tal-għajnuna u l-użu tal-istituzzjonijiet, is-sistemi u l-proċeduri proprji tal-pajjiżi sħab;

V.  billi l-proċeduri amministrattivi attwali spiss jinvolvu piżijiet burokratiċi eċċessivi għall-benefiċjarji potenzjali, u b'hekk ikun ostakolat l-involviment tal-organizzazzjonijiet iżgħar tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fid-disinn u fl-implimentazzjoni tal-proġetti, peress li spiss dawn l-organizzazzjonijiet ma għandhomx il-kompetenzi tekniċi u l-kapaċitajiet amministrattivi biex joħorġu bi proposti eleġibbli u ta' suċċess;

W.  billi r-Regolamenti li jistabbilixxu l-istrumenti ta' finanzjament estern (SFE) jipprevedu li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011, u li dawn ir-Regolamenti jipprevedu wkoll li l-Kummisjsoni tkun assistita għal dan il-għan mill-Kumitati ENI, IPA II, EIDHR, IcSP, PI u DCI;

X.  billi l-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni jridu jintbagħtu lill-Kunsill u lill-Parlament fl-istess waqt li jintbagħtu lill-membri tal-Kumitati ENI, IPA II, EIDHR, IcSP, PI u DCI, u billi r-Regoli ta' Proċedura ta' dawn il-Kumitati jipprevedu li l-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni jridu jintbagħtu lill-membri tal-Kumitati ENI, IPA II, EIDHR, IcSP, PI u DCI tal-inqas 20 jum ta' kalendarju qabel il-laqgħa tal-kumitat rilevanti; billi l-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni għandhom għalhekk jintbagħtu lill-Parlament tal-inqas 20 jum ta' kalendarju qabel dawn il-laqgħat, u billi l-proċeduri bil-miktub għall-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni huma eċċezzjoni għal din ir-regola f'każijiet debitament ġustifikati;

Y.  billi l-abbozzar tal-atti ta' implimentazzjoni jinkludi fażi preparatorja interna tal-Kummissjoni – inkluża konsultazzjoni bejn is-servizzi – ta' tul sinifikattiv, spiss mifruxa fuq diversi xhur;

Analiżi ta' nofs it-terminu

1.  Josserva li l-analiżi ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni sabet li l-istrumenti attwali huma ġeneralment adatti għall-iskop;

2.  Jiddispjaċih li l-ammont u n-nuqqas ta' flessibbiltà u koerenza tal-finanzjament tal-UE taħt l-Intestatura 4 tal-QFP attwali kienu indikattivi tal-ambizzjoni limitata tal-Unjoni Ewropea biex taġixxi bħala attur globali ġenwin; josserva, madankollu, li ħafna mill-pajjiżi sħab u mit-temi ttrattati mill-SFE tal-UE kellhom andament pożittiv, li huwa konferma tar-rilevanza u l-importanza tal-SFE;

3.  Jinsab, madankollu, imħasseb dwar ċerti sejbiet, fosthom in-nuqqas ta' gwida politika u ta' viżjoni onnikomprensiva, l-implimentazzjoni inkonsistenti tal-valuri tal-UE u tal-prinċipji ta' sħubija, il-progress bil-mod jew ineżistenti fl-objettivi li jirrigwardaw ir-riformi soċjali u marbuta mal-viċinat usa', l-assenza ta' monitoraġġ u evalwazzjoni sodi u l-flessibbiltà limitata;

4.  Jiddispjaċih bl-assenza ta' dokument ta' viżjoni uniku u ċar li jiċċara aħjar is-sinerġiji bejn l-istrumenti u l-kontribut tagħhom għall-istrateġija ġenerali ta' politika estera tal-UE;

5.  Jinsab imħasseb bil-fatt li l-UE u l-istrumenti tagħha jħabbtu wiċċhom ma' sfidi sinifikanti, inklużi kompromessi politiċi bejn il-promozzjoni ta' valuri u drittijiet u interessi ta' sigurtà fit-terminu qasir, it-tinbit ta' atturi ġodda fis-settur tal-governanza globali u tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, inkluża l-volatilità fil-viċinat immedjat tal-UE, kemm fil-Lvant kif ukoll fin-Nofsinhar, u politika dejjem aktar aggressiva u assertiva tar-Russja;

6.  Josserva li l-Fondi Fiduċjarji tal-UE nħolqu biex jindirizzaw il-kawżi profondi tal-migrazzjoni; jiddispjaċih li l-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE għall-Fondi Fiduċjarji tal-UE u l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija naqqsu l-koerenza globali, il-viżjoni fit-tul u l-impatt tal-azzjoni tal-Unjoni; jisħaq għal darb'oħra li jridu jiġu ffinanzjati prijoritajiet ġodda b'approprjazzjonijiet ġodda; jesprimi dispjaċir kbir għall-fatt li l-Parlament ma ġiex formalment ikkonsultat u mitlub jagħti l-approvazzjoni tiegħu fi kwalunkwe fażi tal-proċess deċiżjonali fir-rigward tad-"dikjarazzjoni dwar it-Turkija";

7.  Itenni l-bżonn li l-istrumenti jkunu komplementari u adattabbli għall-kuntest lokali u li jistgħu jirrispondu għall-isfidi l-ġodda u dawk imprevisti malajr u b'mod effikaċi mingħajr ma jintesew l-objettivi inizjali tagħhom;

8.  Jiddispjaċih li l-istrumenti ma fihom l-ebda riferiment espliċitu għall-possibbiltà ta' sospensjoni tal-assistenza fil-każijiet meta benefiċjarju (partikolarment fil-każ li tintuża l-ġestjoni indiretta min-naħa tal-pajjiżi benefiċjarji – IMBC) jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jinnota li għajnuna tal-UE għall-iżvilupp (għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, ODA) ma laħqitx l-objettiv tan-NU ta' 0,7 %; jitlob, għalhekk, li jiżdiedu r-riżorsi disponibbli għall-għajnuna għall-iżvilupp biex ikunu rispettati l-impenji tal-Aġenda 2030;

IPA II

10.  Jinkoraġġixxi l-isforzi biex l-IPA II ikun aktar strateġikament rilevanti fit-tul u jilħaq riżultati konkreti bis-saħħa ta' ppjanar u approċċ settorjali adattati għall-benefiċjarji; jemmen li approċċ ta' dan it-tip jaf ikun jista' jgħin biex jonqos l-akkumulu enormi ta' fondi li ma ntefqux mill-IPA I u II fit-Turkija minħabba l-ineffiċjenzi tal-IMBC u tal-kapaċità skarsa ta' assorbiment;

11.  Jinsab imħasseb ferm bir-rigress li qiegħda turi t-Turkija f'termini tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija, minkejja l-EUR 4,5 biljun previsti skont l-IPA II għall-perjodu tal-QFP attwali; jirrikonoxxi li l-prospettiva attwali ta' adeżjoni għat-Turkija talimenta l-inċertezza mifruxa dwar il-valur tal-IPA II fil-pajjiż; josserva li l-fondi tal-IPA II intużaw biex jiffinanzjaw l-impenji meħuda fl-ambitu tad-"dikjarazzjoni dwar it-Turkija";

12.  Jikkonstata d-diversi stadji ta' progress ta' bosta pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jibbenefikaw mill-għajnuna fit-tul mill-IPA II; josserva li, f'ċerti każijiet, l-assistenza mill-IPA II issarrfet f'riżultati limitati f'termini ta' stimolu għar-riformi, speċjalment fis-setturi tal-istat tad-dritt, tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

13.  Josserva l-punti ta' dgħufija li fadal fil-kwalità tal-indikaturi fil-programmi nazzjonali u fid-dokumenti ta' azzjoni;

14.  Jenfasizza l-bżonn li l-fondi tal-IPA II ikunu jistgħu jiġu sospiżi jew indirizzati mill-ġdid fil-każijiet li fihom analiżi bir-reqqa tal-Kummissjoni ssib li l-pajjiżi sħab ma onorawx sistematikament l-impenji tagħhom jew urew deterjoramenti politiċi gravi; jiddispjaċih li dawn il-miżuri fl-imgħoddi ġew imxekkla mill-inkapaċità sistemika u politika ta' azzjoni;

15.  Jikkonstata l-eżistenza tal-qafas ta' prestazzjoni; jiddispjaċih, madankollu, li għadu ma ġiex ikkunsidrat u mogħti l-ippremjar tal-prestazzjoni; jitlob, f'dan il-kuntest, aktar azzjonijiet bil-għan li jkompli jissaħħaħ il-qafas, anki billi jitqiesu l-każijiet ta' prestazzjoni negattiva u tnaqqis konsegwenti tal-finanzjamenti;

16.  Itenni l-importanza tal-IPA II, inkwantu l-istrument prinċipali ta' finanzjament tal-UE għall-finanzjament ta' qabel l-adeżjoni tar-riformi soċjali, ekonomiċi, politiċi u istituzzjonali f'setturi prijoritarji bil-għan li l-pajjiżi jkunu allinjati mal-acquis tal-UE; josserva li tali riformi jistgħu wkoll jikkontribwixxu għas-sigurtà reġjonali fit-tul; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-attenzjoni strateġika tal-IPA II, iżda jissottolinja li l-finanzjament skont l-IPA II irid ikun ambizzjuż u jħares fil-bogħod kif ukoll iwieġeb il-bżonnijiet, l-obbligi u l-aspirazzjonijiet reali marbuta mal-proċess ta' adeżjoni u l-kundizzjoni ta' Stat Membru tal-UE; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-fondi għandhom jintużaw f'konformità mal-objettivi speċifiċi relatati mal-istrument;

17.  Jirrikonoxxi li l-Faċilità għas-Soċjetà Ċivili tal-IPA II toffri sostenn kruċjali lill-organizzazzjonijiet lokali tas-soċjetà ċivili (OSĊ); jenfasizza li l-impenji ma jikkorrispondux għall-bżonnijiet reali fil-post; jitlob, f'dan il-kuntest, aktar komplementarjetà bejn l-IPA II u l-azzjonijiet ta' strumenti oħrajn, primarjament l-EIDHR u l-IcSP; josserva li dan jirrikjedi aktar koordinament, matul il-fażijiet kemm ta' ppjanar kif ukoll ta' programmazzjoni;

18.  Iqis bħala validu l-approċċ settorjali iżda jiddispjaċih bin-nuqqas ta' sjieda ċara tal-proġetti minħabba r-responsabbiltajiet frammentati; jikkonstata li l-ġestjoni indiretta tejbet is-sjieda ġenerali tal-programmi iżda wasslet ukoll għal inqas effiċjenza minħabba żminijiet ta' implimentazzjoni twal;

19.  Jilqa' pożittivament l-inizjattivi biex jinħolqu sistemi għal monitoraġġ aħjar u kejl aqwa tal-prestazzjoni, anki permezz ta' Kumitati ta' Monitoraġġ Settorjali, il-linji gwida interni u l-iżvilupp ta' sistema ta' ġestjoni tal-informazzjoni (OPSYS) ġdida;

ENI

20.  Jilqa' favorevolment l-appoġġ għar-riformi strutturali mogħti fil-forma ta' assistenza pprogrammata u jissottolinja n-natura speċjali tal-ENI, li tippermetti lill-UE tfassal politiki ad hoc li jadattaw ruħhom għall-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi sħab;

21.  Jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, skont liema l-eżistenza ta' strument ta' finanzjament iddedikat għall-viċinat uriet li kienet prova konkreta tal-importanza politika li l-UE tagħti lir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien u lill-approfondiment tal-kooperazzjoni politika u tal-integrazzjoni ekonomika mar-reġjun u fi ħdan l-istess reġjun;

22.  Jirrikonoxxi li l-isfidi attwali u l-bżonnijiet tal-pajjiżi tal-viċinat, kif ukoll id-diskrepanzi bejn l-objettivi, l-interessi u r-riżorsi finanzjarji, ħolqu diffikultajiet gravi għall-baġit u għar-riżorsi umani tal-ENI, u jissottolinja l-bżonn ta' flessibbiltà akbar;

23.  Jinsab imħasseb bil-fatt li l-finanzjament tal-ENI kien inqas effikaċi fost il-pajjiżi sħab inqas impenjati favur ir-riformi u li jibqa' impenjattiv iżda neċessarju f'sitwazzjonijiet politikament sensittivi u ta' kunflitt, speċjalment f'dik li hija l-promozzjoni tal-valuri kondiviżi tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; jiddispjaċih li l-approċċ "aktar għal aktar" u l-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi ma ntużawx b'mod effikaċi u li l-pajjiżi li qegħdin jitbiegħdu b'mod evidenti mill-impenji ddikjarati tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u r-riformi demokratiċi gawdew, fil-perjodu ta' programmazzjoni l-aktar reċenti, minn assistenza finanzjarja dejjem akbar;

24.  Itenni li mill-2014 il-viċinat qiegħed iħabbat wiċċu ma' sfidi liema bħalhom minħabba l-għadd dejjem ogħla ta' theddid qadim u ġdid bħall-annessjoni illegali tal-Peniżola tal-Krimea min-naħa tar-Russja u l-kunflitt fil-Punent tal-Ukrajna, il-kriżi Sirjana, is-sitwazzjoni fil-Libja, ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-isfida tal-migrazzjoni;

25.  Jinsab imħasseb bil-fatt li dawn l-iżviluppi, kif ukoll id-diskrepanzi bejn l-objettivi, l-interessi tal-UE u tal-pajjiżi sħab u r-riżorsi finanzjarji disponibbli, wasslu sal-limitu l-kapaċità finanzjarja ta' dan l-istrument, filwaqt li jevidenzja l-bżonn ta' flessibbiltà akbar;

26.  Jissottolinja li l-valuri u l-prinċipji tal-UE bħad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-istituzzjonijiet pubbliċi effiċjenti, responsabbli u trasparenti huma fl-interess kemm tas-soċjetajiet ġirien kif ukoll tas-soċjetà tagħna f'termini ta' stabbiltà, sigurtà u prosperità; jilqa' b'sodisfazzjon is-sostenn għar-riformi strutturali mogħti bħala assistenza pprogrammata; iqis li l-implimentazzjoni tal-prinċipju tad-differenzjazzjoni ppermettiet lill-UE tadatta s-sostenn tagħha għall-bżonnijiet u għall-ambizzjonijiet tal-pajjiżi sħab;

27.  Jieħu nota tal-kontribuzzjonijiet, mill-ENI, lill-Fond Madad u lill-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika;

28.  Jissottolinja l-bżonn ta' koordinament akbar bejn il-programmi reġjonali u bilaterali u l-faċilitajiet ta' investiment biex ikun sostnut u promoss b'mod aktar effikaċi l-iżvilupp tas-settur privat; josserva titjib ċkejken tal-lakuni relatati man-nuqqas ta' programmazzjoni konġunta mal-Istati Membri;

29.  Jilqa' pożittivament il-monitoraġġ tal-assistenza mill-ENI permezz tal-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati (MOR); jiddispjaċih bl-assenza ta' sistemi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni konsistenti fil-livell tal-istrumenti;

30.  Jenfasizza li l-appoġġ tekniku u l-assistenza ekonomika relatati mal-kummerċ mogħtija fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) lill-eqreb pajjiżi sħab tal-Unjoni fuq il-fruntieri tagħha tan-Nofsinhar u tal-Lvant jikkostitwixxu kontribut importanti għall-iżvilupp demokratiku f'dawk ir-reġjuni; josserva li l-fondi fil-qafas tal-ENI jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw il-kummerċ u għalhekk jistgħu jkunu komplementari għall-finanzjament tal-UE eżistenti għall-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, li għandhom jiggarantixxu aħjar l-istabbiltà politika fit-terminu medju u twil;

IcSP

31.  Jirrikonoxxi li l-valur miżjud prinċipali tal-IcSP huwa r-rapidità u l-flessibbiltà tiegħu meta jiġi biex jindirizza l-kunflitti kif ukoll il-firxa wiesgħa ta' atturi ċivili li magħhom l-UE tista' tikkollabora; ifakkar li l-IcSP huwa l-uniku strument tal-UE għall-prevenzjoni ċivili tal-kunflitti, inklużi l-medjazzjoni, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni;

32.  Jieħu nota tal-kumplikazzjonijiet involuti fil-ġbir tad-data u fil-kejl tar-riżultati tal-azzjonijiet tal-IcSP, it-tnejn li huma wrew li huma impenjattivi minħabba d-diffikultajiet marbuta mal-valutazzjoni tal-eżiti politiċi, mal-attribuzzjoni tar-riżultati għall-azzjonijiet tal-IcSP meta s-segwitu jsir b'azzjonijiet konkomitanti fl-ambitu ta' strumenti oħrajn u minħabba d-diffikultajiet ta' aċċess għaż-żoni milquta minn kunflitti;

33.  Josserva li l-bżonn ta' prevenzjoni tal-kunflitti u tal-indirizzar tal-isfidi fil-qasam tas-sigurtà żdied drastikament dan l-aħħar; jemmen li, f'ħafna pajjiżi bi kriżijiet ta' wara l-gwerer, jeżisti l-bżonn ta' inizjattivi ta' rikonċiljazzjoni kif ukoll ta' medjazzjoni u djalogu; jissottolinja l-bżonn ta' azzjoni rapida fil-kuntest tal-kriżijiet u tal-kunflitti; jisħaq fuq il-bżonn li jiżdiedu b'mod sinifikanti l-fondi disponibbli għal inizjattivi bħal dawn; josserva li l-emenda tal-IcSP, f'Novembru 2017, timmira li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' sigurtà tal-pajjiżi terzi bil-għan li jiġu promossi l-istabbiltà, is-sigurtà u l-iżvilupp sostenibbli; josserva li l-IcSP jagħmilha ta' miżura bħala l-aħħar riżorsa jew ta' prekursur għall-azzjonijiet f'terminu itwal iffinanzjati minn strumenti oħrajn;

34.  Josserva li l-IcSP huwa fil-fażijiet inizjali tal-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku fil-livell globali; iħeġġeġ li tingħata aktar attenzjoni liċ-ċibersigurtà, anki bis-saħħa ta' strateġija koerenti applikabbli għall-azzjonijiet esterni kollha tal-UE; jitlob żieda parallela tal-fondi allokati għaċ-ċibersigurtà fl-ambitu tal-IcSP bħala strument xieraq biex ikun indirizzat dan it-theddid;

35.  Josserva li żdiedet il-kooperazzjoni mal-interventi fil-qafas tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u l-operazzjonijiet u l-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) kif ukoll l-għajnuna umanitarja tal-UE;

EIDHR

36.  Jissottolinja l-valur miżjud tal-approċċ olistiku fil-livell dinji tal-EIDHR, minkejja l-baġit relattivament żgħir tiegħu, u l-importanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jilħaq l-objettiv tiegħu, kif ukoll il-karatteristika unika tiegħu li tikkonsisti mill-fatt li huwa l-uniku strument li bis-saħħa tiegħu l-UE tista' ssostni l-azzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendentement mill-indħil tal-awtoritajiet tal-Istat ikkonċernat minn tali azzjonijiet;

37.  Josserva li, fil-perjodu attwali, l-EIDHR intuża f'mod aktar flessibbli u b'aktar komplementarità meta mqabbel mal-perjodu preċedenti, b'reazzjoni aktar rapida għall-kriżijiet emerġenti relatati mad-drittijiet tal-bniedem u mad-demokrazija; jilqa' pożittivament il-komplementarjetà tiegħu mal-finanzjamenti minn għejun oħra bħall-Fond Ewropew għad-Demokrazija, li żżid l-effikaċja tal-fondi tal-EIDHR f'każijiet urġenti; jilqa' favorevolment l-enfasi akbar fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, anki permezz tal-fond ta' emerġenza disponibbli fil-livell tad-delegazzjonijiet tal-UE, kif ukoll it-twaqqif u l-funzjonament b'suċċess tal-mekkaniżmu tal-UE għall-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) ProtectDefenders.eu; jenfasizza li s-sejħa għal proposti hija proċess twil, skomdu u iperkompetittiv;

38.  Josserva, barra minn hekk, il-vantaġġi tal-mekkaniżmu ProtectDefenders.eu, implimentat mis-soċjetà ċivili, li ta appoġġ essenzjali lil għadd kbir ta' DDB; jitlob li l-appoġġ lil tali mekkaniżmi ma jiġix interrott;

39.  Jinsab imħasseb bid-diffikultajiet fl-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri demokratiċi permezz ta' programmi ġeografiċi u bis-sostenn imnaqqas mogħti mill-UE lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li wasslu għal żieda fil-pressjoni fuq l-EIDHR f'mument li fih l-ispazju għas-soċjetà ċivili qiegħed jiċkien fid-dinja kollha;

40.  Jemmen li l-UE għandha tassumi rwol ta' tmexxija u turi li hija ambizzjuża billi tħaddan politika onnikomprensiva għall-integrazzjoni tas-sostenn tagħha lid-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni kollha tagħha; iqis, għaldaqstant, li l-finanzjamenti allokati lis-sostenn għad-demokrazija jridu jiżdiedu b'konsegwenza ta' dan, partikolarment fid-dawl tal-attakki reċenti fuq id-demokrazija fid-dinja kollha; jinsisti fuq il-bżonn li jkun żgurat li l-infiq għall-Objettiv 1 tal-Iskema ta' Appoġġ għall-Pajjiżi (CBSS) jilħaq b'mod effikaċi u effiċjenti d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma dawk li jinsabu l-aktar f'riskju; iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE jużaw is-sostenn kollu neċessarju għal dan il-għan;

41.  Jirrikonoxxi li l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet tal-EIDHR tirriżulta problematika minħabba l-assenza ta' indikaturi strateġiċi u operattivi; josserva li l-isfidi fl-evalwazzjoni ġejjin ukoll mill-fatt li parti sinifikanti tas-sostenn favur l-OSĊ u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tingħata, bir-raġun, b'mod kunfidenzjali biex jitħarsu l-identità u s-sikurezza tal-benefiċjarji;

42.  Itenni l-valur miżjurd tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE, qasam li fih l-UE tiżvolġi rwol ta' tmexxija fil-livell dinji; jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda fl-għadd ta' missjonijiet ta' monitoraġġ u segwitu biex jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' monitoraġġ elettorali;

PI

43.  Jissottolinja li l-PI huwa speċifikament maħsub biex isegwi interessi speċifiċi tal-UE u interessi komuni mal-pajjiżi terzi biex jinbnew alleanzi u titrawwem il-kooperazzjoni mas-sħab strateġiċi attwali u emerġenti; jikkonstata li, fil-prattika, il-PI jintuża bħala strument fil-każ tal-aħħar riżorsa, jiġifieri meta jitqies l-uniku strument li jista' jiffaċilita s-segwiment tal-aġenda politika tal-UE u jegħleb l-isfidi globali;

44.  Jikkonstata li, meta mqabbel ma' strumenti preċedenti, il-PI kien kapaċi jimpenja ruħu f'aktar modi ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi, inklużi s-sħab strateġiċi, il-pajjiżi li ma baqgħux jibbenefikaw mill-għajnuna bilaterali għall-iżvilupp u diversi fora internazzjonali, iżda huwa tal-fehma li ż-żieda fil-forniment ta' riżorsi u kontributi min-naħa tas-servizzi li jfasslu l-politiki hija neċessarja biex ikun żgurat li jkunu involuti bis-sħiħ fid-definizzjoni, fil-programmazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, kif ukoll biex jissaħħaħ ir-rwol attiv li jiżvolġu d-delegazzjonijiet tal-UE fil-formulazzjoni tal-azzjonijiet, u biex tissaħħaħ il-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-Istati Membri;

45.  Huwa favur it-titjib tal-viżibbiltà tal-objettivi tal-PI u li dawn isiru magħrufa u mifhuma, speċjalment fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

46.  Josserva b'dispjaċir li l-evalwazzjoni ġiet ostakolata mill-fatt li ma nħolqitx sistema ta' ġestjoni ċentrali tad-dokumentazzjoni tal-azzjonijiet minħabba l-adozzjoni tardiva ta' qafas ta' indikaturi tar-riżultati u tan-natura mhux mitmuma tal-biċċa l-kbira tal-proġetti;

RIK

47.  Ifakkar li l-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE jikkostitwixxu ġabra kumplessa ta' strumenti tal-UE maħsuba biex issostni u ssaħħaħ l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali u li l-istruttura kumplessa tagħhom hija kkoordinata mir-RIK; itenni li r-RIK għandu jissodisfa l-kriterji ta' skrutinju baġitarju u ta' sorveljanza demokratika; jiddispjaċih bil-fatt li l-kumplessità għolja u n-natura restrittiva tar-RIK ostakolaw l-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-Unjoni u qegħdin jimpedixxu risposta fil-pront għall-isfidi u għall-bżonnijiet il-ġodda tas-sħab; jiddispjaċih li l-eżistenza ta' regoli komuni ma wasslitx għal programmazzjoni konġunta tal-assistenza fost l-istrumenti;

48.  Josserva li r-RIK ġie stabbilit għal skopijiet ta' armonizzazzjoni, semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni, aktar flessibbiltà, koerenza, konsistenza u effikaċja tal-użu tar-riżorsi tal-Unjoni, u ta' approċċ adegwat u komplementari tal-implimentazzjoni tal-istrumenti kollha;

49.  Iqis li l-fatt li jkun hemm biżżejjed ħin huwa kruċjali biex il-Parlament ikun jista' jeżerċita tajjeb u kif suppost is-setgħat ta' skrutinju tiegħu fir-rigward ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni; iqis li, minħabba l-ammont ta' żmien li jieħdu l-abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni biex jitħejjew qabel ma jaslu għand il-Kumitati ENI, IPA II, EIDHR, IcSP, PI u DCI, in-nuqqas ta' osservanza mal-limitu taż-żmien ta' 20 jum sabiex id-dokumenti jiġu ppreżentati lill-Parlament u lill-Kunsill fl-aħħar fażi tal-adozzjoni tal-att ta' implimentazzjoni ma jistax ikun iġġustifikat; jiddispjaċih għaldaqstant li l-iskadenza ta' 20 jum ta' kalendarju mhijiex dejjem rispettata, u jqis li d-dritt tiegħu ta' skrutinju huwa mfixkel; jappella għall-preżentazzjoni tal-abbozzi tal-miżuri ta' implimentazzjoni kollha mill-anqas 20 jum minn qabel, u jistieden lill-Kummissjoni temenda r-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat ENI, IPA II, EIDHR, IcSP, PI u DCI sabiex testendi dan il-limitu ta' żmien ta' 20 jum għall-preżentazzjoni, u b'hekk tiffaċilita s-setgħat ta' skrutinju tal-Parlament;

50.  Jiddispjaċih li l-viżibbiltà tal-politika ta' finanzjament estern tal-UE tibqa' limitata f'kuntest li fih il-partijiet terzi jippruvaw jimminaw, b'mod attiv, il-politika estera tal-UE permezz tad-diżinformazzjoni;

Rakkomandazzjonijiet għall-2017/2018-2020

51.  Jitlob li l-valuri u d-drittijiet tal-bniedem universali u tal-UE jibqgħu fil-qalba tal-azzjonijiet esterni kollha tal-UE;

52.  Iħeġġeġ aktar sinerġiji u koerenza bejn l-istrumenti kollha tal-Intestatura 4, kif ukoll koordinament aħjar mal-programmi ta' assistenza bilaterali tal-Istati Membri u, fejn possibbli, tad-donaturi l-oħra; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinament ta' bejniethom, anki mal-OSĊ u mal-atturi lokali, u jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

53.  Jitlob il-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni sodi, konsistenti u trasparenti; itenni li dawn il-mekkaniżmi jkunu jippermettu li jiġi ttraċċat il-progress tanġibbli rigward l-objettivi kruċjali relatati mar-riformi fil-pajjiżi ġirien, li huwa partikolarment importanti meta dawn ir-riformi jieqfu jew jiddewmu;

54.  Jitlob tisħiħ tal-proċeduri u tas-sistemi ta' kontroll u skrutinju parlamentari li jkunu konsistenti għall-istrumenti kollha; jirrakkomanda li titjieb it-trasparenza permezz tal-ħolqien ta' bażi tad-data unika pubblika komuni u trasparenti tal-proġetti u tal-azzjonijiet;

55.  Jisħaq fuq il-bżonn li jkunu fornuti aktar riżorsi finanzjarji u appoġġ b'taħriġ lill-OSĊ; jinsisti fuq il-bżonn ta' miżuri urġenti biex ikomplu jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi u l-ostakli proċedurali li magħhom ikollhom iħabbtu wiċċhom l-OSĊ, speċjalment l-OSĊ lokali; jitlob li jkunu ddedikati linji baġitarji speċifiċi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-OSĊ biex tiżdied il-kapaċità tagħhom li jaċċedu għall-finanzjamenti; jiddispjaċih li fil-kuntest tar-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni ma tqajmitx il-kwistjoni tan-nuqqas ta' parteċipazzjoni min-naħa tal-OSĊ fil-programmazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-istrumenti esterni; jistieden lill-Kummissjoni tintegra b'mod aktar strateġiku l-involviment tal-OSĊ fl-istrumenti u fil-programmi esterni kollha, kif talbu kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament;

56.  Huwa favur promozzjoni aktar diretta u attiva tal-politiki tal-UE, tal-assistenza finanzjarja tagħha u tal-viżibbiltà tagħha;

57.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu rigward il-possibbiltà li l-fondi mhux allokati tal-ENI u tal-IPA II ikunu trasferiti, f'limitu ta' 10 % tal-approprjazzjonijiet inizjali għal kull strument biex tiżdied il-kapaċità ta' reazzjoni għal avvenimenti imprevisti, filwaqt li jinżammu l-objettivi preskritti fir-regolamenti rilevanti tal-ENI u tal-IPA II;

IPA II

58.  Isostni l-prinċipji elenkati fl-Artikolu 21 tat-TUE u jirrakkomanda li ssir enfasi aktar qawwija fuq it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riformi tal-amministrazzjoni pubblika, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u tal-governanza tajba u li jsir titjib fl-implimentazzjoni konsistenti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet tal-minoranzi; jitlob sostenn akbar għar-riformi fis-setturi rilevanti għall-proċess ta' adeżjoni, kif ukoll għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali, biex il-politika tal-UE fil-qasam tat-tkabbir tal-UE tkun integrata;

59.  Jirrakkomanda li jitħalla t-trasferiment ta' fondi lis-soċjetà ċivili meta l-awtoritajiet statali ma jkunux disposti jirrispettaw l-objettivi ddikjarati tal-UE, jew ma jkunux disposti jikkooperaw fuq l-objettivi tal-istrument; jistieden lill-Kummissjoni timmodera jew tissospendi l-finanzjamenti lill-pajjiżi li jiksru b'mod gravi l-valuri fundamentali tal-UE, inklużi l-kriterji bażiċi ta' Copenhagen; jitlob li jitħaffef il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji mill-OSĊ li japplikaw għall-finanzjamenti tal-UE;

60.  Jitlob l-involviment tal-Parlament fil-każ li tkun eżaminata sospensjoni tal-fondi jew bidliet sinifikanti tal-allokazzjonijiet massimi;

61.  Jinsisti fuq is-sjieda soda min-naħa tal-benefiċjarji, mill-programmazzjoni sal-monitoraġġ u l-awditjar; jistieden lill-Kummissjoni toffri assistenza mmirata lill-awtoritajiet ta' awditjar nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-metodoloġija, mal-ippjanar, mar-reklutaġġ, mat-taħriġ u mas-superviżjoni;

62.  Jirrakkomanda sostenn akbar lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-koordinament tad-donaturi li għandhom kapaċità dgħajfa iżda li juru li għandhom ir-rieda politika biex jilħqu l-objettivi; jiddispjaċih bin-nuqqas ta' trasparenza rigward il-kapaċità ta' assorbiment ta' dawn il-fondi;

63.  Iħeġġeġ li l-fondi jkunu diretti lejn setturi b'riżultati pożittivi murija bil-provi, b'hekk ikun evitat dewmien kroniku li kien fl-ambitu tal-IMBC, speċjalment fit-Turkija;

64.  Jitlob viżibbiltà akbar tal-IPA II fir-reġjun fid-dawl tal-importanza kruċjali tal-politika ta' tkabbir tal-UE, pereżempju permezz ta' kampanji mmirati ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-midja nazzjonali, reġjonali u lokali, jew kwalunkwe mezz ieħor li jitqies xieraq, b'rekwiżiti minimi u l-monitoraġġ tagħhom definiti mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-benefiċjarji; isostni l-isforzi mmirati ta' kontropropaganda u komunikazzjoni strateġika, speċjalment fil-każijiet li fihom l-immaġni u l-interessi tal-UE jinsabu attivament fil-mira u pperikolati;

65.  Jirrakkomanda li jintużaw il-fondi tal-IPA II biex jinħolqu kanali ta' komunikazzjoni għall-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi ta' qabel l-adeżjoni, sabiex jinħolqu rabtiet kummerċjali b'saħħithom bejn l-oqsma rispettivi, li jistgħu jkunu utli ħafna sabiex il-pajjiżi benefiċjarji jkunu preparati għall-adeżjoni fis-suq uniku;

66.  Itenni l-utilità tal-ippremjar tal-prestazzjoni finanzjarja għall-pajjiżi li jagħmlu progress, kif previst mir-Regolament IPA II;

67.  Iqis li l-flessibbiltà u l-użu tal-fondi biex ikunu indirizzati s-sitwazzjonijiet ta' kriżi speċifiċi jridu jkunu konformi mal-prijoritajiet ewlenin tal-istrument u mal-prinċipji fundamentali tal-istrateġija ta' tkabbir u tal-proċess ta' adeżjoni, li jeħtieġ li jibqgħu prijorità prinċipali tal-IPA II;

68.  Jitlob koordinament aqwa u aktar sinerġiji fil-fażijiet ta' ppjanar u programmazzjoni tal-IPA II mal-azzjonijiet ta' strumenti oħrajn, jiġifieri l-EIDHR u l-IcSP, biex b'hekk tkun żgurata l-koerenza u titjieb il-komplementarjetà kemm internament, bejn l-objettivi u l-programmi tiegħu, kif ukoll fir-rigward ta' SFE oħrajn;

ENI

69.  Jenfasizza l-bżonn ta' dokument strateġiku ġenerali għall-implimentazzjoni tal-ENI, li jallinja l-assistenza mal-qafas politiku usa', u għall-koordinament aħjar mal-istrumenti l-oħra; jenfasizza li l-prijoritajiet tal-programmazzjoni tal-ENI għandhom ukoll jinkludu l-iżvilupp soċjoekonomiku, iż-żgħażagħ u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi enerġetiċi;

70.  Jiddispjaċih li l-programmazzjoni pluriennali diġà saret għall-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji matul l-2017, qabel ma tlestiet l-analiżi ta' nofs it-terminu tal-assistenza f'dawn il-pajjiżi; ifakkar li l-Parlament ħareġ ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-programmazzjoni fl-okkażjoni ta' djalogu strateġiku mal-Kummissjoni f'April 2017;

71.  Jisħaq fuq il-viżibbiltà politika u l-effett ta' lieva għall-UE li l-ENI, bħala strument ta' finanzjament għalih waħdu, jiżgura fil-viċinat, kemm tal-Lvant kif ukoll tan-Nofsinhar;

72.  Jitlob li jinżamm il-bilanċ attwali fl-allokazzjoni tal-fondi bejn il-viċinat tan-Nofsinhar u dak tal-Lvant tal-Unjoni;

73.  Jissottolinja l-interkonnessjoni bejn l-istabbilizzazzjoni, is-sostenn għad-demokratizzazzjoni, il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, l-edukazzjoni u l-żvilupp soċjoekonomiku; jisħaq fuq l-importanza tal-proġetti li jsostnu ż-żgħażagħ fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-impjegabbiltà;

74.  Itenni l-importanza tal-kapaċità ta' reazzjoni b'mod aktar rapidu għall-isfidi;

75.  Jenfasizza li l-investimenti favur l-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pajjiżi tal-viċinat jindirizzaw anki problemi bħall-migrazzjoni, it-terroriżmu, il-kunflitti lokali u l-instabbiltà ekonomika, fatt li, fit-terminu twil, se jkun ta' ġid tal-UE kollha kemm hi;

76.  Jissottolinja li l-ispeċifiċità tal-isfidi fil-viċinat tirrikjedi approċċ integrat u komprensiv ibbażat fuq id-diversi bżonnijiet u sitwazzjonijiet tal-benefiċjarji, anki permezz ta' sinerġiji ma' SFE oħrajn u għall-politiki kollha tal-Unjoni; jissottolinja li wieħed mill-kompiti primarji jikkonsisti fl-implimentazzjoni rapida u effikaċi tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni (AAs) u taż-żoni ta' kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi (DCFTAs) kif ukoll tar-riformi relatati kollha, li jeħtieġ li jkunu sostnuti b'riżorsi finanzjarji adegwati min-naħa tal-UE;

77.  Itenni l-importanza ta' programmazzjoni konġunta aktar approfondita mal-Istati Membri, barra mill-progress pożittiv li jsir fl-analiżijiet konġunti, fil-koordinament u fil-bini tal-kunsens dwar il-prijoritajiet tad-donaturi; iħeġġeġ koordinament aqwa bejn id-donaturi, speċjalment fit-tagħqid mal-fondi minn strumenti oħrajn tal-UE, donaturi oħrajn u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bil-għan li tkun mirfuda t-tranżizzjoni ekonomika u l-istabbiltà fil-pajjiżi sħab;

78.  Jinsab imħasseb bil-fatt li l-kapaċitajiet finanzjarji u ta' reazzjoni tal-istrument waslu sal-limitu tagħhom; jiddispjaċih bil-fatt li, fil-fażi ta' ppjanar, ma tqisux biżżejjed il-kompetenzi interni fil-forma ta' analiżi tar-riskju politiku u ġeopolitiku;

79.  Jikkonkludi li, fid-dawl tal-isfidi attwalment preżenti fil-viċinat, taf tkun neċessarja żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi permezz ta' emendi leġiżlattivi;

80.  Itenni li l-objettivi tal-fondi pprogrammati fl-ambitu tal-ENI għandhom jiġu rispettati meta tali riżorsi jgħaddu għand modalitajiet oħrajn, pereżempju l-Fondi Fiduċjarji, u li l-iskrutinju parlamentari huwa neċessarju u ma għandu qatt jiġi evitat;

81.  Jitlob involviment aktar b'saħħtu tas-soċjetà ċivili fl-identifikazzjoni tal-bżonnijiet;

82.  Jitlob li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-kundizzjonalità u l-mekkaniżmi bbażati fuq l-inċentivi li jsostnu r-riformi politiċi u ekonomiċi, meta neċessarju, u li huma relatati mar-riformi u mal-objettivi strateġiċi; jiddispjaċih bil-fatt li l-ENI ma kienx kapaċi joffri biżżejjed inċentivi lill-pajjiżi li jsibuha bi tqila jintrabtu li jwettqu riformi politiċi; jitlob il-monitoraġġ effikaċi tal-ENI fil-livell ta' strument;

83.  Jinsab imħasseb dwar il-qerda u l-konfiska tal-assistenza ffinanzjata mill-UE fil-pajjiżi terzi; jitlob li jsiru aktar sforzi biex titjieb il-komunikazzjoni strateġika u l-viżibbiltà tal-UE fil-pajjiżi tal-viċinat;

IcSP

84.  Jitlob aktar sforzi biex ikun sfruttat il-piż tal-IcSP permezz ta' djalogi strateġiċi regolari mas-sħab u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali; jitlob, f'dan il-kuntest, li jkun żgurat il-kofinanzjament min-naħa ta' donaturi importanti oħrajn li għandhom interess fl-eżiti tal-azzjonijiet rilevanti;

85.  Jitlob titjib tal-qafas strateġiku u tas-sinerġiji bejn l-IcSP u l-azzjonijiet ta' segwitu minn strumenti u atturi oħra;

86.  Jitlob kooperazzjoni akbar bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra, il-gvernijiet u l-isituzzjonijiet tal-UE biex ikun miġġieled it-theddid emerġenti l-ġdid, bħal fis-settur tal-kunflitti ibridi u taċ-ċibersigurtà, li fihom jistgħu jintużaw il-kompetenzi tekniċi tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA);

87.  Jirrakkomanda użu aktar strateġiku tal-kapaċità ta' medjazzjoni tal-IcSP mhux biss fir-rigward tal-kunflitti ta' impatt lokalizzat, iżda wkoll bħala sostenn għall-proċess ta' paċi u tad-djalogu fil-kunflitti eżistenti jew emerġenti ta' importanza globali, u jitlob titjib tas-sistemi ta' twissija bikrija u l-istrumenti ta' analiżi tal-kunflitti li tkun tippermetti prevenzjoni u konsolidament tal-paċi aħjar;

88.  Jenfasizza li dan l-istrument lill-Unjoni issa jħalliha tiffinanzja miżuri ta' taħriġ u l-provvista ta' tagħmir mhux letali (bħal sistemi informatiċi, sptarijiet, eċċ.) lill-forzi armati tal-pajjiżi terzi, biex jaqdu l-bżonnijiet urġenti, fit-terminu qasir u medju, bħala parti mill-isforzi biex jintlaħqu l-objettivi fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli;

EIDHR

89.  Itenni l-importanza fundamentali li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi jkunu sostnuti u promossi, inkluża l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, indipendentement mill-indħil tal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi;

90.  Josserva l-effikaċja u l-importanza tal-EIDHR f'dan ir-rigward, li jopera f'kuntest ta' tiċkin tal-ispazji għas-soċjetà ċivili; itenni l-bżonn kostanti ta' finanzjamenti ad hoc għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija mingħajr l-ebda tnaqqis; jitlob, barra minn hekk, li tkun ikkunsidrata l-possibbiltà li jiżdiedu l-fondi għall-assistenza urġenti lid-DDB, kif ukoll għall-promozzjoni effikaċi tad-disponibbiltà ta' tali fondi;

91.  Itenni li l-EIDHR ma għandux ikun limitat fil-portata tiegħu jew jintuża sempliċement bħala strument biex jimla l-lakuni li jħallu l-istrumenti l-oħra, iżda li l-promozzjoni mmirata tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem għandha tkun għan ċar u strateġiku fiha nnifisha;

92.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni għall-kwistjonijiet tat-tiċkin tal-ispazji għas-soċjetà ċivili, għall-ksur dejjem akbar tad-drittijiet tal-bniedem u azzjonijiet ta' repressjoni, pereżempju billi jiżdiedu l-fondi disponibbli għall-programmi ta' reazzjoni globali bħall-mekkaniżmu tal-UE għad-DDB ProtectDefenders.eu; jistieden lill-UE tkompli tiffinanzja d-DDB, partikolarment dawk f'riskju, u s-soċjetà ċivili, kif ukoll il-gruppi emarġinati bħan-nisa, il-popolazzjonijiet indiġeni, ir-Rom, il-persuni LGBTI, il-persuni b'diżabilità, it-tfal u l-anzjani;

93.  Jirrakkomanda ppjanar strateġiku akbar f'kollaborazzjoni mal-gwida politika tal-awtoritajiet tal-UE u l-koerenza mal-istrumenti l-oħra, b'mod partikolari fil-pajjiżi li għaddejjin minn deklin tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards demokratiċi, biex tkun miġġielda t-tendenza globali tal-awtoritariżmu;

94.  Jissottolinja l-importanza li tingħata attenzjoni partikolari lil temi ta' rilevanza internazzjonali li fit-terminu qasir, medju u/jew twil jistgħu jsostnu l-globalizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, is-saltna tad-dritt internazzjonali u l-ġustizzja; jitlob sostenn akbar mill-EIDHR f'għadd ta' temi emerġenti bħall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-impriżi, id-drittijiet ambjentali u d-drittijiet tal-migranti;

95.  Jilqa' favorevolment is-sostenn lill-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali għad-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà bħall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

96.  Jirrakkomanda sforzi kostanti għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fid-dinja;

97.  Itenni l-impenji tal-Kummissjoni għas-sostenn ulterjuri tas-soċjetà ċivili u għall-promozzjoni ta' klima favorevoli għall-OSĊ fil-pajjiżi sħab; jinsisti fuq il-bżonn ta' ħidma urġenti biex ikomplu jitnaqqsu l-ostakoli burokratiċi li jsibu quddiemhom l-OSĊ; jinkoraġġixxi lid-delegazzjonijiet tal-UE jfittxu b'mod attiv lid-DDB u lill-OSĊ li jaħdmu fuq temi sensittivi li għalihom jinħtieġu finanzjamenti, jippubblikaw sejħiet għal proposti bil-lingwi lokali u jippermettu lill-applikanti jressqu proposti għal proġetti b'dawn il-lingwi, b'hekk tissaħħaħ ukoll is-sjieda lokali u l-integrazzjoni fit-tul tal-proġetti;

98.  Jitlob li tingħata aktar attenzjoni lis-sostenibbiltà tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-EIDHR, b'mod partikolari fil-kuntest tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali (MOE) fejn hemm lok mhux ħażin biex jiżdied it-trasferiment tal-għarfien lill-atturi lokali u jitjieb is-segwitu li jingħata lir-rakkomandazzjonijiet; jitlob koordinament aqwa bejn l-ippjanar tal-MOE u l-attivitajiet ta' osservazzjoni elettorali tal-Parlament;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti finanzjamenti speċifiċi lill-proġetti mmirati lejn l-abbuż dejjem akbar tat-teknoloġiji ta' sorveljanza u fuq l-attakki online minn gvernijiet repressivi u minn atturi mhux statali;

100.  Jitlob il-ħolqien ta' sistemi ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni li jinvolvu l-kontribut tad-DDB;

101.  Jinkoraġġixxi azzjonijiet ikkoordinati mal-IcSP sabiex jitwettqu l-azzjonijiet li jipprevjenu d-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u l-ġenoċidju;

PI

102.  Jilqa' pożittivament l-attenzjoni lejn l-interessi strateġiċi tal-Unjoni;

103.  Jirrakkomanda użu aktar strateġiku u konsolidat tal-fondi disponibbli skarsi fl-ambitu tal-PI, li jiżgura kontribut inklużiv u l-identifikazzjoni ta' azzjonijiet min-naħa tas-servizzi kollha tal-Kummissjoni u tas-SEAE, b'kooperazzjoni stretta mal-Istati Membri, u jissottolinja l-importanza ta' PI mgħammar b'riżorsi adegwati biex jiddefendi b'mod proattiv il-valuri u l-interessi tal-UE fil-kuntest ta' kunsens trans-Atlantiku f'deklin u ta' għadd dejjem akbar ta' pajjiżi b'introjtu medju, anki fl-Asja u fl-Amerka Latina, li l-importanza strateġika tagħhom qiegħda tikber b'ritmu mgħaġġel;

104.  Jirrakkomanda analiżi tal-allokazzjoni ġeografiċi fil-Programm Indikattiv Pluriennali (MIP) li jmiss biex jadatta ruħu għall-isfidi; jissuġġerixxi, f'dan il-kuntest, kopertura aħjar tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi mhux strateġiċi, pereżempju l-pajjiżi b'introjtu medju, li bħalissa l-kopertura tagħhom mhijiex biżżejjed;

105.  Jirrakkomanda allinjament aqwa mal-objettivi tar-RIK u t-temi trasversali;

106.  Jirrakkomanda t-tlestija tas-sistema ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni tiegħu, inklużi l-indikaturi kwalitattivi rilevanti;

107.  Iqis li l-PI jista' jkun għodda importanti biex tiġi sostnuta l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, b'mod partikolari bl-appoġġ tal-ħidma tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu valutati l-użu u d-distribuzzjoni tal-fondi, kif ukoll l-effikaċja tal-PI u tal-programmi "Business Avenue" u "EU Gateway", li għandhom jikkomplementaw il-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tal-promozzjoni tal-kummerċ barrani;

108.  Jinnota li wieħed mill-għanijiet tal-PI huwa d-diplomazija pubblika sabiex tinbena l-fiduċja u l-fehim f'pajjiżi li mhumiex fl-UE fir-rigward tal-politiki tal-UE; jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili huwa tal-akbar importanza, u jilqa' l-allokazzjoni ta' EUR 3 miljun biex tiġi sostnuta l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Gruppi Konsultattivi Domestiċi;

RIK

109.  Jirrakkomanda użu aħjar tar-regoli armonizzati permezz ta', eventwalment, sejħiet konġunti għal proposti u kooperazzjoni aħjar bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE;

110.  Jitlob li d-dispożizzjonijiet tar-RIK jinkludu l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

111.  Jitlob li jkunu intensifikati l-isforzi biex titjieb il-viżibbiltà tal-politika ta' finanzjament estern tal-UE permezz ta' strateġija ta' komunikazzjoni komprensiva u koerenti li tinkludi miżuri li jindirizzaw id-diżinformazzjoni; jitlob l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi ta' kundizzjonalità fil-konfront tas-sħab fl-implimentazzjoni f'każ li ma jiġux rispettati l-miżuri li jtejbu l-viżibbiltà tal-UE;

112.  Ifakkar fl-importanza ewlenija tal-prinċipji tal-iżvilupp u tal-effikaċja tal-għajnuna fl-azzjoni esterna kif enfasizzat fir-RIK, u jitlob lill-Kummissjoni żżomm dawn il-prinċipji kollha fil-miżuri kollha li se tieħu wara r-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu;

113.  Josserva li l-SMEs tal-UE għandhom jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-aċċess għall-istrumenti ta' finanzjament estern permezz ta' regolamentazzjoni inqas kumplessa u aktar favorevoli li tista' tiffaċilita użu aktar flessibbli tal-fondi u, fl-istess waqt, tgħin lill-SMEs jiksbu esperjenza internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-għodod eżistenti mmirati lejn il-promozzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fir-rigward tal-koerenza tagħhom ma' strumenti oħra ta' sostenn tal-Unjoni għall-SMEs, bħal COSME, kif ukoll fir-rigward tas-sussidjarjetà, in-nonduplikazzjoni u l-komplementarjetà fir-rigward tal-programmi tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti f'waqthom għall-analiżi ta' nofs it-terminu ta' dawk il-programmi sabiex jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-informazzjoni u l-għarfien fost l-SMEs dwar l-istrumenti eżistenti, b'mod partikolari fil-livell nazzjonali;

L-arkitettura wara l-2020

114.  Jitlob li l-finanzjament ta' strumenti tar-relazzjonijiet esterni jirrifletti azzjonijiet esterni ambizzjużi u ż-żieda tal-baġit tal-UE bħala attur globali, filwaqt li jibqa' jkun ibbażat fuq valuri u drittijiet u prinċipji fundamentali; itenni li l-azzjonijiet esterni tal-UE jaqdu wkoll l-interessi komuni taċ-ċittadini tal-UE;

115.  Jissottolinja li, jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-proporzjon attwali tal-baġit iddestinat għall-azzjoni esterna għandu jiżdied jew, tal-inqas, jinżamm fil-livelli attwali, bl-applikazzjoni tal-istess loġika għall-istrumenti, għall-politiki u għall-prijoritajiet attwali;

116.  Itenni li tinħtieġ riforma tal-arkitettura attwali tal-istrumenti bil-għan li jingħataw aktar obbligu ta' rendikont, trasparenza u kontroll pubbliku li tkun iżżid ukoll l-effiċjenza, il-koerenza u l-kapaċità ta' reazzjoni kif ukoll l-effikaċja u l-flessibbiltà; iqis li r-riforma tkun tista' żżid ukoll l-effikaċja f'termini ta' kostijiet, tnaqqas is-sovrappożizzjonijiet u l-kunflitti ta' interess fost id-diversi atturi u servizzi tal-Kummissjoni u tikkontribwixxi biex jingħelbu l-isfidi attwali marbuta mal-istrateġija, mal-programmazzjoni u mal-implimentazzjoni;

117.  Ifakkar fir-rwol essenzjali ta' koleġiżlatur tal-Parlament f'dak li għandu x'jaqsam mar-regolament dwar il-QFP li jmiss; itenni d-disponibbiltà tiegħu li jaħdem mal-Kummissjoni, mas-SEAE u mal-Kunsill biex jottimizza l-arkitettura tal-istrumenti ta' finanzjament estern; jenfasizza, madankollu, li l-objettiv ta' kwalunkwe ristrutturar tal-istrumenti għandu jkun dak ta' aktar trasparenza, obbligu ta' rendikont, effiċjenza, koerenza u flessibbiltà; jenfasizza li dawn l-objettivi ma jistgħux jinkisbu mingħajr struttura ta' governanza li tippermetti kontroll politiku, li tkun xprunata mill-istrateġija u li tkun inklużiva u responsabbli; jenfasizza li l-Parlament mhu se jaċċetta l-ebda riforma tal-istrumenti mingħajr struttura ta' governanza soda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipproponu pjan għar-riforma tal-istrumenti li jinkludu tali struttura ta' governanza; jissottolinja d-diskrepanzi bejn il-konklużjonijiet tal-analiżi ta' nofs it-terminu u l-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-istruttura attwali; jissottolinja, barra minn hekk, li jeħtieġ li jkun żgurat skrutinju demokratiku u trasparenti sod min-naħa tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew;

118.  Jappella għal integrazzjoni aħjar tal-Fondi Fiduċjarji u tal-faċilitajiet tal-UE fil-baġit sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-iskrutinju demokratiku tal-SFE; ifakkar fil-ftehim, bħala parti mill-aktar reviżjoni reċenti tar-Regolament Finanzjarju, li jipprevedi l-konsultazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill qabel il-ħolqien ta' Fond Fiduċjarju ġdid għal azzjonijiet tematiċi; jappella, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tagħti informazzjoni dettaljata lill-Parlament dwar kwalunkwe trasferiment awtonomu jew diżimpenn taħt l-Intestatura 4;

119.  Jenfasizza li d-delegazzjonijiet tal-UE, flimkien mal-Istati Membri, jistgħu jgħinu wkoll lill-SMEs jużaw dawn l-istrumenti finanzjarji bil-għan li jinħolqu relazzjonijiet fit-terminu medju bejn l-impriżi tal-UE u l-ekonomiji tal-pajjiżi benefiċjarji;

120.  Jenfasizza li ma jista' jeżisti l-ebda strument mingħajr l-inklużjoni ta' pakketti finanzjarji u allokazzjonijiet ċari u ddedikati għad-diversi għanijiet, objettivi u prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-UE, fosthom id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, is-sostenn lis-soċjetà ċivili, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, l-Istati fraġli, il-politika ta' żvilupp u l-qerda tal-faqar, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u s-sostenn lill-pajjiżi fid-diversi fażijiet tal-adeżjoni mal-UE u lill-pajjiż tal-viċinat tal-UE;

121.  Japprezza l-impenn tal-UE favur kwistjonijiet bħalma huma d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, is-sostenn lis-soċjetà ċivili, kif ukoll diversi għanijiet, objettivi u l-valur politiku u strateġiku speċifiku tal-istrumenti attwali; jissottolinja li r-riforma ma għandhiex timmina l-għanijiet politiċi ta' kull strument; jifhem l-ispeċifiċità f'termini ta' objettivi u implimentazzjoni għal dak li għandu x'jaqsam mal-ENI, l-IPA II u l-EIDHR u jqis, għalhekk, li dawn għandhom jibqgħu indipendenti minħabba kunsiderazzjonijiet strateġiċi u politiċi;

122.  Ifakkar li, mill-2006, l-EIDHR kien l-espressjoni konkreta tal-impenn tal-UE biex issostni u tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi terzi, u ppermettiet lill-UE tintervjeni mingħajr indħil mill-gvernijiet bħala sostenn lill-NGOs reġistrati u mhux reġistrati f'oqsma mhux dejjem koperti mill-Istati Membri;

123.  Jisħaq fuq il-bżonn li jiġu stabbiliti għanijiet komuni, inkluż il-bżonn li jitjieb l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u li jiġu integrati d-drittijiet tal-bniedem, b'hekk jingħata sinifikat lill-Artikolu 21 tat-TUE li jirrikjedi li l-UE tikkonsolida d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt bħala objettiv neċessarju tar-relazzjonijiet esterni;

124.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiżguraw komunikazzjonijiet ċari lill-pajjiżi sħab dwar kwalunkwe riforma;

125.  Jitlob it-twaqqif ta' proċeduri ta' evalwazzjoni u monitoraġġ sodi u konsistenti kapaċi li jiżguraw analiżi kwalitattiva u kwantitattiva u jżommu kont tal-progress biex jintlaħqu l-objettivi ffissati permezz tal-finanzjamenti tal-UE permezz ta' diversi strumenti;

126.  Jisħaq fuq il-bżonn tal-prevedibbiltà tal-finanzjamenti fit-tul, filwaqt li jkunu introdotti ammonti fissi li jintużaw b'mod flessibbli; itenni li l-flessibbiltà tirrikjedi l-possibbiltà li jiġu trasferiti fondi bejn id-diversi pakketti finanzjarji; ifakkar li l-fondi ddestinati għall-objettivi tal-azzjoni esterna ma jistgħux jiġu indirizzati mill-ġdid biex jintlaħqu objettivi oħrajn, fosthom il-ġestjoni tal-migrazzjoni u s-sigurtà interna; jenfasizza li għandha tkun introdotta l-possibbiltà li jiġu trasferiti l-fondi mhux allokati fi ħdan il-baġit totali tal-istrument ta' azzjoni esterna sal-limitu ta' 10 % tal-approprjazzjonijiet inizjali tal-istrument għall-azzjonijiet flessibbli u/jew urġenti, u xorta waħda jinżammu l-objettivi politiċi tal-istrument;

127.  Jenfasizza li l-allokazzjonijiet tal-għajnuna fil-livell tal-pajjiż ma għandhomx jiddependu minn ftehimiet dwar il-migrazzjoni mal-UE, u ma għandu jkun hemm l-ebda devjazzjoni ta' finanzjament minn pajjiżi u reġjuni fqar għall-pajjiżi ta' oriġini jew ta' tranżitu tal-migranti lejn l-Ewropa għall-uniku fatt li dawn jinsabu fuq ir-rotta migratorja;

128.  Ifakkar fid-diffikultajiet li l-benefiċjarji jsibu quddiemhom attwalment biex jiksbu finanzjamenti fl-ambitu tal-istrumenti; jitlob semplifikazzjoni tal-proċeduri, it-tħaffif tal-piżijiet amministrattivi u, fejn possibbli, l-adozzjoni ta' proċeduri unifikati għad-diversi servizzi tal-Kummissjoni u tas-SEAE involuti u l-ħolqien ta' punt ta' kuntatt uniku għall-organizzazzjonijiet li japplikaw għal finanzjamenti tal-UE u l-użu ta' soluzzjonijiet diġitali, fejn possibbli, biex jitħaffew u jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi, iżda mhux askapitu tal-monitoraġġ, tat-traċċabbiltà u tal-kontroll tal-baġit;

129.  Jissottolinja l-bżonn li s-servizzi kollha tal-Kummissjoni u s-SEAE jikkollaboraw biex il-finanzjament estern tal-UE, pjuttost milli mill-istrumenti, ikun iggwidat mill-politika, bil-għan li jkunu evitati diskrepanzi, inkoerenza, spejjeż bla bżonn, sovrappożizzjonijiet u ħela ta' kompetenzi tekniċi u jinkisbu l-objettivi kondiviżi mill-azzjoni esterna tal-UE fl-intier tagħha;

130.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' gwida politika aktar strateġika u ta' strateġija onnikomprensiva u ta' dokumenti ta' akkumpanjament, żviluppati konġuntament u kondiviżi mis-servizzi rilevanti kollha tal-Kummissjoni u mis-SEAE kif ukoll ġestiti u monitorjati mill-istruttura ta' governanza li għad trid tinħoloq, li jiddefinixxu l-għanijiet u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE għall-perjodu li jmiss u l-mod li bih l-istrument se jintuża biex dawn isiru realtà; jitlob li jintużaw kompetenzi kemm interni kif ukoll esterni meta dawn l-għanijiet u l-objettivi jiġu ffissati; jirrakkomanda l-inklużjoni fil-programmazzjoni kollha tal-analiżi tas-sensittività għall-kunflitti, l-analiżi tal-politika ekonomika kif ukoll miżuri ta' valutazzjoni tar-riskju u ta' mitigazzjoni li jkunu jistgħu jintużaw b'mod flessibbli fejn jokkorru tali riskji;

131.  Jitlob li jiġu eżaminati soluzzjonijiet biex jitjiebu l-koordinament u l-koerenza mal-politiki ta' finanzjament estern min-naħa tal-Istati Membri tal-UE, anki billi titjieb il-programmazzjoni konġunta;

132.  Jitlob tisħiħ tal-opportunitajiet ta' finanzjament għall-NGOs billi jiġu ċċarati u previsti aktar opportunitajiet ta' kofinanzjament, permezz tat-tħejjija ta' sħubijiet pluriennali u tal-garanzija tas-sostenibbiltà tal-attivitajiet;

133.  Jitlob rekwiżiti aħjar għal proċess deċiżjonali aktar rapidu bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-UE li tirrispondi għal avvenimenti f'evoluzzjoni rapida;

134.  Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied il-viżibbiltà u s-sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika dwar l-azzjoni esterna tal-UE, inkluż permezz tal-użu tat-Task Force tal-UE għall-Komunikazzjoni Strateġika, kif ukoll l-influwenza tagħha fid-dinja; jitlob li dan jitqies bħala objettiv politiku; jisħaq, għaldaqstant, fuq il-bżonn urġenti ta' komunikazzjoni strateġika speċifikament nazzjonali u/jew reġjonali fid-delegazzjonijiet tal-UE, kif ukoll titjib konsiderevoli tal-koordinament u tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost id-delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri;

135.  Jenfasizza li d-delegazzjonijiet tal-UE jiżvolġu rwol fundamentali fil-programmazzjoni lokali, fis-superviżjoni tal-programmazzjoni, fl-iżborż, eventwalment, ta' fondi u fl-identifikazzjoni tal-benefiċjarji, b'mod partikolari fil-każ tad-DDB u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi f'żoni sensittivi; itenni li d-delegazzjonijiet tal-UE ma jistgħux ikunu huma biss responsabbli għad-deċiżjonijiet ta' finanzjament, minħabba xogħolhom u l-istatus tagħhom fil-pajjiżi terzi;

136.  Jenfasizza li l-programmazzjoni tal-istrumenti trid tinvolvi mill-qrib lis-soċjetà ċivili tal-pajjiżi rispettivi u tissejjes, f'livell akbar, fuq kooperazzjoni deċentrizzata fil-fażijiet ta' tfassil, preżentazzjoni u implimentazzjoni, biex b'hekk ikunu stabbiliti sħubijiet sodi u dejjiema, ikunu sodifatti l-bżonnijiet speċifiċi tal-popolazzjonijiet u jitqiesu r-realtajiet soċjali ta' dawk ikkonċernati;

137.  Ifakkar li f'ċerti ċirkostanzi, l-objettivi politiċi tal-UE bħad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp jistgħu jintlaħqu aħjar permezz tal-iżborż ta' aktar għotjiet ta' daqs iżgħar lill-organizzazzjonijiet tal-bażi, minflok pakkett finanzjarju wieħed akbar lil benefiċjarju uniku;

138.  Jissottolinja l-importanza tal-prinċipji ta' "aktar għal aktar" u tal-kundizzjonalità; iqis li għandhom jinħolqu mekkaniżmi ta' kundizzjonalità aktar rigorużi skont liema l-appoġġ finanzjarju dirett lill-awtoritajiet statali jew lill-entitajiet governattivi u lill-atturi mhux statali jkun jista' jiġi sospiż jew, jekk possibbli, indirizzat mill-ġdid lis-soċjetà ċivili meta tali istituzzjonijiet ma jirrispettawx il-bżonn li jiġu sodisfatti l-objettivi tal-finanzjamenti żborżati jew jiksru l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

139.  Jirrikjedi t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont, l-iskrutinju, l-addizzjonalità tal-iżvilupp, ir-rispett tal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp/l-għajnuna u s-salvagwardji ambjentali, soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem b'saħħithom meta tintuża l-għajnuna għall-iżvilupp biex b'hekk jinħoloq effett ta' lieva għall-investiment mis-settur privat;

140.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-allokazzjoni ta' fondi permezz tal-istrumenti ta' finanzjament estern għall-kooperazzjoni u l-assistenza teknika ma' pajjiżi terzi, speċjalment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex titrawwem l-adeżjoni mal-Ftehim ta' Wassenaar, fil-Grupp Awstralja, fis-Sistema ta' Kontroll tat-Teknoloġija tal-Missili u fil-Grupp ta' Fornituri Nukleari, u tipprevjeni l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tar-riformulazzjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament dwar l-Użu Doppju;

141.  Jenfasizza li kwalunkwe struttura futura tipprevedi kontrolli u kontrokontrolli adegwati, trasparenza, dritt ta' skrutinju tal-implimentazzjoni, li jinkludi kontribut politiku strateġiku akbar min-naħa tal-Parlament, kif ukoll l-użu ta' atti delegati għar-reviżjoni tal-prijoritajiet tematiċi, jekk jinsabu fl-Annessi ta' atti leġiżlattivi, u għall-adozzjoni ta' elementi sostanzjali addizzjonali bħad-dokumenti ta' programmazzjoni strateġika u pluriennali;

142.  Huwa konvint li l-ġenerazzjoni ta' SFE għall-perjodu wara l-2020 trid tirrispetta l-prinċipji ta' sinċerità u unità;

143.  Huwa tal-fehma li l-proċessi ta' analiżi ta' nofs it-terminu u ta' kontroll tal-baġit għandhom ikunu rigorużi u trasparenti biżżejjed biex jiżguraw l-assorbiment massimu tal-fondi possibbli u jippermettu modifiki adegwati biex fejn meħtieġ titkabbar il-kapaċità ta' assorbiment;

o
o   o

144.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kunsill.

(1) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.
(2) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.
(3) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1.
(4) ĠU L 335, 15.12.2017, p. 6.
(5) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 77.
(6) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 85.
(7) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.
(8) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 95.
(9) ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.
(10) ĠU L 249, 27.9.2017, p. 1.
(11) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(12) Ara r-rapport A8-0211/2017.
(13) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(14) ĠU C 407, 8.12.2015, p. 8.
(15) ĠU C 60, 16.2.2016, p. 3.
(16) ĠU C 122, 19.4.2017, p. 4.
(17) Ippubblikati fis-sit web tal-Kummissjoni f'dan l-indirizz: https://ec.europa.eu/europeaid/public-consultation-external-financing-instruments-european-union_en
(18) Testi adottati, P8_TA(2017)0493.
(19) Testi adottati, P8_TA(2017)0026.
(20) Testi adottati, ĠU C 58, 15.2.2018, p. 109.
(21) ĠU C 408, 30.11.2017, p. 21.
(22) ĠU C 265, 11.8.2017, p. 110.
(23) Testi adottati, P8_TA(2017)0440.
(24) Testi adottati, P8_TA(2017)0306.
(25) Testi adottati, P8_TA(2017)0036.
(26) Testi adottati, P8_TA(2017)0037.
(27) Testi adottati, P8_TA(2017)0094.
(28) Testi adottati, P8_TA(2017)0262.
(29) Testi adottati, P8_TA(2017)0263.
(30) Testi adottati, P8_TA(2017)0261.
(31) ĠU C 208, 10.6.2016, p. 25.
(32) Testi adottati, P8_TA(2017)0408.
(33) http://www.eeas.europa.eu/archives/docs/top_stories/pdf/eugs_mt_.pdf

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Lulju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza