Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2140(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0089/2018

Testi mressqa :

A8-0089/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0127

Testi adottati
PDF 138kWORD 54k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Qorti tal-Awdituri
P8_TA(2018)0127A8-0089/2018
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima V - Il-Qorti tal-Awdituri (2017/2140(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2017)0365 – C8-0251/2017)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0089/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 48, 24.2.2016.
(2) ĠU C 323, 28.9.2017, p. 1.
(3) ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.
(4) ĠU C 322, 28.9.2017, p. 10.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri (2017/2140(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar ir-Rwol tal-Qorti tal-Awdituri fil-Ġejjieni(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0089/2018),

A.  billi fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tenfasizza l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni billi jittejbu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u billi jiġi implimentat il-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u l-governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") huma awditjati minn awditur estern indipendenti - PricewaterhouseCoopers Sàrl – bl-għan li jiġu applikati l-istess prinċipji ta' trasparenza u ta' obbligu ta' rendikont li l-Qorti tapplika fil-konfront ta' dawk suġġetti għall-awditjar tagħha; jieħu nota tal-opinjoni tal-awditur li "r-rapporti finanzjarji jagħtu stampa veritiera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti";

2.  Jenfasizza li fl-2016, l-approprjazzjonijiet finali tal-Qorti kienu jammontaw għal total ta' EUR 137 557 000 (meta mqabbla mal-EUR 132 906 000 fl-2015) u li r-rata ta' implimentazzjoni globali għall-baġit kienet ta' 99 %;

3.  Jenfasizza li l-baġit tal-Qorti huwa kompletament amministrattiv u jintuża fuq l-infiq relatat mal-persuni li jaħdmu fl-istituzzjoni, il-bini, it-tagħmir mobbli tal-proprjetà u infiq operattiv mixxellanju;

4.  Jinnota li, skont il-proċedura ta' kwittanza attwali, ir-rapporti ta' attività annwali jiġu sottomessi lill-Qorti f'Ġunju, il-Qorti mbagħad tissottometti r-rapporti tagħha lill-Parlament f'Ottubru, u l-kwittanzi jiġu vvotati mill-Parlament fil-plenarja sa' Mejju; jinnota li, dment li l-kwittanza ma tiġix posposta, ikunu għaddew mill-inqas 17-il xahar mill-għeluq tal-kontijiet annwali u l-għeluq tal-proċedura ta’ kwittanza; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta' żmien ħafna aktar qasira; jenfasizza li l-proċedura ta' kwittanza teħtieġ tiġi ssimplifikata u mħaffa; jitlob lill-Qorti ssegwi l-aħjar prattika tas-settur privat; jipproponi f’dan ir-rigward li tiġi stabbilita skadenza għas-sottomissjoni tar-rapporti ta' attività annwali għall-31 ta' Marzu tas-sena wara s-sena finanzjarja u, skadenza għas-sottomissjoni tar-rapporti tal-Qorti għall-1 ta' Lulju; jipproponi wkollli jsir rieżami tal-iskeda ta' żmien għall-proċedura ta' kwittanza kif stabbilit fl-Artikolu 5 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sabiex il-votazzjoni fuq il-kwittanza tista' ssir fis-sessjoni parzjali plenarja tal-Parlament ta' Novembru, u b'hekk il-proċedura ta' kwittanza tingħalaq fi żmien sena wara s-sena finanzjarja kkonċernata;

5.  Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja ġeneralment prudenti u soda tal-Qorti fil-perjodu tal-baġit tal-2016; jesprimi appoġġ għall-bidla fundamentali li rnexxiet lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-Kummissjoni introdotta mill-Viċi President Kristalina Georgieva f'Settembru 2015 bħala parti mill-inizjattiva "Baġit tal-UE Ffukat fuq ir-Riżultati"; iħeġġeġ lill-Qorti tapplika l-metodu għall-proċedura ta' ppjanar tal-baġit tagħha stess;

6.  Jieħu nota tal-opinjoni tal-Qorti Nru 1/2017 dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju fejn huwa propost li jiġi aġġornat l-arranġament tal-awditjar tal-aġenziji deċentralizzati; jiddispjaċih li fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju ma seta' jintlaħaq l-ebda qbil interistituzzjonali li jiżgura tnaqqis tal-piż amministrattiv li jirriżulta mill-arranġament attwali; jistieden lill-Qorti tagħmel proposta dwar kif l-arranġament attwali jista' jittejjeb u kif tali titjib jista' jikkontribwixxi għas-sinkronizzazzjoni tar-rapport annwali tal-Qorti mar-rapporti annwali dwar l-aġenziji;

7.  Jinnota l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma ta' livell għoli biex jaħdem fuq it-titjib tal-valur miżjud tar-rapport annwali għall-utenti tiegħu; jistieden lill-Qorti tikkondividi l-kriterji użati f'dan l-eżerċizzju mal-Parlament Ewropew;

8.  Jiddispjaċih li l-firxa ta' kunsiderazzjonijiet fil-Kapitolu 10 tar-rapport annwali għadha limitata; jitlob lill-Qorti tipprovdi data aktar dettaljata dwar kull istituzzjoni sabiex tikseb stampa aħjar tan-nuqqasijiet tal-infiq amministrattiv; iqis li rapportar speċifiku għall-pajjiż mill-Qorti għal kull Stat Membru jkun milqugħ pożittivament fil-ġejjieni;

9.  Jiddispjaċih li qabel l-2016 kien hemm żbilanċ bejn is-sessi ta' tliet nisa għal 25 raġel fost il-membri tal-Qorti; jilqa' l-fatt li n-numru ta' nisa tela' għal erbgħa fl-2016; itenni l-appoġġ tiegħu favur il-kriterji għall-ħatra tal-membri tal-Qorti approvati fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rwol tal-Qorti tal-Awdituri fil-ġejjieni, adottata fl-4 ta' Frar 2014;

10.  Jinnota li fl-2016 il-Qorti rriformat l-awli u l-kumitati tagħha u dan kellu impatt sinifikanti fuq it-tħejjija tal-ħidma tagħha; jinnota wkoll li din ir-riforma hija komplementarja għall-introduzzjoni ta' organizzazzjoni bbażata fuq il-kompiti u għall-istabbiliment ta' netwerk mifrux fl-istituzzjoni kollha biex tissaħħaħ il-ġestjoni tal-għarfien; ifaħħar lill-Qorti għar-riformi u jistenna b'interess li jirċievi r-rapport ta' valutazzjoni tal-miżuri l-ġodda;

11.  Jinnota li l-iskeda ta' żmien immirata ta' 13-il xahar biex isiru r-rapporti speċjali għadha ma ntlaħqitx; isostni li l-Qorti għandha tirrispetta din l-iskeda ta' żmien mingħajr ma tikkomprometti l-kwalità tar-rapporti u l-miri tar-rakkomandazzjonijiet tagħha;

12.  Jilqa' l-kooperazzjoni tajba tal-Qorti mal-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit, b'mod partikolari fir-rigward tal-preżentazzjoni u s-segwitu għar-rapporti speċjali; iqis li l-preżentazzjoni ta' dawk ir-rapporti, fil-kumitati speċjalizzati tal-Parlament, wara li jkunu ġew preżentati lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tippermetti segwitu essenzjali għall-attivitajiet li jevalwaw u tqajjem kuxjenza dwar l-implimentazzjoni u l-kosteffikaċja tal-politiki tal-Unjoni;

13.  Iqis pożittivament ħafna l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' prattiki bejn il-Qorti u l-Istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Qorti tkompli din il-kollaborazzjoni;

14.  Josserva li l-Qorti qed tikkonforma mal-ftehim interistituzzjonali li l-persunal jitnaqqas b'5 % matul perjodu ta' ħames snin; jinsab imħasseb li, b'riżultat ta' dan, ir-riżorsi disponibbli li jifdal f'kull servizz ma jippermettux l-assorbiment ta' xogħol addizzjonali; jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jkunu konxji mill-impatt fit-tul tat-tnaqqis tal-persunal, b'mod partikolari fir-rigward tal-abilità tal-istituzzjoni li ttejjeb l-iżbilanċi bejn is-sessi u l-iżbilanċi ġeografiċi kif ukoll il-ħtieġa li tibni fuq il-kapaċità ta' uffiċjali bl-esperjenza biex jassumu karigi maniġerjali waqt li tiġi ppjanata l-allokazzjoni futura tar-riżorsi finanzjarji għall-persunal;

15.  Jinnota t-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fil-livell maniġerjali fl-2016; jinnota wkoll li qed jiġi evalwat il-pjan ta' azzjoni għall-opportunitajiet indaqs 2013-2017; jistieden lill-Qorti tkompli tippromwovi l-bilanċ bejn is-sessi, b'mod partikolari fil-livell maniġerjali, u tirrapporta dwar l-istrateġiji u r-riżultati tal-pjan ta' azzjoni;

16.  Jinnota l-ħolqien ta' diploma postuniversitarja fl-"awditu tal-organizzazzjonijiet u l-politiki pubbliċi" u ta' programm ta' lawrja fil-livell ta' Master's fil-"ġestjoni tal-organizzazzjonijiet pubbliċi" f'kooperazzjoni mal-Università ta' Lorraine, li għandhom fil-mira l-iżvilupp kontinwu professjonali tal-persunal tal-Qorti; jitlob lill-Qorti tipprovdi informazzjoni ulterjuri dwar il-ftehimiet relatati mal-ħolqien ta' dawn il-programmi lill-awtorità ta' kwittanza;

17.  Jinnota ż-żieda fl-ammont ta' traduzzjonijiet esternalizzati fl-2016, b'mod partikolari f'Awwissu; jieħu nota tal-ġustifikazzjoni tal-Qorti u jappella għal organizzazzjoni aħjar tas-servizzi tat-traduzzjoni interni sabiex jiġi ġġenerat iffrankar ekonomiku;

18.  Jinnota s-sommarju tal-politika dwar il-bini tal-Qorti inkluż fir-rapport annwali tal-attività tagħha għall-2016;

19.  Jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament dwar l-użu tal-vetturi uffiċjali fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza tal-2015(3) b'mod gradwali; iqis li l-azzjonijiet meħuda għar-razzjonalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-flotta huma passi fid-direzzjoni t-tajba; jilqa' t-talba interistituzzjonali l-ġdida għal offerta ta' prezzijiet għal-leasing tal-karozzi mibdija fl-2016, li għandha l-għan li tiġġenera ffrankar ekonomiku f'dan ir-rigward;

20.  Jappoġġa l-politika dwar il-pubblikazzjoni elettronika u l-kisbiet tal-Qorti b'rabta mat-tnaqqis tal-impronta ambjentali tagħha; jiddispjaċih li s-sit tal-Qorti ma joffrix sistema ta' tiftix faċli għall-utent u jitlob li jsir titjib effettiv tal-aċċessibilità tar-rapporti;

21.  Jinnota li n-negozjati bejn il-Qorti u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li għandhom x'jaqsmu mal-arranġament amministrattiv għadhom għaddejjin u huwa previst li jiġu konklużi sal-2018; jitlob lill-Qorti tinforma lill-Parlament dwar il-progress fin-negozjati;

22.  Itenni t-talba tiegħu lill-Qorti biex tinforma lill-Parlament, b'konformità mar-regoli eżistenti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data, dwar il-każijiet magħluqa tal-OLAF, fejn il-Qorti jew kwalunkwe individwu li jaħdem għaliha kienu s-suġġett tal-investigazzjoni;

23.  Jesprimi l-ħtieġa li jiġi stabbilit korp ta' żvelar, konsulenza u riferiment indipendenti b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, sabiex jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li titħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jiġu offruti l-appoġġ u l-konsulenza li jeħtieġu;

24.  Jilqa' l-qafas etiku tal-Qorti għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess kif ukoll l-imġiba ħażina u l-aġir mhux etiku mill-persunal u mill-membri; jenfasizza l-importanza li tkun żgurata u garantita l-indipendenza tal-membri tagħha; jilqa' l-awditu ppjanat fl-2018 dwar il-qafas etiku ta' istituzzjonijiet magħżula tal-Unjoni;

25.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; josserva li f'dan il-punt ma tista' ssir l-ebda previżjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u oħrajn relatati mal-ħruġ, u jitlob lill-Qorti twettaq valutazzjonijiet tal-impatt u tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018.

(1) ĠU C 93, 24.3.2017, p. 6.
(2) ĠU L 286, 30.10.2015, p. 1.
(3) ĠU L 252, 29.9.2017, p. 116.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Lulju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza