Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2142(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0117/2018

Testi mressqa :

A8-0117/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.24

Testi adottati :

P8_TA(2018)0129

Testi adottati
PDF 357kWORD 54k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: Baġit ġenerali tal-UE - Il-Kumitat tar-Reġjuni
P8_TA(2018)0129A8-0117/2018
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni (2017/2142(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2017)0365 – C8-0253/2017)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0117/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat tar-Reġjuni għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 48, 24.2.2016.
(2) ĠU C 323, 28.9.2017, p. 1.
(3) ĠU C 322, 28.9.2017, p. 1.
(4) ĠU C 322, 28.9.2017, p. 10.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni (2017/2142(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Taqsima VII – Il-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0117/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità tal-kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, li b'mod ġenerali l-pagamenti għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2016 għall-infiq amministrattiv u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi ma kellhom l-ebda żball materjali;

2.  Jinnota li fir-Rapport Annwali tagħha 2016, il-Qorti osservat li ma ġiet identifikata l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Kumitat tar-Reġjuni ("il-Kumitat");

3.  Jinnota li, skont il-proċedura ta' kwittanza attwali, il-Kumitat jippreżenta r-rapporti ta' attività annwali lill-Qorti f'Ġunju, il-Qorti mbagħad tippreżenta r-rapport tagħha lill-Parlament f'Ottubru, u sa Mejju tkun saret votazzjoni dwar il-kwittanza mill-Parlament fis-sessjoni plenarja; jinnota li, sakemm il-kwittanza ma tiġix differita, bejn l-għeluq tal-kontijiet annwali u l-għeluq tal-proċedura ta' kwittanza jgħaddu mill-inqas 17-il xahar; jirrimarka li l-awditjar fis-settur privat isegwi skeda ta' żmien ħafna iqsar; jisħaq fuq il-punt li l-proċedura ta' kwittanza jeħtiġilha tiġi ssemplifikata u mħaffa; jitlob lill-Kumitat u lill-Qorti jsegwu l-aħjar prattika fis-settur privat; jipproponi, f'dan ir-rigward, li jiġu stabbiliti skadenza tal-31 ta' Marzu tas-sena li tiġi wara s-sena kontabilistika għall-preżentazzjoni tar-rapporti ta' attività annwali u skadenza tal-1 ta' Lulju għall-preżentazzjoni tar-rapport tal-Qorti; jipproponi wkoll li jsir rieżami tal-iskeda taż-żmien għall-proċedura ta' kwittanza kif stabbilita fl-Artikolu 5 tal-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament sabiex il-votazzjoni dwar il-kwittanza ssir fis-sessjoni parzjali tal-Parlament f'Novembru, biex b'hekk tagħlaq il-proċedura ta' kwittanza matul is-sena ta' wara s-sena kontabilistika inkwistjoni;

4.  Jilqa' l-ġestjoni finanzjarja kumplessivament prudenti u soda tal-Kumitat fil-perjodu tal-baġit tal-2016; jesprimi appoġġ għall-bidla fundamentali lejn ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni fl-ippjanar tal-baġit tal-Kummissjoni, introdotta f'Settembru 2015 mill-Viċi President Kristalina Georgieva bħala parti mill-inizjattiva "Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati"; iħeġġeġ lill-Kumitat japplika dak il-metodu għall-proċedura ta' ppjanar tal-baġit tiegħu stess;

5.  Jinnota li, fl-2016, il-Kumitat kellu baġit approvat ta' EUR 90 500 000 (imqabbel ma' EUR 88 900 000 fl-2015), li minnhom EUR 89 400 000 kienu approprjazzjonijiet ta' impenn b'rata ta' użu ta' 98,7 %; jilqa' ż-żieda fir-rata ta' użu fl-2016;

6.  Jisħaq fuq il-punt li l-baġit tal-Kumitat, minkejja l-attivitajiet politiċi tiegħu, huwa meqjus bħala wieħed purament amministrattiv, u li parti kbira minnu tintuża għan-nefqa li tikkonċerna persuni li jaħdmu fl-istituzzjoni u għan-nefqa marbuta mal-bini, l-għamara, it-tagħmir u spejjeż operattivi varji; jisħaq fuq l-importanza li, fil-ħidma ta' kuljum tiegħu, il-Kumitat japplika prinċipji ta' baġit ibbażati fuq il-prestazzjoni; jitlob lill-Kumitat jinforma lill-Parlament dwar il-progress li jkun sar f'dan ir-rigward;

7.  Jisħaq fuq l-importanza li l-kooperazzjoni mal-Parlament tiġi approfondita abbażi tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament, u jitlob li jiġi infurmat dwar kwalunkwe żvilupp f'dan ir-rigward; jitlob li l-istrateġija tal-Kumitat issaħħaħ il-konnessjonijiet l-ewwel u qabel kollox mal-Parlament, iżda wkoll ma' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, bil-għan li jiżdied l-involviment tar-reġjuni fil-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni;

8.  Huwa tal-fehma li valutazzjoni konġunta tal-iffrankar baġitarju li jirriżulta mill-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament hija ta' interess għaż-żewġ istituzzjonijiet u għaċ-ċittadini tal-Unjoni; jissuġġerixxi li l-Kumitat u l-Parlament jikkunsidraw li jwettqu dan l-eżerċizzju biex jikkomplementaw id-djalogu strateġiku politiku li għaddej bħalissa;

9.  Jilqa' l-ftehim ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kumitat u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropea, li daħal fis-seħħ fl-2016 u jipprevedi direttorati kondiviżi tat-traduzzjoni u l-loġistika; huwa fiduċjuż li dan il-ftehim se jwassal ukoll għal kooperazzjoni f'oqsma oħra; jitlob li jkun hemm pjan u deskrizzjoni dettaljati tal-attivitajiet tal-kumitati f'dawk l-oqsma; jemmen li dan il-ftehim se jiżgura wkoll aktar effiċjenza kemm fil-prestazzjoni kif ukoll fl-iffrankar ekonomiku taż-żewġ kumitati;

10.  Jilqa' l-fatt li l-miri stabbiliti mill-Kumitat fl-2016 biex iżid l-involviment tal-Parlament u tal-Kunsill f'attivitajiet relatati mal-opinjonijiet tal-Kumitat intlaħqu u, f'xi każijiet, saħansitra nqabżu; iħeġġeġ lill-Kumitat u lill-Parlament ifittxu li jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom dwar fajls komuni billi jistiednu lir-rapporteurs ta' xulxin biex jippreżentaw l-opinjoni tagħhom fil-Kumitat tal-Parlament li huwa responsabbli għall-kwistjoni partikolari jew fil-Kumitat fil-bidu tal-proċess;

11.  Jilqa' l-ftuħ mill-ġdid tal-aċċess dirett bejn il-binjiet RMD u REM wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani li jbaxxu l-livell ta' theddida għall-istituzzjonijiet Ewropej; jemmen li dan se jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-Kumitat u l-Parlament; jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet biex jinfurmaw lill-membri u lill-persunal tagħhom dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-passaġġ;

12.  Jitlob lill-Kumitat jistinka biex tintlaħaq rata ta' eżekuzzjoni globali għal pagamenti ta' madwar minn tal-inqas 90 %;

13.  Jinnota l-inklużjoni ta' informazzjoni dwar il-missjonijiet imwettqa mill-membri tal-Kumitat fir-rapport ta' attività annwali tiegħu; jilqa' l-lista ta' avvenimenti li attendew il-membri tiegħu fl-2016 ipprovduta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament f'anness għat-tweġibiet għall-kwestjonarju bil-miktub għall-kwittanza tal-2016, u jitlob lill-Kumitat jipprovdi din il-lista għall-2017 f'anness għar-rapport ta' attività annwali tiegħu għall-2017;

14.  Jinnota li, fir-rapport ta' attività annwali tiegħu għall-2016, bħala mira l-Kumitat kellu 15-il nota u studju marbuta ma' fajls, iżda li minn dawn saru biss 12; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli bil-ħidma tiegħu bil-għan li jilħaq dawk il-miri, u jistiednu jikkomunika riżultati dettaljati f'dan ir-rigward fir-rapport ta' attività annwali tiegħu għall-2017;

15.  Josserva nuqqas ta' progress f'dak li jikkonċerna s-sottorappreżentanza tan-nisa f'karigi ta' tmexxija f'livell superjuri u intermedju; jiddispjaċih għat-tnaqqis fl-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija, minn 37 % fl-2015 għal 33 % fl-2016, minħabba l-ħatra ta' ħames uffiċjali, li minnhom waħda biss hija mara; jilqa' l-adozzjoni ta' strateġija ġdida ta' ħames snin dwar l-opportunitajiet indaqs, li tipprevedi azzjonijiet b'ħidma favur rappreżentanza aktar ibbilanċjata tas-sessi, b'mod partikolari fil-karigi ta' tmexxija; iħeġġeġ lill-Kumitat itejjeb il-prestazzjoni tiegħu f'dan ir-rigward;

16.  Jilqa' t-tnaqqis żgħir fl-għadd ta' ġranet ta' liv għal raġunijiet ta' mard fost il-persunal tal-Kumitat; jissottolinja l-importanza li jiġu stabbiliti miżuri biex jittejjeb il-benessri fuq il-post tax-xogħol, iżda wkoll li l-assenzi jiġu vverifikati kif jixraq;

17.  Josserva li l-istrateġija ta' komunikazzjoni tal-Kumitat hija intiża biex tqarreb lill-Ewropa u liċ-ċittadini tagħha lejn xulxin, permezz ta' attivitajiet organizzati f'bosta Stati Membri, u stħarriġiet online; jappoġġja l-organizzazzjoni ta' djalogi taċ-ċittadini, u jitlob li dawn l-inizjattivi jiġu mtejba regolarment, bil-għan li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu involuti kif xieraq, filwaqt li jiġi evitat li dawn l-inizjattivi jaħbtu ma' attivitajiet ta' istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni; jistieden lill-Kumitat jikkomunika riżultati dettaljati f'dan ir-rigward fir-rapport ta' attività annwali tiegħu għall-2017;

18.   Jinnota li l-objettiv li n-numru ta' abbonati għall-bullettin elettroniku tal-Kumitat jikber b'10 % ma ntlaħaqx, u lanqas ma ntlaħaq l-objettiv li jiżdiedu b'5 % ir-reġistrazzjonijiet għall-kors online tal-Kumitat għall-awtoritajiet reġjonali u lokali (MOOC), li rreġistra tnaqqis ta' 49 % tal-parteċipanti, meta mqabbel mal-2015; jinnota bi tħassib it-tnaqqis ta' 30 % fil-gruppi ta' viżitaturi, probabbilment influwenzati mill-attakki terroristiċi tal-2016;

19.  Jinnota bi tħassib li l-objettiv tal-output ta' traduzzjoni ma ntlaħaqx u, b'riżultat ta' dan, jeħtieġ li jittieħdu aktar miżuri ta' razzjonalizzazzjoni; jitlob lill-Kumitat jinkludi informazzjoni dettaljata f'dan ir-rigward fir-rapport ta' attività annwali tiegħu għall-2017; jinnota r-rata ta' esternalizzazzjoni dejjem tikber għat-traduzzjoni, u jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi evalwata l-possibilità li jkun hemm aktar kooperazzjoni interistituzzjonali f'dak li jikkonċerna t-traduzzjoni;

20.  Jinnota li fl-2016 infetaħ fajl wieħed ta' żvelar ta' informazzjoni protetta, u dan intbagħat lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF); jitlob li l-Kumitat iżomm lill-awtorità ta' kwittanza informata dwar l-eżiti u l-proċeduri legali possibbli ta' dan il-każ speċifiku u ta' kwalunkwe każ ieħor li jaf jinqala';

21.  Jieħu nota ta' deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku f'Novembru 2014 dwar l-ex awditur intern tal-Kumitat; jirrikonoxxi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li l-Kumitat kellu jagħti kumpens lill-ex awditur intern, għad li ċaħad l-allegazzjonijiet magħmula minnu; josserva li l-Kumitat ikkonforma minnufih mad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u ħallas il-kumpens; jinnota li l-Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE jiddikjara li informatur in bona fede "m'għandux isofri xi effetti ta' preġudizzju" bħala riżultat tal-fatt li jkun irrapporta għemil ħażin; ifakkar li l-Parlament ikkonferma dan il-prinċipju immutabbli ta' protezzjoni tal-infurmaturi meta esiġa li l-Awditur Intern tal-Kumitat “m'għandux isofri xi konsegwenzi ta' ħsara bħala riżultat" tal-fatt li rrapporta l-għemil ħażin; ifakkar li, f'Jannar 2004(1), il-Parlament ikkonferma li l-awditur intern huwa informatur in bona fede; jinnota li l-ex awditur intern ressaq kawża oħra kontra l-Kumitat f'Novembru 2015; jinnota li f'Diċembru 2017 saret seduta u li d-deċiżjoni tal-Qorti hija mistennija għas-sajf tal-2018; josserva li l-Kumitat m'għandu l-ebda influwenza fuq il-fatt li r-rikorrent ressaq kawża oħra u lanqas fuq l-iskeda ta' żmien tal-Qorti;jistieden lill-Qorti tirrikonoxxi b'mod uffiċjali l-istatus tal-awditur intern bħala informatur in bona fede u tiżgura li huwa ma jsofri l-ebda effetti ta' preġudizzju b'riżultat tal-fatt li rrapporta l-għemil ħażin;

22.  Jesprimi l-bżonn li jiġi stabbilit korp indipendenti ta' żvelar, konsulenza u riferiment b'riżorsi baġitarji suffiċjenti, sabiex jgħin lill-informaturi jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom dwar irregolaritajiet possibbli li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jħares il-kunfidenzjalità tagħhom u jagħtihom l-appoġġ u l-konsulenza meħtieġa;

23.  Jirrikonoxxi l-impenn tal-Kumitat fir-rigward tal-EMAS u r-riżultati ambjentali tiegħu, li juru tnaqqis fil-konsum ta' gass, ilma, elettriku, karti, prodotti tat-tindif kif ukoll fil-produzzjoni tal-iskart; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu f'dan ir-rigward;

24.  Jinnota li, wara eżerċizzju ta' kontroll ex post fl-2016, il-Kumitat għandu rakkomandazzjoni rikorrenti biex jaġġorna jew jistabbilixxi proċeduri bil-miktub; iħeġġeġ lill-Kumitat jiżgura li din ir-rakkomandazzjoni tiġi segwita kif jixraq;

25.  Jinnota li ż-żmien medju għall-pagament tal-kredituri tal-Kumitat żdied minn 20 jum fl-2015 għal 26 jum fl-2016; jistieden lill-Kumitat itejjeb iż-żmien medju għall-pagament lill-kredituri tiegħu bħala kwistjoni ta' urġenza, filwaqt li jitqies li l-pagamenti jridu jsiru fi żmien 30 jum. jistieden lill-Kumitat jirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar l-azzjonijiet li ttieħdu biex tinqaleb din it-tendenza negattiva u jippreżenta r-riżultati miksuba f'dan ir-rigward;

26.  Jiddispjaċih għad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; josserva li, f'dan il-waqt, ma tista' ssir l-ebda previżjoni tal-konsegwenzi finanzjarji, amministrattivi, umani u oħrajn relatati mal-ħruġ, u jitlob lill-Kumitat u lill-Qorti jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt u jinformaw lill-Parlament dwar ir-riżultati sa tmiem l-2018.

(1) Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament tad-29 ta’ Jannar 2004 (ĠU L 57, 25.2.2004, p. 8).

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Diċembru 2018Avviż legali - Politika tal-privatezza