Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2017/2174(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0074/2018

Testi mressqa :

A8-0074/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 10
CRE 18/04/2018 - 10

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.29

Testi adottati :

P8_TA(2018)0134

Testi adottati
PDF 161kWORD 55k
L-Erbgħa, 18 ta' April 2018 - Strasburgu Verżjoni finali
Kwittanza 2016: L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER)
P8_TA(2018)0134A8-0074/2018
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2174(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0084/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0074/2018),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 25.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 25.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2174(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2016, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2016 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2018 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2016 (05941/2018 – C8-0084/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0074/2018),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2016;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 25.
(2) ĠU C 417, 6.12.2017, p. 25.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.
(5) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2016 (2017/2174(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0074/2018),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li l-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tissaħħaħ ulterjorment permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

B.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(1), il-baġit finali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (‘l-Aġenzija’) għas-sena finanzjarja 2016 kien ta' EUR 15 872 582, ammont li jirrappreżenta żieda ta' 40,89 % meta mqabbel mal-2015; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni; billi ż-żieda kienet dovuta għall-kompiti ġodda supplimentari li wessgħu l-mandat tagħha, fosthom it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija;

C.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-‘Qorti’), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija għas-sena finanzjarja 2016 (ir-‘rapport tal-Qorti’), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2014

1.  Ifakkar fil-fatt li, skont il-Ftehim dwar is-Sede bejn l-Aġenzija u l-Gvern Sloven, għandha tiġi stabbilita Skola Ewropea fis-Slovenja; jiddispjaċih, madankollu, li aktar minn erba' snin wara l-ftehim, għadha ma twaqqfet l-ebda Skola Ewropea;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2016 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 98,11 %, li tfisser li l-Aġenzija laħqet l-objettiv ippjanat tagħha u li dan jirrappreżenta żieda ta' 3,02 % meta mqabbel mal-2015; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 59,95 %, li tfisser tnaqqis ta' 14,93 % meta mqabbel mal-2015;

Impenji u riporti

3.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-riporti għat-Titolu III (nefqa operattiva) kienu għoljin ħafna u jammontaw għal EUR 4 900 000 (86 %) tal-approprjazzjonijiet impenjati tagħha, meta mqabbel ma' EUR 1 400 000 (59 %) fl-2015; jinnota, barra minn hekk, li dawk ir-riporti kienu prevalentement relatati man-natura fit-tul tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2) li ammontaw għal EUR 4 700 000 fl-2016, meta mqabbel mal-EUR 1 100 000 fl-2015;

4.  Jinnota mir-risposta tal-Aġenzija li l-livell għoli ta' riporti huwa minħabba t-twaqqit taċ-ċiklu kuntrattwali annwali li kien stabbilit fl-2013, meta fl-aħħar tas-sena l-Aġenzija rċeviet baġit sostanzjali addizzjonali għall-proġett ta' REMIT; jinnota, madankollu, li l-approprjazzjoni ta' impenn għas-sena finanzjarja 2016 taħt il-Kapitolu tal-baġit tan-nefqa ta' REMIT ġiet implimentata fil-livell massimu ta' 100 %; jinnota li l-Aġenzija se tanalizza l-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet baġitarji differenzjati għat-Titolu III; jitlob li l-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bid-deċiżjoni meħuda f'din il-kwistjoni;

5.  Jinnota li r-riporti jistgħu sikwit ikunu ġustifikati, parzjalment jew għalkollox, min-natura pluriennali tal-programmi operattivi tal-aġenziji u ma jindikawx neċessarjament dgħufijiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni tal-baġit, u lanqas ma jmorru dejjem kontra l-prinċipju baġitarju tal-annwalità, b'mod partikolari jekk ikunu ppjanati min qabel mill-Aġenzija u kkomunikati lill-Qorti; jirrimarka, madankollu, li l-perċentwal għoli ta' riporti kanċellati (9,8 %) jista' jitqies sinjal ta' ppjanar impreċiż tal-baġit;

Politika tal-persunal

6.  Jinnota li, fi tmiem l-2016, l-Aġenzija impjegat 112-il membru tal-persunal, 60 membru temporanju (minn 69 post tax-xogħol awtorizzat fil-qafas tal-baġit tal-Unjoni), 26 membru b'kuntratt, 4 esperti nazzjonali sekondati, 12-il trainee, 8 membri temporanji permezz ta' aġenzija u 2 esperti mill-US Federal Energy Regulatory Commission; jinnota li fl-2016 l-Aġenzija rċeviet 15-il pożizzjoni addizzjonali ta' aġenti temporanji; jinnota li min-numru tal-postijiet tax-xogħol okkupati kollha, il-proporzjon tal-bilanċ bejn is-sessi kien 38 % fil-każ tan-nisa filwaqt li 62 % fil-każ tal-irġiel;

7.  Josserva li, skont l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni tal-karigi, 75,20 % tal-impjiegi tal-Aġenzija kienu operattivi, 19,01 % kienu fil-qasam tal-appoġġ u l-koordinament amministrattivi u 5,79 % kienu newtrali;

8.  Jisħaq fuq il-fatt li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għandu jkun parti mill-politika tal-persunal tal-Aġenzija; jinnota li l-baġit li ntefaq għal kull membru tal-persunal għal attivitajiet ta' benesseri jammonta għal EUR 133,12 u li fl-2016 ġiet organizzata away day għall-persunal; josserva li n-numru medju ta' liv minħabba mard kien sitt ijiem għal kull membru tal-persunal;

9.  Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni adottata fl-2017 tal-Bord tal-Amministrazzjoni dwar il-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali; isostni s-sessjoni ta' taħriġ u informazzjoni organizzati biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-persunal;

10.  Japprezza l-fatt li l-Aġenzija ma rċeviet l-ebda lment, azzjoni legali jew każijiet irrapportati marbuta mal-ingaġġ jew mat-tkeċċija ta' membri tal-persunal fl-2016;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza u demokrazija

11.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija fl-2016 kompliet timplimenta l-politiki tagħha relatati mal-etika u l-integrità, bħall-politika dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess kif ukoll il-politiki kontra l-frodi u l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jinnota li fl-2016 ma kien hemm l-ebda każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta fl-Aġenzija;

12.  Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat, fis-sit web tagħha, id-dikjarazzjonijiet ta' interess u s-CVs kollha tal-membri tal-Bord ta' Regolaturi u tas-supplenti tagħhom;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni, li daħlet fis-seħħ f'Novembru 2017, dwar l-introduzzjoni ta' reġistru tal-laqgħat tad-Direttur tal-Aġenzija mal-partijiet interessati esterni; jistieden lill-Aġenzija taċċelera l-proċess li għandu jkun valutat fil-proċedura ta' kwittanza 2017;

14.  Jinnota r-riżenja ta' membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni, li fil-konfront tiegħu kien ġie identifikat kunflitt ta' interess potenzjali;

15.  Jinnota l-bażi għar-rifjut tal-aċċess għal dokumenti; jistenna li l-Aġenzija tuża bl-akbar legalità u regolarità l-possibbiltà li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti meta tipproteġi data kunfidenzjali jew personali;

Riżultati ewlenin li nkisbu

16.  Jilqa' favorevolment it-tliet riżultati ewlenin identifikati mill-Aġenzija fl-2016, li huma:

   bdiet tagħmel monitoraġġ totali tan-negozjar fil-prodotti tal-enerġija bl-ingrossa fl-Unjoni kollha, b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;
   adottat deċiżjoni li tirrikjedi l-introduzzjoni ta' allokazzjoni tal-kapaċità fil-fruntiera bejn l-Awstrija u l-Ġermanja;
   ħarġet, fuq bażi annwali, ir-Rapport ta' Monitoraġġ tas-Suq tagħha dwar l-ostakli li fadal għas-suq intern tal-enerġija;

17.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Aġenzija tuża l-indikaturi tal-impatti u l-indikaturi tal-eżiti biex tkejjel il-prestazzjoni tagħha; jiddispjaċih, madankollu, li ma hemm l-ebda valutazzjoni sistematika ex-ante rigward l-ippjanar u l-kontrolli, u l-ebda evalwazzjoni sistematika ex post biex titkejjel il-prestazzjoni;

Kontrolli interni

18.  Jinnota li fl-2016 saret valutazzjoni tal-effikaċja ta' 16-il standard ta' kontroll intern (ICSs); jinnota li, bil-għan li jissaħħaħ il-kuntest tal-kontroll, ġew identifikati dawn l-oqsma li ġejjin: governanza u sigurtà informatika, kontinwità tal-operat, ġestjoni tad-dokumenti; josserva li l-Aġenzija kkonformat mar-rekwiżiti minimi ta' kull standard ta' kontroll; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri implimentati;

19.  Japprezza l-fatt li l-ebda dgħufija sinifikanti jew materjali fl-istandards ta' kontroll intern tal-Aġenzija ma saret evidenti fl-2016;

Awditu intern

20.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li s-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni, f'Mejju 2016, għamel rapport tal-awditjar li enfasizza l-bżonn kbir li jiġu ċċarati r-rwoli u l-kompetenzi u li jiġi analizzat il-volum ta' xogħol fiċ-ċellula tal-akkwist bil-għan li jinkisbu proċessi u proċeduri aktar effiċjenti u li jitjiebu b'mod sinifikanti l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-akkwist; jinnota li l-Aġenzija u l-IAS qablu dwar pjan biex tittieħed azzjoni korrettiva; jikkonstata mill-Aġenzija li, mis-sitt rakkomandazzjonijiet, diġà ngħalqu żewġ rakkomandazzjonijiet "importanti ħafna" u tlieta "importanti" u li l-Aġenzija kienet bisħiebha tagħlaq l-aħħar rakkomandazzjoni sa Ottubru 2017; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda;

21.  Jieħu nota tal-fatt li l-IAS għamel valutazzjoni tar-riskju sħiħa u valutazzjoni tar-riskju informatiku fi Frar 2016; jinnota li l-valutazzjoni wasslet għal Pjan ta' Awditjar Strateġiku ġdid għall-Aġenzija għall-perjodu 2017-2019, li fformula t-temi għall-awditjar għall-perjodu ta' ppjanar li jmiss u wassal għal ħames azzjonijiet li kellhom jitlestew sa tmiem l-2017; jistenna b'interess ir-rapportar tal-Aġenzija dwar l-awditjar tal-IAS fir-rapport ta' attività annwali tal-2017 tagħha;

o
o   o

22.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2018(3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) ĠU C 113, 30.3.2016, p. 169.
(2) Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).
(3) Testi adottati, P8_TA(2018)0133.

Aġġornata l-aħħar: 1 ta' Lulju 2019Avviż legali - Politika tal-privatezza